SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

tal-21 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Direttiva 2002/22/KE — Servizz universali — Artikoli 12 u 13 — Kalkolu tal-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz universali — Artikolu 32 — Kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali — Effett dirett — Artikolu 107(1) TFUE u Artikolu 108(3) TFUE — Servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima żgurati fid-Danimarka u fi Greenland — Leġiżlazzjoni nazzjonali — Tressiq ta’ talba għall-kumpens għall-ispejjeż marbuta mas-servizzi obbligatorji addizzjonali — Terminu ta’ tliet xhur — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑327/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant, id-Danimarka), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Lulju 2015, fil-proċedura

TDC A/S

vs

Teleklagenævnet,

Erhvervs- og Vækstministeriet,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, A. Rosas, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Ġunju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TDC A/S, minn O. Spiermann, advokat,

għall-Gvern Daniż, minn C. Thorning, bħala aġent, assistit minn J. Pinborg, advokat,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Nicolae, G. Conte u M. Clausen, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘Servizz Universali’”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, TDC A/S u, min-naħa l-oħra, it-Teleklagenævnet (kummissjoni tal-appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, id-Danimarka) u l-Erhvervs- og Vækstministeriet (Ministeru għall-Intrapriża u għall-Iżvilupp, id-Danimarka), dwar ir-rifjut ta’ diversi talbiet għall-kumpens għall-ispejjeż sostnuti minn TDC fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali u ta’ talba għal deroga mit-terminu previst sabiex jitressqu tali talbiet għal kumpens.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva “Servizz Universali”

3

Il-premessi 4, 18, 19, 21, 23, 25 u 26 tad-Direttiva “Servizz Universali” jiddikjaraw:

“(4)

L-assigurazzjoni ta’ servizz universali [...] [t]ista’ [t]involvi l-forniment ta’ xi servizzi lill-xi utenti finali bi prezzijiet li jitilqu minn dawk li jirriżultaw mill-kondizzjonijiet normali tas-suq. Iżda, il-fatt li jingħata kumpens lill-impriżi maħtura biex jfornu servizzi bħal dawk f’dawk iċ-ċirkostanzi m’għandux jirriżulta f’distorsjoni ta’ kompetizzjoni, sakemm l-impriżi maħtura jiġu kompensati għall-ispiża netta speċifika nvoluta u sakemm il-piż ta’ l-ispiża netta jiġi rkuprat b’mod newtrali kompetittiv.

[...]

(18)

L-Istati Membri għandhom, fejn meħtieġ, jistabbilixxu mekkaniżmi għall-iffinanzjar ta’ l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali fil-każi fejn jintwera li l-obbligi jistgħu biss jiġu fornuti b’telf jew bi spiża netta li jaqgħu barra li-standards kummerċjali normali. Huwa mportanti li jiġi assigurat li l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali tiġi kkalkolata kif imiss u li kull iffinanzjar jitwettaq b’distorsjoni minima għas-suq u għall-impriżi, u jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli [107 TFUE u 108 TFUE].

(19)

Kull kalkolu ta’ spiża netta ta’ servizz universali għandu jieħu kont debitu ta’ l-ispejjeż u d-dħul, kif ukoll tal-benefiċċji ntanġibbli li jirriżultaw mill-forniment tas-servizz universali, iżda m’għandux ifixkel l-għan ġenerali li jiġi assigurat li l-istrutturi tal-prezzijiet jirriflettu l-ispejjeż. Kull spiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġ[i] kalkolata fuq il-bażi ta’ proċeduri trasparenti.

[...]

(21)

[...] Kull mekkaniżmu ta’ ffinanzjar għandu jassigura li l-parteċipanti f[i]s-suq jikkontribwixxu biss għall-iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali u mhux għal attivitajiet oħra li m’humiex direttament marbuta mal-forniment ta’ obbligi ta’ servizz universali. [...]

[...]

(23)

L-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali jista’ jinqasam bejn l-impriżi kollha jew ċerti klassijiet speċifikati tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-mekkaniżmu tal-qsim jirrispetta il-prinċipji tat-trasparenza, l-anqas distorsjoni tas-suq, non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. L-anqas distorsjoni tas-suq tfisser li l-kontribuzzjonijiet għandhom jiġu rkuprati b’mod li sa fejn hu possibbli jimminimizza l-impatt li l-piż finanzjarju li jaqa’ fuq l-utenti finali, per eżempju billi jitqassmu l-kontribuzzjonijiet fl-aktar firxa wiesa’ possibbli.

[...]

(25)

[...] L-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq il-parteċipanti tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji li jirrelataw ma’ miżuri li m’humiex parti mill-obbligi ta’ servizz universali. L-Istati Membri ndividwali jibqgħu ħielsa li jimponu miżuri speċjali (barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali) u jiffinanzjawhom b’konformità mal-liġi tal-[Unjoni] iżda mhux permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-parteċipanti tas-suq.

(26)

Aktar kompetizzjoni effettiva matul is-swieq kollha ta’ l-aċċess u s-servizz għandha tagħti għażla akbar lill-utenti. Il-firxa ta’ kompetizzjoni u għażla effettivi jvarjaw mal-[Unjoni Ewropea] u jvarjaw fl-Istati Membri bejn żoni ġeografiċi u bejn swieq ta’ l-aċċess u s-servizzi. [...] Għal reġunijiet ta’ effiċjenza u raġunijiet soċjali, it-tariffi ta’ l-utent finali għandhom jirriflettu l-kondizzjonijiet tad-domanda, kif ukoll il-kondizzjonijiet tal-ispiża, sakemm dan ma jirriżultax f’distorsjonijiet fil-kompetizzjoni. [...] Regolament dwar il-limitu tal-prezz, medjar ġeografiku jew strumenti simili, kif ukoll miżuri mhux regolatorji bħal paraguni pubblikament disponibbli tat-tariffi tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jintużaw biex tinkiseb il-mira doppja tal-promozzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva waqt li jitħarsu l-ħtiġiet ta’ l-interess pubbliku, bħaż-żamma ta’ prezz li jkun jintlaħaq ta’ servizzi tat-telefon disponibbli publikament għal xi konsumaturi. L-aċċess għal[-]informazzjoni ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż xierqa huwa meħtieġ, sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu d-dmirijiet regolatorji tagħhom f’dan il-qasam, inkluża l-imposizzjoni ta’ xi kontroll tat-tariffi. [...]”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u miri”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet ta’ l-utenti finali u l-obbligi li jikkorrispondu fuq impriżi li jfornu networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli. Fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ forniment ta’ servizz universali fl-ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, din id-Direttiva tiddefinixxi s-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifikata li għaliha l-utenti kollha għandhom aċċess bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, mingħajr distorsjoni fil-kompetizzjoni. [...]”

5

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Disponibilità ta’ servizz universali”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-aproċċ l-aktar effiċjenti u adattat biex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ servizz universali, waqt li jirrispettaw il-prinċipji ta’ l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità. Għandhom ifittxu li jimminimizzaw id-distorsjonijiet fis-suq, b’mod partikolari l-forniment ta’ servizzi bi prezzijiet jew suġġetti għal termini u kondizzjonijiet oħra li jitilqu mill-kondizzjonijiet normali tal-kummerċ, waqt li jissalvagwardaw l-interess pubbliku.”

