IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 18.4.2023
COM(2023) 225 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu li jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar ir-rieżami tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni ta’ depożitu li jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja
Introduzzjoni
Il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja fl-2014 kien rispons qawwi għall-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro li rriżultat minnha. Bir-riforma tal-arkitettura superviżorja u ta’ riżoluzzjoni tal-UE għall-banek, l-Unjoni Bankarja saħħet l-istabbiltà fis-settur bankarju u ppermettitilha tappoġġa lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi anke matul il-kriżi reċenti tal-COVID-19.
L-Unjoni Bankarja għandha wkoll rwol ewlieni fil-finanzjament tat-tkabbir u l-investimenti, fit-titjib tal-kompetittività tal-UE u fit-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, biex tgħin lill-UE tiffaċċja sfidi strutturali kbar, bħat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, kif ukoll dawk l-isfidi kkawżati mill-aggressjoni illegali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna.
Żewġ pilastri tal-Unjoni Bankarja - il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRM) - issa huma kompletament operattivi. Il-Kummissjoni ppubblikat it-tieni rapport tagħha dwar il-funzjonament tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni. Ir-rapport isib li l-MSU qed jiffunzjona tajjeb b’mod ġenerali u mmatura bħala awtorità superviżorja li jwettaq l-objettivi stabbiliti meta nħoloq. Il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni huwa wkoll stabbilit sew. Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, żviluppaw pjanijiet ta’ riżoluzzjoni għall-banek ewlenin tal-UE u jeżisti l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni biex jappoġġa r-riżoluzzjoni jekk dan ikun meħtieġ. Intlaħaq qbil politiku dwar garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Il-MSU u l-SRM, flimkien ma’ regoli msaħħa dwar is-superviżjoni u r-riżoluzzjoni bankarja, żguraw li s-settur bankarju tal-UE żied ħafna r-reżiljenza tiegħu għax-xokkijiet u b’mod ġenerali, huwa f’qagħda tajba. It-tielet pilastru - skema komuni ta’ protezzjoni tad-depożiti - huwa wkoll kruċjali fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-settur bankarju, iżda għadu ma ntlaħaqx ftehim politiku fost il-koleġiżlaturi tal-UE.
Il-ħidma biex titlesta l-Unjoni Bankarja għadha għaddejja. Is-Summit tal-Euro ta’ Diċembru 2020 stieden lill-Grupp tal-Euro jħejji “pjan ta’ ħidma fi stadji u marbut biż-żmien dwar l-elementi pendenti kollha meħtieġa biex titlesta l-Unjoni Bankarja”. Diskussjonijiet sussegwenti fil-Grupp tal-Euro ma wasslux biex jitfassal pjan ta’ ħidma bħal dan, iżda ġie miftiehem li l-qafas komuni għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI) għandu jissaħħaħ bħala l-pass li jmiss. Il-proposta għar-riforma tal-qafas CDMI, adottata mill-Kummissjoni llum, tibda dak il-proċess. Il-Grupp tal-Euro impenja ruħu wkoll li jirrevedi l-istat tal-Unjoni Bankarja fiċ-ċiklu leġislattiv li jmiss u li jidentifika b’mod kunsenswali aktar miżuri possibbli biex din titlesta. Dan l-impenn ġie ddikjarat mill-ġdid mis-Summit taż-Żona tal-Euro fl-24 ta’ Marzu 2023. B’mod parallel, il-Parlament Ewropew, fl-aħħar rapport annwali tiegħu dwar l-Unjoni Bankarja, fakkar fl-importanza li titlesta l-Unjoni Bankarja, bl-istabbiliment ta’ skema komuni ta’ protezzjoni tad-depożiti, bħala t-tielet pilastru tagħha.
Il-Kummissjoni tipproponi li tirriforma l-qafas tas-CMDI permezz ta’ emendi leġiżlattivi għad-direttiva dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek, ir-regolament dwar il-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni u d-direttiva dwar l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti. L-objettiv tar-riforma huwa li ttejjeb l-arranġamenti eżistenti għall-ġestjoni ta’ banek li qed ifallu fl-UE. B’mod partikolari, qed jiġi propost li l-arranġamenti għall-ġestjoni tal-falliment ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju jsiru aktar effettivi f’termini tat-tfassil u l-implimentazzjoni tagħhom. Filwaqt li r-riforma tal-qafas tas-CMDI ilha tiġi diskussa għal diversi snin u hija preċedenti għall-kriżijiet bankarji reċenti ħafna tal-Istati Uniti u tal-Iżvizzera, dawn il-kriżijiet jenfasizzaw l-importanza li jiġi żgurat li l-arranġamenti tal-UE għall-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek ikunu kemm jista’ jkun robusti u effettivi.
