Brussell, 19.12.2022

COM(2022) 732 final

2022/0426(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu

{SEC(2022) 445 final} - {SWD(2022) 425 final} - {SWD(2022) 426 final} - {SWD(2022) 427 final} - {SWD(2022) 428 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Din il-proposta tistabbilixxi sensiela ta’ miżuri għal prevenzjoni u ġlieda aħjar tat-traffikar tal-bnedmin u biex il-vittmi tiegħu jiġu protetti skont il-qafas legali fis-seħħ fl-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2011/36/UE 1 (“id-Direttiva Kontra t-Traffikar”). Id-Direttiva Kontra t-Traffikar tipprovdi qafas ġenerali tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin billi tistabbilixxi regoli minimi rigward id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, u bl-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet biex tissaħħaħ il-prevenzjoni ta’ dan ir-reat u l-protezzjoni tal-vittmi, filwaqt li titqies il-perspettiva tal-ġeneru 2 . Id-Direttiva tipprovdi regoli komuni tal-UE dwar: (i) il-kriminalizzazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, inkluża d-definizzjoni ta’ reati, pieni u sanzjonijiet; (ii) l-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u l-protezzjoni tagħhom; u (iii) il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin 3 .

L-adozzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar f’April 2011 kienet żvilupp ewlieni lejn it-tisħiħ tal-isforzi tal-UE għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u għall-protezzjoni tal-vittmi tiegħu. Dan kien pass kruċjali lejn l-armonizzazzjoni tar-regoli rilevanti madwar l-Istati Membri. Madankollu, mill-2011 irriżultaw jew kisbu importanza għadd ta’ sfidi. Dawn huma indirizzati permezz ta’ din ir-reviżjoni mmirata tad-Direttiva.

It-traspożizzjoni korretta u kompleta tad-Direttiva u l-implimentazzjoni sħiħa tagħha tibqa’ prijorità għall-Kummissjoni. Wara l-adozzjoni tar-rapport ta’ traspożizzjoni 4 , il-Kummissjoni kompliet l-impenn mal-Istati Membri u impenjat ruħha li tuża s-setgħat mogħtija lilha mit-Trattati biex tiżgura traspożizzjoni u implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tagħha. Billi ħadet approċċ multidixxiplinarju u komprensiv, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija tal-UE dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin 2021-2025 5 li tistabbilixxi azzjonijiet dettaljati mmirati lejn it-titjib tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2011/36/UE. Tipprovdi rispons ta’ politika sod għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, mill-prevenzjoni sal-protezzjoni tal-vittmi, sal-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti.

Il-forom ta’ sfruttament evolvew mill-2011. L-isfruttament sesswali u ta’ ħaddiema kienu b’mod konsistenti l-għanijiet ewlenin tat-traffikar tal-bnedmin. It-traffikar għall-isfruttament sesswali kien kontinwament l-aktar forma prevalenti ta’ sfruttament fl-UE, li jammonta għal aktar minn nofs il-vittmi kollha u li jaffettwa b’mod predominanti lin-nisa u lill-bniet 6 . It-traffikar għall-fini tal-isfruttament ta’ ħaddiema kien it-tieni l-aktar forma frekwenti ta’ traffikar fl-UE, u l-għadd ta’ vittmi żdied b’mod rapidu u kważi rdoppja fl-aħħar 5 snin 7 . Madankollu, it-traffikar għal finijiet oħra kiseb aktar prominenza maż-żmien, kemm fir-rigward tal-forom ta’ sfruttament diġà inklużi fid-Direttiva Kontra t-Traffikar (l-elemożina, l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali u t-teħid ta’ organi) kif ukoll ta’ forom mhux imsemmija b’mod espliċitu fiha (inklużi ż-żwieġ furzat u l-adozzjoni illegali). Il-perċentwal globali ta’ finijiet oħra ta’ sfruttament jirrappreżenta aktar minn 10 % tal-vittmi kollha. Din il-proposta għandha l-għan li tespandi l-lista mhux eżawrjenti ta’ forom ta’ sfruttament imsemmija b’mod espliċitu fid-Direttiva sabiex tinkludi ż-żwieġ furzat u l-adozzjoni illegali, sabiex jiġi żgurat li s-sistemi legali nazzjonali jkopru għadd dejjem akbar ta’ finijiet ta’ traffikar.

Il-modi operandi tat-traffikanti, li spiss joperaw fil-qafas tal-kriminalità organizzata, evolvew ukoll, u dan irriżulta f’theddida akbar ta’ traffikar tal-bnedmin. L-avvanzi fit-teknoloġija jippermettu lit-traffikanti jirreklutaw, jirreklamaw u jisfruttaw lill-vittmi mill-bogħod, u jikkondividu materjali ta’ sfruttament online b’mod mifrux. L-istess mezzi teknoloġiċi jagħmluha aktar diffiċli li jiġi identifikat ir-reat, li jiġu identifikati l-awturi ta’ reati, u li jiġu segwiti l-flus użati biex jitwettqu reati u l-profitti ġġenerati mir-reat. Din il-proposta tfittex li tindirizza l-isfidi ppreżentati mid-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tat-traffikar tal-bnedmin u li ttejjeb ir-rispons tal-liġi kriminali għal reati ffaċilitati mit-teknoloġija. Speċjalment f’dawn l-aħħar snin, il-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-Aġenziji tal-UE, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u tas-soċjetà ċivili, enfasizzaw it-tħassib dwar l-għadd li dejjem qed jikber ta’ reati ta’ traffikar imwettqa jew iffaċilitati permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.

Ir-reġim fakultattiv ta’ sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi li huma fis-seħħ bħalissa, kif ukoll sa liema punt huwa traspost u applikat fl-Istati Membri, ma jissodisfax biżżejjed l-għanijiet tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. Filwaqt li tibqa’ tiżgura li s-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, din il-proposta tfittex li ttejjeb ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għal reati ta’ traffikar imwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni ġuridiċi billi tissostitwixxi r-reġim fakultattiv ta’ sanzjonijiet b’żewġ reġimi obbligatorji differenti li japplikaw f’każ ta’ reati standard u ta’ reati aggravati.

L-adozzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar fl-2011 saret qabel il-qafas legali tal-UE dwar l-iffriżar u l-konfiska. Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi aġġornata r-referenza għall-intraċċar, l-iffriżar, il-ġestjoni u l-konfiska tar-rikavat billi ssir referenza espliċita għar-regoli tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet.

Għad hemm lok sostanzjali għal titjib fil-prattiki bikrija ta’ identifikazzjoni u ta’ riferiment tal-Istati Membri, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak transfruntier. B’mod partikolari, mhux l-Istati Membri kollha għandhom mekkaniżmu nazzjonali ta’ riferiment fis-seħħ u l-istruttura u l-funzjonament ta’ dawn il-mekkaniżmi jvarjaw b’mod konsiderevoli fost l-Istati Membri. Din il-proposta tfittex li tiżgura li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, mekkaniżmu nazzjonali ta’ riferiment, bil-għan li jiġi ssimplifikat il-funzjonament tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti u li ssir aktar armonizzazzjoni fl-istrutturi u l-prattiki tagħhom dwar ir-riferiment lill-vittmi lejn assistenza u sistemi ta’ appoġġ xierqa. Dan se jikkostitwixxi wkoll l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu Ewropew ta’ Riferiment.

L-informazzjoni miġbura minn studji u konsultazzjonijiet riċenti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti turi li d-domanda li trawwem it-traffikar ma naqsitx, minkejja l-ammont kbir ta’ attivitajiet rilevanti ta’ edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni, u t-traspożizzjoni tal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva Kontra t-Traffikar f’għadd ta’ Stati Membri. Minkejja l-isforzi kollha ta’ diversi partijiet ikkonċernati, id-domanda għas-servizzi sesswali, ix-xogħol u l-prodotti bl-irħis tippersisti. Dan, min-naħa tiegħu, iżid it-traffikar għall-finijiet ta’ sfruttament sesswali u ta’ ħaddiema. Din il-proposta għandha l-għan li twassal armonizzazzjoni ulterjuri madwar l-Istati Membri bil-għan li tnaqqas id-domanda. Il-proposta tirrikonoxxi wkoll li l-liġi kriminali hija biss parti mir-rispons għat-tnaqqis fid-domanda, u għandha tkompli tkun akkumpanjata minn attivitajiet ta’ edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni, f’konformità mad-Direttiva Kontra t-Traffikar.

