Brussell, 26.2.2026

COM(2026) 101 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

ProtectEU: Aġenda għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu















1.Introduzzjoni

Din l-Aġenda, imħabbra fil-ProtectEU: Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna 1 , timmarka l-bidu ta’ sforz imġedded biex jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti mingħajr konfini, kemm jekk ikunu fiżiċi kif ukoll diġitali. It-terroriżmu 2 u l-estremiżmu vjolenti 3 jibqgħu sfida persistenti għall-UE u għall-Istati Membri tagħha. Ir-rabtiet dejjem akbar bejn it-terroriżmu u oqsma oħra ta’ kriminalità, in-networks aktar fluwidi u l-atturi anqas xprunati mill-ideoloġija, kif ukoll il-linji mċajpra bejn l-operazzjonijiet online u dawk fiżiċi, joħolqu sfida partikolari biex jiġu ddefiniti u identifikati r-reati terroristiċi. Għal dan ix-xenarju kumpless ta’ theddid, l-aħjar approċċ huwa azzjoni magħquda, u filwaqt li l-Istati Membri jibqgħu unikament responsabbli għas-sigurtà nazzjonali 4 , l-UE trid taħdem id f’id magħhom.

Filwaqt li l-UE rat anqas attakki terroristiċi kkoordinati fuq skala kbira, it-theddida ma telqitx - iżda evolviet. Bejn l-2019 u l-2023, in-numru ta’ inċidenti terroristiċi żdied b’aktar mid-doppju (minn 57 għal 120), qabel ma niżel għal 58 fl-2024 5 . L-atturi individwali u ċ-ċelloli żgħar kienu fil-biċċa l-kbira responsabbli għall-attakki reċenti. Il-livell ġenerali ta’ theddid għadu għoli, u huwa msawwar b’fatturi ta’ theddid li dejjem qegħdin jimmultiplikaw 6 . Filwaqt li t-terroriżmu ġiħadist jibqa’ l-aktar theddida terroristika prominenti u letali 7 , it-terroristi u l-estremisti vjolenti huma xprunati minn firxa dejjem akbar ta’ motivazzjonijiet, li ma jkunux dejjem marbuta ma’ ideoloġija speċifika, inklużi ċ-ċaħda tal-valuri demokratiċi Ewropej, l-antisemitiżmu jew il-mibegħda anti-Musulmana 8 .

L-UE diġà ħadet azzjoni biex tindirizza t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, bl-użu tal-Aġenda tal-UE Kontra t-Terroriżmu tal-2020 9 bħala pjan direzzjonali lejn il-ħolqien ta’ UE aktar sikura. Fid-deċennju minn meta seħħ għadd ta’ attakki faħxin fl-Ewropa, inkluż f’Pariġi u fi Brussell, l-UE stabbiliet qafas legali komprensiv biex tikkriminalizza r-reati terroristiċi, tindirizza l-kontenut terroristiku online u tillimita l-aċċess għall-finanzjament tat-terroriżmu, għall-armi tan-nar u għall-isplussivi. Aħna saħħaħna l-kapaċità tagħna li nidentifikaw u nwaqqfu l-ivvjaġġar għall-iskop ta’ terroriżmu fil-fruntieri esterni b’sistemi modernizzati għas-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri, kondiviżjoni aħjar tal-informazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

L-aġenziji tal-UE pprovdew appoġġ u sostenn operazzjonali lill-Istati Membri, li għamlu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tat-terroriżmu aktar effettivi, b’aktar minn 2 000 arrest u aktar minn 1 800 kundanna għal reati terroristiċi 10 f’dawn l-aħħar 5 snin. L-istrutturi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE, bħaċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni u l-Programm Konsultattiv dwar is-Sigurtà Protettiva, ippermettew lill-Istati Membri jibbenefikaw minn prattiki u għarfien espert kondiviżi, li jżidu r-reżiljenza fl-UE. Filwaqt li tibni fuq dawn il-kisbiet, din l-Aġenda, żviluppata f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati oħra, tidentifika l-lakuni li fadal u tistabbilixxi passi konkreti biex tindirizzahom.

L-iżviluppi ġeopolitiċi u l-kunflitti esterni joħolqu riskji akbar u għandhom impatt fuq is-sigurtà tal-UE. L-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023 u l-kunflitt sussegwenti ġewwa Gaża żiedu l-mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza fl-ispettru ideoloġiku. L-atturi ġiħadisti strumentalizzaw dawn l-avvenimenti permezz ta’ miżinformazzjoni online u sejħiet espliċiti għall-vjolenza. Narrattivi simili ġew sfruttati wkoll minn atturi estremisti tax-xellug u tal-lemin. Dan jikkontribwixxi għal riskju akbar ta’ attakki. L-Istat Iżlamiku u l-affiljati tiegħu jibqgħu waħda mit-theddidiet esterni ewlenin għall-UE minħabba l-kapaċità tagħhom li jispiraw attakki. Is-sitwazzjoni volatili fis-Sirja tqajjem tħassib dwar is-sigurtà minħabba l-possibbiltà li tfeġġ mill-ġdid l-organizzazzjoni tal-Istat Iżlamiku u l-futur inċert tal-ġellieda terroristi barranin fil-faċilitajiet u fil-kampijiet ta’ detenzjoni fil-Grigal tas-Sirja. L-organizzazzjonijiet terroristiċi qegħdin jimmiraw dejjem aktar lill-persunal u l-operazzjonijiet umanitarji permezz tal-vjolenza, l-intimidazzjoni u l-ostakolar.

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, ir-Russja wettqet firxa dejjem akbar ta’ azzjonijiet ta’ sabotaġġ u azzjonijiet ibridi kontra l-UE. Dawn l-azzjonijiet huma vjolazzjoni tas-sovranità territorjali tal-Istati Membri, jimminaw l-integrità tal-istituzzjonijiet demokratiċi, u joħolqu theddida diretta għas-sikurezza u s-sigurtà tal-popolazzjoni ċivili. Dawn ġew akkoppjati ma’ attivitajiet ta’ influwenza kkoordinati minn atturi marbuta mar-Russja, li jinkludu t-tixrid ta’ narrattivi estremisti vjolenti u narrattivi oħra diviżivi fl-Ewropa. Il-kunflitt enfasizza wkoll ir-riskji potenzjali tas-sigurtà marbuta mar-ritorn ta’ voluntiera barranin u eks ġellieda Russi b’esperjenza ta’ ġlied.

L-UE ffaċċjat ukoll theddid kumpless sponsorjat minn gruppi terroristiċi kif ukoll minn atturi barranin tal-istat u mhux tal-istat. L-atturi ostili ilhom jirrikorru għal modi operandi terroristiċi bħat-tqegħid ta’ apparat inċendjarju improvviżat fil-merkanzija bl-ajru, attakki ċibernetiċi u sabotaġġ ta’ infrastruttura kritika, kif ukoll għall-użu ta’ terroristi u estremisti vjolenti bħala forzi bi prokura. Għad hemm rabtiet opportunisti bejn it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u ċ-ċiberkriminalità, bl-użu ta’ mudelli tal-kriminalità bħala servizz, riżervi ta’ reklutaġġ komuni, swieq kriminali u networks bankarji sotteranji 11 . Il-konnessjonijiet akbar bejn it-terroriżmu, iċ-ċiberkriminalità, l-interferenza barranija ostili u l-kriminalità organizzata jippreżentaw sfidi fl-attribuzzjoni tar-responsabbiltà kriminali u fil-koordinazzjoni tar-risponsi fil-livell nazzjonali u tal-UE.

L-għadd ta’ minorenni involuti fit-terroriżmu u fl-estremiżmu vjolenti żdied drastikament fl-Ewropa. Fl-2024, kważi terz tat-terroristi suspettati fl-UE kellhom anqas minn 20 sena, bl-iżgħar età tkun ta’ 12-il sena biss. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-minorenni kienu marbuta mat-terroriżmu ġiħadist, għalkemm l-estremiżmu vjolenti tal-lemin sar aktar popolari, b’mod partikolari permezz ta’ networks ta’ aċċellerazzjoni, “klabbs attivi” 12 u networks estremisti online 13 li jxerrdu kontenut vjolenti u li jġiegħlu lill-minorenni vulnerabbli jwettqu atti ta’ ħsara lilhom infushom u vjolenza. L-ideoloġiji mħallta kienu prominenti, b’faxxinu għall-vjolenza bħala l-motiv primarju għal ħafna attakki mwettqa minn atturi individwali.  

It-terroristi u l-estremisti vjolenti jisfruttaw dejjem aktar l-ekosistema online u t-teknoloġiji l-ġodda, il-media soċjali u l-pjattaformi tal-logħob biex jikkondividu kontenut dannuż, ixerrdu d-diżinformazzjoni, jirradikalizzaw, jiġbru l-fondi u jirreklutaw. L-amplifikazzjoni algoritmiku tal-kontenut estremist tavvanza aktar ir-radikalizzazzjoni. L-atturi terroristiċi jikkoordinaw il-pjanijiet fuq pjattaformi ta’ komunikazzjoni bi kriptaġġ minn tarf sa tarf (E2EE, End-To-End Encryption) u jiffinanzjaw in-networks u l-attakki tagħhom permezz ta’ kriptovaluti, assi diġitali mhux funġibbli (NFTs, Non Fungible Tokens) u “hawala diġitali”. 14 L-IA ġenerattiva tiġi abbużata biex toħloq manwali ta’ struzzjonijiet għall-attakki. It-teknoloġija tal-istampar 3D (eż. għall-manifattura tal-armi tan-nar) u ż-żieda fl-użu ta’ sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UASs, Unmanned Aircraft Systems/droni) ikomplu jaggravaw it-theddida.

Filwaqt li tibni fuq konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill 15 reċenti dwar it-terroriżmu, l-Aġenda tgħaqqad attivitajiet importanti li għaddejjin ma’ inizjattivi ġodda biex tlaħħaq max-xenarju tat-theddid li qiegħed jevolvi malajr. Din tistabbilixxi azzjonijiet speċifiċi biex tantiċipa t-theddid, tipprevjeni r-radikalizzazzjoni, tipproteġi lin-nies kemm online kif ukoll offline, tiżgura risponsi rapidi u kkoordinati għall-attakki, u ssaħħaħ il-ġlieda globali kontra t-terroriżmu f’konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju.

L-aktar rispons effettiv għat-terroriżmu huwa wieħed li juri l-impenn għall-valuri tagħna li jinsabu taħt attakk; għalhekk, l-azzjonijiet kollha huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali. Sabiex jikkomplementaw u jlestu dak ir-rispons, l-Istati Membri huma mistiedna jadottaw u jaġġornaw b’mod regolari l-istrateġiji nazzjonali tagħhom, skont il-qafas strateġiku stabbilit minn din l-Aġenda.

2.Pilastri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti

2.1 Antiċipazzjoni tat-theddid

Is-sigurtà tibda b’antiċipazzjoni u tbassir effettivi. L-UE bniet kapaċitajiet b’saħħithom ta’ għarfien dwar is-sitwazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Kapaċità Unika ta’ Analiżi tal-Intelligence (SIAC, Single Intelligence Analysis Capacity), il-punt uniku ta’ dħul għall-kontribuzzjonijiet tal-intelligence tal-Istati Membri, tipprovdi valutazzjonijiet f’waqthom tat-theddid, filwaqt li l-Europol tipproduċi rapporti dwar it-tendenzi regolari bbażati fuq informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi.

Ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) se jagħti prijorità lit-tisħiħ tas-SIAC f’termini ta’ riżorsi u kapaċitajiet. Minbarra l-introduzzjoni ta’ kanali ta’ komunikazzjoni siguri u l-finalizzazzjoni ta’ negozjati dwar ir-Regolament propost dwar is-sigurtà tal-informazzjoni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu biex isaħħu aktar l-għarfien tal-persunal tal-UE biex irawmu kultura ta’ “ħtieġa ta’ kondiviżjoni” filwaqt li jippreżervaw il-prinċipju ta’ “ħtieġa ta’ tagħrif” għal informazzjoni klassifikata.

