Brussell, 3.9.2024

COM(2024) 390 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar “l-Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” mill-Istati Membri kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009




RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar “l-Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” mill-Istati Membri kif meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009

1.Introduzzjoni

1.1.Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea

Dan huwa r-raba’ rapport imfassal f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea 1 , b’mod partikolari l-Artikolu 11(4), li jistabbilixxi li:

“L-Impenji mill-Istati Membri għandhom jiġu mmonitorjati b’mod regolari mill-Kummissjoni abbażi ta’ rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri u għandhom jiġu aġġornati kif meħtieġ.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta’ progress, sad-9 ta’ Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.”

L-ewwel rapport kien ippubblikat fl-2018 2 , it-tieni wieħed fl-2020 3 u t-tielet wieħed fl-2022 4 .

Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika

L-Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika (l-“Impenji”) ġew stabbiliti bħala parti mill-objettiv li jissaħħaħ il-qafas għall-ġestjoni tal-kwalità fil-qasam tal-istatistika. Ġew ippreżentati għall-ewwel darba f’Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fl-2011 5 . Il-kunċett iservi bħala mekkaniżmu biex il-gvernijiet jiġu involuti kontinwament fit-teħid tar-responsabbiltà għall-konformità ta’ pajjiżhom mal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea (“il-Kodiċi ta’ Prattika”) 6 .

Il-Kodiċi ta’ Prattika ħoloq il-punt ta’ riferiment għall-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-istatistika Ewropea. Jinkludi 16-il prinċipju li jkopru l-qafas istituzzjonali, il-proċessi statistiċi u l-output. L-objettiv ewlieni tiegħu huwa li jiżgura li l-istatistika prodotta fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika ma tikkorrispondix biss mal-kriterji tal-kwalità, li fosthom jistgħu jissemmew ir-rilevanza, it-tempestività u l-preċiżjoni, iżda jissodisfa wkoll il-prinċipji tal-indipendenza professjonali, l-imparzjalità u l-oġġettività.

L-Impenji huma rabta importanti bejn il-Kodiċi ta’ Prattika u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Impenji huma strumenti li “għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-Istatistika Ewropea u l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji statistiċi li jinsabu fil-Kodiċi ta’ Prattika

Il-premessa 17 tar-Regolament emendatorju, (UE) 2015/759 7 , tgġid li “Tista’ tissaħħaħ il-kwalità tal-istatistika Ewropea u tiġi rinforzata l-fiduċja tal-utenti, billi jiġu involuti l-gvernijiet nazzjonali fir-responsabbiltà tal-applikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea (il-Kodiċi ta’ Prattika). Għal dak il-għan, “Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” (Impenn) minn Stat Membru, li jikkunsidra speċifiċitajiet nazzjonali, għandu jinkludi impenji speċifiċi mill-gvern ta’ dak l-Istat Membru biex itejjeb jew iżomm il-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika. L-Impenn, li għandu jiġi aġġornat kif meħtieġ, jista’ jinkludi oqfsa nazzjonali ta’ garanzija ta’ kwalità għolja, inkluż awtovalutazzjonijiet, azzjonijiet għal titjib u mekkaniżmi ta’ monitoraġġ.”

Rieżamijiet bejn il-pari tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS)

Is-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS, European Statistical System), li fiha jikkooperaw il-Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi tal-EFTA, għandha l-għan li tipproduċi statistika Ewropea ta’ kwalità għolja. Biex jiggarantixxu statistika ta’ kwalità tajba, il-membri tal-ESS ħolqu qafas ta’ kwalità komuni bil-Kodiċi ta’ Prattika bħala l-pedament tiegħu. Il-konformità mill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika mas-sett sħiħ ta’ prinċipji u indikaturi tal-Kodiċi ta’ Prattika għandha rwol ewlieni fl-iżgurar tal-kwalità tal-istatistika Ewropea. Din il-konformità tiġi vvalutata perjodikament permezz ta’ rieżamijiet bejn il-pari tal-ESS.

