Brussell, 5.10.2023

COM(2023) 572 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

li jirrieżamina l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/1938

{SWD(2023) 323 final}


Rapport dwar ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass (UE) 2017/1938

1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) 2017/1938 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass (“ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass”) għandu l-għan li jipprevjeni, u li jwieġeb għal, interruzzjonijiet potenzjali fil-provvista tal-gass. Jistabbilixxi l-qafas għall-istat ta’ tħejjija f’emerġenzi u r-reżiljenza tal-UE għal interruzzjonijiet tal-gass.

L-Artikolu 17 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jinkariga lill-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjonijiet tal-pjanijiet ta’ azzjoni preventiva u tal-pjanijiet ta’ emerġenza tal-Istati Membri, bit-tfassil ta’ konklużjonijiet dwar il-mezzi possibbli sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livell tal-Unjoni u biex, sal-1 ta’ Settembru 2023, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u fejn meħtieġ, proposti leġiżlattivi sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament.

Matul dawn l-aħħar 6 snin, mill-adozzjoni tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, ix-xenarju tas-sigurtà tal-provvista tal-gass għadda minn bidliet profondi, b’mod partikolari fl-2022 wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna - li b’risposta għalihom, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Pjan REPowerEU 1 , bl-għan li tiġi ffrankata l-enerġija, titħaffef it-tranżizzjoni tal-enerġija nadifa u tiġi ddiversifikata l-provvista tal-enerġija għall-UE sabiex ittaffi bis-sħiħ id-dipendenza tagħha fuq il-gass Russu mill-aktar fis possibbli.

B’riżultat ta’ dan, l-importazzjonijiet tal-gass Russu fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew sostitwiti bi provvisti minn fornituri alternattivi fil-forma ta’ importazzjoni addizzjonali b’pipelines minn sħab fdati u, fuq kollox, b’żieda konsiderevoli fl-importazzjonijiet tal-LNG (50 bcm, jew żieda ta’ 73 % f’2022 sena wara sena). Filwaqt li l-importazzjonijiet Russi ammontaw għal madwar 50 % tal-importazzjonijiet tal-UE bil-pipelines qabel il-gwerra, dawn issa jirrappreżentaw inqas minn 10 %, u wrew il-bidla bla preċedent li saret fis-sistema tal-gass tal-UE fl-aħħar sena.

Bħala parti mill-Pjan REPowerEU, l-UE adottat ukoll ir-Regolament (UE) 2023/435 rivedut, li jippermetti lill-Istati Membri jiffinanzjaw fil-kapitoli rispettivi tagħhom tar-REPowerEU, taħt kundizzjonijiet stretti, l-investimenti fl-infrastruttura tal-gass li għandhom l-għan li jiddiversifikaw mill-gass Russu u li jissodisfaw is-sigurtà immedjata tal-provvista tal-gass.

Minbarra l-pjan REPowerEU, l-UE adottat sett ta’ regolamenti bħar-Regolament dwar il-Ħżin tal-Gass (UE) 2022/1032 li jistabbilixxi mira ta’ 90 % għall-mili tal-ħażniet, ir-Regolament dwar it-Tnaqqis temporanju fid-Domanda (UE) 2022/1369 u l-prolongament tiegħu (ir-Regolament (UE) 2023/706) li jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass ta’ 15 % u r-Regolament ta’ Solidarjetà temporanja (UE) 2022/2576, li fost l-oħrajn ipprovdew il-bażi ġuridika għax-xiri konġunt tal-gass kif ukoll saħħew ir-regoli ta’ solidarjetà f’każ ta’ emerġenza. Dawn ir-regolamenti ġew adottati biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-gass, filwaqt li jikkomplementaw ir-Regolament eżistenti dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

L-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu mill-UE tirrikjedi enfasi b’saħħitha fuq diversifikazzjoni tal-provvista kontinwata. Dan se jimplika importanza dejjem akbar tal-LNG u b’hekk ukoll dipendenza akbar fuq is-suq globali tal-LNG għas-snin li ġejjin.

