Brussell, 23.2.2022

COM(2022) 71 final

2022/0051(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2022) 95 final} - {SWD(2022) 38 final} - {SWD(2022) 39 final} - {SWD(2022) 42 final} - {SWD(2022) 43 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-imġiba tal-kumpaniji fis-setturi kollha tal-ekonomija hija kruċjali sabiex tirnexxi t-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima u ekoloġika 1 f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 2 u fit-twettiq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, inklużi l-objettivi ta’ dawn tal-aħħar marbuta mad-drittijiet tal-bniedem u mal-ambjent. Dan jeħtieġ l-implimentazzjoni ta’ proċessi ta’ mitigazzjoni komprensivi kontra impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali fil-ktajjen tal-valur tagħhom, l-integrazzjoni tas-sostenibbiltà fis-sistemi ta’ governanza korporattiva u ta’ ġestjoni, u t-tfassil ta’ deċiżjonijiet kummerċjali f’termini tad-drittijiet tal-bniedem, l-impatt klimatiku u ambjentali, kif ukoll f’termini tar-reżiljenza tal-kumpanija fit-tul.

Il-kumpaniji tal-UE joperaw f’ambjenti kumplessi u, speċjalment dawk kbar, jiddependu fuq il-ktajjen tal-valur mondjali. Minħabba l-għadd sinifikanti tal-fornituri tagħhom fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi u l-kumplessità ġenerali tal-ktajjen tal-valur, il-kumpaniji tal-UE, inklużi dawk kbar, jistgħu jiltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jidentifikaw u jtaffu r-riskji fil-ktajjen tal-valur tagħhom marbuta mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem jew mal-impatti ambjentali. L-identifikazzjoni ta’ dawn l-impatti negattivi fil-ktajjen tal-valur se ssir aktar faċli jekk aktar kumpaniji jeżerċitaw diliġenza dovuta u għalhekk aktar data tkun disponibbli dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali.

Il-konnessjoni tal-ekonomija tal-UE ma’ miljuni ta’ ħaddiema madwar id-dinja permezz ta’ ktajjen ta’ valur globali ġġib magħha responsabbiltà sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi fuq id-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema. Talba ċara miċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, sabiex l-ekonomija tal-UE tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati dawn l-impatti negattivi u oħrajn hija riflessa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti jew li ġejja dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali 3 , fid-dibattiti li għaddejjin fil-livell nazzjonali u fis-sejħa għal azzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Dawn iż-żewġ istituzzjonijiet talbu lill-Kummissjoni tipproponi regoli tal-Unjoni għal obbligu ta’ diliġenza dovuta korporattiva transsettorjali 4 . Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom dwar il-Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2022 5 , il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea impenjaw ruħhom li jwettqu ekonomija għas-servizz tan-nies, inkluż li jtejbu l-qafas regolatorju dwar il-governanza korporattiva sostenibbli.

Bl-użu tal-istandards volontarji internazzjonali eżistenti dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju, 6 għadd dejjem akbar ta’ kumpaniji tal-UE qed jużaw id-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur bħala għodda sabiex jidentifikaw ir-riskji fil-katina tal-valur tagħhom u jibnu reżiljenza għal bidliet f’daqqa fil-ktajjen tal-valur, iżda l-kumpaniji jistgħu jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet meta jikkunsidraw li jużaw id-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur għall-attivitajiet tagħhom. Tali diffikultajiet jistgħu jkunu pereżempju minħabba nuqqas ta’ ċarezza legali rigward l-obbligi ta’ diliġenza dovuta korporattiva, il-kumplessità tal-ktajjen tal-valur, il-pressjoni tas-suq, in-nuqqasijiet fl-informazzjoni, u l-kostijiet. B’konsegwenza ta’ hekk, il-benefiċċji tad-diliġenza dovuta ma humiex mifruxa fost il-kumpaniji Ewropej u fost is-setturi ekonomiċi.

Il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji l-kbar qed jużaw dejjem aktar proċessi ta’ diliġenza dovuta peress li jistgħu jipprovdulhom vantaġġ kompetittiv 7 . Dan iwieġeb ukoll għall-pressjoni dejjem akbar tas-suq fuq il-kumpaniji sabiex jaġixxu b’mod sostenibbli peress li dan jgħinhom jevitaw riskji għar-reputazzjoni mhux mixtieqa fil-konfront tal-konsumaturi u l-investituri li qed isiru dejjem aktar konxji mill-aspetti tas-sostenibbiltà. Madankollu, dawn il-proċessi huma bbażati fuq standards volontarji u ma jirriżultawx f’ċertezza legali la għall-kumpaniji u lanqas għall-vittmi f’każ li sseħħ ħsara. 

L-azzjoni volontarja ma tidhirx li rriżultat f’titjib fuq skala kbira fis-setturi u, b’konsegwenza ta’ dan, qed jiġu osservati esternalitajiet negattivi mill-produzzjoni u l-konsum tal-UE kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni. Ċerti kumpaniji tal-UE ġew assoċjati ma’ impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, inkluż fil-ktajjen tal-valur tagħhom 8 . L-impatti negattivi jinkludu, b’mod partikolari, kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħal xogħol furzat, tħaddim tat-tfal, saħħa u sikurezza inadegwati fuq il-post tax-xogħol, sfruttament tal-ħaddiema, u impatti ambjentali bħall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, tniġġis, jew telf ta’ bijodiversità u degradazzjoni tal-ekosistema.

F’dawn l-aħħar snin, l-oqfsa legali emerġenti dwar id-diliġenza dovuta korporattiva fl-Istati Membri 9 jirriflettu x-xewqa dejjem akbar li jappoġġaw lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom sabiex iwettqu diliġenza dovuta fil-ktajjen tal-valur tagħhom u jrawmu mġiba kummerċjali li tirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal u l-ambjent. Min-naħa l-oħra, dawn iġibu wkoll frammentazzjoni u joħolqu riskju li jiġu mminati ċ-ċertezza legali u l-kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fis-suq uniku.

Leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva tavvanza r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien tal-ambjent, toħloq kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji fl-Unjoni u tevita l-frammentazzjoni li tirriżulta jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom. Dan jinkludi wkoll kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li joperaw fis-suq tal-Unjoni, abbażi ta’ kriterju simili tal-fatturat.

F’dan l-isfond, din id-Direttiva se tistabbilixxi qafas orizzontali biex trawwem il-kontribut tan-negozji li joperaw fis-suq uniku għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fl-operazzjonijiet tagħhom stess u permezz tal-ktajjen tal-valur tagħhom, billi jidentifikaw, jipprevjenu, inaqqsu u jkunu responsabbli għall-impatti negattivi tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, u billi jkollhom governanza, sistemi ta’ ġestjoni u miżuri adegwati fis-seħħ għal dan il-għan.

B’mod partikolari, din id-Direttiva:

(1)se ttejjeb il-prattiki ta’ governanza korporattiva sabiex tintegra aħjar il-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ mitigazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u r-riskji u l-impatti ambjentali, inklużi dawk li jirriżultaw mill-ktajjen tal-valur, fi strateġiji korporattivi;

(2)se tevita l-frammentazzjoni tar-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta fis-suq uniku u se toħloq ċertezza legali għan-negozji u għall-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-imġiba u r-responsabbiltà mistennija;

(3)se żżid ir-responsabbiltà korporattiva għall-impatti negattivi, u se tiżgura koerenza għall-kumpaniji fir-rigward tal-obbligi skont l-inizjattivi eżistenti u proposti tal-UE dwar imġiba responsabbli fin-negozju;

(4)se ttejjeb l-aċċess għal rimedji għal dawk affettwati mill-impatti negattivi tal-imġiba korporattiva fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent;

(5)billi hija strument orizzontali li jiffoka fuq il-proċessi tan-negozju, li japplika wkoll għall-katina tal-valur, din id-Direttiva se tikkomplementa miżuri oħra fis-seħħ jew proposti, li jindirizzaw direttament xi sfidi speċifiċi ta’ sostenibbiltà jew li japplikaw f’xi setturi speċifiċi, l-aktar fl-Unjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Fil-livell tal-UE, il-governanza korporattiva sostenibbli ġiet imrawma prinċipalment indirettament billi ġew imposti rekwiżiti ta’ rapportar fid- Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (NFRD ) 10  fuq madwar 12 000 kumpanija 11 dwar riskji, impatti, miżuri (inkluża d-diliġenza dovuta) u politiki marbuta mad-drittijiet ambjentali, soċjali u mad-drittijiet tal-bniedem 12 . L-NFRD kellha xi impatt pożittiv fuq it-titjib tal-operar responsabbli fin-negozju, iżda ma wasslitx biex il-maġġoranza tal-kumpaniji jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-impatti negattivi tagħhom fil-ktajjen tal-valur tagħhom 13 .

Il-proposta riċenti tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar ir-Rapportar tas-Sostenibbiltà Korporattiva (CSRD), li tirrevedi l-NFRD 14 , għandha testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kumpaniji koperti għall-kumpaniji kbar kollha u għal dawk elenkati kollha 15 , teħtieġ l-awditjar (assigurazzjoni) tal-informazzjoni rrapportata u ssaħħaħ l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni rrapportata billi tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tadotta standards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà 16 . Din id-Direttiva se tikkomplementa l-NFRD attwali u l-emendi proposti tagħha (proposta għal CSRD) billi żżid dmir korporattiv sostantiv għal xi kumpaniji sabiex iwettqu diliġenza dovuta biex jidentifikaw, jipprevjenu, inaqqsu u jkunu responsabbli għall-ħsara esterna li tirriżulta minn impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali fl-operazzjonijiet proprji tal-kumpanija, tas-sussidjarji tagħha u fil-katina tal-valur. Aspett tal-proposta dwar is-CSRD li huwa ta’ rilevanza partikolari hu li din tawtorizza d-divulgazzjoni ta’ pjanijiet ta’ impenn sabiex jiġi żgurat li l-mudell u l-istrateġija kummerċjali tagħha jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Iż-żewġ inizjattivi huma interrelatati mill-qrib u se jwasslu għal sinerġiji. L-ewwel nett, ġabra xierqa ta’ informazzjoni għal finijiet ta’ rapportar skont is-CSRD proposta teħtieġ l-istabbiliment ta’ proċessi, li huma relatati mill-qrib mal-identifikazzjoni ta’ impatti negattivi f’konformità mad-dmir ta’ diliġenza dovuta stabbilit minn din id-Direttiva. It-tieni nett, is-CSRD se tkopri l-aħħar pass tad-dmir tad-diliġenza dovuta, jiġifieri l-istadju tar-rapportar, għall-kumpaniji li huma koperti wkoll mis-CSRD. It-tielet nett, din id-Direttiva se tistabbilixxi obbligi għall-kumpaniji sabiex ikollhom fis-seħħ il-pjan li jiżgura li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi li is-CSRD teħtieġ rapportar dwaru. Għalhekk, din id-Direttiva se twassal sabiex ir-rapportar tal-kumpaniji jkun aktar komplut u effettiv. Għalhekk, il-komplementarjetà se żżid l-effettività taż-żewġ miżuri u se tixpruna t-tibdil fl-imġiba korporattiva għal dawk il-kumpaniji.

