SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

7 ta’ Settembru 2016 ( *1 )

“Appell — Akkordji — Artikolu 101 TFUE — Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 — Suq Ewropew tal-ħġieġ tal-vetturi — Ftehimiet ta’ qsim tas-swieq u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Multi — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammont tal-multi — Punt 13 — Valur tal-bejgħ — Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 — It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) — Limitu legali tal-multa — Rata tal-kambju għall-kalkolu tal-limitu tal-multa — Ammont tal-multa — Ġurisdizzjoni sħiħa — Impriżi li jipproduċu prodott wieħed — Proporzjonalità — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża C‑101/15 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2015,

Pilkington Group Ltd, stabbilita f’Lathom (ir-Renju Unit),

Pilkington Automotive Ltd, stabbilita f’Lathom,

Pilkington Automotive Deutschland GmbH, stabbilita f’Witten (il-Ġermanja),

Pilkington Holding GmbH, stabbilita f’Gelsenkirchen (il-Ġermanja),

Pilkington Italia SpA, stabbilita f’San Salvo (l-Italja),

irrappreżentati minn S. Wisking u K. Fountoukakos-Kyriakakos, solicitors, kif ukoll minn C. Puech Baron, avukat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Biolan, M. Kellerbauer u H. Leupold, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, C. Vajda u K. Jürimäe (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Marzu 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ April 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħhom, Pilkington Group Ltd, Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta’ Diċembru 2014, Pilkington Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑72/09, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:1094), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 6815 finali, tat-12 ta’ Novembru 2008, dwar proċediment taħt l-Artikolu [81 KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE (COMP/39.125 – Carglas), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 863 finali, tal-11 ta’ Frar 2009, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 1119 finali, tat-28 ta’ Frar 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti, u sussidjarjament, għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn din timponi multi fuq l-appellanti, jew iktar sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont ta’ din il-multa.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), intitolat “Multi”, jiddisponi:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

a)

jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE]; […]

[…]

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ [dħul mill-bejgħ globali] fis-sena k[u]mmerċjali preċedenti.

[…]”

Il-Linji gwida tal-2006

3

Il-punti 4 sa 6, 13 u 35 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) jistabbilixxu:

“4.

[…] Il-multi għandhom jiġu ffissati f’livell suffiċjentement dissważiv, mhux biss bil-għan li jiġu ssanzjonati l-impriżi inkwistjoni (effett dissważiv speċifiku), iżda wkoll bil-għan li impriżi oħra jiġu dissważi milli jwettqu aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] jew milli jissoktaw b’tali aġir (effett dissważiv ġenerali).

5.

Biex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-multi għandhom jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-valur tal-oġġetti jew tas-servizzi mibjugħa kkonċernati mill-ksur. It-tul tal-ksur ukoll għandu jkollu rwol importanti fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa […]

6.

Il-fatt li l-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul tal-ksur huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża individwali li tipparteċipa fil-ksur. […]

[…]

13.

Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatati direttament jew indirettament [(dan ikun il-każ pereżempju għall-ftehimiet ta’ prezzijiet orizzontali li jirrigwardaw prodott partikolari, meta l-prezz ta’ dan il-prodott iservi sussegwentement bħala bażi għall-prezz ta’ prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri)] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. […]

[…]

35.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Kummissjoni tista’, fuq talba, tieħu inkunsiderazzjoni l-assenza ta’ kapaċità kontributtiva ta’ impriża f’kuntest soċjali u ekonomiku partikolari. Il-Kummissjoni ma hijiex ser tnaqqas multa għal din ir-raġuni fuq il-bażi ta’ sempliċi konstatazzjoni ta’ sitwazzjoni finanzjarja sfavorevoli jew ta’ defiċit. Tnaqqis jista’ jingħata biss fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi li l-impożizzjoni ta’ multa, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida, ser tippreġudika b’mod li ma jkunx jista’ jiġi rrimedjat il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża kkonċernata u ser twassal għat-telf totali tal-valur tal-assi tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

4

Mill-punti 1 sa 12 u 36 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li numru ta’ impriżi, li l-appellanti jagħmlu parti minnhom, ipparteċipaw fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 81(1) KE li jikkonsisti fi ftehim dwar it-tqassim ta’ kuntratti, fis-settur tal-ħġieġ tal-vetturi, għall-provvista ta’ ħġieġ għal vetturi jew ta’ settijiet ta’ ħġieġ, li ġeneralment jinkludu l-ħġieġa ta’ quddiem, il-ħġieġa ta’ wara u t-twieqi tal-ġenb, lill-kostrutturi prinċipali tal-karozzi fiż-ŻEE. Fir-rigward tal-appellanti, il-Kummissjoni kkonstatat dan il-ksur għall-perijodu ta’ bejn l-10 ta’ Marzu 1998 u t-3 ta’ Settembru 2002 u abbażi ta’ dan hija imponiet fil-konfront tagħhom multa f’ammont ta’ EUR 370 miljun in solidum [Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kkontestata].