Ir-rieżamijiet bejn il-pari tal-ESS isegwu metodoloġija dettaljata u jinvolvu awtovalutazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza, żjarat fil-pajjiżi u rapporti ta’ rieżami bejn il-pari mfassla minn timijiet ta’ esperti. Ir-rapporti jinkludu rakkomandazzjonijiet għal titjib u huma segwiti minn pjanijiet ta’ azzjoni għal titjib, li l-Eurostat jimmonitorja kull sena. Ir-rieżamijiet bejn il-pari preċedenti twettqu mill-2006 sal-2008, u mill-2013 sal-2015. It-tielet ċiklu ta’ rieżamijiet bejn il-pari, li jkopri l-perjodu 2021 sa 2023, ġie ffinalizzat u l-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tagħha f’rapport finali 8 . Ir-rapporti individwali ta’ rieżami bejn il-pari jinsabu fuq is-sit web tal-Eurostat 9 .

F’dak ir-rigward, l-Impenji li jinvolvu l-gvernijiet għandhom rwol komplementari għar-rieżamijiet bejn il-pari tal-ESS li jinvolvu l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika.

2.Ħarsa ġenerali lejn l-Impenji dwar il-Fiduċja u Rapporti mill-Istati Membri

2.1.Dispożizzjonijiet Ġenerali

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu l-fiduċja fl-istatistika Ewropea. Għal dan l-għan, “Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika” għandu jkollhom l-għan ulterjuri li jiżguraw il-fiduċja pubblika fl-istatistika Ewropea. Fin-nuqqas tal-pubblikazzjoni ta’ Impenn, Stat Membru huwa meħtieġ li jissottometti lill-Kummissjoni u jippubblika rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u, fejn applikabbli, dwar l-isforzi mwettqa lejn l-istabbiliment ta’ Impenn.

Il-Kummissjoni hija meħtieġa li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Impenji ppubblikati u, fejn xieraq, ir-rapporti ta’ progress, sad-9 ta’ Ġunju 2018 u kull sentejn wara dan.  

2.2.Forma tal-Impenn

Ir-Regolament ma jistabbilixxix regoli dwar x’forma għandu jieħu l-Impenn. Madankollu, l-objettiv li tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku permezz ta’ impenn governattiv li jipprovdi l-kundizzjonijiet għal statistika ta’ kwalità għolja jrid jintlaħaq.

Kif ġie ppreżentat fl-ewwel rapport 10 , il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jqisu li ċerti partijiet tal-leġiżlazzjoni rispettiva tagħhom jikkostitwixxu l-Impenn. Madankollu, matul is-snin, l-għadd ta’ Stati Membri li fasslu Impenji “awtonomi” żdied. Dan ir-rapport jippreżenta ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali, inklużi sitwazzjonijiet koperti f’rapporti preċedenti u żviluppi ġodda.

Ir-rapport huwa bbażat esklussivament fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali riċevuti għall-fini ta’ dan ir-rapport. Il-Eurostat stieden lill-Istati Membri biex jirrappurtaw dwar il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-31 ta’ Diċembru 2023.

Liġijiet nazzjonali li jikkostitwixxu l-Impenn

L-Istati Membri li jqisu li ċerti partijiet tal-liġi nazzjonali tagħhom jikkostitwixxu l-Impenn irreferew għad-dispożizzjonijiet legali li huma rilevanti għat-titjib jew għaż-żamma tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika u rrappurtaw dwar l-iżviluppi rilevanti.

L-Awstrija: Statistics Austria tqis li l-Impenn huwa kkostitwit mid-dritt nazzjonali, prinċipalment mill-Att Federali dwar l-Istatistika. L-Awstrija rrapportat li ma kien hemm l-ebda bidla kbira mill-perjodu ta’ rapportar preċedenti.

Il-Kroazja: Kif imsemmi wkoll fir-rapport mibgħut mill-Uffiċċju Kroat tal-Istatistika (CBS, Croatian Bureau of Statistics) lill-Eurostat, l-Att dwar l-Istatistika Uffiċjali li daħal fis-seħħ fl-2020 jipprevedi l-bażi legali għall-Impenn billi jagħti lill-istitut nazzjonali tal-istatistika, is-CBS, l-indipendenza professjonali u l-appoġġ biex jinżammu u jittejbu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika. Is-CBS għandu r-responsabbiltà ġenerali għall-koordinazzjoni u l-iżvilupp tas-sistema nazzjonali tal-istatistika. Produtturi oħra tal-istatistika uffiċjali huma responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika uffiċjali bħala parti mix-xogħol tagħhom. Is-CBS jirsisti biex jipprovdi data statistika f’waqtha li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Biex jinkiseb dan, is-CBS wettaq l-Istħarriġ dwar is-Sodisfazzjon tal-Utenti fi tmiem l-2022. Ir-riżultati tal-istħarriġ jintużaw biex jgħinu fl-ippjanar futur tal-attivitajiet tas-CBS.

