SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ċittadinanza tal-Unjoni — Artikolu 21 TFUE — Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri — Ċittadin li għandu kemm in-nazzjonalità tal-Istat Membru tar-residenza tiegħu kif ukoll tal-Istat Membru tat-twelid tiegħu — Bdil tal-kunjom fl-Istat Membru tat-twelid mingħajr residenza abitwali — Isem li jikkorrispondi mal-isem tat-twelid — Talba għar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem fir-reġistru tal-istatus ċivili tal-Istat Membru ta’ residenza — Ċaħda ta’ din it-talba — Raġuni — Nuqqas ta’ ksib tal-isem matul residenza abitwali — Eżistenza ta’ proċeduri oħra tad-dritt nazzjonali sabiex jinkiseb ir-rikonoxximent tal-istess isem”

Fil-Kawża C-541/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Wuppertal (qorti distrettwali ta’ Wuppertal, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ottubru 2015, fil-proċedura mibdija minn

Mircea Florian Freitag

fil-preżenza ta’:

Angela Freitag,

Vica Pavel,

Stadt Wuppertal,

Oberbürgermeister der Stadt Wuppertal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Settembru 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Hellmann u T. Henze, kif ukoll minn J. Mentgen, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn M. Castelo-Branco, bħala aġenti,

għall-Gvern Rumen, minn A. Wellman u R. H. Radu, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u G. von Rintelen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-24 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE u 21 TFUE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Mircea Florian Freitag dwar ir-rikonoxximent, fil-Ġermanja, u r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-istatus ċivili ta’ bdil ta’ kunjom għal isem legalment miksub fir-Rumanija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi ta’ introduzzjoni għall-kodiċi ċivili

3

L-Artikolu 5 tal-Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch (liġi ta’ introduzzjoni għall-kodiċi ċivili), tal-21 ta’ Settembru 1994 (BGBl. 1994 I, p. 2494, u rettifika BGB1. 1997 I, p. 1061), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“EGBGB”), intitolat “Status personali”, jipprovdi, fl-ewwel u fit-tieni sentenzi tal-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta jsir riferiment għad-dritt tal-Istat li persuna jkollha n-nazzjonalità tiegħu u din ikollha diversi nazzjonalitajiet, għandu jiġi applikat id-dritt tal-Istat li miegħu din il-persuna għandha l-iktar rabta stretta, b’mod partikolari minħabba r-residenza abitwali tagħha jew minħabba l-ġrajjiet ta’ ħajjitha. Jekk l-imsemmija persuna hija wkoll ta’ nazzjonalità Ġermaniża, din is-sitwazzjoni ġuridika tipprevali.”

4

L-Artikolu 10 tal-EGBGB, intitolat “Isem”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-isem ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat li din il-persuna hija ċittadina tiegħu.”

5

L-Artikolu 48 tal-EGBGB, intitolat “Għażla ta’ isem miksub fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni”, jistipula:

“Jekk id-dritt Ġermaniż japplika għall-isem ta’ persuna, din tista’ tagħżel, permezz ta’ dikjarazzjoni fl-uffiċċju tal-istatus ċivili, l-isem miksub matul residenza abitwali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u rreġistrat fir-reġistru tal-istatus ċivili, sakemm prinċipji essenzjali tad-dritt Ġermaniż ma jipprekludux dan b’mod manifest. L-għażla tal-isem hija retroattiva għad-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-istatus ċivili tal-Istat Membru l-ieħor, ħlief jekk il-persuna tiddikjara espressament li l-għażla tal-isem għandu jkollha effett biss għall-futur. Id-dikjarazzjoni għandha tkun awtentikata jew tkun is-suġġett ta’ att awtentikat. […]”

Il-liġi dwar il-bdil tal-isem

6

Fid-dritt Ġermaniż, il-bdil tal-isem huwa rregolat mid-dritt pubbliku, speċifikament mill-proċedura prevista mill-Gesetz über die Änderung von Familiennamen und Vornamen (NamÄndG) (liġi dwar il-bdil tal-kunjom u tal-ewwel isem), tal-5 ta’ Jannar 1938 (RGBl. 1938 I, p. 9), kif emendata bl-Artikolu 54 tal-liġi tas-17 ta’ Diċembru 2008 (BGBl. 2008 I, p. 2586) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-bdil tal-isem”).