5

Fit-28 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2013) 1119 finali, li emendat id-Deċiżjoni C (2008) 6815 finali, b’mod partikolari fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kellha essenzjalment l-intenzjoni li tagħmel rettifika ta’ żewġ żbalji li hija qieset li kienet għamlet matul il-kalkolu tal-multa. Konsegwentement għal din id-deċiżjoni, l-ammont il-ġdid tal-multa imposta fuq l-appellanti kien iffissat għal EUR 357 miljuni flok l-ammont inizjali ta’ EUR 370 miljuni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

6

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2009, kif emendat b’ittra li waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Marzu 2013, l-appellanti ppreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata fejn invokaw sitt motivi. Huma biss it-tielet, il-ħames u s-sitt motivi, li jirrigwardaw il-kalkolu tal-multa imposta fuq l-appellanti, li huma rilevanti għal dan l-appell. L-appellanti talbu wkoll lill-Qorti Ġenerali, u dan, jekk ikun applikabbli, irrispettivament minn dawn il-motivi għal annullament, li teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqhom.

7

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

It-talbiet tal-partijiet fl-appell

8

Bl-appell tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tiċħad ir-rikors ippreżentat kontra l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża,

tnaqqas il-multa imposta fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni kontenzjuża, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9

Il-Kummissjoni titlob li l-appell jiġi miċħud u li l-appellanti jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

10

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw tliet aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta ’ liġi fl-interpretazzjoni tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006

L-argumenti tal-partijiet

11

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 217 sa 227 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali l-fatt li ddeċidiet li huwa d-dritt tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuqhom, il-bejgħ magħmul permezz ta’ kuntratti preċedenti għall-perijodu ta’ ksur u li ma kinux innegozjati mill-ġdid matul dan il-perijodu (iktar ’il quddiem il-“bejgħ ikkontestat”).

12

L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatati direttament jew indirettament mal-ksur” fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006. Fil-fatt, dan il-kunċett ma jippermettix lill-Kummissjoni li tikkunsidra l-bejgħ ikkontestat, sakemm ma jkunx evidenti li dan ma seta’ bl-ebda mod jirriżulta mill-ksur, anki jekk dan kien qed ifittex għan ta’ stabbilizzazzjoni globali tas-suq tal-ksur. Għaldaqstant, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-bejgħ ma jipprovdix “valur ta’ sostituzzjoni adegwat”, fis-sens tal-punt 6 ta’ dawn il-linji gwida, għax dan iwassal sabiex l-importanza ekonomika tal-ksur, il-piż relattiv tal-impriża li wettqet dan il-bejgħ fil-kuntest ta’ dan il-ksur u l-ħsara ta’ dan tal-aħħar, ikunu evalwati żżejjed.

13

L-appellanti jenfasizzaw li l-ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-Qorti Ġenerali fil-punt 225 tas-sentenza appellata, dwar il-mod kif jopera u l-għan imfittex mill-ksur, ma huwa ta’ natura tali li juri li l-bejgħ ikkontestat jirriżulta minn dan il-ksur.

14

Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment isostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tinkludi fil-bejgħ ikkunsidrat għall-kalkolu tal-multa imposta fuqhom bħala “bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatati direttament jew indirettament mal-ksur”, fis-sens tal-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-bejgħ kkontestat.

16

Fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tal-għanijiet segwiti mis-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita minn dan ir-regolament, l-impatt imfittex fuq l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, billi tieħu inkunsiderazzjoni dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika reali tagħha waqt il-perijodu li fih twettaq il-ksur (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża li jagħti indikazzjoni, anki jekk approssimattiva u imperfetta, tad-daqs u tas-saħħa ekonomika tagħha, kif ukoll id-dħul mill-oġġetti suġġetti għall-ksur u li għaldaqstant, jista’ jagħti indikazzjoni tad-daqs tal-ksur (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

Taħt il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, “[s]abiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni għandha tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, magħmul mill-impriża, relatati direttament jew indirettament […] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fi ħdan it-territorju taż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-parti introduttiva tagħhom, dawn il-linji gwida jippreċiżaw, fil-punt 6 tagħhom li, “il-valur tal-bejgħ relatat mal-ksur jiġi kkombinat mat-tul tal-ksur huwa meqjus bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex jiġu riflessi l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll il-piż relattiv ta’ kull impriża individwali li tipparteċipa fil-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

19

Minn dan jirriżulta li l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 huwa intiż sabiex jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih. Konsegwentement, minkejja li l-kunċett tal-“valur tal-bejgħ” imsemmi fil-punt 13 ma jistax, ċertament, jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ imwettaq mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkritikat, xorta waħda, madankollu, jiġi ppreġudikat l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jekk dan il-kunċett kellu jinftiehem bħala li jipprevedi d-dħul mill-bejgħ li jkun sar biss mill-bejgħ li huwa stabbilit li jkun ġie affettwat minn dan l-akkordju (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2013, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, C‑444/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:464, punt 76, kif ukoll tat-12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 57).

