Werrej

I.Gwida għall-Istati Membri dwar prattiki tajbin biex jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-Proġetti tal-Enerġija Rinnovabbli

1.Introduzzjoni

2.Proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni aktar mgħaġġla u iqsar

a.Id-dispożizzjonijiet tar-REDII u t-tqabbil tal-prattiki tajbin fit-traspożizzjoni tagħhom

b.Prattiki tajbin oħrajn biex jitnaqqas it-tul tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi lil hinn mir-REDII

c.Żieda fil-flessibbiltà fl-adattament tal-ispeċifikazzjonijiet tat-teknoloġija fil-perjodu ta’ żmien bejn l-applikazzjoni għall-permess u l-kostruzzjoni tal-proġetti

3.Koordinazzjoni interna u proċeduri ċari u diġitalizzati biex titnaqqas il-kumplessità tal-proċessi ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva

a.Id-dispożizzjonijiet tar-REDII dwar il-punt uniku ta’ servizz u tqabbil ta’ prattiki tajbin fit-traspożizzjoni tagħhom

b.Eżempji oħrajn ta’ prattika tajba biex titnaqqas il-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi lil hinn mir-REDII

4.Riżorsi umani suffiċjenti u t-taħriġ fil-ħiliet tal-entitajiet li jagħtu l-permessi

5.Identifikazzjoni u ppjanar aħjar tal-postijiet għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli

a.Restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art/baħar u prattiki tajbin biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ żoni adattati

b.Użu multipli tal-ispazju

c.L-aċċettazzjoni u l-involviment tal-Komunità

d.Kunsiderazzjonijiet ambjentali

e.Kunsiderazzjonijiet relatati mad-difiża u mal-avjazzjoni

6.Konnessjoni aktar faċli mal-grilja, impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata, repowering u teknoloġiji innovattivi

a.Kwistjonijiet ta’ konnessjoni mal-grilja

b.Impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata

c.Repowering

d.Idroġenu

e.Appoġġ għall-innovazzjoni

II.Gwida lill-Istati Membri dwar l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija Rinnovabbli

1.Introduzzjoni

2.Kwistjonijiet regolatorji

3.L-espansjoni tad-disponibbiltà tal-ftehimiet korporattivi dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

4.Il-promozzjoni ta’ ftehimiet transfruntiera dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli



I.Gwida għall-Istati Membri dwar prattiki tajbin biex jitħaffu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-Proġetti tal-Enerġija Rinnovabbli 1

1.Introduzzjoni

L-enerġija rinnovabbli tinsab fil-qalba tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. B’dan il-ħsieb, il-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (“REDII”) imressqa mill-Kummissjoni f’Lulju 2021 bħala parti mill-pakkett biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew ipproponiet li jiġi rduppjat is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija fl-2030 meta mqabbel mal-2020, ħalli tilħaq mill-inqas 40 % 2

L-invażjoni Russa fl-Ukrajna biddlet l-aktar varar mgħaġġel possibbli tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fi prijorità strateġika tal-UE, minħabba li din se tnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili – primarjament importati – u tgħin biex l-enerġija terġa’ ssir affordabbli.

Flimkien mal-miżuri biex jiġu żgurati provvista tal-gass suffiċjenti u pjan għall-iffrankar tal-enerġija bi tħejjija għax-xitwa li jmiss, iż-żieda ta’ kapaċitajiet rinnovabbli ġodda malajr kemm jista’ jkun se tkompli tikkontribwixxi għall-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-kriżi fit-tul. Il-Komunikazzjoni REPowerEU 3 , li ssegwi l-Komunikazzjoni dwar is-Sett ta’ Għodod ta’ Ottubru 2021 4 , spjegat pjan biex l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi, u tibda bil-gass, ferm qabel jintemm dan id-deċennju. Il-Komunikazzjoni ssuġġeriet ukoll li l-koleġiżlaturi jikkunsidraw miri ogħla jew aktar bikrin għall-enerġija rinnovabbli u rreferiet għall-frontloading tal-enerġija eolika u solari, kif ukoll għall-pompi tas-sħana, li jżidu r-rata medja tal-varar b’20 %, u kapaċitajiet addizzjonali ta’ 80 GW sal-2030 biex jakkomodaw iż-żieda fil-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli.

Dan ifisser li l-pass attwali tal-varar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli se jkun meħtieġ jitħaffef b’mod sinifikanti biex jilħaq iż-żieda fil-kapaċità meħtieġa fil-ħin.

Il-prezzijiet għoljin tal-enerġija, xprunati l-aktar mill-prezzijiet għoljin tal-gass fossili, jikkostitwixxu raġuni addizzjonali biex jitħaffef il-varar tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u biex jitnaqqsu l-impatti negattivi fuq iċ-ċittadini u n-negozji tagħna. Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli qed joffru dejjem aktar kostijiet tal-elettriku li huma ferm inqas minn dawk tal-impjanti tal-enerġija bbażati fuq il-fjuwils fossili fis-suq bl-ingrossa. Huwa meħtieġ l-għoti mħaffef tal-permessi biex dawn jinġiebu fis-suq malajr. L-użu tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli jagħti aċċess dirett lill-industrija u lin-negozji Ewropej għal enerġija rinnovabbli rħisa, filwaqt li jipprovdi stabbiltà lill-iżviluppaturi ta’ proġetti rinnovabbli mingħajr il-ħtieġa li jistennew appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri, u b’hekk tiżdied id-disponibbiltà ta’ enerġija affordabbli, sigura u sostenibbli fl-UE.

Kemm jekk il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jiġu żviluppati permezz ta’ sejħiet għall-offerti pubbliċi jew ta’ ftehimiet korporattivi dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli kif ukoll jekk jiġu żviluppati fuq bażi ta’ negozjant, l-ostakli relatati mal-għoti tal-permessi 5 u ma’ proċeduri amministrattivi oħrajn 6 iżommu l-proġetti lura, iżidu l-inċertezza u l-kostijiet u jiskoraġġixxu lill-investituri, u b’hekk ipoġġu f’riskju l-kisba tal-miri tad-dekarbonizzazzjoni tal-UE u tal-mira proposta għall-enerġija rinnovabbli għall-2030 7 . Dawn l-ostakli, l-aktar fil-livell nazzjonali, reġjonali jew saħansitra f’dak lokali, jinkludu l-kumplessità tar-regoli applikabbli għall-għażla tas-siti u l-awtorizzazzjonijiet amministrattivi għall-proġetti, il-kwistjonijiet tal-konnessjoni mal-grilja, il-limitazzjonijiet fuq l-adattament tal-ispeċifikazzjonijiet tat-teknoloġija waqt il-proċedura tal-għoti tal-permessi, jew kwistjonijiet relatati mal-persunal tal-awtoritajiet li jagħtu l-permessi jew tal-operaturi tal-grilja. B’riżultat ta’ dan, iż-żmien meħtieġ għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jista’ jieħu sa għaxar snin. Il-każ għat-tneħħija ta’ dawn l-ostakli issa huwa aktar b’saħħtu minn qatt qabel.

Fl-2018, ir-REDII introduċiet regoli dwar l-organizzazzjoni u t-tul massimu tal-parti amministrattiva tal-proċess tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li jkopru l-permessi rilevanti kollha għall-bini, għar-repowering u għat-tħaddim tal-impjanti, u għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja. L-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu r-REDII, inklużi dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2021, iżda l-ebda Stat Membru ma ddikjara traspożizzjoni sħiħa tar-REDII sa din l-iskadenza. B’riżultat ta’ dan, f’Lulju 2021, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kollha għan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tar-REDII biex tagħmilhom konformi mal-obbligi tagħhom, inkluż dawk relatati mal-proċeduri amministrattivi. Sadanittant, il-maġġoranza tal-Istati Membri nnotifikaw il-miżuri nazzjonali tal-Kummissjoni adottati għat-traspożizzjoni tar-REDII, kompletament jew parzjalment. Fil-mument tal-pubblikazzjoni ta’ din il-gwida, 10 Stati Membri ma nnotifikaw l-ebda miżura nazzjonali li tittrasponi r-regoli introdotti mir-REDII dwar l-organizzazzjoni u t-tul tal-proċess tal-għoti tal-permessi (jiġifieri l-Artikolu 16), filwaqt li l-bqija nnotifikaw mill-inqas uħud mill-miżuri meħtieġa.

Il-Kummissjoni tosserva li bħalissa jeżistu varjazzjonijiet sinifikanti fir-regoli nazzjonali jew reġjonali għall-għoti tal-permessi bejn l-Istati Membri f’termini tat-tul u l-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi tagħhom. Dan jissuġġerixxi potenzjal sinifikanti għal titjib u tagħlim minn xulxin. Il-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni tiċċara d-dispożizzjonijiet tar-REDII dwar il-proċeduri amministrattivi, kif ukoll biex ixxerred l-aħjar prattiki, sabiex tiggwida lill-awtoritajiet li jagħtu l-permessi fl-applikazzjoni tagħhom.

Din il-gwida tippreżenta l-prattiki tajbin li jeżistu fl-Istati Membri bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv u tiżdied iċ-ċertezza tal-ippjanar għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli 8 . Hija takkumpanja Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tħaffif tal-proċeduri tal-għoti ta’ permessi u l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija, adottata flimkien ma’ proposta għal emenda mmirata tar-REDII dwar il-ħruġ ta’ permessi. Dawn l-inizjattivi jifformaw parti minn pakkett usa’ ta’ miżuri fil-qafas tal-pjan REPowerEU u tas-Semestru Ewropew li jappoġġaw il-varar imħaffef tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

L-indirizzar tal-ostakli eżistenti u l-identifikazzjoni ta’ dawk ġodda għall-ħruġ tal-permessi għandhom jiġu ttrattati bħala proċess kontinwu. F’dan il-kuntest, minn Marzu 2022, il-Kummissjoni bdiet taħdem ukoll mal-awtoritajiet tal-Istati Membri biex tneħħi l-ostakli relatati mal-proċess fil-qafas tat-Task force għall-Infurzar tas-Suq Uniku 9 . L-implimentazzjoni sħiħa u rapida tar-Rakkomandazzjoni bbażata fuq ideat konkreti għas-simplifikazzjoni u t-tqassir inklużi f’din il-gwida se tippermetti li jitnaqqas iż-żmien meħtieġ għall-proġetti rinnovabbli u l-varar massiv aktar mgħaġġel tagħhom.

Din il-gwida tidentifika l-oqsma ewlenin li ġejjin għat-titjib tal-ħruġ tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli: it-tnaqqis tat-tul u tal-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni, id-disponibbiltà ta’ biżżejjed persunal u t-taħriġ fil-ħiliet tal-entitajiet li jagħtu l-permessi u tal-awtoritajiet responsabbli għall-valutazzjonijiet ambjentali, għall-proċeduri tal-għażla tas-siti u għall-kwistjonijiet tal-konnessjoni mal-grilja. Barra minn hekk, f’ħafna Stati Membri jeżistu wkoll ostakli relatati man-nuqqas ta’ appoġġ għal ċerti proġetti mill-pubbliku jew mill-partijiet ikkonċernati lokali rilevanti. Il-kapitli li ġejjin se jipprovdu spjegazzjoni qasira tal-ostakli, tas-soluzzjonijiet possibbli, kif ukoll tal-prattiki tajbin identifikati fost il-miżuri nazzjonali għat-traspożizzjoni tar-REDII jew tal-miżuri li jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-REDII.

2.Proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni aktar mgħaġġla u iqsar 

It-tul tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jvarja ħafna bejn it-teknoloġiji differenti tal-enerġija rinnovabbli u bejn l-Istati Membri. Għall-proġetti eoliċi lil hinn mill-kosta, iż-żmien meħtieġ jista’ jkun sa 10 snin 10 , anki jekk il-parks eoliċi lil hinn mill-kosta Olandiżi li tlestew dan l-aħħar, bħal Borssele III u IV, saru operattivi bejn erba’ u ħames snin wara l-għoti tal-offerta. Għall-enerġija eolika fuq l-art, it-tul irrapportat tal-proċess tal-għoti tal-permessi jvarja bejn tliet u disa’ snin, u teżisti varjazzjoni sinifikanti mhux biss bejn l-Istati Membri, iżda xi drabi anke bejn ir-reġjuni differenti ta’ pajjiż wieħed. Għall-proġetti solari mmuntati fuq l-art, it-tul irrapportat ivarja bejn madwar sena u aktar minn erba’ snin u nofs 11 .

Madankollu, dawn il-medji huma bbażati fuq kampjuni li ma humiex rappreżentattivi għalkollox, minħabba li hemm nuqqas ta’ data komparabbli madwar l-UE dwar it-tul totali tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż it-tħejjija u l-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali 12 , l-għoti tal-permess għall-konnessjoni mal-grilja u l-indirizzar ta’ kwalunkwe sfida legali potenzjali. Barra minn hekk, it-tul tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jiddependi wkoll fuq id-disponibbiltà tal-grilji, u l-varar jew it-tisħiħ imħaffef tagħhom, għall-konnessjoni ta’ tali proġetti u għall-integrazzjoni tal-enerġija prodotta. Jeħtieġ jitqies ukoll li f’ċerti Stati Membri, il-proċeduri jistgħu jkunu aktar mgħaġġla, madankollu, mhux neċessarjament aktar effettivi. Diversi tipi ta’ ostakli jistgħu jwasslu biex jiġu approvati inqas proġetti, minkejja proċeduri aktar mgħaġġla. Dan jindika l-ħtieġa li ssir enfasi fuq l-ostakli li jfixklu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi u li jiġu indirizzati b’mod proattiv fl-Istati Membri kollha. Permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-Kummissjoni qed tipprovdi assistenza lil 17-il Stat Membru sabiex jeliminaw gradwalment id-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili Russi 13 , f’konformità mal-pjan REPowerEU, inkluż fuq l-għoti tal-permessi b’mod aktar mgħaġġel għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tat-tnedija tal-enerġija solari fuq il-bjut. B’mod speċifiku, skont is-sejħa tat-TSI għall-2023, il-Kummissjoni qed toffri appoġġ lill-Istati Membri permezz ta’ proġett ewlieni ta’ appoġġ tekniku dwar “Accelerating permitting for renewable energy” 14 .

Il-kooperazzjoni reġjonali bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali simili tal-enerġija fuq skala kbira wriet li taġixxi bħala katalista biex jitħaffef l-għoti tal-permessi u jitwettqu dawn il-proġetti 15 . Il-Kummissjoni tippresjedi erba’ gruppi ta’ livell għoli f’reġjuni differenti tal-Unjoni Ewropea 16 . Il-livell għoli ta’ appoġġ politiku li jirċievu dawn il-gruppi jiffaċilita viżjoni reġjonali komuni u jippermetti t-tfassil ta’ prijoritajiet reġjonali u l-għoti ta’ gwida strateġika fl-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni fl-infrastruttura tal-enerġija (PCIs), li jeħtieġu kunsens qawwi. Bl-iżvilupp tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta rikonoxxut bħala prijorità pan-Ewropea fil-Gruppi ta’ Livell Għoli kollha 17 , il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ewlenin jistgħu jiġu identifikati bħala prijoritajiet fil-flussi tax-xogħol ta’ dawn il-gruppi u jibbenefikaw minn monitoraġġ mill-qrib u kooperazzjoni msaħħa f’livelli politiċi differenti bejn l-Istati Membri li jappartjenu għal ċertu reġjun.

a.Id-dispożizzjonijiet tar-REDII u t-tqabbil tal-prattiki tajbin fit-traspożizzjoni tagħhom

Ir-REDII tispeċifika li l-proċeduri amministrattivi għall-għoti tal-permessi ma għandhomx jaqbżu s-sentejn għall-impjanti tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli u għall-infrastruttura tal-grilja relatata, inkluż il-proċeduri rilevanti kollha ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar mill-awtoritajiet kompetenti. Dispożizzjoni simili dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għall-infrastruttura tal-idroġenu hija inkluża fil-pakkett propost dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-idroġenu u tal-gass 18 . Għal proġetti taħt il-150 kW u r-repowering tal-impjanti eżistenti tal-enerġija rinnovabbli, il-proċess amministrattiv ma għandux jieħu iktar minn sena. Dawn l-iskadenzi ma jinkludux iż-żmien meħtieġ għall-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni, li tista’ tieħu żmien twil biex titlesta, jew it-tul ta’ kwalunkwe proċediment tal-qorti, u jistgħu jiġu estiżi b’sena f’ċirkostanzi straordinarji 19 .

Minbarra t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, xi Stati Membri introduċew kjarifiki komplementari li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet li jippermettu l-estensjoni tal-iskadenza, jew li taw il-kompitu lill-awtoritajiet rilevanti li jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li l-iskedi ta’ żmien miftiehma jiġu rrispettati. Fir-rigward tal-estensjoni tal-iskadenza b’massimu ta’ sena addizzjonali, l-Iżvezja tispeċifika li l-iskadenza tista’ tiġi estiża f’każ li jkun hemm il-ħtieġa ta’ żidiet li jieħdu ż-żmien minħabba regolamenti, informazzjoni jew linji gwida ġodda, jew jekk id-dewmien ikun dovut għal ċirkostanzi esterni li ma setgħux jiġu previsti mill-bidu nett. Is-Slovenja tintroduċi dispożizzjoni li tispeċifika li qabel l-iskadenza definita, l-iżviluppatur tal-proġett jeħtieġ jirċievi deċiżjoni motivata li permezz tagħha, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali spjegati fid-deċiżjoni, il-proċedura tiġi estiża b’massimu ta’ sena.

Fir-rigward tal-iżgurar li l-proċedura tal-awtorizzazzjoni ma taqbiżx l-iskedi ta’ żmien miftiehma f’każijiet fejn ikunu involuti diversi awtoritajiet, il-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Finlandja jinkludu r-rekwiżit li jekk tkun meħtieġa aktar minn proċedura waħda ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ approvazzjoni amministrattiva għall-kostruzzjoni, l-aġġornament, il-konnessjoni mal-grilja u t-tħaddim ta’ impjant tal-enerġija rinnovabbli, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli jeħtieġ jikkooperaw biex jikkonformaw mal-limiti taż-żmien. Il-punt uniku ta’ kuntatt għall-promoturi tal-proġetti 20 għandu l-kompitu li jassisti lill-awtoritajiet kompetenti biex jaqblu fuq l-iskedi ta’ żmien tal-ipproċessar għall-proċeduri tagħhom, fejn xieraq. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tispeċifika l-punti li fihom jibda u jintemm il-kalkolu tal-limitu ta’ żmien, u l-punt uniku ta’ kuntatt għandu l-kompitu li jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-iskadenzi.

Fir-rigward tal-monitoraġġ u r-rapportar dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali, fir-rapporti nazzjonali integrati ta’ progress dwar l-enerġija u l-klima, li għandhom jiġu sottomessi lill-Kummissjoni sal-15 ta’ Marzu 2023, u kull sentejn wara din id-data, l-Istati Membri huma meħtieġa jirrapportaw dwar il-miżuri speċifiċi biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli minn 15 sa 17 tar-REDII biex jissimplifikaw u jqassru l-proċeduri tal-għoti tal-permessi u jagħmluhom aktar trasparenti 21 . Minbarra dan, monitoraġġ u valutazzjoni koerenti madwar l-UE kollha tal-proċeduri amministrattivi ta’ awtorizzazzjoni għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jagħtu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-promoturi tal-proġetti għarfien dwar it-tul tal-fażijiet varji tal-awtorizzazzjoni tal-proġetti, il-kamp ta’ applikazzjoni u r-rekwiżiti tagħhom u l-awtoritajiet involuti fihom, kif ukoll dwar il-karatteristiċi komuni potenzjali tad-dewmien u ta’ ostakli oħrajn fit-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jew fl-istadji tal-awtorizzazzjoni.

b.Prattiki tajbin oħrajn biex jitnaqqas it-tul tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi lil hinn mir-REDII

It-tul tal-proċedimenti tal-qorti huwa barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-limitu ta’ żmien stabbilit fir-REDII, iżda l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri biex inaqqsu l-proċeduri mtawla minħabba kontestazzjonijiet fil-qrati. Filwaqt li għandu jiġi żgurat id-dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja, l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw is-sistema ġuriżdizzjonali nazzjonali tagħhom b’tali mod li jiżguraw ipproċessar aktar mgħaġġel tal-każijiet ta’ litigazzjoni, bħal proċeduri ta’ istanza waħda għal ċerti proġetti ta’ importanza nazzjonali, l-istabbiliment ta’ skadenzi għal ċerti passi tal-proċedura ta’ litigazzjoni skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali biex tiġi evitata l-estensjoni bla bżonn tal-proċeduri ta’ appell, jew l-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet immirati biex jillimitaw il-litigazzjoni abbużiva. Diversi Stati Membri diġà ħadu miżuri biex jissimplifikaw it-tul tal-proċedimenti tal-qorti relatati mal-permessi.

Franza naqqset l-għadd ta’ appelli possibbli kontra l-awtorizzazzjonijiet ambjentali għall-proġetti eoliċi fuq l-art minn tlieta għal tnejn biss. Mill-1 ta’ Diċembru 2018, l-appelli jistgħu jitressqu direttament lill-Qrati Amministrattivi tal-Appell u ma għadux meħtieġ li l-ewwel imorru quddiem it-Tribunali Amministrattivi (dan diġà kien il-każ għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta sa mill-adozzjoni ta’ Digriet f’Jannar 2016).

In-Netherlands iddeċidew li l-permessi għall-proġetti eoliċi fuq l-art ta’ aktar minn 100 MW u għall-proġetti PV solari ta’ aktar minn 50 MW jistgħu jiġu appellati biss quddiem il-qorti għolja.

Minbarra s-simplifikazzjoni tal-qafas relatat mal-proċedimenti tal-qorti, xi Stati Membri introduċew ukoll miżuri oħrajn li jippermettu l-prijoritizzazzjoni u, b’hekk, l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi, bħall-iffissar ta’ kategoriji ta’ proġetti strateġiċi. Xi proġetti ta’ importanza nazzjonali jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura leġiżlattiva permezz ta’ att speċifiku f’konformità mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA). Dan jippermetti lill-Istati Membri jeżentaw dak il-proġett mid-dispożizzjonijiet relatati mal-konsultazzjoni pubblika 22 .

Il-gvern reġjonali ta’ Andalusia fi Spanja ħoloq “unità ta’ aċċelleratur” għall-proġetti meqjusa strateġiċi taħt il-mandat tad-Dipartiment reġjonali tal-Amministrazzjoni Pubblika u l-Intern. Ir-rikonoxximent ta’ importanza strateġika jimplika li l-proġetti magħżula jirċievu trattament preferenzjali fir-rigward tal-ipproċessar amministrattiv tal-permessi u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom.

Mod tajjeb ieħor biex jitħaffef l-għoti tal-permessi huwa li jkun permess li jsiru diversi applikazzjonijiet fl-istess waqt minflok b’mod sekwenzjali, inkluż għall-proġetti tal-grilja relatati.

Fl-Awstrija, pereżempju, l-iżviluppaturi jistgħu japplikaw għal diversi permessi (liċenzja tal-produzzjoni tal-elettriku, approvazzjoni skont il-proċedura tal-liġi dwar il-konservazzjoni tan-natura, proċedura tal-liġi dwar l-avjazzjoni, permess tal-liġi dwar il-forestrija, permess tal-liġi dwar l-ilma, permess tal-liġi dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, permess tal-bini) b’mod parallel. L-għażla tas-siti u l-applikazzjoni tal-konnessjoni mal-grilja jistgħu jsiru wkoll b’mod parallel. Fi Franza u fil-Belġju (Flanders u Wallonia), ġew introdotti proċeduri ta’ “permess uniku”. Fil-każ ta’ Flanders u Wallonia, dawn il-permessi uniċi jikkombinaw il-proċeduri għall-permessi ambjentali u urbani, flimkien ma’ eżenzjonijiet għal proġetti fuq skala żgħira. Fi Franza, il-proċedura tippermetti li jsir eżami wieħed ta’ diversi permessi għall-proġetti eoliċi, inkluż awtorizzazzjonijiet ambjentali, navigazzjoni bl-ajru u drittijiet ta’ passaġġ militari u l-liċenzja għall-produzzjoni tal-elettriku.

Fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira mill-unitajiet domestiċi u mill-komunitajiet tal-enerġija, in-nuqqas ta’ riżorsi saħansitra jaggrava aktar l-ostakli li diġà jiltaqgħu magħhom il-parteċipanti professjonali tas-suq. Fil-Greċja, il-komunitajiet tal-enerġija jirċievu trattament ta’ prijorità fl-applikazzjonijiet għall-konnessjoni mal-grilja, l-approvazzjoni tal-kundizzjonijiet ambjentali u l-liċenzjar tal-produzzjoni meta mqabbla ma’ applikazzjonijiet oħrajn fl-istess territorju għall-istess ċiklu tal-applikazzjoni. Fil-Portugall, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli jibbenefikaw minn eżenzjonijiet mir-rekwiżiti ta’ kontroll/komunikazzjoni, reġistrazzjoni u tħaddim minn qabel, skont il-kapaċità installata jew l-użu tan-network pubbliku għall-injezzjoni tal-elettriku f’każ ta’ awtokonsum. Bl-istess mod, fl-Irlanda, mhux meħtieġ li l-komunitajiet tal-enerġija jkollhom permess tal-ippjanar qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni tal-grilja tagħhom u huma soġġetti għal proċedura ta’ awtorizzazzjoni ssimplifikata 23 .

Konsultazzjoni pubblika bikrija u t-twettiq ta’ ċerti studji aktar kmieni fil-proċess ukoll jistgħu jħaffu l-għoti tal-permessi. Pereżempju, fil-każ tal-PCIs, it-twettiq ta’ konsultazzjoni pubblika obbligatorja fil-bidu tal-proċess tal-għoti tal-permessi sabiex jiġi stabbilit il-post tal-proġett għen biex jiġu identifikati u indirizzati kwistjonijiet ta’ aċċettazzjoni mill-pubbliku.

Fl-aħħar nett, il-valutazzjonijiet mill-awtoritajiet li jagħtu l-permessi fil-qafas tal-proċeduri ambjentali jistgħu jitħaffu billi jiġu stabbiliti skadenzi speċifiċi. Meta tkun meħtieġa valutazzjoni ambjentali, l-Istati Membri għandhom jillimitaw it-tul ta’ diversi passi tal-proċedura tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali 24 billi jintroduċu perjodi ta’ żmien massimi vinkolanti, b’mod partikolari għal:

·il-ħruġ ta’ opinjoni dwar id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni mill-awtorità kompetenti – mhux aktar minn xahar

·il-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali u l-ħruġ ta’ konklużjoni motivata – mhux aktar minn tliet xhur b’possibbiltà ta’ estensjoni għal tliet xhur addizzjonali,

·il-konklużjoni ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar ir-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali – mhux aktar minn xahrejn,

·il-ħruġ ta’ kunsens għall-iżvilupp – mhux aktar minn sitt xhur.

Madwar nofs l-Istati Membri diġà stabbilew skedi ta’ żmien speċifiċi biex l-awtoritajiet kompetenti japprovaw il-proġetti wara li jirċievu l-valutazzjoni tal-impatt ambjentali sottomessa mill-iżviluppatur. F’ħafna każijiet, dawn ma jaqbżux xahar jew xahrejn (il-Bulgarija, Franza, l-Italja, Malta, il-Greċja, il-Latvja u r-Rumanija).

Simplifikazzjoni oħra possibbli hija eżenzjoni kondizzjonali mill-permessi tal-bini flimkien mar-rekwiżiti ta’ notifika għal sistemi PV fuq skala żgħira. Fir-reġjun Belġjan ta’ Flanders, il-PV solari hija eżentata minn permess tal-bini taħt ċerti kundizzjonijiet 25 .

c.Żieda fil-flessibbiltà fl-adattament tal-ispeċifikazzjonijiet tat-teknoloġija fil-perjodu ta’ żmien bejn l-applikazzjoni għall-permess u l-kostruzzjoni tal-proġetti 

It-tul tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi jew id-dewmien fl-għoti tal-permessi jista’ jwassal għal installazzjoni ta’ teknoloġija subottimali f’każijiet fejn l-iżviluppaturi tal-proġetti jkunu obbligati jimplimentaw l-ispeċifikazzjonijiet teknoloġiċi eżatti 26 tal-applikazzjoni għall-permess inizjali tagħhom. F’każijiet fejn l-għoti ta’ permess jieħu tant żmien li s-soluzzjoni teknoloġika approvata ma tkunx baqgħet valida, il-promotur tal-proġett ikollu japplika għal permess ġdid jew iwettaq valutazzjoni tal-impatt ambjentali ġdida sabiex ikun jista’ juża l-aħħar teknoloġija disponibbli. Aktar flessibbiltà, jiġifieri li l-iżviluppaturi jitħallew japplikaw għal firxa ta’ parametri teknoloġiċi, tgħin biex l-aktar teknoloġiji effiċjenti jiġu varati b’mod aktar mgħaġġel, mingħajr ma neċessarjament tinvolvi impatt ambjentali akbar.

Sabiex jindirizzaw din il-kwistjoni, xi Stati Membri jużaw l-hekk imsejjaħ “mudell kaxxa” għall-permessi, li jippermetti lill-iżviluppaturi jistabbilixxu firxa ta’ parametri tat-teknoloġija fl-applikazzjoni tagħhom għall-permess (eż. fir-rigward tal-għoli tal-ponta tat-turbina eolika), filwaqt li jagħtihom flessibbiltà li jużaw teknoloġija mill-aktar avvanzata u jimmassimizzaw l-effiċjenza u l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Pereżempju, l-Iżvezja diġà tippermetti li dan il-mudell ta’ permess jiġi applikat għal ċerti proġetti eoliċi. L-iżviluppaturi tal-proġetti jridu jindikaw iż-żona tal-proġett, l-għadd massimu ta’ turbini, l-għoli massimu sal-ponta, iż-żoni ristretti fiż-żona tal-proġett u l-impronta massima tal-infrastruttura. Dawn għandhom il-flessibbiltà li jottimizzaw it-tqassim u jżidu jew inaqqsu d-daqs tar-rotor u l-għoli tal-buttun. L-iżviluppaturi huma permessi wkoll jużaw l-aħħar teknoloġija tat-turbini biex jottimizzaw it-tqassim u jimmassimizzaw il-kapaċità fil-permess 27 . Ir-Rumanija tawtorizza bidliet fit-tip ta’ turbina eolika wara li jinħareġ il-permess tal-bini finali, sakemm jiġu ssodisfati l-parametri ewlenin (l-għoli sal-ponta u r-rotor). L-iżviluppaturi għandhom jinnotifikaw biss tali bidliet lill-awtoritajiet kompetenti.

3.Koordinazzjoni interna u proċeduri ċari u diġitalizzati biex titnaqqas il-kumplessità tal-proċessi ta’ awtorizzazzjoni amministrattiva

Skont l-Istat Membru, il-promoturi tal-proġetti għandhom jinteraġixxu mal-amministrazzjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali u/jew ma’ dipartimenti jew ministeri differenti. Diversi saffi ta’ leġiżlazzjoni u proċeduri nazzjonali u reġjonali kultant kunfliġġenti, flimkien ma’ nuqqas ta’ diviżjoni ċara tal-kompetenzi bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u/jew lokali jżidu kumplessitajiet bla bżonn u jistgħu jirriżultaw f’dewmien fil-proċess tal-għoti tal-permessi. Skont il-partijiet ikkonċernati, mhux dejjem ikun ċar jekk l-involviment ta’ ċerti awtoritajiet fil-proċess tal-awtorizzazzjoni amministrattiva huwiex obbligatorju u jekk l-opinjoni tagħhom hijiex vinkolanti. Barra minn hekk, meta diversi korpi pubbliċi jkunu involuti fl-għoti ta’ permess, spiss ikun hemm nuqqas ta’ trasparenza rigward l-istatus ta’ applikazzjoni għal proġett u l-istadju li fih ikun hemm ostaklu. Barra minn hekk, it-tnedija ta’ għodod u soluzzjonijiet diġitali hija irregolari fost l-amministrazzjonijiet.

a.Id-dispożizzjonijiet tar-REDII dwar il-punt uniku ta’ servizz u tqabbil ta’ prattiki tajbin fit-traspożizzjoni tagħhom 

Ir-REDII tirrikjedi li l-Istati Membri jaħtru punt uniku ta’ kuntatt (“punt uniku ta’ servizz”) għall-għoti ta’ permessi għall-bini, ir-repowering u t-tħaddim tal-assi tal-ġenerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tal-infrastruttura tal-grilja relatata 28 , simili għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament TEN-E 29 u kif propost skont il-pakkett dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-idroġenu u tal-gass 30 . Jeżistu wkoll eżempji f’setturi oħrajn fejn l-introduzzjoni ta’ punti uniċi ta’ servizz naqqset iż-żmien u l-kost investiti fit-tiftix tal-informazzjoni, speċjalment b’rabta mar-rekwiżiti tal-ħruġ tal-liċenzji u tal-permessi 31 . F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, ir-REDII tagħti lill-Istati Membri l-flessibbiltà li jagħżlu l-aktar regoli ta’ implimentazzjoni xierqa, sakemm l-applikanti ma jkunux meħtieġa jikkuntattjaw aktar minn punt ta’ kuntatt wieħed għall-proċess kollu tal-għoti tal-permessi.

Jeżistu diversi alternattivi għat-tfassil ta’ punt uniku ta’ servizz. Punt uniku ta’ servizz purament amministrattiv jidderieġi l-komunikazzjoni bejn il-promotur ta’ proġett rinnovabbli u l-awtoritajiet rilevanti involuti fl-għoti tad-diversi permessi meħtieġa għall-bini ta’ impjant tal-enerġija u għall-konnessjoni tiegħu mal-grilja. Tista’ tiġi prevista wkoll estensjoni tal-mandat tal-punt ta’ kuntatt amministrattiv, u l-punt ta’ kuntatt innifsu jista’ jiġi fdat bil-ħruġ tal-permessi kollha meħtieġa. Jistgħu jiġu stabbiliti diversi punti uniċi ta’ servizz biex jittrattaw daqsijiet differenti ta’ proġetti, teknoloġiji rinnovabbli jew diviżjonijiet amministrattivi fi Stat Membru, sakemm kull applikant ikollu punt uniku ta’ kuntatt wieħed li jista’ jiddependi fuqu għal proġett partikolari.

Ġew stabbiliti wkoll punti uniċi ta’ servizz minn entitajiet responsabbli għall-infrastruttura tal-grilja, bħall-“awtoritajiet nazzjonali kompetenti” għall-proġetti ta’ interess komuni skont ir-Regolament TEN-E, jew l-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali, l-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni, u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali għal tipi ta’ grilji oħrajn. Il-koordinazzjoni mill-qrib u l-allinjament tal-proċessi bejn il-punti uniċi ta’ servizz tar-REDII, l-“awtoritajiet nazzjonali kompetenti” huma rakkomandabbli fil-każ ta’ proġetti ta’ interess komuni. L-istrutturi ta’ kooperazzjoni reġjonali eżistenti li jittrattaw il-politika tal-enerġija, bħall-gruppi politiċi ta’ livell għoli msemmija hawn fuq, jistgħu jkunu xierqa biex jesploraw u jespandu din il-koordinazzjoni mill-qrib.

Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu r-REDII, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-Istati Membri ħatru aġenzija nazzjonali tal-enerġija eżistenti jew aġenzija ta’ implimentazzjoni oħra bħala l-punt uniku ta’ kuntatt, bil-kompitu li jissimplifikaw il-proċess amministrattiv tal-applikazzjoni u tal-għoti tal-permessi. L-elenkar tal-awtoritajiet kollha li magħhom il-punt uniku ta’ kuntatt jiżgura l-komunikazzjoni u l-koordinazzjoni jżid iċ-ċertezza u t-trasparenza għall-promoturi tal-proġetti, bħalma tagħmel ir-referenza għal-leġiżlazzjoni speċifika li dwarha l-punt ta’ kuntatt jista’ jipprovdi pariri.

Fil-każ tad-Danimarka, l-Aġenzija Daniża tal-Enerġija (DEA) inħatret bħala l-punt ta’ kuntatt, u tipprovdi gwida ġenerali dwar il-proċess amministrattiv, inklużi l-passi li jeħtieġ jittieħdu biex jiġu stabbiliti u mħaddma l-faċilitajiet tal-enerġija rinnovabbli. Fil-każ tal-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, id-DEA stess toħroġ il-permessi għall-proġetti fl-ibħra territorjali tad-Danimarka u fiż-Żona Ekonomika Esklużiva tagħha. Id-DEA tħejji u toħroġ il-liċenzji permezz ta’ proċess iterattiv mal-awtoritajiet rilevanti u tibgħat informazzjoni speċifika għall-proġett lill-awtoritajiet biex jittaffew l-interessi kunfliġġenti 32 .

Fil-każ tal-Iżvezja, l-Aġenzija Żvediża tal-Enerġija għandha l-kompitu li tistabbilixxi punt ta’ kuntatt diġitali u tkun responsabbli għalih. Għandhom jiġu pprovduti links diretti għall-awtoritajiet li jittrattaw każ permezz tal-punt ta’ kuntatt. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu r-REDII jinkludu wkoll lista ta’ awtoritajiet, li għandhom jassistu l-punt ta’ kuntatt, inklużi l-awtoritajiet u l-aġenziji responsabbli għall-kwistjonijiet marittimi, il-ħarsien tal-ambjent, il-wirt nazzjonali u l-agrikoltura, kif ukoll il-muniċipalitajiet.

Il-punt uniku ta’ kuntatt tal-Finlandja għandu l-kompitu li jipprovdi pariri proċedurali dwar l-awtorizzazzjoni u proċeduri amministrattivi oħrajn għall-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali jinkludu lista ta’ elementi li għalihom japplika d-dmir tal-punt ta’ kuntatt li jiġu offruti pariri, li tinkludi l-opinjoni tal-Forzi tad-Difiża dwar l-aċċettabbiltà tal-kostruzzjoni tal-enerġija eolika.

b.Eżempji oħrajn ta’ prattika tajba biex titnaqqas il-kumplessità tal-proċeduri amministrattivi lil hinn mir-REDII

F’każijiet fejn amministrazzjonijiet differenti jeħtieġ jikkoordinaw u jagħtu l-approvazzjoni tagħhom, in-nuqqas ta’ tweġiba min-naħa ta’ amministrazzjoni minnhom li żżomm il-passi li jmiss jista’ jittaffa permezz tal-introduzzjoni ta’ fehim amministrattiv taċitu f’kundizzjonijiet definiti b’mod ċar u sakemm ma tkunx meħtieġa tweġiba mid-dritt tal-UE jew minn dak nazzjonali. Spanja reċentement introduċiet fehim amministrattiv taċitu għal passi amministrattivi speċifiċi f’digriet tal-2020 għall-installazzjonijiet ta’ awtokonsum u l-parks solari. Kull meta diversi amministrazzjonijiet involuti jkunu meħtieġa jagħtu tweġiba lil xulxin u ma jagħmlux dan fi żmien 30 jum, il-pass amministrattiv speċifiku jitqies bħala approvat.

Fir-rigward tal-użu ta’ għodod u soluzzjonijiet diġitali b’mod aktar wiesa’ matul il-proċeduri tal-għoti tal-permessi, ir-REDII tirrikjedi li l-applikanti jitħallew jissottomettu d-dokumenti rilevanti wkoll f’forma diġitali 33 . Barra minn hekk, l-użu tal-komunikazzjoni elettronika biex jissostitwixxi l-użu ta’ formoli stampati u pjattaformi ta’ komunikazzjoni diġitali li jgħaqqdu l-proċessi ta’ applikazzjoni differenti jista’ jgħin ukoll lill-persunal fl-awtoritajiet li jagħtu l-permessi fl-immaniġġjar tal-applikazzjonijiet, kif ukoll jifforma l-bażi għall-monitoraġġ u t-titjib tal-proċeduri. Dan iżid ukoll it-trasparenza għall-promoturi tal-proġetti fir-rigward tal-istatus attwali tal-applikazzjoni tagħhom, filwaqt li jippermetti lid-diversi awtoritajiet kollha involuti jaċċessaw l-istess entrata ċentralizzata tal-proġett.

F’dan ir-rigward, fil-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRP) tiegħu, Ċipru inkluda riforma li tistabbilixxi punt uniku ta’ servizz diġitali biex jissimplifika l-għoti tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Skont l-RRP, Ċipru talab ukoll assistenza teknika mid-DĠ REFORM biex jgħin fit-tfassil tal-metodoloġija meħtieġa għall-iżvilupp tal-punt uniku ta’ servizz. L-Istat Ġermaniż tas-Sassonja t’Isfel introduċa formola tal-applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni elettronika għall-applikazzjonijiet għall-protezzjoni mill-immissjonijiet (ELiA) 34 , li qiegħda tintuża minn tmien stati federali Ġermaniżi u toffri sottomissjoni kriptata tad-dokumenti ta’ applikazzjoni. Fin-Netherlands, hemm pjattaforma online għal “Permess Komprensiv għall-Aspetti Fiżiċi” għall-enerġija eolika fuq l-art u l-PV immuntata fuq l-art. Irrispettivament minn jekk l-awtorità responsabbli fil-proċedura tal-għoti tal-permessi tkunx il-muniċipalità, il-provinċja jew il-gvern nazzjonali, il-pjattaforma online hija aċċessibbli, kemm għall-awtorità responsabbli kif ukoll għall-iżviluppatur tal-proġett. Barra minn hekk, il-pjattaforma online tintuża wkoll minn xi provinċji biex japplikaw għal Permess tan-Natura.

Il-punti uniċi ta’ informazzjoni huma rilevanti wkoll għall-informazzjoni, il-pariri u t-taħriġ dwar il-bini tal-kapaċità għall-komunitajiet taċ-ċittadini u tal-enerġija rinnovabbli. L-informazzjoni, li tinvolvi kemm lill-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll lil dawk lokali, tista’ tinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar ir-rekwiżiti proċedurali biex jinkisbu liċenzji u permessi. Jista’ jingħata wkoll appoġġ lin-networks tal-komunitajiet tal-enerġija biex jiżviluppaw tali punti ta’ informazzjoni.

4.Riżorsi umani suffiċjenti u t-taħriġ fil-ħiliet tal-entitajiet li jagħtu l-permessi

L-ipproċessar ta’ għadd dejjem akbar ta’ permessi tal-proġetti se jkun jeħtieġ biżżejjed persunal b’ħiliet adegwati fl-awtoritajiet li jagħtu l-permessi u l-operaturi tal-grilja, kif ukoll persunal responsabbli għall-valutazzjonijiet ambjentali u l-qrati nazzjonali li jittrattaw il-proċeduri ta’ appell. Kif spjegat fir-rapport interim ta’ RES Simplify u kkonfermat mill-konsultazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni għal din l-inizjattiva, in-nuqqas ta’ persunal fl-awtoritajiet li jagħtu l-permessi bħalissa jikkostitwixxi ostaklu importanti għall-varar tal-proġetti f’ħafna Stati Membri – jew ma hemmx biżżejjed persunal, u/jew il-persunal ma jkollux l-għarfien espert jew il-ħiliet meħtieġa biex jipproċessa l-applikazzjonijiet tal-proġett. Skont is-sejbiet tar-rapport, huwa rrapportat li n-nuqqas ta’ persunal huwa aktar prevalenti fi Stati Membri kbar, fejn il-problema hija akbar fil-livell nazzjonali milli fil-livell reġjonali, filwaqt li n-nuqqas ta’ għarfien espert huwa aktar komuni fis-swieq li huma inqas familjari ma’ teknoloġija partikolari u li għandhom inqas proġetti kompluti. In-nuqqas ta’ għarfien espert spiss iseħħ fil-livell lokali, fejn il-persunal ikollu inqas opportunità li jispeċjalizza, u/jew huwa relatat ma’ mistoqsijiet tekniċi u legali kumplessi. Dan huwa partikolarment komuni fiż-żoni rurali, b’kapaċitajiet amministrattivi żgħar, iżda fejn jitfasslu proġetti kbar tal-enerġija rinnovabbli. Il-kwistjonijiet relatati mal-persunal għandhom impatt fuq ostakli oħrajn, minħabba li l-awtoritajiet ma għandhomx il-kapaċità li jikkoordinaw il-ħidma tagħhom ma’ xulxin, u dan jippermetti eżekuzzjoni aktar bla xkiel tal-proċessi amministrattivi. Dan jinkludi l-implimentazzjoni ta’ punt uniku ta’ kuntatt, fejn in-nuqqas ta’ persunal jew għarfien espert rilevanti jista’ joħloq ostakli addizzjonali fil-proċeduri amministrattivi 35 . Għalhekk, huwa essenzjali li jiġu żgurati ħiliet xierqa u impjiegi attraenti fis-setturi kkonċernati, fid-diversi livelli amministrattivi, inkluż iżda mhux limitati għall-awtoritajiet li jagħtu l-permessi.

Huwa meħtieġ approċċ immirat u antiċipattiv biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ persunal, minn naħa waħda, u n-nuqqas ta’ ħiliet, min-naħa l-oħra. Bħala parti minn dan l-approċċ u f’konformità mal-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-integrazzjoni tal-ġeneri fl-oqsma kollha 36 , inkluż it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, għandha tingħata attenzjoni speċifika biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni tan-nisa u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd fil-livelli kollha.

Fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) tagħhom, l-Istati Membri ntalbu jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċità totali ppjanata tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli installata mill-2021 sal-2030, diviża bil-kapaċità ġdida u r-repowering, għal kull teknoloġija u settur f’MW. L-Istati Membri kienu meħtieġa wkoll jidentifikaw miżuri speċifiċi biex jipprovdu informazzjoni u taħriġ. Din il-kapaċità installata ppjanata, flimkien ma’ valutazzjoni taż-żidiet fil-kapaċità mogħtija mal-livelli tal-persunal eżistenti, għandha tiggwida lill-Istati Membri fl-istima tal-ħtiġijiet tal-persunal u tal-ibbaġitjar tal-awtoritajiet li jagħtu l-permessi.

Filwaqt li teżisti data limitata dwar l-impjiegi għall-awtoritajiet li jagħtu l-permessi, fi Spanja, ir-Reġjun ta’ Aragón ta 1,100 MW ta’ permessi ġodda għall-parks eoliċi fuq l-art fl-2018, bi 30 membru tal-persunal iddedikati bis-sħiħ għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-permessi għall-proġetti eoliċi u dawk PV 37 . Il-Finlandja allokat EUR 6 miljun mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha biex timpjega b’mod temporanju r-riżorsi umani għall-permessi u l-proċeduri ambjentali u għall-ipproċessar tal-proġetti fis-snin 2021-2023, u biex tappoġġa t-teknoloġiji ġodda tal-enerġija, inklużi l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, l-enerġija solari fuq skala kbira u l-enerġija ġeotermali. L-appoġġ finanzjarju se jintuża għall-kostijiet tal-persunal relatati mal-valutazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, l-ipproċessar tal-appelli kontra deċiżjonijiet tal-permessi ambjentali u biex jingħata appoġġ lill-muniċipalitajiet u lill-kontej fl-iżgurar tal-ippjanar tal-użu tal-art u l-għoti tal-permessi tal-kostruzzjoni. L-Italja stabbiliet task force ta’ 40 membru, issorveljata mill-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, iddedikata għall-implimentazzjoni tal-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħha u tal-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħha. Għandha l-kompitu li tħaffef l-ipproċessar tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali. Kull wieħed mill-membri tat-task force għandu mill-inqas ħames snin ta’ esperjenza professjonali u l-ħiliet meħtieġa biex jivvaluta l-aspetti tekniċi, ambjentali u dawk relatati mal-pajsaġġ tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Il-pjan ta’ simplifikazzjoni ta’ 18-il punt tal-Ġermanja għall-għoti tal-permessi għall-proġetti eoliċi fuq l-art jipprevedi li l-istati federali jeħtieġ jiżguraw li l-awtoritajiet tal-ippjanar u tal-approvazzjoni jkollhom biżżejjed persunal allokat u t-tagħmir tekniku meħtieġ biex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-permessi. Barra minn hekk, il-ftehim ta’ koalizzjoni Ġermaniż jinkludi referenza għal timijiet tal-proġetti esterni biex jittaffa l-piż fuq l-awtoritajiet li jagħtu l-permessi.

