DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

24 ta’ Ġunju 2016 ( *1 )

“Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, għal annullament u għad-danni — Talba għal ftuħ ta’ investigazzjoni għal allegat ksur tad-dritt tal-Unjoni — Deċiżjoni tal-President tal-EIOPA li ma tinfetaħx investigazzjoni — Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell li tiċħad bħala inammissibbli l-kontestazzjoni — Termini għall-preżentata ta’ rikors — Att li ma jistax jiġi kkontestat — Ksur ta’ rekwiżiti proċedurali — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt”

Fil-Kawża T‑590/15,

Onix Asigurări SA, stabbilita f’Bucureşti (ir-Rumanija), irrappreżentata minn M. Vladu,

rikorrenti,

vs

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA), irrappreżentata minn C. Coucke u S. Dispiter, bħala aġenti, assistiti minn H.‑G. Kamman, avukat,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, prinċipalment, talba bbażata fuq l-Artikolu 265 TFUE u intiża sabiex jiġi kkonstatat li l-EIOPA naqset, b’mod illegali, milli tieħu deċiżjoni kontra l-applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(6) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346), mill-Istituto per la Vigilanza sulle Assicurazioni (IVASS, awtorità superviżorja Taljana għas-settur tal-assigurazzjoni) u, sussidjarjament, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni EIOPA‑14‑267 tal-President tal-EIOPA, tas-6 ta’ Ġunju 2014, dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU 2010, L 331, p. 48), u tad-Deċiżjoni BOA 2015 001 tal-Bord tal-Appell, tat-3 ta’ Awwissu 2015, li tiċħad bħala inammissibbli rikors ippreżentat minn Onix Asigurări skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1094/2010 u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbet minħabba n-nuqqas li tittieħed azzjoni msemmi iktar ’il fuq u l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) twaqqfet mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU 2010, L 331, p. 48).

2

Skont l-Artikolu 1(2) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (ĠU L 331, p. 1), l-EIOPA tagħmel parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF), li l-għan tagħha huwa li tiżgura s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni Ewropea.

3

Is-SESF tinkludi wkoll żewġ awtoritajiet superviżorji ewropej oħrajn, jiġifieri l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), imwaqqfa bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal‑24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU 2010, L 331, p. 12), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), imwaqqfa mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU 2010, L 331, p. 84). Is-SESF hija wkoll komposta minn bord imħallat ta’ awtoritajiet superviżorji Ewropej kif ukoll ta’ awtoritajiet kompetenti jew superviżorji tal-Istati Membri.

4

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi li l-EIOPA għandha taġixxi skont is-setgħat mogħtija lilha minn dan ir-regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-atti msemmija minn din id-dispożizzjoni, fosthom b’mod partikolari, id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja u temenda d-Direttivi 73/239/KEE u 88/357/KEE (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 346). Skont l-Artikolu 1(6) tal-imsemmi regolament, l-EIOPA għandha l-għan li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini tagħha u l-impriżi tagħha.

5

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 jipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lill-EIOPA tittratta l-każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fil-prattiki superviżorji tagħhom. L‑Artikolu 17(2), (3) u (6) tar-Regolament Nru 1094/2010 jistabbilixxi, għal dan il-għan, mekkaniżmu fi tliet fażijiet. Skont l-Artikolu 17(1) u (2) tal-imsemmi regolament:

“1.   Fejn awtorità kompetenti ma tkunx applikat l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikoli 10 sa 15, b’mod partikolari billi tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dawk l-atti, l-[EIOPA] għandha taġixxi skont is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fuq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gruppi tal-partijiet interessati rilevanti, jew fuq inizjattiva tagħha stess u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-[EIOPA] tista’ tinvestiga l-ksur jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni allegati tal-liġi tal-Unjoni.

Mingħajr preġudizzju għas-setgħat imniżżlin fl-Artikolu 35, l-awtorità kompetenti għandha, mingħajr dewmien, tipprovdi lill-[EIOPA] l-informazzjoni kollha li l-[EIOPA] tikkunsidra bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha.”

6

L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1094/2010 jirregola l-appelli li jistgħu jsiru quddiem il-Bord tal-Appell tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Bord tal-Appell”). Din id-dispożizzjoni tipprovdi dan li ġej:

“1.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi awtoritajiet kompetenti, tista’ tappella kontra deċiżjoni tal-[EIOPA] msemmija fl-Artikoli 17, 18 u 19 jew kontra kwalunkwe deċiżjoni oħra meħuda mill-[EIOPA] skont l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) li tkun indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

[…]

4.   Jekk l-appell ikun wieħed ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk dan ikollux bażi tajba. Huwa għandu jistieden lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ appell sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar in-notifiki tiegħu stess jew dwar komunikazzjonijiet mill-partijiet l-oħrajn fil-proċedimenti ta’ -appell, fi ħdan il-limiti taż-żmien speċifikati. Il-partijiet fil-proċedimenti ta’ -appell għandhom ikunu intitolati jagħmlu rappreżentazzjonijiet orali.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 61(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1094/2010:

“1.   Jistgħu jinbdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 263 TFUE, li jikkontestaw deċiżjoni meħuda mill-Bord tal-Appell jew, f’każijiet fejn ma jkun hemm ebda dritt tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, mill-[EIOPA].

