Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0036

Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI

OJ L 101, 15.4.2011, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 013 P. 180 - 190

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/36/oj

15.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 101/1


DIRETTIVA 2011/36/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' April 2011

dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 82(2) u l-Artikolu 83(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

It-traffikar tal-bnedmin huwa reat gravi, li ħafna drabi jiġi mwettaq fil-qafas tal-kriminalità organizzata, huwa ksur serju tad-drittijiet fundamentali u pprojbit espliċitament mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontrih huma prijorità għall-Unjoni u għall-Istati Membri.

(2)

Din id-Direttiva hija parti minn azzjoni globali kontra t-traffikar tal-bnedmin, li tinkludi azzjoni li tinvolvi lil pajjiżi terzi kif iddikjarat fid-“Dokument Orjentat lejn l-Azzjoni dwar it-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-Unjoni dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin; Lejn Azzjoni Globali tal-UE kontra t-Traffikar tal-Bnedmin” approvat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2009. F’dan il-kuntest għandha tittieħed azzjoni f’pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-trasferiment tal-vittmi, bil-ħsieb li tiżdied il-kuxjenza, titnaqqas il-vulnerabilità, jiġu appoġġati u megħjuna l-vittmi, jiġu miġġielda l-kawżi tat-traffikar u jiġu appoġġati dawk il-pajjiżi terzi fl-iżvilupp ta' leġislazzjoni xierqa kontra t-traffikar.

(3)

Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-fenomenu, li hu speċifiku għas-sess, tat-traffikar, u li n-nisa u l-irġiel ta' spiss ikunu traffikati għal skopijiet differenti. Għal din ir-raġuni, il-miżuri ta' għajnuna u ta' appoġġ ukoll għandhom ikunu speċifiċi għas-sess meta dan ikun xieraq. Il-fatturi li jaġixxu ta' inċentivi u ta' deterrenti jistgħu jkunu differenti skont is-setturi kkonċernati, bħal pereżempju t-traffikar tal-bnedmin għall-industrija tas-sess jew għall-isfruttament fix-xogħol, pereżempju, fix-xogħol tal-kostruzzjoni, fis-settur agrikolu jew fis-servitù domestika.

(4)

L-Unjoni Ewropea hija impenjata li tipprevjeni u tiġġieled kontra t-traffikar tal- bnedmin, u li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni ttraffikati. Għal dan il-għan, kienu adottati id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI tad-19 ta' Lulju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (3), u Pjan tal-UE dwar l-aħjar prattiki, standards u proċeduri għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni u l-prevenzjoni tiegħu (4). Barra minn hekk, il-Programm ta' Stokkolma - Ewropa miftuħa u sigura għas-servizz u l-protezzjoni taċ-ċittadini (5), adottat mill-Kunsill Ewropew, jagħti prijorità ċara lill-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Għandhom ikunu maħsuba miżuri oħrajn, bħall-appoġġ għall-iżvilupp ta' indikaturi komuni ġenerali tal-Unjoni għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar, permezz tal-iskambju tal-aħjar prattika fost il-parteċipanti kollha rilevanti, b’mod partikolari s-servizzi soċjali pubbliċi u privati.

(5)

L-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri għandhom ikomplu jikkooperaw biex isaħħu l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni transkonfinali mill-qrib, inkluż il-qsim tal-informazzjoni u l-qsim tal-aħjar prattika, kif ukoll djalogu miftuħ kontinwu bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, dawk ġudizzjarji u dawk finanzjarji tal-Istati Membri, huwa essenzjali. Il-koordinament tal-investigazzjonijiet u tal-prosekuzzjonijiet tal-każijiet ta' traffikar tal-bnedmin għandu jiġi ffaċilitat permezz ta' kooperazjoni msaħħa mal-Europol u l-Eurojust, it-twaqqif ta' timijiet konġunti ta' investigazzjoni, kif ukoll permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/948/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti ta' eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni fi proċedimenti kriminali (6).

(6)

L-Istati Membri għandhom iħeġġu u jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi rikonoxxuti u attivi f’dan il-qasam u li jaħdmu mal-persuni traffikati, b’mod partikolari f’inizjattivi ta' tfassil tal-politika, kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, programmi ta' riċerka u edukazzjoni u f’taħriġ, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt ta' miżuri kontra t-traffikar.

(7)

Din id-Direttiva tadotta approċċ integrat, olistiku u bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u meta tiġi implimentata, għandhom jitqiesu d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti (7) u d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (8). Prevenzjoni u prosekuzzjoni iktar rigorużi, kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet tal-vittmi, huma l-għanijiet prinċipali ta' din id-Direttiva. Din id-Direttiva tadotta wkoll il-ftehim kuntestwali tal-forom differenti ta' traffikar u għandha l-għan li tiżgura li kull forma tiġi trattata permezz tal-aktar miżuri effiċjenti.

(8)

It-tfal huma aktar vulnerabbli mill-adulti u huma għalhekk esposti għal riskju akbar li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jingħataw konsiderazzjoni primarja, skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

(9)

Il-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2000 dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissuplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali u l-Konvenzjoni tal-2005 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Bnedmin huma passi kruċjali fil-proċess tat-titjib tal-kooperazzjoni internazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin. Għandu jiġi nnutat li l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fiha mekkaniżmu ta' valutazzjoni, magħmul minn Grupp ta' esperti dwar l-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin (GRETA) u l-Kumitat tal-Partijiet. Il-koordinament fost l-organizzazzjonijiet internazzjonali b’kompetenza fir-rigward tal-azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin għandu jiġi appoġġat biex jiġu evitati sforzi doppji.