7

L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem huwa fformulat kif ġej:

“Il-kunjom ta’ ċittadin Ġermaniż jew ta’ individwu mingħajr Stat li għandu d-domiċilju jew il-post ta’ residenza abitwali tiegħu [fil-Ġermanja] jista’ jinbidel fuq talba tiegħu.”

8

L-Artikolu 3(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Kunjom jista’ jinbidel biss jekk raġuni serja tiġġustifika dan il-bdil”.

9

Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem, iċ-ċirkustanzi tal-każ li huma rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni għandhom jiġu evalwati ex officio.

10

Skont l-Artikolu 5(1) tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem, it-talba għall-bdil tal-kunjom għandha ssir quddiem l-awtorità amministrattiva inferjuri fid-distrett fejn l-applikant joqgħod jew għandu residenza.

11

Il-punt 27(1) tal-Allgemeine Verwaltungsvorschrift zum Gesetz über die Änderung von Familiennamen und Vornamen (NamÄndVwV) (regolament amministrattiv ġenerali relatat mal-liġi dwar il-bdil tal-kunjom u tal-ewwel isem), tal-11 ta’ Awwissu 1980, kif emendat l-aħħar mir-regolament amministrattiv tal-11 ta’ Frar 2014 (BAnz. AT, tat-18 ta’ Frar 2014, B2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament relatat mal-liġi dwar il-bdil tal-isem”), huwa fformulat kif ġej:

“L-isem tal-persuni huwa rregolat fid-dettall u – fil-prinċipju – b’mod eżawrjenti mid-dispożizzjonijet rilevanti tad-dritt ċivili. Il-bdil tal-isem, li jaqa’ taħt id-dritt amministrattiv pubbliku, huwa intiż sabiex ineħħi l-effetti ta’ ħsara f’każ speċifiku. Dan huwa ta’ natura eċċezzjonali. Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat bi prijorità jekk l-għan imfittex jistax jintlaħaq b’dikjarazzjoni ta’ bdil tal-isem skont id-dritt ċivili jew b’digriet tal-qorti ta’ tutela.”

12

Il-punt 28 ta’ dan ir-regolament jistipula:

“Kunjom jista’ jinbidel biss jekk raġuni serja tiġġustifika dan il-bdil. Ikun hemm raġuni serja meta l-interess leġittimu tal-applikant […] għall-bdil tal-isem ikun ikbar mill-interessi leġittimi possibbilment kuntrarji ta’ partijiet interessati oħra […] u mill-prinċipji relatati mal-isem li joħorġu mid-dispożizzjonijiet legali, fosthom il-funzjoni regolatorja soċjali tal-isem u l-interess pubbliku għaż-żamma tal-isem trażmess […]”

13

Skont il-punt 31 tal-imsemmi regolament:

“Jekk l-ibbilanċjar tal-interessi li għandu jsir konformement mal-punt 28 juri interess leġittimu ikbar tal-applikant għall-bdil tal-kunjom u li konsegwentement hemm raġuni serja għall-bdil ta’ kunjomu, it-talba għandha b’mod ġenerali tintlaqa’. Elementi li diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-interessi intiż sabiex jistabbilixxi li hemm raġuni serja ma jistgħux iktar jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala raġunijiet diskrezzjonali. Jekk ma hemmx raġuni serja li tiġġustifika l-bdil tal-isem, it-talba għandha tiġi miċħuda.”

14

Il-punt 49 tar-Regolament relatat mal-liġi dwar il-bdil tal-isem jipprevedi:

“Meta ċittadin Ġermaniż li għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat ieħor, ikollu, skont id-dritt tal-imsemmi Stat ieħor, kunjom differenti minn dak li huwa legalment marbut li juża fit-territorju fejn tapplika l-liġi, din id-diversità fl-użu tal-kunjom tista’ tiġi solvuta billi jinbidel il-kunjom li għandu jintuża fit-territorju rregolat mil-liġi Ġermaniża bil-kunjom li għandu jintuża skont id-dritt tal-Istat l-ieħor. Jekk, min-naħa l-oħra, l-individwu kkonċernat għandu jirrinunzja għall-kunjom l-ieħor, dan għandu jirrikorri għand l-awtoritajiet tal-Istat li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità.”