Din id-Direttiva se tirfed ukoll ir- Regolament dwar id-Divulgazzjoni Sostenibbli tal-Finanzi 17 (SFDR) li daħal fis-seħħ reċentement u li japplika għall-parteċipanti fis-suq finanzjarju (bħall-maniġers tal-fondi ta’ investiment u tal-portafoll, l-impriżi tal-assigurazzjoni li jbigħu prodotti u impriżi ta’ investiment ibbażati fuq l-assigurazzjoni li jipprovdu diversi prodotti tal-pensjoni) u l-konsulenti finanzjarji. Skont l-SFDR, dawn l-impriżi meħtieġa jippubblikaw, fost l-oħrajn, dikjarazzjoni dwar il-politiki tagħhom ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-impatti negattivi prinċipali tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tagħhom fuq il-fatturi ta’ sostenibbiltà fuq bażi ta’ konformità jew spjegazzjoni. Fl-istess ħin, għall-kumpaniji b’aktar minn 500 impjegat, il-pubblikazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni hija obbligatorja, u l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta standards tekniċi regolatorji dwar l-indikaturi tas-sostenibbiltà fir-rigward tad-diversi tipi ta’ impatti negattivi 18 .

Bl-istess mod, din id-Direttiva se tikkomplementa r- Regolament riċenti dwar it-Tassonomija 19 , għodda ta’ trasparenza li tiffaċilita d-deċiżjonijiet dwar l-investiment u tgħin sabiex jiġi indirizzat il-greenwashing billi tipprovdi kategorizzazzjoni ta’ investimenti ambjentalment sostenibbli f’attivitajiet ekonomiċi li jissodisfaw ukoll salvagwardja soċjali minima 20 . Ir-rapportar ikopri wkoll is-salvagwardji minimi stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament dwar it-Tassonomija li jirreferu għall-proċeduri li l-kumpaniji jenħtieġ li jimplimentaw sabiex jiżguraw l-allinjament mal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi l-prinċipji u d-drittijiet stabbiliti fit-tmien konvenzjonijiet fundamentali identifikati fid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem meta titwettaq attività ekonomika kkategorizzata bħala “sostenibbli”. Bħall-NFRD u l-proposta għas-CSRD, ir-Regolament dwar it-Tassonomija ma jimponix obbligi sostantivi fuq kumpaniji għajr ir-rekwiżiti ta’ rapportar pubbliku, u l-investituri jistgħu jużaw tali informazzjoni meta jallokaw il-kapital lill-kumpaniji. Billi tirrikjedi li l-kumpaniji jidentifikaw ir-riskji negattivi tagħhom fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-valur kollha tagħhom, din id-Direttiva tista’ tgħin fl-għoti ta’ informazzjoni aktar dettaljata lill-investituri. Għalhekk, din tikkomplementa r-Regolament dwar it-Tassonomija peress li għandha l-potenzjal li tkompli tgħin lill-investituri jallokaw il-kapital lil kumpaniji responsabbli u sostenibbli. Barra minn hekk, ir-Regolament dwar it-Tassonomija (billi jipprovdi lingwa komuni għal attivitajiet ekonomiċi sostenibbli għall-finijiet ta’ investiment) jista’ jservi bħala għodda ta’ gwida għall-kumpaniji sabiex jattiraw finanzjament sostenibbli għall-pjanijiet ta’ azzjoni u l-pjanijiet direzzjonali korrettivi tagħhom.

Din id-Direttiva se tikkomplementa d- Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu 21 , li tikkostitwixxi qafas legali komprensiv sabiex jiġu miġġielda b’mod effettiv il-forom kollha ta’ sfruttament fl-Unjoni minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, b’mod partikolari ix-xogħol furzat, l-isfruttament sesswali, kif ukoll it-tallaba, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitudni, jew l-isfruttament ta’ attivitajiet kriminali, jew it-tneħħija tal-organi. Hija tistabbilixxi wkoll ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi għar-reati msemmija f’dik id-Direttiva mwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li jkollha pożizzjoni ewlenija fi ħdan il-persuna ġuridika jew jekk it-twettiq tar-reat kienet possibbli minħabba n-nuqqas ta’ superviżjoni jew kontroll. Id-Direttiva 2011/36/UE tipprevedi wkoll sanzjonijiet kontra l-persuna ġuridika miżmuma responsabbli.

Barra minn hekk, din id-Direttiva se tikkomplementa d-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem 22 , li tipprojbixxi l-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż b’mod irregolari, inklużi l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin. Id-Direttiva dwar is-Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem tistabbilixxi standards minimi dwar sanzjonijiet u miżuri oħra li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri kontra impjegaturi li jiksru d-Direttiva.

Din id-Direttiva se tikkomplementa wkoll l-istrumenti eżistenti jew ippjanati ta’ diliġenza dovuta settorjali u tal-katina tal-valur relatati mal-prodott fil-livell tal-UE minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni transsettorjali tagħha u l-firxa wiesgħa tal-impatti fuq is-sostenibbiltà koperti:

L-hekk imsejjaħ Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt 23 japplika għal erba’ minerali u metalli speċifiċi. Dan jeħtieġ li l-kumpaniji tal-UE fil-katina tal-provvista jiżguraw li jimportaw il-landa, it-tungstenu, it-tantalju u d-deheb minn sorsi responsabbli u ħielsa mill-kunflitti biss u jistabbilixxu mekkaniżmi aktar speċifiċi għat-twettiq tad-diliġenza dovuta, eż. awditu indipendenti minn terzi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. Id-dispożizzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta ta’ din id-Direttiva jindirizzaw ukoll l-impatti negattivi ambjentali u se japplikaw għal ktajjen ta’ valur ta’ minerali addizzjonali li ma humiex koperti fir-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt iżda li jipproduċu impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, fuq il-klima u fuq l-ambjent.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-ktajjen tal-provvista mingħajr deforestazzjoni 24 tiffoka fuq ċerti ktajjen tal-provvista tal-komoditajiet u tal-prodotti. Għandha objettiv speċifiku ħafna, jiġifieri li tnaqqas l-impatt tal-konsum u tal-produzzjoni tal-UE fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti madwar id-dinja. Ir-rekwiżiti tagħha, f’xi oqsma, se jkunu aktar preskrittivi meta mqabbla mad-dmirijiet ġenerali ta’ diliġenza dovuta skont din id-Direttiva. Din tinkludi wkoll il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ ċerti komoditajiet u prodotti derivati jekk ir-rekwiżit ta’ “legali” u “ħielsa mid-deforestazzjoni” ma jkunx jista’ jiġi aċċertat permezz tad-diliġenza dovuta. Din il-projbizzjoni se tapplika għall-operaturi kollha li jqiegħdu l-prodotti rilevanti fis-suq tal-Unjoni, inklużi l-kumpaniji tal-UE u dawk mhux tal-UE, irrispettivament mill-forma ġuridika u d-daqs tagħhom. Għalhekk, filwaqt li l-objettivi ġenerali taż-żewġ inizjattivi huma ta’ appoġġ reċiproku, l-objettivi speċifiċi tagħhom huma differenti. Din id-Direttiva se tikkomplementa r-Regolament dwar prodotti ħielsa mid-deforestazzjoni billi tintroduċi diliġenza dovuta tal-katina tal-valur relatata ma’ attivitajiet li ma humiex koperti mir-Regolament dwar prodotti ħielsa mid-deforestazzjoni iżda li jistgħu jwasslu direttament jew indirettament għad-deforestazzjoni.

Il- proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar il-Batteriji 25 għandha l-objettivi speċifiċi li tnaqqas l-impatti ambjentali, klimatiċi u soċjali matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-batteriji, li ssaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern, u li tiżgura kundizzjonijiet ekwi permezz ta’ sett komuni ta’ regoli. Din teħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jqiegħdu batteriji industrijali jew tal-vetturi elettriċi (inklużi dawk inkorporati fil-vetturi) akbar minn 2 kWh fis-suq tal-Unjoni sabiex jistabbilixxu politiki ta’ diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. Hija tiffoka fuq dik il-materja prima li ammont sinifikanti tal-produzzjoni globali minnha jmur fil-manifattura tal-batteriji u li tista’ toħloq impatti negattivi soċjali jew ambjentali (kobalt, grafit naturali, litju, u nikil). L-operaturi ekonomiċi jridu jippreżentaw dokumentazzjoni ta’ konformità għal verifika minn terzi minn korpi nnotifikati u huma soġġetti għal kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Din id-Direttiva se tikkomplementa r-Regolament dwar il-Batteriji billi tintroduċi diliġenza dovuta tal-katina tal-valur relatata mal-materja prima li ma hijiex koperta f’dak ir-Regolament iżda mingħajr ma teħtieġ ċertifikazzjoni għat-tqegħid tal-prodotti fis-suq tal-UE.

L- Inizjattiva dwar il-Prodotti Sostenibbli (SPI) futura għandha l-għan li tirrevedi d- Direttiva dwar l-Ekodisinn 26 attwali u tikkonċerna b’mod aktar wiesa’ s-sostenibbiltà tal-prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE u t-trasparenza tal-informazzjoni relatata.

Din il-proposta se jkollha rwol essenzjali fl-indirizzar tal-użu tax-xogħol furzat tal-ktajjen tal-valur globali. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja 27 , il-Kummissjoni qiegħda tħejji proposta leġiżlattiva ġdida li se tipprojbixxi b’mod effettiv it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni ta’ prodotti magħmula mix-xogħol furzat, inkluż it-tħaddim tat-tfal furzat. L-inizjattiva l-ġdida se tkopri kemm il-prodotti domestiċi kif ukoll dawk importati u tgħaqqad projbizzjoni ma’ qafas ta’ infurzar robust u bbażat fuq ir-riskju. L-istrument il-ġdid se jibni fuq standards internazzjonali u se jikkomplementa inizjattivi orizzontali u settorjali, b’mod partikolari l-obbligi ta’ diliġenza dovuta kif stabbiliti f’din il-proposta.

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti oħra fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima skont atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv ieħor tal-Unjoni li jsegwi l-istess objettivi u li jipprevedi obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi, id-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv l-ieħor tal-Unjoni jenħtieġ li jipprevalu sal-punt tal-kunflitt u jenħtieġ li japplikaw għal dawk l-obbligi speċifiċi.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din id-Direttiva hija importanti sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ diversi miżuri eżistenti u ppjanati tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tax-xogħol, u l-ambjent.

Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni elenkat inizjattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli fost ir-riżultati tal- Pjan ta’ Azzjoni dwar Ekonomija Ċirkolari , l- Istrateġija għall-Bijodiversità , l- Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt , l- Istrateġija għas-Sustanzi Kimiċi , l-Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Il-bini ta’ Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa, u l- Istrateġija għall-Finanzjament tat-Tranżizzjoni għal Ekonomija Sostenibbli .