In-natura dinamika u imprevedibbli tat-theddid emerġenti tirrikjedi kapaċitajiet imsaħħa ta’ antiċipazzjoni tal-infurzar tal-liġi. Kif stabbilit fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna ProtectEU, il-Kummissjoni se tipproponi li ssaħħaħ l-appoġġ analitiku tal-Europol, inklużi l-kapaċitajiet ta’ intelligence minn sorsi miftuħa (OSINT, Open Source Intelligence). Fejn ikun possibbli, ir-rapporti dwar it-tendenzi tal-Europol, l-istruzzjonijiet tas-sitwazzjoni u l-analiżijiet tematiċi jistgħu jiġu pprovduti f’formati mhux ikklassifikati biex titqajjem kuxjenza pubblika dwar it-tendenzi emerġenti b’appoġġ għall-isforzi ta’ detezzjoni u prevenzjoni bikrija. Barra minn hekk, l-analiżi tat-theddid li qiegħda tħejji l-Kummissjoni, kif imħabbar fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna ProtectEU, se tgħin ukoll biex tidentifika t-theddidiet emerġenti u r-rispons ta’ politika għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. 

Il-prospettiva hija ugwalment essenzjali biex tidentifika r-riskji u l-opportunitajiet li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda 16 . Il-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se tkompli tiggwida r-riċerka dwar is-sigurtà. Biex tħaddan il-potenzjal ta’ teknoloġiji ġodda għall-infurzar tal-liġi u tħejji għall-ġlieda kontra l-użu ħażin tagħhom mit-terroristi u mill-estremisti vjolenti, il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-riċerka dwar is-sigurtà taħt Orizzont Ewropa u l-finanzjament tas-Sigurtà Interna b’sejħiet iddedikati fl-2026 u lil hinn minnha. Il-prijoritajiet tar-riċerka se jinkludu kapaċitajiet ta’ identifikazzjoni bikrija u innovazzjoni fit-teknoloġiji, bħall-IA, l-indirizzar tal-użu estremist ta’ pjattaformi online, metodi ġodda ta’ finanzjament tat-terroriżmu (eż. il-kriptoassi) u l-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ispazji pubbliċi minn theddid maħluq mill-użu ta’ splussivi, droni u armi stampati bit-3D, kif ukoll attakki b’vetturi u l-użu ta’ armi bi xfafar. Biex tiżgura l-adozzjoni tar-riżultati tar-riċerka, il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-ittestjar u l-użu ta’ soluzzjonijiet iffinanzjati mill-UE biex tgħammar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi b’għodod u metodoloġiji tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u r-rispons effettivi għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa l-introduzzjoni ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri bejn l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE

·Issaħħaħ ir-riċerka dwar is-sigurtà taħt Orizzont Ewropa u l-finanzjament tas-Sigurtà Interna

·Tappoġġa l-ittestjar u l-varar ta’ soluzzjonijiet iffinanzjati mill-UE biex tgħammar lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi b’għodod tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku

Ir-Rappreżentant Għoli se:

·Issaħħaħ s-SIAC bħala kwistjoni ta’ prijorità f’konformità mad-Dokument Konġunt tar-Rappreżentant Għoli u tal-Istati Membri

Il-Europol se:

·Issaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ appoġġ analitiku u ta’ intelligence minn sorsi miftuħa (OSINT)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mħeġġa:

·Jiffinalizzaw in-negozjati dwar ir-Regolament dwar is-sigurtà tal-informazzjoni fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni

2.2 Prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni  

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tfisser li jiġu indirizzati l-ixprunaturi tagħha qabel ma dawn irabbu l-għeruq. Din tirrikjedi approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha, l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fis-servizzi tal-edukazzjoni, soċjali, kulturali u taż-żgħażagħ, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, il-ħabsijiet u s-servizzi ta’ probation, il-komunitajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-ambjenti online. L-istabbiliment taċ-Ċentru ta’ għarfien tal-UE dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni (“Ċentru ta’ Għarfien”) 17  f’Ġunju 2024 u l-allokazzjoni ta’ EUR 60 miljun fuq 4 snin indikaw bidla gradwali fil-politika ta’ prevenzjoni tal-UE.

Iċ-Ċentru ta’ Għarfien jgħaqqad aktar minn 6 000 persuna li jfasslu l-politika, riċerkaturi u prattikanti madwar l-Ewropa u jiżviluppa gwida għal dawk li jfasslu l-politika u l-prattikanti, għodod prattiċi, taħriġ u servizzi ta’ appoġġ imfassla apposta.  Dan jopera taħt l-Orjentazzjonijiet Strateġiċi 18  stabbiliti mill-Istati Membri li se jiġu aġġornati fl-2027. Din l-Aġenda tistabbilixxi kompiti konkreti għaċ-Ċentru ta’ Għarfien u tiżgura li dan iwettaq il-mandat tiegħu bis-sħiħ billi jsarrafhom f’sostenn operazzjonali għall-Istati Membri, li tgħinhom jantiċipaw ir-riskji emerġenti u jidentifikaw risponsi għar-radikalizzazzjoni li huma speċifiċi għall-pajjiż.

2.2.1. Żvilupp ta’ sett ta’ għodod ta’ prevenzjoni għall-minorenni

Il-konsegwenzi tal-involviment tal-minorenni fir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu huma estensivi, u jaffettwaw mhux biss lill-minorenni involuti, imma wkoll lill-komunitajiet u lis-soċjetà b’mod ġenerali. Biex tindirizza r-rata ta’ tħassib ta’ minorenni li qegħdin jiġu radikalizzati fl-Ewropa, il-Kummissjoni se tibni fuq l-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Għarfien u tipprovdi gwida strateġika dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tal-minorenni. Din se tiffoka fuq l-identifikazzjoni bikrija, it-tisħiħ tal-fatturi protettivi, ir-reżiljenza permezz tal-edukazzjoni 19 u l-integrazzjoni soċjali, b’mod partikolari l-minorenni vulnerabbli, l-appoġġ għall-familji u l-komunitajiet, l-involviment online sikur u l-kooperazzjoni fis-setturi kollha, u se tibni wkoll fuq il-ħidma tan-networks eżistenti taċ-Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri u fil-pajjiżi kandidati.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-isfidi tas-saħħa mentali jistgħu jagħmlu lill-minorenni aktar vulnerabbli għal narrattivi, vjolenza u reklutaġġ estremisti. Għalhekk, se tippromwovi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-atturi tal-prevenzjoni u s-servizzi tas-saħħa mentali f’approċċ integrat għall-protezzjoni tat-tfal 20 . B’dan il-mod, l-Istati Membri huma mħeġġa jintegraw l-għarfien espert u l-appoġġ psikosoċjali fl-oqfsa ta’ prevenzjoni tagħhom.

2.2.2.    Nibnu soċjetajiet reżiljenti

Biex issaħħaħ ir-reżiljenza tal-komunitajiet, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-Programm ta’ Involviment u Għoti tas-Setgħa tal-Komunità (CEEP, Community Engagement and Empowerment Programme) li jalloka EUR 5 miljun biex is-soċjetà ċivili u l-prattikanti jiġu mgħammra b’ħiliet diġitali għal interventi online effettivi u biex jiġu amplifikati l-ilħna taż-żgħażagħ involuti fil-prevenzjoni.

Il-protezzjoni tal-komunitajiet reliġjużi kollha mill-mibegħda, mid-diskriminazzjoni u mill-vjolenza tibqa’ impenn ewlieni Ewropew. Il-Kummissjoni se taċċellera l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-trawwim tal-Ħajja Lhudija 21  u tibni network biex tiġġieled id-diskors ta’ mibegħda antisemitika online. F’konformità ma’ din l-Istrateġija, is-SIAC se tkompli tinkludi analiżi tat-theddid speċifiku għall-persuni, il-komunitajiet u l-postijiet ta’ qima Lhud fil-valutazzjonijiet tat-theddid regolari tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa jsegwu r-rakkomandazzjonijiet mill-Kollaborazzjoni Bbażata fuq Proġetti dwar l-Antisemitiżmu fil-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Estremiżmu Vjolenti 22 .

Biex issaħħaħ ir-rispons tad-dritt kriminali fil-livell tal-UE għall-forom kollha ta’ mibegħda, inkluż iż-żieda fil-mibegħda anti-Musulmana, il-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra inizjattiva leġiżlattiva biex tarmonizza d-definizzjoni ta’ reati ta’ mibegħda mwettqa online 23 . Il-Kummissjoni se tikkoopera mal-Europol biex ittejjeb l-identifikazzjoni assistita mill-IA ta’ kontenut estremist, indikaturi ta’ theddid kondiviż u kooperazzjoni aktar rapida bejn il-pjattaformi, l-infurzar tal-liġi u r-riċerkaturi biex tidentifika l-propaganda ġġenerata mill-IA u l-kampanji ta’ radikalizzazzjoni kkoordinati.

2.2.3. Indirizzar tar-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, fost dawk li jitilqu mill-ħabs u l-ġestjoni tar-ritorn ta’ Ġellieda Terroristi Barranin u tal-membri tal-familja tagħhom

Fid-dawl tal-ħelsien possibbli ta’ priġunieri li jkunu servew is-sentenza tagħhom iżda li jistgħu jiġu radikalizzati, 24 huwa meħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aktar b’saħħitha u miżuri ta’ riintegrazzjoni mfassla apposta. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-ħabs, tal-probation u tal-infurzar tal-liġi u jimplimentaw programmi ta’ diżimpenn u riintegrazzjoni bbażati fuq l-evidenza.

Iċ-Ċentru ta’ Għarfien se jappoġġa dawn l-isforzi billi jiżviluppa għodod biex jivvaluta u jimmaniġġja r-riskji fil-fażi ta’qabel il-ħelsien, filwaqt li l-Kummissjoni se tipprovdi gwida biex tappoġġa l-approċċi nazzjonali għal dawk li jitilqu mill-ħabs li jiġu radikalizzati.

Sabiex jiġu ġestiti l-isfidi kumplessi marbuta mar-ritorn ta’ ġellieda terroristi barranin u l-familji tagħhom, l-Istati Membri huma mħeġġa jkomplu jipprevjenu t-tluq lejn żoni ta’ kunflitt u jsegwu prosekuzzjoni effettiva ta’ ġellieda terroristi barranin li jirritornaw. Iċ-Ċentru ta’ Għarfien se jappoġġa lill-Istati Membri b’għodod biex jivvalutaw ir-riskji u jimmaniġġjaw lill-ġellieda li jirritornaw b’mod sikur u taħriġ dwar ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni, b’fokus fuq il-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interess tagħhom.

2.2.4. Appoġġ lill-vittmi tat-terroriżmu

Il-vittmi tat-terroriżmu jiffaċċjaw konsegwenzi fit-tul u jeħtieġu appoġġ speċjalizzat. Il-koleġiżlaturi reċentement laħqu ftehim dwar ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 25 li se ssaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi tat-terroriżmu, ikkomplementata minn Strateġija ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ukoll il-viżibbiltà tal-Jum Ewropew b’Tifkira tal-Vittmi tat-Terroriżmu u se tappoġġa lill-assoċjazzjonijiet tal-vittmi billi tippromwovi r-rwol attiv tagħhom fil-programmi ta’ prevenzjoni.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni maċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE, se:

·Tiżviluppa Sett ta’ Għodod ta’ Prevenzjoni għall-Minorenni, inkluża Gwida għall-Ġenituri għall-Protezzjoni tal-Imħuħ Żgħażagħ mir-Radikalizzazzjoni fl-ambjent online u mudelli prattiċi għal hotlines u ċentri telefoniċi għal rapportar u azzjoni dwar sinjali ta’ radikalizzazzjoni

·Tiżviluppa proċeduri standardizzati u metodoloġija komuni ta’ evalwazzjoni tar-riskju għall-priġunieri radikalizzati fil-fażi ta’ qabel il-ħelsien

Il-Kummissjoni se:

·Tniedi l-Programm ta’ Involviment u Għoti tas-Setgħa tal-Komunità flimkien ma’ din l-Aġenda

·Tiżviluppa rakkomandazzjonijiet dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni tal-minorenni u dawk li jitilqu mill-ħabs

·Tippreżenta Strateġija ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Vittmi

·Tikkoopera mal-Europol biex ittejjeb id-detezzjoni assistita bl-IA tal-kontenut ta’ kampanja estremista u ta’ radikalizzazzjoni

L-Istati Membri huma mħeġġa biex:

·Jintegraw il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni fl-edukazzjoni u fl-isport, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet, l-għodod u l-prattiki tajbin żviluppati fil-livell tal-UE

·Isaħħu kampanji strateġiċi ta’ komunikazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, billi jużaw l-appoġġ ipprovdut miċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE

·Isaħħu l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u jimplimentaw programmi ta’ diżimpenn u riintegrazzjoni għal dawk li jitilqu mill-ħabs

·Jipprevjenu t-tluq lejn żoni ta’ kunflitt u l-prosekuzzjoni ta’ ġellieda terroristiċi barranin li jirritornaw

2.3 Protezzjoni tan-nies online

Matul l-aħħar snin, l-UE bniet wieħed mill-aktar oqfsa regolatorji avvanzati fid-dinja biex tiġġieled l-attività terroristika online, ikkomplementat mill-kooperazzjoni volontarja tal-Istati Membri, tal-pjattaformi online u tal-Europol.