Barra minn hekk, fit-tul, id-domanda għall-gass hija mistennija li tonqos b’pass differenti bejn is-setturi u l-Istati Membri, u dan jista’ jirriżulta fi profil tad-domanda li jkun varjabbli fl-UE. Fil-fatt, l-arkitettura futura tas-sigurtà tal-provvista trid tikkunsidra, u tappoġġa, l-isforzi kontinwi ta’ dekarbonizzazzjoni bl-elettrifikazzjoni kontinwata u l-importanza dejjem akbar tal-bijometan u tal-idroġenu. Din tirrikjedi strateġija integrata għad-dekummissjonar futur u għall-adattament mill-ġdid tal-infrastruttura sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ordnata li tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista tal-gass naturali, tal-bijometan u tal-idroġenu.

Għalhekk, l-arkitettura tas-sigurtà tal-provvista tal-UE se jkollha tkompli tadatta skont il-bidliet tas-snin u tad-deċennji li ġejjin.

L-adozzjoni ta’ dan ir-rapport għandha l-għan li tissodisfa r-rekwiżiti legali tal-Artikolu 17 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass. It-twaqqit tagħha ġie adattat xi ftit sabiex jiġi allinjat mal-ħidma li għaddejja fuq oqsma relatati – filwaqt li jitqies b’mod partikolari li l-Artikolu 30 tar-Regolament ta’ Solidarjetà jipprevedi r-rieżami sal-1 ta’ Ottubru 2023, mill-Kummissjoni Ewropea, tar-Regolament ta’ Solidarjetà 2 .

Barra minn hekk, bħalissa qegħdin jiġu diskussi diversi dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-provvista mill-koleġiżlaturi fil-qafas tal-Pakkett dwar is-swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat 3 .

2.Valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva u tal-Pjanijiet ta’ Emerġenza tal-Istati Membri

L-Artikolu 17 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport, ibbażat fuq il-valutazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva (PAPs) u Pjanijiet ta’ Emerġenza (EPs) aġġornati.

Fl-2019, l-Istati Membri ppreżentaw lill-Kummissjoni l-PAPs u l-EPs tagħhom, u wara dan il-Kummissjoni vvalutat il-pjanijiet u ħarġet sensiela ta’ opinjonijiet 4 b’rakkomandazzjonijiet u b’punti speċifiċi fejn il-pjanijiet għandhom jittejbu. L-istess proċess għandu jsir fl-2023 minħabba aġġornament regolari ta’ 4 snin tal-pjanijiet meħtieġ mill-Artikoli 9(11) u 10(2) tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, bl-Istati Membri meħtieġa jissottomettu pjanijiet aġġornati sa Marzu 2023. Madankollu, fiż-żmien tal-kitba, il-Kummissjoni rċeviet iż-żewġ pjanijiet minn seba’ Stati Membri biss, li l-maġġoranza tagħhom waslu f’Ġunju-Lulju 2023 5 . Konsegwentement, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni se tkun ibbażata fuq il-PAPs u l-EPs sottomessi fl-2019, kif ukoll fuq it-tagħlimiet meħuda mis-sena/snin preċedenti; barra minn hekk, minħabba li l-pjanijiet aġġornati kienu fil-biċċa l-kbira neqsin, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju sabiex tikkonsulta lill-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass dwar id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

Spjegazzjoni aktar elaborata tal-kuntest u tas-sustanza tad-dispożizzjonijiet, kif ukoll aktar dettalji tar-rieżami tal-Kummissjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jistgħu jinstabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD(2023)323.

3.Rieżami tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u mezzi possibbli sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-gass u t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-gass

3.1. Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass (GCG) jikseb il-bażi ġuridika tiegħu mill-Artikolu 4 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, li jistipula li l-GCG huwa ppresedut mill-Kummissjoni u huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-ACER, tal-ENTSOG u ta’ korpi li jirrappreżentaw l-industriji u l-konsumaturi. Il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri, tista’ tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tal-GCG, sabiex tiżgura li jkun rappreżentattiv għalkollox.

Fl-2022, il-GCG tlaqqa’ numru rekord ta’ 24 darba. B’mod partikolari, il-GCG iddiskuta l-aħħar żviluppi rigward is-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-kuntest tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna u interruzzjonijiet sussegwenti tal-provvista tal-gass. Barra minn hekk,ġew iffaċilitati skambji dwar l-aħjar prattiki dwar miżuri nazzjonali ta’ prevenzjoni u ta’ emerġenza, kif ukoll dwar il-passi li jmiss għal miżuri fl-UE kollha sabiex jissaħħaħ l-istat ta’ tħejjija, li kellhom rwol ewlieni fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tagħmel proposti leġiżlattivi ġodda.