Fir-rigward tal-iżgurar li l-persunal fl-awtoritajiet responsabbli għall-valutazzjoni tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jkun mgħammar bl-għarfien espert xieraq dwar kwistjonijiet legali u tekniċi, l-ewwel pass possibbli biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi attwali fil-ħiliet jista’ jkun li titwaqqaf Alleanza ta’ Erasmus+ għall-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-industrija, is-sħab soċjali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u tat-taħriġ. Fl-2021, saret diskussjoni madwar mejda ta’ livell għoli tal-Patt tal-UE għall-Ħiliet, li laqqgħet flimkien il-partijiet ikkonċernati mill-industrija tal-enerġija rinnovabbli 38 , bħala parti minn serje ta’ diskussjonijiet madwar mejda mal-ekosistemi industrijali, sabiex jimmobilizzaw l-involviment tal-partijiet ikkonċernati fil-Patt għall-Ħiliet. Il-Patt għall-Ħiliet huwa mudell ta’ impenn ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-ħiliet meħtieġa għall-irkupru ekonomiku u biex titwettaq l-Istrateġija Industrijali tal-UE, u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Dan għandu l-għan li jindirizza d-diskrepanzi fil-ħiliet fl-ekosistemi industrijali kollha billi jimmobilizza l-kumpaniji, il-ħaddiema, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tal-industrija, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-kmamar tal-kummerċ u s-servizzi tal-impjiegi biex jinvestu f’azzjonijiet ta’ titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid. Bħala segwitu għad-diskussjoni madwar mejda, il-Kummissjoni hija lesta li tiffaċilita t-tħejjija ta’ sħubija għall-ħiliet fuq skala kbira għall-enerġija rinnovabbli fuq l-art. Barra minn hekk, huma disponibbli opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti tal-UE (eż. LIFE, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, l-Istrumenti ta’ Assistenza Teknika). F’dan il-kuntest, ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, tal-ħiliet u tal-kwalifiki madwar l-UE huwa essenzjali wkoll, u huwa partikolarment importanti fir-reġjuni mal-fruntieri tal-UE 39 .

Jeħtieġ tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtieġa li l-inizjattivi relatati mat-taħriġ u l-ħiliet ikunu mmirati wkoll speċifikament lejn il-persunal tal-awtoritajiet reġjonali u lokali li jagħtu l-permessi, u li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tar-rwoli tagħhom. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri huma mħeġġa jieħdu azzjoni u jipprovdu biżżejjed opportunitajiet ta’ taħriġ.

Diġà hemm fis-seħħ Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet fil-qasam tat-teknoloġija marittma, li qed jaħdem fuq strateġija ta’ taħriġ fil-ħiliet fl-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, filwaqt li jesplora l-potenzjal tas-settur bħala xprunatur għat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Il-ġemellaġġ amministrattiv jista’ jkun partikolarment rilevanti fis-settur lil hinn mill-kosta, minħabba li xi Stati Membri waslu biex jippermettu proġetti rinnovabbli lil hinn mill-kosta għall-ewwel darba, filwaqt li oħrajn kisbu aktar esperjenza.

Bil-għan li jiġi ffaċilitat l-iskambju tal-informazzjoni, titnaqqas il-kumplessità fl-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira u tittaffa l-ħtieġa urġenti għall-bini tal-kapaċità, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll l-istabbiliment ta’ pjattaformi volontarji għall-awtoritajiet li jagħtu l-permessi. Tali pjattaformi jistgħu jaġixxu bħala repożitorji ta’ kondiviżjoni tal-għarfien li jipprovdu l-aħjar prattiki, li għandhom l-għan li jżidu l-effiċjenza jew jidentifikaw is-sinerġiji fil-proċessi differenti fl-Istati Membri. Barra minn hekk, kif esperjenzat ukoll għall-proġetti infrastrutturali, il-promoturi tal-proġetti jistgħu jibbenefikaw minn inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità li għandhom l-għan li jeliminaw id-dewmien minħabba l-kwalità baxxa tad-dokumenti u l-istudji sottomessi lill-awtoritajiet li jagħtu l-permessi.

5.Identifikazzjoni u ppjanar aħjar tal-postijiet għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli

Sistema tal-enerġija dekarbonizzata fil-biċċa l-kbira bbażata fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli ġeneralment tkun teħtieġ aktar spazju mis-sistema tal-enerġija tradizzjonali, ikkaratterizzata minn impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija ċentralizzati u akbar. Fl-Ewropa, li fil-biċċa l-kbira tagħha hija kontinent b’popolazzjoni densa, il-kunflitti fuq l-użu tal-art u l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn il-beni u l-interessi pubbliċi differenti huma frekwenti fl-Ewropa. Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli qed jiffaċċjaw kompetizzjoni għall-aċċess għal żoni adattati u restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art/baħar li jirriżultaw b’mod partikolari mill-agrikoltura/mis-sajd, mir-rotot tat-trasport marittimu, mill-wirt kulturali u minn attivitajiet relatati mad-difiża. Sabiex jitħaffef il-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fuq perjodu medju sa twil, l-ippjanar tal-ispazju mfassal tajjeb u l-istudji ta’ fattibbiltà analitika huma strumenti ewlenin. Dawn jintervjenu f’fażi bikrija, minħabba li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-impatti ambjentali, il-kunflitti fuq l-użu tal-art/baħar u jidderieġu lill-iżviluppaturi tal-proġetti lejn siti adattati, li min-naħa tagħhom jistgħu jaċċelleraw il-proċeduri tal-għoti tal-permessi.

a.Restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art/baħar u prattiki tajbin biex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta’ żoni adattati

Approċċ aktar strateġiku biex jiġu ddeżinjati s-siti għall-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-ippjanar tal-ispazju se jkun strumentali biex ikun hemm biżżejjed spazju disponibbli ħalli jospita l-kapaċitajiet addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-UE. Dan jikkonċerna kemm it-teknoloġiji lil hinn mill-kosta kif ukoll dawk fuq l-art għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll is-settur tas-sħana rinnovabbli. Il-livell amministrattiv rilevanti għal tali pjanijiet jista’ jkun differenti għal kull teknoloġija – pereżempju, fil-każ tal-installazzjonijiet eoliċi jkun meħtieġ li jiġu identifikati siti adattati f’livell aktar reġjonali, filwaqt li fil-livell muniċipali jistgħu jiġu ddeżinjati siti PV solari żgħar. Il-Pjanijiet Spazjali Marittimi jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali, dejjem aktar f’kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fl-istess baċir tal-baħar. L-Istrateġija Lil Hinn mill-Kosta 40 ċċarat li l-Ippjanar tal-Ispazju Marittimu kien pilastru ewlieni tal-varar ta’ dawn it-teknoloġiji. Ir-Regolament TEN-E rivedut jirrikjedi li l-Istati Membri jikkooperaw fit-twaqqif tal-miri tal- varar tagħhom għall-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta fl-2050, b’passi intermedji fl-2030 u fl-2040. Il-Komunikazzjoni REPowerEU stiednet lill-Istati Membri biex jidentifikaw malajr iż-żoni tal-art u tal-baħar li huma adattati għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, b’mod proporzjonat mal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom u mal-kontribut tagħhom lejn il-mira riveduta tal-enerġija rinnovabbli għall-2030. Bħala parti minn dan il-proċess tal-immappjar, iż-żoni limitati u definiti b’mod ċar għandhom jiġu deżinjati bħala partikolarment adattati għall-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli (żoni deżinjati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli), filwaqt li jiġu evitati kemm jista’ jkun iż-żoni ta’ valur ambjentali u tingħata prijorità, inter alia, lill-art degradata li ma tistax tintuża għall-agrikoltura.

F’dan ir-rigward, ikun ta’ benefiċċju li tiġi esplorata l-possibbiltà li jintużaw żoni degradati, bħal barrieri antiki, minjieri magħluqa, landfills jew żoni industrijali antiki, parkeġġi u żoni tul il-kurituri tat-trasport, bħal awtostradi u binarji tal-ferrovija. F’xi każijiet, l-iżvilupp ta’ siti abbandunati għall-enerġija rinnovabbli jista’ joffri benefiċċji addizzjonali, bħall-prossimità għaż-żoni urbani u n-networks tat-toroq, u konnessjonijiet mal-grilja. Min-naħa l-oħra, dan ikun jeħtieġ li jiġu indirizzati l-isfidi assoċjati bħall-kontaminazzjoni, kwistjonijiet ta’ sjieda mhux solvuti jew nuqqas ta’ inċentivi għall-iżvilupp mill-ġdid ta’ siti abbandunati.

Huwa importanti li, fil-kuntest tat-tranżizzjoni ġusta, il-minjieri tal-faħam li jinsabu fir-reġjuni tal-faħam fi tranżizzjoni jistgħu jsiru postijiet attraenti għall-konverżjoni f’siti eoliċi u PV solari, jew saħansitra għall-produzzjoni ġeotermali jew tal-idroġenu, skont il-post u l-ekosistema industrijali tal-madwar. B’mod aktar ġenerali, ir-reġjuni tal-faħam għandhom potenzjal importanti għall-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli – stmat li huwa madwar 1,4 GW tal-enerġija eolika u 2,7 GW tal-enerġija solari 41 . Vantaġġ ieħor ta’ dawk li qabel kienu s-siti ta’ sfruttament tal-fjuwils fossili huwa li dawn spiss ikollhom konnessjoni tajba mal-grilja, u forza tax-xogħol disponibbli fuq il-post. Jeżistu eżempji ta’ dan fi Spanja, fil-Greċja jew fl-Ungerija, u l-Ġermanja qiegħda tesplora modi kif tuża s-sistemi PV galleġġanti fuq il-lagi li huma r-riżultat tal-miżuri ta’ reklamazzjoni f’dawk li qabel kienu żoni għall-estrazzjoni tal-linjite.

Sa issa, ir-REDII ma fihiex rekwiżiti speċifiċi dwar l-għażla tas-siti jew id-definizzjoni ta’ żoni ta’ prijorità għall-iżvilupp ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 15 tar-REDII, l-Italja stabbiliet ir-regolamenti applikabbli għall-identifikazzjoni ta’ żoni adattati għall-installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Il-kapaċità totali li tista’ tiġi installata fiż-żoni identifikati jeħtieġ tkun mill-inqas daqs il-kapaċità identifikata fil-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima kif meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi fir-rigward tal-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dawn ir-regolamenti jispeċifikaw ukoll li meta jiġu identifikati ż-żoni adattati għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, jeħtieġ jitqiesu l-impatt fuq l-ambjent, il-wirt kulturali, il-pajsaġġ, kif ukoll kunsiderazzjonijiet rilevanti oħrajn bħad-disponibbiltà tar-riżorsi u l-infrastruttura tal-grilja.

Il-koordinazzjoni fil-livelli differenti tal-gvern hija kruċjali b’mod partikolari fl-istati federali jew fil-pajjiżi b’reġjuni awtonomi. Fil-Ġermanja, l-istati federali huma meħtieġa jirrapportaw lill-gvern federali dwar l-istatus tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inkluż dwar l-installazzjonijiet tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli permessi, il-progress tar-repowering, u ż-żona tal-art li hija disponibbli għall-varar ulterjuri tal-enerġija eolika skont il-pjanijiet reġjonali u urbani għall-użu tal-art. Il-ftehim ta’ koalizzjoni jipprevedi li tnejn fil-mija taż-żona tal-art għandha tiġi ddeżinjata għall-enerġija eolika fuq l-art. Fl-istati federali ta’ Hessen u Schleswig-Holstein, dan diġà ġie implimentat b’suċċess.

Minbarra qafas ta’ ppjanar tal-ispazju ta’ appoġġ, l-għodod diġitali bħall-bażijiet tad-data online tas-sistema ta’ informazzjoni ġeografika (GIS) u l-katasti jistgħu wkoll jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-art adattata (eż. billi juru l-potenzjal għal kull teknoloġija 42 , iż-żoni ristretti, l-art degradata li ma tistax tintuża għall-agrikoltura, id-disponibbiltà tal-grilja, il-proġetti u d-data/l-istudji eżistenti, il-prevalutazzjonijiet ambjentali). Fil-livell tal-Unjoni, il-Laboratorju Ġeografiku tal-Enerġija u l-Industrija (EIGL) qed jivviżwalizza ftit minn din id-data 43 . Il-Kummissjoni għadha kif iffinalizzat l-inklużjoni tas-settijiet tad-data fl-EIGL li jistgħu jgħinu lill-Istati Membri jidentifikaw iż-żoni adattati għall-proġetti tal-enerġija eolika u solari. Filwaqt li s-settijiet tad-data rilevanti jiddependu fuq is-sors tal-enerġija rinnovabbli li jkun qed jiġi vvalutat, dawn li ġejjin diġà ġew inklużi fl-EIGL: Is-siti ta’ Natura 2000, iż-żoni ddeżinjati fil-livell nazzjonali, iż-żoni ewlenin tal-bijodiversità u dawk importanti għall-għasafar, u d-data dwar il-ħamrija 44 .

Filwaqt li l-inklużjoni ta’ tali settijiet tad-data fl-għodda tal-immappjar ma tintroduċi l-ebda restrizzjoni jew limitazzjoni fuq il-varar tal-infrastrutturi rinnovabbli f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti, din tiffaċilita l-varar tagħhom filwaqt li timminimizza l-kunflitti. Għalhekk, l-għodda tal-immappjar hija maħsuba bħala strument abilitanti u tal-għoti tas-setgħa biex jappoġġa l-għażliet tal-ippjanar mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali li altrimenti jista’ ma jkollhomx aċċess immedjat għall-firxa sħiħa tad- data disponibbli, b’benefiċċji partikolari għall-proġetti li x’aktarx ikollhom impatti transfruntiera. Min-naħa tiegħu, dan għandu jiggwida u jappoġġa d-deċiżjonijiet ta’ investiment mill-atturi ekonomiċi abbażi tal-prevedibbiltà u ċ-ċarezza. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tkompli tiżviluppa din l-għodda ta’ mmappjar billi tinkorpora settijiet tad-data u links addizzjonali mal-għodod tal-ippjanar tal-ispazju diġitali tal-Istati Membri.

Fid-Danimarka, il-pjattaforma online Il-Portal Ambjentali Daniż 45 hija sħubija pubblika konġunta li hi proprjetà tal-Istat, tal-muniċipalitajiet u tar-reġjuni. Filwaqt li jkopri l-pajjiż kollu, il-portal jinkludi data speċifika għaż-żona dwar l-ambjent, l-ilma, in-natura u l-użu tal-art. Dan jippermetti lill-awtoritajiet jaġġornaw u jaċċessaw id-data fost l-unitajiet amministrattivi, is-setturi u ż-żoni ġeografiċi. Iċ-ċittadini privati u l-professjonisti jistgħu jużaw ukoll il-portal biex jaċċessaw id-data dwar ir-restrizzjonijiet differenti fuq l-użu tal-art relatati pereżempju, mal-protezzjoni tan-natura, il-konservazzjoni, il-linji tal-bini u l-ippjanar f’żoni speċifiċi 46 . Fil-Kroazja, il-Portal tad-Data Miftuħa tar-Repubblika tal-Kroazja huwa pjattaforma tad-data użata għall-ġbir, il-kategorizzazzjoni u d-distribuzzjoni tad-data miftuħa maħluqa mis-settur pubbliku, inkluża d-data tal-ġeolokalizzazzjoni, dik meteoroloġika u ambjentali. Fil-Polonja, il-Kummissjoni qed tappoġġa l-iżvilupp ta’ bażi tad-data ta’ siti preċedenti u attwali tal-estrazzjoni tal-faħam akkoppjata ma’ GIS, li għandha l-għan li tidentifika l-użu mill-ġdid possibbli tas-siti, inkluż għall-varar ta’ soluzzjonijiet tal-enerġija nadifa. Proġett simili kien appoġġat ukoll mill-Kummissjoni fil-Greċja. Fir-reġjun ta’ Brussell fil-Belġju, iċ-ċittadini jistgħu jiċċekkjaw x’inhu l-potenzjal tas-soqfa tagħhom f’termini tal-ġenerazzjoni tal-PV 47 . Sabiex jissimplifikaw il-ħruġ tal-liċenzji u tal-permessi għall-installazzjonijiet tal-pompi tas-sħana ġeotermali fuq skala żgħira, xi reġjuni fl-Awstrija, fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Italja diġà joperaw sistemi ta’ “dwal tat-traffiku” bi tliet żoni bbażati fuq stħarriġ ġeoloġiku, li jindikaw żoni fejn hija meħtieġa notifika sempliċi, żoni fejn huwa meħtieġ permess u żoni fejn it-tħaffir huwa pprojbit.

b.Użu multipli tal-ispazju

Mod ieħor kif jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet fuq l-użu tal-art/baħar huwa billi jiġi ffaċilitat l-użu multipli tal-ispazju. Dan l-approċċ fl-ippjanar tal-ispazju marittimu jista’ jappoġġa l-koeżistenza tal-infrastruttura tal-enerġija u tar-rotot tat-tbaħħir, u jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar. Approċċi oħrajn, bħas-sistemi Agri-PV jew is-sistemi tal-enerġija solari galleġġanti, jistgħu jottimizzaw l-ispazju disponibbli għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-użu multipli tal-ispazju jew il-ħolqien ta’ qafas iddedikat għall-użu multipli jistgħu jippermettu aktar proġetti. L-innovazzjoni fil-qasam tal-għoti tal-permessi, li normalment huwa proċess settorjali ħafna, se tkun meħtieġa wkoll biex tappoġġa proġetti ġodda b’użu multiplu.

L-għodda tal-mmappjar tal-EIGL imsemmija hawn fuq issa tinkludi wkoll sett tad-data dwar l-impjanti eżistenti għat-trattament tal-ilma mormi, li jistgħu jospitaw proġetti tal-enerġija rinnovabbli u se jiġu żviluppati aktar biex jiffaċilitaw l-użu multipli tal-ispazju.

Diversi Stati Membri (inklużi l-Ġermanja, l-Italja, Franza, Spanja u l-Polonja) qed jistudjaw il-linji gwida għall-inizjattivi Agri-PV, prattika li tikkombina l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-PV solari li bdiet tinfirex aktar matul l-aħħar ftit snin. L-użu doppju permezz tal-Agri-PV jista’ jgħin biex tinkiseb l-aċċettazzjoni mill-pubbliku u jkun ta’ benefiċċju dirett għall-bdiewa u għall-komunitajiet rurali. Ir-riċerka xjentifika turi li dawn l-approċċi jistgħu jġibu wkoll kobenefiċċji, bħal żamma aħjar tal-ilma f’żoni aridi u produttività aħjar b’mod ġenerali 48 . Il-kunsens dwar id-definizzjonijiet u l-kriterji tal-impatt ikun ta’ benefiċċju fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Dan iwitti t-triq sabiex l-Agri-PV ikunu permessi b’mod aktar sistematiku fil-pjanijiet tal-użu tal-art u jgħinu biex jiġu evitati l-effetti negattivi għall-bdiewa.

Prattika simili tfaċċat fl-ispazju marittimu, fejn il-Belġju ddeżinja s-siti fil-pjan spazjali marittimu tiegħu għall-iżvilupp simultanju tal-attivitajiet, jiġifieri l-produzzjoni tal-ikel (is-sajd, l-akkwakultura) u l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, biex b’hekk jippromwovi s-sinerġiji u l-użu multiplu skont id-disinn. L-użu multiplu jista’ jiżviluppa wkoll permezz taż-żieda ta’ attivitajiet ġodda ma’ dawk eżistenti 49 . Huwa wkoll possibbli li attività ekonomika tal-baħar tiġi kkombinata mal-protezzjoni tan-natura (eż. fis-siti ta’ Natura 2000) jew mar-restawr .

c.L-aċċettazzjoni u l-involviment tal-Komunità

Il-miri tal-varar jew l-użu tal-ispazju definiti ċentralment jistgħu jkunu importanti skont il-kuntest nazzjonali, billi l-muniċipalitajiet spiss ikollhom it-tendenza li jaraw l-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli mill-perspettiva lokali u mhux dejjem iqisu l-miri nazzjonali tal-enerġija rinnovabbli. Min-naħa l-oħra, l-iżvilupp tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandu jkun imħaddan lokalment u ma jitqiesx bħala impost fuq il-komunitajiet lokali għad-detriment tagħhom. Għalhekk, l-involviment pubbliku bikri fid-definizzjoni ta’ pjanijiet spazjali reġjonali jew lokali huwa kruċjali 50 , bħalma huma l-miżuri li jippermettu lill-komunitajiet lokali jibbenefikaw mill-installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli fil-viċinanza tagħhom, anki fil-perspettiva usa’ ta’ tranżizzjoni ekoloġika soċjalment ġusta. Dan jista’ jinkiseb permezz ta’ komunitajiet tal-enerġija 51 , kostijiet imnaqqsa tal-elettriku jew skemi ta’ parteċipazzjoni finanzjarja (“sjieda konġunta” jew “kobenefiċċji”) jew pjanijiet ta’ żvilupp industrijali għal reġjun.

Tali skemi jistgħu jiġu organizzati f’forom differenti, eż. il-finanzjament minn sorsi nazzjonali jew reġjonali li jiġi allokat lill-awtoritajiet lokali għall-forniment taż-żoni u r-riżorsi, l-operaturi tal-impjanti li jħallsu direttament tariffa jew taxxa speċifika lill-awtoritajiet lokali, jew l-operaturi tal-impjanti li volontarjament jagħmlu pagamenti lil assoċjazzjoni reġjonali bil-għan li jtejbu s-sitwazzjoni lokali. Tali pagamenti għandhom ikunu marbutin ma’ skopijiet speċifiċi sabiex jiżdiedu l-benefiċċji soċjali taċ-ċittadini, bħas-servizzi soċjali (eż. il-kindergarten, is-servizzi tas-saħħa) jew l-infrastruttura (eż. it-toroq jew it-trasport pubbliku). Qafas regolatorju ċar jevita n-negozjati każ b’każ, li jistgħu jwasslu għal riżultati irregolari u jippreżentaw riskju ogħla għal imġiba ħażina pubblika.

Eżempji ta’ skemi introdotti fil-livell nazzjonali jinkludu “l-iskema ta’ fondi ekoloġiċi” għal muniċipalitajiet li jospitaw proġetti eoliċi fid-Danimarka, skema ta’ sussidju għall-muniċipalitajiet fil-Lussemburgu jew rati minimi ta’ parteċipazzjoni tal-abitanti lokali previsti f’diversi strateġiji reġjonali tal-enerġija fin-Netherlands. L-Att dwar it-Tibdil fil-Klima tal-Gżejjer Baleariċi, Spanja, għandu dispożizzjoni speċjali li l-proġetti kollha tal-enerġija rinnovabbli ta’ aktar minn 5 MW iridu jiftħu mill-inqas 20 % tal-investiment għall-popolazzjoni lokali. Possibbiltà oħra għal parteċipazzjoni ekonomika lokali mtejba hija l-alternattivi għall-investiment f’ishma ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, kif promoss, pereżempju, mit-“Tikketta ta’ finanzjament kollettiv għat-tkabbir ekoloġiku” fi Franza 52 . Dawn l-approċċi ta’ finanzjament kollettiv, kif ukoll ċerti skemi oħrajn ta’ parteċipazzjoni finanzjarja, madankollu joħolqu biss benefiċċji għaċ-ċittadini li jistgħu jinvestu fil-proġetti (“sjieda konġunta”, bil-parteċipazzjoni fil-governanza jew mingħajrha).