15

Meta l-awtorità amministrattiva kompetenti tirrifjuta l-bdil tal-isem, il-possibbiltajiet ta’ azzjoni amministrattiva huma miftuħa kontra tali deċiżjoni ta’ rifjut. Meta, min-naħa l-oħra, l-awtorità amministrattiva kompetenti tilqa’ t-talba għal bdil tal-kunjom, din għandha tiżgura li l-bdil tal-isem iwassal għal aġġornament jew tkun ikkonstatata fir-reġistru tal-istatus ċivili.

Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali twieled fil-25 ta’ April 1986 fir-Rumanija bil-kunjom Pavel. Huwa iben Angela Freitag u Vica Pavel, ċittadini Rumeni, u għandu n-nazzjonalità Rumena.

17

Wara d-divorzju tal-ġenituri tiegħu, ommu żżewġet ċittadin Ġermaniż, bil-kunjom ta’ Freitag.

18

Permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja tal-21 ta’ Mejju 1997, dan adotta lir-rikorrent fil-kawża prinċipali u b’hekk ir-rikorrent kiseb in-nazzjonalità Ġermaniża u minn dakinhar beda juża l-kunjom Freitag.

19

B’deċiżjoni tal-Kunsill tad-Distrett ta’ Brașov (ir-Rumanija) tad-9 ta’ Lulju 2013, il-kunjom tar-rikorrent fil-kawża prinċipali reġa’ sar Pavel fuq talba ta’ dan tal-aħħar. Matul il-proċedura tal-bdil tal-kunjom fir-Rumanija, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja.

20

Sussegwentement, huwa rrikorra għand l-iStandesamt der Stadt Wuppertal (uffiċċju tal-istatus ċivili ta’ Wuppertal, il-Ġermanja) fejn ppreżenta l-passaport il-ġdid tiegħu bil-kunjom Pavel u talab li l-bdil fl-isem jiġi rrikonoxxut ukoll mid-dritt Ġermaniż u li r-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-istatus ċivili li tikkonċernah issir f’dan is-sens.

21

Peress li kellhom dubji fir-rigward tal-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni ta’ att sussegwenti fir-reġistru tal-istatus ċivili, l-Uffiċċju tal-istatus ċivili ta’ Wuppertal u l-Oberbürgermeister der Stadt Wuppertal (sindku ta’ Wuppertal, il-Ġermanja) ressqu l-kwistjoni għall-evalwazzjoni tal-Amtsgericht Wuppertal (qorti distrettwali ta’ Wuppertal, il-Ġermanja).

22

Skont il-qorti tar-rinviju, sa fejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu r-residenza abitwali tiegħu fil-Ġermanja matul il-proċedura tal-bdil tal-isem fir-Rumanija, l-Artikolu 48 tal-EGBGB ma huwiex applikabbli, peress li din id-dispożizzjoni tissuġġetta d-dritt tal-għażla, b’dikjarazzjoni fl-uffiċċju tal-istatus ċivili, ta’ isem miksub fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni għall-kundizzjoni li l-isem inkwistjoni jkun inkiseb matul residenza abitwali f’dan l-Istat Membru ieħor, kundizzjoni li ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

23

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li lanqas ma hija possibbli applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 48 tal-EGBGB. Mid-dokumenti relatati mal-proċedura leġiżlattiva jirriżulta li l-leġiżlatur ried b’mod partikolari jimplementa r-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul (C-353/06, EU:C:2008:559), u li huwa kien konxju mill-fatt li s-sitwazzjonijiet kollha ta’ diverġenza fil-kunjomijiet ma jaqgħux taħt din id-dispożizzjoni.

