SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

Werrej

 

I. Id-deċiżjoni kkontestata: kuntest, ġenesi u kontenut

 

A. Il-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata

 

B. Il-ġenesi tad-deċiżjoni kkontestata

 

C. Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

 

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

III. Fuq ir-rikors

 

A. Sunt tal-motivi

 

B. Osservazzjonijiet preliminari

 

C. Fuq il-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 78(3) TFUE ma huwiex adatt bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

 

1. Fuq it-tieni motiv tar-Repubblika Slovakka u l-ewwel motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq in-natura leġiżlattiva tad-deċiżjoni kkontestata

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tieni motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq l-assenza ta’ natura provviżorja tad-deċiżjoni kkontestata u t-tul eċċessiv ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3. Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

D. Fuq il-motivi dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bbażati fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali

 

1. Fuq l-ewwel motiv tar-Repubblika Slovakka u s-seba’ motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 68 TFUE

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-ħames motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, inkwantu l-Kunsill ma osservax l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament previst fl-Artikolu 78(3) TFUE

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

3. Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tielet motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali inkwantu l-Kunsill ma ddeċidiex b’unanimità kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 293(1) TFUE

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

4. Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka u r-raba’ motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, inkwantu d-dritt tal-Parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni skont il-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2) ma ġiex irrispettat u inkwantu l-Kunsill interpreta b’mod żbaljat ir-rekwiżit tan-natura pubblika tad-deliberazzjonijiet u tal-vot fi ħdanu

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

5. Fuq is-sitt motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali inkwantu, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma osservax ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-użu tal-lingwi

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

E. Fuq il-motivi dwar il-mertu

 

1. Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll fuq id-disa’ u l-għaxar motivi tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

 

a) Osservazzjonijiet preliminari

 

b) Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka, sa fejn huwa bbażat fuq l-inkapaċità tad-deċiżjoni kkontestata li tilħaq l-għan imfittex minnha

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

c) Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura mhux neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għan li hija trid tilħaq

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

d) Fuq id-disa’ motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq in-natura mhux neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għan li hija trid tilħaq

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

e) Fuq l-għaxar motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba effetti partikolari tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-Ungerija

 

1) L-argumenti tal-partijiet

 

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

2. Fuq it-tmien motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Genève

 

a) L-argumenti tal-partijiet

 

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

IV. Fuq l-ispejjeż

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2015/1601 – Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni – Artikolu 78(3) TFUE – Bażi legali – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv’ – Artikolu 289(3) TFUE – Natura obbligatorja għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew – Artikolu 15(1) TUE u Artikolu 68 TFUE – Forom proċedurali sostanzjali – Emenda tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea – Rekwiżiti ta’ konsultazzjoni mill-ġdid mal-Parlament Ewropew u ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 293 TFUE – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità”

Fil-Kawżi magħquda C‑643/15 u C‑647/15,

li għandha bħala suġġett rikorsi għal annullament skont l‑Artikolu 263 TFUE, ippreżentati fit-2 u fit-3 ta’ Diċembru 2015 rispettivament,

Ir-Repubblika Slovakka, irrappreżentata mill-Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky (C‑643/15),

u

L-Ungerija, irrappreżentata minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti (C‑647/15),

rikorrenti,

sostnuti minn:

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Kamejsza, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Chavrier u K. Pleśniak kif ukoll minn N. Pethő u Z. Kupčová, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn J. Van Holm, M. Jacobs u C. Pochet, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T Henze, R. Kanitz u J. Möller (C‑647/15), bħala aġenti,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn M. Michelogiannaki u A. Samoni-Rantou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u F.‑X. Bréchot kif ukoll minn E. Armoet, bħala aġenti,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato,

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn A. Germeaux u C. Schiltz kif ukoll minn D. Holderer, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, U. Persson u O. Widgren kif ukoll minn E. Karlsson u L. Swedenborg, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Condou-Durande u K. Talabér-Ritz (C‑647/15) kif ukoll minn J. Baquero Cruz, A. Tokár (C‑643/15) u G. Wils, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, L. Bay Larsen u A. Prechal (Relatur), Presidenti ta’ Awla, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, M. Safjan, E. Jarašiūnas, C.G. Fernlund, C. Vajda, S. Rodin u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Mejju 2017,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikorsi tagħhom, ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija qed jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601, tat-22 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal‑Italja u l-Greċja (ĠU 2015, L 248, p. 80, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

I. Id-deċiżjoni kkontestata: kuntest, ġenesi u kontenut

A. Il-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata

2

Il-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata huwa deskritt kif ġej fil-premessi 3 sa 7 u 10 sa 16 tagħha:

“(3)

Is-sitwazzjoni reċenti ta’ kriżi fil-Mediterran wasslet lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni [Ewropea] biex jirrikonoxxu minnufih il-flussi migratorji eċċezzjonali f’dak ir-reġjun, u biex jappellaw għal miżuri konkreti ta’ solidarjetà mal-Istati Membri tal-ewwel art. B’mod partikolari, f’laqgħa konġunta tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern fl-20 ta’ April 2015, il-Kummissjoni [Ewropea] ppreżentat pjan ta’ għaxar punti ta’ azzjoni immedjata sabiex tittieħed b’rispons għall-kriżi, inkluż l-impenn li jiġu kkunsidrati opzjonijiet għall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza.

(4)

Fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ April 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda, fost l-oħrajn, li jsaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà interni u impenja ruħu b’mod partikolari li jżid l-assistenza ta’ emerġenza lill-Istati Membri tal-ewwel art, u biex jikkunsidra opzjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza bejn l-Istati Membri fuq bażi volontarja, u biex jibgħat timijiet mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) fl-Istati Membri tal-ewwel art għall-ipproċessar konġunt tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, inklużi r-reġistrazzjoni u t-teħid tal-marki tas-swaba.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta’ April 2015, il-Parlament Ewropew tenna l-ħtieġa li l-Unjoni tibbaża r-reazzjoni tagħha għat-traġedji fil-Mediterran l-aktar reċenti fuq is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, u tintensifika l-isforzi tagħha f’dan il-qasam fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar numru ta’ refuġjati u applikanti għal protezzjoni internazzjonali, f’termini assoluti jew f’termini relattivi.

(6)

Minbarra miżuri fil-qasam tal-asil, l-Istati Membri tal-ewwel art għandhom iżidu l-isforzi tagħhom sabiex jistabbilixxu miżuri biex ilaħħqu mal-flussi ta’ migrazzjoni mħallta fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea. Tali miżuri għandhom jissalvagwardjaw id-drittijiet ta’ dawk fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u jipprevjenu migrazzjoni irregolari.

(7)

Fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta’ Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew iddeċieda fost l-oħrajn, li għandhom jiġu avvanzati b’mod parallel tliet dimensjonijiet ewlenin: ir-rilokazzjoni/ir-risistemazzjoni, ir-ritorn/ir-riammissjoni/ir-riintegrazzjoni u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta’ emerġenza u tal-impenn biex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabbiltà, il-Kunsill Ewropew laħaq qbil, b’mod partikolari, dwar ir-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali, mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra tul perijodu ta’ sentejn ta’ 40000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li jieħdu sehem fiha l-Istati Membri kollha.

[…]

(10)

Fost l-Istati Membri li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ pressjoni konsiderevoli u fid-dawl tal-ġrajjiet traġiċi reċenti fil-Mediterran, l-Italja u l-Greċja b’mod partikolari esperjenzaw flussi bla preċedent ta’ migranti, inkluż applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li huma fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom, u ħolqu pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi ta’ migrazzjoni u ta’ asil tagħhom.

(11)

Fl-20 ta’ Lulju 2015, fid-dawl tas-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istat Membri, ġiet adottata b’kunsens Riżoluzzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill [Ewropew] dwar ir-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja ta’ 40000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali. Matul perijodu ta’ sentejn, 24000 persuna ser jiġu rilokati mill-Italja u 16000 persuna ser jiġu rilokati mill-Greċja. Fl-14 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] adotta d-Deċiżjoni [UE] 2015/1523 [li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (ĠU 2015, L 239, p. 146], li stipulat mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanju u eċċezzjonali mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħra ta’ persuni fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

(12)

Matul ix-xhur reċenti, il-pressjoni migratorja fil-fruntieri esterni tan-Nofsinhar fuq l-art u fil-baħar reġgħet żdiedet bil-qawwa, u tkompla l-moviment tal-flussi migratorji mill-Mediterran ċentrali għall-Mediterran tal-Lvant u lejn ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bħala riżultat tan-numru dejjem jikber ta’ migranti li qed jaslu fil-Greċja u mill-Greċja. Fid-dawl tas-sitwazzjoni, għandhom ikunu ġġustifikati miżuri proviżorji ulterjuri biex tittaffa l-pressjoni tal-asil minn fuq l-Italja u l-Greċja.

(13)

Skont data tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), ir-rotot tal-Mediterran ċentrali u tal-Lvant kienu ż-żoni prinċipali għall-qsim irregolari tal-fruntieri lejn l-Unjoni fl-ewwel tmien xhur tal-2015. Mill-bidu tal-2015, madwar 116000 migrant waslu fl-Italja b’mod irregolari […] Matul Mejju u Ġunju tal-2015, ġew individwati 34691 qasma irregolari tal-fruntieri mill-Frontex u matul Lulju u Awwissu in-numru kien 42356, żieda ta’ 20 %. Fl‑2015 kien hemm ukoll żieda qawwija fil-Greċja, fejn aktar minn 211000 migrant irregolari waslu fil-pajjiż […] Matul Mejju u Ġunju tal-2015, ġew individwati 53624 qasma irregolari tal-fruntieri mill-Frontex u matul Lulju u Awwissu in-numru kien 137000, żieda ta’ 250 %. Proporzjon sinifikanti tan-numru totali ta’ migranti irregolari individwati f’dawk iż-żewġ reġjuni kien jinkludi migranti ta’ nazzjonalitajiet li, abbażi tad-data tal-[Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea (Eurostat)], igawdu minn livell għoli ta’ rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni.

(14)

Skont iċ-ċifri tal-Eurostat u tal-EASO, 39183 persuna applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja bejn Jannar u Lulju tal‑2015, meta mqabblin mat-30 755 fl-istess perijodu tal-2014 (żieda ta’ 27 %). Il-Greċja kellha żieda simili fin-numru ta’ applikazzjonijiet, b’7 475 applikant (żieda ta’ 30 %).

(15)

Sa issa ttieħdu bosta azzjonijiet sabiex jingħata appoġġ lill-Italja u lill-Greċja fil-qafas tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, inkluż bl-għoti ta’ assistenza ta’ emerġenza sostanzjali u appoġġ operattiv mill-EASO.[…]

(16)

Minħabba l-instabbiltà u l-konflitti li għaddejjin fil-viċinat immedjat tal-Italja u tal-Greċja, u r-riperkussjonijiet fil-flussi migratorji fuq Stati Membri oħra, huwa ferm probabbli li ser jibqa’ jkun hemm pressjoni sinifikanti u akbar fuq is-sistemi tal-migrazzjoni u tal-asil tagħhom, bi proporzjon sinifikanti tal-migranti li jistgħu ikunu fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali. Dan juri l-ħtieġa kritika li tintwera solidarjetà mal-Italja u l-Greċja u li l-azzjonijiet li ttieħdu sa issa jiġu kkomplementati sabiex jingħataw appoġġ b’miżuri proviżorji fil-qasam tal-asil u tal-migrazzjoni.”

B. Il-ġenesi tad-deċiżjoni kkontestata

3

Fid-9 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, proposta ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja, tal-Greċja u tal-Ungerija [COM(2015) 451, iktar ’il quddiem il-“proposta inizjali tal-Kummissjoni”].

4

L-istess jum, il-Kummissjoni ppreżentat ukoll, abbażi tal-Artikolu 78(2)(e) TFUE, proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ kriżi u li jemenda r‑Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida [COM(2015) 450].

5

Il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tipprevedi r-rilokazzjoni ta’ 120000 applikant għal protezzjoni internazzjonali, mill-Italja (15600 persuna), mill-Greċja (50400 persuna) u mill-Ungerija (54000 persuna) lejn l-Istati Membri l-oħrajn. L-anness ta’ din il-proposta kien jinkludi tliet tabelli li jqassmu lil dawn l-applikanti minn kull wieħed minn dawn it-tliet Stati Membri bejn l-Istati Membri l-oħrajn, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, tal-Irlanda u tad-Danimarka, taħt forma ta’ allokazzjonijiet stabbiliti għal kull wieħed minn dawn l-Istati Membri ospitanti.

6

Fit-13 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni ttrażmettiet din il-proposta lill-Parlamenti nazzjonali.

7

Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2015, il-Kunsill ittrażmetta l-imsemmija proposta lill-Parlament għal konsultazzjoni. F’din l-ittra, il-Kunsill kien qed jitlob lill-Parlament jagħti l-opinjoni tiegħu mill-iktar fis possibbli fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-baħar Mediterran u fir-rotta tal-Punent tal-Balkani u kien qed jimpenja ruħu sabiex iżomm lill-Parlament informat b’mod informali bl-iżviluppi tal-fajl tal-Kunsill.

8

Fis-17 ta’ Settembru 2015, il-Parlament adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva li tapprova l-imsemmija proposta fid-dawl, b’mod partikolari, tas-“sitwazzjoni urġenti eċċezzjonali u l-ħtieġa li jinstab rimedju mingħajr dewmien”, filwaqt li talab lill-Kunsill jikkonsultah mill-ġdid jekk kellu l-ħsieb li jemenda b’mod sostanzjali l-proposta inizjali tal‑Kummissjoni.

9

Matul id-diversi laqgħat li saru fi ħdan il-Kunsill bejn is-17 u t-22 ta’ Settembru 2015, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni ġiet emendata fuq ċerti punti.

10

B’mod partikolari, matul dawn il-laqgħat, l-Ungerija wriet li hija kienet qed tirrifjuta l-idea li tiġi kklassifikata bħala “Stat Membru tal‑ewwel art” u li ma xtaqitx tkun fost l-Istati Membri li jibbenefikaw mir-rilokazzjoni bħall-Italja u l-Greċja. Għaldaqstant, fit-test finali tal-proposta tneħħa kull riferiment għall-Ungerija bħala Stat Membru benefiċjarju, inkluż fit-titolu tal-proposta. L-Anness III tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni dwar it-tqassim ta’ 54000 applikant għal protezzjoni internazzjonali li inizjalment kienu previsti li ser jiġu rrilokati mill-Ungerija tneħħa wkoll. Għall-kuntrarju, l-Ungerija ġiet inkluża fl-Annessi I u II bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni tal‑applikanti għal protezzjoni internazzjonali li jitilqu, rispettivament, mill-Italja u mill-Greċja, u konsegwentement ingħatat allokazzjonijiet f’dawn l-annessi.

11

Fit-22 ta’ Settembru 2015, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni kif emendata ġiet adottata mill-Kunsill b’maġġoranza kkwalifikata. Ir‑Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u r-Repubblika Slovakka vvotaw kontra l-adozzjoni ta’ din il-proposta. Ir-Repubblika tal-Finlandja astjeniet.

C. Il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

12

Il-premessi 2, 22, 23, 26, 30, 32, 35 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu li:

“(2)

Skont l-Artikolu 80 [TFUE], il-politiki tal-Unjoni fil-qasam tal-kontrolli fil-fruntieri, tal-asil u tal-immigrazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u tat-tqassim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri, u l-atti tal-Unjoni adottati f’dan il-qasam għandhom jinkludu l-miżuri xierqa għall-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

[…]

(22)

F’konformità mal-Artikolu 78(3) TFUE, il-miżuri previsti għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja għandhom ikunu ta’ natura proviżorja. Perijodu ta’ 24 xahar huwa raġonevoli sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkollhom impatt effettiv bħala appoġġ għall-Italja, u għall-Greċja fil-ġestjoni tal-flussi migratorji sinifikanti fit-territorji tagħhom.

(23)

Il-miżuri ta’ rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja, previsti f’din id-Deċiżjoni, jinvolvu deroga temporanja mir-regola stabbilita fl-Artikolu 13(1) tar-[Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”)] li skontu l-Italja u l-Greċja kienu altrimenti jkunu responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali bbażata fuq il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dak ir-Regolament, kif ukoll deroga temporanja mill-passi proċedurali, inklużi l-limiti ta’ żmien, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta’ dak ir-Regolament. Id-dispożizzjonijiet l-oħra tar-Regolament [Dublin III] […] jibqgħu applikabbli […] Din id-Deċiżjoni tinvolvi wkoll deroga mill-kunsens tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) tar-[Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ April 2014, li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU 2014, L 150, p. 168)].

[…]

(26)

Il-miżuri proviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni sinifikanti tal-asil fuq l-Italja u fuq il-Greċja, b’mod partikolari billi jiġu rilokati numru sinifikanti ta’ applikanti fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li jkunu waslu fit-territorju tal-Italja jew il-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fl-Italja u fil-Greċja b’mod irregolari fl-2015, u n-numru ta’ dawk fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, it-total ta’ 120000 applikant fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Dan in-numru jikkorrispondi għal madwar 43 % tan-numru totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li daħlu fl-Italja u l-Greċja b’mod irregolari f’Lulju u Awwissu tal-2015. Il-miżura ta’ rilokazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi tqassim ġust tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja minn naħa waħda u l-Istati Membri l-oħra min-naħa l-oħra, meta jitqiesu ċ-ċifri globali disponibbli dwar il-qsim irregolari tal-fruntieri fl-2015. B’kont meħud taċ-ċifri inkwistjoni, 13 % ta’ dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja, 42 % mill-Greċja u 45 % għandhom jiġu rilokati kif previst f’din id-Deċiżjoni.

[…]

(30)

Bil-ħsieb li jiġi implimentat il-prinċipju tas-solidarjetà u tat-tqassim ġust tar-responsabbiltà, u waqt li jittieħed kont li din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp ulterjuri ta’ politika f’dan il-qasam, huwa xieraq li jiġi żgurat li l-Istati Membri li jirrilokaw, skont din id-Deċiżjoni, l-applikanti mill-Italja u l-Greċja li huma fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, jirċievu somma f’daqqa għal kull persuna rilokata li hija identika għas-somma f’daqqa prevista fl-Artikolu 18 tar-[Regolament Nru 516/2014], jiġifieri EUR 6000, u tiġi implimentata billi jiġu applikati l-istess proċeduri. […]

[…]

(32)

Is-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni, sakemm it-trasferiment tal-applikant jiġi implimentat. B’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali tal-applikant, inklużi r-regoli rilevanti dwar il-protezzjoni tad-data, meta Stat Membru ikollu raġunijiet raġonevoli biex jikkunsidra applikant bħala ta’ periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku, huwa għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra b’dan.

[…]

(35)

Is-salvagwardji legali u proċedurali stipulati fir-Regolament [Dublin III] jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ applikanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura tar-rilokazzjoni stipulata f’din id-Deċiżjoni u għandhom ikunu nnotifikati bid-deċiżjoni tar-rilokazzjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment skont it-tifsira tal-Artikolu 26 tar-Regolament [Dublin III]. Meta jiġi kkunsidrat li l-applikant ma għandux id-dritt, skont il-liġi tal-Unjoni, li jagħżel l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu, l-applikant għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni skont ir-Regolament [Dublin III], bil-għan biss li jiġi żgurat li d-drittijiet fundamentali tiegħu jiġu rrispettati. F’konformità mal-Artikolu 27 ta’ dak ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li l-appell kontra t-trasferiment ma jissospendix awtomatikament it-trasferiment tal-applikant iżda li l-persuna kkonċernata għandha l-opportunità li titlob sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm ikun magħruf l-eżitu tal-appell tagħha.

[…]

(44)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 [TUE]. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

13

Skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Suġġett”:

“1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja, bil-ħsieb li tappoġġahom biex ilaħħqu aħjar ma’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dawk l-Istati Membri.

2.   Il-Kummissjoni għandha żżomm taħt eżami kostanti s-sitwazzjoni rigward id-dħul kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn l-Istati Membri.

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, kif adatt, proposti biex din id-Deċiżjoni tiġi emendata sabiex jittieħed kont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post u l-impatt tagħha fuq il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-pressjoni fuq l-Istati Membri, b’mod partikolari l-Istati Membri tal-ewwel art.”

14

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(e)

‘rilokazzjoni’, tfisser it-trasferiment ta’ applikant mit-territorju tal-Istat Membru li l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 jindikaw bħala responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni;

(f)

‘Stat Membru ta’ rilokazzjoni’, tfisser l-Istat Membru li jsir responsabbli milli jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali skont ir-Regolament [Dublin III] ta’ applikant wara r-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.”

