Brussell, 20.3.2024

COM(2024) 132 final

2024/0068(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u l-ġlieda kontra relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships (id-“Direttiva dwar it-Traineeships”)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{COM(2024) 133 final} - {SEC(2024) 97 final} - {SWD(2024) 66 final} - {SWD(2024) 67 final} - {SWD(2024) 68 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha 1 , il-President von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa u li jitrawwem “tkabbir li joħloq impjiegi ta’ kwalità, speċjalment għaż-żgħażagħ”.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu sfida persistenti fl-UE, u r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija aktar mid-doppju tar-rata ġenerali tal-qgħad 2 . Sfida partikolari hija dik tal-attivar ta’ aktar żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEETs) u li jiffaċċjaw ostakli speċifiċi li jxekklu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 3 jistabbilixxi l-mira li titnaqqas ir-rata ta’ żgħażagħ li għandhom bejn il-15 u d-29 sena li huma NEETs minn 12,6 % (2019) għal 9 % sal-2030 billi jittejbu l-prospetti ta’ impjieg tagħhom.

It-traineeships jistgħu jipprovdu opportunità għaż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza prattika u professjonali, itejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol. Dawn joffru opportunità għall-impjegaturi biex jattiraw, iħarrġu u jżommu l-persunal tagħhom. Madankollu, il-valur ta’ traineeship jiddependi fuq il-kwalità tiegħu. Traineeship ta’ kwalità teħtieġ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u trasparenti u kontenut ta’ tagħlim adegwat. Barra minn hekk, traineeships inklużivi jistgħu jgħinu biex jingħataw opportunitajiet għal kulħadd biex jaċċessa s-suq tax-xogħol, inkluż żgħażagħ f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.

Skont stimi bbażati fuq id-data tal-Istħarriġ tal-Ewropa dwar il-Forza tax-Xogħol (EU-LFS), hemm 3,1 miljun trainee fl-UE (data tal-2019) li minnhom 1,6 miljun huma trainees imħallsa u 1,5 miljun mhumiex imħallsa. Għadd dejjem akbar ta’ trainees fl-UE jipparteċipaw fi traineeships transfruntiera (21 % tat-trainees fl-2023 meta mqabbla ma’ 9 % fl-2013) 4 , li juri l-potenzjal tat-traineeships li jikkontribwixxu għall-mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol fl-UE. L-istimi jindikaw ukoll li fl-2019 madwar 370 000 trainee mħallsa 5 għamlu traineeship ta’ durata twila (aktar minn 6 xhur), inkluż dawk konsekuttivi/ripetuti mal-istess impjegatur. Minn dawn, madwar 100 000 trainee għamlu traineeship ta’ durata twila b’kontenut baxx ta’ tagħlim 6 .

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships (QFT, Quality Framework for Traineeships) hija punt ta’ referenza importanti biex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi traineeship ta’ kwalità. Din tistabbilixxi linji gwida għal traineeships barra mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u taħriġ professjonali obbligatorju.

Fl-evalwazzjoni tagħha tal-2023 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 7 , il-Kummissjoni sabet indikazzjonijiet li L-QFT kellu impatt pożittiv fuq il-kwalità tat-traineeships fl-UE. Hija kkonfermat ukoll li t-traineeships għadhom perkors importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, traineeships ta’ kwalità jistgħu jkunu opportunitajiet utli ta’ titjib tal-ħiliet u/jew taħriġ mill-ġdid għal persuni ta’ kwalunkwe età biex jiksbu ħiliet prattiċi fuq il-post tax-xogħol biex imexxu l-karriera tagħhom f’direzzjoni ġdida.

Madankollu, l-evalwazzjoni enfasizzat ukoll oqsma li jistgħu jissaħħu u jittejbu aktar. Pereżempju, hija rrakkomandat li l-prinċipji tal-kwalità jiġu integrati aħjar fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’mod partikolari għal traineeships tas-suq miftuħ (OMTs, open-market traineeships), li jkun hemm monitoraġġ u infurzar aktar b’saħħithom biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kwalità fuq il-post u tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost diversi partijiet ikkonċernati ewlenin. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa għal appoġġ aktar b’saħħtu għall-impjegaturi, pereżempju permezz ta’ appoġġ finanzjarju u gwida prattika. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni enfasizzat li għandhom jiżdiedu l-isforzi biex tingħata informazzjoni aktar konkreta u prattika liż-żgħażagħ dwar traineeships transfruntiera. Identifikat ukoll kriterji ta’ kwalità addizzjonali, bħal paga ġusta u protezzjoni soċjali, regoli dwar traineeships mill-bogħod/ibridi, indirizzar aħjar tal-ħtiġijiet ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, u appoġġ imsaħħaħ għat-trainees matul u wara t-traineeship. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni nnotat il-possibbiltà li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-QFT jiġi estiż mill-OMTs u mit-traineeships li huma parti mill-politiki attivi tas-suq tax-xogħol (ALMP) biex ikopri wkoll traineeships oħra, bħal dawk li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

Diversi partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni ttejjeb il-kwalità tat-traineeships:

·Ir-rapport dwar l-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa 8 jinkludi l-appell biex jiġi żgurat li t-traineeships u l-impjiegi taż-żgħażagħ jikkonformaw mal-istandards ta’ kwalità, inkluż dwar il-pagi, u li l-internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol u barra mill-edukazzjoni formali jiġu pprojbiti permezz ta’ strument legali.

·Fl-opinjoni tiegħu “It-Trattament Ugwali taż-Żgħażagħ fis-Suq tax-Xogħol” tal-15 ta’ Ġunju 2023 9 , il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) innota li t-traineeships għandhom joffru kontenut ta’ tagħlim ta’ kwalità tajba u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, u ma għandhomx ikunu sostitut għal impjiegi regolari jew prekundizzjoni għal kollokament f’impjieg. 

·Fl-Opinjoni tiegħu “L-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ: Pont għall-Impjiegi għall-Ġenerazzjoni li Jmiss Tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ” tal-5 ta’ Frar 2021 10 , il-Kumitat tar-Reġjuni kkunsidra li t-traineeships u l-apprendistati għandhom primarjament jipprovdu esperjenza ta’ tagħlim għaż-żgħażagħ, li jistgħu jgħinuhom jiddeċiedu dwar il-karriera futura tagħhom u jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom sabiex jaċċessaw impjieg permanenti. 

B’mod partikolari, fl-14 ta’ Ġunju 2023, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni bbażata fuq l-Artikolu 225 tat-TFUE 11 fejn stieden lill-Kummissjoni taġġorna u ssaħħaħ ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 u tibdilha fi strument leġiżlattiv aktar b’saħħtu. Tistieden ukoll lill-Kummissjoni tiżgura standards minimi tal-kwalità għat-traineeships, inkluż il-paga.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħabbret aġġornament tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2023 12 tagħha, biex tindirizza kwistjonijiet li jinkludu paga ġusta u aċċess għall-protezzjoni soċjali, bħala parti mill-impenn tagħha biex timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex tilħaq il-miri tal-UE għall-2030 fl-oqsma tal-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar.

Din il-proposta għal direttiva tirrifletti l-impenn politiku espress fil-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen biex twieġeb għar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew ibbażati fuq l-Artikolu 225 tat-TFUE bi proposta leġiżlattiva, b’rispett sħiħ għall-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet. Meta jitqiesu dawn il-prinċipji u l-limiti legali għall-azzjoni tal-UE stabbiliti mit-Trattati, il-proposta għal direttiva tiffoka fuq l-appoġġ lill-Istati Membri fit-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u l-ġlieda kontra r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships.

Id-direttiva proposta tapplika għal trainees li għandhom relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, irrispettivament mit-tip ta’ traineeship. Id-direttiva proposta hija kkomplementata minn proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsaħħa 13 , li tapplika għat-trainees kollha u li tindirizza kwistjonijiet usa’ ta’ kwalità u inklużività, inkluż l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill proposta tapplika għal trainees li huma ħaddiema biss sa fejn u sal-punt li d-dispożizzjonijiet ekwivalenti jew aktar favorevoli mhumiex stabbiliti fil-liġi tal-UE.

Il-proposta għal direttiva tindirizza żewġ sitwazzjonijiet problematiċi u illegali li ġew identifikati fit-tipi kollha ta’ traineeships fl-UE:

·Meta t-traineeships jintużaw għall-iskop maħsub tagħhom, jiġifieri li joffru opportunità għat-trainees biex jiksbu esperjenza prattika u professjonali, itejbu l-ħiliet tagħhom u jaċċessaw is-suq tax-xogħol, iżda mbagħad ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE jew nazzjonali, dawn ikunu traineeships mhux konformi. F’dawn il-każijiet, it-trainees ma jgawdux id-drittijiet kollha li huma intitolati għalihom. Kif muri fir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanjah, instabet evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità madwar l-UE. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ konformità x’aktarx li ma jiġix irrapportat biżżejjed minħabba l-kumplessità tal-approċċi regolatorji fl-Istati Membri, l-infurzar ġeneralment dgħajjef tagħhom u l-ostakli speċifiċi li jipprevjenu lit-trainees milli jieħdu azzjoni legali jew iressqu lmenti (eż. durata qasira tal-kuntratti; il-ħtieġa li tiġi żgurata pożizzjoni aktar stabbli fis-suq tax-xogħol; dipendenza reali jew perċepita mill-impjegatur; il-biża’ ta’ riperkussjonijiet negattivi mit-teħid ta’ azzjoni legali jew it-tressiq ta’ lment; jew in-nuqqas ta’ kanali ta’ rapportar jew aċċess għar-rappreżentazzjoni).

·Meta l-allegati traineeships ma jintużawx għall-iskop maħsub tagħhom u jissostitwixxu pożizzjonijiet ta’ impjegati regolari, dawn ikunu relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships. F’dawn il-każijiet, il-fornituri tat-traineeships imorru kontra l-liġi tal-UE jew dik nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi li japplikaw għall-ħaddiema regolari.