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat kumpless. Sabiex jiġi indirizzat b’mod xieraq, huwa kruċjali li wieħed jibbaża fuq data koerenti u affidabbli. B’mod simili għal oqsma oħra tal-kriminalità, huwa stmat li parti importanti ta’ każijiet ta’ traffikar ma jiġux irrapportati. Dan huwa wieħed mill-fatturi li jfixklu l-fehim sħiħ tal-ambitu tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE. Barra minn hekk, hemm nuqqasijiet importanti fil-ġbir ta’ data dwar każijiet irrapportati, u l-istatistika miġbura mill-Kummissjoni tiġi ppubblikata b’dewmien sostanzjali wara l-perjodu tar-rapportar. Din il-proposta għandha l-għan li tirrikjedi li l-Istati Membri jiġbru u jirrapportaw lill-Kummissjoni data dwar it-traffikar tal-bnedmin kull sena, u li tkompli tarmonizza l-ġbir ta’ data, bil-għan li ttejjeb il-kwalità tagħha u taċċellera l-pubblikazzjoni tar-rapporti tad-data.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Id-Direttiva Kontra t-Traffikar ġiet adottata fil-15 ta’ April 2011. Minn dak iż-żmien ma ġietx emendata jew riveduta. L-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 8 ta’ Lulju 2020 tirrikonoxxi l-isfidi fl-identifikazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikar tal-bnedmin, u ħabbret approċċ komprensiv ġdid għall-ġlieda kontra dan ir-reat. L-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 enfasizzat li t-traspożizzjoni kompleta u l-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva Kontra t-Traffikar għadhom prijorità tal-Kummissjoni. Din talbet li ssir evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u, jekk ikun meħtieġ, abbażi tal-eżitu tal-evalwazzjoni, għal reviżjoni tagħha. 

Il-miżuri leġiżlattivi inklużi f’din il-proposta, u l-miżuri mhux leġiżlattivi li se jakkumpanjawha, huma kompletament konformi mal-prijoritajiet tal-Istrateġija: it-tnaqqis tad-domanda li trawwem it-traffikar; it-tkissir tal-mudell kriminali biex jitwaqqaf l-isfruttament tal-vittmi; il-protezzjoni, l-appoġġ u l-għoti tas-setgħa lill-vittmi, speċjalment lin-nisa u lit-tfal; u l-indirizzar tad-dimensjoni internazzjonali tar-reat. L-emendi proposti jikkonċernaw kwistjonijiet magħżula. Huma għandhom l-għan li jtejbu l-effiċjenza tal-qafas dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u dwar il-protezzjoni tal-vittmi ta’ dan ir-reat, u ġew abbozzati b’mod koerenti biex jissupplimentawh.

Din il-proposta tistabbilixxi regoli li jibnu fuq l-esperjenza tal-Istati Membri fit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. Hija tindirizza l-iżviluppi li seħħew mill-2011 u x-xejriet l-aktar ġodda osservati fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tqis il-proposti għal titjib ifformulati minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Bħala tali, din il-proposta tipprovdi qafas li għandu jippermetti li s-sistemi legali nazzjonali tal-Istati Membri jkunu aġġornati u mgħammra aħjar biex jiffaċċaw l-isfidi attwali.

Il-proposta tqis is-sejbiet ippreżentati mill-Kummissjoni permezz tar-rapportar biannwali tagħha dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, skont l-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. Hija tiġi infurmata mil-laqgħat tan-Network tal-UE ta’ Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti dwar it-traffikar tal-bnedmin u tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, mil-laqgħat mal-Aġenziji tal-UE, mill-evalwazzjoni 9 u l-Valutazzjoni tal-Impatt 10 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, u diversi konferenzi, laqgħat u skambji mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. L-emendi proposti jqisu wkoll l-istudji u r-rapporti rilevanti eżistenti ppubblikati minn organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali.

Din il-proposta tirrifletti l-impenn tal-Kummissjoni li timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni korretta u sħiħa tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u l-effettività tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponiha. Il-Kummissjoni se tibni fuq l-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri mat-traspożizzjoni. Fir-rigward tar-regoli l-ġodda dwar l-użu magħruf tas-servizzi sfruttati, il-Kummissjoni se timmonitorja t-traspożizzjoni u l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali. Fi żmien [5 snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni], il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda, kif ukoll l-impatt ta’ dawn il-miżuri.

Din il-proposta hija kompletament konformi mal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2000 għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta’ Persuni, Speċjalment ta’ Nisa u Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, li għaliha l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha huma parti.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-evalwazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar sabet li l-istrument legali huwa koerenti mal-istrumenti leġiżlattivi rilevanti tal-UE. L-emendi proposti huma wkoll konformi mal-għanijiet ta’ politika segwiti mill-Unjoni, u b’mod partikolari:

mal-qafas li jirregola l-istandards dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ reat, b’mod partikolari d-Direttiva 2012/29/UE 11 ;

mal-qafas dwar sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza illegali, b’mod partikolari d-Direttiva 2009/52/KE 12 ;

mal-qafas li jirregola l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE 13 ;

mal-qafas tal-liġi kriminali dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, b’mod partikolari d-Direttiva 2011/93/UE 14 , kif ukoll il-qafas dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal previst fir-Regolament (UE) XXXX/SSSS [proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal u għall-ġlieda kontra dan] 15 ;

mal-qafas dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi, b’mod partikolari d-Direttiva UE/XX/YY tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Direttiva Proposta dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi] 16 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta temenda d-Direttiva Kontra t-Traffikar. Għalhekk hija bbażata fuq l-Artikoli 82(2) u 83(1) tat-TFUE, li huma l-bażijiet legali tal-att emendat.

Sussidjarjetà

F’konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. F’konformità mal-Artikolu 83(1) tat-TFUE u mar-regoli eżistenti fid-Direttiva Kontra t-Traffikar, l-Istati Membri għandhom id-dritt li jadottaw jew iżommu miżuri li huma aktar stretti minn dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni.

Il-qafas legali eżistenti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu ġie stabbilit fil-livell tal-Unjoni, l-ewwel bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI 17 u sussegwentement bid-Direttiva Kontra t-Traffikar. Ma jistax jinkiseb titjib tal-qafas attwali mill-Istati Membri jekk dawn jaġixxu b’mod awtonomu. Saret verifika bir-reqqa tas-sussidjarjetà fil-kuntest tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ din il-proposta. Id-dimensjoni transfruntiera tat-traffikar tal-bnedmin tikkonċerna n-nazzjonalità tal-vittmi u l-modi operandi tan-networks kriminali li jwettqu r-reat. Il-ġbir ta’ data mwettaq fil-kuntest tal-evalwazzjoni juri li 43 % tal-vittmi fl-UE kienu ċittadini ta’ pajjiż mhux tal-UE, li spiss jiġu ttraffikati minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Id-dimensjoni transfruntiera hija riflessa wkoll fl-għadd dejjem akbar ta’ operazzjonijiet u Jiem ta’ Azzjoni appoġġati mill-Europol u żieda ta’ aktar minn 50 % mill-2015 fl-għadd ta’ każijiet ta’ traffikar irreġistrati fil-Eurojust. Elementi differenti ta’ reati ta’ traffikar jistgħu jseħħu fi Stati Membri differenti u/jew f’pajjiżi mhux tal-UE. Sabiex jittejjeb ir-rispons għal attivitajiet kriminali, l-infurzar tal-liġi transfruntier u l-kooperazzjoni ġudizzjarja jeħtieġu armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti u skambju sistematiku ta’ prattiki tajbin. Għaldaqstant, il-kooperazzjoni tranżnazzjonali hija dejjem aktar ibbażata fuq regoli komuni tal-UE f’oqsma differenti tal-kriminalità, li għandha tkompli tinkludi t-traffikar tal-bnedmin.

Ir-rilevanza akbar tad-dimensjoni online tar-reat teħtieġ ukoll azzjoni mill-UE. L-internet, il-media soċjali u l-pjattaformi online jagħtu lit-traffikanti l-opportunità li jirreklutaw, jikkontrollaw, jittrasportaw u jisfruttaw lill-vittmi, li jmexxu l-profitti u jilħqu lill-utenti kullimkien mingħajr ma jaqsmu l-ebda fruntiera u jkunu protetti wara skrin. L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tippermetti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jinvestigaw u jipprosegwixxu reati ffaċilitati mit-teknoloġija b’mod aktar effettiv, billi jiskambjaw informazzjoni u jaqsmu l-aħjar prattiki, inkluż dwar il-ġbir tal-evidenza diġitali u dwar investigazzjonijiet finanzjarji.

Proporzjonalità

L-emendi proposti huma limitati għal dak li huwa meħtieġ għat-tisħiħ tal-qafas tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u għall-protezzjoni tal-vittmi tiegħu. Ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi. Il-proposta tibni fuq ir-regoli diġà fis-seħħ, li huma konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Id-deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri alternattivi li setgħu seħħew biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-proposta hija mogħtija fil-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanjaha.

Sabiex jiġu indirizzati forom ta’ sfruttament li bħalissa ma humiex imsemmija b’mod espliċitu fid-Direttiva Kontra t-Traffikar, huwa propost li jiżdied b’mod espliċitu ż-żwieġ furzat u l-adozzjoni illegali. Iż-żieda proposta ta’ dawn il-forom ta’ sfruttament, li diġà huma msemmija fil-premessi tad-Direttiva, hija meqjusa bħala rispons proporzjonat għaż-żieda fil-perċentwal ta’ każijiet ta’ traffikar għal finijiet oħra minbarra l-isfruttament sesswali u ta’ ħaddiema.