(10)

Din id-Direttiva hija bla ħsara għall-prinċipju tan-non-refoulement skont il-Konvenzjoni tal-1951 relatata mal-Istatus tar-Refuġjati (Konvenzjoni ta' Ġinevra), u hija f’konformità mal-Artikolu 4 u l-Artikolu 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(11)

Sabiex jiġu ttrattati l-iżviluppi riċenti tal-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin, din id-Direttiva tadotta kunċett iktar wiesa’ ta' dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala traffikar tal-bnedmin minn dak li hemm fid-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI u għalhekk tinkludi forom ta' sfruttament addizzjonali. Fil-kuntest ta' din id-Direttiva, l-elemosina furzata għandha tiġi mifhuma bħala forma ta' xogħol jew servizzi furzati kif definit fil-Konvenzjoni tal-ILO Nru 29 tal-1930 li tirrigwarda x-Xogħol Furzat jew Obbligatorju. Għalhekk, l-isfruttament tal-elemosina, inkluż l-użu ta' persuna traffikata dipendenti għall-elemosina, jaqa’ fil-kamp ta' applikazzjoni tad-definizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin biss meta l-elementi kollha tax-xogħol jew servizzi furzati jeżistu. Fid-dawl tal-ġurisprudenza rilevanti, il-validità ta' kwalunkwe kunsens possibbli sabiex jingħata tali xogħol jew servizzi, għandu jiġi valutat każ b’każ. Madanakollu, fir-rigward tat-tfal, l-ebda kunsens possibbli m’għandu qatt jitqies validu. Il-frażi “sfruttament ta' attivitajiet kriminali” għandha tinftiehem bħala l-isfruttament ta' persuna biex twettaq, inter alia, serq minn fuq il-persuna, serq mill-ħwienet, traffikar ta' droga u attivitajiet simili li huma suġġetti għal pieni u jimplikaw profitt finanzjarju. Id-definizzjoni tkopri wkoll it-traffikar tal-bnedmin għall-għan tat-teħid tal-organi, li jikkostitwixxi ksur serju tad-dinjità umana u l-integrità fiżika, kif ukoll, pereżempju, mġiba oħra bħall-adozzjoni illegali jew iż-żwieġ furzat safejn dawn jissodisfaw l-elementi kostituttivi tat-traffikar tal-bnedmin.

(12)

Il-livelli tal-pieni f’din id-Direttiva jirriflettu t-tħassib dejjem jikber fost l-Istati Membri rigward l-iżviluppi tal-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin. Għal din ir-raġuni din id-Direttiva tuża bħala bażi l-livelli 3 u 4 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta' April 2002 dwar l-approċċ li għandu jiġi applikat rigward l-approssimazzjoni tal-pieni. Meta r-reat jitwettaq f’ċerti ċirkostanzi, pereżempju kontra vittma partikolarment vulnerabbli, il-piena għandha tkun iktar ħarxa. Fil-kuntest ta' din id-Direttiva, il-persuni li huma partikolarment vulnerabbli għandhom jinkludu tal-anqas it-tfal kollha. Fatturi oħra li jistgħu jitqiesu meta tiġi vvalutata l-vulnerabbiltà ta' vittma jinkludu, pereżempju, is-sess, it-tqala, l-istat ta' saħħa u d-diżabilità. Meta r-reat ikun partikolarment gravi, pereżempju meta l-ħajja tal-vittma kienet fil-periklu jew ir-reat kien jinvolvi vjolenza serja bħat-tortura, l-użu furzat ta' drogi jew mediċini, stupru jew forom oħrajn serji ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali, jew b’xi mod ieħor ikkawża ħsara serja lill-vittma, dan għandu jiġi rifless ukoll f’piena aktar ħarxa. Meta, taħt din id-Direttiva, issir referenza għal konsenja, tali referenza għandha tiġi interpretata skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat tal-arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (9). Il-gravità tar-reat kommess tista’ titqies fil-qafas tal-eżekuzzjoni tas-sentenza.

(13)

Fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, għandu jsir użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti dwar il-qbid u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transkonfinali u l-Protokolli tagħha, il-Konvenzjoni tal-1990 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil, it-Tiftix, il-Qbid u l-Konfiska tar-Rikavat mill-Kriminalità, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI tas-26 ta' Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-istrumenti u tar-rikavat tal-kriminalità (10) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta' Frar 2005 dwar il-Konfiska tar-Rikavat, l-Istrumenti u l-Proprjetà Relatati mal-Kriminalità (11). Għandu jiġi inkoraġġit l-użu tal-istrumenti u tar-rikavat mir-reati msemmija f’din id-Direttiva li jkunu maqbudin jew ikkonfiskati biex jiġu appoġġati l-għajnuna għall-vittmi u l-protezzjoni tagħhom, inkluż il-kumpens tal-vittmi u l-attivitajiet transkonfinali tal-Unjoni ta' infurzar tal-liġi ta' kontra t-traffikar.

(14)

Il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom, skont il-prinċipji bażiċi tas-sistemi legali tal-Istati Membri rilevanti, ikunu protetti mill-prosekuzzjoni jew mill-kastig għall-attivitajiet kriminali bħalma huma l-użu ta' dokumenti foloz, jew reati taħt il-leġislazzjoni dwar il-prostituzzjoni jew l-immigrazzjoni, li huma ġew imġiegħla jagħmlu bħala konsegwenza diretta tal-fatt li huma suġġetti għat-traffikar. L-għan ta' tali protezzjoni hija li tissalvagwardja d-drittijiet tal-bniedem tal-vittmi, li tevita vittimizzazzjoni ulterjuri u li tinkoraġġihom biex jaġixxu bħala xhieda fi proċedimenti kriminali kontra dawk li kkommettew ir-reat. Din is-salvagwardja m’għandhiex teskludi l-prosekuzzjoni jew il-kastig għal reati li l-persuna tkun għamlet jew ipparteċipat fihom volontarjament.

(15)

Sabiex jiġi żgurat li l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet dwar reati tat-traffikar tal-bnedmin ikunu suċċess, it-tnedija tagħhom m’għandhiex tkun tiddependi, fil-prinċipju, fuq l-irrapurtar jew l-akkuża min-naħa tal-vittma. Fejn in-natura tal-att tkun titlob hekk, il-prosekuzzjoni għandha tkun permessa għal perijodu ta' żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri. It-tul tal-perijodu suffiċjenti ta' żmien għall-prosekuzzjoni għandu jiġi determinat skont il-liġi nazzjonali rispettiva. L-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-prosekuturi għandhom ikunu adegwatament imħarrġa, b’mod partikolari bil-għan li jtejbu l-infurzar tal-liġi internazzjonali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja. Dawk responsabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' tali reati għandhom ukoll ikollhom aċċess għall-għodod investigattivi użati f’ każijiet ta' kriminalità organizzata jew f’każijiet oħra ta' reati gravi. Dawn l-għodod jistgħu jinkludu l-interċettazzjoni ta' komunikazzjonijiet, is-sorveljanza bil-moħbi inkluż is-sorveljanza elettronika, il-monitoraġġ tal-kontijiet tal-bank u investigazzjonijiet finanzjarji oħra.