Il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli huma għodod b’saħħithom ħafna biex itejbu l-parteċipazzjoni attiva u l-benefiċċji tal-popolazzjoni lokali fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Dawn jistgħu jgħinu wkoll biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku. Fil-Greċja, id-definizzjoni tal-komunitajiet tal-enerġija tipprevedi li huma jipparteċipaw b’mod attiv fit-tnaqqis tal-faqar enerġetiku u fil-promozzjoni tal-produzzjoni, tal-ħżin u tal-awtosuffiċjenza fil-gżejjer. Għal dan il-għan, il-konsumaturi vulnerabbli u ċ-ċittadini li jgħixu taħt il-linja tal-faqar huma intitolati wkoll għall-kejl nett virtwali u jistgħu jibbenefikaw mill-enerġija prodotta mill-komunità mingħajr ma jkunu parti minnha (jekk ikunu ġeografikament qrib). Fil-Belġju, il-kumpaniji tal-akkomodazzjoni soċjali żviluppaw mudell ta’ negozju innovattiv fejn jinvestu f’pannelli solari mwaqqfa fuq il-bjut tal-akkomodazzjonijiet soċjali, u l-kost tal-użu tal-PVs u l-elettriku ġġenerat jiġi inkluż fil-kirjiet. Il-kost tal-kiri huwa orħos mill-prezzijiet attwali tal-elettriku, bis-saħħa tal-iskala importanti tal-proġett 53 .

Il-komunitajiet tal-enerġija transfruntiera jista’ jkollhom rwol sinifikanti fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE 54 . Il-proġett “SEREH – Ir-Reġjun tal-Enerġija Intelliġenti ta’ Emmen-Haren” 55 , taħt il-programm ta’ kooperazzjoni transfruntiera Interreg bejn il-Ġermanja u n-Netherlands, diġà qed iwitti t-triq. Dan qiegħed jiżviluppa suq transfruntier deċentralizzat tal-elettriku u tal-enerġija, u reġjuni tal-fruntiera oħrajn se jkunu jistgħu jibnu fuq is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Fir-rigward tal-involviment tal-komunitajiet fit-tranżizzjoni tal-enerġija, fl-2021, l-Operatur Irlandiż tas-Sistema tat-Trażmissjoni EirGrid, Friends of the Earth u l-Inizjattiva tal-Grilja tal-Enerġija Rinnovabbli nedew proġett konġunt ta’ tliet snin 56 biex jinvolvu lill-komunitajiet fi djalogu dwar l-isfidi u l-opportunitajiet assoċjati mat-tranżizzjoni tal-enerġija tal-Irlanda.

Il-prossimità tat-turbini eoliċi għall-akkomodazzjoni f’xi każijiet tikkostitwixxi wkoll bażi għall-oppożizzjoni pubblika għall-proġetti. F’dawn il-każijiet, iċ-ċittadini jqajmu tħassib relatat mal-inkonvenjenzi li jsofru, bħall-istorbju u l-impatti viżwali.

Ir-regolamenti dwar id-distanza bejn it-turbini eoliċi u l-akkomodazzjoni jvarjaw madwar l-Istati Membri 57 – f’xi każijiet, id-distanza minima bejn struttura u l-konfini tal-art fejn tinsab tiddependi fuq ir-reġjun jew il-muniċipalità, jew fuq id-densità tal-popolazzjoni taż-żona fejn jinsabu t-turbini. F’każijiet oħrajn, l-għoli sal-ponta tat-turbina u d-dijametru tar-rotor jiddeterminaw id-distanza minima bejn l-istruttura u l-konfini tal-art fejn tinsab.

Distanzi minimi ħafna bejn l-istruttura u l-konfini tal-art fejn tinsab jistgħu jirriżultaw biss f’benefiċċji marġinali addizzjonali mill-perspettiva tat-tnaqqis tal-istorbju, filwaqt li fl-istess ħin iżidu l-kostijiet assoċjati mat-toroq ta’ servizz u mal-infrastruttura ta’ appoġġ, u jillokalizzaw il-ġenerazzjoni tal-elettriku aktar ’il bogħod mid-domanda 58 . Ir-regolamenti restrittivi f’dan ir-rigward jistgħu wkoll jagħmlu ishma kbar ta’ art mhux disponibbli għall-proġetti u/jew inaqqsu l-possibbiltà tar-repowering tal-parks eoliċi eżistenti bl-aktar teknoloġija aġġornata. B’konsegwenza ta’ dan, kultant l-iżviluppaturi jkollhom jinstallaw tagħmir li jkun għadda żmienu fil-forma ta’ turbini eoliċi iżgħar u inqas effiċjenti biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-distanza. L-iżviluppaturi tal-proġetti jistgħu jagħżlu wkoll estensjoni tal-ħajja minflok ir-repowering tas-siti eżistenti.

Ir-regoli rigward id-distanza għall-akkomodazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq il-fatti u l-evidenza, jiġifieri jkunu marbutin mal-istorbju u d-disturbi viżivi u stabbiliti għall-minimu meħtieġ 59 . Meta jistabbilixxu r-regoli, l-Istati Membri jeħtieġ jibbilanċjaw il-ħtieġa li jimminimizzaw l-effetti negattivi tat-turbini eoliċi u jimmassimizzaw id-disponibbiltà tal-art għall-iżvilupp tal-proġetti, filwaqt li jqisu wkoll restrizzjonijiet oħrajn fuq l-ippjanar tal-ispazju. Barra minn hekk, hija meħtieġa informazzjoni ċara u trasparenti dwar ir-restrizzjonijiet relatati mad-distanza għall-akkomodazzjoni biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tal-investiment għall-iżviluppaturi tal-proġetti.

d.Kunsiderazzjonijiet ambjentali

Uħud mill-aktar kwistjonijiet komuni relatati mal-għażla tas-siti li jiffaċċjaw l-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli huma t-tul u l-kumplessità tal-proċeduri biex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll il-kunflitti ma’ gruppi ta’ interess ambjentali jew maċ-ċittadini. Il-permessi u l-valutazzjonijiet tal-impatt assoċjati huma għodda biex jiġu bbilanċjati l-interessi tas-soċjetà differenti, iżda dan jagħmilhom ukoll suxxettibbli għall-introduzzjoni ta’ livelli għoljin ta’ kumplessità u sfidi fl-amministrazzjoni u fil-qrati tal-ġustizzja. Fejn ikun meħtieġ li jiġu vvalutati u bbilanċjati l-interessi differenti tas-soċjetà, il-proċess ta’ riflessjoni u ta’ teħid tad-deċiżjonijiet neċessarjament jieħu ż-żmien. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet ambjentali jeħtieġ jiġu integrati fil-proċessi tal-ippjanar tal-enerġija rinnovabbli mill-bidu. Dan jippermetti li jiġu identifikati l-effetti sinifikanti probabbli fuq l-ambjent u l-miżuri previsti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kumpens tagħhom kemm jista’ jkun. Barra minn hekk, hemm alternattivi li jippermettu lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri biex jiżguraw il-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali u jiffaċilitaw l-għażla tas-siti adattati mill-promoturi. Dan se jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-kunflitti li jistgħu jinħolqu mal-gruppi ambjentali u mal-atturi individwali, iżda wkoll mal-awtoritajiet pubbliċi f’livelli differenti. Tali kunflitti jaffettwaw b’mod partikolari l-enerġija eolika, l-enerġija ġeotermali u l-idroenerġija, iżda wkoll l-installazzjonijiet PV solari fuq skala kbira 60 . Filwaqt li l-aċċess għall-ġustizzja huwa dritt fundamentali, il-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni alternattiva tat-tilwim u l-medjazzjoni jistgħu jwasslu għal riżoluzzjoni aktar mgħaġġla ta’ tali kunflitti.

I.Rekwiżiti li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE u modi kif tiġi ssimplifikata l-konformità

Id-dritt tal-UE jista’ jwassal għar-rekwiżit ta’ diversi valutazzjonijiet ambjentali għal proġett wieħed. Sikwit jiġu introdotti rekwiżiti addizzjonali speċifiċi fil-proċessi tal-permessi fil-livell nazzjonali (eż. relatati ma’ kwistjonijiet ta’ proprjetà, ippjanar tal-użu tal-art jew wirt kulturali). Rekwiżiti legali multipli u valutazzjonijiet paralleli għal proġett wieħed jistgħu jwasslu għal kostijiet amministrattivi u ta’ implimentazzjoni u dewmien, diskrepanzi u inċertezza amministrattiva fl-applikazzjoni tagħhom. L-Artikolu 2 tad-Direttiva VIA 61 jistabbilixxi b’mod espliċitu li l-VIA tista’ tiġi integrata ma’ proċeduri oħrajn. Dan joffri potenzjal sinifikanti għas-simplifikazzjoni tal-għoti tal-permessi ambjentali meta jkunu meħtieġa diversi valutazzjonijiet ambjentali li jirriżultaw minn għadd ta’ Direttivi (id-Direttiva VIA, id-Direttiva VAS, id-Direttivi dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, id-Direttivi dwar l-Emissjonijiet Industrijali, id-Direttivi Qafas dwar l-Ilma, id-Direttivi Seveso, eċċ.) u diversi awtoritajiet ikunu involuti. Skont l-approċċ ta’ “punt uniku ta’ servizz”, il-valutazzjonijiet imsemmija hawn fuq u l-approvazzjoni tagħhom jistgħu jitħejjew separatament, iżda jridu jiġu kkoordinati; dawn jistgħu wkoll jingħaqdu flimkien bħala parti minn proċess wieħed 62 .

It-tnedija bla xkiel tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli tista’ tiġi appoġġata wkoll minn ippjanar trasparenti u strateġiku 63 . Fir-rigward tal-permessi ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jżidu ċ-ċertezza legali u t-trasparenza billi japplikaw b’mod sistematiku d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS) 64 għad-dokumenti tal-ippjanar, rilevanti għall-ħruġ tal-permessi għall-proġetti rinnovabbli. Il-VAS tippermetti li l-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli jiġi ppjanat b’mod strateġiku b’aktar ċertezza, filwaqt li jitqiesu l-obbligi ambjentali. Fejn applikabbli, l-awtoritajiet nazzjonali u l-iżviluppaturi tal-proġetti jistgħu jiddependu fuq l-eżiti tal-VAS u jqisuhom fl-iżvilupp sussegwenti tal-proġett, b’mod partikolari biex jidentifikaw alternattivi raġonevoli fil-kuntest tal-objettivi tal-konservazzjoni u l-preservazzjoni tan-natura. Dan jippermetti lill-Istati Membri jisfruttaw il-potenzjal tal-enerġija minn sorsi differenti tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jtaffu l-impatti ambjentali negattivi mill-proġetti tal-enerġija. Dan jinkoraġġixxi approċċ aktar integrat u effiċjenti għall-ippjanar territorjali fejn jitqiesu kunsiderazzjonijiet ambjentali f’fażijiet bikrija tal-proċess tal-ippjanar u f’livell ħafna aktar strateġiku. Dan jissarraf ukoll f’inqas kunflitti fil-livell ta’ proġett individwali, kemm fis-sustanza kif ukoll f’termini ta’ aċċettazzjoni mill-pubbliku.

Reċentement, il-Kummissjoni adottat gwida metodoloġika riveduta dwar l-Artikolu 6(3) u (4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, jiġifieri dwar valutazzjoni xierqa tal-pjanijiet u l-proġetti li jinsabu fis-siti ta’ Natura 2000 65 . Dawn il-linji gwida, flimkien ma’ linji gwida settorjali dwar l-enerġija eolika 66 , it-trażmissjoni tal-enerġija 67 u l-enerġija idroelettrika 68 , jipprovdu ħafna eżempji prattiċi ta’ kif tista’ tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni tal-proġetti, mingħajr ma jiġu kompromessi l-ħtiġijiet tal-protezzjoni tan-natura, fost l-oħrajn permezz tal-ippjanar (tal-ispazju) strateġiku, l-użu ta’ data ambjentali soda u miżuri ta’ mitigazzjoni adattati. Ġiet żviluppata wkoll gwida 69 skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, li tiċċara b’mod partikolari l-alternattivi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-impatti ambjentali, l-identifikazzjoni ta’ miżuri alternattivi ambjentali aħjar, il-ġustifikazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku prevalenti u l-identifikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli ma humiex awtomatikament soġġetti għal VIA obbligatorja u l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti ċari f’dan ir-rigward, fi ħdan il-flessibbiltajiet permessi mid-Direttiva VIA. Fis-Slovakkja, pereżempju, id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-VIA japplikaw biss għall-impjanti PV ta’ aktar minn 5 MW. Fil-każ tal-impjanti fil-medda tal-enerġija ta’ bejn 5 u 50 MW, isegwi proċess ta’ investigazzjoni (jiġifieri skrinjar). Għall-impjanti PV bil-kapaċità installata ta’ 50 MW u ogħla, tapplika l-valutazzjoni obbligatorja.

Kriterji ċari u trasparenti għall-valutazzjonijiet ambjentali kkomunikati lill-iżviluppatur ta’ proġett fil-bidu tal-proċess huma mezz ieħor ta’ kif jitħaffu l-proċeduri. Skont id-Direttiva VIA, l-iżviluppatur jista’ jitlob opinjoni dwar id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni mill-awtorità kompetenti li tidentifika l-kontenut u l-firxa tal-valutazzjoni u tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport dwar il-VIA. F’għadd ta’ Stati Membri, tali definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni hija obbligatorja (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, ir-Rumanija). L-esperjenza prattika turi li l-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-livell ta’ dettall tal-informazzjoni ambjentali fi stadju bikri tevita skambji multipli u talbiet ġodda bejn l-iżviluppatur u l-awtoritajiet kompetenti fi stadju aktar tard u tħaffef l-approvazzjoni tal-proġett.

Sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tal-flessibbiltajiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiċċaraw, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, li l-ippjanar, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-impjanti għall-produzzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli, il-konnessjoni tagħhom mal-grilja u l-grilja relatata nnifisha jitqiesu li huma fl-interess pubbliku prevalenti u fl-interess tas-sikurezza pubblika, fid-dawl tal-proposta leġiżlattiva li temenda u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2018/2001 relatati mal-proċeduri amministrattivi. Bħala tali, dawn għandhom jikkwalifikaw għall-aktar proċedura favorevoli disponibbli fil-proċeduri ta’ ppjanar u ta’ għoti ta’ permessi tagħhom.

Il-kunċett ta’ “raġuni imperattiva ta’ interess pubbliku prevalenti” jissemma f’diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni ambjentali.

Skont l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, dan il-kunċett jimplika li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jagħmlu l-approvazzjoni tagħhom tal-pjanijiet u l-proġetti inkwistjoni soġġetta għall-kundizzjoni li l-bilanċ tal-interessi bejn l-objettivi ta’ konservazzjoni tas-sit ta’ Natura 2000 affettwat minn dawk l-inizjattivi u r-raġunijiet imperattivi jkun favur dawn tal-aħħar. Dan jirrikjedi valutazzjoni każ b’każ.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri ċari u sempliċi biex jeżaminaw il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli bil-għan li jivvalutaw jekk huwiex probabbli li dawn ikollhom impatti negattivi sinifikanti fuq is-siti ta’ Natura 2000 waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħrajn. Kull meta ma jkunux jistgħu jiġu esklużi impatti sinifikanti mill-awtoritajiet kompetenti, għandha titwettaq valutazzjoni xierqa skont l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats.

Kemm l-iskrinjar kif ukoll il-valutazzjoni xierqa għandhom jitwettqu fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu objettivi ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit għas-siti kollha ta’ Natura 2000 mingħajr aktar dewmien. Dan se jippermetti li ssir valutazzjoni kif suppost u minnufih tal-probabbiltà ta’ impatti fuq is-siti ta’ Natura 2000 u tal-impatti nfushom matul il-fażi ta’ skrinjar u valutazzjoni xierqa, rispettivament. Iċ-ċarezza dwar il-probabbiltà tal-impatti u l-impatti nfushom fuq is-siti ta’ Natura 2000 hija fl-interess tal-promoturi tal-proġetti u tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, minħabba li din tiddetermina konklużjoni rapida tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni biċ-ċertezza legali meħtieġa.

L-Istati Membri għandhom jikkonkludu malajr il-proċess ta’ awtorizzazzjoni billi jawtorizzaw il-proġetti kollha li aktarx ma jkollhomx impatti sinifikanti fuq is-siti ta’ Natura 2000 fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni tagħhom speċifiċi għas-sit, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jikkonkludu malajr ukoll il-proċess ta’ awtorizzazzjoni billi jawtorizzaw il-proġetti kollha vvalutati bħala li ma jaffettwawx l-integrità tas-siti ta’ Natura 2000 fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni tagħhom speċifiċi għas-sit, waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħrajn. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jintegraw il-miżuri ta’ mitigazzjoni biex jipprevjenu jew inaqqsu b’mod effettiv l-impatti negattivi fuq il-ħabitats u l-ispeċijiet protetti fis-siti ta’ Natura 2000.

Proġett tal-enerġija rinnovabbli li jaffettwa l-integrità ta’ sit ta’ Natura 2000 jista’ jiġi awtorizzat jekk ma jkun hemm l-ebda soluzzjoni alternattiva u jekk il-bilanċ tal-interessi bejn l-objettivi ta’ konservazzjoni tas-sit affettwat u l-interessi pubbliċi tal-proġett ikun favur dawn tal-aħħar, diment li jittieħdu l-miżuri kumpensatorji kollha meħtieġa biex jiġi żgurat li tiġi protetta l-koerenza ġenerali ta’ Natura 2000. Huwa f’idejn l-awtoritajiet kompetenti li jieħdu tali deċiżjoni, abbażi tal-interessi involuti f’kull każ speċifiku. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu gwida ċara għall-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu tali deċiżjonijiet fil-każ ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli, li jistgħu jkunu ġġustifikati b’rabta ma’ interessi pubbliċi differenti, pereżempju, għall-kontribut tagħhom għas-sigurtà tal-enerġija (l-indipendenza enerġetika mill-importazzjonijiet) jew għas-sikurezza pubblika (l-iżgurar tal-ħtiġijiet tat-tisħin u tal-elettriku) jew bħala li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ importanza primarja għall-ambjent (il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima).

Il-kunċett ta’ interess pubbliku prevalenti huwa rilevanti wkoll għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ispeċijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats 70 . Dawn id-dispożizzjonijiet, b’mod partikolari l-Artikolu 12, għandhom l-għan li jipproteġu l-ispeċijiet billi jipprojbixxu, inter alia, id-disturb jew il-qtil intenzjonat tagħhom kull fejn ikunu preżenti u mhux biss fis-siti ta’ Natura 2000. L-Artikolu 16(1) fih klawżola ta’ deroga li tippermetti, inter alia, il-qtil jew id-disturb intenzjonat ta’ kampjun ta’ speċi protetta fin-nuqqas ta’ alternattiva sodisfaċenti u jekk id-deroga ma tkunx ta’ detriment għaż-żamma tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet ikkonċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-medda naturali tagħhom. L-Artikolu 16(1) jelenka r-raġunijiet li jistgħu jiġu invokati biex tiġi ġġustifikata tali deroga. Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jistgħu jiġu ġġustifikati taħt waħda jew aktar mir-raġunijiet imsemmija hawn fuq. L-ewwel nett, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dipendenza fuq id-derogi tista’ ma tkunx meħtieġa. Il-qtil jew id-disturb inċidentali ta’ kampjuni individwali ma huwiex ostaklu għall-iżvilupp tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli kull meta tali proġetti jintegraw il-miżuri ta’ mitigazzjoni biex kemm jista’ jkun, jipprevjenu b’mod effettiv il-qtil jew id-disturb. Għalhekk, f’dawn il-każijiet, il-qtil jew id-disturb inċidentali ta’ kampjuni individwali ta’ speċijiet protetti ma għandux jitqies bħala intenzjonat u, b’hekk, la jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u lanqas fl-ambitu tal-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar l-Għasafar. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema għall-monitoraġġ tal-qtil jew tad-disturb inċidentali tal-ispeċijiet ikkonċernati u, fid-dawl tal-informazzjoni miġbura, jieħdu aktar miżuri kif meħtieġ biex jiżguraw li l-qtil jew id-disturb inċidentali ma jkollux impatt negattiv sinifikanti fuq l-ispeċijiet ikkonċernati. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll ir-riċerka u l-innovazzjoni u jippermettu li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jintegraw miżuri innovattivi ta’ mitigazzjoni biex jimmonitorjaw l-effettività tagħhom fil-prevenzjoni tal-qtil u tad-disturb tal-għasafar u ta’ speċijiet protetti oħrajn u, fid-dawl tar-riżultati tal-monitoraġġ, biex jadattaw dawk il-miżuri kif meħtieġ biex jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċijiet ikkonċernati.

Il-kunċett ta’ interess pubbliku prevalenti u tal-ħtieġa li jiġu evalwati l-vantaġġi għall-iżvilupp sostenibbli meta mqabbla mal-impatt negattiv potenzjali fuq l-ambjent japplika wkoll fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-Artikolu 4(7) ta’ dik id-direttiva jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-modifiki jew tal-proġetti ġodda kollha li jistgħu jiddeterjoraw l-istatus tal-korpi tal-ilma, f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE 71 . L-ewwel nett, dan jeħtieġ valutazzjoni tal-impatt potenzjali fuq il-korpi tal-ilma kollha potenzjalment affettwati. Jekk id-deterjorament ikun probabbli, dan jirrikjedi li jiġi vvalutat:

1)Jekk il-vantaġġi għall-iżvilupp sostenibbli jistgħux jitqiesu li jegħlbu l-impatt negattiv potenzjali fuq l-istat tal-ilma;

2)Jekk hemmx soluzzjonijiet alternattivi ambjentali aħjar sabiex jinkisbu l-benefiċċji għall-iżvilupp sostenibbli, li ma humiex għaljin b’mod sproporzjonat;

3)Jekk humiex qed jittieħdu l-miżuri prattiċi kollha biex jittaffa l-impatt kemm jista’ jkun.

Dawn il-passi proċedurali jistgħu jibbenefikaw mill-informazzjoni miksuba taħt valutazzjonijiet li għandhom jitwettqu skont diversi biċċiet oħrajn ta’ leġiżlazzjoni ambjentali (inklużi d-Direttiva VAS, id-Direttiva VIA u d-Direttiva dwar il-Ħabitats), kif spjegat fil-gwida reċenti 72 żviluppata mill-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati. Min-naħa tagħhom, dawn tal-aħħar jibbenefikaw mill-informazzjoni miksuba taħt il-valutazzjonijiet tad-WFD. Proċeduri kkoordinati jew, preferibbilment, konġunti jistgħu jissimplifikaw u jqassru b’mod importanti l-awtorizzazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli.

II.Approċċi nazzjonali li jiffaċilitaw l-għażla ta’ siti adattati jew li jadattaw proġetti mil-lat ambjentali

Il-forniment ċentrali tal-istudji ambjentali disponibbli u tad-data aġġornata regolarment relatata ma’ reġjun u teknoloġija partikolari, jew saħansitra t-twettiq attiv tal-valutazzjonijiet ambjentali mill-awtoritajiet relatati mal-aspetti rilevanti għall-ikkummissjonar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, huma għodda rilevanti ħafna biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla tas-siti għall-iżviluppaturi tal-proġetti jew sabiex dawn ikunu jistgħu jfasslu l-proġetti kif xieraq.

Fi Spanja, il-gvern ħoloq għodda biex jgħin fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi dwar il-post ta’ installazzjonijiet solari u eoliċi kbar. L-għodda tfassal is-sensittività ambjentali tat-territorju nazzjonali u tidentifika ż-żoni li jippreżentaw l-akbar fatturi ta’ kundizzjonar tal-ambjent għall-implimentazzjoni tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Għalkemm dawn l-għodod ma jeżentawx il-proġetti mill-proċess rilevanti tal-VIA, huma gwida utli biex jiġu aċċertati l-fatturi ta’ kundizzjonar tal-ambjent assoċjati mal-postijiet ta’ installazzjoni mill-istadju bikri. Fil-Ġermanja, l-Assoċjazzjoni tal-Konservazzjoni tan-Natura (NABU) u l-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-enerġija solari (BSW-Solar) żviluppaw dokument konġunt 73 li fih il-kriterji għall-ippjanar ambjentalment korrett ta’ proġetti solari mmuntati fuq l-art. Fil-Belġju, ir-reġjun ta’ Flanders iżomm mappa tas-sensittività tal-parks eoliċi online 74 għall-għasafar u l-friefet il-lejl li għandha l-għan li tidentifika iż-żoni fejn l-għażla tas-siti għat-turbini eoliċi tista’ toħloq riskju għall-għasafar jew għall-friefet il-lejl, filwaqt li tinforma u tiggwida aktar valutazzjonijiet fil-livell tas-siti u ppjanar strateġiku.

