DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

tas-17 ta’ Novembru 2015 ( * )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Direttiva 79/7/KEE — Artikolu 4(1) — Ugwaljanza fit-trattament bejn il-ħaddiema rġiel u l-ħaddiema nisa — Ħaddiema part-time, essenzjalment ta’ sess femminili — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal ammont massimu tal-benefiċċju tal-qgħad — Leġiżlazzjoni li tirreferi, għall-kalkolu ta’ dan l-ammont, għar-relazzjoni bejn il-ħin tax-xogħol tal-impjegati part-time interessati u l-ħin tax-xogħol tal-impjegati full-time”

Fil-Kawża C‑137/15,

li għandha bħal suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2015, fil-proċedura

María Pilar Plaza Bravo

vs

Servicio Público de Empleo Estatal Dirección Provincial de Álava,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn C. Toader, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Renju ta’ Spanja, minn L. Banciella Rodríguez-Miñón u A. Gavela Llopis, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Pardo Quintillán u A. Szmytkowska kif ukoll minn D. Martin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 5, Vol. 1, p. 215).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Plaza Bravo u s-Servicio Público de Empleo Estatal Dirección Provincial de Álava (Servizz pubbliku tal-Impjieg, Direttorat tal-Provinċja ta’ Álava, iktar ’il quddiem “SPE”) dwar l-ammont tal-benefiċċji tal-qgħad riċevuti minnha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 79/7, din tapplika, b’mod partikolari, għall-ħaddiema li l-attività tagħhom tieqaf minħabba qgħad involontarju. Barra minn hekk, l-imsemmija direttiva tapplika, skont l-Artikolu 3 tagħha, b’mod partikolari, għall-iskemi statutorji li jiżguraw protezzjoni kontra l-qgħad.

4

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

Id-dritt Spanjol

5

L-Artikolu 211 tal-Liġi Ġenerali dwar is-sigurtà soċjali (Ley General de la Seguridad Social), approvata permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/94, tal-20 ta’ Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta’ Ġunju 1994, p. 20658, iktar ’il quddiem il-“LGSS”), kif applikat għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“1.   L-ammont bażiku tal-benefiċċju tal-qgħad huwa l-medja tal-bażi ta’ stima tal-qgħad matul l-aħħar 180 ġurnata ta’ [xogħol].

[...]

2.   L-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad huwa stabbilit billi jiġu applikati l-perċentwali skont l-ammont bażiku tal-benefiċċju tal-qgħad: 70 % waqt l-ewwel mija u tmenin ġurnata u 50 % mill-mija u wieħed u tmenin ġurnata ’l quddiem.

3.   L-ammont massimu tal-benefiċċju tal-qgħad jirrappreżenta 175 % tal-indikatur pubbliku tad-dħul b’effetti multipli [indicador público de rentas de efectos múltiples, iktar ’il quddiem l-“IPREM”], ħlief fil-każ li l-ħaddiem għandu wieħed jew iktar tfal taħt ir-responsabbiltà tiegħu; f’dan l-aħħar każ, l-ammont tal-benefiċċju tal-qgħad jirrappreżenta rispettivament 200 jew 225 % tal-[IPREM].

L-ammont minimu tal-benefiċċju tal-qgħad jirrappreżenta rispettivament 107 % jew 80 % tal-[IPREM], skont jekk il-ħaddiem għandu, jew ma għandux, wild wieħed jew iktar taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F’każ ta’ qgħad wara t-telf ta’ impjieg part-time jew full-time, l-ammonti massimi u minimi tal-benefiċċju, imsemmija fil-paragrafi preċedenti, huma stabbiliti fid-dawl tal-[IPREM], ikkalkolat skont il-medja tas-sigħat ta’ ħidma matul l-aħħar 180 ġurnata msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, u billi din il-medja tiġi kkoreġuta skont in-numru ta’ ġranet ta’ ħidma part-time jew full-time matul l-imsemmi perijodu.

L-[IPREM] meħud inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu huwa dak fis-seħħ fil-mument tal-ħolqien tad-dritt, miżjud b’wieħed minn sitta.

