Kawża C-48/09 P

Lego Juris A/S

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Regolament (KE) Nru 40/94 — Trade mark Komunitarja — Forma ta’ prodott adattata għar-reġistrazzjoni bħala trade mark — Reġistrazzjoni tas-sinjal tridimensjonali kompost mill-parti ta’ fuq u żewġt iġnub ta’ brikk Lego — Invalidità ta’ din ir-reġistrazzjoni fuq talba ta’ impriża li tikkummerċjalizza brikks ta’ ġugarell li għandhom l-istess forma u dimensjonijiet — Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament — Sinjal kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku”


Sommarju tas-sentenza

1.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kunċett — Preżenza ta’ karatteristiċi mhux essenzjali mingħajr funzjoni teknika — Nuqqas ta’ effett fuq ir‑raġuni għal rifjut

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

2.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kunċett — Eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku — Nuqqas ta’ effett fuq ir-raġuni għal rifjut

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

3.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessajra għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Kopji servili tal-forma tal-prodott — Eżami fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

4.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

5.        Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku — Perċezzjoni tal-konsumatur medju — Effett

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(e)(ii))

1.        Il-kundizzjoni dwar il-fatt li jaqa’ taħt ir-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, kull sinjal kompost “esklussivament” mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku hija ssodisfatta meta l‑karatteristiċi essenzjali kollha tal-forma jwieġbu għall-funzjoni teknika, peress li l-preżenza ta’ karatteristiċi mhux essenzjali mingħajr funzjoni teknika kienet, f’dan il-kuntest, irrilevanti.

Din l-interpretazzjoni tirrifletti l-idea li l-preżenza ta’ wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri f’sinjal tridimensjonali fejn l-elementi essenzjali kollha huma stipulati mis-soluzzjoni teknika li għaliha dan is-sinjal jagħti espressjoni ma tbiddilx il-konklużjoni li dan is-sinjal huwa kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Minbarra dan, peress li din l-interpretazzjoni timplika li r-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament tapplika biss meta l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma kollha funzjonali, din l‑interpretazzjoni tiżgura li r-reġistrzzjoni ta’ tali sinjal bħala trade mark ma tistax tkun irrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk il‑forma tal-prodott inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist li għandu rwol importanti f’din il-forma.

(ara l-punti 51, 52)

2.        Il-kundizzjoni li forma ta’ prodott ma tistax tkun miċħuda r‑reġistrazzjoni bħala trade mark skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja ħlief jekk hija “neċessarja” sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku msemmi iktar ’il fuq, ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l‑unika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat.

Huwa minnu li, f’ċerti każijiet, l-istess riżultat tekniku jista’ jinkiseb permezz ta’ soluzzjonijiet differenti. Għalhekk, jista’ jkun hemm forom alternattivi, li jkollhom dimensjonijiet jew disinn ieħor, li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku. Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex per se bħala konsegwenza li reġistrazzjoni bħala trade mark tal-forma inkwistjoni tħalli intatta d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika li hija tinkorpora għall-operaturi ekonomiċi l-oħra. F’dan ir-rigward, skont l‑Artikolu 9(1) tal‑imsemmi regolament, ir-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jipprojbixxi lill-impriżi l-oħra mhux biss l-użu tal-istess forma, iżda wkoll l-użu ta’ forom li jixxiebhu. Hemm ir-riskju li numru sinjifikattiv ta’ forom alternattivi jsiru inutilizzabbli mill-kompetituri ta’ dan il-proprjetarju. Dan ikun partikolarment hekk f’każ ta’ kumulu ta’ reġistrazzjonijiet ta’ diversi forom esklużivament funzjonali ta’ prodott, kumulu li jkun hemm riskju li jipprekludi kompletament lil impriżi oħra li jimmanifatturaw u li jikkummerċjalizzaw ċerti prodotti li għandhom funzjoni teknika partikolari.

(ara l-punti 53-57)

3.        Is-sitwazzjoni ta’ impriża li tkun żviluppat soluzzjoni teknika fir-rigward ta’ kompetituri li jqiegħdu fis-suq kopji servili tal-forma ta’ prodott li tinkorpora eżattament l-istess soluzzjoni ma tistax tkun protetta billi jingħata monopolju lil din l-impriża permezz tar-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal tridimensjonali kompost minn din il-forma iżda tista’, skont il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali.

(ara l-punt 61)

4.        Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huma debitament identifikati mill-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark. Għalhekk, l‑espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tfisser l‑elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal.

L-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi essenzjali għandha ssir każ b’każ. Fil-fatt, ma teżisti ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu. Min-naħa l-oħra, fir-riċerka tagħha tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ kemm tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew tipproċedi, l-ewwel nett, għal eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal.

L-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva ta’ dan is-sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

Ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma identifikati, hija l-awtorità kompetenti li għandha tivverifika jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux għall-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, l‑Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-imsemmi regolament ma jistax japplika meta l‑applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element mhux funzjonali, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist, għandu rwol importanti. F’dan il-każ, l-impriżi kompetituri għandhom faċilment aċċess għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’mod li ma jeżistix riskju li d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika tkun milquta. Din is-soluzzjoni tista’, f’din l-ipoteżi, tiġi inkorporata mingħajr diffikultà mill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark fil-forom ta’ prodott li ma għandhomx l-istess element mhux funzjonali li għandha l-forma tal-prodott ta’ dan il-proprjetarju u li, fir-rigward tagħha, għalhekk ma humiex la identiċi u lanqas jixxiebhu.

(ara l-punti 68-72)

5.        Il-perċezzjoni preżunta tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, iżda tista’, tal-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l‑karatteristiċi essenzjali tas-sinjal.

(ara l-punt 76)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Settembru 2010 (*)

“Appell – Regolament (KE) Nru 40/94 – Trade mark Komunitarja – Forma ta’ prodott adattata għar-reġistrazzjoni bħala trade mark – Reġistrazzjoni tas-sinjal tridimensjonali kompost mill-parti ta’ fuq u żewġt iġnub ta’ brikk Lego – Invalidità ta’ din ir-reġistrazzjoni fuq talba ta’ impriża li tikkummerċjalizza brikks ta’ ġugarell li għandhom l-istess forma u dimensjonijiet – Artikolu 7(1)(e)(ii) ta’ dan ir-regolament – Sinjal kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja għall-kisba ta’ riżultat tekniku”

Fil-Kawża C‑48/09 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2009

Lego Juris A/S, stabbilita fi Billund (id-Danimarka), irrappreżentata minn V. von Bomhard u T. -Dolde, avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

appellat fl-ewwel istanza,

Mega Brands Inc., stabbilita fi Montréal (Canada), irrappreżentata minn P. Cappuyns u C. De Meyer, avukati,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. Von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer, sussegwentement P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2009,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Jannar 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Lego Juris A/S titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”) tat-12 ta’ Novembru 2008, Lego Juris A/S vs UASI – Mega Brands (Brikk tal-Lego Ħamra) (T‑270/06, Ġabra p. II‑3117, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord Suprem tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tal-10 ta’ Lulju 2006 (Każ R 856/2004‑G, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) dwar talba għal annullament.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), intitolat “Sinjali li jistgħu jintużaw fi trade mark Komunitarja” jipprovdi:

“Trade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali, disinnji, ittri, numri, il-forma ta’ prodotti jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra.”

