KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit-30 ta’ Mejju 2017 ( 1 )

Kawża C-649/15 P

TV2/Danmark A/S

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Servizz pubbliku ta’ xandir – Miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tax-xandar Daniż TV2/Danmark – Kunċett ta’ ‘għajnuna mogħtija mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat’ – Sentenza Altmark”

1.

Permezz tal-appell tagħha, TV2/Danmark A/S (iktar ’il quddiem “TV2 A/S”) titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni ( 2 ), li biha din, minn naħa, annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE ( 3 ), inkwantu l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat li d-dħul mir-reklamar għas-sena 1995 u għas-sena 1996 imħallas lil TV2/Danmark permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors tagħha (TV2 A/S hija kumpannija b’responsabbiltà limitata tax-xandir Daniża li nħolqot sabiex tissostitwixxi, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, l-impriża Statali awtonoma TV2/Danmark (iktar ’il quddiem “TV2”). Din il-kawża hija marbuta mal-Kawżi C-656/15 P u C-657/15 P, li jikkonċernaw ukoll appelli kontra s-sentenza appellata u li fihom ser nippreżenta wkoll il-konklużjonijiet tiegħi llum. Din il-kawża tixbah ukoll il-kawża li wasslet għas-sentenza reċenti tat-8 ta’ Marzu 2017, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (C-660/15 P, EU:C:2017:178).

I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

2.

Peress li l-fatti li wasslu għal din il-kawża huma identiċi għal dawk li wasslu għall-Kawża C-656/15 P, nirreferi għall-punti 2 sa 15 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża msemmija, li ġew ippreżentati llum ukoll.

II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3.

Għall-istess raġunijiet, nirreferi għall-punti 16 sa 19 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-656/15 P.

III. Fuq l-appell

4.

Insostenn tal-appell tagħha, TV2 A/S tressaq żewġ aggravji li jirrigwardaw, minn naħa, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, (C-280/00, iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark”EU:C:2003:415, u, fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, il-“kundizzjonijiet Altmark”), u min-naħa l-oħra, il-klassifikazzjoni tar-riżorsi li ġew mid-drittijiet mil-liċenzja li TV2 tħallas lill-kanali reġjonali.

5.

Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija kellha biżżejjed informazzjoni wara l-proċedura bil-miktub u li għaldaqstant, ma kienx hemm bżonn ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali.

A. Fuq l-ewwel aggravju (ir-raba’ kundizzjoni Altmark)

1.  Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet

6.

TV2 A/S issostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ċaħdet il-kap ta’ talbiet prinċipali fir-rikors tagħha abbażi ta’ interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata tar-raba’ kundizzjoni Altmark.

7.

TV2 A/S tikkunsidra b’mod partikolari li, fid-dawl tan-natura partikolari tal-missjoni ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 u l-applikazzjoni retroattiva tal-kundizzjonijiet Altmark, il-Qorti Ġenerali kellha ma tipproċedix b’interpretazzjoni u applikazzjoni strettament litterali tar-raba’ kundizzjoni Altmark, imma tillimita ruħha biex tivverifika jekk, f’dan il-każ, l-għan tagħha kienx milħuq.

8.

Fil-fatt, skont TV2 A/S, l-applikazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali hija impossibbli peress li s-settur ta’ attività ta’ TV2 huwa nieqes mid-dimensjoni kompetittiva u kummerċjali u għaldaqstant ma teżistix “impriża ta’ riferiment” li magħha jista’ jsir il-paragun meħtieġ mill-imsemmija kundizzjoni.

9.

Għaldaqstant, TV2 A/S issostni li l-Qorti Ġenerali kellha tapplika r-raba’ kundizzjoni Altmark fir-rigward tal-għan tagħha ( 4 ), u tikkonstata li, fid-dawl tal-kontroll tal-kontijiet ta’ TV2 magħmula mir-Rigsrevisionen (qorti tal-awdituri, id-Danimarka), dan l-għan kien intlaħaq u li, konsegwentement, din il-kundizzjoni kienet sodisfatta.

10.

TV2 A/S iżżid tgħid li t-teżi tagħha hija kkonfortata mill-fatt li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet Altmark ġew applikati b’mod retroattiv kif ukoll ħsara liċ-ċertezza legali li tirriżulta minnha.

11.

Ir-Renju tad-Danimarka jaderixxi mal-argumenti mressqa minn TV2 A/S insostenn tal-appell tagħha.

12.

Il-Kummissjoni u Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju ta’ TV2 A/S u jsostnu li huwa kompletament infondat.

13.

Fir-replika tagħha, TV2 A/S tikkontesta l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Viasat li bih jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju, billi ssostni, essenzjalment, li l-argumenti tagħha jqajmu fil-fatt punti ta’ liġi.

14.