Id-dimensjoni online tar-reat diġà hija koperta b’mod impliċitu fid-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, li ma jagħmlux differenza bejn ir-reati mwettqa online jew offline. Qiegħed jiġi propost li jissemma b’mod espliċitu li l-atti, il-mezzi u l-finijiet intenzjonati tar-reati tat-traffikar għandhom jinkludu atti mwettqa permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Din il-modifika għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rispons kriminali għal waħda mill-aktar bidliet serji fix-xenarju ta’ theddid ta’ dan il-qasam ta’ kriminalità mill-adozzjoni tad-Direttiva. Il-livell ta’ penali se jibqa’ l-istess bħal dak għar-reati standard, għalkemm l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jadottaw reġim aktar strett.

Fir-rigward tas-sanzjonijiet fuq il-persuni ġuridiċi, huwa propost li jiġi stabbilit reġim obbligatorju ta’ sanzjonijiet għar-reati standard għall-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji, għajnuna jew sussidji pubbliċi; u l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li ntużaw biex isiru r-reati. Dawn is-sanzjonijiet huma fost ir-reġim fakultattiv fid-Direttiva Kontra t-Traffikar attwali. Ġie stabbilit reġim obbligatorju ieħor ta’ sanzjonijiet għal reati aggravati miċ-ċirkostanzi fl-Artikolu 4(2), li jinkludi skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali; tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja; u l-istralċ ġudizzjarju. Dawn is-sanzjonijiet kienu wkoll parti mir-reġim fakultattiv ta’ sanzjonijiet għal persuni ġuridiċi fid-Direttiva Kontra t-Traffikar attwali. Dawn il-miżuri jippermettu t-tisħiħ tar-rispons ġudizzjarju għar-reati tat-traffikar imwettqa minn persuni ġuridiċi, filwaqt li jiġi adottat approċċ proporzjonali għas-sanzjonijiet, li huwa bbażat fuq it-traspożizzjoni obbligatorja tal-miżuri kollha, iżda jinvolvi li r-reati aggravati jiġu indirizzati b’sanzjonijiet aktar stretti minn dawk previsti għal reati standard.

L-istabbiliment formali ta’ Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Riferiment permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali jitqies bħala miżura minima biex jittejjeb ir-riferiment ta’ vittmi identifikati, peress li jibni fuq l-obbligu preeżistenti skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, li jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa mmirati lejn l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, l-assistenza u l-appoġġ lilhom, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ rilevanti. Il-formalizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ riferiment għandha l-għan li ttejjeb l-identifikazzjoni bikrija u r-riferiment fil-pront għal servizzi ta’ assistenza u ta’ appoġġ. Sabiex tissaħħaħ l-effettività ta’ din il-miżura, l-Istati Membri huma meħtieġa jaħtru punti fokali nazzjonali inkarigati mill-identifikazzjoni tas-servizzi kompetenti u mill-koordinazzjoni tar-riferiment tal-vittmi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE.

L-emenda li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ sfruttament bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat tat-traffikar (jiġifieri l-użu magħruf ta’ servizzi sfruttati) hija miżura leġiżlattiva proporzjonata mmirata lejn il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effettiv billi tiskoraġġixxi d-domanda, f’konformità mal-objettivi tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. L-Istati Membri jibqgħu liberi li jadottaw approċċi aktar stretti dwar l-użu ta’ servizzi sfruttati, filwaqt li jqisu li l-miżuri għat-tnaqqis tad-domanda ma humiex limitati għar-rispons tal-liġi kriminali, iżda jinkludu miżuri mhux leġiżlattivi f’konformità mad-Direttiva Kontra t-Traffikar, jiġifieri kampanji ta’ edukazzjoni, taħriġ, informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta’ riċerka u edukazzjoni.

Ir-rekwiżit ta’ ġbir ta’ data annwali huwa miżura minima mmirata biex ittejjeb il-ġbir ta’ informazzjoni u statistika fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni. Din il-miżura tqassar il-perjodi ta’ rapportar minn sentejn għal sena u tiżgura monitoraġġ aġġornat li ma jkunx imfixkel sal-iskadenza bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar tal-ġbir ta’ data u l-pubblikazzjoni tar-rapport (bħalissa sentejn). Il-kategoriji minimi tal-ġbir ta’ data inklużi fl-emenda jikkorrispondu ma’ dawk attwalment miġbura fuq bażi ta’ sentejn mill-Kummissjoni.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija emenda tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u, għalhekk, hija direttiva.

L-ebda mezz alternattiv, leġiżlattiv jew operazzjonali, ma jista’ jintuża biex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-proposta, li huwa li jittejjeb il-qafas eżistenti li jippermetti l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u li jiġu protetti l-vittmi ta’ dan ir-reat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, li kienet waħda mill-azzjonijiet ewlenin previsti fl-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 18 . L-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq il-ġbir ta’ data għall-perjodu 2013-2020 imwettaq mill-Eurostat, rapport dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar fil-livell nazzjonali u l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri, il-Konsultazzjoni Pubblika Miftuħa, l-iskambji mal-Aġenziji tal-UE, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra, rapporti u dokumenti ppubblikati jew sottomessi minn Organizzazzjonijiet Internazzjonali u Reġjonali.

Mill-evalwazzjoni nstab li d-Direttiva Kontra t-Traffikar kienet effettiva fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u fil-ġlieda kontrih, u fit-tisħiħ tal-protezzjoni għall-vittmi ta’ dan ir-reat. Instab ukoll li d-Direttiva kienet effiċjenti, f’termini tal-benefiċċji li ġabet meta mqabbla mal-kostijiet involuti mill-adozzjoni, it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tagħha. Din tqieset koerenti mal-attivitajiet rilevanti kollha tal-UE u ma’ dawk internazzjonali. L-evalwazzjoni enfasizzat il-valur miżjud tal-UE fit-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera, inkluż mal-Aġenziji tal-UE. L-objettivi tad-Direttiva għadhom rilevanti. Madankollu, għadd ta’ sfidi u żviluppi jeħtieġ li jiġu indirizzati ulterjorment.

Ġie nnutat mill-evalwazzjoni li diversi żviluppi li seħħew mill-adozzjoni tad-Direttiva kellhom implikazzjonijiet sinifikanti fuq ix-xenarju tat-traffikar tal-bnedmin. L-avvanzi teknoloġiċi u l-espansjoni tal-media soċjali ħolqu opportunitajiet ġodda għat-traffikanti biex jirreklutaw vittmi online, jeżerċitaw kontroll mill-bogħod fuqhom u jilħqu udjenza wiesgħa ta’ utenti permezz tal-kondiviżjoni mifruxa ta’ materjal ta’ sfruttament. It-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi tal-enerġija jistgħu jżidu d-domanda għal servizzi tax-xogħol u sesswali bl-irħis, li jżidu l-isfruttament ta’ ħaddiema u dak sesswali. Il-gwerer, b’mod partikolari l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, iżidu l-opportunitajiet għat-traffikanti biex jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni vulnerabbli tan-nies, speċjalment in-nisa u t-tfal li jkunu qegħdin jaħarbu minn pajjiżhom.

Minħabba l-iżviluppi l-ġodda, ġew identifikati oqsma għat-titjib tal-qafas legali fl-evalwazzjoni. Dawn jinkludu l-indirizzar ta’ forom ta’ sfruttament mhux imsemmija b’mod espliċitu fid-Direttiva Kontra t-Traffikar, l-indirizzar tad-dimensjoni online tal-kriminalità, iż-żieda tar-rispons tal-ġustizzja kriminali għal reati mwettqa minn persuni ġuridiċi, it-titjib tat-tnaqqis fid-domanda, l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, u l-ġbir ta’ data.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-pjan direzzjonali ta’ evalwazzjoni/valutazzjoni tal-impatt tal-bidu kkombinati għall-inizjattiva ġew ippubblikati mid-DĠ Migrazzjoni u Affarijiet Interni (id-DĠ HOME) fuq il-paġna web tal-Kummissjoni “Semma’ Leħnek” 19 fil-5 ta’ Awwissu 2021 sas-16 ta’ Settembru 2021. Il-Kummissjoni rċeviet rispons mingħand 36 parti kkonċernata.

Il-Kummissjoni kellha l-għan li tiżgura parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati matul iċ-ċiklu ta’ politika ta’ din l-inizjattiva, permezz ta’ sensiela ta’ konsultazzjonijiet immirati (kuntatti bilaterali, laqgħat mal-partijiet ikkonċernati, konsultazzjonijiet bil-miktub). Saru konsultazzjonijiet mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tagħhom, inkluż fil-kuntest tan-Network tal-UE ta’ Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin; rappreżentanti tal-Parlament Ewropew; l-Aġenziji tal-UE, b’mod partikolari l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (FRONTEX), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA); rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti attivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, inkluż fil-kuntest tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-Traffikar tal-Bnedmin.

