IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.10.2024
COM(2024) 456 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Finanzjament għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali
Ir-rapport tal-2024 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
Finanzjament għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali
Rapport annwali tal-2024 dwar l-applikazzjoni tal-
Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-programm CERV
3.Promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE
4.Finanzjament għad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri
5.Kooperazzjoni bejn l-UE u donaturi pubbliċi u privati oħra
6.Konklużjoni
1.Introduzzjoni
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) tiġbor flimkien id-drittijiet fundamentali li għalihom huwa intitolat kulħadd fl-Unjoni Ewropea. Hekk kif il-25 anniversarju tal-proklamazzjoni tagħha qiegħed joqrob fl-2025, id-drittijiet, il-libertajiet u l-priniċpji tal-Karta jibqgħu importanti bħal dejjem.
|
Meta tapplika l-Karta?
Sa mill-2009, il-Karta għandha l-istess valur legali bħat-Trattati, id-dritt tal-UE li fuqu huma bbażati l-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-UE. L-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jeħtiġilhom jikkonformaw magħha fl-attivitajiet kollha tagħhom, kif jeħtiġilhom l-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-UE.
L-Istati Membri jimplimentaw id-dritt tal-UE b’mod partikolari meta:
- jagħtu effett lil-leġiżlazzjoni tal-UE billi jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali;
- jadottaw leġiżlazzjoni fejn id-dritt tal-UE jimponi obbligi speċifiċi jew jippermetti deroga;
- jimplimentaw programmi ta’ finanzjament tal-UE f’konformità mar-regoli ta’ finanzjament tal-UE.
|
Fl-Istrateġija tal-2020 tagħha biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE (l-Istrateġija tal-Karta), il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet miżuri biex ittejjeb l-użu tal-Karta biex tappoġġa l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-politiki kollha tal-UE. Mod wieħed biex il-Kummissjoni turi l-applikazzjoni tal-Karta huwa billi tippreżenta rapporti annwali tematiċi dwar l-applikazzjoni tal-Karta. Ir-rapport dwar il-Karta ta’ din is-sena huwa ddedikat għall-finanzjament għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali.
|
L-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali fil-finanzjament tal-UE. Matul is-snin, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) iċċarat ir-relazzjoni bejn il-finanzjament tal-UE u l-applikazzjoni tal-Karta. Skont il-QĠUE l-Istati Membri huma meqjusa li qegħdin iwettqu “implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni” u huma obbligati jirrispettaw id-drittijiet u jippromwovu l-applikazzjoni tal-Karta meta d-dritt tal-UE dwar il-finanzjament ikun qiegħed jiġi implimentat. Dan jinkludi, b’mod partikolari, it-tfassil ta’ dokumenti ta’ programmazzjoni, l-istabbiliment tas-sistemi ta’ ġestjoni, ta’ monitoraġġ u ta’ kontroll, l-implimentazzjoni tal-programm, u t-twettiq tal-azzjonijiet konkreti deskritti f’deskrizzjoni ta’ proġett. Flimkien mal-awtoritajiet ta’ ġestjoni nazzjonali u l-korpi intermedji, ċerti benefiċjarji tal-proġett jistgħu jitqiesu li qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-UE u jkunu marbuta mill-Karta.
|
Il-finanzjament iddedikat għandu rwol ċentrali fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki tad-drittijiet fundamentali tal-UE fl-Istati Membri. Il-Kummissjoni għarfet b’mod partikolari l-ħtieġa li tappoġġa lis-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-leġiżlaturi, l-imħallfin u prattikanti oħrajn tal-ġustizzja u oħrajn fl-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni fakkret fid-diffikultajiet irrapportati minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-aċċess għall-finanzjament, u ħadet passi biex tappoġġa ambjent favorevoli għall-OSĊ. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha dwar il-promozzjoni tal-involviment u l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fi proċessi pubbliċi ta’ tfassil ta’ politika, il-Kummissjoni ħeġġet lill-Istati Membri biex jiddedikaw finanzjament għall-parteċipazzjoni tal-OSĊ u biex isaħħu r-reżiljenza tagħhom meta jiffaċċjaw theddid u attakki. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll il-ħtieġa kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Kummissjoni li jiżguraw li proġetti ffinanzjati mill-UE jikkonformaw mal-valuri tal-UE u mad-dritt tal-UE, inkluża l-Karta.
|
Seminar tal-Kummissjoni Ewropea tal-2023 dwar l-appoġġ għas-soċjetà ċivili permezz tal-finanzjament. F’Ġunju tal-2023, il-Kummissjoni organizzat seminar dwar l-appoġġ għall-OSĊ permezz ta’ finanzjament. Bħala parti mis-segwitu għar-rapport dwar il-Karta tal-2022 dwar spazju ċiviku b’saħħtu, is-seminar ippermetta skambju bejn is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u donaturi oħrajn dwar l-aqwa prattiki ta’ finanzjament u s-sinerġiji. Aktar azzjoni ssuġġerita mill-parteċipanti kienet tinkludi l-provvista kontinwa ta’ finanzjament għall-bini tal-kapaċità, għar-reżiljenza u għall-protezzjoni permezz tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali. Il-parteċipanti ħeġġew ukoll djalogu regolari mad-donaturi biex ikunu żgurati l-komplementarjetà u d-diversifikazzjoni tal-finanzjament, jiżdiedu l-aċċessibbiltà u l-flessibbiltà tiegħu, u biex ikun permess apprendiment reċiproku fost id-donaturi.
|
Matul dan il-mandat (2019-2024), il-Kummissjoni saħħet l-enfasi tagħha fuq il-finanzjament biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE, inkluż billi tiġġestixxi l-baġit li ġie miżjud b’mod sostanzjali tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV). Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll kundizzjonalitajiet tad-drittijiet fundamentali biex tiżgura li l-finanzjament tal-UE jintefaq b’mod li huwa konformi mad-drittijiet fundamentali u mal-valuri tal-UE. Mill-adozzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali kurrenti, bosta kriżijiet globali enfasizzaw il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-atturi li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Karta fl-UE kollha.
Dan ir-rapport dwar il-Karta jipprovdi ħarsa ġenerali tal-iżviluppi fil-qasam tal-finanzjament rilevanti għad-drittijiet fundamentali. Bħal fi snin preċedenti, dan ifittex li jipprovdi stampa ta’ dawn l-elementi li l-partijiet ikkonċernati identifikaw bħala rilevanti billi jippreżenta l-kisbiet u l-isfidi. L-eżempji kollha ma humiex eżawrjenti u huma inklużi għal skopijiet illustrattivi biss. L-anness jelenka xi wħud mill-proġetti rrapportati mill-partijiet ikkonċernati bħala eżempji ta’ promozzjoni tad-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta.
|
Fuq liema materjal huwa bbażat dan ir-rapport?
Il-Kummissjoni ħadmet mal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) biex tiġbor data għar-rapport. Flimkien mal-materjal miġbur mill-Kummissjoni u l-FRA, dan ir-rapport huwa bbażat fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-feedback tal-konsultazzjoni, inkluż:
·konsultazzjonijiet immirati ma’: (i) Stati Membri u l-punti fokali tal-Karta; (ii) donaturi internazzjonali pubbliċi u privati; u (iii) in-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (ENNHRI) u n-Network Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza (Equinet) u l-membri tagħhom;
·konsultazzjoni online permezz tan-network tas-soċjetà ċivili tal-FRA, il-pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali;
·kontribuzzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati li waslu minn attivitajiet oħrajn tal-Kummissjoni, bħal fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-“Kundizzjoni Abilitanti Orizzontali dwar l-applikazzjoni effettiva tal-Karta (HEC tal-Karta)”.
|
Ir-rapport dwar il-Karta huwa wkoll opportunità biex tiġi analizzata l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Karta. L-avvanzi li ġejjin jistgħu jiġu rrapportati mis-sena li għaddiet:
|
Kif ġiet implimentata l-istrateġija tal-Karta matul is-sena li għaddiet?
-F’Diċembru tal-2023, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport annwali tal-2023 tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta, iddedikat għall-protezzjoni legali effettiva u l-aċċess għall-ġustizzja.
-F’Marzu tal-2024, flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, hija organizzat seminar ta’ segwitu ddedikat sabiex jiġbor flimkien lill-partijiet ikkonċernati interessati biex jaqsmu l-aħjar prattiki u l-isfidi relatati mal-protezzjoni legali effettiva u l-aċċess għall-ġustizzja.
-S’issa, 26 Stat Membru nnominaw punt fokali tal-Karta sabiex jippromwovi l-applikazzjoni effettiva tal-Karta fl-Istat Membru tagħhom. Il-Kummissjoni organizzat laqgħat regolari mal-punti fokali tal-Karta u taqsam informazzjoni rilevanti magħhom.
-Il-Kummissjoni kompliet tiżviluppa taħriġ għall-persunal tal-UE dwar l-applikazzjoni tal-Karta fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Din tipprovdi kors ta’ taħriġ intern kontinwu dwar il-Karta fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Aġġornament tal-Gwida Operazzjonali dwar il-kunsiderazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali fil-Valutazzjonijiet tal-Impatt tal-Kummissjoni jinsab għaddej.
-Il-Kummissjoni bdiet ukoll l-iżvilupp ta’ manwal biex tiżgura implimentazzjoni koerenti u effettiva tal-kundizzjonijiet abilitanti orizzontali (HEC, horizontal enabling conditions) dwar il-Karta, kif ukoll l-iżvilupp ta’ korsijiet online disponibbli għall-pubbliku.
-L-għoti ta’ taħriġ għal professjonisti tal-ġustizzja dwar l-applikazzjoni tal-Karta kompla taħt l-istrateġija tat-taħriġ ġudizzjarju Ewropew 2021-2024, u informazzjoni dwar id-drittijiet fundamentali hija disponibbli permezz tal-Portal Ewropew tal-e-Ġustizzja u s-sit web tal-Kummissjoni.
-Flimkien mal-FRA, f’Diċembru tal-2023 il-Kummissjoni organizzat l-ewwel avveniment online CharterXchange, li għaqqad flimkien professjonisti u parteċipanti oħrajn biex jiskambjaw ideat dwar l-applikazzjoni tal-Karta. Il-FRA qed tagħmel ukoll l-għodod tal-Karta disponibbli fil-lingwi nazzjonali.
|
2.Promozzjoni u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-programm CERV
Il-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri huwa l-uniku programm ta’ finanzjament tal-UE li speċifikament ifittex li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-valuri stabbiliti fit-Trattati, u l-Karta, biex isostni soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali u inklużivi, ibbażati fuq l-istat tad-dritt
. Il-programm jiffinanzja attivitajiet li jħeġġu l-parteċipazzjoni demokratika, ċivika u soċjali, u d-diversità tas-soċjetà Ewropea bbażata fuq il-valuri, l-istorja u l-memorja komuni, kif ukoll li jħeġġu l-kapaċità tas-soċjetà ċivili u t-trawwim tal-kooperazzjoni u l-fiduċja transfruntieri.
Il-baġit tas-CERV żdied sostanzjalment għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027 wara proposta mill-Parlament Ewropew biex dan jiżdied b’aktar mid-doppju għal aktar minn EUR 1,5 biljun. Dan ittrasforma l-programm fl-akbar fond tal-UE ddedikat għall-promozzjoni tal-valuri u d-drittijiet fundamentali fl-Ewropa kollha u għat-tisħiħ ta’ Unjoni ta’ Ugwaljanza, Ġustizzja, Drittijiet u Valuri.
Il-programm CERV jiffinanzja firxa wiesgħa ta’ atturi fl-Istati Membri u pajjiżi terzi. Filwaqt li l-programm jappoġġa b’mod partikolari l-OSĊ, benefiċjarji oħrajn jinkludu n-networks Ewropej, l-awtoritajiet pubbliċi (inklużi l-NHRIs, il-korpi ta’ ugwaljanza, l-ombudspeople u l-korpi tad-drittijiet fundamentali u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali oħrajn), l-ibliet u l-muniċipalitajiet, l-akkademja u l-istituti tar-riċerka, il-gruppi ta’ riflessjoni, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi oħrajn attivi fil-promozzjoni tal-valuri u d-drittijiet tal-UE.
Il-programm huwa prinċipalment implimentat permezz ta’ għotjiet iżda jistgħu jiġu allokati fondi wkoll permezz ta’ akkwist għall-monitoraġġ, il-kontroll, l-awditjar u l-evalwazzjoni ta’ attivitajiet, sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni, studji, laqgħat ta’ esperti u komunikazzjonijiet.
Barra minn hekk, diversi attivitajiet huma implimentati bil-kontribut ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-OECD, l-OSKE, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UNESCO. Pereżempju, il-programm CERV jappoġġa l-ħidma ta’ skambju tal-għarfien u tal-iffissar tal-istandards tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR, Office for Democratic Institutions and Human Rights) tal-OSKE dwar ir-reati ta’ mibegħda
.
Fil-programm CERV ġew introdotti novitajiet u simplifikazzjonijiet biex tissaħħaħ l-effettività tiegħu u jiġu indirizzati l-isfidi mqajma mill-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dawn jinkludu l-introduzzjoni ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, l-iżvilupp ta’ programmi ta’ ħidma pluriennali, pagamenti ta’ somma f’daqqa, kif ukoll l-istabbiliment ta’ network ta’ Punti ta’ Kuntatt ta’ CERV Nazzjonali.
Il-linja tal-Valuri tal-Unjoni l-ġdida, bil-baġit tagħha ta’ EUR 668 miljun, saħħet ir-rwol tas-CERV bħala l-programm tal-UE għall-finanzjament tal-OSĊ, inklużi dawk fil-livell taċ-ċittadini. Matul l-ewwel sena tal-implimentazzjoni tagħha, il-proġetti ffinanzjati mis-sejħa tal-valuri tal-Unjoni appoġġaw aktar minn 800 OSĊ fil-livell taċ-ċittadini.
L-iskema ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi tippermetti li fondi tal-UE jiġu żborżati biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-OSĊ fil-livell taċ-ċittadini billi jingħataw għotjiet mill-ġdid permezz ta’ intermedjarji, bħall-OSĊ kbar, l-organizzazzjonijiet umbrella mal-UE kollha u networks Ewropej oħrajn. L-iskema għalhekk tiffaċilita l-affarijiet għal organizzazzjonijiet iżgħar b’esperjenza u kapaċitajiet limitati biex jaċċessaw finanzjament mill-UE. L-iskema sa issa kienet strumentali fl-appoġġ għal organizzazzjonijiet li jaħdmu biex jipproteġu u jippromwovu l-valuri tal-Unjoni, inklużi dawk li jiġġieldu l-vjolenza. L-aktar sejħa għal proposti reċenti taħt il-linja tal-Valuri tal-Unjoni għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ finanzjament adegwat u l-għoti tas-setgħa lil OSĊ biex isaħħu l-kapaċità u r-reżiljenza tagħhom, inkluż bil-monitoraġġ u r-reazzjoni għal theddid u attakki.