Jeżistu eżempji ta’ prattika tajba fin-Netherlands u fil-Ġermanja dwar il-valutazzjoni ambjentali minn qabel tas-siti eoliċi lil hinn mill-kosta. Il-pjan ta’ żvilupp tas-siti tal-Aġenzija Marittima u Idrografika Federali Ġermaniża jinkludi proċessi ta’ konsultazzjoni estensivi, investigazzjonijiet bikrija tal-adattabbiltà tas-siti u valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi. Bis-saħħa tal-analiżijiet fuq il-post dwar il-kriterji ta’ adegwatezza ġenerali bħall-aspetti ambjentali jew is-sikurezza tat-tbaħħir imwettqa mill-aġenzija, ir-riskju assoċjat ma’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni jitnaqqas b’mod konsiderevoli għall-promoturi tal-proġetti fir-reġjun. Il-Ministeru Olandiż tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Politika dwar il-Klima qed iwettaq programm ekoloġiku għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta 75 , li ġie stabbilit biex jespandi l-bażi ta’ għarfien dwar kif il-parks eoliċi jaffettwaw l-ispeċijiet protetti. Is-sejbiet tiegħu huma inklużi fid-determinazzjoni ta’ postijiet futuri għall-enerġija eolika lil hinn mill-kosta fin-Netherlands. L-iżvilupp ta’ prattiki simili fuq l-art ikun partikolarment ta’ benefiċċju għal żviluppaturi iżgħar tal-proġetti u fis-settur tat-tisħin tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

e.Kunsiderazzjonijiet relatati mad-difiża u mal-avjazzjoni 

Ġew identifikati kunflitti mal-avjazzjoni u mal-użu militari tal-ispazju fost l-aktar ostakli komuni għall-parks eoliċi, b’mod partikolari fil-Grigal tal-Ewropa. Jekk valutazzjoni magħmula mill-forzi tad-difiża nazzjonali tiżvela li l-parks eoliċi ppjanati jistgħu jinterferixxu mas-sistemi militari ta’ komunikazzjoni bir-radar u bir-radju, dawn jistgħu jipprevjenu l-proġett milli jimxi ’l quddiem jew jitolbu li jiġu installati turbini aktar baxxi.

Soluzzjoni effettiva biex jiġi indirizzat dan l-ostaklu hija l-investiment f’tagħmir tar-radar addizzjonali. F’dan ir-rigward, il-gvern Estonjan iddeċieda li jinvesti f’radars addizzjonali, li se jibdew joperaw fl-2024 u jgħinu biex jiġu indirizzati r-restrizzjonijiet tal-għoli għat-turbini tar-riħ fil-parti tal-Grigal tal-pajjiż. Il-militar Estonjan dan l-aħħar qabel li jirrestrinġi l-għadd ta’ żoni fejn ma tista’ tinbena l-ebda installazzjoni tal-enerġija eolika. B’konsegwenza ta’ dan, 60 % tat-territorju Estonjan issa ma għandu l-ebda restrizzjoni fuq l-għoli. Bl-istess mod, il-Litwanja xtrat radars li se jintużaw biex ikopru l-postijiet mhux viżibbli li joħolqu t-turbini tar-riħ għar-radars militari.

Ostaklu addizzjonali huwa relatat mal-kapaċità tal-awtoritajiet militari u tad-difiża li jqajmu oġġezzjonijiet għall-proġetti tal-enerġija eolika, inkluż fi stadju tard tal-iżvilupp tal-proġett meta l-permessi għall-proġett ikunu diġà nħarġu u jkunu diġà ġew impenjati riżorsi sinifikanti. Dan jista’ jittaffa billi jiġu stabbiliti mezzi ta’ komunikazzjoni ddedikati bejn ir-rappreżentanti tas-settur tal-enerġija rinnovabbli u d-difiża u l-avjazzjoni ċivili biex jippermettu skambji matul l-iżvilupp tal-proġett u jimminimizzaw il-ħolqien ta’ oġġezzjonijiet fi stadji tard tal-proġett. Il-Finlandja u Franza stabbilew Grupp ta’ Ħidma ddedikat biex itejjeb il-kooperazzjoni bejn l-iżviluppaturi tal-parks eoliċi u l-forzi tad-difiża. Barra minn hekk, bħala segwitu għall-Istrateġija tal-UE Lil Hinn mill-Kosta, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża qed jistabbilixxu azzjoni konġunta biex jiġu identifikati l-ostakli għall-iżviluppi tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta f’żoni riżervati għall-attivitajiet ta’ difiża u biex tittejjeb il-koeżistenza. Din qed tiġi implimentata fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa.

6.Konnessjoni aktar faċli mal-grilja, impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata, repowering u teknoloġiji innovattivi

Grilja tal-elettriku interkonnessa aħjar hija prekundizzjoni għall-integrazzjoni ta’ ishma ogħla tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema tal-enerġija Ewropea. Ir-Regolament TEN-E rivedut jinkludi dispożizzjonijiet integrati msaħħa dwar l-ippjanar tal-infrastruttura li għandhom l-għan li jiżguraw, permezz tal-integrazzjoni tas-settur, l-aktar soluzzjonijiet effettivi u effiċjenti u li jippermettu investimenti antiċipatorji fil-grilji biex jilqgħu għall-espansjoni futura tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

Filwaqt li l-installazzjonijiet fuq skala żgħira jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet dwar proċedura ta’ notifika sempliċi għall-konnessjonijiet mal-grilja skont l-Artikolu 17 tar-REDII, il-kisba ta’ permess ta’ konnessjoni mal-grilja hija waħda mill-passi meħtieġa tal-proċess għal kważi l-proġetti l-oħrajn kollha li jirriżultaw f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-proċess tal-għoti tal-permessi għall-assi ta’ konnessjoni mal-grilja huwa kopert mill-obbligu li jiġu stabbiliti l-punti uniċi ta’ kuntatt msemmija fl-Artikolu 16, immirati lejn koordinazzjoni u sinkronizzazzjoni aħjar ta’ proċeduri multipli għall-għoti tal-permessi (ittrattati mill-operaturi tas-sistemi u mill-awtoritajiet pubbliċi). Ir-repowering tal-installazzjonijiet eżistenti (kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-REDII) u l-ibridizzazzjoni, jiġifieri l-ikkombinar tat-teknoloġiji rinnovabbli differenti fl-istess sit, huma modi kif isir użu razzjonali mill-kapaċitajiet tal-grilja u kif jiġu limitati l-ħtiġijiet ta’ espansjoni tal-grilja u, għalhekk, għandhom jiġu ffaċilitati kemm jista’ jkun.

a.Kwistjonijiet ta’ konnessjoni mal-grilja

Il-kwistjonijiet relatati mal-konnessjonijiet mal-grilja huma mifruxa u, għalkemm ġeneralment inqas problematiċi f’termini tal-ħolqien ta’ dewmien minn ostakli amministrattivi oħrajn, jistgħu jwaqqfu l-varar ġenerali tal-enerġija rinnovabbli f’xi Stati Membri. Il-kwistjonijiet ewlenin tal-konnessjoni mal-grilja ħafna drabi jirriżultaw minn kapaċitajiet tal-grilja (apparentement) inadegwati, li jeħtieġu negozjati bejn l-iżviluppatur tal-proġett u l-operatur tas-sistema fuq il-possibbiltà, iż-żmien u l-kost għall-konnessjoni ta’ impjant ta’ ġenerazzjoni rinnovabbli mal-grilja, li jwasslu għal dewmien fil-proġett. F’xi Stati Membri, in-nuqqas ta’ trasparenza fir-rigward tad-disponibbiltà tal-kapaċità tal-grilja joħloq ukoll ostaklu għall-identifikazzjoni ta’ post għall-proġett. Sfida oħra għall-varar tal-enerġija rinnovabbli tirriżulta minn kunflitti mal-operaturi tal-grilji tad-distribuzzjoni u tat-trażmissjoni fuq l-interpretazzjoni tar-regolamenti tekniċi, l-aċċess għad-data jew id-distribuzzjoni tal-kostijiet tal-konnessjoni. Barra minn hekk, ix-xejra ta’ żieda fil-kostijiet tal-konnessjoni hija theddida għall-vijabbiltà ekonomika għal ħafna proġetti, speċjalment fi Stati Membri fejn il-kostijiet tal-konnessjoni mal-grilja u tal-espansjoni jridu jitħallsu mill-iżviluppaturi tal-proġetti. F’xi Stati Membri, dawn il-problemi jiġu aggravati mill-imġiba spekulattiva tal-atturi tas-suq li għandhom inċentiv biex jaħżnu u jbigħu l-permessi tal-konnessjoni mal-grilja meta l-kapaċitajiet tal-grilja jonqsu 76

Il-kwistjonijiet ta’ konnessjoni tan-network huma saħansitra aktar urġenti għas-sħana rinnovabbli, minħabba li s-sħana li jipproduċu ma tistax tiġi ttrasportata fuq distanzi itwal. Simili għal dak li hemm fis-seħħ f’xi Stati Membri għall-installazzjonijiet tal-elettriku rinnovabbli, ikun ta’ benefiċċju li jiġi żgurat li l-installazzjonijiet tas-sħana rinnovabbli jkunu jistgħu jaċċessaw proċeduri rapidi għal konnessjoni mal-grilja.

Sabiex tgħin fl-indirizzar tal-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, hija prattika tajba li jsir użu sħiħ mid-diġitalizzazzjoni u li jiġu żgurati proċessi trasparenti, jiġifieri li jiġu ffaċilitati l-permessi għall-konnessjoni mal-grilja permezz ta’ komunikazzjoni elettronika u permezz tal-attivitajiet tal-punti uniċi ta’ kuntatt, abbażi ta’ rwoli u proċessi ċari li huma deskritti f’linji gwida trasparenti. Fl-Estonja, it-TSO nazzjonali Elering għandu portal ta’ applikazzjoni elettroniku 77 , fejn jistgħu jiġu sottomessi d-dokumenti kollha meħtieġa għall-konnessjoni ta’ installazzjoni tal-enerġija rinnovabbli mal-grilja tat-trażmissjoni tal-elettriku.

Li l-permessi għall-konnessjoni mal-grilja jitħallew jintalbu u jingħataw b’mod parallel ma’ awtorizzazzjonijiet oħrajn, bħal fl-Awstrija 78 , jista’ wkoll jgħin biex jitħaffef il-proċess ġenerali tal-għoti tal-permessi. Fl-Irlanda, huma previsti mogħdijiet ta’ konnessjoni privileġġati speċifiċi għall-komunitajiet tal-enerġija, inkluża l-possibbiltà li jiġu applikati, fi kwalunkwe ħin, l-eżenzjoni mir-rekwiżit ta’ permess tal-ippjanar minn qabel, il-validità tal-permess għall-konnessjoni mal-grilja għal sentejn u r-riżerva annwali ta’ 15-il offerta ta’ konnessjoni għall-komunitajiet tal-enerġija.

Billi l-infrastruttura hija essenzjali biex jiġi żgurat l-użu tal-enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw modi biex jippermettu u jiffaċilitaw investimenti antiċipatorji għall-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija. L-aċċess għall-grilja jeħtieġ attenzjoni speċifika fis-settur lil hinn mill-kosta, minħabba li l-parks eoliċi lil hinn mill-kosta ġeneralment ikunu ’l bogħod mill-grilja eżistenti u jista’ jkun meħtieġ tisħiħ tal-grilja fuq l-art qabel ma ssir il-konnessjoni ta’ proġett lil hinn mill-kosta. Minħabba ż-żmien twil meħtieġ, ir-restrizzjonijiet tal-ispazju fuq il-baħar u l-isfidi tekniċi speċifiċi għall-iżvilupp tal-infrastruttura taħt il-baħar, ikun rakkomandabbli li jiġu żviluppati grilji lil hinn mill-kosta bil-għan li fil-futur jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni, jew il-grilji fornuti b’karatteristiċi teknoloġiċi li jaqbżu dak li huwa meħtieġ fl-immedjat. Ir-Regolament TEN-E rivedut jipprovdi regoli sabiex il-proġetti li jġarrbu riskji ogħla, inkluż minħabba l-ħtieġa ta’ investimenti antiċipatorji, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn inċentivi regolatorji biex jittaffew ir-riskji addizzjonali. Il-Kummissjoni se taħdem flimkien mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u mal-ACER biex tiżgura oqfsa ċari għall-evalwazzjoni ta’ riskji ogħla ta’ investimenti fil-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija u biex tiżgura li jiġi stabbilit approċċ għall-indirizzar ta’ tali riskji f’kull Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ACER se jappoġġaw lir-regolaturi nazzjonali fl-abbozzar ta’ metodoloġiji aġġornati li se jippermettu lill-promoturi tal-proġetti jwettqu investimenti antiċipatorji li jippermettu l-grilji jintegraw volumi ogħla ta’ enerġija rinnovabbli innovattiva lil hinn mill-kosta u fuq l-art.

Il-koordinazzjoni transfruntiera hija partikolarment importanti fir-rigward tal-grilji ibridi lil hinn mill-kosta u l-assi tal-enerġija, sabiex tippermetti l-koordinazzjoni tal-ħruġ tal-permessi u tal-iżvilupp tal-assi tal-infrastruttura tal-grilja ma’ dawk tal-assi tal-ġenerazzjoni. Bl-implimentazzjoni ta’ punti uniċi ta’ kuntatt fir-Regolament TEN-E rivedut, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadattaw ir-reġim tal-ħruġ tal-permessi tagħhom biex jippermettu koordinazzjoni transfruntiera effettiva u effiċjenti. Bħala miżura minima, l-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li, fil-futur, ma jkun hemm l-ebda possibbiltà għal estensjoni ulterjuri tal-proċeduri tal-għoti tal-permessi u li jistabbilixxu u japplikaw bis-sħiħ l-istatus tal-ogħla sinifikat nazzjonali, li kien ipprovat li jaċċellera l-proċess tal-għoti tal-permessi.

 
Sabiex tkun possibbli l-viżibbiltà fit-tul tal-kapaċità tal-grilja, l-ippjanar ikkoordinat tal-grilji u tal-kapaċitajiet tal-ġenerazzjoni rinnovabbli għandu jiffavorixxi approċċ strateġiku u komprensiv li jqis il-limitazzjonijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali, inklużi dawk relatati maż-żoni ta’ restawr tan-natura. F’dan il-każ, il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-ħruġ tal-permessi tal-assi tal-grilja u tal-ġenerazzjoni rinnovabbli hija essenzjali biex jintużaw l-għodod u l-valutazzjonijiet eżistenti, bħall-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi, sabiex jiġu antiċipati l-impatti potenzjali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ ħarsien ambjentali. Tali approċċ strateġiku u integrat jippermetti disinn imtejjeb tal-offerti għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli. L-offerti jistgħu, pereżempju, jinkludu postijiet potenzjali, li jippermettu l-viżibbiltà meħtieġa fuq id-disponibbiltà u l-iżvilupp tal-grilja.

Għodda oħra biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ konnessjoni mal-grilja deskritti hawn fuq hija li tiġi żgurata t-trasparenza dwar il-kapaċitajiet tal-grilja, idealment permezz ta’ obbligi ta’ data miftuħa u bażijiet tad-data online fil-forma ta’ Sistemi ta’ Informazzjoni Ġeografika. Tali trasparenza tippermetti lill-iżviluppaturi jiffokaw fuq postijiet b’disponibbiltà ogħla ta’ kapaċità tal-grilja u jikkunsidraw il-kostijiet antiċipati tal-konnessjoni mal-grilja fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar l-għażla tas-siti. Fi Spanja, it-TSOs u d-DSOs huma obbligati jippubblikaw online l-kapaċità tal-grilja disponibbli. Fil-Belġju, l-aħjar postijiet għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jintwerew permezz ta’ mappa nazzjonali tal-kapaċità tal-grilja. Din ma hijiex vinkolanti u ma tinfluwenzax jekk proġett huwiex permess, iżda tiżgura l-viżibbiltà għall-iżviluppaturi.

Franza introduċiet pjanijiet reġjonali ta’ konnessjoni mal-grilja għall-enerġiji rinnovabbli biex taċċellera l-konnessjoni man-network tal-elettriku u, barra minn hekk, biex timmutwalizza l-kostijiet fit-territorju kollu. Din l-għodda ta’ ppjanar tippermetti lid-Direttorati Reġjonali għall-Ambjent, l-Ippjanar u l-Akkomodazzjoni u lill-iżviluppaturi tal-proġetti jimmonitorjaw mill-qrib l-iżvilupp tan-network tal-elettriku fil-pajjiż kollu. Barra minn hekk, dawn il-pjanijiet jipprovdu l-ippjanar u l-antiċipazzjoni tal-konnessjonijiet mal-grilja meħtieġa fil-futur.

Il-pjanijiet ta’ żvilupp taż-żona mħejjija bħala parti mill-proċessi tal-ippjanar tal-ispazju marittimu fil-Ġermanja jinkludu wkoll il-ħtiġijiet rispettivi tal-iżvilupp tal-grilja lil hinn mill-kosta. Għaldaqstant, dan se jwassal essenzjalment għal sinkronizzazzjoni tal-iżvilupp tal-parks eoliċi u tal-grilji, minħabba li l-pjan jipprovdi lill-operaturi tal-grilja b’bażi ta’ ppjanar aktar fit-tul.

L-operaturi tas-sistema jistgħu jindirizzaw ukoll kwistjonijiet ta’ kapaċità tal-grilja billi joffru konnessjonijiet flessibbli, li jippermettu r-restrizzjoni tal-aċċess għan-network f’ħinijiet ta’ tagħbija massima. Inkella, l-operaturi tal-grilji għandhom jisfruttaw il-potenzjal ta’ flessibbiltà tal-produtturi distribwiti, tal-klijenti attivi u tal-komunitajiet tal-enerġija billi jiżviluppaw swieq ta’ flessibbiltà lokali. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-ftuħ tal-operaturi tas-sistema għal soluzzjonijiet aktar innovattivi bħal dawn.

b.Impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata

L-impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata, imsejħa wkoll impjanti ibridi, jużaw u jikkombinaw it-teknoloġiji rinnovabbli u relatati differenti (eż. assi eoliċi, solari u/jew tal-ħżin) fl-istess post. L-ikkombinar ta’ teknoloġiji differenti huwa wkoll rilevanti fuq il-baħar, fejn parks eoliċi lil hinn mill-kosta jistgħu jiġu kkombinati ma’ installazzjonijiet tal-enerġija mill-oċeani jew installazzjonijiet solari galleġġanti. Filwaqt li l-għadd ta’ impjanti tal-enerġija bħal dawn bħalissa għadu limitat 79 , hekk kif is-sehem tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fil-grilja tal-elettriku qed jiżdied, l-ibridizzazzjoni toffri għadd ta’ benefiċċji. Fil-kuntest ta’ kapaċità skarsa ta’ konnessjoni mal-grilja, l-ibridizzazzjoni tippermetti l-ottimizzazzjoni tal-użu tal-grilji u tista’ tgħin biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-investiment fl-infrastruttura. Hija tista’ tiżgura wkoll produzzjoni tal-enerġija aktar stabbli, filwaqt li ttaffi l-varjabbiltà tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli meta jiġu kkombinati riżorsi differenti tal-enerġija rinnovabbli bi profili ta’ ġenerazzjoni komplementari (eż. ir-riħ u x-xemx). Iż-żieda ta’ apparat tal-ħżin tista’ tippermetti l-ħżin tal-enerġija li altrimenti jkollha titnaqqas meta l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli taqbeż il-kapaċità permessa tal-konnessjoni mal-grilja.

L-isfidi attwali għall-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata jinkludu n-nuqqas ta’ qafas regolatorju ċar, l-aċċess għall-grilja u d-disponibbiltà tagħha. Il-qafas regolatorju jkun jeħtieġ jiċċara tali aspetti bħar-regoli applikabbli għall-għoti tal-permessi għal impjanti li jikkombinaw teknoloġiji u/jew ħżin differenti tal-enerġija rinnovabbli, inkluż dwar l-iżgurar tal-kapaċità tal-grilja, u r-regoli għall-monitoraġġ tal-flussi tal-enerġija bejn l-apparat tal-ħżin u l-grilja.

L-aċċess għall-grilja u d-disponibbiltà tagħha jistgħu jikkostitwixxu ostaklu għall-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija b’teknoloġija kkombinata jekk dawn ikunu meħtieġa japplikaw għall-kapaċità tal-grilja li tkun ugwali għas-somma tal-komponenti tal-impjanti b’teknoloġija individwali. Dan l-ostaklu jista’ jiġi indirizzat, pereżempju, billi l-impjanti tal-enerġija jitħallew japplikaw għall-kapaċità tal-grilja abbażi tal-produzzjoni massima antiċipata, minflok is-somma tal-kapaċitajiet tat-teknoloġiji komplementari individwali. B’hekk, il-kapaċità ta’ konnessjoni għandha tiġi allokata għall-proġett ikkombinat u mhux daqslikieku kienu żewġ proġetti separati li jeħtieġu d-duplikazzjoni tal-kapaċità.

Fl-2019, il-Portugall introduċa bidliet fir-reġim ta’ liċenzjar tal-produzzjoni tal-elettriku tiegħu, li jippermetti l-“ibridizzazzjoni” ta’ żewġ teknoloġiji fl-istess infrastruttura u punt ta’ konnessjoni tal-grilja sal-kapaċità massima liċenzjata. Dan jippermetti l-massimizzazzjoni tal-output tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, mingħajr ma jiġu mġarrba aktar kostijiet għall-investimenti fl-infrastruttura tal-grilja. Iż-żieda tat-tieni teknoloġija hija soġġetta għal rekwiżiti ta’ liċenzjar addizzjonali 80 . Spanja introduċiet ukoll bidliet regolatorji li jippermettu l-aċċess għall-grilja minn installazzjonijiet tal-enerġija li jużaw teknoloġiji ta’ ġenerazzjoni differenti, sakemm dan ikun teknikament fattibbli. Fil-każ tal-ibridizzazzjoni tal-assi eżistenti, u sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet dwar il-kapaċità u d-distanza bejn l-assi, huwa meħtieġ biss aġġornament tal-ftehim ta’ konnessjoni eżistenti. Iż-żewġ pajjiżi introduċew ukoll sistemi ta’ punteġġ biex jinċentivaw proġetti b’teknoloġija kkombinata billi jagħtuhom prijorità ogħla għall-konnessjoni mal-grilja.

c.Repowering 

Ir-repowering huwa definit bħala t-tiġdid tal-impjanti tal-enerġija li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli, inkluż is-sostituzzjoni sħiħa jew parzjali tal-installazzjonijiet jew tas-sistemi u t-tagħmir tat-tħaddim għall-finijiet ta’ sostituzzjoni tal-kapaċità jew żieda tal-effiċjenza jew tal-kapaċità tal-installazzjoni 81 .

Għalkemm sal-lum ir-repowering kien ikkonċentrat fi ftit swieq, sal-aħħar tas-snin 2020 dan jista’ jsir attività kummerċjali ewlenija għall-industrija tar-riħ madwar l-Ewropa 82 . Il-benefiċċji tar-repowering jinkludu l-konnessjoni mal-grilja eżistenti, l-għarfien tad-disponibbiltà tar-riżorsi tar-riħ u l-impatti ambjentali potenzjali, u livelli ta’ spiss għoljin ta’ aċċettazzjoni mill-pubbliku 83 . Fid-Danimarka, bejn l-2012 u l-2019, kien hemm gwadann ta’ 1,3 GW fil-kapaċità tar-riħ, li minnhom 576,8 MW irriżultaw mir-repowering tal-installazzjonijiet eżistenti, u tnaqqis nett ta’ 109 turbini eoliċi bis-saħħa tal-effiċjenza ogħla tat-turbini l-ġodda. Ġiet żviluppata biss 10 % aktar kapaċità fi proġetti f’siti f’maħdar milli fir-repowering.

