KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

Kawża C-126/16

Federatie Nederlandse Vakvereniging,

Karin van den Burg-Vergeer,

Lyoba Tanja Alida Kukupessy,

Danielle Paase-Teeuwen,

Astrid Johanna Geertruda Petronelle Schenk

vs

Smallsteps BV

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Midden-Nederland (qorti tal-prim’istanza tal-Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2001/23/KE — Żamma tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi — Artikolu 5(1) — Eċċezzjoni fil-każ ta’ falliment jew ta’ proċeduri ta’ insolvenza — ‘Pre-pack’ — Kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża”

1. 

Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab sabiex teżamina għall-ewwel darba, taħt il-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, il-“pre-pack”.

2. 

Minkejja li jista’ jiġi preżunt mit-tifsiriet differenti skont l-ordinament ġuridiku li fih jintuża, it-terminu “pre-pack” (li ġej mill-Ingliż “pre-packaged insolvency sale”), jindika, b’mod ġenerali, tranżazzjoni fuq l-attiv ta’ impriża fi kriżi (trasferiment) li hija ppreparata qabel il-ftuħ ta’ proċeduri ta’ insolvenza (tipikament falliment), bl-assistenza ta’ amministratur (f’ċerti ġurisdizzjonijiet maħtur minn qorti) u li hija, normalment, implementata immedjatament wara l-ftuħ tal-proċeduri ta’ insolvenza.

3. 

Żviluppat oriġinalment fl-Istati Uniti u fir-Renju Unit, il-pre-pack beda jintuża fiż-żmien f’diversi Stati Membri oħra. B’hekk, jeżistu forom ftit jew wisq varjanti tal-pre-pack, pereżempju, fil-Ġermanja u fi Franza ( 2 ), kif ukoll fil-Pajjiżi l-Baxxi, li huwa l-Istat Membru li ressaq it-talba għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti.

4. 

Is-suċċess tal-pre-park jinsab f’tendenza li qed tiżdied fid-dritt modern tal-insolvenza sabiex jiġu pprivileġġjati xi approċċi li, b’differenza għal dak klassiku li jipprevedi l-istralċ tal-impriża fi kriżi, għandu bħala għan l-irkupru tagħha, jew mill-inqas, is-salvataġġ tal-unitajiet tagħha li għadhom vijabbli ekonomikament ( 3 ). F’tali kuntest, il-pre-pack, li huwa ikkaratterizzat minn elementi informali (fażi preliminari extraġudizzjarja) u xi elementi formali (fażi li sseħħ fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza), joffri lill-impriżi strument flessibbli adattat sabiex isolvi b’mod rapidu ċertu sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

5. 

Il-preżenti rinviju preliminari, imressaq mir-Rechtbank Midden-Nederland (qorti tal-prim’istanza tal-Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi), jippreżenta madankollu l-kwistjoni importanti li tirrigwarda d-destin tal-ħaddiema tal-impriża (jew tal-parti mill-impriża) li hija s-suġġett ta’ pre-pack. B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, fil-kuntest tal-pre-pack, hekk kif ġie żviluppat fil-prattika tal-Pajjiżi l-Baxxi, is-sistema ta’ protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment tal-impriżi stabbilit mid-Direttiva 2001/23/KE ( 4 ) issibx applikazzjoni jew le.

6. 

Sabiex tagħti risposta għal din id-domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tinterpreta – għall-ewwel darba – l-eċċezzjoni għall-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23, prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva. Billi tinterpreta lil din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza li tikkodifikaha, ikollha l-lok li ssib l-ekwilibriju ġust bejn, minn naħa, ir-rekwiżit li ma tikkompromettix l-użu tal-istrumenti ġuridiċi, bħalma huwa l-pre-pack, li jsegwi l-għan “lodevoli”, li jsalva l-unitajiet li għadhom vijabbli ekonomikament, u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit li ma jiġix permess, permezz tal-użu ta’ tali strumenti, li tevita l-protezzjoni ggarantita għall-ħaddiema mid-dritt tal-Unjoni.

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

7.

Skont it-termini tat-tielet premessa tagħha, id-Direttiva 2001/23, li ħassret u ssostitwixxiet lid-direttiva antika, id-Direttiva 77/187/KEE ( 5 ), hija intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema, billi tiżgura ż-żamma tad-drittijiet tagħhom, fil-każ ta’ trasferiment tal-impriżi.

8.

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tagħha, id-Direttiva 2001/23 tapplika għal “kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju lil persuna oħra li tħaddem bħala riżultat ta’ trasferiment permezz ta’ ftehim jew ta’ inkorporazzjoni legali”.

9.

Id-Direttiva 2001/23 tipprevedi, essenzjalment, tliet tipi ta’ protezzjoni għall-ħaddiema.

10.

Fl-ewwel lok, hija tiżgura l-kontinwazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol fil-każ tat-trasferiment ta’ impriża. B’hekk, abbażi tal-Artikolu 3(1) tagħha “[i]d-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment [ċedent] ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment [ċessjonarju]”.

11.

Fit-tieni lok, abbażi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/23, it-trasferiment ta’ impriża “m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment”. It-tieni frażi tal-istess paragrafu tippreċiża madankollu li “[d]in id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu”.

12.

Fit-tielet lok, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi l-obbligi ta’ informazzjoni u ta’ konsulenza tar-rappreżentanti tal-ħaddiem, b’responsabbiltà kemm taċ-ċedent u kemm taċ-ċessjonarji.

13.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi madankollu eċċezzjoni għall-applikabbiltà tal-Artikoli 3 u 4 ta’ din l-istess direttiva. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 5 jipprevedi:

“Sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux xort’ oħra, l-Artikoli 3 u 4 m’ għandhomx japplikaw għal kull trasferiment ta’ impriża, negozju jew parti minn impriża jew negozju meta min ikun qed jagħmel it-trasferiment [ċedent] huwa s-suġġett ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ xi proċedimenti analogi ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment [ċedent] u huma taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti (li tista’ tkun prattikant tal-falliment awtorizzat minn awtorità pubblika kompetenti)”.

14.

Il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu jiddisponi li “[m]eta l-Artikoli 3 u 4 japplikaw għal trasferiment waqt proċedimenti ta’ falliment li nfetħu għar-rigward ta’ min jagħmel it-trasferiment (kemm jekk dawk il-proċedimenti jkunu nbdew bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min ikun qed jagħmel it-trasferiment kemm jekk le) u sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti”, Stat Membru jista’ jipprevedi li ma japplikax ċerti aspetti tas-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikoli 3 u 4 tal-imsemmija direttiva.

15.

Fl-aħħar, skont it-termini tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2001/23, “l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji bil-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv ta’ proċeduri ta’ insolvenza maħsuba sabiex l-impjegati jiġu mċaħħda mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/23”.

B. Id-dritt Olandiż

16.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw, fid-dritt nazzjonali, id-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ trasferiment tal-impriżi huma l-Artikoli 7:662 sa 7:666 u l-Artikolu 7:670(8) tal-Burgerlijk Wetboek (kodiċi ċivili, iktar ’il quddiem il-“BW”).

17.

B’mod iktar speċifiku, skont it-termini tal-Artikolu 7:663 tal-BW, “[i]t-trasferiment ta’ impriża tinkludi ex officio t-trasferiment, liċ-ċessjonarju, tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw f’dak il-mument, għall-persuna li timpjega f’din l-impriża, mill-kuntratt ta’ xogħol li hemm bejnu stess u ħaddiem attiv fi ħdan l-impriża”.

18.

L-Artikolu 7:666(1)(a) tal-BW jipprevedi madankollu deroga u jiddisponi li “[l]-Artikoli 7:662 sa 7:665 u l-Artikolu 7:670(8) ma japplikawx għat-trasferiment ta’ impriża meta […] l-persuna li timpjega hija ddikjarata fi stat ta’ falliment u li l-impriża tidħol fil-massa tal-insolvenza”.

19.

Il-proċedura Olandiża tal-falliment hija ddefinita fil-Faillissementswet (liġi fuq il-falliment).

20.

Mill-2012 'l hawn, diversi qrati Olandiżi ( 6 ) f’ċerti każi, ippreċedu l-falliment b’fażi preparatorja intiża għall-konklużjoni tat-tranżazzjoni fuq l-attiv tal-impriża inkwistjoni (il-pre-pack). Din il-fażi preparatorja tinfetaħ dejjem fuq l-inizjattiva tal-impriża inkwistjoni li titlob lill-qorti sabiex taħtar kuratur mistenni kif ukoll imħallef-kummissarju mistenni. It-tranżazzjoni fuq l-attiv hija ppreparata qabel id-dikjarazzjoni tal-falliment bl-intervent tal-kuratur mistenni u hija implementata minnu immedjatament wara li jiġi ddikjarat il-falliment.