20

Issa, fir-rigward tal-bejgħ ikkontestat, jekk, hekk kif isostnu l-appellanti, dawn kienu mwettqa taħt kuntratti konklużi qabel il-perijodu tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet korrettament, fil-punt 226 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet intitolata li tinkludi fil-valur tal-bejgħ ikkalkolat skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il-bejgħ imwettaq permezz ta’ kuntratti ta’ provvista konklużi matul il-perijodu tal-ksur, iżda li ma ġiex muri li dawn kienu speċifikament is-suġġett ta’ kollużjoni.

21

Fil-fatt, jirriżulta mill-punti 222 sa 225 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali vvalidat il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni, meta eżaminat ir-raġunijiet, li jirriżultaw mill-mod tat-tħaddim u mill-għanijiet tal-ksur, li fuqhom ibbażat ruħha din l-istituzzjoni sabiex tikkonkludi li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ikkontestat kien iġġustifikat sa fejn dan jippermetti li tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur.

22

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari kkunsidrat, fil-punti 224 u 225 tas-sentenza appellata, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ ikkontestat kien iġġustifikat kemm fir-rigward tal-portata u tal-mod kif jopera l-akkordju kif ukoll fir-rigward tal-għan globali mfittex minnha ta’ stabbiltà tas-suq, b’tali mod li kollużjoni dwar kull kuntratt ta’ provvista ma kienx neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawn, in-neċessità ta’ kollużjoni fir-rigward ta’ kuntratt ta’ provvista speċifiku jiddependi fuq it-tqassim tal-kunsinna, il-bżonn suġġettiv li jittieħdu miżuri sabiex jinżammu l-partijiet tas-suq rispettivi kif ukoll il-kapaċità ta’ kull kuntratt li jikkawża bidla notevoli fil-parti tal-kunsinni ġenerali previsti minn kull parteċipant fl-akkordju.

23

Kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex irrilevanti. Fil-fatt, il-pjan globali tal-akkordju kien jikkonsisti fi tqassim tal-kunsinna ta’ ħġieġ tal-karozzi bejn il-parteċipanti fl-akkordju, fir-rigward kemm tal-kuntratti ta’ provvista eżistenti kif ukoll tal-kuntratti l-ġodda. Għalhekk, dan it-tqassim jikkonċerna, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjoni ta’ fatt magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 24 tas-sentenza appellata, l-attività kollha ta’ dawn il-parteċipanti fis-suq ikkonċernat, li huwa b’mod partikolari kkonfermat bil-mod kif jaħdem dan l-akkordju, li jinkludi miżuri korrettivi li jieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntratti ta’ provvista eżistenti. Minn dan isegwi li l-bejgħ imwettaq taħt il-kuntratti preċedenti għall-perijodu ta’ ksur u li ma ġewx innegozjati mill-ġdid matul dan il-perijodu għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 19 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li jekk il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tinkludi dan il-bejgħ fil-valur tal-bejgħ ikkalkolat skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, l-ammont tal-multa li jirriżulta minn dan ma jirriflettix l-importanza ekonomika tal-ksur. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-bejgħ ikkontestat kien is-suġġett ta’ dan il-ksur.

24

Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq żball ta ’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003

L-argumenti tal-partijiet

25

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 410 sa 423 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-ammont finali tal-multa imposta fuqhom mill-Kummissjoni ma kienx jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali magħmul minnhom matul is-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem il-“limitu legali tal-multa”).

26

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet korretta fl-użu, għall-finijiet tal-konverżjoni tad-dħul mill-bejgħ totali, li, fir-rigward tal-appellanti, kien bil-lira sterlina, tar-rata tal-kambju tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) applikabbli għall-perijodu bejn l-1 ta’ April 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008 u mhux ir-rata tal-kambju applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fit-12 ta’ Novembru 2008. L-ammont massimu li l-Kummissjoni setgħet legalment timponi fuq l-appellanti kien limitat għal EUR 317547860, jiġifieri EUR 39452140 inqas mill-multa li finalment ġiet imposta fuqhom.

27

L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex konformi mal-għan tal-limitu legali tal-multa prevista fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li għandha l-għan li toffri protezzjoni kontra l-varjazzjonijiet fil-kambju qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, jiġifieri d-data li fiha l-multa ssir dovuta.