Il-liġi ambjentali tal-UE tintroduċi diversi rekwiżiti ambjentali għall-kumpaniji, għall-Istati Membri, jew tiddefinixxi l-għanijiet għall-Unjoni 28 . Madankollu, ġeneralment ma tapplikax għal ktajjen tal-valur barra l-Unjoni fejn tista’ ssir sa 80-90 % tal-ħsara ambjentali tal-produzzjoni tal-UE 29 . Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 30  tistabbilixxi qafas għar-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju tal-ħsara ambjentali abbażi tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għall-operazzjonijiet proprji tal-kumpaniji. Din ma tkoprix il-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji.    Ir-responsabbiltà ċivili relatata mal-impatti ambjentali negattivi ta’ din id-Direttiva se tkun komplementari għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali.

Din id-Direttiva se tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-klima, inkluża l-Liġi Ewropea dwar il-Klima, filwaqt li tistabbilixxi l-ambizzjoni klimatika tal-Unjoni, bil-mira intermedja li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, sabiex tpoġġi lill-Ewropa fi triq responsabbli billi ssir newtrali għall-klima sal-2050. B’mod aktar speċifiku, din id-Direttiva se tikkomplementa l-Pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” 31 u d-diversi azzjonijiet ewlenin tiegħu, bħall-istabbiliment ta’ miri aktar ambizzjużi għall-effiċjenza enerġetika u għall-enerġija rinnovabbli għall-Istati Membri sal-2030 jew it-titjib tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 32 , li jeħtieġ li jkun sostnut minn trasformazzjoni usa’ tal-proċessi tal-produzzjoni sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 fl-ekonomija kollha u tul il-ktajjen tal-valur. Il-Pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” se japplika biss indirettament għal xi ktajjen tal-valur mhux tal-UE tal-kumpaniji tal-UE permezz tal- Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera (CBAM) 33 li għandu l-għan li jipprevjeni r-“rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” 34 billi jimponi prezz ta’ aġġustament tal-karbonju għal prodotti importati magħżula mhux soġġetti għall-prezz tal-karbonju li ġej mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet.

Il- leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza u dwar id-drittijiet fundamentali eżistenti timmira lejn impatti negattivi speċifiċi ħafna (bħall-ksur tad-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data, id-diskriminazzjoni, l-aspetti speċifiċi tas-saħħa relatati ma’ sustanzi perikolużi, it-theddid għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, il-ksur tad-drittijiet tat-tfal, eċċ.) fl-Unjoni 35 iżda ma tapplikax fil-każijiet kollha għall-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji barra mill-Unjoni.

L-inizjattiva hija konformi mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 36 , li jinkludi impenn għall-Unjoni u għall-Istati Membri biex isaħħu l-impenn tagħhom biex jippromwovu b’mod attiv l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali dwar imġiba responsabbli fin-negozju bħall-prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD dwar Intrapriżi Multinazzjonali u d-Diliġenza Dovuta. Din hija konsistenti mal-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal 37 li timpenja lill-Unjoni għal approċċ ta’ tolleranza żero kontra t-tħaddim tat-tfal u li tiżgura li l-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji tal-UE jkunu ħielsa mit-tħaddim tat-tfal. Fl- Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021-2025 38 il-Kummissjoni impenjat ruħha li tressaq proposta leġiżlattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli sabiex trawwem imġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli fit-tul. L-inizjattiva tikkontribwixxi wkoll għall-għanijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja 39 , li hija adottata flimkien ma’ din il-proposta.

Din id-Direttiva se tikkontribwixxi għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali peress li t-tnejn li huma jippromwovu drittijiet bħal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti 40 . Lil hinn mill-angolu estern tagħha – hija se tittratta l-ksur tal-istandards internazzjonali tax-xogħol meta jseħħu fl-Unjoni (eż. każijiet ta’ xogħol furzat fl-agrikoltura). Għalhekk, internament dan isaħħaħ ukoll il-protezzjoni tal-ħaddiema fl-Unjoni flimkien mal-acquis soċjali eżistenti  u jikkontribwixxi għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-abbużi fl-Istati Membri u bejniethom.

Għalhekk, din id-Direttiva se tikkomplementa l-ambjent regolatorju tal-UE li bħalissa ma jinkludix qafas trasparenti u prevedibbli madwar l-Unjoni li jgħin lill-kumpaniji tal-UE fis-setturi kollha tal-ekonomija jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskji u l-impatti tas-sostenibbiltà fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin u r-riskji ambjentali, inkluż tul il-ktajjen tal-valur tagħhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 50 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 50(1) tat-TFUE u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(g) TFUE jipprevedu l-kompetenza tal-UE li taġixxi sabiex tinkiseb il-libertà ta’ stabbiliment fir-rigward ta’ attività partikolari, b’mod partikolari “billi jikkoordinaw, sa fejn hu neċessarju u bil-ħsieb li jiżguraw l-ekwivalenza tagħhom fl-Unjoni kollha, il-garanziji meħtieġa fi Stati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54, sabiex jipproteġu l-interessi kemm tal-membri kif ukoll ta’ terzi. Eżempju ta’ dan jista’ jkun miżuri ta’ koordinazzjoni li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi tal-azzjonisti tal-kumpaniji u ta’ partijiet ikkonċernati oħra bil-għan li tali protezzjoni ssir ekwivalenti fl-Unjoni kollha, fejn id-disparitajiet bejn ir-regoli nazzjonali jkunu tali li jxekklu l-libertà tal-istabbiliment 41 . Ir-rikors għal din id-dispożizzjoni huwa possibbli jekk l-għan ikun li jiġi evitat li jitfaċċaw ostakli attwali jew futuri għal-libertà tal-istabbiliment li jirriżultaw mill-iżvilupp diverġenti tal-liġijiet nazzjonali. Il-ħolqien ta’ dawn l-ostakli jrid ikun probabbli u l-miżura inkwistjoni trid tkun imfassla sabiex tipprevjenihom 42 .

Din il-proposta tirregola l-obbligi ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà tal-kumpaniji u fl-istess ħin tkopri – sal-punt marbut ma’ dik id-diliġenza dovuta – id-dmirijiet tad-diretturi korporattivi u s-sistemi ta’ ġestjoni korporattiva sabiex tiġi implimentata d-diliġenza dovuta. Għalhekk, il-proposta tikkonċerna l-proċessi u l-miżuri għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u tal-partijiet ikkonċernati tal-kumpaniji. Diversi Stati Membri dan l-aħħar introduċew leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà 43 , filwaqt li oħrajn jinsabu fil-proċess li jilleġiżlaw jew jikkunsidraw azzjoni 44 . Barra minn hekk, għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri dan l-aħħar kienu qed jirregolaw il-kwistjoni billi jeħtieġu lid-diretturi jqisu l-impatti esterni tal-kumpanija 45 , jagħtu prijorità lill-interessi tal-partijiet ikkonċernati fid-deċiżjonijiet tagħhom 46 , jew jadottaw dikjarazzjoni ta’ politika dwar l-istrateġija tal-kumpanija dwar id-drittijiet tal-bniedem 47 . Liġijiet ġodda u emerġenti dwar id-diliġenza dovuta huma konsiderevolment differenti fl-Unjoni minkejja l-intenzjoni tal-Istati Membri kollha li jibnu fuq standards internazzjonali eżistenti (il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istandards ta’ Mġiba Responsabbli fin-Negozju tal-OECD) u b’hekk iwasslu għal rekwiżiti diverġenti. Ċerti Stati Membri adottaw, jew x’aktarx jadottaw, leġiżlazzjoni li hija limitata għal tħassib speċifiku dwar is-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-valur 48 . Il-kamp ta’ applikazzjoni personali, ir-rekwiżiti sostantivi tad-diliġenza dovuta, ir-reġimi tal-infurzar u d-dmirijiet relatati tad-diretturi jvarjaw u jista’ saħansitra jvarjaw aktar fil-futur 49 . Stati Membri oħra jistgħu jkunu mistennija jiddeċiedu li ma jilleġiżlawx f’dan il-qasam. B’hekk, rekwiżiti differenti b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri joħolqu frammentazzjoni tas-suq intern. Din il-frammentazzjoni x’aktarx li tiżdied maż-żmien.

Din il-frammentazzjoni tirriskja wkoll li twassal għal kundizzjonijiet mhux ekwi għall-kumpaniji fis-suq intern. L-ewwel nett, il-kumpaniji u d-diretturi tagħhom – b’mod partikolari dawk li għandhom ktajjen tal-valur transfruntieri – diġà huma soġġetti għal rekwiżiti differenti u x’aktarx ikunu soġġetti għal rekwiżiti saħansitra aktar differenti skont fejn tinsab is-sede reġistrata tagħhom. Dan joħloq distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, skont kif jistrutturaw l-operazzjonijiet tagħhom fis-suq intern, xi kumpaniji jistgħu fl-istess ħin jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ żewġ oqfsa legali nazzjonali differenti jew aktar li jittrattaw il-governanza korporattiva sostenibbli 50 . Dan jista’ jwassal għal duplikazzjoni tar-rekwiżiti, diffikultajiet fil-konformità, nuqqas ta’ ċertezza legali għall-kumpaniji, u saħansitra rekwiżiti legali paralleli inkompatibbli b’mod reċiproku. B’mod invers, xi kumpaniji jistgħu ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ebda qafas nazzjonali għas-sempliċi raġuni li ma jkollhomx rabtiet rilevanti skont il-liġi nazzjonali mal-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru li jkollu fis-seħħ regoli ta’ diliġenza dovuta u b’hekk jiksbu vantaġġ fuq il-kompetituri tagħhom.

L-att propost huwa mfassal sabiex jipprevjeni u jneħħi dawn l-ostakli għall-moviment liberu u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni billi jarmonizza r-rekwiżiti għall-kumpaniji sabiex iwettqu diliġenza dovuta fl-operat, is-sussidjarji u l-ktajjen tal-valur tagħhom stess u d-dmirijiet tad-diretturi relatati. Dawn se jwasslu għal kundizzjonijiet ekwi fejn il-kumpaniji ta’ daqs simili u d-diretturi tagħhom ikunu soġġetti għall-istess rekwiżiti għall-integrazzjoni ta’ governanza korporattiva sostenibbli u miżuri ta’ diliġenza dovuta korporattiva fis-sistemi ta’ ġestjoni interna tagħhom u b’hekk jipproteġu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati tal-kumpanija b’mod simili. Il-kundizzjonijiet armonizzati jkunu ta’ benefiċċju għall-istabbiliment transfruntier inklużi l-operazzjonijiet tal-kumpaniji u wkoll l-investimenti, peress li jiffaċilitaw it-tqabbil tar-rekwiżiti tas-sostenibbiltà korporattiva u jagħmlu l-involviment aktar faċli u għalhekk inqas għali.

L-Artikolu 50 tat-TFUE huwa lex specialis għall-miżuri adottati sabiex tinkiseb il-libertà tal-istabbiliment. Fost il-miżuri proposti, dawk li jikkonċernaw il-governanza korporattiva tal-kumpaniji jaqgħu taħt din il-bażi ġuridika, b’mod partikolari l-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki tal-kumpaniji, miżuri dwar il-pjan tal-kumpaniji li jiżguraw li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi, u miżuri ta’ rimunerazzjoni relatati, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar id-dmir ta’ diliġenza tad-diretturi, u d-dmirijiet tad-diretturi dwar l-istabbiliment u s-sorveljanza tad-diliġenza dovuta.