21.

Sa din il-ġurnata, fil-Pajjiżi l-Baxxi, la l-fażi preparatorja u lanqas il-pre-pack bħala tali ma huma iskritti fil-liġi iżda huma r-riżultat tal-prattika. Abbozz preliminari ta’ proposta għal liġi, intitolat “liġi fuq il-kontinwazzjoni tal-impriżi” huwa, f’dan il-mument, qed jiġi diskuss fil-Parlament Olandiż ( 7 ).

II. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22.

Sal-falliment tagħha, Estro Groep BV kienet l-ikbar kumpannija ta’ skejjel tat-tfal żgħar fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija kellha xi 380 stabbiliment fit-territorju kollu tal-Pajjiżi l-Baxxi kollha u kienet timpjega madwar 3600 ħaddiem. Fil-mument li seħħew il-fatti inkwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, l-azzjonista prinċipali ta’ Estro Groep kien l-investitur Bayside Capital.

23.

F’Novembru 2013 sar prevedibbli li, fin-nuqqas ta’ finanzjament ġdid, Estro Groep ma kinitx ser tkun f’pożizzjoni li tissodisfa l-obbligi tagħha sas-sajf tal-2014.

24.

Fit-tfittxija ta’ tali finanzjament, Estro Groep kienet, inizjalment, ikkoordinat mad-donaturi finanzjarji u l-azzjonisti prinċipali tagħha, kif ukoll ma’ donaturi finanzjarji oħra sabiex tikseb finanzjamenti ġodda. Madankollu, din il-konsultazzjoni, imsejħa l-“Pjan A” ma kinitx ta’ suċċess.

25.

Fl-istess żmien tan-negozjati fil-kuntest tal-Pjan A, Estro Groep fasslet pjan alternattiv, imsejjaħ “proġett Butterfly”. Dan il-pjan alternattiv kien jipprevedi l-bidu mill-ġdid ta’ parti importanti mill-impriża Estro Groep wara pre-pack. L-imsemmi bidu mill-ġdid kellu jseħħ abbażi ta’ tliet prinċipji, jiġifieri, l-ewwel nett, bidu mill-ġdid ta’ 243 ċentru minn 380; it-tieni nett, żamma tal-impjieg għal kważi 2500 ħaddiem fuq total ta’ madwar 3600; (iii) il-kontinwità tas-servizz minn Lulju 2014.

26.

Fl-implementazzjoni tal-proġett Butterfly, Estro Groep ikkuntattjat bħala xerrej potenzjali lill-kumpannija potenzjali H.I.G. Capital biss, kumpannija oħt tal-azzjonista prinċipali tagħha Bayside Capital. Ma ġiet eżaminata l-ebda possibbiltà oħra.

27.

Fil-5 ta’ Ġunju 2014, Estro Groep ressqet quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (qorti tal-prim’istanza ta’ Amsterdam) rikors għall-ħatra ta’ kuratur mistenni. Dan inħatar fl-10 ta’ Ġunju 2014.

28.

Fl-20 ta’ Ġunju 2014, kumpannija b’responsabbiltà limitata, Smallsteps BV ġiet ikkostitwita sabiex tieħu bħala impriża li ser tibda mill-ġdid, f’isem H.I.G. Capital, parti kbira mill-iskejjel ta’ tfal żgħar ta’ Estro Groep fil-kuntest tal-proġett Butterfly.

29.

Fl-4 ta’ Lulju 2014, Estro Groep ressqet quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (qorti tal-prim’istanza ta’ Amsterdam), talba għas-sospensjoni ta’ pagament.

30.

Fil-5 ta’ Lulju 2014, din it-talba inbidlet f’talba għad-dikjarazzjoni tal-falliment ta’ Estro Groep. Dan il-falliment ġie ddikjarat fl-istess ġurnata.

31.

Fl-istess ġurnata, fil-5 ta’ Lulju 2014, kuntratt ta’ bejgħ (il-pre-pack) ġie iffirmat bejn il-kuratur u Smallsteps li abbażi tiegħu, din tal-aħħar xtrat l-impriża li fiha madwar 250 stabbiliment ta’ Estro Groep u intrabtet sabiex toffri impjieg lil kważi 2600 ħaddiem ta’ Estro Groep fil-ġurnata tal-falliment.

32.

Fis-7 ta’ Lulju 2014, il-kuratur keċċa lill-ħaddiema kollha ta’ Estro Groep. Kważi 2600 ħaddiema impjegati minn Estro Groep ġew offruti kuntratt ta’ xogħol ġdid mingħand Smallsteps u iktar minn elf finalment ġew imkeċċija.

33.

Il-Federatie Nederlandse Vakvereniging (iktar ’il quddiem il-“FNV”), organizzazzjoni sindakali Olandiża u erba’ rikorrenti oħra li kienu jaħdmu fiċ-ċentri meħuda minn Smallsteps, iżda li, wara l-falliment, ma ġewx offruti kuntratti ta’ xogħol ġodda, ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. F’dan ir-rikors, huma talbu, prinċipalment, sabiex jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2001/23 tapplika għall-pre-pack konkluż bejn Estro Groep u Smallsteps, u li, b’hekk, l-imsemmija erba’ rikorrenti kellhom jitqiesu bħala li issa jaħdmu ipso jure għal Smallsteps, billi jiġu ppreżervati l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom. Sussidjarjament, huma talbu li jiġi kkonstatat li l-Artikoli 7:662 et seq tal-BW japplikaw xorta, peress li t-trasferiment tal-impriża seħħ qabel il-ġurnata ta’ falliment. Smallsteps ċaħdet it-talbiet tar-rikorrenti.

34.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Midden-Nederland (qorti ta’ prim’istanza ta’ Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fil-każ ta’ trasferiment tal-impriża ddikjarata f’falliment, li jseħħ fil-kuntest ta’ falliment preċedut minn pre-pack taħt l-istħarriġ tal-qorti, u intiż b’mod espliċitu sabiex jinżammu (partijiet tal-) impriża, il-proċedura Olandiża ta’ falliment hija konformi mal-għan u l-iskop tad-Direttiva 2001/23 u l-Artikolu 7:666, paragrafu 1, il-parti inizjali u s-subparagrafu (a), BW, f’dan ir-rigward, (għadu) effettivament konformi mad-Direttiva?

2.

Id-Direttiva 2001/23 hija applikabbli fil-każ fejn, qabel saħansitra l-bidu tal-falliment, il-‘kuratur mistenni’ maħtur mill-qorti jinforma ruħu dwar is-sitwazzjoni tad-debitur, jeżamina l-possibbiltajiet ta’ eventwali bidu mill-ġdid tal-attivitajiet tal-impriża minn terz u jħejji ruħu wkoll sabiex jgħaddi għall-atti li għandhom isiru eżatt wara l-falliment sabiex jitwettaq dan il-bidu mill-ġdid permezz ta’ operazzjoni [tranżazzjoni] fuq assi li tinvolvi trasferiment tal-impriża tad-debitur jew ta’ parti minnha fid-data tal-falliment jew eżatt wara, u dawn l-attivitajiet huma segwiti, totalment jew parzjalment b’mod (prattikament) mhux interrott?

3.

Hemm differenza f’dan ir-rigward skont jekk il-pre-pack għandux bħala għan prinċipali t-tkomplija tal-impriża jew jekk, permezz tal-pre-pack u l-bejgħ tal-assi fil-forma ta’ ‘tkomplija tal-impriża’ eżatt wara l-falliment, il-kuratur (mistenni) jkollux prinċipalment l-għan li jżid sal-massimu tiegħu d-dħul tat-trasferiment għall-kredituri kollha jew jekk il-qbil għat-trasferiment tal-assi jkun seħħ qabel il-falliment fil-kuntest ta’ pre-pack (tkomplija tal-impriża) u l-eżekuzzjoni tiegħu tiġi fformalizzata jew imwettqa wara l-falliment? U kif għandha tiġi analizzata din il-kwistjoni jekk l-għan huwa kemm it-tkomplija tal-impriża kif ukoll iż-żieda massima tad-dħul tat-trasferiment?

4.

