SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

4 ta’ Settembru 2014 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Regolament (KE) Nru 810/2009 — Artikoli 24(1) u 34 — Viża uniformi — Annullament jew revoka ta’ viża uniformi — Validità ta’ viża uniformi mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar annullat — Regolament (KE) Nru 562/2006 — Artikoli 5(1) u 13(1) — Verifiki fuq il-fruntieri — Kundizzjonijiet għad-dħul — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi viża valida mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu”

Fil-Kawża C‑575/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura

Air Baltic Corporation AS

vs

Valsts robežsardze,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, M. Safjan, J. Malenovský, A. Prechal u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Air Baltic Corporation AS, minn I. Jansons u M. Freimane, conseillers juridiques,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u D. Pelše, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Palatiello, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u J. Leppo, bħala aġenti,

għall-Gvern Svizzeru, minn D. Klingele, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 105, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Marzu 2010 (ĠU L 85, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”), u tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija tal-ajru Air Baltic Corporation AS (iktar ’il quddiem “Air Baltic”) u l-Valsts robežsardze (is-servizz tal-gwardji tal-fruntieri) rigward id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jimponi fuq Air Baltic multa amministrattiva talli ttrasportat lejn il-Latvja persuna li ma kellhiex id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għall-qsim tal-fruntiera.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen

3

Il-premessi 4, 6, 7, 8 u 19 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen huma fformulati kif ġej:

“(4)

Fir-rigward ta’ kontroll fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni, l-istabbiliment ta’ ‘corpus komuni’ ta’ leġislazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis, huwa wieħed mill-komponenti fundamentali tal-politika komuni dwar l-amministrazzjoni tal-fruntieri esterni [...]

[...]

(6)

Il-kontrolli fuq il-fruntieri huma fl-interess mhux biss ta’ l-Istat Membru li fil-fruntieri esterni tiegħu isiru dawn il-kontrolli, iżda ta’ l-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontrolli fuq il-fruntieri interni. Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jgħin fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin u biex tkun prevenuta xi theddida għas-sigurtà interna, l-politika pubblika, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali ta’ l-Istati Membri.

(7)

Il-verifiki fuq il-fruntiera għandhom jitwettqu b’mod li tkun rispettatata b’mod sħiħ id-dinjità umana. Il-kontroll fuq il-fruntiera għandu jitwettaq b’mod professjonali u rispettuż u jkun proporzjonat ma’ l-objettivi mfittxija.

(8)

Il-kontroll fuq il-fruntiera jikkonsisti mhux biss fil-verifiki fuq persuni f’punti ta’ qsim fuq il-fruntiera u s-sorveljanza bejn dawn il-punti ta’ qsim tal-fruntiera iżda wkoll analiżi tar-riskji għas-sigurtà interna u analiżi tat-theddid li jista’ jaffetwa s-sigurtà ta’ fruntieri esterni. Għalhekk hemm bżonn li jkunu stabbiliti l-kondizzjonijiet, il-kriterji u r-regoli dettaljati li jirregolaw il-verifiki f’punti ta’ qsim u s-sorveljanza.

[...]

(19)

Peress illi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ regoli applikabbli għall-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntieri, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu [5 TUE]. [...]”

4

L-Artikolu 1 tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Suġġett u prinċipji”, jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jipprovdi għall-assenza ta’ kontrolli fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri interni bejn l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa jistabbilixxi regoli li jirregolaw il-kontroll fuq il-fruntiera ta’ persuni li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta’ l-Istati membri ta’ l-Unjoni Ewropea.”

5

Skont l-Artikolu 2(10) tal-imsemmi kodiċi, il-“‘verifiki fuq il-fruntiera’ tfisser il-verifiki mwettqa f’punti tal-qsim tal-fruntiera, sabiex ikun żgurat li persuni, il-mezzi tat-trasport tagħhom u l-oġġetti fil-pussess tagħhom jitħallew jidħlu fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew jitilqu minnu”.