Minbarra l-iskema ta’ għotjiet mill-ġdid, il-programm CERV jiffoka fuq aċċessibbiltà u simplifikazzjoni akbar permezz tal-użu ta’ programmi ta’ ħidma pluriennali, li jippermettu lil benefiċjarji potenzjali jiżviluppaw perspettiva fuq terminu itwal dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament li ġejjin filwaqt li jżommu l-flessibbiltà. Barra minn hekk, sejħiet speċifiċi mmirati għall-appoġġ ta’ OSĊ jippermettu durata tal-proġett itwal mill-medja. Bl-istess mod, l-introduzzjoni ta’ somom f’daqqa għall-maġġoranza tas-sejħiet tas-CERV tippermetti li jsiru pagamenti skont prestazzjoni miftiehma minn qabel.
Il-programm CERV ikompli jagħti wkoll l-għotjiet ta’ azzjoni tradizzjonali, b’mod partikolari lill-OSĊ, kif ukoll għotjiet operattivi lill-hekk imsejħa Sħab tal-Qafas tas-CERV, li huma 73 network Ewropew, OSĊ u grupp ta’ riflessjoni attivi fil-livell tal-UE fl-oqsma tal-valuri tal-Unjoni. Barra minn hekk, jingħataw għotjiet operattivi lil 10 Networks fil-livell tal-UE attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet.
Il-programm jiddependi wkoll fuq network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali f’21 Stat Membru
nnominati mill-Istati Membri. Dawn jipprovdu gwida, informazzjoni u assistenza għal applikanti, benefiċjarji u partijiet ikkonċernati potenzjali u jikkontribwixxu għat-tixrid ta’ informazzjoni u t-titjib tal-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-programm. L-avvenimenti organizzati direttament mill-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali jilħqu aktar minn 4 000 ruħ fis-sena. Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll biex tniedi kampanja ta’ komunikazzjoni tas-CERV fl-aħħar parti tal-2024 sabiex iżżid l-għarfien pubbliku dwar il-programm u tippromwovi opportunitajiet ta’ finanzjament fost l-applikanti potenzjali.
L-għarfien preliminari minn analiżi li tinsab għaddejja kif ukoll minn feedback minn benefiċjarji jindika n-natura unika tal-finanzjament tas-CERV. Il-programm huwa pperċepit bħala fluss ta’ finanzjament kruċjali għas-sopravivenza ta’ ħafna organizzazzjonijiet benefiċjarji, u wieħed li jikkontribwixxi għall-promozzjoni ta’ politiki tal-UE rilevanti. Il-programm huwa pperċepit bħala uniku fil-prijoritajiet tiegħu u t-tipi ta’ attivitajiet iffinanzjati, filwaqt li jeżistu sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament tal-UE oħrajn; xi innovazzjonijiet wasslu għal prevedibbiltà, flessibbiltà u simplifikazzjoni akbar fl-implimentazzjoni tal-programm. Ta’ spiss, il-benefiċjarji jqisu l-finanzjament dirett tal-UE fl-oqsma koperti mill-programm bħala l-uniku mod biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà, tiżdied it-trasparenza, u jitnaqqsu r-riskji ta’ amministrazzjoni ħażina. Barra minn hekk, il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-valuri fil-livell Ewropew jirrikjedu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni tranżnazzjonali, networking u opportunitajiet ta’ apprendiment reċiproku, li tipikament ma jistgħux jiġu offruti minn Stati Membri individwali. Il-programm jappoġġa wkoll proġetti u organizzazzjonijiet li jaħdmu għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-valuri irrispettivament mil-linja ta’ attivitajiet tal-benefiċjarji. Il-programm CERV, għalhekk, huwa essenzjali għall-UE sabiex isostni u jkompli jiżviluppa soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali u inklużivi li huma bbażati fuq l-istat tad-dritt.
B’mod ġenerali l-programm CERV attira interess sinifikanti. Pereżempju, 41 % ta’ dawk li rrispondew għall-konsultazzjoni online tal-FRA mwettqa b’appoġġ ta’ dan ir-rapport kienu applikaw u rċevew finanzjament tas-CERV u 20 % oħrajn kienu applikaw iżda ma rċevewx finanzjament.
Għalkemm il-programm CERV jibbenefika minn baġit ogħla mill-predeċessuri tiegħu, id-daqs tiegħu xorta għadu mhux allinjat kompletament mad-domanda fil-prattika. Xi sejħiet għal proposti huma partikolarment sottoskritti żżejjed, biex b’hekk bejn 8 % u 17 % biss tal-applikazzjonijet jiġu ffinanzjati. Ħafna applikazzjonijiet eċċellenti ma jistgħux jiġu ffinanzjati minħabba limitazzjonijiet tal-baġit.
Sal-lum, l-OSĊ jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-benefiċjarji. Mill-2021, kważi 4 000 OSĊ mill-Istati Membri kollha rċevew appoġġ mill-programm. Bis-saħħa tas-sejħiet għal proposti għall-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-bini tal-kapaċitajiet u l-implimentazzjoni tal-Karta, aktar minn EUR 19-il miljun ingħataw għal proġetti dwar il-bini tal-kapaċitajiet u s-sensibilizzazzjoni dwar il-Karta, l-għoti ta’ setgħa lill-ispazju ċiviku, l-appoġġ għal-litigazzjoni strateġika, il-ġlieda kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda, u l-protezzjoni tal-informaturi.
Monitoraġġ tal-Azzjoni għall-Ispazju Ċiviku: il-proġett għandu l-għan li jippromwovi drittijiet demokratiċi u valuri billi jagħti s-setgħa lis-soċjetà ċivili. Dan se jiżviluppa sistema biex jimmonitorja l-ambjent li jaħdmu fih l-OSĊ, filwaqt li jibni fuq l-indikaturi tal-FRA. Se jiżviluppa metodoloġija ta’ monitoraġġ u sistema ta’ twissija bikrija biex javża lill-istituzzjonijiet tal-UE b’theddid għall-ispazju ċiviku, kif ukoll jibni l-kapaċità ta’ monitoraġġ tal-pajjiżi sħab.
L-Osservatorju Ewropew tal-Mibegħda Online – Forensika jrawwem spazju diġitali aktar sigur billi jidentifika każijiet ta’ diskors ta’ mibegħda online billi juża teknoloġija avvanzata. Dan jikkollabora mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-OSĊ biex jaħdem favur spazju diġitali fejn il-libertà tal-espressjoni tiffjorixxi mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew abbuż. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi metodoloġiji ta’ ġbir ta’ data ġodda biex jidentifikaw ir-reati ta’ mibegħda u jressqu lil dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja.
Tisħiħ u Trawwim ta’ Ambjent Abilitanti għall-Informaturi fl-UE, proġett żviluppat minn tmien organizzazzjonijiet reġjonali ta’ Transparency International, għandu l-għan li jsaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Informaturi. Il-proġett li għaddej għandu l-għan li jżid l-għarfien tal-pubbliku, tal-informaturi potenzjali, tal-OSĊ, tat-trade unions u tal-ġurnalisti dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, itejjeb l-implimentazzjoni tal-liġijiet dwar l-informaturi, l-infurzar tagħhom u d-disponibbiltà ta’ data dwar rapporti ta’ informaturi u ġurisprudenza. Dawn l-attivitajiet huma maħsuba biex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva.
Barra minn hekk, proġetti oħrajn iffinanzjati taħt il-linja tal-valuri tal-Unjoni iffokaw fuq l-appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Karta, bħall-proġett Minoritajiet, Responsabbiltà, Drittijiet, Indipendenza u Żvilupp Organizzattiv (MARIO). Dan jippromwovi d-drittijiet fundamentali billi jipprovdi appoġġ finanzjarju u jibni l-kapaċità tal-OSĊ fil-livell taċ-ċittadini minn 11-il Stat Membru. Dan jinvolvi lil 30 000 ruħ minn komunitajiet minoritarji (bħar-Rom, l-Ukreni spostati u l-Lhud) fit-taħriġ u l-promozzjoni, jipproduċi materjal għat-taħriġ u jipprovdi għajnuna legali pro-bono.
Objettiv ewlieni tal-programm CERV huwa li jipprovdi tweġibiet effettivi u bbażati fuq l-evidenza għal sfidi emerġenti li jdgħajfu d-drittijiet fundamentali, il-parteċipazzjoni ċivika u l-valuri tal-UE. Il-programm kien kapaċi jirreaġixxi għal sfidi imposti minn, pereżempju, it-tranżizzjoni diġitali u l-IA bi prijoritajiet ta’ sejħiet iddedikati. Eżempju ta’ dan huwa l-appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data nazzjonali biex joħolqu sensibilizzazzjoni pubblika u jiffaċilitaw il-konformita tal-SMEs mad-dritt għall-protezzjoni tad-data fl-era diġitali.
Il-pandemija tal-COVID-19 ħolqot sfidi sinifikanti għall-proġetti tas-CERV, li wħud minnhom ġew estiżi jew posposti jew l-attivitajiet ġew sostitwiti. Minbarra dan, ċerti proġetti li jinsabu għaddejjin jindirizzaw l-effetti tal-pandemija, pereżempju billi jesploraw kif din laqtet id-dibattitu demokratiku u t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali. B’mod simili, xi sejħiet tas-CERV qagħdu attenti li jindirizzaw il-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna – sejħa għal proposti mmirata indirizzat il-ħtiġijiet u l-isfidi tat-tfal fl-UE u qagħdet attenta għad-drittijiet tat-tfal b’vulnerabbiltajiet speċifiċi, inklużi dawk li ħarbu mill-Ukrajna.
Bosta proġetti tas-CERV jiffokaw fuq il-protezzjoni tal-libertajiet demokratiċi u t-tgawdija tad-drittijiet fundamentali minn kulħadd, b’mod partikolari n-nies fl-aktar sitwazzjonijiet vulnerabbli.
Insaħħu l-Vuċi tat-Tfal f’Malta għandu l-għan li jagħti s-setgħa lit-tfal biex jipparteċipaw fil-ħajja demokratika, jesprimu l-fehmiet tagħhom liberament u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet li jaffettwawhom. Il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa pjattaforma ta’ parteċipazzjoni għat-tfal online, jibni l-kapaċitajiet ta’ dawk li jfasslu l-politika biex itejbu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid tad-deċiżjonijiet u joħloq sensibilizzazzjoni dwar id-dritt tat-tfal li jinstemgħu.
Il-Ġeneru u l-Media - Niktbu l-istorja mill-ġdid: nindirizzaw l-isterjotipi tal-ġeneru fil-media fil-ħajja politika u pubblika: filwaqt li jaħdem ma’ ġurnalisti, maniġers tal-media, assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti, esperti tal-ġeneru, korpi tal-media awtoregolatorji, nisa fil-ħajja politika, akkademiċi u l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ professjonisti tal-media, il-proġett ifittex li jibda riformi fil-media Ewropea fir-rigward tal-kultura tal-kamra tal-aħbarijiet u tal-politiki biex jittejbu prattiki dwar ir-rappreżentazzjoni tan-nisa u tal-irġiel fil-ħajja pubblika, li jippermettu lill-utenti jagħmlu deċiżjonijiet aktar informati dwar il-parteċipazzjoni politika.
Il-konsultazzjonijiet juru wkoll li l-Kummissjoni teħtieġ li tkompli trawwem l-aċċessibbiltà tal-programm għal applikanti potenzjali u l-kontinwità ta’ finanzjament għall-benefiċjarji. Il-finanzjament għandu jibqa’ allinjat mal-ħtiġijiet ta’ politika fil-prattika, bil-possibbiltà li jkopri ħtiġijiet ġodda u emerġenti. Fid-dawl ta’ dan, l-iżvilupp ta’ sinerġiji bejn finanzjament nazzjonali u finanzjament fil-livell tal-UE minn programmi ta’ finanzjament tal-UE oħrajn, jibqa’ objettiv ewlieni għall-ottimizzazzjoni tal-kisba ta’ prijoritajiet tal-politika tad-drittijiet fundamentali.
3.Il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz ta’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE
Il-finanzjament tal-UE jikkontribwixxi għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’oqsma ta’ politika differenti. Dan il-kapitolu jiddeskrivi l-finanzjament rilevanti magħmul disponibbli bis-saħħa tal-Programm dwar il-Ġustizzja, Orizzont Ewropa, Erasmus+, Ewropa Diġitali u programmi oħrajn. Iħares ukoll lejn mekkaniżmi ta’ finanzjament ġodda li jagħmlu l-finanzjament tal-UE kundizzjonali fuq riformi nazzjonali, u jeżamina l-HEC tal-Karta fil-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni.
L-imħallfin nazzjonali u prattikanti tal-ġustizzja oħrajn għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta’ qasam Ewropew ta’ ġustizzja bbażat fuq l-istat tad-dritt, ir-rikonoxximent reċiproku, il-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Kif rikonoxxut fir-rapport dwar il-Karta tal-2023 dwar il-protezzjoni legali effettiva u l-aċċess għall-ġustizzja, dawn għandhom rwol ċentrali sabiex jiżguraw li l-individwi jkunu kapaċi jasserixxu b’mod effettiv id-drittijiet tagħhom, inklużi d-drittijiet fundamentali, f’konformità mal-Artikoli 47 sa 50 tal-Karta.
Il-Programm dwar il-Ġustizzja, b’baġit totali ta’ EUR 296,8 miljun għal bejn l-2021 u l-2027, jiffinanzja t-taħriġ ta’ prattikanti tal-ġustizzja, jappoġġa l-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u kriminali u l-aċċess effettiv għall-ġustizzja għaċ-ċittadini u n-negozji.
L-akbar sehem mill-baġit huwa ddedikat għat-taħriġ ġudizzjarju, implimentat f’konformità mal-Istrateġija għat-Taħriġ Ġudizzjarju għall-2021-2024. Is-sejħa għal proposti għal għotjiet ta’ azzjoni biex jappoġġaw proġetti tranżnazzjonali dwar taħriġ ġudizzjarju li jkopri l-liġi ċivili, il-liġi kriminali jew id-drittijiet funamentali għandha l-għan li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni effettiva u koerenti tal-liġi ċivili u kriminali u d-drittijiet fundamentali tal-UE billi tindirizza l-ħtiġijiet ta’ taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja. Id-drittijiet fundamentali huma inkorporati wkoll fit-taħriġ f’oqsma oħrajn tad-dritt tal-UE. Tingħata attenzjoni lid-drittijiet tal-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli (bħall-persuni b’diżabilità, il-vittmi ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru u domestika, ir-razziżmu u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet oħra, u t-tfal). L-akbar sehem mil-baġit tat-taħriġ jingħata lin-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju. Il-programm Edukazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għall-Professjonisti Legali (Human Rights Education for Legal Professionals - HELP) huwa kofinanzjat ukoll mill-Programm dwar il-Ġustizzja.
HELP ġie żviluppat f’kooperazzjoni bejn il-Kunsill tal-Ewropa, il-FRA u l-Kummissjoni, u huwa kors ta’ apprendiment elettroniku bla ħlas dwar l-interazzjoni bejn il-Karta u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan huwa maħsub għall-imħallfin, għall-prosekuturi u għal avukati oħrajn biex jitgħallmu dwar l-istandards tad-drittijiet fundamentali Ewropej u l-applikazzjoni tagħhom.
Ġustizzja, drittijiet fundamentali u intelliġenza artifiċjali: fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fil-qafas legali tal-UE dwar l-intelliġenza artifiċjali, dan il-proġett janalizza kif it-teħid ta’ deċiżjonijiet semiawtomatizzat jintuża mill-qrati, l-amministrazzjonijiet pubbliċi u n-negozji, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u atturi privati oħrajn. Permezz ta’ apprendiment, gwida u tixrid tal-aħjar prattiki guq bażi reċiproka, il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa l-mod kif l-imħallfin jifhmu t-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ algoritmi u l-implikazzjonijiet tiegħu għad-dritt għal proċess ġust, għan-nondiskriminazzjoni u għal drittijiet fundamentali oħrajn.
Barra minn hekk, is-sejħa għal proposti għal għotjiet għal azzjoni biex jappoġġaw proġetti tranżnazzjonali fl-oqsma tal-e-Ġustizzja, tad-drittijiet tal-vittmi u tad-drittijiet proċedurali, għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tad-dritt tal-UE dwar drittijiet proċedurali u drittijiet tal-vittmi u d-drittijiet fundamentali relatati (l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta). Taħt is-sejħa, il-Kummissjoni tiffinanzja proġetti li jiffaċilitaw l-aċċess nondiskriminatorju għall-ġustizzja għal kulħadd u l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż b’mezzi elettroniċi (e-Ġustizzja). L-enfasi hija fuq il-promozzjoni ta’ proċedimenti kriminali effiċjenti u ġusti, u, fir-rigward tal-vittmi tal-kriminalità, proċedimenti ċivili relatati. Is-sejħa tkopri attivitajiet ta’ monitoraġġ u bini ta’ kapaċitajiet għall-iżgurar tal-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità kollha u d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali.
DigiRIGHTS – DIGItalisation of defence RIGHTS(Diġitalizzazzjoni tad-Drittijiet ta’ difiża): il-proġett li għaddej bħalissa jgħaqqad flimkien persunal tar-riċerka minn sitt universitajiet biex jimmappja u jivvaluta l-prattiki ta’ diġitalizzazzjoni tad-drittijiet proċedurali kriminali. Filwaqt li jiffoka fuq id-drittijiet tal-interpretazzjoni, tat-traduzzjoni, tal-aċċess għall-atti tal-kawża, tal-assistenza legali u l-għajnuna legali, u tad-dritt li wieħed ikun preżenti fil-proċess, il-proġett se jiżviluppa linji gwida biex jassigura ekwivalenza bejn id-drittijiet proċedurali offline u online.
Infovictims III: il-proġett iffoka fuq it-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi għall-informazzjoni billi tkun żgurata d-disponibbiltà ta’ informazzjoni sempliċi u aċċessibbli dwar id-drittijiet ipprovduti fid-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi bil-lingwa materna tal-vittmi, u permezz ta’ siti web faċli għall-utent u apps informattivi.
Il-Programm dwar il-Ġustizzja jipprovdi wkoll finanzjament għall-istudji, gruppi ta’ esperti u avvenimenti, kif ukoll il-Portal Ewropew tal-e-Ġustizzja, punt uniku ta’ servizz għal informazzjoni relatata mal-ġustizzja fl-UE. Il-Portal jospita informazzjoni estensiva dwar drittijiet fundamentali, l-għodda “Il-Karta Tapplika għall-Każ Tiegħi” u tutorial dwar il-Karta kif ukoll dwar il-Pjattaforma Ewropea għat-Taħriġ.
Minbarra l-għotjiet għal azzjoni għal proġetti individwali, il-Kummissjoni tagħti għotjiet operattivi lil partijiet ikkonċernati magħżula biex jappoġġaw il-funzjonament bla xkiel tagħhom mill-Programm dwar il-Ġustizzja.
L-Assoċjazzjoni tan-Network Ewropew dwar id-Drittijiet tal-Vittmi żviluppat b’suċċess mezzi effettivi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn professjonisti tal-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet tal-vittmi b’enfasi fuq il-kawżi transfruntieri. Dan ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għat-titjib tal-metodi għall-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE u saħħaħ l-aċċess tal-vittmi għad-drittijiet tagħhom fuq bażi nondiskriminatorja.
L-inizjattivi dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja huma parzjalment iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali (DEP), li jiffoka fuq iż-żamma u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet diġitali tal-UE f’oqsma ewlenin, inklużi l-intelliġenza artifiċjali (IA), iċ-ċibersigurtà, u t-teknoloġiji għal setturi bħall-enerġija, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, il-manifattura, l-agrikoltura u l-kura tas-saħħa. Id-DEP pereżempju ntuża biex jiffinanzja inizjattivi għall-appoġġ tat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Il-finanzjament mid-DEP inħareġ ukoll biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-istrateġija għal Internet aħjar għat-tfal (BIK+), li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tad-drittijiet tat-tfal stabbiliti fl-Artikolu 24 tal-Karta. Il-finanzjament mid-DEP jintuża biex jiffinanzja n-network ta’ Ċentri għal Internet Aktar Sikur fl-Istati Membri u l-pjattaforma BIK, li joħolqu sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet diġitali tat-tfal u ż-żgħażagħ. Iċ-Ċentri jippermettu lill-pubbliku jirrapporta b’mod anonimu materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u jagħti pariri lit-tfal dwar kif jittrattaw kontenut online ta’ ħsara. Id-DEP intuża wkoll biex jappoġġa l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web u l-iżvilupp ta’ standards dwar l-aċċessibbiltà diġitali, filwaqt li jikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-Karta dwar id-drittijiet ta’ persuni akbar fl-età u l-Artikolu 26 dwar l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità.
Id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni jheddu li jdgħajfu d-dritt ta’ kulħadd li jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat mingħajr interferenza minn awtorità pubblika, stabbilit fl-Artikolu 11(1) tal-Karta. Permezz tad-DEP, il-Kummissjoni tappoġġa l-ħidma tal-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali u n-network tiegħu ta’ 14-il ċentru nazzjonali jew multinazzjonali, li huma attivi fi 28 pajjiż tal-UE u taż-ŻEE. In-network isaħħaħ – fil-livell Ewropew u dak lokali – il-kollaborazzjoni fi ħdan komunità ta’ partijiet ikkonċernati li jindirizzaw id-diżinformazzjoni online.
Il-programm Ewropa Kreattiva (CE) jipprovdi finanzjament biex irawwem id-diversità kulturali u lingwistika, jippromwovi l-espressjoni artistika u jagħti spinta lill-potenzjal ekonomiku tal-industriji kreattivi. L-objettivi tiegħu jikkontribwixxu għall-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni, tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tad-diversità kulturali u lingwistika
stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 23 tal-Karta. Il-Kummissjoni appoġġat proġetti fi ħdan is-setturi tal-media, filwaqt li kkontribwiet għall-promozzjoni tal-libertà u l-pluraliżmu tal-media (l-Artikolu 11(2) tal-Karta).
Taħt l-“Inizjattiva tal-aħbarijiet”, il-libertà tal-media u l-pluraliżmu ġew appoġġati permezz tad-distribuzzjoni ta’ għotjiet lil aġenziji tal-media li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tad-demokrazija (pereżempju aġenziji lokali, tal-komunità u investigattivi). Il-finanzjament inħareġ ukoll għal proġetti bħall-“mekkaniżmu ta’ rispons rapidu madwar l-Ewropa kollha għal ksur tal-libertà tal-istampa u l-media”, azzjoni biex tintraċċa u tirrapporta dwar ksur tal-libertà tal-istampa u l-media u tipprovdi appoġġ prattiku lill-ġurnalisti fil-forma ta’ pariri u appoġġ legali kif ukoll li toffri kenn u assistenza loġistika.
Enfasi oħra tal-programm CE hija l-monitoraġġ tal-pluraliżmu u s-sjieda tal-media permezz ta’ studji biex jiġu appoġġati proposti għal-leġiżlazzjoni, bħall-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Media. L-appoġġ kien sar disponibbli wkoll biex isaħħaħ ir-reżiljenza ekonomika tal-media permezz ta’ innovazzjonijiet biex jgħinuha tkabbar id-dħul. L-organizzazzjonijiet tal-media jistgħu jirċievu taħriġ, jiżviluppaw mudelli ta’ negozju flimkien jew iħallsu għal xogħol editorjali.
Id-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE għandhom impatt fuq il-ħajja tan-nies iżda spiss ma jiġux irrapportati biżżejjed fil-media. Taħt il-linja tal-baġit tal-“Azzjonijiet Multimedjali”, il-finanzjament sar disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-media u l-aġenziji tal-istampa nazzjonali biex jipprovdu informazzjoni indipendenti. Il-finanzjament jista’ pereżempju jgħin biex jindividwa żoni fejn il-pluraliżmu tal-media huwa baxx, li jikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-dritt ta’ kulħadd li jirċievi u jgħaddi informazzjoni f’kuntest fejn 64 % taċ-ċittadini jqisu lilhom infushom mhux informati biżżejjed dwar kwistjonijiet Ewropej. Id-disponibbiltà u l-pluraliżmu tal-media ġew appoġġati wkoll permezz ta’ proġetti biex jiġġieldu kontra l-emerġenza ta’ deżerti tal-aħbarijiet u biex jgħinu lill-professjonisti tal-media indipendenti mir-Russja u l-Belarussja li jinsabu eżiljati fl-UE wara l-bidu tal-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.
L-Ewropa Lil Hinn mill-Aċċess huwa proġett kbir ta’ kooperazzjoni ta’ 10 sħab li jappoġġaw artisti b’diżabilità. Il-proġett jappoġġa l-ħolqien u ċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali, il-bini tal-kapaċitajiet u l-apprendiment istituzzjonali, bl-objettiv li tiġi eliminata d-diskriminazzjoni abbażi tal-abbiltà fl-arena kulturali tal-Ewropa.
Il-programm Erasmus+ iħeġġeġ il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, inkluż billi jappoġġa attivitajiet li jikkontribwixxu għall-edukazzjoni taċ-ċittadinanza u proġetti għall-involviment f’attivitajiet tas-soċjetà ċivili
. F’dawn l-oqsma, il-programm huwa sors ta’ finanzjament siewi għall-OSĊ.
Skont ir-Regolament dwar Erasmus+
, il-programm jikkontribwixxi b’mod partikolari għar-rispett tal-libertà akkademika, stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Karta. Sa ċertu punt, il-programm ifittex li jiżgura r-rispett għal drittijiet fundamentali oħrajn, inkluż id-dritt għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni b’enfasi fuq id-drittijiet fundamentali f’xi azzjonijiet. Dawn jinkludu attivitajiet ta’ parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’Erasmus+, li jappoġġaw proġetti barra mill-edukazzjoni u t-taħriġ formali u jħeġġu l-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika
. Proġetti ta’ kooperazzjoni ta’ Erasmus+ fost organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet huma mistennija ulterjorment li jsaħħu r-rispons tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u tal-politiki taż-żgħażagħ għall-isfidi tal-lum, inkluż fil-qasam tad-drittijiet fundamentali
.
L-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej ta’ Erasmus+ tiffinanzja alleanzi ta’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja. Dawn jippermettu lill-istudenti u lill-persunal tal-università jistudjaw f’pajjiżi, lingwi, setturi u dixxiplini differenti, filwaqt li jibbenefikaw minn għarfien varjat. L-istabbiliment ta’ alleanzi strateġiċi fuq terminu twil bejn universitajiet Ewropej għandu l-għan li jippromwovi l-valuri u l-identità Ewropej kif ukoll l-eċċellenza tax-xjenza u l-inklużjoni.
L-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ jiffinanzjaw proġetti biex jiżviluppaw l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-għalliema u jħeġġu l-iżvilupp ta’ korsijiet, moduli u opportunitajiet oħrajn ta’ apprendiment dwar valuri komuni, involviment u parteċipazzjoni ċiviċi.
L-azzjonijiet Jean Monnet tal-Erasmus+ kienu partikolarment strumentali għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tat-tagħlim, l-apprendiment u r-riċerka.
Bosta proġetti Jean Monnet iġibu l-edukazzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-klassijiet billi jipprovdu introduzzjoni ġenerali għall-Karta u d-drittijiet fundamentali, u jiffokaw fuq aspetti tad-drittijiet fundamentali speċifiċi, bħad-dritt li jitwettaq negozju, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-diversità kulturali u lingwistika, il-protezzjoni ambjentali u d-drittijiet fundamentali fid-dinja diġitali, barra minn hekk, xi proġetti jħejju lill-pajjiżi għall-adeżjoni ma-UE, jew huma mnebbħa mill-qafas tad-drittijiet fundamentali tal-UE għal kwalunkwe post ieħor fid-dinja.
L-opportunitajiet tal-programm Erasmus+ jistgħu jittieħdu minn proġetti li joperaw f’pajjiżi terzi fi sħubija ma’ istituzzjonijiet tal-UE.
ACT - Skambji Virtwali għal Ċittadinanza Attiva għandu l-għan li jiżviluppa ċittadinanza attiva, libertà, tolleranza u nondiskriminazzjoni billi jgħaqqad studenti u persunal tal-universitajiet ta’ pajjiżi Ewropej u tar-reġjun tal-Viċinat tan-Nofsinhar permezz ta’ attivitajiet online formali u informali. Il-proġett jinvolvi żgħażagħ Ewropej u lill-pari tagħhom mill-Palestina, mil-Libanu, mil-Libja, mill-Marokk u mit-Tuneżija.
Sabiex jiġu promossi opportunitajiet indaqs u d-diversità, ġie żviluppat Qafas dwar miżuri ta’ inklużjoni kif ukoll “Strateġija għall-inklużjoni u d-diversità” speċifika, biex jappoġġaw aċċess aktar faċli għall-finanzjament għal firxa usa’ ta’ organizzazzjonijiet u applikanti.
Barra minn hekk, l-aġenziji nazzjonali huma meħtieġa jfasslu pjanijiet ta’ inklużjoni u diversità u li jagħmlu appoġġ iddedikat disponibbli għall-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti b’anqas opportunitajiet.
Orizzont Ewropa (HE), il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandu baġit totali ta’ EUR 95,5 biljun u għandu l-għan li jsaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-UE. Dan jiggarantixxi l-eċċellenza xjentifika u jippromwovi r-rispett tal-libertà akkademika, stabbiliti fl-Artikolu 13 tal-Karta, fil-pajjiżi kollha tal-UE u mhux tal-UE li jibbenefikaw mill-fondi tiegħu. Is-suġġetti ta’ riċerka għandhom jippromwovu approċċ iċċentrat fuq il-bniedem ibbażat fuq ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u f’konformità ma’ valuri etiċi u soċjetali. Dawn jissottolinjaw kull wieħed mit-tliet pilastri tal-programm: xjenza eċċellenti; sfidi globali u kompetittività industrijali Ewropea; u Ewropa innovattiva.
B’mod partikolari, taħt il-pilastru II dwar l-isfidi globali u l-kompetittività industrijali Ewropea, l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni dwar is-“Saħħa” għandhom l-għan li jiżviluppaw soluzzjonijiet għall-promozzjoni aktar effettiva tas-saħħa, skont l-Artikolu 35 tal-Karta, filwaqt li jagħtu kas tal-etika, tal-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tal-aspetti etniċi, kif ukoll tal-ħtiġijiet ta’ persuni żvantaġġati u vulnerabbli.
Il-proġett Approċċi Flessibbli għall-Appoġġ tas-Saħħa permezz tal-finanzjament janalizza l-mekkaniżmi tal-finanzjament tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa u jivvaluta jekk dawn jistgħux ilaħħqu ma’ sitwazzjonijiet emerġenti. L-isfidi jinkludu dawk imposti minn popolazzjonijiet li qegħdin jixjieħu u l-pressjoni dejjem akbar fuq il-baġits tal-kura tas-saħħa minħabba l-innovazzjoni teknoloġika. Il-proġett se jivvaluta l-ekwità u l-effiċjenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi.
Bosta linji ta’ riċerka dwar “Kultura, kreattività u soċjetà inklużiva” għandhom l-għan li jsaħħu t-trasparenza, l-aċċessibbiltà, l-effettività u l-leġittimità tal-governanza demokratika, kif ukoll iżidu l-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja bbażati fuq indipendenza ġudizzjarja u proċeduri ġusti, effiċjenti u trasparenti fi kwistjonijiet ċivili u kriminali.
Attivitajiet ta’ riċerka dwar “Sigurtà ċivili għas-soċjetà” iffokaw fuq it-titjib taċ-ċibersigurtà, tal-privatezza diġitali, tal-protezzjoni tad-data personali, il-ħolqien ta’ spazju sikur għat-tfal online billi jiżviluppaw għodod innovattivi biex jgħinu biex jipprevjenu l-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal u jiġġieldu kontra t-tixrid ta’ informazzjoni falza u ta’ ħsara biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà demokratika, soċjali u ekonomika. Dawn fihom proġetti li jillimitaw l-effetti ta’ diżastri, kemm jekk ikunu naturali kif ukoll jekk ikunu kkawżati mill-bniedem, li jistgħu jkunu ta’ riskju għall-funzjonijiet tas-soċjetà u għal infrastrutturi kritiċi fl-oqsma tas-saħħa, tal-ikel, tal-ilma tax-xorb, tas-sigurtà jew tal-gvern.
Il-proġett VANGUARD (Soluzzjonijiet teknoloġiċi avvanzati flimkien ma’ fehim u sensibilizzazzjoni orjentati lejn is-soċjetà għat-tfixkil tat-traffikar ta’ bnedmin) għandu l-għan li jiġġieled it-traffikar ta’ bnedmin billi jiżviluppa soluzzjonijiet teknoloġiċi, sensibilizzazzjoni u taħriġ biex ifixkel ktajjen ta’ traffikar fi stadju bikri u jindirizza l-kultura ta’ impunità. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi stampa tal-intelligence tat-traffikar imtejba, b’enfasi fuq it-traffikar għal skopijiet ta’ sfruttament sesswali, sfruttament tal-ħaddiema u kriminalità furzata.
Barra minn hekk, l-attivitajiet ta’ riċerka dwar “l-Aspett Diġitali, l-Industrija u l-Ispazju” jirrikjedu li l-IA u r-robotika jiżguraw is-sikurezza u s-sodezza soċjetali u ambjentali tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA u jimmitigaw il-potenzjal tagħhom għal użu malizzjuż u diskriminazzjoni mhux intenzjonata, bħall-preġudizzju marbut mal-ġeneru, mar-razza jew mad-diżabilità. Qed issir riċerka wkoll dwar kif jinżamm ambjent ta’ informazzjoni affidabbli fejn in-nies jingħataw is-setgħa biex jirrikonoxxu attentati biex jiġi mmanipulat id-diskors ċiviku.
Fl-aħħar net, ir-riċerka dwar “Ikel, bijoekonomija, riżorsi naturali, agrikoltura u ambjent” tisfrutta l-potenzjal tar-riċerka u l-innovazzjoni li jiggarantixxu l-produzzjoni ta’ ikel sikur u tajjeb għas-saħħa, il-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli fl-agrikoltura, l-akkwakultura, is-sajd u l-forestrija, l-iżgurar ta’ aċċess għal ilma, ħamrija u arja nodfa għal kulħadd, it-tindif tal-oċeani u l-ilmijiet interni, u l-preżervazzjoni u r-restawr tal-ambjent.
Il-proġett Sħubija Ewropea tal-Bijodiversità jappoġġa l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030. Din tgħaqqad flimkien 75 organizzazzjoni minn 37 pajjiż, inklużi awtoritajiet ambjentali, ministeri, organizzazzjonijiet ta’ finanzjament u aġenziji ta’ protezzjoni ambjentali, u għandha l-għan li ttejjeb il-monitoraġġ, tespandi l-bażi tal-evidenza u tiġġustifika l-lat kummerċjali tal-konservazzjoni.
Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija appoġġata minn żewġ fondi, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Għall-ewwel darba, il-PAK għandha objettiv speċifiku dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja, li bih tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Karta. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jinkludu organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa fil-Kumitati ta’ Monitoraġġ tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom. Pereżempju, Spanja inkludiet pagament supplimentari mal-appoġġ għad-dħul komplementari għall-bdiewa żgħażagħ għal bdiewa żgħażagħ nisa filwaqt li l-Irlanda pprovdiet appoġġ akbar għan-nisa taħt l-iskema tagħha ta’ investiment kapitali fl-azjenda agrikola.
Il-PAK tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, previsti fl-Artikolu 31 tal-Karta. Dan iseħħ permezz ta’ mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità soċjali, li tirriżulta fit-tnaqqis ta’ pagamenti tal-PAK, jekk il-bdiewa jiksru l-leġiżlazzjoni tal-UE f’dan il-qasam. F’ċerti setturi, l-appoġġ finanzjarju huwa disponibbli għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-bdiewa.
Il-proġett EmpowerUs (Tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ komunitajiet kostali) għandu l-għan li jagħti s-setgħa lil komunitajiet kostali biex jagħmlu t-tranżizzjoni lejn żvilupp kostali aktar reżiljenti, inklużiv u sostenibbli billi jindirizzaw sfidi relatati mat-tibdil fil-klima u prattiki tradizzjonali u kulturali. Network ta’ sitt laboratorji f’reġjuni kostali tal-UE differenti se jippromwovi futur aktar ekoloġiku.
Bil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility), l-UE ħolqot ġenerazzjoni ġdida ta’ fondi, li l-iżborż tagħhom huwa marbut mal-kisba ta’ objettivi u miri speċifiċi. L-RRF jagħmel il-fondi disponibbli għall-Istati Membri biex jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar sostenibbli, reżiljenti u mħejjija għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-miżuri jindirizzaw l-isfidi identifikati bis-saħħa tal-qafas tas-Semestru Ewropew tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali. L-RRF jimplimenta wkoll il-Pjan REPowerEU – ir-rispons għad-diffikultajiet soċjoekonomiċi u t-tfixkil tas-suq tal-enerġija kkawżati mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.
L-RRF huwa strutturat madwar sitt pilastri: it-tranżizzjoni ekoloġika; it-trasformazzjoni diġitali; it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; il-koeżjoni soċjali u territorjali; is-saħħa, u r-reżiljenza ekonomika, soċjali u istituzzjonali; u l-politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss. Permezz ta’ din il-firxa wiesgħa ta’ oqsma, dan jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u l-infurzar ta’ diversi drittijiet fundamentali.
L-Artikolu 37 tal-Karta dwar il-protezzjoni tal-ambjent: L-RRF jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent fil-politiki tal-Unjoni. Ir-Regolament RRF jirrikjedi li kull Stat Membru jalloka mill-anqas 37 % tal-finanzjament tal-RRF tiegħu għal miżuri li jikkontribwixxu għal objettivi klimatiċi. Il-miżuri kollha jridu jirrispettaw il-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti”. Ir-riformi inkludew l-installazzjoni ta’ kapaċità addizzjonali għall-enerġija rinnovabbli u miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar, in-nirien fis-selvaġġ u diżastri naturali oħrajn.
L-Artikolu 47 tal-Karta dwar id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali: L-RRF jappoġġa miżuri biex tiżdied l-effiċjenza, il-kwalità u l-indipendenza tas-sistemi ġudizzjarji. L-investimenti rilevanti inkludew id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi tal-ġustizzja, infrastruttura ġudizzjarja mtejba u taħriġ ġudizzjarju. Malta żviluppat soluzzjonijiet diġitali siguri biex jissimplifikaw il-proċessi tal-qorti u jtejbu l-aċċess għall-ġustizzja. Il-Kroazja ħadet miżuri biex tnaqqas il-backlogs, tqassar iż-żmien tal-proċedimenti ċivili u kummerċjali, u ssaħħaħ l-amministrazzjoni trasparenti u effiċjenti tal-kawżi.
L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) jikkomplementa l-miżuri ta’ hawn fuq biex jindirizza l-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija billi jtejjeb il-kapaċità ta’ istituzzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw riformi u billi jiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki. Fil-qasam tar-riformi ġudizzjarji, 27 proġett ġew appoġġati fi 15-il Stat Membru fir-rigward tal-aċċessibbiltà u d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja (għodod online, għajnuna legali, ġbir ta’ data), soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim (medjazzjoni) u appoġġ għall-vittmi. Il-proġetti huma relatati maċ-ċibersigurtà, il-ġbir tad-data, il-ġestjoni diġitali ta’ flussi tax-xogħol tal-kawżi u l-provi, kif ukoll maż-żieda fit-trasparenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.
|
Tisħiħ tal-istrateġiji u oqfsa nazzjonali biex jappoġġaw lill-vittmi tal-kriminalità fl-Estonja, fil-Portugall u f’Malta: dan il-proġett li huwa kkoordinat mill-Appoġġ għall-Vittmi fl-Ewropa jappoġġa lil tliet Stati Membri fl-istabbiliment, l-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-istrateġiji u l-oqfsa għall-appoġġ għall-vittmi. Il-proġett għandu l-għan li jimplimenta strateġija unifikata għall-benefiċċju tal-vittmi tar-reati kollha, u b’hekk iżid ir-rati ta’ rapportar u jnaqqas l-impatti ta’ ħsara tal-kriminalità fil-ħajjiet tal-vittmi u l-kostijiet ġenerali għas-soċjetà b’mod ġenerali.
|
Barra minn hekk, il-programm InvestEU jimmobilizza l-investiment pubbliku u privat għall-ogħla prijoritajiet tal-politika tal-UE. B’mod partikolari, it-tieqa għall-Investiment Soċjali u l-Ħiliet tiegħu tikkontribwixxi għad-drittijiet fundamentali, bħall-kura tas-saħħa, is-sigurtà soċjali, id-dritt għall-edukazzjoni, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Saru investimenti fuq l-infrastruttura soċjali (inklużi l-infrastruttura tal-akkomodazzjoni soċjali affordabbli, tas-saħħa u tal-edukazzjoni) u l-finanzjament huwa dirett lejn miżuri għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-integrazzjoni ta’ persuni vulnerabbli u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità u l-aċċessibbiltà tagħhom. Barra minn hekk, il-mikrofinanzjament kif ukoll il-finanzjament etiku u soċjali jippromwovu l-intraprenditorija u l-ekonomija soċjali b’enfasi fuq l-aktar gruppi vulnerabbli. Fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali, InvestEU jappoġġa l-investiment sostenibbli u t-tranżizzjoni ekoloġika b’Tieqa għall-Infrastruttura Sostenibbli ddedikata.
Bejn l-2021 u l-2027, id-drittijiet fundamentali huma protetti u promossi permezz ta’ appoġġ mill-fondi tal-UE koperti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (Fondi RDK), li kull wieħed minnhom ikopri qasam speċifiku tal-politika tal-UE. L-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programmi appoġġati minn dawn il-fondi jkunu f’konformità mal-Karta matul il-perjodu ta’ programmazzjoni kollu.
|
Ir-RDK ikopri tmien fondi tal-UE, jiġifieri l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+); il-Fond ta’ Koeżjoni (FK); il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund); il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA); il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil (AMIF, Asylum and Migration Fund); il-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF, Internal Security Fund); u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI, Border Management and Visa Instrument) (Fondi tar-RDK).
|
Bosta fondi tar-RDK jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politiki tal-migrazzjoni u tal-affarijiet interni. L-inizjattivi ffinanzjati mill-AMIF, l-ISF u l-BMVI jippromwovu l-applikazzjoni ta’ bosta drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-ażil
u d-drittijiet tat-tfal
. L-inizjattivi ffinanzjati jappoġġaw ukoll il-provvista ta’ protezzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, inklużi għall-iskopijiet ta’ sfruttament tal-ħaddiema u sfruttament sesswali
.
|
L-IMPROV-EU-project (il-proġett għat-Titjib tal-UE) għandu l-għan li jiżviluppa protokoll biex jissimplifika l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE. Il-proġett Rightlines jaħdem biex isaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-fruntieri Griegi u Ċiprijotti.
Il-proġett CSAPE jiffoka fuq l-għoti tas-setgħa lit-tfal b’informazzjoni u l-għajnuna lil individwi żgħażagħ f’riskju.
|
Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) jappoġġa proġetti dwar l-iżgurar tal-użu sostenibbli ta’ riżorsi akkwatiċi u marittimi. Kien hemm żewġ sejħiet għal proposti għal “Nisa fl-Ekonomija Blu” biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-emaniċipazzjoni tan-nisa fis-sajd, fl-akkwakultura, fil-bini tal-bastimenti u fit-trasport marittimu.
Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, permezz tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), pereżempju jippromwovu l-applikazzjoni tad-dritt għall-edukazzjoni u għas-saħħa, id-drittijiet tal-anzjani, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità.
|
Il-proġett ta’ Proximity Mobile Healthcare Units ippromwova l-inklużjoni soċjali u naqqas l-inugwaljanzi bl-użu ta’ unitajiet tal-kura tas-saħħa mobbli biex tiżdied l-aċċessibbiltà tal-kura preventiva, id-dijanjożi tal-mard u l-monitoraġġ fir-reġjun ta’ Algarve.
Il-Kummissjoni nediet is-Sottogrupp għall-użu tal-fondi tal-UE għall-inklużjoni tar-Rom biex jieħu azzjoni wara smigħ ta’ esperti dwar l-indirizzar tal-isfidi fl-aċċess għall-fondi tal-UE u t-titjib tal-ħajjiet ta’ komunitajiet marġinalizzati tar-Rom. Is-Sottogrupp ħejja kumpilazzjoni ta’ prattiki promettenti, li ġiet kondiviża ma’ Punti ta’ Kuntatt tar-Rom Nazzjonali, awtoritajiet ta’ ġestjoni rilevanti u OSĊ. Il-proċess jikkontribwixxi għat-tħejjijiet tal-QFP li jmiss, il-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni li ġejja u żviluppi simili f’fondi rilevanti oħrajn.
|
Ir-RDK jikkontribwixxi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali permezz tal-introduzzjoni ta’ “kundizzjonijiet abilitanti” għall-fondi tar-RDK kollha, li hija novità meta wieħed iqabbel mal-kundizzjonalitajiet ex ante fir-RDK 2014-2020
. Il-kundizzjonijiet abilitanti jridu jiġu ssodisfati minn kull Stat Membru biex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta’ dawn il-fondi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni. Hemm żewġ tipi ta’ kundizzjonijiet abilitanti, jiġifieri l-Kundizzjonijiet Abilitanti Orizzontali (HECs) applikabbli għall-fondi tar-RDK
kollha, u l-kundizzjonijiet abilitanti tematiċi (TECs) applikabbli esklużivament għall-FEŻR, għall-FK u għall-FSE+
.