6

L-Artikolu 8 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Ħatra ta’ impriżi”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Meta l-Istati Membri jaħtru mpriżi f’parti jew fit-territorju kollu nazzjonali bħala li jkollhom obbligi ta’ servizz universali, għandhom jagħmlu dan billi jużaw mekkaniżmu ta’ ħatra effiċjenti, oġġettiv, trasparenti u mhux diskriminatorju, li bih ebda mpiża ma tkun a priori eskluża milli tiġi maħtura. Dawk il-metodi ta’ ħatra għandhom jassiguraw li s-servizz universali jiġi provdut b’mod effiċjenti fl-ispiża u jista’ jintuża bħala mezz biex tiġi stabbilita l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali skond l-Artikolu 12.”

7

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Stima ta’ l-ispejjeż ta’ obbligi ta’ servizz universali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqiesu li forniment ta’ servizz universali kif stipulat fl-Artikoli 3 sa 10 jista’ jirrappresenta piż inġust fuq impriżi maħtura biex ifornu servizz universali, għandhom jikkalkolaw l-ispejjeż netti tal-forniment tiegħu.

Għal dak l-iskop l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom:

(a)

jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali, waqt li jieħdu kont ta’ xi benefiċċju tas-suq li jinġema għal impriża maħtura biex tipprovdi servizz universali, skond l-Anness IV, Taqsima A; jew

(b)

jagħmlu użu ta’ l-ispejjeż netti għall-forniment tas-servizz universali identifikat minn mekkaniżmu magħżul skond l-Artikolu 8(2).”

8

L-Artikolu 13 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Iffinanzjar ta’ obbligi ta’ servizz universali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn, fuq il-bażi tal-kalkolu ta’ l-ispejjeż netti msemmija fl-Artikolu 12, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jsibu li mpriża hija suġġetta għal piż inġust, l-Istati Membri għandhom, fuq talba minn impriża maħtura, jiddeċiedu:

(a)

li jintroduċu mekkaniżmu biex jikkumpensaw lil dik l-impriża għall-ispiża netta stabbilita taħt kondizzjonijiet trasparenti minn fondi pubbliċi; u/jew

(b)

jaqsmu l-ispiża netta ta’ l-obbligu tas-servizz universali bejn il-fornituri ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.”

9

L-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”, intitolat “Servizzi addizzjonali obbligatorji”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu servizzi addizzjonali, barra minn servizzi fl-obbligi ta’ servizz universali kif definiti fil-Kapitolu II, pubblikament disponibbli fit-territorju tagħhom stess iżda, f’dawk iċ-ċirkostanzi, ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jinvolvi mpriżi speċifiċi ma jista’ jiġi mpost.”

10

It-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva “Servizz Universali” tipprevedi:

“[...]

[...] Fit-twettieq ta’ eżerċizzju ta’ kalkolu, l-ispiża netta ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kalkolata bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal impriża maħtura fl-operazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz universali u fl-operazzjoni mingħajr obbligi ta’ servizz universali. [...] Attenzjoni debita għandha tingħata biex issir stima korretta [ta]l-ispejjeż li x’impriża maħtura tkun għażlet li tevita li kieku ma kien hemm ebda obbligu ta’ servizz universali. [...]

[...]”

11

It-Taqsima B tal-Anness IV tad-Direttiva “Servizz Universali” tipprevedi l-mekkaniżmu ta’ rkupru tal-ispejjeż netti imputabbli lill-obbligi ta’ servizz universali.

Id-Direttiva 2002/21/KE

12

Skont l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349):

“‘servizz universali’ tfisser is-settt minimu ta’ servizzi, definit fid-Direttiva [‘Servizz Universali’], ta’ kwalità speċifikata li huwa disponibbli għall-utenti kollha tkun xi tkun il-lokazzjoni ġeografika tagħhom u, fid-dawl ta’ kondizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, bi prezz li jista jintlaħaq”.

Id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni PTEE

13

Greenland kienet tinsab fil-lista tal-pajjiżi u tat-territorji extra-Ewropej (PTEE) tal-Anness IA tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, tas-27 ta’ Novembru 2001, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319).

Id-Deċiżjoni 2012/21/UE

14

Konformement mal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE, tal-20 ta’ Diċembru 2011, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat taħt il-forma ta’ kumpens għas-servizzi pubbliċi mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU 2012, L 7, p. 3), din id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2012. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tilwima fil-kawża prinċipali tista’ titqies, fid-dawl tad-data tal-fatti, li ma hijiex irregolata mill-imsemmija deċiżjoni.

Id-dritt Daniż

15

Il-lov nr. 418 om konkurrence- og forbrugerforhold på telemarkedet (Liġi Nru 418 dwar il-kompetizzjoni u dwar il-konsum fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet), tal-31 ta’ Mejju 2000, kif ikkodifikata bil-lovbekendtgørelse nr. 780 (Liġi ta’ kodifikazzjoni Nru 780), tat-28 ta’ Ġunju 2007 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet”), li kienet fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tinkludi d-dispożizzjonijiet li ttrasponew id-Direttiva “Servizz Universali” fid-dritt Daniż.

16

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, konformement mal-Artikolu 20 tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, l-operaturi tas-servizz universali maħtura konformement ma’ din il-liġi setgħu jiġu kkumpensati għall-bilanċ negattiv debitament iġġustifikat kollu marbut mal-provvista tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 16 tal-imsemmija liġi u li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali li kien impost fuqhom.

17

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet ma kinitx tispeċifika xi tfisser l-espressjoni “bilanċ negattiv debitament iġġustifikat kollu”, iżda mix-xogħol preparatorju ta’ din il-liġi kien jirriżulta li l-bilanċ negattiv marbut mas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima bbażati fuq il-frekwenzi radjoelettriċi (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima”) “kellu jiġi paċut ma’ eventwali bilanċ pożittiv marbut mal-provvista ta’ servizzi oħra li jagħmlu parti mill-obbligi ta’ servizz universali tal-impriża”. Jekk, wara li jitnaqqas dan il-bilanċ pożittiv, kien jibqa’ bilanċ negattiv, dan kellu, skont il-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet, jiġi kopert mill-operaturi tas-suq jekk kien marbut mal-provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali” u mill-Istat jekk kien marbut mal-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali, konformement mal-Artikolu 20 ta’ din il-liġi.

18

Dawn ir-regoli ġew riprodotti f’termini essenzjalment identiċi fil-lov nr. 169 om elektroniske kommunikationsnet og –tjenester (Liġi Nru 169 dwar in-netwerks u s-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi), tat-3 ta’ Marzu 2011. Madankollu, b’reazzjoni għal ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata tal-Kummissjoni Ewropea, din il-liġi ġiet emendata bil-lov nr. 250 (Liġi Nru 250), tal-31 ta’ Marzu 2012, u issa tipprevedi l-possibbiltà li jiġu rkuprati l-bilanċi negattivi li jkunu rriżultaw wara l-1 ta’ April 2012 fil-kuntest tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima mingħajr ma jitnaqqsu l-bilanċi pożittivi miksuba fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali tal-impriża.