Madankollu, it-theddida tkompli tevolvi. In-networks estremisti jadattaw malajr, jisfruttaw teknoloġiji emerġenti u jaqilbu minn pjattaformi miftuħa għall-isfruttament ta’ chats magħluqa u servizzi kriptati. Dan jista’ joħloq sfidi serji għad-detezzjoni u l-prevenzjoni ta’ pjanijiet terroristiċi, għall-immappjar ta’ networks terroristiċi u ta’ dawk li jappoġġawhom u għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-attivitajiet terroristiċi. Barra minn hekk, il-materjali terroristiċi jinfirxu aktar faċilment, u jirrikjedu għodod ta’ detezzjoni aktar intelliġenti biex jiżguraw li l-kontenut terroristiku identifikat ma jerġax jitfaċċa xi mkien ieħor. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-infurzar tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA, Digital Services Act) u se tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online (TCO, Terroristic Content Online), tagħlaq il-lakuni li fadal u tiżgura risponsi aktar rapidi u kkoordinati biex l-ispazju online jinżamm sikur u reżiljenti kontra l-użu ħażin, filwaqt li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali. Kif tħabbar fl-Istrateġija għas-Sigurtà Interna ProtectEU, il-Kummissjoni se tressaq ukoll Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Kriminalità, li se jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ għall-kriminalità kemm online kif ukoll offline.

2.3.1. Użu sħiħ tal-oqfsa regolatorji għall-indirizzar tal-kontenut terroristiku u estremist online

Ir-Regolament dwar il-Kontenut Terroristiku Online (TCO) kien strumentali fil-ġlieda kontra t-tixrid ta’ materjal terroristiku, li jippermetti t-tneħħija rapida tal-kontenut terroristiku. L-importanza tiegħu ntweriet wara l-attakki tal-Ħamas tas-7 ta’ Ottubru 2023 kontra Iżrael, meta nħarġu diversi mijiet ta’ ordnijiet ta’ tneħħija fir-rigward ta’ kontenut terroristiku 26 .

Sa Diċembru 2025, l-awtoritajiet tal-Istati Membri kienu diġà bagħtu 2 032 ordni ta’ tneħħija u aktar minn 97 900 talba għal tneħħija volontarja 27 . Biex tkompli tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Europol se tiżviluppa bażi tad-data Ewropea b’kondiviżjoni ta’ hashes (bażi tad-data tal-impronti diġitali (“hashes”)) għal kontenut terroristiku u estremist vjolenti. Dan se jippermetti lill-Istati Membri u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jimmarkaw, iqabblu u jneħħu l-kontenut bejn il-pjattaformi b’mod sikur, inkluż il-kontenut imneħħi skont ir-Regolament TCO.

Il-Kummissjoni se tikkonkludi l-evalwazzjoni tar-Regolament TCO sa tmiem l-2026. Abbażi tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni se tesplora tisħiħ ulterjuri tar-Regolament TCO biex dan jinżamm adegwat għall-użu u se tissimplifikah fejn possibbli, filwaqt li tippreżerva s-salvagwardji biex tipproteġi d-drittijiet fundamentali b’mod effettiv. B’mod parallel, il-Kummissjoni se tiżgura l-infurzar rigoruż ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra li tissalvagwardja l-ispazju diġitali, bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

Ir-Regolament TCO u d-DSA jiffurmaw arkitettura msaħħa u ta’ appoġġ reċiproku 28 biex jiġu miġġielda l-attività terroristika u l-estremiżmu vjolenti online. Filwaqt li d-DSA jistabbilixxi qafas orizzontali ta’ obbligi ta’ diliġenza dovuta għall-intermedjarji online biex jindirizzaw il-kontenut illegali online u l-amplifikazzjoni algoritmiku tiegħu kif ukoll itaffu r-riskji sistemiċi assoċjati mas-servizzi tagħhom, ir-Regolament TCO jistabbilixxi rekwiżiti speċifiċi għas-settur għall-kontenut terroristiku u għodod operazzjonali rapidi għat-tneħħija. Il-pjattaformi online kbar ħafna u l-magni tat-tiftix diġà rrikonoxxew it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti online bħala riskji sistemiċi 29 . Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib il-miżuri ta’ mitigazzjoni implimentati u se tinforza d-DSA fejn ikun meħtieġ.

Barra minn hekk, il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali għandu rwol ewlieni biex jiżgura l-infurzar effettiv u konsistenti tad-DSA fl-Istati Membri, inklużi l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi li jindirizzaw il-kontenut estremist illegali u vjolenti. L-Att dwar l-IA 30  jarmonizza r-regoli għall-IA, inkluż għal għodod tal-IA b’riskju għoli. Il-Kummissjoni se tadotta linji gwida biex tappoġġa l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura fit-titjib tal-kapaċità tagħhom ta’ detezzjoni u prevenzjoni tat-theddid b’sistemi tal-IA affidabbli ċċertifikati għal użi b’riskju għoli, filwaqt li tirrispetta d-drittijiet fundamentali. L-Istrateġija tal-IA applikata se tkompli tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA għall-finijiet tas-sigurtà interna. Minn Awwissu 2026, se jiġu applikati l-projbizzjonijiet tal-Att dwar l-IA, li jipprojbixxu mis-suq tal-UE s-sistemi tal-IA u ċ-chatbots li jimmanipulaw lill-utenti, inkluż fejn din il-manipulazzjoni twassal għar-radikalizzazzjoni fit-twettiq ta’ reati terroristiċi jew ħsarat sinifikanti oħrajn. Barra minn hekk, jekk il-mudelli kbar tal-IA ġenerattiva jamplifikaw il-manipulazzjoni dannuża li twassal għar-radikalizzazzjoni tal-utenti, il-fornituri se jkollhom jivvalutaw u jimmitigaw dawn ir-riskji, u l-Uffiċċju Ewropew għall-IA se jinvolvi ruħu magħhom biex jindirizza kwistjonijiet bħal dawn.

2.3.2.    Ħidma mal-industrija

Il-kooperazzjoni volontarja mal-fornituri tas-servizzi online hija indispensabbli fir-reazzjoni għax-xejriet emerġenti u għax-xenarju ta’ theddid online li qiegħed jevolvi. Għal dan il-għan, il-Forum tal-UE dwar l-Internet huwa l-perkors ewlieni tal-Kummissjoni, u se jkompli jissaħħaħ aktar. Dan il-Forum huwa eżempju prim ta’ kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat li tgħaqqad flimkien lill-ministeri, l-awtoritajet tal-infurzar tal-liġi, lis-soċjetà ċivili u lill-fornituri ta’ servizzi online tal-Istati Membri, inklużi l-pjattaformi tal-media soċjali. Dan jippermetti skambju dwar il-prijoritajiet u jappoġġa risponsi kkoordinati u komprensivi fir-rigward tal-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-limitar tal-firxa ta’ kontenut ta’ terroriżmu u ta’ vjolenza estremista.

Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tal-infurzar tal-liġi u kumpaniji rilevanti, biex issaħħaħ l-isforzi kontra t-tixrid ta’ kontenut estremist terroristiku u vjolenti, kif ukoll ir-radikalizzazzjoni online, taħt id-DSA. Dan jista’ jinkludi, fejn meħtieġ, azzjonijiet speċifiċi li jappoġġaw lill-fornituri tas-servizzi online fil-konformità mad-DSA u fl-infurzar tiegħu. Azzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu l-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni effettivi biex jiġu indirizzati r-riskji sistemiċi, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ linji gwida volontarji u kodiċi ta’ kondotta jew oqfsa ta’ kooperazzjoni volontarja. Dawn jistgħu jinvolvu wkoll il-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali biex jappoġġaw azzjoni koordinata fil-livell nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ servizzi li ma jikkwalifikawx bħala pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix. Dawn jistgħu jiffukaw ukoll fuq it-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar ix-xejriet u r-riskji emerġenti assoċjati mas-servizzi pprovduti mill-intermedjarji online.

It-teoriji ta’ komplott, in-narrattivi estremisti u l-kontenut estremament vjolenti u ambigwu jintensifikaw ir-radikalizzazzjoni u l-polarizzazzjoni. Fil-qafas tal-Forum tal-UE dwar l-Internet, l-Europol se tiffaċilita l-kooperazzjoni mal-fornituri tas-servizzi online biex ittejjeb il-ġestjoni ta’ dan il-kontenut meta jkun inkorporat f’narrattivi li jinċitaw it-terroriżmu jew jirreklutaw għalih 31 , filwaqt li tħares id-drittijiet fundamentali.

It-terroristi u l-atturi estremisti qegħdin jisfruttaw dejjem aktar il-logħob online biex ixerrdu l-propaganda, joħolqu desensitazzjoni għall-vjolenza u jirreklutaw is-segwaċi, inklużi minorenni. Sabiex jiġi miġġieled dan, il-Forum tal-UE dwar l-Internet se jrawwem kooperazzjoni bejn is-settur tal-logħob u l-infurzar tal-liġi ffukat fuq is-salvagwardja tal-minorenni u se jesplora l-iżvilupp ta’ gwida għall-prevenzjoni tar-reklutaġġ f’dawn l-ispazji. Il-Europol se tiżviluppa kapaċità ddedikata għall-monitoraġġ u l-analiżi ta’ dan l-użu ħażin. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tindirizza l-aspetti tas-sigurtà tal-logħob online bħala parti mill-istrateġija ġenerali tagħha dwar il-logħob vidjo, li għandha tinħareġ fl-2026.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se timmonitorja li l-fornituri tas-servizzi online jwettqu l-impenji tagħhom skont il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online.

2.3.3.    Jiġi żgurat rispons għall-kriżijiet effettiv u kkoordinat online

Il-Protokoll tal-UE dwar il-Kriżijiet jipprovdi qafas volontarju għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-fornituri tas-servizzi online wara attakk terroristiku b’impatti kbar online. Dan se jiġi rivedut f’Qafas ta’ Rispons għall-Kriżijiet Online tal-UE u se jippermetti lill-Istati Membri jużawh fejn inċident iwassal għal attività online akbar relatata ma’ attakk, u jankrawh fid-DSA biex b’hekk jiżguraw rispons koordinat li jiggwida d-dispożizzjonijiet ta’ kriżi tad-DSA. L-Europol se tiffaċilita r-rispons operazzjonali għall-kriżijiet bi pjattaforma teknika li tippermetti koordinazzjoni rapida. Il-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll gwida għall-infurzar tal-liġi u għall-fornituri tas-servizzi online dwar it-trattament tal-filmati tax-xhieda ta’ attakki terroristiċi, biex tiġi mħarsa d-dinjità tal-vittmi.

