KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2015 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑191/14 u C‑192/14

Borealis Polyolefine GmbH u OMV Refining & Marketing GmbH

vs

Bundesminister für Land- und Forstwirtschaft, Umwelt und Wasserwirtschaft

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (l-Awstrija)]

Kawża C‑295/14

DOW Benelux BV et

vs

Staatssecretaris van Infrastructuur en Milieu

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

kif ukoll

Kawżi magħquda C‑389/14, C‑391/14 sa C‑393/14

Esso Italiana Srl et

vs

Comitato nazionale per la gestione della direttiva 2003/87/CE e per il supporto nella gestione delle attività di progetto del protocollo di Kyoto,

Ministero dell’Ambiente e della Tutela del Territorio e del Mare,

Ministero dell’Economia e delle Finanze,

Presidenza del Consiglio dei Ministri

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (l-Italja)]

“Liġi ambjentali — Skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra — Metodu tal-allokazzjoni ta’ kwoti — Allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti — Fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi — Kalkolu — Gassijiet ta’ skart — Koġenerazzjoni — Attivitajiet introdotti ġodda mill-2008 u mill-2013 — Motivazzjoni — Komitoloġija — Proprjetà — Interess individwali — Limitazzjoni tal-effetti ta’ annullament”

Werrej

 

I – Introduzzjoni

 

II – Il-kuntest ġuridiku

 

A – Id-Direttiva 2003/87

 

B – Id-Deċiżjoni 2011/278

 

C – Id-Deċiżjoni 2013/448

 

III – Il-proċeduri nazzjonali u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari

 

A – Id-domandi fil-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14 (Borealis Polyolefine)

 

B – Id-domandi fil-Kawża C‑295/14 (DOW Benelux)

 

C – Id-domandi fil-Kawżi C‑389/14, C‑391/14, C‑392/14 u C‑393/14 (Esso Italiana)

 

D – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

IV – Analiżi legali

 

A – Fuq il-klassifikazzjoni legali tal-fattur ta’ korrezzjoni

 

1. Id-domanda rrikonoxxuta tal-installazzjonijiet industrijali kkalkolata mill-Istati Membri

 

2. Il-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali kkalkolat mill-Kummissjoni

 

a) L-Artikolu 10a(5)(a) tad-Direttiva 2003/87

 

b) L-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87

 

3. Il-fattur ta’ korrezzjoni ddeterminat

 

4. Fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 fir-rigward tal-fattur ta’ korrezzjoni

 

B – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart u l-użu industrijali tas-sħana minn installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja

 

1. Fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart

 

2. Fuq l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni

 

C – Fuq id-data użata għal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali rigward is-setturi li kellhom jiġu inklużi għall-ewwel darba mill-2008 jew mill-2013

 

1. Fuq id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni

 

2. Fuq il-kwalità tad-data

 

a) Fuq l-espansjoni mill-2013

 

i) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda fid-data ta’ ċerti Stati Membri

 

ii) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda fid-data ta’ Stati Membri oħra

 

b) Fuq l-espansjoni mill-2008

 

D – Fuq il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni

 

1. Fuq il-motivazzjoni neċessarja tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fid-Deċiżjoni 2013/448

 

2. Fuq id-data użata mill-Kummissjoni

 

3. Fuq id-dokument spjegattiv tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika

 

4. Fuq in-neċessità ta’ kalkolu b’lura

 

5. Konklużjoni fuq il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni

 

E – Fuq id-dritt fundamentali għall-proprjetà (is-sitt domanda fil-kawża Borealis Polyolefine u t-tieni domanda fil-kawża Esso Italiana)

 

F – Fuq il-proċedura tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448

 

G – Fuq il-possibbiltà li jitressqu kwistjonijiet direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni

 

H – Fuq il-konsegwenzi tal-illegalità tad-Deċiżjoni 2013/448

 

V – Konklużjoni

I – Introduzzjoni

1.

L-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet stabbilita fid-Direttiva 2003/87 ( 2 ) għadha tipprevedi b’mod tranżizzjonali l-allokazzjoni mingħajr ħlas, lil ħafna installazzjonijiet industrijali, ta’ drittijiet għall-emissjoni tal-gassijiet serra, l-hekk imsejħin kwoti. Madankollu, id-Direttiva tinkludi dispożizzjoni kkomplikata li, abbażi ta’ evalwazzjoni globali tal-emissjonijiet storiċi u tad-domanda rrikonoxxuta tal-installazzjonijiet, tillimita l-kwantità ta’ kwoti li huma allokati mingħajr ħlas permezz ta’ fattur ta’ korrezzjoni.

2.

F’dawn il-konklużjonijiet ser niddiskuti talbiet għal deċiżjoni preliminari li joriġinaw mill-Awstrija, mill-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Italja dwar id-determinazzjoni ta’ dan il-fattur ta’ korrezzjoni. Dawn it-talbiet huma bbażati fuq rikorsi ta’ kumpanniji li joġġezzjonaw għal ċerti aspetti tal-kalkolu ta’ dan il-fattur ta’ korrezzjoni u li huma intiżi sabiex jingħataw kwantità ikbar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas. Minbarra dawn il-proċeduri, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha pendenti quddiemha talbiet għal deċiżjoni preliminari bl-istess suġġett mill-Italja, mill-Finlandja, mill-Isvezja, minn Spanja u mill-Ġermanja, li fil-biċċa l-kbira jqajmu kwistjonijiet simili ( 3 ).

3.

Il-kwistjoni ewlenija ta’ dawn il-proċeduri hija jekk waqt il-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni l-Kummissjoni ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod korrett ċerti attivitajiet. Hawnhekk huma kkonċernati l-użu tal-hekk imsejħin gassijiet ta’ skart bħala karburant, l-użu tas-sħana mill-koġenerazzjoni kif ukoll attivitajiet industrijali li ilhom suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87 mill-2008 jew mill-2013 biss. Barra minn hekk, dawn il-kumpanniji qegħdin jitolbu l-aċċess sħiħ għad-data kollha li l-Kummissjoni użat waqt il-kalkolu sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw jekk jeżistux motivi addizzjonali sabiex jikkontestaw dan il-kalkolu.

4.

Barra minn hekk, irid jiġi ċċarat jekk il-Kummissjoni rrinunzjatx bir-raġun milli tapplika proċedura partikolari tal-hekk imsejħa “komitoloġija”, jekk inkisirx id-dritt fundamentali tal-kumpanniji għall-proprjetà, jekk il-kumpanniji kellhomx jibdew proċeduri direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni minflok quddiem il-qrati nazzjonali, u għandu jiġi ċċarat ukoll liema konsegwenzi legali jkun hemm jekk l-oġġezzjonijiet tagħhom jintlaqgħu għalkollox jew parzjalment.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-Direttiva 2003/87

5.

Il-proċeduri jikkonċernaw deċiżjonijiet li l-Kummissjoni adottat abbażi tad-Direttiva 2003/87 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità. Id-dispożizzjonijiet rilevanti hawnhekk fil-biċċa l-kbira kienu inklużi f’din id-direttiva permezz tad-Direttiva 2009/29 ( 4 ), li temendaha.

6.

Fost id-definizzjonijiet tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87 għandhom ikunu nnotati t-tnejn li ġejjin:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(e)

‘stallazzjoni’ [installazzjoni] tfisser unità teknika stazzjonarja fejn jitwettqu attività jew iktar elenkati fl-Anness I u kull attività oħra assoċjata direttament li jkollha konnessjoni teknika ma’ l-attivitajiet imwettqa fuq is-sit u li jista’ jkollhom effett fuq l-emissjonijiet u t-tniġġiż;

[...]

(u)

‘Ġeneratur tal-elettriku’ tfisser istallazzjoni li fl-1 ta’ Jannar 2005 jew wara, kienet ipproduċiet elettriku għall-bejgħ lil partijiet terzi u li fiha ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-‘kombustjoni tal-karburanti’.”

7.

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 jirregola l-kwantità tad-drittijiet ta’ emissjonijiet disponibbli u t-tnaqqis annwali tagħhom:

“Il-kwantità ta’ kwoti madwar il-Komunità maħruġa kull sena mill-2013 għandha tonqos f’mod lineari min-nofs il-perjodu mill-2008 sal-2012. Il-kwantità għandha tonqos b’fattur lineari ta’ 1,74 % meta mqabbel mal-medja tal-kwanitità totali annwali tal-kwoti maħruġa mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fil-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni għall-perjodu mill-2008 sal-2012. Il-kwantità tal-kwoti għall-Komunità kollha ser tiżdied bħala riżultat tal-adeżjoni tal-Kroazja biss bil-kwantità tal-kwoti li l-Kroazja għandha tirkanta skont l-Artikolu 10(1).

Sat-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantità assoluta tal-kwoti għall-2013 mal-Komunità kollha, ibbażata fuq il-kwantitajiet totali tal-kwoti maħruġa jew li jridu jinħarġu mill-Istati Membri konformement mad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali tal-allokazzjoni tagħhom għall-perjodu mill-2008 sal-2012.

[...]”

8.

L-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva jirregola kif għall-iskopijiet tal-allokazzjoni ta’ drittijiet ta’ emissjonijiet, għandhom ikunu ddeterminati l-emissjonijiet ta’ installazzjonijiet li kienu integrati għall-ewwel darba fl-iskema fl-2013:

“Fir-rigward ta’ istallazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imniżżla fl-Anness I, li ddaħħlu biss fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta’ tali istallazzjonijiet jippreżentaw lill-awtorità kompetenti rilevanti data tal-emissjonijiet verifikata b’mod indipendenti u sostanzjat kif inhu xieraq sabiex tiġi kkunsidrata għall-kwantità tal-kwoti ta’ aġġustament tal-Komunità kollha li għandha tinħareġ.

Kwalunkwe data għandha tiġi ppreżentata, sat-30 ta’ April 2010, lill-awtorità kompetenti rilevanti konformement mad-dispożizzjonijiet adottati l-Artikolu 14(1).

Jekk id-data ppreżentata tiġi pprovata kif suppost, sat-30 ta’ Ġunju 2010 l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Kummissjoni Ewropea dwar dan u l-kwantità tal-kwoti li għandhom jinħarġu, aġġustati bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9, tiġi aġġustata kif meħtieġ. Fil-każ ta’ istallazzjonijiet li jkollhom emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett serra oħra barra s-CO2, l-awtorità kompetenti tista’ titlob għal ammont iktar baxx tal-emissjonijiet abbażi tal-potenzjal tat-tnaqqis tal-emissjoni ta’ dawk l-istallazzjonijiet.”

9.

L-Artikolu 10a(1) u (2) tad-Direttiva 2003/87 jirregola l-istabbiliment tal-hekk imsejħin “punti ta’ riferiment” għad-diversi attivitajiet:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni għandha tadotta, miżuri ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu applikabbli mal-Komunità kollha li jkunu kompletament armonizzati għall-allokazzjoni tal-kwoti msemmija fil-paragrafi 4, 5, 7 u 12 inkluża kwalunkwe dispożizzjoni neċessarja għall-applikazzjoni armonizzata tal-paragrafu 19 ta’ dan l-Artikolu.

Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju kif stipulat fl-Artikolu 23(3).

Il-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom, safejn ikun fattibbli, jiddeterminaw punti ta’ riferiment ex ante Komunitarji sabiex jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gass serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi tqis it-teknika l-aktar effiċjenti, is-sostituti, il-proċessi alternattivi ta’ produzzjoni, il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja, l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet tal-iskart, l-użu tal-bijomassa u tal-ġabra u l-ħażna tas-CO2, fejn dawn il-faċilitajiet ikunu disponibbli, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi biex jiżdiedu l-emissjonijiet. M’għandha ssir ebda allokazzjoni gratis fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, ħlief għall-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 10c u l-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart.

[...]

2.   Fid-definizzjoni tal-prinċipji għall-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment f’setturi jew subsetturi individwali, il-punt ta’ bidu għandu jkun ir-rendiment medju tal-istallazzjonijiet li jiffurmaw l-ogħla 10 % tal-aktar istallazzjonijiet effiċjenti f’settur jew subsettur fil-Komunità fis-snin 2007-2008. [...]”

10.

L-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87 jeskludi b’mod partikolari l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti għall-produzzjoni tal-elettriku:

“Suġġett għall-paragrafi 4 u 8, u minkejja l-Artikolu 10c allokazzjoni bi ħlas biss tingħata għal ġeneraturi tal-elettriku, għal istallazzjonijiet għall-ġbir tas-CO2, għal pajpijiet għat-trasport tas-CO2 jew għal siti tal-ħażna tas-CO2.”

11.

Minkejja dan, l-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87 jinkludi dispożizzjonijiet speċjali dwar il-koġenerazzjoni:

“Għandha tingħata allokazzjoni gratis għal tisħin distrettwali kif ukoll għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja [...] għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-produzzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ. F’kull sena wara l-2013, l-allokazzjoni totali għal istallazzjonijiet bħal dawn fir-rigward tal-produzzjoni tas-sħana għandha tiġi aġġustata bil-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9.”

12.

L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jikkonċerna l-identifikazzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni għall-allokazzjoni ta’ kwoti:

“L-ammont massimu ta’ kwoti li huwa l-bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet għal istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3 u li ma jkunux istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq ma għandux jaqbeż is-somma ta’:

(a)

il-kwantità totali annwali fil-Komunità kollha kif iddeterminata taħt l-Artikolu 9 mmultiplikata bis-sehem ta’ emissjonijiet minn istallazzjonijiet mhux koperti mill-paragrafu 3 fil-medja totali ta’ emissjonijiet verifikati, fil-perjodu mill-2005 sal-2007, minn istallazzjonijiet koperti bl-iskema Komunitarja fil-perjodu mill-2008 sal-2012, u

(b)

il-medja totali annwali ta’ emissjonijiet verifikati minn istallazzjonijiet fil-perjodu mill-2005 sal-2007 li huma inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2013 ’il quddiem u li mhumiex koperti mill-paragrafu 3 aġġustati bil-fattur lineari kif imsemmi fl-Artikolu 9.

Għandu japplika fattur ta’ korrezzjoni uniformi u bejn is-setturi [transsettorjali] jekk meħtieġ.”

B – Id-Deċiżjoni 2011/278

13.

L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278 ( 5 ) jirregola l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti. Skont l-Artikolu 10(2) ta’ din id-deċiżjoni, l-ewwel huma l-Istati Membri li, abbażi tal-emissjonijiet storiċi u l-punti ta’ riferiment ta’ prodott identifikati minn qabel mill-Kummissjoni, jikkalkolaw b’mod preliminari kemm għandhom ikunu allokati kwoti lil kull installazzjonijiet industrijali individwali. Ir-riżultati jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 15(2)(e).

14.

Skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, abbażi ta’ din l-informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni tikkalkola l-fattur ta’ korrezzjoni skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87:

“Mal-wasla tal-lista msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-inklużjoni ta’ kull installazzjoni fil-lista u l-ammonti annwali totali preliminari tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas relatati.

Man-notifika minn kull Stat Membru tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas matul il-perjodu 2013 sa 2020, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dan għandu jkun stabbilit mit-tqabbil tas-somma tal-ammonti annwali totali preliminari ta’ kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lil installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku kull sena matul il-perjodu mill-2013 sal-2020 mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Anness VI bl-ammonti annwali ta’ kwoti li huwa kkalkolat skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE għal installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku jew installazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq, waqt li jitqies is-sehem rilevanti tal-kwantità totali annwali fl-Unjoni kollha, kif stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva, u l-ammont ta’ emissjonijiet rilevanti li huma inklużi biss fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ’il quddiem.”

15.

Jekk wieħed jimmultiplika l-kwantità kkalkolata b’mod preliminari ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati lill-installazzjonijiet industrijali individwali mingħajr ħlas mal-fattur ta’ korrezzjoni, skont l-Artikolu 10(9) tad-Deċiżjoni 2011/278, ir-riżultat huwa l-kwantità annwali totali finali rispettiva.

16.

Għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-koġenerazzjoni fir-rigward tal-punti ta’ riferiment, il-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278 hija ta’ interess partikolari:

“Meta sħana li titkejjel tiġi skambjata bejn żewġ installazzjonijiet jew aktar, l-allokazzjoni mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet għandha tkun ibbażata fuq il-konsum tas-sħana tal-installazzjoni u għandha tqis ir-riskju tat-tnixxija tal-karbonju. Għaldaqstant, biex ikun żgurat li n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas li sejrin ikunu allokati jkun indipendenti mill-istruttura tal-forniment tas-sħana, il-kwoti tal-emissjonijiet għandhom ikunu allokati lill-konsumatur tas-sħana.”

17.