Il-Kummissjoni wettqet ukoll Konsultazzjoni Pubblika bl-għan li tiġbor informazzjoni, evidenza u fehmiet dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. Id-data nġabret permezz ta’ kwestjonarju li jkopri l-evalwazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u r-reviżjoni possibbli tagħha. Waslu 124 tweġiba, minbarra 75 kontribuzzjoni awtonoma.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta tibni fuq l-evidenza miġbura bħala parti mill-evalwazzjoni u mill-Valutazzjoni tal-Impatt, inklużi konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u mal-esperti dwar it-traffikar tal-bnedmin. Il-konsultazzjonijiet kienu jinvolvu relaturi nazzjonali u mekkaniżmi ekwivalenti, awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji, awtoritajiet nazzjonali responsabbli għas-servizzi soċjali, Aġenziji tal-UE, Organizzazzjonijiet Internazzjonali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi, u esperti, inkluż mill-akkademja.

Il-proposta tqis l-iskambji rilevanti u s-sejbiet tal-istudji mwettqa mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali u Internazzjonali, kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar, kif imsemmi fil-memorandum ta’ spjegazzjoni 20 .

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta tibbaża fuq is-sejbiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni. Hija qieset l-għażliet li ġejjin:

Pakkett ta’ miżuri mhux leġiżlattivi, li jipprovdi aktar appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-qafas legali u ta’ politika tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin. Filwaqt li jibni fuq l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, dan ikun jinkludi l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Għarfien u Kompetenzi; azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-kumpaniji tat-teknoloġija, inklużi l-pjattaformi tal-media soċjali; l-istabbiliment ta’ Grupp Fokali ta’ prosekuturi speċjalizzati fit-traffikar tal-bnedmin; u l-organizzazzjoni ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni madwar l-UE kollha.

Pakkett ta’ bidliet leġiżlattivi li jimmodernizzaw id-Direttiva Kontra t-Traffikar sabiex jiġu indirizzati aħjar l-isfidi li kisbu importanza mill-adozzjoni tagħha. Dan jinkludi l-indirizzar tad-dimensjoni online tar-reat; inklużi forom ġodda ta’ sfruttament mad-definizzjoni; it-tisħiħ tar-reġim ta’ sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi u l-qafas legali relatat mal-kriminalizzazzjoni tal-użu ta’ servizzi sfruttati; l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment formali bil-liġijiet, bir-regolamenti jew bid-dispożizzjonijiet amministrattivi u l-ħatra ta’ punti fokali nazzjonali għar-riferiment; il-ħtieġa li l-Istati Membri jintroduċu reat dwar l-użu ta’ servizzi li jkunu ġew ordnati mill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; u l-ħtieġa li l-Istati Membri jiġbru u jirrapportaw data dwar it-traffikar tal-bnedmin kull sena.

Pakkett li jgħaqqad il-miżuri mhux leġiżlattivi u dawk leġiżlattivi deskritti hawn fuq.

Mill-Valutazzjoni tal-Impatt instab li t-tielet għażla, taħlita ta’ miżuri leġiżlattivi u dawk mhux leġiżlattivi, tkun aktar effettiva fit-tisħiħ tal-qafas attwali minn miżuri ta’ tipoloġija waħda biss.

Sabiex jissaħħaħ ir-rispons tal-ġustizzja kriminali għat-traffikar tal-bnedmin, inkluż fil-kuntest transfruntier, ġew identifikati tliet miżuri leġiżlattivi: (i) l-indirizzar tad-dimensjoni online b’mod espliċitu fid-Direttiva; (ii) issir referenza b’mod espliċitu għaż-żwieġ furzat u għall-adozzjoni illegali fil-lista ta’ forom ta’ sfruttament; (iii) l-introduzzjoni ta’ żewġ reġimi obbligatorji ta’ sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi, waħda biex jiġu ppenalizzati reati standard u waħda biex jiġu ppenalizzati reati aggravati. Ġew identifikati wkoll miżuri mhux leġiżlattivi: (i) it-trawwim tal-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-kumpaniji tal-internet fil-kuntest tal-Forum tal-UE dwar l-Internet; u (ii) il-ħolqien ta’ grupp fokali ta’ prosekuturi speċjalizzati kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Fir-rigward tal-iżgurar li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jirċievu assistenza, appoġġ u protezzjoni adegwati, il-miżura leġiżlattiva identifikata tikkonċerna r-rekwiżit li l-Istati Membri jifformalizzaw l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment u jinħolqu punti fokali nazzjonali għar-riferiment tal-vittmi għal assistenza, servizzi ta’ appoġġ u protezzjoni xierqa. Dan huwa akkumpanjat minn miżura mhux leġiżlattiva, li hija l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar ir-rekwiżiti minimi għall-Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment.

Sabiex titnaqqas id-domanda għal servizzi li jrawmu l-forom kollha ta’ sfruttament, il-miżura leġiżlattiva identifikata hija l-istabbiliment bħala reat kriminali tal-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat tat-traffikar. F’konformità ma’ approċċ komprensiv għat-tnaqqis tad-domanda, din se tkun ikkomplementata minn miżura mhux leġiżlattiva, kampanja ta’ sensibilizzazzjoni madwar l-UE mmirata biex tiskoraġġixxi d-domanda li trawwem it-traffikar.

Fir-rigward tal-objettiv orizzontali li jiġu żgurati prevenzjoni u identifikazzjoni adegwati, u t-titjib tal-monitoraġġ tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE, il-miżura leġiżlattiva identifikata teħtieġ ġbir ta’ data annwali dwar it-traffikar. Din hija akkumpanjata minn żewġ miżuri mhux leġiżlattivi: (i) l-iżvilupp ta’ linji gwida dwar il-ġbir ta’ data dwar it-traffikar tal-bnedmin fl-UE; u (ii) l-istabbiliment ta’ Ċentru ta’ Għarfien u Kompetenzi dwar il-Ġlieda Kontra t-Traffikar ta’ Bnedmin.

L-għażla ppreferuta ppreżentata hawn fuq għandha l-għan li ttejjeb il-kapaċità tal-Istati Membri biex jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tat-theddid u x-xejriet li ħarġu jew evolvew mill-adozzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar. Ir-regoli komuni u armonizzati inklużi f’din l-emenda huma mistennija li jtejbu l-kooperazzjoni transfruntiera fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjonijiet, u fl-assistenza u fl-appoġġ għall-vittmi ta’ reati ta’ traffikar. Il-miżuri mhux leġiżlattivi li jakkumpanjaw il-modifiki leġiżlattivi għandhom l-għan li jappoġġaw ulterjorment lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva u tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

F’konformità mal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni, l-inizjattivi kollha li għandhom l-għan li jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għandhom ifittxu li jissimplifikaw u jwasslu l-objettivi ta’ politika ddikjarati b’mod aktar effiċjenti (jiġifieri billi jitnaqqsu l-kostijiet regolatorji mhux meħtieġa u l-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri). Il-Valutazzjoni tal-Impatt ikkonkludiet li l-miżuri stabbiliti fid-Direttiva proposta jkollhom piż limitat, li jingħeleb mill-impatt pożittiv tal-miżuri proposti.  

L-emendi mmirati proposti għad-Direttiva għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità tal-Istati Membri li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effiċjenti, b’mod partikolari fir-rigward tat-theddid u x-xejriet li ħarġu u evolvew mill-adozzjoni tad-Direttiva. L-inizjattiva se tkompli tarmonizza x-xenarju legali li jindirizza t-traffikar tal-bnedmin madwar l-Istati Membri. Ir-regoli l-ġodda huma mistennija li jtejbu l-kooperazzjoni transfruntiera, f’termini ta’ investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, kif ukoll l-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi. 

Drittijiet fundamentali

L-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Artikolu 5 tal-Karta jipprojbixxi b’mod espliċitu l-iskjavitù, ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin.

Il-miżuri proposti jinkludu dispożizzjonijiet legali biex jirrispondu b’mod adegwat għar-riskji relatati ma’ dan ir-reat u biex jgħinu, jappoġġaw u jipproteġu lill-vittmi. L-inklużjoni espliċita ta’ forom ulterjuri ta’ sfruttament, id-dispożizzjonijiet relatati mad-dimensjoni internazzjonali tar-reat, ir-reġim tas-sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi u l-kriminalizzazzjoni tal-użu magħruf tas-servizzi sfruttati għandhom l-għan li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effettiv. Dawn id-dispożizzjonijiet, u l-formalizzazzjoni tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment, huma li tikber il-protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Il-protezzjoni tal-vittmi għandha impatt fuq drittijiet fundamentali oħra, bħall-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, u d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.