L-użu problematiku u illegali tat-traineeships idgħajjef il-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u tal-ħaddiema regolari u jagħmel ħsara lill-ġustizzja soċjali. Jista’ jipproduċi wkoll kundizzjonijiet mhux ekwi bejn il-fornituri tat-traineeships, li huma problema għan-negozji, inkluż għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-użu ta’ traineeships mhux konformi jew relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships jikkostitwixxi miżura ta’ tnaqqis tal-kostijiet għall-impjegaturi, li toħloq sitwazzjoni ta’ vantaġġ kompetittiv inġust meta mqabbla ma’ impjegaturi konformi. Arranġamenti ta’ traineeship illegali, b’mod partikolari relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships, huma wkoll piż fuq id-dħul pubbliku minħabba t-telf ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u ħlasijiet tat-taxxa dovuti.

Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-QFT, aktar ġbir ta’ evidenza, u l-konsultazzjoni mas-sħab soċjali tal-UE f’żewġ stadji f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE, id-direttiva proposta għandha l-għan li tikseb l-objettivi speċifiċi li ġejjin.

It-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees

Id-direttiva proposta tistabbilixxi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni biex jiġi żgurat li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluża l-paga), it-trainees ma jiġux ittrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema komparabbli fl-istess stabbiliment, sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva. Id-direttiva proposta fiha għadd ta’ dispożizzjonijiet li jgħinu lit-trainees jiddefendu d-drittijiet tagħhom bħala “ħaddiema”. Pereżempju, tiżgura li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi proċeduri biex jinfurzaw id-drittijiet tat-trainees. Hija tintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri li jistabbilixxu kanali għat-trainees biex jirrapportaw prattika ħażina u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena.

Il-ġlieda kontra r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships

Id-direttiva proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu kontrolli u spezzjonijiet effettivi mill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships u jieħdu azzjoni ta’ infurzar. Sabiex jiġi ddeterminat jekk traineeship tikkostitwixxix relazzjoni ta’ impjieg regolari li taparsi tkun traineeship, l-awtoritajiet kompetenti jkollhom jikkunsidraw fil-valutazzjonijiet ġenerali tagħhom sett ta’ elementi indikattivi stabbiliti fil-livell tal-UE. Biex tiġi ffaċilitata din il-valutazzjoni, l-impjegaturi jridu jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti aċċess għal ċerta informazzjoni, inkluż l-għadd, id-durata u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-traineeships. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jistabbilixxu limitu li jindika durata eċċessiva ta’ traineeship u ta’ traineeships ripetuti, inkluż konsekuttivi, mal-istess impjegatur. Dan se jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships possibbli. Barra minn hekk, id-direttiva proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-impjegaturi jtejbu t-trasparenza billi jinkludu informazzjoni dwar il-kompiti u l-kundizzjonijiet tax-xogħol mistennija inkluż il-paga, il-protezzjoni soċjali, l-elementi ta’ tagħlim u taħriġ f’avviżi u reklami ta’ postijiet battala ta’ traineeships.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Bħala parti mis-Sena Ewropea tal-Ħiliet, l-UE bdiet tippromwovi mentalità fejn it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid ikunu n-norma. L-għeluq tad-diskrepanzi fil-ħiliet u l-indirizzar tal-ispariġġ fil-ħiliet madwar l-UE se jagħtu spinta lill-kompetittività, b’mod partikolari tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju billi l-ħtiġijiet tal-impjegaturi jitqabblu aħjar mal-ħiliet u l-aspirazzjonijiet tan-nies. L-aċċess ugwali għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol se jgħin biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, b’mod partikolari billi n-nies jingħataw is-setgħa li jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ekonomija u fis-soċjetà. Is-Sena Ewropea tal-Ħiliet issegwi s-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ, li enfasizzat il-ħtieġa li jingħata impetu ulterjuri għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità għaż-żgħażagħ f’konformità mal-11-il għan dwar iż-żgħażagħ tal-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019–2027 14 . Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar is-Sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022, il-Kummissjoni impenjat ruħha li taġġorna l-qafas ta’ kwalità tagħha għat-traineeships fl-2024 biex tindirizza kwistjonijiet li jinkludu paga ġusta u aċċess għall-protezzjoni soċjali 15 .

Il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ tal-Kummissjoni 16 ta’ Lulju 2020 ippropona Rakkomandazzjonijiet dwar Pont għall-impjiegi - it-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ 17 u qafas Ewropew modernizzat għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, li t-tnejn li huma ġew adottati mill-Kunsill 18 . L-ewwel wieħed jirrakkomanda speċifikament li l-offerti ta’ traineeships jikkonformaw mal-istandards minimi stabbiliti fil-QFT. Dan tal-aħħar jistabbilixxi prinċipji ewlenin biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jadattaw malajr għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim ta’ kwalità għaż-żgħażagħ u l-adulti. Dan jitfa’ enfasi qawwija fuq opportunitajiet aħjar għal tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u assigurazzjoni tal-kwalità mtejba.

B’mod simili għat-traineeships, l-apprendistati huma perkors importanti biex jiġu ffaċilitati t-tranżizzjonijiet għas-suq tax-xogħol. Il-pakkett ta’ Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ ta impetu mġedded lill-apprendistati, inkluż permezz tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati 19 .

Dawn l-inizjattivi kellhom l-għan li jtejbu l-kwalità u l-effettività tal-miżuri tal-UE għall-promozzjoni tal-impjiegi taż-żgħażagħ u huma appoġġati mill-finanzjament tal-UE. Dawn jimplimentaw fost l-oħrajn l-ewwel u r-raba’ prinċipju tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dawn il-prinċipji jistabbilixxu d-dritt għal “edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklussivi” u d-dritt taż-żgħażagħ għal “edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeship jew offerta ta’ xogħol ta’ reputazzjoni tajba sa erba’ xhur minn meta jiġu qiegħda jew jitilqu mill-iskola”.

L-acquis soċjali u tax-xogħol tal-UE jistabbilixxi standards minimi permezz ta’ għadd ta’ strumenti legali. Id-dispożizzjonijiet ta’ infurzar inklużi f’din il-proposta għal direttiva għandhom l-għan li jiżguraw li t-trainees li huma ħaddiema jgawdu dawn id-drittijiet. L-istrumenti legali fil-livell tal-UE li ġejjin huma ta’ rilevanza partikolari għal dawn it-trainees:

Id-Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli 20 tipprevedi miżuri biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa ta’ persuni li jaħdmu f’relazzjonijiet tax-xogħol mhux standard. Dan jinkludi d-dritt li jirċievu informazzjoni dettaljata bil-miktub dwar l-aspetti essenzjali tax-xogħol tagħhom. L-istandards minimi stabbiliti fid-Direttiva huma partikolarment rilevanti għat-trainees, minħabba d-durata normalment limitata tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom u l-pożizzjoni vulnerabbli fis-suq tax-xogħol.

Id-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss 21 għandha l-għan li ttejjeb il-kwalità tax-xogħol għal terminu fiss billi tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal terminu fiss (inklużi t-trainees) vis-à-vis ħaddiema permanenti komparabbli. Hija tistabbilixxi qafas legali għall-prevenzjoni tal-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss. Tiżgura wkoll l-aċċess ta’ ħaddiema għal terminu fiss għal opportunitajiet xierqa ta’ taħriġ u għal informazzjoni dwar postijiet battala fi ħdan l-impriża bl-għan li tiġi żgurata pożizzjoni permanenti.

Id-Direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-UE 22 toħloq qafas biex tittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi fl-Istati Membri b’pagi minimi statutorji. Għandha wkoll l-għan li tippromwovi n-negozjar kollettiv fl-Istati Membri kollha, filwaqt li ttejjeb l-aċċess effettiv tal-ħaddiema għad-drittijiet għall-protezzjoni tal-paga minima, meta previst fil-liġi nazzjonali u/jew fil-ftehimiet kollettivi. Din tipprevedi li meta l-Istati Membri jippermettu rati differenti ta’ paga minima statutorja għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema, huma għandhom jiżguraw li tali varjazzjonijiet fil-pagi minimi statutorji jirrispettaw il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u tal-proporzjonalità.

Id-Direttiva Qafas dwar is-Saħħa u s-Sigurtà Okkupazzjonali 23 tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin biex jitħeġġeġ it-titjib fis-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol. Din tiggarantixxi r-rekwiżiti minimi għas-sikurezza u s-saħħa fl-Ewropa kollha. Id-Direttiva Qafas tikkonferma li, fir-rigward ta’ post tax-xogħol sikur, l-istess regoli japplikaw għall-ħaddiema u għat-trainees u hija akkumpanjata minn aktar direttivi li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi tas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

Id-Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol 24 tistabbilixxi qafas ġenerali biex tikkumbatti d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjieg u x-xogħol. B’mod partikolari tipprojbixxi d-diskriminazzjoni ta’ trainees żgħażagħ minħabba l-età tagħhom.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom 25 tirrakkomanda lill-Istati Membri jiżguraw li kemm il-ħaddiema (inklużi t-trainees li huma ħaddiema) kif ukoll dawk li jaħdmu għal rashom ikollhom aċċess għal protezzjoni soċjali effettiva u adegwata. Ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-benefiċċji tal-qgħad, tal-mard u tal-kura tas-saħħa, tal-maternità u tal-paternità, tal-invalidità, tax-xjuħija u tas-superstiti u l-benefiċċji marbutin ma’ aċċidenti fuq il-post tax-xogħol u ma’ mard okkupazzjonali.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (EFQEA) 26 tistabbilixxi 14-il kriterju għad-definizzjoni ta’ apprendistati ta’ kwalità u effettivi, li jiżguraw kemm l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati max-xogħol kif ukoll l-iżvilupp personali tal-apprendisti. Hija tqis id-diversità tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) madwar l-UE. F’xi każijiet, l-apprendisti koperti mill-EFQEA jistgħu jaqgħu wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sa fejn l-apprendisti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem” kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, b’kunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki reċenti tal-UE li għandhom l-għan li jagħtu s-setgħa lin-nies permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet. L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 27 tfittex li ssaħħaħ il-kompetittività sostenibbli tal-UE, tiżgura l-ġustizzja soċjali u tappoġġa r-reżiljenza taż-żgħażagħ.

