Brussell, 6.7.2023

COM(2023) 376 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport ta' Prospettiva Strateġika 2023







Is-sostenibbiltà u l-benesseri tan-nies fil-qalba tal-Awtonomija Strateġika Miftuħa tal-Ewropa


I.Introduzzjoni

L-Unjoni Ewropea qed timxi ’l quddiem b’azzjoni mingħajr preċedent biex tikseb in-newtralità klimatika u s-sostenibbiltà. Trasformazzjoni b’suċċess se tillimita r-riskji eżistenzjali tat-tibdil fil-klima u l-kriżi ambjentali filwaqt li ssaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa u s-sigurtà ekonomika tal-UE. Dan se jkun kruċjali biex jissaħħu l-kompetittività fit-tul u l-mudell soċjali tal-Ewropa, u għalhekk it-tmexxija globali tagħha fl-ekonomija l-ġdida u b’emissjonijiet żero netti, anke billi jiġu appoġġati reġjuni oħra fil-bini ta’ futur sostenibbli. Fl-aħħar mill-aħħar, dan se jżid il-benesseri tal-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri.

Madankollu, trasformazzjoni soċjoekonomika ta’ suċċess u ġusta ma hijiex awtomatika. Flimkien mat-tranżizzjoni tewmija tagħha, it-tranżizzjoni diġitali, it-tranżizzjoni ekoloġika teħtieġ bidliet u kompromessi kruċjali li se jaffettwaw, fost l-oħrajn, l-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna b’pass u skala bla preċedent. Sabiex din it-trasformazzjoni tirnexxi, huwa essenzjali li jiġu rikonoxxuti r-rabtiet bejn id-dimensjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà. Dan se jippermetti lill-Ewropa ssegwi strateġija ġeopolitika li tħares ’il quddiem li tisfrutta b’suċċess l-aktar assi prezzjużi tagħha – jiġifieri, l-ekonomija soċjali tas-suq unika tagħha u l-pożizzjoni tagħha bħala l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja.

F’dan l-isfond, ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2023 jeżamina l-intersezzjonijiet ewlenin bejn ix-xejriet strutturali u d-dinamika li jaffettwaw l-aspetti soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà, biex jiċċara l-għażliet u l-kompromessi potenzjali li l-UE x’aktarx se tiffaċċja fil-futur. Abbażi ta’ eżerċizzju inklużiv ta’ prospettiva 1 u abbażi tat-tliet edizzjonijiet preċedenti 2 , dan jesplora l-isfidi ewlenin li se jiddeterminaw it-trasformazzjoni tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna lejn mudell li jirrispetta l-limiti planetarji, u jissalvagwardja l-kompetittività globali, il-pedamenti soċjali b’saħħithom, u r-reżiljenza. Huwa jinvestiga wkoll kif li jiġi segwit il-benesseri inklużiv fit-tul, l-involviment fi triq lejn is-sostenibbiltà, u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija jistgħu jkunu s-soluzzjoni għall-Ewropa biex issaħħaħ ir-rwol globali tagħha.

Abbażi ta’ dan, ir-rapport jipproponi għaxar oqsma għal azzjoni biex jintlaħqu l-objettivi ta’ Ewropa soċjalment u ekonomikament sostenibbli bi rwol aktar b’saħħtu fid-dinja fis-snin li ġejjin.

II.Intersezzjonijiet ewlenin bejn l-isfidi tas-sostenibbiltà soċjali u ekonomika

Konna qed nesperjenzaw era ta’ permakriżi u polikriżi, flimkien ma’ effetti dejjem akbar tat-tibdil fil-klima u l-isfidi ambjentali, il-pandemija tal-COVID-19, u l-gwerra ta’ aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna. Kunflitti ġodda u eskalazzjoni ta’ dawk eżistenti, spostamenti tal-massa, kriżijiet finanzjarji, jew pandemiji huma eżempji oħra ta’ kriżijiet potenzjali li nistgħu niffaċċjaw fil-futur. Fl-aħħar nett, l-iskala mingħajr preċedent tat-tranżizzjonijiet toħloq diversi sfidi li jaffettwaw l-aspetti soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà (Illustrazzjoni 1). L-intersezzjonijiet u l-effetti kkombinati tagħhom jeħtieġ li jitqiesu biex jippermettu perkorsi vijabbli lejn is-sostenibbiltà tal-Ewropa.

Illustrazzjoni 1: Sfidi ewlenin għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tal-UE

1. Iż-żieda tal-ġeopolitika u l-konfigurazzjoni mill-ġdid tal-globalizzazzjoni

Ix-xena globali għaddejja minn tibdil kontinwu, b’diversi atturi internazzjonali qed jassumu rwoli ġodda, ħafna drabi aktar konfrontazzjonali. Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna sfidat il-pedamenti tal-multilateraliżmu u l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Iċ-Ċina miexja lejn era ġdida, iffukata fuq l-influwenza ekonomika u l-assertività diplomatika, bl-għan li jkun hemm bidla sistemika tal-ordni internazzjonali. Hija tibqa’ rivali u kompetitur ekonomiku sistemiku, filwaqt li hija sieħeb multilaterali. L-Istati Uniti qed isegwu kors ta’ integrazzjoni profonda tal-politiki domestiċi u barranin. Dan jinvolvi t-tisħiħ tal-bażi industrijali tagħha, il-protezzjoni tat-teknoloġiji tal-ġenerazzjoni li jmiss, il-ħidma mas-sħab internazzjonali biex jiġu żviluppati sħubijiet ekonomiċi ffukati fuq l-isfidi globali, u l-mobilizzazzjoni tal-investiment f’ekonomiji emerġenti 3 . L-Istati Uniti jibqgħu wkoll is-sieħeb strateġiku tal-UE. Fl-istess ħin, il-kors strateġiku taċ-Ċina u tal-Istati Uniti qed jistimola rivalità globali ġeopolitika, ekonomika u teknoloġika. Aħna nosservaw ukoll tfittxija dejjem akbar għal influwenza u rappreżentanza f’fora internazzjonali minn pajjiżi emerġenti. Dawn jinkludu setgħat b’mudelli u valuri ta’ governanza differenti, pajjiżi tal-iħħeġġjar (li juru taħlita ta’ strateġiji kooperattivi u konfrontazzjonali), kif ukoll stati iżgħar u fraġli li jitolbu ġustizzja klimatika. Dan jisfida l-kooperazzjoni internazzjonali effettiva dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali, bħat-tibdil fil-klima jew it-tranżizzjoni tal-enerġija, anke jekk l-urġenza tagħhom qed tiżdied biss.

It-tensjonijiet fl-ordni globali huma akkumpanjati minn “battalja ta’ narrattivi”, li kulma jmur qed tinbidel f’“battalja ta’ offerti”, li ssawwar kemm l-opinjoni pubblika globali kif ukoll l-azzjoni tal-gvern. L-UE ppreżentat il-Global Gateway biex tappoġġa investimenti intelliġenti f’infrastruttura ta’ kwalità, filwaqt li tirrispetta l-ogħla standards soċjali u ambjentali, f’konformità mal-valuri u l-istandards Ewropej. Madankollu, in-narrattivi tal-UE u, b’mod aktar ġenerali, tal-Punent, qed jiġu dejjem aktar sfidati. Pereżempju, minkejja l-ksur sfaċċat tal-prinċipji essenzjali tad-dritt internazzjonali mir-Russja, żewġ terzi tal-popolazzjoni tad-dinja jgħixu fi stati li adottaw pożizzjoni newtrali jew li jxeqilbu lejn ir-Russja 4 . Dan huwa parzjalment dovut għall-propaganda, il-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni li jfittxu li jinfluwenzaw l-attitudnijiet nazzjonali u globali, amplifikati dejjem aktar mill-media soċjali u l-użi qarrieqa tal-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva.

Peress li l-UE tirrappreżenta biss 6,9 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u madwar 5 % tal-popolazzjoni dinjija, l-involviment u l-kooperazzjoni globali se jkunu kruċjali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi 5 . Fl-istess ħin, f’perjodu ta’ turbolenza ekonomika globali, diversi pajjiżi emerġenti u li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw aktar sfidi biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju, minkejja li huma esposti għal perikli dejjem akbar ikkawżati mill-klima. Huma jqajmu wkoll tħassib dwar xi wħud mill-inizjattivi ekoloġiċi riċenti tal-UE, peress li dawn jistgħu jinbidlu f’ostakli għall-iżvilupp tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ għal ħafna pajjiżi Afrikani, tal-Amerika Latina u tal-Asja, fejn l-influwenza ekonomika taċ-Ċina kienet importanti, u l-approċċ tal-UE bbażat fuq sħubija bejn partijiet ugwali jeħtieġ li jissaħħaħ. Ir-relazzjonijiet internazzjonali qed isiru dejjem aktar tranżazzjonali, hekk kif aktar u aktar pajjiżi qed jinnavigaw biex ifittxu l-aktar sħubijiet vantaġġużi. Dan jirriżulta f’żieda f’daqqa ta’ battalja ta’ offerti”(pereżempju dwar il-finanzjament, l-iżvilupp tal-infrastruttura, jew l-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija) u inizjattivi, bħall-Inizjattiva “Belt and Road” taċ-Ċina, jew is-Sħubija tal-G7 għall-Infrastruttura u l-Investiment Globali 6 . Dan huwa wkoll “battalja ta’ mudelli” bejn ir-reġimi demokratiċi u awtoritarji.

Il-globalizzazzjoni kif nafuha hija fundamentalment sfidata. Ir-regoli, in-normi u l-istituzzjonijiet multilaterali pprovdew qafas għall-integrazzjoni ekonomika globali u l-kummerċ ħieles li ħarġu miljuni ta’ nies mill-faqar. Madankollu, sfidi suċċessivi u theddid emerġenti juru li dan il-mudell ta’ globalizzazzjoni jinsab taħt pressjoni. Il-pandemija enfasizzat il-fraġilità tal-ktajjen tal-provvista globali u esponiet id-dipendenzi strateġiċi tal-UE. Il-konfrontazzjoni ġeoekonomika li dejjem qed tiżdied qed tibdel il-flussi globali tal-kummerċ u tal-investiment. Dan iżid ir-riskju ta’ restrizzjonijiet kummerċjali u interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista, u jxekkel il-fluss ta’ prodotti, servizzi u teknoloġiji ekoloġiċi. Dan jista’ jaggrava wkoll id-dipendenzi tal-UE, inkluż l-aċċess għall-materja prima kritika meħtieġa għat-tranżizzjonijiet doppji, u jisfida lis-setturi strateġiċi tal-UE (minn batteriji għal mikroċipep). Barra minn hekk, it-tfittxija għal ktajjen tal-provvista reżiljenti tista’ tħalli impatt ukoll fuq l-ambjent (eż. permezz tar-rilokazzjoni tal-attività industrijali, aktar interess fl-estrazzjoni f’żoni kkontestati) u l-ekonomija (eż. billi tiġi eżerċitata pressjoni fuq il-baġits pubbliċi u l-impjiegi lokali f’setturi orjentati lejn l-esportazzjoni). Dawn id-dinamiċi jaffettwaw gradwalment il-politiki tal-UE, inklużi ħafna li qabel kienu kkunsidrati bħala prinċipalment domestiċi, u jisfidaw l-approċċi settorjali għat-tfassil tal-politika.  F’dan il-kuntest, sforz imsaħħaħ mill-ġdid biex jiġi sostnut il-multilateraliżmu u ssir riforma tal-kisbiet tad-WTO żied l-urġenza.

2. It-tfittxija għal ekonomija u benesseri sostenibbli

L-UE tinsab f’mument ewlieni li jeħtieġ spinta konġunta minn dawk li jfasslu l-politika u min-negozji biex tiġi żgurata pożizzjoni ewlenija fit-tellieqa globali lejn industrija b’emissjonijiet żero netti. Is-sostenibbiltà se tirrappreżenta sors ewlieni tal-vantaġġ kompetittiv fit-tul tal-UE 7 , filwaqt li żżid is-sehem mis-suq tagħha għal prodotti, servizzi u teknoloġiji relatati, kif ukoll tattira investimenti u talent globali. L-UE diġà ddedikat sforzi sostanzjali biex tappoġġa diversi teknoloġiji u soluzzjonijiet ekoloġiċi: mill-idroġenu, il-materjali avvanzati, għaċ-ċiklu tal-ilma jew is-sostenibbiltà mid-disinn. Madankollu, hekk kif il-kompetizzjoni globali tintensifika, iż-żieda fl-appoġġ għar-riċerka u l-iżvilupp, u l-manifattura ta’ teknoloġiji strateġiċi żero netti 8 , l-implimentazzjoni ta’ strateġija għas-sigurtà ekonomika ambizzjuża 9 , u t-tisħiħ 10 tal-investimenti f’oqsma ta’ importanza kritika fejn l-UE turi dipendenzi għoljin se jkunu kruċjali biex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tagħha 11 .

