Brussell, 15.5.2023

COM(2023) 306 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar qafas ta’ monitoraġġ rivedut għall-ekonomija ċirkolari

{SWD(2023) 306 final}


1.Introduzzjoni

Fl-1972, ir-rapport tal-Club of Rome, The Limits to Growth, wissa dwar il-konsegwenzi ambjentali u klimatiċi tal-mudell kurrenti ta’ tkabbir mhux sostenibbli, li kien ibbażat fuq il-konsum globali ta’ 28,6 biljun tunnellata ta’ materjal kull sena. Fil-50 sena mill-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, ix-xejra ta’ domanda dejjem akbar għar-riżorsi saret saħansitra aktar inkwetanti. Mill-1972, l-użu globali ta’ materjali żdied bi kważi erba’ darbiet, u żdied għal 54,9 biljun tunnellata fis-sena fl-2000 u qabeż il-100 biljun tunnellata fl-2019. L-użu tal-materjali madwar id-dinja huwa mistenni li jilħaq il-167 biljun tunnellata fis-sena fl-2060 1 .

Il-kapaċità għal riġenerazzjoni naturali tal-pjaneta ma setgħetx tassorbi ż-żieda esponenzjali fl-estrazzjoni tar-riżorsi, li mbagħad jintremew malajr fl-atmosfera, fil-korpi tal-ilma u fl-art tagħna. 2 Is-sistema globali u interkonnessa tan-natura tilfet il-bilanċ, u issa qed tilħaq il-punt tal-ksur, filwaqt li l-impatti devastanti tat-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità qegħdin jinħassu bil-kbir madwar id-dinja.

L-estrazzjoni tar-riżorsi u l-ipproċessar tar-riżorsi huma responsabbli għal nofs l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra (GHG) u għal aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u tal-istress idriku 3 . It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u t-tnaqqis tal-użu tal-materjal primarju huma żewġ uċuħ tal-istess munita. Ir-rabta importanti bejn il-bijodiversità u l-ekonomija ċirkolari qed tiġi rikonoxxuta dejjem aktar. Sakemm ma nittrasformawx radikalment il-mod kif nużaw il-materjali biex nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna filwaqt li nippromwovu l-bidla fis-sistemi tagħna tal-produzzjoni u tal-konsum, la nistgħu nnaqqsu b’mod sostanzjali l-emissjonijiet tagħna, u lanqas nistgħu nippreservaw in-natura għall-ġenerazzjonijiet kurrenti u futuri.

Il-biċċa l-kbira tal-materjali, flimkien mal-enerġija inkorporata u r-riżorsi oħra użati fil-produzzjoni tagħhom, jintilfu fi tmiem iċ-ċiklu ekonomiku inizjali tagħhom: iċ-ċirkolarità globali tal-materjali 4 naqset minn 9,1 % fl-2018 għal 7,2 % bħalissa 5 . Fl-UE, 8,1 biljun tunnellata ta’ materjali jiġu pproċessati f’enerġija jew fi prodotti kull sena, iżda 0,8 biljun tunnellata minnhom biss joriġinaw mir-riċiklaġġ. Għalkemm ir-rata taċ-ċirkolarità tal-użu tal-materjal fl-UE ilha tiżdied u fl-2021 kienet ta’ 11,7 %, 3,4 punti perċentwali ogħla milli kienet fl-2004, hemm potenzjal sinifikanti għal titjib, b’mod partikolari billi jiżdied l-użu ta’ materjali riċiklati u jitnaqqas l-ammont ta’ materjali użat fl-ekonomija.

L-ekonomija tal-UE tiddependi fuq il-materja prima mill-bqija tad-dinja. Fl-2021, l-UE importat 1,6 biljun tunnellata ta’ materjali mill-bqija tad-dinja 6 . Il-minerali tal-metall u l-materjali tal-enerġija fossili ammontaw għal 58 % ta’ dawn l-importazzjonijiet 7 . Barra minn hekk, il-provvista tal-UE ta’ materja prima kritika, li hija meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika, hija esposta għal riskju sinifikanti u spiss tkun assoċjata ma’ impatti ambjentali negattivi fil-pajjiżi terzi. Bħala parti mill-inizjattivi reċenti tagħha dwar il-materja prima kritika, l-UE qed iżżid l-isforzi biex tiżgura ċ-ċirkolarità tagħhom fis-sens wiesa’ 8 , u b’mod partikolari qed issaħħaħ il-kapaċitajiet, is-sistemi u t-teknoloġiji ta’ riċiklaġġ biex tiġi prodotta materja sekondarja fl-UE 9 .