Fil-kontroreplika tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jsostni li l-kwistjoni dwar il-mod kif għandha tinftiehem u tiġi applikata r-raba’ kundizzjoni Altmark hija punt ta’ liġi u l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali li jikkonċernaw din il-kwistjoni jikkostitwixxu kunsiderazzjonijiet legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

2.  Evalwazzjoni

a)  Fuq l-ammissibbiltà

15.

Jien naqbel mal-Kummissjoni u ma’ Viasat li l-argumenti mressqa minn TV2 A/S huma intiżi li jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tagħmel evalwazzjoni ġdida tal-fatti kif ġew ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, TV2 A/S ma tressaqx argument wieħed awtonomu bbażat fuq żbalji ta’ liġi magħmula mill-Qorti Ġenerali. Jekk hemm xi argumenti li jirrigwardaw punti ta’ liġi, dawn tal-aħħar huma inseparabbli mill-ilment li TV2 A/S tibbaża fuq l-interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Daniż mill-Qorti Ġenerali, ħaġa li hija wkoll punt ta’ fatt ( 5 ).

16.

Iktar minn hekk, TV2 A/S ma tinvokax żnaturament manifest tal-fatti mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, mill-bqija, f’dak il-każ, tibqa’ TV2 A/S li għandha tistabbilixxi jekk, kieku l-Qorti Ġenerali ma żnaturatx il-fatti (quod non), l-eżitu tal-kawża kien ikun differenti, ħaġa li TV2 A/S ma stabbilixxietx lanqas.

17.

Barra minn hekk, kif irrilevat Viasat, l-appell jippreżenta biss kritika ġenerali ħafna tas-sentenza appellata. Bl-istess mod, l-appell ippreżentat minn TV2 A/S ma jressaqx argumenti ġodda, imma jikkonsisti pjuttost essenzjalment f’riferiment għal argumenti diġà mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, li din tal-aħħar eżaminat bir-reqqa qabel ma ċaħdithom.

18.

Ser nerġa’ nittratta xi punti b’mod iktar speċifiku.

1) Fuq l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tagħha

19.

Fis-sentenza appellata (punt 70) il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “ma jistax jiġi aċċettat li s-settur tax-xandir ma jkollux dimensjoni kompetittiva u kummerċjali”; TV2 A/S dan tikkontestah biex tkun tista’ ssostni li ma huwiex possibbli li tinstab impriża ta’ riferiment li magħha jkunu jistgħu jitqabblu l-ispejjeż li jirriżultaw mis-servizz pubbliku li hija tiżgura, ħaġa li twassal li ma tiġix applikata r-raba’ kundizzjoni Altmark skont il-formulazzjoni tagħha.

20.

Ninnota mill-ewwel li l-kwistjoni dwar jekk teżistix impriża medja, immexxija tajjeb u adewgatament mgħammra, li magħha jkunu jistgħu jitqabblu l-ispejjeż ta’ TV2, hija kwistjoni li tikkonċerna l-fatti tal-kawża li, bħala tali, ma jiġux mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja, u dan peress li ma ġie invokat ebda żnaturament tal-provi u TV2 A/S ma invokat ebda żball ta’ liġi fl-argumenti tagħha.

21.

Inżid li, fil-punti 51 sa 73 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat bir-reqqa l-argumenti ta’ TV2 A/S biex ċaħdet, b’motivazzjoni elaborata ħafna, it-teżi li r-raba’ kundizzjoni Altmark kellha tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni adattata f’kawża bħalma hija din, billi rrilevat espliċitament, fil-punt 119 tas-sentenza appellata, li kien possibbli tinstab impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra li magħha setgħu jiġu pparagunati l-ispejjeż ta’ TV2 A/S u ċaħdet l-argumenti ta’ TV2 A/S fejn tgħid li ma huwiex possibbli li tinstab tali impriża.

22.

Issa, TV2 A/S ma tikkontestax dawn il-punti fl-appell tagħha u xorta waħda ssostni l-impossibbiltà li jsir paragun mal-impriżi kummerċjali l-oħra.

2) Fuq l-insuffiċjenza tal-istħarriġ tal-qorti tal-awdituri

23.

TV2 A/S tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-istħarriġ permanenti eżerċitat mill-qorti tal-awdituri biex tivverifika jekk TV2 kinitx impriża mmexxija tajjeb fuq livell ekonomiku kien suffiċjenti biex jiggarantixxi l-osservanza tal-għan fundamentali tar-raba’ kundizzjoni Altmark.

24.

Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet madankollu, wara analiżi tal-provi prodotti f’dan il-każ, kif kienu esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża u ppreżentati lill-Qorti Ġenerali matul il-proċedura, li “[f]i kwalunkwe każ”, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fuq is-suġġett tal-istħarriġ a posteriori ta’ TV2 “lanqas ma jostakolaw eżami iktar dettaljat”.

25.