3        L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Raġunijiet assoluti għal rifjut” jipprovdi:

“1.       Dawn li ġejjin ma jistgħux jiġu rreġistrati:

a)       sinjali li ma jikkonformawx mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4;

b)       trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv;

c)       trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ngħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi;

d)       trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jkunu saru użanza tal-lingwa tal-mument jew tal-prattika bona fide u stabbilita tal-kummerċ;

e)       sinjali li jikkonsistu esklussivament f’dawn li ġejjin:

i)       forma li tirriżulta min-natura tal-prodotti nfushom;

         jew

ii)       forma ta’ merkanzija li hija neċessarja sa biex jinkiseb riżultat tekniku;

         jew

iii)      forma li tagħti valur sostanzjali lill-prodotti;

f)      trade marks li jmorru kontra l-ordni publiku jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità;

[…]

3.       Il-paragrafu 1(b), (ċ) u (d) m’għandhomx japplikaw jekk it-trade mark tkun saret distintiva fir-rigward tal-prodotti jew is-servizzi li għalihom tkun qiegħda tintalab ir-reġistrazzjoni minħabba l-użu li jkun sar ta’ din it-trade mark.”

4        Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”:

“It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklussivi fiha. Il‑proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il‑kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

a)      kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

b)      kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l‑identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

c)      kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.”

5        L-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 40/94, intitolat “Raġunijiet assoluti ta’ invalidità” jipprovdi:

“1.       Trade mark Komunitarja għandha tiġi ddikjarata bħala invalida wara applikazzjoni [talba] lill-[UASI] jew fuq il-bażi ta’ kontrotalba fi proċedimenti ta’

a)       meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ […] l-Artikolu 7;

b)       meta l-applikant jkun aġixxa morożament meta jkun ippreżenta l‑applikazzjoni għat-trade mark.

2.       Meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet reġistrata bi ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d), tista’ madanakollu ma tiġix iddikjarata invalida jekk, b’konsegwenza ta’ l-użu li jkun sar minnha, hija tkun wara r-reġistrazzjoni akkwistat karattru distintiv fir-rigward tal-prodotti jew servizzi li għalihom tkun reġistrata.

3.       Jekk ir-raġuni ta’ invalidità tkun tessisti biss fir-rigward ta’ xi wħud mill-prodotti jew servizzi li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, it-trade mark għandha tiġi dikjarata bħala invalida fir-rigward ta’ dawk l-prodotti jew servizzi biss.”

6        Ir-Regolament Nru 40/94 tħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1) li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti, il-kawża tibqa’ rregolata bir-Regolament Nru 40/94.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

7        Fl-1 ta’ April 1996, Kirkbi A/S (iktar ’il quddiem “Kirkbi”, kumpannija li d‑drittijiet tagħha nkisbu mill-appellanti, ippreżentat applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-UASI b’mod partikolari għall-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni “logħob u ġugarelli” fil-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Nice”). It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija s-sinjal tridimensjonali ta’ kulur aħmar riprodott iktar ’il quddiem:

Image not found

8        L-UASI informa lil Kirkbi bl-intenzjoni tiegħu li jiċħad din l-applikazzjoni għar-raġuni, minn naħa, li s-sinjal inkwistjoni kien jirrappreżenta biss sempliċi forma ta’ brikk ta’ ġugarell u li ma huwiex ta’ karattru distintiv [Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94], u, min-naħa l-oħra, li dan is-sinjal huwa kompost esklużivament mill-forma ta’ prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku [Artikolu 7(1)(e)(ii) tal-istess regolament]. L-UASI madankollu aċċetta li jisma’ lil Kirkbi u eżamina osservazzjonijiet u provi addizzjonali prodotti minnha. Abbażi ta’ dawn l-elementi, dan ikkonkluda li s-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kien kiseb karattru distintiv fl-Unjoni Ewropea u ma kienx esklużivament kompost mill-forma tal-prodott li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

9        Wara din il-proċedura ta’ eżami, it-trade mark inkwistjoni ġiet irreġistrata fid-19 ta’ Ottubru 1999.

10      Fil-21 ta’ Ottubru 1999, Ritvik Holdings Inc. (iktar ’il quddiem “Ritvik”), kumpannija li d-drittjiet tagħha nkisbu minn Mega Brands Inc. (iktar ’il quddiem “Mega Brands”), talbet li tiġi ddikjarata l-invalidità ta’ din it-trade mark skont l‑Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, għall-“ġugarelli tal-kostruzzjoni ta’ bini” fil-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nice, fejn sostniet li r-reġistrazzjoni tagħha tmur kontra r-raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1)(a),(e) (ii) u (iii) u (f) tal-istess regolament.

11      Fit-8 ta’ Diċembru 2000, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-UASI ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet il-kawża li ulterjorment tat lok għas-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, Ġabra p. I‑5475) dwar l-interpretazzjoni tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tal-ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), dispożizzjoni li l‑kitba tagħha tikkorrispondi għal dik tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Il-proċedura quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kompliet fil-31 ta’ Lulju 2002.

12      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2004, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat it‑trade mark inkwistjoni invalida għall-“ġugarelli tal-kostruzzjoni ta’ bini” fil-klassi 28 skont il-Ftehim ta’ Nice, abbażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, billi kkunsidrat li t-trade mark inkwistjoni kienet komposta esklużivament mill-forma tal-prodotti li hija neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

13      Fl-20 ta’ Settembru 2004, l-appellanti appellat mid-deċiżjoni tad- Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

14      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Suprem tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell bħala infondat, u kkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kienu sodisfatti f’dan il-każ.

15      Il-Bord Suprem tal-Appell l-ewwel nett qies, fil-punt 33 tad-deċiżjoni kkontestata, li oġġezzjoni mqajma skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma setgħetx titwarrab abbażi ta’ stħarriġ ta’ opinjoni jew ta’ studji tas-suq, peress li, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-prova tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu ma tistax iċċaħħad lis-sinjal eżaminat mill-karattru funzjonali tiegħu. Fil-punt 36 ta’ din id-deċiżjoni, dan żied li forma li l‑karatteristiċi essenzjali tagħha jikkorrispondu għal funżjoni teknika ma taħrabx mill-projbizzjoni ta’ reġistrazzjoni jekk hija jkollha element arbitrarju minuri bħal ma huwa kulur.

16      Fil-punt 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Suprem tal-Appell ikkonstata li l‑brikk Lego “huwa kkaratterizzat, fil-parti ta’ fuq tiegħu, b’żewġ fillieri simetriċi ta’ erba’ [projezzjonijiet] ċilindriċi ċatti”.

17      Sussegwentement, fil-punti 39 u 40 tal-istess deċiżjoni, dan il-Bord ikkunsidra li, jekk huwa minnu li ċ-ċirkustanza li sinjal isir jew ikun ukoll is-suġġett ta’ privattiva ma jikkostitwixxix, fih innifsu, ostakolu għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ invenzjonijiet li l-forma tagħhom ma hijiex għal kollox funzjonali minħabba l-preżenza ta’ elementi ta’ tiżjin jew arbitrarji, xorta jibqa’ l-fatt li privattiva preċedenti hija prattikament prova inkonfutabbli li l-karatteristiċi li hija turi jew issostni huma funzjonali.

18      Sussegwentement, il-Bord Suprem tal-Appell ikkonferma, fil-punti 41 sa 55 tad-deċiżjoni kontestata, l-evalwazzjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċelazzjoni skont liema kull wieħed mill-elementi tal-forma tal-brikk Lego, u għaldaqstant dan il-brikk fl-intier tiegħu, huwa neċessarju sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Dan ibbaża din il‑konklużjoni fuq l-analiżi magħmula mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-privattivi preċedenti tal-appellanti. Skont il-Bord Suprem tal-Appell, l-elementi determinanti ta’ din l-analiżi kienu li ġejjin:

“42      Il-brikk ta’ ġugarell li jingħaqdu [...] oriġinali, il-prekursur tal-brikk Lego, kien ġie inventat minn Harry Fisher Page u protett minn diversi privattivi Brittaniċi: il-privattiva Nru 529 580 mogħtija fil-25 ta’ Novembru 1940, il‑privattiva Nru 587 206 mogħtija fis-17 ta’ April 1947, il-privattiva Nru 633 055 mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 1949, il-privattiva Nru 673 857 mogħtija fid-19 ta’ Lulju 1950 u l-privattiva Nru 866 557 mogħtija fis-26 ta’ April 1961. [Dawn] il-privattivi [...] kienu jkopru brikk li kellha l-istess dimensjonijiet u l-istess [projezzjonijiet] ċirkolari [...] bħall-brikk Lego [...]