Ir-rappreżentanti tal-GCG indikaw fit-tweġibiet tagħhom għal kwestjonarju ċċirkolat mill-Kummissjoni f’Mejju 2023 li huma apprezzaw il-funzjonament tal-grupp, primarjament billi faħħru l-format adattabbli u flessibbli tiegħu.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni estendiet stediniet ad hoc lil pajjiżi terzi għal laqgħa tal-GCG sabiex jiġu skambjati fehmiet dwar is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Diversi Stati Membri esprimew l-opinjoni pożittiva tagħhom li jkomplu jistiednu lill-fornituri jew lill-pajjiżi ta’ tranżitu aktar spiss.

3.2. L-istandard tal-infrastruttura

L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każ ta’ interruzzjoni tal-akbar infrastruttura unika (N-1), id-domanda totali għall-gass tista’ tiġi ssodisfata matul jum ta’ domanda eċċezzjonalment għolja għall-gass. Dan jinkludi obbligu li tiġi permessa kapaċità fiżika bidirezzjonali permanenti fuq l-interkonnetturi bejn l-Istati Membri sakemm ma tingħatax eżenzjoni.

Ir-rispondenti għall-kwestjonarju ċċirkolat lill-GCG indikaw li l-istandard tal-infrastruttura kien inċentiv tajjeb sabiex ikun hemm kapaċitajiet infrastrutturali adegwati, b’mod partikolari biex jiġu ffaċilitati l-flussi tal-Punent lejn il-Lvant imreġġgħin lura osservati fl-2022 wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna. Oħrajn enfasizzaw il-ħtieġa li dan l-approċċ ibbażat fuq l-infrastruttura jiġi kkomplementat b’enfasi akbar fuq in-naħa tal-provvista, eż. billi jkun hemm standards ta’ diversifikazzjoni komplementari. Jistgħu jitqiesu dispożizzjonijiet addizzjonali sabiex jiġu evitati vulnerabbiltajiet futuri għal fornitur wieħed. Dan jista’ jsir permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni ulterjuri skont l-Artikolu 14 jew standard S-1 addizzjonali, filwaqt li l-benefiċċji tas-sigurtà jiġu bbilanċjati mal-kostijiet jew mal-ineffiċjenzi potenzjali.

Ir-rispondenti għall-kwestjonarju indikaw li filwaqt li standards aktar stretti jistgħu jgħinu sabiex tittejjeb is-sigurtà tal-provvista, l-evitar tar-riskju li jinħolqu assi mhux rekuperabbli għandu jkun ta’ tħassib primarju.

3.3. Standard tal-provvista u klijenti protetti

L-Artikolu 6 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jistabbilixxi l-istandard tal-provvista, li jipprevedi li l-Istati Membri jirrikjedu li l-impriżi tal-gass jieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-provvista tal-gass lill-klijenti protetti taħt sett ta’ ċirkostanzi ddefiniti minn qabel.

Il-klijenti protetti kif definiti skont l-Artikolu 2(5) jinkludu l-unitajiet domestiċi. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu, taħt ċerti kundizzjonijiet, jinkludu (1) l-SMEs, (2) is-servizzi soċjali essenzjali u (3) t-tisħin distrettwali. Madankollu, matul il-kriżi tal-enerġija tal-2022, ir-rwol tat-tnaqqis volontarju fid-domanda tas-setturi kollha sar ta’ importanza dejjem akbar. Għalhekk, ir-Regolament ta’ Solidarjetà introduċa l-possibbiltà li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jnaqqsu l-konsum mhux essenzjali ta’ klijenti protetti.

Bosta Stati Membri indikaw li ma humiex qegħdin jesperjenzaw sfidi kbar fl-implimentazzjoni tal-istandard tal-provvista. Fir-rigward tal-klijenti protetti, xi Stati Membri indikaw diffikultajiet biex jistmaw id-domanda tal-klijenti protetti. Xi rispondenti qiesu li huwa utli li jkun hemm armonizzazzjoni ulterjuri tad-definizzjoni tal-klijenti protetti fil-livell tal-UE, għalkemm jeħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.