(16)

Sabiex tiġi garantita l-prosekuzzjoni effikaċi ta' gruppi kriminali internazzjonali li ċ-ċentru tal-attività tagħhom ikun fi Stat Membru u jwettqu t-traffikar tal-bnedmin f’pajjiż terz, il-ġuriżdizzjoni fuq it-traffikar tal-bnedmin għandha tkun stabbilita meta min iwettaq ir-reat ikun ċittadin ta' dak l-Istat Membru, u r-reat ikun imwettaq barra mit-territorju ta' dak l-Istat Membru. B’mod simili, il-ġurisdizzjoni tista’ wkoll tiġi stabbilita meta min iwettaq ir-reat ikun resident abitwali ta' Stat Membru, il-vittma tkun ċittadin jew resident abitwali ta' Stat Membru, jew ir-reat jiġi mwettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju ta' Stat Membru, u r-reat jiġi mwettaq barra mit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(17)

Filwaqt li d-Direttiva 2004/81/KE tipprevedi l-ħruġ ta' permess ta' residenza lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi, u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (12) tirregola l-eżerċizzju ta' dan id-dritt li jiċċaqilqu u jirresjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri miċ-ċittadini tal-Unjoni u l-familji tagħhom, inkluża l-protezzjoni mit-tkeċċija, din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri protettivi speċifiċi għal kwalunkwe vittma ta' traffikar tal-bnedmin. Bħala konsegwenza, din id-Direttiva ma tittrattax il-kondizzjonijiet ta' residenza tal-vittmi ta' traffikar tal-bnedmin fit-territorju tal-Istati Membri.

(18)

Huwa meħtieġ li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom b’mod effettiv. Għalhekk għandha tkun disponibbli għalihom għajnuna u assistenza qabel, waqt u għal żmien adatt wara l-proċedimenti kriminali. L-Istati Membri għandhom jipprovdu riżorsi biex jappoġġaw l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi. L-assistenza u l-appoġġ provduti għandhom jinkludu tal-anqas sett minimu ta' miżuri li huma meħtieġa biex jippermettu lill-vittma tirkupra u taħrab mit-traffikanti. L-implimentazzjoni prattika ta' tali miżuri għandha, fuq il-bażi ta' valutazzjoni individwali mwettqa skont il-proċeduri nazzjonali, tieħu f’konsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi, il-kuntest kulturali u l-ħtiġijiet tal-persuna kkonċernata. Persuna għandha tiġi pprovduta bl-assistenza u l-appoġġ malli jkun hemm indikazzjoni bbażata fuq motivi raġonevoli għalfejn wieħed jemmen li hija setgħet ġiet traffikata u irrispettivament mill-volontà tagħha li tkun xhud. F’każijiet fejn il-vittma ma tirrisjedix legalment fl-Istat Membru kkonċernat, l-assistenza u l-appoġġ għandhom jingħataw mingħajr kondizzjonijiet mill-inqas matul il-perijodu ta' riflessjoni. Jekk, wara li jitlesta l-proċess ta' identifikazzjoni jew l-iskadenza tal-perijodu ta' riflessjoni, il-vittma ma tkunx ikkunsidrata eliġibbli għal permess ta' residenza jew inkella ma jkollhiex residenza legali f’dak l-Istat Membru, jew jekk il-vittma tkun telqet mit-territorju ta' dak l-Istat Membru, l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx obbligat li jkompli jipprovdi assistenza u appoġġ lil dik il-persuna fuq il-bażi ta' din id-Direttiva. Meta jkun meħtieġ, l-assistenza u l-appoġġ għandhom ikomplu jingħataw għal perijodu xieraq wara li l-proċedimenti kriminali jkunu ntemmew, pereżempju jekk hemm trattament mediku li għadu qed jingħata għall-kura tal-konsegwenzi fiżiċi jew psikoloġiċi tar-reat, jew jekk is-sigurtà tal-vittma qiegħda f’riskju minħabba l-istqarrijiet tal-vittma f’dawk il-proċedimenti kriminali.

(19)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI tal-15 ta' Marzu 2001 dwar id-drittijiet tal-vittmi fil-proċedimenti kriminali (13) tistabbilixxi sett ta' drittijiet tal-vittmi fi proċedimenti legali, inkluż id-dritt ta' protezzjoni u kumpens. Barra dan, il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għandhom jingħataw aċċess mingħajr dewmien għal konsulenza legali u, f’konformità mar-rwol tal-vittmi fis-sistemi ġudizzjarji rilevanti għal rappreżentanza legali, inkluż għall-fini ta' talba għall-kumpens. Din il-konsulenza u r-rappreżentanza legali tista’ tingħata wkoll mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintalab kumpens mill-Istat. L-għan tal-konsulenza legali hija biex tippermetti lill-vittmi biex ikunu infurmati u jieħdu parir dwar il-possibilitajiet diversi li huma miftuħa għalihom. Il-konsulenza legali għandha tingħata minn persuna li tkun ingħatat taħriġ legali xieraq mingħajr ma tkun neċessarjament avukat. Il-konsulenza legali u, f’konformità mar-rwol tal-vittmi fis-sistemi ġudizzjarji rilevanti, ir-rappreżentanza legali għandha tiġi mogħtija mingħajr ħlas, tal-inqas meta l-vittma ma jkollhiex biżżejjed riżorsi finanzjarji, b’mod konsistenti mal-proċeduri interni tal-Istati Membri. Peress li huwa improbabbli li b’mod partikolari l-vittmi tfal ikollhom tali riżorsi, il-konsulenza legali u r-rappreżentanza legali tkun fil-prattika mingħajr ħlas għalihom. Iktar minn hekk, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju individwali mwettqa f’konformità mal-proċeduri nazzjonali, il-vittmi għandhom jiġu protetti mir-ritaljazzjoni, mill-intimidazzjoni, u mir-riskju li jiġu traffikati mill-ġdid.

(20)

Il-vittmi tat-traffikar li diġà jkunu sofrew abbuż u trattament degradanti li t-traffikar normalment joħloq, bħalma huwa l-isfruttament sesswali, l-abbuż sesswali, l-istupru, il-prattika simili għall-iskjavitù jew it-tneħħija ta' organi, għandhom ikunu protetti mill-vittimizzazzjoni sekondarja u iktar trawma matul il-proċedimenti kriminali. Ir-ripetizzjoni mhux meħtieġa tal-interrogazzjonijiet matul l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess għandha tiġi evitata, pereżempju, fejn ikun xieraq, permezz tal-produzzjoni, malajr kemm jista’ jkun matul il-proċedimenti, ta' reġistrazzjonijiet awdjoviżivi ta' dawk l-interrogazzjonijiet. Għal dan il-għan il-vittmi tat-traffikar għandhom jirċievu trattament li jkun adatt għall-ħtiġijiet tagħhom matul l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwali tagħhom għandha tqis ċirkostanzi bħalma huma l-età tagħhom, jekk humiex tqal, is-saħħa tagħhom, diżabilità li jista’ jkollhom u ċirkostanzi personali oħra, kif ukoll il-konsegwenzi fiżiċi u psikoloġiċi tal-attività kriminali li għaliha ġiet sottoposta l-vittma. Jekk u kif it-trattament jiġi applikat għandu jiġi deċiż f’konformità mar-raġunijiet definiti mil-liġi nazzjonali, ir-regoli tad-diskrezzjoni ġudizzjarja, prattika u gwida, fuq bażi ta' każ b’każ.