Billi tnaqqas id-domanda tal-UE għar-riżorsi primarji u għall-enerġija, it-tranżizzjoni għal ekonomija aktar ċirkolari għandha l-potenzjal li żżid ir-reżiljenza tagħna, tnaqqas id-dipendenzi tagħna fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija u l-materjali, filwaqt li tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa. Dan huwa saħansitra aktar importanti wara l-kriżi tal-COVID-19 u fil-kuntest tal-gwerra brutali ta’ aggressjoni li għaddejja, mir-Russja kontra l-Ukrajna. Il-kontribut tal-ekonomija ċirkolari għas-sigurtà tal-provvista huwa partikolarment importanti peress li d-domanda għal materja prima ewlenija mis-setturi tal-enerġija rinnovabbli u tal-mobbiltà elettronika se tiżdied ħafna bejn l-2030 u l-2050 10 .

Għalhekk, it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari hija opportunità unika biex l-ekonomija tagħna ssir aktar sostenibbli, kompetittiva u reżiljenti: din tikkontribwixxi għan-newtralità klimatika; tippreserva l-bijodiversità u l-ekosistemi; ittejjeb is-sigurtà tal-provvista u ttaffi d-dipendenzi strateġiċi fuq il-materja prima; toħloq impjiegi lokali deċenti u ekoloġiċi; u tagħti spinta lill-innovazzjoni. Iċ-ċirkolarità hija strument ewlieni biex titrawwem il-kompetittività u toffri opportunità kbira biex tiżdied il-produttività tar-riżorsi u jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir kif enfasizzat fl-istrateġija tal-kompetittività fit-tul tal-UE li tħares lil hinn mill-2030 11 . Dan se jgħin ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU 12 . Għalhekk, il-monitoraġġ ta’ xejriet f’oqsma relatati mal-ekonomija ċirkolari huwa meħtieġ biex tiġi vvalutata l-effettività tal-politiki u tal-azzjonijiet u biex jiġu identifikati l-lakuni u l-istejjer ta’ suċċess madwar l-UE.

F’Jannar 2018, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-qafas ta’ monitoraġġ tal-UE għall-ekonomija ċirkolari 13 magħmul minn sett ta’ indikaturi ewlenin biex jiġi segwit il-progress fl-UE u fl-Istati Membri. Istituzzjonijiet oħrajn tal-UE laqgħu l-qafas ta’ monitoraġġ u fil-kuntest tar-reviżjoni tiegħu enfasizzaw il-ħtieġa li ssir enfasi akbar fuq in-naħa tal-produzzjoni minflok ma ssir enfasi fuq l-iskart u biex jintużaw indikaturi tal-impronta.

F’konformità mal-impenn fil-pjan ta’ azzjoni l-ġdid dwar l-ekonomija ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u aktar kompetittiva 14 , din il-komunikazzjoni tippreżenta qafas ta’ monitoraġġ rivedut li jkopri l-oqsma ta’ fokus tal-ekonomija ċirkolari u l-interkonnessjonijiet bejn iċ-ċirkolarità, in-newtralità klimatika u l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero. Dan il-qafas ta’ monitoraġġ iqis il-prijoritajiet tal-ekonomija ċirkolari fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, it-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali, l-aġenda tal-2030 għall-iżvilupp sostenibbli u l-objettivi tal-UE dwar is-sigurtà tal-provvista u r-reżiljenza.

2.Reviżjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ tal-UE għall-ekonomija ċirkolari

Il-qafas il-ġdid ta’ monitoraġġ għandu l-għan li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva billi jkejjel il-benefiċċji diretti u indiretti taż-żieda fiċ-ċirkolarità. Dan jinkludi 11-il indikatur miġbura f’5 dimensjonijiet: (1) il-produzzjoni u l-konsum; (2) il-ġestjoni tal-iskart; (3) il-materja prima sekondarja; (4) il-kompetittività u l-innovazzjoni; u (5) is-sostenibbiltà u r-reżiljenza globali. Dan jinkludi xi indikaturi ġodda, b’mod partikolari:

·L-impronta fuq il-materjali, li tkejjel l-użu ġenerali tal-materjali u tirrifletti l-ammont ta’ materjali inkorporati fil-konsum ġenerali, inklużi l-oġġetti importati;