Diversi rispondenti indikaw li huma jqisu li l-limitazzjoni tal-konsum mhux essenzjali ta’ klijenti protetti (attwalment prevista fir-Regolament ta’ Solidarjetà) għandha ssir permanenti, peress li tipprovdi flessibbiltà addizzjonali sabiex jintlaħqu l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista.

Minħabba li d-domanda għall-gass tal-unitajiet domestiċi f’xi Stati Membri tista’ tiġi eliminata gradwalment aktar kmieni milli f’setturi oħrajn, fil-futur tista’ tkun meħtieġa rikunsiderazzjoni tad-definizzjoni tal-klijenti protetti sabiex taġġusta għal profil tad-domanda li qiegħed jinbidel, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħtiġijiet residenzjali jiġu ssodisfati, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsum tal-gass ta’ konsumaturi vulnerabbli.

3.4. Valutazzjonijiet tar-riskju u gruppi reġjonali tar-riskju

Sabiex ikun hemm tħejjija għal riskji possibbli għas-sigurtà tal-provvista, ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jistabbilixxi arkitettura tal-valutazzjonijiet tar-riskju u tal-gruppi reġjonali tar-riskju, stabbiliti fl-Artikolu 7 u fl-Annessi I, IV u V tar-Regolament.

Din l-arkitettura tibda b’simulazzjoni madwar l-UE kollha tal-provvista tal-gass u tal-interruzzjonijiet tal-infrastruttura mwettqa mill-ENTSOG, u wara dan l-Istati Membri jagħmlu valutazzjoni tar-riskju nazzjonali u valutazzjoni tar-riskju komuni fi gruppi ta’ riskju reġjonali dedikati, li jikkorrispondu għall-kurituri ewlenin tal-provvista.

L-ewwel valutazzjonijiet tar-riskju komuni u nazzjonali saru fl-2018 u għandhom jiġu aġġornati kull 4 snin. Minħabba l-isfidi ffaċċjati matul il-kriżi tal-enerġija fl-2022, diversi Stati Membri indikaw li ma kellhomx kapaċità amministrattiva sabiex imexxu l-gruppi ta’ riskju jew iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju fil-ħin.

Madankollu, dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-PAPs u l-EPs relatati huma ta’ importanza kbira għat-tħejjija tar-riskju tal-UE għax-xitwa li jmiss u għas-snin sussegwenti.

Il-Kummissjoni inizjalment ma kinitx segwiet proċeduri ta’ ksur minħabba l-kriżi eċċezzjonali tal-2022. Madankollu, minħabba nuqqas ta’ progress u l-importanza ta’ tħejjija għax-xitwa 2023-24, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi 26 EU Pilot f’nofs Ġunju 2023, sabiex tiżgura li l-Istati Membri jħejju u jinnotifikaw il-valutazzjonijiet tar-riskju u l-PAPs u l-EPs.

Mill-esperjenza tal-aġġornament tal-valutazzjonijiet tar-riskju u l-funzjonament tal-gruppi ta’ riskju, kif ukoll permezz ta’ feedback li wasal mill-membri tal-GCG, tqajmu għadd ta’ mistoqsijiet lil hinn min-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri:

·L-approċċ reġjonali kurrenti għall-gruppi ta’ riskju jidher li ma għadux adattat għall-iskop tiegħu, minħabba x-xenarju ġeopolitiku mibdul, iż-żieda fil-prominenza tal-LNG u r-rwol imnaqqas ta’ xi wħud mill-kurituri tal-provvista tal-pipelines.

·Approċċ mifrux mal-UE kollha huwa ssuġġerit minn għadd ta’ rispondenti, possibbilment b’analiżi tas-sensittività reġjonali, bi rwol imsaħħaħ taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

3.5. Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva u Pjanijiet ta’ Emerġenza

Il-PAPs għandhom l-għan li jipprevjenu li l-kriżijiet jimmaterjalizzaw u huma bbażati fuq il-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali u komuni, filwaqt li l-EPs jindikaw il-proċeduri, ir-responsabbiltajiet, u l-miżuri li għandhom jittieħdu matul kriżi.