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu jibdew proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra d-deċiżjonijiet tal-[EIOPA], f’konformità mal-Artikolu 263 TFUE.

3.   Fil-każ li l-[EIOPA] jkollha obbligu li taġixxi u tonqos milli tieħu deċiżjoni, il-proċedimenti għan-nuqqas ta’ azzjoni jistgħu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 265 TFUE.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

8

Ir-rikorrenti, Onix Asigurări SA, hija kumpannija tal-assigurazzjoni rregolata mid-dritt Rumen u li għandha s-sede tagħha fir-Rumanija. Hija teżerċita l-attivitajiet tagħha f’diversi Stati Membri tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikolari, ir-Repubblika Taljana.

9

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2013, l’Istituto per la Vigilanza sulle Assicurazioni (IVASS, awtorità superviżorja Taljana għas-settur tal-assigurazzjoni), ipprojbixxa lir-rikorrenti, għal perijodu indeterminat, milli tikkonkludi kuntratti ta’ assigurazzjoni ġodda fl-Italja (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-IVASS”). Din id-deċiżjoni, meħuda skont l-Artikolu 193(4) tal-Codice delle assicurazioni private (Kodiċi tal-Assigurazzjonijiet Privati), li jimplementa l-Artikolu 40 tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, kienet immotivata minn tħassib serju tal-IVASS dwar ir-reputazzjoni tal-azzjonist uniku tar-rikorrenti.

10

Fil-5 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-EIOPA. Permezz ta’ din l-ittra, hija b’mod partikolari informat lill-imsemmija awtorità bid-deċiżjoni tal-IVASS u esponiet ir-raġunijiet għaliex, fil-fehma tagħha, din id-deċiżjoni ma kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni. Essenzjalment hija allegat li l-IVASS ma kellux il-kompetenza sabiex jevalwa r-reputazzjoni tal-azzjonist tagħha u li l-Artikolu 40(6) tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja ma kienx japplika. Din l-ittra ġiet ittrattata mill-EIOPA bħala lment ifformulat taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010.

11

Wara skambju ta’ messaġġi elettroniċi li sar matul il-perijodu ta’ bejn Marzu u Mejju 2014 bejn ir-rikorrenti u l-EIOPA, il-President ta’ din tal-aħħar adotta żewġ deċiżjonijiet fis-6 ta’ Ġunju 2014.

12

Minn naħa, permezz tad-Deċiżjoni EIOPA-14-266, dwar l-ammissibbiltà ta’ talba fformulata taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010, l-ilment tar-rikorrenti ġie ddikjarat ammissibbli.

13

Min-naħa l-oħra, permezz tad-Deċiżjoni EIOPA-14‑267, dwar il-ftuħ ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010, il-President tal-EIOPA ddeċieda li ma jiftaħx investigazzjoni dwar il-ksur possibbli tad-dritt tal-Unjoni mill-IVASS (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rifjut”). Mill-motivi ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li, għalkemm skont l-Artikolu 40(6) tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri ta’ emerġenza sabiex jipprevjenu irregolaritajiet fit-territorji tagħhom, il-portata u l-limiti ta’ din is-setgħa huma ddefiniti skont id-dritt nazzjonali, taħt il-kontroll tal-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, fl-imsemmija deċiżjoni ġie indikat li ma kienet teżisti ebda raġuni sabiex jiġi allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja mill-IVASS.

14

Dawn id-deċiżjonijiet ġew ikkomunikati lir-rikorrenti permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-12 ta’ Ġunju 2014.

15

Fit-18 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-President tal-EIOPA b’risposta għad-deċiżjoni ta’ rifjut, fejn talbitu jannulla din id-deċiżjoni u jiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010 għal ksur tad‑dritt tal-Unjoni mill-IVASS. Essenzjalment, ir-rikorrenti tenniet il-pożizzjoni tagħha li l-IVASS ma kellux il-kompetenza sabiex jevalwa r-reputazzjoni tal-azzjonist tagħha, peress li din l-evalwazzjoni tista’ ssir biss mill-awtoritajiet Rumeni.

16

Matul il-perijodu ta’ bejn Ġunju u Novembru 2014, ir-rikorrenti u l-EIOPA skambjaw diversi messaġġi elettroniċi. B’mod partikolari, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-2 ta’ Ottubru 2014, l-EIOPA rrispondiet l-argumenti dwar il-mertu ppreżentati mir-rikorrenti u ċċarat il-pożizzjoni espressa fid-deċiżjoni ta’ rifjut. Ir-rikorrenti rrispondiet permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ottubru 2014.

17

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-3 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti indikat lill-EIOPA li, jekk ma tingħatax risposta qabel il‑15 ta’ Novembru 2014 għal dak li jikkonċerna l-ftuħ ta’ proċedura skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010, hija kienet ser tressaq kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l‑Artikolu 61 tal-imsemmi regolament.

18

F’ittra bid-data tal-24 ta’ Novembru 2014, filwaqt li rreferiet għall-ittra tar-rikorrenti tat-8 ta’ Ottubru 2014, l-EIOPA “kkonfermat mill-ġdid li l-pożizzjoni tagħha […] dwar id-[deċiżjoni ta’ rifjut] baqgħat l-istess”.