L-HEC tal-Karta tirrikjedi lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw applikazzjoni u implimentazzjoni effettivi tal-Karta. Dawn jinkludu arranġamenti biex jiżguraw li l-programmi appoġġati mill-fondi tar-RDK u l-implimentazzjoni tagħhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, u biex l-arranġamenti jiġu rrapportati lill-kumitat ta’ monitoraġġ fir-rigward ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Karta ta’ operazzjonijiet appoġġati minn dawn il-fondi u lmenti rigward il-Karta.
Jekk mekkaniżmi effettivi ma jkunux fis-seħħ, il-HEC tal-Karta ma tkunx meqjusa li ġiet issodisfata. Bħala konsegwneza, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru li n-nefqa marbuta mal-objettivi speċifiċi mhux se tiġi rimborżata sakemm l-Istat Membru jipprovdi garanziji suffiċjenti li hemm fis-seħħ mekkaniżmi effettivi. B’mod partikolari, l-Istati Membri huma meħtieġa jistipulaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ awtoritajiet u korpi differenti. Dan irid ikopri l-istadji kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni, u l-korpi jew persuni li jipprovdu assistenza dwar drittijiet fundamentali jeħtiġilhom ikunu identifikati. L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jipprovdu informazzjoni dwar il-proċeduri għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità u lmenti u dwar il-kompożizzjoni u r-regoli tal-proċeduri tal-kumitati ta’ monitoraġġ. Dawn għandhom jinkludu korpi rilevanti li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, bħal korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, tad-drittijiet fundamentali, tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tan-nondiskriminazzjoni.
|
Fil-konsultazzjoni online li saret b’appoġġ għar-rapport, 62 % tal-OSĊ li wieġbu kienu konxji mill-obbligi li jirriżultaw mill-Karta HEC. Wieħed minn kull żewġ organizzazzjonijiet li rrispondew indikaw li huma ħadmu biex jiżguraw konformità mad-drittijiet fundamentali fl-użu tal-fondi tal-UE, jiġifieri bħala membri jew osservaturi fil-kumitati ta’ monitoraġġ, jew billi jwasslu taħriġ, bini tal-kapaċitajiet jew evalwazzjonijiet ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ proġetti ffinanzjati mill-UE.
|
L-Istati Membri huma meħtieġa wkoll jipprovdu informazzjoni dwar il-proċeduri għall-eżaminazzjoni ta’ lmenti f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-Karta u dwar il-kompożizzjoni u r-regoli ta’ proċedura tal-kumitati ta’ monitoraġġ, li tiggarantixxi r-rappreżentanza bbilanċjata ta’ sħab rilevanti bl-indipendenza meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità mal-Karta. Sabiex tiżgura li tiġi ssodisfata l-HEC tal-Karta, f’konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni kondiviża
, il-Kummissjoni żżomm djalogu mal-Istati Membri fil-kumitati ta’ monitoraġġ jew bilateralment.
|
Il-HEC tal-Karta kkontribwiet għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-Artikolu 21 tal-Karta f’każ fejn klawżola kontra d-diskriminazzjoni kienet inkluża fil-ftehim ta’ sħubija u fil-programmi ta’ koeżjoni biex ikun żgurat li l-ebda azzjoni diskriminatorja (pereżempju abbażi tal-orjentazzjoni sesswali) ma kienet tinsab f’applikazzjonijiet tal-proġetti sottomessi minn awtoritajiet lokali jew reġjonali.
Din ikkontribwiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta f’xi Stati Membri, li adottaw miżuri biex isaħħu l-indipendenza u l-imparzjalità tal-qrati u t-tribunali.
|
L-isfidi relatati mal-implimentazzjoni tal-HEC tal-Karta madankollu għadhom hemm, bl-aktar waħda rilevanti tkun in-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji u umani għall-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-HEC tal-Karta. Dan jirriżulta miż-żieda fid-domanda għall-appoġġ minn korpi tad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li jirreferi għar-rekwiżit skont il-Prinċipji ta’ Pariġi tan-NU biex il-pajjiżi jiżguraw li l-NHRIs igawdu minn riżorsi adegwati u awtonomija finanzjarja, l-ENNHRI jisħaq favur riżorsi suffiċjenti għall-membri tiegħu. Dan jinnota li l-iżgurar ta’ konformità mad-drittijiet fundamentali jirrikjedi riżorsi sostanzjali f’kuntest fejn ir-riżorsi biex l-NHRIs iwettqu l-mandat ewlieni tagħhom huma limitati. Filwaqt li xi NHRIs irrimedjaw in-nuqqas ta’ riżorsi umani billi rreklutaw persunal addizzjonali, oħrajn jeħtiġilhom jillimitaw ir-rwol ta’ korpi jew persuni li jipprovdu assistenza fuq drittijiet fundamentali abbażi tar-riżorsi limitati, filwaqt li jappellaw għall-allokazzjoni ulterjuri ta’ fondi għal din il-kwistjoni.
|
Għandu jiġi nnotat li r-RDK jippermetti b’mod espliċitu lill-Istati Membri jallokaw perċentwal mir-riżorsi mill-fondi għall-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab soċjali u l-OSĊ involuti fit-tħejjija, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-programmi, iżda dan ma huwiex magħruf jew applikat biżżejjed. Barra minn hekk, il-FSE+ għandu rekwiżit ta’ konċentrazzjoni tematika fuq il-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom fit-twettiq tal-politiki dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali appoġġati mill-FSE+. L-Istati Membri allokaw EUR 400 miljun biex jappoġġaw lis-soċjetà ċivili u EUR 362 miljun biex jappoġġaw lis-sħab soċjali.
|
Il-konsultazzjonijiet inkludew ukoll appell ċar għal aktar informazzjoni u gwida biex jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-HEC tal-Karta, b’mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa għaċ-ċarezza fir-rigward tal-implikazzjonijiet tagħha u għal għarfien espert tekniku akbar dwar il-fondi tal-UE. F’konformità mal-impenji tal-istrateġija tal-Karta, il-Kummissjoni bdiet it-tħejjija ta’ manwal li se jiggwida lill-awtoritajiet u korpi nazzjonali fl-implimentazzjoni effettiva tal-HEC tal-Karta.
|
Fl-2023, iċ-Ċentru Nazzjonali Slovakk għad-Drittijiet tal-Bniedem ippubblika rapport dwar ir-rwol tal-korpi tad-drittijiet fundamentali nazzjonali fl-iżgurar tal-konformità tal-fondi tal-UE mad-drittijiet fundamentali. Skont dan, bosta fatturi jaffettwaw il-probabbiltà li jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-HEC tal-Karta. Dawn jinkludu d-disponibbiltà tal-informazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet, il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet u l-ħtieġa li tiġi ssimplifikata d-dokumentazzjoni tal-ġestjoni.
L-NHRI Pollakk żviluppa lista ta’ kontroll tal-konformità mal-Karta għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE, u gwida dwar l-applikazzjoni tal-Karta meta jintefqu fondi tal-UE.
Il-proġett iffinanzjat mis-CERV ECHOFunds – Insaħħu l-Konformità mal-Karta tal-Fondi tal-UE jaħdem biex jipprovdi ħarsa ġenerali tal-partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE, kif ukoll jiżviluppa materjali online abbażi ta’ prattika tajba identifikata minn dan il-qasam.
|
Bħala riżultat tad-djalogu intensiv bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri matul il-fażi ta’ approvazzjoni tal-programmi u wara l-approvazzjoni, 26 Stat Membru bħalissa jissodisfaw l-HEC tal-Karta. Stat Membru wieħed għadu ma jissodisfahiex taħt bosta programmi, għaliex għad hemm tħassib serju dwar bosta drittijiet fundamentali.
Il-Kummissjoni timmonitorja kontinwament jekk l-HEC tal-Karta tibqax issodisfata jew jekk l-iżviluppi fl-Istati Membri għandhomx impatt fuq it-twettiq tal-kundizzjonijiet abilitanti. Minbarra l-kanali regolari ta’ informazzjoni użati mill-Kummissjoni, l-RDK jipprovdi qafas għall-monitoraġġ, fost l-oħrajn, permezz ta’ laqgħat ta’ Rieżami Annwali tal-Prestazzjoni u laqgħat tal-kumitat ta’ monitoraġġ. Dawn jissottolinjaw l-obbligu legali għall-Istati Membri li jiddiskutu mas-sħab fil-kumitati ta’ monitoraġġ jew mal-Kummissjoni kwalunkwe kwistjoni li tilqot it-twettiq tal-HEC tal-Karta.
L-Istati Membri għandhom responsabbiltà ġenerali li jirrispettaw il-valuri komuni stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u l-Karta, meta jimplimentaw il-baġit tal-UE. Ir-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżgura fl-istadji kollha taċ-ċiklu ta’ finanzjament (kontrolli qabel il-firma, tal-implimetazzjoni, ex post) li l-finanzjament tal-UE ma jinħariġx lil organizzazzjonijiet u proġetti li jwettqu attivitajiet li ma humiex kompatibbli mal-valuri tal-UE.
Qabel l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja, il-Kummissjoni tevalwa l-proposti sottomessi biex tagħżel dawk li għandhom jiġu ffinanzjati. F’dan l-istadju, jitwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk il-proġetti jirrispettawx il-valuri tal-UE. Is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES), mekkaniżmu biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-UE kontra persuni u entitajiet mhux affidabbli, tippermetti l-identifikazzjoni bikrija ta’ entitajiet li jirrappreżentaw riskji u tipprevedi l-esklużjoni tagħhom. Din tippermetti wkoll l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja skont l-Artikolu 138 tar-Regolament Finanzjarju. Barra minn hekk, il-firmatarji għall-għotja jiffirmaw dikjarazzjoni fuq l-unur biex jiċċertifikaw li huma ma jieħdux sehem f’attivitajiet kontra l-valuri tal-UE. Kriterji ta’ eliġibbiltà dettaljati dwar ir-rispett tal-valuri tal-UE jistgħu jiġu esklużi wkoll f’sejħiet għal proposti speċifiċi.
Matul l-istadju ta’ implimentazzjoni, il-mudelli ta’ ftehimiet ta’ għotjiet korporattivi jipprevedu l-obbligu għall-benefiċjarji magħżula li jirrispettaw il-valuri tal-UE. Dan l-obbligu huwa estiż għas-sħab assoċjati, is-sottokuntratturi u r-riċevituri ta’ appoġġ finanzjarju għal partijiet terzi. Jekk jiġi identifikat ksur tal-valuri tal-UE matul l-implimentazzjoni tal-azzjoni, l-uffiċjal awtorizzanti jista’ jieħu miżuri, bħas-sospensjoni tal-pagament, tnaqqis fl-għotja jew ċaħda tal-kost, terminazzjoni tal-ftehim jew tal-parteċipazzjoni tal-benefiċjarju kkonċernat.
Wara l-finalizzazzjoni tal-attività, l-għotja tibqa’ soġġetta għal kontrolli, awditi jew investigazzjoni mill-awtorità tal-għoti, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) jew il-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk l-OLAF imexxi l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi, li jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE. L-appoġġ huwa pprovdut bħala assistenza teknika, taħriġ u riċerka. Xi wħud mill-proġetti ffinanzjati ffokaw fuq l-iżgurar li l-investigazzjonijiet jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali u l-garanziji proċedurali.
Il-proġett Prinċipju tan-Noninkriminazzjoni f’Investigazzjonijiet Amministrattivi u tal-OLAF (NonIncrimInA) għandu l-għan li jsaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u tal-garanziji ta’ proċess ġust. Dan iwettaq riċerka legali u jipprovdi taħriġ dwar l-applikazzjoni tad-dritt li persuna tibqa’ siekta u li ma tinkriminax lilha nnifisha fi proċedimenti amministrattivi, b’mod partikolari f’investigazzjonijiet tal-OLAF, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-QĠUE.
Leġiżlazzjoni dwar il-finanzjament settorjali tista’ tistabbilixxi aktar rekwiżiti fir-rigward tal-valuri tal-UE. Pereżempju, ir-Regolament tas-CERV jirreferi għall-ħtieġa li b’mod attiv jiġu kkultivati, protetti u promossi l-valuri u d-drittijiet fundamentali fi żmien meta s-soċjetajiet Ewropej huma kkonfrontati mill-estremiżmu, mir-radikaliżmu u mid-diviżjonijiet, u fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili indipendenti qiegħed jinxtorob. L-applikanti potenzjali huma meħtieġa jiddeskrivu l-miżuri li jippjanaw li jieħdu biex jiggarantixxu l-konformità sħiħa mal-valuri tal-UE u mal-Artikolu 21 tal-Karta.
Mill-2024, l-aġenziji nazzjonali li jimplimentaw il-programmi Erasmus+ permezz ta’ ġestjoni indiretta huma meħtieġa b’mod espliċitu wkoll li jiżguraw ir-rispett għall-valuri tal-UE. Barra minn hekk, il-kriterji tal-aġġudikazzjoni tal-għotja jinkludu “il-punt sa fejn il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni”. Għotja tista’ tiġi tterminata jew imnaqqsa jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux irrispettati
.
Bl-istess mod, fil-programm Orizzont Ewropa, l-attivitajiet kollha ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa jridu jikkonformaw mal-liġi nazzjonali, tal-UE u dik internazzjonali, inkluż il-Karta u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn id-dispożizzjonijiet jissarrfu f’obbligi kuntrattwali fil-mudell tal-ftehim ta’ għotja.
Il-konformità etika hija meqjusa bħala kruċjali għall-kisba ta’ eċċellenza fir-riċerka. Qabel ma jingħataw il-proġetti, il-proposti ta’ Orizzont Ewropa jgħaddu minn evalwazzjoni tal-etika biex tiġi vverifikata l-konformità mar-regoli u l-istandards etiċi, inkluża l-Karta. Dawn l-aspetti huma mmonitorjati matul il-proġett u analizzati f’kooperazzjoni ma’ esperti indipendenti. Il-kontrolli u l-awditi jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tal-programmi implimentati f’ġestjoni kondiviża għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ bejn l-2021 u l-2027 jikkonformaw mal-Karta.
L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati nazzjonali, bħall-NHRIs, il-korpi tal-ugwaljanza u l-ombudspersons, jimplimentaw ukoll miżuri biex jimmitigaw ir-riskji fl-għoti u fl-iżborż tal-finanzjament. Dawn normalment huma inklużi fi ftehimiet ta’ għotja. Dawn il-partijiet ikkonċernati jirreferu wkoll għal politiki nazzjonali ta’ kontra l-korruzzjoni, regoli tal-informaturi u kodiċi ta’ kondotta.