19

Il-Ministeru għall-Intrapriża u għall-Iżvilipp adotta, fis-26 ta’ Ġunju 2008, il-bekendtgørelse nr. 701 om forsyningspligtydelser (Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali) li l-Artikolu 30 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“Meta ssir it-talba għall-finanzjament tal-bilanċ negattiv konformement mal-Artikolu 20 tal-Liġi dwar il-kompetizzjoni u dwar il-konsum fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet (ara l-Liġi ta’ kodifikazzjoni Nru 780 tat-28 ta’ Ġunju 2007), l-operatur tas-servizz universali għandu jipprovdi lill-IT- og Telestyrelsen [awtorità nazzjonali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet] [li saret l-Erhvervsstyrelsen, awtorità Daniża għall-intrapriża] provi dwar il-bilanċ negattiv tiegħu f’sena finanzjarja magħluqa. [...]

Paragrafu 2. L-operatur ta’ servizz universali għandu jressaq it-talba tiegħu għall-finanzjament tal-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara t-terminu għall-produzzjoni tar-rapport annwali lill-Erhvervs- og Selskabsstyrelsen [direttorat tal-impriżi industrijali u kummerċjali u tal-kumpanniji]. [...]

Paragrafu 3. L-[awtorità nazzjonali tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tat-telekomunikazzjonijiet] għandha tinnotifika, fis-sitt xhur mill-wasla tal-informazzjoni mibgħuta mill-operatur ta’ servizz universali u msemmija fil-paragrafu 1, kalkolu li jistabbilixxi jekk l-operatur ta’ servizz universali huwiex intitolat għar-rimbors tal-bilanċ negattiv.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

TDC, li qabel kienet Tele Danmark A/S, kienet, sal-privatizzazzjoni tagħha li seħħet matul is-sena 1997, impriża li l-uniku azzjonist tagħha kien l-Istat Daniż. Fid-Danimarka, TDC hija l-operatur prinċipali fis-settur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

21

Sa minn qabel il-privatizzazzjoni tagħha, din l-impriża kienet diġà inkarigata mill-Istat Daniż sabiex, fid-Danimarka u fi Greenland, tiżgura mingħajr ħlas is-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima li kienu jippermettu lill-bastimenti jitolbu assistenza meta jsibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ bżonn. Din il-missjoni nżammet wara l-privatizzazzjoni tagħha. TDC għadha l-operatur prinċipali ta’ telekomunikazzjonijiet fid-Danimarka u f’dan il-pajjiż toffri, fuq bażi volontarja, is-servizzi li jaqgħu taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”, b’mod partikolari t-telefonija bażika. Bħala kumpannija magħżula sabiex tiżgura obbligu ta’ servizz universali, TDC hija obbligata toffri servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima fi Greenland u f’dan il-pajjiż ma teżerċita ebda attività għajr dik li tirriżulta mill-obbligu ta’ servizz universali. Fil-prattika, is-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima huma żgurati minn Tele Greenland A/S, li tappartjeni lill-awtoritajiet awtonomi ta’ Greenland, u TDC sempliċement tkopri l-ispejjeż marbuta magħhom.

22

Skont il-leġiżlazzjoni Daniża, TDC ma setgħetx tirċievi mill-Istat kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima fid-Danimarka u fi Greenland, sa fejn, globalment, kienet tiġġenera bilanċ pożittiv fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali u tas-servizzi obbligatorji addizzjonali.

23

Filwaqt li bbażat ruħha fuq id-Direttiva “Servizz Universali”, TDC ikkontestat diversi drabi l-leġiżlazzjoni Daniża, kif interpretata mill-awtoritajiet Daniżi, li ma tippermettilhiex tikseb kumpens għall-imsemmija spejjeż. Matul is-sena 2008, hija talbet lill-Kummissjoni tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni Daniża kinitx konformi mad-Direttiva “Servizz Universali”. Wara diversi skambji ta’ pożizzjonijiet bejn il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Daniżi u TDC, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tad-Danimarka ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata, rispettivament, fis-27 ta’ Jannar u fid-29 ta’ Settembru 2011.

24

Ir-Renju tad-Danimarka għalhekk iddeċieda li jemenda l-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni, li issa tipprevedi kumpens, mill-Istat, għall-bilanċi negattivi ġġenerati wara l-1 ta’ April 2012 fil-kuntest tal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima mingħajr tnaqqis tal-bilanċi pożittivi ġġenerati fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ servizz universali. Madankollu, din l-emenda ma tapplikax għall-perijodu ta’ qabel l-1 ta’ April 2012.

25

Fid-29 ta’ Lulju 2011, TDC talbet, fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni, kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima sostnuti għas-sena 2010. Fis-26 ta’ Settembru 2011, din l-impriża ressqet talbiet identiċi għas-snin 2007 sa 2009.

26

Fl-istess ħin bħall-proċeduri mressqa quddiem l-awtoritajiet Daniżi dwar l-imsemmi kumpens, TDC talbet lill-Ministeru għall-Intrapriża u għall-Iżvilupp sabiex tibbenefika minn deroga mit-terminu previst fl-Artikolu 30(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali, li jipprovdi li kull talba għal kumpens għandha titressaq sa mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza tat-terminu għat-trażmissjoni tar-rapport annwali lill-awtorità kompetenti. Din l-impriża sostniet li hija ma kinitx talbet dan il-kumpens fit-termini peress li, skont il-leġiżlazzjoni Daniża inkwistjoni, dak iż-żmien hija ma kellhiex id-dritt li titlob tali kumpens.

27

Fit-2 ta’ Novembru 2011, il-Ministeru għall-Intrapriża u għall-Iżvilupp informa lil TDC li kien qiegħed jiċħad din it-talba għal deroga.

28

Fl-24 ta’ Novembru 2011, l-awtorità Daniża għall-intrapriża ċaħdet it-talbiet ta’ TDC għall-kumpens għall-ispejjeż, minn naħa, minħabba li t-talba dwar is-sena 2007 kienet preskritta u minħabba li t-terminu li fih tali talba setgħet titressaq għas-snin 2008 u 2009 kien skada u, min-naħa l-oħra, minħabba li l-leġiżlazzjoni Daniża li kienet fis-seħħ dak iż-żmien ma kinitx tippermetti li tintlaqa’ t-talba għall-kumpens marbuta mas-sena 2010 mingħajr ma jitnaqqsu l-bilanċi pożittivi li jirriżultaw mis-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali, fis-sens tal-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”.