43      Fir-rigward tal-[projezzjonijiet] li jinsabu fil-parti ta’ fuq tal-brikk Lego, id‑[Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni] kkonkludiet li:

‘[...] il-privattiva [...] Nru 866 557 [...] uriet [li l-brikks] kien fihom [...] [projezzjonijiet] fuq il-parti ta’ fuq tagħhom [...], li kienu f’żewġ fillieri paralleli u kull par b’mod trasversali [u] mifruxin uniformement f’sens trasversali u lonġitudinali. Din hija preċiżament id-dispożizzjoni tal-[projezzjonijiet] fuq il-parti ta’ fuq [tal-brikk Lego]: tmien [projezzjonijiet] f’żewġ fillieri u kull par trasversali, spazji uniformement [...]. L-għan ta’ dawn il-[projezzjonijiet] huwa li jingħaqdu fil-parti t’isfel tal-brikks ta’ ġugarell sabiex ikunu jistgħu jsiru diversi mmuntaturi jew żarmar.’

44      Id-[Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni] kkonkludiet ukoll li l-istess invenzjoni b’[projezzjonijiet] fuq il-parti ta’ fuq tal-brikk Lego kienet ġiet żvelata fi[l]-privattiva [...] Nru 587 206. [...]

[…]

Id-Diviżjoni tirrileva li l-figura 1 ta’ din il-privattiva tirrappreżenta żewġ fillieri simetriki ta’ erba’ [projezzjonijiet] ċilindriċi li jinsabu fil-parti ta’ fuq tal-brikk privattivata, li tidher identika għall-brikk Lego inkwistjoni, iżda mingħajr il-kulur aħmar [...]

45      Il-proprjetarju stess ammetta quddiem il-Bord li l-privattivi msemmija iktar ’il fuq jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-brikk Lego u li l-eżistenza tal-[projezzjonijiet] hija neċessarja sabiex il-brikks ta’ ġugarell [...] li jingħaqdu flimkien jistgħu jwettqu l-funzjoni tagħhom.

[…]

47      Iż-żewġ fillieri simetriki ta’ erba’ [projezzjonijiet] ta’ forma ċilindrika li jinsabu fil-parti ta’ fuq tal-brikk privattivata kienu il-‘forma preferita’ tal-invenzjoni murija bil-figura 1 tal-privattiva [...] Nru 587 206 [...]. Bl-istess mod, id-[Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni] kkonkludiet li l-[...] privattiva [...] Nru 866 557 [...] ‘tafferma li l-forma ċilindrika tal-[projezzjonijiet] [hija] ‘il-metodu ta’ twettiq preferit’ tal-projezzjonijiet [...]’. [...]

[…]

51      Minbarra dan, id-[Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni] kkonkludiet li l-għoli relattiv tal-[projezzjonijiet] ma’ dak tal-ġnub tal-brikk jinfluwenza s-‘saħħa tal-qbid’. Jekk il-proporzjon huwa żgħir wisq, il-brikks ikunu żarmati iktar faċilment [...]. Bil-kontra, jekk il-proporzjon huwa kbir wisq [...], is-saħħa [...] neċessarja sabiex jinfirdu l-brikks tkun pjuttost kbira [...] [u] tifel li jkun qed jilgħab waħdu ma jkunx jista’ jissepara faċilment il-brikks.

[…]

53      Il-Bord jirrileva li l-funzjoni teknika tad-dimensjonijiet u tal-pożizzjoni relatati ma’ [projezzjonijiet] [...] hija deskritta kif ġej fil-privattiva [...] Nru 866 557:

‘Id-dimensjonijiet u pożizzjonijiet relatati ma’ [projezzjonijiet] għandhom jikkorrisondu għal relazzjoni speċifika u, skont il-karatteristika prinċipali tal-invenzjoni, il-[projezzjonijiet fuq il-parti ta’ fuq tal-brikk] huma mifruxa uniformement fis-sens lonġitudinali u trasversali [...]’

54      Id-[Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kkonkludiet] li d-diversi karatteristiċi tal-brikk Lego jissodisfaw kull waħda mill-funzjonijiet tekniċi partikolari, jiġifieri:

–      il-[projezzjonijiet fuq il-parti ta’ fuq tal-brikk]: għoli u d-dijametru għas-saħħa tal-qbid; numru għall-versatilità tal-immuntaturi; dispożizzjoni għall-kunfigurazzjonijiet tal-immuntaturi;

–      il-projezzjonijiet [ġewwa l-brikk]: saħħa tal-qbid, numru għall-aħjar saħħa ta’ qbid fil-pożizzjonijiet kollha; […]

–      il-ġnub: magħquda ma’ ġnub ta’ brikks oħra sabiex jinkiseb ħajt;

–      forma konkava : sabiex jingħaqdu fil-[projezzjonijet fil-parti ta’ fuq tal-brikk] u jkun jista’ jsir l-immuntar […];

–      forma globali: forma ta’ brikk ta’ kostruzzjoni; daqs li tifel jista’ jżomm f’idu.

55      Il-Bord ikkonferma l-konklużjonijiet tad-deċiżjoni [tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni], għar-raġuni li huma solidament sostnuti mill-provi analizzati iktar ’il fuq. Minbarra dan, il-Bord jikkonkludi li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni bl-ebda mod ma ħolqot distorsjoni jew interpretat ħażin il‑provi.

[…]

62      [...][M]a hemm ebda dubju li [l-] karatteristika dominanti [tal-brikk Lego] – iż-żewġ fillieri ta’ [projezzjonijiet] fuq il-parti ta’ fuq – hija ddestinata sabiex tagħti lil sempliċi brikk ta’ ġugarell, li għandu d-dimensjonijiet ta’ wisgħa, ta’ tul u ta’ fond proporzjonali ta’ veru brikk ta’ kostruzzjoni, il‑mekkaniżmu ta’ qbid versatili u b’saħħtu [...] li dawn il-brikks għandhom ikunu jistgħu jkunu manipolati minn tifel. Il-karatteristiċi tal-brikk Lego ġew manifestament adottati sabiex tingħata tweġiba għall-funzjoni utilitarja msemmija iktar ’il fuqq tal-brikk Lego u mhux għal għanijiet ta’ identifikazzjoni [...]

63      Konsegwentement [...], il-Bord [japprova] d-deċiżjoni [tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni] li l-brikk Lego hija totalment funzjonali, peress li ma fiha ebda element arbitrali jew ta’ tiżjin. [...] Għalhekk, il-Bord jista’ japplika lill-brikk Lego [...] il-formulazzjoni tas-sentenza Philips, [iċċitata iktar ’il fuq,], jiġifieri li ‘l-karatteristiċi funzjonali essenzjali tal-għamla [...] huma dovuti biss għar-riżultat tekniku’.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Settembru 2006, l‑appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

20      Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti invokat motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Dan il-motiv kien maqsum f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel nett, fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ din id‑dispożizzjoni u, it-tieni, fuq l-evalwazzjoni żbaljata tas-suġġett tat-trade mark inkwistjoni.

21      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-motiv, l-appellanti sostniet li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx intiż li jeskludi forom funzjonali per se mir-reġistrazzjoni bħala trade mark. Il-kwistjoni determinanti kienet, fil-fehma tagħha, jekk il-protezzjoni bħala trade mark toħloqx monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji tal-forma inkwistjoni.

