SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Ottubru 2008 ( *1 )

“Dritt ta’ ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Dritt internazzjonali privat fir-rigward tal-kunjomijiet — Rabta biss man-nazzjonalità għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-liġi applikabbli — Wild minuri li twieled u li jirrisjedi fi Stat Membru u li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor — Nuqqas ta’ rikonoxximent fl-Istat Membru li huwa ċittadin tiegħu tal-kunjom mogħti fl-Istat Membru fejn twieled u fejn jirrisjedi”

Fil-Kawża C-353/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Amtsgericht Flensburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-, fil-kawża mressqa minn:

Stefan Grunkin,

Dorothee Regina Paul,

fil-preżenza ta’:

Leonhard Matthias Grunkin-Paul,

Standesamt Niebüll,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u M. Ilešič, Presidenti tal-Awla, G. Arestis, A. Borg Barthet, J. Malenovský, J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Diċembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S. Grunkin, minnu stess,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma kif ukoll minn J. Kemper, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

għall-Gvern Grieg, minn E.-M. Mamouna, G. Skiani u O. Patsopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull u J. Rodríguez Cárcamo, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Maidani u S. Gruenheid kif ukoll minn W. Bogensberger, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ April 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 12 KE u 18 KE.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Grunkin u D. R. Paul, minn naħa waħda, u l-iStandesamt Niebüll (Uffiċċju tar-Reġistratur tal-belt ta’ Niebüll) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jirrikonoxxi l-kunjom tat-tifel tagħhom Leonhard Matthias, kif magħżul u rreġistrat fid-Danimarka, u li jirreġistrah fid-dokument tal-istat ċivili tal-familja li nfetaħ għalihom ma’ dan l-uffiċċju.

Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

Id-dritt internazzjonali privat

3

L-Artikolu 10(1) tal-Liġi li introduċiet il-Kodiċi Ċivili (Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”) jipprovdi:

“Il-kunjom ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat taċ-ċittadinanza tagħha.”

Id-dritt ċivili

4

Rigward l-għażla tal-kunjom ta’ wild li l-ġenituri tiegħu jkollhom kunjomijiet differenti, l-Artikolu 1617 tal-Kodiċi Ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”) jipprovdi:

“(1)

Jekk il-ġenituri ma jkollhomx l-istess kunjom ta’ miżżewġin imma għandhom il-kustodja konġunta tal-wild, dawn għandhom, permezz ta’ dikjarazzjoni quddiem reġistratur, jagħżlu jew il-kunjom tal-missier jew tal-omm fiż-żmien tad-dikjarazzjoni biex ikun il-kunjom mogħti lill-wild mat-twelid. […]

(2)

Jekk il-ġenituri ma jagħmlux din id-dikjarazzjoni matul perijodu ta’ xahar wara t-twelid tal-wild, il-Familiengericht [Qorti tal-familja] għandha tittrasferixxi d-dritt tad-determinazzjoni tal-kunjom tal-wild lil wieħed mill-ġenituri. Is-subparagrafu 1 għandu japplika mutatis mutandis. Il-qorti tista’ tistabbilixxi terminu għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Jekk id-dritt tal-għażla tal-kunjom tal-wild ma jkunx ġie eżerċitat qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu, il-wild jingħata l-kunjom tal-ġenitur li lilu kien ingħata d-dritt.

(3)

Meta wild jitwieled barra mit-territorju Ġermaniż, il-qorti m’għandhiex tittrasferixxi d-dritt tal-għażla tal-kunjom tal-wild lil wieħed mill-ġenituri inkonformità mas-subparagrafu 2 sakemm ma ssirx talba f’dan is-sens minn wieħed mill-ġenituri jew mill-wild jew sakemm ma jkunx meħtieġ li l-kunjom tal-wild jiġi rreġistrat f’att Ġermaniż tal-istat ċivili jew f’karta tal-identità Ġermaniża.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

5

Leonhard Matthias Grunkin-Paul twieled fis-27 ta’ Ġunju 1998 fid-Danimarka, iben D. Paul u S. Grunkin, li dak iż-żmien kienu miżżewġin u li tnejn li huma għandhom in-nazzjonalità Ġermaniża.

6

B’mod konformi ma’ ċertifikat relattiv għall-kunjom (“navnebevis”) tal-awtorità Daniża kompetenti, dan it-tifel ingħata, skont id-dritt Daniż, il-kunjom Grunkin-Paul, li tniżżel fl-att tat-twelid Daniż.