Lil hinn mill-elementi deskritti fit-taqsima 2, il-Kummissjoni tqis li hija meħtieġa riflessjoni ulterjuri għall-punti li ġejjin li bħalissa ma humiex meħtieġa mir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass:

·Il-progress li sar fl-eliminazzjoni gradwali tal-gass Russu u deskrizzjoni u projezzjoni tal-isforzi ta’ diversifikazzjoni bħala parti mid-deskrizzjoni tas-sistema nazzjonali tal-gass. Inkella, dan jista’ jiġi ffaċilitat permezz ta’ skambju msaħħaħ ta’ informazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 14.

·Stima tad-diżaggregazzjoni li qiegħda tinbidel tal-konsum tal-gass.

·Minbarra r-rwol tal-produzzjoni domestika (inkluż il-bijometan), għandha tingħata riflessjoni ulterjuri dwar jekk għandhomx jiġu inklużi strateġiji nazzjonali tal-idroġenu. Dan huwa ta’ importanza partikolari, jekk ikollu impatt fuq is-sigurtà tal-provvista tal-gass jew fuq is-sostituzzjoni tad-domanda għall-gass fil-kuntest tal-iżvilupp ta’ suq Ewropew tal-idroġenu sigur.

Filwaqt li l-EPs li waslu sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament ġeneralment jistgħu jittejbu, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet fl-opinjonijiet tal-Kummissjoni, it-test ta’ solidarjetà (“eżerċizzju ta’ sessjoni prattika”) imwettaq b’mod konġunt mill-Kummissjoni, f’Diċembru 2022, l-Istati Membri u l-ENTSOG kkonfermaw ir-rwol importanti tal-EPs sabiex jiġi żgurat rispons rapidu u effiċjenti għal sitwazzjoni ta’ emerġenza. L-Istati Membri kkonfermaw li kien essenzjali għall-Kummissjoni li tivverifika l-EPs għal miżuri li jista’ jkollhom impatti transfruntieri, bħal dawk li jirrestrinġu l-flussi jew il-kapaċitajiet transfruntieri.

Kif inhu spjegat ulterjorament fid-dettall fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament SWD(2023)323, l-aktar punti importanti neqsin fil-PAPs kienu:

(1)dettalji dwar il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

(2)informazzjoni dwar (l-infurzar ta’) l-istandard tal-provvista u n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-istandard tal-infrastruttura.

(3)informazzjoni mhux akkurata dwar klijenti protetti (ta’ solidarjetà).

(4)dettalji dwar is-sistemi tal-gass reġjonali u nazzjonali.

(5)valutazzjonijiet insuffiċjenti tal-impatt tal-miżuri preventivi fuq l-ekonomija, is-suq intern, il-konsumaturi u l-ambjent.

Għall-EPs min-naħa l-oħra, il-kwistjoni ewlenija kienet kapitolu reġjonali mhux komplut inkluż in-nuqqas ta’ arranġamenti ta’ solidarjetà, u nuqqas ta’ kwantifikazzjoni tal-impatt tal-miżuri. Il-Kummissjoni tqis li l-Istati Membri għandhom itejbu l-punti elenkati, kif diġà ġie enfasizzat fl-opinjonijiet maħruġa fl-2019.

3.6. Responsabbiltajiet f’livelli differenti ta’ kriżi

Waħda mid-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass hija l-istabbiliment ta’ livelli ta’ kriżi nazzjonali u madwar l-UE differenti fl-Artikolu 11, li jiddefinixxi t-tliet livelli ta’ kriżi nazzjonali li ġejjin: (1) twissija bikrija, (2) twissija u (3) emerġenza.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tiddikjara emerġenza reġjonali jew madwar l-UE kollha, li matulha l-Kummissjoni għandha responsabbiltà ta’ koordinazzjoni. Ir-Regolament dwar it-Tnaqqis fid-Domanda (UE) 2022/1369 stabbilixxa wkoll temporanjament livell ta’ twissija tal-UE.

Matul il-kriżi tal-enerġija tal-2022, u b’mod partikolari matul l-eżerċizzju ta’ “sessjoni prattika” dwar is-solidarjetà mwettaq f’Diċembru 2022, tqies li l-livell ta’ emerġenza tal-UE għandu jiġi ddefinit ulterjorament u l-kriterji għal għandha tiġi ddikjarata emerġenza reġjonali jew emerġenza madwar l-UE ma humiex ċari. Xi Stati Membri pprovdew feedback permezz tal-kwestjonarju ppreżentat lill-GCG li l-istabbiliment ta’ pjan ta’ emerġenza tal-UE jista’ jkun utli, b’mod partikolari sabiex jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet ta’ korpi differenti tal-UE u tal-awtoritajiet nazzjonali f’emerġenza.