Fil-kuntest ta’ pre-pack qabel il-falliment tal-impriża, il-mument tat-trasferiment tal-impriża jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23 u tal-Artikoli 7:662 et seq [tal-]BW li jirriżultaw minnha, bil-qbil effettiv, li jseħħ qabel il-falliment, li l-impriża tiġi ttrasferita jew dan il-mument huwa stabbilit permezz tad-data li fiha effettivament tgħaddi, miċ-ċedent għaċ-ċessjonarju, il-kwalità ta’ imprenditur tal-entità inkwistjoni?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

35.

Id-deċiżjoni tar-rinviju waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Frar 2016. FNV, Smallsteps, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet u intervjenew matul is-seduta li nżammet fit-18 ta’ Jannar 2017.

IV. Analiżi

A. Fuq l-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi preliminari

1.  Osservazzjonijiet preliminari

36.

L-ewwel tliet domandi preliminari għandhom jiġu analizzati flimkien. Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tfittex sabiex issir taf, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2001/23 tistax tapplika fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack, hekk kif żviluppat fil-prattika fil-Pajjiżi l-Baxxi (it-tieni domanda), u jekk, f’tali kuntest, il-proċedura ta’ falliment Olandiża, u b’mod speċifiku l-Artikolu 7:666 tal-BW, hekk kif applikata fil-prattika, hijiex konformi mal-għan u mal-iskop ta’ din id-direttiva (l-ewwel domanda). Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex sabiex isir magħruf, essenzjalment, jekk ir-risposta għal dawn id-domandi għandiex tkun differenti skont jekk l-għan prinċipali previst mill-pre-pack huwiex il-kontinwità tal-impriża u/jew iż-żieda massima tad-dħul taċ-ċessjoni.

37.

Dawn id-domandi preliminari, jippreżentaw qabel kollox il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għat-trasferiment ta’ impriżi li jseħħu fil-kuntest ta’ pre-pack.

38.

Il-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom pożizzjonijiet opposti f’dan ir-rigward. Minn naħa, il-FNV u l-Kummissjoni jqisu li l-proċedura li fil-kuntest tagħha huwa konkluż pre-pack ma taqax taħt id-deroga tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. Minn dan isegwi li, fil-każ fejn id-dritt dwar il-falliment Olandiż ma jipprevedix l-applikazzjoni għall-ħaddiema tal-garanziji previsti minn din id-direttiva fil-każ ta’ ċessjoni ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack, dan id-dritt ma jkunx konformi mal-imsemmija direttiva.

39.

Min-naħa l-oħra, Smallsteps u l-Gvern Olandiż isostnu, bil-kontra, li falliment ippreċedut mill-fażi preliminari intiża għall-konklużjoni ta’ pre-pack, hekk kif seħħ fil-każ ta’ Estro Groep, jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, fis-sens li l-Artikolu 7:661(1), BW, hekk kif jiġi applikat fil-prattika fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa tassew konformi ma’ din id-direttiva.

40.

Jien diġà rrilevajt li l-kawża preżenti tikkostitwixxi l-ewwel okkażjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23 u li l-introduzzjoni, fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, ta’ eċċezzjoni espliċita għall-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva tirrappreżenta l-kodifikazzjoni ta’ ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li, sabiex inkunu nistgħu nifhmu kompletament il-portata ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu analizzati l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-ġurisprudenza, li jikkonċernaw lid-Direttiva preċedenti Nru 77/187, sussegwentement imħassra mid-Direttiva 2001/23 ( 8 ).

2.  Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-applikabbiltà tas-sistema ta ’ protezzjoni ta ’ ħaddiema fil-każ ta ’ trasferiment ta ’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta ’ proċedura prevista għall-kriżi tal-impriża

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet ikkonfrontata għall-ewwel darba bil-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-garanziji previsti mid-Direttiva 77/187 f’każ ta’ ċessjoni ta’ impriża li seħħet fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza, speċifikament ta’ falliment, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels ( 9 ).

42.

F’din is-sentenza, wara li fakkret li l-għan tad-Direttiva 77/187 kien li tipprojbixxi li r-ristrutturazzjoni fl-intern tas-suq uniku sseħħ bi preġudizzju tal-ħaddiema ( 10 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-ispeċifiċità tad-dritt tal-falliment. B’hekk, hija rrilevat li dan id-dritt huwa kkaratterizzat minn proċeduri speċjali li għandhom bħala għan l-ibbilanċjar ta’ diversi interessi, fosthom dawk tal-kategoriji differenti ta’ kredituri, u li jimplikaw deroga, tal-inqas parzjali għad-dispożizzjonijiet l-oħra, ta’ natura ġenerali, bħalma huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt soċjali ( 11 ).

43.

Huwa minħabba din l-ispeċifiċità li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 77/187 ma tapplikax “għat-trasferimenti ta’ impriżi […] li jseħħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment li tipprevedi, taħt il-kontroll tal-awtorità ġudizzjarja kompetenti, l-istralċ tal-assi taċ-ċedent” ( 12 ), billi ħalliet madankollu l-libertà tal-Istati Membri sabiex japplikaw, kompletament jew parzjalment, il-prinċipji tal-imsemmija direttiva fuq il-bażi tad-dritt uniku nazzjonali tagħhom ( 13 ).

44.

Bil-kontra, fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 77/187 kienet applikabbli għall-proċedura bħas-sospensjoni tal-pagamenti, minkejja ċerti karatteristiċi komuni li għandha din il-proċedura ma’ dik ta’ falliment. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inapplikabbiltà tal-imsemmija direttiva fil-każ tal-proċeduri ta’ falliment ma kinux validi għal proċedura li sseħħ f’fażi preċedenti għall-falliment, li fiha stħarriġ ta’ qorti ta’ portata iktar ristretta u intiża fl-ewwel lok għas-salvagwardja tal-massa u, jekk ikun il-każ, tal-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża fil-futur ( 14 ).

45.

Sussegwentement, fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et ( 15 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod espliċitu li l-kriterju determinanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-applikabbiltà tad-Direttiva 77/187 għal trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ konkors ta’ kredituri huwa dak tal-għan segwit mill-proċedura inkwistjoni ( 16 ).

46.

Fuq din il-bażi, hija kkunsidrat li, fil-każ fejn il-proċedura inkwistjoni fil-kawża ( 17 ) hija intiża għall-istralċ tal-assi tad-debitur fid-dawl tal-ħlas kollettiv tal-kredituri, għaldaqstant, it-trasferimenti li seħħew f’dan il-kuntest ġuridiku kienu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 77/187. Bil-kontra, meta d-digriet li jordna l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura jikkonstata wkoll il-kontinwità tal-attività tal-impriża, taħt id-direzzjoni ta’ kummissarju, l-għan ta’ din il-proċedura jkun, fl-ewwel lok, li jiżgura l-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża. F’tali każ, l-għan ekonomiku u soċjali b’hekk segwit ma jistax jispjega, u lanqas jiġġustifika li, meta l-impriża ikkonċernata hija s-suġġett ta’ trasferiment, il-ħaddiema tagħha jkunu miċħuda mid-drittijiet li tirrikonoxxilhom l-imsemmija direttiva ( 18 ).

47.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonfermat dan l-approċċ fis-sentenza sussegwenti tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et ( 19 ). Peress li ntalbet sabiex tiddetermina jekk id-Direttiva 77/187 kinitx tapplika għat-trasferiment ta’ impriża fejn l-istat ta’ kriżi tagħha kien ġiet ikkonstatata abbażi tal-leġiżlazzjoni Taljana relevanti, il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel kollox, ikkonfermat li l-kriterju determinanti għall-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva kien l-għan segwit mill-proċedura inkwistjoni. Wara, hija rrilevat li l-att li permezz tiegħu, skont il-leġiżlazzjoni Taljana, impriża ġiet iddikjarata fi stat ta’ kriżi kien intiż sabiex jippermetti l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-impriża u fuq kollox iż-żamma tal-impjiegi. B’hekk, fil-każ fejn il-miżura jew il-proċedura inkwistjoni tiffavorixxi ż-żamma tal-attività tal-impriża fid-dawl ta’ irkupru sussegwenti, u bil-kontra tal-proċeduri ta’ falliment, ma jkollhiex stħarriġ ġudizzjarju, la miżuri ta’ amministrazzjoni tal-patrimonju tal-impriża, u lanqas sospensjoni ta’ pagamenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ekonomiku u soċjali ta’ dawn il-proċeduri ma jiġġustifikax li, fil-każ ta’ trasferiment, il-ħaddiema tal-impriża jiġu miċħuda mid-drittijiet li tirrikonoxxilhom id-Direttiva 77/187 ( 20 ).