29

TDC appellat minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda quddiem il-kummissjoni tal-appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, li kkonfermat, permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Settembru 2012, id-deċiżjonijiet inkwistjoni dwar it-talbiet għal kumpens għas-snin 2007 sa 2009. Fir-rigward tat-talba għal kumpens għas-sena 2007, din il-kummissjoni ddeċidiet li t-“t-talba kienet preskritta peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin tad-drittijiet għal kumpens eventwali ta’ TDC beda jiddekorri mid-data li fiha TDC setgħet tistabbilixxi l-ammont definittiv tad-drittijiet tagħha u tressaq it-talba tagħha”. Fir-rigward tat-talbiet għal kumpens għas-snin 2008 u 2009, l-imsemmija kummissjoni kkonfermat ukoll id-deċiżjoni ta’ ċaħda meħuda mill-awtorità Daniża minħabba li dawn it-talbiet kienu tressqu wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 30(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali.

30

Fir-rigward tat-talba għal kumpens għas-sena 2010, il-kummissjoni tal-appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva “Servizz Universali”. Fis-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2014, TDC (C‑222/13, EU:C:2014:2265), il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonstatat li hija ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi peress li din l-awtorità ma kellhiex il-kompetenza li tressaq rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE.

31

Fl-istess ħin bħall-proċedura quddiem il-kummissjoni tal-appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, TDC ippreżentat, fit-13 ta’ Novembru 2012, quddiem il-Københavns byret (qorti muniċipali ta’ Copenhagen, id-Danimarka), rikors għall-kumpens għad-dannu mġarrab matul is-snin 2008 u 2009 minħabba t-traspożizzjoni żbaljata fid-dritt Daniż tad-Direttiva “Servizz Universali”. Il-kawża sussegwentement intbagħtet quddiem l-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant, id-Danimarka).

32

Barra minn hekk, TDC ippreżentat, quddiem il-Københavns byret (qorti muniċipali ta’ Copenhagen), rikors għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Ministeru għall-Impriża u għall-Iżvilupp, tat-2 ta’ Novembru 2011, li tiċħad it-talba tagħha għal deroga fir-rigward tat-terminu, u tad-deċiżjoni tal-kummissjoni tal-appelli fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet dwar is-snin 2007 sa 2009. Din il-kawża wkoll intbagħtet quddiem l-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant), li għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

33

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Østre Landsret (qorti tal-appell tar-reġjun tal-Lvant) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-Direttiva ‘Servizz Universali’, inkluż l-Artikolu 32, jipprekludu lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li impriża ma għandhiex dritt tressaq talba kontra l-Istat Membru għall-irkupru separat tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, fejn il-profitti tal-impriża minn servizzi oħra li huma koperti mill-obbligi ta’ servizz universali tal-impriża taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva jmorru lil hinn mit-telf assoċjat mal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali?

2)

Id-Direttiva ‘Servizz Universali’ tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-impriżi għandhom dritt għall-irkupru mill-Istat Membru tal-ispiża netta għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II tad-direttiva biss jekk l-ispiża netta tikkostitwixxi oneru mhux iġġustifikat għall-impriżi inkwistjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda, jista’ l-Istat Membru jiddeċiedi li ma hemm l-ebda oneru mhux iġġustifikat assoċjat mal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jekk l-impriża kisbet, globalment, profitti mill-provvista ta’ dawk is-servizzi kollha fejn din l-impriża għandha obbligu ta’ servizz universali, inkluż il-provvista ta’ servizzi li l-impriża kienet xorta tagħti anki mingħajr ma jkollha l-obbligu ta’ servizz universali?

4)

Id-Direttiva ‘Servizz Universali’ tipprekludi lil Stat Membru milli jistabbilixxi regoli li jipprovdu li l-ispiża netta sostnuta minn impriża inkarigata fil-kuntest tal-obbligu tagħha ta’ servizz universali fis-sens tal-Kapitolu II tad-direttiva hija kkalkolata abbażi tad-[differenza bejn id-]dħul u [l]-ispejjeż kollha li huma marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, u b’mod partikolari tad-dħul u tal-ispejjeż li l-impriża kienet tagħmel xorta waħda anki mingħajr ma jkollha l-obbligu ta’ servizz universali?

5)

Fil-każ li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni (ara d-domandi 1 sa 4) hija applikata għal servizz obbligatorju addizzjonali li għandu jiġi pprovdut mhux biss fid-Danimarka iżda [wkoll] fi Greenland, li skont l-Anness II tat-TFUE huwa pajjiż jew territorju extra-Ewropew, ir-risposti għad-domandi 1 sa 4 japplikaw ukoll għal dik il-parti tal-obbligu li tirrigwarda lil Greenland, fejn is-servizz huwa fdat mill-awtoritajiet Daniżi lil impriża stabbilita fid-Danimarka u dik l-impriża ma għandha l-ebda attività oħra fil-Greenland?

6)

X’inhuwa l-effett tal-Artikoli 107(1) TFUE u 108(3) TFUE, kif ukoll tad-Deċiżjoni [2012/21] fuq ir-risposta għad-domandi 1 sa 5?

7)

X’inhuwa l-effett tal-prinċipju ta’ distorsjoni minima tal-kompetizzjoni, imsemmi b’mod partikolari fl-Artikoli 1(2) [u] 3(2) u fil-premessi 4, 18, 23 u 26, kif ukoll fit-Taqsima B tal-Anness IV tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ fuq ir-risposta għad-domandi 1 sa 5?

8)

Jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ‘Servizz Universali’ jipprekludu s-sistemi nazzjonali msemmija fid-domandi 1, 2 u 4, dawn id-dispożizzjonijiet jew dawn ir-restrizzjonijiet għandhom effett dirett?

9)

Liema fatturi speċifiċi oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk limitu ta’ żmien nazzjonali għall-applikazzjonijiet kif deskritti [fit-talba għal deċiżjoni preliminari], u l-applikazzjoni tiegħu, humiex konsistenti mal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tad-dritt tal-UE?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel, is-sitt u s-seba ’ domandi

34

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li impriża ma għandhiex dritt għall-kumpens mill-Istat Membru għall-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali meta l-bilanċ pożittiv iġġenerat minn din l-impriża minn servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tagħha jkun ikbar mill-bilanċ negattiv marbut mal-provvista ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali.

35

F’dan il-kuntest, permezz tas-sitt u tas-seba’ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi dwar ir-rilevanza, għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat li joħorġu mill-Artikolu 107(1) TFUE u mill-Artikolu 108(3) TFUE.

36

Sa fejn ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat imsemmija mill-qorti tar-rinviju fis-sitt u fis-seba’ domandi tagħha japplikaw għall-implementazzjoni tal-obbligi li joħorġu mid-Direttiva “Servizz Universali” u, b’mod partikolari, għall-mekkaniżmi ta’ kumpens għas-servizz universali u għas-servizzi obbligatorji addizzjonali, dawn iż-żewġ domandi għandhom jiġu indirizzati flimkien mal-ewwel waħda.

37

Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li d-Direttiva “Servizz Universali” tiddefinixxi żewġ settijiet ta’ servizzi li l-Istati Membri jistgħu jafdaw lil impriżi maħtura, jiġifieri, minn naħa, is-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali msemmija fil-Kapitolu II ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, is-servizzi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 32 tal-imsemmija direttiva.