Il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali qiegħed jaħdem fuq parir prattiku biex jappoġġa lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fil-monitoraġġ tal-konformità mal-obbligi rilevanti. Dawn l-obbligi jirrikjedu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting iwissu minnufih lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji. Dan japplika meta l-fornituri jsiru konxji ta’ informazzjoni li twassal għal suspett li jkun qiegħed iseħħ, li diġà seħħ jew li x’aktarx se jseħħ reat kriminali li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta’ persuna. Dawn ir-reati jistgħu jinkludu wkoll forom ta’ terroriżmu u estremiżmu vjolenti illegali.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

·Tesplora r-reviżjoni tar-Regolament TCO, abbażi tal-evalwazzjoni tiegħu

·Tkompli timmonitorja u żżid l-infurzar tal-obbligi ta’ pjattaformi online kbar ħafna u ta’ magni tat-tiftix skont id-DSA biex ittaffi r-riskji sistemiċi relatati mat-tixrid ta’ kontenut estremist terroristiku u vjolenti

·Tiffaċilita kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali u l-awtoritajiet u l-kumpaniji tal-infurzar tal-liġi u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti online

·Tiżviluppa fluss tax-xogħol ġdid fil-Forum tal-UE dwar l-Internet biex jissaħħu l-mekkaniżmi ta’ appoġġ għall-utenti tal-fornituri tas-servizzi online u l-interventi pożittivi biex tiġi pprevenuta r-radikalizzazzjoni online

·Tintegra l-Qafas Online tal-UE ta’ Rispons għall-Kriżijiet taħt id-DSA

·Tiżviluppa gwida dwar it-trattament tal-filmati tax-xhieda ta’ attakki terroristiċi

Il-Europol se:

·Tiżviluppa bażi tad-data Ewropea b’kondiviżjoni ta’ hashes għal kontenut terroristiku u estremist

·Tiffaċilita kooperazzjoni fil-livell tal-UE mal-fornituri tas-servizzi online biex ittejjeb it-trattament ta’ forom ta’ kontenut illegali marbuta mat-terroriżmu u kontenut ieħor ta’ ħsara

·Timmonitorja l-użu ħażin estremist tal-pjattaformi tal-logħob u tipprovdi valutazzjonijiet regolari

·Tistabbilixxi pjattaforma ta’ rispons għall-kriżijiet

L-Istati Membri huma mħeġġa biex:

·Jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-Regolament TCO u tad-DSA

Il-fornituri tas-servizzi online huma mħeġġa:

·Jirrieżaminaw u jaġġornaw b’mod regolari t-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom biex jirriflettu t-theddid li qiegħed jevolvi

·Isaħħu l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tagħhom biex jidentifikaw u jneħħu l-kontenut terroristiku malajr

·Iżidu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u mal-Europol biex jiġu żgurati skambji f’waqthom u risponsi kkoordinati

2.4 Protezzjoni tan-nies fl-ambjent fiżiku

F’dawn l-aħħar snin rajna progress sinifikanti madwar l-UE biex jiġu protetti n-nies, l-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura kritika mill-attakki terroristiċi. L-UE tipprovdi appoġġ prattiku permezz tal-Konsulenti tal-UE dwar is-Sigurtà Protettiva tagħha, li jistgħu jagħtu pariri dwar il-vulnerabbiltajiet u jipprovdu rakkomandazzjonijiet speċifiċi għat-titjib. B’mod parallel, il-programm tal-UE kontra d-droni 32 qiegħed jibni kapaċitajiet ta’ infurzar tal-liġi biex jindirizza t-theddida kkawżata minn droni li ma jikkooperawx. L-adozzjoni tad-Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi 33 fl-2022 kienet pass ewlieni, li biddlet l-approċċ tal-UE minn wieħed ta’ “protezzjoni” għal wieħed ta’ “reżiljenza”.

Madankollu, it-terroristi komplew jespandu l-mezzi tagħhom biex iwettqu attakki: minn teknoloġiji ġodda, bħad-droni u l-armi stampati bit-3D, għal metodi mhux sofistikati b’kost baxx, bħal armi bil-ponta u attakki bil-vetturi. L-aċċess għall-mezzi biex jitwettqu l-attakki jeħtieġ li jkun ristrett aktar u l-għodod għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura kritika għandhom jiġu estiżi. B’mod parallel, biex jiġi indirizzat l-ivvjaġġar għall-iskop ta’ terroriżmu u r-ritorn potenzjali ta’ ġellieda terroristi barranin, jeħtieġ li naġġornaw il-miżuri eżistenti tal-UE biex nipproteġu l-fruntieri esterni u nimpedixxu l-ivvjaġġar għall-iskop ta’ terroriżmu.

2.4.1. Nimpedixxu l-ivvjaġġar għall-iskop ta’ terroriżmu

Il-protezzjoni b’saħħitha tal-fruntieri esterni hija l-ewwel linja ta’ difiża tal-UE kontra l-ivvjaġġar għall-iskop ta’ terroriżmu. Ladarba jkunu kompletament operazzjonali, is-sistemi ta’ informazzjoni l-ġodda tal-UE fuq skala kbira, b’mod partikolari s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES, Entry/Exit System), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS, European Travel Information and Authorisation System), is-Sistema riveduta ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS, Visa Information Sistem) u l-qafas ta’ interoperabbiltà se jipprovdu lill-Istati Membri b’informazzjoni essenzjali dwar individwi minn pajjiżi terzi li jidħlu fl-UE. Dawn is-sistemi se jappoġġaw ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali biex iwaqqfu lill-individwi li joħolqu riskji għas-sigurtà, inklużi persuni ssuspettati li huma terroristi.

L-identifikazzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin u ta’ persuni ssuspettati li huma terroristi fil-fruntieri tirrikjedi wkoll aċċess f’waqtu għad-data. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, flimkien mal-Europol, se ssaħħaħ il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fdati biex tikseb data bijografika u bijometrika dwar individwi li jistgħu jkunu ta’ theddida terroristika, biex din tiddaħħal fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS, Schengen Information System) f’konformità sħiħa mal-oqfsa legali applikabbli tal-UE u dawk nazzjonali. Biex jissaħħaħ dan il-fluss ta’ informazzjoni, l-“allert ta’ informazzjoni” tas-SIS 34 hu ppjanata li tidħol fis-seħħ fl-2026. Fuq proposta tal-Europol u abbażi ta’ informazzjoni minn pajjiżi terzi, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jdaħħlu allerti rilevanti fis-SIS, u jiżguraw li l-informazzjoni dwar it-terroristi u l-persuni suspettati tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-infurzar tal-liġi 35 .  

Wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill reċenti dwar il-prijoritajiet futuri għat-tisħiħ tal-isforzi konġunti kontra t-terroriżmu 36 , fil-kuntest tal-evalwazzjoni ġenerali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, il-Kummissjoni se tipproponi triq ’il quddiem dwar “proċedura post-hit” biex tkompli tikkondividi l-hits dwar allerti relatati mat-terroriżmu mal-Istati Membri voluntiera. Se tivvaluta wkoll l-applikazzjoni ta’ allerti ta’ rifjut ta’ dħul 37  u taġġorna l-Manwal tas-SIS kif meħtieġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex tavvanza l-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar individwi li potenzjalment joħolqu theddida terroristika jew estremista vjolenti (“Gefährder”) 38 .

Kif imħabbar fl-Istrateġija għas-Sigurtà Interna ProtectEU, il-Kummissjoni se tivvaluta miżuri biex ittejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u tal-ġestjoni tal-fruntieri ma’ pajjiżi terzi fdati. Għall-finijiet ta’ sigurtà u ta’ ġestjoni tal-fruntieri, dan jista’ jiġi implimentat permezz ta’ soluzzjoni teknika li tippermetti skambju kkontrollat u limitat ta’ subsett ta’ data magħżul mill-bażijiet tad-data tal-UE, abbażi ta’ ftehim internazzjonali u b’mod reċiproku. Għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi, dan jista’ jiġi implimentat billi jiġi estiż il-qafas awtomatizzat tal-UE għall-iskambju ta’ informazzjoni tal-pulizija (Prüm) u s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) għal pajjiżi terzi fdati, jissaħħu l-investigazzjonijiet transfruntieri filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali, il-protezzjoni tad-data tal-UE u l-istandards tas-sigurtà.

Il-proċess ta’ skrinjar il-ġdid 39 , li se jidħol fis-seħħ f’Ġunju 2026, se jiffaċilita l-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qasmu l-fruntieri esterni b’mod illegali jew li jkunu qegħdin jgħixu illegalment fit-territorju tal-Istati Membri mingħajr ma jkunu għaddew minn kontrolli tad-dħul. Se jkollhom isiru kontrolli sistematiċi biex jiġi vvalutat jekk dawn joħolqux riskju għas-sigurtà. Għal individwi li jippreżentaw theddida terroristika, jistgħu jitnedew proċeduri tad-dritt kriminali u tal-estradizzjoni. Il-Kummissjoni se tippromwovi r-ritorn effiċjenti ta’ individwi li jippreżentaw riskju għas-sigurtà, billi tiffaċilita l-adozzjoni rapida ta’ regoli aktar sodi fil-proposta tar-Regolament dwar ir-Ritorn 40 u permezz tal-ħidma tal-Koordinatur tar-Ritorn u tan-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorni. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-awtoritajiet tal-migrazzjoni u tal-ażil.

Barra minn hekk l-informazzjoni bil-quddiem dwar l-ivvjaġġar (bħal Informazzjoni bil-Quddiem dwar il-Passiġġieri (API, Advanced Passenger Information) u data dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR, Passenger Name Record)) hija indispensabbli għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex jippjanaw u jużaw b’mod effettiv l-isforzi kontra t-terroriżmu kemm fil-fruntieri esterni kif ukoll fit-territorju tal-UE. Il-qafas kurrenti tal-UE huwa limitat għat-trasport kummerċjali bl-ajru, li jirriżulta f’lakuni legali u operazzjonali li t-terroristi jistgħu jisfruttaw biex jiċċaqilqu madwar l-UE. Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-industrija tat-trasport, qiegħda tesplora opzjonijiet biex tespandi l-qafas kurrenti għal modi oħra ta’ trasport bħat-trasport marittimu u fuq l-art, u għal titjiriet privati, u biex issaħħaħ id-Direttiva PNR, soġġetti għall-evalwazzjoni tagħha 41 .

2.4.2. Restrizzjoni tal-aċċess għall-mezzi użati biex jitwettqu l-attakki

Huwa essenzjali li jiġi ristrett aktar l-aċċess għall-mezzi użati biex jitwettqu l-attakki. Is-sekwestri reċenti, inkluż ta’ armi tan-nar stampati bit-3D, juru d-disponibbiltà persistenti ta’ armi, b’mod partikolari fost it-terroristi tal-lemin u l-estremisti vjolenti 42 . Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tarmonizza l-kriminalizzazzjoni tat-traffikar tal-armi tan-nar u ta’ reati oħra relatati mal-armi tan-nar fil-bidu tal-2026, inkluż il-ħolqien, il-pussess u t-tixrid illeċiti tal-pjanijiet għall-manifattura tal-armi tan-nar stampati bit-3D.

It-terroristi u l-estremisti vjolenti jkomplu juru wkoll interess fl-isplussivi artiġjanali, kif muri fil-manwali u fil-materjal ta’ struzzjoni li jiċċirkolaw online. Biex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni qiegħda tirrieżamina r-Regolament tal-UE dwar il-prekursuri tal-isplussivi 43 . L-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Pirotekniċi 44 li ġiet konkluża dan l-aħħar identifikat nuqqasijiet fis-sigurtà pubblika, b’mod partikolari l-aċċessibbiltà wiesgħa tal-logħob tan-nar professjonali b’riskju għoli għall-utenti mhux awtorizzati. Il-Kummissjoni qiegħda tivvaluta l-opzjonijiet, inkluż rieżami potenzjali tad-Direttiva.

Ir-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN, Chemical, Biological, Radiological and Nuclear) fil-kuntest tat-terroriżmu huma ta’ probabbiltà baxxa, iżda huma avvenimenti b’impatt għoli li għalihom hija kruċjali l-preparatezza madwar l-UE kollha. Il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar il-Preparatezza u r-Rispons għas-CBRN fl-2026. Fost l-oħrajn, dan se jipproponi programm aktar robust fil-livell tal-UE għat-taħriġ u l-eżerċizzji, u se jesplora l-possibbiltajiet biex jiġi indirizzat l-użu ħażin ta’ teknoloġiji ġodda bħas-sinteżi tal-aċidi nukleiċi u l-bijoteknoloġija attivata bl-IA. B’mod parallel, l-Istrateġijagħall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE u l-Istrateġija tal-UE għall-Kontromiżuri Mediċi se jrawmu l-preparatezza għas-saħħa biex jittaffa l-impatt tar-riskji CBRN.  