48.

Fl-aħħar, fis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement ( 21 ), il-Qorti tal-Ġustizzja – li ntalbet sabiex tiddetermina jekk id-Direttiva 77/187 tapplikax għat-trasferiment ta’ impriża fi stat ta’ stralċ ġudizzjarju, fis-sens tal-liġi Belġjana – żviluppat sussegwentement l-approċċ tagħha. Qabel kollox, hija ppreċiżat li, barra l-kriterju tal-għan tal-proċedura, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-modalitajiet tal-proċedura inkwistjoni, b’mod partikolari sa fejn jimplikaw li l-attività tal-impriża ser tkompli jew ser tieqaf, kif ukoll l-għanijiet tad-Direttiva 77/187 ( 22 ). Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, minkejja li l-proċedura inkwistjoni kienet tipprevedi l-istralċ tal-assi, is-sitwazzjoni ta’ impriża fi stralċ ġudizzjarju tippreżenta differenzi kunsiderevoli meta mqabbla ma’ dik ta’ impriża falluta ( 23 ), b’mod partikolari sa fejn huma kkonċernati l-ħatra u l-funzjonijiet tal-istralċjarju. B’mod partikolari, fil-proċess ta’ stralċ ġudizzjarju Belġjan, bil-kontra tal-falliment, l-istralċjarju, minkejja li huwa maħtur mill-qorti, kien korp tal-kumpannija li għamlet il-bejgħ tal-attiv taħt it-tutela tal-laqgħa ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-raġunijiet li wassluha sabiex teskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 77/187 fil-każ ta’ falliment, jistgħu jkunu nieqsa fil-każ ta’ impriża fi stralċ ġudizzjarju, b’mod partikolari fil-każ, bħal dak pendenti quddiem il-qorti nazzjonali, li fih it-tkomplija tal-operat kienet ġiet żgurata meta l-impriża kienet is-suġġett tat-trasferiment ( 24 ).

3.  Fuq l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23

49.

Wara s-sentenzi li għadni kemm analizzajt, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, fl-1998 ( 25 ), introduċa fid-Direttiva 77/187 id-dispożizzjoni li illum il-ġurnata tidher fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23.

50.

Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, ħlief jekk l-Istati Membri jiddisponu b’mod ieħor, is-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 ma tapplikax għat-trasferimenti tal-impriża li seħħew meta ċ-ċedent kien is-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment jew ta’ proċeduri ta’ stralċ analogi miftuħa fid-dawl tal-istralċ tal-assi taċ-ċedent u li tinsab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika.

51.

Meta hija tirreferi għal proċedura “ta’ falliment li kienu istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment” u “sakemm dawn il-proċedimenti jkunu taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti”, din id-dispożizzjoni tirrepeti b’mod ċar il-lingwaġġ użat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Abels u d’Urso et ( 26 ) għall-falliment ( 27 ).

52.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemm l-ebda dubju li, hekk kif irrilevaw il-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjoni li hemm fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi eżaminati fil-punti 41 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

53.

Issa, mill-analiżi ta’ dawn is-sentenzi jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit jekk is-sistema ta’ protezzjoni tal-ħaddiema prevista mid-Direttiva 77/187 – u illum prevista mid-Direttiva 2001/23 – kinitx applikabbli jew le għal trasferiment li jseħħ fil-kuntest ta’ proċedura prevista għas-sitwazzjonijiet ta’ kriżi tal-impriża, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat żewġ kriterji, jiġifieri l-għan imfittex mill-proċeduri inkwistjoni u l-modalitajiet ta’ dawn il-proċeduri billi ħadet inkunsiderazzjoni l-iskopijiet tad-direttiva. B’mod iktar speċifiku, mill-analiżi tal-ġurisprudenza jirriżulta li l-esklużjoni tal-imsemmija sistema ta’ protezzjoni hija ġġustifikata biss jekk il-proċeduri inkwistjoni, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u tal-modalitajiet tagħhom, jipprevedu l-istralċ tal-assi tal-impriża. Bil-kontra, jekk, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet u tal-modalitajiet tagħhom, il-proċeduri inkwistjoni tipprevedi l-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża, l-għan ekonomiku u soċjali tagħhom ma jiġġustifikax li, fil-każ tat-trasferiment tal-impriża, il-ħaddiema tagħha jiġu miċħuda mid-drittijiet li tirrikonoxxilhom l-imsemmija direttiva ( 28 ).

54.

Din id-distinzjoni bejn il-proċeduri li jipprevedu l-istralċ u l-proċeduri intiżi għall-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża ma jirriżultawx biss mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda, hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, illum issib bażi fit-test stess tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23. Fil-fatt, dan l-artikolu jistabbilixxi distinzjoni bejn, minn naħa, il-proċeduri ta’ insolvenza li jipprevedu, bħall-falliment, l-istralċ tal-assi taċ-ċedent (dawn il-proċeduri jissemmew b’mod espliċitu fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu u huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva) u, min-naħa l-oħra, il-proċeduri ta’ insolvenza (imsemmija fil-paragrafu 2 tal-imsemmi artikolu) li ma nbdewx fid-dawl tal-istralċ tal-assi taċ-ċedent, jimplikaw il-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża.

55.

Issa, id-determinazzjoni, in concreto, ta’ jekk ċessjoni seħħietx fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza li tipprevedi l-istralċ tal-assi taċ-ċedent jew proċedura intiża għall-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża tista’ ma tkunx evidenti.

56.

Fil-fatt, minn naħa, huwa tassew possibbli li ċessjoni tal-partijiet vijabbli tal-impriża fi stat ta’ insolvenza seħħ fil-kuntest ta’ proċedura li, bħall-falliment, tipprevedi l-istralċ tal-assi taċ-ċedent. Min-naħa l-oħra, tali determinazzjoni tista’ tkun ikkomplikata fil-każ ta’ proċeduri “atipiċi”, bħal pereżempju dawk li ġew żviluppati fil-Pajjiżi l-Baxxi għall-konklużjoni ta’ pre-pack, li sseħħ, għall-inqas parzjalment, barra mill-kuntest legali u li għandu natura ibrida sa fejn hija tħallat element informali u l-elementi li jaqgħu taħt proċedura formali (jiġifieri dawk ta’ falliment hekk kif irregolati mil-liġi dwar il-falliment).

57.

F’dan ir-rigward, inqis li, b’mod ġenerali, jista’ jitqies li trasferiment iseħħ fil-kuntest ta’ proċedura li tipprevedi l-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża meta din il-proċedura hija ddisinjata u applikata preċiżament bl-għan li tiġi ssalvagwardjata n-natura operazzjonali tal-impriża (jew tal-unitajiet vijabbli) b’mod li jippermetti li jiġi mħares il-valur li jirriżulta mill-kontinwazzjoni, mingħajr interruzzjoni, tal-operat tal-impriża. Bil-kontra, il-proċeduri intiżi għall-istralċ tal-assi ma humiex stabbiliti sabiex isegwu tali għan iżda huma intiżi biss sabiex jiġi mmassimizzat il-ħlas kollettiv tal-kredituri.

58.

Naturalment, jista’ jkun hemm ċerta sovrappożizzjoni bejn l-għan li tiġi ssalvagwardjata n-natura operattiva minn naħa tal-impriża ċeduta u dak li jiġi mmassimizzat il-ħlas kollettiv tal-kredituri. Fil-fatt, il-valur ta’ impriża li għadha operattiva huwa, ġeneralment, ħafna ogħla kemm mill-valur tal-attiv tagħha meħud waħdu, kif ukoll mill-valur li kien ikollha l-istess impriża kieku l-istat tagħha ta’ diffikultà finanzjarju gravi tagħha kien iddikjarat ( 29 ). B’hekk, is-salvagwardja tan-natura operattiva tal-parti vijabbli tal-impriża fi stat ta’ diffikultà li tippermetti li jinkiseb potenzjalment prezz ogħla għaċ-ċessjoni tagħha jista’ jimmassimizza il-ħlas tal-kredituri ( 30 ). Madankollu, fil-proċeduri intiżi għall-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża, is-salvagwardja tagħha tikkostitwixxi l-element ċentrali, u l-għan prinċipali tal-proċedura bħala tali jew tal-applikazzjoni in concreto tagħha. Bil-kontra, fil-proċeduri li jipprevedu l-istralċ, l-imsemmija salvagwardja hija purament funzjonali għall-ħlas tal-kredituri.