Il-pressjonijiet dejjem jiżdiedu fuq l-aspetti soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà jħeġġu d-dibattitu dwar il-ħtieġa għal mudell ekonomiku ġdid, iffukat fuq il-benesseri tan-nies u n-natura. Enfasi predominanti fuq il-fatturi ekonomiċi, mingħajr kunsiderazzjoni xierqa għall-kwalità tat-tkabbir u l-impjiegi, ħeġġet prattiki ta’ produzzjoni u konsum mhux sostenibbli. Fl-istess ħin, ir-riżorsi ambjentali, li ma humiex infiniti, jiffurmaw il-bażi nnifisha tal-attività ekonomika: pereżempju, 72 % tal-4,2 miljun kumpanija fiż-żona tal-euro jiddependu ħafna minn tal-anqas servizz wieħed relatat man-natura bħad-dakkir, l-ilma nadif, il-ħamrija b’saħħitha, jew l-injam 12 . L-evitar tat-tfixkil ta’ sistemi naturali kritiċi, bħaċ-ċiklu tal-ilma, ir-rispett tal-limiti planetarji, u t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità, huma għalhekk prekundizzjonijiet essenzjali għal soċjetajiet reżiljenti u għal ekonomiji sostenibbli. Peress li din l-interdipendenza bejn l-ekonomija u l-ambjent qed issir dejjem aktar ċara, qed issir ukoll kwistjoni ta’ ġustizzja interġenerazzjonali: l-adattament tal-mudell ekonomiku se jkun il-pedament għall-benesseri u l-ġid materjali tal-ġenerazzjonijiet futuri, inkluż il-mod kif jiġu distribwiti l-gwadanni ekonomiċi. Is-Semestru Ewropew huwa mibni madwar l-erba’ dimensjonijiet ta’ sostenibbiltà kompetittiva: l-istabbiltà ambjentali, il-ġustizzja soċjali, il-produttività u l-istabbiltà makroekonomika. Madankollu, il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq jitolbu modi addizzjonali biex jinkisbu l-progress u l-prosperità lil hinn mill-prodott domestiku gross (PDG).

Aġġustament tal-PDG għal fatturi differenti

Matul l-aħħar 90 sena, il-PDG kien wieħed mill-indikaturi ekonomiċi l-aktar użati u jibqa’ l-aktar indikatur importanti tal-prestazzjoni ekonomika ta’ pajjiż. Fl-istess ħin, ir-riflessjonijiet dwar il-limitazzjonijiet tiegħu diġà bdew fis-snin sebgħin. Bl-iżviluppi reċenti bħat-tibdil fil-klima u l-pandemija, sar dejjem aktar ċar li l-PDG ma huwiex komplut bħala kejl tal-progress, peress li ma jirriflettix bis-sħiħ l-isfidi ambjentali jew soċjali importanti ta’ żminijietna. Dan jitlob l-iżvilupp ta’ metriċi komplementari – u l-integrazzjoni progressiva tagħhom fit-tfassil tal-politika – li jippermettu li tiġi segwita aħjar it-tranżizzjoni tas-sostenibbiltà tal-UE u l-prestazzjoni tagħha b’paragun globali.

B’segwitu għar-Rapporti ta’ Prospettiva Strateġika tal-passat, il-Kummissjoni nediet ħidma interna dwar l-iżvilupp ta’ metriċi tal-Benesseri Sostenibbli u Inklużiv biex l-UE tikkomplementa l-PDG. Din tiġbor flimkien linji ta’ ħidma differenti għall-ewwel darba, bl-għan li tinforma t-tfassil tal-politika futura tal-UE.

Għażla waħda biex tiġi żviluppata metrika lil hinn mill-PDG tikkonsisti fl-assenjazzjoni ta’ valuri monetarji għal fatturi rilevanti tal-benesseri u l-użu ta’ dawn il-valuri biex “jaġġustaw” il-PDG. Dawn jistgħu jinkludu aspetti differenti tal-kwalità tal-ħajja (eż., is-saħħa, l-edukazzjoni, u r-rikreazzjoni), il-kura mhux imħallsa u x-xogħol domestiku, l-inugwaljanzi, il-kostijiet tad-danni ambjentali (eż., it-tniġġis u l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra), jew l-eżawriment tar-riżorsi naturali. Ir-riżultati ta’ proġett pilota huma rrapportati hawn taħt 13 , billi tintuża l-istennija tal-għomor bħala indikatur għad-dimensjoni tas-saħħa tal-benesseri. Dan juri l-PDG b’aġġustament fis-saħħa (per capita) għall-UE, l-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja fl-2000, l-2020, u l-2040. Il-ħidma se tkompli tiżviluppa indikaturi komplementari oħra, lil hinn mill-PDG biex jirriflettu fatturi magħżula bħall-inugwaljanzi jew id-danni ambjentali. L-aġġustament għall-inugwaljanza jista’ jinkiseb bl-“iskontar” tal-introjtu medju (PDG per capita) skont il-livell tal-inugwaljanza fl-introjtu. Id-danni ambjentali jistgħu jiġu inkorporati billi titnaqqas il-ħsara ekonomika stmata tagħhom. Dan huwa konsistenti mal-impenn globali, minqux fl-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli, biex jitfassal kejl tal-progress dwar l-iżvilupp sostenibbli li jikkomplementa l-PDG. Li wieħed imur lil hinn mill-PDG huwa esplorat ukoll fil-proċess ta’ riforma tas-sistema finanzjarja internazzjonali.

Illustrazzjoni 2: L-aġġustament tal-PDG per capita għall-istennija tal-għomor iwassal għal bidliet akbar ’il fuq (f’%) għall-UE meta mqabbla mal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja

Il-kolonni griżi juru l-valur tal-PDG per capita f’parità tal-kapaċità tal-akkwist ta’ sena fissa, u dawk vjola juru l-verżjoni aġġustata tal-istess ċifra tal-PDG. Sabiex jinkiseb l-aġġustament, wieħed jistabbilixxi livell ta’ referenza għall-mortalità u jikkalkula r-rieda tal-popolazzjoni li tħallas biex tikseb dan il-livell. Iċ-ċifri huma relatati mal-kurva tas-sopravivenza tad-dinja mbassra għall-2050 bħala l-livell ta’ referenza. Id-data tal-UE tinkludi 24 pajjiż (il-projezzjonijiet ma humiex disponibbli għall-Kroazja, Ċipru, u Malta).

L-aġġustament ’il fuq għall-PDG tal-UE jkun ta’ 15,5 % fl-2040, li jaqbeż dak tal-Istati Uniti (12,0 %), taċ-Ċina (11,7 %), u tal-Indja (1,3 %). Ir-rata medja annwali komposta tat-tkabbir tal-PDG mhux aġġustat fil-perjodu 2000-2040 hija ta’ 1,33 % għall-UE, filwaqt li dik tal-PDG aġġustat hija ta’ 1,57 %. Barra minn hekk, l-aġġustament tal-PDG għall-istennija tal-għomor iwassal għal sehem ogħla tal-PDG aġġustat tal-UE fuq il-PDG totali tal-erba’ ekonomiji flimkien fl-2040 (li jikkorrispondi għal 19,8 %, meta mqabbel ma’ 18,9 % għall-PDG).

Id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi se jkun l-isfida ewlenija għal mudell ekonomiku ġdid. L-Ewropa rnexxielha tikseb tnaqqis sostanzjali fl-emissjonijiet tas-CO2 minkejja t-tkabbir kontinwu. Ir-riċerka u l-innovazzjoni rivoluzzjonarji u l-adozzjoni aktar mgħaġġla tat-teknoloġiji se jkomplu jkunu essenzjali biex tinkiseb is-sostenibbiltà. Madankollu, it-teknoloġiji waħedhom jistgħu ma jkunux biżżejjed. L-impronta domestika tal-UE 14 diġà naqset bi 13 % matul l-aħħar 10 snin, u innovazzjonijiet ulterjuri x’aktarx li jsostnu din ix-xejra. Madankollu, l-impronta tal-konsum tal-UE, li tqis l-impatti ambjentali inkorporati tal-kummerċ, żdiedet b’4 % 15 . Sadanittant, ix-xejriet tal-konsum globali kurrenti diġà wasslu biex tinqabeż il-biċċa l-kbira tal-limiti planetarji, u abbażi tax-xejriet kurrenti, dawn l-impatti negattivi huma mistennija li jkomplu jiżdiedu sal-2030 16 . Pereżempju, 40 % tal-ikel jinħela f’pajjiżi bi dħul għoli 17 . Maż-żmien, it-tnaqqis tal-emissjonijiet jista’ jinkiseb billi jitnaqqsu t-tniġġis u l-iskart permezz taċ-ċirkolarità, l-effiċjenza fir-riżorsi u fl-enerġija, u miżuri ta’ suffiċjenza 18 . Bl-istess mod, produzzjoni u konsum aktar effiċjenti fis-setturi agroalimentari u tal-frott tal-baħar jistgħu jnaqqsu l-impatti fuq l-ekosistemi naturali.

Il-bidliet fl-imġiba u fil-konsum jistgħu jagħmlu differenza kbira. Pereżempju, xi stimi juru li globalment, il-miżuri ta’ mitigazzjoni fin-naħa tad-domanda, inklużi bidliet fl-imġiba jew fl-istil tal-ħajja (l-inċentivar ta’ dieti jew vjaġġar aktar sostenibbli u aktar tajbin għas-saħħa, it-tnaqqis tal-iskart tal-ikel jew tat-tessuti, it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u tal-ilma eċċ.) jew l-użu tal-infrastruttura (ir-rinnovazzjoni tal-bini, l-iżgurar ta’ trasport sostenibbli eċċ.) jistgħu jnaqqsu l-emissjonijiet b’sa 40-70 % sal-2050.  19 B’mod parallel, dawn jistgħu jtejbu wkoll il-benesseri. Madankollu, mhux biss it-tfassil tal-miżuri proposti iżda wkoll il-perċezzjoni u l-effetti fuq l-imġiba tagħhom huma importanti. Il-bidla għal imġiba u konsum aktar sostenibbli tista’ titqies b’mod pożittiv u tkun aktar aċċettabbli, jekk tkun mibnija madwar il-ġustizzja, u s-sodisfazzjon tal-ħajja 20 . Mingħajr ma jiġu kkunsidrati, il-miżuri proposti se jwasslu għal oppożizzjoni pubblika, u sussegwentement se jnaqqsu jew saħansitra jipprevjenu pjanijiet għall-introduzzjoni tagħhom 21 .

3. Żieda fil-pressjoni biex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti

It-tranżizzjoni ekoloġika teħtieġ investimenti mingħajr preċedent. B’mod ġenerali, se jkunu meħtieġa investimenti addizzjonali ta’ aktar minn EUR 620 biljun fis-sena biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku u ta’ RepowerEU. Il-maġġoranza ta’ dawn se jkollhom jiġu minn finanzjament privat 22 . Il-baġits tal-Istati Membri se jkollhom ukoll rwol importanti. L-UE diġà hija mistennija li tonfoq EUR 578 biljun – mill-inqas 30 % tal-baġit tagħha – fuq azzjoni rilevanti għall-klima għall-perjodu 2021-2027. Madankollu, il-kostijiet u l-konsegwenzi sħaħ tal-kriżi tal-klima u tal-bijodiversità ma humiex magħrufa. L-impatti dejjem jiżdiedu ta’ avvenimenti estremi tat-temp diġà iwasslu għal telf ekonomiku serju. Pereżempju, għan-nixfiet dawn jammontaw għal madwar EUR 9 biljun fis-sena 23  u għall-għargħar tax-xmajjar għal EUR 7,6 biljun 24 . It-tisħiħ tar-reżiljenza għat-tibdil fil-klima f’oqsma ewlenin, bħall-infrastruttura tat-trasport, is-settur diġitali, l-enerġija, il-ħżin tar-riżorsi, is-saħħa, l-ikel, il-bini, jew l-impjanti tal-manifattura se jinvolvi wkoll riżorsi sinifikanti. Barra minn hekk, il-frekwenza dejjem akbar ta’ katastrofi klimatiċi tista’ tagħmel l-assigurazzjoni mhux affordabbli għall-unitajiet domestiċi 25 u għal ħafna negozji, u tkompli żżid il-pressjoni fuq il-baġits pubbliċi. Ir-rapport Ewropew dwar il-Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku li jmiss se jipprovdi aktar evidenza dwar ir-riskji relatati mal-klima. Dan kollu jibni wkoll każ b’saħħtu għall-prevenzjoni: kull euro investit f’sistemi ta’ twissija bikrija jirritorna medja ta’ EUR 131 minn telf evitat, kostijiet ta’ rispons, u benefiċċji addizzjonali għas-soċjetà 26 .