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet taħdem mit-30 ta’ Marzu 1977 bħala seftura f’lukanda li tagħmel parti minn katina ta’ lukandi. Hija kienet ikkonkludiet kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat part-time skont liema l-ħin tax-xogħol tagħha kien jekwipara għal 60 % ta’ dak ta’ impjegat full-time. Hija kienet tikkontribwixxi għall-iskema ġenerali tas-sigurtà soċjali Spanjola.

7

Fid-9 ta’ Mejju 2013, hija tkeċċiet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ tkeċċija kollettiva għal raġuni ekonomika, organizzattiva u produttiva li kienet affettwat diversi stabbilimenti tal-imsemmja katina ta’ lukandi u li kienet tirrigwarda total ta’ 359 impjegat, fosthom 317 nisa u 42 irġiel.

8

Wara t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat talba għal benefiċċju kontributtiv tal-qgħad li ntlaqgħet fil-15 ta’ Mejju 2013 mis-SPE, mill-10 ta’ Mejju 2013 u għal 720 ġurnata. L-ammont inizjali ta’ dan il-benefiċċju, ta’ EUR 21.74 kuljum, inkiseb permezz ta’ kalkolu f’żewġ stadji.

9

Fl-ewwel lok, il-benefiċċju tal-qgħad ta’ kuljum kien ġie kkalkolat billi ġie mmultiplikat l-ammont bażiku ta’ kuljum bil-perċentwali ta’ 70 %, previst fl-Artikolu 211(2) tal-LGSS. Dan l-ammont bażiku nkiseb billi ġiet diviża bi 30 il-medja tas-salarju ta’ kull xahar riċevut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għall-aħħar 180 ġurnata ta’ xogħol tagħha, jiġifieri EUR 1554.52. Il-benefiċċju ta’ kuljum kien għalhekk jammonta għal EUR 36.27.

10

Fit-tieni stadju, l-ammont ta’ dan il-benefiċċju ta’ kuljum kien ġie limitat għal dak, massimu, stabbilit konformement mal-Artikolu 211(3) tal-LGSS. Qabel kollox, sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhiex tfal, l-ammont massimu ta’ kull xahar tal-benefiċċju tal-qgħad kien ġie stabbilit billi jiġi mmultiplikat l-IPREM ta’ kull xahar, għas-sena 2013, ta’ EUR 532.51, miżjud b’wieħed minn sitta, b’ 175 %. L-ammont miksub kien jammonta għal EUR 1087.20. Sussegwentement, dan l-ammont ġie diviż bi 30 sabiex jinkiseb l-ammont massimu ta’ kuljum tal-benefiċċju tal-qgħad. Fl-aħħar nett, dan l-ammont massimu ta’ kuljum, ta’ EUR 36.24, ġie aġġustat bil-koeffiċjent ta’ 60 %, li jikkorrispondi għall-ħin tax-xogħol part-time tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jirrappreżenta 60 % tal-ħin tax-xogħol full-time. Dan il-kalkolu wassal għall-ammont ta’ EUR 21.74 li jikkorrispondi għal dak imsemmi fil-punt 8 ta’ dan id-digriet.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors amministrattiv sabiex l-imsemmi koeffiċjent ma jiġix applikat lilha. Dan l-ilment ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-SPE fit-3 ta’ Lulju 2013. Permezz tas-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2014, il-Juzgado de lo social no3 de Vitoria-Gasteiz (Tribunal industrijali Nru 3 ta’ Vitoria-Gasteiz) ikkonferma din id-deċiżjoni, abbażi tal-Artikolu 211(3) tal-LGSS.

12

Wara li ġie ppreżentat appell minn din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tispjega, preliminarjament, li l-impjieg part-time huwa, fil-parti l-kbira tiegħu, imwettaq min-nisa fi Spanja. Dan il-fatt magħruf huwa b’mod partikolari sostnut mill-investigazzjoni dwar il-popolazzjoni attiva mmexxija mill-Istitut nazzjonali tal-Istatistika (Instituto Nacional de Estadística) f’Diċembru 2014, skont liema n-numru ta’ nisa li jaħdmu part-time fi Spanja jirrappreżenta 25.3 % tan-numru totali tan-nisa impjegati, jiġifieri mara minn kull erbgħa, filwaqt li din il-perċentwali hija biss ta’ 7.8 % għall-irġiel impjegati, jiġifieri inqas minn raġel wieħed minn tnax.