Analiżi minn Wind Europe ta’ 137 proġett li ġew repowered fl-Ewropa sal-lum turi li, bħala medja, l-għadd ta’ turbini f’dawn il-proġetti eoliċi repowered naqas b’27 %, filwaqt li l-kapaċità installata ġiet irdoppjata u l-produzzjoni tal-elettriku ttriplikat 84 .

Ir-repowering se jkollu wkoll rwol fl-impjanti idroelettriċi kbar, minħabba li diġà ġie sfruttat sehem kbir mill-potenzjal tal-enerġija idroelettrika disponibbli 85 . Għadd dejjem jikber ta’ proġetti solari se jilħqu wkoll it-tmiem tal-ħajja tagħhom u se jkunu kandidati għas-sostituzzjoni ta’ xi wħud mill-komponenti, jew għar-repowering li jwassal għal żieda fil-kapaċità. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti linji gwida ċari u proċeduri ssimplifikati għar-repowering tal-impjanti solari.

Ir-REDII tirrikjedi li l-Istati Membri jiffaċilitaw ir-repowering tal-impjanti eżistenti billi jiżguraw proċess issimplifikat tal-għoti tal-permessi, li ma jtulx aktar minn sena. Dan jista’ jiġi estiż b’perjodu massimu ta’ sena meta jkun iġġustifikat abbażi ta’ ċirkostanzi straordinarji, bħal raġunijiet prevalenti ta’ sikurezza jew impatti sostanzjali fuq il-grilja jew il-kapaċità, id-daqs jew il-prestazzjoni oriġinali tal-installazzjoni 86 . L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll proċedura ta’ notifika sempliċi għall-konnessjonijiet mal-grilja għall-proġetti tar-repowering fejn ma jkun mistenni l-ebda impatt ambjentali jew soċjali negattiv sinifikanti, minflok ma jirrikjedu applikazzjoni ġdida għall-permess 87 .

Skont il-promoturi tal-proġetti, bħalissa r-repowering fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jkollu jgħaddi mill-istess proċeduri tal-applikazzjoni u tal-għoti tal-permessi bħall-proġetti greenfield, inkluża l-ħtieġa li titwettaq Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. L-industrija tidentifika wkoll it-tkabbir tal-abitazzjonijiet li jinsabu qrib il-parks eoliċi eżistenti, iż-żieda fid-daqs tat-turbini, iż-żieda f’żoni ambjentalment protetti jew iż-żieda fid-distanza permessa bejn il-parks eoliċi u r-radars militari bħala fatturi li jnaqqsu l-possibbiltajiet tar-repowering tal-proġetti eżistenti. B’riżultat ta’ dan, l-operaturi għandhom it-tendenza li jagħżlu l-estensjoni tul il-ħajja tal-assi eżistenti għall-itwal żmien possibbli, segwita minn dekummissjonar sħiħ fi tmiem il-ħajja tal-assi, li joħloq opportunità mitlufa għar-rwol li jista’ jkollu r-repowering biex jintlaħqu l-miri tal-2030.

Id-Direttiva VIA telenka ċerti installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-elettriku, bħal parks eoliċi u installazzjonijiet idroelettriċi 88 , fost proġetti li għalihom ma tkunx meħtieġa VIA awtomatikament. Minflok, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk il-proġett jeħtieġx ikun soġġett għal valutazzjoni. Dan isir permezz ta’ “proċedura ta’ skrinjar”, li tiddetermina l-effetti ta’ proġett abbażi ta’ limiti jew kriterji u/jew eżami każ b’każ, filwaqt li tqis il-kriterji tal-għażla tal-iskrinjar 89 definiti fid-Direttiva VIA. F’konformità mad-Direttiva VIA, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limiti jew kriterji biex jiddeterminaw meta ma jkunx meħtieġ li l-proġetti ma jgħaddu minn proċedura ta’ skrinjar 90 . Id-Direttiva VIA tipprovdi wkoll flessibbiltà addizzjonali lill-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu jiddeċiedu li valutazzjoni tal-impatt ambjentali ma hijiex meħtieġa abbażi ta’ deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-proġett u/jew tal-miżuri previsti mill-iżviluppatur sabiex jiġu evitati jew ipprevenuti effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

F’ħafna każijiet, ir-repowering ta’ tali proġetti jkun jinvolvi bidliet jew estensjonijiet għal proġetti eżistenti. Il-biċċa l-kbira tal-bidliet jew tal-estensjonijiet għall-proġetti eżistenti jaqgħu fl-ambitu tal-Anness II tad-Direttiva VIA u, għalhekk, huma soġġetti għall-proċedura ta’ skrinjar u ma jeħtiġux VIA awtomatikament. Il-Kummissjoni ħarġet dokument ta’ gwida rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva VIA għall-bidliet u l-estensjoni tal-proġetti 91 . Kif spjegat il-Kummissjoni f’din il-gwida, bidla jew estensjoni tal-proġetti tippresupponi li hemm riskji simili, f’termini tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, għall-proġett oriġinali. Dan għandu jiġi vvalutat matul il-proċess tal-iskrinjar jew tal-VIA.

Hija meħtieġa wkoll valutazzjoni xierqa għall-proġetti/pjanijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jekk dawn aktarx ikollhom impatt negattiv sinifikanti fuq is-siti ta’ Natura 2000 waħedhom jew flimkien ma’ pjanijiet/proġetti oħrajn. Il-pjanijiet u l-proġetti li jitqiesu li aktarx ma jkollhomx effetti negattivi sinifikanti fuq l-integrità tas-siti jistgħu jiġu skrinjati mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni xierqa 92 93 . Kemm l-iskrinjar kif ukoll il-valutazzjoni xierqa għandhom jitwettqu fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. Dawn l-objettivi setgħu ma kinux jeżistu matul il-proċedura tal-għoti tal-permessi tal-proġett inizjali jew setgħu ġew riveduti minn meta ngħata l-permess. Għalhekk, qabel l-awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet għandhom janalizzaw l-impatt tal-installazzjonijiet repowered fid-dawl tal-objettivi ta’ konservazzjoni rilevanti.

Bl-istess mod, skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, proġetti ġodda jistgħu jiġu awtorizzati biss f’każ li dawn (1) ma jwasslux għal deterjorament tal-istatus ta’ kwalunkwe korp tal-ilma u lanqas ma jikkompromettu l-kisba tal-objettiv tad-WFD, jew (2) jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 4(7) (eżenzjoni għall-ewwel prinċipju). Għalhekk, valutazzjoni tal-impatti potenzjali tal-proġetti tkun ġeneralment meħtieġa biex jintwera li waħda minn dawn iż-żewġ kundizzjonijiet hija ssodisfata.

Xi Stati Membri introduċew bidliet leġiżlattivi jew proċedurali li jissimplifikaw il-qafas għar-repowering. L-Italja introduċiet bidliet leġiżlattivi għall-proġetti tar-repowering, u ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni għall-modifiki tat-turbini eoliċi jew tal-komponenti tagħhom li jimplikaw modifika tad-daqs ta’ mhux aktar minn 15 % tad-daqs inizjali tat-turbina. Fil-Ġermanja, il-leġiżlazzjoni tispeċifika li għar-repowering tal-installazzjonijiet eoliċi, għandhom jiġu vvalutati biss il-bidliet meta mqabbla mal-istatus quo. Is-seduti pubbliċi jkunu meħtieġa biss jekk jintalbu mill-iżviluppatur tal-proġett. Franza introduċiet ukoll rekwiżiti relatati mal-VIA abbażi ta’ limiti għall-bidliet fl-għadd u l-għoli tat-turbini. Jekk iż-żieda fl-għadd ta’ turbini u fl-għoli sal-ponta tkun b’mhux aktar minn 10 %, din ma titqiesx bħala modifika sinifikanti, u VIA li tikkonċerna l-impatti fuq l-istorbju u l-bijodiversità titqies bħala suffiċjenti. F’każ li ż-żieda fl-għadd ta’ turbini u fl-għoli sal-ponta tkun ta’ aktar minn 50 %, il-modifika titqies bħala sostanzjali, u tkun meħtieġa VIA ġdida. F’każijiet fejn iż-żieda tkun bejn 10 % u 50 %, l-awtoritajiet kompetenti japplikaw valutazzjoni każ b’każ, abbażi ta’, pereżempju, monitoraġġ ambjentali komprensiv u aċċettazzjoni lokali. Fid-Danimarka, l-impjanti tal-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli huma maqsuma fi tliet gruppi, ibbażati fuq il-kapaċità – inqas minn 10 MW, 10-25 MW u aktar minn 25 MW. Fil-każ ta’ bidliet fil-kapaċità, inkluż permezz tar-repowering, għandha ssir notifika, jew għandha tintalab liċenzja ġdida, skont il-grupp ta’ kapaċità li jagħmel parti minnu l-impjant. Impjanti b’kapaċità ta’ inqas minn 10 MW huma eżentati mir-rekwiżit li japplikaw għal liċenzja ġdida, filwaqt li l-impjanti b’kapaċità ta’ bejn 10-25 MW huma eżentati jekk jinnotifikaw lill-Aġenzija Daniża tal-Enerġija u lit-TSO qabel ma jibdew il-kostruzzjoni. Għal impjanti b’kapaċità ta’ aktar minn 25 MW, dejjem tkun meħtieġa liċenzja għar-repowering jew għal kwalunkwe bidla oħra fil-kapaċità tal-impjant.

d.Idroġenu

It-tħaffif tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli huwa importanti wkoll biex dawk is-setturi li se jkomplu jiddependu fuq il-gassijiet u l-fjuwils jingħataw trasportaturi tal-enerġija dekarbonizzati u affordabbli. B’mod partikolari, il-konverżjoni tal-elettriku rinnovabbli f’idroġenu rinnovabbli permezz tal-elettrolizzaturi se tkun mogħdija importanti għas-sistema tal-enerġija futura tagħna.

Il-konverżjoni tal-elettriku rinnovabbli f’idroġenu, u t-trasport, il-ħżin u d-dispaċċ sussegwenti tal-idroġenu lill-konsumaturi finali x’aktarx li jiltaqgħu ma’ wħud mill-istess ostakli identifikati għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, bħan-nuqqas ta’ biżżejjed persunal b’ħiliet adegwati biex jipproċessa l-applikazzjonijiet għall-permessi u t-tul tal-proċeduri amministrattivi. Dan huwa inerenti għall-istatus l-ġdid tal-katina tal-valur tal-idroġenu u n-nuqqas ta’ esperjenza f’teknoloġiji ġodda u innovattivi relatati. Leġiżlazzjoni skaduta jew ineżistenti fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni għall-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu tista’ tirriżulta fi proċeduri tal-għoti tal-permessi inadegwati jew li joħolqu konfużjoni. Xi wħud minn dawn il-proċessi jistgħu jkunu kumplessi wisq, jistgħu jvarjaw bejn pajjiżi jew reġjuni differenti u spiss jaqbżu ż-żmien stmat għal rispons għal permess.

Relattivament ftit esperjenzi fl-iżvilupp ta’ proġetti tal-idroġenu jfissru li mhux l-ostakli kollha jistgħu jkunu magħrufa u, għalhekk, l-iskambji ta’ informazzjoni permezz ta’ fora jistgħu jkunu ta’ benefiċċju. Barra minn hekk, maż-żmien jistgħu jitfaċċaw ukoll prattiki tajbin biex jiġu indirizzati dawn l-ostakli speċifiċi li jiġu kondiviżi permezz ta’ dawn il-fora.

L-Alleanza tal-Idroġenu Nadif bħalissa qed taħdem fuq rapport immexxi mill-partijiet ikkonċernati dwar l-ostakli relatati mal-permessi għall-proġetti tal-idroġenu, li minnu se joħorġu xi rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki. Il-valutazzjoni inizjali tal-feedback tal-partijiet ikkonċernati mir-rapport tissuġġerixxi li punt uniku ta’ kuntatt jista’ jtaffi ftit mill-kumplessità u jissimplifika l-proċedura tal-għoti tal-permessi, b’mod partikolari meta jkunu involuti bosta awtoritajiet kompetenti.

Il-prijoritizzazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni relatata mal-idroġenu tgħin biex jiġu ċċarati l-qafas regolatorju u l-applikabbiltà tiegħu, jinbena l-għarfien espert fir-rigward tat-teknoloġiji tal-idroġenu rinnovabbli u jittejbu l-konsistenza u l-konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali eżistenti. Il-Ġermanja introduċiet qafas li jirregola liema awtorizzazzjonijiet huma meħtieġa għall-adattament bi skop ġdid ta’ pipelines tal-gass naturali għat-trasport tal-idroġenu. Barra minn hekk, il-Ġermanja rregolat bil-liġi li d-drittijiet kuntrattwali eżistenti għall-użu tal-art għall-infrastruttura tal-gass naturali jridu jiġu interpretati bħala li jippermettu l-bidla mill-gass naturali għall-idroġenu.

Barra minn hekk, il-gwida jew il-manwali li jistabbilixxu l-proċeduri tal-għoti tal-permessi għall-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-idroġenu rinnovabbli jżidu l-prevedibbiltà u jtejbu l-effiċjenza tal-proċess ġenerali għall-partijiet kollha involuti. Il-Portugall diġà ħejja tali gwida għall-proġetti tal-idroġenu.

B’mod simili għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, l-ippjanar tal-ispazju jista’ jkun strumentali għall-identifikazzjoni ta’ postijiet adegwati għat-tnedija tal-elettrolizzaturi. Abbażi ta’ pjanijiet integrati tan-network 94 , jistgħu jiġu ddeżinjati żoni ddedikati għall-elettrolizzaturi. Dan jista’ jkun mezz biex tiġi inċentivata t-tnedija tal-elettrolizzaturi f’postijiet fejn jista’ jkollhom rwol fl-evitar jew l-indirizzar tal-konġestjoni tal-elettriku u fejn jistgħu jġibu benefiċċju akbar għas-soċjetà (eż. billi tiġi evitata żieda fit-tariffi tan-network tal-elettriku minħabba r-rinfurzar meħtieġ tal-grilja). Tqajmu suġġerimenti f’din id-direzzjoni f’konsultazzjoni reċenti mal-partijiet ikkonċernati dwar ir-regolamentazzjoni tas-suq tal-idroġenu fin-Netherlands.

e.Appoġġ għall-innovazzjoni

Il-proċeduri tal-għoti tal-permessi jistgħu jaffettwaw ukoll il-varar futur ta’ teknoloġiji innovattivi tad-dekarbonizzazzjoni, inklużi proġetti pilota u ta’ dimostrazzjoni, li se jkunu meħtieġa biex tintlaħaq in-newtralità klimatika. Meta titqies in-natura innovattiva ta’ dawn it-teknoloġiji, hemm inqas esperjenza fil-qasam tal-proċeduri tal-awtorizzazzjoni applikabbli.

Waħda mit-toroq potenzjali biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni hija permezz ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja huma oqfsa li jipprovdu kuntest strutturat għall-esperimentazzjoni sabiex ikun jista’ jsir l-ittestjar ta’ teknoloġiji, prodotti, servizzi jew approċċi innovattivi għal żmien limitat u f’kamp ta’ applikazzjoni limitat taħt superviżjoni regolatorja biex jiġu żgurati s-salvagwardji xierqa 95 . Dawn diġà ntużaw fis-setturi finanzjarji, bankarji u tal-ICT, iżda l-użu fis-settur tal-enerġija sa issa kien relattivament limitat. Ir-raġunament wara t-twaqqif ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorja huwa li l-innovaturi jkunu jistgħu jittestjaw teknoloġiji u mudelli ta’ negozju ġodda li jistgħu jkunu biss parzjalment kompatibbli mal-qafas legali u regolatorju eżistenti, u li r-regolaturi jkunu jistgħu jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ innovazzjonijiet partikolari sabiex ikunu jistgħu jadattaw l-ambjent regolatorju biex jakkomodahom 96 .

Fi Franza, ġew introdotti ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja għas-settur tal-enerġija fil-leġiżlazzjoni. L-ambjent ta’ esperimentazzjoni jippermetti lill-awtorità regolatorja nazzjonali CRE tagħti eżenzjonijiet għall-kundizzjonijiet tal-aċċess għal, u l-użu ta’, networks għall-varar sperimentali ta’ teknoloġiji jew servizzi innovattivi li jappoġġaw it-tranżizzjoni tal-enerġija, il-grilji u l-infrastrutturi intelliġenti 97 . Għadd ta’ proġetti ngħataw deroga taħt din l-iskema, inkluż proġett li għandu l-għan li jżid il-kapaċità tal-parks eoliċi, li jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-enerġija Franċiż li jillimitaw il-kapaċità installata tal-installazzjonijiet tal-produzzjoni konnessi ma’ network pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ għoli.

Fin-Netherlands, il-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi ħareġ ordni eżekuttiva 98 dwar l-esperimenti bi produzzjoni tal-elettriku deċentralizzata u sostenibbli, li abbażi tagħha l-proġetti ġew awtorizzati biex jistabbilixxu ambjent ta’ esperimentazzjoni. L-artikoli fl-Att dwar l-Elettriku li minnhom setgħu jiġu eżentati l-proġetti kienu definiti minn qabel, u kienu eliġibbli biss entitajiet żgħar bħall-komunitajiet tal-enerġija u l-assoċjazzjonijiet tas-sidien tad-djar. Ġiet proposta ordni eżekuttiva ta’ segwitu li tespandi l-kamp ta’ applikazzjoni, id-daqs u l-firxa ta’ entitajiet eliġibbli għall-ambjenti ta’ esperimentazzjoni futuri.

Il-Ministeru Federali Awstrijak għall-Protezzjoni tal-Klima, l-Ambjent, il-Mobilità, l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija qed imexxi programm ta’ finanzjament “Energie.Frei.Raum,” 99 li jservi bħala fażi preparatorja għal klawżola ta’ esperimentazzjoni possibbli biex jiġu ttestjati mudelli ġodda tas-suq għall-integrazzjoni tas-sistema tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, tal-ħżin u tal-effiċjenza enerġetika.

*****

Billi l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni b’abbozz ta’ aġġornament tal-aħħar pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima nnotifikat tagħhom sat-30 ta’ Ġunju 2023, il-prattiki tajbin stabbiliti f’din il-gwida jistgħu jservu biex jiġu identifikati l-politiki u l-miżuri li jistgħu jressqu l-Istati Membri bil-għan li jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli.



II.Gwida lill-Istati Membri dwar l-iffaċilitar tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija Rinnovabbli 

1.Introduzzjoni

Il-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli qed isir dejjem aktar kostkompetittiv meta mqabbel mal-enerġija bbażata fuq il-fossili, bil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli mill-enerġija idroelettrika, l-enerġija ġeotermali, il-PV solari, l-enerġija eolika fuq l-art u lil hinn mill-kosta tipproduċi livelli ta’ kostijiet li huma aktar baxxi mill-prezzijiet medji Ewropej tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi (ara l-illustrazzjonijiet hawn taħt).

Data: IRENA 2021

 

Data: L-iżvilupp tal-prezzijiet tal-elettriku għall-konsumaturi mhux domestiċi, abbażi tal-Eurostat.

Abbażi tat-tnaqqis rapidu fil-kostijiet tal-enerġija rinnovabbli, il-korporazzjonijiet Ewropej qabżu l-limitu ta’ 1 GW tal-ftehimiet ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli kkuntrattati fl-2016, li rrappreżentaw madwar 3,5 % tal-konsum tal-elettriku industrijali. Minn dak iż-żmien, il-volum tagħhom kiber b’mod esponenzjali – fl-2021, dan kien aktar minn ħmistax-il darba ogħla milli kien fl-2016.

Fl-aktar forma sempliċi tiegħu, ftehim ta’ xiri tal-enerġija rinnovabbli jew tas-sħana rinnovabbli huwa ftehim ta’ xiri bejn produttur tal-enerġija rinnovabbli u partijiet xerrejja korporattivi. Il-parti xerrejja korporattiva timpenja ruħha għax-xiri ta’ volum speċifiku ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz determinat minn qabel fuq perjodu itwal. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-parti xerrejja korporattiva se tirċievi wkoll il-garanzija tal-oriġini li tinħareġ għal kull unità ta’ enerġija rinnovabbli prodotta fl-UE. B’dan il-mod, il-parti xerrejja tista’ turi li l-ftehim tagħha dwar ix-xiri tal-enerġija, tas-sħana jew tal-gass (inkluż l-idroġenu rinnovabbli) qed jikkontribwixxi direttament għal assi speċifiku tal-enerġija rinnovabbli. Il-maġġoranza kbira tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli (PPAs) sal-lum (ara l-Illustrazzjoni 1).

Illustrazzjoni 1 Avviżi tal-PPA 2013-2021 (kapaċità kkuntrattata f’GW); Re-Source (2021) https://resource-platform.eu/buyers-toolkit/  

Il-vantaġġi tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli huma diversi. B’mod partikolari:

A.Għall-partijiet xerrejja korporattivi, il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli jipprovdu elettriku kostkompetittiv għall-attivitajiet tagħhom, u jistgħu jintużaw bħala għodda tal-iħħeġġjar kontra r-riskji tal-prezzijiet tal-elettriku mis-suq bl-ingrossa.

B.Għall-partijiet xerrejja korporattivi, il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli juru impenn lejn tranżizzjoni ekoloġika b’mod kredibbli, jappoġġaw l-aġenda korporattiva tagħhom dwar ir-responsabbiltà soċjali, u jgħinu biex jattiraw investituri b’ambizzjoni ekoloġika.

C.Għall-iżviluppaturi tal-proġetti rinnovabbli, il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija jipprovdu sors alternattiv u/jew komplementari ta’ introjtu stabbli meta mqabbla ma’ skemi ta’ appoġġ pubbliku jew swieq kummerċjali.

D.Għall-gvernijiet, il-ftehimiet korporattivi dwar ix-xiri tal-enerġija jipprovdu mezz alternattiv għall-finanzjament tal-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u jistgħu jnaqqsu l-finanzjament pubbliku għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli taħt skemi ta’ appoġġ.

Filwaqt li l-adozzjoni tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli qed tikber sena wara sena, is-sehem mis-suq tal-proġetti tax-xiri tal-enerġija rinnovabbli għadu biss 15-20 % tal-varar annwali. Barra minn hekk, il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli huma limitati għal ċerti Stati Membri u kumpaniji kbar li jiffaċċjaw il-klijenti. Fl-aħħar nett, il-maġġoranza tal-ftehimiet dwar ix-xiri huma limitati għall-elettriku rinnovabbli, għalkemm 70 % tad-domanda għall-enerġija industrijali u kummerċjali hija t-tisħin.

2.Kwistjonijiet regolatorji 

Fl-2019 sar stħarriġ madwar l-UE kollha 100 kif ukoll analiżi dettaljata ta’ 10 Stati Membri 101 biex jiġu identifikati l-ostakli ewlenin għall-adozzjoni ta’ PPAs rinnovabbli korporattivi. Ir-riżultati identifikaw ostakli regolatorji, ostakli ta’ politika, ostakli ekonomiċi, kif ukoll kwistjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni.