Investimenti strateġiċi oħra qed jikbru wkoll. It-tnaqqis tad-distakk fl-investiment tal-UE għat-tranżizzjoni diġitali se jiswa mill-inqas EUR 125 biljun fis-sena 27 . Il-prezz tal-ġeopolitika l-ġdida se jkun għoli wkoll: pereżempju, fl-2021, in-nefqa għad-difiża tal-Istati Membri żdiedet b’mod sinifikanti għal EUR 214-il biljun, b’infiq addizzjonali ta’ EUR 75 biljun previst sal-2025 biex jinbnew kapaċitajiet ta’ difiża adegwati 28 . Fl-aħħar nett, ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna se teħtieġ EUR 384 biljun mis-sħab kollha matul l-10 snin li ġejjin 29 .

Fl-istess ħin, it-tibdil demografiku u t-trasformazzjoni ekonomika se jisfidaw il-baġits pubbliċi fil-livelli kollha. Pereżempju, il-proporzjon ta’ dipendenza tal-età avvanzata jista’ jikber minn 34,4 % fl-2019 għal 59,2 % fl-2070, li jirriżulta f’żieda possibbli fl-infiq relatat mal-età b’żewġ punti perċentwali għal 26 % tal-PDG 30 . Il-qafas tat-taxxa kurrenti tal-UE, ibbażat l-aktar fuq it-taxxi fuq ix-xogħol, inklużi l-kontribuzzjonijiet soċjali, ma jirriflettix il-bidliet li għaddejjin bħalissa 31 . Peress li s-sehem ta’ persuni fl-età tax-xogħol se jonqos drastikament matul id-deċennji li ġejjin, u t-tkabbir tal-produttività x’aktarx li ma jpattix għal din l-evoluzzjoni, il-kapaċità tat-tassazzjoni fuq ix-xogħol li tiġġenera l-istess ammont ta’ dħul bħal dak tal-lum x’aktarx li titnaqqas. Barra minn hekk, it-trasformazzjoni ekonomika u l-globalizzazzjoni jirriżultaw fir-rwol dejjem akbar tal-assi intanġibbli u l-mobbiltà internazzjonali akbar tal-attivitajiet ekonomiċi. Barra minn hekk, it-tranżizzjoni ekoloġika nnifisha se jkollha impatt. Dan jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-bażi tat-taxxa tradizzjonali, minħabba t-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili, il-bidliet fix-xejriet tal-konsum, u ċ-ċaqliq fit-tkabbir. Fl-istess ħin, dan jista’ jiġi kkumpensat sa ċertu punt minn attivitajiet, prodotti u servizzi sostenibbli ġodda. Forom ġodda ta’ tassazzjoni (eż. dwar l-emissjonijiet tal-karbonju, l-iskart, prodotti u servizzi mhux sostenibbli jew mhux tajbin għas-saħħa) jistgħu wkoll jiksbu importanza biex jikkomplementaw it-taxxi fuq ix-xogħol u jagħtu spinta lis-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u tal-istat soċjali.

Il-kisba tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà se tiddependi fuq l-iżgurar ta’ finanzjament suffiċjenti u rapidu mis-settur privat. Għalhekk, l-enfasi sabiex jinfetħu l-bibien għall-investimenti privati se tkun essenzjali għas-settur pubbliku, filwaqt li jiġu evitati l-effetti ta’ esklużjoni fuq il-finanzjament privat jew li tiġi skattata tellieqa ta’ sussidji bejn l-ekonomiji. L-UE żviluppat qafas komprensiv ta’ finanzjament sostenibbli li jappoġġa lill-kumpaniji u lis-settur finanzjarju biex iżidu l-investimenti tagħhom meħtieġa għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, li jinkludi tassonomija, divulgazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà, parametri referenzjarji klimatiċi u bonds ekoloġiċi. Madankollu, għad hemm diversi sfidi. Id-distakk fl-investimenti produttivi bejn l-UE u l-Istati Uniti kiber mill-kriżi finanzjarja tal-2008 u laħaq 2 % tal-PDG fl-2022 32 . Barra minn hekk, l-investimenti privati huma mxekkla min-nuqqas ta’ suq verament uniku għall-kapital u ta’ Unjoni Bankarja żviluppata bis-sħiħ. Dan ifixkel id-direzzjoni tat-tfaddil għoli fl-UE – is-surplus ta’ tfaddil domestiku fuq l-investimenti domestiċi fl-UE kellu medja ta’ kważi EUR 300 biljun matul l-aħħar 10 snin 33 – lejn il-finanzjament tat-tkabbir futur. Filwaqt li l-banek se jibqa’ jkollhom rwol ewlieni fil-finanzjament tal-ekonomija tal-UE, jeħtieġ li jsir aktar biex jiġu ddiversifikati s-sorsi ta’ finanzjament. Pereżempju, il-livell tal-UE ta’ investiment ta’ kapital ta’ riskju, għalkemm qed ilaħħaq mal-Istati Uniti, għadu insuffiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ finanzjament fi stadju aktar tard, u negozji ġodda u negozji li qed jespandu Ewropej ta’ suċċess qed jitħabtu biex iżidu fl-UE l-kapital meħtieġ biex jikbru. Dan jirriżulta f’rata ta’ innovazzjoni aktar baxxa u fil-potenzjal tas-swieq kapitali għall-finanzjament tat-tranżizzjonijiet li jibqgħu sottożviluppati. Ostakli addizzjonali jinkludu t-tnaqqis mistenni fil-produttività u d-dejn akkumulat tal-kumpaniji wara l-pandemija 34 . Dan huwa aggravat biż-żieda fil-kostijiet tas-self 35 , li bl-istess mod iżid it-tħassib dwar il-kapaċità tas-settur privat li jagħmel l-investimenti meħtieġa issa, b’mod partikolari fl-enerġija rinnovabbli 36 . Fl-aħħar nett, l-istrumenti pubbliċi biex jiġu attirati l-investimenti privati xi drabi jintużaw b’mod avvers wisq għar-riskju biex jiġu skattati investimenti fi proġetti ta’ riskju għoli, ta’ redditu baxx, jew orjentati lejn il-futur.

4. Id-domanda dejjem tikber għall-ħiliet u l-kompetenzi għall-futur sostenibbli

It-tranżizzjonijiet se jeħtieġu sistemi Ewropej ta’ edukazzjoni u taħriġ b’saħħithom, li jpoġġu importanza fuq l-adattabilità. Id-disponibbiltà tal-ħaddiema bil-ħiliet tekniċi u personali xierqa se tkun kruċjali għall-vijabbiltà tat-tranżizzjonijiet u għall-kompetittività tal-UE. Pereżempju, it-tnaqqis tad-distakk bejn il-ġeneri fi STEM, essenzjali għat-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali, jista’ potenzjalment iwassal għal titjib tal-PDG tal-UE sa EUR 820 biljun fl-2050 37 . Diġà issa, in-nuqqas ta’ persunal disponibbli b’sett xieraq ta’ ħiliet huwa fattur addizzjonali li jxekkel l-investimenti għal 85 % tad-ditti tal-UE 38 , kemm f’industriji stabbiliti kif ukoll f’industriji ġodda. In-nuqqas ta’ ħaddiema huwa kwistjoni li qed tikber f’diversi setturi li jirrikjedu ħafna ħaddiema, bħall-kura tas-saħħa, il-kura fit-tul, il-kostruzzjoni, jew l-agrikoltura, mhux l-inqas quddiem popolazzjoni Ewropea li qed tixjiħ. Dawn huma wkoll tħassib f’setturi ewlenin għat-tranżizzjonijiet. Pereżempju, l-UE teħtieġ 180 000 ħaddiem imħarreġ fl-industrija tal-idroġenu taċ-ċelloli tal-fjuwil sal-2030 u sa 66 000 ħaddiem fil-fotovoltajċi 39 . Fl-istess ħin, il-kompetenzi bażiċi taż-żgħażagħ Ewropej iddeterjoraw 40 , u l-pandemija aggravat l-eżiti tat-tagħlim f’ħafna Stati Membri 41 . Barra minn hekk, filwaqt li l-forza tax-xogħol tal-UE hija l-aktar edukata fl-istorja tagħha, għad hemm 60 miljun adult b’livell baxx ta’ edukazzjoni u b’livell baxx ta’ ħiliet. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet ma huwiex l-unika kawża ta’ nuqqas ta’ ħaddiema. Hemm ukoll problema tad-disponibbiltà tal-kwalità tal-impjiegi, relatata ma’ kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena, paga u kuntratti, bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u n-nuqqas ta’ żvilupp jew opportunitajiet ta’ karriera. Ix-xejriet demografiċi u t-tnaqqis tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol għandhom impatt territorjali sinifikanti, hekk kif 82 reġjun tal-UE jiffurmaw 30 % tal-popolazzjoni Ewropea li qed jiffaċċjaw jew jirriskjaw nassa tal-iżvilupp tat-talenti 42 . Jekk dan ma jiġix indirizzat, se jkun ta’ xkiel għall-koeżjoni Ewropea.

Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna għadhom ma humiex adattati għad-daqs u għall-ħeffa tat-trasformazzjonijiet. Il-ħiliet qed isiru dejjem aktar importanti apparti l-kwalifiki formali. Dan huwa akkumpanjat minn bidliet fil-valuri u l-aspirazzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet ġodda lejn il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u impjiegi sinifikanti. It-teknoloġiji diġitali, inkluża l-intelliġenza artifiċjali ġenerattiva, joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ tagħlim u apprendiment, kemm għal edukazzjoni regolari kif ukoll għal tagħlim tul il-ħajja u fuq il-post tax-xogħol. Madankollu, dawn joħolqu wkoll sfidi għas-sistemi eżistenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Pereżempju, f’termini ta’ litteriżmu diġitali tal-għalliema, approċċi pedagoġiċi, l-iżgurar tal-kwalità u l-affidabbiltà tas-sistemi u l-kontenut tagħhom, l-iżgurar ta’ opportunitajiet indaqs (eż. fir-rigward tal-aċċess għal infrastruttura u tagħmir teknoloġiċi bażiċi), jew tħassib etiku.

L-isfida tal-ħiliet tmur lil hinn minn sempliċi kunsiderazzjonijiet ekonomiċi. Il-litteriżmu u l-ħiliet diġitali se jkunu kruċjali mhux biss biex jinstabu impjiegi ta’ kwalità, iżda wkoll għall-parteċipazzjoni attiva fil-ħajja ċivika jew biex issir distinzjoni bejn il-fatti u l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, relatati wkoll mas-sostenibbiltà. Bħalissa 54 % biss taċ-ċittadini tal-UE għandhom mill-inqas ħiliet diġitali bażiċi 43 . Barra minn hekk, il-kompetenzi tas-sostenibbiltà ambjentali 44 , flimkien mal-ħiliet ċiviċi u intraprenditorjali kif ukoll ir-reżiljenza se jkunu importanti wkoll għall-innovazzjoni, l-aġenzija u l-parteċipazzjoni soċjali bbażati fil-komunità. Fl-aħħar nett, il-ħiliet huma importanti wkoll għas-settur pubbliku, peress li diskrepanza fil-kompetenzi tista’ tillimita l-kapaċità tiegħu li jaġixxi b’mod effettiv. Pereżempju, 69 % tal-muniċipalitajiet tal-UE rrapportaw in-nuqqas ta’ ħiliet ta’ valutazzjoni ambjentali u klimatika bħala fattur li jnaqqas ir-ritmu tal-investimenti tagħhom relatati mal-klima 45 .

