SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
15 ta’ Settembru 2016 ( *1 )
“Dumping — Importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina — Dazju antidumping definittiv — Rikors għal annullament — Inċidenza diretta — Interess individwali — Ammissibbiltà — Artikolu 2(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 — Valur normali — Spejjeż tal-produzzjoni”
Fil-Kawża T‑111/14,
Unitec Bio SA, stabbilita fi Buenos Aires (l-Arġentina), irrappreżentata minn J.-F. Bellis, R. Luff u G. Bathory, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentat minn S. Boelaert u B. Driessen, sussegwentement minn H. Marcos Fraile, bħala aġenti, assistiti minn R. Bierwagen u C. Hipp, avukati,
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. França u A. Stobiecka-Kuik, bħala aġenti,
u minn
European Bijodiżil Board (EBB), stabbilit fi Brussell (il-Belġju) irrappreżentat minn O. Prost u M.-S. Dibling, avukati,
intervenjent,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad-19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013, L 315, p. 2), sa fejn jimponi dazju antidumping fuq ir-rikorrenti,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn G. Berardis, President, O. Czúcz (Relatur) u A. Popescu, Imħallfin,
Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,
wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2015,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża u r-regolament ikkontestat
1 |
Ir-rikorrenti, Unitec Bio SA, hija produttriċi Arġentina tal-bijodiżil. |
2 |
Il-bijodiżil, li huwa karburant alternattiv simili għad-dijżil konvenzjonali, huwa mmanifatturat fl-Unjoni Ewropea, iżda jiġi impurtat ukoll fi kwantitajiet kbar. Fl-Arġentina, huwa jiġi prodott mill-fażola tas-soja u miż-żejt tal-fażola tas-soja (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“materja prima ewlenija”). |
3 |
Sussegwentement għal ilment imressaq fis-17 ta’ Lulju 2012 mill-European Biodiesel Board (EBB) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw iktar minn 60 % tal-produzzjoni totali ta’ bijodiżil tal-Unjoni, fid-29 ta’ Awwissu 2012 il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat avviż ta’ ftuħ tal-proċedura antidumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2012, C 260, p. 8), skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”). |
4 |
L-investigazzjoni tad-dumping u d-dannu kopriet il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2011 sat-30 ta’ Ġunju 2012 (iktar ’il quddiem il-“perijodu ta’ investigazzjoni”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-evalwazzjoni tad-dannu kopra l-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-tmiem tal-perijodu ta’ investigazzjoni. |
5 |
Minħabba n-numru ta’ produtturi esportaturi Arġentini, fil-kuntest tal-investigazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tlieta produtturi esportaturi jew gruppi tagħhom abbażi tal-ikbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni Ir-rikorrenti ma kinitx inkluża f’dan il-kampjun. |
6 |
Fis-27 ta’ Mejju 2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 490/2013 tas-27 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u mill-Indoneżja (ĠU 2013, L 141, p. 6, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament provviżorju”). F’dan ir-regolament, hija kkonstatat, b’mod partikolari, li l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina huma suġġetti għal dumping, li tikkawża dannu lill-industrija tal-Unjoni, u kkunsidrat li l-adozzjoni ta’ dazju antidumping fir-rigward tal-imsemmija importazzjonijiet kienu fl-interess tal-Unjoni. |
7 |
Fir-rigward tal-kalkolu ta’ marġni u, b’mod iktar speċifiku, tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott simili f’dak li jirrigwarda l-Arġentina, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-bejgħ intern ma twettqax matul l-operazzjonijiet kummerċjali normali, peress li s-suq Arġentin tal-bijodiżil kien irregolat ħafna mill-Istat. Konsegwentement, l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, skont liema meta l-bejgħ tal-imsemmi prodott ma jitwettaqx matul operazzjonijiet kummerċjali normali, il-valur normali ta’ dan il-prodott, għandu jiġi kalkolat fuq il-bażi tal-kost tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini biż-żieda ta’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż ta’ bejgħ, l-ispejjeż ġenerali u amministrattivi u ta’ marġini raġonevoli ta’ profitt, jew fuq il-bażi ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni, matul l-operazzjonijiet kummerċjali normali, lejn pajjiż terz xieraq sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. |
8 |
Fir-rigward tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-bijodiżil li joriġina mill-Arġentina, il-Kummissjoni rrilevat li l-EBB argumenta li l-ispejjeż tal-produzzjoni li jidhru fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati ma jirriflettux b’mod raġonevoli l-ispejjeż ta’ produzzjoni tal-bijodiżil. Din id-dikjarazzjoni kienet tirrigwarda s-sistema ta’ Taxxa Differenzjali għall-Esportazzjoni Arġentina (iktar ’il quddiem, is-“sistema ta’ TDE”), li, skont il-kwerelanti, toħloq distorsjoni tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija. Inkunsiderazzjoni tal-fatt li ma kellhiex biżżejjed informazzjoni sabiex tiddeċiedi b’mod l-iktar xieraq sabiex tittratta din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-valur normali tal-bijodiżil abbażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni li jidhru fl-imsemmija reġistri, filwaqt li tindika madankollu li din il-kwistjoni se tiġi eżaminata iktar fil-fond fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni. |