Għaldaqstant, kif irrilevat il-Kummissjoni, anki jekk wieħed jippreżumi li ma kellhiex tiġi applikata r-raba’ kundizzjoni Altmark skont il-formulazzjoni tagħha f’dan il-każ, iżda li kellu jkun hemm, min-naħa l-oħra, interpretazzjoni tad-dispożizzjoni bbażata fuq l-għan tagħha, dik tkun fi kwalunkwe każ kwistjoni li tikkonċerna l-fatti tal-kawża u, għal dan il-għan, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

26.

Għandu jiġi rrimarkat li lanqas hawn TV2 A/S ma invokat l-iżnaturament mill-Qorti Ġenerali tal-provi li jinsabu fil-proċess u lanqas ma ppreċiżat liema provi allegatament ġew eventwalment żnaturati mill-Qorti Ġenerali, u lanqas ma uriet barra minn hekk, l-eżistenza ta’ żbalji fl-eżami mill-Qorti Ġenerali li setgħu wasslu lil din tal-aħħar biex tiżnatura l-provi li jinsabu fil-proċess.

3) Jekk hemm punti ta’ liġi, dawn huma fi kwalunkwe każ ineffettivi

27.

Quddiem il-Qorti Ġenerali, insostenn tat-talbiet għal annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, TV2 A/S kienet invokat kemm żball ta’ liġi tal-Kummissjoni (inkwantu din kienet allegatament għamlet klassifikazzjoni legali żbaljata fil-kuntest tar-raba’ kundizzjoni Altmark) kif ukoll żbalji tal-Kummissjoni waqt il-konstatazzjoni tal-fatti tal-kawża.

28.

Iċ-ċaħda, min-naħa tal-Qorti Ġenerali, tal-motivi fformulati mir-rikorrenti saret f’żewġ “fażijiet”. Il-Qorti Ġenerali esponiet, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kienet applikat il-kriterju ġuridiku tajjeb (jiġifieri l-applikazzjoni sħiħa tar-raba’ kundizzjoni Altmark). Hija vverifikat sussegwentement jekk l-eżitu tat-tilwima kienx ikun differenti kieku r-rikorrenti kellha raġun fir-rigward tal-kriterju ġuridiku li kellu jiġi applikat (jiġifieri l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark ibbażata fuq l-għan tagħha. Fl-interpretazzjoni sovrana tal-fatti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżitu tat-tilwima kien ikun identiku anki kieku ġie applikat il-kriterju ġuridiku allegat mir-rikorrenti ( 6 ).

29.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, peress li l-Qorti Ġenerali ħasbet fuq dawn iż-żewġ fażijiet fil-kuntest tal-motivi mressqa mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, TV2 A/S setgħet tirbaħ l-appell biss kieku hija uriet li hemm kemm żnaturament manifest tal-fatti kif ukoll żball ta’ liġi għal dak li jikkonċerna l-għażla tal-kriterju ġuridiku applikabbli.

30.

Peress li TV2 A/S ma invokatx l-eżistenza ta’ żnaturament manifest tal-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tipproċedi bl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk hemmx żball ta’ liġi.

31.

Fil-fatt, iż-żewġ domandi purament fattwali u l-argumenti “legali” imressqa minn TV2 A/S – li bihom, fil-każ konkret tagħha, l-assenza ta’ impriża ta’ riferiment li topera taħt kundizzjonijiet normali tas-suq u ta’ dimensjoni kummerċjali tas-servizz pubbliku ta’ xandir għandha twassal għal applikazzjoni teleoloġika tar-raba’ kundizzjoni Altmark – jistrieħu kollha fuq il-premessa li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħmel konstatazzjonijiet ta’ fatt differenti minn dawk tal-Qorti Ġenerali, ħaġa li mhix minnha.

32.

Iktar minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 132 sa 148 tas-sentenza appellata, eżaminat u kkonkludiet, b’mod eżawrjenti li, f’każ fejn, f’dan il-każ, ir-raba’ kundizzjoni Altmark kellha tiġi applikata fis-sustanza tagħha jew b’mod inqas rigoruż, l-eżitu tat-tilwima kien ikun identiku.

33.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, insostni li l-argument ta’ TV2 A/S għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

34.

Huwa biss għal skopijiet ta’ eżawriment li ser neżamina fil-mertu l-argumenti ta’ TV2 A/S.

b)  Fuq il-mertu

1) Fuq l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tagħha

i) Ir-raba’ kundizzjoni hija kompletament applikabbli

35.

Fir-rigward tal-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark, ma naħsibx li l-Qorti Ġenerali tista’ tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju taċ-ċertezza legali meta ddeċidiet li dik il-kundizzjoni tapplika kompletament u talli applikata b’mod retroattiv.

36.