Iċ-Ċekja: L-Impenn fiċ-Ċekja 11 ġie ppubblikat fit-28 ta’ Frar 2018 fuq is-sit web tal-awtorità nazzjonali tal-istatistika. L-Impenn jiġbor id-dispożizzjonijiet rispettivi tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u jiddikjara, kif ġie kkonfermat fir-rapport mibgħut mill-Uffiċċju tal-Istatistika Ċek (CZSO, Czech Statistical Office) lill-Eurostat, li huwa diġà ssodisfat minn leġiżlazzjoni valida li tistabbilixxi l-attivitajiet tas-servizz tal-istatistika Ċek. L-ewwel jirreferi għall-Att Nru 89/1995 dwar is-servizz tal-istatistika tal-Istat, kif ukoll il-Kostituzzjoni jew ir-regoli ta’ proċedura tal-gvern. Din is-sistema ta’ regolamenti tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-prinċipji kollha tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea dwar l-ambjent istituzzjonali. Is-CZSO rrapporta dwar żviluppi ulterjuri inkluż titjib fil-ġestjoni tal-kwalità.

Il-Ġermanja: L-Impenn huwa kkunsidrat li huwa kostitwit mid-dritt nazzjonali. Kif iddikjara l-Uffiċċju Federali tal-Istatistika (FSO, Federal Statistics Office) tal-Ġermanja fir-rapport tiegħu lill-Eurostat, il-Ġermanja għandha livell tajjeb ta’ konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika, ikkonfermat ukoll mir-rapport ta’ rieżami bejn il-pari. Fl-istess ħin, ir-rieżami bejn il-pari identifika oqsma b’lok għal titjib u ġew rakkomandati miżuri xierqa fir-rapport. L-aktar azzjonijiet importanti jkopru l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fi ħdan is-sistema tal-istatistika Ġermaniża, bl-introduzzjoni ta’ standards ta’ kwalità uniformi, l-ippjanar tal-programmi u l-innovazzjoni. Barra minn hekk, ir-rapport mibgħut lill-Eurostat jenfasizza li ż-żieda ta’ komponenti ġodda relatati mar-reġistru fl-oqsma tan-negozju tal-FSO tirrappreżenta progress tajjeb.

L-Estonja: L-impenn huwa stabbilit fl-Att dwar l-Istatistika Uffiċjali, speċifikament fl-Artikolu 7(1), li skontu l-istatistika uffiċjali tiġi prodotta f’konformità mal-prinċipji tal-istatistika u l-kriterji tal-kwalità inklużi fir-Regolament (KE) Nru 223/2009. L-Att dwar l-Istatistika Uffiċjali daħal fis-seħħ f’Awwissu 2010 u r-rapport mibgħut lill-Eurostat ikkonferma li minn dak iż-żmien ’l hawn ma sarux emendi kbar.

Il-Finlandja: L-Impenn Finlandiż dwar il-Fiduċja huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni tal-istatistika nazzjonali. Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat dwar il-perjodu ta’ rapportar attwali jenfasizza li l-Att dwar l-Istatistika tal-Finlandja ġie emendat reċentement. Waħda minn dawn l-emendi kienet tinkludi l-assenjazzjoni ta’ kompitu ġdid lill-Istatistika tal-Finlandja, jiġifieri l-ġbir u l-forniment ta’ mikrodata għal skopijiet ta’ riċerka u analiżi tal-istatistika. L-Att rivedut jiċċara wkoll ir-regoli li japplikaw meta jingħata aċċess għad-data għar-riċerka u l-analiżi.

Franza: Skont l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika Franċiż, ir-Rapport Annwali tal-Awtorità tal-Istatistika Uffiċjali 12 jimmonitorja l-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika u jiġi ppubblikat kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Ingliż. Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat ma jirreferi għall-ebda Impenn awtonomu mill-gvern Franċiż.

L-Ungerija: Kif imsemmi wkoll fir-rapport mibgħut lill-Eurostat dwar il-perjodu ta’ rapportar attwali, l-Impenji mfassla mill-gvern Ungeriż ġew stabbiliti fil-liġi nazzjonali dwar l-istatistika li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2017. Minn dak iż-żmien ’l hawn ma kien hemm l-ebda emenda kbira.