9 |
Fid-19 ta’ Novembru 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 tad-19 ta’ Novembru 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina u l-Indoneżja (ĠU 2013, L 315, p. 2, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). |
10 |
L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-valur normali tal-prodott simili f’dak li jirrigwarda l-Arġentina, il-Kunsill ikkonferma l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju skont liema dan għandu jiġi kkalkolat konformement għall-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, peress li s-suq Arġentin tal-bijodiżil huwa rregolat ħafna mill-Istat (premessa 28 tar-regolament ikkontestat). |
11 |
Fir-rigward tal-ispejjeż tal-produzzjoni, il-Kunsill aċċetta l-proposta tal-Kummissjoni li jiġu emendati l-konklużjonijiet tar-Regolament provviżorju u li ma jittieħdux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-materja prima ewlenija indikati fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati b’applikazjzoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Skont il-Kunsill, din l-informazzjoni ma tirriflettix b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni tal-bijodiżil fl-Arġentina, minħabba l-fatt li s-sistema ta’ TDE toħloq distorsjoni tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija fis-suq intern Arġentin. Huwa ssostitwihom bil-medja tal-prezzijiet ta’ referenza tal-fażola tas-soja ppubblikati mill-Ministeru tal-Agrikultura Arġentina għall-esportazzjoni fuq il-valur frank abbord (free on board – FOB) matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem, il-“prezz ta’ referenza”) (premessi 35 sa 40 tar-regolament ikkontestat). |
12 |
It-tieni nett, filwaqt li kkonferma l-parti l-kbira tal-kunsiderazzjonjiet li jidhru fir-Regolament provviżorju, il-Kunsill ikkonstata li l-industrija tal-Unjoni ssubixxiet dannu kbir fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku (premessi 105 sa 142 tar-regolament ikkontestat) u li dan id-dannu ġie kkawżat mill-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Arġentina li kienu suġġetti għal dumping (premessi 144 sa 157 tar-regolament ikkontestat). F’dan il-kuntest, il-Kunsill kkonstata li fatturi oħra, fosthom, b’mod partikolari, l-importazzjonijiet imwettqa mill-industrija tal-Unjoni (premessi 151 sa 160 tar-regolament ikkontestat), l-użu dgħajjef tal-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni (premessi 161 sa 171 tar-regolament ikkontestat) u s-sistema ta’ għadd doppju ta’ bijodiżil prodott minn żjut għar-rimi li jeżisti f’ċerti Stati Membri (premessi 173 sa 179 tar-regolament ikkontestat) ma kienux kapaċi li jiksru din ir-rabta kawżali. |
13 |
It-tielet nett, il-Kunsill ikkonferma li l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping inkwistjoni jibqgħu fl-interess tal-Unjoni (premessi 190 sa 201 tar-regolament ikkontestat). |
14 |
Fid-dawl tal-marġini ta’ dumping ikkonstatati u l-livell ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, il-Kunsill b’mod partikolari ddeċieda li l-ammonti ddepożitati bħala dazji antidumping provviżorji, stabbiliti bir-Regolament provviżorju, għandhom definittivament jinġabru (premessa 228 u Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat) u li dazju antidumping definittiv għandu jiġi stabbilit fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina [Artikolu 1(1) tar-regolament ikkontestat]. |
15 |
Fl-Artikolu 1(2) tar-regolament ikkontestat, ir-rati ta’ dazju antidumping definittiv applikabbli għall-prodott inkunsiderazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-importazzjonjiet Arġentini, ġew stabbiliti kif ġej: |
Il-Kumpanija |
Rata tad-dazju euro għal kull tunnellata netta |
Kodiċi TARIC addizzjonali |
Aceitera General Deheza SA, General Deheza, Rosario ; Bunge Arġentina SA, Buenos Aires |
216.64 |
B782 |
LDC Arġentina SA, Buenos Aires |
239.35 |
B783 |
Molinos Río de la Plata SA, Buenos Aires ; Oleaginosa Moreno Hermanos SAFICI y A, Bahia Blanca ; Vicentin SAIC, Avellaneda |
245,67 |
B784 |
Kumpaniji oħra li kkooperaw: Cargill SACI, Buenos Aires ; Unitec Bio, Buenos Aires ; Viluco SA, Tucuman |
237.05 |
B785 |
Il-kumpaniji l-oħra kollha |
245.67 |
B999 |
16 |
Wara lment ieħor tal-EBB, il-Kummissjoni bdiet ukoll, parallelament għall-proċedura antidumping, proċedura antisussidji fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijodiżil li joriġina mill-Arġentina u mill-Indoneżja. Wara l-irtirar ta’ dan l-iment permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Ottubru 2013, din il-proċedura ingħalqet mingħajr l-istabbilliment ta’ dazji definittivi, permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1198/2013 tal-25 ta’ Novembru 2013 li ttemm il-proċediment antisussidji li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina fl-Arġentina u fl-Indoneżja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 330/2013 li jissoġġetta dawn l-importazzjonijiet għal reġistrazzjoni (ĠU 2013, L 315, p. 67). |
Proċedura u t-talbiet tal-partijiet
17 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti ressqet ippreżentaw dan ir-rikors. |
18 |
Fit-2 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill ippreżenta r-risposta. Ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati, rispettivament, fis-6 ta’ Awwissu 2014 mir-rikorrenti u fil-21 ta’ Ottubru 2014 mill-Kunsill. |