38

Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiddefinixxi, kif jipprevedi l-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2002/21, is-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifika aċċessibbli għall-utenti finali kollha, bi prezz li jista’ jintlaħaq fid-dawl tal-kundizzjonijiet nazzjonali speċifiċi, mingħajr distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dan is-sett minimu ta’ servizzi universali huwa ddefinit fil-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”.

39

L-Artikoli 12 u 13 ta’ din id-direttiva u t-Taqsima A tal-Anness IV tagħha jinkludu regoli li jirregolaw il-mekkaniżmu ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali li jaqgħu taħt il-Kapitolu II tal-imsemmija direttiva u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament ta’ dawn l-obbligi.

40

Fir-rigward tas-servizzi speċifiċi li ma jaqgħux taħt l-obbligi ta’ servizz universali, l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku, fit-territorju nazzjonali, servizzi obbligatorji addizzjonali iżda, f’dan il-każ, ma jista’ jiġi impost ebda mekkaniżmu ta’ kumpens li jimplika l-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi.

41

It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, b’differenza mis-servizz universali li jaqa’ taħt il-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”, l-Artikolu 32 tagħha ma jipprevedix mekkaniżmu ta’ kumpens għas-servizzi obbligatorji addizzjonali iżda sempliċement jipprovdi li, għal dawn is-servizzi, ma jista’ jiġi impost ebda mekkaniżmu ta’ finanzjament li jimplika l-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi. Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ finanzjament previst fl-Artikolu 13(1)(b) tad-Direttiva “Servizz Universali” li jippermetti din il-parteċipazzjoni ma jistax jiġi estiż għal tali servizzi (ara s-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, Base Company u Mobistar, C‑1/14, EU:C:2015:378, punt 41).

42

F’dan il-każ, kif tfakkar fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Daniża kienet tipprevedi li eventwali bilanċ negattiv kellu jiġi kopert mill-Istat jekk kien marbut mal-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali, għalkemm tali bilanċ negattiv kellu jiġi paċut ma’ eventwali bilanċ pożittiv li jirriżulta mill-provvista ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tal-impriża.

43

Madankollu, mill-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” jirriżulta li l-impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizz obbligatorju addizzjonali ma għandhiex tbati l-ispiża marbuta mal-provvista ta’ dan is-servizz. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li f’dan il-kuntest ma jistax jintuża mekkaniżmu ta’ kumpens li jimplika l-parteċipazzjoni ta’ impriżi speċifiċi.

44

Għandu jingħad ukoll, fir-rigward ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens, li mir-regoli li jirregolaw il-mekkaniżmu ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali u l-mekkaniżmu ta’ finanzjament ta’ dawn l-obbligi previsti mid-Direttiva “Servizz Universali” jirriżulta li hija meħtieġa kontabbiltà separata għall-attivitajiet li jaqgħu taħt is-servizz universali u għal dawk marbuta mat-tipi l-oħra ta’ servizzi, li fosthom jinsabu s-servizzi obbligatorji addizzjonali.

45

Fil-fatt, il-premessi 21 u 25 tad-Direttiva “Servizz Universali” jiddikjaraw, b’mod partikolari, li, minn naħa, il-mekkaniżmi ta’ finanzjament għandu jkollhom l-għan li jiżguraw il-parteċipazzjoni tal-operaturi tas-suq fil-finanzjament biss tal-obbligi ta’ servizz universali, u mhux tal-attivitajiet li ma humiex marbuta direttament mal-provvista tas-servizz universali u, min-naħa l-oħra, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu fuq l-operaturi tas-suq kontribuzzjonijiet finanzjarji fir-rigward ta’ miżuri li ma jaqgħux taħt l-obbligi ta’ servizz universali. Il-premessi 4 u 18 ta’ din id-direttiva jiddikjaraw ukoll, essenzjalment, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi maħtura jiġu kkumpensati għall-ispiża netta “speċifika nvoluta” fir-rigward tal-provvista tas-servizz universali.

46

B’hekk, skont l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva “Servizz Universali”, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens eventwalment dovut lil impriża inkarigata bil-provvista ta’ servizz universali, għandha tiġi kkalkolata, fl-ewwel stadju, l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali għall-impriża maħtura bħala fornitur u, fit-tieni stadju, meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkonstataw li impriża hija suġġetta għal piż mhux iġġustifikat, dawn l-awtoritajiet għandhom jiddeċiedu li jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex l-imsemmija impriża tiġi kkumpensata għall-ispejjeż netti kif ikunu ġew ikkalkolati, f’kundizzjonijiet ta’ trasparenza u minn fondi pubbliċi, u/jew li jaqsmu l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri ta’ netwerks u ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, T‑Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 33).

47

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-kumpens, għandha ssir distinzjoni bejn l-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali u l-ispiża netta tas-servizzi obbligatorji addizzjonali li ma jaqgħux taħt il-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

48

Għaldaqstant, il-mekkaniżmi ta’ kumpens previsti fid-Direttiva “Servizz Universali” dwar, minn naħa, is-servizz universali u, min-naħa l-oħra, is-servizzi obbligatorji addizzjonali huma indipendenti minn xulxin u, għalhekk, l-ispiżi netti sostnuti fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ kontabbiltà separata ta’ natura tali li tiggarantixxi li d-dħul iġġenerat fil-kuntest tas-servizz universali ma jidħolx fil-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz obbligatorju addizzjonali u ma jiddeterminax l-għoti tal-kumpens dovut fir-rigward tal-provvista ta’ dan is-servizz tal-aħħar.

49

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li r-rekwiżit ta’ kontabbiltà separata mhux biss jikkontribwixxi għat-trasparenza tal-proċedura ta’ finanzjament tal-obbligi ta’ servizz universali, konformement mal-premessa 19 tad-Direttiva “Servizz Universali”, iżda jippermetti wkoll li jiġi ggarantit li l-finanzjament tas-servizz universali jitwettaq permezz ta’ mezz newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni. Tali rekwiżit jiżgura wkoll, konformement mal-premessa 18 tad-Direttiva “Servizz Universali”, li l-finanzjament tas-servizz universali u tas-servizzi obbligatorji addizzjonali josserva r-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

50

Fil-fatt, il-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali tikkonċerna, bħas-servizz universali, servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE.

51

Issa, il-kumpens mogħti mill-Istati Membri għall-provvista ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali huwa suġġett għall-osservanza tar-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

52

B’hekk, sabiex, f’każ partikolari, tali kumpens ikun jista’ jevita li jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet (sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 88).

53

L-ewwel nett, l-impriża li tibbenefika minn tali kumpens għandha tkun effettivament inkarigata bl-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan il-kumpens jimplika vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi lill-impriża benefiċjarja meta mqabbla ma’ impriżi kompetituri. It-tielet nett, il-kumpens ma jistax imur lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jiġu koperti l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, sostnuti fl-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul minn din l-eżekuzzjoni kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Ir-raba’ nett, l-imsemmi kumpens għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, amministrata tajjeb u mgħammra b’mod adegwat bil-mezzi meħtieġa sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku meħtieġa, tkun sostniet sabiex teżegwixxi dawn l-obbligi, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul minn din l-eżekuzzjoni kif ukoll profitt raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi (sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 89909293, kif ukoll tal-10 ta’ Ġunju 2010, Fallimento Traghetti del Mediterraneo, C‑140/09, EU:C:2010:335, punti 37 sa 40).