It-trażmissjoni persistenti tal-iżvantaġġ edukattiv bejn il-ġenerazzjonijiet se żżid ma’ dawn il-kwistjonijiet. Pereżempju, l-istudenti bi status soċjoekonomiku baxx fl-UE huma 5,6 darbiet aktar probabbli li ma jmorrux tajjeb biżżejjed fl-iskola meta mqabbla ma’ studenti bi status għoli 46 . Dan juri limiti għall-mobbiltà soċjali eżistenti u jfixkel il-possibbiltajiet li wieħed jibbenefika mill-opportunitajiet offruti mit-tranżizzjonijiet. Huwa wkoll wieħed mill-fatturi li jaffettwaw il-koeżjoni soċjali tal-UE.

5. Iż-żieda fil-qsim fil-koeżjoni soċjali

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jibbaża fuq il-kapaċità li n-nies ikunu jistgħu jipparteċipaw b’suċċess fit-tranżizzjoni u li jibbenefikaw minnha. F’dan ir-rigward, hemm progress ċar. Meta wieħed iħares lejn l-istandards tal-għajxien ġenerali jew is-saħħa, l-Ewropej igawdu ħajja itwal u aħjar mill-ġenerazzjonijiet preċedenti. L-għomor tagħhom se jkompli jitwal. Mill-2004, iggwadanjaw 4 snin ta’ stennija tal-għomor b’saħħa tajba 47 , u qed jitfaċċaw diversi possibbiltajiet ġodda ta’ ħajja u ta’ karriera. Ħafna pajjiżi Ewropej huma fost l-aktar postijiet fejn in-nies huma kuntenti jgħixu 48 . Madankollu, il-pedamenti tal-kuntratt soċjali eżistenti jeħtieġ li jissaħħu biex jifilħu għal diversi sfidi.

It-tibdil fil-klima se jaffettwa lit-territorji b’mod mhux ugwali u b’impatti sproporzjonati fuq l-ifqar u l-aktar vulnerabbli. Il-familji bi dħul baxx se jkunu l-aktar esposti għal prezzijiet ogħla tal-ikel 49 jew tal-enerġija 50 , peress li ġeneralment ikollhom inqas lok biex itaffu ż-żidiet qawwija fl-għoli tal-ħajja permezz tal-iffrankar. Meta mqabbla ma’ gruppi oħra, huma jonfqu wkoll proporzjonalment aktar fuq oġġetti essenzjali bħall-ikel, l-elettriku, il-gass, it-tisħin u t-trasport. L-aktar foqra spiss jgħixu wkoll fiż-żoni aktar imniġġsa tal-bliet u konsegwentement huma aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tniġġis, b’mod partikolari fuq saħħithom. 13,7 % taċ-ċittadini tal-UE jgħidu li kienu esposti għal tniġġis jew għal perikli ambjentali 51 . L-aktar sezzjonijiet vulnerabbli tas-soċjetà huma wkoll affettwati b’mod sproporzjonat minn diżastri relatati mal-klima. Fl-istess ħin, il-kapaċità ta’ adattament tas-soċjetajiet u tal-istituzzjonijiet tagħna hija mifruxa b’mod mhux uniformi madwar l-Ewropa 52 . Barra minn hekk, id-disparitajiet fl-introjtu u fil-ġid huma marbuta mill-qrib mal-inugwaljanzi ekoloġiċi u mal-kontribuzzjonijiet għat-tibdil fil-klima. Pereżempju, l-aktar 10 % sinjuri tal-Ewropej jemettu aktar minn tliet darbiet aktar per capita mill-bqija 53 . Madankollu, fatturi oħra, bħall-età, it-tip ta’ akkomodazzjoni, jew id-daqs tal-agglomerazzjoni, jiddeterminaw ukoll l-emissjonijiet tal-unitajiet domestiċi, filwaqt li jżidu l-kumplessità mal-politiki fiskali u ridistributtivi potenzjali marbuta mal-emissjonijiet tal-karbonju 54 .

L-inugwaljanza bejn l-Istati Membri qed tonqos, madankollu l-inugwaljanzi fi ħdan l-Istati Membri individwali qed jiżdiedu 55 .  Hemm perċezzjoni qawwija fis-soċjetà li dawn laħqu livelli eċċessivi 56 . Fl-2021, 38,2 % tal-introjtu ekwivalizzat totali fl-UE ġie attribwit għall-20 % tal-popolazzjoni bl-ogħla introjtu, filwaqt li l-20 % bl-inqas introjtu rċevew biss sehem ta’ 7,9 %, għalkemm b’differenzi kbar bejn l-Istati Membri 57 . Dawn in-numri huma riflessi fl-attitudnijiet fost l-Ewropej: 81 % jemmnu li l-inugwaljanza fl-introjtu hija kbira wisq 58 . Ħafna Ewropej madwar ir-reġjuni u l-bliet li qed jiffaċċjaw staġnar u tnaqqis ekonomiku huma dejjem aktar mhux sodisfatti minħabba d-disparitajiet fl-edukazzjoni jew l-opportunitajiet ta’ impjieg, il-mobbiltà soċjali, l-ugwaljanza, l-istennija tal-għomor, jew il-konnettività. Fl-istess ħin, il-konċentrazzjoni tal-ġid hija ogħla b’mod sinifikanti mill-inugwaljanza fl-introjtu u qed tiżdied gradwalment, filwaqt li xxekkel direttament l-opportunitajiet indaqs u l-mobbiltà soċjali ’l fuq 59 , iżda tikkontribwixxi wkoll għall-polarizzazzjoni politika 60 . L-istatistika turi li t-trasferimenti soċjali jnaqqsu l-inugwaljanza fl-introjtu – fl-2021, il-koeffiċjent Gini għall-introjtu kien ta’ 52,2 % qabel it-trasferimenti soċjali, iżda naqas għal 30,1 % wara li tqiesu 61 . Barra minn hekk, l-effetti tat-tibdil fil-klima jista’ jkollhom ukoll impatt dirett fuq id-dinamika tal-inflazzjoni. Il-pressjonijiet inflazzjonarji li jirriżultaw, eż. fuq il-prezzijiet tal-ikel jew tal-enerġija, flimkien ma’ tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist, jistgħu jintensifikaw ulterjorment l-inugwaljanzi, peress li l-impatti tagħhom ivarjaw b’mod sinifikanti għal unitajiet domestiċi b’introjtu baxx u għoli. Mingħajr miżuri xierqa, dan jista’ jwessa’ l-faqar, inkluż il-faqar enerġetiku, l-esklużjoni soċjali u l-asimmetriji territorjali madwar l-UE 62 .

Il-ġustizzja interġenerazzjonali qed issir ukoll dejjem aktar importanti. Iż-żgħażagħ Ewropej qed jibbenefikaw minn titjib ġenerazzjonali kbir, b’67 % jaqblu li l-UE toffrilhom prospetti aħjar għall-futur 63 . Madankollu, qed jiffaċċjaw ukoll sfidi ġodda. Dawn għandhom edukazzjoni aħjar iżda għandhom inqas introjtu disponibbli mill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ preċedenti, u huma aktar probabbli li jaħdmu f’forom instabbli ta’ impjieg 64 . Konsegwentement, iż-żgħażagħ issostitwew lill-anzjani bħala l-grupp l-aktar f’riskju ta’ faqar 65 . It-tfal imwielda fl-2020 se jesperjenzaw żieda ta’ darbtejn sa seba’ darbiet f’avvenimenti estremi tat-temp u r-riskji għas-saħħa assoċjati, meta mqabbla ma’ persuni li twieldu fl-1960 66 . Barra minn hekk, b’mod speċjali ż-żgħażagħ huma affettwati minn kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, inklużi l-ansjetà ekoloġika jew is-solastalġija 67 . Dan jista’ jiżdied bl-użu ħażin tal-media diġitali 68 u r-riperkussjonijiet tal-pandemija. Aktar minn 45 % taż-żgħażagħ jammettu li qed jesperjenzaw dawn l-ansjetajiet 69 . Din hija wkoll ir-raġuni għaliex jistennew azzjoni aktar deċiżiva: disgħa minn kull għaxar żgħażagħ Ewropej jaqblu li l-indirizzar tat-tibdil fil-klima jtejjeb is-saħħa u l-benesseri tagħhom 70 . It-tħassib tagħhom jestendi wkoll għad-dejn pubbliku, peress li ġenerazzjonijiet iżgħar x’aktarx jikkontribwixxu aktar għall-istat soċjali, filwaqt li jirċievu inqas minn dawk tagħhom. Peress li l-proporzjon relattiv ta’ votanti żgħażagħ qed jonqos, il-kwistjoni tal-ġustizzja interġenerazzjonali kisbet ukoll trazzjoni politika. In-nuqqas ta’ solidarjetà interġenerazzjonali dwar kwistjonijiet klimatiċi, ekonomiċi u tas-soċjetà jista’ jikkontribwixxi għall-aljenazzjoni politika u d-diżillużjoni tagħhom bil-kapaċità tal-klassi u s-sistema politika kurrenti li jindirizzaw l-isfidi ġenerazzjonali.

6. Theddid għad-demokrazija u l-kuntratt soċjali eżistenti

L-inugwaljanzi huma marbuta ħafna ma’ fiduċja aktar baxxa fl-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-UE 71 , kif ukoll fid-demokrazija libera b’mod ġenerali. It-tneħħija tad-dritt tal-vot, l-iskuntentizza dejjem tikber, u n-nuqqas ta’ aġenda pożittiva jingħaqdu f’erożjoni tal-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, polarizzazzjoni, u appell imsaħħaħ ta’ movimenti estremisti, awtokratiċi, jew populisti. Globalment, il-livell ta’ demokrazija li jgawdi minnu ċ-ċittadin medju waqa’ lura għal-livelli rreġistrati l-aħħar fl-1989 72 . Id-demokrazija qed tiġi dejjem aktar sfidata bħala l-mudell ta’ governanza l-aktar adattat biex jittratta kwistjonijiet soċjoekonomiċi li qed jikbru 73 . Fl-UE, xi wħud mir-rekwiżiti ewlenin għal demokrazija li tiffunzjona huma mxekkla. Dan huwa viżibbli permezz ta’ sfidi għall-istat tad-dritt, u ċittadinanza silenzjuża li qed tiżdied, eż. tnaqqis konsistenti tal-parteċipazzjoni elettorali f’ħafna Stati Membri kemm fl-elezzjonijiet nazzjonali kif ukoll f’dawk Ewropej 74 , jew in-nuqqas dejjem jikber ta’ interess fil-ħajja demokratika ġenerali. Pereżempju, 47 % taċ-ċittadini jaqblu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE filwaqt li 49 % jaħsbu li dan ma jgħoddx 75 . Il-personalizzazzjoni tal-politika, bil-mexxejja politiċi meqjusa aktar importanti mill-partiti politiċi, qed tiżdied ukoll. Il-polarizzazzjoni tad-dibattitu politiku u s-sens ta’ iżolament huma amplifikati mill-miżinformazzjoni u mid-diżinformazzjoni, id-dinamika tal-gruppi fil-media soċjali, jew il-preġudizzju algoritmiku 76 . Barra minn hekk, fil-postijiet li jħossu li tħallew jaqgħu lura jinxtred id-diżimpenn u l-iskuntentizza. Jekk in-nases tal-iżvilupp ta’ reġjuni staġnati ma jiġux indirizzati, ikun anqas probabbli li ċ-ċittadini jappoġġjaw l-integrazzjoni u l-valuri Ewropej, f’dik li saret magħruf bħala l-ġeografija tal-iskuntentizza 77 . Mil-lat pożittiv, jidhru wkoll forom ġodda ta’ attivitajiet politiċi u mobilizzazzjoni soċjali. Madankollu, in-nuqqas li tiġi indirizzata s-saħħa tad-demokraziji Ewropej se jkun ta’ sfida kemm għall-introduzzjoni ta’ politiki sostenibbli kif ukoll għat-tranżizzjoni nnifisha.