19 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fit-13 ta’ Mejju u fit-2 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni u l-EBB talbu sabiex jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ digrieti tas‑17 ta’ Lulju 2014, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi. L-intervenjenti ppreżentaw in-nota tagħhom u l-partijiet l-oħra ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuqhom fit-termini stabbiliti. |
20 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. |
21 |
Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Settembru 2015, din il-kawża u l-kawżi T‑112/14 Molinos Río de la Plata vs Il‑Kunsill, T‑113/14, Oleaginosa Moreno Hermanos vs Il‑Kunsill, T‑114/14, Vicentin vs Il‑Kunsill, T‑115/14, Aceitera General Deheza vs Il‑Kunsill, T‑116/14, Bunge Arġentina vs Il‑Kunsill, T‑117/14, Cargill vs Il‑Kunsill, T‑118/14, LDC Arġentina vs Il‑Kunsill, kif ukoll T‑119/14, Carbio vs Il‑Kunsill, ġew magħċuda għall-finijiet tal-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ Diċembru 2015. |
22 |
Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali (id-Disa’ Awla) talbet xi kjarifiki lill-partijiet u stednithom li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq ir-risposti tal-partijiet l-oħra. |
23 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
24 |
Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Fuq l-ammissibbiltà
25 |
Mingħajr ma invokat formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 114 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Mejju 1991, il-Kunsill jikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Essenzjalment, huwa jargumenta li r-rikorrenti ma għandhiex il-locus standi sabiex tippreżenta rikors għal annullament skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Peress li r-rikorrenti ma tifformax parti mill-kampjun magħżul, (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), hija ma ġietx identifikata biżżejjed fir-regolament ikkontestat, billi hija ssemmiet biss fost “[k]umpaniji oħrajn li kkooperaw”, u li l-kalkolu ta’ dumping ma ġiex stabbilit fuq il-bażi tal-informazzjoni dwar l-attività kummerċjali tagħha. Il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva kienet biss indiretta u ma kinitx biżżejjed, per se, sabiex tistabbilixxi l-interess individwali tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li hija kienet individwalment ikkonċernata bir-regolament ikkontestat minħabba ċerti kwalitajiet li huma speċifiċi għaliha u li jikkaratterizzawha meta mqabbla ma’ kull persuna oħra. |
26 |
F’dan ir-rigward, b’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan l-artikolu tressaq appell kontra att indirizzat lilha jew li jirrigwardaha direttament u individwalment, kif ukoll kontra att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. |
27 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina mill-bidu nett jekk ir-rikorrenti hija direttament u individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
28 |
Il-Kunsill ma jikkontestax l-interess dirett ta; din il-kumpannija mir-regolament ikkontestat. Fil-fatt, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, huma obbligati, mingħajr ebda marġini diskrezzjonali, li jiġbru d-dazji stabbiliti bir-regolament ikkontestat. |
29 |
Fir-rigward tal-interess individwali tar-rikorrenti għandu jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza li persuna fiżika jew ġuridika tista’ ssostni li hija kkonċernata individwalment biss jekk id-dispożizzjoni kontenzjuża taffettwaha minħabba ċerti kwalitajiet li jkunu partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni fattwali li tiddistingwiha fil-konfront ta’ kull persuna oħra (is-sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il‑Kummissjoni, 25/62, EU:C:1963:17, p. 197, 223). |
30 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jimponi dazju antidumping definittiv individwali ta’ EUR 237.05 għal kull tunnellata fuq ir-rikorrenti, u jsemmiha espliċitament. |
31 |
Kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, dan il-fatt huwa per se suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat l-interess individwali tar-rikorrenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2001, Nachi Europe, C‑239/99, EU:C:2001:101, punt 22). |
32 |
Peress li r-rikorrenti hija kkonċernata direttament u individwalment mir-regolament ikkontestat, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kunsill għandha tiġi miċħuda. |
Fuq il-mertu
33 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. |
34 |
L-ewwel u t-tieni motivi huma intiżi li jikkontestaw l-approċċ tal-Kunsill li jikkonsisti fl-evitar tal-ispejjeż tal-materja prima ewlenija li jidhru fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati, minħabba d-distorsjoni tal-prezzijiet tal-imsemmija materja prima kkawżata mis-sistema ta’ TDE u s-sostituzzjoni mill-prezz ta’ referenza. Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li tali approċċ ma huwiex konformi mal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. Fil-kuntest tat-tieni motiv, hija ssostni li dan l-approċċ ma jikkonformax mal-ftehim fuq l-implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT (ĠU 1994, L 336, p. 103). |