L-ostakli regolatorji ewlenin kienu jinkludu restrizzjonijiet legali biex jiġu ffirmati kuntratti diretti bejn il-ġeneraturi u l-partijiet xerrejja, ostakli għall-iffirmar ta’ kuntratti ma’ aktar minn fornitur wieħed, u ostakli għat-trasferiment ta’ Garanziji tal-Oriġini lill-parti xerrejja. L-ostakli ta’ politika kienu jinkludu skemi ta’ appoġġ li kienu inkompatibbli jew li kienu f’kompetizzjoni mal-PPAs korporattivi, kif ukoll viżibbiltà limitata dwar l-evoluzzjoni tal-iskemi ta’ appoġġ. L-ostakli ekonomiċi kienu jinkludu l-affidabbiltà kreditizja tal-partijiet xerrejja, il-varjabbiltà tal-elettriku rinnovabbli u l-kostijiet assoċjati għall-ġestjoni tal-iżbilanċi fil-volum bejn il-produzzjoni tal-proġett rinnovabbli u d-domanda korporattiva permezz ta’ “kuntratti ta’ sleeving”. Barra minn hekk, il-kostijiet tat-tranżazzjoni għadhom għoljin u hemm nuqqas ta’ prodotti ta’ ħħeġġjar fit-tul biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi jew l-inadempjenzi tal-kontroparti. Għad hemm ukoll sensibilizzazzjoni u interess limitati, speċjalment għall-SMEs, kif ukoll perċezzjoni li l-PPAs korporattivi huma aktar għaljin mill-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa. Fil-konsultazzjoni pubblika, kemm il-produtturi kif ukoll il-konsumaturi qajmu l-importanza li jinħarġu Garanziji tal-Oriġini għall-ġenerazzjoni kollha tal-enerġija rinnovabbli, irrispettivament minn jekk il-proġett ikunx ġie żviluppat taħt skemi ta’ appoġġ pubbliku jew le. Barra minn hekk, huma qajmu l-importanza li jitfasslu skemi ta’ appoġġ pubbliku b’mod li jkun ta’ appoġġ u komplementari għall-iżvilupp ta’ proġetti tal-enerġija rinnovabbli fl-ambitu tal-PPAs korporattivi.

B’konsegwenza ta’ dan, il-PPAs korporattivi bħalissa huma limitati għal Stati Membri speċifiċi fejn il-kundizzjonijiet huma tajbin għall-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex ibigħu l-elettriku tagħhom direttament lill-konsumaturi finali. Tali kundizzjonijiet ta’ appoġġ jinkludu: 1) suq vibranti għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, 2) swieq likwidi tal-enerġija bl-ingrossa biex ikunu jistgħu jiffirmaw “kuntratti ta’ sleeving” kif ukoll prodotti ta’ ħħeġġjar fit-tul, 3) l-ebda ostaklu legali biex jiġu ffirmati kuntratti diretti bejn il-fornituri u l-konsumaturi, u 4) sejħiet għal offerti pubbliċi li huma komplementari għal PPAs korporattivi jew li jwasslu għalihom.

Id-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku tal-2019, ir-Regolament dwar is-Suq tal-Elettriku u d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli diġà jindirizzaw għadd ta’ ostakli regolatorji u ta’ politika. Pereżempju, id-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku tirrikjedi li fl-Istati Membri kollha, il-ġeneraturi u x-xerrejja jistgħu jikkuntrattaw direttament ma’ xulxin, u li l-konsumaturi jistgħu jagħżlu diversi kuntratti ta’ provvista. Abbażi tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, l-Istati Membri jeħtieġ jipprovdu skedi fit-tul rigward l-offerti pubbliċi tagħhom, u huma meħtieġa jidentifikaw kwalunkwe ostaklu għall-PPAs korporattivi fil-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tagħhom, u jistabbilixxu miżuri biex jiffaċilitaw l-adozzjoni tagħhom. Tmien Stati Membri biss irrapportaw dwar l-ostakli u l-miżuri eżistenti biex jappoġġaw l-adozzjoni tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, ma hemmx qafas ċar, la għall-iżviluppaturi tal-proġetti rinnovabbli u lanqas għall-konsumaturi korporattivi biex jistabbilixxu ftehimiet diretti dwar ix-xiri tal-enerġija.

Minkejja l-ostakli eżistenti, is-suq għall-PPAs korporattivi qed ikompli jikber. Mill-2020, Spanja saret l-akbar suq għall-PPAs fl-UE, li jirrappreżenta 23 % tal-kapaċità kuntrattata totali 102 u t-tranżazzjonijiet finanzjarji assoċjati ta’ valur kbir kienu jammontaw għal kważi 1 % tal-PDG tal-pajjiż 103 . F’xi Stati Membri, pereżempju fir-Rumanija, il-PPAs korporattivi ma setgħux jiġu ffirmati sa ftit ilu, minħabba li l-elettriku kollu kellu jinbiegħ f’suq ċentralizzat. Madankollu, b’digriet ġdid li jiftaħ il-possibbiltajiet għall-PPAs, il-pipeline tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli jista’ jirdoppja meta mqabbel mal-pjan nazzjonali tar-Rumanija għall-enerġija u l-klima 104 .

Il-PPAs aktarx isiru dejjem aktar attraenti bħala “mudelli tan-negozju” għall-installazzjonijiet tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli wara t-tmiem taż-żmien ta’ appoġġ tagħhom. Fl-2021, it-tieni dokument tal-Kunsill tar-Regolaturi Ewropej tal-Enerġija (CEER) dwar is-Sorsi tal-Enerġija Rinnovabbli Mhux Appoġġati sab li l-PPAs rinnovabbli huma alternattivi fattibbli kemm għall-installazzjonijiet eoliċi fuq l-art, kif ukoll għall-installazzjonijiet solari, tal-bijomassa u tal-idroenerġija 105 . Dan huwa importanti, minħabba li fost il-pajjiżi osservati (membri tas-CEER), 40 % (114 GW) tar-RES appoġġati bħalissa se jilħqu t-tmiem taż-żmien ta’ appoġġ tagħhom sal-2030 u jew se jimxu lejn il-kundizzjonijiet tas-suq jew se jkomplu jiġu appoġġati.

L-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-PPAs permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

A.Jużaw l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku tal-UE 106 jew assistenza konsultattiva jew teknika oħra biex iwettqu valutazzjoni dettaljata ħalli jappoġġaw il-ftehimiet korporattivi dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli. Dan sar, pereżempju, mill-Italja 107 . Stati Membri oħrajn jistgħu jew iwettqu studji simili jew inkella jirreplikaw is-sejbiet tal-istudji li diġà tlestew.

B.Iħabbru volum indikattiv tal-varar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, li huwa mistenni li jiġi ffinanzjat permezz tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija. Dan jipprovdi viżibbiltà lill-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli dwar il-veloċità u t-toroq mistennija għall-iżvilupp tal-proġetti. Pass bħal dan ittieħed mill-Irlanda 108 .

C.Jikkunsidraw offerti kompetittivi li jiftħu l-opportunità għall-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli biex jieħdu “vaganzi” 109 mill-iskemi ta’ appoġġ pubbliku tagħhom u jbigħu l-elettriku tagħhom permezz tal-PPAs. Tali miżura innovattiva ġiet introdotta mill-Polonja, li kkontribwiet biex issir it-tieni l-akbar suq għall-PPAs fl-2021.

D.Jippermettu l-ħruġ ta’ Garanziji tal-Oriġini fl-iskemi ta’ appoġġ pubbliku, sabiex id-dħul mill-Garanziji tal-Oriġini jnaqqas il-ħtieġa għal finanzjament pubbliku.

3.L-espansjoni tad-disponibbiltà tal-ftehimiet korporattivi dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

Is-swieq Ewropej għall-PPAs huma ddominati minn partijiet xerrejja korporattivi kbar 110 . Għadd kbir ta’ dawn il-korporazzjonijiet huma organizzati taħt l-inizjattiva korporattiva RE100 li għandha l-għan li takkwista 100 % tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, inklużi 58 kumpanija li għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-UE. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-kumpaniji għandhom volumi prevedibbli u kbar ta’ konsum tal-elettriku fuq perjodi twal ta’ żmien, u għandhom klassifikazzjonijiet tal-kreditu tajbin. Huma spiss ikunu involuti wkoll f’attivitajiet li jiffaċċjaw il-konsumaturi, u jużaw il-PPAs rinnovabbli bħala strument importanti biex jimmarkaw il-prodotti tagħhom u jappoġġaw ir-responsabbiltà korporattiva sostenibbli, li tinkludi t-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-konsum tal-enerġija tagħhom fil-katina tal-valur kollha. F’dan ir-rigward, ir-rapportar konformi mas-CDP 111 jippermetti lill-kumpaniji jirrapportaw dwar l-enerġija rinnovabbli prodotta mill-installazzjonijiet fuq il-post, mill-installazzjonijiet mhux fuq il-post konnessi b’linji diretti, u mill-PPAs 112 .

L-industriji elettrointensivi kbar huma wkoll segment importanti għall-PPAs korporattivi rinnovabbli. Storikament, il-fundituri kbar tal-aluminju fin-Norveġja kienu qed jakkwistaw l-elettriku tagħhom permezz tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija idroelettrika. Aktar reċentement, huma ffirmaw ukoll PPAs tal-enerġija eolika fit-tul. Madankollu, sa issa, l-adozzjoni fost dawn it-tipi ta’ partijiet xerrejja kienet limitata fl-Istati Membri tal-UE.

Wieħed mill-ostakli li ġew identifikati huwa n-nuqqas ta’ prevedibbiltà rigward il-komponent regolat tal-prezzijiet tal-elettriku (tariffi tal-grilja u taxxi)  113 . Billi dawn il-komponenti regolati huma parti sinifikanti mill-prezz tal-elettriku min-naħa tal-parti xerrejja, dan inaqqas l-attraenza tal-PPAs bħala għodda għall-iħħeġġjar fit-tul għall-volatilità tal-prezzijiet tal-elettriku. L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) ħarġet rapport ta’ valutazzjoni dwar id-disinn tas-suq bl-ingrossa, li jinkludi taqsima ddedikata biex jiġi diskuss kif tista’ tittejjeb il-likwidità forward fis-swieq tal-elettriku bl-ingrossa biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ prodotti ta’ ħħeġġjar effiċjenti 114 .

B’kuntrast għal dan, l-ostakli għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jinvolvu ruħhom f’PPAs korporattivi għadhom kbar ħafna. L-SMEs jammontaw għal 99 % tan-negozji Ewropej, 54 % tal-valur miżjud tal-UE, u jammontaw għal bejn 9 u 18 % tal-konsum intern gross għal kull Stat Membru 115 . Huma dawn l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju li spiss jiffaċċjaw kontijiet tal-elettriku għoljin minħabba konsum baxx tal-elettriku għal kull faċilità, u li jistgħu jibbenefikaw l-aktar minn ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli. Dan huwa partikolarment rilevanti fil-perjodu minn Ottubru 2021, meta l-prezzijiet tal-elettriku fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa bdew jiżdiedu.

Barra minn hekk, huma għandhom viżibbiltà limitata fuq id-domanda futura tagħhom għall-elettriku, klassifikazzjonijiet aktar baxxi tal-kreditu, u volumi aktar baxxi ta’ konsum tal-elettriku li jagħmlu l-ġestjoni tal-iżbilanċi aktar diffiċli. Dan iwassal biex l-SMEs joqogħdu aktar lura milli jiffirmaw kuntratti fit-tul, speċjalment jekk ma jkun hemm l-ebda ċarezza dwar l-impatti potenzjali jekk ikun meħtieġ li l-kuntratti fit-tul jintemmu. L-impatti tal-iffirmar ta’ PPAs fit-tul, kemm fiżikament kif ukoll virtwalment, fuq il-karta tal-bilanċ tal-kumpanija taħt il-qafas kontabilistiku għad-derivattivi skont l-Istandards Internazzjonali ta’ Rapportar Finanzjarju (IFRS) mhux dejjem ikunu ċari. In-nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-PPAs korporattivi rinnovabbli huwa ostaklu importanti ieħor għall-adozzjoni tagħhom f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u l-kumplessità tan-negozjar tal-PPAs taġixxi bħala ostaklu mhux vinkolanti għal dawk il-partijiet xerrejja li ma għandhomx l-esperjenza jew ir-riżorsi biex jittrattaw in-negozjati tal-kuntratti. Il-leġiżlazzjoni Ewropea sa issa kienet limitata għall-awditi tal-enerġija u għas-sistemi ta’ ġestjoni tal-enerġija li jindirizzaw l-effiċjenza enerġetika (EED, 2018). Fl-aħħar nett, huma spiss ikollhom spazju limitat fuq il-post biex jużaw soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli.

L-affidabbiltà kreditizja ta’ parti xerrejja hija ostaklu ewlieni ieħor (u fattur ta’ riskju) fil-biċċa l-kbira tas-setturi. Il-fornituri tad-dejn għall-proġetti rinnovabbli jkomplu jeħtieġu klassifikazzjoni tal-kreditu b’saħħitha sabiex iqisu l-PPA bħala bankabbli. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ma jiġux ikklassifikati minn kwalunkwe aġenzija ewlenija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, l-affidabbiltà kreditizja u l-klassifikazzjoni tal-kreditu huma wkoll kwistjoni għal xi kumpaniji fl-industrija peżanti u l-manifattura, u f’dawk l-ekonomiji Ewropej bi swieq finanzjarji relattivament inqas żviluppati.

Min-naħa tal-provvista, jeżistu ostakli simili. Żviluppaturi kbar ta’ proġetti rinnovabbli, bħal Vattenfall, Eneco, Orsted u Iberdrola, qegħdin jiddominaw is-suq minħabba l-fatt li għandhom portafoll kbir ta’ proġetti u jistgħu jipprovdu aktar PPAs magħmula apposta lill-konsumatur. F’dan is-segment, proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira, bħal parks eoliċi lil hinn mill-kosta, xi drabi jiffaċċjaw l-isfida biex isibu volumi suffiċjenti ta’ PPAs qabel id-deċiżjonijiet finali tagħhom dwar l-investiment. Il-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, min-naħa l-oħra, jiffaċċjaw sfidi differenti biex jidħlu fis-suq korporattiv tal-PPAs, minħabba viżibbiltà limitata, portafoll limitat ta’ proġetti, u għarfien espert tekniku u legali limitat meħtieġ għan-negozjar u l-iffirmar tal-PPAs. Bl-istess mod, il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli u l-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini ta’ spiss ikunu żgħar wisq biex jiffirmaw PPAs ekonomikament attraenti ma’ partijiet xerrejja kbar.

Segment żgħir iżda li qed jikber ta’ ditti ta’ konsulenza beda joffri soluzzjonijiet għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bħall-opportunità li tiġi aggregata d-domanda fuq konsumaturi multipli. L-industrija nnifisha qed tikkunsidra wkoll mekkaniżmi biex taggrega d-domanda tagħhom sabiex tnaqqas ir-riskji u l-kostijiet. Pereżempju, fil-Greċja, għadd ta’ industriji elettrointensivi qed jaħdmu fuq kunċett ta’ “Green Pool”, fejn diversi kumpaniji jiġbru flimkien id-domanda tagħhom għall-elettriku. Sussegwentement, kull sieħeb tal-industrija jiffirma PPA wieħed jew aktar biex jissodisfa d-domanda tiegħu fil-livell aggregat. Sabiex tissawwar u tissaħħaħ id-domanda għall-elettriku li jifdal, jiġi nnegozjat kuntratt separat biex jitnaqqsu l-kostijiet ġenerali għall-parteċipanti. Madankollu, l-aggregazzjoni tal-proġetti żżid ukoll kostijiet u kumplessità addizzjonali mal-għeluq tal-PPAs. Barra minn hekk, xi kumpaniji li qed joffru awditi tal-enerġija – kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika – diġà qed jespandu s-servizzi tagħhom biex jinkludu valutazzjonijiet tal-PPAs rinnovabbli “fuq il-post”, “qrib il-post”, jew “mhux fuq il-post”. L-espansjoni tas-servizzi tal-awditjar tal-enerġija biex jiġu inklużi PPAs rinnovabbli hija relattivament irħisa, minħabba li jiddependu fuq data simili li diġà qed tinġabar skont is-sistemi tal-ġestjoni tal-enerġija (ISO 500001).

Ir-rapport reċenti tal-ACER dwar id-Disinn tas-Suq tal-Elettriku bl-Ingrossa tal-UE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stimulati l-PPAs, kif ukoll li jittejjeb l-aċċess għall-parteċipanti iżgħar fis-suq. Sabiex jiġu indirizzati l-ostakli ekonomiċi, il-Kummissjoni u l-Grupp tal-BEI se jesploraw jekk jistgħux jiġu żviluppati mekkaniżmi ta’ finanzjament u ta’ konsulenza ddedikati biex jappoġġaw il-ftehimiet dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dan jista’ jinkludi mekkaniżmi biex jiġi ffaċilitat aċċess aħjar għall-ftehimiet dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli għal partijiet xerrejja ġodda bħal SMEs. Il-Programm InvestEU 116 diġà jista’ jappoġġa l-finanzjament għall-investimenti fil-PPA. L-Istati Membri jistgħu jibdew garanziji simili biex jappoġġaw lill-banek lokali fl-isforzi tagħhom biex jappoġġaw il-PPAs rinnovabbli.

Barra minn hekk, il-qafas għall-Finanzi Sostenibbli tal-UE se jinċentiva l-ftehimiet dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jżid is-sensibilizzazzjoni u l-interess f’tali ftehimiet fost l-impriżi mhux finanzjarji u dawk finanzjarji, u b’hekk jikkontribwixxi għall-orjentazzjoni mill-ġdid tal-kapital lejn investimenti sostenibbli. L-elementi rilevanti tiegħu jinkludu r-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE, l-ewwel Att Delegat dwar il-Klima tat-Tassonomija tal-UE 117 u d-Direttiva dwar ir-Rappurtar Korporattiv dwar is-Sostenibbiltà (CSRD) proposta, li lkoll jikkontribwixxu għal trasparenza akbar fis-swieq finanzjarji u dawk mhux finanzjarji dwar is-sostenibbiltà. It-Tassonomija tal-UE tistabbilixxi qafas biex jiġu definiti l-attivitajiet ekonomiċi ambjentalment sostenibbli u tipprevedi rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tul ċerti indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-impriżi finanzjarji u għal dawk mhux finanzjarji. Il-proposta tas-CSRD relatata testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti tar-rapportar tal-impriżi mhux finanzjarji biex tinkludi l-kumpaniji l-kbar kollha (kemm jekk huma elenkati kif ukoll jekk le) u tinkludi l-SMEs elenkati 118 . L-użu tal-ftehimiet dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se jkun strument importanti biex tintwera l-konformità mal-kriterji tekniċi ta’ skrinjar rilevanti definiti fl-Att Delegat dwar tat-Tassonomija tal-UE dwar il-Klima u jista’ jiġi rifless mill-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE, kif xieraq.

Barra minn hekk, il-Patt Korporattiv Ewropew li ġie stabbilit dan l-aħħar jista’ jkun mezz ieħor biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet li jeżistu għan-negozji li jiffirmaw il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli.

L-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari għall-SMEs, permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

A.Jistabbilixxu pjattaforma pubblika biex tiżdied it-trasparenza fuq il-prezz, il-volum, it-tipi u l-partijiet involuti fl-iffirmar ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli;

B.Jiżguraw l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE u l-atti delegati tiegħu u jinkoraġġixxu l-applikazzjoni volontarja tiegħu lil hinn mir-rekwiżiti leġiżlattivi 119 .

C.Ikkuntrattar flessibbli għall-SMEs, inkluża gwida speċifika għat-tariffi tat-terminazzjoni tal-kuntratti għall-intrapriżi żgħar (l-Art. 12 tad-Direttiva dwar l-Elettriku);

D.Jippermettu kuntratti tal-provvista multipli, sabiex il-fornituri u x-xerrejja jkunu jistgħu jikkuntrattaw direttament ma’ xulxin (l-Art. 4 tad-Direttiva dwar l-Elettriku)

E.Jippermettu l-iżvilupp ta’ proġetti rinnovabbli fuq il-post jew qrib il-post li jiġu żviluppati skont il-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija, speċjalment jekk jiġu żviluppati “wara l-miter” jew permezz ta’ “wajers privati”;

F.Ineħħu r-riskji mill-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli permezz tal-garanziji ta’ kreditu jew assigurazzjonijiet appoġġati minn riżorsi finanzjarji pubbliċi, f’konformità mal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat.

G.Iħeġġu lill-banek u l-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali biex joffru prodotti tad-dejn għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala kbira, inkluża l-enerġija eolika lil hinn mill-kosta, fi swieq fejn huwa diffiċli li jiġu kkuntrattati volumi suffiċjenti ta’ ftehimiet dwar ix-xiri ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli qabel id-deċiżjonijiet dwar l-investiment finanzjarju minħabba d-daqs tal-assi u t-tul tal-kostruzzjoni;

H.Jistabbilixxu kundizzjonijiet regolatorji li jippermettu lill-komunitajiet tal-enerġija jbigħu l-enerġija żejda permezz ta’ ftehimiet dwar ix-xiri tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli

I.Jippermettu lill-parks tan-negozji ż-żgħar jew lir-raggruppamenti industrijali jixtru b’mod kollettiv l-enerġija rinnovabbli permezz ta’ ftehimiet ta’ xiri fit-tul.

4.Il-promozzjoni ta’ ftehimiet transfruntiera dwar ix-xiri tal-enerġija rinnovabbli

Il-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kienet tirrappreżenta 37 % tal-konsum kollu tal-elettriku u 21,2 % tal-konsum kollu tal-enerġija fl-2020. Madankollu, hemm differenzi kbar bejn l-Istati Membri, bis-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku jvarja minn 9 % sa 78 %. Bl-istess mod, is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija jvarja minn 10 % sa 60 %.

It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija lejn provvista tal-enerġija bbażata fuq is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli se tkun teħtieġ l-użu tal-aħjar riżorsi rinnovabbli madwar l-UE, u t-trasport tal-enerġija lejn fejn tkun id-domanda. Is-Suq Uniku Ewropew jippermetti lin-negozji jixtru l-elettriku rinnovabbli madwar l-UE, filwaqt li jiżgura appoġġ għal proġetti addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli li għandhom jiġu konnessi mal-grilja.

L-utenti korporattivi diġà qed jieħdu vantaġġ mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli billi jiffirmaw:

1.PPAs transfruntiera fiżiċi,

2.PPAs transfruntiera virtwali.

F’PPA transfruntier fiżiku, il-parti xerrejja tikkuntratta ma’ assi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli f’pajjiż ieħor, u tipprenota d-drittijiet ta’ kapaċità fiżika jew finanzjarja fuq l-interkonnetturi rilevanti sabiex jiżgura konnessjoni fiżika man-network. Dan jinvolvi riskju u kostijiet assoċjati mat-trasferimenti transfruntiera. F’PPA transfruntier virtwali, il-produttur tal-enerġija jbigħ l-elettriku fis-suq lokali bl-ingrossa, filwaqt li l-parti xerrejja tixtri l-elettriku tagħha f’suq lokali bl-ingrossa differenti. Il-kuntratt bejn il-produttur tal-enerġija fuq naħa waħda tal-fruntiera u l-parti xerrejja fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera jikkonsisti f’saldu finanzjarju, li bih il-produttur tal-enerġija jirċievi pagament mis-suq tal-elettriku bl-ingrossa lokali u saldu nett kontra l-prezz tal-PPA miftiehem max-xerrej korporattiv 120 .

Il-vantaġġi għall-partijiet xerrejja huma aċċess akbar għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli bi prezz baxx madwar l-UE, il-kapaċità li jaggregaw it-tagħbijiet f’postijiet differenti, u li jilħqu firxa akbar tal-elettriku tagħhom. Għall-iżviluppaturi tal-proġetti tal-enerġija rinnovabbli, il-PPAs transfruntiera jippermettu aċċess għal swieq bi prezzijiet ogħla tal-elettriku u, għalhekk, rieda akbar li jħallsu għall-enerġija rinnovabbli.

Minbarra l-PPAs transfruntiera fis-suq uniku Ewropew tal-elettriku, hemm ukoll opportunitajiet biex jiġu estiżi l-PPAs transfruntiera ma’ pajjiżi terzi. Eżempju speċifiku huwa l-kollaborazzjoni bejn Franza, il-Ġermanja, il-Portugall, Spanja u l-Marokk, bil-għan li jiġu analizzati l-alternattivi ta’ PPAs transfruntiera bejn il-Marokk u l-Istati Membri tal-UE taħt il-Pjan Direzzjonali għall-Kummerċ Sostenibbli tal-Elettriku 121 . Rekwiżit ewlieni f’dak ir-rigward se jkun l-istabbiliment ta’ sistema ta’ garanziji tal-oriġini affidabbli, preċiża u reżistenti għall-frodi fil-pajjiżi terzi ma’ korpi emittenti li huma indipendenti mill-attivitajiet ta’ produzzjoni, kummerċ u provvista.