6

L-Artikolu 5 tal-istess kodiċi, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għal soġġorni li ma jeċċedux tliet xhur f’kull perijodu ta’ sitt xhur, il-kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom ikunu dawn li ġejjin:

a)

ikunu fil-pussess ta’ dokument jew dokumenti validi ta’ vjaġġar li jawtorizzawhom jaqsmu l-fruntiera;

b)

ikunu fil-pussess ta’ viża valida, jekk meħtieġ skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65] [...];

ċ)

jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza, kemm għall-perijodu tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu kif ukoll għar-ritorn lejn il-pajjiż ta’ l-oriġini tagħhom jew transitu lejn pajjiż terz fejn ikunu ċerti li ser jitħallew jidħlu, jew ikunu f’posizzjoni li jakkwistaw dawn il-mezzi legalment;

d)

ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-SIS [Sistema ta’ Informazzjoni Schengen] sabiex jiġi miċħud id-dħul;

e)

mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali ta’ l-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.”

7

L-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jgħid fil-paragrafu 4 tiegħu li, b’deroga mill-paragrafu 1 tal-istess artikolu, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz, li jkunu jinsabu f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, għandhom jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jistgħu jitħallew jidħlu f’dan it-territorju anki jekk ma jkunux jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-paragrafu msemmi l-aħħar.

8

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li l-miżuri kollha meħuda mill-gwardji tal-fruntiera fit-twettiq ta’ dmirijiethom għandhom ikunu proporzjonati mal-għanijiet segwiti.

9

L-Artikolu 7 tal-istess kodiċi, intitolat “Verifiki fuq il-fruntiera fuq persuni f’punti ta’ qsim tal-fruntiera”, jipprovdi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Moviment trans-konfini fi fruntieri esterni għandu jkun soġġett għal verifiki mill-gwardji tal-fruntiera. Il-verifiki għandhom jitwettqu skond dan il-kapitolu.

[...]

3.   Mad-dħul u l-ħruġ, ċittadini ta’ pajjiżi terz għandhom ikunu soġġetti għal verifika bir-reqqa.

a)

verifiki bir-reqqa mad-dħul għandhom jinkludu l-verifika tal-kondizzjonijiet li jirregolaw id-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u, fejn hu applikabbli, ta’ dokumenti li jawtorizzaw ir-residenza u l-eżerċizzju ta’ attività professjonali. Dan għandu jinkludi eżami dettaljat ta’ l-aspetti li ġejjin:

i)

il-verifika li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz huwa fil-pussess ta’ dokument validu biex jaqsam il-fruntiera u li ma jkunx skada, u li d-dokument ikun akkumpanjat, fejn applikabbli, mill-viża jew permess ta’ residenza meħtieġa;

[...]

iii)

l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument ta’ l-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz kkonċernat, sabiex ikun verifikat, billi jitqabblu d-dati tad-dħul u tal-ħruġ, li dik il-persuna ma tkunx diġà qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju ta’ l-Istati Membri;

[...]”

10

L-Artikolu 8 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-verifiki fuq il-fruntiera fil-fruntieri esterni jistgħu jitnaqqsu minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux previsti.

11

L-Artikolu 10 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   Id-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz għandhom jiġu ttimbrati b’mod sistematiku mad-dħul u l-ħruġ. B’mod partikolari timbru tad-dħul jew ħruġ għandu jsir fuq:

a)

id-dokumenti li fuqhom ikollhom viża valida, u li jippermettu lil ċittadini ta’ pajjiż terz jaqsmu l-fruntiera;

[...]

3.   [...]

Eċċezzjonalment, fuq talba ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, jista’ ma jsirx timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ, jekk it-timbru jista’ jikkawża diffikultajiet serji għal dik il-persuna. F’dak il-każ, id-dħul jew il-ħruġ għandu jkun irreġistrat fuq folja separata bl-indikazzjoni ta’ l-isem u n-numru tal-passaport. Din il-folja għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.”

12

L-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi:

“1.   Ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet ta’ dħul kollha stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u li mhux wieħed mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(4) għandu jiġi mċaħħad milli jidħol fit-territorji ta’ l-Istati Membri. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet speċjali dwar id-dritt ta’ l-asil u l-protezzjoni internazzjonali jew il-ħruġ ta’ viżi għal soġġorn twil.

2.   Id-dħul jista’ jiġi miċħud biss b’deċiżjoni sostanzjata li tagħti r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda. Id-deċiżjoni għandha tittieħed minn awtorità li tingħata s-setgħa mil-liġi nazzjonali. Hi għandha tidħol fis-seħħ immedjatament.