2.4.3. Nindirizzaw it-theddida kkawżata mid-droni

L-UE jeħtieġ ukoll li tkun ippreparata tindirizza theddid li jirriżulta mill-użu ta’ teknoloġiji ġodda u emerġenti, bħall-użu malizzjuż ta’ droni minn atturi terroristiċi. Id-droni, kemm jekk fl-ajru, fil-wiċċ marittimu, taħt l-ilma jew fuq l-art, jippreżentaw sfidi sinifikanti għall-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u tal-ispazji pubbliċi. Filwaqt li tibni fuq il- Komunikazzjoni dwar il-ġlieda kontra theddid potenzjali mid-droni 45 tal-2023 kif ukoll l-Istrateġija 2.0 tad-Droni 46 , il-Kummissjoni dan l-aħħar ressqet Pjan ta’ Azzjoni dwar id-Droni u dwar is-Sigurtà kontra d-Droni transsettorjali u komprensiv. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid se jkompli jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi, tal-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta biex jiġu miġġielda t-theddidiet li jirriżultaw mid-droni b’taħriġ speċjalizzat kontra d-droni, l-iżvilupp possibbli ta’ pjattaforma ta’ inċidenti tad-droni kif ukoll il-kondiviżjoni ta’ riżorsi.

2.4.4. Nipproteġu l-ispazji pubbliċi

L-ispazji pubbliċi jibqgħu miri ewlenin għall-attakki terroristiċi. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi adottat prinċipju ta’ sigurtà sa mit-tfassil fl-ippjanar taż-żoni urbani, tal-ispazji pubbliċi u tal-postijiet ta’ qima fl-Ewropa. 47 Is-sigurtà sa mit-tfassil għandha tkun responsabbiltà kondiviża mibnija fuq kooperazzjoni pubblika-privata b’saħħitha. Għalhekk, il-Kummissjoni se tivvaluta u teżamina opzjonijiet biex tintroduċi “impenn ta’ protezzjoni” minn operaturi ta’ spazji pubbliċi (eż. postijiet sportivi, swali tal-mużika, postijiet ta’ qima) biex jiġu implimentati miżuri ta’ sigurtà bbażati fuq ir-riskju kontra theddid terroristiku potenzjali f’postijiet pubbliċi.

B’mod parallel, il-Kummissjoni qiegħda tinvesti EUR 30 miljun fi proġetti li għandhom l-għan tat-titjib tas-sigurtà ġenerali tal-ispazji pubbliċi b’fokus fuq postijiet ta’ qima tat-twemmin kollu, it-theddid CBRN, it-traffikar tal-armi tan-nar, il-klieb għad-detezzjoni tal-isplussivi u d-droni li ma jikkooperawx. EUR 5 miljun minnhom huma allokati għall-protezzjoni ta’ postijiet ta’ qima Lhud, bi proġetti skedati li jwasslu r-riżultati sal-2027. 48 Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa l-protezzjoni tal-postijiet ta’ qima bħala parti mill-proposta li tittripplika l-finanzjament għall-politiki tal-Affarijiet Interni taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss. 49

Biex tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni pubblika-privata, il-Kummissjoni se taġġorna l-Forum tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi 50 biex toħloq korp konsultattiv li jappoġġa t-tfassil tal-politika. Flimkien mal-Forum, il-Kummissjoni se taġġorna l-Linji Gwida tal-UE dwar is-sħubijiet pubbliċi-privati biex tipproteġi l-ispazji pubbliċi u l-aħjar prattiki nazzjonali tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispazju pubbliku, b’fokus partikolari fuq il-protezzjoni tal-postijiet ta’ qima, u tibni fuq ir-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE f’dan il-qasam.

Il-Programm Konsultattiv tas-Sigurtà Protettiva kien strumentali fil-bini ta’ kapaċitajiet biex jitwettqu valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-ispazji pubbliċi u tal-infrastrutturi kritiċi, b’aktar minn 50 missjoni konsultattiva mwettqa mill-2022. Biex tissodisfa d-domanda dejjem tikber mill-Istati Membri, il-Kummissjoni se tivvaluta l-programm fl-2026 u għandha l-għan li ssaħħu kemm finanzjarjament kif ukoll operazzjonalment taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid.

Wara r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għar-raġġi X u d-detezzjoni tal-metall 51 , il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tiżviluppa aktar rekwiżiti ta’ prestazzjoni volontarji għat-tagħmir ta’ detezzjoni barra mill-avjazzjoni u se tniedi skemi volontarji ta’ verifika u ċertifikazzjoni għad-detezzjoni tas-sustanzi kimiċi, l-isplussivi u l-armi tan-nar, kif ukoll klieb għad-detezzjoni tal-isplussivi.

2.4.5. Reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, sigurtà tat-trasport u tal-katina tal-provvista

Filwaqt li l-Istati Membri rrapportaw biss erba’ attakki kklassifikati bħala “terroristiċi” kontra l-infrastruttura kritika fl-2024 52 , hemm tħassib dejjem akbar dwar inċidenti marbuta ma’ kampanji ibridi u atti potenzjali ta’ sabotaġġ minn atturi statali ostili u l-forzi li jaħdmu għalihom. Biex tiżdied ir-reżiljenza, l-Istati Membri kollha għandhom jittrasponu u jimplimentaw b’mod urġenti d-Direttiva dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi (CER, Critical Entities Resilience) u d-Direttiva NIS2. 53 F’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se jiġu organizzati eżerċizzji fil-livell tal-UE biex tiġi ttestjata r-reżiljenza fiżika u ċibernetika tal-infrastruttura kritika f’inċidenti transfruntieri sinifikanti. Biex tappoġġa l-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva CER u ssaħħaħ ir-reżiljenza transfruntiera u transsettorjali tal-infrastruttura kritika kontra t-theddid magħmul mill-bniedem, il-Kummissjoni se tagħmel EUR 15-il miljun disponibbli għall-proġetti u tadotta linji gwida biex tappoġġa lill-entitajiet kritiċi identifikati mill-Istati Membri fil-miżuri tat-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li jittejbu aktar il-protezzjoni u r-reżiljenza ta’ entitajiet kritiċi fil-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Kompetittività skont il-QFP li jmiss.

It-trasport jibqa’ mira bi profil għoli, u huwa mistenni li t-theddida se tkompli tevolvi b’modi operandi differenti biex jitwettqu attakki. Abbażi tal-immappjar komprensiv tar-riskji għas-sigurtà tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni se tiżviluppa linja bażi ġdida tal-UE għas-sigurtà tal-avjazzjoni li tibqa’ valida għall-futur, fost l-oħrajn billi ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (AVSEC, Aviation Security) 54 biex tippermetti rispons immedjat filwaqt li żżomm iż-żona ta’ sigurtà ta’ punt uniku ġewwa l-UE. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tistabbilixxi sistema ta’ rapportar tal-okkorrenzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar okkorrenzi u inċidenti tas-sigurtà, li tibni fuq il-mekkaniżmi eżistenti, u biex tiżviluppa mekkaniżmu ta’ allerti tal-UE dwar it-theddid minn diversi aġenziji biex tirrispondi għal kriżijiet emerġenti potenzjali fil-ktajjen tat-trasport u tal-provvista.

Bħala riżultat ta’ inċidenti tal-merkanzija bl-ajru, ir-regoli tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tal-UE ġew immodifikati 55 biex isaħħu r-reżiljenza u l-protezzjoni tal-katina tal-provvista tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru. Biex jittaffew l-attakki u s-sabotaġġ immirati lejn il-ferroviji, il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-UE għall-Ferroviji (ERA, EU Agency for Railways) se jsaħħu r-robustezza tas-sistema ta’ ġestjoni tat-traffiku ferrovjarju biex jiġu żgurati operazzjonijiet kontinwi f’każ ta’ fallimenti fis-sistema kollha.

Skont l-Istrateġija Portwarja tal-UE, il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà marittima biex tindirizza b’mod effettiv it-theddid emerġenti, issaħħaħ is-sigurtà tal-katina tal-provvista tal-UE u tivvaluta l-introduzzjoni ta’ verifiki tal-preċedenti personali għall-ħaddiema tal-port. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk doganali, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-pajjiżi terzi u mas-settur privat biex ittaffi t-theddid CBRN fil-ktajjen tal-provvista marittimi.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

·Tipproponi triq ’il quddiem dwar “proċedura post-hit” fl-evalwazzjoni SIS

·Tappoġġa d-dħul fis-seħħ ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-SIS

·Tesplora opzjonijiet biex issaħħaħ u tespandi l-qafas tal-UE dwar l-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar (API/PNR)

·Tippreżenta proposta leġiżlattiva biex tarmonizza l-kriminalizzazzjoni ta’ reati relatati mal-armi tan-nar

·Tirrieżamina r-Regolament dwar il-prekursuri tal-isplussivi

·Tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar il-Preparatezza u r-Rispons għas-CBRN 

·Timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-droni u dwar is-sigurtà kontra d-droni

·Tivvaluta u teżamina opzjonijiet biex tintroduċi “impenn ta’ protezzjoni” għall-operaturi tal-ispazji pubbliċi

·Taġġorna l-Programm Konsultattiv dwar is-Sigurtà Protettiva taħt il-QFP il-ġdid

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Europol, se:

·Issaħħaħ il-kooperazzjoni tagħha ma’ pajjiżi terzi fdati biex tinkiseb data ta’ kwalità suffiċjenti (bijografika, bijometrika u kuntestwali) dwar individwi li jistgħu joħolqu theddida terroristika.

L-Istati Membri għandhom:

·Jagħmlu użu sħiħ mill-proċeduri u mis-sistemi eżistenti tal-fruntieri għas-sigurtà u għall-ġestjoni tal-fruntieri

·Isaħħu l-kontrolli bijometriċi u jwettqu kontrolli sistematiċi obbligatorji fil-fruntieri esterni tal-UE

·Jintroduċu l-EES bis-sħiħ u jaċċelleraw il-preparamenti għad-dħul fis-seħħ tal-ETIAS

·Jimplimentaw rakkomandazzjonijiet mill-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ ta’ Schengen

·Jittrasponu u jimplimentaw malajr id-Direttivi CER u NIS2

2.5 Rispons għal theddid u attakki

L-Europol u l-Eurojust joffru sostenn operazzjonali siewi u għarfien espert lill-Istati Membri dwar investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet tat-terroriżmu. Madankollu, biex jiġi żgurat rispons rapidu u koordinat għat-theddid u l-attakki terroristiċi, l-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju jeħtieġ li jissaħħu aktar madwar l-Ewropa. Barra minn hekk, huma meħtieġa aktar sforzi biex jingħalqu l-lakuni li fadal sabiex jiġi pprevenut il-finanzjament tat-terroriżmu. L-UE tibqa’ impenjata li ma tħalli l-ebda flus pubbliċi jintużaw għall-promozzjoni tal-estremiżmu u tat-terroriżmu.

2.5.1. Ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u l-finanzjament tal-estremiżmu vjolenti

It-theddida tal-finanzjament tat-terroriżmu qiegħda tevolvi b’mod rapidu, u qiegħda tibbenefika mill-espansjoni tal-mezzi ta’ finanzjament bil-kriptoassi, bil-hawala diġitali u b’servizzi ta’ pagament online. Fl-istess ħin, in-natura globali tas-servizzi finanzjarji tirrikjedi rispons Ewropew dinamiku għall-finanzjament tat-terroriżmu. L-UE stabbiliet qafas komprensiv biex tipprevjeni l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, bl-aktar aġġornament reċenti fl-2024. L-Istati Membri huma mħeġġa jittrasponu s-Sitt Direttiva dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus sal-10 ta’ Lulju 2027, fil-ħin għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar il-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus. L-interkonnessjoni tar-reġistri tal-kontijiet bankarji sal-2029 se tkompli ssaħħaħ dan il-qafas. Barra minn hekk, mill-2010, il-Ftehim tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu bejn l-UE u l-Istati Uniti (TFTP, Terrorist Finance Tracking Programme) jippermetti lill-Istati Membri, lill-Europol u lill-Eurojust jitolbu lit-Teżor tal-Istati Uniti jfittex data dwar messaġġi finanzjarji u jipprovdu evidenza siewja biex jiġu identifikati t-terroristi u l-finanzjaturi tagħhom.