Sabiex jiġu indirizzati l-ostakli deskritti tas-suq intern b’mod komprensiv, l-Artikolu 50 TFUE hawnhekk huwa kkombinat mad-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 114 TFUE. L-Artikolu 114 TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Il-leġiżlatura tal-Unjoni tista’ tuża l-Artikolu 114 TFUE b’mod partikolari meta d-disparitajiet bejn ir-regoli nazzjonali jkunu tali li jxekklu l-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u b’hekk ikollhom effett dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern.

Kif stabbilit hawn fuq, id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-governanza korporattiva sostenibbli u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta għandhom impatt dirett fuq il-funzjonament tas-suq intern, u dak l-impatt x’aktarx li jiżdied fil-futur. Lil hinn mill-kwistjonijiet regolati fl-Artikolu 50 tat-TFUE, dan l-att jikkonċerna oqsma oħra tal-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. B’mod partikolari, fin-nuqqas ta’ azzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni, il-produzzjoni u l-moviment tal-oġġetti u tas-servizzi jkunu distorti għall-benefiċċju ta’ ġuriżdizzjonijiet mingħajr reġimi ta’ diliġenza dovuta jew b’reġimi anqas esiġenti, jew kumpaniji stabbiliti f’tali ġuriżdizzjonijiet, u dan ikollu impatt sostanzjali fuq il-fluss tal-oġġetti u tas-servizzi. Barra minn hekk, il-kumpaniji li jipprovdu oġġetti jew servizzi, b’mod partikolari l-SMEs, se jiffaċċjaw regoli u aspettattivi diverġenti minn klijenti li jinsabu fi Stati Membri differenti. Pereżempju, filwaqt li liġi ta’ Stat Membru tista’ tirrikjedi li l-fornitur iwettaq awditi minn terzi, Stat Membru ieħor jista’ jirrikjedi li l-istess fornitur jipparteċipa fi skemi tal-industrija rikonoxxuti u inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati. Stat Membru wieħed jista’ jirrikjedi li l-kumpanija twettaq diliġenza dovuta fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti filwaqt li l-Istat Membru l-ieħor jista’ jkopri l-fornituri diretti biss. Dan iwassal għal multiplikazzjoni ta’ rekwiżiti parzjalment inkompatibbli differenti li jfixklu l-fluss liberu tal-oġġetti u s-servizzi fl-Unjoni.

Huwa prevedibbli li dawn id-distorsjonijiet u l-impatti jsiru aktar serji maż-żmien hekk kif aktar u aktar Stati Membri jadottaw liġijiet nazzjonali diverġenti jew jistgħu saħansitra jwasslu għal ġirja lejn l-iktar livell baxx bejn il-leġiżlazzjonijiet li se jiġu adottati dwar id-diliġenza dovuta.

Id-distorsjonijiet huma rilevanti wkoll għar-responsabbiltà ċivili f’każ ta’ ħsara kkawżata fil-katina tal-valur ta’ kumpanija. Xi oqfsa legali nazzjonali dwar id-diliġenza dovuta jinkludu reġim espress ta’ responsabbiltà ċivili marbut man-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tad-diliġenza dovuta, filwaqt li oħrajn jeskludu espressament reġim speċifiku ta’ responsabbiltà ċivili 51 . Għadd ta’ kumpaniji tressqu quddiem il-qrati mixlija li kkawżaw jew naqsu milli jipprevjenu impatti negattivi fil-livell tas-sussidjarji jew tal-ktajjen tal-valur tagħhom. Dawn il-każijiet illum jiġu deċiżi abbażi ta’ regoli differenti. Fin-nuqqas ta’ regoli komuni, reġimi nazzjonali diverġenti ta’ responsabbiltà jistgħu jwasslu għal eżiti differenti skont jekk hemmx kontroll tas-sjieda (fir-rigward tas-sussidjarji) jew kontroll fattwali (jew permezz ta’ kuntratti diretti jew fejn il-kontroll jista’ jiġi eżerċitat mill-kumpanija permezz ta’ ingranaġġ ta’ kaskata kuntrattwali jew ingranaġġ ieħor f’relazzjonijiet kummerċjali indiretti). Din il-frammentazzjoni twassal għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern billi kumpanija li tinsab fi Stat Membru wieħed tkun soġġetta għal talbiet għad-danni minħabba ħsara kkawżata fil-katina tal-valur tagħha filwaqt li kumpanija bl-istess katina tal-valur tkun eżentata minn dan ir-riskju finanzjarju u għar-reputazzjoni minħabba regoli nazzjonali diverġenti.

Ir-reġim propost ta’ responsabbiltà ċivili jiċċara liema regoli japplikaw f’każ li ssir ħsara fl-operat ta’ kumpanija stess, fil-livell tas-sussidjarji tagħha u fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti fil-katina tal-valur. Barra minn hekk, id-dispożizzjoni proposta dwar il-liġi applikabbli sservi l-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni tar-regoli armonizzati, inkluż dwar ir-responsabbiltà ċivili, anke f’każijiet fejn inkella l-liġi applikabbli għal tali pretensjoni ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru. Għalhekk se jkun essenzjali li jiġu żgurati l-kundizzjonijiet ekwi meħtieġa.

Sussidjarjetà

L-ewwel nett, il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri weħidha f’dan il-qasam x’aktarx li ma tkunx biżżejjed u effiċjenti. Fir-rigward ta’ problemi transkonfinali speċifiċi, bħat-tniġġis, it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, eċċ. l-azzjoni individwali hija mxekkla f’każ ta’ nuqqas ta’ azzjoni minn Stati Membri oħra. Il-kisba ta’ impenji internazzjonali bħall-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-UNFCCC 52 dwar it-tibdil fil-klima, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, kif ukoll ftehimiet ambjentali multilaterali oħrajn minn azzjoni individwali ta’ Stat Membru biss hija improbabbli. Barra minn hekk, ir-riskji li jirriżultaw minn impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent preżenti fil-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji spiss ikollhom effetti transfruntieri (eż. tniġġis, ktajjen tal-provvista u tal-valur transnazzjonali).

It-tieni, ħafna kumpaniji qed joperaw madwar l-UE kollha jew globalment; il-ktajjen tal-valur jespandu lejn Stati Membri oħra tal-Unjoni u dejjem aktar lejn pajjiżi terzi. L-investituri istituzzjonali li jinvestu minn bejn il-fruntieri għandhom parti kbira (38 % 53 ) mill-kapitalizzazzjoni totali tas-suq ta’ kumpaniji Ewropej kbar elenkati, għalhekk ħafna kumpaniji għandhom sjieda transfruntiera u l-operazzjonijiet tagħhom huma influwenzati minn regolamenti f’xi pajjiżi jew minn nuqqas ta’ azzjoni f’oħrajn. Din hija waħda mir-raġunijiet għaliex il-kumpaniji li jinsabu fuq quddiem jistgħu probabbilment joqogħdu lura milli jagħmlu passi ulterjuri fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà inklużi dawk fil-ktajjen tal-valur illum 54 u jitolbu kundizzjonijiet transfruntieri ekwi.

It-tielet, il-kumpaniji li joperaw fis-suq intern u lil hinn minnu jeħtieġu ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi għat-tkabbir sostenibbli tagħhom. Xi Stati Membri dan l-aħħar introduċew leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta 55 , filwaqt li oħrajn jinsabu fil-proċess li jilleġiżlaw jew jikkunsidraw azzjoni 56 . Ir-regoli eżistenti tal-Istati Membri u dawk li qed jitħejjew diġà għandhom, u se jkomplu jwasslu għal rekwiżiti diverġenti, li jirriskjaw li jkunu ineffiċjenti u li jwasslu għal kundizzjonijiet mhux ekwi. Hemm effetti indiretti konsiderevoli ta’ liġijiet diverġenti dwar id-diliġenza dovuta fuq il-fornituri li jfornu lil kumpaniji differenti li jaqgħu taħt liġijiet differenti, peress li fil-prattika l-obbligi jissarrfu fi klawżoli kuntrattwali. Jekk ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta jkunu differenti b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri, dan joħloq inċertezza legali, frammentazzjoni tas-Suq uniku, kostijiet addizzjonali u kumplessità għall-kumpaniji u l-investituri tagħhom li joperaw bejn il-fruntieri kif ukoll partijiet ikkonċernati oħra. L-azzjoni tal-UE dan tista’ tevitah u għalhekk ikollha valur miżjud.

Fl-aħħar nett, meta mqabbla ma’ azzjoni individwali mill-Istati Membri, l-intervent tal-UE jista’ jiżgura vuċi Ewropea b’saħħitha fl-iżviluppi tal-politika fil-livell globali 57 .

Proporzjonalità

Il-piż fuq il-kumpaniji li jirriżulta mill-kostijiet ta’ konformità, ġie adattat għad-daqs, ir-riżorsi disponibbli, u l-profil tar-riskju. Il-kumpaniji se jkollhom jieħdu biss miżuri xierqa li jkunu proporzjonati mal-grad ta’ severità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv, u raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi l-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u tar-relazzjoni kummerċjali speċifika u l-influwenza tal-kumpanija minn dawn tal-aħħar, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-prijoritizzazzjoni tal-azzjoni. Għal dak il-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni materjali u personali, u d-dispożizzjonijiet ta’ infurzar kienu ristretti kif spjegat aktar hawn taħt.

Fir-rigward tal-“kamp ta’ applikazzjoni personali” tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta (jiġifieri liema kategoriji ta’ negozju huma koperti), l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li jinkludu l-mikrokumpaniji u b’mod ġenerali jammontaw għal madwar 99 % tal-kumpaniji kollha fl-Unjoni, huma esklużi mid-dmir ta’ diliġenza dovuta. Għal din il-kategorija ta’ kumpaniji, il-piż finanzjarju u amministrattiv tal-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proċess ta’ diliġenza dovuta jkun relattivament għoli. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, ma għandhomx fis-seħħ mekkaniżmi ta’ diliġenza dovuta diġà eżistenti, ma għandhom l-ebda għarfien espert, l-ebda persunal speċjalizzat, u l-kost tat-twettiq tad-diliġenza dovuta jkollu impatt sproporzjonat fuqhom. Madankollu, dawn se jkunu esposti għal xi wħud mill-kostijiet u l-piż permezz ta’ relazzjonijiet kummerċjali ma’ kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni peress li kumpaniji kbar mistennija jgħaddu d-domandi lill-fornituri tagħhom. Għalhekk, se jkunu meħtieġa miżuri ta’ appoġġ sabiex jgħinu lill-SMEs jibnu kapaċità operazzjonali u finanzjarja. Il-kumpaniji li s-sieħeb kummerċjali tagħhom huwa SME, huma wkoll meħtieġa li jappoġġawhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta, f’każ li tali rekwiżiti jipperikolaw il-vijabbiltà tal-SME. Barra minn hekk, il-katina tal-valur tas-settur finanzjarju ma tkoprix l-SMEs li qed jirċievu self, kreditu, finanzjament, assigurazzjoni jew riassigurazzjoni. Fl-istess ħin, l-esponiment ta’ SME individwali għal impatti negattivi fuq is-sostenibbiltà bħala regola ġenerali se jkun anqas mill-esponiment ta’ kumpaniji akbar. Għalhekk, kumpaniji kbar ħafna 58 se jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu sħiħ ta’ diliġenza dovuta, ukoll minħabba li ħafna minnhom diġà għandhom ċerti proċessi fis-seħħ, pereżempju minħabba obbligi ta’ rapportar. B’mod partikolari, il-kriterji tal-fatturat magħżula se jiffiltraw dawk li għandhom l-akbar impatt fuq l-ekonomija tal-Unjoni. Barra minn hekk, din id-Direttiva tistabbilixxi miżuri sabiex jiġi limitat it-trasferiment tal-piż minn dawk il-kumpaniji kbar lill-fornituri iżgħar fil-katina tal-valur u sabiex jintużaw rekwiżiti ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u proporzjonati fir-rigward tal-SMEs.