Il-kuntratt soċjali eżistenti ma huwiex kompletament adattat għar-realtà soċjoekonomika l-ġdida. Il-kuntratt soċjali kurrenti għandu l-oriġini tiegħu f’nofs is-seklu 20, taħt kundizzjonijiet soċjoekonomiċi differenti. Ir-realtajiet tal-Ewropej minn dak iż-żmien evolvew drastikament, b’modi ġodda ta’ tagħlim, xogħol, u għajxien, ankrati fit-tibdil demografiku u l-migrazzjoni. L-implikazzjonijiet ta’ ħajjiet itwal se jkunu profondi għall-individwi, għan-negozji, għall-komunitajiet u għall-gvernijiet. Għalhekk, għad hemm lakuni u jistgħu jinħolqu tensjonijiet ġodda fil-futur. Pereżempju, filwaqt li forom “mhux standard” ta’ xogħol (inkluż l-impjieg indipendenti) bħalissa jammontaw għal 40 % tal-popolazzjoni li taħdem 78 , l-iskemi ta’ protezzjoni soċjali għadhom imfassla l-aktar għal forom tradizzjonali ta’ impjieg (eż. impjegati full-time, permanenti u dipendenti). Huma meħtieġa bidliet sabiex xi partijiet tal-forza tax-xogħol, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, dawk li twieldu barra mill-UE, u n-nisa jkunu koperti biżżejjed mis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali. Inkella, dawn il-lakuni jistgħu jheddu l-benesseri tal-individwi u tal-familji tagħhom, speċjalment tal-unitajiet domestiċi b’introjtu baxx, u jista’ jkollhom impatt detrimentali fuq l-intitolamenti tal-pensjoni u l-benesseri aktar tard fil-ħajja. Dawn jistgħu jimminaw ukoll l-istabbiltà finanzjarja ta’ arranġamenti ta’ assistenza soċjali eżistenti u jistgħu jaffettwaw il-kompetittività ġenerali permezz ta’ swieq tax-xogħol inqas effiċjenti, b’persuni inqas inklinati li jieħdu riskji, jibdlu l-impjiegi, jiċċaqalqu jew jitilqu mix-xogħol, jiftħu jew jagħlqu kumpanija. Fl-aħħar nett, għal ħafna Ewropej, ix-xogħol ukoll ma għadux iħallas biżżejjed. L-aktar indikatur ċar huwa l-affordabbiltà tal-akkomodazzjoni: issa jinsab fl-aktar livell baxx tiegħu kemm għal dawk li qed ifittxu li jixtru dar, kif ukoll għal dawk li jikru 79 .

B’mod parallel, ir-rwol ġeoekonomiku tal-atturi pubbliċi u privati qed jevolvi. Aħna nosservaw konverġenza dejjem akbar tal-oqsma ekonomiċi u tas-sigurtà, peress li l-għażliet ekonomiċi huma dejjem aktar xprunati minn tħassib dwar is-sigurtà. L-aspettattivi lejn l-istat qed jinbidlu u qed isegwu t-tranżizzjonijiet, l-awtonomija strateġika miftuħa, u r-reżiljenza ekonomika, se jirrikjedu għodod u kompetenzi xierqa. Min-naħa l-oħra, it-tixrid kontinwu tal-poter, b’rilevanza globali dejjem akbar ta’ korporazzjonijiet multinazzjonali kbar, jisfida r-rwol eżistenti tal-istat fl-ekonomija, fid-demokrazija, jew fil-ħajja soċjali.

III.Oqsma ewlenin għal azzjoni

Il-kwistjonijiet ippreżentati hawn fuq se jkollhom impatti diretti fuq l-aspetti soċjali u ekonomiċi tas-sostenibbiltà, u se jikkontestaw il-fattibbiltà u l-vijabbiltà tat-tranżizzjonijiet. Huwa għalhekk li l-kisba ta’ Ewropa sostenibbli sal-2050 diġà teħtieġ intervent ikkoordinat fl-oqsma kollha ta’ politika. Filwaqt li jibnu fuq l-eżitu tal-proċess ta’ prospettiva, l-oqsma għal azzjoni deskritti hawn taħt jippreżentaw ideat biex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati fit-taqsimiet preċedenti.

1. L-iżgurar ta’ kuntratt soċjali Ewropew ġdid adattat għal futur sostenibbli. L-UE għandha tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw servizzi soċjali inklużivi u ta’ kwalità għolja li jtejbu l-kapaċità tan-nies li jikkontribwixxu għall-ekonomija u s-soċjetà filwaqt li jilħqu l-potenzjal u l-aspirazzjonijiet tagħhom. Dan jinvolvi wkoll l-aġġornament tal-politiki soċjali li jsegwu approċċ ta’ investiment soċjali tul il-ħajja kollha. Dan jinkludi l-appoġġ għall-parteċipazzjoni u l-inklużività fis-suq tax-xogħol, l-adattament ulterjuri tal-protezzjoni soċjali għal forom mhux standard ta’ impjieg u għal riskji ġodda relatati mal-klima, l-iżgurar ta’ livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali, kif ukoll approċċ ta’ inklużjoni attiva fis-suq tax-xogħol. Għandu jqis ir-realtà demografika l-ġdida, bl-isfidi (it-tixjiħ) u l-opportunitajiet tagħha (il-lonġevità). Dan ifisser ukoll li tiġi żgurata integrazzjoni effettiva tal-migranti u taċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni, li jiġu ġġenerati kisbiet fiskali sinifikanti għall-Istati Membri u li jingħata kontribut importanti biex jiġu ffaċċjati l-isfidi tal-benessri maħluqa mit-tibdil demografiku. Il-monitoraġġ kontinwu tal-indikaturi soċjali, b’mod partikolari għall-aktar unitajiet domestiċi vulnerabbli, se jkun kruċjali għall-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali, u l-inugwaljanzi soċjali u territorjali. Kuntratt soċjali ġdid għandu jinkludi enfasi aktar b’saħħitha fuq tranżizzjoni ġusta u inklużiva, isostni l-koeżjoni reġjonali, u juża l-ġustizzja interġenerazzjonali kif ukoll il-konverġenza soċjali ’l fuq bħala prinċipji gwida. Għandu jiffoka wkoll fuq l-għajxien f’ambjent b’saħħtu bħala ġid pubbliku ewlieni, u fuq l-indirizzar tal-kawżi fundamentali ta’ kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, bħall-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni, u l-impatt tat-tibdil fil-klima.

2. L-ingranaġġ tas-Suq Uniku biex jippromwovi ekonomija reżiljenti b’emissjonijiet żero netti. L-UE għandha tkompli ssaħħaħ il-qafas koordinat tagħha biex tikseb awtonomija strateġika miftuħa, inkluża s-sigurtà ekonomika. B’mod partikolari, filwaqt li jibnu fuq il-mekkaniżmu eżistenti għall-iskrinjar tad-dipendenzi strateġiċi kurrenti, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jiżviluppaw aktar għodod biex jivvalutaw id-dipendenzi futuri fis-setturi strateġiċi kollha (eż. is-saħħa, l-ikel, it-teknoloġiji diġitali, l-enerġija, l-ispazju, l-ilma). L-UE għandha tagħmel ukoll użu aħjar u aktar strateġiku tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ, ir-regolament dwar is-sussidji barranin, u l-istrumenti tal-akkwist. L-espansjoni tas-Suq Uniku se tkun kruċjali biex tiġi ssalvagwardjata l-qawwa ekonomika futura tal-UE. Livelli adegwati ta’ intelligence strateġika u governanza antiċipatorja għandhom jiggwidaw il-validità futura ta’ qafas regolatorju li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari għas-Suq Uniku 80 . Hemm bżonn ta’ enfasi mġedda 81 fuq l-indirizzar tal-ostakli, kif ukoll fuq l-infurzar tar-regoli eżistenti, f’ekosistemi bl-akbar potenzjal għat-tranżizzjoni. Dan jeħtieġ li jitqabbel ma’ regoli tal-kompetizzjoni robusti u adattati għall-iskop tagħhom. L-inċentivar ta’ mudelli ta’ negozju sostenibbli u l-iżgurar ta’ appoġġ suffiċjenti għall-iżvilupp rapidu u l-użu ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet żero netti se jkunu importanti wkoll. L-UE għandha wkoll tkompli tissalvagwardja l-kundizzjonijiet ekwi għall-parteċipanti kollha fis-suq, filwaqt li tiżgura rabtiet b’saħħithom bejn l-aċċess għas-suq u standards għoljin ta’ sostenibbiltà. Fl-aħħar nett, huwa meħtieġ ukoll appoġġ għall-manifattura rapida ta’ komponenti essenzjali għat-tranżizzjoni enerġetika, bħall-materja prima jew tagħmir ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti.

3. It-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet bejn il-politiki interni u esterni tal-UE, anke biex tingħata spinta lill-offerta u n-narrattiva tal-UE fix-xena globali. Il-ġeoekonomija qed titlob dejjem aktar li jiġu kkombinati approċċi aġli u sħubijiet strateġiċi. F’dan il-kuntest, il-Global Gateway għandu jkompli jintuża biex jiġu żviluppati sħubijiet dwar proġetti strateġiċi, pereżempju ma’ pajjiżi li qed jiffaċċjaw sfidi fit-tranżizzjoni tal-enerġija jew is-sigurtà tal-ilma. Tali sħubijiet għandhom jistimulaw ktajjen ta’ valur lokali ġodda biex jattiraw l-investiment u joħolqu impjiegi u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet iżgħar. Abbażi tal-mudell eżistenti tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles, jistgħu jiġu esplorati tipi ġodda, aktar flessibbli u mmirati ta’ ftehimiet ta’ sħubija mal-Viċinat Ewropew, l-Afrika, l-Asja jew l-Amerika Latina. Is-sinerġiji u r-rabtiet bejn dawn il-ftehimiet u l-Global Gateway jeħtieġ li jiżdiedu. Il-ħolqien ta’ suq trans-Atlantiku ekoloġiku li jiffaċilita l-aċċess għal skemi ta’ inċentivi u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni jappoġġa investimenti ekoloġiċi u produzzjoni sostenibbli. Barra minn hekk, permezz tal-approċċ ta’ Tim Ewropa, l-UE għandha ssaħħaħ il-vuċi tagħha f’fora multilaterali li huma kruċjali għall-isforzi ta’ sostenibbiltà globali, inklużi dawk li jsawru l-futur tal-finanzjament sostenibbli (eż. l-Inizjattiva ta’ Bridgetown, ir-riformi tal-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali). Għandha tkompli wkoll bl-isforzi ewlenin biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 82 u tikkontribwixxi għad-diskussjoni dwar il-futur tagħhom lil hinn mill-2030. Barra minn hekk, l-UE għandha tmexxi azzjoni biex tippreserva l-beni komuni globali (il-bijodiversità, il-ħamrija, l-ilma ħelu, l-oċeani, eċċ.), inkluż permezz ta’ finanzjament jew kooperazzjoni fit-teknoloġija u l-innovazzjoni (kemm ta’ teknoloġija għolja kif ukoll ta’ teknoloġija baxxa). Għandhom jiġu esplorati arranġamenti ġodda ta’ finanzjament għall-adattament u r-reżiljenza, iffukati fuq l-aktar pajjiżi vulnerabbli. L-UE jeħtieġ ukoll li tiżgura li l-politiki tagħha dwar il-klima, l-ambjent u l-enerġija jitfasslu u jiġu implimentati b’mod konsistenti mal-ambizzjonijiet u l-impenji internazzjonali tal-UE. Dan jinvolvi li jitqiesu l-perspettivi tas-sħab kummerċjali tagħha, kif ukoll l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuqhom. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ aktar djalogu, komunikazzjoni, diplomazija (ekoloġika, diġitali jew kulturali), u l-kooperazzjoni fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tagħhom 83 . Għandha tkompli wkoll tinvolvi ruħha b’mod proattiv fil-politiki tagħha tal-Patt Ekoloġiku Ewropew fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Minbarra li tiżviluppa l-qafas leġiżlattiv tagħha stess, l-UE jeħtieġ li ssawwar alleanzi u ftehimiet internazzjonali wesgħin dwar teknoloġiji emerġenti b’impatt għoli u li jippermettu s-sostenibbiltà, bħall-intelliġenza artifiċjali, b’modi li jirriflettu l-valuri u l-objettivi strateġiċi tagħha u li jimmaniġġjaw ir-riskji. Għandha wkoll tingħaqad ma’ sħab tal-istess fehma biex tiġġieled it-theddid u l-attakki, bħad-diżinformazzjoni. Fl-aħħar nett, it-tisħiħ tal-Pjan ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ fl-azzjoni esterna tal-UE jista’ jgħin fil-bini ta’ appoġġ minn ġenerazzjonijiet żgħażagħ barra mill-UE.