L-Italja: Ma hemm l-ebda Impenn awtonomu stabbilit fl-Italja. L-Istitut Nazzjonali Taljan tal-Istatistika (ISTAT) irrapporta dwar l-iżviluppi reċenti fl-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika. L-ISTAT approva l-politika l-ġdida tiegħu dwar il-kwalità li tipprevedi l-konformità ta’ proċessi tradizzjonali, bħall-istħarriġ, li għandhom jiġu evalwati b’metodoloġiji u prattiki sodi. Għal dan l-għan, ġiet introdotta lista ta’ kontroll għall-proċessi tradizzjonali kollha tal-ISTAT fil-perjodu bejn Ottubru 2022 u Jannar 2023. Kull parti tal-lista ta’ kontroll isservi biex tidentifika d-dgħufijiet u għalhekk biex tfassal l-azzjonijiet ta’ titjib li għandhom jiġu implimentati. L-awditi huma skedati f’perjodu ta’ 3 snin, peress li għandha titfassal lista ta’ kontroll aġġornata kull tliet snin.

Il-Latvja: L-Impenn huwa stabbilit fid-dritt nazzjonali – il-Liġi dwar l-Istatistika. Ma kienx hemm bidla kbira fil-liġi matul dan il-perjodu ta’ rapportar.

Il-Litwanja: L-Impenn huwa stabbilit fid-dritt nazzjonali. Ir-rapport dwar il-perjodu ta’ rapportar attwali jenfasizza xi żviluppi reċenti. Fl-1 ta’ Jannar 2023, daħlet fis-seħħ liġi ġdida dwar l-istatistika uffiċjali u l-governanza tad-data tal-istat, li tespandi r-rwol u l-funzjonijiet tal-Istatistika tal-Litwanja. Skont il-liġi l-ġdida, Statistics Lithuania saret Aġenzija tad-Data tal-Istat, responsabbli mhux biss għall-produzzjoni ta’ statistika uffiċjali iżda wkoll għall-governanza tad-data tal-istat. Il-liġi l-ġdida żżomm l-obbligu li timplimenta l-Kodiċi ta’ Prattika fit-tħejjija tal-istatistika uffiċjali.

Il-Lussemburgu: Kif ikkonfermat ukoll mir-rapport mibgħut lill-Eurostat, il-Lussemburgu jqis li l-Impenn huwa kkostitwit mil-liġi nazzjonali. Ir-rapport ma għandu l-ebda tibdil għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

In-Netherlands: L-Impenn huwa stabbilit fid-dritt nazzjonali. Ma ġiet irrapportata l-ebda emenda kbira għal-liġi nazzjonali. Mir-rieżami bejn il-pari preċedenti, sar bosta titjib, b’mod partikolari dak relatat mal-istabbilizzazzjoni tal-ambjent istituzzjonali u t-tisħiħ tal-ġestjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità. Twettqu aktar riformi fl-oqsma tar-riżorsi umani u tal-kejl tal-prestazzjoni. Statistics Netherlands bdiet taħdem fuq ir-rakkomandazzjonijiet li rriżultaw mir-rieżami bejn il-pari l-aktar reċenti.

In-Norveġja: L-impenn għall-prinċipji fil-Kodiċi ta’ Prattika huwa stabbilit fl-Att Norveġiż dwar l-Istatistika, li daħal fis-seħħ f’Jannar 2021. L-ewwel żewġ rapporti dwar il-konformità mal-prinċipji tal-kwalità fl-Att dwar l-Istatistika u l-Kodiċi ta’ Prattika ġew ippubblikati fuq is-sit web tal-Istatistika tan-Norveġja 13 . Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat isemmi l-pjan ta’ azzjoni għat-titjib wara r-rieżami bejn il-pari tas-sistema tal-istatistika Norveġiża.

Il-Polonja: Ir-rapport mibgħut minn Statistics Poland lill-Eurostat ikkonferma li l-liġi nazzjonali, b’mod aktar preċiż, l-Att tad-29 ta’ Ġunju 1995 dwar l-Istatistika Uffiċjali, hija meqjusa bħala l-Impenn Pollakk. Mill-aħħar rapportar ma kien hemm l-ebda reviżjoni tad-dispożizzjonijiet fl-Att dwar l-Istatistika Uffiċjali, li jimplimenta l-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika.