13

Skont l-imsemmija qorti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 211(3) tal-LGSS twassal għal trattament sfavorevoli tal-ħaddiema part-time meta mqabbla mal-ħaddiema full-time sa fejn din id-dispożizzjoni tistabbilixxi ammont massimu ta’ benefiċċju tal-qgħad stabbilit billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-IPREM, ikkalkolat skont il-medja ta’ sigħat ta’ ħidma matul l-aħħar 180 ġurnata ta’ xogħol.

14

Sabiex tintwera din id-differenza fit-trattament, l-istess qorti tosserva li ħaddiem part-time mingħajr ulied taħt ir-responsabbiltà tiegħu, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ħadem, fl-aħħar 180 ġurnata qabel ma sar qiegħed, l-ekwivalenti ta’ 60 % tas-sigħat ta’ ħidma ta’ ħaddiem full-time, jirċievi salarju medju, li abbażi tiegħu jħallas il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, ta’ EUR 1554.52 u jitlef wara 36 sena l-uniku impjieg tiegħu kif ukoll l-anzjanità, jirċievi somma ta’ EUR 652.20 kull xahar (EUR 21.74 x 30 ġurnata) bħala benefiċċju kontributtiv tal-qgħad, filwaqt li l-ħaddiem full-time li jinsab f’sitwazzjoni ta’ familja simili, li s-salarju jkun identiku u li jħallas l-istess ammont f’kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, jirċievi EUR 1087.20 (EUR 36.24 x 30 ġurnata).

15

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tqis li r-regola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, prevista fl-Artikolu 211(3) tal-LGSS, ma hijiex iġġustifikata minn ċirkustanzi oġġettivi u li hija twassal għall-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija tosserva, b’mod partikolari, li l-ħaddiema full-time u l-ħaddiema part-time jħallsu l-istess kontribuzzjonijiet fil-kuntest tal-finanzjament tal-protezzjoni kontra r-riskju ta’ qgħad, li huma marbuta mal-ammont tas-salarju li huma jirċievu filwaqt li l-ammont tal-benefiċċji li għandhom dritt għalih huwa differenti ħafna. Din id-differenza fit-trattament tinfluwenza prinċipalment lin-nisa. Hija tiżdied proporzjonalment mal-koeffiċjent dwar il-ħin ta’ xogħol part-time.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Autónoma del País Vasco (Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità Awtonoma tal-Pajjiż Bask) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

Fuq id-domanda preliminari

17

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta domanda preliminari magħmula tkun identika għal domanda li dwarha hija tkun diġà ddeċidiet, meta r-risposta għal tali domanda tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda preliminari ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18

F’din il-kawża hemm lok li tiġi applikata l-imsemmija dispożizzjoni.

19

Għandu jitfakkar li, għalkemm id-dritt tal-Unjoni josserva l-kompetenza tal-Istati Membri sabiex jorganizzaw is-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom u li, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni Ewropea, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-benefiċċji fil-qasam tas-sigurtà soċjali, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni (sentenza Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax, bħala prinċipju, l-għażla tal-leġiżlatur Spanjol li jipprovdi, permezz ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 211(3) tal-LGSS, l-ammonti massimi u minimi tal-benefiċċju tal-qgħad u li jkun applikat fuq dawn l-ammonti koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time. Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk, fil-kawża prinċipali, din l-għażla hijiex konformi mad-Direttiva 79/7 (ara, b’analoġija, is-sentenza Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, point 26).

21

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tinvolvix direttament diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, peress li hija tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema rġiel u għall-ħaddiema nisa. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk hija tikkostitwixxix diskriminazzjoni indirettament ibbażata fuq dan il-kriterju.