59.

Fl-opinjoni tiegħi, huwa għaldaqstant f’dan is-sens li għandha tiġi interpretata d-dispożizzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 fid-dawl tal-ġurisprudenza li hija kkodifikat.

60.

Qabel ma tiġi vverifikata l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni fil-każ ta’ trasferiment li seħħ, bħal f’din il-kawża, fil-kuntest ta’ proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack hekk kif ġiet żviluppata fil-Pajjiżi l-Baxxi, jidher, madankollu, li hemm żewġ osservazzjonijiet li jkun opportun li jissemmew.

61.

Fl-ewwel lok, bħala deroga mill-għan prinċipali segwit mid-Direttiva 2001/23, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema u fl-applikazzjoni tal-garanziji li huwa jipprevedi favurihom, l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta.

62.

Fit-tieni lok, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23, u b’mod partikolari l-paragrafi 1 u 2 tiegħu, jħallu marġni ta’ manuvra għall-Istati Membri fid-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet previsti fihom. Fil-fatt, minn naħa, l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jħalli espliċitament lill-Istati Membri l-possibbiltà “sakemm ma jipprovdux xort’ oħra” sabiex jiddeċiedu li japplikaw kompletament l-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 fil-każ ta’ falliment jew ta’ proċedura analoga. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 5(2) tal-imsemmija direttiva jippermetti lill-Istati Membri sabiex japplikaw parzjalment l-Artikoli 3 u 4 għat-trasferimenti tal-impriżi li jseħħu fil-kors ta’ proċeduri ta’ insolvenza mibdija fir-rigward ta’ ċedent (u dan, kemm meta l-proċedura kienet jew li inbdiet fid-dawl tal-istralċ tal-assi tiegħu).

63.

Ir-rikonoxximent ta’ tali marġni ta’ manuvra wiesgħa hija mhux biss konformi mas-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels ( 31 ), iżda hija wkoll koerenti mas-setgħa wiesgħa ta’ azzjoni, rrikonoxxuta b’mod ġenerali għall-Istati Membri fil-kuntest tal-eżekuzzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/23, li hija bbażata fuq il-fatt li din id-direttiva hija intiża biss għal armonizzazzjoni parzjali tal-materja u ma hijiex intiża sabiex tistabbilixxi livell ta’ protezzjoni uniformi għall-Unjoni kollha skont kriterji komuni ( 32 ).

64.

Madankollu, fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi Baxxi ma użax il-marġni ta’ manuvra li ġiet irrikonoxxuta espressament lilu mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/23. Waqt is-seduta, wara domanda speċifika tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Olandiż ikkonferma espliċitament li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ma stabbilixxiex dispożizzjoni speċifika li, sabiex jintużaw it-termini użati mill-imsemmija direttiva, jiddisponu “xort’oħra” mill-imsemmi Artikolu 5(1). Għaldaqstant, hija l-eċċezzjoni kif prevista f’din id-dispożizzjoni li hija rilevanti f’din il-kawża.

4.  Fuq l-applikabbiltà tas-sistema ta ’ protezzjoni tal-ħaddiema prevista mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 fil-każ tat-trasferiment ta ’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta pre-pack

65.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi eżaminat jekk trasferiment li seħħ fil-kuntest ta’ pre-pack, hekk kif ikkonċerna, fil-kawża preżenti, l-unitajiet ta’ Estro Groep, jaqax jew le taħt l-eċċezzjoni tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, u, bħala konsegwenza, jekk is-sistema ta’ protezzjoni prevista fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva favur il-ħaddiema tapplikax jew le fil-każ ta’ tali trasferiment.

66.

F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni ppreżentata fil-proċess tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack, hekk kif ġie żviluppat fil-prattika fil-Pajjiżi l-Baxxi, isseħħ f’żewġ fażijiet, jiġifieri fażi preparatorja, preċedenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment, u fażi simultanja jew immedjatament sussegwenti għad-dikjarazzjoni ta’ falliment.

67.

Il-fażi preparatorja tinfetaħ dejjem fuq inizjattiva tal-impriża f’diffikultà, li titlob lill-qorti sabiex taħtar kuratur mistenni u imħallef-kummissarju mistenni. Il-qorti hija libera sabiex twettaq tali ħatra jew le, skont jekk tqisx li s-segwiment ta’ tali proċedura hijiex deżiderabbli jew le.

68.

L-idea wara din il-ħatra minn qabel hija dik li tqiegħed lill-kuratur mistenni f’pożizzjoni, qabel ma jinħatar formalment bħala kuratur tal-falliment, sabiex jinforma ruħu fuq l-impriża, kif ukoll sabiex janalizza s-sitwazzjoni finanzjarja tagħha u s-soluzzjonijiet possibbli prevedibbli, b’mod sabiex ikun jista’, malajr wara d-dikjarazzjoni tal-falliment, jitlob lill-imħallef-kummissarju mistenni, l-awtorizzazzjoni sabiex jimplementa ċ-ċessjoni pre-pack.

69.

Għal dan l-iskop, il-kuratur mistenni għandu jkun f’kuntatt mal-impriża inkwistjoni, jistudja l-kompatibbiltà tagħha u d-data rilevanti l-oħra u jirċievi xi informazzjoni fuq is-soluzzjonijiet previsti. Huwa jista’ eventwalment, ikun involut fin-negozjati li jikkonċernaw iċ-ċessjoni tal-impriża jew tal-unitajiet vijabbli tagħha.

70.

F’din il-fażi preparatorja, li sseħħ qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment, iċ-ċessjoni tal-impriża hija ppreparata sal-iċken dettall. B’hekk, il-kuntratt ta’ bejgħ huwa prattikament implementat f’din il-fażi preparatorja. Kollox huwa ppreparat għall-implementazzjoni immedjata ta’ trasferiment simultanju għad-dikjarazzjoni ta’ falliment, mingħajr interruzzjoni fl-attività tal-impriża.

71.

Ladarba jiġi ddikjarat il-falliment, il-qorti taħtar il-kuratur mistenni bħala l-kuratur tal-falliment ( 33 ) u l-imħallef-kummissarju mistenni jsir l-imħallef kummissarju. L-elementi kollha taċ-ċessjoni li ġew miftehmin waqt il-fażi preparatorja, malajr ħafna wara l-ftuħ tal-falliment (anki fl-istess ġurnata bħalma ġara fil-każ ta’ Estro Groep) il-kuratur jitlob u jirċievi l-awtorizzazzjoni tal-imħallef-kummissarju għaċ-ċessjoni pre-pack ( 34 ). Sabiex ikun f’pożizzjoni sabiex jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu b’mod daqshekk malajr, l-imħallef-kummissarju għandu evidentement ikun irċieva informazzjoni kompleta u ddettaljata dwar it-tranżazzjoni waqt il-fażi preparatorja.

72.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll mill-osservazzjonijiet tal-partijiet kollha li pparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-għan tal-istruttura tal-proċedura li għadni kif iddeskrivejt, u speċifikament tal-fażi preparatorja, li jipprevedi l-elaborazzjoni taċ-ċessjoni sal-inqas dettall, huwa sabiex jevita l-interruzzjoni li tirriżulta fil-waqfien ħesrem tal-attivitajiet tal-impriża fil-mument tal-falliment, liema waqfien ikun iwassal għal tnaqqis sinjifikattiv fil-valur tal-impriża jew tal-unitajiet vijabbli li huma s-suġġett taċ-ċessjoni. Huwa minħabba din l-istess raġuni li l-fażi preparatorja sseħħ ġeneralment b’mod sigriet, sabiex ma ssirx pubblika s-sitwazzjoni ta’ diffikultà li tinsab fiha l-impriża inkwistjoni.

73.