Barra minn hekk, ir-Regolament dwar it-Tnaqqis fid-Domanda (UE) 2022/1369 stabbilixxa l-livell ta’ twissija tal-UE bħala rispons għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna, li jimpenja lill-Istati Membri għal tnaqqis obbligatorju ta’ 15 % fid-domanda għall-gass. Peress li dan ir-Regolament se jiskadi fl-aħħar ta’ Marzu 2024, għandu jiġi rifless jekk it-twissija tal-UE hijiex utli fit-tul. Il-GCG ipprovda feedback permezz ta’ kwestjonarju, li jindika l-ftuħ sabiex dan il-mekkaniżmu jinżamm, għalkemm jiddependi fuq il-miżuri li dan jista’ jiskatta. Xi rispondenti indikaw li kemm l-iskattar, kif ukoll il-miżuri sussegwenti, jistgħu jkunu relatati mal-mili tal-ħażniet. Oħrajn semmew li l-miżuri relatati mat-twissija tal-UE, bħalma kien fl-2022, għandhom ikunu perċentil ta’ tnaqqis fid-domanda, bil-perċentwal li għandu jitfassal għall-kriżi inkwistjoni.

Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 12(5)a tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jistipula li l-Istati Membri ma jistgħux jirrestrinġu bla bżonn il-flussi transfruntieri tal-gass, il-proċedura li ssegwi f’nofs kriżi tista’ tieħu sa ġimgħa sabiex tiġi konkluża. Għalhekk, l-Artikolu 25 tar-Regolament ta’ Solidarjetà introduċa salvagwardji addizzjonali sabiex jiżgura l-flussi transfruntieri, li jippermettu lill-Kummissjoni tobbliga lill-Istat Membru inkwistjoni jimmodifika l-azzjonijiet tiegħu b’effett immedjat. Il-biċċa l-kbira tar-rispondenti għall-kwestjonarju tal-GCG iqisu s-salvagwardji għall-flussi transfruntieri utli lil hinn mill-iskadenza tar-Regolament temporanju (UE) 2022/2576, minħabba jew l-apprezzament tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 25 jew billi jqisu li dawk tal-Artikolu 12(5) diġà għandhom iġu rrispettati f’kull ħin.

3.7. Solidarjetà

L-Artikolu 13 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass jistabbilixxi r-rekwiżiti tal-mekkaniżmu ta’ solidarjetà, li huwa mekkaniżmu tal-aħħar istanza f’emerġenza severa tal-gass fejn id-domanda ta’ “klijenti protetti mis-solidarjetà” tkun ipperikolata u fejn is-suq ma jkunx jista’ jibqa’ jforni l-volumi meħtieġa.

Kif meħtieġ mill-Artikolu 13(10), l-Istati Membri jridu jaqblu b’mod bilaterali fuq il-ftehimiet ta’ solidarjetà sal-1 ta’ Diċembru 2018, li jinkludu l-arranġamenti tekniċi, legali u finanzjarji sabiex jiżguraw il-funzjonament tas-solidarjetà fil-prattika. Dawn il-ftehimiet ta’ solidarjetà joperazzjonalizzaw is-solidarjetà fil-prattika, iżda n-nuqqas tagħhom ma jibdilx l-obbligu legali. Sabiex jiġu ffaċilitati l-ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà, il-Kummissjoni ħarġet ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2018/177 li fiha spjegat rakkomandazzjoni dwar l-elementi tekniċi, legali u finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fil-ftehimiet bilaterali ta’ solidarjetà.

Fiż-żmien tal-kitba, ġew iffirmati biss tmienja minn 40 ftehim ta’ solidarjetà, jiġifieri bejn l-Awstrija u l-Ġermanja, id-Danimarka u l-Ġermanja, l-Estonja u l-Latvja, il-Latvja u l-Litwanja, l-Italja u s-Slovenja, l-Estonja u l-Finlandja, id-Danimarka u l-Iżvezja, u s-Slovenja u l-Kroazja.