(21)

Il-miżuri ta' assistenza u appoġġ għandhom jingħataw lill-vittmi fuq bażi kunsenswali u infurmata. Il-vittmi għandhom għalhekk jiġu infurmati dwar l-aspetti importanti ta' dawk il-miżuri u dawn m’għandhomx jiġu imposti fuq il-vittmi. Ir-rifjut minn vittma ta' miżuri ta' assistenza jew appoġġ m’għandux jinvolvi obbligi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi lill-vittma miżuri alternattivi.

(22)

Ma’ dawn il-miżuri disponibbli lill-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza, l-appoġġ u l-miżuri protettivi speċifiċi jkunu disponibbli għall-vittmi li huma tfal. Dawk il-miżuri għandhom jiġu provduti fl-aħjar interessi tat-tfal u f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989. Meta l-età tal-persuni suġġetti għat-traffikar ta' tkunx ċerta, u jkun hemm raġunijiet għaliex wieħed jemmen li hija anqas minn 18-il sena, dawk il-persuni għandhom jitqiesu bħala tfal u għandhom jirċievu assistenza, appoġġ u protezzjoni immedjati. Il-miżuri ta' assistenza u appoġġ għall-vittmi tfal għandhom jiffukaw fuq l-irkupru fiżiku u psikoloġiku u fuq soluzzjoni dejjiema għall-persuna inkwistjoni. L-aċċess għall-edukazzjoni jgħin lit-tfal jiġu integrati mill-ġdid fis-soċjetà. Peress li t-tfal vittmi tat-traffikar huma partikolarment vulnerabbli, għandu jkun hemm disponibbli miżuri protettivi addizzjonali sabiex jipproteġuhom matul l-intervisti li jiffurmaw parti mill-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali.

(23)

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-vittmi tfal mhux akkumpanjati tat-traffikar tal-bnedmin, peress li dawn jeħtieġu assistenza u appoġġ speċifiċi minħabba s-sitwazzjoni tagħhom ta' vulnerabilità partikolari. Mill-mument li tifel jew tifla vittma mhux akkumpanjata tat-traffikar tal-bnedmin tiġi identifikata u sakemm tinstab soluzzjoni dejjiema, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri ta' akkoljenza li jkunu xierqa għall-ħtiġijiet tat-tifel jew tifla u għandhom jiżguraw li s-salvagwardji proċedurali rilevanti japplikaw. Għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li, fejn ikun xieraq, jinħatar kustodju u/jew rappreżentant biex jissalvagwardja l-aħjar interessi tal-minorenni. Deċiżjoni dwar il-futur ta' kull tifel jew tifla vittma mhux akkumpanjata għandha tittieħed fl-iqsar perijodu ta' żmien possibbli bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet dejjiema bbażati fuq valutazzjoni individwali tal-aħjar interessi tat-tifel jew tifla, li għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja. Soluzzjoni dejjiema tista’ tkun ir-ritorn u l-integrazzjoni mill-ġdid fil-pajjiż tal-oriġini jew fil-pajjiż tar-ritorn, l-integrazzjoni fis-soċjetà ospitanti, l-għoti ta' status ta' protezzjoni internazzjonali jew l-għoti ta' status ieħor f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

(24)

Meta, f’konformità ma' din id-Direttiva, jkollhom jinħatru kustodju u/jew rappreżentant għat-tifel jew tifla, dawk ir-rwoli jistgħu jitwettqu mill-istess persuna jew minn persuna ġuridika, istituzzjoni jew awtorità.

(25)

L-Istati Membri għandhom jistabblixxu u/jew isaħħu l-linji politiċi biex jipprevjenu t-traffikar tal-bnedmin, inklużi miżuri biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu t-talba li twassal għal kull forma ta' sfruttament, u miżuri biex jitnaqqas ir-riskju ta' nies li jaqgħu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, permezz tar-riċerka, inkluża r-riċerka dwar forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin, it-tagħrif, it-tqajjim tal-kuxjenza u t-tagħlim. F’dawn l-inizjattivi, l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ta' perspettiva tas-sessi u tad-drittijiet tat-tfal. Uffiċjali li aktarx jiġu f’kuntatt mal-vittmi jew vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin għandhom jiġu imħarrġa adegwatament biex jidentifikaw u jittrattaw ma' tali vittmi. L-obbligu tat-taħriġ għandu jiġi promoss għall-membri tal-kategoriji li ġejjin meta aktarx li dawn jiġu f’kuntatt mal-vittmi: uffiċjali tal-pulizija, gwardjani tal-fruntieri, uffiċjali tal-immigrazzjoni, prosekuturi pubbliċi, avukati, membri tal-ġudikatura u uffiċjali tal-qorti, spetturi tax-xogħol, persunal tal-kura soċjali, tat-tfal u tas-saħħa u persunal konsulari, iżda jista’ wkoll, skont iċ-ċirkostanzi lokali, jinvolvi gruppi oħra ta' uffiċjali pubbliċi li aktarx jiltaqgħu ma' vittmi ta' traffikar fix-xogħol tagħhom.

(26)

Id-Direttiva 2009/52/KE tipprevedi sanzjonijiet għal min iħaddem ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż illegalment li, waqt li ma ġewx akkużati jew misjuba ħatja ta' traffikar tal-bnedmin, jużaw xogħol jew servizzi li ġejjin minn persuna u jafu li dik il-persuna hija vittma ta' dan it-traffikar. Barra minn dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu f’konsiderazzjoni l-possibbiltà li jimponu sanzjonijiet fuq l-utenti ta' kwalunkwe servizz li ġej minn vittma, meta jkunu jafu li l-persuna tkun ġiet ittraffikata. Din il-kriminalizzazzjoni ulterjuri tista’ tkopri l-imġiba ta' min iħaddem ċittadini ta' pajjizi terzi u ċittadini tal-Unjoni li jkunu fil-pajjiz legalment, kif ukoll ta' min jixtri servizzi sesswali minn kwalunkwe persuna ttraffikata, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha.