Fir-rigward tas-setgħat tal-kuratur mistenni u tal-imħallef- kummissarju mistenni waqt il-fażi preparatorja, peress li din il-fażi ma hijiex irregolata mil-liġi, l-ebda minnhom ma jiddisponu formalment minn setgħa. Issa, sa fejn, ladarba jinfetaħ il-falliment, huma għandhom, rispettivament, jitolbu u jagħtu l-awtorizzazzjoni għat-tranżazzjoni huwa evidenti li waqt il-fażi preparatorja kemm il-kuratur mistenni u kemm l-imħallef-kummissarju mistenni jiddisponu xorta waħda minn ċerta setgħa ta’ natura “informali” li tista’ tinfluwenza l-iżvolġiment tat-trasferiment. Madankollu, din hija biss setgħa informali li ma għandiex bażi legali. Barra minn hekk, hekk kif irrilevaw kemm Smallsteps u kemm il-Gvern Olandiż, il-kuratur mistenni ma jmexxi l-ebda amministrazzjoni u l-imħallef-kummissarju ma jista’ jwettaq l-ebda amministrazzjoni qabel id-dikjarazzjoni formali ta’ falliment.

74.

Sabiex tiġi vverifikata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23 fuq trasferiment ta’ impriża li jseħħ fil-kuntest ta’ tali proċedura, għandhom jiġu applikati l-kriterji msemmija fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

75.

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward għandu jiġi kkunsidrat l-għan tal-proċedura inkwistjoni. Issa, jidher innegabbli li, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, din il-proċedura meħuda kollha kemm hi, tipprevedi t-trasferiment tal-impriża (jew tal-unitajiet tagħha li għadhom vijabbli) sabiex jitwettaq il-bidu mill-ġdid tagħha, mingħajr interruzzjoni, eżatt wara d-dikjarazzjoni ta’ falliment. L-għan ta’ din il-proċedura huwa li tiżgura l-kontinwazzjoni tal-impriża billi tħares il-valur miżjud li jirriżulta mill-kontinwazzjoni tal-operat tagħha. Il-fażi preparatorja kollha hija ffinalizzata sabiex jintlaħaq dan l-għan li jintlaħaq b’mod definittiv bit-trasferiment simultanju tad-dikjarazzjoni ta’ falliment.

76.

Mill-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li fil-każ tal-pre-pack, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-falliment jintuża fir-realtà bħala mezz sabiex jitwettaq il-bidu mill-ġdid tal-impriża. Essenzjalment dan ma huwiex falliment reali, iżda dak li jista’ jiġi ddefinit bħala “falliment tekniku”. Barra minn hekk dan huwa ikkonfermat mill-fatt, spjegat minn Smallsteps waqt is-seduta, li fil-kuntest tal-pre-pack, falliment lanqas ma huwa dejjem neċessarju, peress li l-fażi preliminari mhux dejjem twassal neċessarjament għal dikjarazzjoni ta’ falliment.

77.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li, fil-prattika, il-proċedura tal-falliment tintuża ħafna għal finijiet ta’ organizzazzjoni mill-ġdid u li f’tali każijiet, hija ma tipprevedix l-istralċ tal-impriża. B’hekk, minkejja li l-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack tista’ sseħħ, parzjalment, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment, ma jkunx hemm dubju li ma tistax tiġi kklassifikata fost il-proċeduri klassiċi intiżi għall-istralċ tal-impriża ( 35 ).

78.

F’dan il-punt tal-analiżi, nixtieq madankollu nenfasizza li l-għan segwit mill-pre-pack – jiġifieri l-kontinwazzjoni tal-operat tal-partijiet vijabbli tal-impriża billi jiġi evitat telf fil-valur li jirriżulta mill-interruzzjoni f’daqqa tal-attività tagħha – ċertament huwa lodevoli. Il-kwistjoni li tqajjem din il-kawża ma hijiex dik tal-ammissibbiltà tad-dritt tal-Unjoni tal-pre-pack bħala tali, iżda pjuttost dik tal-interazzjoni bejn il-pre-pack u d-Direttiva 2001/23. Issa għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-benefiċċji għall-investituri ( 36 ), għall-kredituri, għall-ħaddiema stess kif ukoll, b’mod iktar ġenerali għall-kumpannija li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ proċeduri li jipprevedu s-salvataġġ tal-impriżi u ż-żamma tal-valur tagħhom, l-implementazzjoni in concreto ta’ dawn il-proċeduri għandha madankollu sseħħ b’rispett għall-garanziji li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi għall-ħaddiema.

79.

Fit-tieni lok, għandu jitqies li l-modalitajiet konkreti tal-iżvolġiment tal-proċedura jirriżulta fil-konklużjoni ta’ pre-pack fil-Pajjiżi l-Baxxi. Issa, mid-deskrizzjoni mwettqa fil-punti 66 sa 73 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li tali proċedura hija differenti f’ħafna elementi minn proċedura ta’ falliment “klassika”.

80.

Qabel kollox, il-proċedura li twassal għal pre-pack tinbeda dejjem mill-kumpannija inkwistjoni stess, filwaqt li l-proċedura ta’ falliment tista’ tinbeda minn diversi atturi, bħal, pereżempju, il-kredituri ( 37 ).

81.

Sussegwentement, il-fażi preparatorja, li fiha, finalment jiġu deċiżi d-dettalji kollha tat-trasferiment, għandha natura kompletament informali. Minn naħa, din il-fażi hija rregolata mid-diretturi tal-impriża, li jmexxu n-negozjati u jadottaw id-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-bejgħ tal-impriża ( 38 ). Il-konklużjoni tal-pre-pack f’dan il-każ li tirrigwarda l-unitajiet vijabbli ta’ Estro Groep tikkostitwixxi eżempju ċar ta’ dan ( 39 ).

82.

Min-naħa l-oħra, irrilevajt kif f’din il-fażi, il-kuratur mistenni u l-imħallef-kummissarju mistenni ma għandhom l-ebda setgħa formalment. B’hekk, ma jkun hemm l-ebda amministrazzjoni minn naħa tal-kuratur ( 40 ), lanqas fil-proċedura formali tal-istabbiliment tad-dejn ( 41 ). Barra minn hekk, irrilevajt li, sabiex ikun jista’ jagħti awtorizzazzjoni għaċ-ċessjoni daqshekk malajr, l-imħallef kummissarju jrid ikun informat, u, essenzjalment ma jkunx indika oppożizzjoni għat-tranżazzjoni, qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment fis-sens li l-approvazzjoni tkun tista’ issir uffiċjali b’mod sempliċi wara l-falliment. Issa, dan l-approċċ jista’ jelimina kważi kompletament il-kontenut tal-kontroll uffiċjali li kellu jseħħ waqt il-proċedura formali ta’ falliment.

83.

Konsegwentement, qed naraw differenzi numerużi fil-konfront tal-proċedura ta’ falliment. B’mod partikolari jidher b’mod ċar li l-influwenza tal-kuratur u tal-qorti hija ħafna inqas importanti fil-każ tal-proċedura “speċjali” li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack milli fil-każ ta’ proċedura ta’ falliment “klassika” intiża għall-istralċ tal-assi taċ-ċedent.

84.

Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, għandu jiġi konkluż li, b’kunsiderazzjoni tal-għan li hija ssegwi u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha, u minkejja li hija tista’ tiżvolġi parzjalment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment, proċedura bħal dik li ġiet żviluppata fil-Pajjiżi l-Baxxi li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack ma tistax titqies bħala proċedura ta’ falliment jew proċeduri ta’ insolvenza analogi miftuħa sabiex isir l-istralċ tal-assi taċ-ċedent u li tinsab taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23. Konsegwentement, tali proċedura ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Minn dan isegwi li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 tapplika għat-trasferiment ta’ impriża jew tal-partijiet tagħha li għadhom vijabbli li sseħħ fil-kuntest ta’ tali pre-pack. Fil-fatt, mill-fatt isegwi dan it-trasferiment li l-attività tal-impriża jew tal-partijiet vijabbli tagħha titkompla jirriżulta li ma jistax jiġi spjegat u lanqas iġġustifikat li l-ħaddiema ta’ din l-impriża jew tal-unitajiet ittrasferiti tagħha jiġu miċħuda mid-drittijiet li tirrikonoxxilhom id-direttiva ( 42 ).

85.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li tali interpretazzjoni tad-Direttiva 2001/23 ma tistax tiġi kkontestata mill-argument eventwali bbażat fuq il-fatt li tista’ tiddiswadi lil ċessjonarji potenzjali milli jakkwistaw l-impriża f’diffikultà (jew il-partijiet vijabbli tagħha). Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċaħdet diversi drabi argument ta’ dan it-tip ( 43 ). Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont it-termini tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, din ma tostakolax il-possibbiltà li jseħħu “tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu.” Dawn it-tkeċċijiet ikollhom madankollu jseħħu b’rispett għall-garanziji kollha previsti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali.

86.