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ibbażat fuq il-ġurisprudenza dwar ir-rata tal-kambju applikabbli għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, li ma tistax tiġi applikata fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-limitu legali tal-multa, peress li l-għan imfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-introduzzjoni ta’ dan l-aħħar limitu huwa distint u awtonomu minn dak tal-kriterji ta’ gravità u tat-tul tal-ksur. L-għan ta’ dan il-limitu għandu jkun preċiżament li jipprovdi protezzjoni assoluta kontra l-konsegwenzi ta’ ħsara tal-varjazzjonijiet fil-kambju li jistgħu jseħħu sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari, mill-punt 59 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Enso Española vs Il‑Kummissjoni (C‑282/98 P, EU:C:2000:628), mill-punt 89 tas-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni (C‑291/98 P, EU:C:2000:631), mill-punt 606 tas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582), kif ukoll mill-punt 63 tas-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, YKK et vs Il‑Kummissjoni (C‑408/12 P, EU:C:2014:2153).

29

It-tieni nett, l-appellanti jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 418 tas-sentenza appellata, li l-impriżi għandhom iġorru r-riskju ta’ varjazzjonijiet fil-kambju bejn is-sena kummerċjali preċedenti u d-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li jimplika spejjeż kunsiderevoli għal dawn l-impriżi. Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex konformi mal-għan tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u ma għandha l-ebda bażi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

30

It-tielet nett, l-approċċ tal-Qorti Ġenerali ma jippermettix li tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament bejn il-kumpanniji li l-kontabbiltà tagħhom hija stabbilita f’munita li ma hijiex l-Euro u dawk li l-kontabbiltà tagħhom hija bl-Euro, peress li tal-ewwel ser ikunu esposti għar-riskju li l-livell tal-limitu legali tal-multa jvarja sostanzjalment skont il varjazzjonijiet fil-kambju, filwaqt li dawn tal-aħħar ma jkunux esposti għal tali riskju.

31

Ir-raba’ nett, l-approċċ segwit mill-Qorti Ġenerali ma jiżgurax iċ-ċertezza legali, peress li dan joħloq inċertezza fir-rigward tar-riskju finanzjarju massimu li l-impriżi li l-kontabbiltà tagħhom ma hijiex bl-Euro għandhom isostnu.

32

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33

Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti essenzjalment jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet intitolata li tikkalkola l-limitu legali tal-multa skont il-medja tar-rati tal-kambju applikabbli matul is-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, minflok ir-rata tal-kambju applikabbli fid-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Huma jargumentaw li, meta għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali injorat l-għan ta’ dan il-limitu legali, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ ċertezza legali.

34

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multa mhux ser taqbeż 10 % tat-total tad-dħul mill-bejgħ fis-sena kummerċjali preċedenti.

35

L-appellanti, li d-dħul mill-bejgħ tagħhom miksub matul is-sena kummerċjali preċedenti kien bil-lira sterlina, ma jikkontestawx id-dritt tal-Kummissjoni li tiffissa l-multi li hija timponi skont l-Artikolu 23 tar‑Regolament Nru 1/2003 bl-Euro. Din id-dispożizzjoni, madankollu, ma fiha ebda indikazzjoni tar-rata tal-kambju li għandha tintuża għad-determinazzjoni tal-limitu legali tal-multa, meta d-dħul mill-bejgħ totali, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2), kien f’munita li ma hijiex l-Euro.

36

F’dan ir-rigward, sabiex tiġi evalwata l-fondatezza tal-metodu ta’ konverżjoni użat mill-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti Ġenerali rreferiet, mingħajr ma ġiet ikkritikata fuq dan il-punt mill-appellanti, għall-għan imfittex mil-limitu legali tal-multa, kif ippreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 281 u 282 tas-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408), u kif ukoll imfakkar mill-Qorti Ġenerali fil-punt 414 tas-sentenza appellata. Dan il-għan huwa maħsub sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ multi li fir-rigward tagħhom ikun jista’ jiġi previst li l-impriżi, fid-dawl tad-daqs tagħhom kif iddeterminat, anki jekk b’mod approssimattiv u imperfett, permezz tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom, ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jħallsu.

37

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta fuq impriża huwa suġġett għal limitu massimu li jista’ jiġi kkwantifikat u li huwa assolut, b’tali mod li l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost fuq impriża partikolari jista’ jiġi ddeterminat minn qabel (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il‑Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan il-għan, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata minħabba li ddeċidiet, fil-punt 415 tas-sentenza appellata, li huwa bħala prinċipju b’referenza għar-realtà ekonomika kif tidher matul is-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li tissanzjona l-ksur tal-Artikolu 81 KE, li l-limitu massimu li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 għandu jiġi ffissat.