19

Fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell fis-sens tal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1094/2010. Ir-rikors kellu bħala suġġett l-“[ittra] tal-EIOPA tal-24 ta’ Novembru 2014, li tikkonferma d-deċiżjoni [ta’ rifjut]”. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment sostniet li l-EIOPA kien messha fetħet investigazzjoni, peress li billi ħa pożizzjoni dwar ir-reputazzjoni tal-azzjonist uniku tagħha, l-IVASS kien kiser id-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tagħha, l-IVASS interferixxa mal-kompetenzi tal-awtoritajiet Rumeni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-IVASS ma setgħetx tkun ibbażata, b’mod validu, fuq l-Artikolu 40(6) tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja. Fl-anness għan-nota ppreżentata għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell kien hemm, b’mod partikolari, l-ittra tar-rikorrenti tat-18 ta’ Ġunju 2014.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Awwissu 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Bord tal-Appell” u, meħuda flimkien mad-deċiżjoni ta’ rifjut, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti għar-raġuni li kien inammissibbli, minħabba li ma kienx intiż kontra att li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Essenzjalment, huwa qies li l-ittra tal-EIOPA tal‑24 ta’ Novembru 2014 kienet att li purament jikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut u ma kienx jikkostitwixxi, għaldaqstant, deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata quddiemu. Barra minn hekk, huwa osserva li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut u li, fi kwalunkwe każ, peress li r-rikors ġie ppreżentat fit‑22 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti kienet prekluża milli tikkontesta din id-deċiżjoni minħabba li skada t-terminu.

21

Id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fl-istess jum. Fuq talba ta’ din tal-aħħar, saret rettifika ta’ żball materjali f’din id-deċiżjoni, u r-rikorrenti ġiet informata b’dan fit-13 ta’ Awwissu 2015.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrenti bdiet din l-azzjoni.

23

L-EIOPA ppreżentat ir-risposta fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Jannar 2016.

24

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata n-nuqqas ta’ azzjoni tal-EIOPA fis-sens tat-teħid ta’ deċiżjoni kontra l-applikazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40(6) tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja mill-IVASS;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkonstata r-responsabbiltà tal-EIOPA għad-dannu li kkawżatilha, minn naħa, billi naqset milli tieħu deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, bl-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkundanna lill-EIOPA għall-ispejjeż.

25

L-EIOPA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

prinċipalment, tiċħad ir-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni bħala inammissibbli;

sussidjarjament, tiċħad dawn ir-rikorsi bħala infondati kollha kemm huma;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

26

Skont l-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-Qorti Ġenerali manifestament ma jkollhiex kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni ta’ rikors jew meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull ħin u fuq proposta tal-Imħallef Relatur, tiddeċiedi li taqta’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

27

Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li mill-atti tal-proċess hija għandha informazzjoni biżżejjed u tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr ma tkompli l-proċedura.

Fuq it-talba dwar nuqqas li tittieħed azzjoni

28

Ir-rikorrenti essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-EIOPA illegalment naqset milli tieħu deċiżjoni dwar it-talba tagħha għal ftuħ ta’ proċedura taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010. Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà, hija ssostni, fir-rikors, li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fl-Artikolu 265(2) TFUE beda jiddekorri mit-3 ta’ Awwissu 2015, id-data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet ikkomunikata lilha. Fil-fatt, huwa biss permezz ta’ din id-deċiżjoni li ġiet eliminata l-inċertezza dwar ir-risposta tal-EIOPA għall-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014, li permezz tagħha hija ressqet talba quddiem l-EIOPA sabiex tieħu deċiżjoni u sabiex tiftaħ investigazzjoni dwar il-ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-IVASS.

29

L-EIOPA twieġeb li din it-talba hija inammissibbli.

30

Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 61(3) tar-Regolament Nru 1094/2010, jekk l-EIOPA jkollha obbligu li taġixxi u tonqos milli tieħu deċiżjoni, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni jista’ jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 265 TFUE.

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rimedju previst fl-Artikolu 265 TFUE huwa bbażat fuq l-idea li n-nuqqas illegali ta’ azzjoni min-naħa ta’ istituzzjoni jippermetti lill-persuni kkonċernati jressqu kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex din tiddikjara li n-nuqqas ta’ azzjoni jmur kontra t-Trattat FUE. Dan l-artikolu jkopri n-nuqqas li tittieħed azzjoni minħabba n-nuqqas li tiġi adottata deċiżjoni jew li tittieħed pożizzjoni u mhux l-adozzjoni ta’ att differenti minn dak li r-rikorrent xtaq jew qies neċessarju (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2013, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑196/12, EU:C:2013:753, punt 22; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Novembru 1992, Buckl et vs Il-Kummissjoni, C‑15/91 u C‑108/91, EU:C:1992:454, punt 17, u tas-16 ta’ Frar 1993, ENU vs Il‑Kummissjoni, C‑107/91, EU:C:1993:56, punt 10).