Il-proposta hija konsistenti wkoll mal-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill “Ewropa Attiva” – opportunitajiet ta’ mobbiltà tal-apprendiment għal kulħadd tal-15 ta’ Novembru 2023 28 . Din għandha l-għan li tagħmel l-opportunitajiet ta’ tagħlim madwar l-UE aktar aċċessibbli għaż-żgħażagħ kollha, inklużi ż-żgħażagħ b’inqas opportunitajiet, bħall-persuni b’diżabilità. Tippromwovi wkoll l-attraenza tal-UE bħala destinazzjoni ta’ tagħlim għal talenti minn barra l-UE.

L-investimenti finanzjarji fit-titjib tal-ħiliet u fit-taħriġ mill-ġdid huma fil-qalba tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility), il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, l-Erasmus+ u l-Programm Ewropa Diġitali. L-iżvilupp tal-ħiliet huwa appoġġat ukoll mill-investimenti tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) fl-infrastruttura u t-tagħmir tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Din l-inizjattiva hija wkoll waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ ħiliet u ħaddiema fl-UE 29 .

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi fir-rigward ta’, fost l-oħrajn, il-“kundizzjonijiet tax-xogħol” kif stabbiliti fl-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE, filwaqt li tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Peress li ma fihiex miżuri li jaffettwaw direttament il-livell tal-paga, hija tirrispetta bis-sħiħ il-limiti imposti fuq l-azzjoni tal-Unjoni mill-Artikolu 153(5) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)

Il-Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships tal-2014 għen lill-Istati Membri jimplimentaw bidliet politiċi u leġiżlattivi, b’mod partikolari f’dawk li għandhom sistemi ta’ traineeships inqas żviluppati. Madankollu, għad hemm sfidi sinifikanti fl-użu u fil-kwalità tat-traineeships kif ukoll fl-aċċess għalihom fl-Istati Membri kollha. Inizjattiva tal-UE tista’ tgħin biex jiġu kkoordinati u ffukati l-isforzi tal-Istati Membri dwar miżuri li jistgħu jindirizzaw il-problemi speċifiċi identifikati fit-tipi kollha ta’ traineeships. Azzjoni tal-UE biss tista’ tistabbilixxi regoli komuni biex jinħoloq qafas konsistenti ta’ prinċipji u standards minimi fl-Istati Membri kollha. L-inizjattiva tappoġġa l-konverġenza soċjali ’l fuq tal-Istati Membri u l-infurzar aħjar tad-drittijiet tax-xogħol eżistenti, filwaqt li tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi aħjar għat-trainees u l-fornituri tat-traineeships fl-UE.

Azzjoni mill-Istati Membri biss b’reazzjoni għall-ħtieġa li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u li jiġu miġġielda r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships mhux neċessarjament ikollha l-istess livell ta’ protezzjoni f’termini ta’ trasparenza u prevedibbiltà u tirriskja li jiżdiedu d-diverġenzi bejn l-Istati Membri. L-isfidi identifikati għandhom għalhekk jiġu indirizzati fil-livell tal-UE.

Id-direttiva proposta hija bbażata fuq armonizzazzjoni minima tas-sistemi nazzjonali li tirrispetta d-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jistabbilixxu standards ogħla u tipprovdi l-possibbiltà li s-sħab soċjali jiġu fdati bl-implimentazzjoni tad-direttiva proposta. F’konformità mal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE, din se tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri permezz ta’ rekwiżiti minimi għall-implimentazzjoni gradwali.

Proporzjonalità

Din il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u b’hekk tiżgura li l-livell ta’ intervent se jinżamm għall-minimu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta. L-Istati Membri li diġà għandhom dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk imressqa f’din il-proposta mhux se jkollhom jibdluhom jew ibaxxuhom. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jmorru lil hinn mill-istandards minimi stabbiliti. Il-kostijiet marbuta ma’ din il-proposta huma raġonevoli u ġustifikati fid-dawl tal-objettiv li jissaħħaħ l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rispettat meta wieħed iqis id-daqs u n-natura tal-problemi identifikati. Pereżempju, l-impjegaturi jridu jipprovdu lill-awtoritajiet b’informazzjoni dwar it-traineeships biss fuq talba. Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din l-inizjattiva vvalutat u qabblet l-għażliet ta’ politika tagħhom fir-rigward tal-proporzjonalità meta mqabbla mal-linja bażi. L-għażla preferuta tħalli lok għall-Istati Membri biex jiddefinixxu l-metodu u l-forma ta’ intervent biex jintlaħqu l-objettivi. Għalhekk, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-problemi identifikati u jintlaħqu l-objettivi speċifiċi.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2)(b) flimkien mal-Artikolu 153(1)(b) tat-TFUE jipprevedu b’mod espliċitu li d-direttivi jkunu l-istrument legali li għandu jintuża biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom jiġu implimentati gradwalment mill-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Bejn 2022 u l-2023 twettqet evalwazzjoni 30 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships. Filwaqt li t-traineeships għadhom perkors importanti għaż-żgħażagħ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, sabet lok għal titjib f’termini tal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-QFT fil-prattika, kif ukoll għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tirregola t-traineeships. Diversi gruppi ta’ partijiet ikkonċernati raw il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu d-drittijiet tat-trainees fir-rigward tal-pagi u l-protezzjoni soċjali.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Attivitajiet speċifiċi ta’ konsultazzjoni saru fl-2022 bħala parti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-2023 tal-QFT 31 , b’mod partikolari permezz ta’ stħarriġ ta’ konsultazzjoni pubblika. L-evalwazzjoni inkludiet ukoll konsultazzjonijiet immirati tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali responsabbli għall-politiki tal-edukazzjoni, tat-taħriġ u tal-impjiegi, is-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-esperti akkademiċi li jaħdmu fuq kwistjonijiet tas-suq tax-xogħol, l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw liż-żgħażagħ, it-trainees żgħażagħ (preċedenti, attwali u potenzjali futuri) u partijiet ikkonċernati oħra fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali. Sabiex jintlaħqu dawn il-partijiet ikkonċernati kollha, intużaw attivitajiet u metodi ta’ konsultazzjoni differenti, bħal intervisti, laqgħat ta’ konsultazzjoni mmirati, stħarriġ immirat għat-trainees u studji tal-każijiet.

Saret konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali tal-UE skont l-Artikolu 154 tat-TFUE għal din il-proposta. Waqt l-ewwel stadju, li sar bejn il-11 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru 2023, is-sħab soċjali ġew ikkonsultati dwar il-ħtieġa u d-direzzjoni possibbli tal-azzjoni tal-UE 32 . Matul it-tieni stadju, bejn it-28 ta’ Settembru u d-9 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni kkonsultat lis-sħab soċjali dwar l-objettivi u l-perkorsi legali potenzjali għall-azzjoni tal-UE 33 . It-trade unions laqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li taġġorna l-QFT. Huma qiesu li, għalkemm il-prinċipji tal-QFT baqgħu rilevanti, it-trainees kienu jeħtieġu protezzjoni vinkolanti (fil-forma ta’ direttiva) biex jiżguraw kumpens, kundizzjonijiet tax-xogħol u protezzjoni soċjali ġusti. Din id-direttiva għandha tiżgura aċċess għad-drittijiet kollha li jgawdu l-ħaddiema regolari skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. It-trade unions saħqu li l-objettiv ewlieni tal-azzjoni tal-UE jrid ikun li jiġu stabbiliti standards minimi vinkolanti għat-traineeships fl-UE u li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi li jiskoraġġixxu l-abbuż. L-impjegaturi qiesu li l-prinċipji tal-QFT tal-2014 għadhom rilevanti. Fl-opinjoni tagħhom, għandha ssir enfasi aktar qawwija fuq l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tiegħu, iżda fil-fehma tagħhom Rakkomandazzjoni riveduta tal-Kunsill issib il-bilanċ xieraq bejn il-promozzjoni ta’ standards minimi u l-preservazzjoni tal-flessibbiltà. L-objettivi biex jiġi indirizzat l-użu problematiku tat-traineeships, it-titjib tal-kwalità tagħhom u t-trawwim tal-aċċess għalihom ġew appoġġati mill-impjegaturi. L-impjegaturi enfasizzaw ukoll in-nuqqas ta’ data, b’mod partikolari dwar it-traineeships tas-suq miftuħ, u r-rabta bejn il-pagi u l-kwalità tat-traineeships. Ma kien hemm l-ebda ftehim fost is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 155 tat-TFUE.

Barra minn hekk, bħala parti mill-istudju li jesplora l-kuntest, l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli fir-rigward tal-kwalità tat-traineeships fl-UE, sar stħarriġ online mal-partijiet ikkonċernati nazzjonali. Dan kellu l-għan li jiġbor informazzjoni dwar il-prattiki attwali tan-negozji fir-rigward tat-traineeships u li jidentifika prattiki tajbin implimentati fl-Istati Membri u l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tat-traineeships. L-istħarriġ dam għaddej mill-15 ta’ Ġunju sat-8 ta’ Settembru 2023 u kien immirat lejn l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tan-negozju/tal-impjegaturi, in-negozji individwali, it-trade unions nazzjonali, l-organizzazzjonijiet nazzjonali taż-żgħażagħ, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet edukattivi. Saru wkoll intervisti mmirati mal-partijiet ikkonċernati fil-livell tal-UE.

Sar stħarriġ iddedikat ma’ “Panel tal-SMEs” mid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni (DĠ EMPL), id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs (DĠ GROW), il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs (EISMEA) u bl-appoġġ tan-Network Enterprise Europe bejn it-12 ta’ Ottubru u d-9 ta’ Novembru 2023.