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha ssir biss fir-rigward ta’ applikant li jkun ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali fl-Italja jew fil-Greċja u li għalih dawk l-Istati kienu altrimenti jkunu responsabbli skont il-kriterji għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament [Dublin III].

2.   Ir-rilokazzjoni skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata biss fir-rigward ta’ applikant li huwa ta’ nazzjonalità li għaliha il-proporzjon ta’ deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali […] ikun, skont id-data trimestrali l-aktar reċenti tal-Eurostat, aġġornata u disponibbli fl-Unjoni kollha, 75 % jew aktar. […]”

16

L-Artikolu 4 tal-istess deċiżjoni, intitolat “Rilokazzjoni ta’ 120000 applikant lejn l-Istati Membri”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   120000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra kif ġej:

(a)

15600 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness I.

(b)

50400 applikant għandhom jiġu rilokati mill-Greċja lejn it-territorju tal-Istati Membri l-oħra skont it-tabella li tinsab fl-Anness II.

(c)

54000 applikant għandhom jiġu rilokati lejn it-territorju tal-Istati Membri proporzjonalment għall-figuri stabbilit fl-Annessi I u II, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jew permezz ta’ emenda għal din id-Deċiżjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2) u fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Mis-26 ta’ Settembru 2016, 54000 applikant, imsemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja, fil-proporzjon li jirriżulta mill-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, lejn it-territorju ta’ Stati Membri oħra u proporzjonalment mal-figuri li jinsabu fl-Annessi I u II. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill dwar iċ-ċifri li għandhom jiġu allokati skont dan għal kull Stat Membru.

3.   Jekk sas-26 ta’ Settembru 2016, il-Kummissjoni tikkunsidra li adattament tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni jkun iġġustifikat minħabba l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fil-post jew li Stat Membru qed jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba moviment qawwi fil-flussi migratorji u filwaqt li tieħu kont tal-fehmiet tal-Istat Membru li probabbilment ikun benefiċjarju, hija tista’ tippreżenta, kif adatt, proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).

B’mod simili, Stat Membru jista’, filwaqt li jagħti raġunijiet debitament ġustifikati, jinnotifika lill-Kunsill u lill-Kummissjoni li qed jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza simili. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-raġunijiet mogħtija u, kif adatt, tippreżenta proposti lill-Kunsill, kif imsemmi fl-Artikolu 1(2).”

17

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1754, tad-29 ta’ Settembru 2016 (ĠU 2016, L 268, p. 82), ikkompleta l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni kkontestata bil-paragrafu li ġej:

“3a.   Fir-rigward tar-rilokazzjoni tal-applikanti msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jissodisfaw l-obbligi tagħhom bl-ammissjoni fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini Sirjani li jinsabu fit-Turkija skont l-iskemi ta’ ammissjoni legali nazzjonali jew multilaterali għal persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, minbarra l-iskema ta’ risistemazzjoni li kienet is-suġġett tal-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2015. In-numru ta’ persuni ammessi b’dan il-mod minn Stat Membru għandu jwassal għal tnaqqis korrispondenti tal-obbligu tal-Istat Membru rispettiv.

[…]”

18

Mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 2016/1754 jirriżulta li din daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Ottubru 2016 u kienet tapplika sas-26 ta’ Settembru 2017 għall-persuni kollha li, għall-finijiet tal-Artikolu 4(3a) tad-deċiżjoni kkontestata, ikunu ġew ammessi mill-Istati Membri mit-Turkija mill-1 ta’ Mejju 2016.

19

L-Artikolu 4(4) tad-deċiżjoni kkontestata jikkunsidra l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fuq bażi volontarja, tal-Irlanda u tar-Renju Unit. Ladarba l-parteċipazzjoni tal-Irlanda ġiet sussegwentement ikkonfermata mill-Kummissjoni, il-Kunsill iffissa numru ta’ applikanti li kellhom jiġu rrilokati lejn dan l-Istat Membru u adatta l-allokazzjonijiet tal-Istati Membri l-oħra konsegwentement.

20

L-Artikolu 4(5) ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jitlob, taħt il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni, u sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Diċembru 2015, li jibbenefika minn sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta’ applikanti f’porzjoni li jista’ jammonta għal 30 % min-numru tal-applikanti allokati lilu.

21

Din id-dispożizzjoni ġiet applikata fuq talba tar-Repubblika tal-Awstrija u kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/408, tal‑10 ta’ Marzu 2016, dwar is‑sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta’ 30 % tal-applikanti allokati lill‑Awstrija skont id-[deċiżjoni kkontestata] (ĠU 2016, L 74, p. 36). L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2016/408 jipprevedi li r-rilokazzjoni lejn dan l-Istat Membru ta’ 1065 applikant allokati lilu skont id-deċiżjoni kkontestata hija sospiża sal-11 ta’ Marzu 2017.

22

L-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni”, jipprevedi:

“[…]

2.   L-Istati Membri għandhom, f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, jindikaw in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati malajr lejn it-territorju tagħhom u kull informazzjoni rilevanti oħra.

3.   Fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta’ kuntatt tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8, għandhom jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rilokati lejn l-Istati Membri l-oħra u, kemm jista’ jkun malajr, jagħtu l-informazzjoni rilevanti kollha lill-punti ta’ kuntatt ta’ dawk l-Istati Membri. Għal dak il-għan għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u 22 tad-[Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96)].

4.   Wara l-approvazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, l-Italja u l-Greċja, malajr kemm jista’ jkun, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull wieħed mill-applikanti identifikati lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni speċifiku, f’konsultazzjoni mal-EASO, u għandhom jinnotifikaw lill-applikant skont l-Artikolu 6(4). L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jista’ jiddeċiedi li ma japprovax ir-rilokazzjoni ta’ applikant biss jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli, kif imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

6.   It-trasferiment tal-applikant lejn it-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jsir kemm jista’ jkun malajr wara d-data tan-notifika lill-persuna kkonċernat bid-deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 6(4) ta’ din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom jibagħtu lill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni d-data u l-ħin tat-trasferiment kif ukoll kull informazzjoni rilevanti oħra.

7.   L-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex jitqies bħala periklu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku […]

[…]”

23

L-Artikolu 6 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Drittijiet u obbligi tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali koperti minn din id-Deċiżjoni”, jipprovdi:

“1.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-ewwel ħaġa li jqisu l-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li membri tal-familja li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jiġu rilokati fit-territorju tal-istess Stat Membru.

3.   Qabel id-deċiżjoni li jiġi rrilokat applikant, l-Italja u l-Greċja għandhom jinfurmaw lill-applikant f’lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment mistenni li jifhem, dwar il-proċedura ta’ rilokazzjoni kif stipulata f’din id-Deċiżjoni.

4.   Meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġi rilokat applikant u qabel ir-rilokazzjoni nnifisha, l-Italja u l-Greċja għandhom javżaw bil-miktub lill-persuna kkonċernata bid-deċiżjoni li jirrilokawha. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

5.   Applikant jew benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għas-soġġorn f’dak l-Istat Membru l-ieħor għandu jiġi rikjest jirritorna minnufih. L-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandu jieħu lura l-persuna mingħajr dewmien.”

24

L-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-appoġġ operattiv għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana.

25

L-Artikolu 8 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi miżuri komplementari li għandhom jittieħdu minn dawn iż-żewġt Istati Membri.

26

L-Artikolu 9 tal-imsemmija deċiżjoni jawtorizza lill-Kunsill jieħu miżuri provviżorji skont l-Artikolu 78(3) TFUE jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imposti minn din id-dispożizzjoni u jindika li tali miżuri jistgħu, jekk ikun il-każ, jinkludu sospensjoni tal-parteċipazzjoni tal-Istat Membru li jkollu jaffronta dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għar-rilokazzjoni prevista mid-deċiżjoni kkontestata.

27

Din id-dispożizzjoni ġiet applikata fuq talba tar-Renju tal-Isvezja u kienet is-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/946, tad-9 ta’ Ġunju 2016 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Isvezja f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 2015/1601, (ĠU 2016, L 157, p. 23). L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2016/946 jipprovdi li l-obbligi li għandu dan l-Istat Membru bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni taħt id-Deċiżjoni 2015/1523 u d-deċiżjoni kkontestata huma sospiżi sas-16 ta’ Ġunju 2017.

28

L-Artikolu 10 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi sostenn finanzjarju għal kull persuna rrilokata skont din id-deċiżjoni, u dan kemm għall-Istat Membru ta’ rilokazzjoni kif ukoll għar-Repubblika Ellenika jew ir-Repubblika Taljana.

29

L-Artikolu 11 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, jistgħu jsiru arranġamenti bilaterali minn dawn iż-żewġt Istati Membri mal-Istati msejħa “assoċjati”, jiġifieri r-Repubblika tal-Islanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Svizzera u li, fil-każ li tali arranġamenti jiġu konklużi, il-Kunsill jadatta, konsegwentement, fuq proposta tal-Kummissjoni, l-allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni tal-Istati Membri billi jnaqqashom proporzjonalment. Tali ftehimiet ġew sussegwentement konklużi u l-Istati assoċjati għaldaqstant jipparteċipaw fir-rilokazzjoni prevista mid-deċiżjoni kkontestata.

30

L-Artikolu 12 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni għandha tagħmel rapport lill-Kunsill, kull sitt xhur, dwar l-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Sussegwentement, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippreżenta rapporti kull xahar dwar l-implementazzjoni tad-diversi miżuri ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali meħuda fuq il-livell tal-Unjoni, fosthom id-deċiżjoni kkontestata.

31

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 13(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata, hija daħlet fis-seħħ fil-25 ta’ Settembru 2015 u kienet tapplika tas-26 ta’ Settembru 2017. L-Artikolu 13(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li din kellha tapplika għall-persuni li jaslu fit-territorju Taljan u dak Grieg bejn il‑25 ta’ Settembru 2015 u s-26 ta’ Settembru 2017 kif ukoll għall-applikanti li waslu f’dawn it-territorji sa mill-24 ta’ Marzu 2015.

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

32

Fil-kawża C‑643/15, ir-Repubblika Slovakka titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

33

Fil-kawża C‑647/15, l-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

sussidjarjament, tannulla din id-deċiżjoni sa fejn tikkonċerna lill-Ungerija, u

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

34

Fil-kawżi C‑643/15 u C‑647/15, il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikorsi bħala infondati u tikkundanna lir-Repubblika Slovakka u lill-Ungerija għall-ispejjeż.

35

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2016, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill fil-Kawżi C‑643/15 u C‑647/15.

36

Permezz tal-istess deċizjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ġiet ammessa tintervjeni, fil-Kawża C‑643/15, insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Slovakka u, fil-Kawża C‑647/15, insostenn tat-talbiet tal-Ungerija.

37

Wara li l-partijiet u l-Avukat Ġenerali nstemħgu fuq dan il-punt, hemm lok li, minħabba li dawn il-kawżi huma relatati, huma jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza, skont l-Artikolu 54 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

III. Fuq ir-rikors

A. Sunt tal-motivi

38

Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑643/15, ir-Repubblika Slovakka tinvoka sitt motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel nett, tal-Artikolu 68 TFUE, tal-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll tal-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, it-tieni nett, tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE, tal-Artikolu 78(3) TFUE, tal-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattati UE u FUE [iktar ’il quddiem il-“Protokoll (Nru 1)”], u tal-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità, anness mat-Trattati UE u FUE [iktar ’il quddiem il-“Protokoll (Nru°2)”], kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ ekwilibriju istituzzjonali, it-tielet nett, tal-forom proċedurali sostanzjali relatati mal-proċedura leġiżlattiva kif ukoll tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva, ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba (b’mod sussidjarju), ir-raba’ nett, tal-form proċedurali sostanzjali kif ukoll tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE u tal-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva, ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba (b’mod parzjalment sussidjarju), il-ħames nett, tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE (b’mod sussidjarju), u s-sitt nett, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

39

Insostenn tar-rikors tagħha fil-Kawża C‑647/15, l-Ungerija tinvoka għaxar motivi.

40

L-ewwel u t-tieni motivi huma bbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 78(3) TFUE, inkwantu din id-dispożizzjoni ma tipprovdix lill-Kunsill bażi legali xierqa għall-adozzjoni ta’ miżuri li, fil-każ ineżami, jidderogaw b’mod vinkolanti mid-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv, li huma applikabbli matul perijodu ta’ 24 xahar, jew anki ta’ 36 xahar f’ċerti każijiet, u li l-effetti tagħhom imorru lil hinn minn dan il-perijodu, li huwa kuntrarju għall-kunċett ta’ “miżuri provviżorji”.

41

It-tielet sas-sitt motivi huma bbażati fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, sa fejn, l-ewwel nett, matul l-adozzjoni tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 293(1) TFUE meta warrab il-proposta tal-Kummissjoni mingħajr vot unanimu (it-tielet motiv), it-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata fiha deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ att leġiżlattiv, u, mill‑perspettiva tal-kontenut tagħha, hija nnifisha att leġiżlattiv, minħabba li, anki fil-każ li jiġi deċiż li kien ikun possibbli li tiġi adottata b’mod validu abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, xorta jibqa’ l-fatt li kien ikollu jiġi osservat, fl‑adozzjoni tagħha, id-dritt tal-parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni dwar l-atti leġiżlattivi, previst mill-Protokoll (Nru 1) u mill-Protokoll (Nru 2) (ir-raba’ motiv), it-tielet nett, wara li kkonsulta l-Parlament, il-Kunsill emenda sostanzjalment it-test tal-proposta mingħajr ma reġa’ kkonsulta mill-ġdid lill-Parlament dwar dan is-suġġett (il-ħames motiv), u, ir-raba’ nett, waqt l-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni kkontestata, il-verżjonijiet lingwistiċi tal-abbozz ta’ deċiżjoni ma kinux disponibbli bil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni (is-sitt motiv).

42

Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 68 TFUE u tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015.

43

It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva inkwantu, f’diversi punti, il-kundizzjonijiet għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex ċari, u lanqas ma huwa ċar il-mod kif id-dispożizzjonijiet tagħha huma marbuta ma’ dawk tar-Regolament Dublin III.

44

Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità, sa fejn, peress li l-Ungerija ma tinsabx fost l-Istati Membri benefiċjarji, ma huwiex iġġustifikat li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi r-rilokazzjoni ta’ 120000 persuna li talbu protezzjoni internazzjonali.

45

L-għaxar motiv, imressaq b’mod sussidjarju, huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-Artikolu 78(3) TFUE sa fejn jikkonċerna l-Ungerija, peress li d-deċiżjoni kkontestata tallokalha kwota obbligatorja bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni, minkejja li huwa rrikonoxxut li numru kbir ta’ immigranti f’sitwazzjoni irregolari daħlu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u li ppreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali hemmhekk.

B. Osservazzjonijiet preliminari

46

Peress li l-bażi legali ta’ att tiddetermina l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 17), għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 78(3) TFUE ma huwiex adatt bħala bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tieni lok, il-motivi bbażati fuq irregolaritajiet proċedurali mwettqa matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u li jikkostitwixxu ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, u, fit-tielet lok, il-motivi fuq il-mertu.

C. Fuq il-motivi bbażati fuq il-fatt li l-Artikolu 78(3) TFUE ma huwiex adatt bħala bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata

1. Fuq it-tieni motiv tar-Repubblika Slovakka u l-ewwel motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq in-natura leġiżlattiva tad-deċiżjoni kkontestata

a) L-argumenti tal-partijiet

47

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li, minkejja li ġiet adottata skont il-proċedura mhux leġiżlattiva u għalhekk formalment tikkostitwixxi att mhux leġiżlattiv, id-deċiżjoni kkontestata xorta għandha tiġi kklassifikata bħala att leġiżlattiv minħabba l-kontenut u l-effetti tagħha peress li, hekk kif inhu kkonfermat espressament mill-premessa 23 tal-imsemmija deċiżjoni, hija temenda, fuq kollox b’mod fundamentali, diversi atti leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni.

48

Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, li bis-saħħa tiegħu r-Repubblika Ellenika jew ir-Repubblika Taljana, skont il-każ, huma bħala prinċipju responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, regola li minnha jidderoga l-Artikolu 3(1) tad-deċiżjoni kkontestata.

49

Għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tikklassifika dawn l‑emendi bħala sempliċi “derogi”, id-distinzjoni bejn deroga u emenda hija artifiċjali peress li, fiż-żewġ każijiet, dawn l-interventi għandhom bħala effett li tiġi evitata l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva u, minħabba f’hekk, li tiġi affettwata l-effettività tagħha.

50

Min-naħa l-oħra, min-natura provviżorja u urġenti tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 78(3) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija intiża li tipprovdi bażi legali għal miżuri ta’ sostenn li jistgħu jakkompanjaw atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE. Dawn huma b’mod partikolari miżuri intiżi li jaffrontaw jew itaffu malajr sitwazzjoni ta’ kriżi, b’mod partikolari l-għoti ta’ għajnuna finanzjarja jew teknika jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal ikkwalifikat.

51

Għaldaqstant, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jipprovdix bażi legali għall-adozzjoni ta’ miżuri leġiżlattivi, peress li din id-dispożizzjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni li tgħid li l-miżuri meħuda abbażi tagħha għandhom jiġu adottati fil-kuntest ta’ proċedura leġiżlattiva.

52

Ir-Repubblika Slovakka ssostni, b’mod partikolari, li att mhux leġiżlattiv ibbażat fuq l-Artikolu 78(3) TFUE, bħad-deċiżjoni kkontestata, bl-ebda mod ma jista’ jidderoga minn att leġiżlattiv. Il‑portata tad-deroga u n-natura fundamentali jew le tad-dispożizzjoni li minnha hemm id-deroga huma bla importanza. Kwalunkwe deroga, minima kemm tkun minima, permezz ta’ att mhux leġiżlattiv minn att leġiżlattiv hija pprojbita peress li tkun qed tevita l-proċedura leġiżlattiva, fil-każ ineżami dik prevista mill-Artikolu 78(2) TFUE.

53

L-Ungerija ssostni li, fi kwalunkwe każ, id-derogi minn atti leġiżlattivi li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata, anki jekk huma ratione temporis, jinterferixxu mad-dispożizzjonijiet fundamentali ta’ atti leġiżlattivi eżistenti li huma relatati mad-drittijiet u l-obbligi fundamentali tal-individwi kkonċernati.

54

Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li l-Artikolu 78(3) TFUE jista’ jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni mal-Parlament previst minn din id-dispożizzjoni jista’ jitqies li huwa “partiċipazzjoni” tal-Parlament, fis-sens tal-Artikolu 289(2) TFUE, b’tali mod li l-proċedura leġiżlattiva speċjali tapplika. F’dan il-każ, l-Artikolu 78(3) TFUE jista’ effettivament jikkostitwixxi bażi legali valida tad-deċiżjoni kkontestata, bħala att leġiżlattiv.

55

Madankollu, kieku kellha tiġi ammessa tali interpretazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE, ir-rekwiżiti proċedurali rigward l-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv għandhom jiġi osservati, b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-Parlament u tal-Parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv, ħaġa li manifestament ma kinitx il-każ hawnhekk.

56

Il-Kunsill isostni li mill-Artikolu 289(3) TFUE jirriżulta li l-kriterju ta’ identifikazzjoni tan-natura leġiżlattiva jew le ta’ att hija esklużivament proċedurali, fis-sens li, kull darba li bażi legali tat-Trattat tipprevedi espressament li att għandu jiġi adottat “skond il-proċedura leġiżlattiva ordinarja” jew “skond il-proċedura leġiżlattiva speċjali”, dan ikun att leġiżlattiv. Huwa jikkontesta li d-deċiżjoni kkontestata emendat diversi atti leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li għandha tiġi kklassifikata bħala att leġiżlattiv minħabba l-kontenut tagħha. Lanqas ma jista’ jiġi sostnut li d-derogi magħmula mid-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxu evitar tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, kif prevista fl-Artikolu 78(2) TFUE.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

57

Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk, hekk kif issostni l-Ungerija, l-Artikolu 78(3) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li l-atti adottati skont din id-dispożizzjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala “atti leġiżlattivi”, minħabba li r-rekwiżit ta’ konsultazzjoni mal-Parlament li tipprevedi l-imsemmija dispożizzjoni jikkostitwixxi forma ta’ parteċipazzjoni ta’ din l-istituzzjoni tal-Unjoni, fis-sens tal‑Artikolu 289(2) TFUE, b’tali mod li l-adozzjoni ta’ tali atti għandha ssegwi l-proċedura leġiżlattiva speċjali, ħaġa li ma kinitx il-każ fid-deċiżjoni kkontestata.

58

Skont l-Artikolu 289(3) TFUE, l-atti legali adottati bi proċedura leġiżlattiva jikkostitwixxu atti leġiżlattivi. Għaldaqstant, l-atti mhux leġiżlattivi huma dawk adottati bi proċedura li ma hijiex proċedura leġiżlattiva.