Sabiex jingħalqu l-lakuni eżistenti fit-traċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu, il-Kummissjoni se tniedi studju fil-bidu tal-2026 biex tivvaluta u tidentifika l-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita sistema ġdida futura madwar l-UE biex tippermetti l-irkupru ta’ data finanzjarja għall-fini tar-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu u tar-rikavati mill-kriminalità organizzata. Din is-sistema għandha tiġi stabbilita sal-2030 u jkollha l-għan li tkopri t-tranżazzjonijiet intra-UE u taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA, Single European Payment Area), it-trasferimenti tal-kriptoassi, il-pagamenti jew it-trasferimenti online u elettroniċi.

In-Network ta’ investigaturi finanzjarji kontra t-terroriżmu jipprovdi pjattaforma għal skambji dwar investigazzjonijiet u l-aħjar prattiki dwar firxa wiesgħa ta’ metodi ta’ finanzjament tat-terroriżmu u xejriet emerġenti, bħall-użu tal-kriptoassi, l-abbuż ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u ta’ pjattaformi tal-media soċjali, il-hawala u sistemi bankarji informali oħra. In-network jibni sħubijiet ma’ partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati u ma’ pajjiżi sħab barra mill-UE u għandu l-għan li b’mod sistematiku jikkontribwixxi mis-Sħubija Pubblika-Privata tal-Intelligence Finanzjarja tal-Europol. 

Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll kooperazzjoni aktar mill-qrib u kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (FIUs, Financial Intelligence Units), l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-kumpaniji tat-teknoloġija finanzjarja u l-fornituri tas-servizzi online. B’mod partikolari, l-indirizzar tal-Finanzjament Barrani Mhux Mixtieq (UFF, Undesirable Foreign Funding) 56 jirrikjedi kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-FIUs u s-servizzi tal-intelligence, li tibni fuq il-protokolli eżistenti għall-iskambju ta’ informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-FIUs ikollhom il-mandat u l-kapaċità li jidentifikaw u jikkondividu każijiet relatati mal-UFF. Il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali għar-riskji kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għandhom ikopru wkoll l-UFF, sabiex l-FIUs ikunu jistgħu jagħmlu detezzjoni tagħhom u jindirizzawhom b’mod konsistenti.

Jeħtieġ li l-baġit tal-UE qatt ma jintuża ħażin biex jiffinanzja proġetti li jippromwovu fehmiet radikali jew estremisti. Bir-Regolament Finanzjarju rivedut 57 , l-involviment fi kwalunkwe kondotta ħażina li tirriżulta f’“inċitament għad-diskriminazzjoni, għall-mibegħda jew għall-vjolenza” jikkostitwixxi raġuni ċara għall-esklużjoni mill-finanzjament tal-UE. Il-Kummissjoni se tiżgura implimentazzjoni effettiva, inkluż billi toħloq kuxjenza, billi tistabbilixxi network intern għall-iskambju ta’ informazzjoni, u billi ssaħħaħ il-proċessi sabiex tqis l-informazzjoni mill-Istati Membri u sorsi oħrajn fejn din tista’ tintuża għall-valutazzjoni tar-rispett tal-valuri tal-UE mill-benefiċjarji u l-proġetti.

Il-protezzjoni effettiva tal-baġit tal-UE tibbaża wkoll fuq l-Istati Membri li jikkontribwixxu b’mod attiv informazzjoni biex jappoġġaw l-isforzi tal-Kummissjoni. L-eżitu tar-rieżami tal-Arkitettura Kontra l-Frodi fl-2026 se jsaħħaħ is-sorveljanza u l-akkontabbiltà biex tiġi żgurata protezzjoni aktar effiċjenti tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. 

2.5.2. Insaħħu r-rispons tal-infurzar tal-liġi

Kif imħabbar fl-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna ProtectEU, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni ambizzjuża tal-mandat tal-Europol, li ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala ċ-ċentru għall-informazzjoni, it-teknoloġija u l-innovazzjoni ċentrali għall-infurzar tal-liġi, biex toffri appoġġ aktar b’saħħtu lill-Istati Membri kemm fuq in-naħa operazzjonali kif ukoll fuq dik forensika.

Soġġett għar-rieżami tal-mandat tal-Europol, iċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (ECTC, European Counter Terrorism Centre) tal-Europol għandu jikkonsolida u jiżviluppa aktar l-informazzjoni operazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu għall-infurzar tal-liġi fiċ-ċentru ta’ informazzjoni ċentrali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu tiegħu. Dan iċ-ċentru jista’ jippermetti wkoll skambju ta’ informazzjoni f’ħin reali bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-infurzar tal-liġi u s-settur privat. Min-naħa forensika, l-ECTC, flimkien mal-Bord tal-Innovazzjoni tal-Europol, iċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3, European Cybercrime Centre) u ċentri rilevanti oħra, se jsaħħu s-sostenn operazzjonali, analitiku u tekniku għall-Istati Membri. Dawn se jibnu kapaċitajiet biex jipproċessaw settijiet ta’ data kbar u kumplessi u jiżviluppaw għodod għad-detezzjoni u t-tfixkil ta’ kontenut online terroristiku u estremist, kif ukoll il-finanzjament tat-terroriżmu.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa n-Networks Ewropej tal-Infurzar tal-Liġi. 58 Se taħdem ukoll mill-qrib mal-Istati Membri biex taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi 59 , biex tiffaċilita l-assistenza operazzjonali f’xenarji transfruntiera, inkluż iċ-ċaqliq ta’ timijiet operazzjonali u tagħmir għall-eżerċizzji, mhux biss matul kriżijiet.

2.5.3. Tisħiħ tal-kooperazzjoni ġudizzjarja

Biex tiġi miġġielda t-theddida terroristika u estremista vjolenti f’din l-era diġitali, huwa kruċjali l-aċċess legali għad-data għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji. L-implimentazzjoni tal-Pjan direzzjonali tal-2025 dwar l-aċċess legali u effettiv għad-data għall-infurzar tal-liġi 60 se tikkontribwixxi għall-indirizzar ta’ sfidi ewlenin li jirriżultaw fil-mod ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet ta’ suċċess. Ir-regoli tal-UE dwar l-aċċess transfruntier għall-evidenza elettronika 61 se jsiru applikabbli f’Awwissu 2026, li se jippermettu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jippreżervaw u jiksbu evidenza direttament mingħand fornituri ta’ servizzi li joffru s-servizzi tagħhom fl-UE. Filwaqt li tibni fuq il-proġett SIRIUS iffinanzjat mill-UE 62 u d-dħul fis-seħħ futur tal-Konvenzjoni tan-NU kontra ċ-Ċiberkriminalità u t-Tieni Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iċ-Ċiberkriminalità, il-kooperazzjoni internazzjonali biex tinkiseb evidenza elettronika se tissaħħaħ permezz ta’ taħriġ iddedikat u skambju ta’ informazzjoni.

Il-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar każijiet ta’ terroriżmu huma kruċjali biex tiġi indirizzata t-theddida terroristika fil-fażijiet ta’ prevenzjoni u ta’ rispons. Biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni tar-rabtiet transfruntiera bejn il-każijiet tat-terroriżmu, il-Eurojust se taġġorna r-Reġistru Ġudizzjarju Ewropew Kontra t-Terroriżmu abbażi ta’ sistema ġdida ta’ ġestjoni tal-każijiet tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku li se tkun fis-seħħ qabel l-1 ta’ Diċembru 2027. L-Istati Membri huma mħeġġa jittrażmettu informazzjoni f’waqtha dwar każijiet ta’ terroriżmu lill-Eurojust. Ir-reviżjoni tal-mandat tal-Eurojust se tgħin biex issaħħaħ il-kapaċità ta’ analiżi tagħha u tippermetti kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Europol, issaħħaħ l-appoġġ għall-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet transfruntieri tat-terroriżmu. Barra minn hekk, id-Direttiva tal-2016 dwar Garanziji Proċedurali għat-tfal 63 se tkompli toffri miżuri mmirati ta’ appoġġ u protezzjoni għat-tfal li jidħlu fis-sistema tal-ġustizzja kriminali. L-evidenza mill-kamp tal-battalja hija essenzjali għall-prosekuzzjoni ta’ ġellieda barranin li jirritornaw. Id-data derivata minn evidenza mill-kamp tal-battalja, ladarba tiddaħħal fis-SIS, tgħin ukoll fid-detezzjoni ta’ ġellieda terroristi barranin fil-fruntieri tal-UE. It-tmiem tal-Iskwadra Investigattiva tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Promozzjoni tal-Irfigħ tar-Responsabbiltà għal Delitti Mwettqa minn Da’esh/ISIL (UNITAD, United Nations Investigative Team to Promote Accountability for Crimes Committed by Da’esh/Islamic State in Iraq and the Levant) jillimita d-disponibbiltà ta’ evidenza mill-kamp tal-battalja. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Eurojust, se tesplora jekk u kif l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet tal-Iraq u mill-UNITAD tista’ ssir aċċessibbli għall-Istati Membri permezz ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-Eurojust u ċ-Ċentru nazzjonali għall-Kooperazzjoni Ġudizzjarja Internazzjonali tal-Iraq u jekk l-informazzjoni marbuta ma’ każijiet individwali tistax tinħażen fil-Bażi ta’ Data dwar Delitti Internazzjonali Ewlenin tal-Eurojust.

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

·Tivvaluta u jidentifika l-miżuri meħtieġa biex tistabbilixxi Sistema tal-UE għall-irkupru ta’ Data finanzjarja għall-fini tar-rintraċċar tal-finanzjament tat-terroriżmu u tar-rikavati mill-kriminalità organizzata

·Issaħħaħ is-sistema li tipproteġi l-baġit tal-UE mill-użu ħażin, inkluż permezz tar-rieżami tal-Arkitettura tal-UE Kontra l-Frodi

·Tipproponi reviżjonijiet tal-mandati tal-Europol u tal-Eurojust, u ssaħħaħ ir-rwoli tagħhom fl-infurzar tal-liġi u fir-rispons ġudizzjarju għat-terroriżmu

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-Europol, se:

·Issaħħaħ il-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (FIUs), l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-kumpaniji tat-teknoloġija finanzjarja, il-fornituri tas-servizzi online u l-pjattaformi tal-media soċjali

·Timplimenta l-azzjonijiet fil-Pjan direzzjonali dwar l-aċċess legali u effettiv għad-data għall-infurzar tal-liġi

Il-Europol se:

·Tikkonsolida u tkompli tiżviluppa ċ-ċentru ta’ informazzjoni ċentrali tagħha dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

·Issaħħaħ is-sostenn operazzjonali, analitiku u tekniku għall-isforzi tal-Istati Membri ta’ infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

Flimkien mal-Kummissjoni, il-Eurojust se:

·Tesplora modi kif l-informazzjoni miġbura mill-UNITAD u mill-awtoritajiet tal-Iraq issir aċċessibbli għall-Istati Membri

2.6Kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali

Id-dimensjonijiet esterni u interni tat-terroriżmu u tal-estremiżmu vjolenti huma intrinsikament marbuta 64 . Il-Kummissjoni, f’ħidma mar-Rappreżentant Għoli u mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, se ssaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-pilastri kollha ta’ din l-Aġenda, wara approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem.