32

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni huwa ammissibbli biss jekk l-istituzzjoni inkwistjoni tkun preċedentement ġiet mistiedna tieħu azzjoni. Din l-intimazzjoni tal-istituzzjoni hija formalità essenzjali u għandha bħala effett, minn naħa, li jibda jiddekorri t-terminu ta’ xahrejn li fih l-istituzzjoni hija marbuta tieħu pożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li tiddelimita l-qafas li fih rikors jista’ jiġi ppreżentat fil-każ fejn l-istituzzjoni tastjeni milli tieħu pożizzjoni. Minkejja li ma hemmx rekwiżit partikolari rigward forma, huwa madankollu neċessarju li l-intimazzjoni tkun suffiċjentement espliċita u preċiża sabiex tippermetti lill-istituzzjoni konvenuta jkollha għarfien b’mod konkret tal-kontenut tad-deċiżjoni li hija mitluba tieħu u għandha turi b’mod ċar li l-għan tagħha huwa li tobbliga lil din l-istituzzjoni tieħu pożizzjoni (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 1999, TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑17/96, EU:T:1999:119, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tas-27 ta’ Novembru 2012, H-Holding vs Il‑Parlament, T‑672/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:628, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata; id-digriet tal-10 ta’ Lulju 2014, Kafetzakis et vs Il‑Parlament et, T‑38/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:685, punt 26).

33

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 265 TFUE, jekk wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mill-istedina magħmula lill-istituzzjoni sabiex tieħu azzjoni, din ma tkunx ħadet pożizzjoni, ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat f’terminu ġdid ta’ xahrejn. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura, dan it-terminu għandu jiżdied b’terminu ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza.

34

Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti essenzjalment issostni li, permezz tal-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014, hija stiednet lill-EIOPA tieħu azzjoni (ara l-punt 28 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha hija ma tidentifika ebda att ieħor, skont il-każ, att iktar reċenti, li permezz tiegħu hija stiednet lill-EIOPA tieħu azzjoni, u lanqas ma tallega li hija għamlet dan.

35

Għandu jitfakkar li, permezz tal-ittra tat-18 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti talbet lill-President tal-EIOPA jannulla d-deċiżjoni ta’ rifjut u jiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010.

36

Issa, minn naħa, jekk l-ittra tar-rikorrenti tat-18 ta’ Ġunju 2014 għandha tiġi kklassifikata bħala li hija stedina sabiex tittieħed azzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 32 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li la mid-dokumenti fil-proċess u lanqas mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ma jirriżulta li l-EIOPA ħadet pożizzjoni fit-terminu ta’ xahrejn imsemmi fl-Artikolu 265 TFUE. Huwa għaldaqstant, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu, jiġifieri fit-18 ta’ Awwissu 2014, li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ta’ xahrejn u għaxart ijiem, li fih ir-rikorrenti kellha tressaq quddiem il-Qorti Ġenerali rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, beda jiddekorri. Peress li r-rikors preżenti ġie ppreżentat biss fit-12 ta’ Ottubru 2015, għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li huwa manifestament tardiv.

37

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat-2 ta’ Ottubru 2014, l-EIOPA essenzjalment irrispondiet għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti, b’mod partikolari, fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014. Hija kkonfermat mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Novembru 2014. Barra minn hekk, f’dan is-sens ir-rikorrenti tosserva fir-rikors, fl-espożizzjoni tal-fatti li wasslu għall-kawża, li l-EIOPA “ċċarat” il-pożizzjoni tagħha fl-ittra tagħha tat‑2 ta’ Ottubru 2014 u “tesponi fid-dettall il-motivi tad-deċiżjoni [ta’ rifjut]” fl-ittra tagħha tal-24 ta’ Novembru 2014. Jidher għaldaqstant li, anki jekk wara l-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn li fih l-EIOPA kienet obbligata tieħu pożizzjoni, in-nuqqas li tittieħed azzjoni allegat mir‑rikorrenti fi kwalunkwe każ temm. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, din il-konklużjoni għandha tintlaħaq anki jekk l-EIOPA tenniet, fl-imsemmi messaġġ elettroniku u fl-imsemmija ittra, ir-rifjut tagħha li tiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010.

38

Minn dan isegwi li t-talba dwar nuqqas li tittieħed azzjoni hija manifestament inammissibbli.

39

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni beda jiddekorri fit-3 ta’ Awwissu 2015, data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell ġiet ikkomunikata lilha. Skont ir-rikorrenti, din id-deċiżjoni eliminat l-inċertezza dwar ir-risposta tal-EIOPA għall-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju u 2014 (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

40

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa li, diġà qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, l-EIOPA rrispondiet għall-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014, filwaqt li għandu madankollu jingħad li, skont ir-rikorrenti, din ir-risposta kienet ħolqot inċertezza. Issa, skont il-ġurisprudenza, ir-rifjut li tittieħed azzjoni skont stedina għal dan il-għan magħmula skont l-Artikolu 265 TFUE jikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni li jtemm in-nuqqas li tittieħed azzjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑4 ta’ Mejju 2005, Holcim (France) vs Il-Kummissjoni, T‑86/03, EU:T:2005:157, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata].

41

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini proċedurali huma ta’ ordni pubbliku, peress li ġew stabbiliti bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u li jiġu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti tal-Unjoni li għandha tivverifika, ex officio, jekk dawn it-termini jkunux ġew osservati (digriet tal-14 ta’ Diċembru 2006, Smanor u Ségaud vs Il-Kummissjoni, T‑150/06, mhux ippubblikat, EU:T:2006:402, punt 14; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-13 ta’ Diċembru 2000, Sodima vs Il‑Kummissjoni, C‑44/00 P, EU:C:2000:686, punt 51).