24

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE jobbligawx ir-rikonoxximent tal-bdil tal-kunjom li sseħħ fi Stat Membru ieħor meta l-parti kkonċernata ma jkollhiex ir-residenza abitwali tagħha f’dan l-Istat Membru ieħor, iżda jkollha rabta oħra miegħu minħabba n-nazzjonalità doppja tagħha.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Wuppertal (qorti distrettwali ta’ Wuppertal) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru huma marbuta jirrikonoxxu l-bidla ta’ isem ċittadin tal-imsemmi Stat Membru meta tali ċittadin ikun fl-istess ħin ċittadin ta’ Stat Membru ieħor u jkun kiseb (għal darba oħra), f’dan l-aħħar Stat Membru, il-kunjom oriġinali tiegħu mogħti fit-twelid, permezz ta’ bidla fl-isem li ma kinitx relatata ma’ bidla fl-istatus skont id-dritt tal-familja, minkejja li dan l-isem ma kienx akkwistat matul residenza abitwali taċ-ċittadin fl-Istat Membru l-ieħor u li kien ġie akkwistat fuq talba ta’ dan iċ-ċittadin?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

26

B’mod preliminari, għandu jiġi indikat li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 48 tal-EGBGB, meta, bid-domanda tagħha, hija tistaqsi dwar jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE jipprekludux li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom legalment miksub, minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor li tiegħu għandu wkoll in-nazzjonalità, meta dan ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu fl-istess Stat Membru ieħor.

27

Għandu jiġi rrilevat li, fid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-eżistenza, enfasizzata wkoll mill-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea, ta’ proċedura distinta, li taqa’ taħt id-dritt pubbliku, li hija prevista mil-Liġi dwar il-bdil tal-isem u li tippermetti li jintalab, mingħand l-awtorità amministrattiva, il-bdil tal-isem.

28

Din il-proċedura fuq il-bażi tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem hija, skont il-Gvern Ġermaniż, applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, sa fejn, anki jekk l-Artikolu 48 tal-EGBGB huwa, fil-prinċipju, applikabbli għal dan tal-aħħar, huwa madankollu ma jissodisfax il-kundizzjoni ta’ residenza abitwali fi Stat Membru ieħor meħtieġa minn din id-dispożizzjoni. Skont il-Gvern Ġermaniż, il-proċedura skont il-Liġi dwar il-bdil tal-isem tippermetti persuna, f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jikseb id-dritt li juża l-isem miksub skont id-dritt ta’ Stat Membru ieħor billi jressaq talba f’dan is-sens quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti.

29

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li tkun tressqet quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (ara, partikolarment, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C-5/12, EU:C:2013:571, punt 40).

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem bħala li tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li l-uffiċċju tal-istatus ċivili ta’ Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi u li jirreġistra fir-reġistru tal-istatus ċivili l-isem legalment miksub minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru, fi Stat Membru ieħor li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità, u li jikkorrispondi mal-isem tat-twelid tiegħu, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li tintalab tali reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem l-uffiċċju tal-istatus ċivili għall-kundizzjoni li dan l-isem ikun inkiseb matul residenza abitwali f’dan l-Istat Membru l-ieħor, meta dispożizzjonijiet oħra tad-dritt nazzjonali jippermettu lill-istess ċittadin iressaq talba għall-bdil tal-isem quddiem awtorità oħra, li għandha s-setgħa diskrezzjonali sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba.

31

Għandu jingħad ukoll li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 21 TFUE ma jipprevedix biss id-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, iżda wkoll projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn et Wardyn, C-391/09, EU:C:2011:291, punt 65; ara, b’analoġija, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 34).

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

32

B’mod preliminari, għandu jiġi eżaminat jekk is-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tar-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju, minn ċittadin tal-Unjoni, tad-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

33

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, minkejja li fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli li jirregolaw il-mod ta’ kif jinkiteb fl-atti tal-istatus ċivili l-kunjom ta’ persuna jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar xorta waħda għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri rrikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, EU:C:2003:539, punt 25; tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C-353/06, EU:C:2008:559, punt 16; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C-208/09, EU:C:2010:806, punti 3839; tat-12 ta’ Mejju 2016, Runevič-Vardyn u Wardyn, C-391/09, EU:C:2011:291, punt 63, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 32).