4. L-appoġġ għal ċaqliq fil-produzzjoni u l-konsum lejn is-sostenibbiltà. Min-naħa tal-produzzjoni , dan jinvolvi riformi u investimenti madwar l-Istati Membri għad-dekarbonizzazzjoni u d-dekontaminazzjoni tal-ekonomija, speċjalment il-proċessi industrijali u s-setturi intensivi fl-enerġija, it-tnaqqis tal-impatti fuq il-bijodiversità, u l-minimizzazzjoni tal-impronta ekoloġika tal-konsum.. It-tnaqqis tal-burokrazija, it-tħaffif tal-proċeduri amministrattivi u tal-permessi, jew iż-żieda fl-aċċessibbiltà u l-kwalità tal-appoġġ lokali huma kruċjali wkoll. Hija meħtieġa azzjoni fuq skala kbira biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tal-ilma tal-UE, billi jiġu indirizzati t-tniġġis u d-domandi dejjem akbar mill-agrikoltura, il-produzzjoni tal-enerġija, l-industrija, jew l-unitajiet domestiċi. Miżuri għat-titjib tal-governanza tal-ilma (inklużi mekkaniżmi xierqa ta’ pprezzar u allokazzjoni), l-użu effiċjenti tiegħu, l-iżvilupp ta’ sorsi alternattivi sostenibbli, l-eliminazzjoni tat-tniġġis tal-ilma, u l-iżgurar ta’ aċċess ugwali huma kruċjali. Biex tinkiseb is-sostenibbiltà se jkun hemm bżonn ukoll ta’ bidliet fl-imġiba tan-nies, b’mod partikolari dawk bl-ogħla impronti tal-karbonju, sabiex tiġi minimizzata l-impronta ekoloġika tal-konsum. Se jkun kruċjali wkoll li jiġu żgurati s-sinjali tal-prezzijiet it-tajbin (eż., permezz tal-ipprezzar tal-karbonju, it-taxxi ekoloġiċi, l-eliminazzjoni jew ir-riforma ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, it-tisħiħ tal-inċentivi pożittivi għall-ambjent) flimkien mas-salvagwardja tal-affordabbiltà u d-disponibbiltà ta’ prodotti u servizzi sostenibbli. Biex tbiddel l-istrateġiji u l-mudelli tan-negozju tal-kumpaniji, l-UE għandha tkompli tfassal politiki u regolamenti biex tkompli tindirizza l-obsolexxenza ppjanata, u biex tippromwovi t-tiswija fil-kuntest ta’ wara l-bejgħ, u d-disinn għaċ-ċirkolarità. Abbażi ta’ analiżijiet xierqa, il-miżuri jistgħu jinkludu wkoll il-projbizzjoni tar-reklamar tal-aktar prattiki jew servizzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Flimkien, dawn l-elementi jistgħu jikkostitwixxu elementi għal qafas legali futur usa’, b’kont meħud tal-kompetittività globali fit-tul tal-ekonomija tal-UE. Aktar analiżi tal-impatti distributtivi u territorjali fit-tfassil tal-politika u l-komunikazzjoni aktar ċara tar-riżultati jistgħu jgħinu biex jitfasslu miżuri ġodda b’mod li jiġu mminimizzati l-impatti negattivi possibbli fuq il-faqar u l-inugwaljanza, u jiġu previsti miżuri ta’ politika ta’ akkumpanjament li jtaffu tali impatti negattivi. Fl-aħħar nett, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar għażliet u stili ta’ ħajja sostenibbli u tajbin għas-saħħa għandhom jissaħħu fil-gruppi ta’ età kollha.

5. Il-mixja lejn “Ewropa tal-investimenti” billi jiżdiedu l-flussi finanzjarji privati b’appoġġ għall-investimenti strateġiċi għat-tranżizzjonijiet. Huwa essenzjali li jsir progress deċiżiv fl-Unjoni Bankarja u fl-Unjoni tas-Swieq Kapitali biex jiġi sfruttat il-finanzjament privat meħtieġ għat-tranżizzjonijiet doppji. Għodod ta’ finanzjament sostenibbli bħall-bonds ekoloġiċi Ewropej se jiffinanzjaw investimenti strateġiċi sostenibbli tal-UE. L-istabbiliment ta’ qafas aġli, rapidu u reattiv biex tingħata spinta lill-investimenti privati, kif ukoll l-iżgurar ta’ ambjent tan-negozju pożittiv, se jkun kruċjali biex jiġi żgurat li l-UE tibqa’ post attraenti għall-investiment fl-ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero netti. F’dan ir-rigward, il-finanzjament pubbliku għandu jintuża aħjar bħala katalista għall-investimenti privati, b’mod partikolari għal proġetti ta’ sostenibbiltà aktar riskjużi u rivoluzzjonarji, inkluż l-espansjoni tagħhom, u l-kapaċitajiet ta’ manifattura relatati fl-UE. B’mod partikolari, il-Bank Ewropew tal-Investiment, l-akbar bank pubbliku fid-dinja, għandu jipprovdi appoġġ aktar b’saħħtu għall-investimenti strateġiċi rilevanti għat-tranżizzjonijiet doppji, bħall-materja prima, it-teknoloġija ekoloġika, jew il-bijoteknoloġija, speċjalment għal proġetti avvanzati. Huwa importanti wkoll li jitkomplew l-isforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal sorsi rilevanti ta’ finanzjament tal-UE għal negozji ġodda u kumpaniji żgħar u medji Ewropej. Għodod oħra jistgħu jgħinu wkoll biex jiżdiedu l-flussi finanzjarji privati: inċentivi tat-taxxa, akkwist pubbliku ekoloġiku u sostenibbli, u sħubijiet pubbliċi-privati, li jinċentivaw lill-fornituri biex jadottaw soluzzjonijiet sostenibbli, akkwist prekummerċjali, kollaborazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-għoti ta’ servizzi pubbliċi, jew maċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati għall-ibbaġitjar parteċipattiv. Kollaborazzjoni aktar stretta bejn is-settur privat u dak pubbliku tista’ tinkiseb ukoll billi jiżdiedu l-istrateġiji ta’ finanzjament imħallat, eż. permezz ta’ intermedjazzjoni aħjar minn fornituri ta’ finanzjament konċessjonarji u billi jiżdied ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri. Fl-aħħar nett, sforzi ulterjuri biex jiġu inkorporati r-riskji relatati mal-klima fil-valutazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja se jkunu importanti.

6. Il-baġits pubbliċi jiġu magħmulin adattati għas-sostenibbiltà. Jeħtieġ li l-politiki fiskali u t-tassazzjoni jiġu adattati għat-tranżizzjonijiet doppji, iwarrbu investiment addizzjonali lejn proġetti li jippromwovuhom, u jipprovdu s-sinjali u l-inċentivi xierqa tal-prezzijiet lill-produtturi, lill-utenti u lill-konsumaturi, filwaqt li jtejbu s-sostenibbiltà fiskali. L-implimentazzjoni tar-riforma tal-OECD tat-tassazzjoni internazzjonali hija l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, li tillimita l-ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rati tat-taxxa korporattiva u tiżgura li l-intrapriżi multinazzjonali jħallsu sehem ġust tat-taxxa kull fejn joperaw. L-UE għandha tkompli ssegwi strateġiji globali kontra l-evitar tat-taxxa li jkomplu jappoġġaw il-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa. Għandha tikkunsidra wkoll kif tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol u li din tinbidel għal bażijiet tat-taxxa oħra li huma anqas ta’ ħsara għat-tkabbir, ukoll biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza f’kuntest ta’ tixjiħ tal-popolazzjoni u forom ġodda ta’ xogħol. Sforzi msaħħa biex jiġi ottimizzat l-infiq pubbliku billi jittejbu l-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi u jittejbu l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa pubblika se jkunu kruċjali biex isir l-aħjar użu mill-fondi pubbliċi. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-kapaċitajiet pubbliċi fil-ġbir u l-analiżi tad-data, sabiex jitfasslu aħjar il-miżuri fiskali. Il-politika fiskali għandha tkompli tkun iffokata fuq il-protezzjoni ta’ unitajiet domestiċi u ditti vulnerabbli, filwaqt li tkun affordabbli u tippreserva l-inċentivi għal imġiba sostenibbli. Fl-aħħar nett, minħabba l-impatt mhux uniformi tal-isfidi fiskali u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-investiment strateġiku u jiġi żgurat finanzjament xieraq għall-beni komuni tal-UE, għandhom jiġu esplorati aktar toroq għal azzjoni komuni.

7. Aktar ċaqliq tal-indikaturi politiċi u ekonomiċi lejn benesseri sostenibbli u inklużiv. L-aspetti ambjentali u soċjali diġà jitqiesu fid-deċiżjonijiet kemm tal-atturi pubbliċi kif ukoll ta’ dawk privati, iżda jeħtieġ li jiġu integrati ulterjorment. F’dan il-kuntest, il-metriċi lil hinn mill-PDG għandhom jiġu żviluppati ulterjorment u progressivament għandhom jiġu inkorporati fit-tfassil tal-politika tal-UE. Dan se jgħin fil-monitoraġġ tal-progress lejn il-benessri, jiffaċilita l-komunikazzjoni tal-isfidi politiċi, u jfassal l-istrateġiji biex jindirizzahom b’mod iċċentrat fuq in-nies u l-pjaneta, filwaqt li jiżgura li t-tkabbir ekonomiku ma jeqridx il-pedamenti tiegħu stess. Għandha tiġi segwita wkoll ħidma addizzjonali biex jittejbu l-għodod ta’ monitoraġġ billi jiġu żviluppati indikaturi robusti bbażati fuq mudelli (pereżempju dwar il-limiti planetarji jew ir-rabta soċjo-ambjentali mal-ekonomija), u mudelli ta’ valutazzjoni integrati aħjar għall-projezzjonijiet u l-analiżi tax-xenarji. Sabiex il-politiki jiġu infurmati ulterjorment, l-istandards statistiċi għall-kontijiet nazzjonali jeħtieġ li jiġu kkumplimentati b’indikaturi addizzjonali biex jirriflettu aħjar l-interdipendenza bejn l-attività ekonomika, il-benesseri tan-nies, u l-ambjent. Dan jindirizza, pereżempju, id-diversi modi li bihom it-tnaqqis tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali jimminaw il-benesseri tan-nies u s-sigurtà ekonomika u, għall-kuntrarju, id-diversi impatti tal-attività ekonomika fuq l-ambjent. L-UE se tkompli tikkontribwixxi għad-diskussjonijiet fi ħdan il-komunità internazzjonali dwar kif l-interkonnessjonijiet bejn l-ekonomija u l-ambjent jistgħu jitqiesu fil-kontijiet nazzjonali u fl-istatistika ambjentali-ekonomika b’mod metodoloġikament sod. Barra minn hekk, se tkompli tippromwovi l-użu tal-kontabbiltà ambjentali u ekonomika eżistenti biex tinforma t-tfassil tal-politika f’diversi oqsma, b’mod partikolari billi tagħti spinta lill-integrazzjoni tal-istatistika ekonomika u ambjentali eżistenti, u l-kontabbiltà soċjali biex tindirizza aħjar l-inugwaljanzi soċjali fid-distribuzzjoni tad-dħul.

8. L-iżgurar li kulħadd ikun jista’ jikkontribwixxi b’suċċess għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà. Huma meħtieġa sforzi sostnuti biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol fost is-sezzjonijiet kollha tal-popolazzjoni, b’mod partikolari n-nisa, il-persuni b’diżabilità, l-anzjani, iż-żgħażagħ, u gruppi oħra sottorappreżentati li la huma f’impjieg u lanqas fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ. L-investiment f’edukazzjoni bikrija ta’ kwalità għolja għandu jitħeġġeġ biex jitnaqqsu d-distakki fl-inugwaljanza. Minbarra l-ħiliet tekniċi, is-sostenibbiltà, il-ħiliet diġitali, ċiviċi, ta’ reżiljenza, jew intraprenditorjali għandhom jingħataw aktar attenzjoni. L-inkoraġġiment tat-tagħlim tul il-ħajja, eż. permezz ta’ aktar taħriġ fuq il-post tax-xogħol u taħriġ vokazzjonali, jew modi innovattivi ta’ tagħlim iżidu l-flessibbiltà tal-apprendiment. Dan jeħtieġ li jitqabbel mal-adattament tal-postijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal tipi ġodda ta’ impjiegi, aspettattivi ġenerazzjonali, u l-ħtiġijiet tal-ħaddiema. Il-kooperazzjoni bejn l-atturi pubbliċi, privati u tas-soċjetà ċivili, permezz ta’ mekkaniżmi stabbiliti (eż. Patti għall-Ħiliet jew l-Akkademji għall-Ħiliet) għandha tissaħħaħ. It-teknoloġiji diġitali għandhom jintużaw biex jarrikkixxu u jadattaw l-edukazzjoni u t-taħriġ, u jagħtu spinta lill-possibbiltajiet ta’ tagħlim għal kulħadd. Biex timmaniġġa t-tibdil demografiku, l-UE teħtieġ għodod robusti għat-tbassir granulari tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol f’setturi ewlenin. In-nases għall-iżvilupp tat-talenti jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-livell reġjonali billi jiġu stimulati l-provvista u d-domanda għat-talent b’miżuri mmirati u f’kooperazzjoni ma’ min iħaddem u mal-istituzzjonijiet edukattivi. Fl-aħħar nett, biex jiġu indirizzati d-distakki speċifiċi fis-suq tax-xogħol u l-isfidi demografiċi, jeħtieġ li l-UE tattira aktar talent globali u tappoġġa l-ħolqien ta’ ġabriet ta’ talent u sħubijiet ma’ pajjiżi terzi. Dan jeħtieġ li jsir flimkien mal-appoġġ għall-komunitajiet ta’ oriġini u l-adattament tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex tissaħħaħ l-integrazzjoni.  