(27)

Is-sistemi ta' monitoraġġ nazzjonali bħalma huma r-Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri, bil-mod li bih jikkunsidraw xieraq skont l-organizzazzjoni interna tagħhom, u b’konsiderazzjoni għall-ħtieġa ta' struttura minima b’kompiti identifikati, sabiex twettaq valutazzjonijiet tax-xejriet fit-traffikar tal-bnedmin, tiġbor l-istatisika, tkejjel ir-riżultati tal-azzjonijiet ta' kontra t-traffikar, u tirrapporta b’mod regolari. Dawn ir-Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti diġà huma kostitwiti f’Netwerk informali tal-Unjoni stabbilit mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Netwerk informali tal-UE ta' Relaturi Nazzjonali jew Mekkaniżmi Ekwivalenti dwar it-Traffikar tal-Bnedmin tal-4 ta' Ġunju 2009. Fil-ħidma ta' dak in-Netwerk, li jipprovdi lill-Unjoni u lill-Istati Membri b’informazzjoni strateġika oġġettiva, kumparabbli u aġġornata fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin u jiskambja l-esperjenza u l-aħjar prattika fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fil-livell tal-Unjoni, jieħu sehem Koordinatur ta' Kontra t-Traffikar. Il-Parlament Ewropew għandu jkun intitolat jipparteċipa fl-attivitajiet konġunti tar-Relaturi Nazzjonali jew makkaniżmi ekwivalenti.

(28)

Biex jiġu vvalutati r-riżultati tal-azzjoni ta' kontra t-traffikar, l-Unjoni għandha tkompli tiżviluppa l-ħidma tagħha dwar il-metodoloġiji u l-metodi tal-ġbir tad-data biex tipproduċi statistika kumparabbli.

(29)

Fid-dawl tal-Programm ta' Stokkolma u bil-ħsieb li tiġi żviluppata strateġija konsolidata tal-Unjoni kontra t-traffikar fil-bnedmin bl-għan li jkomplu jissaħħu l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri u l-isforzi tagħhom biex jipprevjenu u jiġġieldu tali traffikar, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kompiti tal-Koordinatur ta' Kontra t-Traffikar, li jistgħu jinkludu pereżempju t-titjib tal-koordinament u tal-koerenza, l-evitar tal-isforzi doppji bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni kif ukoll bejn l-Istati Membri u l-parteċipanti internazzjonali, b’mod li jingħata kontribut għall-iżvilupp ta' linji politiċi u strateġiji eżistenti jew ġodda tal-Unjoni rilevanti għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin jew ir-rappurtar lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(30)

Din id-Direttiva għandha l-għan li temenda u tespandi d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI. Peress li l-emendi li jridu jsiru huma ta' numru u ta' natura sostanzjali, id-Deċiżjoni Qafas għandha, fl-interess taċ-ċarezza, tiġi sostitwita fl-intier tagħha fir-rigward tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva.

(31)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (14), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li, kemm jista’ jkun, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi.

(32)

Billi l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, ma jistax jinkiseb b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkiseb aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(33)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari d-dinjità umana, il-projbizzjoni tal-iskjavitù, ix-xogħol furzat u t-traffikar tal-bnedmin, il-projbizzjoni tat-tortura u t-trattament jew kastig inuman jew degradanti, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għal rimedu effettiv u għal proċess ġust u l-prinċipju tal-legalità u l-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni. B’mod partikolari, din id-Direttiva trid tfittex li tiggarantixxi rispett sħiħ għal dawk id-drittijiet u l-prinċipji u għandha tiġi implimentata kif meħtieġ.

(34)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tipparteċipa fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(35)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux qed jipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhux marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(36)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli minimi li jikkonċernaw id-definizzjoni ta' reati kriminali u s-sanzjonijiet fil-qasam tat-traffikar tal-bnedmin. Tintroduċi wkoll dispożizzjonijiet komuni, filwaqt li tqis il-perspettiva tas-sess, biex issaħħaħ il-prevenzjoni ta' dan ir-reat u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu.

Artikolu 2

Reati li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-atti bi ħsieb li ġejjin ikunu punibbli:

Ir-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta' persuni, inkluż l-iskambju jew it-trasferiment tal-kontroll fuq dawk il-persuni, permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' ġegħil, ta' ħtif, ta' frodi, ta' qerq, tal-abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabbiltà jew tal-għoti jew tar-riċeviment ta' ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament.

2.   Pożizzjoni ta' vulnerabbiltà tfisser sitwazzjoni li fiha l-persuna kkonċernata ma jkollhiex alternattiva reali u aċċettabbli ħlief li tissottometti għall-abbuż involut.

3.   L-isfruttament għandu jinkludi, bħala minimu, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inkluż l-elemosina, l-iskjavitù jew prattika simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta' organi.

4.   Il-kunsens ta' vittma tat-traffikar tal-persuni għall-isfruttament, maħsub jew reali, għandu jkun irrelevanti fejn xi wieħed mill-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew użati.

5.   Meta l-għemil imsemmi fil-paragrafu 1 jinvolvi t-tfal, għandu jkun reat ta' traffikar tal-bnedmin punibbli ukoll jekk ma jkunu ġew użati l-ebda mill-mezzi msemmija fil-paragrafu 1.

6.   Għall-għan ta' din id-Direttiva, “tfal” għandha tfisser kull persuna taħt it-18-il sena.

Artikolu 3

L-istigazzjoni, l-għajnuna u l-assistenza, u t-tentattiv

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-istigazzjoni, l-għajnuna u l-assistenza jew it-tentattiv sabiex jitwettaq reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikunu punibbli.

Artikolu 4

Pieni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikun punibbli b’piena massima ta' mhux inqas minn ħames snin priġunerija.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li r-reat imsemmi fl-Artikolu 2 ikun punibbli b’piena massima ta' mhux inqas minn għaxar snin priġunerija fejn dak ir-reat:

(a)

ikun twettaq kontra vittma li kienet partikolarment vulnerabbli, li fil-kuntest ta' din id-Direttiva, għandha tinkludi għall-inqas vittmi tfal;

(b)

ikun twettaq fil-qafas ta' organizzazzjoni kriminali fit-tifsira tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/841/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata (15);

(c)

ikun ikun deliberatament jew permezz ta' negligenza gravi poġġa l-ħajja tal-vittma f’periklu; jew

(d)

ikun twettaq bl-użu ta' vjolenza serja jew ikun ikkawża ħsara partikolarment serja lill-vittma.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-fatt li reat imsemmi fl-Artikolu 2 twettaq minn uffiċjali pubbliċi fit-twettiq ta' dmirijiethom jitqies bħala aggravant.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li reat imsemmi fl-Artikolu 3 jkun punibbli permezz ta' pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, li jistgħu jinvolvu l-konsenja.