22      Il-Qorti Ġenerali qieset li dan l-argument ma setax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-motivi essenzjali ta’ din il-konklużjoni huma li ġejjin:

“37       […] essenzjalment, ir-rikorrenti tallega li l-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell interpreta b’mod żbaljat il-portata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, u b’mod partikolari t-termini ‘esklu[ż]ivament’ u ‘neċessarja’, billi kkunsidra li l-eżistenza ta’ forom alternattivi funzjonalment ekwivalenti li jużaw l-istess soluzzjoni teknika ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

38       F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-kelma ‘esklu[ż]ivament’, preżenti kemm fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 kemm fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva [89/104], għandha tinqara fid-dawl tal-espressjoni ‘karatteristiċi essenzjali li jissodisfaw funzjoni teknika’ użata fil-punti 79, 80 u 83 tas-sentenza Philips [iċċitata iktar ’il fuq]. Fil-fatt, minn din l-espressjoni jirriżulta li ż-żieda ta’ karatteristiċi li ma humiex essenzjali u li m’għandhomx funzjoni teknika ma tfissirx li forma tista’ tevita li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ raġuni assoluta ta’ rifjut jekk il-karatteristiċi essenzjali tal-imsemmija forma jissodisfaw tali funzjoni. Għaldaqstant, il-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell wettaq ġustament l-analiżi tiegħu tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni, fir-rigward tal-karatteristiċi li huwa kkunsidra essenzjali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li huwa interpreta b’mod korrett it‑terminu ‘esklu[ż]ivament’.

39       Fit-tieni lok, mill-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips [iċċitata iktar ’il fuq] jirriżulta li l-frażi ‘neċessarja sa biex jinkiseb riżultat tekniku’, preżenti kemm fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-[D]irettiva [89/104] ma tfissirx li din ir-raġuni assoluta għal rifjut ma tapplikax [ħlief] meta l-forma inkwistjoni hija l-unika li tippermetti l-ksib tar-riżultat previst. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 81 [ta’ din is-sentenza] li ‘l-eżistenza ta’ forom oħrajn li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku [ma hijiex] ta’ natura tali li teskludi r-raġuni għal rifjut’ u, fil-punt 83 [ta’ din is-sentenza] li ‘[i]r‑reġistrazzjoni ta’ sinjal ikkostitwit [mill]-forma [inkwistjoni, hija eskluża], anki jekk ir-riżultat tekniku inkwistjoni jista’ jinkiseb permezz ta’ [forom] oħra[jn]’. Għaldaqstant, sabiex din ir-raġuni assoluta għal rifjut tapplika, huwa suffiċjenti li l-karatteristiċi essenzjali tal-forma jkunu magħmulin mill-karatteristiċi kawżali u suffiċjenti għall-ksib tar-riżultat tekniku previst, b’tali mod li huma jkunu attribwibbli għar-riżultat tekniku. Minn dan jirriżulta li l-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell ma wettaqx żbalji meta kkunsidra li t-terminu ‘neċessarja’ ifisser li l-forma hija meħtieġa sabiex jinkiseb riżultat tekniku, anki jekk dan tal-aħħar jista’ jinkiseb permezz ta’ forom oħra.

40       Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li, bil-kontra ta’ dak li tallega r-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet, fil-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips [iċċitata iktar ’il fuq], ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ ‘[forom] oħra[jn] li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku’ mingħajr ma tiddistingwi bejn il-forom li jużaw ‘soluzzjoni teknika’ oħra minn dawk li jużaw l-istess ‘soluzzjoni teknika’.

[…]

43       Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ kull forma kkostitwita esklużivament, fil-karatteristiċi essenzjali tagħha, mill-forma tal-prodott teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn li jużaw l-istess prinċipju tekniku jew prinċipju tekniku ieħor.

44       Konsegwentement, għandu jiġi osservat li l-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell ma interpretax b’mod żbaljat l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.”

23      Fil-kuntest tat-tieni parti tal-motiv ippreżentat insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, l-appellanti akkużat lill-Bord Suprem tal-Appell li ma identifikax kif xieraq il-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni u li b’mod żbaljat evalwa n-natura funzjonali ta’ din il-forma.

24      Hija allegat, minn naħa, li l-Bord Suprem tal-Appell kien inkluda fl-eżami tiegħu elementi irrilevanti, bħall-ġenb tal-brikk Lego li ma jagħmilx parti mis-sinjal tridimensjonali inkwistjoni, jiġifieri l-parti ta’ isfel moħwija ta’ dan il-brikk. Min-naħa l-oħra, dan il-Bord Suprem tal-Appell kien aċċetta mingħajr analiżi kritika l‑perizja proposta u finanzjata minn Mega Brands, u, fl-istess ħin, naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni, fl-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma kkonċernata, informazzjoni rilevanti ppreżentata mill-appellanti, bħal dik dwar il‑perċezzjoni ta’ din il-forma mill-perspettiva tal-konsumaturi.

25      Din it-tieni parti kienet ukoll ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali. Din b’mod partikolari kkonstatat kif ġej:

“70       Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti ssostni li l-istabbiliment tal-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni għandu jsir mill-perspettiva tal-konsumatur u li l-analiżi għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-investigazzjonijiet fuq il‑konsumaturi, għandu jiġi osservat li din id-determinazzjoni ssir, fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, bl-għan preċiż li tippermetti l-eżami tal-funzjonalità tal-forma inkwistjoni. Issa, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju mhijiex rilevanti għall-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma. Fil-fatt, il-konsumatur rilevanti jista’ ma jiddisponix mill-għarfien tekniku neċessarju għall-evalwazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma, b’tali mod li ċerti karatteristiċi jistgħu jkunu essenzjali mill-perspettiva tiegħu filwaqt li mhumiex essenzjali fil-kuntest ta’ analiżi tal-funzjonalità u viċeversa. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-karatteristiċi essenzjali ta’ forma għandhom jiġu stabbiliti, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, b’mod oġġettiv, mir-rappreżentazzjoni grafika tagħhom u mill-eventwali deskrizzjonijiet ippreżentati waqt l-applikazzjoni għal trade mark.

[…]

72      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega [wkoll] li l-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell naqas milli jidentifika l-karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni u li ma eżaminax il-forma inkwistjoni, iżda eżamina l-brikk Lego fit-totalità tagħha u inkluda fl-analiżi tiegħu elementi inviżibbli bħalma huma n-naħa t’isfel li hija moħwija [...]

[…]

75      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din [l]-analiżi [magħmula mill-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell] tinkludi [...] l-elementi viżibbli kollha fuq [is-sinjal inkwistjoni] li kull wieħed minnhom jissodisfa [skont il-punt 54 tad-deċiżjoni kkontestata] funzjonijiet tekniċi partikolari [...]. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ebda element tal-inkartament [proċess] ma jippermetti li tiġi kkontestata l-eżat[t]ezza tal-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi bħala karatteristiċi essenzjali tal-forma inkwistjoni.

76      Issa, peress li l-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell identifika korrettament il-karatteristiċi essenzjali kollha tal-forma inkwistjoni, il-fatt li huwa ħa inkunsiderazzjoni wkoll karatteristiċi oħrajn ma jaffettwax il-legalità tad-deċiżjoni [kkontestata].

[…]

78      [Sussegwentement] għandu jiġi enfasizzat li xejn ma jeskludi, fil-kuntest tal-analiżi tal-funzjonalità tal-karatteristiċi essenzjali stabbiliti b’dan il-mod, li l-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell jista’ jikkunsidra elementi inviżibbli tal-brikk Lego, bħalma huma n-naħa t’isfel li hija moħwija u l‑projezzjonijiet sekondarji, kif ukoll kull element ta’ prova rilevanti ieħor. Fil-kawża preżenti, il-Bord Superjuri [Suprem] tal-Appell irrefera f’dan ir‑rigward għall-privattivi preċedenti tar-rikorrenti, għall-fatt li din tal-aħħar ammettiet li dawn il-privattivi jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-brikk Lego u [għall-]perizji [...]