9. It-tisħiħ tad-demokrazija, inkluż billi tiżdied l-aġenzija taċ-ċittadini. Il-bini ta’ appoġġ pubbliku wiesa’ għas-sostenibbiltà jeħtieġ li tiżdied il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini Ewropej fid-deliberazzjonijiet demokratiċi u fil-proċessi tat-tfassil tal-politika, li jikkomplementaw id-demokrazija rappreżentattiva 84 . Il-ġustizzja interġenerazzjonali u intragenerazzjonali, il-parteċipazzjoni inklużiva, u l-aġenzija taċ-ċittadini kollha għandhom ikunu fil-qalba tat-tfassil tal-politika. Pereżempju, l-inkorporazzjoni tal-prospettiva strateġika fit-tfassil tal-politika tista’ tgħin lill-gvernijiet jadottaw politiki pubbliċi bbażati fuq impatti distributtivi futuri (inkluż interġenerazzjonali), filwaqt li jistabbilixxu strateġiji biex jimminimizzaw il-probabbiltà li jimmaterjalizzaw eżiti soċjali negattivi ħafna. Għalhekk, aktar trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-kapaċità li jkun hemm involviment u komunikazzjoni aħjar maċ-ċittadini se jkunu kruċjali. L-UE għandha kontinwament issaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiddefendi d-demokrazija u l-istat tad-dritt 85 . Sabiex jiġu miġġielda l-miżinformazzjoni u d-diżinformazzjoni, u l-indħil barrani, huma importanti strumenti aktar effettivi u l-infurzar xieraq tagħhom. Huwa kruċjali li l-pjattaformi tal-media soċjali jsiru aktar responsabbli u li tiġi appoġġata l-media indipendenti. L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq id-demokrazija jrid jiġi ottimizzat ukoll, filwaqt li jiġu indirizzati aspetti negattivi possibbli (iċ-ċibersigurtà tal-elezzjonijiet, il-proliferazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda, u r-radikalizzazzjoni). Fl-aħħar nett, servizzi pubbliċi miftuħa, effiċjenti, interoperabbli u responsabbli se jkunu essenzjali. Għalhekk, jeħtieġ li tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet lokali u ta’ atturi oħra, bħas-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Dan jeħtieġ azzjoni vasta biex jiġi żgurat li tali istituzzjonijiet ikollhom il-ħiliet meħtieġa, kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji u teknoloġiċi biex jikkontribwixxu għall-opportunitajiet tat-tranżizzjonijiet doppji u jaħsdu l-opportunitajiet tagħhom 86 .

10. It-tisħiħ tas-sett ta’ għodod tal-UE dwar it-tħejjija u r-rispons biex il-protezzjoni ċivili tiġi kkomplementata bil-“prevenzjoni ċivili”. Jeħtieġ li l-UE tantiċipa b’mod strateġiku avvenimenti diżastrużi potenzjali u tħejji għall-impatti tagħhom, kif muri reċentement mill-pandemija u mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. L-iżvilupp kontinwu ta’ kapaċitajiet ta’ prospettiva strateġika u ta’ monitoraġġ, inklużi Sistemi ta’ Twissija Bikrija, se jiffaċilita t-traduzzjoni ta’ informazzjoni bikrija f’azzjoni bikrija, u għandu jipprovdi boxxla biex jiggwida l-investimenti u l-finanzjament futuri tal-Istati Membri għal tħejjija u prevenzjoni aħjar. L-ispazji Ewropej tad-data, it-tewmin diġitali, u modi ġodda ta’ interazzjoni se jkunu kruċjali biex jinftiehmu aħjar u biex jintużaw ammonti kbar ta’ informazzjoni kumplessa. Il-kapaċità tal-UE li tirreaġixxi malajr u b’mod effiċjenti għall-kriżijiet għandha tissaħħaħ ukoll b’mod kostanti. Pereżempju, l-Istrument għas-Suq Uniku f’Emerġenza se jiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, b’aktar trasparenza u koordinazzjoni fi żminijiet ta’ kriżi. Biex tiġi indirizzata r-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi, l-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE relatati mar-reżiljenza u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill se tkun kruċjali 87 . Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza għandu jiġi żviluppat ulterjorment biex isir nodu ewlieni li jgħaqqad l-atturi rilevanti kollha tal-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet (eż. l-HERA) u jsaħħaħ it-tħejjija operazzjonali għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza futuri 88 . Diversi għodod u strumenti eżistenti li huma kruċjali għar-reżiljenza f’oqsma bħall-protezzjoni ċivili, il-migrazzjoni, is-saħħa, l-ikel, jew l-ilma għandhom jissaħħu u s-sinerġiji u l-kooperazzjoni bejniethom għandhom jissaħħu. L-UE għandha tkun ippreparata aħjar ukoll biex tindirizza d-diżastri u l-ispostamenti relatati mal-klima. Minbarra l-azzjonijiet ta’ reżiljenza, l-UE se jkollha bżonn tivvaluta, tipprevjeni, tħejji għal, u timmaniġġa r-riskji f’approċċ sistemiku, approċċ “pjaneta waħda” u approċċ “saħħa waħda”. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta’ proċeduri komuni għandu jiġi appoġġat permezz tat-tisħiħ jew l-istabbiliment ta’ rabtiet transsettorjali ġodda mal-awtoritajiet rilevanti fil-livelli kollha, kif ukoll mas-settur privat, inklużi l-maniġers tar-riskju u l-assiguraturi. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu esplorati modi biex tiżdied ulterjorment id-disponibbiltà tal-finanzjament tar-riskju ta’ diżastri.

IV.It-twettiq tal-wegħda tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà

It-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà hija mibnija fuq wegħda tripla: pjaneta b’saħħitha u ambjent b’saħħtu; it-tkabbir ekonomiku li huwa diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi u mid-degradazzjoni ambjentali; u assigurazzjoni li l-ebda persuna jew post ma huwa se jitħalla jibqa’ lura. Hekk kif l-UE tipproċedi b’din it-trasformazzjoni storika, il-bini ta’ viżjoni pożittiva u l-preservazzjoni tas-sens ta’ opportunità u ottimiżmu se jkunu vitali għall-bini ta’ appoġġ demokratiku wiesa’ għall-bidliet u l-kompromessi meħtieġa, f’ċirkostanzi diffiċli. Dan ir-rapport jiddeskrivi l-oqsma ewlenin li fihom hija meħtieġa ħafna azzjoni, jekk irridu niksbu t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà u nsaħħu r-rabtiet bejn l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi tagħha.

It-tqegħid tas-sostenibbiltà fil-qalba tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE huwa kruċjali biex l-Ewropa tkun tista’ twettaq dawn il-wegħdiet. Għall-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri ta’ Ewropej, dan se jfisser għajxien aktar b’saħħtu u ħajja itwal, is-sejbien ta’ sodisfazzjon privat u professjonali, u li jkollhom vuċi akbar fil-futur li jridu. Għan-negozju tal-UE, bl-użu tal-vantaġġ tal-ewwel attur ta’ ekonomija b’emissjonijiet netti żero, bi prodotti u servizzi sostenibbli ewlenin globalment. U għar-reġjuni l-oħrajn tad-dinja, li jibbenefikaw mill-kooperazzjoni u mill-iżvilupp sostenibbli.

(1)

     Din il-Komunikazzjoni tibni fuq ir-Rapport taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar ix-Xjenza għall-Politika Towards a fair and sustainable Europe 2050: social and economic choices in sustainability transitions, ibbażati fuq proċess ta’ prospettiva komprensiv. Dan beda bil-ħolqien ta’ xenarji ta’ prospettiva li jiddeskrivu verżjonijiet alternattivi tal-futur sostenibbli tal-UE sal-2050. Għal kull xenarju, il-perkorsi ta’ tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà ġew derivati bl-użu ta’ teknika ta’ backcasting kokreattiva. Dan ippermetta l-identifikazzjoni ta’ prattiki u strutturi alternattivi ġodda kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali ta’ prattiki u strutturi mhux sostenibbli eżistenti sal-2050, inkluża l-analiżi ta’ kompromessi, konġestjonijiet, u sinerġiji tul il-perkorsi ta’ tranżizzjoni. Analiżi trażversali tax-xejriet differenti tal-bidla identifikat oqsma kritiċi li jippermettu l-bidliet trasformattivi lejn is-sostenibbiltà. Il-proċess ta’ prospettiva inkluda wkoll konsultazzjonijiet mal-esperti u mal-partijiet ikkonċernati, diskussjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni, l-aġenziji u l-impriżi konġunti, il-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal evidenza, diskussjonijiet mas-sħab istituzzjonali (Sistema Ewropea ta’ Analiżi tal-Istrateġiji u l-Politiki) u mal-Istati Membri.

(2)

     Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika tal-2022 iffoka fuq l-interazzjoni bejn it-tranżizzjonijiet doppji tal-Ewropa f’kuntest ġeopolitiku ġdid. L-edizzjoni tal-2021 evolviet madwar xejriet importanti li jaffettwaw l-awtonomija strateġika miftuħa u l-libertà tal-UE li taġixxi fid-deċennji li ġejjin. Ir-rapport tal-2020 analizza r-reżiljenza tal-UE f’erba’ dimensjonijiet: soċjali u ekonomika, ġeopolitika, ekoloġika, u diġitali.

(3)

     Rimarki mill-Konsulent tas-Sigurtà Nazzjonali tal-Istati Uniti Jake Sullivan dwar it-Tiġdid tat-Tmexxija Ekonomika Amerikana fl-Istituzzjoni ta’ Brookings fis-27 ta’ April 2023.

(4)

     36 % tal-popolazzjoni dinjija tgħix f’pajjiżi li b’mod attiv ikkundannaw u imponew sanzjonijiet fuq ir-Russja. Kważi terz f’pajjiż li baqa’ newtrali. Fl-aħħar nett, 32 % oħra tal-popolazzjoni tinsab fi stati fejn il-gvern appoġġa l-azzjonijiet jew in-narrattiva tar-Russja. Howey, W. (2022), Russia can count on support from many developing countries, https://www.eiu.com/n/russia-can-count-on-support-from-many-developing-countries/

(5)

      EDGAR - Il-Bażi tad- Data tal-Emissjonijiet għar-Riċerka Atmosferika Globali, il-Kummissjoni Ewropea.

(6)

     Is-Sħubija tal-G7 għall-infrastruttura u l-Investiment Globali, li l-Global Gateway tal-UE huwa parti minnha, għandha l-għan li twieġeb għad-domanda għal finanzjament tal-infrastruttura ta’ kwalità għolja f’pajjiżi bi dħul baxx u medju.

(7)

   University of Cambridge Institute for Sustainability Leadership (CISL), (2022) https://www.cisl.cam.ac.uk/competitive-sustainability-index  

(8)

     Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti, COM(2023) 161 final.

(9)

     L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża, JOIN(2023) 20 final.

(10)

     Investment needs assessment and funding availabilities to strengthen EU's Net-Zero technology manufacturing capacity, SWD(2023) 68 final.