Kif indikat minn diversi Stati Membri, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ progress huma l-kumplessità teknika, in-nuqqas ta’ għarfien espert allokat mill-amministrazzjonijiet nazzjonali u d-diffikultajiet politiċi sabiex jintlaħaq ftehim, b’mod partikolari fir-rigward tal-kumpens finanzjarju.

Minħabba l-progress insuffiċjenti, f’Mejju 2020, il-Kummissjoni bagħtet Ittra ta’ Avviż Formali lil 25 Stat Membru għan-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ solidarjetà. Il-Kummissjoni qiegħda twettaq laqgħat dwar il-pakkett ta’ ksur mal-Istati Membri, fejn qiegħed jiġi diskuss il-ksur ta’ solidarjetà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni offriet appoġġ sabiex tiffaċilita d-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri interessati sabiex jingħelbu d-diffikultajiet eżistenti.

Żviluppi leġiżlattivi

Sabiex tiżgura li l-arranġamenti ta’ solidarjetà jkunu effettivi u operazzjonali u li jkopru n-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali, f’Diċembru 2021, il-Kummissjoni pproponiet li temenda r-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass permezz tal-Pakkett dwar is-swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat sabiex tintroduċi regoli komuni ta’ solidarjetà applikabbli fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali.

Peress li n-negozjar interistituzzjonali dwar dan il-pakkett kien fadallu sabiex jiġi konkluż matul il-kriżi tal-2022, fid-19 ta’ Diċembru 2022, il-Ministri tal-UE adottaw ir-Regolament ta’ Solidarjetà ta’ emerġenza li jistabbilixxi regoli ta’ solidarjetà prestabbiliti applikabbli fin-nuqqas ta’ ftehimiet bilaterali b’limitazzjoni tal-kumpens massimu li għandu jitħallas għas-solidarjetà. Ir-Regolament ta’ Solidarjetà estenda wkoll temporanjament il-protezzjoni tas-solidarjetà għall-volumi kritiċi tal-gass għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, u estenda temporanjament l-obbligu ta’ solidarjetà lill-Istati Membri b’faċilitajiet tal-LNG.

Ir-Regolament ta’ Solidarjetà ġie adottat skont l-Artikolu 122 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jagħmilha miżura temporanja ta’ emerġenza li tiskadi fl-aħħar tal-2023. Jekk il-Pakkett dwar is-swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat ma jiġix adottat qabel dik id-data, is-sitwazzjoni f’dan ir-rigward terġa’ lura għal dik ta’ qabel il-kriżi, kif deskritt hawn fuq.

Test ta’ solidarjetà (eżerċizzju ta’ sessjoni prattika)

Sabiex jiġu ttestjati d-dispożizzjonijiet ta’ solidarjetà tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u tar-Regolament ta’ Solidarjetà, il-Kummissjoni wettqet eżerċizzju konġunt ta’ “sessjoni prattika” mal-Istati Membri u mal-ENTSOG f’Diċembru 2022.

Ġew identifikati għadd ta’ punti fejn huwa meħtieġ segwitu:

·Il-biċċa l-kbira tal-parteċipanti qablu li l-LNG jista’ jipprovdi flessibbiltà addizzjonali f’sitwazzjoni ta’ kriżi. Madankollu, is-solidarjetà tal-LNG tkun tirrikjedi mekkaniżmi tas-suq u intervent mill-Awtorità Kompetenti, diment li jkunu ġew eżawriti l-miżuri kollha bbażati fuq is-suq, li għandhom jiġu ċċarati ulterjorament.

·Ġie identifikat li ma hemm l-ebda bażi ġuridika sabiex tintalab solidarjetà permezz ta’ pipeline lejn Stat Membru ġar li ma jkunx konness direttament.

·F’każ li Stat Membru jirċievi żewġ talbiet ta’ solidarjetà, il-proċedura tqieset bħala mhux ċara.

·Il-parteċipanti esprimew ix-xewqa li perjodu ta’ 24 siegħa jkun applikabbli għas-solidarjetà pprovduta permezz ta’ pipelines, filwaqt li 72 siegħa xorta jistgħu jkunu rilevanti għas-solidarjetà permezz tal-LNG.

Dettalji ulterjuri dwar it-test ta’ solidarjetà jinsabu f’SWD(2023)323.