Ir-riforma proposta tal-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI)
L-objettivi ewlenin tal-qafas tas-CMDI huma li jippreserva l-istabbiltà finanzjarja, il-fiduċja tad-depożitanti u jipproteġi lill-kontribwenti fil-kuntest tal-fallimenti tal-banek. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-qafas għandu jiżgura li kwalunkwe telf relatat ma’ falliment ta’ bank ikun jista’ jintlaħaq filwaqt li jiġi minimizzat ir-riskju ta’ rikors għal finanzjament pubbliku. Mill-kriżi finanzjarja globali ’l hawn, il-banek tal-UE akkumulaw kapaċità sostanzjali biex jassorbu t-telf f’każ ta’ kriżijiet permezz ta’ żieda fl-holdings ta’ kapital u obbligazzjonijiet oħra li jassorbu t-telf. Barra minn hekk, xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija bħall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni fl-Unjoni Bankarja, il-fondi nazzjonali ta’ riżoluzzjoni barra mill-Unjoni Bankarja u l-fondi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali issa huma disponibbli biex jassorbu t-telf. Madankollu, l-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-qafas tas-CMDI żvelat diffikultajiet fil-ġestjoni tal-falliment ta’ banek iżgħar/ta’ daqs medju, b’mod partikolari, fejn ikun hemm allokazzjoni impliċita ta’ telf lid-depożitanti, li tkun tista’ taffettwa l-fiduċja tad-depożitanti u l-istabbiltà finanzjarja. Ir-riżultat kien nuqqas ta’ rieda li jiġi implimentat il-qafas tas-CMDI kif maħsub u spiss li jsir rikors għal finanzjament pubbliku fil-ġestjoni tal-fallimenti fil-banek ikkonċernati.
Skont il-qafas attwali tas-CMDI, ir-regoli għall-aċċess għall-finanzjament ivarjaw bejn id-diversi għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Dan jagħmel l-użu ta’ dawn l-għodod inqas omoġenju fl-Istati Membri kollha u ħafna drabi inqas effettiv billi jillimita l-aċċess għal finanzjament ibbażat fuq l-industrija mingħajr ma jimponi telf fuq id-depożitanti. Din il-karatteristika tal-qafas eżistenti hija aggravata minn diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni fid-determinazzjoni ta’ jekk l-interess pubbliku jirrikjedix li falliment ta’ bank għandu jiġi ġestit skont ir-regoli ta’ riżoluzzjoni armonizzati tal-UE jew likwidat skont proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza. B’riżultat ta’ dan, hemm riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq u eżiti subottimali fil-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek, b’mod partikolari fir-rigward tal-banek iżgħar u ta’ daqs medju li jistgħu jkunu “kbar wisq biex jiġu likwidati” skont ir-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza.
Ir-riforma proposta issa mill-Kummissjoni tfittex li tindirizza dawn il-limitazzjonijiet fil-qafas eżistenti tas-CMDI. Abbażi ta’ konsultazzjoni u tħejjija estensivi, ir-riforma proposta tal-qafas tkopri firxa ta’ aspetti ta’ politika ewlenin u tikkostitwixxi rispons koerenti għall-problemi identifikati. L-elementi ewlenin tar-riforma proposta huma:
-Kjarifika tal-valutazzjoni tal-interess pubbliku fil-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji biex jiġi żgurat li tkun tista’ tiġi applikata firxa sħiħa ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet, bħal għodod ta’ trasferiment, anki fil-każ ta’ banek iżgħar u ta’ daqs medju li jkunu qed ifallu, jekk dan ikun jista’ jikseb b’mod aktar effettiv l-objettivi tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja, il-fiduċja tad-depożitanti u l-protezzjoni tal-flus tal-kontribwenti.
-L-iffaċilitar tal-użu tal-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti (SGD) fil-finanzjament ta’ għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet bħala alternattiva għall-funzjoni bażika ta’ ħlas. Tali użu tal-SGD ikun permess billi tiġi emendata l-ġerarkija tal-pretensjonijiet f’insolvenza iżda jrid ikun biss komplement għall-kapaċità interna ta’ assorbiment tat-telf tal-banek, li tibqa’ l-ewwel linja ta’ difiża. L-użu alternattiv tal-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti fil-finanzjament tal-għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet għandu jkun soġġett ukoll għal test armonizzat tal-inqas spejjeż.