·Il-produttività tar-riżorsi, li tkejjel l-ammont ta’ PDG mill-użu tal-materjali u li turi l-effiċjenza fl-użu tal-materjali fil-produzzjoni tal-oġġetti u tas-servizzi;

·L-impronta tal-konsum, li tqabbel il-konsum mal-limiti planetarji għal 16-il kategorija tal-impatt abbażi ta’ valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja u skont il-5 oqsma ewlenin tal-konsum (ikel, mobbiltà, akkomodazzjoni, oġġetti u apparati domestiċi);

·L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet ta’ produzzjoni, il-kejl tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra prodotti mis-setturi tal-produzzjoni (għalhekk l-emissjonijiet mill-unitajiet domestiċi huma esklużi) u jirriflettu l-kontribut tal-ekonomija ċirkolari għan-newtralità klimatika;

·Id-dipendenza materjali, il-kejl tas-sehem tal-materjali importati fuq l-użu ġenerali tal-materjali, id-deskrizzjoni ta’ kemm l-UE tiddependi fuq importazzjonijiet tal-materjali u tirrifletti l-kontribut tal-ekonomija ċirkolari għas-sigurtà tal-provvista tal-materjali u tal-enerġija u għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE 15 . Indikatur dwar l-awtosuffiċjenza għall-materja prima ilu jintuża mill-2018.

Qed isiru aktar bidliet fis-sottoindikaturi biex jirriflettu l-bidliet metodoloġiċi f’xi indikaturi jew biex dawn ikomplu jiġu allinjati mal-iżviluppi tal-politiki 16 .

Ir-reviżjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ qieset it-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika dwar is-sejħa għall-evidenza 17 , kif ukoll diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u mal-esperti tal-partijiet ikkonċernati. L-indikaturi jqisu wkoll l-azzjonijiet nazzjonali, internazzjonali 18 u tal-partijiet ikkonċernati 19 dwar il-monitoraġġ tal-ekonomija ċirkolari u s-sostenibbiltà 20 .

L-indikaturi fil-qafas rivedut huma konsistenti ma’ għodod ta’ monitoraġġ oħra tal-UE, b’mod partikolari l-qafas ta’ monitoraġġ għat-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali 21 ; il-qafas ta’ monitoraġġ u prospettiva ta’ tniġġis żero 22 ; l-indikaturi tal-UE għall-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli 23 ; u d-dashboard tar-reżiljenza 24 .

Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi — iżda mhux kollha — huma bbażati fuq l-istatistika uffiċjali miksuba mill-Eurostat. L-indikaturi kollha jissodisfaw il-kriterji ta’ rilevanza, l-aċċettazzjoni, il-kredibbiltà, il-faċilità tal-użu u r-robustezza 25 , u huma bbażati kemm jista’ jkun fuq id-data eżistenti.

Il-qafas jibbaża ħafna fuq l-istatistika ta’ kwalità għolja li hija disponibbli għall-Istati Membri kollha tal-UE, l-aktar bl-użu tad-data mis-Sistema Ewropea tal-Istatistika u mill-komunità tar-riċerka. Meta jkun xieraq, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, se tinvestiga l-użu ta’ sorsi ġodda tad-data biex fil-futur tkompli ttejjeb il-qafas ta’ monitoraġġ.

Il-Eurostat se jippubblika u se jżomm il-qafas il-ġdid ta’ monitoraġġ fuq is-sit web tiegħu, filwaqt li se jaġġorna l-indikaturi kontinwament. Dan is-sit web se jkompli jservi bħala l-punt tad-dħul tal-Kummissjoni fejn wieħed jista’ jsib l-informazzjoni kollha dwarha, inkluż l-indikaturi, is-serje kronoloġiċi u l-għodod għall-viżwalizzazzjoni 26 .

3.Indikaturi fil-qafas ta’ monitoraġġ għall-ekonomija ċirkolari 2023

Nru

Indikatur

Rilevanza

Sors

Produzzjoni u konsum

1a-b

Konsum tal-materjal

1a L-impronta fuq il-materjali (tunnellati per capita)

1b Produttività tar-riżorsi (EUR/kg)

It-tnaqqis fil-konsum tal-materjali jindika d-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi.

Il-Eurostat

2

Akkwist pubbliku ekoloġiku*

L-akkwist pubbliku jammonta għal proporzjon kbir mill-konsum u jista’ jixpruna l-ekonomija ċirkolari.