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru Flash (523) 34 eżamina l-perċezzjonijiet taż-żgħażagħ dwar l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq it-traineeships. Bejn il-15 u l-24 ta’ Marzu 2023, 26 334 persuna li għandhom bejn it-18 u l-35 sena mill-Istati Membri kollha għamlu l-istħarriġ online.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Id-direttiva proposta hija bbażata fuq diversi studji mwettqa biex isostnu l-analiżi tal-inizjattiva:

·riżultati preliminari minn studju kkummissjonat minn esperti esterni: “Study exploring the context, challenges and possible solution in relation to the quality of traineeships in the EU” minn konsorzju ta’ Ernst & Young (EY), iċ-Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej (CEPS) u Open Evidence (li jmiss);

·studju estern li jappoġġa l-evalwazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships, Rapport Finali, Jannar 2023 35 ;

·l-istħarriġ Flash tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni taż-żgħażagħ ta’ kif integraw fis-suq tax-xogħol, b’fokus partikolari fuq it-traineeships 36 ;

Ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew tal-2023 dwar traineeships ta’ kwalità fl-UE tqieset ukoll, flimkien mal-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew rilevanti tas-servizz ta’ riċerka tal-Parlament 37 .

Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt 38 . Din tat analiżi strutturata tal-problemi tal-politika, l-objettivi tal-politika u l-għażliet ta’ politika korrispondenti u vvalutat l-impatt tagħhom. Hija qieset is-sussidjarjetà, l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tal-għażliet identifikati u kif għandha tiġi mmonitorjata u evalwata l-inizjattiva fil-futur. Din il-ħidma kienet appoġġata minn konsultazzjoni strutturata fil-Kummissjoni permezz ta’ grupp ta’ tmexxija bejn is-servizzi 39 u l-istudju li jmiss “Study exploring the context, challenges and possible solution in relation to the quality of traineeships in the EU” imsemmi hawn fuq.

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat tliet problemi: (1) l-użu problematiku tat-traineeships mill-fornituri tat-traineeships, (2) il-kwalità baxxa tat-traineeships u (3) l-aċċess inugwali għat-traineeships. Il-valutazzjoni tal-impatt eżaminat tliet għażliet ta’ politika, li għaqdu kemm miżuri leġiżlattivi kif ukoll mhux leġiżlattivi li jindirizzaw l-objettivi tal-inizjattiva f’termini tal-infurzar tad-drittijiet tat-trainees applikabbli, il-prevenzjoni tal-użu problematiku tat-traineeships, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, it-titjib tal-kontenut tat-tagħlim, u t-titjib tal-aċċess għat-traineeships u l-inklużività tagħhom. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet qieset ukoll il-konsegwenzi potenzjali mhux intenzjonati tal-għażliet ta’ politika differenti, inkluż fuq l-offerta ta’ traineeships.

L-għażla ta’ politika ppreferuta identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt hija pakkett magħmul minn direttiva li tapplika għat-trainees li huma ħaddiema skont il-liġi tal-UE u rakkomandazzjoni tal-Kunsill aġġornata li tkopri t-trainees kollha. Dan il-pakkett huwa mistenni jġib benefiċċji soċjali lit-trainees billi jnaqqas it-traineeships problematiċi u ta’ kwalità baxxa permezz ta’ trattament ugwali, paga aktar ġusta u protezzjoni soċjali, u billi jtejjeb l-aċċess għat-traineeships, b’mod partikolari għall-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, inkluż il- persuni b’diżabbiltà, dawk li jgħixu f’reġjuni rurali, remoti u ultraperiferiċi, dawk bi sfond soċjoekonomiku u/jew ta’ migrazzjoni żvantaġġat, dawk mill-komunità tar-Rom, u dawk b’livell edukattiv aktar baxx. L-għażla ppreferuta hija mistennija tirriżulta f’benefiċċji ekonomiċi għall-fornituri tat-traineeships, bħal kompetizzjoni tas-suq aktar ġusta, produttività u gwadanji fil-kompetittività minħabba forza tax-xogħol b’aktar ħiliet u aktar diversa u kostijiet aktar baxxi ta’ tiftix, tqabbil u reklutaġġ. Fir-rigward tal-kostijiet assoċjati mal-għażla ppreferuta, dawn huma relatati ma’ żieda possibbli fil-kostijiet tax-xogħol, fil-kostijiet ta’ aġġustament u fil-kostijiet potenzjali li jirriżultaw minn proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji. Il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali huma mistennija jibbenefikaw minn żieda fid-dħul mit-taxxa u s-sigurtà soċjali u tnaqqis fl-infiq fuq il-protezzjoni u l-attivazzjoni soċjali.

Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet diskussa għall-ewwel darba mal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fit-13 ta’ Diċembru 2023. Fl-1 ta’ Frar 2024, ġie ppreżentat Rapport rivedut tal-valutazzjoni tal-impatt lill-Bord. Fit-22 ta’ Frar 2024, il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi 40 . Il-kummenti li kien fadal ġew indirizzati sussegwentement, billi ġew speċifikati aktar il-limitazzjonijiet tad-data użata, filwaqt li ssaħħu d-diskussjonijiet dwar kundizzjonijiet ekwi u kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni u ngħataw aktar kjarifiki mmirati dwar id-deskrizzjoni u l-valutazzjoni tal-għażliet ta’ politika.

Drittijiet fundamentali

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tipproteġi firxa wiesgħa ta’ drittijiet tax-xogħol. L-objettivi ta’ din il-proposta huma konformi mal-Karta. Billi tnaqqax fil-leġiżlazzjoni l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tat-trainees u tipprovdi miżuri li jiġġieldu r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships, il-proposta ssaħħaħ l-Artikolu 31 dwar id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u l-Artikolu 32 dwar il-protezzjoni taż-żgħażagħ fuq il-post tax-xogħol li jistipula li ż-żagħżagħ fuq il-post tax-xogħol jeħtieġ li jiġu protetti kontra l-isfruttament ekonomiku.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma teħtieġx riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Huwa propost li l-Istati Membri jittrasponu d-direttiva proposta sentejn wara l-adozzjoni tagħha u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni permezz tal-bażi tad-data MNE (Miżuri Nazzjonali għall-Eżekuzzjoni). F’konformità mal-Artikolu 153(3) tat-TFUE huma jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bit-traspożizzjoni permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri biex jimplimentaw id-direttiva proposta.

Il-Kummissjoni tipproponi rieżami tal-implimentazzjoni tad-direttiva proposta 5 snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni u li tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi. Il-progress fil-kisba tal-objettivi tal-inizjattiva se jiġi mmonitorjat minn sensiela ta’ indikaturi ewlenin relatati mal-objettivi tal-politika. Dawn l-indikaturi u s-sorsi ta’ data relatati huma speċifikati fl-Anness 15 tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-qafas ta’ monitoraġġ se jkun soġġett għal aktar aġġustamenti bbażati fuq ir-rekwiżiti legali u ta’ implimentazzjoni finali u l-iskeda ta’ żmien.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jużaw strumenti legali differenti biex jittrasponu d-direttiva proposta, u għalhekk huwa ġustifikat li l-Istati Membri jintalbu jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar. Dawn għandhom jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-direttiva proposta u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali, f’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 41 .

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1 – Suġġett

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi s-suġġett tad-Direttiva, li huwa li tistabbilixxi qafas komuni ta’ prinċipji u miżuri biex jittejbu u jiġu infurzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u biex jiġu miġġielda r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships.

Artikolu 2 – Definizzjonijiet

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi għadd ta’ termini u kunċetti meħtieġa għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (“traineeship”, “trainee”, “relazzjoni ta’ impjieg regolari” u “impjegat regolari”).

Kapitolu II – Trattament ugwali

Artikolu 3 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tat-trainees. Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ miżuri biex jiżguraw li t-trainees ma jiġux diskriminati fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, inkluż il-paga. Madankollu, raġunijiet oġġettivi, bħal kompiti differenti, responsabbiltajiet aktar baxxi, intensità tax-xogħol jew il-piż tal-komponent tat-tagħlim u t-taħriġ jistgħu jiġġustifikaw trattament differenti.

Din id-dispożizzjoni tapplika flimkien mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fid-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss, li tipprevedi t-trattament ugwali ta’ ħaddiema għal terminu fiss ma’ ħaddiema permanenti komparabbli fl-istess stabbiliment sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva. Id-dispożizzjoni addizzjonali fid-Direttiva hija meħtieġa, minn naħa waħda, peress li d-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss tippermetti lill-Istati Membri jeskludu ċerti trainees mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, biex tiżgura li l-ħaddiema għal terminu fiss f’pożizzjoni komparabbli jkunu jistgħu jservu wkoll bħala komparaturi.

Kapitolu III – Relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships

Artikolu 4 – Miżuri għall-ġlieda kontra r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiġġieldu l-fenomenu ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships. L-Istati Membri jridu jistabbilixxu dispożizzjonijiet għal kontrolli u spezzjonijiet effettivi mill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw każijiet fejn relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships iwasslu għal livelli aktar baxxi ta’ protezzjoni tal-ħaddiema, inklużi l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-paga, u biex jieħdu azzjoni f’każijiet bħal dawn.

Artikolu 5 – Valutazzjoni ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships

Dan l-artikolu jirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu valutazzjoni ġenerali tal-elementi fattwali rilevanti kollha meta jiddeterminaw jekk relazzjoni ta’ impjieg regolari hijiex taparsi traineeship. Din il-valutazzjoni għandha tqis diversi elementi bħad-durata, l-eżistenza ta’ komponent sinifikanti ta’ tagħlim u taħriġ, livelli ekwivalenti ta’ kompiti u responsabbiltajiet u jekk l-impjegatur jeħtieġx esperjenza ta’ xogħol preċedenti għat-traineeship.

Din tistipula wkoll obbligu ta’ informazzjoni għall-impjegaturi lejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex jgħinu lil dawn tal-aħħar iwettqu l-valutazzjoni. Dan l-obbligu japplika biss fuq talba mill-awtoritajiet. Trid tingħata informazzjoni dwar l-għadd u d-durata tat-traineeships, il-kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluż il-paga), il-komponenti tat-tagħlim u t-taħriġ u l-avviżi ta’ postijiet battala ta’ traineeship.