39

Fil-fatt, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-konstatazzjoni hija konformi mal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jżomm id-dħul mill-bejgħ imwettaq fl-aħħar sena kummerċjali li ntemmet li kienet preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li, bħala prinċipju, tistabbilixxi l-ammont tal-multa bħala l-valur ta’ referenza determinat minn qabel, li huwa l-iktar kapaċi li jirrifletti l-kapaċità finanzjarja tal-impriża fid-data fejn hija kkunsidrata bħala responsabbli tal-ksur u fejn sanzjoni pekunjarja hija imposta fuqha mill-Kummissjoni.

40

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, għandu jiġi kkonstatat li din l-għażla wkoll iġġustifikat li jiġu applikati r-rati tal-kambju applikabbli matul dan il-perijodu sabiex issir il-konverżjoni ta’ dan il-valur ta’ referenza, meta dan jiġi espress f’munita li ma hijiex l-Euro.

41

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja ta’ impriża, huwa konformi mal-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li tirreferi, għal dan il-għan, mhux għar-rata tal-kambju applikabbli fid-data tad-deċiżjoni li timponi l-multa, iżda mar-rata tal-kambju medja matul is-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, peress li dan tal-aħħar iktar probabbli li jirrifletti r-realtà ekonomika kif kienet matul dik is-sena.

42

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-appellanti, ma huwiex possibbli li jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, fir-rigward tal-konverżjoni tal-ammont massimu tal-multa, din kienet iddeċidiet li neċessarjament għandu jsir riferiment għar-rata tal-kambju applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li din il-ġurisprudenza tikkonferma li l-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet fil-punt 415 tas-sentenza appellata, li, meta trid tiġi evalwata r-realtà ekonomika hekk kif kienet fi żmien partikolari, huwa loġiku li wieħed jirreferi għar-rati tal-kambju applikabbli matul dan il-perijodu. Fil-fatt, fil-każ oppost, l-evalwazzjoni ta’ din ir-realtà ekonomika kienet neċessarjament tkun ippreġudikata minn fatturi estrinsiċi u aleatorji, bħall-bidliet fir-rati tal-kambju li seħħew matul perijodu ulterjuri għal din is-sena (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il‑Kummissjoni, C‑291/98 P, EU:C:2000:631, punti 86 u 88).

43

Fit-tieni lok, il-metodu ta’ konverżjoni approvat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 416 tas-sentenza appellata jissodisfa r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà tal-limitu legali tal-multa, imfakkar fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, sa fejn dan il-metodu huwa bbażat fuq rata tal-kambju li tista’ issir taf qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi l-multa, u li permezz tagħha huwa possibbli li jiġi ddeterminat minn qabel il-livell massimu tagħha.

44

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kisret l-għan tal-limitu legali, fis-sens li dan il-limitu kien intiż sabiex jiggarantixxi protezzjoni assoluta kontra l-varjazzjonijiet fil-kambju sad-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa, din l-allegazzjoni ma tistax tintlaqa’.

45

Fil-fatt, hekk kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-protezzjoni tikkostitwixxi mhux għan indipendenti mil-limitu legali tal-multa, iżda pjuttost aspett tal-protezzjoni li dan il-limitu joffri kontra l-multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, point 281). Għalhekk, fir-rigward tal-għan tal-limitu legali tal-multa, l-appellanti ma jistgħux jinvokaw il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 28 ta’ din is-sentenza. Jekk din il-ġurisprudenza, dwar il-konverżjoni tal-valur tal-bejgħ fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, tammetti li l-limitu legali jikkostitwixxi limitu għall-konsegwenzi ta’ ħsara possibbli tal-varjazzjonijiet fil-kambju, minn dan la jirriżulta li dan il-limitu jikkostitwixxi protezzjoni assoluta kontra tali varjazzjonijiet u lanqas li r-rata tal-kambju rilevanti għad-determinazzjoni ta’ dan il-limitu huwa dak applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa.

46

Fir-rigward tal-allegati effetti tal-varjazzjonijiet fil-kambju fuq il-livell tal-limitu legali tal-multa kkonvertita f’Euro, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma jipproduċu ebda prova li turi li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 415 tas-sentenza appellata, li l-metodu tal-kalkolu tal-limitu legali tal-multa applikata mill-Kummissjoni jikkostitwixxi limitu għall-konsegwenzi ta’ ħsara possibbli ta’ dawn il-varjazzjonijiet, hija żbaljata. Fil-fatt, jirriżulta mill-punt 42 ta’ din is-sentenza li tali metodu, ibbażat fuq il-medja tar-rati tal-kambju applikabbli matul is-sena kummerċjali preċedenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni li timponi l-multa minflok fuq ir-rata tal-kambju applikabbli fid-data ta’ din id-deċiżjoni, hija pjuttost intiża sabiex tinnewtralizza l-effett ta’ tali varjazzjonijiet fuq il-livell tal-limitu legali tal-multa sad-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. L-argument tal-appellanti, f’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’, peress li metodu ta’ konverżjoni bbażat fuq rata tal-kambju ta’ kuljum huwa neċessarjament ta’ natura aleatorju u inċert, kuntrarjament għall-metodu adottat mill-Qorti Ġenerali.