Fir-rigward tal-kumpaniji b’fatturat aktar baxx u inqas impjegati 59 , l-obbligu ta’ diliġenza dovuta huwa limitat għal dawk il-kumpaniji attivi f’setturi b’impatt partikolarment għoli li fl-istess ħin huma koperti mill-gwida settorjali eżistenti tal-OECD 60 . Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-gwida tal-OECD tkopri s-settur finanzjarju, ma hijiex inkluża fis-setturi b’impatt għoli minħabba l-ispeċifiċitajiet tagħha. Din il-limitazzjoni għandha l-għan li toħloq bilanċ bejn l-interess fil-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva u l-interess fil-minimizzazzjoni tal-piż finanzjarju u amministrattiv fuq il-kumpaniji. L-obbligu ta’ diliġenza dovuta għal dawn il-kumpaniji se jiġi ssimplifikat peress li se jiffoka biss fuq impatti negattivi severi li huma rilevanti għas-settur tagħhom. Barra minn hekk, l-obbligu ta’ diliġenza dovuta se japplika għalihom biss sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni għal din id-Direttiva li jippermettu li jiġu stabbiliti l-proċessi u l-proċeduri meħtieġa u jibbenefikaw mill-kooperazzjoni tal-industrija, mill-iżviluppi teknoloġiċi, mill-istandards, eċċ. li aktarx ikunu mħeġġa mid-data ta’ implimentazzjoni aktar bikrija għal kumpaniji akbar.

Sal-punt li din id-Direttiva tkopri wkoll kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, il-kriterji użati għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kumpaniji koperti tal-UE u dawk mhux tal-UE ma humiex l-istess, iżda jiżguraw li kumpaniji ta’ pajjiżi terzi ma jkunux aktar probabbli li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni. Għalihom, jintuża limitu ta’ fatturat nett (EUR 150 miljun għall-grupp 1 u EUR 40 miljun għall-grupp 2), iżda dan il-fatturat kollu jeħtieġ li jiġi ġġenerat fl-Unjoni. Il-kumpaniji tal-UE, min-naħa tagħhom, irid ikollhom fatturat nett ta’ EUR 150 miljun iġġenerat madwar id-dinja u jridu jissodisfaw kriterju tal-impjegati wkoll (aktar minn 500 impjegat fil-grupp 1 u aktar minn 250 impjegat fil-grupp 2). Tali differenza fil-kriterji użati hija ġġustifikata għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-kriterju tal-fatturat tal-UE għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi joħloq rabta mal-UE. L-inklużjoni tal-fatturat iġġenerat fl-Unjoni biss hija ġġustifikata peress li tali limitu, ikkalibrat kif xieraq, joħloq konnessjoni territorjali bejn il-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi u l-Unjoni mill-effetti li l-attivitajiet ta’ dawn il-kumpaniji jista’ jkollhom fuq is-suq intern tal-UE, li huwa biżżejjed sabiex id-dritt tal-Unjoni japplika għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi.

Barra minn hekk, id-Direttiva dwar ir-rapportar għal kull pajjiż – emenda għad-Direttiva dwar il-Kontabilità – diġà stabbiliet il-metodi għall-kalkolu tal-fatturat nett għal kumpaniji mhux tal-UE, filwaqt li tali metodoloġija ma teżistix għall-kalkolu tan-numru ta’ impjegati ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi. L-esperjenza bil-liġi Franċiża li tirregola d-diliġenza dovuta turi li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni komuni ta’ impjegat 61 , in-numru ta’ impjegati (madwar id-dinja) huwa diffiċli li jiġi kkalkolat, u dan ifixkel l-identifikazzjoni ta’ liema kumpaniji ta’ pajjiżi terzi jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni, u b’hekk jipprevjeni l-infurzar effettiv tar-regoli.

L-użu kemm tal-kriterji tal-impjegati kif ukoll tal-fatturat għall-kumpaniji tal-UE jiżgura allinjament aħjar mal-proposta għal Direttiva dwar ir-rapportar tas-Sostenibbiltà Korporattiva li jenħtieġ li tintuża għar-rapportar ta’ miżuri ta’ diliġenza dovuta u politika għall-kumpaniji tal-UE.

Filwaqt li d-Direttiva se tkopri madwar 13 000 kumpanija tal-UE 62 , abbażi tal-istimi tal-Kummissjoni, se tkopri biss madwar 4 000 kumpanija minn pajjiżi terzi 63 . Il-fatt li l-kumpaniji tal-UE se jiġu koperti biss jekk jilħqu wkoll il-limitu minimu fuq l-għadd ta’ impjegati huwa ferm improbabbli li jibdel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern tal-UE: iż-żewġ kriterji tad-daqs applikabbli għall-kumpaniji tal-UE, anke jekk kumulattivi, se jirriżultaw f’li xorta waħda jkopru kumpaniji relattivament iżgħar meta mqabbla ma’ kumpaniji mhux tal-UE minħabba l-fatt li, fil-każ tagħhom, għandu jitqies il-fatturat nett dinji kollu tal-kumpanija.

   Fl-aħħar nett, kumpaniji kbar ta’ pajjiżi terzi li għandhom fatturat għoli fl-Unjoni għandhom il-kapaċità li jimplimentaw id-diliġenza dovuta u se jibbenefikaw mill-vantaġġi li jirriżultaw mid-diliġenza dovuta wkoll fl-operazzjonijiet tagħhom fi bnadi oħrajn. Fl-aspetti l-oħra kollha, il-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi huma koperti mir-regoli dwar id-diliġenza dovuta bl-istess mod bħall-kontropartijiet tagħhom tal-UE (pereżempju fir-rigward tar-reġim applikabbli għal kumpaniji li joperaw f’setturi b’impatt għoli u fażi identika fil-perjodu għal dawk il-kumpaniji). L-armonizzazzjoni tad-dmirijiet tad-diretturi hija limitata għall-kumpaniji tal-UE biss, u għalhekk il-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi se jkollhom obbligi aktar ristretti.

Il-“kamp ta’ applikazzjoni materjali” huwa ffukat u strutturat prinċipalment fuq l-obbligu ta’ diliġenza dovuta korporattiva u jkopri d-drittijiet tal-bniedem u dawk l-impatti negattivi ambjentali li jistgħu jiġu ddefiniti b’mod ċar f’konvenzjonijiet internazzjonali magħżula. Id-dmirijiet tad-diretturi proposti jiżguraw rabta mill-qrib mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta u għalhekk huma meħtieġa sabiex id-diliġenza dovuta tkun effettiva. Id-dmirijiet tad-diretturi jinkludu wkoll il-kjarifika ta’ kif id-diretturi mistennija jikkonformaw mad-dmir ta’ diliġenza sabiex jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpanija.

L-infurzar effettiv tad-dmir ta’ diliġenza dovuta huwa kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva. Din id-Direttiva se tipprevedi kombinament ta’ sanzjonijiet u responsabbiltà ċivili.

Fir-rigward tal-infurzar privat permezz tar-responsabbiltà ċivili, jintuża approċċ differenti fir-rigward tal-operazzjonijiet proprji tal-kumpanija u s-sussidjarji tagħha minn naħa u fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali min-naħa l-oħra. B’mod partikolari, ir-responsabbiltà ċivili tikkonċerna biss ir-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti li magħhom kumpanija tistenna li jkollha relazzjoni dejjiema, fid-dawl tal-intensità jew id-durata tagħha u li ma tirrappreżentax parti negliġibbli jew sempliċiment anċillari mill-katina tal-valur tal-kumpanija. Jenħtieġ li l-kumpanija ma tkunx responsabbli għan-nuqqas ta’ prevenzjoni jew ta’ waqfien tal-ħsara fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali indiretti jekk tkun użat kaskata kuntrattwali u assigurazzjoni u stabbiliet miżuri sabiex tivverifika l-konformità magħha, sakemm ma kienx irraġonevoli, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, li wieħed jistenna li l-azzjoni effettivament meħuda, inkluż fir-rigward tal-verifika tal-konformità, tkun adegwata sabiex tipprevjeni, tnaqqas, ittemm jew timminimizza l-firxa tal-impatt negattiv. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tal-eżistenza u tal-firxa tar-responsabbiltà, għandhom jitqiesu l-isforzi tal-kumpanija, sa fejn dawn ikunu relatati direttament mad-dannu inkwistjoni, sabiex tikkonforma ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa minnha minn awtorità superviżorja, kwalunkwe investiment li jsir u kwalunkwe appoġġ immirat ipprovdut kif ukoll kwalunkwe kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi fil-ktajjen tal-valur tagħha.

Dan l-approċċ għar-responsabbiltà ċivili se jillimita wkoll ir-riskju ta’ litigazzjoni eċċessiva.

Il-miżuri relatati mal-infurzar pubbliku tad-dmir ta’ diliġenza dovuta ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ. Din id-Direttiva tiċċara li kwalunkwe sanzjoni imposta minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta għandha tkun proporzjonata. Jekk l-awtoritajiet pubbliċi li jinvestigaw il-konformità tal-kumpanija ma’ din id-Direttiva jidentifikaw nuqqas ta’ konformità, l-ewwel jenħtieġ li jagħtu lill-kumpanija perjodu ta’ żmien xieraq biex tieħu azzjoni ta’ rimedju. Id-Direttiva tiddeskrivi għadd limitat ta’ sanzjonijiet li jenħtieġ li japplikaw fl-Istati Membri kollha iżda tħalli lill-Istati Membri jiżguraw proċess ta’ infurzar proporzjonat, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom. Meta jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji, dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-fatturat tal-kumpanija sabiex jiġi żgurat il-livell proporzjonat tagħhom.

Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tinvolvix kostijiet mhux meħtieġa għall-Unjoni, għall-gvernijiet nazzjonali, għall-awtoritajiet reġjonali jew għall-awtoritajiet lokali. Id-Direttiva tħalli f’idejn l-Istati Membri kif jorganizzaw l-infurzar. Is-superviżjoni tista’ titwettaq mill-awtoritajiet eżistenti. Sabiex jitnaqqsu l-kostijiet (pereżempju meta jiġu ssorveljati l-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi attivi f’diversi Stati Membri) u jittejbu s-superviżjoni, il-koordinazzjoni, l-investigazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Network Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji.