54

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-osservanza ta’ obbligu li jinżammu kontijiet separati tippermetti li jiġi evitat li d-dħul iġġenerat mill-impriża fil-kuntest tal-obbligi ta’ servizz universali tagħha jittieħed inkunsiderazzjoni darbtejn, minn naħa, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali u, għaldaqstant, tal-kumpens mogħti f’dan ir-rigward u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ispiża netta tas-servizz obbligatorju addizzjonali u, għaldaqstant, tal-għoti tal-kumpens mogħti fir-rigward ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali. Fil-fatt, tali prassi twassal sabiex l-impriża fornitura ġġarrab l-ispiża tas-servizz obbligatorju addizzjonali, u dan b’mod kuntrarju għat-termini stess tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

55

Minn dan isegwi li mekkaniżmu ta’ kumpens għas-servizzi obbligatorji addizzjonali li jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul kollu li l-impriża maħtura tiġġenera fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tagħha huwa kuntrarju għad-Direttiva “Servizz Universali”.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel, għas-sitt u għas-seba’ domandi hija li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali” u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li jipprovdi li impriża ma għandhiex dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali meta l-bilanċ pożittiv iġġenerat minn din l-impriża fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tagħha jkun ikbar mill-bilanċ negattiv marbut mal-provvista ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali.

Fuq it-tieni domanda

57

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva “Servizz Universali” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali għandha dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi fil-każ biss li din l-ispiża tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għal din l-impriża.

58

Kif tfakkar fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali” dwar l-obbligi ta’ servizz universali jipprevedu kundizzjoni dwar piż mhux iġġustifikat għall-ħlas ta’ kumpens mill-Istat Membru.

59

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Servizz Universali” fil-fatt jipprevedi li, meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jqisu li l-provvista tas-servizz universali, kif prevista fl-Artikoli 3 sa 10 ta’ din id-direttiva, tista’ tirrappreżenta piż mhux iġġustifikat għall-impriżi maħtura bħala fornituri ta’ servizz universali, huma għandhom jikkalkolaw l-ispiża netta ta’ din il-provvista.

60

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali” dwar il-mekkaniżmi ta’ kalkolu tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali kif ukoll ta’ finanzjament ta’ dawn l-obbligi u, b’mod partikolari, l-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, ma japplikawx għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali.

61

Barra minn hekk, kif ġie osservat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” jirriżulta li l-impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizz obbligatorju addizzjonali ma għandhiex tbati l-ispiża marbuta mal-provvista ta’ dan is-servizz.

62

Issa, leġiżlazzjoni nazzjonali, li tipprovdi li impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali għandha dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi fil-każ biss li din l-ispiża tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għal din l-impriża, ma teskludix li l-impriża kkonċernata jkollha tbati hija stess l-ispiża kollha, jew parti minnha, tal-imsemmija servizzi.

63

Għaldaqstant, il-fatt li l-ħlas ta’ kumpens mill-Istat Membru jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-ispiża netta tal-provvista tas-servizzi obbligatorji addizzjonali tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għall-impriża maħtura jmur kontra l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali”.

64

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, jekk ikun awtorizzat li l-ħlas ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali jkun suġġett għall-osservanza tal-istess rekwiżiti bħal dawk stabbiliti fil-Kapitolu II tad-Direttiva “Servizz Universali”, dan iwassal sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jestendu unilateralment il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar l-obbligu ta’ servizz universali għas-servizzi obbligatorji addizzjonali, li jkun kuntrarju għall-għan ta’ din id-direttiva, stabbilit fl-Artikolu 1(2) tagħha, li huwa li jiġi ddefinit is-sett minimu ta’ servizzi ta’ kwalità speċifika li għalihom l-utenti finali kollha tal-Unjoni għandu jkollhom aċċess.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-Direttiva “Servizz Universali” għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali għandha dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi fil-każ biss li din l-ispiża tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għal din l-impriża.

Fuq it-tielet domanda

66

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq ir-raba ’ domanda

67

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva “Servizz Universali” għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura sabiex tissodisfa obbligu ta’ servizz universali tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u mill-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, inklużi d-dħul u l-ispejjeż li l-impriża kienet xorta waħda tirreġistra li kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiddeterminaw u jikkalkolaw l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali konformement mal-Artikolu 12 tad-Direttiva “Servizz Universali” u mat-Taqsima A tal-Anness IV ta’ din id-direttiva.

69

Skont il-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva “Servizz Universali”, meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jikkalkolaw l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-eventwali vantaġġ kummerċjali li tgawdi impriża maħtura sabiex tipprovdi servizz universali, konformement mal-indikazzjonijiet mogħtija fit-Taqsima A tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, jew għandhom jużaw l-ispiża netta sostnuta għall-provvista tas-servizz universali u ddeterminata permezz ta’ mekkaniżmu ta’ ħatra konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni tal-aħħar tipprevedi li l-metodi ta’ ħatra għandhom jiggarantixxu li l-provvista tas-servizz universali tissodisfa l-kriterju tal-profittabbiltà u għandhom ikunu jistgħu jintużaw b’mod li tkun tista’ tiġi ddeterminata l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali, konformement mal-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva.

70

Fir-rigward tat-tieni paragrafu tat-Taqsima A tal-Anness IV tad-Direttiva “Servizz Universali”, dan jipprevedi li l-ispiża netta tal-obbligu ta’ servizz universali għandha tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura meta tipprovdi servizz universali u meta ma tipprovdix tali servizz.

71

Mill-imsemmija dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien jirriżulta li l-ispiża netta tal-provvista tas-servizz universali tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura meta tipprovdi servizz universali u meta ma tipprovdix tali servizz. Għaldaqstant, l-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz universali ma tistax tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-imsemmija provvista.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda hija li d-Direttiva “Servizz Universali” għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura sabiex tissodisfa obbligu ta’ servizz universali tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, inklużi d-dħul u l-ispejjeż li l-impriża kienet xorta waħda tirreġistra li kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali.

Fuq il-ħames domanda

73

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-impriża inkarigata b’servizz obbligatorju addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” ma tipprovdix dan is-servizz fit-territorju tad-Danimarka biss, iżda wkoll f’dak ta’ Greenland, għandux effett fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

74

Għandu jitfakkar, b’mod preliminari, li l-Artikolu 52 TUE jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li t-Trattati japplikaw għall-Istati Membri u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ dawn it-Trattati huwa speċifikat fl-Artikolu 355 TFUE.