47

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 416 tas-sentenza appellata, li l-metodu ta’ konverżjoni użat mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tal-limitu legali tal-multa kien konformi mal-għan ta’ dan il-limitu.

48

Barra minn hekk, l-appellanti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-impriżi li l-kontabbiltà tagħhom hija stabbilita f’munita li ma hijiex l-Euro ser isofru minn nuqqas ta’ trattament ugwali meta mqabbla ma’ dawk li l-kontabbiltà tagħhom hija f’Euro minħabba li dawn tal-ewwel jiġu esposti għar-riskju tal-kambju. Fil-fatt, sa fejn l-appellanti ma jikkontestawx li l-multa imposta fuqhom tista’ titwaħħal fl-Euro, huwa inevitabbli li huma jiġu esposti għal varjazzjonijiet fil-kambju. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet fil-punt 418 tas-sentenza appellata, li l-varjazzjonijiet fil-kambju jikkostitwixxu sitwazzjoni li taf tiġġenera vantaġġi u żvantaġġi, li l-impriżi li jwettqu parti mill-bejgħ tagħhom fuq is-swieq tal-esportazzjoni huma ġeneralment mitluba jaffaċċjaw bħala parti mill-attivitajiet tan-negozju tagħhom u li l-eżistenza tagħhom, bħala tali, ma tagħmilx l-impożizzjoni tal-ammont ta’ multa ffissata legalment b’riferiment għall-gravità u għat-tul tal-ksur bħala mhux xierqa.

49

Barra minn hekk, l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Qorti Ġenerali tal-prinċipju ta’ ċertezza legali huwa bbażat, hekk kif ġie deċiż fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, fuq il-premessa żbaljata li l-metodu ta’ kalkolu approvat mill-Qorti Ġenerali kien esponihom għar-riskju li l-livell tal-limitu legali tal-multa jvarja skont il-varjazzjonijiet fil-kambju li jseħħu bejn it-tmiem tas-sena kummerċjali preċedenti u d-data tad-deċiżjoni kkontestata.

50

Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 421 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkalkolat il-limitu legali tal-multa b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ totali magħmul mill-appellanti fis-sena kummerċjali preċedenti, ikkonvertit f’Euro bl-applikazzjoni tar-rati tal-kambju medji applikabbli matul din is-sena.

52

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta ’ ugwaljanza fit-trattament u ta ’ proporzjonalità, kif ukoll fuq in-nuqqas ta ’ eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha

L-argumenti tal-partijiet

53

It-tielet aggravju, dirett kontra l-punti 396 sa 402, 434, 438 u 440 sa 444 tas-sentenza appellata, huwa maqsum f’żewġ partijiet.

54

Permezz tal-ewwel parti, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta applikat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, meta din ċaħdet il-motiv tagħhom li permezz tiegħu sostnew li l-multa imposta lilhom mill-Kummissjoni kienet proporzjonalment ogħla minn dik imposta fuq parteċipanti oħra fl-akkordju, minħabba n-natura inqas iddiversifikata tal-attività tal-appellanti.

55

Għalhekk il-Qorti Ġenerali injorat l-argument tal-appellanti li, meta l-konsegwenzi ta’ ħsara ta’ multa fuq impriża huma sproporzjonati ma’ dik imposta fuq id-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni, kif turi l-perċentwali tal-ammont tal-multa meta mqabbla mad-dħul mill-bejgħ annwali totali ta’ dawn l-impriżi, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Issa f’dan il-każ, dan il-fatt kien ikun prevedibbli fil-mument fejn id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, kif żvelat mir-rapport tal-kumpannija ta’ konsulenza prodott lill-Qorti Ġenerali. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-għan ta’ dan ir-rapport, li ġie prodott mhux bħala prova tal-fatti sussegwenti għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda bħala prova li l-impożizzjoni ta’ multa kbira fuq l-appellanti ser ikollha impatt sproporzjonat u ser tikkawża deterjorazzjoni gravi fis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ dawn meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra tal-akkordju.

56

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argumenti tal-appellanti li kien jallega li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux ta’ possibbiltà ta’ defiċit tal-impriżi li huma inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq, iżda tal-impatt li multa kbira jista’ jkollha fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-impriżi, u b’mod partikolari, dawk li l-attività tagħhom hija inqas diversifikata.

57

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kienet injorat li argumenti simili għal dawk magħmula mill-appellanti kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni f’deċiżjonijiet preċedenti kif ukoll mill-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il‑Kummissjoni (T‑352/09, EU:T:2012:673).