Minn naħa, huwa ċar li l-erba’ kundizzjonijiet Altmark huma kumulattivi u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-fatt li din hija sentenza prinċipali – li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet sensiela ta’ kundizzjonijiet ta’ portata ġenerali – ma jixraqx li tinbidel il-portata tal-kundizzjonijiet imsemmija, li jirrigwardaw sitwazzjoni speċifika, jiġifieri dik li fiha l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna għat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku tagħhom “ma jiħdux vantaġġ finanzjarju u li l-imsemmi intervent m’għandux għalhekk l-effett li jpoġġi tali impriżi f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik ta’ impriżi kompetituri tagħhom” ( 7 ).

37.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, peress li l-kunċett ta’ “għajnuna mill-Istat” huwa ta’ natura oġġettiva, huwa ma jistax jirċievi interpretazzjonijiet diverġenti skont is-settur ikkonċernat f’kawża partikolari. Għalkemm għal setturi li jkollhom karatteristiċi partikolari jkun mixtieq li dan il-kunċett jingħata tifsira, ma huwiex xieraq li jsir hekk meta tkun qiegħda tiġi evalwata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (ħaġa li toħroġ minn evalwazzjoni oġġettiva) imma dan il-bżonn jista’ jimmanifesta ruħu meta tkun qiegħda tiġi evalwata l-kompatibbilità tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern ( 8 ).

38.

Fil-fatt, l-għan tal-kundizzjonijiet Altmark huwa li jiġi stabbilit il-prezz li ntalab fis-suq ġenerali (prezz tas-suq) għas-servizz irrappreżentat mis-servizz pubbliku kkonċernat biex jiġi stabbilit jekk dak is-servizz setax jiġi pprovdut (fl-istess kundizzjonijiet mingħajr intervent statali).

ii) L-applikazzjoni ratione temporis tal-kundizzjonijiet Altmark

39.

TV2 A/S tikkontesta l-applikazzjoni retroattiva ta’ dawn il-kundizzjonijiet

40.

Huwa biżżejjed li titfakkar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ), iċċitata fil-punt 79 tas-sentenza appellata li tgħid “[…] sentenza mogħtija minn rinviju għal deċiżjoni preliminari ma għandhiex valur kostituttiv iżda sempliċement dikjaratorju bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata”.

41.

Fl-istess punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali nnutat ukoll ġustament li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx iddeċidiet li tillimita fiż-żmien l-effetti tas-sentenza Altmark tagħha.

42.

Fil-fatt, l-argument ta’ TV2 A/S jidher li huwa fuq kollox marbut mal-konsegwenzi finanzjarji li jirriżultaw għal TV2 mill-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala “għajnuna mill-Istat”, skont il-kundizzjonijiet Altmark, meta dawn il-miżuri kienu adottati ħafna qabel l-għoti ta’ dik is-sentenza.

43.

Issa, il-Qorti Ġenerali rrifjutat il-possibbiltà li dawn l-eventwali konsegwenzi finanzjarji jkunu jistgħu, f’dan il-każ, jippermettu lil TV2 A/S titlob, abbażi tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li ma jiġux applikati dawk il-kundizzjonijiet ( 10 ).

iii) Fuq il-paragun ma’ impriża medja jew ta’ riferiment

44.

Kif tirrileva Viasat, anki kieku kellu jiġi kkonstatat li paragun konkret ma’ impriża oħra ma kienx possibbli f’dan il-każ u li kienu saru t-tentattivi rilevanti kollha għal dan il-għan – ħaġa li hija kkontestata fis-sentenza appellata (punt 119) – għandu jitfakkar li r-Renju tad-Danimarka setgħet tirrikorri għal proċedura ta’ kuntratt pubbliku, peress li s-sentenza Altmark toffri żewġ soluzzjonijiet biex tkun sodisfatta r-raba’ kundizzjoni li hija timponi: jiġifieri l-għażla ta’ operatur ta’ servizz pubbliku wara proċedura ta’ kuntratt pubbliku jew li l-kumpens ta’ servizz pubbliku jiġi llimitat għall-ispejjeż li tbati impriża medja mmexxija tajjeb għat-twettiq tas-servizz pubbliku.

45.

Jirriżulta mill-punti 116 u 117 tas-sentenza appellata li ma huwiex biżżejjed, biex ir-raba’ kundizzjoni tkun meqjusa sodisfatta, li jintwera li l-benefiċjarju stess huwa impriża mmexxija tajjeb u adewgatament mgħammra (l-argument ta’ TV2 A/S). Dan ma jeħlisx mill-ħtieġa li tinsab impriża ta’ riferiment.

46.

Fi kwalunkwe każ, l-argument ta’ TV2 A/S skont liema huwa possibbli li r-raba’ kundizzjoni Altmark tkun sodisfatta fil-każ partikolari fejn wieħed ma jistax jidentifika impriża ta’ riferiment huwa irrilevanti f’dan il-każ, peress li l-Qorti Ġenerali diġà kkonkludiet fil-punt 119 tas-sentenza appellata li huwa possibbli li tinstab impriża ta’ riferiment li magħha jkunu jistgħu jiġu pparagunati l-ispejjeż ta’ TV2.