35 |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq li, meta jittieħed inkunsiderazzjoni li teżisti rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina mill-Arġentina li huwa suġġett għal investigazzjoni u d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, il-Kunsill kiser l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku. |
36 |
Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-ispejjeż marbuta mal-materja prima ewlenija reali mħallsa mill-produtturi Arġentini kkonċernati minħabba li l-prezzijiet tal-imsemmija materja indikati fir-reġistri tal-kontabbiltà tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati kienu artifiċjalment baxxi. Fl-Arġentina, il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija ma humiex irregolati. Huma stabbiliti b’mod liberu mill-produtturi u ma humiex iktar baxxi minn dawk tal-materja prima mibjugħa għall-esportazzjoni. L-approċċ adottat mill-Kunsill u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“istituzzjonijiet”) bil-għan li tiġi ddeterminata l-ispiża ta’ din il-materja jirriżulta fiż-żieda tat-taxxa tal-esportazzjoni għall-prezzijiet Arġentini indikati fl-imsemmija reġistri. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżunt li l-prezzijiet interni tal-materja prima huma distorti mis-sistema ta’ TDE, l-istituzzjonijiet ma wrewx li dawn ir-reġistri ma jirriflettux raġonevolment l-ispejjeż tagħhom u jistgħu għaldaqstant jiġu evitati skont l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
37 |
Il-Kunsill, appoġġjat mill-Kummissjoni u l-EBB, isostni li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku hija bbażata fuq il-fatt li l-bejgħ ta’ materja prima ewlenija fis-suq Arġentin ma twettaqx matul operazzjonijiet kummerċjali normali. Is-sistema ta’ TDE setgħet wasslet għal distorsjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi tal-bijodiżil Arġentini, pprovat minn diskrepanza konsiderevoli bejn il-prezz domestiku u l-prezz internazzjonali, dan iwassal għan-neċessità tal-aġġustament tagħhom. Ir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati ma jistgħux jittieħdu bħala bażi għall-kalkolu tal-valur normali jekk l-ispejjeż marbuta mal-manifattura ta’ prodott li jkun suġġett ta’ investigazzjoni ma jkunux raġonevolment riflessi fl-imsemmija reġistri. Il-fatt li l-prezzijiet huma rregolati jirrappreżenta biss raġuni waħda li tiġġustifika, għall-finijiet tal-investigazzjoni, li l-ispejjeż ma humiex raġonevolment riflessi f’dawn ir-reġistri. L-informazzjoni użata mill-istituzzjonijiet, jiġifieri l-prezzijiet ta’ referenza tal-fażola tas-soja matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u li jirriflettu l-livell tal-prezzijiet internazzjonali, jikkostitwixxu sors affidabbli. |
38 |
F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li, fir-regolament ikkontestat, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-valur normali tal-prodott simili, l-istituzzjonijiet ma kkalkolawx l-ispejjeż tal-produzzjoni marbuta mal-materja prima prinċipali billi jirreferu għall-prezzijiet tagħhom riflessi fir-reġistri kontabbli tal-kumpanniji eżaminati, iżda, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 29 et seq tal-imsemmi regolament, huma ċaħdu dawn il-prezzijiet u ssostitwewhom bil-prezz ta’ referenza billi bbażaw ruħhom fuq l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
39 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], jew fejn, minħabba s-sitwazzjoni partikolari tas-suq, bejgħ bħal dan ma jippermettix paragun xieraq, il-valur normali tal-imsemmi prodott għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti, jew fuq il-bażi tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ [tranżazzjonijiet kummerċjali normali], lill-pajjiż terz xieraq, sakemm dawk il-prezzijiet ikunu rappreżentattivi. Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika li jitqies li jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq għall-prodott ikkonċernat fis-sens tas-sentenza preċedenti meta, b’mod partikolari, il-prezzijiet ikunu baxxi artifiċjalment, meta jkun hemm kummerċ ta’ skambju sinjifikattiv jew fejn ma jkunx hemm arranġamenti ta’ proċessar mhux kummerċjali. |
40 |
Barra dan, jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku li, meta l-valur normali tal-prodott simili huwa kkalkolat konformement mal-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament, l-ispejjeż tal-produzzjoni għandhom normalment jiġu kkalkolati fuq il-bażi ta’ reġistri kontabbli miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sakemm dawn ir-reġistri jkunu konformi mal-prinċipji tal-kontabbiltà ġeneralment aċċettati tal-pajjiż ikkonċernat u sakemm ikun muri li r-reġistri kontabbli jirriflettu b’mod raġjonevoli l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott inkunsiderazzjoni. |
41 |
B’applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, Jekk l-ispejjeż assoċjati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt investigazzjoni ma humiex riflessi b’mod raġonevoli fir-reġistrazzjonijiet tal-parti interessata, dawn għandhom jiġu aġġustati jew stabbiliti fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ produtturi jew esportaturi oħra fl-istess pajjiż jew, fejn din l-informazzjoni mhix disponibbli jew ma tistax tintuża, fuq kull bażi oħra raġonevoli, inkluża informazzjoni minn swieq oħra rappreżentattivi. |
42 |
L-għan tal-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku huwa li jiġi ggarantit li l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott simili użati fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-imsemmi prodott jirriflettu l-ispejjeż li produttur jinkorri fis-suq intern tal-pajjiż esportatur. |
43 |
Barra minn hekk, mill-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku jirriżulta li r-reġistri kontabbli miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għall-istabbiliment tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott simili u li l-użu tal-informazzjoni li tidher fl-imsemmija reġistri tikkostitwixxi r-regola u l-adattament tagħhom jew is-sostituzzjoni tagħhom minn xi bażi oħra raġonevoli, l-eċċezzjoni. |
44 |
Inkunsiderazzjoni tal-prinċipju li deroga jew eċċezzjoni għal regola ġenerali għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Dashiqiao Sanqiang Refractory Materials vs Il‑Kunsill, C‑15/12 P, EU:C:2013:572, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi kkunsidrat, bħalma għamlet ir-rikorrenti, li s-sistema ta’ eċċezzjoni li tirriżulta mill-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv. |
45 |
F’dan il-każ, mingħajr il-kontestazzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-istituzzjonijiet li jirrikorru għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili konformement mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti tikkontesta l-applikazjzoni tal-Artikolu 2(5) tal-istess regolament li abbażi tiegħu, fil-kuntest tal-imsemmi kalkolu, l-istituzzjonijiet ma bbażawx ruħhom fuq il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija li jidhru fir-reġistri tal-kumpanniji eżaminati. |
46 |
Fir-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet ma argumentawx li r-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati, ma kinux konformi mal-prinċipji kontabbli ġeneralment aċċettati fl-Arġentina. Min-naħa l-oħra, huma sostnew li l-imsemmija reġistri ma jirriflettux raġonevolment l-ispejjeż marbuta mal-materja prima ewlenija. |
47 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 29 sa 42 tar-regolament ikkontestat, l-istituzzjonijiet ikkunsidraw li, billi din tinkludi taxxi ta’ esportazzjoni differenzjati fuq l-esportazzjoni fuq il-materja prima ewlenija u fuq il-bijodiżil, is-sistema ta’ TDE kkawżat distorsjoni tal-prezz tal-imsemmija materja prima sa fejn l-imsemmija sistema eżerċitat fuq il-prezzijiet tagħhom fis-suq Arġentin li kienu stabiliti f’livell artifiċjalment baxx. |
48 |
Abbażi tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron u Dorogobuzh vs Il‑Kunsill (T‑235/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:65), l-istituzzjonijiet sostnew fil-premessa 31 tar-regolament ikkontestat li, meta l-leġiżlazzjoni tal-prezz tal-materja prima ewlenija twassal għal prezzijiet artifiċjalment baxxi fis-suq intern, seta’ jiġi preżunt li l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ġiet affettwata minn distorsjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-informazzjoni li tidher fir-reġistri tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala raġonevoli u għandhom, konsegwentement, jiġu aġġustati. |
49 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-punt 44 tas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron u Dorogobuzh vs Il‑Kunsill (T‑235/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:65), il-Qorti Ġenerali ikkunsidrat li, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-gass naturali kien ipprovdut b’mod obbligatorju b’prezz baxx ħafna lill-produtturi esportaturi kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni Russa, il-prezz ta’ produzzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza huwa affettwat minn distorsjoni tas-suq intern Russu f’dak li jirrigwarda l-prezz tal-gass, dan il-prezz ma jirriżultax mill-forzi tas-suq. Għaldaqstant, hija kkunsidrat li l-istituzzjonijiet ġustament ikkonkludew li wieħed mill-elementi li jidhru fir-reġistri kontabbli tar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza ma setax jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli u li, konsegwentement, dak l-element kellu jiġi aġġustat billi jsir użu minn sorsi oħra li jirriżultaw mis-swieq li huma jikkunsidraw bħala iktar rappreżentattivi. |
50 |
Madankollu, kif ir-rikorrenti ġustament sostniet, b’differenza mis-sitwazzjoni li hija inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron u Dorogobuzh vs Il‑Kunsill (T‑235/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:65), ma jirriżultax mill-proċess li l-prezzijiet tal-materja prima ewlenija kienu direttament rregolati fl-Arġentina. Fil-fatt, is-sistema ta’ TDE msemmija mill-istituzzjonijiet tillimita ruħha li tipprevedi taxxi fuq l-esportazzjoni b’rati differenti fuq il- materja prima ewlenija u l-bijodiżil. |
51 |
Il-fatt li s-sistema ta’ TDE ma tirregolax direttament il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija fl-Arġentina, madankollu, ma jeskludix per se, l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni msemmija fl- Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
52 |
Fil-fatt, għandu jitfakkar, bħalma għamlu l-istituzzjonijiet, li d-dispożizzjoni li tikkorrispondi għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku ġie inkluż fir-Regolament bażiku preċedenti, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45), permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1972/2002 tal-5 ta’ Novembru 2002, li jemenda r-Regolament Nru 384/96 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 132). |
53 |
Issa, mill-premessa 4 tar-Regolament Nru 1972/2002 li l-inklużjoni tad-dispożizzjoni li tikkorrispondi g]at-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku għandha l-għan li tagħti indikazzjonijiet li għandu jsegwi s-suq jekk ir-reġistri ma’ jinkludux b’mod raġonevoli l-ispejjeż marbuta mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet partikolari tas-suq jew il-bejgħ tal-prodott simili ma jippermettux paragun validu. F’każ bħal dan, l-informazzjoni għandha, skont l-istess premessa, tkun provenjenti minn sorsi li ma humiex affettwati minn “distorsjonijiet bħal dawn”. |
54 |
Għaldaqstant, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1972/2002 tipprevedi l-possibbiltà għal riferiment għall-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku b’mod partikolari fil-każ fejn il-bejgħ tal-prodott simili ma jippermettix paragun validu minħabba distorsjoni. Minn dan jirriżulta wkoll li tali sitwazzjoni tista’ b’mod partikolari tinħoloq meta tkun teżisti sitwazzjoni partikolari tas-suq, bħal dik imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, fir-rigward ta’ prezzijiet artifiċjalment baxxi tal-prodott ikkonċernat, mingħajr madankollu ma jillimita din it-tip ta’ sitwazzjoni għal każijiet fejn teżisti leġiżlazzjoni diretta tal-prezzijiet tal-prodott simili jew tal-materja prima ewlenija ta’ dak il-prodott mill-Istat esportatur. |
55 |
Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi raġonevolment ikkunsidrat li kull miżura ta’ awtoritajiet pubbliċi tal-Istat esportatur li jista’ jkollhom influwenza fuq il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija, u, minħabba f’hekk, fuq il-prezzijiet tal-prodott ikkunsidrat, twassal għal distorsjoni li tippermetti l-esklużjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, tal-prezzijiet li jidhru fir-reġistri kontabbli miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni. Fil-fatt, bħalma ġustament invokat ir-rikorrenti, jekk kull miżura meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ esportazzjoni li jistgħu jkollhom influwenza, anki jekk minima, fuq il-prezzijiet tal-materja prima jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-prinċipju stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, skont liema l-imsemmija reġistri jikkostitwixxu s-sors ewlenija tal-informazzjoni sabiex jiġu stabbiliti l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-prodott simili, tirriskja li titlef kull effett utli. |
56 |
Għaldaqstant, miżura tal-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ esportazzjoni ma twassalx lill-istituzzjonijiet li jeskludu, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, il-prezzijiet tal-materja prima li jidhru fir-reġistri kontabbli tal-partijiet li huma suġġetti għall-investigazzjoni meta din tikkawża distorsjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet tal-imsemmija materja prima. Fil-fatt, interpretazzjoni oħra tas-sistema ta’ eċezzjoni prevista fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, li tippermetti, f’sitwazzjoni bħal f’dan il-każ, li tiġi sostitwita din l-informazzjoni b’ammont ta’ spejjeż ibbażat fuq bażi raġonevoli oħra, tirriskja li tikkawża dannu eċċessiv għall-prinċipju li l-imsemmija reġistri jikkostitwixxu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għall-istabbiliment tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-imsemmi prodott. |
57 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ elementi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet għandhom jibbażaw ruħhom, meta jqisu li għandhom jeskludu l-ispejjeż tal-produzzjoni fir-reġistri kontabbli miżmuma mill-parti taħt investigazzjoni, sabiex jissostitwixxu bi prezz meqjus iktar raġonevoli, fuq provi, jew ta’ mill-inqas fuq indizzji, li jippermettilhom li jistabbilixxu l-eżistenza tal-fattur skont liema jseħħ l-aġġustament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2009, Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP vs Il‑Kunsill, T‑249/06, EU:T:2009:62, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
58 |
Għaldaqstant, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-approċċ intiż li jeskludi, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-imsemmi prodott li jidher fir-reġistri kontabbli tal-partijiet suġġetti għall-investigazzjoni jaqa’ taħt sistema ta’ eċċezzjoni (ara punt 44 iktar ’il fuq), meta d-distorsjoni invokata mill-istituzzjonijiet ma hijiex konsegwenza immedjata tal-miżura Statali għall-oriġini tagħha, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas-7 ta’ Frar 2013, Acron u Dorogobuzh vs Il‑Kunsill (T‑235/08, mhux ippubblikata, EU:T:2013:65), iżda ta’ effetti li l-imsemmija miżura hija mistennija li tipproduċi fis-suq, huma għandhom jiżguraw li jesponu l-funzjonament tas-suq inkwistjoni u juru l-effetti konkreti ta’ din il-miżura fuqu, mingħajr ma jibbażaw ruħhom f’dan ir-rigward fuq sempliċi konġetturi. |
59 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk l-istituzzjonijiet stabbilixxewx suffiċjentement skont il-liġi li l-kundizzjonijiet sabiex jeskludu, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija li jidhru fir-reġistri kontabbli tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati ġewx issodisfatti f’dan il-każ. |
60 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-miżura tal-awtoritajiet pubbliċi Arġentini identifikata bħala sors ta’ distorsjoni tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija, kif hu indikat b’mod partikolari fil-premessa 29 tar-regolament ikkontestat, fir-rigward tas-sistema ta’ TDE billi timplika livelli ta’ taxxa ddifferenzjata imposti fuq il-materja prima ewlenija u l-bijodiżil. Mill-premessa 35 tal-imsemmi regolament jirriżulta li, matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, l-esportazzjonijiet ta’ bijodiżil kienu ntaxxati b’rata nominali ta’ 20 %, b’rata effettiva ta’ 14.58 %, filwaqt li, matul l-istess perijodu, ir-rata ta’ taxxa ta’ esportazzjonijiet ta’ fażola tas-soja u dik tal-esportazzjoni taż-żejt tal-fażola tas-soja kienu stabbilita għal 35 % u għal 32 % rispettivament. |
61 |
It-tieni nett, fir-rigward tal-effetti tas-sistema ta’ TDE, il-Kunsill b’mod partikolari sostna, fil-premessa 30 tar-regolament ikkontestat, li investigazzjoni addizzjonali li turi li l-imsemmija sistema teżerċita pressjoni fuq il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija fuq is-suq Arġentin, li ġew stabbiliti f’livell artifiċjalment baxx. |
62 |
Anki jekk, f’dan il-kuntest, il-Kunsill indika, fil-premessa 68 tar-regolament ikkontestat, fir-rigward tal-effetti tas-sistema ta’ TDE applikata fl-Indoneżja, li l-imsemmija sistema tillimita l-possibbiltajiet ta’ esportazzjoni tal-materja prima, peress li l-ikbar kwantitajiet tal-imsemmija materja kienu disponibbli fis-suq intern u jeżerċitaw pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tagħhom fl-imsemmi suq, għandu jiġi rrilevat li, f’dan l-imsemmi regolament, ma ġiex stabbilit sa fejn din is-sistema, billi fiha taxxi tal-esportazzjoni b’rati ddifferenzjati fuq il-materja prima ewlenija u fuq il-bijodiżil, ikkawżat distorsjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet ta’ din il-materja prima fis-suq Arġentin. |
63 |
Fil-premessa 37 tar-regolament ikkontestat, il-Kunsill ikkonstata li l-prezzijiet interni u l-prezzijiet internazzjonali tal-materja prima ewlenija kienu jsegwu l-istess tendenzi u li d-differnza bejn il-prezzijiet kienet tikkorrispondi għat-taxxi tal-esportazzjoni imposti fuqhom. Fil-premessa 38 tal-imsemmi regolament, huwa espona li l-prezzijiet interni tal-materja prima ewlenija li kienu użati mill-produtturi ta’ bijodiżil fl-Arġentina kienu artifiċjalment inferjuri għall-prezzijiet internazzjonali minħabba d-distorsjoni kkawżata mis-sistema ta’ TDE. Madankollu, billi sempliċiment illimita ruħu li jirrileva li bejn il-prezzijiet interni u l-prezzijiet internazzjonali tal-materja prima ewlenija tikkorrispondi essenzjalment għat-taxxi ta’ esportazzjoni fuq dawn tal-aħħar, ma stabbiliex l-effetti li d-differenza bejn ir-rata ta’ taxxi fuq il-materja prima u r-rata ta’ taxxa fuq il-bijodiżil seta’ kellha hija stess fuq il-prezzijiet tal-imsemmija materja prima fuq is-suq Arġentin. Fil-fatt, il-konstatazzjoni li tidher fil-premessa 37 ta’ dan ir-regolament tipperemtti l-iktar l-iktar li jinġibdu konklużjonijiet fir-rigward ta’ ċerti effetti li l-istabbiliment ta’ taxxa tal-esportazzjoni setgħet tipproduċi fuq il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija, iżda ma tippermettix li jinġibdu konklużjonijiet fuq l-effetti li d-differenza bejn ir-rati ta’ taxxi fuq din il-materja prima u r-rata ta’ taxxa fuq il-bijodiżil seta’ kellha fuq il-prezz tal-imsemmija materja prima fuq l-imsemmi suq. |
64 |
L-indikazzjonijiet tal-Kunsill li jidhru fil-premessi 39 u 42 tar-regolament ikkontestat skont liema l-prezzijiet tal-materja prima ewlenija li jidhru fir-reġistri kontabbli tal-kumpanniji kkonċernati ġew sostitwiti mill-prezz li bih il-kumpanniji xtrawha fis-suq intern fl-assenza ta’ distorsjoni jiġifieri l-prezz ta’ referenza, li ma jippermettix li jinġibdu konklużjonijiet fir-rigward tal-effetti li d-differenza bejn ir-rata ta’ taxxi tal-esportazzjoni fuq din materja prima u r-rata tat-taxxa tal-esportazzjoni fuq il-bijodiżil seta’ kellha fuq il-prezz tal-imsemmija materja prima fl-imsemmi suq. Sa fejn dawn il-premessi għandhom jiġu interpretati bħala konstatazzjoni tal-Kunsill skont liema, fl-assenza ta’ tali differenza ta’ rata, il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija f’dan is-suq kienu identiċi għall-prezz ta’ referenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din ma ġietx stabbilita la fir-regolament ikkontestat u lanqas fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. |
65 |
Fir-rigward tal-istudji ekonomiċi li l-istituzzjonijiet invokaw matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, jista’ jiġi dedott li t-taxxi tal-esportazzjoni jwasslu għal żieda tal-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott effettwat mit-taxxa mqabbel mal-prezz tiegħu fis-suq intern, għal tnaqqis tal-volum ta’ esportazzjoni tal-imsemmi prodott u pressjoni ’l isfel tal-prezzijiet ta’ dan il-prodott fis-suq intern. Jista’ jiġi dedott ukoll li sistema ta’ taxxi tal-esportazzjoni li tintaxxa l-materja prima ewlenija f’livell iktar għoli mill-prodotti fis-suq downstream tipproteġi u tiffavorixxi l-industriji domestiċi downstream billi tipprovdilhom materja prima fi kwantità suffiċjenti bi prezz vantaġġjuż. |
66 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li ċerti studji jillimitaw rwieħhom għall-analiżi tal-effetti tat-taxxa tal-esportazzjoni fuq il-prezzijiet tal-materja prima ewlenija u mhux fuq l-effetti tar-rati ddifferenzjati użati għal taxxi tal-esportazzjoni fuq il-materja prima ewlenija u fuq il-bijodiżil. |
67 |
Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet illimitaw rwieħhom li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-prezzijiet internazzjonali u l-prezzijiet domestiċi tal-materja prima ewlenija u li jipprovdu indikazzjonijiet fuq l-impatt tat-taxxa tal-esportazzjoni fuq id-disponibbiltà tal-imsemmija materja prima fuq is-suq intern u l-prezzijiet tagħhom, mingħajr madankollu tistabbilixxi konkretament l-effetti li s-sistema ta’ TDE bħala tali setgħet kellha fuq il-prezzijiet interni tal-materja prima ewlenija u sa fejn dawn l-effetti huma differenti minn dawk ta’ sistema ta’ tassazzjoni li ma fihiex iddifferenzjar ta’ rata għat-taxxi ta’ esportazzjoni fuq il-materja prima ewlenija u fuq il-bijodiżil. |
68 |
Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-istituzzjonijiet ma stabbilixxewx b’mod legalment suffiċjenti l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikattiva tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija fl-Arġentina imputabbli għas-sistema ta’ TDE billi din fiha rati ddifferenzjati għat-taxxi tal-esportazzjoni fuq l-imsemmija materja prima u fuq il-bijodiżil. Għalhekk, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-prezzijiet ta’ din il-materja prima ma humiex raġonevolment riflessi fir-reġistri kontabbli tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati u billi eskludewhom, l-istituzzjonijiet kisru l-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku. |
69 |
Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-istituzzjonijiet, ma jipprekludix li l-konstatazzjoni tal-fatti li huma jgawdu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi fil-qasam ta’ difiża kummerċjali u li, f’dan ir-rigward, il-qorti tal-Unjoni għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti magħżula sabiex wettqu l-għażla kkontestata, tal-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter ma jippreklududx din il-konklużjoni [ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2002, Since Hardware (Guangzhou) vs Il‑Kunsill, T‑156/11, EU:T:2012:431, punti 134 sa 136 u l-ġurisprudenza ċċitata]. |
70 |
Fil-fatt, stħarriġ mill-Qorti Ġenerali li jillimita ruħu biss li jirrileva jekk l-elementi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom huma ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet li jiġbdu minnhom ma jimpinġux fuq is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħhom fil-qasam tal-politika kummerċjali (ara f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u l‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 68). |
71 |
Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li teżamina jekk l-istituzzjonijiet ippruvawx li l-kundizzjonijiet sabiex jiġu esklużi, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili, spejjeż marbuta mal-produzzjoni u mal-bejgħ tal-imsemmi prodott kif riflessi fir-reġistri kontabbli tal-produtturi esportaturi Arġentini eżaminati, skont ir-regola stabbilita fl-Artikolu 2(5) tar-Regolament bażiku, ġew issodisfatti. |
72 |
B’hekk jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’. |
73 |
Għandu jiġi eżaminat ukoll sa fejn l-iżball ikkonstatat jiġġustifika l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti. |
74 |
Kuntrarjament għal dak isostni l-Kunsill, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma jistax isir annullament parzjali tal-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat fir-rigward biss tal-iżball ikkonstatat li jirrigwarda l-metodu ta’ kalkolu tar-rata tad-dazji antidumping. |
75 |
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament parzjali ta’ att tal-Unjoni huwa possibbli biss jekk l-elementi li tagħhom ikun intalab l-annullament ikunu jistgħu jiġu sseparati mill-bqija tal-att. Dan ir-rekwiżit ta’ separabbiltà ma huwiex issodisfatt meta l-annullament parzjali jkollu bħala effett li jbiddel is-sustanza tiegħu (is-sentenza tal-10 ta’ Diċmebru 2002, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kunsill, C‑29/99, EU:C:2002:734, punti 45 u 46). |
76 |
Kif ġie espost fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-kalkolu tal-valur normali tal-prodott simili magħmul mill-istituzzjonijiet huwa bbażat fuq kunsiderazzjonijiet żbaljati. Peress li l-valur normali huwa kundizzjoni essenzjali sabiex tiġi ddeterminata r-rata tad-dazju antidumping applikabbli, l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat ma jistax jinżamm sa fejn dan jimponi dazju antidumping individwali fuq ir-rikorrenti. |
77 |
Fid-dawl tar-relazzjoni bejn id-dazju antidumping definittiv u d-dazju antidumping provviżorju previst mill-Artikolu 10(2) u (3) tar-Regolament bażiku, l-Artikolu 2 tar-regolament ikkontestat għandu jiġi annullat wkoll f’dak li jirrigwarda r-rikorrenti sa fejn jipprevedi li l-ammonti ddepożitati bħala dazju antidumping provviżorju huma definittivament miġbura. |
78 |
Għaldaqstant, regolament ikkontestat għandu jiġi annullat sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti, mingħajr ma jkun hemm lok li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motivi. |
Fuq l-ispejjeż
79 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi l-Kunsill tilef, huwa għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mir-rikorrenti, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar |
80 |
Il-Kummissjoni u l-EBB għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom skont l- Artikolu 138 (1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Berardis Czúcz Popescu Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Settembru 2016. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.