It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ gassijiet ta’ skart meta jiġu stabbiliti l-punti ta’ riferiment ta’ prodott huwa spjegat fil-premessa 32 tad-Deċiżjoni 2011/278:

“Huwa wkoll xieraq li l-parametri referenzjarji [punti ta’ riferiment] ta’ prodott iqisu l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart u l-emissjonijiet relatati mal-użu tagħhom. Għal dan il-għan, għad-determinazzjoni tal-valuri tal-parametri referenzjarji ta’ prodotti li l-produzzjoni tagħhom tiġġenera l-gassijiet bħala skart, tqies sew il-kontenut tal-karbonju ta’ dawn il-gassijiet ta’ skart. Meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju tal-prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tas-sħana ’l barra mill-konfini tas-sistema ta’ parametru referenzjarju ta’ proċess hekk kif iddefinit fl-Anness I, l-emissjonijiet relatati għandhom jitqiesu permezz tal-allokazzjoni ta’ kwoti tal-emissjonijiet addizzjonali fuq il-bażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jew tal-fjuwil. Minħabba l-prinċipju ġenerali li jgħid li l-ebda kwota tal-emissjonijiet ma għandha tkun allokata mingħajr ħlas fir-rigward ta’ kwalunkwe produzzjoni tal-elettriku, biex ikun evitat kull xkiel mhux xieraq għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku fornut lill-installazzjonijiet industrijali u billi jitqies il-prezz tal-karbonju inerenti fl-elettriku, huwa xieraq li, meta l-gassijiet ta’ skart ikunu esportati mill-proċess tal-produzzjoni lil hinn mill-konfini tas-sistema tal-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti u jinħarqu għall-produzzjoni tal-elettriku, l-ebda kwota addizzjonali ma tkun allokata lil hinn mis-sehem tal-kontenut tal-karbonju tal-gass tal-iskart meqjus fil-parametru referenzjarju ta’ prodott rilevanti.”

C – Id-Deċiżjoni 2013/448

18.

L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448 ( 6 ) jikkonċerna l-fattur ta’ korrezzjoni għas-snin 2013 sa 2020:

“Il-koeffiċjent [fattur] ta’ korrezzjoni transettorjali uniformi msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE huwa stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.”

19.

Skont l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448, il-fattur ta’ korrezzjoni għall-2013 kien jammonta għal 94.272151 %. Matul is-snin li ġejjin, din il-kwota ser titnaqqas għal 82.438204 % għas-sena 2020.

20.

Fil-premessa 25, il-Kummissjoni tispjega kif waslet għal dawn iċ-ċifri:

“Il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE huwa ta’ 809315756 kwoti fl-2013. Biex ikkalkulat dan il-limitu, il-Kummissjoni l-ewwel ġabret l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri u l-pajjiżi taż-ŻEE-EFTA dwar jekk l-installazzjonijiet jikkwalifikaw bħala ġeneraturi tal-elettriku jew bħala installazzjoni oħra koperta mill-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Imbagħad il-Kummissjoni ddeċidiet is-sehem tal-emissjonijiet fil-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2007 mill-installazzjonijiet li mhumiex koperti minn dik id-dispożizzjoni, iżda li kienu inklużi fl-EU ETS [Sistema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea] fil-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012. Il-Kummissjoni kompliet billi applikat dan is-sehem ta’ 34,78289436 % għall-kwantità li ġiet iddeterminata abbażi tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE (1976784044 kwoti). Mar-riżultat ta’ dan il-kalkolu, il-Kummissjoni żiedet 121733050 kwoti, abbażi tal-emissjonijiet annwali medji vverifikati mill-installazzjonijiet rilevanti waqt il-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2007 filwaqt li qieset l-ambitu rivedut tal-EU ETS mill-2013 ’il quddiem. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni użat l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EEA-EFTA għall-aġġustament tal-limitu massimu. Fejn l-emissjonijiet annwali vverifikati għall-perjodu 2005 sal-2007 ma kinux disponibbli, sa fejn kien possibbli l-Kummissjoni estrapolat iċ-ċifri tal-emissjonijiet rilevanti minn emissjonijiet ivverifikati fis-snin ta’ wara bl-applikazzjoni tal-koeffiċjent ta’ 1,74 % fid-direzzjoni opposta. Il-Kummissjoni kkonsultat mal-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar l-informazzjoni u d-dejta użata għal dan u ġabet il-konferma mingħandhom. Il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE mqabbel mat-total tal-ammonti annwali preliminari ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas, mingħajr l-applikazzjoni tal-fatturi msemmijin fl-Anness VI mad-Deċiżjoni 2011/278/UE jagħti l-koeffiċjent annwali transettorjali kif stipulat fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.”

III – Il-proċeduri nazzjonali u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari

21.

Fis-sena 2012, l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Italja kkalkolaw (b’mod provviżorju) il-kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra li kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas lill-impriżi rikorrenti fil-kawżi prinċipali rispettivi u għarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

22.

Fil-5 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2013/448 u fiha ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi.

23.

Fuq il-bażi ta’ dan il-fattur ta’ korrezzjoni, it-tliet Stati Membri msemmija allokaw lill-impriżi rikorrenti kwantità ta’ kwoti ta’ emissjonijiet li kienet iżgħar mill-kalkolu provviżorju.

24.

L-impriżi li huma parti fil-kawżi prinċipali rispettivi ppreżentaw rikorsi kontra din l-allokazzjoni, liema rikorsi taw lok għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari ineżami.

A – Id-domandi fil-Kawżi C‑191/14 (Borealis Polyolefine) u C‑192/14 (OMV Refining & Marketing)

25.

Il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija teskludi mill-bażi għall-kalkolu msemmi fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b) l-emissjonijiet relatati ma’ gassijiet ta’ skart li huma prodotti mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u mis-sħana użata mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, li għalihom allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas hija awtorizzata skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE u tad-Deċiżjoni 2011/278/UE?

(2)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 3(e) u (u) tad-Direttiva 2003/87/KE, individwalment u/jew flimkien mal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija tindika li l-emissjonijiet ta’ CO2 relatati ma’ gassijiet ta’ skart li huma prodotti mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u mis-sħana użata mill-installazzjonijiet li jaqgħu fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE u li toriġina minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, huma emissjonijiet minn “ġeneraturi tal-elettriku”?

(3)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn din toħloq żbilanċ billi teskludi l-emissjonijiet relatati ma’ kombustjoni tal-gassijiet ta’ skart u mis-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni mill-bażi għall-kalkolu msemmija fl-Artikolu 10a(5)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/87/KE, filwaqt li dawn jagħtu dritt għall-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10a(1) u (4) tad-Direttiva 2003/87/KE u d-Deċiżjoni 2011/278/UE?

(4)

Id-Deċiżjoni 2011/[278]/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn l-Artikolu 15(3) tagħha jemenda l-Artikolu 10a(5)(a) u (b) tad-Direttiva 2003/87/KE, fis-sens li jissostitwixxi t-termini “istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” bi “installazzjonijiet li mhumiex ġeneraturi tal-elettriku”?

(5)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn din id-deċiżjoni ma ġietx adottata fuq il-bażi tal-proċedura regolatorja bl-istħarriġ [bi skrutinju] meħtieġ mill-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE u mill-Artikolu 12 tar-Regolament 182/2011/UE?

(6)

L-Artikolu 17 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ż-żamma ta’ allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas ibbażati fuq il-kalkolu illegali ta’ fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali?

(7)

L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, individwalment u/jew flimkien mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi kkalkolat illegalment, hekk kif iddeterminat fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448/UE u fl-Anness II tiegħu, għall-allokazzjonijiet ta’ kwoti mingħajr ħlas fi Stat Membru?

(8)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija tinkludi biss l-emissjonijiet minn installazzjonijiet li kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja mill-2008, b’mod li teskludi l-emissjonijiet relatati mal-attivitajiet li kienu inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2008 (fl-Anness I emendat tad-Direttiva 2003/87/KE) jekk dawn l-attivitajiet seħħew f’installazzjonijiet li diġà kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja qabel l-2008?

(9)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija nulla u tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE, sa fejn hija tinkludi biss l-emissjonijiet minn installazzjonijiet li kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja mill-2008, b’mod li teskludi l-emissjonijiet relatati mal-attivitajiet li kienu inklużi fl-iskema Komunitarja mill-2008 (fl-Anness I emendat tad-Direttiva 2003/87/KE) jekk dawn l-attivitajiet seħħew f’installazzjonijiet li diġà kienu jagħmlu parti mill-iskema Komunitarja qabel l-2013?

B – Id-domandi fil-Kawża C‑295/14 (DOW Benelux)

26.

Id-domandi tar-Raad van State (Kunsill tal-Istat) huma fformulati kif ġej:

(1)

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 [TFUE] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operaturi ta’ installazzjonijiet li għalihom ir-regoli dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni previsti fid-[Direttiva 2003/87] kienu japplikaw mill-2013, bl-eċċezzjoni għall-operaturi ta’ installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u għall-installazzjonijiet li daħlu ġodda, setgħu mingħajr ebda dubju jitolbu lill-Qorti Ġenerali l-annullament tad-[Deċiżjoni 2013/448] sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali?

(2)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija illegali sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali minħabba l-fatt li ma ġietx adottata skont il-proċedura ta’ leġiżlazzjoni [regolatorja] bi skrutinju imsemmija fl-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE?

(3)

L-Artikolu 15 tad-[Deċiżjoni 2011/278] jikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE peress li jipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-emissjonijiet ta’ produtturi tal-elettriku sabiex jiġi ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali? Fil-każ affermattiv, liema huma l-konsegwenzi ta’ dan il-ksur fuq id-Deċiżjoni 2013/448/UE?

(4)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija illegali, sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali, minħabba l-fatt li hija bbażata b’mod partikolari fuq data ppreżentata skont l-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, mingħajr ma kienu ġew iddeterminati d-dispożizzjonijiet imsemmija f’dan l-imsemmi paragrafu, adottati skont l-Artikolu 14(1)?

(5)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija, sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali, kuntrarja b’mod partikolari għall-Artikolu 296 [TFUE] jew għall-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li ssemmi biss b’mod parzjali l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet u ta’ kwoti ta’ emissjoni determinanti sabiex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ korrezzjoni?

(6)

Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija, sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali, kuntrarja b’mod partikolari għall-Artikolu 296 [TFUE] jew għall-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li dan il-fattur ta’ korrezzjoni ġie ddeterminat abbażi ta’ data li l-operaturi ta’ installazzjonijiet ikkonċernati mill-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ma setgħux ikunu jafu biha?

C – Id-domandi fil-Kawżi C‑389/14, C‑391/14 sa C‑393/14 (Esso Italiana)

27.

Finalment, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) għamlet id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

(1)

Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas, il-perċentwali ta’ emissjonijiet assoċjati mal-kombustjoni ta’ gass tal-iskart – jew gass mill-ipproċessar tal-azzar – u lanqas ta’ dawk assoċjati mas-sħana prodotta mill-koġenerazzjoni, u b’hekk kisret l-Artikolu 290 TFUE u l-Artikolu 10a(1), (4) u (5) tad-[Direttiva 2003/87], eċċediet il-limiti tad-delega mogħtija mid-Direttiva u marret kontra l-għanijiet tad-Direttiva (inkoraġġiment ta’ teknoloġiji tal-enerġija iktar effiċjenti u osservanza tar-rekwiżiti tal-iżvilupp ekonomiku u tal-impjiegi)?

(2)

Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida, fid-dawl tal-Artikolu 6 TUE, sa fejn tmur kontra l-Artikolu 1 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u l-Artikolu 17 tal-istess konvenzjoni, minħabba li naqset indebitament milli tosserva l-aspettattivi leġittimi tal-kumpanniji rikorrenti li huma jibqgħu iżommu l-proprjetà li tikkonsisti fin-numru ta’ kwoti allokati fuq bażi provviżorja u li għandhom dritt għaliha abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, u b’hekk ċaħħdithom mill-utilità ekonomika marbuta mal-imsemmija proprjetà?

(3)

Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, billi d-Deċiżjoni tikser [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296] TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sa fejn hija nieqsa minn motivazzjoni adegwata?

(4)

Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, billi d-Deċiżjoni tikser l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit mill-Artikolu 5(4) TUE, u barra minn hekk hija vvizzjata b’nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni u bi żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu tan-numru massimu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas (data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi) ma ħax inkunsiderazzjoni l-effetti tal-bidliet fl-interpretazzjoni li seħħew fir-rigward tal-kunċett ta’ “installazzjoni ta’ kombustjoni” bejn l-ewwel fażi (2005-2007) u t-tieni fażi (2008-2012) ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE?

(5)

Id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, minħabba l-ksur tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE [u] tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, u minħabba nuqqas ta’ twettiq ta’ investigazzjoni u żball ta’ evalwazzjoni, fid-dawl tal-fatt li l-kalkolu tan-numru massimu tal-kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas (data rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi) twettaq abbażi ta’ data pprovduta mill-Istati Membri li kienet inkoerenti billi kienet ibbażata fuq interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE?

(6)

Fl-aħħar nett, id-[Deċiżjoni 2013/448] hija invalida sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali, minħabba l-ksur tad-dispożizzjonijiet proċedurali previsti fl-Artikoli 10a(1) u 23(3) tad-Direttiva 2003/87/KE?

D – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Bħala partijiet fil-kawżi prinċipali rispettivi, ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, fil-proċedura Awstrijaka Borealis Polyolefine et, fil-proċedura mill-Pajjiżi l-Baxxi DOW Benelux, Esso Nederland et, Akzo Nobel Chemicals et kif ukoll Yara Sluiskil et u fil-proċedura Taljana Esso Italiana, Eni kif ukoll Linde Gas Italia. Barra minn hekk, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja (fil-proċedura Taljana biss) u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

29.

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja għaqdet flimkien iż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari Awstrijaċi u l-erbgħa Taljani, lil hinn minn dan, iżda, sa issa rrinunzjat li tgħaqqad formalment il-kawżi ineżami. Fl-istess waqt, fit-3 ta’ Settembru 2015, hija organizzat seduta komuni. Bl-eċċezzjoni ta’ Linde, f’din is-seduta pparteċipaw il-partijiet kollha msemmija hawn fuq kif ukoll Luchini et u Buzzi Unicem bħala partijiet fil-proċedura Taljana.

30.

Jiena ser nittratta l-kawżi kollha preżenti f’daqqa u jidhirli li huwa iktar utli li l-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi dan l-eżempju billi tgħaqqadhom flimkien għall-finijiet tas-sentenza.

IV – Analiżi legali

31.

Id-domandi magħmula bit-talbiet għal deċiżjoni preliminari huma intiżi sabiex iqajmu dubju dwar il-fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi (iktar ’il quddiem il-“fattur ta’ korrezzjoni”) previst fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, li l-Kummissjoni stabbilixxiet fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

32.

Sabiex dawn id-domandi jinftiehmu huwa qabelxejn neċessarju li jiġi spjegat il-kalkolu ta’ dan il-fattur ta’ korrezzjoni u s-sinjifikat tiegħu fl-iskema tad-Direttiva 2003/87 (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A). Sussegwentement, ser niddiskuti d-domandi li jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti ta’ ċerti sorsi ta’ emissjonijiet (ara, f’dan ir-rigward, il-Partijiet B u C), u mbagħad il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti D), id-dritt fundamentali għall-proprjetà (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti E) u l-proċedura applikata fid-Deċiżjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti F). Sabiex tiġi evitata inkonsistenza fil-preżentazzjoni tas-suġġett li mil-lat legali huwa kumpless ħafna, huwa biss wara dan li ser nuri kif l-impriżi rikorrenti fil-kawżi prinċipali ma kellhomx jasserixxu l-oġġezzjonijiet tagħhom direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti G) u liema konsegwenzi għandu jkollu r-riżultat tal-eżami tad-Deċiżjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti H).

A – Fuq il-klassifikazzjoni legali tal-fattur ta ’ korrezzjoni

33.

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/87, kellha tinħoloq skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra sabiex tippromwovi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod effettiv f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż u l-effiċjenza ekonomika.

34.

Installazzjonijiet li huma suġġetti għall-iskema jridu jakkwistaw drittijiet ta’ emissjonijiet għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-hekk imsejħin kwoti. Fil-prattika, dan kważi jikkonċerna biss l-emissjoni ta’ CO2. Skont l-Artikoli 9 u 9a tad-Direttiva 2003/87, il-kwantità totali tal-kwoti disponibbli hija limitata u, mis-sena 2010 ’l quddiem, din hija mnaqqsa b’1.74 % kull sena. Skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2009/29, dan it-tnaqqis għandu jikkontribwixxi sabiex l-emissjonijiet ta’ ħsara għall-klima jkunu mnaqqsin b’20 % sas-sena 2020 meta mqabbla mal-1990.

35.