(11)

     Spanja, flimkien ma’ Stati Membri oħra, żviluppat taħt il-qafas tan-Network ta’ Prospettiva madwar l-UE kollha, perkors iddedikat biex jiġu analizzati d-dipendenzi kurrenti u futuri f’erba’ setturi kritiċi (l-enerġija, it-teknoloġija diġitali, is-saħħa, u l-ikel), abbażi wkoll tal-metodoloġija proposta mill-Kummissjoni (ara SWD (2021) 352 final, SWD(2022) 41 final, WP2023/14). Din il-ħidma tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE, inkluż is-sigurtà ekonomika tagħha, u t-tmexxija globali sal-2030.

(12)

     Elderson, F., (2023), https://www.ecb.europa.eu/press/blog/date/2023/html/ecb.blog230608~5cffb7c349.en.‌html  

(13)

     Id-dettalji tal-metodoloġija applikata, is-sorsi tad-data, ir-riżultati addizzjonali u analiżi tas-sensittività huma ppreżentati f’ Health-adjusted income: complementing GDP to reflect the valuation of life expectancy , JRC Technical Report, JRC134152, https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC134152

(14)

     L-impronta domestika tikkwantifika l-impatti ambjentali kkawżati mill-produzzjoni u l-konsum domestiċi permezz ta’ sett ta’ indikaturi bbażati fuq iċ-ċiklu tal-ħajja.

(15)

   Consumption footprint and domestic footprint, Il-Kummissjoni Ewropea, (2023), https://doi.org/10.2760/218540  

(16)

     Zero pollution – Outlook 2022, il-Kummissjoni Ewropea, (2022), https://doi.org/10.2760/39491

(17)

     United Nation’s World Food Programme, https://www.wfpusa.org/drivers-of-hunger/food-waste/ , verżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2023.

(18)

     Ara pereżempju: Versailles Statement: The crucial decade for energy efficiency, (8 ta’ Ġunju 2023), https://iea.blob.core.windows.net/assets/2de1ef68-c97a-4fdb-b8be-fb12b693893e/IEA8thGlobalConferenceonEnergyEfficiency_JointStatement.pdf  

(19)

     Intergovernmental Panel on Climate Change, (2023), https://www.ipcc.ch/report/ar6/syr/  

(20)

     Binder, M., and Blankenberg, A. K., (2017), https://doi.org/10.1016/j.jebo.2017.03.009  

(21)

     France Jagers, S. C., Martinsson, J., & Matti, S., (2019), https://www.tandfonline.com/doi/full/10.1080/14693062.2018.1470963

(22)

     SWD (2023) 68 final u COM/2022/438 final. Barra minn hekk, l-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti jirrikjedi total ta’ EUR 92 biljun matul il-perjodu 2023-2030.

(23)

     Ċifri kkombinati għall-UE u għar-Renju Unit; Naumann, G., et al., (2021), https://doi.org/10.1038/s41558-021-01044-3  

(24)

     Ċifri kkombinati għall-UE u għar-Renju Unit; Dottori, F., et al., (2023), https://doi.org/10.1038/s41558-022-01540-0  

(25)

     Bħalissa huwa biss madwar kwart tat-telf ikkaġunat minn katastrofi relatati mal-klima li huwa assigurat fl-UE. Ara l-Bank Ċentrali Ewropew, EIOPA, (2022), https://www.ecb.europa.eu/pub/pdf/other/ecb.policyoptions_EIOPA~‌c0adae58b7.en.pdf  

(26)

     Bank Dinji, (2021), http://hdl.handle.net/10986/35686  

(27)

     Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss, COM(2020) 456 final.

(28)

     L-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, (2022), https://doi.org/10.2836/97270  

(29)

     Abbażi ta’ valutazzjoni konġunta mill-Gvern tal-Ukrajna, il-Grupp tal-Bank Dinji, il-Kummissjoni Ewropea, u n-Nazzjonijiet Uniti. Sors: World Bank, Ukraine - Rapid Damage and Needs Assessment: February 2022 - February 2023.

(30)

     The 2021 ageing report, iIl-Kummissjoni Ewropea, (2021),  https://doi.org/10.2765/84455  

(31)

     It-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-Seklu 21, COM(2021) 251 final.

(32)

     Bank Ewropew tal-Investiment, (2023), https://doi.org/10.2867/307689  

(33)

   Sors: Eurostat, bilanċ tal-pagamenti (BPM6), kont kurrenti flimkien mal-kapital. Perjodu ta’ referenza: 2013-2022. Data estratta fit-28 ta’ Ġunju 2023.

(34)

     Bank for International Settlements, Credit to the non-financial sector (bis.org) , aġġornat fis-27 ta’ Frar 2023

(35)

     Ara l-kost kompost tal-BĊE għall-indikatur tas-self, li żdied b’1,83 punti perċentwali sena wara sena f’April 2023.

(36)

     Schnabel, I., (2023), https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2023/html/ecb.sp230110~21c89bef1b.en.html  

(37)

     Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, (2017), https://doi.org/10.2839/538402  

(38)

     Bank Ewropew tal-Investiment, (2023), https://doi.org/10.2867/307689  

(39)

     The strategic energy technology plan, Il-Kummissjoni Ewropea, (2018), https://doi.org/10.2777/04888  

(40)

     Il-punteġġi insuffiċjenti tal-PISA fil-qari (22,5 %), fil-matematika (22,9 %) u fix-xjenza (22,3 %) għadhom ferm ogħla mill-mira tal-UE għall-2030 ta’ inqas minn 15 % u żdiedu meta mqabbla mar-rawnd tal-2015. Ara: Il-Kummissjoni Ewropea (2022), https://www.doi.org/10.2766/117416  

(41)

     Covid-19 learning deficits in Europe, il-Kummissjoni Ewropea (2023), https://doi.org/10.2766/881143  

(42)

   L-isfruttar tat-talent fir-reġjuni tal-Ewropa, COM(2023) 32 final.

(43)

     Eurostat, (2022),  https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/-/ddn-20220330-1  

(44)

     Il-kompetenzi tas-sostenibbiltà jirreferu għas-sett interkonness ta’ għarfien, ħiliet, attitudnijiet u valuri li jippermettu azzjoni effettiva u inkorporata fid-dinja fir-rigward tal-problemi, l-isfidi u l-opportunitajiet ta’ sostenibbiltà, skont il-kuntest. Ara: Il-Kummissjoni Ewropea (2022), https://doi.org/10.2760/13286  

(45)

     Bank Ewropew tal-Investiment, (2023), https://doi.org/10.2867/307689

(46)

     Education and training monitor 2022 , Il-Kummissjoni Ewropea, (2022),  https://www.doi.org/10.2766/117416  

(47)

     Eurostat, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/HLTH_SILC_17__custom_6521084/default/table?‌lang=en, data minn Ġunju 2023.

(48)

     World Happiness Report, Helliwell, J. F. et al. (Eds.), (2023), ISBN 978-1-7348080-5-6.

(49)

     The future of food and agriculture, FAO, (2022), https://doi.org/10.4060/cc0959en  

(50)

     Fl-2021, ir-rata tal-enerġija, imkejla min-nuqqas ta’ kapaċità li akkomodazzjoni tinżamm sħuna b’mod adegwat, affettwat lil 6,9 % tal-popolazzjoni totali tal-UE u x’aktarx li tiżdied. Ara l-Eurostat , https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/bookmark/‌8f6604d8-6581-4f7b-adde-7a9e39a28caf?lang=en , data valida minn Ġunju 2023.

(51)

     Eurostat , https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Quality_of_life_indicators_-_‌Natural_ u‌_Living_environment , data minn Settembru 2022.

(52)

ESPON (2022), CLIMATE, Updating and integrating climate data sets and maps.

(53)

     Il-Kummissjoni Ewropea , Iċ-Ċentru ta’ Għarfien għall-Bijodiversità, (2023), https://knowledge4policy.ec.europa.eu/foresight/who-can-afford-digital-green-transition_en  

(54)

     France Stratégie, Pisani-Ferry, J. and Mahfouz, S., (2023), https://www.strategie.gouv.fr/publications/‌incidences-economiques-de-laction-climat  

(55)

     Il-koeżjoni fl-Ewropa lejn l-2050, SWD(2022) 24 final.

(56)

     Fairness, inequality, and intergenerational mobility, Il-Kummissjoni Ewropea, (2023), 2652 / SP529.

(57)

     Eurostat, (2022) , https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Living_conditions_in_‌Europe_-_Income_Distribution_u_Income_inequality , data minn Novembru 2022.

(58)

     Fairness, inequality, and intergenerational mobility, Il-Kummissjoni Ewropea, (2023), 2652 / SP529.

(59)

     Eurofound, Darvas, Z. and Midões , C., (2021), https://doi.org/10.2806/129514

(60)

     Lipps, J. and Schraff, D., (2021), https://doi.org/10.1111/1475-6765.12430

(61)

     Eurostat, (2022) , https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Living_conditions_in_‌Europe_-_Income_Distribution_and_Income_inequality and olhond=528159 , data minn Novembru 2022.

(62)

France Stratégie, Pisani-Ferry, J. and Mahfouz, S., (2023), https://www.strategie.gouv.fr/publications/‌incidences-economiques-de-laction-climat

(63)

     Il-Futur tal-Ewropa, Il-Kummissjoni Ewropea, (2022), 2554 / SP517

(64)

     OECD, (2020), https://doi.org/10.1787/c3e5cb8a-en  

(65)

     OECD, (2015). https://doi.org/10.1787/9789264235120-en  

(66)

     Thiery, W. et al., (2021), https://doi.org/10.1126/science.abi7339

(67)

     Diffikultjiet li jinħassu minn persuni li l-ambjent dirett tagħhom huwa affettwat b’mod negattiv mit-tibdil ambjentali.

(68)

     Marciano, L. et al., (2022), https://doi.org/10.3389/fpubh.2021.793868  

(69)

     Hickman, C. et. al., (2021), https://doi.org/10.1016/S2542-5196(21)00278-3  

(70)

     Il-Futur tal-Ewropa, Il-Kummissjoni Ewropea, (2022), 2554 / SP517.

(71)

     Ara, fost l-oħrajn , Lipps, J. u Schraff, D., “Regional inequality and institutional trust in Europe”, European Journal of Political Research, Vol. 60, Nru 4, (2021). 

(72)

     V-Dem Institute (University of Gothenburg), (2023), https://www.v-dem.net/documents/29/V-dem_‌democracyreport2023_lowres.pdf  

(73)

     Sitra, Dufva, M., u Rekola, S., (2023), ISBN 978-952-347-302-7.

(74)

     RECONNECT EUROPE, Briatte, F. et. al., (2020), https://reconnect-europe.eu/wp-content/uploads/‌2020/05/D6.1.pdf  

(75)

     Il-Futur tal-Ewropa, Il-Kummissjoni Ewropea, (2022), 2554 / SP517.

(76)

     Algoritmi preġudikati jirreferu għat-tendenza li l-algoritmi jipproduċu outputs li jwasslu għal żvantaġġ għal ċerti gruppi, bħan-nisa, il-minoranzi etniċi. Ara l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, (2022), https://doi.org/10.2811/25847

(77)

     The geography of EU discontent and the regional development trap, Il-Kummissjoni Ewropea, WP 03/2023.

(78)

     Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar aċċess għall-protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom, COM(2023) 43 final.

(79)

     Eurofound, (2023), https://doi.org/10.2806/715002  

(80)

     Opinjoni tal-Pjattaforma Fit for Future dwar L-iżgurar ta’ qafas regolatorju li jibqa’ validu fil-futur għas-Suq Uniku.

(81)

It-30 Sena mis-Suq Uniku, COM/2023/162 final.

(82)

     Rieżami Volontarju tal-UE dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-2030, COM(2023) 700 final.

(83)

 Aġenda Ġdida għar-Relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina u l-Karibew, JOIN(2023) 17 final.

(84)

     Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda, (2023), Opinjoni dwar id-demokrazija fl-era diġitali.

(85)

Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni se tressaq pakkett għad-difiża tad-demokrazija biex tapprofondixxi l-azzjoni taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea biex tippromwovi elezzjonijiet ħielsa u ġusti, tintensifika l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u tappoġġa l-libertà u l-pluraliżmu tal-media.

(86)

     Eż., previst minn inizjattiva li jmiss, ComPAct, biex jissaħħaħ l-Ispazju Amministrattiv Ewropew.

(87)

     Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2557/oj  

(88)

   Strategic crisis management in the EU, Il-Kummissjoni Ewropea, (2022), https://doi.org/10.2777/517560