Barra minn hekk, jistipula li l-Istati Membri jeħtiġilhom jistabbilixxu limitu għal durata eċċessiva tat-traineeships għall-fini tal-valutazzjoni u jistabbilixxi regoli għall-kontenut tal-avviżi ta’ postijiet battala ta’ traineeship.

Kapitolu IV – Infurzar u miżuri ta’ appoġġ

Artikolu 6 – Implimentazzjoni u infurzar tal-liġi rilevanti tal-Unjoni

L-Artikolu 6 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jimplimentaw u jinfurzaw il-liġi tal-UE applikabbli għall-ħaddiema fir-rigward tat-trainees.

Artikolu 7 – Dritt għal rimedju

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu aċċess għal mekkaniżmu effettiv u imparzjali għas-soluzzjoni tat-tilwim u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, jekk id-drittijiet tat-trainee jinkisru skont id-Direttiva jew liġi oħra tal-UE applikabbli għall-ħaddiema.

Artikolu 8 – Proċeduri f’isem it-trainees jew b’appoġġ għalihom

Dan l-artikolu jippermetti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema jinvolvu ruħhom f’isem jew b’appoġġ għal trainee wieħed jew aktar fi proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi sabiex jinfurzaw id-drittijiet tat-trainees, dment li t-trainee jew it-trainees jaqblu. Dan għandu jgħin lit-trainees jegħlbu l-ostakli relatati mal-kostijiet jew dawk proċedurali.

Artikolu 9 – Protezzjoni kontra trattament ħażin u konsegwenzi

Din id-dispożizzjoni tistipula l-protezzjoni tat-trainees u tar-rappreżentanti tagħhom kontra trattament jew konsegwenzi negattivi, b’mod partikolari, fir-rigward tas-sensja jew l-ekwivalenti tagħha, għall-eżerċitar tad-drittijiet previsti skont id-Direttiva. Tistipula wkoll dritt tat-trainees, jekk iqisu li tkeċċew talli eżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva li jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet sostanzjati kif xieraq għas-sensja. Jekk trainee jippreżenta fatti li jindikaw tkeċċija minħabba li eżerċita d-drittijiet tiegħu skont id-Direttiva, id-dispożizzjoni tpoġġi l-piż fuq l-impjegatur biex jagħti prova li s-sensja jew miżuri ekwivalenti kienu bbażati fuq raġunijiet oħra.

Artikolu 10 – Penali

Dan l-Artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-obbligi skont id-Direttiva.

Kapitolu V – Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11 – Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Dan l-Artikolu jiċċara li l-ebda dispożizzjoni fid-Direttiva ma għandha tiġi interpretata biex tnaqqas il-protezzjoni tal-ħaddiema mogħtija minn strumenti oħra u li d-Direttiva ma tikkostitwixxix raġuni valida biex jitbaxxa l-livell ġenerali ta’ protezzjoni mogħti lill-ħaddiema, inklużi t-trainees. Dan jippermetti wkoll lill-Istati Membri jintroduċu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Artikolu 12 – Traspożizzjoni u implimentazzjoni

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-perjodu massimu li fih l-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni. Dan il-perjodu huwa stabbilit għal sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ. Barra minn hekk, tenfasizza li l-Istati Membri jridu jiżguraw involviment adegwat tas-sħab soċjali u jistgħu jafdawhom bl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Artikolu 13 – Rapportar u rieżami

Dan l-artikolu jirrikjedi li l-Istati Membri jippreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi abbozzat rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inkluża data dwar it-traineeships, 5 snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Dan jirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva jekk ikun meħtieġ.

Artikoli 14 u 15 – Dħul fis-seħħ u destinatarji

Dawn id-dispożizzjonijiet jistipulaw li d-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali u hija indirizzata lill-Istati Membri.

2024/0068 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u l-ġlieda kontra relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships (id-“Direttiva dwar it-Traineeships”)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), il-punt (b), flimkien mal-Artikolu 153(1), il-punt (b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 42 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 43 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)F’Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni għal Qafas ta’ Kwalità dwar it-Traineeships (ir-“Rakkomandazzjoni tal-2014”) biex jipprovdi standards ta’ kwalità fl-Unjoni kollha għat-traineeships. Huwa jirrakkomanda 21 prinċipju għat-traineeships biex tittejjeb il-kwalità tat-traineeships, b’mod partikolari biex jiġi żgurat kontenut ta’ tagħlim u taħriġ ta’ kwalità għolja u kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet mill-edukazzjoni għax-xogħol u tiżdied l-impjegabbiltà tat-trainees. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 tkopri t-traineeships kollha ħlief dawk li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali u dawk regolati skont il-liġi nazzjonali u li t-tlestija tagħhom hija rekwiżit obbligatorju għall-aċċess għal professjoni speċifika.

(2)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi 44 fiha 14-il kriterju għal apprendistati ta’ kwalità u effettivi bl-għan li jiġi żgurat li l-iskemi ta’ apprendistat jirrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol u jipprovdu benefiċċji kemm għall-istudenti kif ukoll għal min iħaddem. Dawn jinkludu kriterji għal kundizzjonijiet tat-tagħlim u tax-xogħol u kriterji għall-kundizzjonijiet qafas.

(3)Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ 45 imsaħħa għandha l-għan li tiżgura li ż-żgħażagħ taħt l-età ta’ 30 sena jirċievu offerta ta’ impjieg ta’ kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship fi żmien erba’ xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jitilqu mill-edukazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tal-2014 hija punt ta’ referenza importanti biex titkejjel il-kwalità tal-offerti ta’ traineeships taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa.

(4)In-nuqqas ta’ ħaddiema jeżisti f’ħafna xogħlijiet u fil-livelli kollha tal-ħiliet. Dan huwa mistenni li jiżdied bit-tnaqqis ipproġettat fil-popolazzjoni fl-età tax-xogħol u biż-żieda fid-domanda għal diversi xogħlijiet rilevanti għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-parteċipazzjoni aktar baxxa taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għal dawn in-nuqqasijiet. Traineeships ta’ kwalità jistgħu jkunu perkors utli ta’ titjib tal-ħiliet u/jew taħriġ mill-ġdid għal persuni ta’ kwalunkwe età biex jiksbu ħiliet prattiċi fl-impjieg biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew imexxu l-karriera tagħhom f’direzzjoni ġdida.

(5)It-traineeships jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza prattika u professjonali, itejbu l-impjegabbiltà tagħhom, u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom lejn impjieg stabbli. Minnhom infushom, it-traineeships huma perkors importanti għas-suq tax-xogħol. Għall-impjegaturi, it-traineeships jipprovdu opportunitajiet biex jattiraw, iħarrġu, u jżommu ż-żgħażagħ. Dawn jistgħu jnaqqsu l-kost tat-tiftix u r-reklutaġġ ta’ persunal b’ħiliet, meta t-trainees jiġu offruti pożizzjoni regolari wara t-traineeship tagħhom. Madankollu, dan jista’ jinkiseb biss jekk it-traineeships jkunu ta’ kwalità tajba u joffru kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti.

(6)Għad hemm sfidi rigward l-użu problematiku tat-traineeships, inkluż meta l-pożizzjonijiet regolari tal-impjegati jiġu li taparsi jkunu traineeships, li jċaħħdu lil dawk il-ħaddiema mid-drittijiet sħaħ tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi u joħolqu riskju li jinqabdu f’kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji. Ir-relazzjonijiet ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships ifixklu l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji billi jpoġġu lill-impjegaturi konformi fi żvantaġġ, iwasslu għall-evitar tal-obbligi fiskali u tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi u għal sostituzzjoni ta’ karigi permanenti. F’każijiet oħra, l-impjegaturi ta’ trainees “ġenwini” jistgħu ma jikkonformawx mar-rekwiżiti kollha li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika, u b’hekk iċaħħduhom mid-drittijiet sħaħ tagħhom.

(7)Barra minn hekk, it-trainees huma inqas probabbli li jiddefendu d-drittijiet tagħhom minħabba l-pożizzjonijiet vulnerabbli tagħhom fis-suq tax-xogħol. In-nuqqas, il-kumplessità jew id-diversità tal-oqfsa regolatorji għat-traineeships f’diversi Stati Membri flimkien ma’ infurzar insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u n-nuqqas ta’ kapaċità għal kontrolli u spezzjonijiet, kif ukoll in-nuqqas ta’ ċarezza rigward l-awtorità responsabbli għall-kontroll u l-infurzar, huma fost il-fatturi ewlenin li jwasslu għall-użu problematiku tat-traineeships.

(8)L-evidenza turi li proporzjon sinifikanti ta’ trainees huma soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli meta mqabbla mal-impjegati regolari, inkluż fir-rigward tas-sigħat tax-xogħol, l-intitolamenti għal-liv, u l-aċċess għat-tagħmir kif ukoll il-paga.

(9)Fil-livell tal-Unjoni, l-istrumenti legali eżistenti jipprovdu qafas għall-protezzjoni tal-ħaddiema, inklużi d-direttivi dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli 46 , pagi minimi adegwati 47 , ħin tax-xogħol 48 , saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol 49 , l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni 50 , il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw 51 , l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati 52 , ix-xogħol għal terminu fiss 53 , ix-xogħol part-time 54 , l-istazzjonar tal-ħaddiema 55 u dwar ix-xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija 56 . Dan il-qafas legali japplika bis-sħiħ għat-trainees li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-qafas legali tal-Unjoni jinkludi wkoll rakkomandazzjonijiet dwar il-kwalità tat-traineeships 57 u l-apprendistati 58 u dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom 59 .

(10)Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa 60  ressqet proposta biex jiġi żgurat li l-internships u l-impjiegi taż-żgħażagħ jaderixxu ma’ standards ta’ kwalità, inkluż dwar il-pagi u l-projbizzjoni ta’ internships mhux imħallsa fis-suq tax-xogħol u barra mill-edukazzjoni formali.