59

Id-distinzjoni bejn atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi għandha importanza ċerta, peress li l-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi biss hija suġġetta għall-osservazzjoni ta’ ċerti obbligi relatati, b’mod partikolari, mal-parteċipazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali skont l-Artikoli 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 1) u mal-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll (Nru 2), kif ukoll mar-rekwiżit, li jirriżulta mill-Artikolu 16(8) TUE u mill-Artikolu 15(2) TFUE, li l-Kunsill jiltaqa’ fil-pubbliku meta jkun qed jikkunsidra u jivvota fuq abbozz ta’ att leġiżlattiv.

60

Barra minn hekk, mill-qari flimkien tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 289(1) u tal-Artikolu 294(1) TFUE jirriżulta li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja, ikkaratterizzata mill-adozzjoni konġunta ta’ atti tad-dritt tal-Unjoni mill-Parlament u mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, tapplika biss jekk fid-dispożizzjoni tat-Trattati li tikkostitwixxi l-bażi legali tal-att inkwistjoni “ikun hemm referenza” għal tali proċedura leġiżlattiva.

61

Għal dak li jirrigwarda l-proċedura leġiżlattiva speċjali, ikkaratterizzata min-naħa tagħha mill-fatt li hija tipprevedi l-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni jew mill-Parlament bil-parteċipazzjoni tal-Kunsill jew mill-Kunsill bil-parteċipazzjoni tal-Parlament, l-Artikolu 289(2) TFUE jipprovdi li hija tapplika “fil-każijiet speċifiċi previsti mit-Trattati”.

62

Minn dan jirriżulta li att legali ma jistax jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv tal-Unjoni ħlief jekk ikun ġie adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirreferi espressament jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew għall-proċedura leġiżlattiva speċjali.

63

Tali approċċ sistematiku jiżgura ċ-ċertezza legali neċessarja waqt il-proċeduri ta’ adozzjoni tal-atti Unjoni, inkwantu huwa jippermetti li jiġu identifikati b’mod ċert il-bażi legali li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jadottaw atti leġiżlattivi u jiddistingwu dawn il-bażijiet minn dawk li jistgħu jservu bħala bażi għall-adozzjoni ta’ atti mhux leġiżlattivi biss.

64

Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, ma jistax jiġi dedott mir-riferiment għar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni mal-Parlament, li jinsab fid-dispożizzjoni tat-Trattati li sservi ta’ bażi legali tal-att inkwistjoni, li l-proċedura leġiżlattiva speċjali tapplika għall-adozzjoni ta’ dan l-att.

65

Fil-każ ineżami, għalkemm l-Artikolu 78(3) TFUE jipprevedi li l-Kunsill jadotta l-miżuri provviżorji msemmija fih fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament, huwa ma fih ebda riferiment espress la għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas għall-proċedura leġiżlattiva speċjali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78(2) TFUE jipprovdi espressament li l-miżuri elenkati fil-punti a) sa g) ta’ din id-dispożizzjoni jiġu adottati “skond il-proċedura leġislattiva ordinarja”.

66

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jitqies li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE għandhom jiġu kklassifikati bħala “atti mhux leġiżlattivi” għaliex ma jiġux adottati wara t-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva.

67

Għaldaqstant, meta l-Kunsill ta d-deċiżjoni kkontestata, huwa ġustament qies li din id-deċiżjoni kellha tiġi adottata skont proċedura mhux leġiżlattiva u kienet tikkostitwixxi, għalhekk, att mhux leġiżlattiv tal-Unjoni.

68

Konsegwentement tqum, fit-tieni lok, il-kwistjoni dwar jekk, hekk kif isostnu r-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, l-Artikolu 78(3) TFUE ma setax iservi ta’ bażi legali għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li din id-deċiżjoni tikkostitwixxi att mhux leġiżlattiv li jidderoga minn diversi atti leġiżlattivi, filwaqt li att leġiżlattiv biss jista’ jidderoga minn att leġiżlattiv ieħor.

69

F’dan ir-rigward, il-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li r-rilokazzjoni mill-Italja u mill-Greċja prevista minn din id-deċiżjoni tinvolvi “deroga temporanja” minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi tad-dritt tal-Unjoni, fosthom l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, li taħtu r-Repubblika Ellenika jew ir-Repubblika Taljana kienu bħala prinċipju responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali abbażi tal-kriterji msemmija fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, u fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 516/2014, li jeżiġi l-kunsens tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali.

70

L-Artikolu 78(3) TFUE ma jiddefinixxix in-natura tal-“miżuri provviżorji” li jistgħu jiġu adottati skont din id-dispożizzjoni.

71

Għaldaqstant, il-kliem tal-imsemmija dispożizzjoni ma jistax, bil-kontra ta’ dak li jinvokaw ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, isostni, waħdu, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “miżuri provviżorji”, li timplika li dan huwa intiż għal miżuri ta’ akkompanjament li jsostnu att leġiżlattiv adottat abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE u li jirrigwarda, b’mod partikolari, sostenn finanzjarju, tekniku jew operattiv mogħti lill-Istati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

72

Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura ġenerali u mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 78(2)u (3) TFUE.

73

Dawn huma fil-fatt żewġ dispożizzjonijiet distinti tad-dritt primarju tal-Unjoni li għandhom għanijiet differenti u li għandhom kundizzjonijiet għall-applikazzjoni proprji li jipprovdu bażi legali għall-adozzjoni, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 78(3) TFUE, ta’ miżuri provviżorji ta’ natura mhux leġiżlattiva intiżi li jilqgħu fi żmien qasir għal sitwazzjoni ta’ emerġenza partikolari li jkunu qed jaffaċċjaw l-Istati Membri u, għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 78(2) TFUE, ta’ atti ta’ natura leġiżlattiva li huma intiżi li jirregolaw, għal żmien indeterminat u b’mod ġenerali, problema strutturali li tinqala’ fil-kuntest tal-politika komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil.

74

Għaldaqstant, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom natura komplementari, li tippermetti lill-Unjoni tadotta, fil-kuntest ta’ din il-politika komuni, miżuri diversifikati, sabiex tikseb strumenti neċessarji, b’mod partikolari, sabiex tirreaġixxi b’mod effettiv, kemm fuq żmien qasir kif ukoll fuq żmien twil, għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi migratorja.

75

F’dan ir-rigward, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “miżuri provviżorji” li jinsab fl-Artikolu 78(3) TFUE, li tipprovdi li dan jippermetti biss l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ akkompanjament li jiżdiedu mal-atti leġiżlattivi adottati abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE u mhux miżuri li jidderogaw minn tali atti, apparti li ma hijiex sostnuta fit-test tal-Artikolu 78(3) TFUE, tnaqqas ukoll b’mod sinjifikattiv l-effett utli tiegħu, peress li l-imsemmija atti koprew jew jistgħu jkopru diversi aspetti tas-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, elenkati fil-punti a) sa g) tal-Artikolu 78(2) TFUE.

76

Dan japplika b’mod iktar speċifiku għall-qasam tal-materja msemmija fl-Artikolu 78(2)(e) TFUE, dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-ażil jew għal protezzjoni sussidjarja, li hija s-suġġett ta’ sett komplet ta’ regoli, li fosthom jinsabu fl-ewwel post dawk previsti mir-Regolament Dublin III.

77

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-kunċett ta’ “miżuri provviżorji”, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, għandu jkollu portata suffiċjentement wiesgħa sabiex jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu l-miżuri provviżorji neċessarji kollha sabiex jirrispondu b’mod effettiv u mħaffef għal sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

78

Għalkemm, minn din il-perspettiva, għandu jiġi ammess li l-miżuri provviżorji adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE jistgħu, bħala prinċipju, jidderogaw ukoll minn dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi, tali derogi għandhom, madankollu, ikunu limitati skont il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kemm ratione materiae kif ukoll ratione temporis, b’tali mod li huma sempliċement jirrispondu malajr u effettivament, permezz ta’ mekkaniżmu provviżorju, għal sitwazzjoni ta’ kriżi preċiża, u dan jeskludi li dawn il-miżuri jistgħu jkollhom bħala suġġett jew bħala effett li jissostitwixxu jew jemendaw b’mod permanenti u ġenerali dawn l-atti leġiżlattivi, u b’hekk tiġi evitata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 78(2) TFUE.

79

Issa, fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li d-derogi previsti mid-deċiżjoni kkontestata jissodisfaw ir-rekwiżit li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ratione materiae u ratione temporis ikun limitat u li huma la jkolhom bħala għan u lanqas bħala effett li jissostitwixxu jew li jemendaw b’mod permanenti dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi.

80

Fil-fatt, id-derogi minn dispożizzjonijiet partikolari ta’ atti leġiżlattivi li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata japplikaw biss għal perijodu ta’ sentejn, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ proroga ta’ dan it-terminu prevista fl-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata, u ser jiskadu, fil-każ ineżami, fis-26 ta’ Settembru 2017. Barra minn hekk, huma jikkonċernaw numru limitat ta’ 120000 ċittadin ta’ ċerti pajjiżi terzi, li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġreċja jew fl-Italja, li għandhom waħda min-nazzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kkontestata, li ġew irrilokati minn wieħed jew minn dawn iż-żewġt Istati Membri u li waslu jew li ser jaslu fl-imsemmija Stati Membri bejn l-24 ta’ Marzu 2015 u s‑26 ta’ Settembru 2017.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi sostnut li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 78(2) TFUE ġiet evitata.

82

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li l-klassifikazzjoni tagħha bħala att mhux leġiżlattiv ma tistax tiġi mminata, fiha derogi minn dispożizzjonijiet partikolari ta’ atti leġiżlattivi ma huwiex tali li jostakola l-adozzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE.

83

Għall-istess raġunijiet, għandha wkoll tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-Repubblika Slovakka bbażata fuq ksur tal-Artikolu 10(1) u (2) TUE, tal-Artikolu 13(2) TUE, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ demokrazija rappreżentattiva u ta’ ekwilibriju istituzzjonali.

84

Għaldaqstant, it-tieni motiv tar-Repubblika Slovakka u l-ewwel motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.  Fuq l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tieni motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq l-assenza ta’ natura provviżorja tad-deċiżjoni kkontestata u t-tul eċċessiv ta’ applikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni

a) L-argumenti tal-partijiet

85

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li l-Artikolu 78(3) TFUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, peress li ma għandhiex natura provviżorja, għall-kuntrarju ta’ dak li teżiġi din id-dispożizzjoni.

86

Peress li d-deċiżjoni kkontestata tapplika, skont l-Artikolu 13(2) tagħha, sas-26 ta’ Settembru 2017, jiġifieri għal perijodu ta’ sentejn, perijodu li jista’, barra minn hekk, jiġi estiż b’sena skont l-Artikolu 4(5) u (6) tal-istess deċiżjoni, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “miżura provviżorja” fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE.

87

Dan huwa iktar minnu, skont ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, għall-fatt li l-effetti ratione temporis tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali kkonċernati ser imorru ferm lil hinn minn dan il-perijodu ta’ sentejn jew ta’ tliet snin. Fil-fatt, din id-deċiżjoni twassal, bil-probabbiltà kollha, sabiex jinħolqu konnessjonijiet fit-tul bejn l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

88

Il-Kunsill jippreċiża li, skont l-Artikolu 13(2) tad-deċiżjoni kkontestata, din tapplika għal 24 xahar, jiġifieri sas-26 ta’ Settembru 2017. Proroga għal perijodu massimu ta’ 12-il xahar fil-kuntest speċifiku tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni previst fl-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex iktar possibbli. It-tul tal-effetti li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tipproduċi fir-rigward ta’ persuni rrilokati ma huwiex element rilevanti sabiex tiġi ddeterminata n-natura provviżorja tagħha. Din in-natura għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-applikazzjoni ratione temporis tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi din id-deċiżjoni, jiġifieri perijodu ta’ 24 xahar.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

L-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti biss l-adozzjoni ta’ “miżuri provviżorji”.

90

Att ma jistax jiġi kklassifikat bħala “provviżorju”, fis-sens abitwali ta’ din il-kelma ħlief jekk ma jkunx intiż li jirregola materja b’mod permanenti u japplika biss għal perijodu limitat.

91

Fid-dawl ta’ dan, bil-kontra tal-Artikolu 64(2) KE, li jgħid li l-perijodu ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma setax jeċċedi sitt xhur, l-Artikolu 78(3) TFUE, li ġie wara din id-dispożizzjoni, ma jipprevedix iktar tali limitazzjoni ratione temporis.

92

Minn dan isegwi li għalkemm l-Artikolu 78(3) TFUE jeżiġi li l-miżuri msemmija fih ikunu temporanji, huwa jirriżerva lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiffissa, każ b’każ, il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li jiġġustifikaw dawn il-miżuri.

93

Issa, mill-Artikolu 13 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din tapplika mill-25 ta’ Settembru 2015 sas-26 ta’ Settembru 2017, jiġifieri għal perijodu ta’ 24 xahar, għall-persuni li jaslu fil-Greċja jew fl-Italja matul dan l-istess perijodu kif ukoll għall-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li waslu fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri mill‑24 ta’ Marzu 2015.

94

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata, huwa jipprevedi, “f’ċirkostanzi eċċezzjonali”, u permezz ta’ komunikazzjoni ta’ Stat Membru li għandha sseħħ sas-26 ta’ Diċembru 2015, il-possibbiltà ta’ proroga tal-perijodu ta’ 24 xahar imsemmi fl-Artikolu 13(2) ta’ din id-deċiżjoni għal perijodu massimu ta’ 12-il xahar fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni temporanja u parzjali tal-obbligu ta’ rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali li għandu l-Istat Membru kkonċernat. Huwa għaldaqstant jikkonferma n-natura temporanja tad-diversi miżuri li jinsabu fl-imsemmija deċiżjoni. Barra minn hekk, peress li dan il-mekkaniżmu ma jistax iktar jidba jiddekorri wara s-26 ta’ Diċembru 2015, id-deċiżjoni kkontestata tiskadi b’mod definittiv fis-26 ta’ Settembru 2017.

95

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tapplika għal perijodu limitat.

96

Barra minn hekk, il-Kunsill ma eċċediex manifestament is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta ffissa t-tul tal-miżuri li inklużi fid-deċiżjoni kkontestata, inkwantu huwa qies, fil-premessa 22 ta’ din id-deċiżjoni, li “perijodu ta’ 24 xahar huwa raġonevoli sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkollhom impatt effettiv bħala appoġġ għall-Italja, u għall-Greċja fil-ġestjoni tal-flussi migratorji sinifikanti fit-territorji tagħhom”.

97

Din l-għażla ta’ perijodu ta’ applikazzjoni ta’ 24 xahar tidher iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ persuni bħal dik prevista mid-deċiżjoni kkontestata hija operazzjoni fl-istess ħin bla preċedent kif ukoll kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implementazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma tkun tista’ tipproduċi effetti konkreti.

98

Hemm ukoll lok li jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Slovakka u tal-Ungerija li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex natura provviżorja peress li għandha effett fit-tul, minħabba li bosta applikanti għal protezzjoni internazzjonali jibqgħu, wara r-rilokazzjoni tagħhom, fit-territorju tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni ferm wara l-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ 24 xahar tad-deċiżjoni kkontestata.

99

Fil-fatt, kieku kellu jittieħed kont tat-tul tal-effetti ta’ miżura ta’ rilokazzjoni fuq il-persuni rrilokati sabiex tiġi evalwata n-natura provviżorja tagħha fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, ebda miżura ta’ rilokazzjoni ta’ persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali ma tkun tista’ tittieħed skont din id-dispożizzjoni, peress li tali effetti ftit jew wisq fit-tul huma inerenti għal tali rilokazzjoni.

100

Lanqas ma jista’ jiġi milqugħ l-argument tar-Repubblika Slovakka u tal-Ungerija li jgħid li, sabiex ikun jista’ jitqies li huwa ta’ natura provviżorja, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, it-tul tal-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni ma għandux ikun ta’ iktar mit-tul minimu neċessarju għall-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv adottat abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE.

101

Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 78(2) u (3) TFUE ma hija bbażata fuq ebda argument testwali u tmur kontra l-komplementarjetà tal-miżuri msemmija, fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu rispettivament, jidher li huwa diffiċli immens jew anki impossibbli, li jiġi ffissat minn qabel it-terminu minimu neċessarju li fih att leġiżlattiv jkun jista’ jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 78(2) TFUE, b’tali mod li dan il-kriterju jidher imprattikabbli.

102

Barra minn hekk, dan jidher mill-fatt li, fil-każ ineżami, il-proposta ta’ regolament li jinkludi mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni permanenti, minkejja li ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Settembru 2015, jiġifieri l-istess jum li fih ġiet ippreżentata l-proposta inizjali tal-Kummissjoni li sussegwentement saret id-deċiżjoni kkontestata, sal-jum tal-għoti tas-sentenza preżenti, ma ġietx adottata.

103

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tieni motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3. Fuq it-tieni parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka, ibbażata fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE

a) L-argumenti tal-partijiet

104

Ir-Repubblika Slovakka ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax, fuq tliet livelli, il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 78(3) TFUE, li jgħid li l-Istat Membru li jibbenefika mill-miżuri provviżorji għandu jkun “f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi”.

105

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-Greċja u fl-Italja fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jew immedjatament qabel l-adozzjoni tagħha kien raġonevolment prevedibbli u għaldaqstant ma jistax jiġi kklassifikat bħala “f’daqqa”.

106

F’dan ir-rigward, l-istatistika għas-snin 2013 u 2014 u l-ewwel xhur tas-sena 2015 kienet tindika li n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li marru fid-direzzjoni tal-Greċja jew l-Italja kien żdied b’mod kontinwu u li, sa minn tmiem is-sena 2013 u fil-bidu tas-sena 2014, din iż-żieda kienet kunsiderevoli. Barra minn hekk, għal dak li jirrigwarda l-Italja, id-data għas-sena 2015 pjuttost indikat tnaqqis fin-numru ta’ migranti fis-sena.

107

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, għall-inqas għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-Greċja, ma teżistix rabta kawżali bejn is-sitwazzjoni ta’ emerġenza u d-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dan l-Istat Membru, minkejja li l-eżistenza ta’ tali rabta hija mitluba miż-żieda tal-kelma “karatterizzata” mas-sitwazzjoni ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 78(3) TFUE. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-organizzazzjoni tal-politika ta’ ażil tar-Repubblika Ellenika turi, sa minn żmien ilu, nuqqasijiet kbar, li ma għandhomx rabta ta’ kawżalità diretta mal-fenomenu migratorju karatteristiku tal-perijodu li matulu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata.

108

Fit-tielet lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li, minkejja li l-Artikolu 78(3) TFUE huwa intiż li jsolvi sitwazzjonijiet ta’ emerġenza eżistenti jew imminenti, id-deċiżjoni kkontestata tirregola, għall-inqas parzjalment, sitwazzjonijiet ipotetiċi futuri.

109

Fil-fatt, il-perijodu ta’ applikazzjoni ta’ sentejn jew anki ta’ tliet snin tad-deċiżjoni kkontestata huwa twil wisq sabiex jiġi ddikjarat li, matul dan il-perijodu kollu, il-miżuri adottati jirrispondu għal sitwazzjoni ta’ emerġenza, attwali jew iminenti, li tolqot lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana. Għaldaqstant, matul l-imsemmi perijodu, is-sitwazzjoni ta’ emerġenza tista’ tasal sabiex tiġi eliminata f’dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ 54000 persuna previst fl-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata huwa intiż li jirrispondi għal sitwazzjonijiet totalment ipotetiċi fi Stati Membri oħrajn.

110

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni din il-perspettiva billi targumenta li l-Artikolu 78(3) TFUE jkopri sitwazzjoni ta’ kriżi pre‑eżistenti u attwali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi immedjati u mhux, hekk kif tgħid id-deċiżjoni kkontestata, sitwazzjonijiet ta’ kriżi li jistgħu jseħħu fil-futur, u li jekk iseħħux, in-natura u d-daqs tagħhom ikunu inċerti u diffiċli li jiġu previsti.

111

Il-Kunsill u l-Istati Membri li jsostnuh jargumentaw li s-sitwazzjoni ta’ emerġenza mingħajr preċedent li hija l-oriġini tad-deċiżjoni kkontestata, murija mill-istatistika msemmija fil-premessi 13 u 26 ta’ din id-deċiżjoni, kienet kemm ikkaratterizzata kif ukoll prinċipalment ikkawżata minn dħul f’daqqa u kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu 2015.

112

Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal avvenimenti jew sitwazzjonijiet futuri ma huwiex inkompatibbli mal-Artikolu 78(3) TFUE.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

113

Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Slovakka li jgħid li d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju Grieg u Taljan matul is-sena 2015 ma jistax jiġi kklassifikat bħala “f’daqqa”, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, peress li dan kien kontinwazzjoni ta’ dħul ta’ migranti li kien diġà kbir matul is-sena 2014, b’tali mod li kien prevedibbli.