Il-Kummissjoni Ewropea

3a-f

Ġenerazzjoni tal-iskart

3a Il-ġenerazzjoni totali tal-iskart per capita (kg per capita)

3b Il-ġenerazzjoni totali tal-iskart (bl-esklużjoni tal-iskart minerali maġġuri) għal kull PDG (kg għal kull EUR)

3c Il-ġenerazzjoni ta’ skart muniċipali per capita

3d L-iskart tal-ikel (kg per capita)

3e Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ per capita (kg per capita)

3f Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik per capita (kg per capita)

F’ekonomija ċirkolari, il-ġenerazzjoni tal-iskart hija minimizzata.

Il-Eurostat

Ġestjoni tal-iskart

4a-b

Rati ġenerali tar-riċiklaġġ

4a Ir-rata ta’ riċiklaġġ għall-iskart muniċipali (%)

4b Ir-rata tar-riċiklaġġ għall-iskart kollu minbarra l-iskart minerali maġġuri (%)

Iż-żieda fir-riċiklaġġ hi parti mit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari.

Il-Eurostat

5a-c

Rati tar-riċiklaġġ għal flussi speċifiċi tal-iskart

5a Ir-rata tar-riċiklaġġ għall-iskart ġenerali mill-imballaġġ (%)

5b Ir-rata ta’ riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ tal-plastik (%)

5c Ir-rata ta’ riċiklaġġ għall-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku li jinġabar separatament (%)

Il-progress fir-riċiklaġġ tal-flussi ewlenin tal-iskart huwa essenzjali għas-sostenibbiltà u r-reżiljenza.

Il-Eurostat

Materja prima sekondarja

6a-b

Kontribut tal-materjali riċiklati għad-domanda għall-materja prima

6a Ir-rata tal-użu ta’ materjal ċirkolari (%)

6b Ir-rata tal-input tar-riċiklaġġ fit-tmiem tal-ħajja (%)

F’ekonomija ċirkolari, il-materja prima sekondarja tintuża b’mod komuni biex isiru prodotti ġodda.

Il-Eurostat, servizzi oħra tal-Kummissjoni Ewropea

7a-c

Kummerċ tal-materja prima riċiklabbli

7a L-importazzjonijiet minn barra l-UE (tunnellati)

7b L-esportazzjonijiet ’il barra mill-UE (tunnellati)

7c Il-kummerċ intra-UE (tunnellati)

Il-kummerċ tal-materjali riċiklabbli juri l-importanza tas-suq intern u l-parteċipazzjoni globali fl-ekonomija ċirkolari.

Il-Eurostat

Kompetittività u innovazzjoni

8a-c

Investimenti privati, impjiegi u valur miżjud gross relatati mas-setturi tal-ekonomija ċirkolari

8a Investimenti privati (% PDG)

8b Impjiegi (% impjiegi)

8c Valur miżjud gross (% PDG)

L-ekonomija ċirkolari tista’ tikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir.

Il-Eurostat

9

Innovazzjoni ekoloġika

Disa’ privattivi relatati mal-ġestjoni u mar-riċiklaġġ tal-iskart (għadd u numru għal kull miljun abitant)

Teknoloġiji innovattivi relatati mal-ekonomija ċirkolari jżidu l-kompetittività globali tal-UE.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka abbażi tal-PATSTAT

Sostenibbiltà u reżiljenza globali

10a-b

Sostenibbiltà globali

10a L-impronta tal-konsum (indiċi 2010=100 u n-numru ta’ drabi li jinqabżu l-limiti planetarji)

10b L-emissjonijiet tal-gassijiet serra minn attivitajiet ta’ produzzjoni (kg per capita)

L-impronta tal-konsum tindika sa liema punt is-sistemi tal-produzzjoni u tal-konsum huma fi ħdan il-limiti planetarji.

L-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi għan-newtralità klimatika.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka u l-Eurostat

11a-b

Reżiljenza

11a Id-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ materjal (%)

11b L-awtosuffiċjenza tal-UE għall-materja prima (%)

L-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima u tgħin biex jiġu indirizzati r-riskji tal-provvista, b’mod partikolari għall-materja prima kritika.

Il-Eurostat, servizzi oħra tal-Kummissjoni Ewropea

* Indikatur li qiegħed jiġi żviluppat. CEAP2: il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari 2 adottat fl-2020.