79      […] Fir-rigward tal-perizja [...] li saret u ġiet iffinanzjata mill-[Mega Brands], [...] il-privattivi preċedenti jsaħħu l-konstatazzjonijiet ta’ [l-awtur ta’ din il-perizja] f’dak li jirrigwarda l-funzjonalità tal-karatteristiċi tal-brikk Lego [...]”

 It-talbiet tal-partijiet

26      L-appellanta titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tannulla s-sentenza appellata

–      tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–       tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

27      L-UASI u Mega Brands jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–      tiċħad l-appell, u

–       tikkundanna lill-appellanta għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

28      L-appellanti tinvoka aggravju uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Dan l-aggravju huwa maqsum f’tliet partijiet.

 Fuq l-ewwel parti, dwar l-interpretazzjoni żbaljata tas-suġġett u tal-portata tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

29      L-appellanti tesponi li, jekk huwa minnu li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ forom li l-protezzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq restrizzjoni illeġittima għall-kompetituri, din id‑dispożizzjoni ma għandhiex, min-naħa l-oħra, bħala għan li tipprojbixxi r‑reġistrazzjoni ta’ kull forma li tikkorrispondi għal funzjoni teknika. Ir‑reġistrazzjoni ta’ forma ma għandhiex tkun eskluża ħlief fl-ipoteżi fejn twassal sabiex tagħti monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew fuq karatteristiċi utilitarji.

30      F’dan ir-rigward, l-espressjoni “soluzzjoni teknika” għandha tkun distinta mit-termini “riżultat tekniku” peress li riżultat tekniku jista’ jinkiseb permezz ta’ soluzzjonijiet differenti. L-appellanti ssostni li, meta jeżistu diversi forom ekwivalenti mill-aspett funzjonali, il-protezzjoni, favur impriża, ta’ forma speċifika bħala trade mark ma tipprekludix lill-kompetituri milli japplikaw l-istess soluzzjoni teknika.

31      Il-Qorti Ġenerali kienet għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta affermat, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li minħabba r-raġunijiet indikati fil-punti 37 sa 42 tagħha, li l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 jipprekludi r-reġistrazzjoni ta’ forma anki jekk ir-riżultat tekniku jista’ jintlaħaq permezz ta’ forma oħra li tuża l‑istess soluzzjoni teknika. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni li l-eżistenza ta’ forom alternattivi hija rilevanti ferm, peress li hija turi li ma hemmx riskju li jinħoloq monopolju. Fl-istess ħin, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li, ta’ spiss, l-istess invenzjoni privattivata tista’ titwettaq permezz ta’ diversi forom. Barra minn hekk dan il-każ jaqa’ taħt din l-ipoteżi, peress li l-kompetituri tal-appellanti kienu perfettament fil-pożizzjoni li japplikaw l-istess soluzzjoni teknika mingħajr ma jikkopjaw il-forma tal-brikk Lego.

32      L-appellanti tqis minbarra dan li, meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-tagħlim tas-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq. Hija ssostni f’dan ir-rigward li, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma kkunsidrat li l-eżistenza ta’ forom alternattivi hija rrilevanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat biss, fil-punti 83 u 84 ta’ din is-sentenza, li, ladarba l‑kundizzjonijiet tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huma sodisfatti, ma kien hemm ebda interess li wieħed isir jaf jekk forom alternattivi jeżistux jew le.

33      Mega Brands, min-naħa tagħha, issostni li r-reġistrazzjoni tas-sinjal inkwistjoni bħala trade mark tippermetti lill-appellanti li tipprekludi kull kompetitur milli juża, fis-suq tal-brikks ta’ ġugarell, l-aħjar forma u l-iktar funzjonali. L-appellanti għalhekk tikseb mill-ġdid il-monopolju li hija kienet tgawdi minnu għal darb’oħra minħabba l-privattivi tagħha.

34      Filwaqt li tammetti li s-sempliċi żvelar ta’ forma f’privattiva ma tikkostitwixxix per se ostakolu li din il-forma tkun irreġistrata bħala trade mark, Mega Brands tipprovdi li tali żvelar huwa madankollu indikazzjoni qawwija li din il-forma hija esklużivament stipulata skont il-funzjoni tagħha.

35      Skont l-UASI, l-argument tal-appellanti jmur kontra l-kelma u l-ispirtu tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. Il-preżenza f’din id-dispożizzjoni tal-kliem “esklussivament” u “neċessarja” ma timplikax, skont l-UASI li l-forom intrinsikament neċessarji sabiex tiġi sodisfatta l-funzjoni mixtieqa biss huma projbiti fir-reġistrazzjoni. Ir-raġuni għal rifjut inkwistjoni jirrigwarda l-forom essenzjalment funzjonali kollha attribwibbli għar-riżultat.

36      L-UASI tosserva wkoll li, jekk l-argument tal-appellanti kien milqugħ, il-libertà ta’ aċċess tal-kompetituri għall-forom alternattivi ma hijiex garantita. Fil-fatt, ir‑reġistrazzjoni inkwantu trade mark ta’ forma speċifika tippermetti sussegwentement lill-appellanti li tipprojbixxi mhux biss kull forma identika, iżda wkoll forom li jixxiebhu. Dan jikkonċerna, pereżempju, brikks li għandhom projezzjonijiet ftit iktar għoljin jew iktar wesgħin mill-brikk Lego.

37      Fir-rigward tad-distinzjoni bejn it-tipi differenti ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, l-UASI josserva li, minbarra d-dritt ta’ privattivi, id-dritt li tiġi bblokkata l-kompetizzjoni fuq forma huwa b’mod partikolari previst għall-proprjetarji ta’ dritt fuq disinn, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142). Huwa jfakkar madankollu li l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li “[d]isinn Komunitarju ma għandux jeżisti fil-karatteristiċi tad-dehra ta’ prodott li jkunu ddettati biss bil-funzjoni teknika tiegħu”.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

38      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-liġi tat-trade marks tikkostitwixxi element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni fl-Unjoni. F’din is-sistema, kull impriża għandha, sabiex tiġbed lejha l-klijentela permezz tal-kwalità tal-prodotti tagħha jew tas-servizzi tagħha, tkun fil-pożizzjoni li tirreġistra bħala trade marks sinjali li jippermettu lill-konsumatur li jagħmel distinzjoni mingħajr konfużjoni possibbli ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi minn dawk li għandhom provenjenza oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ottubru 2001, Merz & Krell, C‑517/99, Ġabra p. I‑6959, punti 21 u 22; tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club, C‑206/01, Ġabra p. I‑10273, punti 47 u 48, kif ukoll tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, Ġabra p. I‑3569, punti 53 u 54).

39      Il-forma ta’ prodott hija fost is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark. Dan jirriżulta, f’dak li jikkonċerna t-trade mark Komunitarja, mill-Artikolu  4 tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji s-sinjali kollha li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, bħall-kliem, id-disinni, ittri, il-forma tal-prodott u l-imballaġġ tiegħu, sakemm dawn is-sinjali jkunu jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriżi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Henkel vs UASI, C‑456/01 P u C‑457/01 P, Ġabra p. I‑5089, punti 30 u 31).

40      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-forma ta’ brikk Lego kisbet karattru distintiv wara l-użu li sar minnha u għalhekk tikkostitwixxi sinjal li jista’ joħloq distinzjoni bejn il-prodotti tal-appellanti u dawk li huma ta’ provenjenza oħra.