58

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, bl-intensità meħtieġa, sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ trattament ugwali li kienu suġġetti għaliha meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra fil-ksur li ta lok għad-deċiżjoni kkontestata. L-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju ta’ dik il-ġurisdizzjoni, id-diffikultajiet finanzjarji li l-ħlas tal-multa kien ser iġegħelhom jikkonfrontaw, mingħajr ma kien neċessarju, hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 443 tas-sentenza appellata, li tali diffikultajiet jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali. Huwa biżżejjed li dawn id-diffikultajiet ikunu ta’ natura tali li jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-appellanti sabiex jiġu ssuġġettati għal nuqqas ta’ trattament ugwali meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra f’dan il-ksur, sabiex dawn iwasslu għal korrezzjoni tal-ammont tal-multa.

59

Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti essenzjalment jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali l-fatt li, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, hija għamlet applikazzjoni żbaljata tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Huma jemmnu li dawn il-prinċipji jeħtieġu li l-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, l-impatt tal-ħsara manifesta kkawżata mill-multa imposta lill-appellanti meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra fl-akkordju, minħabba n-natura inqas diversifikata tal-attività tagħhom, li jirriżulta f’differenza fil-perċentwali li tirrappreżenta l-multa fid-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati.

61

Fir-rigward tal-elementi li jinsabu fir-rapport tal-kumpannija ta’ konsulenza msemmija fil-punt 400 tas-sentenza appellata, jirriżulta mill-punt 401 ta’ din is-sentenza li huwa essenzjalment għar-raġunijiet esposti fil-punti 274 u 275 tiegħu, jiġifieri li r-rapport jiffoka fuq il-bidliet fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-appellanti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u li, konsegwentement, din bl-ebda mod ma setgħet taffettwa l-legalità ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tal-istħarriġ effettwat skont l-Artikolu 263 TFUE, li l-Qorti Ġenerali sabet li ma kienx hemm lok li teħodhom inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-multa.

62

Minkejja li l-appellanti ċertament impliċitament evokaw żnaturament ta’ dawn il-provi, b’mod partikolari billi invokaw allegat nuqqas mill-Qorti Ġenerali tas-suġġett ta’ dan ir-rapport, is-sempliċi riferiment għal tali żnaturament ma jissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi li allegatament kienu żnaturati u juri l-iżbalji ta’ evalwazzjoni li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali biex tagħmel dan iż-żnaturament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 50).

63

Sussegwentement, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perċentwali tal-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom meta mqabbel mad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata u l-allegat trattament mhux ugwali li jirriżulta minn dan, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali tat tweġiba għal dan, fil-punti 397 sa 399 tas-sentenza appellata.

64

B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, ġustament, fil-punt 398 ta’ din is-sentenza, li ma huwiex kuntrarju għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament li, bl-applikazzjoni tal-metodu tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi, previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, impriża li l-attivitajiet tagħha huma iktar iffokati minn oħrajn fuq il-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi marbuta direttament jew indirettament mal-ksur tiġi imposta multa li tirrappreżenta proporzjon tad-dħul mill-bejgħ tagħha globali iktar għoli minn dak li jirrappreżentaw il-multi imposti rispettivament fuq kull waħda mill-impriżi l-oħra. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li kien inerenti għal dan il-metodu ta’ kalkolu, li ma huwiex ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ globali tal-impriżi kkonċernati, li jkun hemm differenzi bejn dawn l-impriżi fir-rigward tar-relazzjoni bejn dan id-dħul mill-bejgħ u l-ammont tal-multi imposti fuqhom.

65

Hekk kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat fil-punt 397 tas-sentenza appellata, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma hijiex obbligata tiżgura, matul id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, fil-każ fejn tali multi huma imposti fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ globali tagħhom (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 312).

66

Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament invokat mill-appellanti, li kieku wieħed jassumi li dan l-ilment kien jeżiġi li l-Kummissjoni għandha titbiegħed minn dan il-metodu sabiex tiddeċiedi, fir-rigward tal-appellanti, li tnaqqas l-ammont tal-multa minħabba n-natura inqas diversifikata tal-attività tagħhom, għandu jiġi osservat, hekk kif għamlet l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tagħha, li d-differenza perċentwali li tirrappreżenta l-multa tad-dħul mill-bejgħ totali tal-impriżi kkonċernati ma jikkostitwixxix, fih innifsu, raġuni suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat li l-Kummissjoni titbiegħed mill-metodu ta’ kalkolu li hija stess iffissat. Fil-fatt, dan ikun ta’ benefiċċju għall-impriżi l-inqas diversifikati abbażi ta’ kriterji li huma mingħajr rilevanza fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-ksur. Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il‑Kummissjoni vs Alliance One International et, C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67