7

L-Uffiċċju tar-Reġistratur Ġermaniż irrifjuta li jirrikonoxxi l-kunjom tat-tifel kif kien intgħażel fid-Danimarka, għar-raġuni li, skont l-Artikolu 10 tal-EGBGB, il-kunjom ta’ persuna huwa rregolat mil-liġi tal-Istat tan-nazzjonalità tagħha u li d-dritt Ġermaniż ma jippermettix li t-tfal ikollhom kunjom doppju, kompost minn dak tal-missier u dak tal-omm. Ir-rikorsi ppreżentati mill-ġenituri tat-tifel Leonhard Matthias kontra dan ir-rifjut ġew miċħudin.

8

Il-ġenituri tat-tifel, li ddivorzjaw fil-frattemp, ma kellhomx l-istess kunjom u rrifjutaw li jagħżlu l-kunjom tat-tifel b’mod konformi mal-Artikolu 1617(1) tal-BGB.

9

L-Amtsgericht Niebüll ġiet adita mill-iStandesamt Niebüll sabiex tiddeċiedi dwar it-trasferiment minn wieħed mill-ġenituri ta’ Leonhard Matthias tad-dritt li jagħżel il-kunjom tat-tifel skont l-Artikolu 1617(2) u (3) tal-BGB. Dik il-qorti ssospendiet il-proċedimenti u għamlet domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE. Fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ April 2006, Standesamt Stadt Niebüll (C-96/04, Ġabra p. I-3561), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Amtsgericht Niebüll, li kellha quddiemha kwistjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti mhux kontenzjużi, kienet qed taġixxi bħala awtorità amministrattiva mingħajr, fl-istess ħin, ma kienet qed tintalab tiddeċiedi kawża u b’hekk ma setgħetx tiġi kkunsidrata bħala li teżerċita funzjoni ta’ qorti. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ruħha inkompetenti biex tirrispondi d-domanda magħmula.

10

Fit-30 ta’ April 2006, il-ġenituri tat-tifel Leonhard Matthias talbu lill-awtorità kompetenti li huwa jiġi rreġistrat bil-kunjom Grunkin-Paul fid-dokument tal-istat ċivili tal-familja miżmum f’Niebüll. Permezz ta’ deċiżjoni tal-, l-iStandesamt Niebüll irrifjuta li jirreġistrah hekk għar-raġuni li d-dritt Ġermaniż dwar il-kunjomijiet ma jippermettix li jsir hekk.

11

Fis-6 ta’ Mejju 2006, l-Amtsgericht Flensburg ġiet adita mill-ġenituri tat-tifel b’talba sabiex todna lill-iStandesamt Niebüll jirrikonoxxi l-kunjom tat-tifel tagħhom kif magħżul u rreġistrat fid-Danimarka u sabiex iniżżlu fid-dokument tal-istat ċivili tal-familja bl-isem Leonhard Matthias Grunkin-Paul.

12

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li mhuwiex possibbli li tordna lill-iStandesamt Niebüll sabiex tirreġistra kunjom mhux permess mid-dritt Ġermaniż, iżda għandha xi dubji dwar il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju peress li ċittadin tal-Unjoni huwa kostrett juża kunjom differenti fi Stati Membri differenti.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Flensburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni stabbilita bl-Artikolu 12 KE u fid-dawl tad-dritt għal moviment liberu ta’ kull ċittadin tal-Unjoni stipulat fl-Artikolu 18 tat-Trattat KE, id-dispożizzjoni dwar il-kunflitt bejn liġijiet li tinsab fl-Artikolu 10 tal-EGBGB hija valida safejn tipprovdi li l-liġi li tikkonċerna l-kunjomijiet hija marbuta biss maċ-ċittadinanza?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 KE u 18 KE jipprekludux li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom ta’ tifel kif ikun intgħażel u jkun ġie rreġistrat fi Stat Membru ieħor li fih it-tifel ikun twieled u fejn ikun ilu jirrisjedi minn mindu twieled u li, bħall-ġenituri tiegħu, ikollu n-nazzjonalità tal-ewwel Stat Membru biss.

Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KE

15

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li s-sitwazzjoni tat-tifel Leonhard Matthias taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tat-Trattat KE.