114

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li jista’ jiġi kklassifikat bħala “f’daqqa”, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ portata tali li kien imprevedibbli, u dan minkejja li jseħħ f’kuntest ta’ kriżi migratorja mifruxa fuq diversi snin, peress li jirrendi impossibbli l-funzjonament normali tas-sistema komuni ta’ ażil tal-Unjoni.

115

Fil-każ ineżami, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 3 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni kkontestata nħarġet fil-kuntest tal-kriżi migratorja, invokata fil-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni, li laqtet lill-Unjoni sa mis-sena 2014 biex imbagħad żdiedet matul is-sena 2015, b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, kif ukoll tas-sitwazzjoni umanitarja katastrofika li għaliha tat lok din il-kriżi fl-Istati Membri, b’mod partikolari dawk tal-ewwel art, bħar-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, li sabu quddiem wiċċhom dħul kbir ta’ migranti li l-parti l-kbira tagħhom kienu ġejjin minn pajjiżi terzi bħas-Sirja, l-Afganistan, l-Iraq u l-Eritrea.

116

Skont l-istatistika tal-aġenzija Frontex, ipprovduta f’anness man-nota ta’ intervent tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu, matul is-sena 2015, ġew magħduda, għall-Unjoni kollha, 1.83 miljun qsim irregolari tal-fruntieri esterni tal-Unjoni kontra 283500 għal dak li jirrigwarda s-sena 2014. Barra minn hekk, skont l-istatistika ta’ Eurostat, matul is-sena 2015, kważi 1.3 miljun migrant applika għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni kontra 627000 matul is-sena ta’ qabel.

117

Barra minn hekk, mill-istatistika msemmija fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, ipprovduta mill-aġenzija Frontex, jirriżulta speċifikament li r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana kellhom jaffaċċjaw, matul l-ewwel tmien xhur tas-sena 2015 u, b’mod partikolari, matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, dħul kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, b’mod partikolari ċittadini li għandhom in-nazzjonalità msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni, b’tali mod li l-pressjoni migratorja fuq is-sistema ta’ ażil Taljana u dik Griega żdied ferm matul dan il-perijodu.

118

Għaldaqstant, skont din l-istatistika, għal dak li jirrigwarda r-Repubblika Taljana, matul l-ewwel tmien xhur tas-sena 2015, ġiet identifikata 116000 qsim irregolari tal-fruntieri esterni ta’ dan l-Istat Membru. Matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu 2015, 34691 migrant wasal l-Italja b’mod irregolari, jiġifieri żieda ta’ 20 % meta mqabbla max-xahar ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2015.

119

L-istatistika li tikkonċerna r-Repubblika Ellenika, imsemmija fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, saħansitra turi iktar din iż-żieda kbira tad-dħul ta’ migranti. Matul l-ewwel tmien xhur tas-sena 2015, iktar minn 211000 migrant f’sitwazzjoni irregolari wasal fit-territorju Grieg. Matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena biss, l-aġenzija Frontex għoddiet 137000 qsim irregolari tal-fruntieri, jiġifieri żieda ta’ 250 % meta mqabbla max-xhur ta’ Mejju u ta’ Ġunju 2015.

120

Barra minn hekk, mill-premessa 14 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont iċ-ċifri tal-Eurostat u tal-EASO, 39183 persuna applikat għal protezzjoni internazzjonali fl-Italja bejn ix-xahar ta’ Jannar u ta’ Lulju 2015, kontra 30755 matul l-istess perijodu tas-sena 2014 (jiġifieri żieda ta’ 27 %) u li żieda simili tan-numru ta’ applikazzjonijiet ġiet irreġistrata fil-Greċja, li rreġistrat 7475 applikant (jiġifieri żieda ta’ 30 %).

121

Barra minn hekk, mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill iffissa preċiżament in-numru totali ta’ 120000 persuna għar-rilokazzjoni abbażi tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu b’mod irregolari fil-Greċja jew fl-Italja fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu tas-sena 2015, u li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

122

Minn dan isegwi li l-Kunsill għaldaqstant ikkonstata, fuq il-bażi tal-istatistika mhux ikkontestata mir-Repubblika Slovakka, żieda kbira tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-Greċja u fl-Italja fi żmien qasir, b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu tas-sena 2015.

123

Issa, għandu jitqies li, f’tali ċirkustanzi, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, jikklassifika bħala “f’daqqa” fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, tali żieda anki jekk kienet kontinwazzjoni ta’ perijodu ta’ dħul ta’ migranti diġà kbir.

124

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta huma jadottaw miżuri f’oqsma li jinvolvu għażliet, min-naħa tagħhom, ta’ natura politika u evalwazzjonijiet kumplessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

125

Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, l-argument imqajjem mir-Repubblika Slovakka, ibbażat fuq l-interpretazzjoni stretta tal-aġġettiv “karatterizzata” li jikkwalifika s-“sitwazzjoni ta’ emerġenza” msemmija fl-Artikolu 78(3) TFUE, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm minoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 78(3) TFUE ma tużax il-kelma “karatterizzata” iżda l-kelma “kkawżata”, dawn iż-żewġ kelmiet għandhom, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u fid-dawl tal-għan tagħha intiż li jippermetti l-adozzjoni mħaffa ta’ miżuri provviżorji ddestinati sabiex jirreaġixxu b’mod effikaċi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza migratorja, jinftiehmu fl-istess sens tar-rekwiżit ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib bejn is-sitwazzjoni ta’ emerġenza inkwistjoni u d-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

126

Issa, mill-premessi 12, 13 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-istatistika msemmija hemmhekk jirriżulta li rabta suffiċjentement mill-qrib ġiet ikkonstatata bejn is-sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-Greċja u fl-Italja, jiġifieri l-pressjoni kunsiderevoli fuq is-sistemi ta’ ażil ta’ dawn l-Istati Membri, u d-dħul ta’ refuġjati matul is-sena 2015 u b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena.

127

Din il-konstatazzjoni fattwali ma tistax tiġi mminata mill-eżistenza ta’ fatturi oħra li setgħu wkoll jikkontribwixxu għal din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza, fosthom in-nuqqasijiet strutturali ta’ dawn is-sistemi fir-rigward ta’ nuqqas ta’ kapaċità ta’ akkomodazzjoni u ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet.

128

Barra minn hekk, l-iskala tad-dħul ta’ migranti li s-sistemi ta’ ażil Griegi u Taljani kellhom jaffrontaw matul is-sena 2015 kienet tali li kienet tħarbat kwalunkwe sistema ta’ ażil, anki sistema li ma jkollha ebda djgħufija strutturali.

129

Fit-tielet lok, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika Slovakka, sostnut mir-Repubblika tal-Polonja, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma setgħetx tiġi adottata b’mod validu abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, peress li ma hijiex intiża li ssolvi sitwazzjoni ta’ emerġenza li seħħet jew li hija imminenti li tolqot lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana iżda hija intiża, għall-inqas, parzjalment, għal sitwazzjonijiet ipotetiċi u futuri, jiġifieri sitwazzjonijiet li għalihom, matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, ma kienx possibbli li jiġi affermat bi grad suffiċjenti ta’ probabbiltà li huma kienu ser iseħħu.

130

Fil-fatt, mill-premessi 13 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li hija ġiet adottata minħabba sitwazzjoni ta’ emerġenza li r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana kienu qed jaffrontaw matul is-sena 2015, b’mod iktar preċiż fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena u li, għaldaqstant, hija kienet diġà seħħet qabel id-data ta’ adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, minkejja li mill-premessa 16 tagħha jirriżulta li l-Kunsill ħa wkoll inkunsiderazzjoni l-fatt li din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza kienet ser tkompli tippersisti minħabba l-instabbiltà u l-kunflitti fil-pajjiżi immedjatament viċini tal-Italja u tal-Greċja.

131

Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li huwa inerenti għall-flussi migratorji li dawn jistgħu jevolvu b’mod mgħaġġel, b’mod partikolari billi jiċċaqalqu lejn Stati Membri oħra, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi diversi mekkaniżmi, b’mod partikolari fl-Artikolu 1(2), fl-Artikolu 4(2) u (3) u fl-Artikolu 11(2) tagħha, intiżi li jiġi aġġustat il-mekkaniżmu tagħha fid-dawl ta’ bidla possibbli tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza inizjali, b’mod partikolari jekk din tasal sabiex timmanifesta ruħha fi Stati Membri oħrajn.

132

L-Artikolu 78(3) TFUE ma jipprekludix li tali mekkaniżmi ta’ aġġustament jiżdiedu mal-miżuri provviżorji meħuda taħt din id-dispożizzjoni.

133

Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kunsill fl-għażla ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati sabiex tittieħed azzjoni malajr u b’mod effikaċi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza partikolari kif ukoll għall-evoluzzjonijiet possibbli li din tista’ tkun suġġetta għalihom.

134

Hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 130 tal-konklużjonijiet tiegħu, teħid ta’ azzjoni fil-konfront tal-emerġenza ma jeskludix in-natura evoluttiva u aġġustata tar-reazzjoni, sakemm din tippreżerva n-natura provviżorja tagħha.

135

Għaldaqstant, it-tieni parti tal-ħames motiv tar-Repubblika Slovakka għandha tiġi miċħuda.

D. Fuq il-motivi dwar ir-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u bbażati fuq il-ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali

1. Fuq l-ewwel motiv tar-Repubblika Slovakka u s-seba’ motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-Artikolu 68 TFUE

a) L-argumenti tal-partijiet

136

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata b’maġġoranza kkwalifikata minkejja li mill-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015 kien jirriżulta li din kellha tiġi adottata “b’kunsens” u “billi tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru”, il-Kunsill kiser l-Artikolu 68 TFUE u l-forom proċedurali sostanzjali.

137

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jqisu li, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kien messu osserva l-linji gwida li rriżultaw minn dawn il-konklużjonijiet, b’mod partikolari r-rekwiżit ta’ tqassim tal-applikanti li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri permezz ta’ deċiżjoni adottata b’unanimità, jiġifieri taħt il-forma ta’ allokazzjonijiet aċċettati volontarjament mill-Istati Membri.

138

L-osservanza mill-Kunsill tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew kienet tkun iktar importanti għall-fatt li l-Kunsill kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rilokazzjoni tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali hija kwistjoni politikament sensittiva għal diversi Stati Membri peress li tali miżura tippreġudika b’mod kunsiderevoli s-sistema attwali li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III.

139

L-Ungerija tqis b’mod partikolari li, peress li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015 ma kinux jipprevedu espressament teħid ta’ deċiżjoni mill-Kunsill ħlief għar-rilokazzjoni ta’ 40000 applikant għal protezzjoni internazzjonali, il-Kunsill ma setax jieħu deċiżjoni dwar ir-rilokazzjoni ta’ 120000 applikant mingħajr ma jkun kiseb kunsens bħala prinċipju tal-Kunsill Ewropew għal dan il-għan. Għaldaqstant, kemm is-sottomissjoni mill-Kummissjoni ta’ proposta ta’ deċiżjoni li tinkludi tali rilokazzjoni supplementari kif ukoll l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ din il-proposta jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 68 TFUE u tal-forom proċedurali sostanzjali.

140

Il-Kunsill isostni li ma teżistix kontradizzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015.

141

Barra minn hekk, din l-istituzzjoni ssostni li l-konklużjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi direzzjonijiet, anki jekk dawn huma imposti fuq l-Unjoni skont l-Artikolu 15 TUE u għaldaqstant ma humiex ta’ natura purament politika, ma jipprovdu għall-azzjoni ta’ istituzzjonijiet oħra la bażi legali u lanqas regoli u prinċipji li fid-dawl tagħhom jista’ jiġi eżerċitat l-isħarriġ ġudizzjarju tal-legalità ta’ atti ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni.

142

Il-Kummissjoni ssostni li peress li l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ma għandhom ebda natura vinkolanti iżda sempliċi effetti fuq livell politiku, tali ċirkustanzi la jistgħu jikkundizzjonaw u lanqas jillimitaw, mill-perspettiva legali, id-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni li tipproponi miżuri abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE jew is-setgħa ta’ deċiżjoni li għandu l-Kunsill taħt din id-dispożizzjoni wara konsultazzjoni mal-Parlament.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015 jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu “b’kunsens” dwar it-tqassim “billi tittieħed inkunsiderazzjoni s‑sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru”. Dwar dan il-punt, dawn il-konklużjonijiet isemmu espressament “ir-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali fuq sentejn, mill-Italja u mill-Greċja lejn Stati Membri oħrajn, ta’ 40000 persuna li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali” permezz ta’ “l‑adozzjoni rapida mill-Kunsill ta’ deċiżjoni għal dan il-għan”.

144

Issa, dan il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ 40000 persuna kien is-suġġett tad-Deċiżjoni 2015/1523 li ġiet adottata fl‑14 ta’ Settembru 2015, b’kunsens. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni implementat totalment, fuq dan il-punt, l-imsemmija konklużjonijiet.

145

Fir-rigward tal-allegat effett tan-natura imsejħa “politika” tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015, kemm fuq is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva tal-Kummissjoni kif ukoll fuq ir-regoli ta’ vot fi ħdan il-Kunsill previsti fl-Artikolu 78(3) TFUE, effett ta’ tali natura, anki jekk jiġi preżunt li huwa eżistenti u mixtieq mill-Kunsill Ewropew, ma jistax jikkostitwixxi motiv ta’ annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tad-deċiżjoni kkontestata.

146

Fil-fatt, minn naħa, is-setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva li għandha l-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 17(2) TUE u tal-Artikolu 289 TFUE, li tagħmel parti mill-prinċipju ta’ allokazzjoni tas-setgħat stabbilit fl-Artikolu 13(2) TUE u, b’mod iktar wiesa’, mill-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali, karatteristika tal-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, timplika li hija l-Kummissjoni li għandha tiddeċiedi dwar jekk tiġix ippreżentata proposta ta’ att leġiżlattiv. F’dan il-kuntest, għandha tkun ukoll il-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 17(1) TUE, tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan, tiddetermina l-għan, il-finalità kif ukoll il-kontenut ta’din il-proposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il-Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 6470).

147

Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għas-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, ta’ atti mhux leġiżlattivi, bħad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, hekk kif osserva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 145 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jissuġġettax is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni għall-eżistenza minn qabel ta’ linji gwida ddefiniti mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 68 TFUE.

148

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri b’maġġoranza kkwalifikata, kif għamel il-Kunsill meta adotta d-deċiżjoni kkontestata. Il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali jipprojbixxi li l-Kunsill Ewropew jemenda din ir-regola ta’ vot billi jimponi fuq il-Kunsill, permezz ta’ konklużjonijiet meħuda konformement mal-Artikolu 68 TFUE, regola li teħtieġ vot unanimu.

149

Fil-fatt, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, sa fejn ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħux fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, it-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑363/14, EU:C:2015:579, punt 43).

150

Minn dan isegwi li l-ewwel motiv tar-Repubblika Slovakka u s-seba’ motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2. Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-ħames motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, inkwantu l-Kunsill ma osservax l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament previst fl-Artikolu 78(3) TFUE

a) L-argumenti tal-partijiet

151

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li, peress li l-Kunsill għamel emendi sostanzjali għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni u adotta d-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma kkonsulta mill-ġdid lill-Parlament, huwa kiser il-forom proċedurali sostanzjali stabbiliti fl-Artikolu 78(3) TFUE, u dan iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-Repubblika Slovakka tqis li, billi pproċeda b’dan il-mod, il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 10(1) u (2) u l-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ demokrazija rappreżentattiva, ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba.

152

L-emendi l-iktar importanti tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni jikkonċernaw il-fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, l-Ungerija ma tinsabx fost l-Istati Membri benefiċjarji mir-rilokazzjoni bl-istess mod bħar-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana, iżda fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, u dan wassal, b’mod partikolari, għall-eliminazzjoni tal-Anness III tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, dwar l-allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni mill-Ungerija u għall-inklużjoni ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar fl-Annessi I u II tad-deċiżjoni kkontestata.

153

Ir-Repubblika Slovakka tirreferi għal emendi oħra li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata meta mqabbla mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, fosthom il-fatt li din id-deċiżjoni ma tistabbilixxix lista eżawrjenti tal-Istati Membri li jistgħu jibbenefikaw mis-sistema ta’ rilokazzjoni stabbilita mill-Kunsill, iżda tipprevedi, fl-Artikolu 4(3) tagħha, li Stati Membri oħrajn jistgħu jibbenefikaw minnha jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni.

154

Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kunsill ma kkonsultax mill-ġdid lill-Parlament wara li għamel dawn l-emendi għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, minkejja li, fir-riżoluzzjoni tiegħu tas‑17 ta’ Settembru 2015, il-Parlament kien talab lill-Kunsill jikkonsultah mill-ġdid jekk dan kien ser ikollu l-intenzjoni li jemenda b’mod sostanzjali l-proposta tal-Kummissjoni.

155

Minkejja li l-Presidenza tal-Unjoni informat b’mod regolari lill-Parlament, b’mod partikolari lill-Kumitat dwar il-libertajiet ċivili, il-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-Parlament, dwar l-iżvilupp tal-fajl tal-Kunsill, din l-informazzjoni ma setgħetx tissostitwixxi riżoluzzjoni formali tal-Parlament adottata f’seduta plenarja.

156

F’dan ir-rigward, l-Ungerija tirreferi għal żewġ ittri mibgħuta mill-President tal‑Kumitat tal-affarijiet ġuridiċi tal-Parlament lill-President tal‑Parlament li fihom dan il-kumitat kien wasal ukoll għall-konklużjoni li l-Kunsill kien emenda b’mod sostanzjali l-proposta inizjali tal-Kummissjoni billi neħħa lill-Ungerija miċ-ċirku ta’ Stati Membri li jibbenefikaw, b’tali mod li l-Parlament kellu jiġi kkonsultat mill-ġdid.

157

Il-Kunsill isostni prinċipalment li, fid-dawl b’mod partikolari tal-urġenza tal-fajl, huwa pproċeda għal konsultazzjoni suffiċjenti mal-Parlament li ppermettiet lil din l-istituzzjoni tkun mgħarrfa, fi żmien xieraq, bil-kontenut tat-test finali tad-deċiżjoni kkontestata u tieħu deċiżjoni dwar dan is-suġġett. Fi kwalunkwe każ, it-test tad-deċiżjoni kkontestata, hekk kif finalment adottat u meqjus fl-intier tiegħu, ma jiddevjax b’mod sostanzjali minn dak li fuqu ġie kkonsultat il-Parlament fl‑14 ta’ Settembru 2015.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

158

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-Kunsill isostni li l-ittri tal-Kumitat tal-affarijiet ġuridiċi tal-Parlament li ġew prodotti mill-Ungerija f’anness mar-risposta tagħha, u li jissemmew fil-punt 156 tas-sentenza preżenti, jikkostitwixxu provi inammissibbli peress li nkisbu b’mod irregolari. Huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod kawtelatorju, twarrabhom mill-proċess tal-kawżi preżenti. Bħall-Ungerija, huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta miżura istruttorja li tikkonsisti fl-istedina tal-Parlament sabiex jikkonferma li dawn l-ittri huma awtentiċi u, jekk ikun il-każ, sabiex jikkjarifika l-istatus legali tagħhom kif ukoll sabiex jinforma lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-eventwali kunsens tiegħu sabiex l-Ungerija tużahom bħala prova.

159

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li, peress li hija għandha informazzjoni suffiċjenti dwar il-punti ta’ fatt relattivi għall-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ineżami, il-Kunsill ikkonformax ruħu mal-obbligu tiegħu li jikkonsulta lill-Parlament, kif previst fl-Artikolu 78(3) TFUE, hija tinsab f’pożizzjoni li taqta’ din il-kwistjoni ta’ liġi mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi imposta fuq il-Parlament il-miżura istruttorja mitluba.

160

Għal dak li jirrigwarda l-mertu, għandu jitfakkar li l-konsultazzjoni regolari mal-Parlament, fil-każijiet previsti mit-Trattat, tikkostitwixxi formalità proċedurali sostanzjali li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha twassal għan-nullità tal-att ikkonċernat. Il-parteċipazzjoni effettiva tal-Parlament fil-proċess deċiżjonali, skont il-proċeduri previsti mit-Trattat, tirrappreżenta, fil-fatt, element essenzjali tal-ekwilibriju istituzzjonali mfittex minn dan it-Trattat. Din il-kompetenza tikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipju demokratiku fundamentali li jgħid li l-popli għandhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju tal-poter permezz ta’ assemblea rappreżentattiva (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et, C‑408/95, EU:C:1997:532, punt 45, u tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punti 2425).