41      L-argument ta’ Ritvik, użat mis-suċċessura tagħha Mega Brands u kkonfermat mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u mill-Bord Suprem tal-Appell kif ukoll mill-Qorti Ġenerali, li l-forma tal-brikk Lego hija madankollu inadegwata għar-reġistrazzjoni bħala trade mark, huwa bbażat fuq l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, li skont it-termini tiegħu s-sinjali komposti esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku huma miċħuda fir-reġistrazzjoni.

42      Skont l-appellanti, din id-dispożizzjoni kienet ġiet interpretata b’mod eċċessivament wiesgħa, u għalhekk b’mod żbaljat, mill-Bord Suprem tal-Appell, u sussegwentement mill-Qorti Ġenerali.

43      Sabiex jiġi eżaminat dan l-ilment, għandu jitfakkar li kull waħda mir-raġunijiet għar-rifjut ta’ reġistrazzjoni elenkati fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 għandha tkun interpretata fid-dawl tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħha (sentenza Henkel vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45, kif ukoll tat-12 ta’ Jannar 2006, Deutsche SiSi-Werke vs UASI, C‑173/04 P, Ġabra p. I‑551, punt 59). L‑interess li huwa l-bażi tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huwa li jkun evitat li d-dritt tat-trade marks iwassal sabiex impriża tingħata monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi utilitarji ta’ prodott [ara b’analoġija, fir-rigward tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104, is-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78, u tat-8 ta’ April 2003, Linde et, C‑53/01 sa C-55/01, Ġabra p. I‑3161, punt 72].

44      Ir-regoli ffissati mil-leġiżlatur jirriflettu, f’dan ir-rigward, il-bilanċ ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet li t-tnejn li huma jistgħu jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ sistema ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u leali.

45      Minn naħa, l-introduzzjoni fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 tal-projbizzjoni li jkun reġistrat bħala trade mark kull sinjal kompost mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku tiżgura li impriżi ma jistgħux jużaw id-dritt tat-trade marks sabiex iwettqu, mingħajr limitazzjoni ratione temporis, drittijiet esklużivi li jirrigwardaw soluzzjonijiet tekniċi.

46      Fil-fatt, meta l-forma ta’ prodott kull ma tagħmel huwa li tinkorpora s-soluzzjoni teknika implementata mill-manifattur ta’ dan il-prodott u privattivata fuq l‑applikazzjoni tiegħu, protezzjoni ta’ din il-forma bħala trade mark wara l‑iskadenza tal-privattiva tnaqqas kunsiderevolment u perpetwalment il-possibbiltà għall-impriżi l-oħra li jużaw din is-soluzzjoni teknika. Issa, fis-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali kif żviluppata fl-Unjoni, is-soluzzjonijiet tekniċi biss jistgħu jkollhom protezzjoni għal tul limitat, b’mod li huma jistgħu jkunu użati liberament sussegwentement mill-operaturi ekonomiċi kollha. Hekk kif osserva l-UASI fil-kuntest tal-argument tiegħu li sar sunt tiegħu fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, din il-kunsiderazzjoni hija l-bażi mhux biss tad-Direttiva 89/104 u tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jikkonċerna d-dritt tat-trade marks, iżda wkoll tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-disinji Komunitarji.

47      Barra minn hekk, il-leġiżlatur stabbilixxa b’mod partikolarment rigoruż l‑inkapaċità għar-reġistrazzjoni bħal trade marks tal-forom neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku, fejn eskluda r-raġunijiet għal rifjut stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(e) tar-Regolament Nru 40/94 mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Jirriżulta, għalhekk, mill-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament li, anki jekk forma ta’ prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, permezz tal-użu li jsir minnha, tikseb karattru distintiv, huwa pprojbit li tkun irreġistrata bħala trade mark (ara, b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 89/104, dispożizzoni li hija essenzjalment identika għall-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru  40/94, sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57, u tal-20 ta’ Settembru 2007, Benetton Group, C‑371/06, Ġabra p. I‑7709, punti 25 sa 27).

48      Minn naħa, billi llimita r-raġuni għal rifjut li jinsab fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għas-sinjali komposti “esklussivament” mill-forma tal-prodott “neċessarja” għall-kisba ta’ riżultat tekniku, il-leġiżlatur debitament ikkunsidra li kull forma tal-prodott hija, sa ċertu punt, funzjonali u li konsegwentement ma jkunx xieraq li tkun irrifjutata r-reġistrazzjoni bħala trade mark forma ta’ prodott għas-sempliċi raġuni li hija tippreżenta karatteristiċi utilitarji. Permezz tat-termini “esklussivament” u “neċessarja”, din id‑dispożizzjoni tiżgura li l-forom ta’ prodott li jinkorporaw soluzzjoni teknika biss u li r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark toħloq għalhekk realment l-użu ta’ din is-soluzzjoni teknika permezz ta’ impriżi oħra li jkunu miċħuda r‑reġistrazzjoni.

49      Peress li s-suġġett u l-portata tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 huma għalhekk imfakkra u ppreċiżati, għandu jkun eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali, kif issostni l-appellanti, interpretatx din id-dispożizzjoni b’mod żbaljat.

50      Il-Qorti Ġenerali ġabret l-interpretazzjoni tagħha ta’ din id-dispożizzjoni fil-punt 43 tas-sentenza appellata, fejn qalet li hija “[t]ipprojbixxi r-reġistrazzjoni ta’ kull forma komposta esklużivament, fil-karatteristiċi essenzjali tagħha, mill-forma tal-prodott teknikament kawżali u suffiċjenti sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku previst, anki jekk dan ir-riżultat jista’ jintlaħaq permezz ta’ forom oħrajn li jużaw l-istess prinċipju tekniku jew prinċipju tekniku ieħor”.

51      Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-fatt li jaqa’ taħt din ir-raġuni għal rifjut kull sinjal kompost “esklussivament” mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku, il-Qorti Ġenerali esponiet, fil-punt 38 tas-sentenza appellata, li din il-kundizzjoni hija ssodisfatta meta l-karatteristiċi essenzjali kollha tal-forma jwieġbu għall-funzjoni teknika, peress li l-preżenza ta’ karatteristiċi mhux essenzjali mingħajr funzjoni teknika kienet, f’dan il-kuntest, irrilevanti.

52      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-punt 79 tas-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq. Barra minn hekk, hija tirrifletti l-idea li hija l-bażi ta’ din is-sentenza, hekk kif mogħtija mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża u ripetuta fil-punt 72 tal-konklużjoniiet tiegħu fil-kawża Koninklijke KPN Nederland (sentenza tat-12 ta’ Frar 2004, C‑363/99, Ġabra p. I‑1619), jiġifieri li l-preżenza ta’ wieħed jew ta’ xi elementi arbitrarji minuri f’sinjal tridimensjonali fejn l-elementi essenzjali kollha huma stipulati mis-soluzzjoni teknika li għaliha dan is-sinjal jagħti espressjoni ma tbiddilx il-konklużjoni li dan is-sinjal huwa kompost esklużivament mill-forma tal-prodott neċessarja sabiex jinkiseb riżultat tekniku. Minbarra dan, peress li din l-interpretazzjoni timplika li r-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tapplika biss meta l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma kollha funzjonali, din l-interpretazzjoni tiżgura li r-reġistrzzjoni ta’ tali sinjal bħala trade mark ma tistax tkun irrifjutata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jekk il‑forma tal-prodott inkwistjoni tinkorpora element mhux funzjonali maġġuri, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist li għandu rwol importanti f’din il-forma.

53      Fir-rigward tal-kundizzjoni li forma ta’ prodott ma tistax tkun miċħuda r‑reġistrazzjoni bħala trade mark skont l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ħlief jekk hija “neċessarja” sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku msemmi iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat ġustament, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, li din il-kundizzjoni ma tfissirx li l-forma inkwistjoni għandha tkun l‑unika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat.