Mill-2013 ’il quddiem, parti minn dawn il-kwoti biss hija allokata mingħajr ħlas u l-kumplament jinbiegħ bl-irkant. Issir distinzjoni bejn il-produtturi tal-elettriku li, ħlief għal numru żgħir ta’ eċċezzjonijiet, ma jingħataw l-ebda kwota mingħajr ħlas ( 7 ), u installazzjonijiet industrijali li jingħataw il-kwoti kollha meħtieġa ( 8 ) jew tal-inqas parti minnhom ( 9 ) mingħajr ħlas.

36.

Dawn id-domandi jikkonċernaw direttament biss is-sitwazzjoni ta’ installazzjonijiet industrijali li huma eliġibbli għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti, iżda mhux il-produtturi tal-elettriku. Dan għaliex il-fattur ta’ korrezzjoni kkontestat jikkawża tnaqqis tal-kwoti ta’ emissjonijiet allokati mingħajr ħlas lill-installazzjonijiet industrijali.

37.

Il-fattur ta’ korrezzjoni huwa ddeterminat billi l-Istati Membri, minn naħa, u l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, jikkalkolaw kemm ser jingħataw kwoti lill-installazzjonijiet industrijali eżistenti kollha b’kollox. Sabiex jagħmlu dan, iż-żewġ naħat japplikaw metodi ta’ kalkolu differenti. L-inqas valur minn dawn it-tnejn huwa deċiżiv sabiex jiddetermina kemm ser ikunu allokati kwoti mingħajr ħlas fl-aħħar mill-aħħar.

38.

Fil-każ li l-valur ikkalkolat mill-Istati Membri jkun iktar baxx, ma jkunx hemm bżonn ta’ korrezzjoni. F’dan il-każ, abbażi tal-valur oriġinali tagħhom, l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-allokazzjoni mingħajr ħlas.

39.

Madankollu, fil-verità, il-valur tal-Kummissjoni kien iktar baxx. Għaldaqstant, irriżulta l-każ previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87: kien sar neċessarju li jiġi applikat fattur ta’ korrezzjoni transsettorjali uniformi. Fl-ewwel sena, dan kien jammonta għal madwar 94.3 % u sal-2020 ser jinżel għal madwar 80.4 %. Dan ifisser li, mill-kwantità, ikkalkolata b’mod provviżorju mill-Istati Membri, ta’ kwoti li kellhom jiġu allokati mingħajr ħlas, fl-aħħar mill-aħħar jista’ jiġi allokat dan is-sehem biss.

1. Id-domanda rrikonoxxuta tal-installazzjonijiet industrijali kkalkolata mill-Istati Membri

40.

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-valur imsemmi fil-bidu tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri l-kwantità ta’ kwoti li sservi bħala bażi għall-kalkolu ta’ allokazzjonijiet mingħajr ħlas annwali (futuri) għall-installazzjonijiet industrijali. Din il-kwantità sa ċertu punt hija kkalkolata mill-għeruq, jiġifieri fuq il-bażi tal-attività storika ta’ kull installazzjoni individwali u tal-hekk imsejħin “parametri referenzjarji [punti ta’ riferiment]”, li l-Kummissjoni stabbilixxiet fid-Deċiżjoni 2011/278 għal kull attività. Fir-rigward tal-punti ta’ riferiment, dawn huma kwantità ta’ emissjonijiet tas-CO2 partikolari li l-Kummissjoni tirrikonoxxi bħala neċessarja sabiex tiġi prodotta kwantità partikolari tal-prodott inkwistjoni. Iktar ’il quddiem ser nirreferi għal dan il-valur bħala d-domanda rrikonoxxuta.

41.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87, il-punt ta’ tluq għall-punti ta’ riferiment huwa r-rendiment medju tal-installazzjonijiet li jifformaw l-ogħla 10 % tal-iktar installazzjonijiet effiċjenti fis-settur jew subsettur rilevanti fl-Unjoni. Barra minn hekk, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), dawn il-punti ta’ riferiment għandhom jiżguraw li l-allokazzjoni sseħħ b’mod li tagħti inċentivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni fost l-oħrajn il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja u l-irkupru effiċjenti tal-enerġija mill-gassijiet ta’ skart, u ma għandhiex tipprovdi inċentivi sabiex jiżdiedu l-emissjonijiet. Hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tilħaq din il-mira fl-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment għad-diversi attivitajiet.

42.

Il-punti ta’ riferiment stabbiliti mill-Kummissjoni għall-installazzjonijiet industrijali jinkludu b’mod partikolari emissjonijiet mill-użu tal-gassijiet ta’ skart bħala karburant, li jirriżultaw waqt proċessi tal-produzzjoni partikolari (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B, punt 1), u jieħdu inkunsiderazzjoni l-użu industrijali tas-sħana minn installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B, punt 2). Barra minn hekk, dawn huma applikati għall-installazzjonijiet industrijali kollha li llum huma suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri anki għal installazzjonijiet li ilhom inklużi biss mill-2008 [ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C, punt 2(b)] jew mill-2013 [ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C, punt 2(a)].

43.

L-Istati Membri jikkalkolaw id-domanda rrikonoxxuta tal-installazzjonijiet industrijali kollha fit-territorju tagħhom, li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dawn il-punti ta’ riferiment, billi jimmultiplikaw il-punti ta’ riferiment għall-attività speċifika mal-livelli storiċi ta’ attività tas-subinstallazzjonijiet ikkonċernati skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278. Huma kellhom jittrasferixxu din id-data lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/87 sat-30 ta’ Settembru 2011. Il-Kummissjoni tgħodd iċ-ċifri ttrasferiti lilha u b’dan il-mod tikkalkola d-domanda globali rrikonoxxuta tal-installazzjonijiet industrijali kollha fl-Unjoni.

2. Il-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali kkalkolat mill-Kummissjoni

44.

Il-Kummissjoni tikkalkola t-tieni valur, l-hekk imsejjaħ limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, sa ċertu punt mill-perspettiva ġenerali billi, abbażi ta’ data tal-emissjonijiet storika tistabbilixxi s-sehem mill-kwantità totali tal-kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli li b’kollox għandu jiġi allokat lill-installazzjonijiet industrijali. Dan il-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali jikkonsisti minn żewġ kwantitajiet parzjali li huma rregolati taħt il-punti (a) u (b) fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87.

a) L-Artikolu 10a(5)(a) tad-Direttiva 2003/87

45.

Il-punt ta’ tluq tal-ewwel kwantità parzjali skont l-Artikolu 10a(5)(a) tad-Direttiva 2003/87 huwa l-kwantità medja annwali totali tal-kwoti skont l-Artikolu 9(1), li kienu allokati għat-tieni perijodu ta’ allokazzjoni mill-2008 sal-2012, jiġifieri d-domanda storika tal-installazzjonijiet kollha suġġetti għall-iskema tad-Direttiva matul dan il-perijodu. Din il-kwantità totali tinkludi ż-żewġ gruppi, il-ġeneraturi tal-elettriku u l-installazzjonijiet industrijali.

46.

Il-kwantità ta’ dawn il-kwoti kienet stabbilita mill-Istati Membri kkonċernati. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni li kienet tapplika dak iż-żmien, ma kienet tispeċifikalhom l-ebda metodu partikolari ( 10 ).

47.

Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwantità annwali totali rispettiva applikabbli fil-futur, il-kwantità medja tas-snin 2008 sa 2012, ikkalkolata għall-Unjoni kollha abbażi ta’ dawn l-allokazzjonijiet nazzjonali, tnaqqset b’fattur lineari ta’ 1.74 % kull sena ( 11 ) min-nofs ta’ dan il-perijodu, jiġifieri mill-2010.

48.

Madankollu, għall-kalkolu tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, skont l-Artikolu 10a(5)(a) tad-Direttiva 2003/87, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss is-sehem tal-installazzjonijiet li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 10a(3). Konsegwentement, fil-prattika, il-kwoti allokati lil ġeneraturi tal-elettriku sas-sena 2012 baqgħu ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Il-Kummissjoni tevalwa dan is-sehem fuq il-medja tal-kwantità ta’ kwoti allokati lil installazzjonijiet industrijali fil-perijodu mill-2005 sal-2007.

49.

Għaldaqstant, kwoti li fil-passat ġew allokati lil ġeneraturi tal-elettriku għal emissjonijiet li rriżultaw mill-użu tal-gassijiet ta’ skart bħala karburant (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B, punt 1) jew waqt il-ġenerazzjoni ta’ sħana ġġenerata mill-industrija f’installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B, punt 2), ma humiex parti mil-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali. Barra minn hekk, ir-riferiment għas-sehem tal-industrija fil-perijodu 2005 sal-2007 jipprekludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni installazzjonijiet industrijali li ilhom suġġetti għad-Direttiva 2003/87 mill-2008 biss [ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C, punt 2(b)]. Dan jikkonċerna ċerti installazzjonijiet tal-kombustjoni u installazzjonijiet fit-territorju tal-pajjiżi taż-ŻEE. Fl-istess waqt dawn l-emissjonijiet kollha jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-punti ta’ riferiment industrijali.

b) L-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87

50.

It-tieni kwantità parzjali skont l-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87 tkopri installazzjonijiet li ilhom suġġetti għall-iskema tad-Direttiva biss mill-2013. B’dan il-mod, sa minn dik is-sena huma inkorporati fl-iskema b’mod addizzjonali fost l-oħrajn l-emissjonijiet mill-manifattura tal-aluminju u minn ċerti setturi tal-industrija tal-kimika.

51.

Dan iseħħ abbażi tal-medja totali annwali ta’ emissjonijiet ivverifikati tal-installazzjonijiet fil-perijodu mill-2005 sal-2007. Anki dan il-valur għandu jonqos bil-fattur lineari msemmi ta’ 1.74 % kull sena, filwaqt li l-ġeneraturi tal-elettriku ma jittiħdux inkunsiderazzjoni.

52.

F’dan ir-rigward tqum il-problema li ma ntużatx l-istess tip ta’ data dwar l-emissjonijiet għall-Istati Membri kollha. Għal uħud mill-Istati Membri ntużat biss data dwar l-emissjonijiet ta’ installazzjonijiet li ilhom biss inklużi fl-iskema mill-2013. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Stati Membri oħrajn, b’mod addizzjonali, intużat ukoll id-data dwar l-emissjonijiet minn attivitajiet li kienu saru suġġetti għall-iskema reċentement u li jitwettqu f’installazzjonijiet li kienu diġà jappartjenu għall-iskema minħabba attivitajiet oħrajn [ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C, punt 2(a)].

3. Il-fattur ta’ korrezzjoni ddeterminat

53.

Mal-ewwel daqqa ta’ għajn wieħed jistenna li d-domanda rrikonoxxuta orjentata mal-iktar installazzjonijiet effiċjenti, kif jikkalkolawha l-Istati Membri, kellha tkun iktar baxxa mill-allokazzjonijiet storiċi lill-installazzjonijiet kollha, inklużi dawk inqas effiċjenti, bħal dawk li fuqhom huwa bbażat il-valur tal-Kummissjoni ( 12 ). Skont dan, meta jiġu pparagunati ż-żewġ valuri, kellu jkollu effett biss it-tnaqqis lineari annwali tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, b’1.74 % kull darba. Il-fattur ta’ korrezzjoni kellu jkun neċessarju biss wara li l-“vantaġġ” tal-orjentament mal-iktar installazzjonijiet effiċjenti jkun safa fix-xejn minħabba t-tnaqqis.

54.

Madankollu, fir-realtà, ir-riżultat tal-paragun bejn il-valur tal-Istati Membri u l-valur tal-Kummissjoni joħloq il-perċezzjoni li d-domanda rrikonoxxuta, li fuqha hija bbażata d-Deċiżjoni 2013/448, għandha portata ikbar mill-allokazzjonijiet storiċi. Il-fattur ta’ korrezzjoni, fil-fatt, mill-bidu nett kellu impatti ikbar mit-tnaqqis lineari: il-fattur ta’ korrezzjoni ta’ 94.272151 % fl-ewwel sena, l-2013, naqqas l-allokazzjoni mingħajr ħlas b’5.727849 %. Madankollu, it-tnaqqis lineari għas-snin 2011 sa 2013 akkumulat sa din id-data jammonta biss għal 5.22 %. Madankollu, maż-żmien dan l-effett naqas xi ftit. Fl-aħħar sena, l-2020, il-fattur ta’ korrezzjoni jammonta għal 82.438204 %, u għalhekk iġib miegħu tnaqqis ta’ 17.561796 %. Dan il-valur huwa biss ftit ogħla mit-tnaqqis lineari akkumulat ta’ 17.4 % għal dawn l-għaxar snin.

55.

L-impriżi rikorrenti f’dawn il-kawżi prinċipali jqisu l-korrezzjoni bħala għolja wisq. Huma jemmnu li dan l-effett huwa, b’mod partikolari, dovut għall-fatt li ċerti attivitajiet ġew inġustament meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-domanda rrikonoxxuta ( 13 ), iżda mhux fid-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali ( 14 ). Barra minn hekk, huma jitolbu aċċess għad-data neċessarja sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw b’mod komprensiv il-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti D).

4. Fuq l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87 fir-rigward tal-fattur ta’ korrezzjoni

56.

Għandu jiġi rrikonoxxut li teħid inkunsiderazzjoni b’“nuqqas ta’ simmetrija” ( 15 ) ta’ ċerti attivitajiet jinsab f’kunflitt ma’ wieħed mill-għanijiet tal-fattur ta’ korrezzjoni. Għalkemm dawn l-għanijiet ma kinux stabbiliti espliċitament, mill-kuntest regolatorju tal-fattur ta’ korrezzjoni jirriżulta li dan għandu skop doppju.

57.

Qabelxejn dan japplika l-fattur lineari ta’ tnaqqis ta’ 1.74 %. Dan l-iskop ma huwiex affettwat mill-allegat nuqqas ta’ simetrija. Madankollu, il-fattur ta’ korrezzjoni seta’ nkiseb ukoll mingħajr il-paragun ikkomplikat bejn id-domanda rrikonoxxuta u l-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali.

58.

Għalhekk, it-tieni funzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni hija iktar importanti: dan għandu jiżgura li l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas, abbażi tal-punti ta’ riferiment, ma jbiddlux il-bilanċ eżistenti skont l-iskema ta’ allokazzjoni antika bejn l-attivitajiet industrijali u l-produzzjoni tal-elettriku, favur l-industrija.

59.

Dan il-bilanċ huwa importanti. Li kieku s-sehem tal-attivitajiet industrijali mill-kwantità totali tal-kwoti disponibbli kellu jiżdied, fil-fatt, fl-istess waqt tispiċċa tonqos il-kwantità ta’ kwoti li huma disponibbli sabiex jiġu rkantati. Fil-każ li din il-kwantità ma tkunx suffiċjenti sabiex tkopri d-domanda kollha li trid tiġi koperta permezz tal-irkant, ikun hemm ir-riskju ta’ żidiet sproporzjonati fil-prezzijiet. Dan ikun fuq kollox ta’ piż għall-industrija tal-elettriku u għall-konsumaturi tal-elettriku. Barra minn hekk, jintlaqtu wkoll ċerti setturi tal-industrija li jkollhom jixtru parti mill-kwoti meħtieġa.

60.

Madankollu, ikun hemm bidla fil-bilanċ storiku jekk xi attivitajiet, minħabba metodu ġdid ta’ kalkolu, illum il-ġurnata jingħaddu mal-industrija, minkejja li fil-passat kienu jappartjenu għall-produzzjoni tal-elettriku jew saħansitra ma kinux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

61.

Kif pereżempju ssostni Linde, din il-ħtieġa ta’ korrezzjoni mhux simmetrika, barra minn hekk, tinsab f’kunflitt mal-għan tad-Direttiva 2003/87 li jkun evitat il-“carbon leakage”. B’dan it-terminu wieħed ifisser ir-rilokazzjoni ta’ attivitajiet li jikkawżaw l-emissjonijiet tal-gassijiet serra lejn pajjiżi terzi. Tali moviment ma jkunx biss ta’ żvantaġġ għall-politika ekonomika, iżda jispiċċa jdgħajjef ukoll l-għan globali li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jonqsu madwar id-dinja.

62.

Għaldaqstant, sabiex jiġi evitat il-carbon leakage, skont l-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87, l-installazzjonijiet f’setturi jew subsetturi li fihom jeżisti riskju sinjifikattiv tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 jiġu allokati, mingħajr ħlas, kwoti fl-ammont ta’ 100 % tad-domanda rrikonoxxuta tagħhom abbażi tal-punti ta’ riferiment. Madankollu, fattur ta’ korrezzjoni għoli wisq jista’ jwassal sabiex fl-aħħar mill-aħħar dawn l-installazzjonijiet jingħataw inqas minn 100 % tal-kwoti meħtieġa, u b’hekk l-iskema tad-Direttiva 2003/87 tkun qiegħda toħloq inċentiv għar-rilokazzjoni ta’ din l-attività.

63.

Min-naħa l-oħra, it-teħid inkunsiderazzjoni nieqes mis-simetrija tal-użu tal-gassijiet ta’ skart jikkorrispondi mal-għan globali tad-Direttiva 2003/87 li jitnaqqsu emissjonijiet ta’ ħsara għall-klima. Billi dan inaqqas il-kwantità ta’ kwoti allokati mingħajr ħlas, isaħħaħ l-inċentiv sabiex tkun ristretta l-emissjoni ta’ CO2. Konsegwentement, dan jikkontribwixxi għall-preżervazzjoni u għall-ħarsien tal-ambjent, għall-ġlieda kontra t-tibdil tal-klima u għal livell għoli ta’ protezzjoni, kif mitlub mill-Artikolu 191 TFUE.

64.

Minn din il-perspettiva, l-erba’ oqsma li fihom l-impriżi rikorrenti joġġezzjonaw għal tali devjazzjonijiet għandhom ikunu eżaminati iktar fid-dettall, jiġifieri t-teħid inkunsiderazzjoni tal-gassijiet ta’ iskart u tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B) u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet u ta’ installazzjonijiet li ilhom biss mill-2013 jew mill-2008 suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87 (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C).

B – Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta ’ skart u l-użu industrijali tas-sħana minn installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja

65.

L-ewwel sar-raba’ domandi tal-kawża Borealis Polyolefine, it-tielet domanda tal-kawża Dow Benelux u l-ewwel domanda tal-kawża Esso Italiana jikkonċernaw it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1) u l-użu industrijali tas-sħana minn installazzjonijiet tal-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja (ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2) waqt il-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni. Illum il-ġurnata, iż-żewġ attivitajiet jitqiesu mal-industrija, għalkemm qabel kienu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala parti mill-ġenerazzjoni tal-elettriku.

1. Fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart

66.

Il-gassijiet ta’ skart jirriżultaw waqt ċerti proċessi tal-produzzjoni industrijali, pereżempju waqt il-produzzjoni tal-kokk u l-azzar, u jistgħu jintużaw bħala karburant, b’mod partikolari għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan iktar jagħmel sens fir-rigward tal-għan tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi milli kieku dawn il-gassijiet jiġu rrilaxxati ’l barra jew maħruqin b’mod inutli.

67.

Minn dan l-użu huwa probabbilment dovut il-fatt li fl-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-promozzjoni tal-użu tal-gassijiet ta’ skart titqies mal-inċentivi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija. Barra minn hekk, wisq probabbli, huwa għall-istess raġuni li t-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tistabbilixxi eċċezzjoni għall-elettriku ġġenerat minn gassijiet ta’ skart mill-esklużjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti.

68.

Kif tenfasizza l-Kummissjoni, għaldaqstant, waqt id-determinazzjoni tal-punti ta’ riferiment ta’ prodott, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li f’xi setturi jinħarqu gassijiet ta’ skart għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan wassal b’mod partikolari għal żieda fil-punti ta’ riferiment ta’ prodott għall-kokk, għall-ħadid mhux maħdum imdewweb u għall-minerali sinterizzati, jiġifieri għal żieda fid-domanda rrikonoxxuta f’dawn is-setturi.

69.

Il-Kummissjoni ammettiet li l-emissjonijiet rilevanti kienu biss parzjalment inkorporati fil-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, jiġifieri sa fejn il-gassijiet ta’ skart kienu maħruqin f’installazzjonijiet industrijali biss. Madankollu, fejn il-gassijiet ta’ skart inħarqu minn ġeneratur tal-elettriku skont l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2003/87, dawn ma ttiħdux inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali. Billi l-limitu massimu huwa inferjuri f’dan ir-rigward, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-gassijiet ta’ skart fil-punti ta’ riferiment iżid il-fattur ta’ korrezzjoni b’mod korrispondenti.

70.

Għaldaqstant, għandu jiġi mistħarreġ jekk it-teħid inkunsiderazzjoni mhux simmetriku tal-użu tal-gassijiet ta’ skart huwiex konformi mad-Direttiva 2003/87.

71.

F’dan ir-rigward, irid jiġi nnotat li n-nuqqas ta’ simetrija jinsab fit-test tal-Artikolu 10a(1), (3) u (5) tad-Direttiva 2003/87. Skont il-paragrafi 3 u 5, il-ġeneraturi tal-elettriku u l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali. Min-naħa l-oħra, it-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 10a(1) jagħti x’jifhem li l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt li tiddetermina l-punti ta’ riferiment li minnhom tirriżulta d-domanda rrikonoxxuta ta’ installazzjonijiet industrijali.

72.

Madankollu, l-impriżi rikorrenti fil-kawżi prinċipali lanqas ma jistgħu jargumentaw li r-riferiment fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 għal “istallazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-paragrafu 3” ma għandux jinftiehem b’tali mod li l-emissjonijiet minn ġeneraturi tal-elettriku huma eżentati mit-teħid inkunsiderazzjoni. Huwa minnu li huma tal-fehma li dan qed jirreferi għal installazzjonijiet li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti, iżda t-test ma jinkludi ebda bażi għal dan l-argument.

73.

Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet Buzzi Unicem, il-fatt li għall-ġenerazzjoni tal-elettriku ma ssirx allokazzjoni mingħajr ħlas ma jikkostitwixxi l-ebda prekundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87. Pjuttost, l-esklużjoni minn allokazzjoni mingħajr ħlas hija l-konsegwenza legali ta’ din id-dispożizzjoni, li dispożizzjonijiet oħra jippermettu derogi minnha.

74.

Kif diġà ntqal ( 16 ), huwa minnu li jista’ jiġi rrikonoxxut li dan in-nuqqas ta’ simetrija fil-fatt ma huwiex konformi mal-għan tal-fattur ta’ korrezzjoni li jiżgura l-bilanċ storiku bejn l-installazzjonijiet industrijali u l-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan isaħħaħ ukoll l-inċentivi għar-rilokazzjoni ta’ attivitajiet b’emissjonijiet għoljin. Fl-istess waqt, iżda, dan in-nuqqas ta’ simetrija huwa konformi mal-għanijiet ambjentali tad-Direttiva 2003/87.

75.

F’din is-sitwazzjoni b’għanijiet kunfliġġenti u kunsiderazzjonijiet sistematiċi, wieħed jittama li l-leġiżlatur jiċċara l-intenzjonijiet tiegħu b’mod espliċitu. Dan seħħ, pereżempju, fil-każ ta’ dispożizzjoni oħra tad-Direttiva 2003/87, jiġifieri t-tielet sentenza tal-Artikolu 9(1), li kienet inkluża fid-Direttiva fl-okkażjoni tal-adeżjoni tal-Kroazja. Skont din is-sentenza, il-kwantità ta’ kwoti li ser jinħarġu fl-Unjoni ser tiżdied, bħala riżultat tal-adeżjoni tal-Kroazja, biss bil-kwantità tal-kwoti li l-Kroazja trid tirkanta skont l-Artikolu 10(1). Għaldaqstant, billi l-kwoti allokati mingħajr ħlas mill-Kroazja ma jittiħdux inkunsiderazzjoni, dan neċessarjament iwassal għal tnaqqis tal-kwoti li huma disponibbli fl-Unjoni kollha kif ukoll għall-ħtieġa ta’ korrezzjoni skont l-Artikolu 10a(5).

76.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-gassijiet ta’ skart, la hija evidenti dispożizzjoni ċara korrispondenti, u lanqas riferiment fil-premessi jew fix-xogħol preparatorju. Għall-kuntrarju, hemm indikazzjonijiet li l-leġiżlatur sempliċement injora l-problema meta ħejja d-Direttiva 2009/29, li temenda d-Direttiva 2003/87. Il-gassijiet ta’ skart issemmew fit-test biss relattivament tard – fil-kuntest tat-trilogu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29 fl-ewwel qari. Il-gassijiet ta’ skart jissemmew għall-ewwel darba f’emenda proposta mill-Parlament ( 17 ), li rnexxiet fi żmien perijodu ta’ ftit ġimgħat fil-kompromess interistituzzjonali u wasslet għall-adozzjoni tad-Direttiva 2009/29 ( 18 ). F’dan ir-rigward, ħafna Membri tal-Parlament ilmentaw dwar il-ħeffa kbira fl-adozzjoni tad-Direttiva ( 19 ).

77.

Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur lanqas ma ta x’jifhem b’mod espliċitu li l-garanzija ġenwina tal-bilanċ bejn l-installazzjonijiet industrijali u l-ġeneraturi tal-elettriku kif ukoll l-eżenzjoni tal-installazzjonijiet industrijali għandhom jingħataw preferenza f’kull każ.

78.

Għalhekk, l-għanijiet kunfliġġenti tat-teħid inkunsiderazzjoni b’mod mhux simmetriku tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart ma jiġġustifikawx sitwazzjoni fejn id-Direttiva 2003/87 tkun interpretata lil hinn mit-test tagħha fis-sens li dan in-nuqqas ta’ simetrija għandu jiġi evitat.

79.

Barra minn hekk, jista’ jibqa’ miftuħ għall-interpretazzjoni l-fatt jekk il-Kummissjoni xorta kellhiex is-setgħa telimina n-nuqqas ta’ simetrija meta ttieħdu inkunsiderazzjoni l-gassijiet ta’ skart fl-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ implementazzjoni. Huwa minnu li l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 10a(5) tagħha, jagħtiha s-setgħa tadotta, permezz ta’ supplimenti, miżuri ta’ implementazzjoni għall-emenda ta’ elementi mhux essenzjali tad-Direttiva. Madankollu, fid-dawl tal-għanijiet kunfliġġenti, bl-ebda mod ma kienet obbligata tagħmel użu minn din is-setgħa sabiex telimina n-nuqqas ta’ simetrija.

80.

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-eżami tad-domandi dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart ma żvela l-ebda element li jaffettwa l-legalità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni permezz tad-Deċiżjoni 2013/448.

2. Fuq l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni

81.

Il-koġenerazzjoni twiegħed l-użu iktar sħiħ tal-enerġija mill-karburanti. Fil-każ li tintuża biss il-forza ġġenerata, pereżempju, għall-ġenerazzjoni tal-elettriku, is-sħana ġġenerata tintilef b’mod inutli. Għaldaqstant, fl-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni s-sħana akkumulata hija assorbita u magħmula disponibbli għal attivitajiet oħrajn. Parti minn din is-sħana tintuża wkoll sabiex tiġġenera l-kesħa.

82.

Id-domandi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jikkonċernaw biss dawk l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jikkorrispondu għad-definizzjoni ta’ ġeneratur tal-elettriku fl-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87. Ġeneraturi tal-elettriku huma installazzjonijiet li jipproduċu elettriku għall-bejgħ lil terzi u li fihom ma ssir l-ebda attività elenkata fl-Anness I barra dik tal-“kombustjoni tal-karburanti”.

83.

Wara li l-partijiet kienu għadhom ma laħqux qbil fil-proċedura bil-miktub dwar kif dawn l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jiġġeneraw l-elettriku għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni, intlaħaq ftehim wara li saret mistoqsija dwar dan fis-seduta.

84.

F’dan ir-rigward huwa ta’ interess il-każ meta installazzjoni ta’ koġenerazzjoni li tiġġenera l-elettriku tgħaddi s-sħana jew il-kesħa lil konsumaturi industrijali. Kif tixhed b’mod partikolari l-premessa 21 tad-Deċiżjoni 2011/278, dan il-każ jittieħed inkunsiderazzjoni fil-punt ta’ riferiment tal-konsumatur industrijali. Għalhekk, id-domanda rrikonoxxuta tiegħu tiżdied, iżda l-emissjonijiet rilevanti ma jitqisux fil-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali għaliex jaqgħu taħt l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, jiġifieri taħt il-ġeneraturi tal-elettriku. Għalhekk, is-sħana tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni użata b’mod industrijali żżid il-fattur ta’ korrezzjoni u toħloq nuqqas ta’ żbilanċ addizzjonali.

85.

Essenzjalment hawnhekk japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet bħal fil-każ tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart.

86.

Dan in-nuqqas ta’ simetrija jinsab fl-Artikolu 10a(1), (3) u (5) tad-Direttiva 2003/87. Minn naħa, il-ġeneraturi tal-elettriku, jiġifieri anki l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni li jiġġeneraw l-elettriku, jibqgħu ma jittiħdux inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali skont l-Artikolu 10a(3) u (5) tal-imsemmija direttiva. Min-naħa l-oħra, fl-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 10a(1) huwa previst li l-punti ta’ riferiment joħolqu inċentivi għat-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għal teknika ta’ effiċjenza fl-enerġija, billi jqisu fost l-oħrajn il-koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja.

87.

L-integrazzjoni tal-konsum tas-sħana, kif prevista mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni 2011/278, fil-punti ta’ riferiment ta’ prodott industrijali hija konformi ma’ dan l-għan u tissemplifika l-ġestjoni prattika tal-użu tas-sħana mill-industrija fil-kuntest tal-allokazzjoni mingħajr ħlas. Is-simplifikazzjoni tirriżulta billi l-installazzjonijiet li jiġġeneraw is-sħana huma stess, u dawk li jiksbuha minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, jiġu ttrattati bl-istess mod. Għaldaqstant, għall-allokazzjoni ta’ kwoti lil dawn l-installazzjonijiet, ma hemmx għalxiex issir verifika individwali ta’ kemm tittieħed sħana minn liema sorsi. L-akkwist tas-sħana minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni joħloq effett ta’ promozzjoni għax l-installazzjonijiet industrijali jiffrankaw il-kwoti li mbagħad dawn jistgħu jbigħu.

88.

Mal-ewwel daqqa t’għajn, jidher li hemm differenza fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87. Skont din is-sentenza, tingħata allokazzjoni ta’ kwoti għal koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja għal domanda li tkun ekonomikament iġġustifikata fir-rigward tal-ġenerazzjoni tas-sħana u l-kesħa. Madankollu, il-possibbiltà ta’ tali allokazzjoni diretta ma teskludix it-teħid inkunsiderazzjoni fil-każ tal-punti ta’ riferiment, iżda tippermetti prinċipalment li l-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jiġu allokati kwoti għall-ġenerazzjoni tas-sħana jew tal-kesħa li huma jipprovdu lil klijenti li ma jappartjenux għall-iskema tad-Direttiva. Dawn jinkludu pereżempju unitajiet domestiċi privati.

89.

Għalhekk, l-istabbiliment tal-punti ta’ riferiment fir-rigward tal-użu industrijali tas-sħana minn installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni jseħħ fil-kuntest tas-setgħat ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87.

90.

Barra minn hekk, tapplika l-istess ħaġa bħall-każ tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-gassijiet ta’ skart. Għalkemm hemm kunflitti bejn l-għanijiet u ma saret l-ebda dikjarazzjoni ċara min-naħa tal-leġiżlatur, dan la għandu jwassal għal interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/87 li teskludi n-nuqqas ta’ simetrija, u l-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata li telimina dan in-nuqqas ta’ simetrija fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha.

91.

Għaldaqstant, lanqas l-eżami tad-domandi dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-koġenerazzjoni ma żvela element tali li jpoġġi f’dubju l-legalità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni mid-Deċiżjoni 2013/448.

C – Fuq id-data użata għal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali rigward is-setturi li kellhom jiġu inklużi għall-ewwel darba mill-2008 jew mill-2013

92.

It-tliet qrati nazzjonali kollha jqajmu dubju fir-rigward tad-data użata għal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali fir-rigward tas-setturi li kellhom jiġu inklużi għall-ewwel darba mill-2013. Madankollu, bir-raba’ domanda tiegħu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni neċessarji kinux diġà jeżistu għall-għoti tad-data (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1), filwaqt li d-domandi taż-żewġ qrati l-oħra jikkonċernaw il-kwalità u l-portata tad-data ttrasferita u użata [ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 2(a)]. Dawn iż-żewġ qrati jqajmu wkoll dubji dwar it-teħid inkunsiderazzjoni adegwat tal-installazzjonijiet u tal-attivitajiet li kienu inkorporati għall-ewwel darba fl-2008 [ara, f’dan ir-rigward, it-taqsima 2, punt (b)].

1. Fuq id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni

93.

Bir-raba’ domanda tiegħu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jixtieq isir jaf jekk id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni hijiex illegali billi fost l-oħrajn hija bbażata fuq informazzjoni ppreżentata għall-implementazzjoni tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, mingħajr ma kienu ġew stabbiliti d-dispożizzjonijiet imsemmija hemmhekk, adottati skont l-Artikolu 14(1).

94.

Huwa biss meta jerġa’ jagħti daqqa ta’ għajn oħra lil dan li wieħed jifhem kif l-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87 għandu x’jaqsam mal-fattur ta’ korrezzjoni kkontestat. Dan jispeċifika b’mod partikolari kif hija ddeterminata l-medja totali annwali ta’ emissjonijiet ivverifikati minn installazzjonijiet fil-perijodu mill-2005 sal-2007, li skont l-Artikolu 10a(5)(b) għandhom jgħoddu mal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, li ġew inklużi fl-iskema mill-2013 ’il quddiem u ma humiex ġeneraturi tal-elettriku.

95.

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, għal dawn l-installazzjonijiet l-operaturi jridu jippreżentaw lill-awtoritajiet kompetenti data dwar l-emissjonijiet debitament iġġustifikata u vverifikata b’mod indipendenti sabiex din id-data tittieħed inkunsiderazzjoni bl-għan li jiġi aġġustat il-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali.

96.

F’dan il-kuntest, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi li din l-informazzjoni għandha tiġi ttrasferita kif speċifikat fid-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 14(1).

97.

Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) iqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma previsti fir-Regolament (UE) Nru 601/2012 ( 20 ) li, madankollu, kien għadu ma ġiex adottat fil-mument tat-trasferiment ta’ din l-informazzjoni lill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87, id-data kellha tiġi ttrasferita sat-30 ta’ April 2010.

98.

Kif il-Ġermanja ssostni bir-raġun, it-trasferiment tad-data xorta seta’ jkun ibbażat fuq dispożizzjonijiet uniformi li kienu speċifikati fid-Deċiżjoni 2007/589 ( 21 ) fl-2010. Dawn kienu previsti fil-verżjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87 applikabbli qabel id-Direttiva 2009/29, li emendatha.

99.

Għandu jitqies ukoll li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87 jirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2007/589. Dan għaliex kien jirrikjedi t-trasferiment tad-data f’mument li fih id-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni ġodda tar-Regolament Nru 601/2012 lanqas biss kellhom għalxiex jiġu adottati. Fil-fatt, l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87, fil-verżjoni ġdida tiegħu, stabbilixxa terminu sal-31 ta’ Diċembru 2011 għal dan.

100.

Barra minn hekk, fid-dispożizzjonijiet rilevanti ma hija evidenti l-ebda indikazzjoni li sabiex jiġi ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni d-data neċessarja kellha terġa’ tkun stabbilita u ttrasferita fuq il-bażi tar-Regolament Nru 601/2012.

101.

Għaldaqstant, id-domanda tar-Raad van State (Kunsill tal-Istat) ma żvelat l-ebda element li jqiegħed f’dubju l-legalità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

2. Fuq il-kwalità tad-data

102.

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari li joriġinaw mill-Italja u mill-Awstrija jqajmu wkoll, f’dan il-kuntest, dubji dwar il-kwalità u l-portata tad-data ttrasferita mill-Istati Membri. Dawn id-domandi huma bbażati fuq il-fatt li l-iskema tad-Direttiva 2003/87 kompliet tiġi estiża kemm bejn l-ewwel fażi (2005 sa 2007) u t-tieni fażi (2008 sa 2012) [ara, f’dan ir-rigward, il-Parti (b)] kif ukoll fit-tielet fażi (2013 sa 2020) [ara, f’dan ir-rigward, il-Parti (a)].

a) Fuq l-espansjoni mill-2013

i) Fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda fid-data ta’ ċerti Stati Membri

103.

Fid-disa’ domanda tagħha, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) tqis li d-data dwar l-emissjonijiet mill-installazzjonijiet, li qabel l-2013 kienu biss parzjalment suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87, ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għalkollox fid-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, jiġifieri ttieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn kienu diġà suġġetti għall-iskema minn qabel.

104.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħames domanda tat-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) hija wkoll ibbażata fuq din l-ipoteżi, li primarjament tittratta l-interpretazzjonijiet differenti tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87 mill-Istati Membri. Dawn id-differenzi jirreferu b’mod partikolari għad-domanda dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jikkomunikaw biss data dwar installazzjonijiet li kienu suġġetti għall-ewwel darba għall-iskema fl-2013, jew ukoll dwar attivitajiet ġodda suġġetti għall-iskema f’installazzjonijiet li, minħabba attivitajiet oħrajn, diġà kienu konnessi mal-iskema.

105.

L-Artikolu 10a(5)(b) u l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87 jipprovdu risposta ċara għal dawn id-domandi billi ma jindirizzawx emissjonijiet ta’ attivitajiet ġodda inklużi tal-installazzjonijiet li diġà huma inklużi fl-iskema. Iż-żewġ dispożizzjonijiet isemmu biss l-emissjonijiet ivverifikati ta’ installazzjonijiet, li kienu inklużi fl-iskema mill-2013 ’il quddiem.

106.

Madankollu, jekk l-emissjonijiet li kienu suġġetti għal din l-iskema mill-2013 ’il quddiem, li jirriżultaw minn attivitajiet f’installazzjonijiet diġà koperti, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, dan ikollu bilfors l-effett li tkun meħtieġa korrezzjoni ogħla. Dan minħabba li dawn l-attivitajiet xorta waħda jingħaddu mad-domanda rrikonoxxuta.

107.

B’mod simili għat-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn gassijiet ta’ skart ( 22 ) u s-sħana mill-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni ( 23 ) konsegwentement it-test tad-dispożizzjoni rilevanti jwassal sabiex l-emissjonijiet jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod nieqes mis-simetrija. Anki hawnhekk jeżistu l-kunflitti fir-rigward tal-għanijiet magħrufin u huma neqsin dikjarazzjonijiet ċari min-naħa tal-leġiżlatur.

108.

Għaldaqstant, anki f’dan il-każ, ma tistax tiġi rrakkomandata interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87, u l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirrimedja n-nuqqas ta’ simetrija fir-regoli ta’ implementazzjoni.

109.

Għaldaqstant, għandu jiġi deċiż li l-eżami tad-domandi dwar l-installazzjonijiet u l-attivitajiet ġodda suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87 mill-2013 ’il quddiem, ma żvelax li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda f’installazzjonijiet diġà koperti fid-data ta’ ċerti Stati Membri, waqt id-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali, iqiegħed f’dubju l-legalità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni mill-Artikolu 4 u mill-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

ii) Fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda fid-data ta’ Stati Membri oħra

110.

Madankollu, dan l-eżami wera li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda f’installazzjonijiet diġà koperti fid-data ta’ Stati Membri oħrajn waqt id-determinazzjoni tal-limitu massimu industrijali tassew iqiegħed f’dubju l-legalità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni mill-Artikolu 4 u mill-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448. Dan minħabba li l-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ installazzjonijiet ġodda biss.

111.

Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Ġermanja, lanqas ma hemm marġni ta’ diskrezzjoni fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87, li jippermetti lil ċerti Stati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni biss installazzjonijiet ġodda suġġetti għall-iskema, filwaqt li oħrajn jinkludu wkoll l-attivitajiet ġodda f’installazzjonijiet diġà inklużi. Ċertament jaf jeżisti marġni ta’ diskrezzjoni għal korpi ta’ Stat Membru fl-evalwazzjoni tad-data ttrasferita mill-operaturi, iżda għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda f’installazzjonijiet diġà koperti, il-bażi legali sempliċement ma teżistix.

112.

Huwa minnu li l-Kummissjoni – kif ukoll il-Ġermanja – issostni b’mod korrett li d-Direttiva 2003/87 ma tippermettilhiex li tbiddel l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri. Minn dan, iżda, ma jirriżultax li l-fattur ta’ korrezzjoni jista’ jiġi stabbilit abbażi ta’ data li, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli, ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni għandha mill-inqas issegwi dubji dwar il-kwalità tad-data u, jekk hemm bżonn, tiżgura li l-Istati Membri jwettqu l-korrezzjonijiet neċessarji mill-iktar fis possibbli. Dan jikkorrispondi mal-kompitu tagħha skont l-Artikolu 17(1) TUE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

113.

Barra minn dan, ma jirriżulta xejn iktar mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Estonja. Din is-sentenza kienet tikkonċerna l-verżjoni applikabbli preċedentement tad-Direttiva 2003/87, li kienet tippermetti marġni ta’ diskrezzjoni ħafna iktar wiesa’ lill-Istati Membri mid-dritt applikabbli llum. Barra minn hekk, anki f’dan il-każ il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx stħarriġ tal-legalità ( 24 ).

114.

Il-ħtieġa li l-fattur ta’ korrezzjoni jiġi stabbilit f’mument partikolari ma tbiddel xejn dwar dan. Jekk ma huwiex possibbli li jiġi ċċarat fil-ħin liema data għandha tintuża, il-Kummissjoni jekk ikun meħtieġ ikollha tistabbilixxi fattur ta’ korrezzjoni provviżorju, bla ħsara għal aġġustament sussegwenti.

115.

Għaldaqstant, jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 10a(5)(b) tad-Direttiva 2003/87 jippermetti biss it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ emissjonijiet ta’ installazzjonijiet ġodda suġġetti għall-iskema mill-2013, iżda mhux it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ attivitajiet ġodda inkorporati fl-iskema f’installazzjonijiet diġà koperti.

116.

Madankollu, fil-kuntest tal-kawżi preżenti kien sostnut li mill-inqas Franza, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja wkoll wettqu trasferiment ta’ data dwar l-emissjonijiet li tikkonċerna attivitajiet ġodda suġġetti għall-iskema, f’installazzjonijiet li minħabba attivitajiet oħrajn, diġà huma inkorporati fl-iskema. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għamlet użu minn din id-data fil-kalkolu tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali.

117.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali għoli wisq, sa fejn fil-kalkolu tiegħu ħadet inkunsiderazzjoni attivitajiet ġodda suġġetti għall-iskema mill-2013 ’il quddiem, f’installazzjonijiet diġà koperti. Sa dan il-punt, id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni hija illegali u l-Artikolu 4 kif ukoll l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma invalidi.

118.

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-istess idea ma għandhiex tapplika biss fid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, iżda wkoll meta tiġi ddeterminata l-kwantità totali tal-kwoti disponibbli skont l-Artikolu 9a(2). Barra minn hekk, f’dan il-każ, min-nuqqas ta’ simetrija ma tirriżulta l-ebda allokazzjoni mingħajr ħlas iktar baxxa, iżda kwantità inqas ta’ kwoti disponibbli, jiġifieri tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ ħsara għall-klima. Dan ikun ifisser saħansitra konformità iktar notevoli mal-għanijiet ambjentali ġenerali tad-Direttiva 2003/87 u tal-Artikolu 191 TFUE mis-sempliċi limitazzjoni tal-allokazzjoni mingħajr ħlas. Madankollu, il-proċeduri preżenti ma jqajmux domandi dwar il-kwantità totali disponibbli, u b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex meħtieġa tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

b) Fuq l-espansjoni mill-2008

119.

Barra minn hekk, bir-raba’ domanda tagħha, it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) tixtieq tiċċara jekk il-kalkolu tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali huwiex żbaljat billi l-espansjoni tal-iskema li twettqet bejn l-ewwel fażi (2005 sa 2007) u t-tieni fażi (2008 sa 2012) ta’ implementazzjoni tad-Direttiva 2003/87 ma tteħditx inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali. Dan jinkludi wkoll l-iżball allegat li l-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) trid li jiġi eżaminat bit-tmien domanda tagħha. Din tqis li d-data dwar l-emissjonijiet ta’ installazzjonijiet li qabel l-2008 kienu parzjalment suġġetti għall-iskema tad-Direttiva 2003/87, ittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod insuffiċjenti, jiġifieri biss sa fejn kienu diġà suġġetti għall-iskema minn qabel.

120.

Il-bidliet fit-tieni perijodu ta’ allokazzjoni jirriżultaw minn kjarifiki tal-Kummissjoni dwar it-terminu ta’ installazzjoni ta’ kombustjoni li, abbażi tagħhom, xi Stati Membri kellhom jinkorporaw numru ta’ installazzjonijiet addizzjonali ( 25 ). Barra minn hekk, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein issieħbu fl-iskema.

121.

Il-Kummissjoni ddeterminat l-emissjonijiet storiċi għad-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali abbażi tar-reġistru ta’ emissjonijiet tal-Unjoni ( 26 ). Madankollu, dan ir-reġistru ma kien jinkludi l-ebda data dwar l-emissjonijiet għal installazzjonijiet li kienu inklużi għall-ewwel darba fl-iskema fit-tieni perijodu ta’ allokazzjoni.

122.

Kif il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett, dan jikkorrispondi mal-Artikolu 10a(5)(a) tad-Direttiva 2003/87. Skont dan l-artikolu, tista’ tintuża biss il-medja tal-emissjonijiet ivverifikati fil-perijodu mill-2005 sal-2007 fil-kalkolu tal-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali. Barra minn hekk, għall-attivitajiet li ilhom jiġu inklużi mill-2008 hija nieqsa dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 9a(2), li tobbliga lill-Istati Membri jikkomunikaw data dwar l-emissjonijiet verifikata għal dawn l-attivitajiet ukoll. Emissjonijiet li kienu inklużi biss mill-2008 ’l quddiem b’hekk ma kinux ivverifikati u għalhekk ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni.

123.

Huwa wkoll għalhekk li, konsegwentement, il-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti jwassal għal teħid inkunsiderazzjoni tal-emissjonijiet li jkun nieqes mis-simetrija. Għalhekk japplikaw l-istess kunsiderazzjonijiet bħal fil-każ tan-nuqqas ta’ simetrija eżaminat sa issa.

124.

Għaldaqstant, l-eżami ta’ dawn id-domandi ma żvela xejn li jqiegħed f’dubju l-validità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni ddeterminat fid-Deċiżjoni 2013/448.

D – Fuq il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta ’ korrezzjoni

125.

Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) (il-ħames u s-sitt domandi) u t-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) (it-tielet domanda) iressqu wkoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dubji dwar il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni.

126.

Dawn id-domandi jirreferu għall-fatt li l-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448, jiġifieri essenzjalment il-premessa 25, ma tinkludix l-informazzjoni kollha li hija neċessarja sabiex jinftiehem il-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni. B’mod iktar preċiż, qiegħed jiġi allegat li ċerti ċifri jistgħu jinkisbu biss b’mod indirett mill-informazzjoni fil-motivazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 4) u li, għalkemm id-dokument spjegattiv ippubblikat iktar tard tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika jinkludi informazzjoni addizzjonali importanti, dan l-ewwel nett ma huwiex parti mill-motivazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 3) u t-tieni nett xorta għadha nieqsa ħafna informazzjoni neċessarja (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 2). Sabiex dawn id-domandi jingħataw risposta, l-ewwel nett għandhom jiġu ppreċiżati r-rekwiżiti tal-motivazzjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1).

1. Fuq il-motivazzjoni neċessarja tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fid-Deċiżjoni 2013/448

127.

Kif inhu magħruf, il-motivazzjoni meħtieġa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att, b’tali mod li tippermetti li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu bir-raġunijiet għall-miżura adottata u li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha ( 27 ).

128.

Dan huwa ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja b’tali mod li l-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet individwali minbarra li tippermetti li jsir stħarriġ ġudizzjarju, għandha l-għan li tipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex ivvizzjata b’difett li jippermetti li tiġi kkontestata l-validità tagħha ( 28 ).

129.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ atti li jkollhom portata ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni globali li wasslet għall-adozzjoni ta’ din il-miżura u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li dan l-att huwa intiż li jilħaq; din il-motivazzjoni għandha turi biss il-qofol tal-għan segwit permezz ta’ dan l-att ( 29 ). F’dan il-każ ma jkunx neċessarju li tkun meħtieġa motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi li l-istituzzjoni tkun għamlet ( 30 ).

130.

Id-determinazzjoni kkontestata tal-fattur ta’ korrezzjoni, mingħajr dubju, ma hijiex deċiżjoni individwali, iżda att li għandu portata ġenerali u, fl-istess waqt, deċiżjoni teknika tal-Kummissjoni. Għalhekk, wieħed jista’ jassumi li r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni huma limitati.

131.

Tali suppożizzjoni madankollu hija żbaljata.

132.

Ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni limitati għal atti li għandhom portata ġenerali huma spjegati mill-marġni ta’ diskrezzjoni leġiżlattiva li b’mod regolari jkunu bbażati fuqha. Din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju biss b’mod ristrett, u b’hekk huwa suffiċjenti meta l-motivazzjoni tinkludi l-elementi neċessarji għal tali stħarriġ limitat.

133.

Madankollu, fid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fid-Deċiżjoni 2013/448, il-Kummissjoni ma eżerċitat l-ebda setgħa li ġġib magħha tali marġni ta’ diskrezzjoni. Il-metodu tal-kalkolu, u d-data li għandha tintuża, jirriżultaw mid-Direttiva 2003/87 u d-Deċiżjoni 2011/278. Għaldaqstant, l-istħarriġ ġudizzjarju, essenzjalment, huwa intiż li jiġi ddeterminat jekk dan il-metodu kienx applikat kif suppost u jekk intużatx id-data korretta. Minn dan jirriżulta li l-motivazzjoni trid tinkludi l-informazzjoni neċessarja li tippermetti dan l-istħarriġ.

2. Fuq id-data użata mill-Kummissjoni

134.

Minn dan diġà jirriżulta element ċentrali sabiex tingħata risposta għas-sitt domanda tar-Raad van State (Kunsill tal-Istat), jiġifieri jekk il-motivazzjoni tridx tinkludi d-data kollha li hija neċessarja sabiex jitwettaq eżami tal-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni.

135.

Tabilħaqq, il-motivazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448 trid tirreferi preċiżament għal din id-data, għaliex inkella l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ tistħarreġ jekk il-Kummissjoni użatx id-data korretta għall-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni, kif ukoll jekk applikatx b’mod korrett il-metodu ta’ kalkolu. Għaldaqstant, anki l-partijiet ikkonċernati għandhom bżonn din id-data sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw rimedji legali quddiem il-qrati tal-Unjoni jew quddiem il-qrati nazzjonali.

136.

Jidher li l-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fil-premessa 25 tad-Deċiżjoni 2013/448 ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, għaliex din ma tinkludix id-data kollha li l-Kummissjoni użat għall-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jenfasizza tliet fatturi b’mod partikolari:

137.

Sabiex l-ewwel nett tiġi eżaminata d-determinazzjoni tas-sehem tal-installazzjonijiet, li ma humiex ġeneraturi tal-elettriku, f’termini tal-emissjonijiet matul il-perijodu 2005 sa 2007, wieħed għandu jkun jaf liema installazzjonijiet il-Kummissjoni tqis bħala ġeneraturi tal-elettriku.

138.

It-tieni nett wieħed jista’ jifhem u jsegwi l-kalkolu tal-kwantità totali tal-emissjonijiet ta’ installazzjonijiet li għalihom ir-regoli dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni kienu japplikaw mill-2013 biss jekk wieħed ikollu stampa tal-indikazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri fil-konfront tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva 2003/87.

139.

Barra minn hekk, it-tielet nett, l-allokazzjoni kkoreġuta ma tistax tkun ivverifikata biss meta jkun ipprovdut aċċess għar-reġistri trażmessi min-naħa tal-Istati Membri li jinkludu l-kwantitajiet annwali provviżorji tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas.

140.

Madankollu, ma nqisx li huwa assolutament neċessarju li din id-data tkun integrata kompletament fil-motivazzjoni tal-att, billi f’dan il-każ tispiċċa tkun estensiva ħafna. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rekwiżiti li għandhom jiġu imposti dwar il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandhom ikunu proporzjonati mal-possibbiltajiet reali u mal-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li taħthom din tittieħed ( 31 ). Għalhekk, kien ikun suffiċjenti li tingħata l-possibbiltà sabiex tittieħed nota tad-data prima neċessarja sabiex fil-motivazzjoni jiġi inkorporat riferiment korrispondenti.

141.

Madankollu, dan ma huwiex il-każ. Barra minn hekk, mhux talli hekk: il-Kummissjoni, wara talbiet xierqa, saħansitra ċaħdet l-aċċess għad-data. Minħabba f’hekk, neħħiet il-protezzjoni legali komprensiva fir-rigward tal-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni.

142.

Madankollu, il-Kummissjoni u l-Ġermanja jirreferu għall-fatt li din id-data tinkludi sigrieti kummerċjali.

143.

Għandu jiġi rrikonoxxut li l-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll tas-sigrieti kummerċjali għandha tiġi implementata b’tali mod li tkun irrikonċiljata mar-rekwiżiti ta’ protezzjoni legali effettiva u mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-kawża ( 32 ).

144.

Dan ifisser, bħala regola ġenerali, li l-awtorità tal-kontroll, normalment qorti, għandha tkun ipprovduta bl-informazzjoni meħtieġa kollha sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ taċ-ċirkustanzi. Dan jinkludi informazzjoni kunfidenzjali kif ukoll sigrieti kummerċjali. Min-naħa l-oħra, irid ikun possibbli li din l-informazzjoni tinżamm milli tingħata lil parti jekk il-parti l-oħra tikkonvinċi lill-awtorità ta’ kontroll li jeżisti interess superjuri fit-trattament kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni ( 33 ).

145.

Madankollu, fil-każ preżenti huwa dubjuż jekk hemmx interess superjuri fit-trattament kunfidenzjali tad-data neċessarja kollha. L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/87 fil-fatt jipprevedi li d-deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ kwoti, u r-rapporti dwar l-emissjonijiet li huma pprovduti fl-awtorizzazzjoni dwar l-emissjoni ta’ gassijiet serra, u li jinżammu disponibbli mill-awtorità kompetenti, għandhom ikunu magħmulin aċċessibbli għall-pubbliku skont id-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali ( 34 ). L-istess jirriżulta mill-Artikolu 15a tad-Direttiva 2003/87.

146.

Kif jistipula t-tieni paragrafu tal-Artikolu 15a tad-Direttiva 2003/87, minkejja li dan ma jeskludix il-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali li xorta waħda jeżistu, fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ tali sigriet għandhom jiġu stipulati rekwiżiti għoljin billi l-obbligu ta’ protezzjoni ta’ dan is-sigriet ma jistax ikun interpretat b’mod tant estensiv li jirrendi ineffettiva l-ħtieġa tal-motivazzjoni għad-detriment tad-dritt għal smigħ ( 35 ).

147.

Għandu jitqies, b’mod partikolari, il-fatt li skont ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus ( 36 ), l-aċċess għal informazzjoni dwar l-emissjonijiet fl-ambjent ma jistax ikun miċħud billi jiġu invokati sigrieti kummerċjali jew tan-negozju.

148.

Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Kummissjoni, anki s-sentenza Ville de Lyon ma tbiddel xejn. Għalkemm huwa minnu li din is-sentenza kkonċernat ukoll l-aċċess għal ċerta informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87, din l-informazzjoni iżda kienet suġġetta għal dispożizzjoni speċjali li, b’deroga mid-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali, eskludiet l-aċċess ( 37 ). Madankollu, għall-informazzjoni ta’ interess fil-każ preżenti, ma jidher li hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali li tipprekludi t-traspożizzjoni tal-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar it-tagħrif ambjentali u tar-Regolament dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-obbligu ta’ motivazzjoni.

149.

Il-fatt li ħafna mill-informazzjoni, forsi saħansitra l-informazzjoni kollha rilevanti fil-kawżi preżenti tikkonċerna emissjonijiet fl-ambjent, jista’ jiġi mill-inqas preżunt. Konsegwentement, hemm bżonn ta’ eżami bir-reqqa dwar liema mid-data użata ma tikkonċernax emissjonijiet fl-ambjent, u fl-istess waqt trid tkun ittrattata b’mod kunfidenzjali bħala sigriet kummerċjali. Minbarra l-kunsiderazzjonijiet diġà elenkati, hawnhekk il-Kummissjoni ser ikollha teżamina wkoll jekk l-interess fil-protezzjoni ta’ sigrieti kummerċjali, li kienu oriġinarjament rikonoxxuti, spiċċax mal-mogħdija taż-żmien ( 38 ). Id-data l-oħra kollha neċessarja għall-eżami tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni trid tkun aċċessibbli għall-pubbliku u, konsegwentement, ukoll għall-impriżi kkonċernati.

150.

Fil-kawżi preżenti ma huwiex possibbli li tittieħed deċiżjoni finali dwar liema data użata għall-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni għandha tkun ittrattata b’mod kunfidenzjali minħabba raġunijiet imperattivi. Għalhekk, fis-seduta l-Ġermanja ppreċiżat li d-data dwar l-emissjonijiet totali annwali ta’ installazzjonijiet hija pubblika, filwaqt li data dwar subinstallazzjonijiet għandha titqies li hija sigriet kummerċjali għaliex tippermetti li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-produzzjoni. Il-kwistjoni dwar sa liema punt id-data tal-aħħar hija neċessarja sabiex jitwettaq eżami tal-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni u jekk, f’dan il-każ, din id-data tridx verament tkun ittrattata b’mod kunfidenzjali, ma hijiex is-suġġett ta’ din il-proċedura.

151.

Għaldaqstant, jidher b’mod ċar li d-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 ma hijiex immotivata biżżejjed u b’hekk hija invalida. Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ġdida b’motivazzjoni suffiċjenti u għandha teżamina, f’dan il-kuntest, sa liema punt huwa ġġustifikat trattament kunfidenzjali tad-data bażika. Fil-każ ta’ diskrepanzi, jekk ikun hemm bżonn, trid tinfetaħ kawża ġdida.

3. Fuq id-dokument spjegattiv tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika

152.

Barra minn hekk, għandu jiġi ċċarat li d-dokument spjegattiv tad-Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni Klimatika tat-22 ta’ Ottubru 2013 ( 39 ), imsemmi fit-tielet domanda tat-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio), ma setax jirrimedja n-nuqqas ta’ motivazzjoni ppreżentat, irrispettivament mill-kontenut tiegħu.

153.

Fil-fatt, l-imsemmija qorti tqis b’mod korrett li l-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni trid tkun inkluża fl-att innifsu u għandha toriġina mill-awtur tal-att ( 40 ).

154.

Huwa minnu li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tista’ tkun ristretta jekk l-informazzjoni deċiżiva jkunu jafu biha l-partijiet ikkonċernati ( 41 ). Tali għarfien, iżda, jista’ jillimita l-obbligu ta’ motivazzjoni l-iktar l-iktar meta l-partijiet ikkonċernati setgħu jsiru jafu b’din l-informazzjoni fl-istess waqt tad-deċiżjoni. Madankollu, id-dokument inkwistjoni huwa tat-22 ta’ Ottubru 2013, filwaqt li d-Deċiżjoni 2013/448 kienet adottata diġà fil-5 ta’ Settembru 2013, u ġiet ippubblikata jumejn wara.

155.

Informazzjoni sussegwenti, mill-banda l-oħra, hija adattata biss sabiex tissupplimenta motivazzjoni li fiha nnifisha tkun diġà suffiċjenti, iżda ma tistax tirrimedja nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-każ preżenti, wieħed irid iqis ukoll li din l-informazzjoni ma kinitx ippubblikata mill-Kummissjoni bħala awtur tad-Deċiżjoni 2013/448, iżda biss minn wieħed mid-dipartimenti tagħha. Il-fatt li l-Kummissjoni ma tagħmilx referenza diretta għal dan id-dokument fil-kawżi preżenti u, sadanittant, saħansitra kkontradixxietu fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-installazzjonijiet ta’ koġenerazzjoni, jixhed li dan id-dokument ma għandux l-istess natura bħall-motivazzjoni ta’ att.

4. Fuq in-neċessità ta’ kalkolu b’lura

156.

Ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) finalment jistaqsi jekk huwiex kompatibbli mal-obbligu ta’ motivazzjoni l-fatt li l-kwantitajiet ta’ emissjonijiet u kwoti ta’ emissjoni deċiżivi sabiex jiġi kkalkolat il-fattur ta’ korrezzjoni jissemmew biss b’mod parzjali fid-Deċiżjoni. Din id-domanda hija bbażata fuq il-fatt li ċerti valuri inizjali jistgħu jiġu ddeterminati biss jekk wieħed jgħodd b’lura n-numri indikati, b’applikazzjoni tar-regoli għall-kalkolu.

157.

Madankollu, dan ma jikkostitwixxi l-ebda nuqqas ta’ motivazzjoni, billi l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tkun iddeterminata abbażi tal-kuntest tal-att u tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat ( 42 ). Sa fejn dan il-kuntest jippermetti li bi sforz raġonevoli tiġi ddeterminata b’mod affidabbli informazzjoni addizzjonali abbażi tal-informazzjoni li tinsab fil-motivazzjoni, l-obbligu ta’ motivazzjoni jkun issodisfatt. Kif diġà ġie sostnut, madankollu, mhux id-data kollha neċessarja tista’ tiġi ddeterminata b’dan il-mod.

5. Konklużjoni fuq il-motivazzjoni tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni

158.

Id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 ma hijiex immotivata biżżejjed u b’hekk hija invalida.

E – Fuq id-dritt fundamentali għall-proprjetà (is-sitt domanda fil-kawża Borealis Polyolefine u t-tieni domanda fil-kawża Esso Italiana)

159.

Kemm it-talbiet għal deċiżjoni preliminari mill-Awstrija kif ukoll it-talbiet mill-Italja jqajmu d-domanda dwar jekk it-tnaqqis tal-kwantità tal-kwoti tal-emissjonijiet allokati mingħajr ħlas, ikkalkolata b’mod provviżorju minħabba l-fattur ta’ korrezzjoni, huwiex kompatibbli mad-dritt fundamentali għall-proprjetà.

160.

It-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) hawnhekk tirreferi għall-Artikolu 1(1) tal-ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB u għall-Artikolu 17 KEDB, li jipprojbixxu l-abbuż tad-drittijiet u l-libertajiet. Madankollu, billi l-KEDB ma hijiex direttament vinkolanti fuq l-Unjoni ( 43 ), huma importanti d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri l-Artikoli 17 u 54, kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt korrispondenti tad-dritt tal-Unjoni.

161.

Madankollu, ma huwiex ċar sa fejn jista’ jkun hemm abbuż tad-drittijiet fundamentali fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 54 tal-Karta.

162.

Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati biss id-dritt għall-proprjetà protett fl-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ġenerali tad-dritt korrispondenti. Il-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 17 ma tirrigwardax biss sempliċi interessi jew opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li n-natura inċerta tagħhom tifforma parti mis-sustanza stess tal-attivitajiet ekonomiċi, iżda drittijiet li għandhom valur patrimonjali li minnhom tirriżulta, fid-dawl tal-ordinament ġuridiku, pożizzjoni legali kweżita li tippermetti li dawn id-drittijiet jiġu eżerċitati b’mod awtonomu minn u favur il-proprjetarju tagħhom ( 44 ).

163.

Madankollu, dan huwa eskluż fil-każ tal-kalkolu provviżorju tal-allokazzjoni mingħajr ħlas skont l-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2011/278. Dan ma setax jiġġustifika pożizzjoni legali kweżita, billi l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 jipprevedi l-possibbiltà ta’ tnaqqis.

164.

F’dan ir-rigward, lanqas l-indikazzjonijiet tat-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (qorti amministrattiva reġjonali tal-Lazio) ma jistgħu jbiddlu xejn mill-ġurisprudenza tal-QEDB, li minnha jirriżulta li l-protezzjoni tal-proprjetà skont l-Artikolu 1(1) tal-ewwel Protokoll Addizzjonali għall-KEDB tista’ tinkludi wkoll aspettattivi leġittimi li jinvolvu l-akkwist tal-proprjetà ( 45 ). Huwa minnu li l-Artikolu 17 tal-Karta, skont l-Artikolu 52(3) tagħha, għandu l-istess tifsira u portata bħad-dritt għall-proprjetà previst fil-KEDB kif interpretat mill-QEDB ( 46 ), iżda ċ-ċirkustanza li huwa previst fattur ta’ korrezzjoni għat-tnaqqis tal-kalkolu provviżorju teskludi aspettattiva leġittima ( 47 ).

165.

Għalhekk, il-fattur ta’ korrezzjoni ma jiksirx id-dritt fundamentali għall-proprjetà

F – Fuq il-proċedura tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448

166.

Permezz tal-ħames domanda preliminari fil-kawżi Borealis Polyolefine, it-tieni domanda preliminari fil-kawża Dow Benelux kif ukoll is-sitt domanda preliminari fil-kawżi Esso Italiana, il-qrati tar-rinviju, essenzjalment, jixtiequ jkunu jafu jekk id-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni hijiex invalida minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ma adottatx id-Deċiżjoni 2013/448 fuq il-bażi tal-proċedura regolatorja bi skrutinju skont l-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468.

167.

Dawn id-domandi qegħdin isiru fil-kuntest fejn filwaqt li, skont l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta miżuri ta’ implementazzjoni, hija madankollu hija meħtieġa tapplika l-proċedura regolatorja bi skrutinju. Dan il-proċess għandu l-għan tal-monitoraġġ tal-Kummissjoni waqt l-eżerċitar ta’ setgħat kważi leġiżlattivi. Minn naħa, dan iseħħ permezz tal-involviment ta’ Kumitat Regolatorju kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri, kif ukoll, min-naħa l-oħra, permezz tal-kapaċità sussegwenti ta’ intervent mill-Parlament u l-Kunsill.

168.

Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/278 abbażi ta’ din il-proċedura u fl-Artikolu 15(3) ta’ din id-Deċiżjoni – abbażi tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 – standardizzat il-modalitajiet għall-kalkolu tal-fattur ta’ korrezzjoni. Mill-banda l-oħra, id-determinazzjoni kwantitattiva tal-fattur ta’ korrezzjoni seħħet permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 mingħajr ma kienet tapplika proċedura separata.

169.

Il-bażi legali diretta għall-adozzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 hija l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni. Filwaqt li l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 ma huwiex iċċitat espliċitament bħala bażi legali fil-preambolu tad-Deċiżjoni 2013/448, dan jissemma bħala bażi legali b’mod espliċitu fl-Artikolu 4 ta’ din id-deċiżjoni ( 48 ).

170.

Madankollu, l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278 ma standardizza l-ebda modalitajiet proċedurali speċifiċi għad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni. Għalhekk, fil-prinċipju, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li sempliċement tadotta l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448.

171.

Madankollu, numru ta’ partijiet li pparteċipaw fil-proċedura jilmentaw li l-Kummissjoni, b’mod inammissibbli, iddelegat is-setgħa lilha nnifisha, permezz tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, sabiex tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni, jew mill-inqas evitat il-proċedura regolatorja bi skrutinju.

172.

L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx tagħti lilha nnifisha, permezz tal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, bażi legali għall-adozzjoni tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2013/448.

173.

Kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ implementazzjoni għall-allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti. Id-Deċiżjoni 2011/278 hija tali miżura ta’ implementazzjoni. Peress li s-setgħa għad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fl-Artikolu 15(3) isservi wkoll sabiex isseħħ l-implementazzjoni, fil-prinċipju, l-istabbiliment ta’ tali bażi legali għaliha huwa suġġett adattat għal tali miżuri ta’ implementazzjoni.

174.

Limiti sostantivi għal miżuri ta’ implementazzjoni, madankollu, jistgħu jirriżultaw mill-Artikoli 290 TFUE u 291 TFUE.

175.

Skont l-Artikolu 290(1) TFUE att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi ta’ applikazzjoni ġenerali sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta’ dak l-att leġiżlattiv. Din hija l-hekk imsejħa regolamentazzjoni ddelegata.

176.

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 291(2) TFUE, fil-każ li jkunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tal-atti vinkolanti tal-Unjoni, dawn l-atti jistgħu jagħtu l-kompetenzi ta’ implementazzjoni lill-Kummissjoni (jew f’każijiet speċjali lill-Kunsill).

177.

L-assenjazzjoni tad-Deċiżjoni 2013/448 f’waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji ssir iktar diffiċli minħabba l-fatt li l-Kummissjoni la tiddeskriviha bħala att iddelegat u lanqas bħala miżura ta’ implementazzjoni, minkejja li fl-Artikolu 290(3) TFUE u fl-Artikolu 291(4) TFUE hija meħtieġa deskrizzjoni korrispondenti. Madankollu, ma nqisx li dan id-difett proċedurali fil-każ preżenti huwa gravi biżżejjed sabiex jiġġustifika l-annullament tad-Deċiżjoni, billi mill-kuntest u mill-kontenut tagħha jirriżulta b’mod ċar biżżejjed li hija kkonċernata miżura ta’ implementazzjoni ( 49 ).

178.

Il-fatt li d-Deċiżjoni 2013/448 hija bbażata fuq id-Deċiżjoni 2011/278 juri l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta miżura ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 290(1) TFUE, att iddelegat jista’ jkun ibbażat biss fuq att leġiżlattiv. Konsegwentement, skont l-Artikolu 289 TFUE, dawn huma atti li kienu adottati fuq il-bażi tat-Trattati mill-Parlament u l-Kunsill, iżda mhux atti tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, setgħat ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291(2) TFUE jistgħu jkunu ddelegati permezz ta’ sempliċi “atti vinkolanti”, jiġifieri wkoll permezz ta’ atti tal-Kummissjoni bħad-Deċiżjoni 2011/278.

179.

Il-kontenut tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 jikkonferma l-kwalifika bħala miżura ta’ implementazzjoni.

180.

Fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, l-istituzzjoni kkonċernata għandha tispeċifika l-kontenut tal-att bażiku, sabiex tiżgura l-implementazzjoni tiegħu f’kundizzjonijiet uniformi fl-Istati Membri kollha ( 50 ). Tali speċifikazzjoni hija meqjusa fil-kuntest ta’ dak li huwa ammissibbli jekk id-dispożizzjonijiet tal-att ta’ implementazzjoni, minn naħa, jirrispettaw l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-att leġiżlattiv u, min-naħa l-oħra, ikunu neċessarji jew utli għall-implementazzjoni tiegħu ( 51 ). Madankollu, huwa eskluż li l-att bażiku jiġi emendat jew issupplimentat, anki fir-rigward tal-elementi mhux essenzjali tiegħu ( 52 ). Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ tkun iddelegata din is-setgħa biss skont l-Artikolu 290 TFUE.

181.

Id-Deċiżjoni 2011/278 ma kinitx emendata bid-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448, u wisq inqas id-Direttiva 2003/87. Ma saritx interferenza fit-test ta’ dawn l-atti u, għall-kuntrarju, il-kontenut normattiv tagħhom baqa’ ma ġiex emendat ( 53 ). Dawn lanqas ma ġew issupplimentati. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma ħolqitx il-fattur ta’ korrezzjoni permezz tad-Deċiżjoni 2013/448. Dan diġà kien stabbilit fid-Direttiva 2003/87 u kien speċifikat iktar fid-dettall fid-Deċiżjoni 2011/278.

182.

Id-determinazzjoni kwantitattiva tal-fattur ta’ korrezzjoni, għall-kuntrarju, tikkostitwixxi r-riżultat tal-applikazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu diġà standardizzati, u għalhekk tissodisfa l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 kif ukoll l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278. Billi f’dan il-kuntest hija rrikonoxxuta wkoll il-ħtieġa ta’ determinazzjoni uniformi madwar l-Unjoni, l-adozzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 tikkonċerna miżura ta’ implementazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 291(2) TFUE.

183.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni, l-Artikolu 291(3) TFUE jipprevedi li l-Parlament u l-Kunsill għandhom jistabbilixxu minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-miżuri ta’ kontroll mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni.

184.

Dawn ir-regoli u prinċipji ġenerali huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 ( 54 ). Madankollu, dan ma jiġġustifika l-ebda rekwiżit proċedurali urġenti, għaliex skont l-Artikolu 1 tiegħu, dawn ir-regoli u prinċipji għandhom ikunu applikati (biss) meta att vinkolanti tal-Unjoni jirrikjedi li l-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni tkun suġġetta għall-kontroll mill-Istati Membri.

185.

Konsegwentement, bl-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278, il-Kummissjoni setgħet tagħti s-setgħa lilha stess għad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni, mingħajr ma tipprevedi proċedura ta’ kontroll addizzjonali.

186.

Billi d-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 hija miżura ta’ implementazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, anki l-oġġezzjoni dwar l-evażjoni ta’ proċedura regolatorja bi skrutinju tista’ tingħata risposta faċilment.

187.

Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87 jirrikjedi din il-proċedura biss għal miżuri li jemendaw billi jissupplimentaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva. Madankollu, skont il-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ.

188.

Għaldaqstant, l-eżami tad-domandi magħmula dwar in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju ma żvela l-ebda element li jqiegħed f’dubju l-legalità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448.

G – Fuq il-possibbiltà li jitressqu kwistjonijiet direttament quddiem il-qrati tal-Unjoni

189.

Bl-ewwel domanda tiegħu, ir-Raad van State (Kunsill tal-Istat) jistaqsi jekk l-operaturi ta’ installazzjonijiet industrijali eżistenti, li mill-2013 ’il quddiem applikaw għalihom ir-regoli tad-Direttiva 2003/87 dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, setgħux, b’mod inekwivoku, jippreżentaw quddiem il-Qorti Ġenerali, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, rikors għall-annullament tal-fattur ta’ korrezzjoni previst fid-Deċiżjoni 2013/448.

190.

Din id-domanda tirrigwarda l-ġurisprudenza stabbilita li minnha jirriżulta li r-rikonoxximent tad-dritt ta’ parti li tinvoka quddiem il-qrati nazzjonali l-invalidità ta’ att tal-Unjoni jirrikjedi li din ma kellhiex dritt tippreżenta rikors dirett kontra l-imsemmi att quddiem il-qrati tal-Unjoni bis-saħħa tal-Artikolu 263 TFUE ( 55 ). Fil-fatt, jekk jiġi ammess li individwu li mingħajr dubju seta’, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jippreżenta rikors għall-annullament ta’ att tal-Unjoni, jista’ jikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali, wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, il-validità tal-istess att, dan ikun ifisser li tali individwu jkun jista’ jevita n-natura definittiva li jkollu tali att fil-konfront tiegħu wara l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors ( 56 ).

191.

Għalhekk, ir-rilevanza tal-kwistjonijiet li diġà ġew eżaminati dwar il-validità tad-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni fid-Deċiżjoni 2013/448 tkun dubjuża li kieku l-impriżi rikorrenti fil-kawżi prinċipali kellhom id-dritt li jippreżentaw rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni u li kieku dan il-locus standi kien ammissibbli mingħajr dubju. Madankollu, ser nuri li dan ma huwiex il-każ.

192.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tippreżenta rikors kontra l-att indirizzat lilha (l-ewwel sitwazzjoni) jew li jirrigwardaha direttament u individwalment (it-tieni sitwazzjoni), kif ukoll kontra l-atti regolatorji li jirrigwardawha direttament u li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni (it-tielet sitwazzjoni).

193.

Huwa eskluż locus standi tal-impriżi rikorrenti fil-kawżi prinċipali skont l-ewwel jew it-tielet sitwazzjoni previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Id-Deċiżjoni 2013/448 ma hijiex indirizzata lilhom iżda, skont l-Artikolu 5, lill-Istati Membri. Barra minn hekk, il-fattur ta’ korrezzjoni stabbilit fl-Artikolu 4 jirrikjedi miżuri ta’ implementazzjoni mill-Istati Membri, jiġifieri aġġustament tal-kwantità diġà kkalkolata b’mod provviżorju ta’ kwoti li għandhom jiġu allokati mingħajr ħlas.

194.

Għaldaqstant, kif speċifikat fit-tieni sitwazzjoni prevista fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-impriżi rikorrenti jista’ jkollhom id-dritt jippreżentaw rikors kontra d-Deċiżjoni 2013/448 quddiem il-qrati tal-Unjoni. Dan jissoponi li d-Deċiżjoni tikkonċernahom direttament u individwalment.

195.

Persuna li ma tkunx id-destinatarju ta’ deċiżjoni tista’ tallega li hija kkonċernata individwalment biss fil-każ li din id-deċiżjoni tolqotha minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għaliha jew minħabba sitwazzjoni ta’ fatt li tikkaratterizzaha fil-konfront ta’ kull persuna oħra u, għalhekk, tindividwalizzaha b’mod analogu għal kif ikunu d-destinatarji ta’ tali deċiżjoni ( 57 ).

196.

Huwa minnu li l-fattur ta’ korrezzjoni potenzjalment jikkonċerna lil kulħadd, billi għandu jiġi applikat ukoll għal installazzjonijiet inklużi ġodda fl-iskema għall-iskambju ta’ drittijiet ta’ emissjoni. Madankollu, il-fatt li dispożizzjoni, minħabba n-natura u l-portata ġenerali tagħha, tkun regola ġenerali, sa fejn tapplika għall-operaturi ekonomiċi interessati kollha, ma jeskludix li din id-dispożizzjoni tista’ tikkonċerna individwalment lil uħud minnhom ( 58 ).

197.

Fil-każ preżenti jeżisti grupp li jista’ jiġi ddefinit ta’ partijiet ikkonċernati, jiġifieri l-installazzjonijiet industrijali diġà eżistenti. Fil-każ tagħhom ġie kkalkolat b’mod provviżorju kemm għandhom jiġu allokati lilhom kwoti ta’ emissjoni mingħajr ħlas u din il-kwantità provviżorja tnaqqset bl-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/87, l-installazzjonijiet kollha koperti mill-iskema ta’ skambju jeħtieġu awtorizzazzjoni għal rilaxx tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

198.

Il-ġurisprudenza fuq il-kwistjoni jekk il-membri ta’ tali grupp definit humiex ikkonċernati individwalment, madankollu, ma hijiex ċara ħafna.

199.

Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta deċiżjoni taffettwa grupp ta’ persuni li kienu identifikati jew setgħu jiġu identifikati fid-data tal-adozzjoni tagħha u abbażi ta’ kriterji partikolari għall-membri ta’ dan il-grupp, dawn il-persuni jistgħu jkunu kkonċernati individwalment minn din id-deċiżjoni minħabba li jagħmlu parti minn grupp limitat ta’ operaturi ekonomiċi ( 59 ). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta d-deċiżjoni tindaħal fir-rigward ta’ drittijiet akkwistati mill-individwu qabel l-adozzjoni tagħha ( 60 ).

200.

Bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-Pajjiżi l-Baxxi, id-detenturi tal-installazzjonijiet ikkonċernati, madankollu, ma akkwistaw l-ebda dritt ta’ emissjonijiet qabel id-deċiżjoni dwar il-fattur ta’ korrezzjoni, billi l-kalkolu preċedenti tal-kwoti kif speċifikat fl-Artikolu 10(2) u fl-Artikolu 15(2)(e) tad-Deċiżjoni 2011/278 kien ta’ natura provviżorja ( 61 ). Pjuttost, kif il-Kummissjoni indikat b’mod korrett, sabiex jiġu ddeterminati d-drittijiet tal-impriżi l-ewwel jeħtieġ li jiġi ddeterminat il-fattur ta’ korrezzjoni. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni preżenti hija differenti, pereżempju, mis-sentenza Codorniu li kienet tirrigwarda regola li kienet tindaħal fid-drittijiet eżistenti tat-trademarks ( 62 ), jew mis-sentenza Infront li kienet tikkonċerna drittijiet tax-xandir bit-televiżjoni eżistenti għal avvenimenti sportivi ( 63 ).

201.

Għaldaqstant, trid tingħata wkoll attenzjoni lill-ġurisprudenza opposta. F’din, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà li jiġu ddeterminati, ftit jew wisq bi preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tal-persuni li għalihom tapplika miżura bl-ebda mod ma jfisser li dawn għandhom jitqiesu li huma kkonċernati individwalment minn din il-miżura, meta jkun paċifiku li din l-applikazzjoni tal-miżura ssir abbażi ta’ sitwazzjoni oġġettiva ta’ dritt jew ta’ fatt iddefinita minnha stess ( 64 ). Il-Qorti Ġenerali tinterpreta dan fis-sens li l-appartenenza għal grupp ristrett ma tistax tindividwalizza l-persuna kkonċernata, jekk dan il-grupp jirriżulta min-natura tas-sistema stabbilita mil-leġiżlazzjoni kkontestata ( 65 ).

202.

Għaldaqstant, f’każ simili ħafna, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement eskludiet interess individwali fejn kien ikkonċernat l-istabbiliment ta’ koeffiċjent ta’ allokazzjoni li kien applikat fuq applikazzjonijiet fil-qasam tas-suq taz-zokkor, li kienu ġew sottomessi matul perijodu partikolari. Filwaqt li b’dan il-mod il‑grupp tal-applikanti kien iddeterminat ( 66 ), il-koeffiċjent kien ikkalkolat biss abbażi tal-kwantitajiet disponibbli u l-kwantità mitluba, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tal-applikazzjonijiet individwali jew is-sitwazzjoni speċifika tal-applikanti ( 67 ).

203.

Din hija s-sitwazzjoni fil-każ preżenti: il-fattur ta’ korrezzjoni huwa kkalkolat skont il-punti ta’ riferiment u l-limitu massimu tal-emissjonijiet industrijali skont l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar id-domanda rrikonoxxuta, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-installazzjonijiet individwali. Għalhekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi miċħud interess individwali, minkejja li l-grupp tal-operaturi ekonomiċi jista’ jiġi ddefinit. B’hekk ma kienx jeżisti locus standi.

204.

Indipendentement mill-fatt jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hijiex tal-istess fehma, din id-diskussjoni tixhed li locus standi fi kwalunkwe każ ma kienx ser jeżisti quddiem il-qrati tal-Unjoni mingħajr dubju. Għaldaqstant, dan ma kienx jipprekludi d-domandi dwar il-validità tal-fattur ta’ korrezzjoni.

205.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-kawża Dow Benelux għandha tkun li l-operaturi ta’ installazzjonijiet li għalihom ir-regoli dwar l-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjoni tad-Direttiva 2003/87 kienu japplikaw mill-2013, bl-eċċezzjoni tal-operaturi ta’ installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda, ma setgħux mingħajr ebda dubju jitolbu lill-Qorti Ġenerali tannulla, kif speċifikat fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni 2013/448 sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni.

H – Fuq il-konsegwenzi tal-illegalità tad-Deċiżjoni 2013/448

206.

Bis-seba’ domanda tagħha, il-Landesverwaltungsgericht Niederösterreich (qorti amministrattiva reġjonali tan-Nofsinhar tal-Awstrija) tixtieq tkun taf jekk il-konstatazzjoni tal-invalidità tal-fattur ta’ korrezzjoni teskludix l-applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, il-kwistjoni hija jekk, fil-każ li l-fattur ta’ korrezzjoni jiġi annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-installazzjonijiet humiex ser jingħataw mingħajr tnaqqis il-kwantità ta’ kwoti, ikkalkolata b’mod provviżorju, li għandhom ikunu allokati mingħajr ħlas.

207.

Din il-kwistjoni tqum minħabba li iktar ’il fuq ikkonstatajt li l-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma invalidi. Sentenza fl-istess sens mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha impatti retroattivi bl-istess mod bħal sentenza ta’ annullament ( 68 ). Il-konstatazzjoni tal-invalidità hija wkoll, għal kwalunkwe qorti nazzjonali oħra, motiv biżżejjed sabiex dak l-att jitqies invalidu għall-finijiet tas-sentenzi mogħtija minnha ( 69 ).

208.

Għalhekk, wieħed jista’ jassumi li wara li jiġi annullat il-fattur ta’ korrezzjoni, għandha ssegwi allokazzjoni finali mhux imnaqqsa li tammonta għall-kalkolu preliminari. Dan ikun ifisser li kull installazzjoni tingħata bejn 6 % u 10 % iktar kwoti mingħajr ħlas għal kull sena bejn l-2013 u l-2015. Ma jistax ikun eskluż li, mill-inqas fir-rigward tal-passat, din l-allokazzjoni supplimentari tkun teħtieġ żieda korrispondenti tal-kwantità totali ta’ kwoti disponibbli, billi, wisq probabbli, il-kwoti li ma kinux allokati mingħajr ħlas diġà ġew irkantati. Matul is-snin sussegwenti, il-kwantità ta’ kwoti addizzjonali li huma allokati mingħajr ħlas terġa’ tkun iktar għolja għalkemm, madankollu, dawn jistgħu jinkisbu mill-kwantità tal-kwoti li għandhom ikunu rkantati.

209.

Milli jidher, tali allokazzjonijiet addizzjonali mingħajr ħlas ma jkunux adegwati. Dan għaliex, skont ir-risposta proposta hawnhekk għat-talbiet għal deċiżjoni preliminari, l-allokazzjoni mingħajr ħlas ma kinitx baxxa wisq, iżda għolja wisq ( 70 ).

210.

Barra minn hekk, il-Ġermanja toġġezzjona għal din l-interpretazzjoni tal-konsegwenzi li ġġib magħha l-invalidità tal-fattur ta’ korrezzjoni billi ssostni li d-determinazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni hija rekwiżit għal allokazzjoni finali. F’dan il-każ, jekk jiġi annullat il-fattur ta’ korrezzjoni, dan iqajjem dubji dwar il-bażi legali tal-allokazzjonijiet finali eżistenti u fl-istess waqt jipprekludi wkoll l-allokazzjonijiet finali futuri. Dan kollu jista’ jirrestrinġi b’mod sinjifikattiv il-funzjonament tal-iskema.

211.

Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar ma għandux ikun importanti l-effett tan-nuqqas tal-fattur ta’ korrezzjoni. Dan għaliex għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet kompetenti tal-Unjoni huma obbligati jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw din l-illegalità kkonstatata, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 267 TFUE, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-invalidità ta’ att adottat minn awtorità tal-Unjoni. B’analoġija, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 266 TFUE għall-każ ta’ sentenza ta’ annullament japplika b’mod korrispondenti f’każ bħal dan ( 71 ).

212.

Għaldaqstant, l-annullament tal-fattur ta’ korrezzjoni jkun biss ta’ natura temporanja. Minnufih, il-Kummissjoni trid tistabbilixxih mill-ġdid fid-dawl tad-deċiżjoni dwar it-talbiet għal deċiżjoni preliminari preżenti.

213.

Għalhekk, sabiex jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta’ ċertezza legali sakemm tittieħed deċiżjoni ġdida min-naħa tal-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja – kif il-Kummissjoni talbet sussidjarjament – għandha tagħmel arranġamenti tranżizzjonali ladarba tannulla l-fattur ta’ korrezzjoni. Meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikaw dan, din fil-fatt għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni tal-validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 267 TFUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jitqiesu li huma definittivi ( 72 ).

214.

Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li l-effetti tal-fattur ta’ korrezzjoni eżistenti jinżammu mill-inqas sakemm jiġi stabbilit mill-ġdid.

215.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teskludi wkoll b’mod estensiv li fuq il-bażi tal-fattur ta’ korrezzjoni ġdid ikollhom jinbidlu l-allokazzjonijiet li diġà twettqu u li ser jilħqu jitwettqu qabel id-determinazzjoni mill-ġdid tal-fattur ta’ korrezzjoni.

216.

Tali limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza hija possibbli jekk, minn naħa, jeżisti r-riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji, liema riskju huwa dovut b’mod partikolari għan-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti in bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa valida u meta, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-individwi kkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġin jadottaw aġir li ma jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kien possibbilment ikkontribwixxa wkoll l-aġir ta’ Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni ( 73 ).

217.

Dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti fil-każ preżenti. Fil-fatt, tnaqqis retroattiv jispiċċa jirrestrinġi l-aspettattivi leġittimi ta’ għadd ta’ operaturi tal-installazzjonijiet fl-istokk tal-allokazzjoni finali. Barra minn hekk, għall-perijodu ta’ żmien bejn is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-adozzjoni ta’ fattur ta’ korrezzjoni ġdid, dawn ikunu esposti għal riskju ta’ spejjeż li għalih ma jaħtux jekk l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas futuri jkunu suġġetti għall-kundizzjoni ta’ tnaqqis.

218.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita fiż-żmien l-applikazzjoni tal-fattur ta’ korrezzjoni kkalkolat b’mod korrett f’din il-forma, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxih mill-iktar fis. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistipulalha terminu. Perijodu ta’ sena jidher xieraq.

V – Konklużjoni

219.

Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Il-Kawżi C‑191/14 u C‑192/14, C‑295/14 kif ukoll C‑389/14, C‑391/14 sa C‑393/14 għandhom ikunu magħqudin flimkien għall-finijiet tas-sentenza.

2)

L-operaturi ta’ installazzjonijiet li għalihom ir-regoli tad-Direttiva 2003/87/KE kienu japplikaw mill-2013, bl-eċċezzjoni tal-operaturi ta’ installazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10a(3) ta’ din id-direttiva u tal-installazzjonijiet li daħlu ġodda, ma setgħux mingħajr ebda dubju jitolbu lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif speċifikat fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, tannulla d-Deċiżjoni 2013/448/UE sa fejn tiddetermina l-fattur ta’ korrezzjoni uniformi transsettorjali.

3)

L-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 huma annullati.

4)

L-effetti tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448 għandhom jinżammu fis-seħħ sakemm il-Kummissjoni, fi żmien terminu adegwat, li ma jistax ikun ta’ iktar minn sena, tkun adottat deċiżjoni ġdida skont l-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87 u l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE. Għandha tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida għall-allokazzjonijiet magħmula qabel l-adozzjoni tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mit-Trattat dwar l-adeżjoni tal-Kroazja (ĠU 2012, L 112, p. 21).

( 3 ) Kawżi C‑502/14 (Buzzi Unicem SpA et, ĠU 2015, C 26, p. 13), C‑506/14 (Yara Suomi Oy et, ĠU 201,5 C 34, p. 9), C‑180/15 (Borealis AB et vs Naturvårdsverket, ĠU 2015, C 205, p. 21), C‑369/15 sa C‑373/15 (Siderúrgica Sevillana et, ĠU 2015, C 311, p. 35), kif ukoll C‑457/15 (BASF), C‑456/15 (Vattenfall Europe), C‑460/15 (Schaefer Kalk) u C‑461/15 (EON Kraftwerke).

( 4 ) Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ April 2009 (ĠU L 140, p. 63).

( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1).

( 6 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE, tal-5 ta’ Settembru 2013, dwar miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 240, p. 27).

( 7 ) It-tieni sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), l-Artikolu 10a(3) u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87.

( 8 ) Skont l-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2003/87, dawn huma installazzjonijiet f’setturi jew subsetturi esposti għal riskju sinjifikattiv tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-hekk imsejjaħ “carbon leakage”.

( 9 ) Skont l-Artikolu 10a(11) tad-Direttiva 2003/87, dawn l-ewwel ser jingħataw 80 % tal-kwoti bżonnjużi mingħajr ħlas. Sal-2020 dan is-sehem ser jonqos b’mod lineari għal 30 %, u sal-2027 għal 0 %.

( 10 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 52).

( 11 ) Il-premessa 13 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/384/UE, tad-9 ta’ Lulju 2010, dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Komunità kollha skont l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet għall-2013 (ĠU L 175, p. 36) tipprovdi kjarifika f’dan ir-rigward.

( 12 ) Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-kawżi preżenti, fis-sena 2010, dan kien jikkorrispondi wkoll mal-fehma tal-Kummissjoni, skont dak li sostnew Esso Nederland et.

( 13 ) Ara l-punt 42 iktar ’il fuq.

( 14 ) Ara l-punti 49 u 52 iktar ’il fuq.

( 15 ) Direttorat Ġenerali għall-Azzjoni dwar il-Klima tal-Kummissjoni Ewropea, “Calculations for the determination of the cross-sectoral correction factor in the EU ETS in 2013 to 2020”, tat-22 ta’ Ottubru 2013, Appendiċi 1, p. 4 tan-nota ta’ Borealis Polyolefine, fit-12 ta’ Awwissu 2015 disponibbli fuq is-sit tal-Kummissjoni http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/cap/allocation/docs/cross_sectoral_correction_factor_en.pdf.

( 16 ) Ara l-punti 56 et seq iktar ’il fuq.

( 17 ) Emenda 48 (Dokument tal-Kunsill 14764/08, tal-24 ta’ Ottubru 2008, p. 80).

( 18 ) Adottata mill-Parlament fis-17 ta’ Diċembru 2008 (ara d-Dokument tal-Kunsill 17146/08 tal-14 ta’ Jannar 2010), approvata mill-Kunsill fl-4 ta’ April 2009.

( 19 ) Dokument tal-Kunsill 17146/08, tal-14 ta’ Jannar 2010, p. 5.

( 20 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012, tal-21 ta’ Ġunju 2012, dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 181, p. 30).

( 21 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/589/KE, tat-18 ta’ Lulju 2007, li tistabbilixxi linji ta’ gwida dwar il-monitoraġġ u r-rapportaġġ tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra skond id-Direttiva 2003/87 tal-Parlament u tal-Kunsill (ĠU L 229, p. 1).

( 22 ) Ara l-punti 71 et seq iktar ’il fuq.

( 23 ) Ara l-punti 86 et seq iktar ’il fuq.

( 24 ) Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Estonja (C‑505/09 P, EU:C:2012:179, punt 54).

( 25 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 2005, “Aktar gwida dwar il-pjanijiet ta’ allokazzjoni għall-perjodu kummerċjali mill-2008 sal-2012 ta’ l-Iskema ta’ l-UE għall-Iskambju tal-Kwoti ta’ l-Emissjonijiet”, KUMM(2005) 703 finali, punt 36 u l-Annex 8.

( 26 ) Paper tad-DĠ għall-Azzjoni Klimatika (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 2).

( 27 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 63), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 58) u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 44).

( 28 ) Sentenzi SISMA vs Il-Kummissjoni (32/86, EU:C:1987:187, punt 8), Corus UK vs Il-Kummissjoni (C‑199/99 P, EU:C:2003:531, punt 145), Ziegler vs Il-Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115) u Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni (C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 93).

( 29 ) Sentenzi AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59), kif ukoll Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni (C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 29).

( 30 ) Sentenzi Eridania zuccherifici nazionali et (250/84, EU:C:1986:22, punt 38), L-Italja vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑100/99, EU:C:2001:383, punt 64), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 166), Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 62), Alliance for Natural Health et (C‑154/04 u C‑155/04, EU:C:2005:449, punt 134), AJD Tuna (C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 59), kif ukoll L-Estonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑508/13, EU:C:2015:403, punt 60).

( 31 ) Sentenza Delacre et vs Il-Kummissjoni (C‑350/88, EU:C:1990:71, punt 16).

( 32 ) Sentenzi Mobistar (C‑438/04, EU:C:2006:463, punt 40) u Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punt 52).

( 33 ) Sentenzi Varec (C‑450/06, EU:C:2008:91, punti 5354) u għal informazzjoni li għandha x’taqsam mal-investigazzjoni tas-sigurtà Il-Kummissjoni et vs Kadi (C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 117 sa 129).

( 34 ) Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Jannar 2003, dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 375).

( 35 ) Sentenza Il-Pajjiżi l-Baxxi u Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il-Kummissjoni (296/82 u 318/82, EU:C:1985:113, punt 27).

( 36 ) Regolament (KE) Nru 1376/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).

( 37 ) Sentenza Ville de Lyon (C‑524/09, EU:C:2010:822, punt 40).

( 38 ) Ara l-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331) u s-sentenza Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni (C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punti 5657).

( 39 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.

( 40 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑378/00, EU:C:2003:42, punt 66) u Etimine (C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 113).

( 41 ) Eżempju ta’ dan hija s-sentenza Krupp Stahl vs Il-Kummissjoni (275/80 u 24/81, EU:C:1981:247, punt 13).

( 42 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi Arnold André (C‑434/02, EU:C:2004:800, punt 62), kif ukoll Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70).

( 43 ) Sentenzi Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 60) u Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 44), kif ukoll l-Opinjoni 2/13 (EU:C:2014:2454, punt 179).

( 44 ) Sentenza Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28, punt 34).

( 45 ) QEDB, pereżempju s-sentenzi tat-28 ta’ Settembru 2004, Kopecký vs Is-Slovakkja (Applikazzjoni Nru 44912/98, Recueil des arrêts et décisions 2004-IX, punt 35) u tal-25 ta’ Ġunju 2013, Gáll vs L-Ungerija (Applikazzjoni Nru 49570/11, punti 33 u 34).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Centre public d’action sociale d’Ottignies-Louvain-La-Neuve (C‑562/13, EU:C:2014:2453, punt 47) kif ukoll Minister for Justice and Equality (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 5657).

( 47 ) QEDB, sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Maurice vs Franza (Applikazzjoni Nru 11810/03, Recueil des arrêts et décisions 2005-IX, punti 65 u 66).

( 48 ) B’dan il-mod huma ssodisfatti wkoll ir-rekwiżiti dwar l-identifikazzjoni tal-bażi legali fil-motivazzjoni; ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, EU:C:1987:163, punt 9) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56).

( 49 ) Ara, b’mod simili, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-fatt li l-bażi legali tissemma’ bħala parti mill-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (45/86, EU:C:1987:163, punt 9) u Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑370/07, EU:C:2009:590, punt 56).

( 50 ) Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑427/12, EU:C:2014:170, punt 39), Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 43) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C: 2015:499, punt 30).

( 51 ) Ara s-sentenza Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 46).

( 52 ) Ara s-sentenzi Il-Parlament vs Il-Kummissjoni (C‑65/13, EU:C:2014:2289, punt 45) u Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C: 2015:499, punt 31).

( 53 ) Ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑88/14, EU:C:2015:499, punt 44).

( 54 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implementazzjoni (ĠU L 55, p. 13).

( 55 ) Sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punt 23), Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 41) u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 28).

( 56 ) Sentenzi TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 1824), Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 41) u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português (C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 28).

( 57 ) Sentenzi Plaumann vs Il-Kummissjoni (25/62, EU:C:1963:17, 238) Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 26), Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 57), u T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 63).

( 58 ) Sentenza Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 29).

( 59 ) Sentenza Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 30).

( 60 ) Sentenza Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 59).

( 61 ) Ara l-punt 163 iktar ’il fuq.

( 62 ) Sentenza Codorniu vs Il-Kunsill (C‑309/89, EU:C:1994:197, punti 2122).

( 63 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs Infront WM (C‑125/06 P, EU:C:2008:159, punti 73 sa 77).

( 64 ) Sentenzi Sahlstedt et vs Il-Kummissjoni (C‑362/06 P, EU:C:2009:243, punt 31), Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni (C‑132/12 P, EU:C:2014:100, punt 58) u T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 64).

( 65 ) Sentenza tal-Qorti Ġenerali T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (T‑279/11, EU:T:2013:299, punt 84).

( 66 ) Għal kjarifika ara sentenza tal-Qorti Ġenerali T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (T‑279/11, EU:T:2013:299, punt 81).

( 67 ) Sentenza T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni (C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punti 6566).

( 68 ) Sentenzi Roquette Frères (C‑228/92, EU:C:1994:168, punt 17) u Centre d’exportation du livre français (C‑199/06, EU:C:2008:79, punti 6163).

( 69 ) Sentenza International Chemical Corporation (66/80, EU:C:1981:102, punt 13) u d-digriet Fratelli Martini u Cargill (C‑421/06, EU:C:2007:662, punt 54).

( 70 ) Aral-punti 110 et seq iktar ’il fuq.

( 71 ) Sentenzi FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 123) kif ukoll Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 124).

( 72 ) Sentenzi Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑22/96, EU:C:1998:258, punt 42) u Régie Networks (C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 121).

( 73 ) Sentenzi Bidar (C‑209/03, EU:C:2005:169, punt 69) u Richards (C‑423/04, EU:C:2006:256, punt 42).