161

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament, matul il-proċedura deċiżjonali, fil-każijiet previsti mit-Trattat, jimplika li huwa għandu jiġi kkonsultat mill-ġdid kull darba li t-test adottat finalment, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, jitbiegħed, fis-sustanza stess tiegħu, minn dak li dwaru l-Parlament ikun diġà ġie kkonsultat, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-emendi jikkorrispondu, essenzjalment, għal xewqa espressa mill-Parlament innifsu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et, C‑408/95, EU:C:1997:532, punt 46, u tas-7 ta’ Marzu 2017, RPO, C‑390/15, EU:C:2017:174, punt 26).

162

Emendi li jolqtu l-qalba stess tal-mekkaniżmu implementat jew li jaffettwaw is-sistema tal-abbozz fl-intier tiegħu, jikkostitwixxu emendi sostanzjali li jeħtieġu konsultazzjoni mill-ġdid mal-Parlament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Parlament vs Il‑Kunsill, C‑388/92, EU:C:1994:213, punti 1318).

163

F’dan ir-rigward, għalkemm id-diversi emendi tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni dwar il-bidla tal-istatus tal-Ungerija saru mill-Kunsill wara r-rifjut ta’ dan l-Istat Membru li jibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif previst minn din il-proposta, xorta jibqa’ l-fatt li, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-Artikolu 78(3) TFUE jkopri l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta’ Stat Membru jew ta’ diversi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, id-determinazzjoni tal-Istati Membri li jibbenefikaw mill-imsemmija miżuri provviżorji tikkostitwixxi element essenzjali ta’ kwalunkwe miżura adottata abbażi ta’ din il-istess dispożizzjoni.

164

Għaldaqstant, għandu jitqies li t-test tad-deċiżjoni kkontestata hekk kif finalment adottat, meħud fl-intier tiegħu, huwa sostanzjalment differenti minn dak tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni.

165

Madankollu għandu jiġi rrilevat li, fis-16 ta’ Settembru 2015, il-Presidenza tal-Kunsill iddikjarat, matul seduta plenarja straordinarja tal-Parlament:

“Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni u kif imħabbar fl-ittra ta’ konsultazzjoni mal-Parlament, nieħu din l-okkażjoni sabiex ninformak li ser ikun hemm bidla importanti fil-konfront tal-proposta inizjali [tal-Kummissjoni].

L-Ungerija ma tqisx ruħha bħala pajjiż tal-ewwel art u informatna li ma tixtieqx tibbenefika mir-rilokazzjoni.

Il-Parlament jista’ jieħu kont ta’ dan l-element fl-opinjoni tiegħu.”

166

Għaldaqstant, fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2015, li fiha jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, il-Parlament inevitabilment ħa kont ta’ din l-emenda fundamentali tal-istatus tal-Ungerija li l-Kunsill kellu josserva.

167

Barra minn hekk, għalkemm, wara l-adozzjoni mill-Parlament tal-imsemmija riżoluzzjoni leġiżlattiva, il-Kunsill għamel emendi oħra għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, din il-proposta ma nbidlitx sostanzjalment b’dawn l-emendi.

168

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kuntatti informali msemmija fl-ittra ta’ konsultazzjoni, il-Presidenza tal-Kunsill informat b’mod sħiħ lill-Parlament b’dawn l-emendi.

169

Għaldaqstant, l-obbligu ta’ konsultazzjoni mal-Parlament previst fl-Artikolu 78(3) TFUE ġie osservat.

170

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet parti tat-tielet motiv u l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll il-ħames motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3. Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tielet motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali inkwantu l-Kunsill ma ddeċidiex b’unanimità kuntrarjament għal dak previst fl-Artikolu 293(1) TFUE

a) L-argumenti tal-partijiet

171

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jsostnu li billi adotta d-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kiser il-forma proċedurali sostanzjali stabbilita fl-Artikolu 293(1) TFUE, inkwantu emenda l-proposta tal-Kummissjoni mingħajr ma osserva l-unanimità meħtieġa minn din id-dispożizzjoni. Ir-Repubblika Slovakka tqis li, billi għamel dan, il-Kunsill kiser ukoll l-Artikolu 13(2) TUE kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwilibriju istituzzjonali u ta’ amministrazzjoni tajba.

172

Ir-rekwiżit ta’ unanimità previst fl-Artikolu 293(1) TFUE japplika għal kwalunkwe emenda tal-proposta tal-Kummissjoni, inkluż fil-każ ta’ emenda minuri u indipendentement mill-punt dwar jekk il-Kummissjoni tkunx aċċettat b’mod espliċitu jew impliċitu l-emendi magħmula għall-proposta tagħha waqt id-diskussjonijiet fi ħdan il-Kunsill.

173

Ir-rikorrenti jsostnu li xejn ma jindika li, matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rtirat il-proposta tagħha u ppreżentat proposta ġdida redatta f’termini identiċi għal dak tat-test finalment adottat Bil-kontra, mill-minuti tal-laqgħa tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2015 jirriżulta li l-Kummissjoni la ressqet proposta ġdida u lanqas għamlet dikjarazzjoni minn qabel dwar l-abbozz emendat kif finalment adottat mill-Kunsill.

174

Issa, huwa mitlub li l‑Kummissjoni taderixxi b’mod attiv u espliċitu għall-emendi kkonċernati sabiex tkun tista’ tqis li hija emendat il-proposta tagħha fis-sens tal-Artikolu 293(2) TFUE. Il-każ ineżami huwa, f’dan ir-rigward, differenti minn dak inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il‑Ġermanja vs Il‑Kunsill (C‑280/93, EU:C:1994:367).

175

Il-Kunsill itenni li, fit-22 ta’ Settembru 2015, matul il-laqgħa tal-Kunsill li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, irrappreżentata mill-ewwel Viċi-President tagħha u mill-Kummissarju kompetenti fil-qasam tal-ażil u tal-immigrazzjoni, aċċettat kull emenda magħmula mill-Kunsill għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Dan il-kunsens, anki jekk kien impliċitu, huwa ugwali għal emenda tal-proposta tagħha minn din l-istituzzjoni tal-aħħar.

176

Bl-istess mod, il-Kummissjoni ssostni li hija emendat il-proposta tagħha konformement mal-emendi adottati mill-Kummissarji kompetenti f’isimha sabiex tiffaċilita l-adozzjoni tagħha.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

177

L-Artikolu 293 TFUE jagħti garanzija doppja lis-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, fil-każ ineżami, dik mogħtija mill-Artikolu 78(3) TFUE fil-kuntest ta’ proċedura mhux leġiżlattiva. Minn naħa, l-Artikolu 293(1) TFUE jipprovdi li, minbarra l-każijiet li hemm riferiment għalihom fid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE msemmija fih, u li huma irrilevanti fil-każ ineżami, il-Kunsill, meta jaġixxi, skont it-Trattati, fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ biss jemenda l-proposta jekk jiddeċiedi b’unanimità. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 293(2) TFUE, sakemm il-Kunsill ikun għadu ma ħa ebda azzjoni, il-Kummissjoni tista’ temenda l-proposta tagħha f’kull ħin matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2015, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni, C‑409/13, EU:C:2015:217, punti 71 sa 73).

178

Minn dan isegwi li, jekk, konformement mal-Artikolu 293(2) TFUE, il-Kummissjoni temenda l-proposta tagħha matul il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att tal-Unjoni, ir-rekwiżit ta’ unanimità previst fl-Artikolu 293(1) TFUE ma jiġix impost fuq il-Kunsill.

179

Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 293(2) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-proposti emendati li tadotta l-Kummissjoni mhux neċessarjament għandhom ikunu bil-miktub peress li huma jagħmlu parti mill-proċess ta’ adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni li huwa kkaratterizzat minn ċertu flessibbiltà, neċessarja sabiex tinkiseb konverġenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑280/93, EU:C:1994:367, punt 36).

180

Issa, tali kunsiderazzjonijiet ta’ flessibbiltà għandhom à fortiori jipprevalu fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni ta’ att abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża li tippermetti li jittieħdu malajr miżuri provviżorji sabiex jinstab rimedju fi żmien qasir u b’mod effettiv għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

181

Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest partikolari tal-Artikolu 78(3) TFUE, jista’ jitqies li l-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha ta’ emenda msemmija fl-Artikolu 293(2) TFUE ladarba jirriżulta ċarament mill-parteċipazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-proċess ta’ adozzjoni tal-att ikkonċernat li l-proposta emendata ġiet approvata mill-Kummissjoni. Tali interpretazzjoni tissodisfa l-għan tal-Artikolu 293(2) TFUE li huwa intiż li jipproteġi s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni.

182

Fil-każ ineżami, il-Kummissjoni tqis li s-setgħa ta’ inizjattiva mogħtija lilha mill-Artikolu 78(3) TFUE ma ddgħajfitx.

183

F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni ssostni li hija emendat il-proposta inizjali tagħha peress li hija approvat l-emendi magħmula lil dan it-test matul id-diversi laqgħat miżmuma fi ħdan il-Kunsill.

184

F’dan il-kuntest, hija tirrileva li kienet irrappreżentata fl-imsemmija laqgħat minn żewġ membri tagħha, jiġifieri l-ewwel Viċi-President u l-Kummissarju inkarigat, fost oħrajn, mill-immigrazzjoni, li kienu debitament awtorizzati mill-kulleġġ tal-Kummissarji, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, sabiex japprovaw l-emendi għall-proposta inizjali tagħha fl-osservanza tal-għan prijoritarju, stabbilit mill-Kulleġġ tal-Kummissarji matul il-laqgħa tagħha tas‑16 ta’ Settembru 2015, jiġifieri l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni vinkolanti u applikabbli mingħajr dewmien li tinkludi r-rilokazzjoni ta’ 120000 persuna li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

185

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 13 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, interpretati fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 293(2) TFUE li huwa intiż li jipproteġi s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-Kulleġġ tal-Kummissarji jista’ jawtorizza wħud mill-membri tiegħu jipproċedi bl-emenda, matul il-proċedura, tal-proposta tal-Kummissjoni fil-limiti li huwa jkun iddetermina preċedentement.

186

Għalkemm ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija jikkontestaw il-fatt li ż-żewġ membri inkwistjoni tal-Kummissjoni kienu debitament awtorizzati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji, konformement mal-Artikolu 13 tar-Regoli tal-Proċedura ta’ din l-istituzzjoni, sabiex japprovaw l-emendi magħmula lill-proposta tagħha, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-Istati Membri ma jipproduċu ebda prova tali li timmina l-verità tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-provi prodotti minnha li ddaħħlu fil-fajl.

187

Fid-dawl ta’ dan, għandu jitqies li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa ta’ emenda tagħha msemmi fl-Artikolu 293(2) TFUE, peress li mill-parteċipazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-proċess ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-proposta emendata ġiet approvata mill-Kummissjoni permezz ta’ tnejn mill-membri tagħha li kienu awtorizzati mill-Kulleġġ tal-Kummissarji jadottaw l-emendi kkonċernati.

188

Għaldaqstant, ir-rekwiżit ta’ unanimità previst fl-Artikolu 293(1) TFUE ma kienx impost fuq il-Kunsill.

189

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tieni parti tar-raba’ motiv tar-Repubblika Slovakka u t-tielet motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

4. Fuq l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka u r-raba’ motiv tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, inkwantu d-dritt tal-Parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni skont il-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2) ma ġiex irrispettat u inkwantu l-Kunsill interpreta b’mod żbaljat ir-rekwiżit tan-natura pubblika tad-deliberazzjonijiet u tal-vot fi ħdanu

a) L-argumenti tal-partijiet

190

Ir-Repubblika Slovakka, b’mod sussidjarju, u l-Ungerija jsostnu li, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, id-dritt tal-Parlamenti nazzjonali li jagħtu opinjoni fuq kull abbozz ta’ att leġiżlattiv, kif previst mill-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2) ma ġiex irrispettat.

191

Barra minn hekk, ir-Repubblika Slovakka ssostni, b’mod sussidjarju, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, il-Kunsill kiser forma proċedurali sostanzjali, inkwantu huwa adottaha bil-bibien magħluqa, skont ir-regola applikabbli fl-eżerċizzju tal-attivitajiet mhux leġiżlattivi tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 16(8) TUE u l-Artikolu 15(2) TFUE jipprevedu li l-laqgħat tal-Kunsill ikunu pubbliċi waqt id-deliberazzjoni u l-vot fuq abbozz ta’ att leġiżlattiv.

192

Il-Kunsill isostni li, peress li d-deċiżjoni kkontestata hija att mhux leġiżlattiv, din id-deċiżjoni ma kinitx suġġetta għall-kundizzjonijiet li huma marbuta mal-adozzjoni ta’ att leġiżlattiv.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

193

Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza preżenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi kklassifikata bħala att mhux leġiżlattiv, isegwi li l-adozzjoni ta’ dan l-att fil-kuntest ta’ proċedura mhux leġiżlattiva ma kinitx suġġetta għar-rekwiżiti relattivi għall-parteċipazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali pevisti mill-Protokolli (Nru 1) u (Nru 2) u lanqas għal dawk relattivi għan-natura pubblika tad-deliberazzjonijiet u tal-vot fi ħdan il-Kunsill, li jipprevalu biss fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ atti leġiżlattivi.

194

Minn dan jirriżulta li l-ewwel u t-tieni partijiet tat-tielet motiv tar-Repubblika Slovakka u r-raba’ motiv tal-Ungerija għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

5. Fuq is-sitt motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali inkwantu, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ma osservax ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-użu tal-lingwi

a) L-argumenti tal-partijiet

195

L-Ungerija ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn irregolarità proċedurali sostanzjali inkwantu l-Kunsill ma osservax id-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-użu tal-lingwi.

196

B’mod partikolari, il-Kunsill kiser l-Artikolu 14(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, sa fejn it-testi li jirriproduċu l-emendi magħmula suċċessivament għall-proposta inizjali tal-Kummissjoni, inkluż, in fine, it-test tad-deċiżjoni kkontestata kif adottat mill-Kunsill, ġew indirizzati lill-Istati Membri bl-Ingliż biss.

197

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Slovakka tqajjem motiv simili li hija tikklassifika bħala wieħed ta’ ordni pubbliku, ibbażat fuq ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali, inkwantu l-Kunsill ma osservax is-sistema tal-użu tal-lingwi, b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

198

Il-Kunsill isostni li d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill seħħew f’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-użu tal-lingwi u, b’mod partikolari, mas-sistema lingwistika ssemplifikata li tapplika għall-emendi, skont l-Artikolu 14(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

199

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-motiv imqajjem mir-Repubblika Slovakka bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-użu tal-lingwi, li dan il-motiv jikkoinċidi mas-sitt motiv imressaq mill-Ungerija, li għandu jiġi eżaminat fuq il-mertu.

200

L-imsemmi sitt motiv tal-Ungerija huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kunsill, intitolat “Deliberazzjonijiet u deċiżjonijiet abbażi ta’ dokumenti u abbozzi mfassla fil-lingwi previsti mir-regoli fis-seħħ dwar il-lingwa” u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi li, ħlief fejn il-Kunsill, b’mod unanimu u minħabba raġunijiet ta’ urġenza, jiddeċiedi mod ieħor, il-Kunsill għandu jiddelibera u jieħu deċiżjonijiet biss abbażi ta’ dokumenti u abbozzi mfassla bil-lingwi previsti mis-sistema lingwistika fis-seħħ. Skont l-Artikolu 14(2) tal-imsemmija regoli, kull membru tal-Kunsill jista’ jopponi diskussjoni jekk it-test ta’ kwalunkwe emenda proposta ma jkunx imfassal bil-lingwi msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.

201

Il-Kunsill isostni li l-imsemmi artikolu għandu jiġi interpretat – u huwa applikat fil-prattika minn din l-istituzzjoni – fis-sens li, minkejja li l‑paragrafu 1 tiegħu jirrikjedi li l-abbozzi li jikkostitwixxu l-“bażi” tad‑deliberazzjonijiet tal-Kunsill, fil-każ ineżami l-proposta inizjali tal-Kummissjoni, għandhom bħala prinċipju jkunu mfassla bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jipprevedi sistema ssemplifikata għall-emendi, li mhux bilfors għandhom ikunu disponibbli bil-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni. Ikun biss fil-każ ta’ oppożizzjoni ta’ Stat Membru li l-verżjonijiet lingwistiċi indikati minn dak l-Istat Membru għandhom jiġu wkoll ippreżentati lill‑Kunsill qabel ma huwa jkun jista’ jkompli bid-deliberazzjonijiet.

202

Il-kumment tal-Kunsill dwar ir-Regoli tal-Proċedura tiegħu jippreċiża, fl-istess sens, li l-Artikolu 14(2) ta’ dawn ir-regoli jippermetti b’mod partikolari lil kull membru tal-Kunsill jopponi diskussjonijiet jekk it-test ta’ kwalunkwe emenda proposta ma jkunx imfassal bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

203

Minkejja li, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, l-Unjoni għandha għal qalbha ż-żamma tal-multilingwiżmu, li l-importanza tiegħu hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Mejju 2015, Spanja vs Il-Kunsill, C‑147/13, EU:C:2015:299, punt 42), l-interpretazzjoni mill-Kunsill tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu għandha tiġi milqugħa. Fil-fatt, hija tirriżulta minn approċċ ekwilibrat u flessibbli li jiffavorixxi l-effiċjenza u r-rapidità tax-xogħlijiet tal-Kunsill li għandhom importanza singolari fil-kuntest partikolari ta’ urġenza li tikkaratterizza l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ miżuri provviżorji meħuda abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE.

204

Huwa paċifiku li, fil-każ ineżami, il-proposta inizjali tal-Kummissjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tad-delegati kollha tal-Istati Membri bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Ungerija lanqas ma kkontestat il-fatt li ebda Stat Membru ma oppona deliberazzjoni fuq il-bażi li t-testi li kienu jirripproduċu l-emendi miftiehma kienu mfassla bl-Ingliż u li, barra minn hekk, l-emendi kollha nqraw mill-President tal-Kunsill u ġew interpretati b’mod simultanju bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni.

205

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-motiv imqajjem mir-Repubblika Slovakka kif ukoll is-sitt motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur tas-sistema lingwistika tal-Unjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

E. Fuq il-motivi dwar il-mertu

1. Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka kif ukoll fuq id-disa’ u l-għaxar motivi tal-Ungerija, ibbażati fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

a) Osservazzjonijiet preliminari

206

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu xierqa sabiex jitwettqu l-għanijiet leġittimi li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

207

Għal dak li jirrigwarda l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza ta’ dan il-prinċipju, għandu jitfakkar ukoll, kif kien diġà indikat fil-punt 124 tas-sentenza preżenti, li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jingħataw setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta huma jadottaw miżuri f’oqsma li jinvolvu għażliet min-naħa tagħhom, b’mod partikolari, ta’ natura politika u evalwazzjonijiet kumplessi. Konsegwentement, in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’wieħed minn dawn l-oqsma, meta mqabbla mal-għan li dawn l-istituzzjonijiet jixtiequ jilħqu, tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Il-Polonja vs Il‑Parlament u Il-Kunsill, C‑358/14, EU:C:2016:323, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208

Il-prinċipji stabbiliti minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplikaw bis-sħiħ għall-miżuri adottati fil-qasam tal-politika komuni tal-Unjoni dwar l-ażil u, b’mod partikolari, għall-miżuri provviżorji adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, bħal dawk previsti mid-deċiżjoni kkontestata, li jinvolvu għażliet essenzjalment ta’ natura politika u evalwazzjonijiet kumplessi li għandhom, barra minn hekk, isiru fi żmien qasir sabiex tittieħed azzjoni malajr u b’mod konkret għal “sitwazzjoni ta’ emerġenza”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

b) Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka, sa fejn huwa bbażat fuq l-inkapaċità tad-deċiżjoni kkontestata li tilħaq l-għan imfittex minnha

1) L-argumenti tal-partijiet

209

Ir-Repubblika Slovakka, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex adatta sabiex tilħaq l-għan imfittex minnha u li din id-deċiżjoni tmur, għaldaqstant, kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE kif ukoll fl-Artikoli 1 u 5 tal-Protokoll (Nru 2).

210

Id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex adatta sabiex tilħaq dan l-għan peress li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li hija tipprevedi ma huwiex tali li jirrimedja n-nuqqasijiet strutturali tas-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana. Dawn in-nuqqasijiet, marbuta mal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza u ta’ pproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, għandhom l-ewwel nett jiġi solvuti qabel ma din ir-rilokazzjoni tista’ tiġi effettivament implementata. Barra minn hekk, in-numru żgħir ta’ rilokazzjonijiet li seħħew sa dan il-jum juri li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata ma kienx, sa mill-adozzjoni tiegħu, xieraq sabiex jilħaq l-għan imfittex.