54      Huwa minnu, hekk kif issostni l-appellanti, li, f’ċerti każijiet, l-istess riżultat tekniku jista’ jinkiseb permezz ta’ soluzzjonijiet differenti. Għalhekk, jista’ jkun hemm forom alternattivi, li jkollhom dimensjonijiet jew disinn ieħor, li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku.

55       Madankollu, kuntrarjament għal dak li tafferma l-appellanti, din iċ-ċirkustanza ma għandhiex per se bħala konsegwenza li reġistrazzjoni bħala trade mark tal-forma inkwistjoni tħalli intatta d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika li hija tinkorpora għall-operaturi ekonomiċi l-oħra.

56      F’dan ir-rigward, għandu jkun irrilevat, hekk kif josserva l-UASI, li, skont l‑Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-reġistrazzjoni ta’ forma esklużivament funzjonali ta’ prodott bħala trade mark tista’ tippermetti lill-proprjetarju ta’ din it-trade mark li jipprojbixxi lill-impriżi l-oħra mhux biss l-użu tal-istess forma, iżda wkoll l-użu ta’ forom li jixxiebhu. Hemm ir-riskju li numru sinjifikattiv ta’ forom alternattivi jsiru inutilizzabbli mill-kompetituri ta’ dan il-proprjetarju.

57      Dan ikun partikolarment hekk f’każ ta’ kumulu ta’ reġistrazzjonijiet ta’ diversi forom esklużivament funzjonali ta’ prodott, kumulu li jkun hemm riskju li jipprekludi kompletament lil impriżi oħra li jimmanifatturaw u li jikkummerċjalizzaw ċerti prodotti li għandhom funzjoni teknika partikolari.

58      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma barra minn hekk riflessi fl-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li l-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku ma teskludix, per se, l-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104, dispożizzjoni li l-kliem tagħha jikkorrispondi għal dak tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94.

59      Sa fejn l-appellanti tinvoka wkoll il-fatt, mhux ikkontestat mill-UASI, li l‑kompetituri tagħha ma għandhomx bżonn, sabiex jużaw l-istess soluzzjoni teknika, li jqiegħdu fis-suq brikks ta’ ġugarell li l-forma u d-daqs tagħhom huma f’kull każ identiċi għal dawk tal-brikk Lego, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din iċ-ċirkustanza ma tistax tostakola l-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u interpretati iktar ’il fuq, li jgħidu li sinjal kompost mill-forma ta’ prodott li jesprimi biss, mingħajr ma jżid elementi mhux funzjonali sinjifikattivi, funzjoni teknika ma jistax ikun irreġistrat bħala trade mark, peress li tali reġistrazzjoni tnaqqas b’mod wisq sinjifikattiv il-possibbiltajiet għall-kompetituri li jqiegħdu fis-suq forom ta’ prodott li jinkorporaw l-istess soluzzjoni teknika.

60      Dan japplika a fortiori f’każ bħal dan, fejn kien ġie kkonstatat mill-awtorità kompetenti li s-soluzzjoni inkorporata fil-forma ta’ prodott eżaminata hija dik li hija teknikament preferibbli għall-kategorija ta’ prodotti kkonċernata. Jekk is‑sinjal tridimensjonali kompost minn tali forma kien irreġistrat bħala trade mark, ikun diffiċli għall-kompetituri tal-proprjetarju tagħha li jqiegħdu fis-suq forom ta’ prodott li jikkostitwixxu veri alternattivi, jiġifieri forom li ma jixxiebhux u li jkunu madankollu interessanti mill-aspett funzjonali għall-konsumatur.

61      F’dawn il-kundizzjonijiet, is-sitwazzjoni ta’ impriża li tkun żviluppat soluzzjoni teknika fir-rigward ta’ kompetituri li jqiegħdu fis-suq kopji servili tal-forma ta’ prodott li tinkorpora eżattament l-istess soluzzjoni ma tistax tkun protetta billi jingħata monopolju lil din l-impriża permezz tar-reġistrazzjoni bħala trade mark tas-sinjal tridimensjonali kompost minn din il-forma iżda tista’, skont il-każ, tiġi eżaminata fid-dawl tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni żleali. Madankollu tali eżami ma huwiex is-suġġett ta’ din il-kawża.

62      Peress li l-argumenti ppreżentati mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel parti tal-aggravju tagħha ma jistgħux, għar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, jintlaqgħu, hemm lok li din il-parti tkun miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar l-applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati fir-rigward tad-determinazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ forma ta’ prodott

 L-argumenti tal-partijiet

63      L-appellanti ssostni li l-kunċett ta’ “karatteristiċi essenjali” huwa sinonomu ta’ “elementi dominanti u distintivi” u li l-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi għandha ssir mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, jiġifieri l-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent u kawt.

64      L-appellanti ssostni li, fir-rigward tas-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, kull eżami tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għandu jinkludi żewġ stadji, jiġifieri, l-ewwel nett, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal mill-perspettiva tal-konsumatur medju u, it‑tieni nett, l-eżami, bl-għajnuna ta’ esperti, tal-kwistjoni jekk dawn il‑karatteristiċi humiex neċessarji sabiex jinkiseb riżultat tekniku.

65      Għalhekk, meta kkonfermat, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-pożizzjoni tal-Bord Suprem tal-Appell li ma hemmx lok, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali, li ttieħed inkunsiderazzjoni l‑perċezzjoni tal-konsumatur u tal-istħarriġ li jseħħ sabiex din il-perċezzjoni tkun evalwata, il-Qorti Ġenerali kien wettaq żball ta’ liġi.

66      Mega Brands tosserva li dan il-kunċett ta’ “karatteristiċi essenzjali” għandu jinftiehem fil-kuntest tat-termini “esklussivament” u “neċessarja” li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94. F’dan il-kuntest, il-kriterji invokati mill-appellanti, bħal dawk tal-karattru distintiv u tal-perċezzjoni tal-pubbliku, huma irrilevanti.

67      Skont l-UASI, anki jekk jiġi preżuppost li l-identifikazzjoni tal-elementi essenzjali tal-forma għandha tippreċedi l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tagħhom, dawn iż‑żewġ stadji jaqgħu taħt l-istess eżerċizzju li jikkonsisti li jiġi ddeterminat jekk dawn l-elementi humiex essenzjali għall-funzjoni tal-forma.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

68      Applikazzjoni korretta tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 timplika li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal tridimensjonali inkwistjoni huma debitament identifikati mill-awtorità li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark.

69      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, l‑espressjoni “karatteristiċi essenzjali” għandha tinftiehem bħala li tfisser l‑elementi l-iktar sinjifikattivi tas-sinjal.

70      L-identifikazzjoni ta’ dawn il-karatteristiċi essenzjali għandha ssir każ b’każ. Fil-fatt, ma teżisti ebda ġerarkija sistematika bejn it-tipi ta’ elementi differenti li sinjal jista’ jkollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, L & D/UASI, C‑488/06 P, Ġabra p. I‑5725, punt 55). Min-naħa l-oħra, fir-riċerka tagħha tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal, l-awtorità kompetenti tista’ kemm tibbaża ruħha direttament fuq l-impressjoni globali mogħtija mis-sinjal, jew tipproċedi, l-ewwel nett, għal eżami suċċessiv ta’ kull wieħed mill-elementi kostituttivi tas-sinjal (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C‑468/01 P sa C‑472/01 P, Ġabra p.I‑5141, punt 45, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2005, Eurocermex vs UASI, C‑286/04 P, Ġabra p. I‑5797, punt 23).