75

Il-punt 2 tal-Artikolu 355 TFUE jipprovdi li l-PTEE elenkati fil-lista tal-Anness II tat-Trattat FUE huma s-suġġett ta’ arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni ddefinita fir-Raba’ Parti ta’ dan it-Trattat, jiġifieri l-Artikoli 198 sa 203 TFUE, li l-modalitajiet u l-proċeduri tagħhom għandhom, konformement mal-Artikolu 203 TFUE, jiġu stabbiliti permezz ta’ dispożizzjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

76

Issa, għandu jiġi kkonstatat li Greenland tinsab f’din il-lista u, għalhekk, skont l-Artikolu 204 TFUE, hija s-suġġett ta’ dawn l-arranġamenti speċjali ddefiniti fid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 198 sa 203 TFUE, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċifiċi għal Greenland li jinsabu fil-Protokoll (Nru 34) dwar arranġamenti speċjali għall-Groenlandja, anness mat-Trattati.

77

F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-eżistenza tal-arranġamenti speċjali ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u l-PTEE għandha bħala konsegwenza li d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat FUE, jiġifieri dawk li ma jinstabux fir-Raba’ Parti tal-imsemmi Trattat, ma humiex applikabbli għall-PTEE fl-assenza ta’ riferiment espliċitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1999, van der Kooy, C‑181/97, EU:C:1999:32, punti 3637, kif ukoll tal-5 Ġunju 2014, X u TBG, C‑24/12 u C‑27/12, EU:C:2014:1385, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-ewwel sar-raba’ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”, li l-bażi legali tagħha tinsab fl-Artikolu 114 TFUE.

79

Issa, la r-Raba’ Parti tat-Trattat FUE u lanqas id-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni PTEE, adottata bis-saħħa ta’ din il-parti tat-Trattat, ma jagħmlu riferiment għall-Artikolu 114 TFUE.

80

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali” ma humiex applikabbli għal Greenland.

81

Għaldaqstant, peress li TDC inħatret mill-Istat Daniż sabiex tiżgura servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima, il-fatt li din l-impriża hija inkarigata sabiex tiżgura l-provvista tal-imsemmija servizzi kemm fid-Danimarka u kemm fi Greenland ma għandux impatt fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”.

82

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda hija li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-impriża inkarigata b’servizz obbligatorju addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” ma tipprovdix dan is-servizz fit-territorju tad-Danimarka biss, iżda wkoll f’dak ta’ Greenland, ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

Fuq it-tmien domanda

83

Permezz tat-tmien domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandux jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett.

84

Minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, li huma inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali fil-konfront tal-Istat Membru jew meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta jkun ittrasponiha b’mod mhux korrett (sentenzi tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic, C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jġiegħlu lill-impriżi fis-settur li fosthom tkun inkluża l-impriża maħtura jsostnu l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, marbuta mal-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali.

86

It-termini ta’ din id-dispożizzjoni huma suffiċjentement preċiżi u inkundizzjonali sabiex ikollhom, fir-rigward ta’ din il-projbizzjoni, effett dirett.

87

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tmien domanda hija li l-Artikolu 32 tad-Direttiva “Servizz Universali” għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett sa fejn jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jġiegħlu lill-impriża inkarigata bil-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali ssostni l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, marbuta ma’ din il-provvista.

Fuq id-disa ’ domanda

88

Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta t-tressiq, mill-operatur inkarigat b’servizz universali, ta’ talbiet għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti għal terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu impost fuq dan l-operatur sabiex jikkomunika rapport annwali lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

89

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li tali terminu jikkostitwixxi modalità proċedurali għat-tressiq ta’ talba intiża li tiżgura l-eżerċizzju ta’ dritt li l-persuna kkonċernata tgawdi taħt id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-dritt għal kumpens għall-provvista ta’ servizz universali.

90

Fl-assenza ta’ regoli ffissati mid-dritt tal-Unjoni dwar il-modalitajiet proċedurali fir-rigward tat-tressiq u tal-eżami ta’ talba għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja ta’ servizz universali applikabbli fid-Danimarka, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru li, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali li issa jinsab sanċit fl-Artikolu 4(3) TUE, għandu jirregola dawn il-modalitajiet bil-kundizzjoni, minn naħa, li l-imsemmija modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2013, Agrokonsulting, C‑93/12, EU:C:2013:432, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

91

Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li għandha tiġi eżaminata d-disa’ domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

92

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, għandu jitfakkar li l-osservanza ta’ dan il-prinċipju teżiġi l-applikazzjoni mingħajr distinzjoni ta’ regola nazzjonali għall-proċeduri bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni u għal dawk ibbażati fuq id-dritt nazzjonali (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-prinċipju ta’ ekwivalenza huwiex osservat fil-kawża prinċipali, hija l-qorti nazzjonali, li għandha konoxxenza diretta tal-modalitajiet proċedurali intiżi li jiżguraw, fid-dritt nazzjonali, il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni, li għandha tivverifika jekk dawn humiex konformi ma’ dan il-prinċipju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Fil-kawża prinċipali, skont il-Gvern Daniż, it-terminu previst fl-Artikolu 30(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali jikkostitwixxi terminu ġenerali previst għall-fornituri kollha tas-servizz universali, li japplika mingħajr distinzjoni għat-talbiet għal kumpens ibbażati fuq id-dritt Daniż jew fuq id-dritt tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, TDC essenzjalment issostni li l-imsemmi terminu kien introdott biss fir-rigward tat-tressiq ta’ talbiet għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-servizzi obbligatorji addizzjonali.

95

Fid-dawl ta’ dawn il-pożizzjonijiet differenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk it-terminu previst fl-Artikolu 30(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali huwiex inqas favorevoli minn dak previst fid-dritt nazzjonali għal talba analoga.

96

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ effettività, kif tfakkar fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, regola proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhiex tkun ta’ natura li tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

97

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li kull każ fejn tqum il-kwistjoni ta’ jekk dispożizzjoni proċedurali nazzjonali tagħmilx impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi analizzat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-proċedura globali, l-iżvolġiment tagħha u l-karatteristiċi partikolari tagħha, quddiem id-diversi istanzi nazzjonali. F’dan id-dawl, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari, jekk ikun il-każ, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 92, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-iffissar ta’ termini ta’ dekadenza jissodisfa, bħala prinċipju, ir-rekwiżit ta’ effettività sa fejn jikkostitwixxi applikazzjoni tal-prinċipju fundamentali ta’ ċertezza legali li jipproteġi kemm lill-persuna kkonċernata u kemm lill-amministrazzjoni kkonċernata. Fil-fatt, bħala prinċipju, tali termini ma humiex ta’ natura li jagħmlu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Madankollu, huma l-Istati Membri li għandhom, fir-rigward tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiddeterminaw it-termini filwaqt li jqisu, b’mod partikolari, l-importanza għall-persuni kkonċernati tad-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, il-kumplessità tal-proċeduri u tal-leġiżlazzjoni li għandha tiġi applikata, in-numru ta’ persuni li jistgħu jkunu kkonċernati u l-interessi pubbliċi jew privati l-oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Bla ħsara għal din il-kundizzjoni, l-Istati Membri huma ħielsa li jipprevedu termini itwal jew iqsar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ April 2010, Barth, C‑542/08, EU:C:2010:193, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-8 ta’ Lulju 2010, Bulicke, C‑246/09, EU:C:2010:418, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-20 ta’ Ottubru 2016, Danqua, C‑429/15, EU:C:2016:789, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99

F’dan ir-rigward, regola nazzjonali, li tipprevedi terminu ta’ tliet xhur, li jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu impost fuq dan l-operatur sabiex jikkomunika rapport annwali lill-awtorità nazzjonali kompetenti, sabiex iressaq it-talba għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti, ma tidhirx, prima facie, li hija kuntrarja għall-prinċipju ta’ effettività.