16

Fil-fatt, għalkemm, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kunjom ta’ persuna jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istat Membri, dawn għandhom, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, josservaw id-dritt Komunitarju, sakemm ma tkunx involuta sitwazzjoni interna li m’għandha ebda rabta mad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I-11613, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li teżisti tali rabta mad-dritt Komunitarju fir-rigward tat-tfal li jkunu ċittadinin ta’ Stat Membru iżda li jgħixu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (ara s-sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

18

Għaldaqstant, it-tifel Leonhard Matthias għandu dritt, fil-prinċipju, jinvoka fir-rigward tal-Istat Membru li għandu ċ-ċittadinanza tiegħu d-dritt mogħti mill-Artikolu 12 KE li ma jbati ebda diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità tiegħu kif ukoll id-dritt, stabbilit fl-Artikolu 18 KE, li jiċċaqlaq minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

Fuq l-Artikolu 12 KE

19

Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 12 KE, għandu madankollu jiġi kkonstatat qabel kollox li, kif sostnew l-Istati Memrbi kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, it-tifel Leonhard Matthias mhu qed ibati, fil-Ġermanja, ebda diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalià tiegħu.

20

Fil-fatt, peress li l-imsemmi tifel u l-ġenituri tiegħu għandhom biss in-nazzjonalità Ġermaniża, u peress li, fir-rigward tal-għoti tal-kunjom, id-dispożizzjoni dwar il-kunflitt bejn liġijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali tirreferi għad-dritt sostantiv Ġermaniż fir-rigward tal-kunjomijiet, l-għażla tal-isem ta’ dan it-tifel fil-Ġermanja skont il-liġi Ġermaniża ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

Fuq l-Artikolu 18 KE

21

Għandu jiġi mfakkar li leġiżlazzjoni nazzjonali li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba s-sempliċi fatt li eżerċitaw il-libertà tagħhom li jmorru minn post għal ieħor u li joqogħdu fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18(1) KE lil kull ċittadin tal-Unjoni (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, De Cuyper, C-406/04, Ġabra p. I-6947, punt 39, u tat-, Nerkowska, C-499/06, Ġabra p. I-3993, punt 32).

22

Il-fatt li individwu jkun obbligat juża, fl-Istat Membru li jkun ċittadin tiegħu, kunjom differenti minn dak diġà mogħti lilu u rreġistrat fl-Istat Membru fejn twieled u fejn jirrisjedi jista’ jostakola l-eżerċizzju tad-dritt, stabbilit fl-Artikolu 18 KE, li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri.

23

Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, fir-rigward ta’ tfal li għandhom in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri, li jekk ikollhom kunjomijiet differenti, dan jista’ jikkawżalhom inkonvenjenti serji fil-livell kemm professjonali kif ukoll f’dak privat li jirriżultaw b’mod partikolari fil-fatt li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jibbenefikaw, fl-Istat Membru li dawn it-tfal ikunu ċittadini tiegħu, mill-effetti legali ta’ atti jew ta’ dokumenti li fihom jintuża l-kunjom rikonoxxut fi Stat Membru ieħor li jkollhom in-nazzjonalità tiegħu wkoll (sentenza Garcia Avello, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).

24

Inkonvenjenti serji bħal dawn jistgħu jirriżultaw ukoll f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, ftit jimporta f’dan ir-rigward jekk il-kunjomijiet differenti humiex il-konsegwenza tan-nazzjonalità doppja tal-persuni kkonċernati jew tal-fatt li, fl-Istat Membru fejn ikunu twieldu u jirrisjedu, id-determinazzjoni tal-isem hi marbuta mar-residenza, filwaqt li, fl-Istat li għandhom in-nazzjonalità tiegħu, din id-determinazzjoni hi marbuta man-nazzjonalità.

25

Hekk kif tirrileva l-Kummissjoni, diversi azzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum, kemm fil-qasam pubbliku kif ukoll f’dak privat, jirrikjedu li tingħata prova tal-identità, prova li normalment tingħata permezz tal-passaport. It-tifel Leonhard Matthias għandu biss in-nazzjonalità Ġermaniża u l-ħruġ tal-imsemmi dokument jaqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Fil-każ li dawn jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom kif intgħażel u ġie rreġistrat fid-Danimarka, dan it-tifel ser jingħata, mill-awtoritajiet Ġermaniżi, passaport li fih ikun imniżżel kunjom differenti minn dak li jkun irċieva fl-Istat Membru msemmi l-aħħar.