Il-Portugall: Kif imsemmi wkoll fir-rapport mibgħut lill-Eurostat, l-Impenn huwa stabbilit fid-dritt nazzjonali, jiġifieri d-Digriet-Liġi Nru 136/2012. Dan id-Digriet-Liġi huwa mifhum bħala l-impenn politiku mill-gvern Portugiż. Id-Digriet-Liġi jinkludi dispożizzjonijiet, fost affarijiet oħra, biex jittejbu jew jinżammu l-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika, u biex jiġu allokati l-baġit meħtieġ u s-setgħat biex jitwettqu l-attivitajiet kollha previsti mil-liġi.

Is-Slovakkja: Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat ikkonferma li ma ġie stabbilit l-ebda Impenn awtonomu. Fil-perjodu ta’ rapportar attwali bosta dokumenti normattivi, organizzattivi u metodoloġiċi ġew adottati u implimentati mis-sistema nazzjonali tal-istatistika, bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika 14 .

Spanja: Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat jiddeskrivi bosta passi li ttieħdu fl-2022–2023 relatati ma’ implimentazzjoni mtejba tal-Kodiċi ta’ Prattika. Il-lLiġi dwar l-Istatistika Pubblika ġiet emendata, u b’hekk l-impenn għall-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika ġie estiż għall-produzzjoni tal-istatistika skont il-pjan nazzjonali tal-istatistika, mhux limitat għall-pjan statistiku Ewropew. L-istess liġi rrikonoxxiet lill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika Spanjol bħala l-awtorità nazzjonali tal-istatistika.

Impenji “awtonomi” dwar il-Fiduċja

L-Impenji “awtonomi” li tfasslu jieħdu forom differenti, li kull waħda tirrifletti l-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema nazzjonali tal-istatistika kkonċernata.

L-ewwel tliet rapporti tal-Kummissjoni mill-2018, l-2020 u l-2022 dwar l-Impenji ppreżentaw l-Impenji “awtonomi” tal-Istati Membri li ġejjin.

Il-Belġju: Fil-31 ta’ Mejju 2017, l-Impenn Belġjan dwar il-Fiduċja 15 ġie approvat mill-Kumitat ta’ Konsultazzjoni, fejn huma rrappreżentati l-gvern federali u l-gvernijiet tar-reġjuni u tal-komunitajiet, u sussegwentement ġie ppubblikat fuq is-sit web tal-istitut tal-istatistika federali Belġjan u tal-awtoritajiet tal-istatistika reġjonali. Sar progress fl-implimentazzjoni tal-Impenn bħala parti mill-azzjonijiet ta’ titjib tat-tielet ċiklu ta’ rieżamijiet bejn il-pari, imwettqa fl-2022 u l-2023. Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat enfasizza l-kisbiet li saru fir-rigward tal-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-adegwatezza tar-riżorsi. Barra minn hekk, ġiet żviluppata strateġija ta’ disseminazzjoni u komunikazzjoni, imfassla għal utenti differenti.

Il-Bulgarija: Fir-rapport tiegħu mibgħut lill-Eurostat, l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika kkonferma r-rapport preċedenti tiegħu fejn iddikjara li fit-8 ta’ Diċembru 2021 il-gvern Bulgaru ffirma l-Impenn 16 . Il-Gvern impenja ruħu li, fost affarijiet oħra: (i) jipprovdi kundizzjonijiet xierqa għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika; (ii) jiggarantixxi d-drittijiet u l-obbligi tal-President tal-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika; (iii) jagħti biżżejjed riżorsi biex tittejjeb u tinżamm il-kwalità tal-istatistika uffiċjali; u (iv) jiżgura l-aċċess għal sorsi amministrattivi u għal sorsi oħrajn ta’ data għall-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika.

Ċipru: L-Impenn ġie approvat mill-Kunsill tal-Ministri fl-2018 17 . L-Impenn ġie ppubblikat flimkien ma’ taqsira għall-pubbliku. Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat spjega li l-Liġi l-ġdida dwar l-Istatistika Uffiċjali tal-2021 (il-Liġi Nru 25(I)/2021) fiha referenzi espliċiti għall-prinċipji tal-istatistika (inklużi l-indipendenza professjonali, l-imparzjalità u l-oġġettività), il-kriterji tal-kwalità u l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika biex tiġi żgurata l-fiduċja pubblika fl-istatistika.