Fl-aħħar, f’dak li jikkonċerna lid-dispożizzjoni tad-Direttiva 2001/23, imsemmija mill-Gvern Olandiż u evokata waqt is-seduta, jiġifieri l-Artikolu 5(4) tal-istess direttiva, li tikkonċerna l-użu abbużiv tal-proċeduri ta’ insolvenza, ma naħsibx li hija rilevanti fil-kawża preżenti. Fil-fatt, mill-analiżi li għadni kif wettaqt jirriżulta li l-pre-pack, kif ġie żviluppat fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma jistabbilixxix użu abbużiv għal falliment sabiex jiċċaħdu l-ħaddiema mid-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 2001/23. Bil-kontra, is-sistema ta’ protezzjoni prevista min din id-direttiva tapplika sew fil-każ ta’ trasferiment li jseħħ fil-kuntest ta’ tali pre-pack.

5.  Konklużjoni dwar l-ewwel tliet domandi preliminari

87.

Qabel kollox, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, għandha tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari fis-sens li proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack, bħal dik li seħħet fil-każ prinċipali, minkejja li tista’ tiżvolġi parzjalment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment, ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, fis-sens li s-sistema ta’ protezzjoni għall-ħaddiema prevista fl-Artikoli 3 u 4 ta’ din id-direttiva tapplika fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minnha fil-kuntest ta’ tali pre-pack.

88.

Sussegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda preliminari tirriżulta mis-soluzzjoni li nipproponi għat-tieni domanda. Fil-fatt, fil-każ fejn, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack, il-proċedura ta’ falliment Olandiża, hekk kif applikata minn ċerti qrati fil-Pajjiżi l-Baxxi ma tipprevedix l-applikazzjoni għall-ħaddiema tal-impriża ċedenti (jew tal-partijiet tagħha li huma s-suġġett tat-trasferiment) tas-sistema ta’ protezzjoni prevista favurihom mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23, din il-proċedura ma hijiex konformi mal-imsemmija direttiva.

89.

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom meta jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u meta japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnhom, sabiex jiżguraw l-effettività totali tad-dritt tal-Unjoni u sabiex jiksbu soluzzjoni li tikkorrispondi mal-għan segwit minn din id-direttiva ( 44 ).

90.

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, li għandha tasal għal soluzzjoni konformi mal-iskop segwit mid-Direttiva 2001/23 u għaldaqstant sabiex tiżgura li, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża jew ta’ ċerti partijiet tagħha fil-kuntest ta’ pre-pack, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 2001/23 tiġi żgurata favur il-ħaddiema tal-partijiet ċeduti tal-impriża.

91.

F’dak li jikkonċerna t-tielet domanda preliminari, mill-punti 57 u 58 kif ukoll 75 sa 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li, fid-dawl tal-fatt li l-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack tipprevedi l-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża (jew tal-partijiet vijabbli tagħha li kienu s-suġġett taċ-ċessjoni), il-fatt li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tista’ tkun ukoll tfisser il-massimizzazzjoni tal-ħlas tal-kredituri ma jistax ikollu bħala konsegwenza li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 2001/23 favur il-ħaddiema ma tapplikax fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack ( 45 ).

B. Fuq ir-raba ’ domanda preliminari

92.

Permezz tar-raba’ domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tressaq domanda li tikkonċerna il-mument eżatt li fih iseħħ it-trasferiment tal-impriża.

93.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din id-domanda tressqet fir-rigward ta’ parti mill-kap tat-talbiet mressqa mill-FNV u r-rikorrenti l-oħra sussidjarjament quddiem il-qorti tar-rinviju ( 46 ). Issa, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, tali domanda ma għandiex rilevanza ħlief fil-każ fejn jiġi deċiż li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 ma tkunx applikabbli fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack.

94.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tar-risposta proposta għall-ewwel tliet domandi preliminari, inqis li ma huwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għar-raba’ domanda.

V. Konklużjoni

95.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Rechtbank Midden-Nederland (qorti ta’ prim’istanza tal-Midden-Nederland, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

1)

Fid-dawl tal-għan li hija ssegwi u tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni, u minkejja li hija tista’ sseħħ parzjalment fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment, proċedura bħal dik li ġiet żviluppata fil-Pajjiżi l-Baxxi li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack ma tistax titqies bħala proċedura ta’ falliment jew proċeduri ta’ insolvenza analoga miftuħa fid-dawl tal-istralċ tal-assi taċ-ċedent u li hija taħt il-kontroll ta’ awtorità pubblika kompetenti fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23/KE tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta l-Istati Membri dwar is-salvagwardjar tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriża, kummerċ jew partijiet minn impriżi jew kummerċ. Konsegwentement, tali proċedura ma taqax taħt l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Isegwi li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23 tapplika għat-trasferiment ta’ impriża jew tal-partijiet tagħha li għadhom vijabbli li sseħħ fil-kuntest ta’ tali pre-pack.

2)

Sa fejn, fil-każ fejn, fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack, il-proċedura ta’ falliment Olandiża, hekk kif applikata minn ċerti qrati fil-Pajjiżi l-Baxxi ma tipprevedix l-applikazzjoni għall-ħaddiema tal-impriża ċedenti (jew tal-partijiet tagħha li huma s-suġġett tat-trasferiment) tas-sistema ta’ protezzjoni prevista favurihom mill-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2001/23, din il-proċedura ma hijiex konformi mal-imsemmija direttiva. Hija l-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu billi tapplika l-metodi ta’ interpretazzjoni irrikonoxxuti lilha, li għandha tasal għal soluzzjoni konformi mal-iskop segwit mid-Direttiva 2001/23 u għaldaqstant sabiex tiżgura li, fil-każ ta’ trasferiment tal-impriża jew ta’ ċerti parti minnha fil-kuntest ta’ pre-pack, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 2001/23 hija żgurata favur il-ħaddiema tal-partijiet ċeduti tal-impriża.

3)

Fid-dawl tal-fatt li l-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack tipprevedi l-kontinwazzjoni tal-operat tal-impriża (jew tal-partijiet vijabbli tagħha li kienu s-suġġett taċ-ċessjoni), il-fatt li l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tista’ tfisser ukoll il-massimizzazzjoni tal-ħlas kollettiva tal-kreditur ma jistax ikollha bħala konsegwenza li s-sistema ta’ protezzjoni prevista mid-Direttiva 2001/23 favur il-ħaddiema ma tapplikax fil-każ tat-trasferiment ta’ impriża li sseħħ fil-kuntest ta’ pre-pack.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ara “Schutzschirmverfahren”, previst fl-Artikolu 270b tal-Insolvenzordnung (regolament dwar l-insolvenza). Fi Franza, il-“prepack cession” ġie introdott fl-Artikolu L611-7 tal-Code du commerce (kodiċi tal-kummerċ).

( 3 ) Din it-tendenza hija riflessa fir-regolament riċenti, ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) 2015/848, tal-20 ta’ Mejju 2015, dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19). Ara b’mod partikolari il-premessa 10 ta’ dan ir-regolament.

( 4 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-12 ta’ Marzu 2001, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-salvagwardjar tad-drittijiet tal-impjegati f’każ ta’ trasferimenti ta’ impriża, kummerċ jew partijiet minn impriżi jew kummerċ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98)

( 5 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 77/187/KEE, tal-14 ta’ Frar 1977, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU 1977, L 61, p. 26), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU 1998, L 201, p. 88) (iktar 'il quddiem id-“Direttiva 77/187”).

( 6 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, sal-lum, il-pre-pack huwa previst biss fil-qrati ta’ Amsterdam, ta’ Rotterdam, ta’ Overijssel, ta’ Zeeland-West-Brabant, ta’ Gelderland, ta’ Oost-Brabant, ta’ Den Haag u ta’ Noord-Nederland u li l-qorti tar-rinviju ma kinitx tipprevedih.

( 7 ) Ara https://zoek.officielebekendmakingen.nl/kst-34218-1.html. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dan l-abbozz preliminari ta’ proposta ta’ liġi kien intiż, minn naħa, sabiex jikkontribwixxi għall-effikaċja tar-regolament tal-falliment u, min-naħa l-oħra, sabiex jiffavorixxi l-bidu mill-ġdid mgħaġġel tal-unitajiet vijabbli tal-impriża wara l-falliment b’mod li jkun jista’ jiġi ppreżervat il-valur tal-impriża u tal-impjieg.