-L-użu ta’ fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, meta jiġu applikati għal banek iżgħar/ta’ daqs medju f’riżoluzzjoni, inkluż biex jaċċessaw il-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, għandu jkun possibbli biss (a) meta l-awtorità(jiet) tar-riżoluzzjoni tqis/iqisu li jkun meħtieġ li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu protetti l-kontribwenti filwaqt li jiġi ffaċilitat il-ħruġ mis-suq; (b) meta jevita li jimponi telf fuq id-depożitanti, u (c) meta tkun soġġetta għal kundizzjonijiet u salvagwardji adegwati, b’mod partikolari fil-każ ta’ aċċess għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni fejn irid ikun hemm pjan minn qabel biex il-bank ikkonċernat jiġi riżolt.
Dawn l-elementi tar-riforma proposta huma interkonnessi ħafna u jridu jitqiesu b’mod olistiku biex ir-riforma tkun tista’ tilħaq l-objettivi mixtieqa. Ir-riforma proposta tinkludi wkoll elementi oħra, li huma maħsuba biex jagħmlu l-qafas aktar prevedibbli u effiċjenti (eż. it-tneħħija ta’ sovrapożizzjonijiet bejn miżuri ta’ intervent bikri u dawk superviżorji, l-iffaċilitar tal-iskattar aktar bikri tar-riżoluzzjoni) u t-titjib tal-protezzjoni tad-depożitanti (eż. titjib immirat tad-dispożizzjonijiet fid-direttiva dwar l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti dwar l-ambitu tal-protezzjoni u l-kooperazzjoni transfruntiera, l-armonizzazzjoni tal-għażliet nazzjonali, it-titjib tat-trasparenza dwar ir-robustezza finanzjarja tal-SGD).
Billi ttejjeb l-interazzjoni mal-proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza, ir-riforma proposta għandha l-għan li tagħmel il-qafas tas-CMDI jiffunzjona b’mod aktar effettiv għall-banek kollha tal-UE, irrispettivament mid-daqs, il-mudell tan-negozju u l-istruttura tar-responsabbiltà tagħhom. Fin-nuqqas ta’ din ir-riforma, hemm riskju li banek żgħar/ta’ daqs medju li qed ifallu jkomplu jiġu ġestiti barra mill-qafas tas-CMDI, taħt reġimi nazzjonali eteroġeni, li spiss jirriżultaw f’insolvenzi għaljin u ta’ tfixkil bla bżonn li jinvolvu fondi pubbliċi. Tali eżiti jgħawġu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq uniku, inaqqsu l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-kriżijiet u jistgħu jirriżultaw fi spejjeż mhux meħtieġa għall-kontribwenti.
Ir-rwol ta’ skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti fil-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-assigurazzjoni tad-depożiti (CMDI)
Il-valutazzjoni tal-impatt, li takkumpanja l-pakkett leġiżlattiv adottat illum, turi li r-riforma proposta tal-qafas tas-CMDI tkun saħansitra aktar effettiva jekk tiġi kkombinata ma’ skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti. Skema bħal din tespandi x-xibka ta’ sikurezza disponibbli biex tipproteġi lid-depożitanti billi tnaqqas il-vulnerabbiltà tal-fondi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti għal xokkijiet lokali kbar ħafna. Dan jiżgura kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni Bankarja u jevita l-frammentazzjoni tas-suq minħabba diverġenzi bejn l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti. Il-ġbir flimkien tal-fondi tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti joħloq ukoll titjib fl-effiċjenza, li jagħmilha possibbli li jitnaqqas il-livell fil-mira għall-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti kollha li jikkontribwixxu, filwaqt li jitnaqqsu l-ispejjeż għall-banek filwaqt li jinżamm l-istess livell ta’ protezzjoni għad-depożitanti. Dan itejjeb ukoll il-konsistenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma’ governanza ċentrali msaħħa fi ħdan l-Unjoni Bankarja. Huwa ċar li skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti hija komplement essenzjali għall-qafas tas-CMDI.