211

Il-Kunsill u l-Istati Membri li jsostnuh jargumentaw li, anki jekk is-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana għandhom nuqqasijiet strutturali, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata huwa adatt sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu, inkwantu huwa jnaqqas il‑pressjoni mhux sostenibbli fuq is-sistema ta’ ażil tar-Repubblika Ellenika u dik tar-Repubblika Taljana wara d-dħul mingħajr preċedent ta’ migranti fit-territorju rispettiv tagħhom matul is-sena 2015, li apparti dan kienet mhux sostenibbli għal kwalunkwe Stat Membru, inkluż għal dawk li s-sistema ta’ ażil tagħhom ma għandhiex nuqqasijiet strutturali. Barra minn hekk, dan il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni jagħmel parti minn firxa wiesgħa ta’ miżuri finanzjarji u operattivi intiżi li jgħinu lis-sistema ta’ ażil tar-Repubblika Ellenika u dik tar-Repubblika Taljana. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata timponi obbligi fuq dawn iż-żewġt Istati Membri, intiżi li jtejbu l-effiċjenza tas-sistema ta’ ażil rispettiva tagħhom.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

212

L-għan tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata, li fir-rigward tiegħu l-proporzjonalità ta’ dan il-mekkaniżm għandha tiġi eżaminata, huwa, skont l-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni, moqri fid-dawl tal-premessa 26 tiegħu, li jgħin lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana jaffrontaw sitwazzjoni ta’ emerġenza, ikkaratterizzata minn dħul f’daqqa, fit-territorju rispettiv tagħhom, ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, billi jnaqqas il-pressjoni kunsiderevoli li għandhom is-sistemi ta’ ażil ta’ dawn iż-żewġt Istati Membri.

213

Issa, ma jistax jitqies li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata huwa miżura li manifestament ma hijiex xierqa sabiex tikkontribwixxi għal dan il-għan.

214

Jidher li huwa ugwalment diffiċli li jiġi kkontestat li kwalunkwe sistema ta’ ażil, anki sistema li ma għandhiex nuqqasijiet strutturali fir-rigward tal-akkoljenza u ta’ kapaċità li tipproċessa applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, kienet tkun serjament imħarbta mid-dħul mingħajr preċedent ta’ migranti li seħħ fil-Greċja u fl-Italja matul is-sena 2015.

215

Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata jagħmel parti minn sett ta’ miżuri intiżi li jnaqqsu l-piż li għandhom dawn iż-żewġt Istati Membri, li minnhom ċertu numru fosthom għandhom preċiżament l-għan li jtejbu l-funzjonament tas-sistema ta’ ażil rispettiva tagħhom, b’tali mod li l-kapaċità ta’ dan il-mekkaniżmu li jilħaq l-għanijiet tiegħu ma jistax jiġi evalwat b’mod iżolat, iżda għandu jitqies fil-kuntest tas-sett ta’ miżuri li minnhom jagħmel parti.

216

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi, fl-Artikolu 8 tagħha, miżuri komplementari, b’mod partikolari fil-qasam tat-tisħiħ tal-kapaċità, tal-kwalità u tal-effiċjenza tas-sistemi ta’ ażil li għandhom jittieħdu mir-Repubblika Ellenika u mir-Repubblika Taljana, li għandhom jiżdiedu mal-miżuri diġà imposti mill-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2015/1523, u li l-għan tagħhom huwa, skont il-premessa 18 tad-deċiżjoni kkontestata, li jobbligaw lil dawn l-Istati Membri “jipprovdu soluzzjonijiet strutturali biex jindirizzaw pressjonijiet eċċezzjonali eżerċitati fuq is-sistemi tagħhom tal-asil u tal-migrazzjoni, billi jistabbilixxu qafas strateġiku u solidu b’rispons għas-sitwazzjoni ta’ kriżi u jintensifikaw il-proċess ta’ riforma li jinsab għaddej f’dawn l-oqsma”.

217

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi l-għoti ta’ appoġġ operattiv lill-imsemmija Stati Membri u l-Artikolu 10 jipprevedi sostenn finanzjarju għall-benefiċċju tagħhom għal kull persuna rrilokata.

218

Il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata jiżdied ma’ miżuri oħrajn li huma intiżi li jappoġġjaw is-sistema ta’ ażil Taljana u dik Griega li kienu serjament imħarbta mid-dħul kbir suċċessiv ikkonstatat sa mis-sena 2014. Dan jgħodd ukoll għall-programm Ewropew ta’ risistemazzjoni ta’ 22504 persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, li l-Istati Membri u l-Istati assoċjati mas-sistema li tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III ftiehmu dwaru fl-20 ta’ Lulju 2015, għad-Deċiżjoni 2015/1523 dwar ir-rilokazzjoni ta’ 40000 persuna li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, kif ukoll għall-implementazzjoni ta’ “hotspots” fl-Italja u fil-Greċja li fil-kuntest tagħhom l-aġenziji kollha tal-Unjoni li huma kompetenti fil-qasam tal-ażil u esperti mill-Istati Membri jaħdmu b’mod konkret mal-awtoritajiet nazzjonali u lokali sabiex jgħinu lill-Istati Membri kkonċernati jissodifaw l-obbligi tagħhom previsti mid-dritt tal-Unjoni fil-konfront ta’ tali persuni, fir-rigward tal-kontroll, tal-identifikazzjoni, tar-reġistrazzjoni ta’ xhieda u tat-teħid tal-marki tas-swaba.

219

Barra minn hekk, hekk kif tfakkar il-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana setgħu jibbenefikaw minn appoġġ operattiv u minn għajnuna finanzjarja kunsiderevoli tal-Unjoni fil-kuntest tal-politika ta’ migrazzjoni u ta’ ażil.

220

Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi dedott a posteriori min-numru żgħir ta’ rilokazzjonijiet li seħħew sa’ dan il-jum b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li din ma kinitx, sa mill-oriġini tagħha, xierqa sabiex tilħaq l-għan imfittex, hekk kif issostni r-Repubblika Slovakka, l-istess bħall-Ungerija fil-kuntest tad-disa’ motiv tagħha.

221

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-validità ta’ att tal-Unjoni ma tistax tiddependi minn evalwazzjonijiet retrospettivi li jikkonċernaw il-grad ta’ effiċjenza tiegħu. Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni jkun obbligat jevalwa l-effetti futuri tar-regoli li għandhom jiġu adottati minkejja li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu previsti b’mod preċiż, l-evalwazzjoni tiegħu tista’ tiġi kkritikata biss jekk jidher li kienet manifestament żbaljata fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għal-leġiżlatur fiż-żmien tal-adozzjoni tar-regoli inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et, C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 84, u tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 50).

222

Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 13, 14 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata, meta huwa adotta l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, il-Kunsill wettaq, abbażi ta’ eżami ddettaljat ta’ statistika li kienet disponibbli f’dak iż-żmien, analiżi prospettiva tal-effetti ta’ din il-miżura fuq is-sitwazzjoni ta’ emerġenza inkwistjoni. Issa, fid-dawl ta’ din l-istatistika, din l-analiżi ma tidhirx manifestament żbaljata.

223

Barra minn hekk, jidher li n-numru żgħir ta’ rilokazzjonijiet imwettqa sa dan il-jum b’applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata jista’ jiġi spjegat minn serje ta’ elementi li l-Kunsill ma setax jipprevedi fil-mument tal-adozzjoni tagħha fosthom, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ wħud mill-Istati Membri.

224

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka, sa fejn huwa bbażat fuq l-inkapaċità tad-deċiżjoni kkontestata li tilħaq l-għan imfittex minnha, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

c) Fuq is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka, sa fejn huwa bbażat fuq in-natura mhux neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għan li hija trid tilħaq

1) L-argumenti tal-partijiet

225

Qabel kollox, ir-Repubblika Slovakka, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li l-għan imfittex mid-deċiżjoni kkontestata seta’ jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ miżuri oħrajn li setgħu jittieħdu fil-kuntest tal-istrumenti eżistenti u li kienu jkunu inqas vinkolanti għall-Istati Membri u inqas intrużivi fuq id-dritt “sovran” ta’ kull wieħed minnhom li jiddeċiedi b’mod liberu dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tiegħu u fuq id-dritt tal-Istati Membri, imsemmi fl-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2), b’mod li l-piż finanzjarju u amministrattiv ikun l-inqas possibbli.

226

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kien possibbli li jiġi applikat il-mekkaniżmu previst mid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/CE, tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU 2001, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162).

227

Id-Direttiva 2001/55 hija essenzjalment intiża li tittieħed azzjoni għall‑istess sitwazzjonijiet ta’ dħul kbir ta’ migranti bħad-deċiżjoni kkontestata billi tipprevedi proċedura ta’ rilokazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja. Madankollu, din id-direttiva toħloq inqas preġudizzju għad-dritt sovran ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi liberament dwar l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħhom, l-iktar inkwantu hija tippermetti lill-Istati Membri jiddeċiedu huma stess in-numru ta’ persuni li għandhom jiġu rrilokati fit-territorju tagħhom fid-dawl tal-kapaċitajiet tagħhom ta’ akkoljenza. Barra minn hekk, l-istatus ta’ protezzjoni temporanja jagħti inqas drittijiet mill-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali li hija intiża li tagħti d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari rigward it-tul ta’ tali protezzjoni, u għaldaqstant huwa jimponi ħafna inqas piżijiet fuq l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

228

Fit-tieni lok, ir-Repubblika Slovakka ssostni li r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana setgħu jattivaw il-mekkaniżmu msejjaħ “protezzjoni ċivili tal-Unjoni” previst fl-Artikolu 8a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2007/2004, tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 153M, p. 136). Dan il-mekkaniżmu seta’ jipprovdilhom l-assistenza materjali neċessarja.

229

Ir-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana setgħu wkoll, fit-tielet lok, jitolbu assistenza lill-aġenzija Frontex fil-forma ta’ “interventi rapidi”. Bl-istess mod, konformement għall-Artikolu 2(1)(f) u l-Artikolu 9(1) u (1b) tar-Regolament Nru 2007/2004, dawn iż-żewġt Istati Membri setgħu jitlobu lill-aġenzija Frontex tagħtihom l-assistenza neċessarja għall-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn.

230

Din l-assistenza mill-aġenzija Frontex hija tali li tappoġġja direttament lis-sistemi ta’ ażil u ta’ migrazzjoni taż-żewġt Istati Membri kkonċernati, inkwantu hija kienet tippermettilhom jikkonċentraw il-mezzi tagħhom fuq il-migranti li jitolbu l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali.

231

Sussegwentement, ma kienx ikun neċessarju li jiġu adottati miżuri oħra abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, peress li d-Deċiżjoni 2015/1523 tħalli lill-Istati Membri l-obbligu li jiddeċiedu, fi spirtu ta’ solidarjetà, sa fejn jipparteċipaw fl-impenn komuni. Għaldaqstant din id-deċiżjoni toħloq inqas preġudizzju għas-sovranità tagħhom. Peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata biss tmient ijiem wara d-Deċiżjoni 2015/1523 li tipprevedi r-rilokazzjoni ta’ 40000 persuna, kien ikun impossibbli, fi żmien tant qasir, li jiġi konkluż li d-Deċiżjoni 2015/1523 ma kinitx xierqa sabiex tittieħed azzjoni dwar is-sitwazzjoni li kienet tipprevali f’dak iż-żmien. Fil-fatt, meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, xejn ma kien jippermetti lill-Kunsill iqis li l-miżuri ta’ akkoljenza previsti mid-Deċiżjoni 2015/1523 kienu malajr ser isiru insuffiċjenti u li kienu ser ikunu neċessarji miżuri addizzjonali.

232

Barra minn hekk, l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti wkoll li jiġu adottati miżuri inqas vinkolanti għall-Istati Membri, filwaqt li xorta jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, bħall-għoti ta’ għajnuna sabiex jiġi ffaċilitat ir-ritorn u r-reġistrazzjoni jew sostenn finanzjarju, materjali, tekniku u personali għas-sistema ta’ ażil Taljana u dik Griega. L-Istati Membri jistgħu ukoll jieħdu, fuq bażi volontarja, inizjattivi bilaterali sabiex jipprovdu tali sostenn u, barra minn hekk, tali inizjattivi kienu ttieħdu.

233

Fl-aħħar nett, ir-rilokazzjoni tal-applikanti prevista mid-deċiżjoni kkontestata twassal inevitabbilment għal piż finanzjarju u amministrattiv għall-Istati Membri. Madankollu, l-impożizzjoni ta’ tali piż ma kinitx neċessarja peress li kienu possibbli miżuri oħrajn li huma inqas vinkolanti. Konsegwentement, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi miżura superfluwa u prematura li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-Artikolu 5 tal-Protokoll (Nru 2).

234

Il-Kunsill isostni li, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa żgura ruħu, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li ma kienet teżisti ebda miżura alternattiva li kienet tippermetti li l-għan imfittex minn din id-deċiżjoni jintlaħaq bl-isess mod effikaċi, filwaqt li toħloq l-inqas preġudizzju possibbli għas-sovranità tal-Istati Membri jew għall-interess finanzjarju tagħhom. Il-miżuri alternattivi elenkati mir-Repubblika Slovakka ma jmorrux, madankollu, f’dan is-sens

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

235

Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi argumenti mqajma mir-Repubblika Slovakka sabiex turi li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex neċessarja peress li l-Kunsill seta’ jilħaq l-għan imfittex minn din id-deċiżjoni billi jieħu miżuri inqas restrittivi u li joħolqu inqas preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu, fl-osservanza tar-regoli adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-politika komuni dwar l-ażil, fuq l-aċċess fit-territorju tagħhom ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għandu jitfakkar il-kuntest partikolari li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-sitwazzjoni ta’ emerġenza serja, eżistenti f’dak iż-żmien fil-Greċja u fl-Italja, ikkaratterizzata minn dħul kbir u f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu tas-sena 2015.

236

F’tali kuntest partikolari u fid-dawl tal-prinċipji diġà mfakkra fil-punti 206 sa 208 tas-sentenza preżenti, għandu jiġi ammess li d-deċiżjoni li jiġi adottat mekkaniżmu vinkolanti ta’ rilokazzjoni ta’ 120000 persuna skont l-Artikolu 78(3) TFUE, filwaqt li għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, ma tistax tiġi kkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief jekk jiġi kkonstatat li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-istatistika disponibbli f’dak il-mument, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sens li miżura oħra inqas vinkolanti, iżda xorta waħda effikaċi, setgħet tittieħed mingħajr dewmien.

237

Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li għalkemm huwa minnu li d-Deċiżjoni 2015/1523 ġiet adottata fl‑14 ta’ Settembru 2015, jiġifieri tmient ijiem qabel id-deċiżjoni kkontestata, teżisti rabta bejn dawn l-atti.

238

Fil-fatt, id-Deċiżjoni 2015/1523 kienet intiża li timplementa l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 u tas-26 ta’ Ġunju 2015 kif ukoll il-ftehim li sar bejn l-Istati Membri, li ħadu l-forma ta’ riżoluzzjoni bid-data tal-20 ta’ Lulju 2015. Hekk kif jirriżulta mill-istatistika msemmija fil-premessi 10 u 11 tad-Deċiżjoni 2015/1523, din kienet intiża li tirrimedja sitwazzjoni ta’ emerġenza li kienet inqalat matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2015.

239

Barra minn hekk, mill-premessa 21 ta’ din l-istess deċiżjoni jirriżulta li n-numru totali ta’ 40000 applikant ġie ffissat fuq il-bażi, minn naħa, tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu b’mod irregolari fil-Greċja jew fl-Italja matul is-sena 2014 u, min-naħa l-oħra, tan-numru ta’ dawk li kellhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, li kienu jirrappreżentaw madwar 40 % tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Huwa abbażi ta’ din l-istatistika relattiva għas-sena 2014 li kien ġie deċiż li 60 % ta’ dawn l-40 000 persuna kellhom jiġu rrilokati mill-Italja u 40 % mill-Greċja.

240

Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet u mill-istatistika li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill meta adotta d-deċiżjoni kkontestata u li joħorġu b’mod partikolari mill-premessi 12, 13 u 26 tagħha, jirriżulta li din l-istituzzjoni qieset li mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ 120000 persuna, li jiżdied ma’ dak previst mid-Deċiżjoni 2015/1523, kellu jiġi stabbilit sabiex inaqqas il-pressjoni fuq ir-Repubblika Taljana u fuq kollox fuq ir-Repubblika Ellenika fid-dawl ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza ġdida b’riżultat ta’ dħul kbir ta’ migranti f’sitwazzjoni irregolari f’dawn l-Istati Membri li kien seħħ matul l-ewwel tmien xhur tas-sena 2015 u, b’mod partikolari, matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena.

241

Dan id-dħul ġdid ta’ migranti, ta’ skala bla preċedent, kien ukoll ikkaratterizzat mill-fatt li kien jirriżulta, hekk kif tipprovdi l-premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, minn moviment tal-flussi migratorji mill-Mediterran ċentrali għall-Mediterran tal-Lvant u lejn ir-rotta tal-Balkani tal-Punent. Dan il-moviment parzjali tal-kriżi tal-Italja lejn il-Greċja jispjega, barra minn hekk, għaliex fuq total ta’ 120000 applikant għal protezzjoni internazzjonali, kien ġie deċiż li 13 % minnhom jiġu rrilokati mill-Italja u 42 % mill-Greċja.

242

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni inkwantu huwa qies, fid-dawl tal-istatistika l-iktar reċenti li kienet għad-dispożizzjoni tiegħu, li s-sitwazzjoni ta’ emerġenza eżistenti fit-22 ta’ Settembru 2015 kienet tiġġustifika r-rilokazzjoni ta’ 120000 persuna u li r-rilokazzjoni ta’ 40000 persuna diġà prevista mid-Deċiżjoni 2015/1523 ma kinitx suffiċjenti.

243

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-effett tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-qafas legali li jirregola l-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, għandu jiġi rrilevat li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi din id-deċiżjoni, għalkemm hija ta’ natura vinkolanti, hija madankollu applikabbli biss għal matul perijodu ta’ sentejn, u tikkonċerna numru limitat ta’ migranti li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.

244

L-effett vinkolanti tad-deċiżjoni kkontestata huwa wkoll limitat mill-fatt li din id-deċiżjoni timponi bħala kundizzjoni għar-rilokazzjoni li l-Istati Membri jindikaw, f’intervalli regolari, u mill-inqas kull tliet xhur, in-numru ta’ applikanti li jistgħu jiġu minnufih irrilokati fit-territorju tagħhom [Artikolu 5(2) tad-deċiżjoni kkontestata] u li jkunu jaqblu mar-rilokazzjoni tal-persuna kkonċernata [Artikolu 5(4) ta’ din id-deċiżjoni], fid-dawl tal-fatt, madankollu, li skont l-Artikolu 5(7) tal-imsemmija deċiżjoni, Stat Membru jista’ jirrifjuta li jirriloka applikant biss fil-każ ta’ raġuni leġittima marbuta mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà nazzjonali.

245

Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni tar-Repubblika Slovakka li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura sproporzjonata peress li hija timponi, mingħajr neċessità, mekkaniżmu vinkolanti li jinkludi tqassim ta’ numru speċifiku kif ukoll mandatorju, taħt forma ta’ allokazzjonijiet, ta’ persuni rrilokati bejn l-Istati Membri, ma jidhirx li, billi għażel li jimponi tali mekkaniżmu vinkolanti ta’ rilokazzjoni, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni.

246

Fil-fatt, il-Kunsill seta’ ġustament iqis, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu jingħata f’dan ir-rigward, li n-natura vinkolanti tat-tqassim tal-persuni rrikolati kienet neċessarja fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza partikolari li fiha d-deċiżjoni kkontestata kellha tiġi adottata.

247

Barra minn hekk, il-Kunsill irrileva, mingħajr ma ġie kkontradett fuq dan il-punt, li huwa kellu jikkonstata li t-tqassim b’kunsens bejn l-Istati Membri ta’ 40000 persuna kkonċernata mid-Deċiżjoni 2015/1523 kien, anki wara taħdidiet fit-tul, ġie konkluż b’falliment, b’tali mod li din id-deċiżjoni ġiet finalment adottata mingħajr ma ġiet annessa tabella li tipproduċi l-impenji tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

248

Huwa wkoll paċifiku li, fil-kuntest tan-negozjati relattivi għad-deċiżjoni kkontestata fi ħdan il-Kunsill, minnufih deher li deċiżjoni b’kunsens, b’mod partikolari dwar it-tqassim tal-persuni rrilokati, kienet impossibbli fuq żmien qasir.

249

Issa, il-Kunsill kellu, fil-konfront tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li fiha kienu jinsabu r-Repubblika Ellenika u r-Repubblika Taljana wara d-dħul mingħajr preċedent ta’ migranti matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu tas-sena 2015, jieħu miżuri li setgħu jiġu implementati minnufih u jipproduċu effetti konkreti sabiex jgħinu lil dawn l-Istati Membri jikkontrollaw il-flussi migratorji kbar fit-territorji tagħhom.