Artikolu 5

Responsabbiltà ta' persuni ġuridiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli għar-reati msemmija fl-Artikolu 2 u 3 li jkun twettaq għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna, li taġixxi individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika, ibbażata fuq:

(a)

setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;

(b)

awtorità li tieħu deċiżjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; jew

(c)

awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli meta n-nuqqas ta' superviżjoni jew kontroll, minn persuna msemmija fil-paragrafu 1, tkun għamlet possibbli t-twettiq tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.

3.   Ir-responsabbiltà ta' persuna ġuridika skont il-paragrafi 1 u 2 m’għandhiex teskludi proċedimenti kriminali kontra persuni fiżiċi li huma awturi, instigaturi jew aċċessorji fir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

4.   Għall-għan ta' din id-Direttiva, “persuna ġuridika” għandha tfisser kwalunkwe entità li jkollha personalità ġuridika taħt il-liġi applikabbli, minbarra l-Istati jew korpi pubbliċi fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat u għall-organizzazzjonijiet internazzjonali pubbliċi.

Artikolu 6

Sanzjonijiet kontra persuni ġuridiċi

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuna ġuridika meqjusa responsabbli skont Artikolu 5(1) jew (2) tista’ tkun soġġetta għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, li għandhom jinkludu multi kriminali jew mhux kriminali u jistgħu jinkludu sanzjonijiet oħra, bħal:

(a)

l-esklużjoni mid-dritt għal benefiċċji pubbliċi jew għajnuna pubblika;

(b)

l-iskwalifika temporanja jew permanenti mill-prattika ta' attivitajiet kummerċjali;

(c)

it-tqegħid taħt is-sorveljanza tal-qorti;

(d)

l-istralċ ġudizzjarju;

(e)

l-għeluq temporanju jew permanenti ta' stabbilimenti li ntużaw biex isir ir-reat.

Artikolu 7

Qbid u konfiska

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu intitolati li jaqbdu u jikkonfiskaw l-istrumenti u r-rikavat mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 8

Non-prosekuzzjoni u non-applikazzjoni tal-pieni għall-vittmi

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-prinċipji bażiċi tas-sistemi legali tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu intitolati li ma jipproċedux kontra l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li ma jimponux pieni fuqhom għall-involviment tagħhom f’attivitajiet kriminali li ġew sfurzati jwettqu bħala konsegwenza diretta tal-fatt li jkunu suġġetti għal xi wieħed mill-atti msemmija fl-Artikolu 2.

Artikolu 9

Investigazzjoni u prosekuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 ma jkunux dipendenti fuq ir-rapport jew l-akkuża magħmula mill-vittma u li l-proċedimenti kriminali jistgħu jkomplu wkoll jekk il-vittma tkun irtirat l-istqarrija tagħha.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jippermettu, meta n-natura tal-każ hekk titlob, il-prosekuzzjoni ta' reat imsemmi fl-Artikoli 2 u 3 għal perijodu ta' żmien suffiċjenti wara li l-vittma tkun laħqet l-età maġġuri.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 jkunu mħarrġa kif meħtieġ.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li għodod investigattivi effettivi, bħal dawk li jintużaw f’każijiet ta' kriminalità organizzata jew każijiet oħra ta' reati gravi jkunu disponibbli lill-persuni, unitajiet jew servizzi responsabbli għall-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 10

Ġuriżdizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tagħhom fuq ir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 fejn:

(a)

ir-reat ikun twettaq totalment jew parzjalment fit-territorju tagħhom; jew

(b)

min iwettaq ir-reat ikun ċittadin tagħhom.

2.   Stat Membru għandhu jinfurma lill-Kummissjoni meta jiddeċiedi li jestendi l-ġuriżdizzjoni għal reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 mwettaq barra mit-territorju tiegħu, inter alia fejn:

(a)

ir-reat jitwettaq kontra ċittadin tiegħu jew persuna li tkun residenta abitwali fit-territorju tiegħu;

(b)

ir-reat jitwettaq għall-benefiċċju ta' persuna ġuridika stabbilita fit-territorju tiegħu; jew

(c)

min iwettaq ir-reat ikun resident abitwali fit-territorju tiegħu.

3.   Għall-prosekuzzjoni tar-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 mwettaq barra mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, kull Stat Membru għandu, f’dawk il-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1, u jista’, f’dawk il-każijiet imsemmija fil-paragrafu 2, jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-ġuriżdizzjoni tiegħu ma tkun suġġetta għal ebda waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-atti jkunu reat kriminali fil-post fejn twettqu; jew

(b)

il-prosekuzzjoni tkun tista’ tibda biss wara rapport magħmul mill-vittma fil-post ta' fejn twettaq ir-reat, jew denunzja mill-Istat tal-post fejn twettaq ir-reat.

Artikolu 11

Assistenza u appoġġ għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li tkun ipprovduta għajnuna lill-vittmi qabel, waqt u għal perijodu xieraq ta' żmien wara l-konklużjoni tal-proċedimenti kriminali sabiex tippermettilhom jeżerċaw id-drittijiet stipulati fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI, u f’din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li persuna tiġi provduta bl-assistenza u l-appoġġ malli l-awtoritajiet kompetenti jkollhom indikazzjoni bbażata fuq motivi raġonevoli għalfejn jemmnu li l-persuna tista’ tkun ġiet suġġetta għal kwalunkwe wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-assistenza u l-appoġġ għal vittma ma jkunux kondizzjonali fuq il-volontà tal-vittma li tikkoopera fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-proċess kriminali, mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/81/KE jew regoli nazzjonali simili.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa bil-għan li l-vittmi jkunu identifikati malajr u appoġġjati, b’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ rilevanti.

5.   Il-miżuri ta' assistenza u appoġġ imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu provduti fuq bażi konsenswali u infurmata, u għandhom jinkludu ta' mill-inqas livelli ta' ħajja li jistgħu jiggarantixxu l-għajxien tal-vittmi permezz ta' miżuri bħalma huma l-forniment ta' akkomodazzjoni xierqa u sikura u assistenza materjali, kif ukoll kura medika meħtieġa inkluża assistenza psikoloġika, konsulenza u informazzjoni, u servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni fejn ikun xieraq.