(11)Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni skont l-Artikolu 225 tat-TFUE b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar traineeships ta’ kwalità f’Ġunju 2023 61 . Fir-riżoluzzjoni tiegħu, huwa stieden lill-Kummissjoni “taġġorna u ssaħħaħ il-QFT tal-2014 u tittrasformah fi strument leġiżlattiv aktar b’saħħtu”. Stieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi prinċipji addizzjonali f’qafas ta’ kwalità aġġornat għat-traineeships. B’mod speċifiku, il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni “tipproponi direttiva dwar traineeships fis-suq tax-xogħol miftuħ, traineeships fil-kuntest ta’ ALMPs u traineeships li huma parti obbligatorja mit-taħriġ professjonali, sabiex jiġu żgurati standards minimi tal-kwalità, inklużi regoli dwar it-tul tat-traineeships, l-aċċess għall-ħarsien soċjali f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali kif ukoll remunerazzjoni li tiżgura standard ta’ għajxien deċenti sabiex jiġu evitati l-prattiki ta’ sfruttament”.

(12)Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar il-ħtieġa, l-objettivi u l-mezzi legali għal azzjoni potenzjali li tkompli ttejjeb il-kwalità tat-traineeships. Ma kien hemm l-ebda ftehim bejn is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet. Madankollu, huwa importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’dan il-qasam billi jiġi adattat il-qafas kurrenti dwar it-traineeships filwaqt li jitqiesu l-eżiti tal-konsultazzjoni mas-sħab soċjali.

(13)Il-Kummissjoni kkonsultat b’mod estensiv lill-partijiet ikkonċernati, inklużi t-trainees u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-fornituri tat-traineeships, l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, l-istituzzjonijiet edukattivi, u l-esperti mill-akkademja.

(14)L-Artikolu 153(2) flimkien ma’ (1)(b) tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw Direttivi li jistabbilixxu rekwiżiti minimi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 151 tat-TFUE, jiġifieri l-promozzjoni tal-impjiegi u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol.

(15)Meta jitqiesu l-isfidi persistenti rigward l-użu problematiku tat-traineeships fl-Unjoni, hija meħtieġa aktar azzjoni biex jiġu miġġielda r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships u biex jiġi żgurat li l-liġi rilevanti tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema tiġi implimentata u infurzata bis-sħiħ fir-rigward tat-trainees. Din id-Direttiva tindirizza dawn l-isfidi billi tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees fl-Unjoni u għall-ġlieda kontra r-relazzjonijiet ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships, billi tistabbilixxi qafas komuni ta’ prinċipji u miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat trattament ugwali u biex tiġi implimentata u infurzata l-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali applikabbli għall-ħaddiema b’mod aktar effettiv.

Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal trainees fl-Unjoni li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ fl-Istati Membri, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet kriterji għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem, li għandu jkun ibbażat fuq analiżi każ b’każ.

(17)Il-programmi ta’ tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol li jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ traineeship ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Għalhekk, l-apprendistati jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sa fejn l-apprendisti jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem” kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattiki fis-seħħ fl-Istati Membri, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(18)Il-Kapitolu III tad-Direttiva japplika għall-impjegati regolari li huma kklassifikati b’mod falz bħala trainees, jiġifieri meta l-impjegaturi jikklassifikaw relazzjoni ta’ impjieg regolari jew bħala traineeship li mhijiex relazzjoni ta’ impjieg, jew bħala traineeship li tikkostitwixxi relazzjoni ta’ impjieg, madankollu b’livell aktar baxx ta’ paga jew kundizzjonijiet tax-xogħol oħra minn dawk li l-impjegati regolari jkunu intitolati għalihom skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika.

(19)It-traineeships li huma relazzjonijiet ta’ impjieg jistgħu jiġu distinti minn relazzjonijiet ta’ impjieg “regolari” peress li huma limitati fiż-żmien, jinkludu komponent sinifikanti ta’ tagħlim u taħriġ u li jitwettqu sabiex tinkiseb esperjenza prattika u professjonali bl-għan li tittejjeb l-impjegabbiltà u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għall-impjieg jew l-aċċess għal professjoni.

(20)Il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni huwa xieraq biex jiġu miġġielda l-abbużi tat-traineeships, bħall-għoti ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol inqas favorevoli jew paga aktar baxxa meta mqabbla mal-impjegati regolari mingħajr ġustifikazzjoni xierqa, u biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tat-traineeships bħala perkors lejn opportunitajiet ta’ impjieg stabbli. Jista’ jgħin ukoll biex l-apprendistati jsiru aktar aċċessibbli għal gruppi ta’ ħaddiema f’sitwazzjoni vulnerabbli.

(21)Huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni għat-trainees li jenħtieġ li japplika flimkien mal-Klawżola 4 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, li tipprevedi li fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal terminu fiss ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema permanenti komparabbli biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva. It-trainees li għandhom relazzjoni ta’ impjieg huma skont id-definizzjoni “ħaddiema għal terminu fiss” skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva. Madankollu, il-klawżola tagħha dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma tippermettix li jsir paragun ma’ ħaddiema oħra għal terminu fiss. Barra minn hekk, il-Klawżola 2(2) tal-Anness ta’ dik id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri jeskludu ċerti tipi ta’ ħaddiema mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, inklużi relazzjonijiet inizjali ta’ taħriġ vokazzjonali u skemi ta’ apprendistat jew kuntratti ta’ impjieg u relazzjonijiet li ġew konklużi fi ħdan il-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew appoġġat pubblikament ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ mill-ġdid vokazzjonali. Hija tonqos ukoll milli tirrikonoxxi l-pożizzjoni partikolarment vulnerabbli li jinsabu fiha t-trainees. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi ggarantit li l-prinċipju ta’ trattament ugwali meta mqabbel mal-impjegati regolari japplika għat-trainees kollha li għandhom relazzjoni ta’ impjieg.

(22)L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż il-paga, it-trainees ma jiġux ittrattati b’mod inqas favorevoli minn impjegati regolari komparabbli fl-istess stabbiliment, sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva. Is-sempliċi fatt li wieħed ikun trainee ma jistax jikkostitwixxi raġuni għal trattament inqas favorevoli meta mqabbel mal-impjegati regolari fl-istess stabbiliment. Fl-istess ħin, kompiti differenti, responsabbiltajiet aktar baxxi jew intensità tax-xogħol meta mqabbla ma’ impjegati regolari komparabbli jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi għal trattament differenti, fejn rilevanti, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni. Madankollu, il-firxa ta’ trattament differenti jenħtieġ li tkun proporzjonata għal dawk ir-raġunijiet.

(23)L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni teħtieġ l-identifikazzjoni ta’ impjegat regolari komparabbli involut fl-istess tip ta’ xogħol jew okkupazzjoni jew simili għat-trainee, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kwalifiki u l-ħiliet.

(24)L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ miżuri xierqa biex jiġġieldu r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships bl-effett li jingħataw livelli aktar baxxi ta’ protezzjoni, inklużi kundizzjonijiet tax-xogħol u paga, minn dawk li l-ħaddiem ikkonċernat ikun intitolat għalihom skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika tal-Unjoni jew nazzjonali.

(25)Huwa meħtieġ li jiġu żgurati kontrolli u spezzjonijiet effettivi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti peress li huma essenzjali biex jiġu protetti d-drittijiet tat-trainees u biex jiġu miġġielda r-relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships. Jenħtieġ li dawn ikunu mmirati biex tiġi evitata s-sostituzzjoni ta’ impjieg regolari bi traineeships moħbija u biex jiġu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema.

(26)Il-valutazzjoni dwar jekk relazzjoni ta’ impjieg regolari hijiex taparsi traineeship jenħtieġ li tkun ibbażata fuq iċ-ċirkostanzi fattwali u mhux fuq il-ħatra formali tar-relazzjoni kuntrattwali. Sabiex jiġi ddeterminat jekk relazzjoni ta’ impjieg regolari hijiex taparsi traineeship, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni ġenerali tal-fatti rilevanti kollha. Sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti elementi ewlenin li jippermettu li ssir distinzjoni bejn relazzjoni ta’ impjieg regolari u traineeship moħbija. Il-valutazzjoni ta’ dawk l-elementi jenħtieġ li titwettaq fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ speċifiku. Għalhekk, l-elementi msemmija huma indikattivi u mhux eżawrjenti u mingħajr il-ħtieġa li jintlaħaq limitu speċifiku.

(27)Ir-rekwiżit ta’ esperjenza ta’ xogħol preċedenti għal traineeship fl-istess qasam ta’ attività jew f’qasam simili ta’ attività mhux bilfors jindika relazzjoni ta’ impjieg regolari li taparsi tkun traineeship jekk l-impjegatur jipprovdi ġustifikazzjoni bħal perjodu ekwivalenti ta’ esperjenzi ta’ xogħol preċedenti bħala alternattiva għal lawrja f’ċertu qasam ta’ attività jew għarfien espert.

(28)Meta l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-analiżi tagħhom tal-fatti rilevanti biex jiddeterminaw teżistix relazzjoni ta’ impjieg regolari li taparsi tkun traineeship, l-informazzjoni meħtieġa biex titwettaq din l-analiżi mhux dejjem tkun faċilment aċċessibbli għalihom. Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom, l-impjegaturi jenħtieġ li jkunu obbligati jipprovdulhom l-informazzjoni meħtieġa li tinsab fil-kontroll tagħhom fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti.