47.

Fil-punti 52 u 53 tal-appell tagħha, TV2 A/S tinvoka s-sentenzi BUPA et vs Il-Kummissjoni ( 11 ) u CBI vs Il-Kummissjoni ( 12 ) biex tafferma li, skont iċ-ċirkustanzi, jista’ jkun meħtieġ li tiġi aġġustata r-raba’ kundizzjoni Altmark – abbażi tal-għanijiet imfittxija.

48.

Issa, huwa biżejjed li jiġi rrilevat li din it-teżi diġà ġiet eżaminata bir-reqqa mill-Qorti Ġenerali qabel ma ġiet miċħuda (punti 57 sa 63 u 68 sa 70 tas-sentenza appellata), mingħajr ma TV2 A/S semmietha fl-appell tagħha.

49.

Kif ingħad fis-sentenza appellata (punti 57 u 58), iċ-ċirkustanzi kienu differenti ħafna fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29), u bl-ebda mod paragunabbli ma’ dawk tal-każ preżenti. Issa, TV2 A/S ma tgħid xejn fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħha fuq dan is-suġġett.

50.

Fir-rigward tas-sentenza CBI, huwa biżżejjed li jiġi rrimarkat li, f’din il-kawża, ma kinitx kwistjoni li tiġi awtorizzata applikazzjoni aġġustata tar-raba’ kundizzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li dan kien settur ta’ attività partikolari ħafna, is-settur tal-kura fl-isptar, li ma huwiex neċessarjament mogħni b’dimensjoni kompetittiva u kummerċjali, kienu għaldaqstant irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-punt dwar jekk kinitx sodisfatta r-raba’ kundizzjoni Altmark ( 13 ).

51.

Fi kwalunke każ, naħseb (l-istess bħall-Kummissjoni) li ma hemmx dubju li s-settur tax-xandir ta’ servizz pubbliku għandu dimensjoni kompetittiva u kummerċjali, ħaġa li l-Qorti Ġenerali kkonstatat ukoll fl-evalwazzjoni sovrana tal-fatti tal-każ.

2) Fuq l-argument ibbażat fuq l-istħarriġ magħmul mill-qorti tal-awdituri

52.

Kif tirrileva Viasat, l-aggravji u t-talbiet ta’ TV2 A/S għandhom jinftiehmu a priori li, f’dan il-każ, ir-raba’ kundizzjoni Altmark fis-sens litterali tagħha ma ġietx sodisfatta u, konsegwentement, li ma kienx hemm analiżi tal-ispejjeż li impriża medja u mmexxija tajjeb kienet tinkorri biex twettaq dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku.

53.

Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-istħarriġ magħmul mill-qorti tal-awdituri huwa rilevanti biss, fil-prinċipju, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata (ħaġa li fil-fehma tiegħi tkun skorretta) li, fil-każ ta’ TV2 A/S, ir-raba’ kundizzjoni Altmark kellha tkun is-suġġett ta’ applikazzjoni aġġustata fis-sens suġġerit minn TV2 A/S.

54.

Nemmen li l-Qorti Ġenerali, f’dan il-każ, applikat korrettement ir-raba’ kundizzjoni Altmark meta eżiġiet paragun tal-ispejjeż ta’ TV2 A/S ma’ dawk li impriża mmexxija tajjeb u adegwatament mgħammra kienet issostni.

55.

Issa, fil-każ improbabbli li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li ma kellhiex tiġi applikata r-raba’ kundizzjoni Altmark skont il-formulazzjoni tagħha f’dan il-każ, imma li jeħtieġ, min-naħa l-oħra, tiġi applikata d-dispożizzjoni skont l-għan tagħha, huwa paċifiku li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet, wara analiżi tal-provi prodotti f’dan il-każ, hekk kif ġew esposti fid-deċiżjoni kontenzjuża u ppreżentati lill-Qorti Ġenerali matul il-proċedura, li “[f]i kwalunkwe każ”, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti fuq is-suġġett tal-istħarriġ a posteriori ta’ TV2 “lanqas ma [kienu] jostakolaw eżami iktar dettaljat” ( 14 ).

56.

Mis-suespost jirriżulta li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat.

B. Fut it-tieni aggravju (ir-riżorsi tal-kanali reġjonali)

1.  Ġabra fil-qosor tal-argumenti tal-partijiet

57.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, TV2 A/S issostni li inkwantu l-Qorti Ġenerali eżaminat fil-mertu u ċaħdet it-tieni kap ta’ talbiet sussidjarji, meta TV2 A/S u l-Kummissjoni ma kinux mhux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni tar-riżorsi bbażati fuq id-drittijiet mil-liċenzja mħallsa minn TV2 lill-kanali reġjonali, din tal-aħħar iddeċidiet ultra petita, eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ta’ legalità u kisret il-prinċipju ta’ kontradittorju.