4.L-applikazzjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ: xejriet ewlenin

Il-11-il indikatur jagħmluha possibbli li jitkejjel il-progress kemm lejn il-miri legali/ta’ aspirazzjoni kif ukoll lejn objettivi ta’ politika usa’ fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari. Xi sottoindikaturi speċifiċi għall-materjal jipprovdu informazzjoni importanti lil dawk li jfasslu l-politika li se tippermettilhom jivvalutaw il-progress fil-ktajjen u l-materjali ewlenin tal-provvista.

Produzzjoni u konsum

F’dawn l-aħħar snin kien hemm progress imħallat fit-tranżizzjoni lejn forom aktar ċirkolari ta’ produzzjoni u konsum. Il-produzzjoni tal-UE saret aktar effiċjenti fir-riżorsi iżda l-konsum tal-materjali u l-ġenerazzjoni tal-iskart tal-UE it-tnejn huma għoljin ħafna u jeħtieġ li jonqsu fil-futur.

L-impronta fuq il-materjali stmata tal-UE, imsejħa wkoll il-konsum tal-materja prima (RMC), kienet ta’ 13,7-il tunnellata per capita fl-2020. Il-minerali mhux metalliċi huma l-akbar kategorija ta’ materjali, u l-bidliet f’din il-kategorija huma ddeterminati ħafna mil-livell tal-kostruzzjoni (u mill-attività fis-setturi relatati mal-kostruzzjoni) fi Stati Membri differenti.

Mill-2000, il-produttività tar-riżorsi tal-ekonomija tal-UE żdiedet b’madwar 35 %, u dan jindika progress fid-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi. Iż-żieda tista’ tiġi spjegata permezz ta’ proċessi li jużaw il-materjali b’mod aktar effiċjenti iżda anke permezz tal-esternalizzazzjoni ta’ produzzjoni intensiva fil-materjal lejn partijiet oħra tad-dinja.

L-UE tonfoq madwar 14 % tal-PDG (madwar EUR 2 triljun fis-sena) fuq ix-xiri ta’ servizzi u oġġetti permezz tal-akkwist pubbliku. Għalhekk, l-akkwist pubbliku ekoloġiku jista’ jkun għodda b’saħħitha biex tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari u lill-innovazzjoni ekoloġika. Id-data għal indikatur dwar l-akkwist pubbliku ekoloġiku se ssir disponibbli fl-2024 permezz ta’ kwestjonarju dwar l-akkwist pubbliku li se jimtela mill-Istati Membri. 

Fl-2020, l-iskart totali ġġenerat fl-UE mill-attivitajiet ekonomiċi u mill-unitajiet domestiċi kollha kien jammonta għal 2,15 biljun tunnellata, jiġifieri fl-2020 ġew iġġenerati 4,8 tunnellati ta’ skart għal kull abitant tal-UE. Bejn l-2010 u l-2020, il-ġenerazzjoni ġenerali tal-iskart naqset bi kważi 3 %. Madwar żewġ terzi (64 %) tal-iskart totali ġġenerat fl-UE fl-2020 kien skart minerali maġġuri. L-iskart minerali maġġuri huwa marbut mill-qrib mal-kostruzzjoni, mad-demolizzjoni, mal-estrazzjoni u mat-tħaffir fil-barrieri, li huma setturi sinifikanti f’xi Stati Membri. F’dan il-perjodu ta’ 10 snin, kien hemm diżakkoppjar limitat tal-kwantità ta’ skart iġġenerat (minbarra l-iskart minerali maġġuri) mill-PDG.

Il-ġenerazzjoni tal-iskart muniċipali tal-UE per capita, li tirrappreżenta 10 % tal-iskart kollu, żdiedet għal 530 kg fl-2021 meta mqabbla ma’ 503 kg per capita fl-2010. It-tnaqqis fil-ħela ta’ ikel 27 għandu potenzjal enormi għall-iffrankar tar-riżorsi li nużaw għall-produzzjoni tal-ikel li nieklu u huwa fost il-fatturi li jixprunaw is-sigurtà tal-ikel 28 . L-UE ġġenerat 59 miljun tunnellata ta’ skart tal-ikel fl-2020, ekwivalenti għal 131 kg per capita.

Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ fl-UE laħqet 178 kg per capita fl-2020, żieda ta’ 17 % mill-2010. 19 % tal-iskart tal-imballaġġ kollu tal-UE huwa plastik. Il-volumi tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik żdiedu b’25 % bejn l-2010 u l-2020, l-akbar żieda fil-flussi kollha tal-iskart mill-imballaġġ. Bħala medja, kull ċittadin Ewropew kien responsabbli għal 35 kg ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik fl-2020. Iċ-ċifri għall-2021 se jipprovdu għarfien dwar l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-imballaġġ tal-plastik.

Ġestjoni tal-iskart

F’dawn l-aħħar snin sar ħafna progress fil-ġestjoni tal-iskart b’mod aktar sostenibbli. Madankollu, għad hemm differenzi kbar fost l-Istati Membri u hemm ħafna lok għal titjib f’ċerti flussi ta’ skart.

Ir-rati ta’ riċiklaġġ tal-UE għall-iskart muniċipali żdiedu minn 38 % għal 49 % bejn l-2010 u l-2021. Xi pajjiżi laħqu l-mira ta’ riċiklaġġ ta’ 60 % sal-2030 jew diġà qed joqorbu lejha 29 u pajjiż minnhom diġà laħaq il-mira ta’ 65 % sal-2035 30 . Ir-rati ta’ riċiklaġġ għall-iskart mill-imballaġġ kienu stabbli b’64 % fl-UE bejn l-2010 u l-2020. Ir-rata ta’ riċiklaġġ tal-UE għall-imballaġġ tal-plastik hija ferm aktar baxxa mir-rata għall-iskart kollu mill-imballaġġ, b’madwar 38 %.

Is-sehem tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku miġbur li jew jintuża mill-ġdid jew li jiġi rriċiklat żdied fl-UE, minn 81,8 % fl-2010 għal 83,4 % fl-2020.

Materja prima sekondarja

Il-kontribut tal-materjali riċiklati għad-domanda ġenerali għall-materjali huwa relattivament baxx. Il-kummerċ tal-materja prima sekondarja qed jiżdied kemm fl-UE kif ukoll ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

Fl-2021, il-materjali riċiklati ssodisfaw biss madwar 11,7 % tad-domanda tal-UE għall-materjali, 1,4 punt perċentwali aktar mill-2011. Għal għadd kbir ta’ materjali, inkluż ħafna materja prima kritika, il-kontribut minn materjali riċiklati biex tiġi ssodisfata d-domanda għall-materja prima għadu żgħir jew negliġibbli. Għal ħafna metalli ta’ speċjalità u elementi tal-materjali tal-art rari, ir-rata tal-input tar-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja hija ta’ madwar 1 %, filwaqt li r-rati tar-riċiklaġġ fi tmiem il-ħajja jilħqu 16 % għan-nikil u 22 % għall-kobalt, li t-tnejn huma materja prima użata fil-batteriji 31 .

Fl-2021, l-UE ġeneralment kienet importatur nett ta’ materja prima riċiklabbli. Madankollu, l-indikatur dwar il-kummerċ fl-iskart riċiklabbli juri li bħalissa, l-UE hija esportatur nett ta’ xi flussi ta’ skart riċiklabbli ewlenin (inkluż “ħadid u azzar”, “ram, aluminju u nikil” u “karta u kartun”) u importatur nett tal-iskart ta’ metalli prezzjużi. Il-kummerċ fl-UE tal-iskart tal-plastik, tal-karti, tal-kartun, tar-ram, tal-aluminju, tan-nikil u ta’ metalli prezzjużi żdied ġmielu bejn l-2004 u l-2021, u għaldaqstant in-negozji setgħu jgawdu mill-benefiċċji tas-suq intern tal-UE għall-materja prima sekondarja. 

Kompetittività u innovazzjoni

Is-setturi tal-ekonomija ċirkolari kibru f’dawn l-aħħar snin meta mkejla mil-lat ta’ investimenti, valur miżjud, u impjiegi. Dawn is-setturi saru wkoll aktar innovattivi.

Fl-2021, l-investiment privat f’setturi ekonomiċi speċifiċi rilevanti għall-ekonomija ċirkolari, jiġifieri l-attivitajiet ta’ użu mill-ġdid u ta’ riċiklaġġ, huwa stmat li kien madwar EUR 121,6 biljun fl-UE (jiġifieri 0,8 % tal-PDG tal-UE). Matul l-istess sena, kien hemm aktar minn 4,3 miljun impjieg f’dawn is-setturi, żieda ta’ 11 % meta mqabbel mal-2015. Is-setturi tal-ekonomija ċirkolari ħolqu madwar EUR 299 biljun ta’ valur miżjud fl-2021, li jirrappreżenta żieda ta’ 27 % meta mqabbel mal-2015.