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, teżisti rabta mad-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-persuni ċittadini ta’ Stat Membru li jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, EU:C:2003:539, punt 27). Dan huwa l-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li għandu nazzjonalità Rumena u jirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li tagħha għandu wkoll in-nazzjonalità.

Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE

35

Għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ lil ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li eżerċitaw il-libertà tagħhom ta’ moviment u ta’ residenza fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet irrikonoxxuti mill‑Artikolu 21(1) TFUE lil kull ċittadin tal-Unjoni (sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2008, Grunkin u Paul, C-353/06, EU:C:2008:559, punt 21; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C-208/09, EU:C:2010:806, punt 53; tat-12 ta’ Mejju 2016, Runevič-Vardyn u Wardyn, C-391/09, EU:C:2011:291, punt 68, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 36).

36

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li r-rifjut, mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxu l-isem ta’ ċittadin ta’ dan l-Istat, li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u li għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, kif iddeterminat f’dan l-Istat Membru tal-aħħar, jista’ jostakola l-eżerċizzju tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-fatt, konfużjoni u inkonvenjenzi jistgħu jinħolqu minn diverġenza bejn iż-żewġ ismijiet użati għall-istess persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 37).

37

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li diversi azzjonijiet ta’ kuljum, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll f’dak privat, jeżiġu li persuna tipproduċi prova tal-identità tagħha u, fir-rigward ta’ familja, il-prova tan-natura tar-rabtiet familjari li jeżistu bejn id-diversi membri tagħha (sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2011, Runevič-Vardyn u Wardyn, C 391/09, EU:C:2011:291, punt 73, kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 43).

38

Għal ċittadin li għandu nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri, bħalma huwa l-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, hemm riskju konkret, minħabba l-fatt tal-użu ta’ żewġ kunjomijiet differenti, jiġifieri Pavel u Freitag, li jkollu jneħħi dubji fir-rigward tal-identità tiegħu kif ukoll fir-rigward tal-awtentiċità tad-dokumenti li huwa jressaq jew tal-veraċità tad-data inkluża fihom, u dan, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat, jikkostitwixxi fatt ta’ natura li jostakola l-eżerċizzju tad-dritt li joħroġ mill-Artikolu 21 TFUE (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Sayn-Wittgenstein, C-208/09, EU:C:2010:806, punt 70, u tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff, C-438/14, EU:C:2016:401, punt 40).

39

Konsegwentement, ir-rifjut, mill-uffiċċju tal-istatus ċivili ta’ Stat Membru, li jirrikonoxxi u li jirreġistra fir-reġistri tal-istatus ċivili l-isem legalment miksub minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li tintalab tali reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem l-uffiċċju tal-istatus ċivili għall-kundizzjoni li l-imsemmi isem ikun inkiseb matul residenza abitwali fi Stat Membru ieħor, jista’ jostakola l-eżerċizzju tad-dritt, stipulat fl-Artikolu 21 TFUE, ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri.

40

Madankollu, il-Gvern Ġermaniż isostni li, peress li d-dritt Ġermaniż jinkludi bażijiet legali oħra sabiex isir il-bdil tal-isem fuq it-talba tal-parti kkonċernata, jiġifieri d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem, ma hemm ebda ostakolu għall-moviment liberu tal-persuni li jista’ jirriżulta minn diverġenza ta’ kunjomijiet. Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem jissuġġetta tali bdil għall-kundizzjoni li dan ikun iġġustifikat b’raġuni serja, mill-punt 49 tar-regoli relatati mal-Liġi dwar il-bdil tal-isem jirriżulta li l-eliminazzjoni ta’ diverġenza ta’ kunjomijiet fir-rigward ta’ ċittadini Ġermaniżi li għandhom nazzjonalità doppja tikkostitwixxi tali raġuni serja. B’hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-parti kkonċernata tkun tista’ tikseb ir-rikonoxximent tal-isem legalment adottat fl-Istat Membru l-ieħor billi tressaq talba skont il-Liġi dwar il-bdil tal-isem quddiem l-awtorità amministrattiva kompetenti.