Il-miżuri leġiżlattivi ġew analizzati u vvalutati b’mod pożittiv ukoll fid-dawl tad-drittijiet tat-tfal, il-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet, id-dritt għall-ażil, il-protezzjoni kontra t-tneħħija, it-tkeċċija jew l-estradizzjoni, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

Id-dispożizzjonijiet li jintroduċu reati jew sanzjonijiet ġodda, jew l-emendar tad-definizzjoni tar-reat ġew analizzati bir-reqqa fid-dawl tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt tad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati u tal-pieni kriminali, u d-dritt li ma jiġix iġġudikat jew ikkastigat darbtejn fi proċedimenti kriminali għall-istess reat kriminali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt baġitarju għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

F’konformità mal-Artikolu 2 ta’ din il-proposta, l-Istati Membri huma meħtieġa jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw magħhom sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva] u biex jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Il-Kummissjoni se timmonitorja u se tevalwa l-impatt ta’ din il-proposta permezz ta’ mekkaniżmi diġà operattivi skont id-Direttiva attwali. Il-kompiti tar-Relaturi Nazzjonali u l-Mekkaniżmi Ekwivalenti jibqgħu l-istess skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva: il-kejl tar-riżultati tal-azzjonijiet kontra t-traffikar, inkluż il-ġbir ta’ statistika f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili attivi f’dan il-qasam, u r-rapportar lill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar fil-kuntest tar-rapportar imwettaq mill-Kummissjoni kull sentejn dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dan jinkludi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatti ta’ din l-inizjattiva.  

Il-Kummissjoni se tkompli torganizza l-laqgħat ta’ darbtejn fis-sena tan-Network tar-Relaturi Nazzjonali u tal-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE kontra t-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll laqgħat mal-Aġenziji tal-UE li jaħdmu kontra t-traffikar. Dawn l-iskambji se jikkontribwixxu wkoll għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.  

Din il-proposta tintroduċi reati ġodda li jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ sfruttament bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat li jikkonċerna t-traffikar tal-bnedmin. Skont l-Artikolu 23(3) propost, il-Kummissjoni hija meħtieġa tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri wettqu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda u mal-impatt ta’ dawn il-miżuri.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ din id-Direttiva, ikun meħtieġ id-dokument ta’ spjegazzjoni, eż. fil-forma ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni, kif meħtieġ mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-543/17. Il-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva Kontra t-Traffikar rari tkun limitata għal test legali wieħed, peress li d-dispożizzjonijiet spiss ikunu inkorporati fi strumenti nazzjonali differenti. Għal din ir-raġuni, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni li jikkomunika lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet adottati fit-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, kif dawn id-dispożizzjonijiet jinteraġixxu mad-dispożizzjonijiet adottati għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE u mad-dispożizzjonijiet koperti minn politiki rilevanti oħra tal-Unjoni, kif imsemmi fit-Taqsima 1 ta’ dan il-memorandum leġiżlattiv.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emendi għad-Direttiva Kontra t-Traffikar huma mmirati lejn il-punti li ġejjin:

(a)Inkludi ż-żwieġ furzat bħala forma partikolari ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-adozzjoni illegali fil-lista ta’ forom minimi ta’ sfruttament

Attwalment, l-Artikolu 2(3) jistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ forom ta’ sfruttament, li tinkludi l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta’ oħrajn jew forom oħra ta’ sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi l-elemożina, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù, jew l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta’ organi.

Id-data miġbura turi li r-reati tat-traffikar imwettqa għal finijiet għajr l-isfruttament sesswali u ta’ ħaddiema evolvew b’mod kostanti mill-adozzjoni tad-Direttiva, u jirrappreżentaw 11 % tal-vittmi kollha fl-UE fl-2020. Barra minn hekk, minkejja li l-lista fl-Artikolu 2(3) ma hijiex eżawrjenti peress li tinkludi l-forom “minimi” ta’ sfruttament, u minkejja l-fatt li l-Premessa 11 tiċċara li d-definizzjoni tkopri t-traffikar tal-bnedmin għal imġiba oħra bħall-adozzjoni illegali jew iż-żwieġ furzat, l-Istati Membri kellhom it-tendenza li jirrestrinġu t-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi jsemmu biss il-forom ta’ sfruttament inklużi b’mod espliċitu fl-Artikolu 2(3).

Filwaqt li tqis id-data miġbura dwar finijiet tat-traffikar minbarra l-isfruttament sesswali u ta’ ħaddiema, il-Kummissjoni tipproponi li tinkludi ż-żwieġ furzat u l-adozzjoni illegali b’mod espliċitu fil-lista mhux eżawrjenti ta’ forom ta’ sfruttament fl-Artikolu 2(3). Din se tgħammar aħjar is-sistemi legali tal-Istati Membri, kif ukoll l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji tagħhom biex jiġġieldu b’mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin għall-finijiet ta’ dawn iż-żewġ forom ta’ sfruttament.

(b)Referenza espliċita għad-dimensjoni online fi ħdan id-Direttiva

L-elementi tar-reati tat-traffikar definiti fid-Direttiva jinkludu l-atti intenzjonati u l-mezzi fl-Artikolu 2(1), kif ukoll il-forom ta’ sfruttament fl-Artikolu 2(3). Id-dispożizzjonijiet attwali ma jagħmlu l-ebda referenza dwar jekk dawn l-elementi għandhomx jitwettqu online jew offline sabiex ikunu kriminalizzati u ppenalizzati.

Il-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma mħassba ħafna dwar l-għadd dejjem akbar ta’ reati mwettqa jew iffaċilitati permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Dawn jipprovdu pjattaforma biex jitwettqu l-atti intenzjonati (reklutaġġ, organizzazzjoni jew twettiq tat-trasport, trasferiment, żamma jew akkoljenza ta’ persuni, inkluż l-iskambju ta’ trasferiment jew kontroll fuq il-vittmi), tal-anqas xi wħud mill-mezzi (koerċizzjoni, frodi, qerq, abbuż ta’ poter jew ta’ pożizzjoni ta’ vulnerabbiltà jew tal-għoti jew tar-riċevuta ta’ pagamenti jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta’ persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra) jew xi wħud mill-forom ta’ sfruttament (b’mod partikolari l-isfruttament sesswali).

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tipproponi li żżid Artikolu 2a ġdid, li jsemmi b’mod espliċitu li l-atti u l-mezzi intenzjonati msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll l-isfruttament kif definit fl-Artikolu 2(3) għandu jinkludi atti mwettqa permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Dan se jiżgura li d-dimensjoni online tar-reat titqies għal kull element tar-reati ta’ traffikar.

(c)L-introduzzjoni ta’ reġim obbligatorju ta’ sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi differenzjati għal reat standard u għal reati aggravati

Bħalissa, l-Artikolu 6 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika li tkun responsabbli għal reati ta’ traffikar tkun soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali. L-Artikolu 6 iżid li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu ħames miżuri li huma fakultattivi biex l-Istati Membri jittrasponuhom: (a) esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji jew għajnuna pubblika; (b) skwalifika temporarja jew permanenti mit-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali; (c) tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja; (d) stralċ ġudizzjarju; (e) għeluq temporarju jew permaneti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw sabiex jitwettaq ir-reat.

Il-valutazzjoni tat-traspożizzjoni ta’ dan l-Artikolu turi li filwaqt li l-Istati Membri kollha għandhom fis-seħħ multi kriminali jew mhux kriminali (f’konformità mal-parti obbligatorja tad-dispożizzjoni), huma biss minoranza tal-Istati Membri li ttrasponew il-miżuri fakultattivi kollha, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew biss xi wħud, u bosta Stati Membri ma ttrasponew l-ebda waħda. Il-Kummissjoni tqis li huwa kruċjali li tissaħħaħ l-azzjoni kontra persuni ġuridiċi li jitwettqu reati ta’ traffikar fl-interess tagħhom. L-adozzjoni ta’ reġim obbligatorju ssaħħaħ l-aspett tal-ġustizzja kriminali tar-rispons. Fl-istess ħin, huwa meħtieġ li jiġi adottat approċċ proporzjonat, f’konformità mal-Artikolu 6 attwali.

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-Artikolu 6 billi tistabbilixxi li, minflok il-lista ta’ sanzjonijiet fakultattivi, is-sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva għandha, jekk xieraq, tinkludi l-esklużjoni mill-intitolament għall-benefiċċji, għall-għajnuna jew għas-sussidji pubbliċi; u l-għeluq temporanju jew permanenti ta’ stabbilimenti li jkunu ntużaw biex isir ir-reat. Dan huwa r-reġim li japplika meta persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli għal reat tat-traffikar standard. Iż-żieda ta’ sussidji tikkomplementa u tespandi l-lista fakultattiva attwali ta’ sanzjonijiet, bil-għan li jiġi evitat li l-persuni ġuridiċi kkundannati għal reati ta’ traffikar jirċievu dawn il-forom ta’ assistenza pubblika.