Id-deċiżjoni sostanzjata li ssemmi r-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tingħata permezz ta’ formola standard, skond fl-Anness V, Parti B, miktuba mill-awtorità li ngħatat is-setgħa mil-liġi nazzjonali biex tiċħad id-dħul. Il-formola standard mimlija għandha tingħata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz konċernat, li għandu jirrikonoxxi li jkun irċieva d-deċiżjoni li tiċħad id-dħul permezz ta’ dik il-formola.

3.   Persuni li jkun mċaħħda d-dħul għandu jkollhom id-dritt ta’ appell. L-appelli għandhom isiru skond il-liġi nazzjonali. [...]

[...]

6.   Regoli dettaljati li jirregolaw id-dħul miċħud jingħataw fl-Anness V, Parti A.”

13

Skont il-punt 1(b) tal-Parti A tal-Anness V, tal-istess kodiċi, meta jiċħad dħul, il-gwardja tal-fruntiera kompetenti għandu, b’inka sewda li ma titħassarx, jikteb l-ittri li jikkorrispondu għar-raġunijiet għaċ-ċaħda tad-dħul, li l-lista tagħhom hija mogħtija fuq il-formola standard għal dħul miċħud.

14

Il-formola li tinsab fil-Parti B tal-Anness V tal-imsemmi kodiċi tinkludi, b’mod partikolari, serje ta’ disa’ kaxxi li l-użu tagħhom jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jindikaw ir-raġunijiet preċiżi għaċ-ċaħda tad-dħul fil-fruntiera.

Il-Kodiċi dwar il-Viżi

15

Il-premessa 3 tal-Kodiċi dwar il-Viżi hija fformulata kif ġej:

“Fir-rigward tal-politika dwar il-viżi, l-istabbiliment ta’ ‘korp komuni’ ta’ leġislazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-konsolidazzjoni l-iżvilupp tal-acquis [id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni li jimplimentaw il-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 [bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9), iffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990)], u l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni […], huwa wieħed mill-komponenti fundamentali ta’ ‘aktar żvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi bħala parti minn sistema fuq ħafna livelli li għandha l-għan li tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u tittratta l-immigrazzjoni illegali permezz ta’ aktar armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-prattika ta’ trattament fil-missjonijiet konsulari lokali’ [...].”

16

L-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-Artikolu 24(1) tal-kodiċi msemmi hawn fuq jipprevedu:

“Il-perijodu ta’ validità ta’ viża u t-tul tas-soġġorn awtorizzat għandhom ikunu bbażati fuq l-eżami mwettaq skont l-Artikolu 21.

Il-viża tista’ tinħareġ għal numru ta’ dħul li jista’ jkun wieħed, tnejn jew aktar. Il-perijodu ta’ validità m’għandux jaqbeż il-ħames snin.”

17

L-Artikolu 29 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-isticker stampata tal-viża [...] għandha titwaħħal mad-dokument tal-ivjaġġar [...]

2.   Fejn l-Istat Membru li joħroġ il-viża ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant, il-folja separata għandha tintuża għat-twaħħil ta’ viża.”

18

L-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi jispeċifika li “[i]s-sempliċi pussess ta’ viża uniformi [...] ma jikkonferix dritt awtomatiku ta’ dħul”.

19

L-Artikolu 33 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, l-estensjoni tal-perijodu ta’ validità u/jew tat-tul tas-soġġorn previst f’viża maħruġa.

20

L-Artikolu 34 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Viża għandha tiġi annullata fejn isir evidenti li l-kondizzjonijiet għall-ħruġ tal-viża ma ġewx sodisfatti fiż-żmien tal-ħruġ tagħha, b’mod partikolari jekk hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li l-viża nkisbet b’mod frodulenti. Fil-prinċipju, viża għandha tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża. Viża tista’ tiġi revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor […]

2.   Viża għandha tkun revokata meta jsir evidenti li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħha m’għadhomx ikunu sodisfatti. Viża fil-prinċipju għandha tkun revokata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li jkun ħariġha. Viża tista’ tiġi annullata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor […]”

Id-dritt tal-Latvja

21

Il-Liġi dwar l-Immigrazzjoni (Imigrācijas likums) tal-20 ta’ Novembru 2002 (Latvijas Vēstnesis, 2000, no 169), tipprevedi fl-Artikolu 4(1) tagħha:

“Barrani għandu d-dritt li jidħol u jissoġġorna fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvija jekk ikollu fl-istess ħin:

1)

dokument tal-ivvjaġġar validu [...]

2)

viża valida f’dokument tal-ivvjaġġar li jkun validu […]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22

Fit-8 ta’ Ottubru 2010, Air Baltic ittrasportat lejn il-Latvja, b’titjira bejn Moska u Riga, ċittadin Indjan li, waqt il-kontrolli fil-fruntieri li saru fl-ajruport ta’ Riga, ippreżenta passaport Indjan validu mingħajr viża uniformi kif ukoll passaport Indjan annullat li kellu fih viża uniformi bi dħul multiplu, maħruġa mir-Repubblika Taljana u valida mill-25 ta’ Mejju 2009 sal-25 ta’ Mejju 2014. Il-passaport annullat kien jinkludi n-nota segwenti: “Passaport annullat. Il-viżi validi fil-passaport ma ġewx annullati”.

23

Dan iċ-ċittadin Indjan ġie rrifjutat id-dħul fit-territorju Latvjan għar-raġuni li ma kellux viża valida.

24

B’deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2010, il-Valsts robežsardze impona fuq Air Baltic multa amministrattiva fl-ammont ta’ 2000 lats Latvjani (LVL) għar-raġuni li, billi wasslet lil dan iċ-ċittadin Indjan, Air Baltic kienet wettqet ksur tal-liġi amminstrattiva li jikkonsisti fit-trasport lejn il-Latvja ta’ persuna li ma għandhiex id-dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa għall-qsim tal-fruntiera.

25

L-ilment imressaq minn Air Baltic quddiem il-Valsts robežsardze kontra l-imsemmija deċiżjoni ġie miċħud b’deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 2010.

26

Għaldaqstant Air Baltic ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali). Permezz ta’ sentenza tal-12 ta’ Awwissu 2011, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Air Baltic.

27

Air Baltic appellat mill‑imsemmija sentenza quddiem il‑qorti tar‑rinviju.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali), peress li qieset li l-interpretazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u tal-Kodiċi dwar il-Viżi kienet meħtieġa għas-soluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemha, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5 ta[l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz huwa suġġett b’mod obbligatorju għall-kundizzjoni minn qabel tal-eżistenza ta’ viża valida inkluża f’dokument tal-ivvjaġġar validu?

2)

Il-kanċellazzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar li fih twaħħlet viża jimplika wkoll, skont id-dispożizzjonijiet tal-[Kodiċi dwar il-Viżi], għall-invalidità tal-viża maħruġa?

3)

Dispożizzjonijiet nazzjonali li jimponu, għad-dħul ta’ ċittadin f’pajjiż terz, il-kundizzjoni minn qabel tal-eżistenza ta’ viża valida inkluża f’dokument ta’ vvjaġġar validu, huma konformi mad-dispożizzjonijiet tal-[Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen], u tal-[Kodiċi dwar il-Viżi]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq it-tieni domanda

29

Bit-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 24(1) u 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-annullament, minn awtorità ta’ pajjiż terz, ta’ dokument tal-ivvjaġġar iwassal, ipso jure, għall-invalidità ta’ viża uniforma mwaħħla fuq dan id-dokument.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 24(1) tal-Kodiċi dwar il-Viżi, l-awtorità kompetenti tistabbilixxi, mal-ħruġ ta’ viża uniformi, il-perijodu ta’ validità tagħha. Sussegwentement, dan il-perijodu jista’ jiġi estiż, abbażi tal-Artikolu 33 ta’ dan il-kodiċi, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi.

31

Madankollu, skont l-Artikolu 34(1) u (2) tal-imsemmi kodiċi, viża hija annullata jekk jirriżulta li l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ma kinux sodisfatti fil-mument tal-ħruġ tagħha u hija rrevokata jekk jirriżulta li dawn il-kundizzjonijiet ma għadhomx sodisfatti.

32

Viża uniformi tibqa’ għaldaqstant valida, mill-inqas, sal-iskadenza tal-perijodu ta’ validità stabbilit, mal-ħruġ ta’ din il-viża, mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ, ħlief jekk tiġi annullata jew irrevokata, qabel l-iskadenza ta’ dan il-perijodu, skont l-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

33

Mill-paragrafi 1 u 2 tal-imsemmi artikolu jirriżulta li l-annullament jew ir-revoka ta’ viża uniformi teħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni speċifika għal dan l-għan mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ ħruġ jew minn Stat Membru ieħor. Awtorità ta’ pajjiż terz, għaldaqstant, ma hijiex kompetenti sabiex tannulla viża uniformi.

34

Id-deċiżjoni, adottata minn tali awtorità, li tannulla dokument tal-ivvjaġġar li fuqu hemm imwaħħla viża uniformi ma tistax għaldaqstant titqies li twassal, ipso jure, għall-annullament jew għar-revoka ta’ din il-viża.

35

Barra minn hekk, mill-Artikolu 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirriżulta li viża uniformi tista’ tiġi annullata minn awtorità kompetenti biss jekk din tibbaża ruħha fuq raġuni li tikkoinċidi mar-raġunijiet għal rifjut previsti fl-Artikoli 32(1) u 35(6) ta’ dan il-kodiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 42 u 43). Għaldaqstant, l-unika raġuni għall-annullament ta’ viża li tirrigwarda direttament id-dokument tal-ivvjaġġar hija kkostitwita, skont l-Artikolu 32(1)(a)(i) tal-imsemmi kodiċi, mis-sitwazzjoni fejn id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat, mal-ħruġ tal-viża, kien falz jew iffalsifikat. Għaldaqstant l-annullament tad-dokument tal-ivvjaġġar li fuqu hija mwaħħla l-viża wara l-ħruġ ta’ din tal-aħħar ma huwiex parti mir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw l-annullament ta’ din minn awtorità kompetenti.

36

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 24(1) u 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-annullament, minn awtorità ta’ pajjiż terz, ta’ dokument tal-ivvjaġġar ma jwassalx, ipso jure, għall-invalidità ta’ viża uniformi mwaħħla fuq dan id-dokument.

Fuq l-ewwel domanda

37

Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalement, jekk l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) tal-imsemmi kodiċi, għandux jiġi interpretat fis-sens li jissuġġetta d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri għall-kundizzjoni li, waqt il-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata għandha tkun neċessarjament imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

38

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 13(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi li d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri jiġi rrifjutat liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha għad-dħul, kif stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-istess kodiċi, u li ma jaqax f’waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 4 tal-artikolu msemmi l-aħħar.

39

Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi kodiċi, l-ewwel żewġ kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz huma l-pussess, minn naħa, ta’ dokument jew dokumenti tal-ivvjaġġar validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera u, min-naħa l-oħra, ta’ viża valida jekk dan ikun mitlub skont ir-Regolament Nru 539/2001.

40

Għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi distinzjoni bejn il-kundizzjoni għad-dħul marbuta mal-pussess ta’ dokument tal-ivvjaġġar, prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, u dik marbuta mal-pussess ta’ viża, imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b), mingħajr bl-ebda mod ma tindika li l-fatt li l-viża tkun imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu fid-data tal-qsim tal-fruntiera jikkostitwixxi kundizzjoni għad-dħul.

41

Min-naħa l-oħra, kif enfassizaw il-Gvern Latvjan u dak Finlandiż, ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, bħal dawk fil-lingwa Spanjola, Estonjana, Taljana u Latvjana, jesprimu l-idea li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw ruħhom, mal-verifiki fuq il-fruntieri, li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikollu dokument tal-ivvjaġġar validu li fuqu hija mwaħħla viża.

42

Madankollu, il-parti l-kbira tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tal-imsemmija dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jiġifieri l-verżjonijiet fil-lingwa Daniża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Franċiża, Litwana, Ungeriża, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovena u Żvediża, huma fformulati f’termini li ma jindikawx li l-viża għandha neċessarjament tkun imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu fid-data tal-qsim tal-fruntiera, filwaqt li verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħall-verżjonijiet fil-lingwa Ċeka u Finlandiża, juru ċerta ambigwità f’dan ir-rigward.

43

Il-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni legali tal-Unjoni teżiġi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi DR u TV2 Danmark, C‑510/10, EU:C:2012:244, punt 45, kif ukoll Bark, C‑89/12, EU:C:2013:276, punt 40).

44

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kuntest li fih jinsabu l-Artikoli 5(1) u 7(3)(a)(i) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 7 ta’ dan il-kodiċi jinsab fil-Kapitolu II tat-Titolu II, tal-imsemmi kodiċi, intitolat “Il-kontroll ta’ fruntieri esterni u ċaħda tad-dħul”, filwaqt li l-Artikolu 5 tal-istess kodiċi jagħmel parti mill-Kapitolu I tal-imsemmi Titolu II, intitolat “Il-qsim ta’ fruntieri esterni u l-kondizzjonijiet għad-dħul”.

45

Barra minn hekk, jirriżulta, kemm mit-titolu tal-Artikolu 7 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen kif ukoll mill-formulazzjoni tal-paragrafu (3)(a) tal-istess artikolu li din id-dispożizzjoni għandha l-għan mhux li tistabbilixxi kundizzjonijiet għad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, iżda li tispeċifika d-diversi aspetti tal-verifika fid-dettall li għandhom iwettqu l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiżguraw ruħhom, b’mod partikolari, li dawn tal-aħħar josservaw il-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-kodiċi.

46

Għandu wkoll jiġi enfassizat li l-Artikolu 13(2) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li r-raġunijiet preċiżi ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ dħul għandhom jiġu nnotifikati liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz permezz ta’ formola standard li tinsab fl-Anness V, Parti B tal-istess kodiċi.

47

Fost id-disa’ kaxxi li jinsabu fl-imsemmija formola, li l-awtoritajiet kompetenti jingassaw sabiex jikkomunikaw il-motivi tad-deċiżjoni li tirrifjuta d-dħul, jinsabu diversi kaxxi distinti marbuta, rispettivament, mad-dokument tal-ivvjaġġar u mal-viża ppreżentati. Min-naħa l-oħra, din il-formola ma tinkludi l-ebda kaxxa li tippermetti li r-rifjut tad-dħul jiġi mmotivat bil-fatt li l-viża valida ppreżentata ma hijiex imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu fid-data tal-qsim tal-fruntiera.

48

Minbarra dan, mill-Artikolu 29(2) tal-Kodiċi dwar il-Viżi jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi kull possibbiltà ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri jekk wieħed ma jkollux viża mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu, għaliex huwa ppreveda b’mod espliċitu l-possibbiltà li titwaħħal viża fuq folja separata fil-każ li l-Istat Membru ta’ ħruġ ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar ippreżentat lilu.

49

Minbarra dan, viża, li l-perijodu ta’ validità tagħha ma skadiex, imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar annullat wara l-ħruġ ta’ din il-viża tkun mingħajr effett wara tali annullament jekk ma tistax tibqa’ tiġi ppreżentata bl-iskop ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri, anki meta tkun akkumpanjata b’dokument tal-ivvjaġġar validu. Tali interpretazzjoni tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen iċċaħħad de facto l-validità ta’ tali viża mill-effett tagħha, li tirriżulta mill-Artikoli 24(1) u 34 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, kif interpretati fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

50

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-għanijiet segwiti mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, jirriżulta mill-premessa 6 ta’ dan li l-kontroll fuq il-fruntieri għandu jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll fil-prevenzjoni tat-theddid kollu għas-sigurtà interna, l-ordni pubbliku, is-saħħa pubblika u r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Istati Membri. Minbarra dan, il-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika li l-verifiki fuq il-fruntieri huma intiżi sabiex jiżguraw li l-persuni jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri jew jitiliqu minnu.

51

Sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet, l-Artikolu 7(3) tal-imsemmi kodiċi jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz huma suġġetti, mad-dħul u mal-ħruġ, għal verifika fid-dettall li tinkludi, fost l-oħrajn, l-eżami tat-timbri tad-dħul u tal-ħruġ fuq id-dokument tal-ivvjaġġar taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, sabiex jiġi vverifikat li dik il-persuna ma tkunx diġà qabżet it-tul massimu ta’ soġġorn awtorizzat fit-territorju tal-Istati Membri.

52

Huwa minnu, kif sostnew il-Gvern Latvjan u dak Finlandiż, li dan l-eżami huwa iktar diffiċli fil-każ tal-preżentazzjoni, fl-istess waqt, ta’ dokument tal-ivvjaġġar annullat li fuqu hija mwaħħla viża valida u dokument tal-ivvjaġġar validu.

53

Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-preżentazzjoni ta’ żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar distinti ma tqiegħedx lill-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjoni fejn huma ma jkunux jistgħu jwettqu, f’kundizzjonijiet raġonevoli, il-verifiki previsti fl-Artikolu 7(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen billi jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni meħuda miż-żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar ippreżentati quddiemhom.

54

Dawn l-awtoritajiet jiltaqgħu, barra minn hekk, ma’ diffikultajiet relatati fil-każ, previst b’mod espliċitu mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tas-sostituzzjoni b’reġistazzjoni tad-dħul jew tal-ħruġ fuq folja separata flok it-timbru ta’ dħul jew ta’ ħruġ fuq id-dokument tal-ivvjaġġar, previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(3) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

55

Barra minn hekk, jekk jitqies li d-diffikultajiet prattiċi kkawżati mill-preżentazzjoni ta’ żewġ dokumenti tal-ivvjaġġar distinti, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma suffiċjenti sabiex jiġi rrifjutat id-dħul liċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-viża uniformi tagħhom hija mwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar annullat, dan iwassal għal nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit li l-kontrolli fuq il-fruntieri għandhom ikunu fi proporzjon mal-għanijiet segwiti msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-premessa 7 ta’ dan il-kodiċi.

56

Minn dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissuġġettax id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata tkun neċessarjament imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

Fuq it-tielet domanda

57

Bit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ dan, għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata tkun neċessarjament imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

58

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, jidher li t-tielet domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv biss jekk Stat Membru jkollu marġni ta’ diskrezzjoni li tippermettilu jirrifjuta d-dħul ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tiegħu skont kundizzjoni għad-dħul li ma hijiex prevista mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li mill-kliem innifsu tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li dan jistabbilixxi lista ta’ kundizzjonijiet għad-dħul taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri u mhux lista minima ta’ motivi li abbażi tagħhom id-dħul f’dan it-territorju ta’ dawn iċ-ċittadini għandu jiġi rrifjutat.

60

Minbarra dan, l-Artikolu 7(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li l-verifiki fuq il-fruntieri għandhom isiru b’mod konformi mal-Kapitolu II tat-Titolu II ta’ dan il-kodiċi.

61

Minkejja li l-Artikoli 7(3), u 8 tal-imsemmi kodiċi, li jagħmlu parti minn dan il-Kapitolu II, jipprevedu rispettivament l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw il-kundizzjonijiet għad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-istess kodiċi u l-possibbiltà li jitnaqqsu l-verifiki fuq il-fruntieri, l-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-kapitolu ma ssemmi, bil-kontra, il-possibbiltà għal dawn l-awtoritajiet li jestendu dawn il-verifiki billi jeżiġu l-osservanza ta’ kundizzjonijiet għad-dħul differenti minn dawk imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

62

Minbarra dan, il-fatt li l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri huwa rrifjutat liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għad-dħul kollha, kif imsemmija fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-kodiċi, u li ma jaqax taħt waħda mill-kategoriji ta’ persuni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, filwaqt li jipprevedi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-istess Artikolu 13, li r-raġunijiet preċiżi għar-rifjut għandhom jiġu nnotifikati, permezz ta’ formola standard li tinsab fl-Anness V, Parti B, tal-imsemmi kodiċi, jikkostitwixxi element li jimmilita favur l-interpretazzjoni fis-sens li l-lista tal-kundizzjonijiet għad-dħul elenkati fl-Artikolu 5(1) hija eżawrjenti (ara, b’mod analogu, is-sentenza Koushkaki, EU:C:2013:862, punt 38).

63

Il-formola standard prevista fl-imsemmi Anness V, Parti B, tinkludi barra minn hekk disa’ kaxxi li l-awtoritajiet kompetenti jingassaw sabiex jinnotifikaw liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz il-motivi tad-deċiżjoni ta’ rifjut tad-dħul. Is-sitt kaxxa tikkorrispondi għat-tul tas-soġġorn imsemmi fl-ewwel parti tal-Artikolu 5(1), tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, filwaqt li l-kaxxi l-oħra jirreferu għall-kundizzjonijiet previsti f’dan l-istess paragrafu, (a) sa (e).

64

Bl-istess mod, l-Anness V, Parti A, tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jispeċifika li, fil-każ ta’ rifjut ta’ dħul, il-gwardja tal-fruntiera kompetenti għandu, b’mod partikolari, jikteb fuq il-passaport l-ittri korrispondenti għar-raġunijiet ta’ rifjut ta’ dħul, li l-lista tagħhom tinsab fil-formola standard tar-rifjut ta’ dħul.