L-għadd ta’ privattivi rreġistrati tal-UE dwar ir-riċiklaġġ u l-materja prima sekondarja żdied b’14 % bejn l-2000 u l-2019.

Sostenibbiltà u reżiljenza globali

Il-konsum tal-UE jwassal għal impatti li qed jaqbżu ċerti limiti planetarji, u l-ekonomija ċirkolari tikkontribwixxi għan-newtralità klimatika. L-UE hija dipendenti fuq l-importazzjonijiet tal-materjali, b’mod partikolari għal xi materja prima kritika meħtieġa għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

L-impronta tal-konsum tal-UE żdiedet b’4 % bejn l-2010 u l-2021. Il-Kummissjoni issa tistma li l-UE qabżet b’mod ċar il-limiti planetarji għal ħames impatti (il-materja partikolata, l-ekotossiċità fl-ilma ħelu, it-tibdil fil-klima, l-użu ta’ riżorsi bbażati fuq il-fossili, u l-użu ta’ riżorsi minerali u tal-metall). Il-konsum tal-ikel (b’mod partikolari l-prodotti bbażati fuq l-annimali) qed jitfaċċa bħala wieħed mill-fatturi ewlenin tal-impatti ġġenerati miċ-ċittadin medju tal-UE 32 .

L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet ta’ produzzjoni tal-UE naqsu b’madwar 25 % fl-2008-2021.

Fl-2021, id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-materjali tal-UE kienet ta’ 22,9 %, żieda żgħira mill-2000. L-ekonomija tal-UE hija kważi awtosuffiċjenti fil-provvista ta’ minerali mhux metalliċi (bħal dawk destinati għall-kostruzzjoni), filwaqt li għall-minerali tal-metall u l-materjali tal-enerġija fossili, l-UE tiddependi ħafna fuq l-importazzjonijiet mill-bqija tad-dinja (b’dipendenzi ta’ 52 % u aktar minn 71 %, rispettivament).

L-indikatur dwar l-awtosuffiċjenza fil-provvista tal-materja prima juri li, għall-materja prima kritika, l-UE tibbaża ħafna fuq l-importazzjonijiet. Pereżempju, għal elementi tal-materjali tal-art rari raffinati u għal manjeżju raffinat, l-UE timporta 100 % tal-konsum tagħha miċ-Ċina. Dan jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess sigur u għal diversifikazzjoni tal-provvista. Ħafna minn dawn il-materjali huma meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv tal-UE ta’ ekonomija sostenibbli, b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva, pereżempju l-kobalt għall-batteriji użati fil-vetturi elettriċi, u s-siliċju għall-pannelli solari.

5.Konklużjonijiet

Il-pjan ta’ azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari għal Ewropa aktar nadifa u aktar kompetittiva jenfasizza li l-UE jeħtieġ li tħaffef it-tranżizzjoni lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv, timxi ’l quddiem fiż-żamma tal-konsum tar-riżorsi tagħha fi ħdan il-limiti planetarji, tistinka biex tnaqqas l-impronta tal-konsum tagħha, tirdoppja r-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari tagħha, tnaqqas b’mod sinifikanti l-ġenerazzjoni totali tal-iskart u tnaqqas bin-nofs l-ammont ta’ skart muniċipali residwu (mhux riċiklat) f’dan id-deċennju.

L-adozzjoni tal-qafas ta’ monitoraġġ rivedut għall-ekonomija ċirkolari tal-UE hija f’waqtha peress li fil-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ inizjattivi leġiżlattivi biex tħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari, bħar-regolamenti dwar il-batteriji 33 , l-Ekodisinn għal prodotti sostenibbli 34 , l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ 35 , il-vjeġġi ta’ skart 36 , u l-materja prima kritika 37 . L-Istati Membri qed jimplimentaw ukoll l-emendi reċenti għal-liġi tal-UE, bħar-reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-iskart adottati fl-2018 38 , u qed jiżviluppaw ħafna approċċi nazzjonali u reġjonali biex jippromwovu l-ekonomija ċirkolari. Diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE huma disponibbli biex jappoġġaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, fosthom NextGenerationEU u r-riformi u l-investimenti fil-qafas tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza; il-Fondi tal-Politika Ewropea ta’ Koeżjoni; Orizzont Ewropa; u l-programm LIFE.