Il-paragrafu 2 jiżdied għal każijiet li fihom il-persuni ġuridiċi jinżammu responsabbli għal reat aggravat minn kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 4(2). F’każijiet bħal dawn, is-sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi, jekk xieraq, jinkludu: skwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta’ attivitajiet kummerċjali, tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja, stralċ ġudizzjarju.

B’dan l-approċċ, il-Kummissjoni tfittex li tagħmel ir-reġimi ta’ sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi obbligatorji, bil-għan li ssaħħaħ ir-rispons tal-ġustizzja kriminali kontra persuni ġuridiċi involuti f’reati ta’ traffikar. Dan juża l-istess miżuri, li huma fakultattivi fl-Artikolu 7 attwali. Dan l-approċċ jiżgura l-proporzjonalità, peress li jipprevedi żewġ sanzjonijiet stretti għal reati standard u tliet sanzjonijiet aktar stretti għal reati aggravati. Iż-żieda ta’ “jekk ikun xieraq” qabel iż-żewġ reġimi ta’ sanzjonijiet tiżgura r-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità u d-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membri.

(d)Referenza għall-qafas legali dwar l-iffriżar u l-konfiska

It-test attwali tal-Artikolu 7 jeħtieġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu intitolati li jaqbdu u jikkonfiskaw l-istrumenti u r-rikavat mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3. L-adozzjoni tad-Direttiva Kontra t-Traffikar, u għalhekk ta’ dan l-Artikolu, ġiet qabel il-qafas legali tal-UE dwar l-iffriżar u l-konfiska.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel referenza espliċita għar-regoli tal-UE dwar l-intraċċar, l-iffriżar, il-ġestjoni u l-konfiska, b’mod partikolari għad-Direttiva UE/XX/YY tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Direttiva proposta dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi] 21 . F’konformità mal-artikolu propost, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu intitolati li jittraċċaw, jiffriżaw, jimmaniġġaw u jikkonfiskaw, f’konformità mad-Direttiva UE/XX/YY tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Direttiva proposta dwar l-irkupru u l-konfiska ta’ assi] 22 , rikavat derivat minn, u l-mezzi strumentali użati jew maħsuba biex jintużaw għat-twettiq, jew il-kontribuzzjoni għat-twettiq, tar-reati msemmija fid-Direttiva, kif emendata. Dan se jippermetti li d-dispożizzjoni tad-Direttiva dwar l-iffriżar u l-konfiska tiġi aġġornata biex tirrifletti l-bidliet reċenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar dawn il-kwistjonijiet.

(e)L-istabbiliment formali ta’ Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment u ta’ Punti Fokali Nazzjonali għar-riferiment tal-vittmi

Attwalment, l-Artikolu 11(4) jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa bil-għan li l-vittmi jkunu identifikati malajr u appoġġati, b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ rilevanti. Dawn jissejħu wkoll mekkaniżmi ta’ riferiment.

Fl-2020, il-Kummissjoni rrapportat li kważi l-Istati Membri kollha kienu stabbilew dawn il-mekkaniżmi formali jew informali 23 . Dawn jieħdu forom differenti ħafna fil-livell nazzjonali. Id-differenzi fl-istruttura u fil-prattiki jistgħu jfixklu jew inaqqsu r-riferiment tal-vittmi għal servizzi ta’ protezzjoni, assistenza u appoġġ adegwati, speċjalment fil-kuntest transfruntier, meta l-vittmi jiġu identifikati f’pajjiż differenti minn fejn ikunu ġew sfruttati, jew meta jiġu sfruttati f’aktar minn pajjiż wieħed. Il-Kummissjoni tipproponi li l-Istati Membri jifformalizzaw l-istabbiliment tal-Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment tagħhom permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi u jaħtru punti fokali nazzjonali għar-riferiment tal-vittmi. Sabiex isir dan, dan ir-rekwiżit huwa inkluż permezz ta’ modifika tal-Artikolu 11(4).

Din il-proposta hija mistennija li tissimplifika ulterjorment il-prattika tal-mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment, bil-għan li ttejjeb ir-riferiment tal-vittmi f’każijiet transfruntieri. Din se tiġi kkomplementata bl-iżvilupp ta’ linji gwida dwar ir-rekwiżiti minimi għall-Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment, li se jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni ulterjuri tal-istruttura u l-prattika tagħhom. Il-modifika tal-Artikolu 11(4) hija wkoll l-ewwel pass lejn l-istabbiliment ta’ Mekkaniżmu ta’ Riferiment Ewropew, f’konformità mal-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025.

(f)L-istabbiliment ta’ reati ġodda dwar l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ sfruttament bl-għarfien li l-persuna hija vittma tat-traffikar

Bħalissa, l-Artikolu 18(4) jirrikjedi li l-Istati Membri jikkunsidraw li jieħdu miżuri biex jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġetti ta’ sfruttament, bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat tat-traffikar. Din hija dispożizzjoni fakultattiva li l-Istati Membri ma kinux obbligati jittrasponu.

Għalkemm dan l-approċċ ta flessibbiltà lill-Istati Membri, ix-xenarju tat-traspożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jvarja minn nuqqas sħiħ ta’ traspożizzjoni għal traspożizzjoni limitata għal xi forom ta’ sfruttament, u minn traspożizzjoni sħiħa għall-adozzjoni ta’ miżuri aktar stretti. Dan in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni jista’ jkollu impatt fuq il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri li jadottaw approċċi differenti. Barra minn hekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt qieset li l-azzjoni mmirata lejn it-tnaqqis tad-domanda tista’ tinkludi pass ’il quddiem fir-rispons tal-ġustizzja kriminali. L-enfasi fuq id-domanda hija mistennija li tnaqqas l-għadd ta’ każijiet u ta’ vittmi billi tindirizza l-oqsma li jinkoraġġixxu l-forom kollha ta’ sfruttament. L-evalwazzjoni tad-Direttiva wriet li 19-il Stat Membru adottaw jew leġiżlazzjoni li tikkriminalizza l-użu konxju ta’ servizzi mitluba minn vittmi ta’ traffikar għall-forom kollha ta’ sfruttament 24 jew leġiżlazzjoni li tikkriminalizza direttament jew indirettament l-użu konxju ta’ servizzi mitluba minn vittmi ta’ sfruttament sesswali 25 .

Il-Kummissjoni tipproponi li tagħmilha obbligatorja li l-Istati Membri jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ sfruttament, bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat ta’ traffikar. Dan jista’ jinkiseb billi jitħassar l-Artikolu 18(4) u jiżdied Artikolu 18(a) ġdid bl-istess test tal-Artikolu 18(4) attwali, iżda mingħajr l-għażla li tippermetti lill-Istati Membri “jikkunsidraw” il-kriminalizzazzjoni.

Huwa mistenni li din il-bidla leġiżlattiva se tirriżulta f’aktar armonizzazzjoni fir-rispons tal-ġustizzja kriminali għat-tnaqqis tad-domanda, inkluż billi l-Istati Membri jkunu meħtieġa japplikaw ir-regoli l-ġodda għall-forom kollha ta’ sfruttament, u se jkollha impatt pożittiv fuq il-kooperazzjoni f’każijiet transfruntieri.

Il-paragrafu 2 jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li r-reati relatati mal-użu magħruf ta’ servizzi sfruttati jkunu punibbli b’pieni u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(g)L-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ rapportar għall-Artikolu 18a ġdid

L-Artikolu 23(3) propost jintroduċi rekwiżit għall-Kummissjoni biex tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda dwar l-għarfien tal-użu tas-servizzi sfruttati, kif ukoll dwar l-impatt ta’ dawn il-miżuri. Ir-rapport għandu jiġi sottomess [sa 5 snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni]. Dan se jiżgura valutazzjoni u rapportar adegwati dwar il-miżuri proposti mill-Kummissjoni wara perjodu ta’ żmien adegwat li jippermetti l-possibbiltà li jiġu analizzati t-traspożizzjoni u l-impatt tar-regoli l-ġodda.

(h)Rekwiżit għall-ġbir u r-rapportar annwali tad-data dwar l-indikaturi fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin

Bħalissa, l-Artikolu 19 jipprevedi li r-Relaturi Nazzjonali u Mekkaniżmi Ekwivalenti jwettqu kompiti inkluż il-ġbir tal-istatistika u r-rapportar fil-kuntest tar-rapportar biannwali mwettaq mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-ġbir ta’ data fil-livell tal-UE jitwettaq kull sentejn skont l-Artikoli 19 u 20.

Madankollu, l-evalwazzjoni tad-Direttiva wriet li għad hemm nuqqasijiet importanti fil-ġbir ta’ data, b’mod partikolari dwar l-indikaturi tal-ġustizzja kriminali u dwar ir-reati li jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi sfruttati, u li l-pubblikazzjoni tal-istatistika rilevanti spiss tasal sostanzjalment wara t-tmiem tal-perjodu ta’ rapportar (normalment madwar sentejn).