6.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 għandha tkopri, fejn ikun rilevanti, informazzjoni dwar perijodu ta' riflessjoni u rkupru skont id-Direttiva 2004/81/KE, u informazzjoni dwar il-possibbiltà li tingħata protezzjoni internazzjonali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta' April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (16) u d-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta' refuġjat (17) jew skont strumenti internazzjonali oħra jew regoli nazzjonali simili oħrajn.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu ħsieb il-vittmi li jkollhom bżonnijiet speċjali, meta dawk il-bżonnijiet ikunu ġejjin, b’mod partikolari, minn jekk humiex tqal, l-istat ta' saħħa tagħhom, diżabilità, mard mentali jew psikoloġiku li jkollhom, jew forma serja ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali li jkunu sofrew.

Artikolu 12

Protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin fl-investigazzjoni u fil-proċedimenti kriminali

1.   Il-miżuri ta' protezzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw b’żieda mad-drittijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikollhom aċċess mingħajr dewmien għal konsulenza legali u, skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistema ġudizzjarja rilevanti għal rappreżentanza legali, inkluż għall-fini ta' talba għall-kumpens. Ir-rappreżentanza u l-konsulenza legali għandhom ikunu mingħajr ħlas meta l-vittma ma jkollhiex riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jirċievu protezzjoni xierqa fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju individwali, fost l-oħrajn billi jkollhom aċċess għall-programmi ta' protezzjoni tax-xhieda jew miżuri simili, fejn xieraq u skont ir-raġunijiet definiti mil-liġi jew proċeduri nazzjonali.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, u skont il-valutazzjoni individwali mill-awtoritajiet kompetenti taċ-ċirkostanzi individwali tal-vittma, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jirċievu trattament speċifiku mmirat biex tiġi prevenuta l-vittimizzazzjoni billi jiġu evitati, sa fejn ikun possibbli u skont ir-raġunijiet definiti mil-liġi nazzjonali kif ukoll mar-regoli tad-diskrezzjoni, il-prattika jew il-gwida ġudizzjarja, dawn li ġejjin:

(a)

ripetizzjoni mhux meħtieġa ta' intervisti waqt l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-proċess;

(b)

il-kuntatt viżiv bejn il-vittmi u l-imputati inkluż matul l-għoti tax-xhieda bħal fil-każi ta' interroġazzjoni u kontroeżami, b’modi xierqa inkluż l-użu ta' faċilitajiet awdjoviżivi xierqa;

(c)

l-għoti ta' xhieda fil-qorti bil-miftuħ; u

(d)

mistoqsijiet mhux meħtieġa dwar il-ħajja privata.

Artikolu 13

Dispożizzjoni ġenerali dwar il-miżuri ta' assistenza, ta' appoġġ u ta' protezzjoni għall-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin

1.   Il-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin għandhom jingħataw assistenza, appoġġ u protezzjoni. Fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom jingħataw konsiderazzjoni primarja.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-età tal-persuni suġġetti għat-traffikar tal-bnedmin ma tkunx ċerta u jkun hemm raġunijiet għalfejn wieħed għandu jemmen li l-persuni jkunu tfal, għandu jkun preżunt li huma jkunu tfal u jirċievu aċċess immedjat għall-protezzjoni u l-assistenza b’konformità ma' dan l-Artikolu skont l-Artikoli 14 u 15.

Artikolu 14

Assistenza u appoġġ għall-vittmi tfal

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li jittieħdu l-azzjonijiet speċifiċi biex jassistu u jappoġġjaw lill-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin, fit-terminu qasir u għat-tul, fil-fejqan fiżiku u psikosoċjali tagħhom wara li tkun saret valutazzjoni individwali taċ-ċirkostanzi speċjali ta' kull vittma tifel jew tifla partikolari, u jitqiesu l-fehmiet, il-ħtiġijiet u l-interessi tat-tfal bil-għan li tinstab soluzzjoni fit-tul għat-tfal. Fi żmien raġonevoli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni għall-vittmi tfal u għat-tfal tal-vittmi li jingħataw assistenza u appoġġ skont l-Artikolu 11, skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jaħtru kustodju jew rappreżentant legali għat-tfal vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mill-mument meta t-tifel jew tifla jiġu identifikati mill-awtoritajiet fejn, skont il-liġi nazzjonali, id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu, b’konsegwenza ta' kunflitt ta' interess bejnhom u t-tfal vittmi, preklużi milli jiżguraw l-aħjar interess tat-tfal u/jew milli jirrappreżentaw lit-tfal.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri, meta jkun xieraq u possibbli, biex jipprovdu assistenza u appoġġ lill-familja tal-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin meta l-familja tkun fit-territorju tal-Istat Membru. B’mod partikolari, kull Stat Membru għandu, fejn xieraq u possibbli, japplika l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2001/220/ĠAI għall-familja.

4.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11.

Artikolu 15

Protezzjoni tal-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti kriminali

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li f’investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali, skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistema ġudizzjarja rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti jaħtru rappreżentant għal vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin fejn, skont il-liġi nazzjonali, id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkunu preklużi milli jirrappreżentaw lit-tfal minħabba kunflitt ta' interess bejnhom u l-vittmi tfal.

2.   L-Istati Membri għandhom, skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistema ġudizzjarja rilevanti, jiżguraw li l-vittmi tfal ikollhom aċċess mingħajr dewmien għal konsulenza legali mingħajr ħlas u għal rappreżentanza legali mingħajr ħlas, inkluż għall-fini ta' talba għall-kumpens, ħlief jekk ikollhom riżorsi finanzjarji suffiċjenti.