26

Konsegwentement, kull darba li t-tifel ikollu jagħti prova tal-identità tiegħu fid-Danimarka, l-Istat Membru li twieled fih u li ilu jirrisjedi fih minn mindu twieled, jidħol fir-riskju li jkollu joqgħod ineħħi d-dubji fir-rigward tal-identità tiegħu u li jkollu jelimina s-suspetti ta’ dikjarazzjoni falza mqanqlin mid-diverġenza bejn, minn naħa, il-kunjom li dejjem uża fil-ħajja ta’ kuljum tiegħu u li jinsab kemm fir-reġistri tal-awtoritajiet Daniżi kif ukoll fid-dokumenti uffiċjali kollha li tfasslu fir-rigward tiegħu fid-Danimarka, bħal, b’mod partikolari, l-att tat-twelid, u min-naħa l-oħra, il-kunjom li jinsab fil-passaport Ġermaniż tiegħu.

27

Barra minn hekk, in-numru tad-dokumenti, b’mod partikolari attestazzjonijiet, ċertifikati u diplomi li fihom tidher diverġenza f’dak li jikkonċerna l-kunjom tat-tifel x’aktarx jikber mal-mogħdija tas-snin billi huwa għandu relazzjonijiet stretti kemm mad-Danimarka kif ukoll mal-Ġermanja. Fil-fatt, jirriżulta mill-proċess li dan it-tifel, għalkemm jgħix prinċipalment ma’ ommu fid-Danimarka, sikwit imur joqgħod il-Ġermanja biex iżur lil missieru li mar jirrisjedi hemmhekk wara d-divorzju tal-konjuġi.

28

Kull darba li l-kunjom użat f’sitwazzjoni konkreta ma jikkorrispondix ma’ dak li jinsab fid-dokument ippreżentat bħala prova tal-identità ta’ persuna, b’mod partikolari jew biex jinkiseb il-benefiċċju ta’ xi servizz jew ta’ xi dritt, jew biex jiġi stabbilit li persuna tkun għaddiet minn xi eżami jew li tkun kisbet xi diploma, jew li l-kunjom li jinsab f’żewġ dokumenti ppreżentati flimkien ma jkunx l-istess, diverġenza bħal din fil-kunjom tista’ tqanqal dubji fir-rigward tal-identità ta’ din il-persuna u tal-awtentiċità tad-dokumenti ppreżentati jew tal-veraċità tal-informazzjoni li tinsab fihom.

29

Ostakolu għall-moviment liberu kif jirriżulta mill-inkonvenjenti serji deskritti fil-punti 23 sa 28 ta’ din is-sentenza jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk ikun ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u jekk ikun proporzjonat għall-għan leġittimament imfittex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settemrbu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-318/05, Ġabra p. I-6957, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Sabiex jiġġustifika r-rabta esklużiva tad-determinazzjoni tal-kunjom man-nazzjonalità, il-Gvern Ġermaniż u wħud mill-Gvernijiet l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja jsostnu b’mod partikolari li din ir-rabta tikkostitwixxi kriterju oġġettiv li jippermetti li l-kunjom ta’ persuna jiġi ddeterminat b’mod ċert u kontinwu, li jiġi ggarantit li l-aħwa jkollhom l-istess kunjom u li jinżammu r-relazzjonijiet bejn membri ta’ familja estiża. Barra minn hekk, dan il-kriterju huwa intiż biex jiżgura li l-persuni kollha ta’ ċerta nazzjonalità jiġu ttrattati bl-istess mod u biex jiżgura determinazzjoni identika tal-kunjom tal-persuni li għandhom l-istess nazzjonalità.

31

Ebda waħda mir-raġunijiet invokati insostenn tar-rabta tad-determinazzjoni tal-kunjom ta’ persuna man-nazzjonalità tagħha, għalkemm huma leġittimi fihom infushom, ma jixirqilha tingħata importanza ta’ tali natura li tista’ tiġġustifika, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża pinċipali, rifjut tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jirrikonoxxu l-kunjom ta’ tifel kif diġà ntagħżel u ġie rreġistrat fi Stat Membru ieħor li fih twieled dan it-tifel u fejn ilu jirrisjedi minn mindu twieled.