4.Konklużjoni

Is-sigurtà tal-provvista tal-gass fl-Ewropa tjiebet mis-sena l-oħra bis-saħħa tal-implimentazzjoni b’suċċess ta’ miżuri addizzjonali mill-UE u mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma ewlenin kollha tal-politika dwar l-enerġija. Fid-dawl tal-użu tal-enerġija mir-Russja bħala arma politika u ekonomika, l-UE aġixxiet b’mod unit, fi spirtu ta’ solidarjetà, sabiex tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili Russi filwaqt li kompliet tindirizza l-kriżi klimatika, l-aċċellerazzjoni tal-isforzi tagħha sabiex iżżid ir-reżiljenza tal-infrastruttura kritika u tal-entitajiet kritiċi tal-UE. Iż-żieda u t-tnedija tal-enerġija rinnovabbli magħmula fl-Ewropa ġew aċċellerati ħafna. L-UE saħħet ir-rabtiet mas-sħab internazzjonali sabiex tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija, u ħadet azzjoni koordinata sabiex iżżid it-tħejjija, fost l-oħrajn b’azzjoni rigward il-ħżin tal-gass jew it-tnaqqis fid-domanda.

Madankollu, għad hemm riskji għas-sigurtà tal-provvista tal-gass lejn l-Unjoni, bħal, pereżempju, waqfien sħiħ tal-importazzjonijiet Russi, inċidenti tal-infrastruttura, kundizzjonijiet tat-temp mhux favorevoli, żieda fid-domanda għall-gass fl-Ewropa jew restrizzjoni għall-provvista tal-merkanzija tal-LNG.

Barra minn hekk, is-sistema tal-enerġija għaddejja minn tranżizzjoni lejn id-dekarbonizzazzjoni permezz ta’ integrazzjoni dejjem akbar ta’ gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju kif ukoll elettrifikazzjoni dejjem akbar. Din it-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija ttejjeb is-sigurtà tal-provvista tal-gass billi tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils fossili u b’mod partikolari fuq il-gass naturali. L-arkitettura tas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-futur se jkollha bżonn tiġi adattata sabiex tintegra gassijiet rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, inklużi l-bijometan u l-idroġenu, kif ukoll elettrifikazzjoni u integrazzjoni settorjali ulterjuri tas-sistema tal-enerġija. 

Il-qafas il-ġdid għandu jibni fuq, u jappoġġa, il-Pakkett dwar is-swieq tal-idroġenu u tal-gass dekarbonizzat ladarba jiġi adottat. L-iżvilupp dejjem akbar ta’ gass rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, inklużi l-bijometan u l-idroġenu, minbarra l-elettrifikazzjoni dejjem akbar tas-sistema tal-enerġija huma elementi essenzjali li se jkollhom jitqiesu fi kwalunkwe żvilupp futur tal-qafas legali tas-sigurtà tal-provvista sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-gass u sabiex jiġu appoġġati l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE.

Dan ir-rapport jindika għadd ta’ titjib potenzjali fl-arkitettura tas-sigurtà tal-provvista tal-gass tal-UE. B’mod partikolari, kif stipulat fl-Artikolu 17 tar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, ir-rapport jifforma l-bażi għal riflessjonijiet ulterjuri fid-dawl ta’ proposta futura potenzjali mill-Kummissjoni sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.

(1)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2022%3A230%3AFIN&qid=1653033742483  

(2)

Il-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Solidarjetà jikkonċerna miżuri temporanji applikabbli f’każ ta’ emerġenza tal-gass. Dan jikkomplementa r-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass.

(3)

https://energy.ec.europa.eu/topics/markets-and-consumers/market-legislation/hydrogen-and-decarbonised-gas-market-package_en . Għal aktar dettalji, ara t-taqsima 3.7

(4)

  https://energy.ec.europa.eu/topics/energy-security/commissions-opinions-preventive-action-plans-and-emergency-plans_en

(5)

 Fil-bidu ta’ Ġunju 2023, intbagħtu EU Pilots lill-Istati Membri li l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva, il-Pjanijiet ta’ Emerġenza u l-Valutazzjonijiet tar-Riskju tagħhom huma neqsin. Għal aktar dettalji, ara t-taqsimiet 3.4.1 u 3.5 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah.