EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003CJ0503

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-31 ta' Jannar 2006.
il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs ir-Renju ta' Spanja.
Moviment liberu tal-persuni - Direttiva 64/221/KEE - Ċittadin ta' Stat terz, miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Membru - Dritt ta' dħul u ta' residenza - Restrizzjoni minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku- Sistema ta' informazzjoni Schengen - Twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul.
Kawża C-503/03.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2006:74

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

31 ta' Jannar 2006 (*)

"Moviment liberu tal-persuni – Direttiva 64/221/KEE – Ċittadin ta' Stat terz, miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Membru – Dritt ta' dħul u ta' residenza – Restrizzjoni minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku– Sistema ta' informazzjoni Schengen – Twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul"

Fil-kawża C-503/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fis-27 ta' Novembru 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. O’Reilly u L. Escobar Guerrero, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

ir-Renju ta' Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President,  P. Jann (Relatur), C. W. A. Timmermans, A. Rosas, J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li, billi rrifjuta l-viża kif ukoll id-dħul fit-territorju Spanjol lil żewġ ċittadini ta' Stat terz, li huma membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, għas-sempliċi fatt li isimhom jinsab fil-lista ta' persuni li ma jistgħux jidħlu tas-sistema ta' informazzjoni Schengen (SIS) (fuq inizzjattiva ta' Stat Membru) u, billi ma tax raġunijiet biżżejjed għal dan ir-rifjut ta' viża u ta' dħul, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 1 sa 3 u 6 tad-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta' politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (64/221/KEE) (ĠU 1964, 56, p. 850).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 64/221

2       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva:

"1.      Id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kull ċittadin ta' xi Stat Membru li joqgħod fi jew jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor tal-Komunità, jew sabiex ikompli attività bħala persuna impjegata jew bħala impjegat għal rasu, jew bħala reċipjent ta' servizzi.

2.      Dawn id-disposizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll għall-konjuġi u għall-membri tal-familja li jaqgħu taħt id-disposizzjonijiet tar-regolamenti u direttivi adottati f'dan il-qasam bis-saħħa tat-Trattat."

3       Skond l-Artikolu 2:

"1.      Din id-Direttiva tirrigwarda l-miżuri kollha dwar id-dħul fit-territorju tagħhom, il-ħruġ jew it-tiġdid tal-permessi tar-residenza, jew it-tkeċċija mit-territorju tagħhom, meħuda minn Stati Membri għal raġunijiet ta' [ordni] pubblik[u], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2.      Dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi".

4       L-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddisponi li:

"1.      Il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta' [ordni] pubblik[u] jew ta' sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati fuq il-kondotta personali ta' l-individwu konċernat.

2.      Il-kundanni kriminali ta' qabel ma għandhomx jikkostitwixxu fihom infushom raġunijiet sabiex jittieħdu dawk il-miżuri.

[…]"

5       L-Artikolu 6 tad-Direttiva jipprovdi li:

"Il-persuna kkonċernata għandha tiġi infurmata dwar ir-raġunijiet ta' [ordni] pubblik[u], sigurtà pubblika, jew saħħa pubblika li fuqhom tkun qed tiġi bbażata d-deċiżjoni fil-każ tagħha, sakemm din ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà ta' l-Istat involut."

 L-acquis ta' Schengen

 Il-Ftehim ta' Schengen

6       Il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża ffirmaw f'Schengen (il-Lussemburgu) fl-14 ta' Ġunju 1985 il-ftehim dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 13, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Schengen").

7       Dan il-Ftehim ġie kkonkretizzat billi ġiet ffirmata f'Schengen, fid-19 ta' Ġunju 1990, il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (ĠU 2000, L 239, p. 19, iktar 'il quddiem il-"KTFS"), li tipprovdi miżuri ta' kooperazzjoni intiżi sabiex jassiguraw, bil-kundizzjoni li jitneħħew il-fruntieri interni, il-protezzjoni tat-territorji kollha tal-partijiet kontraenti. Ir-Renju ta' Spanja aderixxa mal-Ftehim ta' Schengen u l-KTFS fil-25 ta' Ġunju 1991 (ĠU 2000, L 239, p. 69).

8       Id-definizzjoni tal-kunċett ta' "aljen" [barrani] fl-Artikolu 1 tal-KTFS tgħid li dan għandu jfisser "kull persuna apparti minn persuna ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru tal-Komunitajiet Ewropej".

9       It-Titolu II tal-KTFS fih id-dispożizzjonijiet dwar it-tneħħija ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u fuq il-moviment ta’ persuni. L-Artikolu 5 tal-KTFS jitratta d-dħul ta' barranin fit-territorji ta' Stati firmatarji tal-Ftehim ta' Schengen (iktar 'il quddiem iż-"żona Schengen"). Huwa jiddisponi li:

"1.      Fir-rigward ta’ żjajjar li ma jaqbżux it-tliet xhur, [barranin] li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti:

[…]

d)      [i]l-[barranin] ma jistgħux ikunu persuni fir-rigward ta’ liema tkun inħarġet twissija bil-għan li ma jitħallewx jidħlu;

[…]

2.      [Barrani] li ma jissodisfax il-kondizzjonijiet kollha li jidhru hawn fuq jista’ ma jitħalliex jidħol fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti, sakemm parti Kontraenti ma tħossx li jinħtieġ li ssir deroga minn dak il-prinċipju għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali. F’dawn il-każijiet l-awtorizzazzjoni ta’ dħul għandha tkun ristretta għat-territorju tal-parti Kontraenti kkonċernata, li trid tinforma lill-Partijiet Kontraenti l-oħrajn dwar dan.

[...]"

10     Fl-Artikoli 15 u 16 tal-KFTS hemm sistema parallela għal dik ta’ l-Artikolu 5 f’dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ viżi. Bħala regola, dawn ma jistgħux jinħarġu ħlief jekk tiġi sodisfatta, b’mod partikolari, il-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1)(d) tal-KTFS. B’derogazzjoni għal dan, viża tista’ tinħareġ għal waħda mir-raġunijiet elenkati fl-Artikolu 5(2) tal-KFTS, anki f’każ li teżisti twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul. Il-validità ġeografika tagħha għandha għaldaqstant tkun limitata għat-territorju ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-viża.

11     It-Titolu IV tal-KTFS jirregola s-SIS. Skond l-Artikolu 92(1) tal-KTFS, din tikkonsisti f’sezzjoni nazzjonali f’kull waħda mill-partijiet kontraenti u f’funzjoni ta’ appoġġ tekniku. Hija tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, permezz ta’ proċedura ta’ tfittxija awtomatika, li jkollhom aċċess għal twissijiet dwar persuni u oġġetti, f'każ ta’ kontrolli fuq il-fruntieri u kontrolli oħrajn tal-pulizija u tad-dwana li jsiru fil-pajjiż skond il-liġi nazzjonali kif ukoll, fil-każ ta’ twissijiet fir-rigward ta' persuni sabiex jiġi miċħud id-dħul tagħhom, għall-għanijiet ta’ ħruġ ta’ viżas, permessi ta’ residenza u, b'mod aktar ġenerali, ta' l-amministrazzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar barranin fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-KTFS li għandhom x’jaqsmu mal-moviment ta’ persuni.

12     L-Artikolu 96 tal-KTFS jirregola t-twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul. Dan l-Artikolu jistipula li:

"1.      Informazzjoni dwar [barranin] li fir-rigward tagħhom tkun inħarġet twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul għandha tiddaħħal fuq il-bażi ta’ twissija nazzjonali li tirriżulta minn deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti jew mill-qrati, skond ir-regoli proċedurali stipulati mill-liġi nazzjonali.

2.      Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati fuq theddida għall-[ordni] pubblik[u] jew għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali li l-preżenza ta’ [barrani] f’territorju nazzjonali tista’ tippreżenta.

Din is-sitwazzjoni tista’ tinqala’ b’mod partikolari fil-każ ta’:

a)      [barrani] misjub ħati ta’ reat li jġorr miegħu penali li tinvolvi teħid tal-libertà għal mill-inqas sena;

b)      [barrani] li fir-rigward tiegħu jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jemmen li huwa kkommetta reati kriminali serji, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 71, jew li fir-rigward tagħhom hemm evidenza ċara ta’ intenzjoni li jitwettqu dawn ir-reati fit-territorju ta’ Parti Kontraenti.

3.      Id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq il-fatt li l-[barrani] kien soġġett għal miżuri li jinvolvu d-deportazzjoni, ċaħda ta’ dħul jew tneħħija li ma jkunux ġew imneħħija jew sospiżi, inkluża jew flimkien ma’ projbizzjoni ta’ dħul jew, fejn applikabbli, projbizzjoni ta’ residenza, ibbażata fuq ksur ta’ regolamenti nazzjonali dwar id-dħul jew residenza ta’ [barranin]."

13     L-Artikolu 94 tal-KTFS jirrigwarda l-informazzjoni li tista’ titniżżel fis-SIS. Skond il-paragrafu 1 tiegħu, huwa l-Istat li joħroġ it-twissija li għandu jiddetermina jekk il-każ huwiex importanti biżżejjed li jiġġustifika d-dħul tat-twissija fis-SIS. Il-paragrafu 3 tiegħu jelenka b’mod eżawrjenti l-elementi li jistgħu jiġu inklużi. Fosthom hemm:

"g)      jekk il-persuni konċernati humiex armati;

h)      jekk il-persuni konċernati humiex vjolenti;

i)      raġunijiet għat-twissija;

j)      azzjoni li trid tittieħed."

14     Skond l-Artikolu 105 tal-KTFS, l-Istat li joħroġ it-twissija għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura ruħu li l-informazzjoni mdaħħla fis-SIS tkun korretta, aġġornata u legali. Skond l-Artikolu 106, huwa biss dan l-Istat li huwa awtorizzat sabiex jimmodifika, iżid, jikkoreġi jew iħassar informazzjoni li jkun daħħal. B'applikazzjoni tat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 112(1), huwa għandu jirrevedi l-ħtieġa għaż-żamma kontinwa ta’ din l-informazzjoni mhux iktar tard minn tliet snin wara li tiddaħħal.

15     Skond l-Artikolu 134 tal-KTFS, id-dispożizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni għandhom japplikaw biss sa fejn dawn ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja.

16     Il-kundizzjonijiet għall-inklużjoni ta' barrani fis-SIS ġew definiti b'mod iktar preċiż permezz tad-Dikjarazzjoni tal-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-KTFS, tat-18 ta' April 1996, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' barrani (ĠU 2000 L 239, p. 458, iktar 'il quddiem id-"Dikjarazzjoni tat-18 ta' April 1996"). Skond din id-Dikjarazzjoni:

"Fil-kuntest ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 96 tal-[KTFS],

bħala regola, persuni koperti mid-dritt Komunitarju m'għandhomx ikunu inklużi fil-lista komuni ta' persuni li ma jistgħux jidħlu.

Madankollu, il-persuni ddefiniti hawn isfel, li huma koperti mid-dritt Komunitarju, jistgħu jiġu inklużi fil-lista komuni jekk il-kundizzjonijiet ta' tali inklużjoni huma kompatibbli mad-dritt Komunitarju:

a)      il-membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea li għandhom iċ-ċittadinanza ta' Stat terz u li jibbenefikaw mid-dritt li jidħlu u li jirrisjedu fi Stat Membru, skond att adottat b'applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea;

b)      […]

Jekk jiġi kkonstatat li persuna inkluża fil-lista komuni ta' persuni li ma jistgħux jidħlu hija koperta mid-dritt Komunitarju, din l-inklużjoni ma tistax tinżamm ħlief jekk din tkun kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Jekk dan ma jkunx il-każ, l-Istat Membru li jkun inkluda lil din il-persuna fil-lista għandu jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jelimina l-isem ta' din il-persuna mil-lista." (traduzzjoni mhux uffiċjali)

17     Permezz tad-Deċiżjoni SCH/Com-ex (99) 5 tat-28 ta' April 1999, il-Kumitat Eżekuttiv stabbilit mill-KTFS adotta l-manwal Sirene, li jirrigwarda t-tqegħid fis-seħħ u l-operat ta' proċedura li għandha tippermetti li tintbagħat, lil utilizzatur li jkun ingħata risposta pożittiva għal tfittxija fis-SIS, l-informazzjoni supplimentari neċessarja għall-azzjoni tiegħu. Fil-verżjoni tiegħu ppubblikata wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/19/KE, ta' l-14 ta' Ottubru 2002, dwar id-deklassifikazzjoni ta' ċerti partijiet mill-manwal Sirene (ĠU 2003 L 8, p. 34), dan ta' l-aħħar jipprovdi, fil-punt 2.2.1 tiegħu, li s-sistema mqiegħda fis-seħħ għandha tippermetti l-għoti ta' risposta fl-iqsar żmien possibbli lit-talbiet għal informazzjoni magħmula mill-partijiet kontraenti l-oħra (ĠU 2003 C 38, p. 1). Iż-żmien li fih għandha tingħata r-risposta ma tistax teċċedi tnax-il siegħa.

 Il-Protokoll ta' Schengen

18     Skond l-Artikolu 1 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea permezz tat-Trattat ta' Amsterdam (iktar 'il quddiem il-"Protokoll ta' Schengen"), tlettax-il Stat Membru ta' l-Unjoni, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta' Spanja, ġew awtorizzati jistabbilixxu bejniethom kooperazzjoni msaħħa fil-qasam kopert mill-kamp ta' applikazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen, kif definit fl-Anness ta' l-imsemmi Protokoll. Din il-kooperazzjoni għandha titmexxa fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni kif ukoll tat-Trattati UE u KE.

19     Skond l-anness tal-Protokoll ta' Schengen, il-Ftehim ta' Schengen u l-KTFS kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Eżekuttiv stabbilit minn din ta' l-aħħar huma kollha parti mill-acquis ta' Schengen.

20     Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta' Schengen, l-acquis ta' Schengen japplika b'mod immedjat għat-tlettax-il Stat Membru imsemmija fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Protokoll mid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam.

21     B'applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta' Schengen, il-Kunsill adotta, fl-20 ta’ Mejju 1999, id-Deċiżjoni 1999/436/KE li tiddetermina, b’konformita mad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita Ewropea u t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea il-bażi legali għal kull waħda mid-dispożizzjonijiet jew deċiżjonijiet li jikkostitwixxu l-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, p. 17). L-Artikolu 62(2)(a) KE ġie magħżul bħala l-bażi legali ta' l-Artikolu 5 tal-KTFS [bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 1(e)] u l-Artikolu 62(2)(b) KE ġie magħżul bħala l-bażi legali ta' l-Artikoli 15 u 16 tal-KTFS. Peress li ebda bażi legali ma ġiet iddeterminata għall-Artikoli 92 sa 119 u 134 tal-KTFS kif ukoll għad-Dikjarazzjoni tat-18 ta' April 1996, dawn id-dispożizzjonijiet huma kkunsidrati, skond ir-raba' subparagrafu ta' l-Artikolu 2(1) tal-Protokoll ta' Schengen, bħala atti bbażati fuq it-Titolu VI tat-Trattat UE.

 Il-proċedura ta' qabel il-kawża

22     Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta' qabel il-kawża prevista fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 226 KE wara żewġ ilmenti magħmulin minn ċittadini Alġerini, is-Sur Farid u s-Sur Bouchair, li ma tħallewx jidħlu fiż-żona Schengen mill-awtoritajiet Spanjoli.

23     Fi żmien ir-rifjut fir-rigward tas-Sur Farid, huwa kien miżżewweġ ma’ ċittadina Spanjola u kien jgħix mal-familja tagħha f’Dublin (l-Irlanda). Meta wasal l-ajruport ta’ Barċellona (Spanja) fil-5 ta’ Frar 1999, fuq ajruplan li kien ġej mill-Alġerija, is-Sur Farid ma tħalliex jidħol fiż-żona Schengen. Ir-raġuni għal dan ir-rifjut kienet li kienet iddaħħlet twissija fis-SIS fir-rigward tas-Sur Farid sabiex jiġi miċħud id-dħul tiegħu wara dikjarazzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Diċembru 1999, ġiet irrifjutata, għall-istess raġuni, viża li ntalbet fis-17 ta’ Settembru 1999 mill-konsolat Spanjol f’Dublin.

24     Fi żmien ir-rifjut fir-rigward tas-Sur Bouchair, huwa wkoll kien miżżewweġ ma’ ċittadina Spanjola u kien jgħix magħha f’Londra (ir-Renju Unit). Bħala preparazzjoni għal vjaġġ turistiku mal-familja u mal-mara, is-Sur Bouchair talab lill-konsolat Spanjol f’Londra viża ta’ dħul fiż-żona Schengen. Il-viża mitluba ġiet irrifjutata fid-9 ta’ Mejju 2000 minħabba l-fatt li s-Sur Bouchair ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5(1) tal-KTFS. It-tieni applikazzjoni ġiet miċħuda fid-19 ta’ Ġunju 2001. Matul il-proċedura prekontenzjuża, ġie muri li l-viża ma nħarġitx minħabba l-eżistenza, fir-rigward ta' dan l-applikant ukoll, ta’ twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul magħmula mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

25     Jirriżulta mill-proċess li, fiż-żewġ każijiet, ir-raġuni tat-twissija ma kinitx imsemmija fis-SIS.

26     Permezz ta’ ittra tat-23 ta’ April 2001, il-Kummissjoni stiednet lir-Renju ta’ Spanja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-ilmenti. Il-Gvern Spanjol ikkonferma l-fatti. Madankollu, ikkontesta l-ilment li l-prassi amministrattiva kkontestata tikser id-Direttiva 64/221.

27     Peress li l-Gvern Spanjol ma biddilx il-pożizzjoni tiegħu fir-risposta għall-opinjoni motivata li l-Kummissjoni bagħtitlu fis-26 ta’ Ġunju 2002, din ta’ l-aħħar ippreżentat dan ir-rikors.

28     Ir-Renju ta’ Spanja jitlob li r-rikors jiġi miċħud u li l-Kummissjoni tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

 Fuq ir-rikors

 Osservazzjonijiet preliminari

29     Il-Kummissjoni ssostni li, billi rrifjuta d-dħul fit-territorju u l-ħruġ ta’ viża lil żewġ ċittadini ta’ Stat terz, miżżewġin ma’ ċittadini ta’ Stat Membru, għall-unika raġuni li kienet iddaħħlet twissija fis-SIS fir-rigward ta' dawn il-persuni sabiex jiġi miċħud id-dħul tagħhom, ir-Renju ta’ Spanja ma osservax l-eżiġenzi tad-Direttiva 64/221, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

30     Il-Gvern Spanjol isostni li prassi amministrattiva li hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-KTFS ma tistax tikser id-dritt Komunitarju peress li d-dispożizzjonijiet tal-KTFS jagħmlu parti mid-dritt Komunitarju minn mindu l-acquis ta’ Schengen ġie integrat, permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam, fil-qafas ta’ l-Unjoni.

31     Skond dan il-Gvern, il-prassi ta’ l-awtoritajiet Spanjoli hija konformi mar-regoli tal-KTFS. L-inklużjoni ta’ twissija fis-SIS fir-rigward ta' persuna sabiex jiġi miċħud id-dħul tiegħu taqa' taħt il-kompetenza u hija r-responsabbiltà ta’ l-Istat li joħroġ it-twissija biss. Billi rrifjuta d-dħul fit-territorju u l-ħruġ ta’ viża lil persuni li fir-rigward tagħhom inħarġet tali twissija, ir-Renju ta’ Spanja kien sempliċiment qiegħed jeżegwixxi l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 5 u 15 tal-KTFS.

32     Fid-dawl ta’ l-argumentazzjoni tal-Gvern Spanjol, għandhom jiġu ppreċiżati qabel kollox ir-relazzjonijiet bejn il-KTFS u d-dritt Komunitarju tal-moviment liberu tal-persuni.

33     F'dak li jikkonċerna l-perijodu preċedenti għall-integrazzjoni ta' l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni, dawn ir-relazzjonijiet kienu rregolati mill-Artikolu 134 tal-KTFS, li kien jiddisponi li d-dispożizzjonijiet ta' din ta' l-aħħar kienu applikabbli biss safejn kienu kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

34     Din ir-regola ġiet riprodotta fil-Protokoll ta' Schengen li, fit-tielet subparagrafu tal-preambolu tiegħu, jikkonferma li d-dispożizzjonijiet ta' l-aquis ta' Schengen huma applikabbli biss jekk u sakemm dawn huma kompatibbli mad-dritt ta' l-Unjoni u tal-Komunità. L-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Protokoll jispeċifika li l-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam ta' l-acquis ta' Schengen għandha titmexxa fi ħdan il-qafas istituzzjonali u legali ta' l-Unjoni u billi jiġu osservati t-Trattati. Din id-dispożizzjoni hija l-espressjoni partikolari tal-prinċipju li jemana mill-Artikolu 43(1) UE, li kooperazzjoni msaħħa għandha tirrispetta l-imsemmija Trattati u l-qafas istituzzjonali ta' l-Unjoni kif ukoll l-acquis communautaire.

35     Minn dan jirriżulta li l-konformità ta' prassi amministrattiva mad-dispożizzjonijiet tal-KTFS tippermetti li jiġi ġġustifikat l-aġir ta' l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biss sakemm l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni tkun kompatibbli mar-regoli Komunitarji li jirregolaw il-moviment liberu tal-persuni.

36     Kif sostna l-Gvern Spanjol, fiż-żewġ każijiet li huma s-suġġet ta' dan ir-rikors, l-awtoritajiet Spanjoli aġixxew skond il-mekkaniżmu previst mill-KTFS. Fil-fatt, skond l-Artikoli 94(1) u 105 tal-KTFS, l-evalwazzjoni ta' l-eżistenza jew le ta' ċirkustanzi li jiġġustifikaw id-dħul tat-twissija fir-rigward ta' barrani fis-SIS taqa' taħt il-kompetenza ta' l-Istat li joħroġ it-twissija, f'dan il-każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li huwa responsabbli sabiex jiżgura ruħu li l-informazzjoni mdaħħla fis-SIS tkun korretta, aġġornata u legali u huwa biss dan l-Istat li huwa awtorizzat sabiex iżid, jikkoreġi jew iħassar informazzjoni li jkun daħħal. L-Istati kontraenti l-oħra, min-naħa tagħhom, fin-nuqqas ta' ċirkustanzi eċċezzjonali mingħajr rilevanza fil-kuntest ta' din il-proċedura, huma obbligati, konformement ma' l-Artikoli 5 u 15 tal-KTFS, li jirrifjutaw id-dħul ta' u l-ħruġ ta' viża lil barrani li fir-rigward tiegħu tkun teżisti twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul tiegħu.

37     Il-fatt li dan ir-rifjut isir awtomatikament jirrifletti l-prinċipju ta' kooperazzjoni bejn l-Istati kontraenti, li jifforma l-bażi ta' l-acquis ta' Schengen u li huwa indispensabbli biex tkun tista' taħdem sistema ta' tmexxija integrata intiża sabiex tiggarantixxi livell għoli u uniformi ta' kontroll u ta' sorveljanza fil-fruntieri esterni flimkien mal-qsim liberu tal-fruntieri ġewwa ż-żona Schengen.

38     Madankollu, safejn l-awtomatiċità tar-rifjut prevista fl-Artikoli 5 u 15 tal-KTFS ma toħloqx distinzjoni skond jekk il-barrani kkonċernat huwiex miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Membru jew le, għandu jiġi eżaminat jekk l-aġir ta' l-awtoritajiet Spanjoli kienx kompatibbli mar-regoli Komunitarji li jirregolaw il-moviment liberu tal-persuni, b'mod partikolari mad-Direttiva 64/221.

 Fuq l-ewwel ilment

 L-argumenti tal-partijiet

39     Il-Kummissjoni tallega li r-Renju ta' Spanja kiser id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 64/221 billi rrifjuta d-dħul fit-territorju tiegħu u l-ħruġ ta' viża lil żewġ ċittadini ta' Stat terz, miżżewġin ma' ċittadini ta' Stat Membru, għall-unika raġuni li kienet iddaħħlet twissija fis-SIS fir-rigward tagħhom sabiex jiġi miċħud id-dħul tagħhom. Hija tfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-aċċess għat-territorju ta' Stat Membru ma jistax jiġi miċħud lil ċittadin ta' l-Unjoni jew lil membru tal-familja tiegħu minbarra meta l-persuna kkonċernata tirrappreżenta theddida reali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenzi tat-28 ta' Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punt 28, u tas-27 ta' Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 35).