( 8 ) Id-Direttiva 77/187 ipprevediet għall-ħaddiema, l-istess forom ta’ protezzjoni bħal dawk previsti mid-Direttiva 2001/23, iżda ma pprevedietx l-eċċezzjoni espressa għall-applikabbiltà tal-imsemmija direttiva fil-każ ta’ trasferiment tal-impriża li seħħ fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza.

( 9 ) 135/83, EU:C:1985:55.

( 10 ) Sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punti 14 u 18). F’dan ir-rigward ara wkoll is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C‑362/89, EU:C:1991:326, punt 23).

( 11 ) Sentenza tas-7ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punti 15 sa 17).

( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punti 23u 30). Ara wkoll, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326, punt 23).

( 13 ) Sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punt 24).

( 14 ) Sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55, punti 28 u 29).

( 15 ) C-362/89, EU:C:1991:326.

( 16 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326, punt 26). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-differenzi bejn is-sistemi legali tal-Istati Membri, il-kriterju tal-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-qorti fuq il-proċedura ma jippermettix, waħdu, li jiġi ddeterminat l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva 77/187 (punt 25).

( 17 ) It-tilwima fil-kawża prinċipali kkonċernat l-applikabbiltà tal-protezzjoni prevista mid-Direttiva 77/187 fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriża suġġetta għall-proċedura ta’ amministrazzjoni straordinarja tal-impriżi kbar li qegħdin fi kriżi prevista mil-leġiżlazzjoni Taljana applikabbli f’dak iż-żmien. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-leġiżlazzjoni Taljana dwar dak is-suġġett kienet tippreżenta xi karatteristiċi differenti, li pprovdew li d-digriet li jordna l-istralċ amministrattiv forzat kien jiddeċiedi jew le t-tkomplija tal-attività tal-impriża. Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326, punt 30).

( 18 ) Sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326, punti 31 u 32).

( 19 ) C-472/93, EU:C:1995:421.

( 20 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C-472/93, EU:C:1995:421, punti 24 sa 30).

( 21 ) C-319/94, EU:C:1998:99.

( 22 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99, punt 25). Ara, ukoll, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Europièces (C-399/96, EU:C:1998:532, punt 26).

( 23 ) Sar sunt fid-dettall ta’ dawn id-differenzi fil-punt 9 tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99).

( 24 ) Sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99, punti 26 sa 31). Ara, ukoll, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1998, Europièces (C-399/96, EU:C:1998:532, punti 31 u 32). F’din is-sentenza tal-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kriterji żviluppati fis-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998. Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99), għall-proċeduri ta’ stralċ volontarju fid-dritt Belġjan.

( 25 ) Ara l-Artikolu 4a tad-Direttiva 98/50 iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara l-punt 23 tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55), kif ukoll il-punt 23 tas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326), u ara l-punt 43 tal-konklużjonijiet preżenti.

( 27 ) Isegwi li, it-teżi mressqa minn Smallsteps, kemm quddiem il-qorti tar-rinviju, kif ukoll kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li skontha r-rekwiżit previst mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/23, li l-proċeduri jkunu “istitwiti bl-iskop tal-likwidazzjoni ta’ l-assi ta’ min qed jagħmel it-trasferiment” u li jkunu “taħt is-superviżjoni ta’ awtorità pubblika kompetenti” japplikaw biss għall-proċeduri analogi għall-falliment u mhux għall-falliment bħala tali ma jistax ikollha suċċess. Fil-fatt, tali interpretazzjoni hija kuntrarja b’mod ċar mal-kontenut tal-punti tas-sentenzi tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55) kif ukoll tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326), imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 28 ) Isegwi li ma għandhiex bażi l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Olandiż, li tipprovdi li l-element deċiżiv sabiex tiġi ddeterminata l-applikabbiltà tad-Direttiva 2001/23 fuq trasferiment ikun li dan jirrigwarda l-attivitajiet industrijali jew kummerċjali ta’ impriża falluta. Fil-fatt, din ma hijiex is-sitwazzjoni li qegħdin fiha l-attivitajiet li kienu s-suġġett ta’ trasferiment li jgħodd iżda l-għan (kontinwazzjoni jew stralċ tal-impriża) segwit mill-proċedura li fil-kuntest tagħha jseħħ it-trasferiment, peress li l-għan għandu jiġi stabbilit fid-dawl tal-modalitajiet ta’ dawn il-proċeduri.

( 29 ) Fil-fatt, il-konoxxenza tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ diffikultà finanzjarja gravi tal-impriża jista’ jkollha konsegwenzi dannużi fuq l-attitudni tal-klijenti tagħha, tal-fornituri u tal-investituri tagħha fil-konfront tagħha, li jista’ jirriżulta f’konsegwenzi negattivi sinjifikattivi fuq l-attivitajiet tagħha, u b’hekk, fuq il-valur tagħha.

( 30 ) Għal eżempju konkret tal-proċedura li fiha jkun hemm sovrappożizzjoni taż-żewġ għanijiet imsemmija iktar ’il fuq, ara l-punt 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1996:291).

( 31 ) Ara l-punti 23 u 24 tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 1985, Abels (135/83, EU:C:1985:55).

( 32 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C-328/13, EU:C:2014:2197, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali u għal raġunjiet serji li l-kuratur-mistenni ma jiġix maħtur bħala kuratur tal-falliment.

( 34 ) L-intervenzjoni ġudizzjarja fil-kuntest tal-proċedura li twassal għal pre-pack għandha bħala konsegwenza li l-ftehim ta’ ċessjoni tal-impriża jakkwista l-valur u l-forza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja pjuttost milli jkollha dawk ta’ ftehim sempliċi ta’ natura kuntrattwali li jista’ jiġi emendat jew li ma jiġi eżegwit.

( 35 ) F’dan il-kuntest, kienet tidher singulari t-teżi mressqa mill-Gvern Olandiż li ssostni li, fid-dawl tal-fatt li hija parti mill-kuntest ta’ falliment, il-proċedura li twassal għall-konklużjoni ta’ pre-pack hija intiża għall-istralċ tal-beni taċ-ċedent. F’dan ir-rigward, nirrileva li t-titolu stess tal-abbozz tal-liġi f’diskussjoni quddiem il-Parlament Olandiż u li ser jirregola l-pre-pack fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa “liġi fuq il-kontinwazzjoni tal-impriżi”. Ara l-punt 21 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 36 ) Element li ċertament għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ekonomiku ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ prattiki ta’ insolvency forum shopping.

( 37 ) Għar-rilevanza ta’ dan l-element ta’ differenzjazzjoni fl-analiżi, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1996:291, punt 46).

( 38 ) Għal eżempju li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet lil dan l-element inkunsiderazzjoni fl-analiżi tagħha, ara l-punt 29 tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99, punt 29), kif ukoll il-punt 50 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-Kawża Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1996:291).

( 39 ) B’hekk, mir-rapport tal-amministratur mhux uffiċjali ta’ Estro Groep, imsemmija fid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, jirriżulta li Estro Groep stess għażlet lil H.I.G. Capital bħala xerrej mingħajr ma għamlet kuntatt b’mod serju ma’ xerrejja potenzjali oħra u li l-kuratur mistenni kellu, essenzjalment, jaċċetta din is-sitwazzjoni.

( 40 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C-472/93, EU:C:1995:421, punt 29).

( 41 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99, punt 29) kif ukoll il-punt 47 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz dwar l-istess kawża (C-319/94, EU:C:1996:291).

( 42 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326, punt 32), tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C-472/93, EU:C:1995:421, punt 30) kif ukoll tat-12 ta’ Marzu 1998, Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1998:99, punt 31).

( 43 ) F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, d’Urso et (C-362/89, EU:C:1991:326, punti 18 u 19), kif ukoll tas-7 ta’ Diċembru 1995, Spano et (C-472/93, EU:C:1995:421, punti 34 u 35).

( 44 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, Pöpperl (C-187/15, EU:C:2016:550, punt 43), kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C-282/10, EU:C:2012:33, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2015, Klausner Holz Niedersachsen (C-505/14, EU:C:2015:742, punt 34).

( 45 ) F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-kawża Dethier Équipement (sentenza tat-12 ta’ Marzu 1998, C-319/94, EU:C:1998:99), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sistema ta’ protezzjoni tal-ħaddiema tapplika fil-każ tal-istralċ ġudizzjarju, filwaqt li din il-proċedura ssegwi ż-żewġt għanijiet. Ara l-punt 32 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Dethier Équipement (C-319/94, EU:C:1996:291).

( 46 ) Ara punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.