Din id-Direttiva tippermetti l-kooperazzjoni tal-kumpaniji, l-użu ta’ skemi industrijali u inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati sabiex jitnaqqas il-kost tal-konformità għall-kumpaniji ma’ din id-Direttiva.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Direttiva, peress li l-Artikolu 50 TFUE huwa l-bażi ġuridika għal-leġiżlazzjoni dwar id-dritt tal-kumpaniji rigward il-protezzjoni tal-interessi tal-membri tal-kumpaniji u oħrajn bil-għan li tali protezzjoni ssir ekwivalenti fl-Unjoni kollha. L-Artikolu 50 TFUE jirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu permezz ta’ direttivi.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kriterji għar-rapportar minn kumpaniji ta’ pajjiżi terzi dwar id-diliġenza dovuta.

Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif jenħtieġ li l-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta, il-Kummissjoni, fejn meħtieġ f’konsultazzjoni mal-korpi Ewropej rilevanti, il-korpi internazzjonali li għandhom għarfien espert fl-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta, u oħrajn, jistgħu joħorġu linji gwida. Il-linji gwida jistgħu jintużaw ukoll sabiex jiddeskrivu klawżoli kuntrattwali mudell mhux vinkolanti li l-kumpaniji jistgħu jużaw meta jifirxu f’kaskata l-obbligu fil-katina tal-valur tagħhom.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi miżuri ta’ appoġġ oħrajn li jibnu fuq azzjonijiet u għodod eżistenti tal-UE sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta fi ħdan l-Unjoni u f’pajjiżi terzi, inkluża l-faċilitazzjoni ta’ inizjattivi konġunti tal-partijiet ikkonċernati sabiex jgħinu lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom u jappoġġaw lill-SMEs affettwati minn din id-Direttiva b’modi oħra. Dan jista’ jiġi kkomplementat aktar minn strumenti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE sabiex jiġu appoġġati gvernijiet ta’ pajjiżi terzi u operaturi ekonomiċi upstream f’pajjiżi terzi li jindirizzaw id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali negattivi tal-operazzjonijiet tagħhom u r-relazzjonijiet kummerċjali upstream.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-linji gwida għal regolamentazzjoni aħjar, saru diversi attivitajiet ta’ konsultazzjoni:

Il-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (pjan direzzjonali), li rċeviet 114-il feedback;

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa 64 , li rċeviet 473 461 tweġiba u 122 785 firma taċ-ċittadini, li l-maġġoranza l-kbira tagħhom ġew sottomessi permezz ta’ kampanji bl-użu ta’ kwestjonarji mimlija minn qabel, u 149 dokument ta’ pożizzjoni;

Konsultazzjoni ddedikata tas-sħab soċjali;

Għadd ta’ workshops u laqgħat tal-partijiet ikkonċernati, eż. laqgħa tal-Grupp ta’ Esperti Informali dwar id-Dritt tal-Kumpaniji, prinċipalment magħmul minn akkademiċi legali dwar id-dritt tal-kumpaniji (ICLEG), laqgħa mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar id-Dritt tal-Kumpaniji (CLEG); u

Konferenzi u laqgħat ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju, negozji individwali, inklużi rappreżentanti tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), is-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet bla skop ta’ qligħ, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-OECD.

B’mod ġenerali, l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni wrew li ġeneralment hemm rikonoxximent wiesa’ fost il-partijiet ikkonċernati tal-ħtieġa għal qafas legali tal-UE għad-diliġenza dovuta 65 . B’mod partikolari, kumpaniji kbar minn kull settur talbu għal armonizzazzjoni akbar fil-qasam tad-diliġenza dovuta sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi. Iċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qiesu l-qafas regolatorju attwali bħala ineffettiv sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà korporattiva għal impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent.

Il-maġġoranza kbira tar-rispondenti għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa, inklużi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri parteċipanti, kienu favur approċċ orizzontali għad-diliġenza dovuta fuq approċċ speċifiku għas-settur jew tematiku 66 . Il-kumpaniji indikaw li huma beżgħu mir-riskju ta’ żvantaġġi kompetittivi inkonnessjoni ma’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li ma għandhomx l-istess dmirijiet. Għaldaqstant, il-biċċa l-kbira tar-rispondenti qablu li jenħtieġ li r-regoli dwar id-diliġenza dovuta japplikaw ukoll għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li ma humiex stabbiliti fl-UE iżda li jwettqu attivitajiet ta’ ċerta skala fl-UE 67 .

Fir-rigward ta’ mekkaniżmu ta’ infurzar li jakkumpanja dmir obbligatorju ta’ diliġenza dovuta, il-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa indikaw b’maġġoranza li s-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni/koordinazzjoni tal-UE hija l-aktar għażla xierqa 68 .

Il-maġġoranza tar-rispondenti fil-gruppi kollha tal-partijiet ikkonċernati qiesu r-regoli vinkolanti b’miri bħala l-għażla li tinvolvi l-aktar spejjeż, iżda wkoll l-aktar benefiċċji b’mod ġenerali. Għalkemm il-biċċa l-kbira tar-rispondenti raw l-impatt pożittiv fuq pajjiżi terzi, subsett ta’ rispondenti jibżgħu minn impatt negattiv potenzjali tar-regoli dwar id-diliġenza dovuta fuq pajjiżi terzi jekk il-kumpaniji li jinvestu f’pajjiżi terzi bi drittijiet tal-bniedem dgħajfa, inklużi dawk soċjali u tax-xogħol, u l-ħarsien tal-ambjent, ikollhom jirtiraw minn dawn il-pajjiżi.

Informazzjoni dettaljata dwar l-istrateġija ta’ konsultazzjoni u l-konklużjonijiet tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tinsab fl-Anness 2 tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Sabiex tappoġġa l-analiżi tal-għażliet differenti, il-Kummissjoni tat kuntratti ta’ appoġġ lil esperti esterni għal studju dwar ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta permezz tal-katina tal-provvista 69 u għal studju dwar id-dmirijiet tad-diretturi u l-governanza korporattiva sostenibbli 70 . Dawn l-esperti ħadmu f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni matul il-fażijiet differenti tal-istudju.

Minbarra dawn l-istudji ta’ appoġġ, ġie identifikat għarfien espert addizzjonali permezz tar-riċerka fil-letteratura u permezz tar-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Flimkien mal-istudji ta’ appoġġ imsemmija hawn fuq, il-laqgħat tal-grupp ta’ esperti, u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tat ukoll attenzjoni mill-qrib għar-riżoluzzjoni rilevanti tal-Parlament Ewropew u għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill. Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 ipprovdiet rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responsabbiltà korporattiva, filwaqt li talbet lill-Kummissjoni tipproponi regoli tal-UE għal obbligu ta’ diliġenza dovuta korporattiva komprensiv. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u x-Xogħol Deċenti fil-Ktajjen tal-Provvista Globali tal-1 ta’ Diċembru 2020 talbu lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposta għal qafas legali tal-UE dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, inklużi obbligi ta’ diliġenza dovuta korporattiva transsettorjali tul il-ktajjen tal-valur globali.

Valutazzjoni tal-impatt

L-analiżi fil-valutazzjoni tal-impatt indirizzat f’sens wiesa’ l-problema li tirriżulta mill-ħtieġa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà fis-sistemi ta’ governanza u ġestjoni korporattivi, b’żewġ dimensjonijiet: (1) l-interessi tal-partijiet ikkonċernati u r-riskji (tas-sostenibbiltà) relatati mal-partijiet ikkonċernati għall-kumpaniji ma jitqisux biżżejjed fis-sistemi u fid-deċiżjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju korporattiv; (2) il-kumpaniji ma jnaqqsux biżżejjed l-impatti negattivi tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, ma għandhomx governanza, sistemi ta’ ġestjoni u miżuri adegwati sabiex inaqqsu l-impatti dannużi tagħhom.

Wara kunsiderazzjoni tal-għażliet ta’ politika differenti prinċipalment fl-oqsma tad-dmir ta’ diliġenza dovuta korporattiva u d-dmirijiet tad-diretturi, il-valutazzjoni tal-impatt ipproponiet pakkett preferut ta’ għażliet ta’ politika mifruxa fuq tliet elementi: id-diliġenza dovuta korporattiva, id-dmirijiet tad-diretturi u r-rimunerazzjoni, li jikkomplementaw lil xulxin.

L-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt ġie ppreżentat lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni fid-9 ta’ April 2021. Wara l-opinjoni negattiva mill-Bord, ġiet ippreżentata valutazzjoni tal-impatt riveduta lill-Bord għat-tieni opinjoni fit-8 ta’ Novembru 2021. Filwaqt li nnota r-reviżjoni sinifikanti tar-rapport bi tweġiba għall-ewwel opinjoni tal-Bord, il-Bord madankollu ħareġ it-tieni opinjoni negattiva fis-26 ta’ Novembru 2021 71 , li enfasizzat il-ħtieġa għal gwida politika dwar jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, l-inizjattiva ta’ governanza korporattiva sostenibbli tistax tkompli tipproċedi. Il-Bord żamm l-opinjoni negattiva tiegħu minħabba li qies li r-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt ma kienx (1) jindirizza d-deskrizzjoni tal-problema u jipprovdi evidenza konvinċenti li n-negozji tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs, ma jirriflettux diġà biżżejjed l-aspetti tas-sostenibbiltà jew ma għandhomx biżżejjed inċentivi sabiex dan jagħmluh; (2) jippreżenta kamp ta’ applikazzjoni tal-għażliet ta’ politika u jidentifika jew jivvaluta bis-sħiħ l-għażliet ta’ politika ewlenin; (3) jivvaluta l-impatti b’mod sħiħ, ibbilanċjat u newtrali u jirrifletti l-inċertezza relatata mar-realizzazzjoni tal-benefiċċji, u (4) juri l-proporzjonalità tal-għażla ppreferuta, b’mod suffiċjenti.

Għalhekk, sabiex jiġu indirizzati l-kummenti tat-tieni opinjoni negattiva tal-Bord, il-valutazzjoni tal-impatt hija kkomplementata minn dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar is-segwitu tal-opinjoni tal-Bord li jipprovdi kjarifiki u evidenza addizzjonali dwar l-oqsma fejn il-Bord kien ipprovda suġġerimenti speċifiċi ta’ titjib.

Skont ir-regoli tal-Kummissjoni dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar, hija meħtieġa opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju sabiex fajl jipproċedi għall-istadju tal-adozzjoni. Madankollu, il-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva jista’ jippermetti l-kontinwazzjoni tat-tħejjijiet għal inizjattiva li kienet soġġetta għat-tieni opinjoni negattiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Huwa importanti li jiġi nnotat li l-opinjonijiet tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju huma valutazzjoni tal-kwalità tal-valutazzjoni tal-impatt u mhux valutazzjoni tal-proposta leġiżlattiva relatata.