22

Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinvolvix, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, diskriminazzjoni indiretta, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li teżisti diskriminazzjoni indiretta meta l-applikazzjoni ta’ miżura nazzjonali, minkejja li fformulata b’mod newtru, tqiegħed fil-fatt fi żvantaġġ numru ħafna ogħla ta’ nisa milli ta’ rġiel (sentenza Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju tistrieħ fuq premessa doppja skont liema d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 211(3) tal-LGSS, tirrigwarda grupp ta’ ħaddiema part-time, li huwa, fil-parti l-kbira tiegħu, magħmul minn ħaddiema nisa.

24

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u kif josserva wkoll il-Gvern Spanjol, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tapplikax għall-ħaddiema part-time kollha, iżda biss għal dawk, fid-dawl tas-salarju li huma rċevew fl-aħħar 180 ġurnata ta’ xogħol, li japplikaw fil-konfronti tagħhom l-ammonti massimi jew minimi tal-benefiċċju tal-qgħad. Għalhekk, id-data tal-istatistika ġenerali dwar il-grupp ta’ ħaddiema part-time, meħuda flimkien, ma tistabbilixxix li numru ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huma influwenzati minn din id-dispożizzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Cachaldora Fernández, C‑527/13, EU:C:2015:215, punt 30).

25

Bl-istess mod, ma jirriżultax mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li d-data tal-istatistika dwar il-grupp tal-ħaddiema speċifikatament influwenzati mid-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali teżisti, li tippermetti li jiġi stabbilit li numru ikbar ta’ nisa milli ta’ rġiel huma influwenzati minn din id-dispożizzjoni.

26

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li, kif osservaw il-Gvern Spanjol u l-Kummissjoni, l-ammonti massimi tal-benefiċċju tal-qgħad previsti fl-Artikolu 211(3) tal-LGSS, b’mod iktar partikolari inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jiżvantaġġaw bl-istess mod, jekk mhux iktar, lill-ħaddiema full-time, peress li dawn l-ammonti huma stabbiliti fid-dawl tal-IPREM, li japplika fuq il-ħaddiema kollha.

27

Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-ammonti massimi huma aġġustati pro rata temporis, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ħin imnaqqas tax-xogħol ta’ ħaddiem part-time meta mqabbel ma’ dak ta’ ħaddiem full-time, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala li, weħidha, tmur kontra d-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑476/12, EU:C:2014:2332, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, l-imsemmi aġġustament prorata temporis huwa ta’ natura li jiggarantixxi l-istess ammont massimu ta’ benefiċċju kull siegħa ta’ xogħol u, b’dan il-mod, jiffavorixxi l-ugwaljanza fit-trattament.

29

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, id-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax, abbażi tal-provi deskritti fid-deċiżjoni tar-rinviju, titqies li tqiegħed fi żvantaġġ b’mod predominanti kategorija partikolari ta’ ħaddiema, f’dan il-każ dawk li jaħdmu fuq bażi part-time u, a fortiori, in-nisa. Din id-dispożizzjoni ma tistax, għaldaqstant, tiġi kklassifikata bħala miżura indirettament diskriminatorja fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

30

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7KE ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħall-dawk tal-kawża preżenti, dispożizzjoni nazzjonali li biha, għall-kalkolu tal-ammont ta’ benefiċċji tal-qgħad sħiħ li għandu jirċievi impjegat li tilef l-uniku impjieg part-time tiegħu, ikun applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time, li jikkorrispondi mal-perċentwali li jirrappreżenta l-ħin tax-xogħol ta’ impjegat part-time meta mqabbel ma’ dak ta’ impjegat full-time paragunabbli, għall-ammont massimu ta’ benefiċċju tal-qgħad stabbilit mil-liġi.

Fuq l-ispejjeż

31

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ma jipprekludix, f’ċirkustanzi bħall-dawk tal-kawża preżenti, dispożizzjoni nazzjonali li biha, għall-kalkolu tal-ammont ta’ benefiċċji tal-qgħad sħiħ li għandu jirċievi impjegat li tilef l-uniku impjieg part-time tiegħu, ikun applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis relatat max-xogħol part-time, li jikkorrispondi mal-perċentwali li jirrappreżenta l-ħin tax-xogħol ta’ impjegat part-time meta mqabbel ma’ dak ta’ impjegat full-time paragunabbli, għall-ammont massimu ta’ benefiċċju tal-qgħad stabbilit mil-liġi.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.