3.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tad-difiża, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li fil-proċedimenti u l-investigazzjonijiet kriminali fir-rigward ta' kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 u 3:

(a)

l-intervisti mal-vittmi tfal isiru mingħajr dewmien mhux ġustifikat wara li l-fatti jkunu ġew irrappurtati lill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

l-intervisti mal-vittmi tfal isiru, fejn meħtieġ, f’post imfassal jew adattat għal dak il-għan;

(c)

l-intervisti mal-vittmi tfal jitwettqu, fejn meħtieġ, minn jew permezz ta' professjonisti mħarrġa għal dak il-għan;

(d)

l-istess persuni, jekk possibbli u fejn xieraq, imexxu l-intervisti kollha mal-vittmi tfal;

(e)

l-għadd ta' intervisti jkun limitat kemm jista’ jkun u l-intervisti jsiru biss fejn strettament meħtieġ għall-għanijiet ta' investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali;

(f)

it-tfal vittmi jistgħu jkunu akkumpanjati mir-rappreżentant legali tagħhom jew, fejn xieraq, adult tal-għażla tat-tifel jew tifla, ħlief jekk tkun ittieħdet deċiżjoni motivata li tmur kontra dan fir-rigward ta' dik il-persuna.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li f’investigazzjonijiet kriminali ta' kwalunkwe mir-reati msemmija fl-Artikoli 2 u 3 tkun tista’ ssir reġistrazzjoni awdjoviżiva tal-intervisti kollha mal-vittmi tfal jew, fejn xieraq, ma' xhieda tfal, u li dawn ir-reġistrazzjonijiet awdjoviżivi jistgħu jkunu użati bħala evidenza fil-proċedimenti tal-qorti kriminali, skont ir-regoli tal-liġi nazzjonali tagħhom.

5.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li fil-proċedimenti tal-qorti kriminali marbuta ma' kwalunkwe reat imsemmi fl-Artikoli 2 u 3, ikun jista’ jiġi ordnat li:

(a)

is-seduta ssir mingħajr il-preżenza tal-pubbliku; u

(b)

il-vittmi tfal jagħtu xhieda mingħajr ma jkunu preżenti fl-awla tal-qorti, b’mod partikolari bl-użu ta' teknoloġiji ta' komunikazzjoni xierqa.

6.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12.

Artikolu 16

Assistenza, appoġġ u protezzjoni għall-vittmi tfal mhux akkumpanjati tat-traffikar tal-bnedmin

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-azzjonijiet speċifiċi biex jassistu u jappoġġaw lill-vittmi tfal tat-traffikar tal-bnedmin, kif imsemmija fl-Artikolu 14(1), iqisu kif jixraq iċ-ċirkostanzi personali u speċjali tal-vittmi tfal mhux akkumpanjati.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-ħsieb li jsibu soluzzjoni dejjiema bbażata fuq valutazzjoni individwali tal-aħjar interessi tat-tfal.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikun xieraq, jinħatar kustodju għal vittmi tfal mhux akkumpanjati tat-traffikar tal-bnedmin.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li, fl-investigazzjonijiet u fil-proċedimenti kriminali, skont ir-rwol tal-vittmi fis-sistema ġudizzjarja rilevanti, l-awtoritajiet kompetenti jaħtru rappreżentant fejn it-tifel jew tifla ma jkunux akkumpanjati jew ikunu separati mill-familja tagħhom.

5.   Dan l-Artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14 u 15.

Artikolu 17

Kumpens lill-vittmi

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikollhom aċċess għal skemi eżistenti ta' kumpens għall-vittmi ta' reati vjolenti bi ħsieb.

Artikolu 18

Prevenzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa, bħall-edukazzjoni u t-taħriġ, biex jiskoraġġixxu u jnaqqsu d-domanda li tħeġġeġ il-forom kollha ta' sfruttament relatat mat-traffikar tal-bnedmin.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa, inkluż permezz tal-Internet, bħalma huma kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni, programmi ta' riċerka u edukazzjoni, fejn xieraq f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħrajn, immirati biex iqajmu kuxjenza u jnaqqsu r-riskju ta' nies, speċjalment tfal, li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin.

3.   L-Istati Membri għandhom jippromwovu taħriġ regolari għall-uffiċjali li għandhom il-probabbiltà li jiġu f’kuntatt ma' vittmi u vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi uffiċjali tal-pulizija li qegħdin fuq quddiem, immirat biex jippermettilhom jidentifikaw u jittrattaw vittmi u vittmi potenzjali tal-ittraffikar tal-bnedmin.

4.   Sabiex il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin isiru aktar effikaċi billi tiġi skoraġġita d-domanda, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jieħdu l-miżuri biex jistabbilixxu bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma l-oġġett ta' sfruttament kif imsemmi fl-Artikolu 2, bl-għarfien li l-persuna hija vittma ta' reat imsemmi fl-Artikolu 2.

Artikolu 19

Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu Relaturi Nazzjonali jew mekkaniżmi oħra ekwivalenti. Il-kompiti ta' tali mekkaniżmi għandhom jinkludu t-twettiq ta' valutazzjonijiet dwar it-tendenzi tat-traffikar tal-bnedmin, it-tkejjil tar-riżultati tal-azzjonijiet ta' kontra t-traffikar, inkluż il-ġbir tal-istatistika b’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili attivi f’dan il-qasam, u r-rappurtaġġ.

Artikolu 20

Koordinament tal-istrateġija tal-Unjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin

Sabiex jingħata kontribut għal strateġija koordinata u konsolidata tal-Unjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kompiti ta' Koordinatur ta' Kontra t-Traffikar (ATC). B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-ATC l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19, li fuq il-bażi tagħha l-ATC għandu jikkontribwixxi għal rapportar imwettaq mill-Kummissjoni kull sentejn dwar il-progress li jkun sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.

Artikolu 21

Sostituzzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija b’dan sostitwita fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali.

Fir-rigward tal-Istati Membri li qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Deċiżjoni Qafas 2002/629/ĠAI għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 22

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sas-6 ta' April 2013.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom b’din id-Direttiva.

3.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir referenza bħal din għandhom jiġu stipulati mill-Istati Membri.

Artikolu 23

Rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha, sas-6 ta' April 2015, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta kemm l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva, u jinkludi deskrizzjoni tal-azzjoni meħuda skont l-Artikolu 18(4), akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġislattivi.

2.   Il-Kummissjoni għandha, sas-6 ta' April 2016, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fejn tivvaluta l-impatt tal-liġi nazzjonali eżistenti, li tistabbilixxi bħala reat kriminali l-użu ta' servizzi li huma l-oġġett tal-isfruttament tat-traffikar tal-bnedmin, fuq il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti adegwati.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, il-5 ta’ April 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  Opinjoni tal-21 ta' Ottubru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2011.

(3)  ĠU L 203, 1.8.2002, p. 1.

(4)  ĠU C 311, 9.12.2005, p. 1.

(5)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 328, 15.12.2009, p. 42.

(7)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

(8)  ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.

(9)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(10)  ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1.

(11)  ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49.

(12)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(13)  ĠU L 82, 22.3.2001, p. 1.

(14)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(15)  ĠU L 300, 11.11.2008, p. 42.

(16)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.

(17)  ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13.


Top