Il-Greċja: L-Impenn Grieg 18 ġie ffirmat fid-29 ta’ Frar 2012 mill-Prim Ministru Grieg u mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għat-tassazzjoni u l-unjoni doganali, l-awditjar u l-ġlieda kontra l-frodi. Huwa disponibbli fuq is-sit web tal-Awtorità Griega tal-Istatistika. Kif ġie rrapportat ukoll, minn dak iż-żmien ‘l hawn ma kien hemm l-ebda żvilupp ulterjuri. Dan l-Impenn għadu fis-seħħ u applikabbli.

L-Iżlanda: Ġie ppubblikat Impenn “awtonomu” f’Novembru 2019 19 . Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat mill-Istatistika tal-Iżlanda ssottolinja li t-test dwar l-Impenn iddaħħal fid-dokumenti tal-pjan tal-baġit għall-2020–2024 u approvat mill-Parlament. L-impenn jafferma mill-ġdid li l-kredibbiltà tal-istatistika pubblika hija waħda mill-prerekwiżiti għall-fiduċja fl-istatistika ekonomika u soċjali użata għat-tfassil tal-politika u għall-valutazzjoni tal-impatt tad-deċiżjonijiet tal-gvern b’mod newtrali. L-Impenn jafferma mill-ġdid l-indipendenza professjonali u l-ambjent tax-xogħol meħtieġ biex jiġu infurzati r-regoli biex jiġi żgurat li l-Istatistika tal-Iżlanda tkun tista’ timplimenta proġetti ġodda, tiġbor data, u tipproċessa u xxerred statistika uffiċjali.

L-Irlanda: Fl-2017, il-gvern tal-Irlanda adotta l-Impenn 20 . B’dan il-mod il-gvern ikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li: (i) jiggarantixxi l-indipendenza tal-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika (CSO); (ii) jappoġġja lis-CSO fl-iżgurar tal-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika; u (iii) jgħin fl-iżvilupp tas-Sistema tal-Istatistika Irlandiża usa’ taħt id-direzzjoni tas-CSO. Kif imsemmi wkoll fir-rapport li s-CSO bagħat lill-Eurostat, l-Impenn approvat mill-gvern huwa dikjarazzjoni ulterjuri ta’ appoġġ għal-liġijiet eżistenti u għal dawk il-politiki u l-prattiki li s-CSO stabbiliet biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Kodiċi ta’ Prattika.

Malta: F’Malta, l-Impenn ġie ffirmat mill-Prim Ministru fis-17 ta’ Mejju 2018 21 . Kif ġie spjegat ukoll fir-rapport li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika Malti (NSO, National Statistics Office) bagħat lill-Eurostat, minn dak iż-żmien il-gvern kompla josserva bis-sħiħ il-prinċipju tal-indipendenza professjonali tal-NSO. Barra minn hekk, biex ikompli jsaħħaħ l-indipendenza tiegħu f’konformità mal-Impenn, l-NSO qed jaħdem fuq att ġdid li se jirrevoka l-Att attwali dwar l-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta. Il-bidliet kollha li qed jiġu proposti għandhom l-għan li jissimplifikaw il-proċessi tal-istatistika biex il-produzzjoni tal-istatistika ssir aktar robusta, effiċjenti, trasparenti u f’waqtha.

Ir-Rumanija: L-Impenn Rumen dwar il-Fiduċja ġie adottat mill-gvern Rumen fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2017 22 . Kif spjegat fir-rapport li l-Istitut Nazzjonali Rumen tal-Istatistika bagħat lill-Eurostat, is-salarji tal-impjegati tas-sistema nazzjonali tal-istatistika tjiebu u d-djalogi mal-partijiet ikkonċernati ewlenin komplew jagħtu spinta lill-fiduċja fir-rigward tal-istatistika.

Is-Slovenja: Il-Gvern Sloven adotta l-Impenn fil-5 ta’ Jannar 2017 23 . Sussegwentement ġie ppubblikat, flimkien mat-taqsira għall-pubbliku korrispondenti fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Istatistika. Ir-rapport mibgħut lill-Eurostat ma kienx jinkludi żviluppi ulterjuri f’dan ir-rigward.