Minkejja d-differenzi kbar relattivi fil-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa u fil-kostijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE, l-għadd ta’ PPAs transfruntiera għadu limitat. Wieħed mill-ostakli ewlenin huwa r-riskji ekonomiċi assoċjati, minħabba l-fatt li l-fornituri u l-konsumaturi qed joperaw fi swieq differenti bi żviluppi fil-prezzijiet u reġimi tat-taxxa differenti, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi ġestit ir-riskju tal-prezz tat-trażmissjoni transfruntiera. Ostaklu ieħor huwa l-kumplessità tal-kuntratti, speċjalment jekk il-kuntratti jkunu meħtieġa jaderixxu mar-regolamenti lokali li ma humiex kompatibbli. Hemm ukoll ostakli amministrattivi assoċjati mal-garanziji tal-oriġini, fejn ir-regoli għall-ħruġ, l-użu u l-kanċellazzjoni tal-garanziji tal-oriġini ma humiex armonizzati kompletament fl-Istati Membri kollha. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-PPAs transfruntiera ma’ pajjiżi li ma implimentawx qafas biex joħorġu garanziji tal-oriġini għall-ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli appoġġata. Fl-aħħar nett, huwa aktar diffiċli li jiġi spjegat il-kontribut tal-PPAs transfruntiera għall-finijiet ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva.

Minkejja dawn l-ostakli, bħalissa għaddejjin attivitajiet maħsuba biex jappoġġaw il-PPAs transfruntiera, minħabba li dawn jipprovdu opportunità unika u għodda siewja biex ikopru ishma għoljin jew saħansitra l-konsum kollu tal-elettriku ta’ parti xerrejja waħda minn installazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku tal-2019 u r-Regolamenti dwar l-Elettriku żiedu l-flessibbiltà tas-suq tal-elettriku u l-granularità tal-formazzjoni tal-prezzijiet li jistgħu jgħinu biex jippermettu l-PPAs transfruntiera, u n-Network Trans-Ewropew għall-Enerġija qed jappoġġa l-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ trażmissjoni transfruntiera biex tiftaħ u tippermetti flussi transfruntiera tal-elettriku.

Sabiex jiġi indirizzat ir-riskju finanzjarju tal-PPAs transfruntiera, il-Mekkaniżmi ta’ Finanzjament tal-Enerġija Rinnovabbli jistgħu jintużaw biex jiffaċilitaw tnedija aktar kosteffettiva tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli madwar l-UE. Il-finanzjament se jintuża għal offerti kompetittivi fil-pajjiżi kollha tal-UE li huma lesti jospitaw proġetti bħal dawn. L-investituri privati, inklużi l-korporazzjonijiet, jistgħu jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ dawn l-offerti, u jistgħu jitolbu l-garanziji tal-oriġini għall-produzzjoni tal-enerġija li jikkorrispondu għall-kontribuzzjoni tagħhom.

Barra minn hekk, id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli tirrikjedi li l-Istati Membri jindirizzaw l-ostakli legali lokali għall-PPAs, u li jarmonizzaw il-garanziji tal-oriġini abbażi tal-istandard rivedut CEN-CENELEC 16325, li se jippermetti lill-PPAs korporattivi jakkumpanjaw il-kuntratti tal-PPA bil-Garanziji tal-Oriġini xierqa bejn il-fruntieri. Fl-aħħar nett, atturi ġodda jistgħu jiġu mħeġġa jidħlu fis-suq biex jipprovdu soluzzjonijiet innovattivi biex jassistu fl-akkwist u l-kuntrattar ta’ PPAs transfruntiera fl-Ewropa, kif ukoll soluzzjonijiet ġodda biex jittaffew ir-riskju u l-isfidi tal-ġestjoni assoċjati mal-PPAs korporattivi.

L-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-PPAs transfruntiera permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:

A.Fejn rilevanti u f’konformità mar-Regolament TEN-E, isaħħu l-kapaċità ta’ interkonnettur bejn l-Istati Membri tal-UE, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi;

B.Jiftħu n-networks eżistenti għal allokazzjoni akbar tal-kapaċità ta’ trażmissjoni;

C.Ineħħu l-ostakli regolatorji li jaffettwaw it-trasferiment tal-garanziji tal-oriġini lill-partijiet xerrejja u l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli għall-użu tal-garanziji tal-oriġini bejn il-pajjiżi;

D.Jappoġġaw l-iżvilupp ta’ garanziji affidabbli, preċiżi u reżistenti għall-frodi tas-sistemi tal-oriġini f’pajjiżi terzi.

(1)    Dan id-dokument huwa mingħajr preġudizzju għad-dmir tal-Istati Membri u tal-impriżi li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt rilevanti tal-UE. L-eżempji użati huma bbażati fuq studji u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u qed jingħataw għall-illustrazzjoni biss. L-istudju “Technical support for RES policy development and implementation – Simplification of permission and administrative procedures for RES installations (RES Simplify)” qed jitwettaq għall-fini li jiġu identifikati l-ostakli u l-aħjar prattiki madwar l-Istati Membri u r-rapport interim tiegħu appoġġa l-abbozzar ta’ din il-gwida. Dan huwa disponibbli fuq: https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077 . Xi wħud mill-prattiki tajbin li huma ppreżentati ġew implimentati biss dan l-aħħar u, b’konsegwenza ta’ dan, għadhom ma tawx riżultati fil-każijiet kollha.
(2)    L-ilħuq ta’ din il-mira jimplika żieda ta’ bejn darbtejn u nofs u tliet darbiet fil-kapaċitajiet solari u eoliċi fuq l-art sal-2030 (minn 118-il GW u 167 GW illum, rispettivament), u żieda ta’ ħames darbiet fil-kapaċità lil hinn mill-kosta (minn 16-il GW illum). Dan ifisser li l-kapaċità addizzjonali tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli installata kull sena jeħtieġ tiżdied minn madwar 30-35 GW fis-sena għal madwar 45-65 GW fis-sena fil-perjodu mill-2020 sal-2030.
(3)    REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli, COM(2022) 108 final
(4)    L-indirizzar taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija: sett ta’ għodod għall-azzjoni u l-appoġġ, COM (2021) 660 final
(5)    F’din il-gwida, it-terminu “proċess tal-għoti tal-permessi” jintuża biex jirreferi għall-proċeduri meħtieġa kollha ta’ awtorizzazzjoni, ċertifikazzjoni u liċenzjar li huma applikati għall-impjanti u n-networks ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni assoċjati għall-produzzjoni tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli.
(6)    It-terminu “proċeduri amministrattivi” huwa usa’ mill-proċessi tal-għoti tal-permessi u jirreferi għal, pereżempju, l-ippjanar tal-ispazju, ir-regolamenti u l-kodiċijiet tal-bini, il-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni u liċenzjar, jew il-proċeduri korporattivi-legali-fiskali.
(7)    Barra minn hekk, il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina l-ostakli amministrattivi komparabbli għall-iżvilupp rapidu ta’ infrastruttura tas-sistema tal-idroġenu. Ara wkoll: “European Clean Hydrogen Alliance: reports of the alliance roundtables on barriers and mitigation measures”, Ottubru 2021.
(8)    Għall-finijiet ta’ din il-gwida, huwa mifhum li l-proġetti tal-enerġija rinnovabbli jinkludu l-impjanti tal-produzzjoni għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli kif definiti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (inkluż fil-forma ta’ idroġenu), kif ukoll l-assi meħtieġa għall-konnessjoni tagħhom mal-grilja u għall-ħżin tal-enerġija prodotta.
(9)     https://ec.europa.eu/growth/single-market/single-market-enforcement-taskforce_en  
(10)    L-Istrateġija tal-UE Lil Hinn mill-Kosta, disponibbli fuq https://energy.ec.europa.eu/topics/renewable-energy/eu-strategy-offshore-renewable-energy_en  
(11)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Tallat-Kelpšaitė, J., Brückmann, R., Banasiak, J. et al., Technical support for RES policy development and implementation – Simplification of permission and administrative procedures for RES installations (RES Simplify). Rapport interim., 2021, https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077  
(12)    Skont il-valutazzjoni tal-impatt tar-reviżjoni tad-Direttiva VIA, il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali jieħu bejn 5 xhur u 27 xahar.
(13)   https://ec.europa.eu/info/news/commissions-technical-support-instrument-help-17-member-states-curb-their-reliance-russian-fossil-fuels-2022-apr-06_en  
(14)     Accelerating permitting for renewable energy (europa.eu)
(15)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Akkermans, F., Le Den, X., Heidecke, L., et al., Support to the evaluation of Regulation (EU) No 347/2013 on guidelines for trans-European energy infrastructure : rapport finali, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2021,  https://data.europa.eu/doi/10.2833/154438
(16)    Il-Kooperazzjoni tal-Enerġija tal-Ibħra tat-Tramuntana, il-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku, l-Interkonnessjonijiet għall-Ewropa tal-Lbiċ, il-Konnettività tal-Enerġija fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk
(17)    Aktar informazzjoni dwar l-oqsma ta’ kooperazzjoni koperti mill-erba’ Gruppi ta’ Livell Għoli: Gruppi ta’ Livell Għoli (europa.eu)  
(18)    L-Artikolu 7(3) dwar il-proposta għal Direttiva dwar regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu.
(19)    L-Artikolu 16(4), (5) u (6) tar-REDII.
(20)    Ara l-kapitolu li ġej dwar il-punt uniku ta’ kuntatt
(21)    L-Artikolu 20(b)(5) tar-Regolament dwar il-Governanza
(22)    Madankollu, l-istadji l-oħrajn kollha tal-proċedura tal-VIA (b’mod partikolari l-aċċess għall-ġustizzja) ma għandhomx jitħallew barra.
(23)  Planning and Development (Solar Panels for Public Buildings, Schools, Homes and Other Premises) (Amendment) Bill 2021 ( https://www.oireachtas.ie/en/debates/debate/seanad/2021-06-28/18/ ).
(24) Id-Direttiva VIA tintroduċi żewġ perjodi ta’ żmien fissi li jikkonċernaw il-VIA – massimu ta’ 90 jum għat-teħid ta’ deċiżjoni tal-iskrinjar għall-proġetti tal-Anness II u minimu ta’ 30 jum għall-konsultazzjonijiet pubbliċi tar-rapport dwar il-VIA għall-proġetti soġġetti għall-VIA; perjodi ta’ żmien oħrajn għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.
(25)    Fuq saqaf ċatt, sakemm l-installazzjoni ma taqbiżx metru ’l fuq mill-qattara tal-bejt; fuq saqaf imżerżaq, sakemm il-pannelli jkunu integrati fil-wiċċ tas-saqaf imżerżaq.
(26)    Bħall-mudell eżatt tat-turbina eolika jew il-wattage ta’ pannell PV
(27)    Speeding up renewable deployment, RES - Global Renewable Energy Company (res-group.com), disponibbli fuq : https://www.res-group.com/en/cop/speeding-up-renewable-deployment/
(28)    L-Artikolu 16(1) tar-REDII.
(29)    L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea
(30)    L-Artikolu 7(6) dwar il-proposta għal Direttiva dwar ir-regoli komuni għas-swieq interni tal-gassijiet rinnovabbli u naturali u tal-idroġenu.
(31) From Red Tape to Smart Tape: Administrative Simplification in OECD Countries | Cutting Red Tape | OECD iLibrary https://www.oecd-ilibrary.org/governance/from-red-tape-to-smart-tape_9789264100688-en  
(32) Global Offshore Wind Report 2021, il-Kunsill Globali tal-Enerġija Eolika, https://gwec.net/global-offshore-wind-report-2021/  
(33)    L-Artikolu 16(2) tar-REDII
(34)     Elektronisches Genehmigungsverfahren - Verżjoni 2.7 | Nds. Gewerbeaufsicht (niedersachsen.de)
(35)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Tallat-Kelpšaitė, J., Brückmann, R., Banasiak, J. et al., Technical support for RES policy development and implementation – Simplification of permission and administrative procedures for RES installations (RES Simplify). Rapport interim., 2021,  https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077  
(36)    Unjoni ta’ Ugwaljanza: Strateġija ta’ Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020-2025, COM/2020/152 final, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/gender-equality/gender-equality-strategy_mt  
(37)    Sors: WindEurope
(38)     https://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=25042&langId=en  
(39)      Rapport tal-Kummissjoni “Reġjuni mal-Fruntieri tal-UE: Laboratorji ħajjin tal-integrazzjoni Ewropea”, COM/2021/393 final.
(40)    Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima, COM (2020) 741 final
(41)    Clean energy technologies in coal regions, Kapetaki, Z. editur(i), il-Lussemburgu, 2020, doi:10.2760/384605
(42)    Ara, pereżempju, l-għodda REZoning disponibbli fuq https://rezoning.energydata.info/  
(43)     https://ec.europa.eu/energy-industry-geography-lab  
(44)    Hemm disponibbli wkoll nota ta’ spjegazzjoni dwar il-limitazzjonijiet tad-data, id-diskrepanzi fl-għarfien, kif ukoll dwar kif għandhom jintużaw is-saffi differenti (eż. kjarifika li l-proġetti tal-enerġija eolika u solari jistgħu jkunu jinsabu fis-siti ta’ Natura 2000, diment li jiġu rrispettati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats).
(45)     https://miljoeportal.dk  
(46)    B’hekk, l-unika inċertezza li jifdal f’dan ir-rigward tikkonċerna s-sejbiet arkeoloġiċi possibbli.
(47)     https://geodata.environnement.brussels/client/solar/?_ga=2.96364508.1780876011.1647281973-1886784996.1647281973  
(48)    Barron-Gafford, G.A., Pavao-Zuckerman, M.A., Minor, R.L. et al. Agrivoltaics provide mutual benefits across the food–energy–water nexus in drylands. Nat Sustain 2, 848–855 (2019). https://doi.org/10.1038/s41893-019-0364-5 ; Hassanpour Adeh E, Selker JS, Higgins CW (2018) Remarkable agrivoltaic influence on soil moisture, micrometeorology and water-use efficiency. PLoS ONE 13(11): e0203256. https://doi.org/10.1371/journal.pone.0203256  
(49)    Pereżempju, kif żviluppat skont il-proġett EDULIS (2017-2019), l-infrastruttura tal-parks eoliċi lil hinn mill-kosta tista’ tintuża biex tiġi żviluppata akkwakultura bħat-trobbija tal-maskli. Aktar dettalji dwar dan jistgħu jinstabu fil-“Best Practice Guidance in Multi-Use Issues and Licensing Procedures”, Ġunju 2021, https://maritime-spatial-planning.ec.europa.eu/msp-resources/ec-msp-studies  
(50)    Il-parteċipazzjoni pubblika fil-livell tal-proġett, jekk tkun imfassla tajjeb, tista’ wkoll iżżid l-aċċettabbiltà, iżda tkun aktar effettiva meta kkombinata mal-parteċipazzjoni pubblika fi stadju ta’ ppjanar aktar bikri.
(51)    Il-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli kif definiti fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, il-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini kif definiti fid-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku, jew tipi oħrajn ta’ enerġija komunitarja.
(52)     https://www.ecologie.gouv.fr/label-financement-participatif  
(53)     https://aster.vlaanderen/nl/english-summary  
(54)    Kemm id-Direttiva dwar is-Suq tal-Elettriku kif ukoll id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli jistabbilixxu l-kundizzjonijiet biex l-Istati Membri jinkludu alternattivi għall-implimentazzjoni transfruntiera tal-komunitajiet tal-enerġija fit-traspożizzjonijiet nazzjonali tagħhom.
(55)     https://sereh.eu/en/sereh/  
(56)     https://renewables-grid.eu/activities/ird/our-energy-future.html  
(57)     JRC Publications Repository - Wind potentials for EU and neighbouring countries: Input datasets for the JRC-EU-TIMES Model (europa.eu)
(58)    Is setback distance the best criteria for siting wind turbines under crowded conditions? An empirical analysis, Energy Policy 155 (2021) 112346. https://doi.org/10.1016/j.enpol.2021.112346  
(59)    Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hemm fis-seħħ regoli dwar id-distanza minima ta’ 500-1 000 m.
(60)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Tallat-Kelpšaitė, J., Brückmann, R., Banasiak, J. et al., Technical support for RES policy development and implementation – Simplification of permission and administrative procedures for RES installations (RES Simplify). Rapport interim., 2021,  https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077  
(61)    Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, ĠU L 26, 28.1.2012, p. 1–21, kif emendata bid-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014, ĠU L 124, 25.4.2014, p. 1
(62)    Fir-rigward tad-Direttiva VIA u d-Direttiva dwar il-protezzjoni tan-natura, l-approċċ ta’ punt uniku ta’ servizz huwa meħtieġ skont id-Direttiva VIA (b’marġini ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri).
(63)      Enfasizzat ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima” (COM/2020/741 final).
(64)      Id-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2001 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, ĠU L 197, 21.7.2001, p. 30
(65)     https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/pdf/methodological-guidance_2021-10/MT.pdf  
(66)     https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/wind_farms_mt.pdf  
(67)   https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/pdf/guidance_on_energy_transmission_infrastructure_and_eu_nature_legislation_mt.pdf  
(68)     https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/hydro_final_june_2018_mt.pdf  
(69)      Strateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Għargħar, Dokument ta’ Gwida Nru. 36: Eżenzjonijiet għall-Objettivi Ambjentali skont l-Artikolu 4(7) https://circabc.europa.eu/sd/a/e0352ec3-9f3b-4d91-bdbb-939185be3e89/CIS_Guidance_Article_4_7_FINAL.PDF  
(70)   https://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/guidance/index_en.htm  
(71) C-346/14, il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika tal-Awstrija, ECLI:EU:C:2016:322.
(72) Ara n-noti f’qiegħ il-paġna minn 65 sa 69 hawn fuq.
(73)     https://www.nabu.de/imperia/md/content/nabude/energie/solarenergie/210505-nabu-bsw-kritereien_fuer_naturvertraegliche_solarparks.pdf  
(74)     https://geo.inbo.be/windturbines/  
(75)     https://wozep.nl/  
(76)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Enerġija, Tallat-Kelpšaitė, J., Brückmann, R., Banasiak, J. et al., Technical support for RES policy development and implementation – Simplification of permission and administrative procedures for RES installations (RES Simplify). Rapport interim., 2021,  https://data.europa.eu/doi/10.2833/239077  
(77)     www.egle.ee  
(78)    Ara l-kapitolu 2b.
(79)     https://windeurope.org/about-wind/database-for-wind-and-storage-colocated-projects/  
(80)    Il-liġi u r-regolamentazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli fil-Portugall. CMS Expert Guide. https://cms.law/en/int/expert-guides/cms-expert-guide-to-renewable-energy/portugal
(81)    L-Artikolu 2(10) tar-REDII
(82)    Skont WindEurope, 45 GW ta’ parks eoliċi qed joqorbu lejn it-tmiem ekonomiku tal-ħajja tagħhom fil-perjodu 2022-2026
(83)    Kitzing, L., Jensen, M.K., Telsnig, T. et al., Multifaceted drivers for onshore wind energy repowering and their implications for energy transition. Nat Energy 5, 1012–1021 (2020). https://doi.org/10.1038/s41560-020-00717-1  
(84)    Why repowering is key to wind power industry’s growth, Windpower Monthly, disponibbli fuq https://www.windpowermonthly.com/article/1735687/why-repowering-key-wind-power-industrys-growth  
(85)    Hydropower Europe, https://hydropower-europe.eu/about-hydropower-europe/hydropower-energy/
(86)    L-Artikolu 16(6) tar-REDII
(87)    L-Artikolu 16(8) tar-REDII
(88)    L-Anness II tad-Direttiva VIA
(89)    L-Anness III tad-Direttiva VIA
(90)      F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv fundamentali tad-Direttiva VIA skont l-Art. 2(1).
(91)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2021.486.01.0001.01.MLT  
(92) https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/docs/art6/MT_art_6_guide_jun_2019.pdf  
(93) https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/management/pdf/methodological-guidance_2021-10/MT.pdf  
(94) Kif propost skont il-pakkett dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-swieq tal-idroġenu u tal-gass
(95)     https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13026-2020-INIT/mt/pdf (Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja)
(96)    https://fsr.eui.eu/regulatory-sandboxes-in-the-energy-sector-the-what-the-who-and-the-how/
(97)    https://www.cre.fr/en/Energetic-transition-and-technologic-innovation/regulatory-sandbox
(98)    https://www.rvo.nl/subsidies-financiering/experimenten-elektriciteitswet-2015-2018
(99)    https://www.ffg.at/Energie.Frei.Raum
(100)   Competitiveness of corporate sourcing of renewable energy. Annex C to part 2 of the study on the competitiveness of the renewable energy sector, Synopsis report: Online survey and interviews with EU stakeholders - Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu)
(101)   Competitiveness of corporate sourcing of renewable energy. Annex B to part 2 of the study on the competitiveness of the renewable energy sector, Country overview - Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu)
(102)    Skont RE-Source (2022), il-kapaċità kkuntrattata totali tal-PPA fl-Ewropa (inklużi r-Renju Unit u n-Norveġja) hija ta’ 18,5 GW, li minnha Spanja tirrappreżenta 23 %.
(103) “Spain calls on EU to endorse renewable energy contracts for industry”, EURACTIV.com, disponibbli fuq https://www.euractiv.com/section/energy-environment/news/spain-calls-on-eu-to-endorse-renewable-energy-contracts-for-industry/
(104) Aurore Energy Research, EEX (8 ta’ Diċembru 2021) Romanian PPAs – A new growth potential for renewables.
(105)    CEER(2021) C21-RES-75-05
(106)    Ara aktar fuq https://ec.europa.eu/info/overview-funding-programmes/technical-support-instrument-tsi_mt  
(107) REFORM/SC2020/009, Appoġġ għall-elaborazzjoni dwar il-qafas leġiżlattiv u regolatorju għall-promozzjoni tal-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija fl-Italja
(108) Il-pjan nazzjonali għall-enerġija u l-klima jindika li 15 % tad-domanda għall-elettriku hija mistennija li tiġi ssodisfata minn sorsi rinnovabbli kkuntrattati fl-ambitu tal-PPAs korporattivi.
(109) Fl-iskema, l-iżviluppaturi tal-proġetti jeħtieġ jindikaw – bħala parti mill-offerta tagħhom – f’liema snin jixtiequ jieħdu vantaġġ mill-appoġġ pubbliku, u f’liema snin jixtiequ jbigħu l-elettriku fis-suq jew permezz tal-ftehimiet dwar ix-xiri tal-enerġija.
(110)    Pereżempju, Amazon, Microsoft, Google jew BASF
(111)   https://www.cdp.net/en
(112) C8.2f – Rapportar dwar il-konsum tal-enerġija mixtrija jew akkwistata.
(113)   Competitiveness of corporate sourcing of renewable energy. Annex A.2 to part 2 of the study on the competitiveness of the renewable energy sector, Case study: primary aluminium alcoa and norsk hydro’ - L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE (europa.eu)
(114)    ACER’s Final Assessment of the EU Wholesale Electricity Market Design, April 2022, disponibbli fuq https://www.acer.europa.eu/events-and-engagement/news/press-release-acer-publishes-its-final-assessment-eu-wholesale  
(115)     https://leap4sme.eu/wp-content/uploads/2021/07/LEAP4SME-D2.1-SME-energy-and-economic-mapping-in-Europe.pdf
(116)    Kif indikat b’mod espliċitu fil-Linji Gwida dwar l-Investiment għall-Fond InvestEU (C(2021) 2633 final), li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) 2021/523 (ir-Regolament InvestEU).
(117)    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2139, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32021R2139  
(118)

 Il-mikrointrapriżi elenkati huma esklużi minn dan ir-rekwiżit.

(119) Analiżi reċenti turi li perċentwal kbir tal-kumpaniji għadhom mhux qed jirrapportaw dwar is-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.
(120) WBCSD, 2020. Cross-border renewable PPAs in Europe. Disponibbli fuq https://www.wbcsd.org/contentwbc/download/10878/160801/1
(121) Iffirmat fil-COP22 fil-Marokk, ara l-analiżi: https://static1.squarespace.com/static/609a53264723031eccc12e99/t/60ec6e66dcef4a49b3a8c8da/1626107520287/Pursuing-Cross-Border-PPAs-Between-Morocco-and-EU.pdf