2.6.1. Miżuri restrittivi fuq it-terroriżmu

L-elenkar ta’ individwi, gruppi u entitajiet skont il-miżuri restrittivi tal-UE għall-ġlieda kontra t-terroriżmu 65 (“Lista tal-UE ta’ Terroristi”) jibqa’ għodda vitali biex jitfixklu n-networks terroristiċi. Il-Lista tal-UE ta’ Terroristi għandha tiġi aġġornata kontinwament biex tirrifletti u tindirizza t-theddid li qiegħed jevolvi, billi tfixkel il-flussi finanzjarji u tipprevjeni l-appoġġ għal attivitajiet terroristiċi. Ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri tal-UE qegħdin jivvalutaw kif jagħmlu l-Lista tal-UE ta’ Terroristi aktar effettiva, operazzjonali u aġli. L-espansjoni tal-ambitu tar-reġim u kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi li jaħsbuha bl-istess mod se jikkontribwixxu għall-funzjonalità tiegħu.   

2.6.2. Navvanzaw il-ftehimiet internazzjonali

Il-Kummissjoni se tipproponi li tiffirma u tikkonkludi f’isem l-UE l-Protokoll il-ġdid li jemenda d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu. Ladarba jkun fis-seħħ, il-qafas se jipprovdi definizzjoni pan-Ewropea komuni ta’ reati terroristiċi għal aktar minn 40 pajjiż.

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-kooperazzjoni esterna tal-Europol u tal-Eurojust dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu permezz ta’ ftehimiet internazzjonali dwar l-iskambju ta’ data personali ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, b’fokus fuq reġjuni ewlenin.

2.6.3. Kooperazzjoni bilaterali u multilaterali aktar profonda 

Il-kooperazzjoni mas-sħab tat-tkabbir se tissaħħaħ biex tiffaċilita l-integrazzjoni aċċellerata tagħhom fl-arkitettura tas-sigurtà tal-UE u tippromwovi l-allinjament tal-oqfsa legali u strateġiċi tagħhom mal-acquis u mal-istandards tal-UE. Kull fejn ikun possibbli, dawn se jiġu integrati gradwalment f’azzjonijiet tal-UE bħaċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-attivitajiet tal-Europol, tal-Eurojust u tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL, Collège Européen de Police) u se jibbenefikaw mill-għodod, mill-gwida u mill-bini tal-kapaċitajiet ipprovduti lill-Istati Membri. 

Il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt il-ġdid dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti għall-Balkani tal-Punent tal-2025-2030 jappoġġa wkoll l-allinjament tagħhom mal-acquis tal-UE, javvanza l-kooperazzjoni operazzjonali u jsaħħaħ il-kapaċitajiet tas-sħab tagħna fir-reġjun. Il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali se jibbenefikaw ukoll minn assistenza teknika ddedikata, bini tal-kapaċitajiet u finanzjament mill-UE ta’ proġetti, pereżempju dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi u l-infrastruttura kritika jew il-ġestjoni tal-fruntieri.

Il-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq għandhom post strateġiku fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu. Skont il-Patt għall-Mediterran, l-appoġġ tal-UE se jiffoka fuq it-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri, it-tisħiħ tal-infurzar tal-liġi u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u l-prevenzjoni tal-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu, bl-appoġġ taċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni. Djalogu reġjonali dwar is-sigurtà interna se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata kif ukoll it-terroriżmu. 

L-UE se tkompli tappoġġa l-irkupru tas-Sirja bl-appoġġ ta’ tranżizzjoni paċifika u inklużiva u rikonċiljazzjoni fis-Sirja, kif ukoll ir-riintegrazzjoni reġjonali tagħha. Barra minn hekk, l-UE se tipprovdi pakkett ta’ appoġġ finanzjarju ta’ madwar EUR 620 miljun għall-2026 u l-2027, li jinkludu għajnuna umanitarja, appoġġ għall-irkupru bikri u appoġġ bilaterali, filwaqt li tkompli l-isforzi ta’ rispons għall-kriżijiet fis-Sirja tal-Grigal u fil-kampijiet. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2025 dwar is-Sirja, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-ġlieda kontra t-theddida tat-terroriżmu li tirriżulta mis-Sirja maħruġa mill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu.

Fl-Afrika, b’mod partikolari fl-Afrika sub-Saħarjana, diversi gruppi terroristiċi qegħdin jiksbu l-poter. Is-sitwazzjoni fl-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar, bit-tensjonijiet reġjonali dejjem jiżdiedu u bl-influwenza dejjem tikber tal-Provinċja ta’ Khorasan tal-Istat Iżlamiku (ISPK, Islamic State-Khorasan Province), teħtieġ ukoll monitoraġġ mill-qrib. L-UE se ssaħħaħ ir-rispons integrat tagħha billi tintegra l-kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà fl-approċċ ta’ 360 grad ta’ Global Gateway u ssaħħaħ l-appoġġ dirett għall-bini tal-kapaċitajiet. Il-programmi se jsaħħu s-sigurtà tal-fruntieri, jappoġġaw il-kooperazzjoni operazzjonali, isaħħu l-kapaċitajiet għad-detezzjoni u t-tfixkil tal-flussi finanzjarji illeċiti, jindirizzaw il-propaganda estremista u vjolenti, jindirizzaw l-użu ħażin ta’ teknoloġiji ġodda u r-rabta dejjem akbar bejn il-kriminalità organizzata mit-terroriżmu f’diversi reġjuni, jibnu reżiljenza komunitarja kontra r-radikalizzazzjoni u r-reklutaġġ fi gruppi terroristiċi u jiffaċilitaw ir-riabilitazzjoni u r-riintegrazzjoni ta’ eks ġellieda u l-familji tagħhom.

Il-koordinazzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE u tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi hija importanti b’mod partikolari biex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet. Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tfassal b’mod regolari proġetti ffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri, se tikkultiva inizjattivi ġodda għal Tim Ewropa, u trawwem sinerġiji bejn l-azzjoni tal-UE u l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni f’pajjiżi li huma partikolarment affettwati mit-terroriżmu.

Id-djalogi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu jiffaċilitaw skambji strateġiċi ma’ pajjiżi terzi u għandhom iwasslu għal konklużjonijiet ċari u azzjonabbli li jiġu implimentati b’mod effettiv. In-Network ta’ Esperti tal-UE kontra t-Terroriżmu huwa kruċjali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà f’pajjiżi terzi. Ir-Rappreżentant Għoli se jaħdem biex isaħħaħ in-Network, jiżgura kopertura reġjonali usa’ u kooperazzjoni aktar mill-qrib, jindirizza r-rabta bejn il-kriminalità organizzata mit-terroriżmu, il-finanzjament tat-terroriżmu u l-propaganda.

2.6.4. Insaħħu r-rwol tal-UE fix-xena multilaterali

Ir-Rappreżentant Għoli, il-Kummissjoni u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu se jiżguraw koordinazzjoni mill-qrib tal-UE u tmexxija aktar b’saħħitha tal-UE f’fora multilaterali. L-UE se tkompli tingrana l-kopresidenza tagħha tal-Forum Globali kontra t-Terroriżmu (GCTF, Global Counter Terrorism Forum) biex tavvanza l-azzjoni kontra t-terroriżmu mmexxija miċ-ċivili u tippromwovi sforzi multilaterali sostenibbli u kkoordinati.

L-UE se tuża wkoll ir-rwol tagħha fi ħdan il-Koalizzjoni Globali kontra d-Da’esh biex issaħħaħ il-koordinazzjoni fir-reġjun. L-UE, flimkien mal-Istati Membri, se jkollha rwol importanti fir-rieżami tal-Istrateġija Globali tan-NU kontra t-Terroriżmu fl-2026 biex tippromwovi l-valuri u l-prijoritajiet tal-UE, u se tkompli tikkontribwixxi għall-proċess ta’ riforma li għaddej tan-NU, l-inizjattiva UN80, li tinkludi arkitettura kontra t-terroriżmu tan-NU.

L-involviment mal-Kunsill tal-Ewropa, it-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF, Financial Action Task Force), l-Interpol u n-NATO se jinżamm fuq bażi tematika. Billi tikkollabora ma’ fora bħat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja u l-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu, l-UE se tindirzza wkoll l-isfidi interkonnessi li jippreżentaw il-finanzjament, ir-reklutaġġ u l-propaganda tat-terroriżmu, b’mod speċjali fuq il-media soċjali. Il-Forum Globali tal-Internet għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu (GIFCT, Global Internet Forum to Counter Terrorism) se jibqa’ wkoll sieħeb ewlieni għall-Kummissjoni. U fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tkompli bl-involviment tagħha fil-Fondazzjoni Christchurch Call 66 .

AZZJONIJIET EWLENIN

Il-Kummissjoni se:

·Tipproponi li jiġi ffirmat u konkluż il-Protokoll li jemenda d-definizzjoni ta’ reati terroristiċi fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni tat-terroriżmu

·Issir rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehimiet internazzjonali ma’ aktar pajjiżi terzi dwar il-kooperazzjoni tal-Eurojust u l-Europol

·Tappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti għall-Balkani tal-Punent 2025-2030

·Jiġu estiżi l-attivitajiet taċ-Ċentru ta’ Għarfien għall-pajjiżi kandidati tal-UE u għar-reġjun tal-Mediterran

·Tintegra kunsiderazzjonijiet ta’ sigurtà fi programmi taħt l-Istrateġija Global Gateway u ssaħħaħ l-appoġġ dirett għall-bini tal-kapaċitajiet

Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, se:

·Tidentifika b’mod regolari proġetti kontra t-terroriżmu u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti (CT/PCVE, Counter Terrorism and Preventing and Countering Violent Extremism) iffinanzjati mill-UE u mill-Istati Membri

Ir-Rappreżentant Għoli se:

·Jkompli jopera d-djalogi Kontra t-Terroriżmu flimkien mal-Kummissjoni, il-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu u l-Istati Membri,

·Isaħħaħ in-Network ta’ Esperti tal-UE Kontra t-Terroriżmu 

·Jiżgura koordinazzjoni mill-qrib tal-UE u tmexxija b’saħħitha tal-UE f’fora multilaterali, flimkien mal-Kummissjoni u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu,

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Kunsill għandhom:

·Jirrieżaminaw b’mod regolari l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK (“Lista tal-UE ta’ Terroristi”)

3.Konklużjoni

It-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti għadhom ta’ sfida għas-sigurtà tal-Ewropa. Din l-Aġenda tistabbilixxi r-rispons tal-UE: impenn kollettiv biex niffaċċjaw dawn it-theddidiet bi previżjoni, unità u soluzzjoni. Din tagħti direzzjoni lill-isforzi kollha tagħna: il-prevenzjoni qabel ma l-vjolenza trabbi l-għeruq, il-protezzjoni fejn in-nies ikunu l-aktar vulnerabbli u l-ġustizzja kontra dawk li jfittxu ħsara.

Permezz ta’ din l-Aġenda, l-Unjoni Ewropea se ssaħħaħ il-kapaċità kollettiva tagħha li tantiċipa t-theddid, tipprevjeni r-radikalizzazzjoni, tipproteġi lin-nies tagħha kemm online kif ukoll offline, u twieġeb b’mod sod meta jseħħu l-attakki, filwaqt li tissimplifika dan l-approċċ fi ħdan u lil hinn mill-fruntieri tagħha. L-Aġenda se twettaq azzjoni ambizzjuża fil-pilastri kollha, filwaqt li tagħti prijorità lil diversi inizjattivi li jindirizzaw l-isfidi emerġenti, bħal:

·sett ta’ għodod ta’ prevenzjoni għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni tal-minorenni;

·tisħiħ potenzjali tar-Regolament dwar Kontenut Terroristiku Online;

·proċedura ta’ “post-hit” biex tiġi kondiviża informazzjoni dwar allerti relatati mat-terroriżmu fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen; u

·sistema ġdida tal-UE għall-irkupru tad-data finanzjarja.

Il-Kummissjoni se tixpruna t-twettiq fil-pilastri kollha, tintraċċa l-implimentazzjoni u tiżgura li l-istrumenti, il-leġiżlazzjoni u l-finanzjament tal-Unjoni jintużaw fil-potenzjal sħiħ tagħhom. Il-Kummissjoni se tinforma u tinvolvi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, lill-Istati Membri, lis-settur privat u lis-soċjetà ċivili dwar it-twettiq ta’ din l-Aġenda.