L-Iżvezja: L-Impenn ġie ppreżentat fl-abbozz ta’ liġi tal-baġit tal-gvern Żvediż għall-2017 24 . Sussegwentement, ġie ppubblikat ukoll fuq is-sit web tal-Uffiċċju Żvediż tal-Istatistika (SCB). -Barra minn hekk, l-SCB jirrapporta kull sena dwar ir-rekwiżiti tal-kwalità fl-istatistika. Kif muri fir-rapport mibgħut lill-Eurostat mill-SCB, ir-riżultati huma prinċipalment pożittivi fil-perjodu ta’ rapportar attwali b’xi oqsma identifikati fejn hemm lok għal aktar titjib.

Ta’ min isemmi wkoll li, għalkemm ma humiex parti mill-ESS, tliet pajjiżi kandidati wkoll formalment adottaw Impenji: L-Albanija fl-10 ta’ Novembru 2017, il-Montenegro fit-22 ta’ Frar 2018 u l-Maċedonja ta’ Fuq fis-17 ta’ Ottubru 2018.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet infurmata dwar l-iżviluppi li ġejjin li seħħew barra mill-perjodu ta’ rapportar attwali:

Il-Liechtenstein: Kif infurmat ukoll mir-rapport mibgħut lill-Eurostat mill-Awtorità tal-Istatistika, fis-27 ta’ Frar 2024 il-gvern tal-Liechtenstein ikkonferma l-impenn tiegħu li jipproteġi l-istatistika indipendenti u affidabbli, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 25 . Il-gvern impenja ruħu li jiżgura: (i) l-indipendenza tal-Awtorità tal-Istatistika; (ii) il-kwalità tal-istatistika uffiċjali bl-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali u Ewropej dwar id-data statistika; u (iii) li jiġu pprovduti riżorsi adegwati u permanenti biex jiġu żgurati l-kwalità u r-rilevanza tal-istatistika uffiċjali. Barra minn hekk, il-gvern impenja ruħu li jipprovdi aċċess lill-awtoritajiet tal-istatistika għad-data amministrattiva u jiżgura d-drittijiet tar-rispondenti u l-kunfidenzjalità tal-istatistika.

L-Iżvizzera: L-Uffiċċju Federali tal-Istatistika (FSO, Federal Statistical Office) irrapporta lill-Eurostat li fl-24 ta’ Jannar 2024, il-Kunsill Federali Żvizzeru adotta u ppubblika l-programm tal-istatistika pubblika tal-gvern federali għas-snin li ġejjin (2024–2027). Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-objettivi, il-prijoritajiet u l-attivitajiet statistiċi u jinkludi l-Impenn 26 . Fl-Impenn, il-gvern jikkonferma li għandu l-għan li: (i) josserva l-prinċipji internazzjonali għall-ġbir, il-kompilazzjoni u t-tixrid tal-istatistika uffiċjali; (ii) jiggarantixxi l-indipendenza professjonali tal-FSO u ta’ awtoritajiet nazzjonali oħra (ONAs, other national authorities); (iii) jappoġġja lill-FSO u lill-ONAs fit-teħid tal-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità mal-Kodiċi ta’ Prattika; u (iv) jkompli jiżviluppa s-sistema tal-istatistika federali taħt it-tmexxija tal-FSO.

3.Konklużjoni

Kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea, l-Impenji jgħinu biex jiġi żgurat li jkun hemm fiduċja pubblika fl-istatistika Ewropea u li jsir progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-istatistika li jinsabu fil-Kodiċi ta’ Prattika. 

Numru dejjem jikber ta’ pajjiżi jippubblikaw Impenji awtonomi. Din ix-xejra hija milqugħa u appoġġjata bis-sħiħ mill-Kummissjoni. Ħafna Stati Membri jqisu li d-dritt nazzjonali tagħhom, u d-dispożizzjonijiet speċifiċi li jinsabu fih, diġà jikkostitwixxu Impenn. F’dak ir-rigward, xi Stati Membri rrapportaw li d-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom saħħaħ ir-rwol tal-istitut nazzjonali tal-istatistika tagħhom bħala awtorità ċentrali tal-istatistika. Il-monitoraġġ permanenti tal-iżviluppi rilevanti u l-adattament għall-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-utenti li qed jinbidlu huma meħtieġa biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-fiduċja pubblika u tal-kwalità fl-istatistika.