(29)L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom miżuri xierqa fis-seħħ biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni ta’ jekk allegata traineeship ġenwinament tikkostitwixxix traineeship. Dan jenħtieġ li jinkludi limitu ta’ żmien li jindika durata eċċessiva ta’ traineeship u ta’ traineeships ripetuti, inklużi konsekuttivi, mal-istess impjegatur. Fil-prinċipju, durata massima raġonevoli ta’ traineeships jenħtieġ li ma taqbiżx is-sitt xhur, kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni tal-2014. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li durata itwal tkun ġustifikata jekk tkun ibbażata fuq raġunijiet oġġettivi. Eżempji ta’ eċċezzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu traineeships li t-tlestija tagħhom hija rekwiżit obbligatorju għall-aċċess għal professjoni speċifika, li t-trajettorja tagħha biex jinkisbu l-għarfien, il-kompetenzi u l-esperjenza meħtieġa teħtieġ esperjenza ta’ traineeship itwal. Ċerti traineeships li huma parti minn politiki attivi tas-suq tax-xogħol immirati lejn l-integrazzjoni ta’ persuni f’sitwazzjoni vulnerabbli jistgħu jibbenefikaw ukoll minn durata itwal. Xi traineeships li huma parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni formali jew tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jista’ jkollhom durata itwal għal raġunijiet marbuta mal-kurrikuli. 

(30)L-obbligu għall-impjegaturi li jinkludu informazzjoni dwar il-kompiti mistennija, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga, il-protezzjoni soċjali, l-elementi ta’ tagħlim u taħriġ fl-avviżi ta’ postijiet battala u r-reklami għat-traineeships jista’ jiġi ssodisfat billi tiġi inkluża link għal sit web li jkun fih din l-informazzjoni.

(31)Minbarra din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ tad-drittijiet minquxa fl-acquis tal-Unjoni applikabbli għat-trainees li għandhom relazzjoni ta’ impjieg.

(32)Ġiet żviluppata sistema estensiva ta’ dispożizzjonijiet ta’ infurzar għall-acquis soċjali fl-Unjoni fi strumenti legali reċenti, bħad-Direttiva (UE) 2019/1152 u d-Direttiva (UE) 2023/970 62 . Tali dispożizzjonijiet jenħtieġ li jiġu inklużi f’din id-Direttiva biex jgħinu jiżguraw l-infurzar u d-difiża effettivi tad-drittijiet tat-trainees li jirriżultaw minn din id-Direttiva u minn liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

(33)It-trainees jenħtieġ li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat. It-trainees jenħtieġ li jiġu infurmati dwar il-mekkaniżmi ta’ rimedju għall-fini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal rimedju. B’kunsiderazzjoni għan-natura fundamentali tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva, it-trainees jenħtieġ li jkomplu jgawdu minn tali protezzjoni anke wara t-tmiem tat-traineeship li jwassal għal allegat ksur tad-drittijiet skont din id-Direttiva u liġi rilevanti oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

(34)Sabiex jiġi pprovdut livell aktar effettiv ta’ protezzjoni tat-trainees, ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jenħtieġ li jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi proċedimenti sabiex jiddefendu kwalunkwe dritt jew obbligu li jirriżulta minn din id-Direttiva jew minn liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema f’isem jew b’appoġġ għal trainee wieħed jew aktar.

(35)It-trainees jenħtieġ li jingħataw protezzjoni ġudizzjarja u amministrattiva adegwata kontra kwalunkwe trattament negattiv u konsegwenza b’reazzjoni għal kwalunkwe lment imressaq lill-impjegatur jew li jirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bl-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva jew f’liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema. B’mod partikolari, it-trainees jenħtieġ li jkunu protetti mis-sensja jew l-ekwivalenti tagħha u t-tħejjijiet kollha għas-sensja jew l-ekwivalenti tagħha għall-eżerċitar tad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva jew f’liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

(36)L-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu regoli dwar penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal każijiet ta’ ksur tad-drittijiet previsti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-penali jistgħu jinkludu penali amministrattivi u finanzjarji, bħal multi jew il-ħlas ta’ kumpens, kif ukoll tipi oħra ta’ penali.

(37)Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tħalli l-prerogattiva tal-Istati Membri fis-seħħ sabiex jintroduċu u jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli. Id-drittijiet miksuba skont il-qafas legali eżistenti jenħtieġ li jkomplu jibqgħu japplikaw, sakemm ma jiddaħħlux dispożizzjonijiet iktar favorevoli minn din id-Direttiva.

(38)Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu infurzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u li jiġu miġġielda r-relazzjonijiet regolari ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(39)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali bla bżonn, b’mod partikolari jekk iżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Għalhekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jivvalutaw l-impatt tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq dawk l-intrapriżi sabiex jiżguraw li ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-mikrointrapriżi u lill-piż amministrattiv, jippubblikaw ir-riżultati ta’ tali valutazzjonijiet, u jipprovdu appoġġ lil dawk l-intrapriżi kif meħtieġ.

(40)L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkunu jistgħu f’kull ħin jiggarantixxu r-riżultati mfittxija skont din id-Direttiva. Skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, jenħtieġ li jieħdu wkoll miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u biex jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Kapitolu I
Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1
Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta’ prinċipji u miżuri għat-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u għall-ġlieda kontra r-relazzjonijiet regolari ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“traineeship” tfisser perjodu limitat ta’ prattika tax-xogħol li jinkludi komponent sinifikanti ta’ tagħlim u taħriġ, imwettaq biex tinkiseb esperjenza prattika u professjonali bil-ħsieb li tittejjeb l-impjegabbiltà u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni għal relazzjoni ta’ impjieg regolari jew l-aċċess għal professjoni;

(b)“trainee” tfisser kwalunkwe persuna li twettaq traineeship li jkollha kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

(c)“relazzjoni ta’ impjieg regolari” tfisser kwalunkwe relazzjoni ta’ impjieg li mhijiex traineeship;

(d)“impjegat regolari” tfisser kwalunkwe persuna f’relazzjoni ta’ impjieg regolari.

Kapitolu II
Trattament ugwali

Artikolu 3
Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż il-paga, it-trainees ma jiġux ittrattati b’mod inqas favorevoli minn impjegati regolari komparabbli fl-istess stabbiliment, sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva, bħal kompiti differenti, responsabbiltajiet aktar baxxi, intensità tax-xogħol jew il-piż tal-komponent tat-tagħlim u t-taħriġ.

Meta ma jkun hemm l-ebda impjegat regolari komparabbli fl-istess stabbiliment, il-paragun għandu jsir b’referenza għall-ftehim kollettiv applikabbli, jew fejn ma jkun hemm l-ebda ftehim kollettiv applikabbli, skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

Kapitolu III
Relazzjonijiet ta’ impjieg regolari li taparsi jkunu traineeships

Artikolu 4
Miżuri għall-ġlieda kontra r-relazzjonijiet regolari ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships

L-Istati Membri għandhom jipprevedu kontrolli u spezzjonijiet effettivi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw u jieħdu miżuri ta’ infurzar kontra prattiki meta relazzjoni ta’ impjieg regolari taparsi tkun traineeship bl-effett li jingħataw livelli aktar baxxi ta’ protezzjoni, inklużi kundizzjonijiet tax-xogħol u paga, minn dawk li l-ħaddiem ikkonċernat ikun intitolat għalihom skont il-liġi, il-ftehimiet kollettivi jew il-prattika tal-Unjoni jew nazzjonali.

Artikolu 5
Valutazzjoni ta’ relazzjonijiet regolari ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships

1.Sabiex jiġi ddeterminat jekk allegat traineeship jikkostitwixxix relazzjoni ta’ impjieg regolari, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu valutazzjoni ġenerali tal-elementi fattwali rilevanti kollha. Dik il-valutazzjoni għandha tqis, fost l-oħrajn, l-elementi indikattivi li ġejjin:

(a)in-nuqqas ta’ komponent sinifikanti ta’ tagħlim jew taħriġ fl-allegat traineeship;

(b)id-durata eċċessiva tal-allegat traineeship jew traineeships multipli u/jew konsekuttivi mal-istess impjegatur mill-istess persuna;

(c)livelli ekwivalenti ta’ kompiti, responsabbiltajiet u intensità tax-xogħol għall-allegati trainees u impjegati regolari f’pożizzjonijiet komparabbli mal-istess impjegatur;

(d)ir-rekwiżit ta’ esperjenza ta’ xogħol preċedenti għal kandidati għal traineeships fl-istess qasam ta’ attività jew f’qasam ta’ attività simili mingħajr ġustifikazzjoni xierqa;

(e)proporzjon għoli ta’ allegati traineeships meta mqabbla ma’ relazzjonijiet regolari ta’ impjieg mal-istess impjegatur;

(f)għadd sinifikanti ta’ allegati trainees mal-istess impjegatur li kienu temmew żewġ traineeships jew aktar jew kellhom relazzjonijiet ta’ impjieg regolari fl-istess qasam ta’ attività jew f’qasam ta’ attività simili, qabel ma bdew l-allegat traineeship.

2.Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-impjegatur għandu, fuq talba, jipprovdi lil dawk l-awtoritajiet bl-informazzjoni li ġejja:

(a)l-għadd ta’ traineeships u relazzjonijiet ta’ impjieg regolari

(b)id-durata tat-traineeships;

(c)il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga, il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-allegati trainees u ta’ impjegati regolari f’pożizzjonijiet komparabbli;

(d)id-deskrizzjonijiet tal-komponenti tat-tagħlim u t-taħriġ tat-traineeships;

(e)l-avviżi ta’ postijiet battala għat-traineeships.

3.Biex jiffaċilitaw il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom:

(a)jiddefinixxu limitu ta’ żmien li jindika durata eċċessiva ta’ traineeship u ta’ traineeships ripetuti, inklużi konsekuttivi, mal-istess impjegatur;

(b)jirrikjedu li l-impjegaturi jinkludu informazzjoni dwar il-kompiti mistennija, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga, il-protezzjoni soċjali, l-elementi tat-tagħlim u t-taħriġ fl-avviżi ta’ postijiet battala u r-reklami għat-traineeships.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet għal-limitu ta’ żmien fil-punt (a) f’każijiet fejn durata itwal tkun ġustifikata fuq bażi oġġettiva.