41

F’dan ir-rigward, sabiex leġiżlazzjoni bħal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-isem, meqjusa fit-totalità tagħha, tkun tista’ titqies li hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, jeħtieġ li d-dispożizzjonijiet jew il-proċedura interna li tippermetti li titressaq talba għall-bdil tal-isem ma jrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implementazzjoni tad-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE. Bħala prinċipju, ftit li xejn jimporta, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, liema hija d-dispożizzjoni nazzjonali jew il-proċedura interna li skontha r-rikorrent jista’ jafferma d-drittijiet tiegħu li jikkonċernaw ismu.

42

Fil-fatt, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-bdil tal-kunjom, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali u maħsuba sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, kemm-il darba, minn naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw drittijiet li joriġinaw mill-ordinament ġuridiku intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger, C-300/04, EU:C:2006:545, punt 67; tat-3 ta’ Lulju 2014,Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C-129/13 u C-130/13, EU:C:2014:2041, punt 75, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2017, Euro Park Service, C-14/16, EU:C:2017:177, punt 36).

43

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk huwiex possibbli li timplementa hija stess id-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 21 TFUE u li tirrikonoxxi d-dritt għar-rikonoxximent tal-isem miksub f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali jew, jekk hemmx lok, għar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jirrikorri għall-proċedura ta’ dritt pubbliku prevista mil-Liġi dwar il-bdil tal-isem.

44

Kif ġie indikat fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-eliminazzjoni ta’ diverġenza ta’ kunjomijiet tikkostitwixxi “raġuni serja” fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi dwar il-bdil tal-isem. Barra minn hekk, l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ ċittadin bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 21 TFUE ma huwiex imqiegħed f’dubju mis-setgħa diskrezzjonali li l-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti għandhom.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, tali setgħa diskrezzjonali għandha tiġi eżerċitata mill-awtoritajiet kompetenti b’mod li tiżgura l-effett sħiħ tal-Artikolu 21 TFUE.

46

Huwa rilevanti, b’mod partikolari, li l-proċedura li teżisti fid-dritt Ġermaniż u li hija intiża sabiex tippermetti l-bdil ta’ l-isem tkun ta’ natura li tiżgura li l-eżistenza ta’ “raġuni serja” tkun tista’ tiġi kkonstatata f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, fejn il-parti kkonċernata ikollha mal-Istat Membru l-ieħor fejn kisbet isimha xi rabta ta’ konnessjoni oħra minbarra r-residenza abitwali, bħan-nazzjonalità, sabiex tippermetti r-rikonoxximent tal-isem miksub fi Stat Membru ieħor.

47

Għalhekk, għad-domanda magħmula għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-uffiċċju tal-istatus ċivili ta’ Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi u li jirreġistra fir-reġistru tal-istatus ċivili l-isem legalment miksub minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor, li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità, u li jikkorrispondi mal-isem tat-twelid tiegħu, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li tinkiseb tali reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem l-uffiċċju tal-istatus ċivili għall-kundizzjoni li dan l-isem ikun inkiseb matul residenza abitwali f’dan l-Istat Membru l-ieħor, sakemm ma jkunx hemm fid-dritt nazzjonali dispożizzjonijiet oħra li effettivament jippermettu r-rikonoxximent tal-imsemmi isem.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 21 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li l-uffiċċju tal-istatus ċivili ta’ Stat Membru jirrifjuta li jirrikonoxxi u li jirreġistra fir-reġistru tal-istatus ċivili l-isem legalment miksub minn ċittadin ta’ dan l-Istat Membru fi Stat Membru ieħor, li tiegħu huwa għandu wkoll in-nazzjonalità, u li jikkorrispondi mal-isem tat-twelid tiegħu, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tissuġġetta l-possibbiltà li tinkiseb tali reġistrazzjoni permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem l-uffiċċju tal-istatus ċivili għall-kundizzjoni li dan l-isem ikun inkiseb matul residenza abitwali f’dan l-Istat Membru l-ieħor, sakemm ma jkunx hemm fid-dritt nazzjonali dispożizzjonijiet oħra li effettivament jippermettu r-rikonoxximent tal-imsemmi isem.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.