L-istituti nazzjonali tal-istatistika jimplimentaw bosta mezzi ta’ ġestjoni tal-kwalità u kejl tal-prestazzjoni. Matul il-perjodu ta’ rapportar attwali ġie kkonfermat li l-evalwazzjonijiet esterni huma indispensabbli fil-valutazzjoni oġġettiva tal-prestazzjoni tal-istituti tal-istatistika. Ir-rieżamijiet bejn il-pari jibqgħu strument ewlieni f’dak ir-rigward. Dawn jipprovdu għarfien siewi relatat mal-fiduċja fl-istatistika minn partijiet ikkonċernati esterni b’għarfien u esperjenza rilevanti fil-qasam.

Iż-żamma tal-fiduċja pubblika fl-istatistika uffiċjali hija ta’ importanza vitali għar-rilevanza u l-kredibiltà tal-ESS kollha kemm hi. Hija tgħin ukoll lill-UE u lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE biex jirrispondu għall-isfidi ewlenin attwali u futuri bl-użu ta’ metodi bbażati fuq d-data u l-fatti oġġettivi, li jirfdu l-leġittimità demokratika tad-deċiżjonijiet ta’ politika. Il-Kummissjoni ssegwi każijiet fejn il-gvernijiet jonqsu milli jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika rispettivi tagħhom, pereżempju billi jemendaw il-liġi nazzjonali b’mod li jpoġġi f’dubju l-konformità tagħha mal-prinċipju tal-indipendenza professjonali, jew billi jneħħu l-Kap tal-Istitut qabel tmiem il-mandat jew mingħajr ġustifikazzjoni ċara. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-iżviluppi rilevanti u tgħin lill-Istati Membri jiksbu l-ambizzjoni tagħhom li jżommu u jtejbu l-fiduċja u l-kunfidenza tal-pubbliku fl-istatistika.

(1)

 Ir- Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(2)

  COM(2018) 516 final .

(3)

  COM/2020/278 final.

(4)

  COM/2022/333 final .

(5)

  COM (2011) 211 final .

(6)

  Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea – edizzjoni riveduta 2017 - Katalgi tal-Prodotti - Eurostat (europa.eu) .

(7)

Ir- Regolament (UE) 2015/759 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 90).

(8)

  Reġistru tad-Dokumenti tal-Kummissjoni - SWD(2024) 136 (europa.eu) .

(9)

  Ċiklu attwali (2021–2023) - Eurostat (europa.eu) .

(10)

  COM(2018) 516 finali .

(11)

  Sommarju tal-leġiżlazzjoni Ċeka fil-kuntest tal-Impenn dwar il-Fiduċja fuq is-sit web tal-Uffiċċju tal-Istatistika Ċek.

(12)

  Annual Report of the Official Statistics Authority 2022 .

(13)

  Report on the quality of official statistics, 2022 u Report on the quality of official statistics, 2023 .

(14)

Ara wkoll il-kunsiderazzjonijiet rigward l-emendi tal-Att dwar il-Kompetenza li jwessgħu s-setgħa tal-Gvern biex jaħtar u jkeċċi kapijiet ta’ ċerti korpi indipendenti fil-Kapitolu tal-Pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fis-Slovakkja (SWD(2024) 825 tal-24 ta’ Lulju 2024).

(15)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Belġjan https://statbel.fgov.be/en/about-statbel/quality/commitment-confidence (disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u l-Olandiż).

(16)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Bulgaru . 

(17)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Ċiprijott ; id-Deċiżjoni Nru 85.964 tal-Kunsill tal-Ministri.

(18)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Grieg .

(19)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Iżlandiż (disponibbli bl-Iżlandiż).

(20)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Irlandiż (disponibbli bl-Ingliż biss).

(21)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Malti (disponibbli bl-Ingliż biss).

(22)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Rumen (disponibbli bir-Rumen biss).

(23)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Sloven (disponibbli bl-Ingliż u bis-Sloven).

(24)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern Żvediż . Ippubblikat bl-Ingliż fir- Rapport Annwali tal-2017 dwar l-Istatistika Uffiċjali tal-Iżvezja.

(25)

  Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern tal-Liechtenstein .

(26)

  Il-programm, inkluż l-Impenn dwar il-Fiduċja tal-gvern federali Żvizzeru .