Fl-iskema ta’ għotjiet tal-Kummissjoni Irlandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza (IHREC), jingħata premju wara valutazzjoni tar-riskju finanzjarju ta’ kull applikant fil-lista mqassra. Il-pagamenti jsiru f’pagamenti parzjali, u l-applikanti jipprovdu rapporti trimestrali dwar il-progress tal-proġetti tagħhom u l-infiq. Jekk jiġu identifikati sfidi, l-IHREC tivvaluta s-sitwazzjoni u toffri l-appoġġ. Dawn il-proġetti huma mmonitorjati aktar mill-qrib. Fil-każijiet rari meta l-proġetti ma jkunux kapaċi jimxu ’l quddiem, l-IHREC titlob li l-fondi jintraddu lura. Ladarba proġett jitlesta, dak li jkun irċieva l-għotja jeħtieġlu jibgħat rapport tal-proġett u finanzjarju finali flimkien ma’ riċevuti pendenti u kopji ta’ outputs tanġibbli. Pagament finali jinħareġ wara t-tlestija sodisfaċenti tal-proġett. L-iskema tal-għotjiet tiġi rieżaminata kull sena mill-kontrollur tal-Istat u mill-awditur ġenerali. Hija soġġetta wkoll għal awditu intern.
4.Finanzjament għad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri
Abbażi tar-rwol komplementari b’mod reċiproku tal-finanzjament tal-UE u tal-finanzjament nazzjonali, dan il-kapitolu jiddeskrivi kif l-Istati Membri jipprovdu finanzjament biex jippromwovu l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali. Filwaqt li jibbaża b’mod partikolari fuq il-konsultazzjonijiet immirati mal-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn, dan jiddeskrivi u jagħti eżempji dwar kif opportunitajiet ta’ finanzjament nazzjonali ntużaw biex jippromwovu l-applikazzjoni tal-Karta.
Fl-istħarriġ imwettaq biex jitħejja dan ir-rapport, wieħed minn kull tliet (34 %) OSĊ li rrispondew indika li l-fondi tal-UE rrappreżentaw l-aktar sors ta’ finanzjament importanti għall-ħidma tagħhom għad-drittijiet fundamentali bejn l-2019 u l-2024, billi l-finanzjament mill-gvern nazzjonali kien is-sors primarju għal 17 %. Fl-istess waqt, fil-konsultazzjoni annwali dwar l-ispazju ċiviku tal-FRA li tkopri l-esperjenza fl-2023, l-OSĊ jirreferu għall-gvernijiet nazzjonali bħala s-sors ta’ finanzjament ewlieni tagħhom (22 %), segwit mill-finanzjament mill-UE u mill-fondazzjonijiet privati (17 % kull wieħed).
Ir-rispondenti tal-istħarriġ tas-soċjetà ċivili qiesu wkoll li l-valur miżjud ewlieni tal-finanzjament tal-UE kien fis-sens li appoġġa l-ħidma tal-organizzazzjoni tagħhom fuq il-valuri fundaturi tal-UE (61 %), ippermetta l-kooperazzjoni, is-sħubijiet, jew in-networking f’diversi Stati Membri (60 %), u appoġġja l-iżvilupp tan-networks Ewropej u tas-soċjetà ċivili (56 %). Skont xi wħud minn dawk li rrispondew, aktar attenzjoni għal mekkaniżmi ta’ għoti mill-ġdid u finanzjament ewlieni fil-livell nazzjonali jgħin biex iżid aktar il-valur miżjud. F’konformità ma’ dan, ir-riżultati mill-konsultazzjoni annwali tal-FRA dwar l-ispazju ċiviku juru li 58 % tal-OSĊ iqisu d-disponibbiltà ulterjuri ta’ finanzjament mhux ristrett, ewlieni jew infrastrutturali bħala l-aktar bidla rilevanti fl-oqfsa ta’ finanzjament.
Il-kapitolu jinvestiga wkoll ir-rwol tal-NHRIs, tal-korpi tal-ugwaljanza u tal-ombudspeople fis-sensibilizzazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u l-ħolqien ta’ rabtiet bejn id-diversi livelli ta’ gvern u soċjetà ċivili li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ proġetti fl-Istati Membri tagħhom.
Attivitajiet għall-promozzjoni, għall-protezzjoni u għall-infurzar ta’ drittijiet fundamentali huma ġeneralment iffinanzjati mill-baġits statutorji tal-Istati Membri. Minħabba l-ambitu orizzontali ta’ applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali, kważi l-oqsma ta’ politika kollha, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u l-ġustizzja jew l-affarijiet interni, fihom attivitajiet rilevanti għall-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Ħafna Stati Membri jappoġġaw ukoll l-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali billi joħorġu għotjiet għal proġetti u jikkomplementaw l-isforzi ta’ finanzjament tal-UE billi jipprovdu l-kofinanzjament meħtieġ għal attivitajiet iffinanzjati mill-UE. Barra minn hekk, kif diskuss fil-kapitolu 5, bosta donaturi oħrajn apparti l-UE jipprovdu finanzjament rilevanti għad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri.
Fir-rigward tal-finanzjament tal-proġetti, l-Istati Membri jipprovdu opportunitajiet ta’ finanzjament tal-proġetti f’bosta oqsma tal-politika relatati mal-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali.
|
Fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-Awstrija tiffinanzja proġetti kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet fix-xjenza, fl-inġinerija u fil-matematika u fid-dinja diġitali, kif ukoll għall-iżvilupp tal-litteriżmu finanzjarju tagħhom. Il-finanzjament sar disponibbli wkoll biex jemanċipa lin-nisa li għandhom aktar minn 60 sena, b’enfasi fuq nisa minn żoni rurali. Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Finlandja tat finanzjament biex ittejjeb is-sitwazzjoni ta’ delinkwenti żgħażagħ reċidivi f’riskju ta’ esklużjoni soċjali, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-kriminalità lokali.
Eżempji ta’ proġetti speċifiċi jinkludu proġett fl-Irlanda, il-“Fond tal-Irlanda Kontra r-Razziżmu”, li jappoġġa l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali Kontra r-Razziżmu billi jiffinanzja l-ħidma ma’ komunitajiet etniċi minoritarji. Jingħata finanzjament għal proġetti lokali, reġjonali u nazzjonali dwar it-trawwim tal-ugwaljanza razzjali. Fl-Awstrija, proġett mibdi mill-Komunità Lhudija ta’ Vjenna, “LIKRAT - Let's Talk”
, jgħaqqad flimkien żgħażagħ u adulti żgħar li għandhom bejn 10 snin u 35 sena biex joħolqu spazju għal djalogu miftuħ, bil-għan li jitkissru l-preġudizzji kontra l-Ġudaiżmu u jitrawmu konnessjonijiet bejn parteċipanti minn sfondi reliġjużi u etniċi differenti bl-objettiv li jitneħħew l-isterjotipi u jitrawmu l-fehim interreliġjuż u d-drittijiet fundamentali.
|
Bosta Stati Membri jirrapportaw inizjattivi biex jiżguraw li l-finanzjament għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali jilħaq lill-partijiet ikkonċernati fil-livelli reġjonali u lokali.
|
Il-gvern Żvediż jipprovdi finanzjament supplimentari għall-proġetti lil reġjuni u muniċipalitajiet għall-provvista ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa f’oqsma fejn hemm il-ħtieġa li jittieħdu azzjonijiet minbarra dawk koperti mill-baġit tal-istat. Fi Spanja, 20 % tal-finanzjament għall-proġetti fuq affarijiet soċjali jmorru għal attivitajiet fil-livell tal-istat, u 80 % għal-livell reġjonali.
|
F’konformità mal-importanza tal-finanzjament tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ż-żamma ta’ spazju ċiviku miftuħ, l-OSĊ huma r-riċevituri ewlenin tal-finanzjament fil-qasam tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali f’bosta Stati Membri. Ħafna minnhom jiffinanzjaw is-soċjetà ċivili mill-baġits regolarji tal-istat tagħhom, u wħud stabbilew skemi ta’ għotjiet għal proġetti addizzjonali u mmirati.
|
Il-Lussemburgu ppermetta lill-Ministeru għall-Ġustizzja biex jiffinanzja proġetti minn organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-proġetti magħżula stabbilew workshops għat-tfal biex jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom, ipprovdew pariri legali lil migranti vulnerabbli u pprovdew taħriġ għal fornituri tal-għajnuna legali. L-Estonja tappoġġa lill-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq id-drittijiet funadamentali, l-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa, permezz ta’ għotja ta’ 3 snin maħsuba biex ittejjeb is-sostenibbiltà tal-finanzjament u tnaqqas id-dipendenza fuq attivitajiet fuq terminu qasir ibbażati fuq proġetti. Fl-2023, Franza tat sussidji lil kważi 1 500 assoċjazzjoni inkarigata mill-miżuri ta’ akkoljenza, akkomodazzjoni u integrazzjoni għal dawk li jfittxu l-ażil u l-migranti. Il-benefiċjarji jintgħażlu permezz ta’ sejħiet annwali għal proġetti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
|
|
Fl-2022, koalizzjoni ta’ OSĊ Ġermaniżi nediet il-Hannah-Arendt-Initiative, programm ta’ protezzjoni għall-ġurnalisti, professjonisti tal-media u difensuri tal-libertà tal-kelma. Ingħata appoġġ lil kważi 5 000 persuna mill-Ukrajna, mir-Russja, mill-Belarussja, mill-Myanmar, mis-Sudan, mill-Afganistan u postijiet oħrajn. Il-programm jipprovdi boroż ta’ studju ta’ emerġenza, taħriġ u bini tal-kapaċitajiet, programmi ta’ fellowship u ċentri għall-ġurnalisti eżiljati. Il-ħidma tikkonsisti minn fond għall-media eżiljata, ir-riċerka u għotjiet għal studju, boroż ta’ studju, appoġġ legali u psikosoċjali u programmi residenzjali.
|
Il-maġġoranza tal-Istati Membri kontribwenti jippubblikaw informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli fuq il-paġna web tal-gvern jew ta’ aġenzija jew fuq il-media soċjali. F’xi każijiet, madankollu, l-informazzjoni tkopri biss sors ta’ finanzjament wieħed jew sorsi minn ċertu qasam ta’ politika, u ma huwa disponibbli l-ebda sors ċentralizzat ta’ informazzjoni għall-informazzjoni kollha dwar il-finanzjament.
|
Spanja tħaddem Bażi tad-Data Nazzjonali tas-Sussidji bis-sejħiet għal proposti kollha ppubblikati fil-gazzetta uffiċjali u rreġistrati fis-Sistema Nazzjonali għall-Pubbliċità tas-Sussidji u l-Għotjiet Pubbliċi. Barra minn hekk, ir-Rumanija żviluppat pjattaforma online b’informazzjoni dwar opportunitajiet disponibbli ta’ finanzjament fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. Dan il-punt ta’ aċċess uniku jaħdem ukoll bħala għodda għall-identifikazzjoni ta’ sħab fil-finanzjament u l-iskambju ta’ prattiki tajbin. Fil-Finlandja, il-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali tas-CERV jikkoopera mas-soċjetà ċivili billi jorganizza sessjonijiet ta’ taħriġ u informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament, jipparteċipa f’avvenimenti u jaħdem ma’ strutturi eżistenti, bħall-Bord Konsultattiv dwar is-Soċjetà Ċivili, bordijiet u aġenziji konsultattivi tal-gvern oħrajn, u networks ta’ organizzazzjonijiet umbrella.
|
Flimkien mal-isforzi ta’ hawn fuq, l-OSĊ jirrapportaw li sofrew minn tnaqqis fil-finanzjament minħabba motiv politiku, li jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċitajiet operattivi tagħhom u l-possibbiltà li jikkontribwixxu għal diskors miftuħ u demokratiku. Bħal kull sena, ir-rapport dwar il-Karta jiġbor flimkien eżempji pprovduti mill-Istati Membri, il-punti fokali tal-Karta, is-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħrajn. Dan ifisser li ma tinġabar l-ebda informazzjoni komparabbli dwar il-każijiet kollha fejn il-finanzjament lill-OSĊ ikun tnaqqas, il-kundizzjonijiet għall-finanzjament ikunu saru aktar stretti b’mod sproporzjonat jew iċ-ċirkostanzi tal-atturi tad-drittijiet fundamentali jkunu ddgħajfu b’mod ieħor matul is-sena ta’ qabel. Madankollu, fid-dawl tad-data reċenti, dawn l-iżviluppi jkomplu jseħħu fl-UE kollha.
|
Barra minn hekk, fl-istħarriġ dwar is-soċjetà ċivili mwettaq għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, ġew identifikati żewġ sfidi ewlenin fir-rigward tal-finanzjament nazzjonali għas-soċjetà ċivili: in-nuqqas ta’ finanzjament disponibbli minħabba l-enfasi tematika tal-attivitajiet ta’ dawk li rrispondew (35 %) u n-nuqqas ta’ finanzjament ewlieni jew infrastrutturali (30 %). Kwistjonijiet oħrajn meqjusin bħala sfidi mis-soċjetà ċivili jinkludu informazzjoni insuffiċjenti jew li diffiċli biex tinstab (22 %), in-nuqqas ta’ finanzjament għal proġetti ta’ organizzazzjonijiet iżgħar jew għal proġetti iżgħar (22 %), u l-impatt limitat tal-proġetti minħabba ċikli ta’ finanzjament qosra jew nuqqas ta’ finanzjament ta’ segwitu (21 %).
|
Barra minn hekk l-Istati Membri jirrapportaw dwar kooperazzjoni ma’ donaturi internazzjonali fil-qasam tal-finanzjament għad-drittijiet fundamentali. Dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam tal-azzjoni esterna, fejn l-Istati Membri jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ korpi tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u reġjonali, kif ukoll ta’ OSĊ internazzjonali. Xi Stati Membri jipprovdu wkoll għotjiet bilaterali lill-atturi tad-drittijiet tal-bniedem skont il-politiki barranin tagħhom , jew għandhom fis-seħħ programmi ta’ kooperazzjoni bilaterali.
|
Fir-rigward tal-użu ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament minn partijiet terzi fl-Istati Membri, il-Bulgarija għaqqdet il-finanzjament mill-baġit tal-Istat, il-Programm dwar il-Ġustizzja u l-għotjiet taż-ŻEE/tan-Norveġja biex tibni l-kapaċitajiet tal-ġudikatura fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, inkluż fit-taħriġ ġudizzjarju, ġustizzja li tieħu ħsieb l-interessi tat-tfal u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Il-Polonja tirrapporta dwar bosta inizjattivi mill-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja li ġew iffinanzjati mill-Programm dwar il-Ġustizzja u l-Għotjiet taż-ŻEE/tan-Norveġja. Fir-Rumanija, ġew iffinalizzati 12-il proġett iffinanzjati mill-Għotjiet taż-ŻEE/tan-Norveġja dwar it-titjib tal-aċċess għas-servizzi tas-saħħa għall-gruppi vulnerabbli, inklużi r-Rom. Is-Slovenja tirreferi għal proġetti kkofinanzjati mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-Appoġġ għar-Riformi Strutturali tal-UE.
|
Il-konsultazzjonijiet imwettqa b’appoġġ għal dan ir-rapport kienu kkaratterizzati minn interess għoli mill-NHRIs, mill-korpi tal-ugwaljanza u mill-ombudspersons. B’kollox, 20 minnhom, u n-networks tagħhom fil-livell tal-UE, ipparteċipaw fil-konsultazzjoni mmirata.
|
NHRIs taħt l-istrateġija tal-Karta – ċentrali għall-implimentazzjoni tal-Karta
Fl-istrateġija tal-Karta, il-Kummissjoni kkunsidrat ir-rwol kritiku tal-NHRIs fir-rabta bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili. L-NHRIs jippromwovu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali kollha billi jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-Karta, jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-vittmi ta’ ksur tad-drittijiet u jikkooperaw ma’ istituzzjonijiet nazzjonali oħrajn biex itejbu l-użu tal-Karta u s-sensibilizzazzjoni dwarha. Minħabba l-istatus indipendenti u l-għarfien espert tagħhom fil-monitoraġġ u l-għoti ta’ pariri lill-awtoritajiet, il-NHRIs jista’ jkollhom rwol fl-iżgurar li l-programmi ffinanzjati mill-UE jitfasslu u jiġu implimentati f’konformità mal-Karta.
|
Fir-rigward tal-finanzjament għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, l-NHRIs, il-korpi tal-ugwaljanza u l-ombudspersons li jikkontribwixxu enfasizzaw il-limiti imposti mill-mandati tagħhom. Kif innota wkoll l-ENNHRI fid-dikjarazzjoni ddedikata tiegħu mill-2022, li ssegwi l-Prinċipji ta’ Pariġi tan-NU, ma huwiex xieraq għall-NHRIs li jieħdu pożizzjoni li tagħtihom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet jew li jivvotaw fil-kumitati ta’ monitoraġġ relatati mal-implimentazzjoni tal-HEC tal-Karta, jew li joħorġu ċertifikati dwar il-konformità tal-proġetti ffinanzjati mad-drittijiet fundamentali.