58.

Barra minn hekk, TV2 A/S issostni li l-evalwazzjoni tal-mertu mill-Qorti Ġenerali hija bbażata fuq interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt Daniż.

59.

B’mod partikolari, TV2 A/S issostni li bl-ebda mod ma jirriżulta minn dak id-dritt Daniż li TV2 kellha tħallas remunerazzjoni għall-kanali reġjonali tagħha għall-provvista ta’ programmi reġjonali mxandra minn TV2 jew li l-ħlas lil dawk il-kanali, ta’ riżorsi ġejjin mid-drittijiet mil-liċenzja kien jikkostitwixxi obbligu ta’ remunerazzjoni li TV2 assumiet hija stess fil-konfront tal-imsemmija kanali bħala korrispettiv għall-provvista ta’ dawk il-programmi.

60.

Ir-Renju tad-Danimarka jaderixxi mal-argumenti mressqa minn TV2 A/S insostenn tal-appell tagħha.

61.

Il-Kummissjoni u Viasat jikkontestaw l-ammissibbiltà ta’ dan l-aggravju ta’ TV2 A/S u jsostnu li huwa kompletament infondat.

62.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tippreċiża li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiċħadx dan bħala inammissibbli, hija għandha tiddeċiedi li, inkwantu TV2 A/S, quddiem il-Qorti Ġenerali, qablet mal-Kummissjoni fuq il-fatt li l-ilment intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża inkwantu din kienet tikklassifika bħala “għajnuna mill-Istat” it-trasferiment, minn TV2 lill-kanali reġjonali tagħha, ta’ riżorsi li ġejjin mid-drittijiet mil-liċenzja kellu jiġi miċħud bħala mingħajr suġġett, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li dan l-ilment ma kienx għadu intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża fuq dan il-punt u tiddikjarah inammissibbli.

63.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni żżid li, għalkemm huwa manifest li l-imsemmija riżorsi jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, ma jirriżultax bħala tali mid-deċiżjoni kontenzjuża li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tippronunzja ruħha fuq din il-kwistjoni (dwar jekk ir-riżorsi li jiġu mid-drittijiet mil-liċenzja u li TV2 ħallset lill-kanali reġjonali kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat jew le).

2.  Evalwazzjoni

a)  Fuq l-ammissibbiltà

64.

TV2 A/S tinvoka interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt Daniż mill-Qorti Ġenerali (“[i]l-konstatazzjonijiet li fuqhom tistrieħ il-konklużjoni ma jistgħux ikunu dedotti mill-proċess u jmorru kontra, b’mod manifest, id-dritt Daniż”; fil-punt 84 tal-appell).

65.

Issa, l-interpretazzjoni tad-dritt Daniż hija kwistjoni ta’ fatt li ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66.

Iktar minn hekk, ma hemmx żnaturament manifest tal-fatti tal-kawża min-naħa tal-Qorti Ġenerali li, wara kollox, TV2 A/S ma tinvokax.

67.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, il-fatti tal-kawża huma inkontestabbilment ta’ natura kumplessa ħafna. Dan huwa b’mod partikolari l-każ tal-leġiżlazzjoni Daniża fil-materja li ma għenitx ix-xogħol tal-Qorti Ġenerali.

68.

Madankollu dan ma jbiddel xejn mill-fatt li TV2 A/S ma ppreċiżatx liema provi ġew eventwalment żnaturati mill-Qorti Ġenerali, u mill-bqija lanqas uriet l-eżistenza ta’ żbalji fl-eżami tal-Qorti Ġenerali li setgħu wassluha biex żnaturat il-provi li jinsabu fil-proċess. Flok dan kollu, hija tuża dan l-argument bħala pretest sabiex tipproċedi fil-fażi tal-appell għal eżami ġdid iktar dettaljat tad-dritt Daniż (ara l-punti 85 sa 111 tal-appell) u biex tikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-provi li jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dak id-dritt, meta dawk il-provi diġà ġew analizzati b’mod approfondit fis-sentenza appellata.

69.

TV2 A/S tiċċita s-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés SA, C-326/05 P, EU:C:2007:443, punti 57 sa 60 u tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C-559/12 P, EU:C:2014:217, punti 78 sa 81) sabiex issostni li l-interpretazzjoni manifestament żbaljata tad-dritt nazzjonali li hija tallega hija kompletament suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

70.

Issa, bl-argumenti tagħha u l-eżami mill-ġdid tad-dritt Daniż fl-appell, TV2 A/S tikkontesta fir-realtà sempliċement – kif kien il-każ fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-3 ta’ April 2014, Franza vs Il-Kummissjoni (C‑559/12 P, EU:C:2014:217) – l-evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali għamlet tal-provi li jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Daniż, ħaġa li diġà ġiet analizzata b’mod approfondit fis-sentenza appellata (punti 166 sa 173).