40     Il-Gvern Spanjol jirrileva li, bl-eċċezzjoni tal-każ partikolari ta' applikazzjonijiet għal residenza, ma teżisti ebda regola fil-KTFS li tobbliga Stat kontraenti li jikkonsulta l-Istat li jkun ħareġ it-twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul abbażi tar-raġunijiet li jkunu ppermettew li din it-twissija tiddaħħal fis-SIS. Huwa jenfasizza li kif jirriżulta mid-Dikjarazzjoni tat-18 ta’ April 1996, l-Istati kontraenti aċċettaw il-prinċipju li l-inklużjoni fis-SIS ta’ persuni koperti mid-dritt Komunitarju tista' ssir u tinżamm biss sakemm hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ tali inklużjoni tista’ ġustament tiġi kkunsidrata bħala indizju ta’ theddida reali u serja.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

41     Minħabba l-importanza li tiġi assigurata l-protezzjoni tal-ħajja familjari taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, sabiex jitneħħew l-ostakoli għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE (sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2002, Carpenter, C-60/00, Ġabra p. I-6279, punt 38, u tal-25 ta’ Lulju 2002, MRAX, C-459/99, Ġabra p. I-6591, punt 53), il-leġiżlatur Komunitarju wessa’ ħafna, fir-Regolamenti u d-Direttivi dwar il-moviment liberu tal-persuni, l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju ta’ Stati Membri fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati terzi, miżżewġin ma' ċittadini ta' Stati Membri. Għalkemm l-Istati Membri jistgħu, f'każ li ċittadin ta' Stat Membru jiċċaqlaq ġewwa l-Komunità sabiex jeżerċita d-drittijiet mogħtija lilu mill-imsemmi Trattat u mill-miżuri meħuda għall-applikazzjoni tiegħu, jimponu viża ta' dħul għar-raġel jew għall-mara tiegħu, ċittadin ta' Stat terz, l-Istati Membri għandhom madankollu jipprovdu lil dan ta' l-aħħar il-faċilitajiet kollha sabiex jikseb il-viża meħtieġa.

42     F'dan il-każ, huwa paċifiku li peress s-Sur Farid u s-Sur Bouchair, ċittadini ta' Stat terz, huma miżżewġin ma' ċittadini ta' Stat Membru, huma għandhom id-dritt li jidħlu fit-territorju ta' Stati Membri jew li jiksbu viża għal dan l-għan.

43     Iżda d-dritt taċ-ċittadini ta' Stat Membru u tal-konjuġi tagħhom li jidħlu u jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor mhuwiex inkundizzjonat. Fost il-limitazzjonijiet previsti jew awtorizzati mid-dritt Komunitarju, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/221 jippermetti lill-Istati Membri jipprojbixxu lil ċittadini ta' Stati Membri oħrajn jew lill-konjuġi tagħhom li jkunu ċittadini ta' Stat terz, milli jidħlu fit-territorju tagħhom għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika (ara, f'dak li jirrigwarda l-konjuġi, is-sentenza MRAX, iċċitata iktar 'il fuq, punti 61 u 62).

44     Madankollu, il-leġiżlatur Komunitarju llimita d-dritt li Stat Membru jinvoka tali raġunijiet permezz ta' kundizzjonijiet stretti. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221 jipprovdi li l-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta personali ta' l-individwu kkonċernat. It-tieni paragrafu ta' dan l-Artikolu jispeċifika li l-eżistenza waħedha ta' kundanni kriminali ma tistax tikkostitwixxi fiha nnifisha raġuni sabiex jittieħdu dawk il-miżuri. B'hekk l-eżistenza ta' kundanna kriminali tista' tiġi kkunsidrata b'dan il-mod biss meta ċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għal dik il-kundanna juru l-eżistenza ta' mġieba personali li tikkostitwixxi theddida attwali għall-ordni pubbliku (sentenzi Bouchereau, iċċitata iktar 'il fuq, punt 28, u tad-19 ta' Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p. I-11, punt 24).

45     Min-naħa tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-eċċezzjoni ta' ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tinftiehem b'mod ristrettiv u li l-iskop tagħha ma jistax jiġi ddeterminat unilateralment mill-Istati Membri (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Rutili, punt 27; Bouchereau, punt 33; Calfa, punt 23, kif ukoll tad-29 ta' April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punti 64 u 65).

46     Għaldaqstant, skond ġurisprudenza kostanti, ir-referenza ta' awtorità nazzjonali għall-kunċett ta' ordni pubbliku tippresuppponi, f'kull każ, l-eżistenza, minbarra l-inkwiet soċjali li kull infrazzjoni tal-liġi tinvolvi, ta' theddida reali u serja biżżejjed, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Rutili, punt 28; Bouchereau, punt 35, kif ukoll Orfanopoulos u Oliveri, punt 66).