L-attivitajiet tal-NHRIs, tal-korpi tal-ugwaljanza u tal-ombudspeople ġeneralment huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat, li xi kultant jista’ jkun issuplementat minn finanzjament estern (bħal mill-Għotjiet taż-ŻEE/tan-Norveġja). Il-maġġoranza tal-NHRIs, tal-korpi tal-ugwaljanza u tal-ombudspersons li rrispondew ma joħorġux finanzjament huma stess għal proġetti tad-drittijiet fundamentali. Il-mandati tagħhom ma jagħtux lil dawn il-korpi kompiti ta’ attivitajiet relatati mal-finanzjament.
Jeżistu xi eċċezzjonijiet. L-Att Ġenerali dwar it-Trattament Ugwali Ġermaniż jippermetti lill-korp tal-ugwaljanza nazzjonali jiffinanzja proġetti fl-interess federali, meta dawn ma jistgħux ikunu ffinanzjati b’mod effettiv minn stat federali. Dan għalhekk joħroġ sejħiet għal finanzjament f’konformità mal-linji gwida dwar il-finanzjament u l-baġit annwali tiegħu.
Fil-Ġermanja, ġie allokat finanzjament għall-programm Respekt*land funding, l-ewwel programm federali biex jiffinanzja strutturi ta’ konsulenza u appoġġ għall-vittmi tad-diskriminazzjoni. B’baġit ta’ EUR 4,8 miljun fl-2023 u 5,75 miljun fl-2024, il-FADA għażlet 35 proġett pilota minn 103 applikazzjoni f’koordinazzjoni mal-istati federali. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti għandhom enfasi reġjonali (disgħa biss jieħdu approċċ nazzjonali). Il-proġetti pereżempju jiggwidaw il-pariri u l-konsulenza legali lejn reġjuni li ma humiex moqdija tajjeb, jew jespandu s-servizzi ta’ pariri u konsulenza għall-vittmi tad-diskriminazzjoni fiż-żoni rurali. Proġett wieħed jistabbilixxi standards għall-korpi tal-ugwaljanza u ta’ kontra d-diskriminazzjoni lokali u muniċipali.
Bl-istess mod, fl-Irlanda, l-Att dwar il-Kummissjoni Irlandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza tal-2014 jagħti mandat lill-NHRI biex jipprovdi għotjiet għal attivitajiet għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Il-finanzjament jinħareġ f’konformità mal-prijoritajiet stabbiliti fi stqarrija tal-istrateġija u jsir disponibbli taħt skema ta’ għotjiet żgħar (li jikkonsistu minn għotjiet sa EUR 6 000) u bħala għotjiet ġenerali (sa EUR 20 000). L-NHRI iffinanzja aktar minn 200 proġett biex jappoġġa gruppi żgħar ta’ detenturi tad-drittijiet u mmexxija mill-komunità. L-iskema tilqa’ wkoll sħubijiet bejn bosta organizzazzjonijiet.
L-ebda wieħed mill-NHRIs, mill-korpi tal-ugwaljanza jew mill-ombudspeople li rrispondew ma jinformaw lill-applikanti potenzjali bl-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli. L-Ombudsman Grieg madankollu nnota li jkun jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-amministrazzjoni pubblika dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, inkluż permezz tal-finanzjament.
Xi ombudspeople u NHRIs huma involuti b’mod ieħor f’attivitajiet ta’ finanzjament. L-Ombudsperson Kroat jappoġġa applikazzjonijiet għal finanzjament minn OSĊ familjari. L-Ombudspeaople tal-Kroazja, Ċipru u l-Greċja, u l-NHRI Bulgaru, Spanjol u Sloven, jipparteċipaw f’avvenimenti organizzati mill-OSĊ bħala parti minn proġetti ffinanzjati, jew jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ proġett bħala parti minn koalizzjoni.
Il-proġett Rooting for Rights (R4R) (Nappoġġaw id-Drittijiet) jippromwovi l-użu tal-Karta fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali f’Ċipru, fil-Greċja, f’Malta u fil-Portugall. Filwaqt li jibni fuq l-istrateġija tal-Karta, il-proġett jiffoka fuq sensibilizzazzjoni u promozzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali (b’kollox jilħaq 25 istituzzjoni nazzjonali, korpi tad-drittijiet tal-bniedem, atturi tal-Istat u ombudspeople). Dan jibni l-kapaċitajiet tal-prattikanti legali, l-OSĊ u l-ħaddiema tal-ewwel linja biex jinvokaw b’mod effettiv il-Karta meta jappoġġaw applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u jiżviluppaw materjali li jinformawhom bid-drittijiet tagħhom. Il-Kummissjoni Nazzjonali Griega għad-Drittijiet tal-Bniedem tipparteċipa skont il-mandat tagħha biex timmonitorja ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex tagħti pariri dwar il-politiki tad-drittijiet tal-bniedem.
Bosta NHRIs, korpi tal-ugwaljanza u ombudspeople jikkooperaw ma’ donaturi oħrajn. Din tinkludi kooperazzjoni mal-Għotjiet taż-ŻEE/tan-Norveġja (Ombudspeople ta’ Ċipru, taċ-Ċekja u tal-Greċja, NHRI Sloven). Il-kontributuri jirreferu wkoll għal proġetti bilaterali ffinanzjati min-Netherlands u l-US AID, kif ukoll kooperazzjoni fuq proġetti mal-Kunsill tal-Ewropa u l-FRA.
Il-FRA, iffinanzjata mill-Għotjiet taż-ŻEE/tan-Norveġja, implimentat proġett reġjonali dwar “appoġġ għall-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem nazzjonali fil-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali u l-aspetti tad-drittijiet fundamentali tal-istat tad-dritt” fil-Bulgarija, fil-Kroazja, f’Ċipru, fil-Latvja, fil-Polonja, fis-Slovakkja u fis-Slovenja. Il-benefiċjarji kienu l-NHRIs, li kollha wettqu attivitajiet biex jiżguraw konformità mad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE. L-ENNHRI pparteċipa bħala sieħeb espert. Il-proġett kellu l-għan li jtejjeb l-użu tal-Karta mill-NHRIs u jsaħħaħ ir-rwol tagħhom fl-infurzar tagħha fil-livell nazzjonali, isaħħaħ il-kapaċità tagħhom fil-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, u jibni aktar il-kapaċitajiet biex tiġi mmonitorjata l-konformità mad-drittijiet fundamentali fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE.
L-NHRIs, il-korpi tal-ugwaljanza u l-ombudspeople jirreferu wkoll għall-finanzjament magħmul disponibbli minn Equinet u l-ENNHRI. Waħda mill-attivitajiet implimentati mill-ENNHRI taħt l-għotja operattiva tas-CERV tagħha hija l-appoġġ finanzjarju għal partijiet terzi. Din il-possibbiltà ta’ għoti mill-ġdid ippermettiet lill-ENNHRI jipprovdi finanzjament lill-NHRIs membri tiegħu wara sejħa ddedikata u fl-2023 ġew implimentati disa’ proġetti dwar avvanzi strateġiċi fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-livell nazzjonali.
Minbarra l-isfidi identifikati fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Karta fl-iżborż tal-fondi tal-UE, l-Ombudsman Kroat jiġbed l-attenzjoni għal ċerti kwistjonijiet relatati mal-finanzjament, bħad-dewmien fil-pubblikazzjoni ta’ sejħiet għal finanzjament, in-nuqqas ta’ sejħiet pluriennali, u l-piż amministrattiv eċċessiv għall-organizzazzjonijiet li jaħdmu fuq il-monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali, l-attivitajiet ta’ sorveljanza, il-promozzjoni u n-nondiskriminazzjoni. L-NHRI Slovakka tindika n-nuqqas ta’ finanzjament sostenibbli li mhuwiex ibbażat fuq proġetti għall-OSĊ.
5.Kooperazzjoni bejn l-UE u donaturi pubbliċi u privati oħrajn
L-isforzi ta’ finanzjament tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali jikkomplementaw l-isforzi magħmula minn donaturi internazzjonali oħrajn, pubbliċi u privati. L-UE u atturi internazzjonali oħrajn jipprovdu finanzjament rilevanti għad-drittijiet fundamentali kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi tal-viċinat u pajjiżi kandidati, kif ukoll globalment. F’pajjiżi terzi, l-UE tappoġġa l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija permezz tal-politiki esterni tagħha u l-avvanz tal-valuri universali għal kulħadd. L-organizzazzjonijiet filantropiċi, bħala parti mis-soċjetà ċivili, ukoll jappoġġaw lil OSĊ oħrajn billi jikkomplementaw inizjattivi tal-gvern u tas-settur privat.
Filwaqt li jibni fuq kontributi minn konsultazzjonijiet immirati, dan il-kapitolu juri kif bosta atturi jagħmlu l-finanzjament disponibbli għal proġetti tad-drittijiet fundamentali, u jagħmlu sforzi biex jiżguraw li s-suġġetti u l-metodoloġiji jikkorrispondu mal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji fil-prattika. Filwaqt li l-konsultazzjonijiet jindikaw kompatibbiltà ġenerali ta’ dawn l-isforzi, dawn juru wkoll li jistgħu jittieħdu miżuri ulterjuri biex jinħolqu sinerġiji espliċiti.
Bosta donaturi internazzjonali pubbliċi u privati jipprovdu finanzjament biex jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet fundamentali fl-UE permezz ta’ finanzjament tal-proġetti u finanzjament bilaterali dirett. Fil-konsultazzjoni annwali dwar l-ispazju ċiviku tal-FRA li tkopri l-esperjenza fl-2023, l-OSĊ jirrapportaw li 15 % tal-finanzjament tagħhom ġie minn donaturi pubbliċi internazzjonali jew barranin, 8 % mill-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja u 7 % minn sorsi internazzjonali oħrajn.
L-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja jipprovdu appoġġ finanzjarju lil 15-il Stat Membru tal-UE biex inaqqsu d-diskrepanzi ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u jsaħħu l-kollaborazzjoni. L-attivitajiet iridu jkunu bbażati fuq ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. Il-finanzjament jinħareġ, pereżempju, għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u l-emanċipazzjoni ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, għat-titjib tal-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet pubbliċi biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali, għall-emanċipazzjoni tal-ombudspeople, tal-NHRIs u tal-korpi tal-ugwaljanza, u għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, inklużi r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda. L-għotjiet jappoġġaw ukoll l-inklużjoni u l-emanċipazzjoni tar-Rom b’enfasi speċjali fuq il-pajjiżi b’popolazzjonijiet Rom kbar (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Greċja, ir-Rumanija u s-Slovakkja).
Fir-Rumanija, proġett ipprovda servizzi soċjali, mediċi u edukattivi sabiex jindirizzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali. Dan kien implimentat f’kooperazzjoni ma’ membri tal-komunità affettwata, fil-biċċa l-kbira Rom, u kien jinkludi l-iżvilupp ta’ metodoloġija ta’ risistemazzjoni sostenibbli u x-xiri ta’ 63 unità ta’ akkomodazzjoni soċjali għall-familji. Fil-Bulgarija, il-programm appoġġa ċentri taż-żgħażagħ u tal-indukrar bikri tat-tfal f’insedjamenti remoti, rurali u/jew foqra, kif ukoll tejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi u s-servizzi soċjali u tas-saħħa.
L-Għotjiet taż-ŻEE u tan-Norveġja jiffinanzjaw ukoll inizjattivi bilaterali fl-istati benefiċjarji, kif ukoll sħubijiet fi proġetti mal-pajjiżi ġirien tal-UE. Dawn jikkooperaw mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-FRA u mal-OECD. Dawn l-organizzazzjonijiet ta’ sħab internazzjonali jagħtuhom pariri dwar programmi u proġetti u jimplimentaw il-proġetti tagħhom stess.
Il-proġett “Għajnuna Komprensiva għall-Vittmi tal-Vjolenza Sesswali mill-Ukrajna” jipprovdi appoġġ lil rifuġjati Ukreni li huma vittmi ta’ vjolenza sesswali permezz ta’ linja telefonika għall-għajnuna 24/7 u bħala konsulenza soċjali u psikoloġika u f’appoġġ legali, mediku u materjali. Il-proġett huwa ffinanzjat minn fond bilaterali mil-Litwanja, u jikkondividi wkoll għarfien minn organizzazzjonijiet oħrajn li jorganizzaw taħriġ dwar trawma.
L-USAID ukoll għandha l-għan li tappoġġa u tiżviluppa aktar soċjetajiet miftuħin, imsejsin fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali u inklużivi bbażati fuq l-istat tad-dritt. Dan jappoġġa inizjattivi minn OSĊ, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u gruppi għassiesa, kif ukoll istituzzjonijiet responsabbli, bħal NHRIs, ombudspersons, kif ukoll prosekuturi u mħallfin fil-Bulgarija, fl-Ungerija u fil-Polonja. Dan nieda provvista ta’ appoġġ għall-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem eżiljati billi pprovda għotjiet fil-Polonja u fil-Ġermanja u barra mill-UE għal programmi li jappoġġaw attivisti Russi u Belarussi.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR, Office of the High Commissioner for Human Rights) tan-Nazzjonijiet Uniti jipprovdi finanzjament permezz tal-Fond Volontarju tan-NU għall-Vittmi tat-Tortura u tal-Fond Fiduċjarju Volontarju tan-NU għal Forom Moderni ta’ Skjavitù. Il-finanzjament lil organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ dirett lis-superstiti tat-tortura u tal-iskjavitù ġie pprovdut lil organizzazzjonijiet mill-Belġju, mill-Kroazja, miċ-Ċekja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Greċja, mill-Ungerija, mill-Irlanda, mill-Italja, min-Netherlands, mir-Rumanija u minn Spanja.