Kapitolu IV
Infurzar u miżuri ta’ appoġġ

Artikolu 6
Implimentazzjoni u infurzar tal-liġi rilevanti tal-Unjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri effettivi biex jiżguraw li l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema tiġi implimentata u infurzata bis-sħiħ fir-rigward tat-trainees. B’mod partikolari għandhom:

(a)jiżguraw li l-informazzjoni dwar id-drittijiet tat-trainees tkun disponibbli għall-pubbliku b’mod ċar, komprensiv u faċilment aċċessibbli;

(b)jiżviluppaw gwida għall-impjegaturi tat-trainees rigward il-qafas legali għat-traineeships, inklużi l-aspetti rilevanti tal-liġi tax-xogħol u tal-protezzjoni soċjali;

(c)jipprevedu kontrolli u spezzjonijiet effettivi mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jinfurzaw il-liġi tax-xogħol rilevanti fir-rigward tat-trainees;

(d)jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jiġu pprovduti bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji meħtieġa biex iwettqu kontrolli u spezzjonijiet effettivi u jkollhom il-kompetenza li jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi;

(e)jiżviluppaw il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ u gwida, biex b’mod proattiv jimmiraw u jsegwu impjegaturi mhux konformi;

(f)jiżguraw, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, mezzi għat-trainees biex jirrapportaw prattiki ħżiena u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, u jipprovdu informazzjoni dwar dawk il-mezzi

Artikolu 7
Dritt għal rimedju

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trainees, inklużi dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun intemmet, ikollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw minn din id-Direttiva jew minn liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

Artikolu 8
Proċeduri f’isem it-trainees jew b’appoġġ għalihom

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva rilevanti biex jinfurzaw id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva jew minn liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema. Huma jistgħu jaġixxu f’isem jew b’appoġġ ta’ trainee wieħed jew aktar fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe dritt jew obbligu li jirriżulta minn din id-Direttiva jew minn liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema, bl-approvazzjoni ta’ dak it-trainee jew ta’ dawk it-trainees.

Artikolu 9
Protezzjoni kontra trattament ħażin u konsegwenzi

1.L-Istati Membri għandhom jintroduċu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lit-trainees u lir-rappreżentanti tagħhom minn kwalunkwe trattament negattiv mill-impjegatur u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq lill-impjegatur jew li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bl-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet previsti f’din id-Direttiva jew f’liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

2.B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprojbixxu t-tkeċċija jew l-ekwivalenti tagħha, u t-tħejjijiet kollha għat-tkeċċija jew l-ekwivalenti tagħha, ta’ trainees minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva jew f’liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema.

3.It-trainees li jqisu li ġew imkeċċija, jew li kienu soġġetti għal miżuri b’effett ekwivalenti, minħabba li eżerċitaw id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, jew f’liġi oħra tal-Unjoni applikabbli għall-ħaddiema, jistgħu jitolbu lill-impjegatur jipprovdi raġunijiet debitament sostanzjati għat-tkeċċija jew il-miżuri ekwivalenti. L-impjegatur għandu jipprovdi dawk ir-raġunijiet bil-miktub.

4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, meta t-trainees imsemmija fil-paragrafu 3 jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità jew korp kompetenti ieħor, fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt li kien hemm tali tkeċċija jew miżuri ekwivalenti, għandu jkun f’idejn l-impjegatur li jagħti prova li t-tkeċċija jew miżuri ekwivalenti kienu bbażati fuq raġunijiet għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 2.

5.L-Istati Membri ma għandhomx jinħtieġu japplikaw il-paragrafu 4 għal proċedimenti fejn hija l-qorti jew awtorità jew korp kompetenti ieħor li għandhom jinvestigaw il-fatti tal-każ.

6.Il-paragrafu 4 ma għandux japplika għal proċedimenti kriminali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Istat Membru.

Artikolu 10
Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jew id-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ dwar id-drittijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Kapitolu V
Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 11
Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.L-ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva ma għandha tinftiehem bħala li tnaqqas il-protezzjoni tal-ħaddiema mogħtija minn strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni, tal-liġi nazzjonali, tal-ftehimiet kollettivi jew il-prattika.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema, inklużi t-trainees, fl-Istati Membri.

3.Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamentazzjoni jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

Artikolu 12
Traspożizzjoni u implimentazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih.

2.Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

4.L-Istati Membri għandhom, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali tagħhom, jieħdu miżuri adegwati biex jiżguraw l-involviment effettiv tas-sħab soċjali u biex jippromwovu u jtejbu d-djalogu soċjali bil-ħsieb li tiġi implimentata din id-Direttiva.

5.L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu b’mod konġunt li jagħmlu dan u dment li l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba minn din id-Direttiva.

Artikolu 13
Rapportar u rieżami

1.Sa [5 snin wara d-data tat-traspożizzjoni], l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva li hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tfassal rapport. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi data dwar traineeships għall-finijiet li tippermetti l-monitoraġġ u l-valutazzjoni xierqa tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

2.Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport għandu, jekk adatt, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva.

Artikolu 14
Dħul fis-seħħ

Id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 15
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss 2019-2024. “Unjoni li Tirsisti għal Aktar. L-Aġenda Tiegħi għall-Ewropa.” Disponibbli online .
(2)    Il-qgħad fost iż-żgħażagħ (15-25 sena) kien ta’ 14,9 % f’Jannar 2024, meta mqabbel mar-rata ġenerali tal-qgħad (20-64 sena) ta’ 6 % (Eurostat).
(3)     COM(2021) 102 final.
(4)     Ewrobarometru Flash 523 (2964 / FL523).
(5)    Dan ma jinkludix traineeships li huma obbligatorji għall-aċċess għal professjoni.
(6)    Dawn in-numri għandhom jiġu interpretati b’kawtela peress li huma bbażati fuq il-kombinazzjoni tar-riżultati tal-Ewrobarometru Flash 523 (is-sehem ta’ trainees li għamlu traineeships b’durata totali ta’ aktar minn 6 xhur li ddikjaraw ukoll li ma tgħallmux affarijiet utli professjonalment) u d-data tal-EU-LFS dwar l-għadd ta’ trainees imħallsa.
(7)    Disponibbli online .
(8)     Conference on the Future of Europe. Report on the final outcome. May 2022.
(9)     Disponibbli online .  
(10)     Disponibbli online .  
(11)     Disponibbli online .  
(12)     COM(2022) 548 final .
(13)    COM(2024) 133.
(14)     ĠU C 456, 18.12.2018, p. 16.
(15)    COM(2024) 1 final.
(16)    COM(2020) 276 final.
(17)    ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1–9.
(18)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16.
(19)     Disponibbli online .
(20)    ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105–121.
(21)    ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43–48. Il-Klawżola 2 tad-Direttiva dwar Xogħol għal Żmien Fiss tistipula li l-Istati Membri, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali u/jew is-sħab soċjali jistgħu jipprevedu li d-Direttiva ma tapplikax għal relazzjonijiet inizjali ta’ taħriġ vokazzjonali u skemi ta’ apprendistat jew kuntratti ta’ impjieg u relazzjonijiet li ġew konklużi fi ħdan il-qafas ta’ programm speċifiku pubbliku jew appoġġat pubblikament ta’ taħriġ, integrazzjoni u taħriġ vokazzjonali mill-ġdid.
(22)    ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33–47.
(23)    ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1–8.
(24)    ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16–22.
(25)    ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1–8.
(26)    ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1–6.
(27)    COM(2020) 274 final.
(28)    COM(2023) 719 final. 2023/0405(NLE).
(29)    COM(2024) 131.
(30)    Il-Kummissjoni Ewropea (2023) Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships ( SWD(2023) 9 final ).
(31)    Il-Kummissjoni Ewropea (2023) Evalwazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta’ Kwalità għat-Traineeships ( SWD(2023) 9 final ).
(32)     Disponibbli online .
(33)     Disponibbli online .
(34)     Ewrobarometru: it-traineeships jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu l-ewwel impjieg (europa.eu)
(35)     Disponibbli online .  
(36)     Disponibbli online .
(37)    The Quality of Traineeships in the EU – European added value assessment. Disponibbli online .
(38)    Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt (2024), li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib u l-infurzar tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-trainees u l-ġlieda kontra r-relazzjonijiet ta’ impjieg li taparsi jkunu traineeships u l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships imsaħħaħ (għadha se toħroġ).
(39)    Inkluż is-Servizz Legali, is-SĠ, id-DĠ CNECT, id-DĠ EAC, il-JRC, id-DĠ COMM, id-DĠ GROW, id-DĠ JUST, id-DĠ REGIO u d-DĠ AGRI.
(40)    Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, it-Tieni Opinjoni “Pożittiva b’riżervi” dwar il-valutazzjoni tal-impatt Qafas tal-Kwalità għat-traineeships tat-28 ta’ Frar 2024 (li għandha tiġi ppubblikata).
(41)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(42)    ĠU C , , p. .
(43)    ĠU C , , p. .
(44)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).
(45)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ 2020/C 372/01 2020/C 372/01 (ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1).
(46)    Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kondizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 105).
(47)    Id-Direttiva (UE) 2022/2041 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 275, 25.10.2022, p. 33).
(48)    Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9).
(49)    Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.06.1989, p. 1).
(50)    Fost oħrajn: Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16).
(51)    Id-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79).
(52)    Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati fil-Komunità Ewropea - Dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar ir-rappreżentanza tal-ħaddiema (ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29).
(53)    Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU L 175, 10.7.1999, p. 43).
(54)    Id-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal-15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill- UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC – Anness: Il-ftehim qafas dwar xogħol part-time (ĠU L 14, 20.1.1998, p. 9).
(55)    Id-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16).
(56)    Id-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU L 327, 5.12.2008, p. 9).
(57)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1).
(58)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi (ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1).
(59)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom (ĠU C 387, 15.11.2019, p. 1).
(60)     Rapport dwar l-eżitu finali – Mejju 2022 .
(61)    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Ġunju 2023 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar traineeships ta’ kwalità fl-Unjoni (2020/2005 (INL)).
(62)    Id-Direttiva (UE) 2023/970 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li ssaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali bejn l-irġiel u n-nisa permezz ta’ trasparenza fil-pagi u mekkaniżmi ta’ infurzar, ĠU L 132, 17.5.2023, p. 21.