250

Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet u tal-istatistika msemmija, b’mod partikolari, fil-premessi 12 sa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li din is-sitwazzjoni kienet teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżura temporanja ta’ rilokazzjoni ta’ natura vinkolanti.

251

Għaldaqstant jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 15 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kunsill ikkonstata li ħafna miżuri kienu diġà ttieħdu sabiex tingħata għajnuna lir-Repubblika Ellenika u lir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-politika ta’ migrazzjoni u ta’ ażil kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni li, peress li l-pressjoni sinjifikattiva u dejjem ikbar fuq is-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana kienet qed tirriskja li tippersisti, il-Kunsill qies li kien essenzjali li tintwera solidarjetà fil-konfront ta’ dawn iż-żewġt Istati Membri u li l-miżuri meħuda sa dak in-nhar jiġu kkomplementati mill-miżuri provviżorji previsti mill-imsemmija deċiżjoni.

252

F’dan ir-rigward, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill kien effettivament obbligat, hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni, li jimplementa l-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltà bejn l-Istati Membri, inkluż fuq il-livell finanzjarju, li huwa meħtieġ. Skont l-Artikolu 80 TFUE, waqt l-impelmentazzjoni tal-politika komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil.

253

Għaldaqstant, fil-każ ineżami, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li kellu jieħu, fid-dawl tal-urġenza speċifika tas-sitwazzjoni, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 80 TFUE u tal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri li huwa stabbilit fih, miżuri provviżorji li kienu jikkonsistu f’li jiġi impost mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti, bħal dak previst mid-deċiżjoni kkontestata.

254

Fir-raba’ lok, bil-kontra ta’ dak li jsostnu r-Repubblika Slovakka u l-Ungerija, l-għażla ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti ma tistax tiġi kkritikata minħabba li l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti biss l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji li jistgħu jiġu adottati malajr, filwaqt li tali mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni jeħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implementazzjoni qabel ma jkun jista’ jintlaħaq ritmu sostnut ta’ rilokazzjonijiet.

255

Fil-fatt, peress li din id-dispożizzjoni hija intiża għall-implementazzjoni ta’ miżuri utli u ma tiffissa, għal dan il-għan, ebda terminu li matulu miżuri provviżorji għandhom jiġu adottati, għandu jitqies li l-Kunsill ma eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tiegħu meta qies li s-sitwazzjoni li kienet tipprevali f’Lulju u f’Awwissu 2015 kienet tiġġustifika li jiġi adottat mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni u li dan tal-aħħar jiġi implementat mill-iktar fis possibbli sabiex jipproduċi riżultati konkreti kemm jista’ jkun malajr, fi tmiem eventwali perijodu ta’ preparazzjoni u ta’ implementazzjoni.

256

Għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-Direttiva 2001/55, il-Kunsill sostna wkoll, mingħajr ma kien ikkontradett fuq dan il-punt, li s-sistema ta’ protezzjoni temporanja prevista minn din id-direttiva ma kinitx tagħti risposa effettiva għall-problema li tqum fil-każ ineżami, jiġifieri s-saturazzjoni sħiħa tal-infrastrutturi ta’ akkoljenza fil-Greċja u fl-Italja u n-neċessità li dawn l-Istati Membri jinħelsu mill-iktar fis possibbli minn numru kbir ta’ migranti li diġà waslu fit-territorju tagħhom, sa fejn din is-sistema ta’ protezzjoni temporanja tipprevedi li l-persuni li jkunu eliġibbli għaliha jkollhom dritt għal protezzjoni fl-Istat Membru fejn huma jinsabu.

257

Fil-ħames lok, l-għażla magħmula, fid-deċiżjoni kkontestata, li tingħata protezzjoni internazzjonali minflok status li jagħti drittijiet iktar limitati, bħal dak tal-protezzjoni temporanja previst mid-Direttiva 2001/55, hija għażla essenzjalment politika li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżamina jekk hijex opportuna jew le.

258

Għal dak li jikkonċerna, fis-sitt lok, il-miżuri l-oħra li tressaq ir-Repubblika Slovakka u li jikkostitwixxu miżuri inqas restrittivi mid-deċiżjoni kkontestata, għandu l-ewwel nett jiġi osservat li miżuri intiżi li jsaħħu fruntieri esterni jew anki miżuri intiżi li jagħtu sostenn finanzjarju jew operattiv għas-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana ma jikkostitwixxux, b’differenza mill-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata, risposta suffiċjenti għan-neċessità li titnaqqas il-pressjoni fuq dawn is-sistemi, ikkawżata minn dħul ta’ migranti li kien diġà seħħ.

259

Fil-fatt, dawn huma miżuri komplementari li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiġi kkontrollat b’mod aħjar iktar dħul ta’ migranti iżda li, fihom innifishom, ma jistgħux jirrimedjaw għall-problema eżistenti tas-saturazzjoni tas-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana minn persuni li huma diġà preżenti fit-territorju ta’ dawn l-Istati Membri.

260

Fl-aħħar nett, fis-seba’ lok, għal dak li jirrigwarda l-argument li l-implementazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata twassal għal piżijiet sproporzjonati għall-Istati Membri, ir-Repubblika Slovakka ma tressaq ebda element konkret li juri li l-miżuri alternattivi li hija tipproponi, bħaż-żieda tal-mezzi, b’mod partikolari tekniċi u finanzjarji, għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana, jirriżultaw manifestament f’inqas spejjeż mill-mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni.

261

Minn dan isegwi li l-argumenti mqajma mir-Repubblika Slovakka intiżi li jikkontestaw in-natura neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. Għaldaqstant, is-sitt motiv tar-Repubblika Slovakka għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

d) Fuq id-disa’ motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq in-natura mhux neċessarja tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għan li hija trid tilħaq

1) L-argumenti tal-partijiet

262

L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni li, peress li bil-kontra ta’ dak li kienet tipprevedi l-proposta inizjali tal-Kummissjoni, fit-test finali tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ungerija ma tinsabx fost l-Istati Membri benefiċjarji, ma kienx iġġustifikat li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi r-rilokazzjoni ta’ 120000 applikant u li, minħabba f’hekk, l-imsemmija deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

263

Fil-fatt, l-iffissar ta’ dan in-numru totali ta’ 120000 persuna li r-rilokazzjoni tagħhom hija prevista mid-deċiżjoni kkontestata jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din id-deċiżjoni peress li dan in-numru jinkludi 54000 persuna li, skont il-proposta inizjali tal-Kummissjoni, kellhom jiġu rrilokati mill-Ungerija. Ma huwiex iġġustifikat li n-numru totali ta’ applikanti li għandhom jiġu rrilokati ma ġiex irrivedut b’tali mod li jitnaqqas, ladarba dan in-numru totali kien ġie ffissat inizjalment mhux abbażi ta’ żewġt Istati Membri benefiċjarji, iżda ta’ tlieta.

264

Barra minn hekk, it-tqassim ta’ 54000 applikant li kienu inizjalment previsti li jiġu rrilokati mill-Ungerija kien sar ipotetiku u inċert, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tipprevedi li dan it-tqassim ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni definittiva skont żviluppi ulterjuri.

265

L-Ungerija ssostni li, filwaqt li l-Artikolu 78(3) TFUE huwa intiż li jirreaġixxi malajr għal sitwazzjoni mhux ipotetika iżda eżistenti, ma kienx stabbilit b’mod ċar, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rilokazzjoni ta’ dawn l-54 000 applikant kienet neċessarja u, fil-każ li dan kien effettivament il-każ, minn liema Stati Membri benefiċjarji din kellha sseħħ.

266

Il-Kunsill jirribatti l-argumenti tal-Ungerija u jsostni, b’mod partikolari, li abbażi tal-istatistika kollha disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa seta’ jqis b’mod validu, anki wara li l-Ungerija rtirat minn bħala Stat Membru benefiċjarju, li kien hemm lok li jinżamm it-total ta’ 120000 persuna għar-rilokazzjoni.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

267

L-ewwel nett, mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kunsill qies li kien hemm lok li jiġi rrilokat “numru sinifikanti ta’ applikanti fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali” u li n-numru ta’ 120000 applikant ġie ffissat “[a]bbażi tan-numru globali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu fl-Italja u fil-Greċja b’mod irregolari fl-2015, u n-numru ta’ dawk fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali”.

268

Fil-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill ippreċiża b’mod partikolari l-istatistika relattiva għan-numru ta’ dħul irregolari fil-Greċja u fl-Italja matul is-sena 2015, u b’mod iktar partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, li huwa ħa inkunsiderazzjoni sabiex jiddetermina n-numru ta’ 120000 applikant.

269

Minn dawn l-indikazzjonijiet jirriżulta li l-Kunsill għażel, anki wara li l-l-Ungerija rtirat minn bħala Stat Membru benefiċjarju, li jżomm in-numru totali ta’ 120000 persuna għar-rilokazzjoni fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni prevalenti fil-Greċja u fl-Italja matul is-sena 2015, u b’mod partikolari matul ix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena.

270

Mill-premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata jista’ wkoll jiġi dedott li l-Kunsill żamm in-numru totali ta’ 120000 persuna peress li huwa kien qed iqis li r-rilokazzjoni ta’ numru “sinifikanti” ta’ applikanti li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali biss seta’ jnaqqas b’mod konkret il-pressjoni li kien hemm, dak iż-żmien, fuq is-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana.

271

In-neċessità li jinżamm in-numru ta’ 54000 applikant li kienu inizjalment allokati għal rilokazzjonijiet mill-Ungerija tista’ wkoll tiġi sostnuta mill-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minnha jirriżulta li, minħabba s-sitwazzjoni ta’ instabbiltà u ta’ kunflitti kostanti fil-pajjiżi immedjatament viċini tal-Greċja u tal-Italja, kien ferm probabbli li pressjoni sinjifikattiva u dejjem ikbar kienet ser tkompli tagħfas fuq is-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

272

Peress li l-Ungerija ma wrietx, abbażi ta’ provi preċiżi, li l-istatistika meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kunsill sabiex jiffissa għal 120000 in-numru totali ta’ persuni li kellhom jiġu rrilokati ma kinitx rilevanti, għandu jiġi kkonstatat li, meta żamm dan in-numru, fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u ta’ din l-istatistika, anki wara l-irtirar tal-Ungerija minn bħala Stat Membru li jibbenefika mir-rilokazzjoni, il-Kunsill ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

273

Imbagħad, l-Ungerija ssostni li r-regoli li jirregolaw in-numru ta’ 54000 applikant, li għalih kien inizjalment previst li jiġi allokat għal rilokazzjonijiet mill-Ungerija, jikkostitwixxu mekkaniżmu ipotetiku u inċert, minħabba li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi li r-rikolazzjonijiet ikunu s-suġġett, f’dan ir-rigward, ta’ deċiżjoni definittiva meħuda fid-dawl ta’ żviluppi ulterjuri.

274

Madankollu, mill-Artikolu 4(1)(c), (2) u (3) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-allokazzjoni tal-imsemmi numru ta’ 54000 applikant huwa rregolat minn mekkaniżmu li jinkludi regola prinċipali, imsemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-deċiżjoni, li tipprovdi li, sa mis‑26 ta’ Settembru 2016, dawn l-applikanti kienu ser ikun suġġetti għal rilokazzjoni mill-Greċja u l-Italja lejn it-territorju ta’ Stati Membri oħrajn fi proporzjon li jirriżulta min-numri ta’ applikanti previsti fl-Artikolu 4(1)(a) u (b) tal-imsemmija deċiżjoni.

275

Din ir-regola prinċipali tikkostitwixxi regola ta’ applikazzjoni awtomatika li għandha magħha regola ta’ natura flessibbli prevista fl-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, li tippermetti lill-imsemmija regola prinċipali tiġi adattata jew emendata, jekk dan ikun iġġustifikat mill-iżvilupp tas-sitwazzjoni u mill-fatt li Stat Membru jkollu jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba riorjentazzjoni sinjifikattiva ta’ flussi migratorji.

276

Tali regola tippermetti li wieħed jirreaġixxi, fil-każ ta’ bżonn, għall-iżviluppi futuri u tippermetti b’hekk li r-rilokazzjonijiet jiġu adattati bl‑aħjar mod għall-bżonnijiet l-iktar urġenti.

277

Fil-fatt, l-effikaċja ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ applikanti, implementat f’żewġ fażijiet fuq perijodu ta’ sentejn, bħal dak implementat mid-deċiżjoni kkontestata, teħtieġ li dan il-mekkaniżmu jkun jista’ jiġi adattat, taħt ċerti kundizzjonijiet, matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tiegħu.

278

Għaldaqstant, id-disa’ motiv tal-Ungerija għandu jiġi miċħud bħala infondat.

e) Fuq l-għaxar motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba effetti partikolari tad-deċiżjoni kkontestata fuq l-Ungerija

1) L-argumenti tal-partijiet

279

L-Ungerija ssostni, b’mod sussidjarju, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tilqa’ ebda wieħed mill-motivi għal annullament tagħha, id-deċiżjoni kkontestata tkun fi kwalunkwe każ illegali, inkwantu tikser l-Artikolu 78(3) TFUE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità għal dak li jikkonċerna l-Ungerija.

280

L-Ungerija tikkritika lill-Kunsill li inkludiha fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni wara li hija kienet irrinunzjat għall-istatus ta’ Stat Membru benefiċjarju kif previst mill-proposta inizjali tal-Kummissjoni. Issa, ma huwiex kontestabbli li dan l-Istat Membru kien suġġett għal pressjoni migratorja partikolarment kbira, kemm matul il-perijodu ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll matul l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata timponi fuq l-Ungerija piż sproporzjonat billi timponi fuqha allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni obbligatorji l-istess bħall-Istati Membri l-oħra.

281

L-impożizzjoni ta’ tali allokazzjonijiet fuq l-Ungerija, minkejja li hija stess kellha bżonn ta’ għajnuna sabiex taffronta l-fluss tal-migranti, tmur kontra l-Artikolu 78(3) TFUE, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istati Membri li jaffrontaw dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u tipprekludi, madankollu, l-impożizzjoni ta’ piż addizzjonali fuq Stat Membru li jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn tali dħul.

282

Il-Kunsill isostni li dan il-motiv huwa inammissibbli peress li huwa intiż għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-Ungerija minkejja li din id-deċiżjoni tifforma unità indiviżibbli. Dwar il-mertu, il-Kunsill isostni b’mod partikolari li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Ungerija ma kinitx għadha tinsab f’“sitwazzjoni ta’ emerġenza” fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, li kien jiġġustifika li hija tiġi inkluża fost l-Istati Membri benefiċjarji skont id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata jinkludi mekkaniżmi ta’ aġġustament li jippermettu lil Stat Membru jitlob li l-obbligi tiegħu ta’ rilokazzjoni jiġu sospiżi fil-każ ta’ riorjentazzjoni sinjifikattiva ta’ flussi migratorji.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

283

Preliminarjament, għandu jitqies li, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa ġġustifikat, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, li l-għaxar motiv li l-Ungerija tqajjem b’mod sussidjarju jiġi eżaminat fil-mertu, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba effetti partikolari tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan l-Istat Membru, mingħajr ma tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kunsill, peress li dan il-motiv għandu fi kwalunkwe każ jiġi miċħud fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2015, Fresh Del Monte Produce vs Il-Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Fresh Del Monte Produce, C‑293/13 P u C‑294/13 P, EU:C:2015:416, punt 193 u l-ġurisprudenza ċċitata).

284

L-eżami fuq il-mertu ta’ dan l-għaxar motiv tal-Ungerija jeħtieġ li titfakkar il-ġenesi tad-deċiżjoni kkontestata.

285

Fil-proposta tagħha tad-9 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni kienet inkludiet lill-Ungerija fost l-Istati Membri benefiċjarji tar-rilokazzjoni peress li l-istatistika għall-ewwel tmien xhur tas-sena 2015 u, b’mod partikolari, għax-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, kienet turi dħul kbir, mir-rotta msejħa tal-“Balkani tal-Punent”, ta’ migranti ġejjin prinċipalment mill-Greċja, u b’hekk eżerċitat pressjoni kunsiderevoli fuq is-sistema ta’ ażil Ungeriża, paragunabbli għal dik eżerċitata fuq is-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana.

286

Madankollu, wara l-kostruzzjoni min-naħa tal-Ungerija ta’ barriera fil-fruntiera mas-Serbja u wara tranżitu kbir ta’ migranti preżenti fl-Ungerija lejn il-Punent, prinċipalment lejn il-Ġermanja, din il-pressjoni naqset b’mod kunsiderevoli lejn nofs Settembru 2015, peress li n-numru ta’ migranti f’sitwazzjoni irregolari preżenti fit-territorju Ungeriż naqas b’mod sinjifikattiv.

287

Huwa fil-kuntest ta’ dawn l-avvenimenti, li seħħew fix-xahar ta’ Settembru 2015, li l-Ungerija talbet formalment lill-Kunsill li ma tibqax inkluża fost l-Istati Membri benefiċjarji tar-rilokazzjoni.

288

Il-Kunsill ħa nota ta’ din it-talba u għamel id-dikjarazzjoni ċċitata fil-punt 165 tas-sentenza preżenti waqt is-seduta plenarja tal-Parlament tas‑16 ta’ Settembru 2015.

289

Issa, skont l-Ungerija, l-impożizzjoni ta’ allokazzjonijiet vinkolanti fil-konfront tagħha tikkostitwixxi piż sproporzjonat, fid-dawl tal-fatt li hija kienet tinsab, anki wara nofs Settembru tas-sena 2015, f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, peress li l-pressjoni migratorja fuq il-fruntieri tagħha ma kinitx naqset iżda kienet sempliċement resqet lejn il-fruntiera tagħha mal-Kroazja fejn ħafna qsim irregolari kien qiegħed iseħħ kull jum. Għaldaqstant, sa fejn l-Ungerija kienet għadha qed taffronta, anki matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sitwazzjoni ta’ emerġenza, kien bi ksur tal-għan tal-Artikolu 78(3) TFUE, intiż li jgħin lill-Istati Membri li jinsabu f’tali sitwazzjoni, li kien ġie deċiż li tiġi inkluża fost l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni u li jiġu imposti fuqha, abbażi ta’ dan, piżijiet addizzjonali fil-forma ta’ allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni.

290

F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tipprevedi b’mod partikolari tqassim obbligatorju bejn l-Istati Membri kollha tal-migranti li għandhom jiġi rrilokati mill-Greċja u l-Italja, minn naħa, għandha impatt fuq l-Istati Membri ta’ rilokazzjoni kollha u, min-naħa l-oħra, teżiġi li ekwilibriju bejn id-diversi interessi involuti, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn din id-deċiżjoni, jiġi żgurat. Għaldaqstant, it-tentattiv li jintlaħaq tali ekwilibriju, fid-dawl mhux tas-sitwazzjoni partikolari ta’ Stat Membru wieħed, iżda tal-Istati Membri kollha, ma jistax jitqies li jmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 39).

291

Meta Stat Membru wieħed jew iktar ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-piżijiet li jinvolvu l-miżuri provviżorji adottati taħt din id-dispożizzjoni għall-benefiċċju ta’ dan l-Istat Membru jew dawn l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, skont il-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, skont l-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil.

292

Għaldaqstant, kien ġust li, fil-każ ineżami, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni u l-Kunsill qiesu li t-tqassim tal-applikanti rrilokati bejn l-Istati Membri kollha, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 80 TFUE, kien jikkostitwixxi element fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata. Dan joħroġ mir-referenzi numerużi għall-imsemmi prinċipju fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessi 2, 16, 26 u 30 tagħha.

293

Issa, quddiem ir-rifjut tal-Ungerija li tibbenefika mill-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni, il-Kunsill ma jistax jiġi kkritikat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li mill-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet li jimponi l-Artikolu 80 TFUE, iddeduċa li l-Ungerija kellha tingħata allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni, l-istess bħall-Istati Membri l-oħra kollha li ma kinux jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni.

294

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata tipprevedi, fl-Artikolu 4(5) u fl-Artikolu 9 tagħha, il-possibbiltà għal Stat Membru li jitlob, taħt ċerti kundizzjonijiet, sospensjoni tal-obbligi tiegħu bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni taħt din id-deċiżjoni.

295

Għaldaqstant, permezz tad-Deċiżjoni 2016/408, adottata taħt l-Artikolu 4(5) tad-deċiżjoni kkontestata, billi l-Kunsill irrikonoxxa b’mod partikolari li r-Repubblika tal-Awstrija kienet qed taffronta ċirkustanzi eċċezzjonali u sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tagħha u li dan l-Istat kien, wara r-Renju tal-Isvezja, it-tieni pajjiż tal-Unjoni bl-iktar numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali per capita, iddeċieda li l-obbligi tar-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tal-allokazzjoni ta’ rilokazzjoni li kienu ġew assenjati lilha kellhom jiġu sospiżi għal sena fir-rigward ta’ 30 % ta’ din l-allokazzjoni.