71      Konsegwentement, l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal tridimensjonali fir-rigward ta’ eventwali applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 tista’, skont il-każ, u b’mod partikolari fir-rigward tal-livell ta’ diffikultà tagħha, isseħħ permezz ta’ sempliċi analiżi viżiva ta’ dan is-sinjal jew, bil-kontra, tkun ibbażata fuq eżami fil-fond li fil-kuntest tiegħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi utli għall-evalwazzjoni, bħal stħarriġ u perizji, jew ukoll data dwar drittijiet ta’ proprjetà intellettwali mogħtija preċedentement fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.

72      Ladarba l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal huma identifikati, hija l-awtorità kompetenti li għandha tivverifika jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux għall-funzjoni teknika tal-prodott inkwistjoni. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax japplika meta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark tirrigwarda forma ta’ prodott li fiha element mhux funzjonali, bħal element ta’ tiżjin jew fantażist, għandu rwol importanti. F’dan il-każ, l-impriżi kompetituri għandhom faċilment aċċess għal forom alternattivi ta’ funzjonalità ekwivalenti, b’mod li ma jeżistix riskju li d-disponibbiltà tas-soluzzjoni teknika tkun milquta. Din is-soluzzjoni tista’, f’din l-ipoteżi, tkun inkorporata mingħajr diffikultà mill-kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark fil-forom ta’ prodott li ma għandhomx l-istess element mhux funzjonali li għandha l-forma tal-prodott ta’ dan il-proprjetarju u li, fir-rigward tagħha, għalhekk ma humiex la identiċi u lanqas jixxiebhu.

73      F’dan il-każ, il-Bord Suprem tal-Appell ikkonstata, fil-punt 62 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-element l-iktar sinjifikattiv tas-sinjal kompost mill-brikk Lego jikkonsisti f’żewġ fillieri ta’ projezzjonijiet fuq il-parti ta’ fuq ta’ dan il-brikk. Fl-eżami tiegħu tal-analiżi mwettqa mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, dan il-Bord ta attenzjoni partikolari għall-preżenza ta’ dan l-element fil-privattivi preċedenti ta’ Kirkbi. Dan l-eżami wassal għall-konklużjoni li dan l-element huwa neċessarju sabiex jinkiseb ir-riżultat tekniku li għalih huwa ddestinat il-prodott inkwistjoni, jiġifieri l-immuntar tal-brikks ta’ ġugarell. Minbarra dan, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 54 u 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord Suprem tal-Appell qies li l-elementi l-oħra kollha tas-sinjal kompost minn dan il-brikk, bl-uniku eċċezzjoni tal-kulur tiegħu, huma wkoll funzjonali.

74      Sa fejn il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-istess elementi fattwali sabiex tikkonkludi li l-elementi kollha tal-forma tal-brikk Lego, bl-eċċezzjoni tal-kulur tiegħu, huma funzjonali, l-evalwazzjonijiet tagħha ma jistgħux, fin-nuqqas ta’ żnaturament invokat mill-appellanti, ikunu mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

75      Fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-istħarriġ dwar il-perċezzjoni tal-forma tal-prodott inkwistjoni mill-pubbliku rilevanti kien irrilevanti, għandu jkun irrilevat li, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ fl-ipoteżi msemmija fl-Artikoli 3(1)(b) tad-Direttiva 89/104 u 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fejn il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għandha imperattivament tittieħed inkunsiderazzjoni peress li hija essenzjali sabiex ikun iddeterminat jekk is-sinjal ippreżentat sabiex ikun irreġistrat bħala trade mark jipermettix li ssir distinzjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati bħala li jirriżultaw minn impriża partikolari (ara, f’dan is-sens, is‑sentenzi tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punt 62, u Koninklijke KPN Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34), tali obbligu ma jistax ikun impost fil-kuntest tal-paragrafu 1(e) ta’ dawn l-artikoli.

76      Fil-fatt, il-perċezzjoni preżunta tas-sinjal mill-konsumatur medju ma hijiex element deċiżiv fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-raġuni għal rifjut stabbilita fl-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 iżda tista’, tal-iktar, tikkostitwixxi element ta’ evalwazzjoni utli għall-awtorità kompetenti meta din tidentifika l‑karatteristiċi essenzjali tas-sinjal.

77      Konsegwentement, l-argument tal-appellanti li l-identifikazzjoni tal-karatteristiċi essenzjali ta’ sinjal fil-kuntest tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94 għandu imperattivament iseħħ mill-perspettiva tal-pubbliku intenzjonat ma jistax jintlaqa’.

78      Isegwi li t-tieni parti tal-aggravju għandu jkun miċħud.

 Fuq it-tielet parti, dwar l-applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati ta’ funzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

79      L-appellanti ssostni li l-evalwazzjoni tal-funzjonalità tippreżupponi għarfien tekniku u hija għalhekk ġeneralment magħmula minn esperti xjentifiċi. Issa, perizja tal-funzjonalità tal-karatteristiċi ta’ forma bilfors tikkonsisti li dawn il-karatteristiċi jkunu paragunati ma’ alternattivi.

80      Il-Qorti Ġenerali kien għalhekk wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-eżistenza ta’ forom alternattivi hija rrilevanti u meta rrifjutat li teżamina l-perizji prodotti quddiemha mill-appellanti.

81      Skont Mega Brands, l-argument tal-appellanti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-forom alternattivi huma rilevanti sabiex tkun evalwata l-funzjonalità. Hija tosserva wkoll li forom alternattivi jistgħu ikunu inqas utli għall-funzjoni mfittxija jew ikun jiswa iktar flus sabiex ikunu mmanifatturati.

82      L-UASI jsostni li l-Qorti Ġenerali b’mod korrett stabbiliet li, sabiex jevalwa l-funzjonalità, il-Bord tal-Appell seta’ jibbaża ruħu fuq il-privattivi preċedenti u mhux fuq l-eżistenza ta’ forom alternattivi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83      Għar-raġunijiet esposti fil-punti 55 sa 60 ta’ din is-sentenza, l-eżistenza ta’ forom oħra li jippermettu li jinkiseb l-istess riżultat tekniku ma tikkostitwixxix, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1)(e)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, ċirkustanza ta’ natura li tiċħad ir-raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, kif il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà ppreċiżat fil-punti 81 u 83 tas-sentenza Philips, iċċitata iktar ’il fuq, f’dak li jikkonċerna t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva 89/104.

84      Fil-kuntest tal-eżami tal-funzjonalità ta’ sinjal kompost mill-forma ta’ prodott, huwa importanti biss li jkun evalwat, wara li l-karatteristiċi essenzjali tas-sinjal ikunu ġew identifikati, jekk dawn il-karatteristiċi jikkorrispondux għall-funzjoni teknika tal-prodott ikkonċernat. Dan l-eżami għandu, ovvjament, isir billi jkun analizzat is-sinjal ippreżentat fid-dawl tar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark, u mhux is-sinjali kompost minn forom ta’ prodotti oħra.

85      Il-funzjonalità teknika tal-karatteristiċi ta’ forma tista’ tkun evalwata, b’mod partikolari, bit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dokumentazzjoni dwar il-privattivi preċedenti li jiddeskrivu l-elementi funzjonali tal-forma kkonċernata. Issa, f’dan il-każ, il-Bord Suprem tal-Appell tal-UASI u l-Qorti Ġenerali ħadu inkunsiderazzjoni, f’dak li jikkonċerna l-brikk Lego, tali dokumentazzjoni.

86      Fir-rigward ta’ dak li ntqal, it-tielet parti għandha wkoll tkun miċħuda.

87      Peress li ebda parti minn dan l-aggravju uniku ma tista’ tintlaqa’, hemm lok li dan l-appell ikun miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

88      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess regoli, il-parti li titlef għandha tbati l‑ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-appellanti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI u Mega Brands..

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Lego Juris A/S hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.