Il-Kummissjoni, anke fid-dawl tal-ftehim mill-Viċi President għar-Relazzjonijiet Interistituzzjonali u l-Prospettiva, qieset li huwa xieraq li tipproċedi bl-inizjattiva għar-raġunijiet li ġejjin:

l-importanza politika ta’ din l-inizjattiva għall-prijorità politika tal-Kummissjoni ta’ “Ekonomija għas-servizz tan-nies”, inkluż fil-kuntest tal-pakkett dwar il-Finanzi Sostenibbli u l-Patt Ekoloġiku Ewropew u

l-urġenza ta’ azzjoni fil-qasam tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-valur bħala kontribut għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, u sabiex jiġi indirizzat ir-riskju tal-frammentazzjoni dejjem akbar tas-suq Uniku, kif ukoll il-fehma li

l-kjarifika u l-evidenza addizzjonali pprovduti indirizzaw b’mod sodisfaċenti n-nuqqasijiet tal-valutazzjoni tal-impatt identifikati mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u tqiesu fil-proposta legali adattata.

Fir-rigward tal-importanza u l-urġenza tagħha, il-Kummissjoni ħadet nota wkoll li l-inizjattiva ġiet inkluża fil-Prijoritajiet Politiċi Konġunti għall-2022 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Wara analiżi bir-reqqa tas-sejbiet tal-Bord u meta jitqiesu r-riflessjonijiet dwar il-kjarifiki u l-evidenza addizzjonali pprovduti, il-Kummissjoni tqis li l-proposta, li ġiet riveduta b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-pakkett ta’ għażliet ta’ politika mressqa mill-valutazzjoni tal-impatt, tippermetti li xorta waħda timxi ’il quddiem b’mod deċiżiv lejn l-objettiv ġenerali li jiġi sfruttat aħjar il-potenzjal tas-suq uniku sabiex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u sabiex titrawwem imġiba korporattiva sostenibbli u responsabbli fit-tul. Id-Direttiva hija aktar iffukata u mmirata meta mqabbla mal-għażla ppreferuta deskritta fl-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt. Il-qalba tagħha hija l-obbligu ta’ diliġenza dovuta, filwaqt li tnaqqas b’mod sinifikanti d-dmirijiet tad-diretturi billi torbothom mill-qrib mal-obbligu ta’ diliġenza dovuta. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-diliġenza dovuta huwa adattat. Deskrizzjoni dettaljata tal-adattamenti magħmula għall-pakkett tal-għażla ppreferuta tal-valutazzjoni tal-impatt tinsab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah li jippreżenta s-segwitu għall-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju u informazzjoni addizzjonali.

Fil-qosor, il-“kamp ta’ applikazzjoni personali”, jiġifieri liema kategoriji ta’ negozju huma koperti, tnaqqas b’mod sinifikanti wara r-riflessjonijiet li rriżultaw mill-kummenti tal-Bord dwar id-deskrizzjoni tal-problema, b’mod partikolari fir-rigward tal-SMEs, u dwar il-proporzjonalità tal-għażla ppreferuta. B’mod konkret, l-SMEs ġew kompletament esklużi, mill-kamp ta’ applikazzjoni, u l-kopertura tas-setturi b’impatt għoli ġiet trasferita biss għal kumpaniji li għandhom aktar minn 250 impjegat u aktar minn EUR 40 miljun fatturat nett dinji (filwaqt li kumpaniji kbar li simultanjament jaqbżu kemm il-limitu ta’ 500 impjegat kif ukoll tal-fatturat nett dinji ta’ EUR 150 miljun jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni irrispettivament mis-setturi tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Is-setturi b’impatt għoli huma definiti direttament fit-test, u b’hekk jirriflettu wkoll fuq il-kummenti tal-Bord fir-rigward tat-teknika leġiżlattiva. Id-definizzjoni ta’ setturi b’impatt għoli kienet limitata għal setturi b’riskju għoli ta’ impatti negattivi u li teżisti gwida tal-OECD għalihom. Għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja f’setturi b’impatt għoli, ir-regoli se jibdew japplikaw wara perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sentejn sabiex jippermettu perjodu ta’ adattament itwal. Barra minn hekk, l-obbligi ta’ diliġenza dovuta ta’ dawn il-kumpaniji huma limitati biss għal impatti severi rilevanti għas-settur tagħhom.

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-inizjattiva b’mod effettiv, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta jestendi għal kumpaniji minn pajjiżi terzi. Huma koperti biss tali kumpaniji mhux tal-UE li għandhom rabta diretta mas-suq tal-Unjoni, u li jissodisfaw il-limitu tal-fatturat simili bħall-kumpaniji tal-UE iżda fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, se jiffaċċjaw l-istess obbligi rigward id-diliġenza dovuta bħall-kumpaniji rispettivi tal-UE.

Id-Direttiva tindika wkoll li huwa meħtieġ appoġġ aċċessibbli u prattiku għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs fil-katina tal-valur, sabiex jippreparaw għall-obbligi (jew it-talbiet konsegwenti li jistgħu jiġu mgħoddija lilhom indirettament). Dan jista’ jinkludi gwida prattika u għodod ta’ appoġġ bħal hotlines, bażijiet tad-data jew taħriġ, kif ukoll l-istabbiliment ta’ osservatorju sabiex jgħin lill-kumpaniji fl-implimentazzjoni tad-Direttiva. Barra minn hekk, il-klawżola ta’ rieżami tagħmel referenza espliċita għall-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva (jiġifieri l-kopertura tal-kategoriji tan-negozju), li jenħtieġ li tiġi riveduta fid-dawl tal-esperjenzi prattiċi bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni. Miżuri oħra ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqas l-impatt indirett fuq l-SMEs huma parti mill-obbligi tal-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali (jiġifieri dak li huwa kopert), inżamm strument trażversali li jkopri d-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali. Dan jirrifletti l-kunsens qawwi fost il-gruppi tal-partijiet ikkonċernati li huwa meħtieġ qafas orizzontali sabiex jiġu indirizzati l-problemi identifikati.

Barra minn hekk, il-Bord ikkummenta li l-valutazzjoni tal-impatt ma hijiex ċara biżżejjed dwar il-ħtieġa li jiġu regolati d-dmirijiet tad-diretturi minbarra r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tindirizza din il-kwistjoni billi tiddevja mill-pakkett tal-għażliet preferuti fil-valutazzjoni tal-impatt u billi tiffoka fuq l-element tad-dmirijiet tad-diretturi, fid-dawl ukoll tal-istandards internazzjonali eżistenti 72 , dwar id-diliġenza dovuta u d-dmir ta’ diliġenza. Dan jinkludi d-dmirijiet tad-diretturi relatati mal-istabbiliment u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta’ proċessi u miżuri ta’ diliġenza dovuta korporattiva, l-istabbiliment ta’ kodiċi ta’ kondotta għal dan il-għan kif ukoll l-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fl-istrateġija korporattiva. Sabiex jiġi rifless bis-sħiħ ir-rwol tad-diretturi fid-dawl tal-obbligi korporattivi ta’ diliġenza dovuta, id-dmir ġenerali tad-diretturi ta’ diliġenza għall-kumpanija, li huwa preżenti fid-dritt tal-kumpaniji tal-Istati Membri kollha, qed jiġi ċċarat ukoll billi huwa previst li meta jwettqu d-dmir tagħhom li jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpanija, jenħtieġ li d-diretturi jqisu l-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà tal-proposta għal Direttiva dwar ir-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà, inkluż, meta jkun applikabbli, id-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi ambjentali, inkluż fil-terminu l-qasir, dak medju u dak twil. L-ilħuq ulterjuri tad-dmirijiet speċifiċi tad-diretturi li kienu tressqu fil-valutazzjoni tal-impatt ma jinżammx. Dan se jiżgura li l-proposta twettaq l-objettiv tagħha filwaqt li tibqa’ proporzjonata.

Fir-rigward tal-kummenti tal-Bord, dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni kif ukoll il-premessi tal-proposta leġiżlattiva fihom spjegazzjonijiet komprensivi tal-għażliet ta’ politika li saru. Filwaqt li l-valutazzjoni tal-impatt sottomessa lill-Bord u l-opinjoni tal-Bord ġew ippubblikati mingħajr tibdil, Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta’ akkumpanjament separat tħejja sabiex jipprovdi evidenza u kjarifiki addizzjonali li jsegwu r-rimarki tal-Bord inkluż fir-rigward tal-evidenza. Dan id-dokument jindirizza b’mod partikolari dan li ġej:

1.Deskrizzjoni tal-problema:

l-iskala u l-evoluzzjoni tal-problemi ambjentali u ta’ sostenibbiltà marbuta direttament man-nuqqas apparenti jew l-użu insuffiċjenti ta’ prattiki ta’ ġestjoni tas-sostenibbiltà korporattiva mill-kumpaniji tal-UE li jridu jiġu indirizzati b’din id-Direttiva u l-valur miżjud tad-Direttiva fir-rigward tal-pakkett komprensiv ta’ miżuri sabiex tiġi promossa s-sostenibbiltà skont il-Patt Ekoloġiku;

għaliex id-dinamiċi tas-suq u dawk kompetittivi flimkien mal-evoluzzjoni ulterjuri tal-istrateġiji korporattivi tal-kumpaniji u tas-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji jitqiesu insuffiċjenti u fir-rigward tar-rabta kawżali preżunta bejn l-użu ta’ għodod ta’ sostenibbiltà korporattiva u l-effett prattiku tagħhom fl-indirizzar tal-problemi;

2.Impatti tal-għażla ppreferuta:

kwistjonijiet relatati ma’ pajjiżi terzi, l-integrazzjoni ta’ osservazzjonijiet (i) dwar l-iżviluppi mistennija f’pajjiżi terzi (inkluż it-teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri tal-UE u internazzjonali ta’ appoġġ għall-kummerċ u l-iżvilupp), (ii) dwar l-impatti fuq pajjiżi terzi u fuq fornituri f’pajjiżi terzi;

il-mekkaniżmu ta’ infurzar, li jkompli jespandi fuq il-valur miżjud ta’ sistema ta’ infurzar b’żewġ pilastri li tibni fuq l-infurzar amministrattiv u r-responsabbiltà ċivili;

impatti fuq il-kompetizzjoni u l-kompetittività.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, inklużi mikrointrapriżi ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni u l-effetti indiretti fuqhom se jiġu mnaqqsa permezz ta’ miżuri u linji gwida ta’ appoġġ fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri kif ukoll fir-relazzjonijiet bejn in-negozji bl-użu ta’ klawżoli kuntrattwali mudell u permezz ta’ rekwiżiti ta’ proporzjonalità għas-sieħeb tan-negozju akbar.