Il-proposta tal-Kummissjoni għal skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) ġiet adottata fl-2015 u tipprevedi l-istabbiliment ta’ EDIS kompluta fi tliet stadji konsekuttivi: skema ta’ riassigurazzjoni għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali parteċipanti fl-ewwel perjodu ta’ tliet snin, skema ta’ koassigurazzjoni għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali parteċipanti fit-tieni perjodu ta’ erba’ snin, u assigurazzjoni sħiħa għal skemi ta’ garanzija tad-depożiti nazzjonali parteċipanti lil hinn minn dawn il-perjodi, jiġifieri t-tfassil finali u definittiv tal-EDIS. Fit-tliet stadji kollha, l-EDIS tkopri t-telf aħħari mġarrab mill-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti parteċipanti. Ġew esplorati wkoll diversi għażliet intermedji jew alternattivi bħal ma jkun mudell “ibridu” għall-EDIS. Għall-kuntrarju tal-proposta tal-EDIS tal-2015 u f’konformità mal-ideat imressqa mill-Kummissjoni f’Komunikazzjoni tal-2017, mudell ibridu bħal dan jagħmilha possibbli li parti mill-fondi ffinanzjati mill-industrija bankarja fl-Unjoni Bankarja tiddaħħal f’Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti biex tkun tista’ teżisti flimkien ma’ fondi li jibqgħu fi ħdan l-iskemi nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti. Matul fażi inizjali, il-Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti jipprovdi appoġġ ta’ likwidità lil skema ta’ garanzija tad-depożiti benefiċjarja meta din tal-aħħar tkun eżawriet il-fondi tagħha. Jekk il-Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti jiġi eżawrit, ikun jista’ jissellef mill-iskemi nazzjonali l-oħra ta’ garanzija tad-depożiti permezz ta’ mekkaniżmu ta’ self obbligatorju. Ir-riskju finali jibqa’ fil-livell nazzjonali peress li l-appoġġ ta’ likwidità riċevut mill-Fond ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti jiġi rimborżat mill-iskema nazzjonali ta’ garanzija tad-depożiti benefiċjarja.
In-negozjati politiċi dwar l-EDIS staġnaw u l-proċess leġiżlattiv issa ġie ilu jittawwal għal kważi tmien snin. Minkejja ħidma teknika sostanzjali fil-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, ma sar l-ebda progress tanġibbli lejn ftehim fil-Kunsill. Sadanittant, il-Parlament lanqas ma adotta r-rapport tiegħu. Fl-aħħar rapport annwali tiegħu dwar l-Unjoni Bankarja, il-Parlament Ewropew iddikjara r-rieda tiegħu li jerġa’ jqajjem in-negozjati dwar l-introduzzjoni tal-EDIS u, fil-5 ta’ Diċembru 2022, il-President tal-Kumitat ECON, u l-koordinaturi ta’ sitt gruppi politiċi ħarġu dikjarazzjoni politika li tħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jaħdmu lejn l-istabbiliment ta’ EDIS realistika, kredibbli u solida. Minħabba l-komplementarjetà bejn l-EDIS u r-riforma proposta tal-qafas tas-CMDI, għandha tingħata prijorità lil sforz imġedded biex jintlaħaq ftehim politiku dwar l-EDIS.
Konklużjoni
It-tlestija tal-Unjoni Bankarja tibqa’ prijorità politika tal-Unjoni Ewropea. Sar progress sinifikanti bl-istabbiliment tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li issa huma kompletament operattivi. Filwaqt li l-ftehim politiku dwar pjan ta’ ħidma għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja għadu ma ntlaħaqx, il-proposta għal riforma tal-qafas tas-CMDI adottata mill-Kummissjoni llum hija pass importanti ’l quddiem. Ir-riforma proposta se ttejjeb l-arranġamenti eżistenti għall-ġestjoni tal-fallimenti tal-banek b’mod li tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu protetti d-depożitanti u l-kontribwenti, filwaqt li l-Unjoni Bankarja tkun tista’ toffri livell saħansitra ogħla ta’ reżiljenza u kompetittività tas-sistema finanzjarja.
B’mod parallel, il-Kummissjoni qed twettaq evalwazzjoni tal-qafas tagħha tal-għajnuna mill-Istat għall-banek, li huwa mistenni li jitlesta fl-ewwel kwart tal-2024. L-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni se jinforma rieżami potenzjali sussegwenti tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-banek. Minħabba l-interkonnessjonijiet bejn il-qafas tas-CMDI u l-qafas tal-għajnuna mill-Istat għall-banek, tali rieżami potenzjali jkollu l-għan li jiżgura l-konsistenza bejn iż-żewġ oqfsa, filwaqt li jitqiesu x-xenarji regolatorji li se jiġu stabbiliti fil-qafas imġedded tas-CMDI. F’dan il-kuntest u skont ir-riżultati tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk jistax jiġi adottat approċċ aktar progressiv bi kriterji differenti għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ miżuri preventivi, miżuri ta’ riżoluzzjoni jew għajnuna għal-likwidazzjoni barra r-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta jekk użu aktar effettiv tar-riżoluzzjoni, inkluż il-finanzjament tagħha b’aċċess iffaċilitat għal xbieki ta’ sikurezza ffinanzjati mill-industrija, f’konformità mal-proposta tas-CMDI tal-lum, jippermettix aktar konsistenza tar-rekwiżiti.
Huwa essenzjali li l-isforz biex titlesta l-Unjoni Bankarja, inkluża skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti, għandu jitkompla u l-Kummissjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ għal dan il-kompitu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex jilħqu ftehim dwar ir-riforma proposta tal-qafas tas-CMDI qabel l-elezzjonijiet li jmiss tal-Parlament Ewropew fl-2024.