42

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, wara li ħalliet jiddekorri t-terminu għall-preżentata tar-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma tistax tibbenefika minn terminu ġdid ikkalkolat mid-data li fiha, fil-fehma tagħha, l-inċertezza rigward il-pożizzjoni tal-EIOPA b’risposta għall-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014 ġiet eliminata. Wisq inqas tista’ teludi l-inammissibbiltà tat-talba dwar nuqqas li tittieħed azzjoni, minħabba l-fatt li kienet tardiva u li jeżisti teħid ta’ pożizzjoni, permezz tat-trażmissjoni mill-EIOPA ta’ serje ta’ ittri u ta’ kontestazzjonijiet tal-pożizzjoni espressa minn din tal-aħħar.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li t-talba dwar nuqqas li tittieħed azzjoni tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

Fuq it-talbiet għal annullament

44

Hemm lok li jiġu eżaminati, suċċessivament, it-talbiet għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni ta’ rifjut u, min-naħa l-oħra, tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell.

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut

45

Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem motiv uniku, li huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ din it-talba, hija ssostni, fir-rikors tagħha, li t-terminu għall-preżentata tar-rikors beda jiddekorri biss fit-13 ta’ Awwissu 2015, id-data li fiha d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell saret deċiżjoni li ma tistax tinbidel wara r-rettifika ta’ żbalji materjali. Fil-fatt, minn naħa, il-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell żvolġiet mingħajr ma ttieħdet inkunsiderazzjoni l-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014. Min-naħa l-oħra, it-terminu għall-preżentata tar-rikors għal annullament kien sospiż matul l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell.

46

L-EIOPA ssostni li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut hija inammissibbli. Minn naħa, din it-talba ġiet ippreżentata tardivament. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ rifjut ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Fi kwalunkwe każ, il-motiv uniku mqajjem insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut huwa infondat.

47

Bla ħsara, minn naħa, għall-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl b’mod partikolari tal-argumenti tar-rikorrenti, kif miġbura fil-qosor fil-punt 45 iktar ’il fuq, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut ġiet ippreżentata tardivament u, min-naħa l-oħra, għall-impatt possibbli tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell fuq il-possibbiltà li l-imsemmija deċiżjoni tiġi kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk din id-deċiżjoni tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

48

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jitqiesu li huma atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, irrispettivament mill-forma, li jkunu intiżi sabiex jipproduċu effetti ta’ dritt obbligatorji (sentenza tal‑31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, EU:C:1971:32, punt 42; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li meta r-rikors għal annullament kontra att adottat minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni jiġi ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, dan jista’ jseħħ biss meta l-effetti legali vinkolanti ta’ dan l-att huma tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, is-sitwazzjoni legali tagħha (sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; ara wkoll is-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑KummissjoniC‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-ġurisprudenza ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ rikorsi ppreżentati quddiem il-qorti tal-Unjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti li tagħhom huma d-destinatarji. Meta rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrenti bħala parti mhux privileġġata kontra att li hija ma hijiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolati tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38).

50

Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, b’analoġija, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni li ma titteħidx azzjoni skont l-Artikolu 106(3) TFUE ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, peress li mill-kliem tal-imsemmi paragrafu 3 u mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu azzjoni. Għaldaqstant, l-individwi ma jistgħux jeżiġu li hija tieħu pożizzjoni f’sens determinat. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li ittra li biha l-Kummissjoni tinforma lill-awtur ta’ lment bl-intenzjoni tagħha li ma tagħtix segwitu lill-ilment, ma tistax titqies li tipproduċi effetti legali vinkolanti, b’tali mod li hija ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, mingħajr ma din is-soluzzjoni tkun affettwata mill-fatt li individwu jista’, skont il-każ, ikollu dritt li jippreżenta rikors għal annullament kontra deċiżjoni li l-Kummissjoni tindirizza lil Stat Membru abbażi tal-Artikolu 106(3) TFUE, jekk il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Frar 2005, Il‑Kummissjoni vs max.mobil, C‑141/02 P, EU:C:2005:98, punti 68 sa 70).

51

Fil-każ ineżami, huwa paċifiku li r-rikorrenti ressqet quddiem l-EIOPA talba fformulata taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010. Din id-dispożizzjoni tipprevedi mekkaniżmu li jippermetti lill-EIOPA tittratta l-każijiet ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-awtoritajiet nazzjonali fil-prattiki superviżorji tagħhom. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 17(1) “[f]ejn awtorità kompetenti ma tkunx applikat l-atti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1(2) jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni stabbiliti skont l-Artikoli 10 sa 15, b’mod partikolari billi tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tissodisfa r-rekwiżiti stipulati f’dawk l-atti, l-[EIOPA] għandha taġixxi skont is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu”.

52

L-Artikolu 17(2), (3) u (6) tar-Regolament Nru 1094/2010 jiddefinixxi t-tliet fażijiet ta’ dan il-mekkaniżmu. B’mod partikolari, l-Artikolu 17(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li “[f]uq talba ta’ awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-gruppi tal-partijiet interessati rilevanti, jew fuq inizjattiva tagħha stess u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-[EIOPA] tista’ tinvestiga l-ksur jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni allegati tal-liġi tal-Unjoni”.

53

Għaldaqstant minn din id-dispożizzjoni jirriżulta u, b’mod partikolari, mill-użu tal-verb “seta’”, li l-EIOPA għandha setgħa diskrezzjonali fil-qasam ta’ investigazzjonijiet, kemm meta hija tkun adita b’talba minn waħda mill-entitajiet espressament imsemmija fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010 kif ukoll meta hija taġixxi fuq l-inizjattiva tagħha stess (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, SV Capital vs EBA, T‑660/14, taħt appell, EU:T:2015:608, punt 47).

54

Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fil-kuntest tat-talba dwar nuqqas li tittieħed azzjoni, l-EIOPA ma hija bl-ebda mod obbligata li tieħu azzjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010.

55

Dan il-qari huwa, barra minn hekk, konformi mal-għanijiet u l-missjonijiet tal-EIOPA kif ukoll mal-istruttura tal-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1(6) ta’ dan ir-regolament, l-għan tal-EIOPA huwa li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini tagħha u l-impriżi tagħha. Barra minn hekk, mill-premessa 26 tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-mekkaniżmu stabbilit mill-Artikolu 17 tal-istess regolament għandu jiżgura l-integrità, it-trasparenza, l-effikaċja u l-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji, l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, u l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni. Il-garanzija tal-applikazzjoni korretta u sħiħa tad-dritt tal-Unjoni tikkostitwixxi prerekwiżit neċessarju għal dan. Fi kliem ieħor u kif, barra minn hekk, tosserva l-EIOPA, l-imsemmi mekkaniżmu ma għandux l-għan li jagħti protezzjoni jew kumpens fuq bażi individwali fil-kawżi bejn persuni fiżiċi jew ġuridiċi u awtorità kompetenti fil-livell nazzjonali.

56

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi osservat li l-preżentata ta’ talba bħal dik ifformulata fil-każ ineżami mir-rikorrenti ma toħloq ebda relazzjoni legali bejn din tal-aħħar u l-EIOPA u ma tistax tkun tali li tobbliga lil din tal-aħħar tiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies, b’analoġija mal-ġurisprudenza esposta fil-punt 50 iktar ’il fuq, li d-deċiżjoni ta’ rifjut ma tipproduċix effetti legali vinkolanti. B’mod partikolari, peress li r-rikorrenti ma tistax teżiġi li l-EIOPA tiftaħ investigazzjoni skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1094/2010, ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tiftaħ din il-proċedura ex officio ma jistax ikun tali li jaffettwa l-interessi tagħha, inkwantu din tbiddel b’mod kunsiderevoli s-sitwazzjoni legali tagħha.

58

Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ rifjut ma tistax tiġi kklassifikata bħala att li jista’ jiġi kkontestat.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell

60

Insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell, li hija ammissibbli minħabba l-locus standi tagħha u l-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem motiv uniku, li huwa bbażat fuq il-ksur ta’ forma proċedurali sostanzjali inkwantu l-imsemmi Bord tal-Appell naqas milli jagħti deċiżjoni dwar is-suġġett kollu tal-kawża. Filwaqt li sostniet li r-rikors tagħha quddiem dan il-Bord tal-Appell kien, ċertament, intiż biss kontra l-ittra tal-EIOPA tal‑24 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti tqis li xorta jibqa’ l-fatt li l-Bord tal-Appell inkwistjoni kien messu ħa inkunsiderazzjoni l-argumenti li hija kienet esponiet fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014, li permezz tagħha hija kienet talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rifjut u li kienet annessa ma’ dan ir-rikors.

61

L-EIOPA essenzjalment tirrispondi li t-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija inammissibbli, peress li din id-deċiżjoni ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE u li, fi kwalunkwe każ, il-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti kien ineffettiv.

62

Hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, huwa l-obbligu tal-Qorti Ġenerali li tevalwa jekk amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja tiġġustifikax, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, li jiġu miċħuda fuq il-mertu l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell mingħajr ma tagħti deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba għal annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

63

Fil-każ ineżami, fl-interess tal-effiċjenza proċedurali, din il-possibbiltà għandha tintuża peress li l-motiv uniku mqajjem mir-rikorrenti manifestament ma jippermettix, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’l quddiem, li jintwera li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija vvizzjata minn illegalità.

64

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1094/2010, “[j]ekk l-appell ikun wieħed ammissibbli, il-Bord tal-Appell għandu jeżamina jekk dan ikollux bażi tajba”. Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Bord tal-Appell għandu jevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors qabel ma jeżamina l-fondatezza tiegħu, meta l-konvenut jallega li r-rikors huwa inammissibbli.

65

Fil-każ ineżami, mid-dokumenti fil-proċess jirriżulta li, quddiem il-Bord tal-Appell, l-EIOPA ppreżentat risposta bid-data tal-25 ta’ Ġunju 2015, li kienet limitata għall-kwistjonijiet ta’ ammissibbiltà. F’din ir-risposta, hija talbet li r-rikors jiġi miċħud minħabba l-inammissibbiltà.

66

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti bħala inammissibbli, essenzjalment minħabba li ma kienx intiż kontra att li jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu. Fil-fehma tiegħu, l-ittra tal-EIOPA tal-24 ta’ Novembru 2014 kienet fil-fatt tikkostitwixxi att li purament jikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut. Barra minn hekk, huwa sostna li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut u li, fi kwalunkwe każ, peress li r-rikors ġie ppreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-rikorrenti kienet prekluża milli tikkontesta din id-deċiżjoni minħabba li skada t-terminu.

67

Sa fejn il-Bord tal-Appell ċaħad ir-rikors minħabba l-inammissibbiltà, huwa ma ta, min-naħa l-oħra, ebda deċiżjoni dwar il-fondatezza tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti. Billi għamel dan, huwa kkonforma ruħu mal-Artikolu 9(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, u dan barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

68

Issa, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma qajmet ebda motiv jew argument intiż sabiex jimmina l-fondatezza tal-evalwazzjoni, min-naħa tal-Bord tal-Appell, tal-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat quddiemu.

69

Fil-fatt, permezz tal-motiv uniku tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tikkritika lill-Bord tal-Appell li naqas milli jagħti deċiżjoni dwar l-argumenti mressqa minnha fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014. Issa, minn din l-ittra jirriżulta li dawn l-argument kienu intiżi sabiex jiġi stabbilit ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-IVASS, tali li jiġġustifika, skont ir-rikorrenti, il-ftuħ ta’ investigazzjoni taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010.

70

Minn dan isegwi li l-motiv uniku mqajjem insostenn tat-talba preżenti huwa marbut esklużivament mal-evalwazzjoni tal-fondatezza tar-rifjut li tinfetaħ investigazzjoni taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1094/2010, li madankollu l-Bord tal-Appell ma wettaqx.

71

Għaldaqstant, il-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala manifestament ineffettiv.

72

Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tammetti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, “li, fir-rikors tagħha ppreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2014, hija semmiet biss l-ittra tal-EIOPA tal-24 ta’ Novembru 2014, bħala li hija d-deċiżjoni kkontestata”. Għandu jitqies li r-rikorrenti taqbel mal-fatt li r-rikors ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell kellu bħala suġġett uniku l-ittra tal-EIOPA tal‑24 ta’ Novembru 2014. Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll fir-rigward tad-dokumenti fil-proċess u, b’mod partikolari, għall-qari tar-rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, li bħala suġġett kien jidentifika ċarament “l-ittra tal-EIOPA tal-24 ta’ Novembru 2014, li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut”, kif ukoll tan-nota sottomessa mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell, li tipprovdi li r-rikorrenti kienet tikkonkludi li l-imsemmija ittra, li tikkonferma d-deċiżjoni ta’ rifjut, kienet tmur kontra d-dritt tal-Unjoni.

73

Huwa paċifiku li l-Bord tal-Appell ta deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat kontra l-ittra tal-EIOPA tal-24 ta’ Novembru 2014 billi ċaħdu bħala inammissibbli. Billi għamel dan, huwa ta deċiżjoni dwar is-suġġett kollu tal-kawża, li kien ikkostitwit, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, mil-legalità ta’ din l-ittra biss.

74

Għaldaqstant, huwa manifestament b’mod żbaljat li r-rikorrenti tallega li l-Bord tal-Appell iddeċieda biss parzjalment dwar is-suġġett tal-kawża, peress li huwa naqas milli jagħti deċiżjoni dwar l-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014.

75

Din il-konklużjoni tapplika minkejja li l-ittra tar-rikorrenti tat-18 ta’ Ġunju 2014 kienet tinsab annessa man-nota sottomessa minnha għall-finijiet tal-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell u minkejja li, f’din in-nota, ir-rikorrenti ppreċiżat li l-annessi kienu jagħmlu parti integrali mir-raġunament tagħha. Fil-fatt, bla ħsara għall-kwistjoni dwar jekk, matul l-evalwazzjoni tal-mertu ta’ rikors, il-Bord tal-Appell huwiex obbligat jagħti deċiżjoni, minbarra dwar l-argumenti ppreżentati fin-nota sottomessa, dwar dawk li jinsabu esklużivament fl-annessi tal-imsemmija noti, għandu jitqies li l-fatt li l-imsemmija ittra kienet annessa man-nota tar-rikorrenti ma huwiex tali li jbiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell, li kien ċarament limitat għall-ittra tal-EIOPA tal-24 ta’ Novembru 2014.

76

Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni tikkritika lill-EIOPA li ma ttrattatx l-ittra tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2014 bħala rikors ippreżentat skont l-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1094/2010 jew li ma tatx deċiżjoni dwar ir-rikors ippreżentat minn din l-ittra, għandu jingħad ukoll li mkien fl-imsemmija ittra ma jirriżulta li r-rikorrenti kellha l-intenzjoni tressaq quddiem il-Bord tal-Appell tali rikors. Tal-inqas, din l-ittra, li kienet indirizzata lill-President tal-EIOPA u li kienet tesprimi l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ rifjut, kienet tinkludi talba intiża sabiex il-President tal-EIOPA jannulla l-imsemmija deċiżjoni u jiddeċiedi li jiftaħ investigazzjoni taħt l-Artikolu 17 tal-istess regolament.

77

Minn dan isegwi li l-motiv uniku mqajjem insostenn tat-talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jiġi miċħud bħala manifestament ineffettiv u, fi kwalunkwe każ, manifestament infondat.

78

Konsegwentement, l-imsemmija talba għandha tiġi miċħuda bħala manifestament infondata fid-dritt.

Fuq it-talba għad-danni

79

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha “tikkonstata r-responsabbiltà tal-EIOPA” għad-dannu li din ikkawżatilha permezz tan-nuqqas li tieħu deċiżjoni u permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Filwaqt li tirreferi b’mod partikolari għall-argumenti ppreżentati fil-kuntest tat-talbiet tagħha għal nuqqas li tittieħed azzjoni u għal annullament, hija ssostni li l-EIOPA kisret b’mod suffiċjentement serju l-Artikoli 17 u 60 tar-Regolament Nru 1094/2010 u d‑dispożizzjonijiet tat-Tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja, li huma intiżi sabiex jagħtuha drittijiet. Dawn l-illegalitajiet ikkażawlha dannu kemm materjali, minħabba t-tnaqqis, bejn is-sena 2013 u 2014, b’59 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għal regoli maħruġa fl-Italja, lucrum cessans u spejjeż marbuta mal-waqfien tal-ftuħ ta’ sussidjarja fl-Italja, kif ukoll f’termini ta’ reputazzjoni u ta’ immaġni. Għal dak li jirrigwarda r-rabta kawżali, ir-rikorrenti tqis li, għalkemm il-katina ta’ kawżalità ġiet attivata mid-deċiżjoni tal-IVASS, madankollu l-EIOPA kkontribwixxiet b’mod deċiżiv sabiex jinżammu l-effetti ta’ din id-deċiżjoni.

80

L-EIOPA tirrispondi li t-talba għad-danni hija manifestament inammissibbli u, sussidjarjament, manifestament infondata.

81

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, rikors intiż għall-kumpens tad-danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir ikkritikat mir-rikorrent fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-raġunijiet għalfejn huwa jikkunsidra li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu allegatament subit kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenzi tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑387/94, EU:T:1996:120, punti 106107, u tas‑6 ta’ Mejju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T‑195/95, EU:T:1997:66, punti 2021). Min-naħa l-oħra, talba intiża sabiex tikseb kwalunkwe kumpens tonqos mill-preċiżjoni meħtieġa u għandha, għaldaqstant, titqies li hija inammissibbli (sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 1971, Zuckerfabrik Schöppenstedt vs Il-Kunsill 5/71, EU:C:1971:116, punt 9).

82

Ċertament, rikorrent jista’ ma jkunx ikkwantifika l-ammont tad-dannu li huwa jqis li ssubixxa, filwaqt li jindika b’mod ċar l-elementi li jippermettu li tiġi evalwata n-natura tad-dannu u l-portata tiegħu, biex b’hekk il-konvenut ikun għaldaqstant f’pożizzjoni li jiżgura d-difiża tiegħu. F’tali ċirkustanzi, l-assenza ta’ informazzjoni espressa f’ċifri fir-rikors ma taffettwax id-drittijiet tad-difiża tal-parti l-oħra (digriet tat‑22 ta’ Lulju 2005, Polyelectrolyte Producers Group vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑376/04, EU:T:2005:297, punt 55).

83

Madankollu, fil-każ ineżami, ir-rikorrenti sempliċement irreferiet b’mod vag għal allegat dannu kemm materjali, li kien jikkonsisti fi tnaqqis, b’59 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha għal regoli maħruġa fl-Italja, lucrum cessans u spejjeż marbuta mal-waqfien tal-ftuħ ta’ sussidjarja fl-Italja, kif ukoll f’termini ta’ reputazzjoni u ta’ immaġni, mingħajr ma sostniet bl-ebda mod l-allegazzjonijiet tagħha. Billi għamlet dan, ir-rikorrenti naqset milli tipprovdi l-elementi suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti Ġenerali u lill-EIOPA jevalwaw in-natura u l-portata tad-dannu subit.

84

Barra minn hekk, ir-rikorrenti lanqas ma esprimiet b’mod suffiċjenti r-raġunijiet għaliex hija tqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir li hija kkritikat bih l-EIOPA u d-dannu allegatament subit. Fil-fatt, hija sempliċement osservat li “[kien] minnu li l-katina ta’ kawżalità li [kienet] wasslet għad-dannu subit minnha [kienet] ġiet attivata mid-deċiżjoni tal-IVASS, iżda [li] billi naqset milli tieħu deċiżjoni jew billi ħadet deċiżjonijiet ivvizzjati minn difetti sostantivi, l-EIOPA [kienet] ikkontribwixxiet b’mod deċiżiv għaż-żamma tal-effetti tal-imsemmija deċiżjoni […] u għan-nuqqas li tittieħed miżura li tirrimedja din ir-restrizzjoni”. Issa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li tali allegazzjonijiet vagi u mhux sostnuti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti mfakkra fil-punt 81 iktar ’il fuq.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti u, b’mod partikolari, tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 43, 59, 78 u 85 iktar ’il fuq, ir-rikors preżenti għandu jiġi miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

Fuq l-ispejjeż

87

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-EIOPA.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

tordna:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Onix Asigurări SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll dawk sostnuti mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA).

Magħmul fil-Lussemburgu, fl-24 ta’ Ġunju 2016.

 

Reġistratur

E. Coulon

Il-President

M. E. Martins Ribeiro


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.