47     Għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ ta' ċittadin ta' Stat terz, li huwa miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Membru, din l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta' ordni pubbliku tippermetti wkoll il-protezzjoni tad-dritt ta' dan ta' l-aħħar għar-rispett tal-ħajja familjari tiegħu fis-sens ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Carpenter, iċċitata iktar 'il fuq, punt 41, u tat-23 ta' Settembru 2003, Akrich, C-109/01, Ġabra p. I-9607, punt 58).

48     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta' ordni pubbliku fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 64/221 ma jikkorrispondix ma' dak ta' l-Artikolu 96 tal-KTFS. Fil-fatt, skond dan l-aħħar Artikolu, twissija fis-SIS sabiex jiġi miċħud id-dħul tista' tkun ibbażata fuq theddida għall-ordni pubbliku meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet misjuba ħatja ta' reat li għalih tingħata piena li tinvolvi t-teħid tal-libertà għal mill-inqas sena [paragrafu 2(a)] jew meta jkun suġġett għal miżura bbażata fuq ksur ta' regolament nazzjonali dwar id-dħul u r-residenza ta' barranin (paragrafu 3). Għall-kuntrarju tas-sistema prevista mid-Direttiva 64/221, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tali ċirkustanzi waħedhom jiġġustifikaw twissija, indipendentement minn kull evalwazzjoni konkreta tat-theddida li l-persuna kkonċernata tirrappreżenta.

49     Skond l-Artikoli 5 u 15 tal-KTFS, id-dħul fiż-żona Schengen jew il-ħruġ ta' viża għal dan l-għan ma jistax, bħala prinċipju, jiġi permess fir-rigward ta' barrani li fir-rigward tiegħu tkun inħarġet twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul tiegħu.

50     Minn dan jirriżulta li, fil-mekkaniżmu previst mill-KTFS, persuna li taqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 64/221, bħal ċittadin ta' Stat terz miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Membru, tista' tiġi mċaħħda, f'każ ta' twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul, mill-protezzjoni prevista mill-imsemmija Direttiva.

51     Kien sabiex jiġi evitat dan ir-riskju, li l-Istati kontraenti impenjaw ruħhom, fid-Dikjarazzjoni tat-18 ta' April 1996, li ma joħorġux twissija sabiex jiġi miċħud id-dħul ta' persuna koperta mid-dritt Komunitarju ħlief meta l-kundizzjonijiet rikjesti minn dan ta' l-aħħar huma sodisfatti.

52     Dan ifisser li Stat kontraenti ma jistax joħroġ twissija fir-rigward ta' ċittadin ta' Stat terz miżżewweġ ma ċittadin ta' Stat Membru jekk ma jkunx ġie kkonstatat li l-preżenza ta' din il-persuna tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà fis-sens tad-Direttiva 64/221.

53     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-inklużjoni fis-SIS ta' ċittadin ta' Stat terz miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Memrbu bla dubju tikkostitwixxi indizju li teżisti raġuni li tiġġustifika ċ-ċaħda tad-dħul tiegħu fiż-żona Schengen. Madankollu, dan l-indizju għandu jkun ikkorroborat b'informazzjoni li tippermetti lill-Istat Membru li jikkonsulta s-SIS jikkonstata, qabel ma jiċħad id-dħul fiż-żona Schengen, li l-preżenza tal-persuna kkonċernata fl-imsemmija żona tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. F'dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 94(3)(i) tal-KTFS jawtorizza espressament li tiġi indikata r-raġuni għat-twissija.

54     Fiż-żewġ każijiet li wasslu għal dan ir-rikors, l-awtoritajiet Spanjoli, li lilhom is-Sinjuri Farid u Bouchair, ċittadini ta' Stat terz, kienu debitament ġabu prova ta' l-istat tagħhom bħala konjuġi ta' ċittadini ta' Stat Membru, illimitaw ruħhom, sabiex jiċħdu d-dħul tal-persuni kkonċernati fiż-żona Schengen, għal konstatazzjoni ta' l-eżistenza, fis-SIS, ta' twissijiet sabiex jiġi miċħud id-dħul li ma kinux jinkludu l-indikazzjoni tar-raġuni għalihom.

55     F'tali sitwazzjoni, l-awtoritajiet Spanjoli ma kinux ġustifikati li jirrifjutaw dan id-dħul lill-persuni kkonċernati mingħajr ma qabel ivverifikaw jekk il-preżenza tagħhom kinitx tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà.

56     Fil-kuntest ta' din il-verifika, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali li fuqu huwa bbażat l-acquis ta' Schengen jimplika li l-Istat li jikkonsulta s-SIS jieħu in kunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Istat li joħroġ it-twissija, huwa jimplika wkoll li dan ta' l-aħħar għandu jżomm għad-dispożizzjoni ta' dak ta' l-ewwel l-informazzjoni supplementari li tippermettilu jevalwa b'mod konkret l-importanza tat-theddida li l-persuna li fir-rigward tagħha tkun inħarġet twissija tista' tirrappreżenta.