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni ProtectEU: Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Interna, COM(2025) 148 final. L-Aġenda preżenti tikkumplimenta r-riżultati skont l-Istrateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza JOIN (2025) 130 final, Il-Pjan Direzzjonali għall-2030 Inseddqu l-Paċi – Nippreparaw id-Difiża JOIN (2025) 27 final , Tarka Ewropea għad-Demokrazija: It-tisħiħ ta’ demokraziji b’saħħithom u reżiljenti, JOIN (2025) 791 final .

(2)

Ir-reati terroristiċi huma definiti fl- Artikolu 3 tad-Direttiva (UE) 2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu bħala atti kriminali “li, minħabba n-natura jew il-kuntest tagħhom, jistgħu joħolqu dannu serju għal pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali [...] meta jitwettqu [...]” intenzjonalment u b’għan terroristiku.

(3)

Ma hemm l-ebda definizzjoni legali tal-estremiżmu vjolenti fil-livell tal-UE. L-atti estremisti vjolenti ma jilħqux il-livell limitu stabbilit mid-definizzjoni ta’ reati terroristiċi; madankollu, dawn joħolqu theddida serja għas-sigurtà. Kollaborazzjoni Bbażata fuq Proġett dwar l-Estremiżmu Vjolenti tal-Lemin (VRWE, Violent Right-Wing Extremism) żviluppat definizzjoni operattiva.

(4)

L-Artikolu 4(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(5)

L-Europol, Rapport dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu (TE-SAT, Terrorism Situation and Trend) 2025.

(6)

Abbażi tal-valutazzjonijiet reċenti tat-theddid tal-Europol TE-SAT u INTCEN tal-UE (kunfidenzjali).

(7)

L-Europol, TE-SAT 2025.

(8)

Motivazzjonijiet oħra jinkludu l-mibegħda kontra l-LGBTQ+, il-misoġinija, ir-razziżmu, l-ideoloġiji kontra s-sistema, in-niħiliżmu u l-“aċċellerazzjoniżmu”, firxa ta’ ideoloġiji li jsostnu li l-istat eżistenti tas-soċjetà huwa bla fejqan u jirrikjedi l-qerda tas-“sistema” u “bidu ġdid”.

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Aġenda Kontra t-Terroriżmu għall-UE: Antiċipazzjoni, Prevenzjoni, Protezzjoni, Rispons, COM (2020) 795 final .

(10)

Il-Europol, ir-rapporti TE-SAT 2021-2025.

(11)

Il-Europol, Valutazzjoni tat-Theddid tal-Kriminalità Serja u Organizzata għall-Unjoni Ewropea (EU-SOCTA, European Union Serious and Organised Crime Threat Assessment), 2025; Beneath the Surface: Terrorist and Violent Extremist Use of the Dark Web and Cybercrime-As-A-Service for Cyber-Attacks | Uffiċċju għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu .

(12)

Il-klabbs attivi huma networks estremisti organizzati b’mod laxk li jiffukaw fuq il-forma fiżika jew l-arti marzjali, li jservu bħala ċentri għall-ideoloġija, il-koeżjoni u r-reklutaġġ fi ċrieki vjolenti tal-lemin.

(13)

Magħrufa bħala networks “764” jew “Com”.

(14)

Il-hawala diġitali tipprovdi metodu ta’ trasferimenti transfruntieri u psewdoanonimi permezz ta’ diversi metodi diġitali (it-teknoloġija blockchain, il-flus mobbli eċċ.), li jixbhu lin-network informali fiżiku tal-hawala, filwaqt li tintroduċi saffi miżjuda ta’ sigurtà. (TE-SAT 2025).

(15)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar il-protezzjoni tal-Ewropej mit-terroriżmu: kisbiet u l-passi li jmiss

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2024 dwar prijoritajiet futuri għat-tisħiħ tal-isforzi konġunti tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kontra t-terroriżmu.

(16)

Ara l-pubblikazzjoni taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea – Emerging risks and opportunities for EU internal security stemming from new technologies (2025) EUR 40239 JRC139674.

(17)

  Iċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni .

(18)

  Strategic Orientations on a coordinated EU approach to prevention of radicalisation.

(19)

Għal aktar miżuri dwar it-trawwim tar-reżiljenza permezz tal-edukazzjoni, inkluż dawk dwar il-media, il-litteriżmu diġitali u ċ-ċittadinanza ara: Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija: It-tisħiħ ta’ demokraziji b’saħħithom u reżiljenti, JOIN (2025) 791 final . It-Tarka Ewropea għad-Demokrazija, JOIN (2025) 791 final.

(20)

F’konformità mar- Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/1238 tat-23 ta’ April 2024 dwar l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal fl-aħjar interessi tat-tfal.  

(21)

  Strateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u s-sostenn tal-ħajja Lhudija (2021 – 2030) , COM/2021/615 final.

(22)

  Il-Kummissjoni Ewropea, Sett ta’ Rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi (PBC, Peacebuilding Commission) Antisemitism in Preventing and Countering Violent Extremism (P/CVE, Preventing and Countering Violent Extremism) Marzu 2025 . B’segwitu għal dawn ir-Rakkomandazzjonijiet, iċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE pproduċa Handbook on key symbols, narratives and reporting mechanisms li se jiġi ppubblikat.

(23)

Fil-livell tal-UE, il-qafas legali attwali previst mid- Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI) u mid- Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (id-Direttiva (UE) 2024/138) tkopri biss ir-reati ta’ mibegħda bbażati fuq raġunijiet razzisti u ksenofobiċi u l-inċitament ċibernetiku għall-vjolenza jew il-mibegħda bbażat fuq il-ġeneru, rispettivament.)

(24)

Skont il-valutazzjonijiet tal-Europol (data mhux pubblika).

(25)

  Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI COM/2023/424 final.

(26)

Il-Europol, ċifri tal-bażi tad-data tal-Point d’Entrée pour le Retrait de Contenus terroristes sur Internet (PERCI).

(27)

 Ibid.

(28)

  Il-Kummissjoni tevalwa l-interazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali ma’ liġijiet oħra tal-UE u l-limitu ta’ deżinjazzjoni tiegħu għall-VLOPs u l-VLOSEs | Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa

(29)

  Ir-rapport dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jistabbilixxi x-xenarju tar-riskji sistemiċi online | Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa.

(30)

  Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali).

(31)

Il-koordinament jirreferi għall-proċess ta’ kontroverifika ta’ informazzjoni operazzjonali u l-koordinazzjoni ta’ attivitajiet investigattivi fost l-awtoritajiet kompetenti biex jiġi evitat it-trikkib jew l-interferenza bejn investigazzjonijiet paralleli.

(32)

Imnedija mal- Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra t-theddid potenzjali mid-droni COM/2023/659 final.

(33)

  Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE  ĠU L 333, 27.12.2022.

(34)

  Ir-Regolament (UE) 2022/1190 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2022 li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1862 fir-rigward tad-dħul ta’ allerti ta’ informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-interess tal-Unjoni  ĠU L 185, 12.7.2022.

(35)

  Ibid. 

(36)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2024 dwar prijoritajiet futuri għat-tisħiħ tal-isforzi konġunti tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha kontra t-terroriżmu.

(37)

L-Artikolu 24 tar- Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali ĠU L 312, 7.12.2018.

(38)

Nota tal-Kunsill, A shared understanding of when a person should be regarded as a potential terrorist or violent extremist threat (“Gefährder”) ST 8807 2024 REV 1 – NOTA.

(39)

  Ir-Regolament (UE) 2024/1356 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jintroduċi l-iskrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni  ĠU L, 2024/1356, 22.5.2024.

(40)

  Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema komuni għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fl-Unjoni, u li tħassar id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE COM/2025/101 final.

(41)

  Id-Direttiva (UE) 2016/681 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar l-użu ta’ data tar-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u kriminalità serja  ĠU L 119, 4.5.2016.

(42)

Europol, TE-SAT 2025.

(43)

Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013  ĠU L 186, 11.7.2019.

(44)

  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Evalwazzjoni tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (riformulazzjoni) SWD (2025) 269 final.

(45)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-ġlieda kontra t-theddid potenzjali mid-droni COM/2023/659 final.

(46)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Strateġija 2.0 tad-Droni għal Ekosistema Intelliġenti u Sostenibbli tal-Inġenji tal-Ajru Mingħajr Bdot Abbord fl-Ewropa COM (2022) 652 final.

(47)

 Il-Kummissjoni Ewropea Security by Design: Protection of public spaces from terrorist attacks (2023) JRC131172.

(48)

Ara l-proġetti ffinanzjati taħt is-sejħa għal proposti tal-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF, Internal Security Fund) dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi: ISF-2024-TF2-AG-PROTECT .

(49)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-appoġġ tal-Unjoni għaż-żona Schengen, għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u għall-politika komuni dwar il-viżi għall-perjodu mill-2028 sal-2034

(50)

 Il-Forum tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi jgħaqqad flimkien lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, lill-operaturi privati tal-ispazji pubbliċi, lis-settur privat u lill-organizzazzjonijiet ta’ ispirazzjoni reliġjuża biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar miżuri ta’ protezzjoni.

(51)

  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1341 tat-23 ta’ Ġunju 2022 dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni volontarji għat-tagħmir tar-raġġi X użat fl-ispazji pubbliċi (barra l-avjazzjoni) C/2022/4179.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1468 tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar rekwiżiti volontarji tal-prestazzjoni tal-UE għal tagħmir għad-detezzjoni tal-metall użat fi spazji pubbliċi (barra l-avjazzjoni) C/2023/3039.

(52)

Europol, TE-SAT 2025.

(53)

  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (id-Direttiva NIS 2) ĠU L 333, 27.12.2022.

(54)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar approċċ ġdid lejn politika tas-sigurtà tal-avjazzjoni mtejba u aktar reżiljenti SWD (2023) 37 final.

(55)

 Ir-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/920 tad-19 ta’ Mejju 2025; Id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (SENSITTIVA) tad-19 ta’ Mejju 2025 – COM (2025) 3014 final.

(56)

Flussi finanzjarji minn atturi statali jew mhux statali barranin lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li joperaw fl-UE li jeżerċitaw jew li għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw influwenza malizzjuża fuq is-soċjetajiet Ewropej billi jiffaċilitaw attivitajiet li jikkontestaw il-valuri tal-UE (Definizzjoni mhux legalment vinkolanti użata miċ-Ċentru ta’ Għarfien tal-UE dwar il-Prevenzjoni tar-Radikalizzazzjoni).

(57)

L-Artikolu 138 (1)(c)(vi), u l-Premessa 113 tar- Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni)  ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024.

(58)

AIRPOL, AQUAPOL, ENLETS, ESG, EIFS, HRSN, RAIPOL u ATLAS.

(59)

  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/915 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar il-kooperazzjoni operazzjonali fl-infurzar tal-liġi  ĠU L 158, 13.6.2022.

(60)

  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Pjan direzzjonali dwar l-aċċess legali u effettiv għad-data għall-infurzar tal-liġi COM/2025/349 final.

(61)

  Ir-Regolament (UE) 2023/1543 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni Ewropej u l-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni Ewropej għall-evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali u għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ kustodja wara proċedimenti kriminali  ĠU L 191, 28.7.2023.

(62)

 Il-proġett SIRIUS iffinanzjat mill-UE jservi bħala punt ta’ kuntatt għall-kisba ta’ data elettronika minn fornituri ta’ servizzi bbażati f’ġuriżdizzjonijiet oħra għal aktar minn 8 000 membru minn 47 ġuriżdizzjoni.

(63)

  Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali  ĠU L 132, 21.5.2016

(64)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-konnessjonijiet esterni u interni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti tas-16 ta’ Diċembru 2024.

(65)

  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (2001/931/PESK)  ĠU L 344, 28.12.2001.

(66)

 Il-Fondazzjoni Christchurch Call hija organizzazzjoni mhux governattiva li tnediet minn New Zealand u minn Franza b’rispons għall-attakk terroristiku orribbli fi Christchurch fl-2019 biex jiġi eliminat kontenut estremist terroristiku u vjolenti online.