Għalhekk, il-Kummissjoni tipproponi li tintroduċi rekwiżit għall-Istati Membri biex jiġbru u jirrapportaw data dwar it-traffikar tal-bnedmin lill-Kummissjoni kull sena, permezz ta’ Artikolu 19a ġdid, li jispeċifika l-indikaturi għal dan il-ġbir ta’ data. L-ewwel paragrafu tiegħu jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiġbru data biex jimmonitorjaw l-effettività tas-sistemi tagħhom biex jiġġieldu r-reati tat-traffikar. Il-paragrafu (2) jispeċifika s-sett minimu ta’ indikaturi li għandhom ikunu parti minnu (l-għadd ta’ vittmi rreġistrati; l-għadd ta’ persuni suspettati, mixlija u kkundannati għal reati msemmija fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 18(a) propost) u l-livell ta’ diżaggregazzjoni.

Il-paragrafu (3) jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għas-sena ta’ qabel f’format standard ipprovdut mill-Kummissjoni. Sabiex titħaffef id-disponibbiltà tal-istatistika, l-Artikolu 19a għandu jsir applikabbli fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja.

Din il-miżura hija mistennija li ttejjeb il-kompletezza, il-koerenza u l-komparabbiltà tad-data f’perjodi ta’ referenza differenti u fl-Istati Membri. Se ttejjeb ukoll il-ġbir ta’ data fil-livell tal-UE. Din se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fehim tal-ambitu sħiħ tat-traffikar tal-bnedmin fl-UE. It-tnaqqis tar-rikorrenza tal-ġbir ta’ data minn sentejn għal sena se jiżgura wkoll li d-data disponibbli għall-pubbliku tkun aktar aġġornata u eqreb għall-perjodu ta’ referenza fiż-żmien tal-pubblikazzjoni.

2022/0426 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

[Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 26 , 

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 27 ,]

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)It-traffikar tal-bnedmin huwa reat serju, li ħafna drabi jitwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, huwa ksur serju tad-drittijiet fundamentali u huwa pprojbit espliċitament mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontrih jibqgħu prijorità għall-Unjoni u għall-Istati Membri.

(2)Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 tikkostitwixxi l-istrument legali ewlieni tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dan ir-reat. Dik id-Direttiva tistabbilixxi qafas komprensiv biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin billi jiġu stabbiliti regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u sanzjonijiet. Hija tinkludi wkoll dispożizzjonijiet komuni biex jissaħħu l-prevenzjoni u l-protezzjoni tal-vittmi, filwaqt li titqies il-perspettiva tal-ġeneru.

(3)L-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 29 tistabbilixxi rispons politiku li jadotta approċċ multidixxiplinarju u komprensiv mill-prevenzjoni permezz tal-protezzjoni tal-vittmi, sal-prosekuzzjoni u l-kundanna tat-traffikanti. Din inkludiet serje ta’ azzjonijiet li jridu jiġu implimentati bl-involviment qawwi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Sabiex jiġu indirizzati xejriet li qed jevolvu fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin, kif ukoll in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni, u biex jiżdiedu ulterjorment l-isforzi kontra dan ir-reat, jeħtieġ, madankollu, li tiġi emendata d-Direttiva 2011/36/UE. It-theddid u x-xejriet identifikati, li jeħtieġu l-adozzjoni ta’ regoli ġodda jikkonċernaw b’mod partikolari l-modi operandi tat-traffikanti, inklużi t-twettiq jew il-faċilitazzjoni ta’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni. Nuqqasijiet identifikati tar-rispons tal-liġi kriminali li jeħtieġu adattament tal-qafas legali huma relatati ma’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin imwettqa fl-interess ta’ persuni ġuridiċi, għas-sistema tal-ġbir ta’ data, u għas-sistemi nazzjonali mmirati lejn l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tat-traffikar, l-assistenza u l-appoġġ għalihomgħall-.

(4)Sabiex tiġi indirizzata ż-żieda kostanti fl-għadd u fir-rilevanza tar-reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin imwettqa għal finijiet oħra minbarra l-isfruttament sesswali jew ta’ ħaddiema, jeħtieġ li jiġu inklużi ż-żwieġ furzat u l-adozzjoni illegali fil-forom ta’ sfruttament elenkati b’mod espliċitu fid-Direttiva, u li jiġi żgurat li l-Istati Membri jindirizzaw, fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom, l-aktar firxa wiesgħa ta’ forom ta’ sfruttament, sa fejn dawn jissodisfaw l-elementi kostitwenti tat-traffikar tal-bnedmin.

(5)Għadd dejjem akbar ta’ reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin jitwettqu jew jiġu ffaċilitati permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni. It-traffikanti jużaw l-internet u l-media soċjali, inter alia, biex jirreklutaw, jirreklamaw jew jisfruttaw il-vittmi, jeżerċitaw kontroll u jorganizzaw it-trasport. L-internet u l-media soċjali jintużaw ukoll biex jitqassmu materjali ta’ sfruttament. It-teknoloġija tal-informazzjoni xxekkel ukoll id-detezzjoni f’waqtha tar-reat u l-identifikazzjoni tal-vittmi u tal-awturi ta’ reat. Għalhekk huwa importanti li d-dimensjoni online tar-reat tiġi inkluża b’mod espliċitu fil-qafas legali.

(6)Sabiex tissaħħaħ ir-reazzjoni tal-ġustizzja kriminali għal reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin imwettqa għall-benefiċċju ta’ persuni ġuridiċi u sabiex jiġi skoraġġut it-twettiq ta’ dawk ir-reati, huwa meħtieġ li jissaħħaħ ir-reġim ta’ sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi b’approċċ obbligatorju proporzjonali. Għalhekk, ir-reġim ta’ sanzjonijiet fakultattivi stabbilit fid-Direttiva 2011/36/UE huwa sostitwit b’reġim ta’ sanzjonijiet obbligatorji applikabbli meta persuna ġuridika tinżamm responsabbli skont l-Artikoli 5(1) u 5(2).

(7)Fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għandu jsir użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat u tal-istrumenti tal-kriminalità, bħad-Direttiva UE/XX/YY tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Direttiva Proposta dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi] 30 . L-użu tal-istrumenti u tar-rikavat mir-reati msemmija fid-Direttiva 2011/36/UE li jkunu ffriżati jew ikkonfiskati biex jiġu appoġġati l-għajnuna għall-vittmi u l-protezzjoni tagħhom, inkluż il-kumpens tal-vittmi u l-attivitajiet transfruntieri tal-Unjoni ta’ infurzar tal-liġi ta’ kontra t-traffikar, jenħtieġ li jitħeġġeġ.

(8)Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali li jiġu identifikati l-vittmi fi stadju bikri, u li dawn jiġu rriferuti għas-servizzi ta’ protezzjoni, assistenza u appoġġ xierqa, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, Mekkaniżmi Nazzjonali ta’ Riferiment fl-Istati Membri. L-istabbiliment ta’ mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment formali u l-ħatra ta’ punti fokali nazzjonali għar-riferiment tal-vittmi huma miżuri essenzjali biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera.

(9)Sabiex ikomplu jissaħħu u jiġu armonizzati l-isforzi tal-ġustizzja kriminali dwar it-tnaqqis fid-domanda madwar l-Istati Membri, huwa importanti li jiġi kriminalizzat l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti ta’ sfruttament bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat li jikkonċerna t-traffikar tal-bnedmin. L-istabbiliment ta’ dan bħala reat kriminali huwa parti minn approċċ komprensiv għat-tnaqqis tad-domanda, li għandu l-għan li jindirizza l-livelli għoljin ta’ domanda li jrawwem il-forom kollha ta’ sfruttament.

(10)Il-ġbir ta’ data akkurata u koerenti u l-pubblikazzjoni f’waqtha ta’ data u statistika miġbura huma fundamentali biex jiġi żgurat għarfien sħiħ dwar l-ambitu tat-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni. L-introduzzjoni ta’ rekwiżit għall-Istati Membri biex jiġbru u jirrapportaw lill-Kummissjoni data statistika dwar it-traffikar tal-bnedmin kull sena b’mod armonizzat hija mistennija li tikkostitwixxi pass rilevanti biex jittejjeb il-fehim ġenerali dwar il-fenomenu u biex tiġi żgurata l-adozzjoni ta’ politiki u strateġiji infurmati bid-data. Minħabba l-importanza li jkun hemm data statistika aġġornata kemm jista’ jkun malajr, huwa xieraq li tiġi determinata d-data tal-applikazzjoni tal-artikolu dwar il-ġbir tad-data fl-aktar mument kmieni fiż-żmien, li huwa d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

(11)Billi l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi ta’ dan ir-reat, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(12)Id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari r-rispett u l-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew pieni inumani jew degradanti, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-għażla ta’ okkupazzjoni u d-dritt għax-xogħol, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilitajiet, u l-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-prinċipji ta’ legalità u l-proporzjonalità ta’ reati u ta’ pieni kriminali. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tiggarantixxi rispett sħiħ għal dawn id-drittijiet u l-prinċipji, li għandhom jiġu implimentati kif meħtieġ.