71.

It-tieni aggravju jidhirli huwa inammissibbli.

72.

Għaldaqstant, huwa biss għall-iskopijiet ta’ eżawriment li ser neżamina fil-mertu l-argumenti ta’ TV2 A/S.

b)  Fuq il-mertu

73.

TV2 A/S issostni li l-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-prinċipji fundamentali tad-dritt proċedurali meta pproċediet, fil-punti 152 sa 157 tas-sentenza appellata (il-parti li teżamina fil-mertu u tiċħad it-tieni kap ta’ talbiet magħmula b’mod sussidjarju minn TV2 A/S quddiem il-Qorti Ġenerali), b’interpretazzjoni preliminari tad-deċiżjoni kontenzjuża (skont TV2 A/S, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex tikkonstata li TV2 kienet suġġetta għal obbligu awtonomu ta’ ħlas fir-rigward tal-kanali reġjonali tagħha).

74.

Kif tirrileva Visat, il-fatt li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni u TV2 A/S kienu qegħdin jaqblu fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża ma jbiddilx il-libertà ta’ din li tinterpreta dik id-deċiżjoni, f’kawża fejn hija kkontestata.

75.

Fil-fatt, il-qorti tal-Unjoni għandha tipproċedi b’evalwazzjoni ta’ att fid-dawl tal-motivazzjoni tiegħu, mingħajr ma l-Kummissjoni tkun tista’ tbiddel l-istess matul l-istanza.

76.

Pereżempju, skont ġurisprudenza stabbilita “l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal deċiżjoni individwali għandu bħala iskop li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja [jew lill-Qorti Ġenerali] li teżerċita l-kontroll tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni u li tagħti lill-parti interessata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata b’mod ġust jew jekk hijiex possibilment ivvizzjata b’difett li jagħti lok għal kontestazzjoni tal-validità […]. [I]l-motivazzjoni, bħala prinċipju, għandha tiġi kkomunikata lill-interessata fl-istess żmien mad-deċiżjoni li takkużah. In-nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax jiġi regolarizzat mill-fatt li l-parti interessata ssir taf bir-raġunijiet għad-deċiżjoni matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja [jew lill-Qorti Ġenerali]” ( 15 ).

77.

Għaldaqstant, nemmen li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat il-premessa 194 tad-deċiżjoni kontenzjuża, anki jekk, matul il-proċedura, TV2 A/S u l-Kummissjoni qablu fuq il-mod li għandu jiġi interpretat dak l-att, u dan inkunsiderazzjoni tal-fatt li TV2 A/S ma riditx tirtira t-talba relattiva tagħha (ara s-sentenza appellata, punti 154 u 157).

78.

Fil-punt 168 tas-sentenza appellata ( 16 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet abbażi tal-fatti kif jirriżultaw mid-deċiżjoni kontenzjuża u mill-proċess – li TV2 setgħet titqies li taġixxi biss bħala “organu tal-ħlas” fil-konfront tal-kanali reġjonali tagħha (punt 166), imma kellha pjuttost titqies bħala suġġetta għall-obbligu awtonomu ta’ ħlas fir-rigward tal-imsemmija kanali msemmija (punt 167).

79.

L-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fuq il-fatti tal-kawża tirriżulta barra minn hekk mill-punti 169 sa 173 tas-sentenza appellata, fejn hija teżamina l-leġiżlazzjoni Daniża abbażi tal-konklużjoni tagħha.

80.

Iktar minn hekk, anki l-Kummissjoni (u dan minkejja l-argumenti tagħha fil-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet) tammetti li l-evalwazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali għamlet fuq l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża huma legalment korretti ( 17 ).

81.

Fi kwalunkwe każ, il-punt dwar jekk TV2 kinitx suġġetta għal obbligu awtonomu ta’ ħlas fil-konfront tal-kanali reġjonali tagħha hija kwistjoni li tikkonċerna l-fatti tal-kawża u, għal dan il-għan, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

82.

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

C. Fuq is-sostituzzjoni tal-aggravji

83.

Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li t-tieni kundizzjoni Altmark kienet sodisfatta f’dan il-każ u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’sostituzzjoni tal-aggravji f’dan ir-rigward.

84.

Nemmen li, inkwantu dan l-argument la jinsab fl-appell tagħha stess kontra s-sentenza appellata (ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C-656/15 P tal-lum) ( 18 ) u lanqas f’appell inċidentali, imma fir-risposta għal dan l-appell ta’ TV2 A/S u li din it-talba la hija intiża għall-ilqugħ u lanqas għaċ-ċaħda, totali jew parzjali, tal-appell (Artikolu 174 tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja), il-Kummissjoni ma tistax testendi s-suġġett ta’ dan l-appell, li ma jirrigwardax dawn l-evalwazzjonijiet. It-talba tagħha ma tistax ħlief tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

85.