F’dak li jikkonċerna l-argument tal-appellanti, ibbażat fuq l-impatt li għandha multa sostanzjali fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu, meta hija tiddetermina l-ammont tal-multa, li tieħu inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-impriża kkonċernata, u b’mod partikolari tal-kapaċità ta’ ħlas tagħha, peress li r-rikonoxximent ta’ tali obbligu jwassal sabiex jingħataw vantaġġi kompetittivi inġustifikati lill-impriżi l-inqas adattati għall-kundizzjonijiet tas-suq (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni, C‑328/05 P, EU:C:2007:277, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Fl-aħħar nett, l-appellanti ma jistgħux effettivament isostnu li tali kunsiderazzjonijiet kienu meħuda inkunsiderazzjoni f’deċiżjonijiet oħra tal-Kummissjoni peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala kuntest ġuridiku applikabbli għall-multi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni (sentenza tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata)

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tielet aggravju ma tistax tintlaqa’.

70

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw lill-Qorti Ġenerali li għamlet użu ħażin tal-ġurisdizzjoni sħiħa mogħtija lilha mill-Artikolu 261 TFUE moqri flimkien mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, billi ma naqqsitx l-ammont tal-multa sabiex tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn il-parteċipanti fl-akkordju.

71

Għandu jiġi mfakkar li, konformement mad-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-Qorti Ġenerali għandha s-setgħa, apparti mis-sempliċi stħarriġ ta’ legalità tal-multi imposti mill-Kummissjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-penalità imposta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 75 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

72

Min-naħa l-oħra, meta hija tagħti deċiżjoni dwar il-kwistjonijiet ta’ liġi fil-kuntest ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, għal raġunijiet ta’ ekwità, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali b’tagħha, billi tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti fuq impriżi minħabba l-ksur, minnhom, tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 164 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73

Huwa biss sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-livell tas-sanzjoni huwa mhux biss mhux xieraq, iżda wkoll eċċessiv, tant li huwa sproporzjonat, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali, minħabba n-natura mhux xierqa tal-ammont ta’ multa (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punt 165 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

74

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-punti 433, 438 u 441 tas-sentenza appellata li, fir-rigward tan-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta fuq l-appellanti, il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, għal eżami tal-argumenti ta’ dawn tal-aħħar, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-fatt li minħabba n-natura inqas diversifikata tal-attività tagħhom, l-ammont ta’ din il-multa tħalli impatt ikbar fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom minn dik imposta fuq l-impriżi l-oħra kkonċernati u, it-tieni nett, fuq il-fatt li din il-multa kellha l-konsegwenza li tikkawża deterjorament tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. F’dan il-kuntest, hija kkunsidrat il-provi li jinsabu fir-rapport tal-kumpannija ta’ konsulenza, imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza.

75

Fir-rigward tal-ewwel argument, hekk kif jirriżulta mill-punt 64 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 438 tas-sentenza appellata, li ċ-ċirkustanzi invokati mill-appellanti, jekk jitqiesu bħala kkonfermati, kienu mingħajr rilevanza għall-eżami tal-proporzjonalità tal-multa.

76

Fir-rigward tat-tieni argument, jirriżulta mill-punti 441 u 442 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, ġustament, li l-eżistenza ta’ xi diffikultajiet finanzjarji sussegwenti ma setax jiġġustifika, fih innifsu, tnaqqis tal-multa f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn dan huwa ġġustifikat minn interess maġġuri. Fil-fatt, hekk kif il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonstatat fil-punt 441 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni b’mod awtomatiku ta’ tali diffikultajiet iċaħħad lill-multi li l-Kummissjoni imponiet fuq l-impriżi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 mill-effett dissważiv tagħhom.

77

Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet mhux li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha seta’ biss isir f’ċirkustanzi eċċezzjonali, iżda li tnaqqis tal-multa bbażata fuq l-eżistenza ta’ allegati diffikultajiet finanzjarji seta’ biss isir meta dawn id-diffikultajiet ikunu ta’ natura eċċezzjonali. Fil-punti 434 u 443 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li, abbażi tal-provi quddiemha, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża.

78

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tieni parti tat-tielet aggravju, sa fejn, minn naħa, dan huwa dedott minn qari żbaljat tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, ifittex li jkun hemm eżami mill-ġdid tal-evalwazzjoni tal-fatti quddiem il-Qorti Ġenerali, li ma tistax issir mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, għandu jiġi miċħud.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li t-tielet aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

80

Billi ebda wieħed mill-aggravji mressqa mill-appellanti insostenn tal-appell tagħhom ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

81

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfu u l-Kummissjoni talbet li dawn jiġu kkundannati għall-ispejjeż, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Pilkington Group Ltd, Pilkington Automotive Ltd, Pilkington Automotive Deutschland GmbH, Pilkington Holding GmbH u Pilkington Italia SpA huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.