Selfiet għall-infrastruttura fuq terminu twil f’bosta setturi koperti mill-Karta jingħataw mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u mill-Bank ta’ Żvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa (CEB, Council of Europe Development Bank). Il-BEI jinvesti fi proġetti fl-oqsma tal-infrastruttura soċjali, l-enerġija rinnovabbli, il-finanzi inklużivi u l-iżvilupp urban, kif ukoll iħallat selfiet ma’ għotjiet u jappoġġa proġetti ta’ investiment. Is-CEB primarjament jiffinanzja infrastruttura għall-akkomodazzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa. Bl-istess mod jiġu offruti selfiet u għotjiet lill-membri tas-CEB minn barra l-UE, primarjament fil-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant.
Id-donaturi kollha li jikkontribwixxu jfittxu feedback tal-partijiet ikkonċernati dwar l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-programm. Id-donaturi internazzjonali jorganizzaw konsultazzjonijiet u sessjonijiet ta’ informazzjoni fl-istati benefiċjarji, u jinvolvu lis-sħab biex jiddeċiedu kif jintużaw il-fondi ta’ proġetti, biex jaġġustaw għall-bidliet politiċi u biex jistabbilixxu skedi ta’ żmien. Skont il-FRA, il-konsultazzjonijiet mal-OSĊ għall-iżvilupp ta’ programmi ta’ finanzjament ġodda isiru aktar ta’ spiss ma’ organizzazzjonijiet akbar. Id-donaturi joffru wkoll forom oħrajn ta’ appoġġ, jiġifieri l-bini tal-kapaċitajiet, l-għarfien espert tekniku u l-konsulenza. L-operaturi tal-fond jiġu rreklutati mill-istati benefiċjarji abbażi tal-għarfien tagħhom dwar is-soċjetà ċivili tal-pajjiżi biex ikun żgurat li l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji jkunu ssodisfati.
Id-donaturi li jikkontribwixxu jaraw ukoll potenzjal għal aktar simplifikazzjoni biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u biex tkun ipprovduta flessibbiltà addizzjonali. Dawn jirreferi wkoll għal riflessjoni li għadha għaddejja dwar kif ikun żgurat l-allinjament bejn l-attivitajiet iffinanzjati u l-valuri tal-għotjiet. Hemm ħtieġa wkoll għal assistenza biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-parteċipanti fir-rigward tad-drittijiet fundamentali b’mod ġenerali, kif ukoll għal taħriġ u mentoraġġ ta’ qabel l-applikazzjoni biex jassistu b’mod partikolari lil organizzazzjonijiet iżgħar fl-applikazzjoni għall-finanzjament.
L-OHCHR jirreferi għal diskrepanza fil-finanzjament għaż-żewġ fondi tiegħu, fejn l-għadd kbir ta’ applikazzjonijiet li għalihom ma kienx kapaċi jagħti l-finanzjament jikxef kif eluf ta’ vittmi qed jitħallew waħedhom minkejja l-ħtieġa kbira tagħhom għal appoġġ. Dan juri ħtieġa li jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-finanzjament, inkluż għad-donaturi privati.
Is-CEB jenfasizza r-rwol kruċjali tal-għotjiet għall-iżvilupp tal-infrastruttura soċjali u proġetti ta’ kura, minħabba li l-proġetti f’dawn l-oqsma normalment ma jiġġenerawx dħul. Dawn huma ta’ spiss implimentati fil-livelli reġjonali u lokali, fejn il-ħtieġa għal għarfien espert tekniku tista’ tkun akbar. L-għotjiet konformi mad-drittijiet jista’ jkollhom ukoll l-effett benefiċjali li jinċentivaw proġetti biex jibnu l-attivitajiet tagħhom b’mod li jippromwovi d-drittijiet fundamentali.
Il-fondazzjonijiet filantropiċi jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ finanzi billi joħorġu taħlita ta’ għotjiet għal proġetti u għall-bini tal-kapaċitajiet, jiffinanzjaw attivitajiet ewlenin tal-organizzazzjonijiet u jappoġġaw organizzazzjonijiet ta’ bażi permezz ta’ għotjiet mill-ġdid u mikrogħotjiet.
L-organizzazzjonijiet filantropiċi huma attivi biex jiġbru flimkien lill-finanzjaturi tad-drittijiet fundamentali. Dan jippermettilhom jaqsmu l-aħjar prattiki ta’ finanzjament biex dawn ikunu jistgħu jitkabbru u jiġu rreplikati, jiġu ppuljati fondi flimkien għal kawżi speċifiċi jew inizjattivi konġunti. Dawn huma involuti wkoll fir-riċerka u t-tixrid tal-informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u diskrepanzi u jivvalutaw l-impatt tal-finanzjament. Bosta minnhom jikkooperaw ma’ donaturi oħrajn, inkluża l-UE.
Bħala waħda mill-attivitajiet tagħha, Philea tgħaqqad lill-membri tagħha permezz ta’ networks tematiċi. Dawn jinkludu, pereżempju:
- In-Network tad-Demokrazija ta’ Philea, li jiffaċilita azzjonijiet kollaborattivi dwar id-difiża u l-iżvilupp tad-demokrazija. Dan jgħaqqad flimkien fondazzjonijiet għad-diskussjoni u l-iskambju ta’ għarfien.
- Il-Forum tal-Finanzjaturi tal-Ġurnaliżmu ta’ Philea jippermetti lill-finanzjaturi biex jinvolvu ruħhom b’mod interattiv u proattiv fil-kwistjoni ta’ ġurnaliżmu indipendenti ta’ kwalità, u r-rwol tiegħu fl-appoġġ għad-demokrazija.
Fir-rigward tal-finanzjament konġunt, l-OHCHR jopera “azzjonijiet b’aktar minn donatur wieħed”, fejn kontribuzzjoni finanzjarja mill-UE tiġi fuża ma’ finanzjament ta’ donaturi oħrajn għall-istess skop. Rapporti tal-USAID li ssieħbu mal-UE, il-Fondazzjoni Oak, Civitates, u donaturi oħra fl-għoti ta’ finanzjament, u l-Kunsill tal-Ewropa jappoġġa dejjem aktar ir-riformi fl-Istati Membri tal-UE billi jipprovdi għarfien espert fi proġetti ffinanzjati mill-mekkaniżmu tat-TSI.
Dan ir-rapport juri n-natura ta’ tisħiħ reċiproku tal-isforzi ta’ finanzjament tal-UE ta’ donaturi oħrajn fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Fis-segwitu għas-seminar tal-2023 dwar l-appoġġ għas-soċjetà ċivili permezz tal-finanzjament, ġew organizzati laqgħat ta’ skambju informali dwar il-finanzjament tad-drittijiet fundamentali bejn donaturi pubbliċi u privati, inkluża l-Kummissjoni. Skambji kontinwi jibqgħu meħtieġa sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà tal-isforzi u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika tal-finanzjament f’konformità mal-ħtiġijiet tal-benefiċjarji.
Fl-azzjoni esterna tagħha, l-UE tuża firxa ta’ għodod biex tħares id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, kemm fir-relazzjonijiet bilaterali tagħha kif ukoll f’fora multilaterali, primarjament mill-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali. L-NDICI jinkludi “Programm Tematiku dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija”, b’total ta’ EUR 1,5 biljun għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027. Dan jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija ta’ bejn l-2020 u l-2027, l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku fir-rigward tal-impatt tad-degradazzjoni ambjentali u l-bidla fil-klima fuq id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll jappoġġa missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali.
Bejn wieħed u ieħor nofs dan il-finanzjament huwa ġestit minn delegazzjonijiet tal-UE. Il-proġetti jippromwovu d-drittijiet ċivili u politiċi u soċjali, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi sħab u jappoġġaw il-korpi tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja. Programmi tematiċi ulterjuri taħt l-NDICI jiffinanzjaw azzjonijiet b’appoġġ għad-drittijiet tat-tfal, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet tal-migranti u l-persuni spostati b’mod furzat, is-saħħa u l-edukazzjoni, u programm jappoġġa ż-żamma ta’ ambjent abilitanti għas-soċjetà ċivili.
Il-ġestjoni tal-fondi ssegwi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem b’analiżi tar-riskju tad-drittijiet tal-bniedem u miżuri biex jiżguraw il-parteċipazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet, kif ukoll timmitiga miżuri biex tindirizza r-riskji fejn meħtieġ.
Eżempji ta’ proġetti globali ffinanzjati mill-NDICI:
- ProtectDefenders.eu u l-Fond ta’ Emerġenza għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem: għotja ta’ EUR 30 miljun lil 12-il OSĊ speċjalizzati biex jipprovdu appoġġ lil difensuri tad-drittijiet tal-bniedem (DDB) f’riskju madwar id-dinja. Dan il-programm huwa l-aktar wieħed importanti tat-tip tiegħu globalment u huwa kkomplementat minn faċilità għal għotjiet żgħar, mgħoddija permezz tad-delegazzjonijiet tal-UE għal kopertura aktar rigoruża ta’ każijiet ta’ prijorità.
- L-inizjattiva Spotlight, sħubija pluriennali bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti biex jiġu eliminati l-forom kollha ta’ vjolenza abbażi tal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet. L-inizjattiva tnediet b’investiment inizjali tal-UE ta’ EUR 500 miljun, u tirrappreżenta investiment globali mingħajr preċedent fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
- Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem: għotja għaddejja bħalissa ta’ EUR 5 miljun lis-segretarjat tal-GANHRI, l-assoċjazzjoni globali tal-NHRIs fl-OHCHR, li tgħaqqad flimkien in-networks tal-NHRI reġjonali. L-għotja tkopri attivitajiet ta’ akkreditazzjoni u bini tal-kapaċitajiet għall-NHRIs.
L-UE tiffinanzja wkoll azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-pajjiżi taħt il-politiki tat-Tkabbir u tal-Viċinat Ewropew. Proġetti rilevanti qed jiġu ffinanzjati pereżempju fil-Bożnija-Ħerzegovina, fil-Kosovo, fil-Montenegro, fis-Serbja, fit-Turkija u fil-Moldova, kif ukoll fir-reġjun tal-Mediterran tan-nofsinhar.
Barra minn hekk l-UE tiffinanzja programmi konġunti tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa. Pereżempju, taħt il-Faċilità Orizzontali għall-Balkani tal-Punent u t-Turkija, l-appoġġ huwa pprovdut għal pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali għall-adeżjoni mal-UE biex jissodisfaw l-aġendi ta’ riforma tagħhom u jikkonformaw mal-istandards Ewropej, inkluż fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.
6.Konklużjoni
Dan ir-rapport enfasizza r-rilevanza tal-finanzjament tal-UE għall-protezzjoni, il-promozzjoni u l-infurzar tad-drittijiet fundamentali fil-politiki interni u esterni tagħha. Dan juri kif l-UE tikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-drittijiet, tal-libertajiet u tal-prinċipji tal-Karta permezz tal-programmi ta’ finanzjament iddedikati u l-programmi settorjali tagħha.
Kif huwa enfasizzat fl-istrateġija dwar il-Karta, hemm ħtieġa li tinbena l-kapaċità ta’ dawk li għandhom rwol fl-applikazzjoni tal-Karta fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom. Il-finanzjament huwa wieħed mill-mezzi ewlenin għal din il-ħidma importanti. Il-proġetti ffinanzjati – kemm mill-UE kif ukoll mill-Istati Membri – jaqilbu d-dispożizzjonijiet tad-drittijiet fundamentali f’soluzzjonijiet prattiċi ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, inklużi l-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli.
L-OSĊ u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem huma kostitwenti indispensabbli ta’ soċjetajiet miftuħa u demokratiċi li jaderixxu mal-valuri fundamentali tal-Unjoni. L-isforzi ta’ finanzjament tal-UE u donaturi oħrajn għalhekk irriflettew tħassib dwar il-limitazzjoni tal-ispazju ċiviku fl-UE u globalment. Kif huwa rikonoxxut fir-rapport dwar il-Karta tal-2022 dwar spazju ċiviku b’saħħtu, l-OSĊ jeħtiġilhom ikunu kapaċi jiffunzjonaw f’ambjent fejn id-drittijiet fundamentali tagħhom, u dawk tal-membri tagħhom, ma jkunux mhedda. Il-ħtieġa li jkun appoġġat u emanċipat settur tas-soċjetà ċivili attiv fl-Unjoni kollha tibqa’ prijorità tal-Kummissjoni.
Minkejja finanzjament konsiderevoli li sar disponibbli mill-UE u minn donaturi pubbliċi u privati internazzjonali, mhux biżżejjed finanzjament jilħaq l-atturi tad-drittijiet fundamentali. L-isfidi enfasizzati f’dan ir-rapport jinkludu diffikultajiet biex tinstab informazzjoni dwar il-finanzjament disponibbli, in-nuqqas ta’ kapaċità li wieħed japplika għall-finanzjament u l-proċessi kumplessi ta’ applikazzjoni u rapportar, il-possibbiltajiet limitati li wieħed jieħu finanzjament fuq terminu twil u finanzjament għal attivitajiet ewlenin jew għal attivitajiet f’ċerti setturi.
Fl-istess waqt, ir-rapport juri kif l-UE u d-donaturi internazzjonali reċentement ħadu miżuri biex jindirizzaw nuqqasijiet fil-limiti imposti minn ġestjoni finanzjarja soda u rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju. L-għoti ta’ informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament ġiet imtejba u ġew żviluppati metodoloġiji ta’ finanzjament differenti biex jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet fil-prattika.
Għal segment sinifikanti ta’ atturi tad-drittijiet fundamentali, il-finanzjament nazzjonali, reġjonali jew lokali għadu s-sors ta’ finanzjament primarju. L-Istati Membri għalhekk għandhom rwol importanti kemm biex jikkomplementaw il-finanzjament tal-UE kif ukoll biex jappoġġaw il-provvista tal-finanzjament tal-UE billi jipprovdu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament u jipparteċipaw fi proġetti tal-UE bħala kofinanzjaturi. Il-kooperazzjoni mal-Istati Membri se tibqa’ element ċentrali fl-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-UE. Fl-istess ħin, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli tasal għand l-awtoritajiet reġjonali u lokali.
Il-Kummissjoni tilqa’ l-involviment estensiv tal-partijiet ikkonċernati fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport. Il-partijiet ikkonċernati, bħall-awtoritajiet nazzjonali, il-punti fokali tal-Karta, l-OSĊ, l-NHRIs u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, prattikanti legali u oħrajn, huma mħeġġa biex ixerrdu aktar dan ir-rapport u jużawh biex jinformaw lill-kostitwenti tagħhom dwar il-finanzjament tal-UE disponibbli fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jorganizzaw diskussjonijiet iddedikati dwar ir-rapport u hija disponibbli biex tappoġġa dawn l-iskambji.