Il-qafas ta’ monitoraġġ rivedut jagħmilha possibbli li jinżamm rendikont tal-progress li sar fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari effiċjenti fir-riżorsi, newtrali għall-klima u reżiljenti fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli. Se jipprovdi għodda ewlenija biex jiġu vvalutati l-politiki stabbiliti u biex jiġu ggwidati azzjonijiet futuri, inkluż fil-kuntest ta’ valutazzjonijiet speċifiċi, bħar-rapporti ta’ twissija bikrija biex jiġu identifikati l-Istati Membri f’riskju li ma jilħqux il-miri tal-UE dwar ir-riċiklaġġ u r-rimi tal-iskart fil-landfills 39 . Dan joffri bażi soda għad-diskussjoni fil-konferenzi annwali tal-partijiet ikkonċernati dwar l-ekonomija ċirkolari 40 , kif ukoll għall-kejl tal-prestazzjoni nazzjonali, inkluż fil-kuntest tar-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali 41 .

(1)

  Global Material Resources Outlook to 2060 .

(2)

  Circularity Gap Report 2022 .

(3)

  Rapport tal-Bord Internazzjonali tar-Riżorsi “Prospettiva tar-Riżorsi Globali”, 2019 .

(4)

Iċ-ċirkolarità tkejjel is-sehem ta’ materjali sekondarji fuq l-input materjali ġenerali fl-ekonomija.

(5)

  Circularity Gap Report 2023 .

(6)

Il-Eurostat, Material Flow Accounts , Statistics Explained article .

(7)

Il-Eurostat, Statistics Explained article .  

(8)

  COM(2023) 165 final.

(9)

  COM(2023) 160 final .

(10)

  Analiżijiet fil-fond tal-oqsma strateġiċi għall-interessi tal-Ewropa | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu) .

(11)

  COM(2023) 168 final .

(12)

  https://commission.europa.eu/strategy-and-policy/international-strategies/sustainable-development-goals_mt  

(13)

  COM(2018) 29 final u SWD(2018) 17 .

(14)

  COM(2020) 98 final .

(15)

  Shaping and securing the EU’s Open Strategic Autonomy by 2040 and beyond .

(16)

Għal aktar dettalji, ara SWD(2023) 306.

(17)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/13465-Circular-economy-monitoring-framework-revision-/feedback_mt?p_id=30764770 .

(18)

B’mod partikolari, il- Planetary pressures adjusted- Human Development Index mir-rapporti tal-UNDP, tal-IRP fl-2020 u fl-2021, u r- rapporti dwar id-diskrepanza fiċ-ċirkolarità .

(19)

B’mod partikolari, il- prinċipji ta’ Bellagio dwar il-monitoraġġ tal-ekonomija ċirkolari .

(20)

Għal aktar dettalji, ara SWD(2023) 306.

(21)

  COM(2022) 357 final .

(22)

  COM(2022) 674 final .

(23)

  Indikaturi tal-SDGs tal-UE u rapport ta’ monitoraġġ tal-progress .

(24)

  Dashboard tar-Reżiljenza tal-UE .

(25)

Magħrufa wkoll bħala l-kriterji “RACER” għall-indikaturi.

(26)

  https://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy .

(27)

  https://ec.europa.eu/food/safety/food_waste/eu_actions_en .  

(28)

  SWD (2023) 4 final .

(29)

  Direttiva (UE) 2018/851 .

(30)

Iċ-ċifri tal-Istati Membri huma aktar komparabbli peress li huma bbażati fuq metodu komuni.

(31)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-lista tal-materja prima kritika tal-2023.

(32)

  https://eplca.jrc.ec.europa.eu/ConsumptionFootprintPlatform.html . https://publications.jrc.ec.europa.eu/repository/handle/JRC128571  

(33)

COM(2020) 798 final.

(34)

  COM(2022) 142 final .

(35)

  COM(2022) 677 final .

(36)

  COM(2021) 709 final .

(37)

  COM(2023)160 final .

(38)

  Id-Direttiva (UE) 2018/851 .

(39)

  https://environment.ec.europa.eu/topics/waste-and-recycling/implementation-waste-framework-directive_en  

(40)

  Stqarrija għall-istampa dwar il-konferenza tal-partijiet ikkonċernati tal-ekonomija Ċirkolari 2023 .

(41)

  https://environment.ec.europa.eu/law-and-governance/environmental-implementation-review_en#overview .