65

Minbarra dan, mill-Artikolu 1 u mill-premessi 4, 8 u 19 tal-imsemmi kodiċi jirriżulta li dan huwa intiż sabiex jistabbilixxi l-kundizzjonijiet, il-kriterji kif ukoll ir-regoli dettaljati applikabbli għall-kontroll fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni, li ma jistax jitwettaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri. Il-premessa 6 tal-imsemmi kodiċi tispeċifika barra minn hekk li l-kontroll fuq il-fruntieri ma jeżistix biss fl-interess tal-Istat Membru li fuq il-fruntieri esterni tiegħu jiġi eżerċitat l-imsemmi kontroll, iżda fl-interess tal-Istati Membri kollha li abolixxew il-kontroll fuq il-fruntieri fil-fruntieri interni tagħhom, li jimplika definizzjoni komuni tal-kundizzjonijiet għad-dħul.

66

Għaldaqstant, l-interpretazzjoni fis-sens li l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen sempliċement jobbliga lill-Istati Membri jirrifjutaw id-dħul fit-territorju tagħhom f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi, mingħajr ma jistabbilixxi madankollu kundizzjonijiet armonizzati għad-dħul f’dan it-territorju, hija inkompatibbli mal-għan innifsu ta’ dan il-kodiċi (ara, b’mod analogu, is-sentenza Koushkaki, EU:C:2013:862, punt 50).

67

Għall-bqija, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-mekkaniżmu stabbilit permezz tal-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 huwa intiż sabiex jiggarantixxi livell għoli u uniformi ta’ kontroll u ta’ sorveljanza fuq il-fruntieri esterni b’mod korollarju mal-qsim liberu tal-fruntieri ġewwa ż-żona Schengen (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑503/03, EU:C:2006:74, punt 37), permezz tal-osservanza tar-regoli armonizzati ta’ kontroll fuq il-fruntieri esterni, li huma stabbiliti bl-Artikoli 6 sa 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ANAFE, C‑606/10, EU:C:2012:348, punti 26 u 29).

68

Minbarra dan, anki jekk, skont l-Artikolu 30 tal-Kodiċi dwar il-Viżi, il-fatt li wieħed ikun fil-pussess ta’ viża uniformi ma huwiex biżżejjed sabiex jagħti dritt għal dħul irrevokabbli, l-għan li jiġu ffaċilitati l-vjaġġi leġittimi, imsemmi fil-premessa 3 ta’ dan il-kodiċi, jiġi ppreġudikat jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu, b’mod diskrezzjonali, li jirrifjutaw id-dħul lil ċittadin ta’ pajjiż terz li għandu viża uniformi biż-żieda ta’ kundizzjoni għad-dħul ma’ dawk elenkati fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, meta l-leġiżlatur tal-unjoni ma qiesx li tali kundizzjoni kellha tiġi sodisfatta sabiex jingħata d-dħul fit-territorju tal-Istati Membri (ara, b’mod analogu, is-sentenza Koushkaki, EU:C:2013:862, punt 52).

69

Għaldaqstant Stat Membru ma għandux marġni ta’ diskrezzjoni li jippermettilu jirrifjuta d-dħul lil ċittadin ta’ pajjiż terz fit-territorju tiegħu skont kundizzjoni li ma hijiex prevista mill-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

70

Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1), ta’ dan, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata għandha neċessarjament tkun imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 24(1) u 34 tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-annullament, minn awtorità ta’ pajjiż terz, ta’ dokument tal-ivvjaġġar ma jwassalx, ipso jure, għall-invalidità ta’ viża uniformi mwaħħla fuq dan id-dokument.

 

2)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 265/2010 tal-Parlament Ewropew, tal-25 ta’ Marzu 2010, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jissuġġettax id-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istati Membri għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata tkun neċessarjament imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

 

3)

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 562/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 265/2010, moqri flimkien mal-Artikolu 13(1), ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta d-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għall-kundizzjoni li, mal-verifika fuq il-fruntieri, il-viża valida ppreżentata għandha neċessarjament tkun imwaħħla fuq dokument tal-ivvjaġġar validu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.