Barra minn hekk, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni wkoll, inkwantu l-kundizzjonijiet Altmark huma kumulattivi, tali talba għas-sostituzzjoni tal-aggravji tkun ta’ interess biss f’każ li jintlaqa’ l-ewwel aggravju tal-appell ta’ TV2 A/S, dwar l-applikazzjoni tar-raba’ kundizzjoni Altmark, ħaġa li ma huwiex il-każ. Konsegwentement, l-imsemmija talba għandha titqies bħala li hija, fi kwalunkwe każ, ineffettiva.

IV. Fuq l-ispejjeż

86.

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni u Viasat talbu li TV2 A/S tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż u din tal-aħħar tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħhom.

87.

Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-vertenza għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess. Ir-Renju tad-Danimarka, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

V. Konklużjoni

88.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell u tikkundanna lil TV2/Danmark A/S għall-ħlas tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ Viasat Broadcasting UK Ltd. Ir-Renju tad-Danimarka għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015, T-674/11, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:684.

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C-2/03) għal TV2/Danmark (ĠU 2011, L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

( 4 ) Għal TV2 A/S, huwa biżżejjed, essenzjalment, li biex ir-raba’ kundizzjoni Altmark tkun sodisfatta il-kumpens għall-provvista ta’ servizz pubbliku jkun użat b’mod effikaċi, sabiex il-missjoni ta’ servizz pubbliku titwettaq bl-aħjar mod possibbli bl-inqas spiża possibbli.

( 5 ) Il-fatt li l-argumenti ta’ TV2 A/S jistrieħu prinċipalment fuq id-dikjarazzjonijiet u spjegazzjonijiet tagħha dwar il-fatti tal-kawża jidher b’mod partikolarment ċar mill-punti 27 sa 48, 54 sa 62 u 85 sa 111 tal-appell. Dwar l-argumenti ta’ TV2 A/S ibbażati fuq id-dritt Daniż, ara wkoll il-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 6 ) Punt 70 tas-sentenza appellata għal dak li jirrigwarda l-punt dwar jekk is-settur tax-xandir għandux dimensjoni kometittiva u kummerċjali, punt 119 għal dak jirrigwarda l-punt dwar jekk huwiex possibbli li tinstab impriża medja li magħha jkunu jistgħu jiġu pparagunati l-ispejjeż ta’ TV2 u punti 132 sa 148 għal dak li jirrigwarda l-punt tan-natura suffiċjenti tal-istħarriġ a posteriori ta’ TV2 mill-qorti tal-awdituri Daniża.

( 7 ) Punt 87 tas-sentenza Altmark.

( 8 ) Dan hu dak li jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Protokoll ta’ Amsterdam, li jirripproduċi l-kliem tal-Artikolu 106(2) TFUE.

( 9 ) Sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Q-Beef u Bosschaert, C-89/10 u C-96/10, EU:C:2011:555, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.

( 10 ) Punti 81 u 82 tas-sentenza appellata.

( 11 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T-289/03, EU:T:2008:29).

( 12 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni (T-137/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza CBI”, EU:T:2012:584).

( 13 ) Sentenza CBI, punti 35 u 36 (ara wkoll il-punti 289 et seq).

( 14 ) Punt 132 tas-sentenza appellata. L-eżami, mill-Qorti Ġenerali, tal-argumenti ta’ TV2 A/S li jaffermaw li r-raba’ kundizzjoni Altmark kienet sodisfatta “fis-sustanza tagħha” jinsab fil-punti 133 sa 148 tas-sentenza appellata.

( 15 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 462463.

( 16 ) “Issa, ma hemm xejn fl-argumenti tar-rikorrenti li jippermetti li jiġi konkluż li fil-każ previst fil-punt 166 iktar 'il fuq li għandu jitqies f’din il-kawża. Għall-kuntrarju, il-fatti, hekk kif jirriżultaw mid-deċiżjoni kkontestata u mill-proċess, mingħajr ma ġew kontradetti mir-rikorrenti, jippermettu li jikkonkludu li huwa pjuttost il-każ previst fil-punt 167 iktar 'il fuq li jikkorrispondi għar-realtà tal-fatti”.

( 17 ) Fil-fatt, inkwantu r-riżorsi li rċeviet TV2 kienu kkalkolati biex hija tingħata kumpens għat-tmexxija ta’ servizz pubbliku li għalih kienet responsabbli, TV2 kienet il-benefiċjarja ta’ għajnuna li l-eżistenza tagħha kienet ippruvata (peress li l-erba’ kundizzjonijiet Altmark ma kinux sodisfatti).

( 18 ) Il-Kummissjoni ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar it-tieni kundizzjoni Altmark.