100

TDC tqis, madankollu, li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija komparabbli ma’ dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C‑208/90, EU:C:1991:333), peress li d-dritt Daniż kif ukoll l-interpretazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet Daniżi kompetenti ma jagħtuha l-ebda possibbiltà li tibbenefika minn kumpens għall-bilanċ negattiv tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima. Hija tenfasizza li, fid-data tal-adozzjoni tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali li jipprevedi terminu ta’ tliet xhur għat-tressiq ta’ talba għal kumpens, dawn l-awtoritajiet kienu jafu bit-traspożizzjoni inkorretta fid-dritt Daniż tad-Direttiva “Servizz Universali”.

101

Min-naħa tiegħu, il-Gvern Daniż isostni li la kien impossibbli u lanqas eċċessivament diffiċli għal TDC li tressaq talba għal kumpens u, f’dan il-kuntest, li ssostni li din it-talba kienet ibbażata direttament fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “Servizz Universali”. Skontu, dan huwa kkonfermat mill-fatt li TDC ressqet it-talba għal kumpens tagħha għas-sena 2010 fit-terminu mogħti u invokat id-dritt għal kumpens tagħha quddiem il-qrati nazzjonali. Dan il-gvern iqis, għaldaqstant, li ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma humiex komparabbli ma’ dawk li taw lok għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C‑208/90, EU:C:1991:333).

102

F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sad-data tat-traspożizzjoni korretta ta’ direttiva, l-Istat Membru li jkun naqas milli jagħmel tali traspożizzjoni, ma jistax jeċċepixxi n-natura tardiva ta’ azzjoni ġudizzjarja mressqa kontrih minn individwu sabiex jipproteġi d-drittijiet irrikonoxxuti lilu mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li terminu għall-preżentata ta’ rikors taħt id-dritt nazzjonali ma jistax jibda jiddekorri qabel dik id-data (ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott, C‑208/90, EU:C:1991:333, punt 23).

103

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għas-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C‑208/90, EU:C:1991:333), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-Istat Membru li jkun naqas milli jagħmel traspożizzjoni korretta jista’ joġġezzjona d-dekadenza fil-konfront ta’ azzjonijiet ġudizzjarji u dan anki meta, fid-data tat-tressiq tat-talbiet, huwa ma jkunx għadu ttraspona korrettament id-direttiva inkwistjoni, filwaqt li ddeċidiet li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott (C‑208/90, EU:C:1991:333), kienet iġġustifikata miċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, fejn id-dekadenza kienet wasslet sabiex iċċaħħad kompletament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-possibbiltà li tinvoka d-dritt tagħha taħt direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 2011, Iaia et, C‑452/09, EU:C:2011:323, punt 19, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li awtorità nazzjonali teċċepixxi l-iskadenza ta’ terminu ta’ preskrizzjoni raġonevoli ħlief fil-każ li l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali kkunsidrat flimkien mal-eżistenza ta’ terminu ta’ dekadenza jwasslu sabiex persuna tiġi mċaħħda kompletament mill-possibbiltà li tinvoka d-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C‑89/10 u C‑96/10, EU:C:2011:555, punt 51 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

105

F’dan il-każ, mill-elementi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li n-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 30(2) tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali kien ċaħħad lil TDC minn kull possibbiltà li tinvoka d-dritt tagħha għall-kumpens għall-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ emerġenza marittima mingħand l-awtoritajiet Daniżi kompetenti, inkluż quddiem il-qrati nazzjonali, punt dan madankollu li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

106

Fl-assenza ta’ ċirkustanzi partikolari mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni tad-Digriet Ministerjali Nru 701 dwar l-obbligu ta’ servizz universali ma tidhirx li hija ta’ natura li tagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

107

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-disa’ domanda hija li l-prinċipji ta’ lealtà, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta t-tressiq, mill-operatur inkarigat b’servizz universali, ta’ talbiet għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti għal terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu impost fuq dan l-operatur sabiex jikkomunika rapport annwali lill-awtorità nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst fid-dritt nazzjonali għal talba analoga u li ma jkunx ta’ natura li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-impriżi mid-Direttiva “Servizz Universali”, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Fuq l-ispejjeż

108

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas- sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), u, b’mod partikolari, l-Artikolu 32 tagħha, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi mekkaniżmu ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali li jipprovdi li impriża ma għandhiex dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali meta l-bilanċ pożittiv iġġenerat minn din l-impriża fil-kuntest ta’ servizzi oħra li jaqgħu taħt l-obbligi ta’ servizz universali tagħha jkun ikbar mill-bilanċ negattiv marbut mal-provvista ta’ dan is-servizz obbligatorju addizzjonali.

 

2)

Id-Direttiva 2002/22 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li impriża maħtura bħala fornitur ta’ servizzi obbligatorji addizzjonali għandha dritt għall-kumpens mill-Istat Membru tal-ispiża netta tal-provvista ta’ dawn is-servizzi fil-każ biss li din l-ispiża tikkostitwixxi piż mhux iġġustifikat għal din l-impriża.

 

3)

Id-Direttiva 2002/22 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-ispiża netta sostnuta minn impriża maħtura sabiex tissodisfa obbligu ta’ servizz universali tirriżulta mid-differenza bejn id-dħul kollu u l-ispejjeż kollha marbuta mal-provvista tas-servizz inkwistjoni, inklużi d-dħul u l-ispejjeż li l-impriża kienet xorta waħda tirreġistra li kieku ma kinitx operatur ta’ servizz universali.

 

4)

F’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-impriża inkarigata b’servizz obbligatorju addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22 ma tipprovdix dan is-servizz fit-territorju tad-Danimarka biss, iżda wkoll f’dak ta’ Greenland, ma għandux effett fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

 

5)

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2002/22 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu effett dirett sa fejn jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jġiegħlu lill-impriża inkarigata bil-provvista ta’ servizz obbligatorju addizzjonali ssostni l-ispejjeż kollha, jew parti minnhom, marbuta ma’ din il-provvista.

 

6)

Il-prinċipji ta’ lealtà, ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta t-tressiq, mill-operatur inkarigat b’servizz universali, ta’ talbiet għall-kumpens għall-bilanċ negattiv tas-sena finanzjarja preċedenti għal terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mill-iskadenza tat-terminu impost fuq dan l-operatur sabiex jikkomunika rapport annwali lill-awtorità nazzjonali kompetenti, bil-kundizzjoni li dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak previst fid-dritt nazzjonali għal talba analoga u li ma jkunx ta’ natura li jagħmel prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-impriżi mid-Direttiva 2002/22, kwistjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: id-Daniż.