57     In-netwerk ta' bureaux Sirene ġie stabbilit preċiżament sabiex jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali li jkunu qed jiffaċċjaw problema fl-eżekuzzjoni ta' twissija. Skond il-punt 2.1.1. tal-manwal Sirene, is-sistema stabbilita għandha tippermetti li tingħata risposta mill-aktar fis possibbli meta tiġi mitluba informazzjoni mill-partijiet kontraenti l-oħra, u ż-żmien li fih għandha tingħata risposta ma jistax jeċċedi tnax-il siegħa.

58     F'kull każ, iż-żmien li fih għandha tingħata risposta meta tiġi mitluba informazzjoni ma jistax jeċċedi perijodu raġonevoli meta jittieħdu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-evalwazzjoni tagħhom tista' tkun differenti skond jekk hijiex involuta talba għal viża jew għal qsim ta' fruntiera. F'dan l-aħħar każ, huwa importanti ħafna li l-awtoritajiet nazzjonali li, wara li jkunu kkonstataw li kienet iddaħħlet twissija fis-SIS fir-rigward ta' ċittadin ta' Stat terz miżżewweġ ma' ċittadin ta' Stat Membru sabiex jiġi miċħud id-dħul tiegħu, jkunu talbu informazzjoni supplementari lill-Istat li ħareġ it-twissija jirċievu l-informazzjoni mingħand dan ta' l-aħħar mill-iktar fis possibbli.

59     Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li, billi rrifjuta d-dħul fiż-żona Schengen lis-Sur Farid kif ukoll il-ħruġ ta' viża għad-dħul f'din iż-żona lis-Sinjuri Farid u Bouchair, ċittadini ta' Stat terz miżżewġin ma' ċittadini ta' Stat Membru, għall-unika raġuni li kienet iddaħħlet twissija fis-SIS fir-rigward tagħhom sabiex jiġi miċħud id-dħul tagħhom, mingħajr ma qabel ivverifika jekk il-preżenza ta' dawn il-persuni kinitx tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 64/221.

 Fuq it-tieni lment

 L-argumenti tal-partijiet

60     Permezz ta' dan l-ilment, il-Kummissjoni tallega li l-awtoritajiet Spanjoli ma indikawx, fid-deċiżjonijiet tagħhom, ir-raġunijiet ta' ordni pubbliku u sigurtà pubblika li fuqhom ibbażaw ruħhom meta ċaħdu d-dħul fit-territorju Spanjol u l-ħruġ ta' viża lis-Sinjuri Farid u Bouchair.

61     Il-Gvern Spanjol jinvoka fid-difiża tiegħu l-istess argumenti bħal dawk fir-rigward ta' l-ewwel ilment.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62     F'dak li jirrigwarda l-ewwel ilment, ġie kkonstatat fil-punt 59 ta' din is-sentenza li, billi rrifjuta d-dħul fiż-żona Schengen lis-Sur Farid kif ukoll il-ħruġ ta' viża għad-dħul f'din iż-żona lis-Sinjuri Farid u Bouchair, ċittadini ta' Stat terz miżżewġin ma' ċittadini ta' Stat Membru, għall-unika raġuni li kienet iddaħħlet twissija fis-SIS fir-rigward tagħhom sabiex jiġi miċħud id-dħul tagħhom, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 64/221.

63     Peress li r-rifjut ikkontestat mill-awtoritajiet Spanjoli kien l-uniku fatt li jikkostitwixxi ksur tad-dritt Komunitarju allegat mill-Kummissjoni, m'hemmx il-bżonn li tingħata deċiżjoni fir-rigward tat-tieni lment.

 Fuq l-ispejjeż

64     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta' Spanja tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Billi rrifjuta d-dħul fit-territorju ta' l-Istati li huma partijiet kontraenti tal-ftehim dwar it-tneħħija ftit ftit tal-kontroll fuq il-fruntieri komuni, iffirmat fl-14 ta' Ġunju 1985 f'Schengen, lis-Sur Farid kif ukoll il-ħruġ ta' viża għad-dħul f'dan it-territorju lis-Sinjuri Farid u Bouchair, ċittadini ta' Stat terz miżżewġin ma' ċittadini ta' Stat Membru, għall-unika raġuni li kienet iddaħħlet twissija fis-sistema ta' informazzjoni Schengen fir-rigward tagħhom sabiex jiġi miċħud id-dħul tagħhom, mingħajr ma qabel ivverifika jekk il-preżenza ta' dawn il-persuni kinitx tikkostitwixxi theddida reali, attwali u serja biżżejjed li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva tal-Kunsill, tal-25 ta' Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta' miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta' ċittadini barranin li huma ġġustifikati għar-raġunijiet ta' [ordni] pubblik[u], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (64/221/KEE).

2)      Ir-Renju ta' Spanja għandu jbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.

Top