32

Fil-fatt, sa fejn ir-rabta man-nazzjonalità hija intiża biex tiggarantixxi li l-kunjom ta’ persuna jista’ jiġi ddeterminat b’mod kontinwu u stabbli, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, din ir-rabta twassal għal riżultat kuntrarju għal dak imfittex. Fil-fatt, kull darba li t-tifel se jaqsam il-fruntiera bejn id-Danimarka u l-Ġermanja, se jkollu juża kunjom differenti.

33

Għal dak li jirrigwarda l-għan li jiġi ggarantit li l-aħwa jkollhom l-istess kunjom, biżżejjed jiġi kkonstatat li din il-problema ma teżistix f’din il-kawża.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rabta, imposta mid-dritt internazzjonali privat Ġermaniż, tad-determinazzjoni tal-kunjom ta’ persuna man-nazzjonalità tagħha tippermetti ċerti eċċezzjonijiet. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-regoli Ġermaniżi dwar il-kunflitt bejn liġijiet relattivi għad-determinazzjoni tal-kunjom ta’ wild jippermettu rabta mar-residenza abitwali ta’ wieħed mill-ġenituri meta din tinsab fil-Ġermanja. Għaldaqstant, wild li, bħall-ġenituri tiegħu, ma jkollux in-nazzjonalità Ġermaniża jista’ jingħata fil-Ġermanja kunjom magħżul skont il-liġi Ġermaniża meta wieħed mill-ġenituri jkollu r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk. Sitwazzjoni simili għal dik tat-tifel Leonhard Matthias tista’ għalhekk tirriżulta wkoll fil-Ġermanja.

35

Il-Gvern Ġermaniż isostni wkoll li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tippermettix li jingħataw kunjomijiet komposti minn iktar minn kunjom wieħed għal raġunijiet prattiċi. Fil-fatt, it-tul tal-kunjomijiet għandu jkun jista’ jiġi limitat. Il-leġiżlatur Ġermaniż ħa ċerti miżuri sabiex il-ġenerazzjoni ta’ wara ma tkunx kostretta tirrinunzja għal parti mill-kunjom. Dak li jinkiseb minn ġenerazzjoni waħda f’termini ta’ libertà jekk jiġu ammessi l-kunjomijiet doppji, jintilef mill-ġenerazzjoni ta’ wara. Fil-fatt, din ma jkollhiex iktar l-istess possibbiltajiet ta’ abbinament ta’ kunjomijiet bħall-ġenerazzjoni ta’ qabilha.

36

Madankollu, kunsiderazzjonijiet bħal dawn ta’ faċilità amministrattiva ma jistgħux ikunu biżżejjed biex jiġġustifikaw ostakolu għal-libertà ta’ moviment kif ġie deskritt fil-punti 22 sa 28 ta’ din is-sentenza.

37

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-dritt Ġermaniż ma jeskludix għalkollox il-possibbiltà li jingħataw kunjomijiet komposti minn iktar minn kunjom wieħed lil tfal ta’ nazzjonalità Ġermaniża. Fil-fatt, hekk kif ikkonferma l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, meta wieħed mill-ġenituri jkollu nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, il-ġenituri jistgħu jagħżlu li l-kunjom li jingħata lit-tifel tagħhom jiġi stabbilit skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat.

38

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li ma ġie invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ebda motiv speċifiku li jista’, jekk ikun il-każ, jipprekludi r-rikonoxximent tal-kunjom tat-tifel Leonhard Matthias, kif ingħata u ġie rreġistrat fid-Danimarka, bħall-fatt li dan il-kunjom, fil-Ġermanja, imur kontra l-ordni pubbliku.

39

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata lid-domanda magħmula hija li l-Artikolu 18 KE jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, billi japplikaw id-dritt nazzjonali, jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom ta’ tifel kif ikun intgħażel u jkun ġie rreġistrat fi Stat Membru ieħor li fih it-tifel ikun twieled u fejn ikun ilu jirrisjedi minn mindu twieled u li, bħall-ġenituri tiegħu, ikollu n-nazzjonalità tal-ewwel Stat Membru biss.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 18 KE jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru, billi japplikaw id-dritt nazzjonali, jirrifjutaw li jirrikonoxxu l-kunjom ta’ tifel kif ikun intgħażel u jkun ġie rreġistrat fi Stat Membru ieħor li fih it-tifel ikun twieled u fejn ikun ilu jirrisjedi minn mindu twieled u li, bħall-ġenituri tiegħu, ikollu n-nazzjonalità tal-ewwel Stat Membru biss.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.