(13)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 u mal-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda ma hijiex qiegħda tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. [Jew] F’konformità mal-Artikolu 3 u mal-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat [, permezz ta’ ittra ta’ ...,] ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(14)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma hijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u ma hijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(15)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 31 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew iktar, fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.

(16)Għalhekk, id-Direttiva 2011/36/UE jenħtieġ li tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2011/36/UE

Id-Direttiva 2011/36/UE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3, jiżdied il-kliem “jew żwieġ furzat, jew adozzjoni illegali” fl-aħħar tal-paragrafu.

(2)jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

“Artikolu 2a

Reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin

imwettqa jew iffaċilitati permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni jew tal-komunikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-atti u l-mezzi intenzjonati msemmija fl-Artikolu 2(1), u l-isfruttament kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) għandhom jinkludu atti mwettqa permezz ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni.”

(3)L-Artikoli 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 6
Sanzjonijiet fuq persuni ġuridiċi

1.    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5(1) jew (2) tkun soġġetta għal multi kriminali jew mhux kriminali u, jekk xieraq, għas-sanzjonijiet li ġejjin:

(a)esklużjoni mid-dritt għall-benefiċċji, għajnuna jew sussidji pubbliċi;

(b)għeluq temporarju jew permanenti ta’ stabbilimenti li ntużaw sabiex jitwettaq ir-reat.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li persuna ġuridika miżmuma responsabbli skont l-Artikolu 5(1) jew (2) għal reat aggravat minn kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tkun soġġetta, jekk xieraq, għas-sanzjonijiet li ġejjin:

(a)skwalifika temporarja jew permanenti mit-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali;

(b)tqegħid taħt superviżjoni ġudizzjarja;

(c)l-istralċ ġudizzjarju.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

Artikolu 7
Iffriżar u konfiska

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu intitolati li jittraċċaw, jiffriżaw, jimmaniġġaw u jikkonfiskaw, f’konformità mad-Direttiva EU/XX/YY tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Direttiva Proposta dwar l-irkupru u l-konfiska ta’ assi] 32 , ir-rikavat derivat minn, u l-istrumenti użati jew maħsuba li jintużaw għat-twettiq, jew il-kontribuzzjoni għat-twettiq, tar-reati msemmija f’din id-Direttiva.”

(4)fl-Artikolu 11, il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi, mekkaniżmi nazzjonali ta’ riferiment immirati lejn l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, l-assistenza u l-appoġġ għalihom, f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta’ appoġġ rilevanti, u biex jaħtru punt fokali nazzjonali għar-riferiment tal-vittmi.”

(5)Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 4 jitħassar.

(6)jiddaħħal l-Artikolu 18a li ġej:

“Artikolu 18a

Reati li jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ sfruttament

b’għarfien li l-persuna hija vittma

ta’ reat li jikkonċerna t-traffikar tal-bnedmin

1. Sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin isiru aktar effettivi billi tiġi skoraġġuta d-domanda, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta’ servizzi li huma s-suġġett ta’ sfruttament kif imsemmi fl-Artikolu 2, bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta’ reat imsemmi fl-Artikolu 2.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li reat kif stabbilit f’konformità mal-paragrafu 1 ikun punibbli b’pieni u sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi.”

(7)jiddaħħal l-Artikolu 19a li ġej:

“Artikolu 19a

Ġbir ta’ data u statistika

1. L-Istati Membri għandhom jiġbru data statistika biex jimmonitorjaw l-effettività tas-sistemi tagħhom biex jiġġieldu r-reati msemmija f’din id-Direttiva.

2. Id-data statistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi, mill-inqas, dan li ġej:

(a)l-għadd ta’ vittmi rreġistrati ta’ reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregat skont l-organizzazzjoni ta’ reġistrazzjoni, is-sess, il-gruppi ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza, u l-forma ta’ sfruttament;

(b)l-għadd ta’ persuni suspettati b’reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregat skont is-sess, il-gruppi ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza, u l-forma ta’ sfruttament;

(c)l-għadd ta’ persuni mħarrka għal reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregat skont is-sess, il-gruppi ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza, il-forma ta’ sfruttament, in-natura tad-deċiżjoni finali għal prosekuzzjoni;

(d)l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni (akkuża għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, akkuża għal reati kriminali oħra, deċiżjoni li ma ssirx akkuża, oħrajn);

(e)l-għadd ta’ persuni kkundannati għal reati msemmija fl-Artikolu 2, diżaggregat skont is-sess, il-gruppi ta’ età (tfal/adulti), iċ-ċittadinanza;

(f)l-għadd ta’ sentenzi tal-qorti (ħelsien, kundanni, oħrajn) għar-reati msemmija fl-Artikolu 2, għall-prim’istanza, għat-tieni istanza u għad-deċiżjonijiet finali tal-qorti (jew tal-qorti għolja);

(g)l-għadd ta’ persuni suspettati, persuni mħarrka u kkundannati għal reati msemmija fl-Artikolu 18a, diżaggregat skont is-sess u l-gruppi ta’ età (tfal/adulti).

3. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu darba fis-sena lill-Kummissjoni, sal-1 ta’ Lulju kull sena, id-data statistika msemmija fil-paragrafu 2 għas-sena preċedenti.

(8)Fl-Artikolu 23, jiddaħħal il-paragrafu 3 li ġej:

“3. Il-Kummissjoni għandha, [sa 5 snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni], tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu ħadu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 18a u l-impatt ta’ dawn il-miżuri.”

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

3.    Il-punt (7) tal-Artikolu 1, li jdaħħal l-Artikolu 19a fid-Direttiva 2011/36/UE għandu jibda japplika fil-jum imsemmi fl-Artikolu 3.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI, ĠU L 101 , 15.4.2011, p. 1–11.
(2)    Il-Kummissjoni Ewropea, Combined Evaluation Roadmap/Inception Impact Assessment. Ref. Ares(2021)4984017 – 05/08/2021. Disponibbli fuq: link .
(3)    Stħarriġ: Q 38, żewġ awtoritajiet nazzjonali kompetenti (FR, LU), żewġ Relaturi Nazzjonali (EL, RO), żewġ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi (EL, IE), erbgħa oħrajn (BG, tnejn minn ES, MT), żewġ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (BE, MT).
(4)    Kummissjoni Ewropea, Rapport li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw mad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu f’konformità mal-Artikolu 23(1), COM(2016) 722 final
(5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, COM(2021) 171 final , 14.4.2021.
(6)    51 % tal-vittmi kollha fl-UE fl-2019-2020 ġew traffikati għall-fini ta’ sfruttament sesswali. Il-maġġoranza l-kbira huma nisa (88 %), li 73 % minnhom huma nisa u 27 % minnhom huma bniet. Il-Kummissjoni Ewropea, Report on the progress made in the progress made in the fight against trafficking in human beings (Fourth Report), [għandha tiżdied ir-referenza, ladarba jiġi adottat].
(7)    28 % tal-vittmi fl-UE fl-2019-2020 ġew traffikati għall-fini tal-isfruttament ta’ ħaddiema, li jirrappreżenta żieda sinifikanti meta mqabbel mal-2017-2018 (15 %). Ibid.
(8)    COM (2020) 605 final.
(9)    SWD (2022) 427.
(10)    SWD (2022) 425.
(11)    Id-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI ĠU L 315 , 14.11.2012, p. 57-73.
(12)    Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali, ĠU L 168 , 30.6.2009, p. 24–32.
(13)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti, ĠU L 261 , 6.8.2004, p. 19-23.
(14)    Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1-14.
(15)    COM (2022) 209.
(16)    COM (2022) 245.
(17)    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, 2002/629/ĠAI, ĠU L 203 , 1.8.2002, p. 1–4.
(18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, COM(2021) 171 final , 14.4.2021.
(19)     Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin - rieżami tar-regoli tal-UE (europa.eu) .
(20)    Il-Kummissjoni kkummissjonat ukoll studju biex jappoġġa l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu u valutazzjoni tal-impatt għal proposta leġiżlattiva dwar is-suġġett. L-istudju twettaq minn konsulenti esterni bejn is-27 ta’ Ottubru 2021 u l-21 ta’ Lulju 2022.
(21)    COM (2022) 245.
(22)    COM (2022) 245.
(23)    Study on reviewing the functioning of Member States’ National and Transnational Referral Mechanisms, 16.10.2020, disponibbli fuq link .
(24)    BG; HR; HU; LT MT PT RO SI. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni EL tkopri l-isfruttament sesswali u tax-xogħol.
(25)    DE, EE, FI, FR, IE, LV, LU, NL, SE, EL, CY.
(26)    ĠU C , , p. .
(27)    ĠU C , , p. .
(28)    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI, ĠU L 101 , 15.4.2011, p. 1–11.
(29)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025, COM(2021) 171 final , 14.4.2021.
(30)    COM (2022) 245.
(31)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(32)    COM(2022) 245.