296

Bl-istess mod, permezz tad-Deċiżjoni 2016/946, billi l-Kunsill qies, b’mod partikolari, li r-Renju tal-Isvezja kien qed jaffronta sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tiegħu minħabba riorjentazzjoni sinjifikattiva ta’ flussi migratorji u li dan l-Istat Membru kellu, b’mod kunsiderevoli, l-ikbar numru ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali per capita fl-Unjoni, huwa ddeċieda li l-obbligi tiegħu bħala Stat Membru ta’ rilokazzjoni taħt id-deċiżjoni kkontestata kellhom jiġu sospiżi għal sena.

297

Fuq kollox, mill-mekkaniżmu ta’ aġġustament, previst fl-Artikolu 4(3) tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li Stat Membru li jqis li jinsab f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi minħabba riorjentazzjoni sinjifikattiva ta’ flussi migratorji, jista’ jinforma lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, billi jinvoka motivi debitament iġġustifikati, b’din is-sitwazzjoni ta’ emerġenza, u dan jista’ jwassal għal emenda tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li dan l-Istat Membru jkun jista’ jibbenefika, sa mis-26 ta’ Settembru 2016, mir-rilokazzjoni tal-54 000 applikant imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) ta’ din l-istess deċiżjoni.

298

Issa, l-eżistenza ta’ dawn id-diversi mekkaniżmi ta’ aġġustament turi li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni li tipprevedi d-deċiżjoni kkontestata, meqjus fl-intier tiegħu, jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod proporzjonat, is-sitwazzjoni partikolari ta’ kull Stat Membru f’dan ir-rigward.

299

In-natura proporzjonata tal-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst mid-deċiżjoni kkontestata tirriżulta wkoll mill-koeffiċjent tat-tqassim li skont dan ġew iffissati, fl-Anness I u l-Anness II rispettivament tad-deċiżjoni kkontestata, l-allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni mill-Greċja u mill-Italja.

300

Fil-fatt, għalkemm it-test finali tad-deċiżjoni kkontestata sempliċement jipprovdi, fil-premessa 26 tiegħu, li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni previst minn din id-deċiżjoni “[j]ikkostitwixxi tqassim ġust tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja minn naħa waħda u l-Istati Membri l-oħra min-naħa l-oħra, meta jitqiesu ċ-ċifri globali disponibbli dwar il-qsim irregolari tal-fruntieri fl-2015”, huwa paċifiku li l-allokazzjonijiet iffissati mid-deċiżjoni kkontestata saru abbażi ta’ koeffiċjent ta’ tqassim li l-kalkolu tiegħu huwa kkjarifikat fil-premessa 25 tal-proposta inizjali tal-Kummissjoni, kif ġej:

“[…] Il-koeffiċjent tat-tqassim propost għandu jkun ibbażat fuq a) id-daqs tal-popolazzjoni (piż ta’ 40%), b) it-total tal-PDG (piż ta’ 40%), c) l-għadd medju ta’ applikazzjonijiet għal ażil għal kull miljun abitant tul il-perjodu 2010-2014 (piż ta’ 10%, b’limitu ta’ 30% tal-popolazzjoni u l-effett tal-PDG fuq il-koeffiċjent, biex ikunu evitati effetti sproporzjonati ta’ dan il-kriterju fuq id-distribuzzjoni ġenerali) u d) ir-rata tal-qgħad (piż ta’ 10%, b’limitu ta’ 30% tal-effett tal-popolazzjoni u l-PDG fuq il-koeffiċjent, biex ikunu evitati effetti sproporzjonati ta’ dan il-kriterju fuq id-distribuzzjoni ġenerali). […]”

301

Minn dan jirriżulta li dan il-koeffiċjent huwa intiż li jiżgura li t-tqassim tal-persuni rrilokati bejn l-Istati Membri kkonċernati jsir b’mod partikolarment proporzjonat għall-piż ekonomiku ta’ kull wieħed minnhom u għall-pressjoni migratorja eżerċitata fuq is-sistema ta’ ażil tagħhom.

302

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja, abbażi tal-għaxar motiv tal-Ungerija, u bbażat fuq effetti sproporzjonati fuq dan l-Istat Membru tal-impożizzjoni fil-konfront tiegħu ta’ allokazzjonijiet vinkolanti, tiżviluppa argumentazzjoni iktar ġenerali intiża li tikkritika l-allegati effetti sproporzjonati ta’ dawn l-allokazzjonijiet fuq numru ta’ Stati Membri ospitanti li, sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ rilokazzjoni, iridu jagħmlu sforzi u jġorru piżijiet ferm ikbar minn Stati Membri ospitanti oħrajn. Dan jgħodd ukoll għal Stati Membri li huma “kważi etnikament omoġenji bħall-Polonja” u li l-popolazzjoni tagħhom hija differenti, mill-perspettiva kulturali u lingwistika, mill-migranti li għandhom jiġu rrilokati fit-territorju tagħhom.

303

Din l-argumentazzjoni, minbarra li hija inammissibbli peress li tressqet f’nota ta’ intervent u tmur ferm lil hinn mill-argumentazzjoni tal-Ungerija li hija strettament limitata għas-sitwazzjoni proprja tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il‑Kunsill, C‑399/12, EU:C:2014:2258, punt 27), għandha tiġi miċħuda.

304

Fil-fatt, kieku r-rilokazzjoni kellha tiddependi strettament fuq l-eżistenza ta’ rabtiet kulturali jew lingwistiċi bejn kull applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, minn dan jirriżulta li tqassim ta’ dawn l-applikanti bejn l-Istati Membri kollha fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà li jimponi l-Artikolu 80 TFUE u, għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti, ikun impossibbli.

305

Għandu jingħad ukoll li l-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-oriġini etnika tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu huma jmorru, ovvjament, kontra d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari, kontra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

306

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li hija ma tippermettix lill-Istati Membri jiżguraw l-eżerċizzju effettiv tar-responsabbiltajiet tagħhom li jżommu l-ordni pubbliku u l-ħarsien tas-sigurtà interna skont l-Artikolu 72 TFUE, ħaġa li hija iktar serja minħabba l-fatt li din id-deċiżjoni tagħti lok għal ħafna movimenti msejħa “sekondarji”, ipprovokati mill-ħruġ tal-applikanti mill-Istat Membru ospitanti tagħhom qabel ma dan tal-aħħar ikun seta’ jiddeċiedi definittivament dwar l-applikazzjoni tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

307

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, b’mod partikolari, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sigurtà nazzjonali u l-ordni pubbliku matul il-proċedura ta’ rilokazzjoni kollha, sat-trasferiment effettiv tal-applikant, u li, f’dan il-kuntest, id-drittijiet fundamentali tal-applikant, inklużi regoli rilevanti dwar il-protezzjoni ta’ data, għandhom jiġu osservati bis-sħiħ.

308

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata, intitolat “Proċedura ta’ rilokazzjoni” jipprevedi, fil-paragrafu 7 tiegħu, li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jirrifjutaw li jirrilokaw applikant biss meta jeżistu motivi raġonevoli sabiex jitqies li jkun ta’ perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew għall-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom.

309

Kieku, hekk kif issostni r-Repubblika tal-Polonja, il-mekkaniżmu li jipprevedi l-Artikolu 5(7) tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx effikaċi peress li jobbliga lill-Istati Membri jikkontrollaw numru kbir ta’ persuni fi żmien qasir, tali diffikultajiet prattiċi ma jidhrux li huma inerenti għall-imsemmi mekkaniżmu u għandhom, skont il-każ, jiġu solvuti fl-ispritu ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji mir-rilokazzjoni u dawk tal-Istati Membri ta’ rilokazzjoni, li għandu jipprevali fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-proċedura ta’ rilokazzjoni prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni.

310

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-għaxar motiv tal-Ungerija għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2. Fuq it-tmien motiv tal-Ungerija, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Genève

a) L-argumenti tal-partijiet

311

L-Ungerija, sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja, issostni, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva peress li, fuq diversi punti, hija ma tindikax b’mod ċar il-mod kif id-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni għandhom jiġu applikati u lanqas kif dawn jirrelataw mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III.

312

Għaldaqstant, għalkemm il-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata tindirizza l-kwistjoni ta’ garanziji legali u proċedurali li jikkonċernaw id‑deċiżjonijiet ta’ rilokazzjoni, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi ma tirregola din il-materja jew tirreferi għad‑dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Dublin III. Dan joħloq problema b’mod partikolari mill-perspettiva tad-dritt ta’ rimedju tal‑applikanti, b’mod partikolari dawk li ma jkunux innominati sabiex jiġu rrilokati.

313

Id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma tistabbilixxi b’mod ċar il-kriterji ta’ għażla għar-rilokazzjoni tal-applikanti. Il-mod li bih l-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji jintalbu jiddeċiedu dwar it-trasferiment tal-applikanti lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni jkollu l-effett li jkun diffiċli ferm għal dawn l-applikanti li jkunu jafu a priori jekk jagħmlux parti mill-persuni rrilokati u, fl-affermattiv, f’liema Stat Membru ser jiġu rrilokati.

314

Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tiddefinixxix b’mod xieraq l-istatus tal-applikanti fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni u ma tiżgurax li dawn l-applikanti jibqgħu effettivament fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni matul iż-żmien li fih tiġi deċiża l-applikazzjoni tagħhom. F’dak li jirrigwarda l‑movimenti msejħa “sekondarji”, l-Artikolu 6(5) tad-deċiżjoni kkontestata ma jippermettix, waħdu, li jiġi żgurat li din id-deċiżjoni tilħaq l-għanijiet tagħha, jiġifieri t-tqassim tal-applikanti bejn l-Istati Membri, jekk ma jiġix żgurat li l-applikanti jibqgħu effettivament fl-Istati Membri ta’ rilokazzjoni.

315

Fit-tieni lok, il-fatt li l-applikanti jirriskjaw, jekk ikun il-każ, li jiġu rrilokati lejn Stat Membru li miegħu ma għandhom l-ebda rabta partikolari jqajjem il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tkunx, f’dan ir-rigward, kompatibbli mal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, [Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)], flimkien mal-Protokoll dwar l-istatus tar‑refuġjati tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”).

316

Fil-fatt, l-Ungerija ssostni li, skont l-interpretazzjoni adottata fil-punt 192 tal-Gwida tal-proċeduri u kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal‑1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l‑istatus ta’ refuġjati [Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR), Mejju 1992], l-applikant għandu jiġi awtorizzat jgħix fit-territorju tal-Istat Membru li fih huwa jressaq l-applikazzjoni tiegħu sakemm l-awtoritajiet ta’ dan il-pajjiż jieħdu deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni.

317

Dan id-dritt li wieħed jibqa’ fl-imsemmi Stat Membru huwa wkoll irrikonoxxut fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

318

Issa, id-deċiżjoni kkontestata tipprekludi lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali mill-imsemmi dritt u tippermetti r-rilokazzjoni tagħhom mingħajr il-kunsens tagħhom lejn Stat Membru ieħor li miegħu ma jkollhom ebda rabta sinjifikattiva.

319

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-istandards tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem essenzjalment minħabba l-fatt li hija tissostitwixxi s-sistema prevista mir-Regolament Dublin III, filwaqt li ma tipprevedi ebda kriterju ċar li jiddetermina l-Istat Membru li lejh l-applikant ser jiġi rrilokat fid-dawl tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

320

Il-persuni li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali jistgħu, taħt id-deċiżjoni kkontestata, jiġu rrilokati f’reġjuni mbegħda tal-Unjoni li magħhom huma ma għandhom ebda rabta kulturali jew soċjali, u dan jirrendi impossibbli li huma jiġu integrati fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

321

Fl-ewwel lok, il-Kunsill jikkontesta l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata ma tosservax il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva. Din hija miżura ta’ emerġenza li tagħmel parti, minn naħa, mill-acquis li jirrigwarda s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil, li bħala prinċipju jibqa’ kompletament applikabbli u, min-naħa l-oħra, mill-ordinament ġuridiku maħluq mis-sistema ta’ Trattati kif ukoll mill-Karta.

322

Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tad-dritt li wieħed jibqa’ fit-territorju hekk kif inhu żgurat mill-Konvenzjoni ta’ Genève, il-Kunsill isostni li la din il-konvenzjoni u lanqas id-dritt tal-Unjoni ma jiggarantixxu lil applikant għal ażil id-dritt li jagħżel liberament il-pajjiż ospitanti tiegħu.

b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

323

Għal dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva, għandu jitfakkar li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi sett ta’ miżuri provviżorji, li jinkludu mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanja li ma jidderogax mill-acquis li jirrigwarda s-sistema komuni fil-qasam tal-ażil ħlief fuq ċerti punti preċiżi u elenkati b’mod espress. Dan il-mekkaniżmu jagħmel parti integrali minn dan l-acquis, b’tali mod li dan tal-aħħar jibqa’, b’mod ġenerali, applikabbli.

324

F’din il-prespettiva, il-Kunsill osserva l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza leġiżlattiva filwaqt li ppreċiża, b’mod partikolari fil-premessi 23, 24, 35, 36 u 40 tad-deċiżjoni kkontestata, l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-att u dawk ta’ atti leġiżlattivi adottati fil-kuntest tal-politika komuni fil-qasam tal-ażil tal-Unjoni.

325

Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat dritt għal rimedju effettiv fuq livell nazzjonali, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, kontra kull deċiżjoni li għandha tittieħed minn awtorità nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, bħal dik prevista fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

326

L-Ungerija tikkritika wkoll id-deċiżjoni kkontestata inkwantu hija ma tinkludix regoli effettivi li jiżguraw li l-applikanti jibqgħu fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom jew, fi kliem ieħor, li jiżguraw li jiġu evitati l-movimenti msejħa “sekondarji”.

327

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-premessi 38 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata jinvokaw, b’mod suffiċjentement iddettaljat u preċiż, il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jiġi evitat dan it-tip ta’ moviment, abbażi ta’ diversi atti leġiżlattivi tal-Unjoni li jagħmlu parti mill-acquis li jirrigwarda l-politika komuni fil-qasam tal-ażil.

328

Barra minn hekk, id-dispożizzjoni tal-Artikolu 6(5) tad-deċiżjoni kkontestata tipprevedi, b’mod ċar u preċiż, li l-applikant jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali li jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni mingħajr ma jissodisfa l-kundizzjonijiet għal soġġorn f’dan l-Istat tal-aħħar, għandu jirritorna immedjatament fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni tiegħu.

329

Għal dak li jirrigwarda l-kritika tal-Ungerija li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix kriterji sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 ta’ din id-deċiżjoni, u kif ġie rrilevat, b’mod partikolari, fil-punti 253 u 291 sa 293 tas-sentenza preżenti, l-imsemmija deċiżjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 80 TFUE, li huwa applikabbli fl-implementazzjoni tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil u, b’mod partikolari, matul l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji bbażati fuq l-Artikolu 78(3) TFUE, u li minnu jirriżulta li d-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq kriterji marbuta mas-solidarjetà jew mat-tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri.

330

Għandu jingħad ukoll, minn naħa, li l-Artikolu 6(1) u (2) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi ċerti kriterji speċifiċi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, marbuta mal-aħjar interess tat-tfal u mar-rabtiet familjali u li huma, barra minn hekk, analogi għal dawk li jipprevedi r-Regolament Dublin III.

331

Min-naħa l-oħra, il-premessa 34 tad-deċiżjoni kkontestata telenka sett ta’ elementi li huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex l-applikanti jiġu rrilokati lejn Stat Membru li miegħu jkolhom xi rabtiet familjari, kulturali jew soċjali li jkollhom jittieħdu partikolarment inkunsiderazzjoni meta jintgħażel l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni u dan bil-għan li l-applikanti jiġu integrati fi ħdan dan l-Istat Membru.

332

Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi deskritta bħala li tinkludi sistema arbitrarja li tissostitwixxi s-sistema oġġettiva stabbilita mir-Regolament Dublin III.

333

Bil-kontra, fl-aħħar mill-aħħar dawn iż-żewġ sistemi ma humiex sostanzjalment differenti minn xulxin, fis-sens li s-sistema stabbilita mid-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, l-istess bħas-sistema stabbilita mir-Regolament Dublin III, fuq kriterij oġġettivi u mhux fuq l-espressjoni ta’ preferenza mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali.

334

B’mod partikolari, ir-regola tar-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-ewwel dħul, prevista fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III, li hija l-unika regola ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jipprevedi dan ir-regolament li minnu tidderoga d-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex marbuta mal-preferenzi tal-applikant għal Stat Membru ospitanti partikolari u ma hijiex intiża speċifikament li tiżgura li teżisti rabta lingwistika, kulturali jew soċjali bejn dan l-applikant u l-Istat Membru responsabbli.

335

Barra minn hekk, għalkemm, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni, il-kunsens tal-applikant għar-rilokazzjoni tiegħu ma huwiex previst, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 6(3) tad-deċiżjoni kkontestata jipprevedi li, qabel id-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni, huwa jiġi informat bil-fatt li huwa suġġett għal tali proċedura u li l-Artikolu 6(4) ta’ din id-deċiżjoni jobbliga lill-awtoritajiet tal-Istat Membru benefiċjarju kkonċernat jikkomunika lill-applikant id-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni qabel ir-rilokazzjoni effettiva, liema deċiżjoni għandha tippreċiza l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.

336

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, l-assenza ta’ possibbiltà għall-applikanti li jagħżlu l-Istat Membru li ser ikun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom tiġġustifika li dawn għandhom ikollhom dritt ta’ rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali tagħhom.

337

Fl-aħħar nett, għalkemm ċertu marġni ta’ diskrezzjoni huwa rriżervat għall-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji meta huma jintalbu, skont l-Artikolu 5(3) tad-deċiżjoni kkontestata, jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rrilokati lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni partikolari, tali marġni huwa ġġustifikat fid-dawl tal-għan ta’ din id-deċiżjoni, li tappoġġja s-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana billi tirriloka numru kbir ta’ applikanti, fi żmien qasir u b’mod effettiv, lejn Stati Membri oħrajn fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta.

338

Fit-tieni lok, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Ungerija, ma jistax jiġi sostnut validament li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tipprevedi t-trasferiment ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu, tmur kontra l-Konvenzjoni ta’ Genève, peress li din il-konvenzjoni tinkludi d-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat fejn ikun issottometta l-applikazzjoni sakemm hija tkun għadha pendenti.

339

F’dan ir-rigward, il-Kunsill ġustament fakkar, fil-premessa 35 tad-deċiżjoni kkontestata, li d-dritt tal-Unjoni ma jippermettix lill-applikanti jgħażlu l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-kriterji li jipprevedi r-Regolament Dublin III sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma humiex marbuta mal-preferenzi tal-applikant għal Stat Membru ospitanti partikolari.

340

Fir-rigward, sussegwentement, tas-silta tal-Gwida tal-proċeduri u kriterji li għandhom jiġu applikati sabiex jiġi stabbilit l-istatus ta’ refuġjat fir-rigward tal-Konvenzjoni tal‑1951 u tal-Protokoll tal-1967 dwar l‑istatus ta’ refuġjati li ssemmi l-Ungerija, ma jistax jiġi dedott minnha li l-Konvenzjoni ta’ Genève tiggarantixxi, lil applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-dritt li jibqa’ fl-Istat fejn ikun issottometta l-applikazzjoni għal protezzjoni sakemm hija tkun pendenti.

341

Fil-fatt, din is-silta għandha tinftiehem li hija espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ non-refoulement li jipprojbixxi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jitkeċċa lejn pajjiż terz meta ma tkunx għadha ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu.

342

Issa, it-trasferiment fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru lejn ieħor sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata f’termini raġonevoli ma jistax jitqies li huwa refoulement lejn Stat terz.

343

Bil-kontra, din hija miżura ta’ ġestjoni ta’ kriżi, meħuda fuq livell tal-Unjoni, intiża li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv, fl-osservanza tal- Konvenzjoni ta’ Genève, tad-dritt fundamentali għal ażil, kif stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta.

344

Minn dan isegwi li t-tmien motiv tal-Ungerija għandu jiġi miċħud bħala infondat.

345

Peress li ma seta’ jiġi milqugħ ebda motiv imqajjem mir-Repubblika Slovakka u mill-Ungerija, ir-rikorsi għandhom jiġu miċħuda.

IV. Fuq l-ispejjeż

346

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Slovakka u l-Ungerija tilfu l-kawżi rispettivi tagħhom, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

347

Konformement mal-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikorsi huma miċħuda.

 

2)

Ir-Repubblika Slovakka u l-Ungerija huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: is-Slovakk u l-Ungeriż.