Drittijiet fundamentali

Kif spjegat fil-valutazzjoni tal-impatt u abbażi tal-evidenza eżistenti, ir-rekwiżiti obbligatorji tad-diliġenza dovuta jista’ jkollhom benefiċċji sinifikanti għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni diretta għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Awtoritajiet ta’ Sorveljanza sabiex tgħin fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Tali Network se jkun magħmul mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji maħtura mill-Istati Membri u, meta jkun meħtieġ, magħquda ma’ aġenziji oħra tal-Unjoni b’għarfien espert rilevanti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva, sabiex tiġi żgurata l-konformità mill-kumpaniji tal-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta, sabiex jiġu ffaċilitati u żgurati l-koordinazzjoni u l-konverġenza ta’ prattiki regolatorji, investigattivi, ta’ sanzjonar u superviżorji, u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fost dawn l-awtoritajiet superviżorji.

Wara seba’ snin mit-tmiem tal-perjodu tat-traspożizzjoni, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż, fost aspetti oħra, l-effettività tagħha. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

Sabiex tipprovdi ċarezza u appoġġ lill-kumpaniji u lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni se toħroġ gwida, fejn meħtieġ.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa ta’ din id-Direttiva, ikun meħtieġ id-dokument ta’ spjegazzjoni, eż. fil-forma ta’ tabelli ta’ korrelazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistabbilixxi s-suġġett tad-Direttiva, jiġifieri, jistabbilixxi regoli dwar l-obbligi ta’ diliġenza dovuta minn kumpaniji fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali reali u potenzjali, fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom, u l-operazzjonijiet tal-katina tal-valur imwettqa minn relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti; id-dispożizzjoni tispeċifika wkoll li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ir-responsabbiltà għal ksur tal-obbligu ta’ diliġenza dovuta.

L-Artikolu 2 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva u jistabbilixxi l-kriterji li abbażi tagħhom Stat Membru jkun kompetenti sabiex jirregola kwistjonijiet koperti f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 3 fih definizzjonijiet għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 4 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu d-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali billi jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi elenkati fl-Artikoli 5 sa 11 tad-Direttiva.

L-Artikolu 5 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki korporattivi kollha u jkollhom fis-seħħ politika ta’ diliġenza dovuta li tiġi aġġornata kull sena. Id-dispożizzjoni tispeċifika li din il-politika jenħtieġ li tinkludi deskrizzjoni tal-approċċ tal-kumpanija għad-diliġenza dovuta, ta’ kodiċi ta’ kondotta li għandu jiġi segwit mill-impjegati u mis-sussidjarji tal-kumpanija,    mill-proċessi stabbiliti għall-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta.

L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa sabiex jidentifikaw impatti negattivi reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali fl-operazzjonijiet tagħhom stess, fis-sussidjarji tagħhom u fil-livell tar-relazzjonijiet kummerċjali diretti jew indiretti stabbiliti tagħhom fil-katina tal-valur tagħhom.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi r-rekwiżit għall-Istati Membri li jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu impatti negattivi potenzjali identifikati skont l-Artikolu 6, jew sabiex inaqqsu b’mod adegwat dawk l-impatti, fejn il-prevenzjoni ma tkunx possibbli jew tkun teħtieġ implimentazzjoni gradwali.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa sabiex iġibu fi tmiemhom impatti negattivi reali fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali li kellhom jew setgħu identifikaw skont l-Artikolu 6. Meta ma jkunx jista’ jinġieb fi tmiemu impatt negattiv li jkun seħħ fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti diretti jew indiretti stabbiliti, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa tal-impatt.

L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-obbligu tal-    Istati Membri sabiex jiżguraw li l-kumpaniji jipprevedu l-possibbiltà li jippreżentaw ilmenti lill-kumpanija f’każ ta’ tħassib leġittimu dwar dawk l-impatti negattivi potenzjali jew reali, inkluż fil-katina tal-valur tal-kumpanija. Il-kumpaniji huma meħtieġa jagħtu din il-possibbiltà lil persuni li huma affettwati jew li għandhom raġunijiet raġonevoli sabiex jemmnu li jistgħu jiġu affettwati minn impatt negattiv, lil trade unions u rappreżentanti ta’ ħaddiema oħra li jirrappreżentaw individwi li jaħdmu fil-katina tal-valur ikkonċernata, u lil l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam ikkonċernat.

L-Artikolu 10 jintroduċi l-obbligu għall-Istati Membri li jirrikjedu lill-kumpaniji jivvalutaw perjodikament l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tagħhom sabiex jivverifikaw li l-impatti negattivi jiġu identifikati kif xieraq u li jiġu implimentati miżuri preventivi jew korrettivi, u sabiex jiġi ddeterminat sa liema punt l-impatti negattivi ġew evitati jew mitmuma jew sa fejn dawn ġew minimizzati.

L-Artikolu 11 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-kumpaniji li ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar skont id-Direttiva 2013/34/UE jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva u jippubblikaw dikjarazzjoni annwali fuq is-sit web tagħhom.

L-Artikolu 12 jistabbilixxi l-obbligu għall-Kummissjoni li tadotta gwida dwar klawżoli kuntrattwali mudell mhux vinkolanti sabiex tgħin lill-kumpaniji jikkonformaw mal-Artikolu 7(2)(b), u l-Artikolu 8(3)(c).

L-Artikolu 13 jistabbilixxi l-possibbiltà li l-Kummissjoni, sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif il-kumpaniji jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta, joħorġu linji gwida, għal setturi speċifiċi jew għal impatti negattivi speċifiċi, f’konsultazzjoni mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u fejn xieraq ma’ korpi internazzjonali li għandhom għarfien espert fid-diliġenza dovuta.

L-Artikolu 14 jirrikjedi li l-Istati Membri u l-Kummissjoni jipprovdu miżuri ta’ akkumpanjament lill-kumpaniji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u lill-atturi tul il-ktajjen tal-valur globali li huma affettwati indirettament mill-obbligi tad-Direttiva. Tali appoġġ jista’ jvarja mill-operat ta’ siti web, portali jew pjattaformi ddedikati għall-appoġġ finanzjarju lill-SMEs, u l-faċilitazzjoni ta’ inizjattivi konġunti tal-partijiet ikkonċernati. Din id-dispożizzjoni tiċċara aktar li l-kumpaniji jistgħu jiddependu fuq skemi tal-industrija u inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta u li l-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tista’ toħroġ gwida għall-valutazzjoni tal-idoneità ta’ skemi bħal dawn.

L-Artikolu 15 jirrikjedi li    l-Istati Membri jiżguraw li ċerti kumpaniji jadottaw pjan sabiex jiżguraw li l-mudell tan-negozju u l-istrateġija tal-kumpanija jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi.

L-Artikolu 16 jintroduċi r-rekwiżit għall-kumpaniji ffurmati skont il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva skont l-Artikolu 2(2), li jaħtru rappreżentant awtorizzat b’mandat suffiċjenti fl-Unjoni sabiex jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dwar il-kwistjonijiet kollha meħtieġa għar-riċevuta ta’, il-konformità ma’ u l-infurzar ta’ atti legali maħruġa fir-rigward ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 17 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-Istati Membri jaħtru awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar sabiex jiżguraw il-konformità mill-kumpaniji mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom u mal-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 15(1) u (2) u sabiex jeżerċitaw is-setgħat ta’ infurzar ta’ dawk l-obbligi skont l-Artikolu 18.

L-Artikolu 18 jistabbilixxi s-setgħat u r-riżorsi xierqa tal-awtoritajiet superviżorji maħtura mill-Istati Membri sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom ta’ superviżjoni u infurzar.

L-Artikolu 19 jistabbilixxi r-rekwiżit għall-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li jkollha raġunijiet sabiex temmen, abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi, li kumpanija ma tikkonformax kif xieraq mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, tkun intitolata tissottometti tħassib sostanzjat, b’mod partikolari fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħha, l-uffiċċju rreġistrat, il-post tax-xogħol jew il-post tal-allegat ksur, lill-awtoritajiet superviżorji.

L-Artikolu 20 jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati.    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun jenħtieġ li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet superviżorji li jkun fiha sanzjonijiet relatati mal-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva tiġi ppubblikata.

L-Artikolu 21 jintroduċi Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji magħmul mir-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali superviżorji msemmija fl-Artikolu 16, bil-għan li jiffaċilita u jiżgura l-koordinazzjoni u l-allinjament ta’ prattiki regolatorji, investigattivi, ta’ sanzjonar u superviżorji, u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fost dawn l-awtoritajiet superviżorji.

L-Artikolu 22 jistabbilixxi r-rekwiżit għall-Istati Membri li jistabbilixxu regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà ċivili tal-kumpanija għad-danni li jirriżultaw minħabba n-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta taħt kundizzjonijiet speċifiċi. Dan jintroduċi wkoll l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li r-responsabbiltà prevista fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu ma tiġix miċħuda fuq il-bażi unika li l-liġi applikabbli għal tali pretensjonijiet ma hijiex il-liġi ta’ Stat Membru.

L-Artikolu 23 jistabbilixxi l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni, għar-rapportar tal-ksur kollu ta’ din id-Direttiva u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur.

L-Artikolu 23 jiċċara l-kundizzjonijiet tal-appoġġ pubbliku għall-kumpaniji.

L-Artikolu 25 jiċċara d-dmir ta’ diliġenza tad-diretturi.

L-Artikolu 26 jistabbilixxi d-dmir tad-diretturi tal-kumpaniji tal-UE li jistabbilixxu u jissorveljaw l-implimentazzjoni ta’ proċessi u miżuri ta’ diliġenza dovuta tas-sostenibbiltà korporattiva u li jadattaw l-istrateġija korporattiva għad-diliġenza dovuta.

L-Artikolu 27 jemenda l-Anness tad-Direttiva (UE) Nru 2019/1937.

L-Artikolu 28 jistabbilixxi r-regoli dwar l-atti delegati.

L-Artikolu 29 fih dispożizzjoni dwar ir-reviżjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 30 fih dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva.

L-Artikolu 31 jistabbilixxi d-data ta’ meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

L-Artikolu 32 jistabbilixxi d-destinatarji ta’ din id-Direttiva.

Il-listi li jinsabu fl-Anness jispeċifikaw l-impatti ambjentali negattivi u l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem rilevanti għal din id-Direttiva, sabiex ikopru l-ksur tad-drittijiet u l-projbizzjonijiet inklużi l-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem (il-Parti I, it-Taqsima 1), id-drittijiet tal-bniedem u l-konvenzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali (il-Parti I, it-Taqsima 2) u l-ksur ta’ objettivi u projbizzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment inklużi fil-konvenzjonijiet ambjentali (il-Parti II).

2022/0051 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(1) u (2)(g) u l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 73 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni hija bbażata fuq ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem kif stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawk il-valuri ewlenin li ispiraw il-ħolqien tal-Unjoni stess, kif ukoll l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali, jenħtieġ li jiggwidaw l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali. Tali azzjoni tinkludi t-trawwim tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

(2)Livell għoli ta’ protezzjoni u titjib tal-kwalità tal-ambjent u l-promozzjoni tal-valuri ewlenin Ewropej huma fost il-prijoritajiet tal-Unjoni, kif stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Patt Ekoloġiku Ewropew 74 . Dawn l-objettivi jeħtieġu l-involviment mhux biss tal-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll ta’ atturi privati, b’mod partikolari kumpaniji.

(3)Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjoni Ġusta 75 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li ttejjeb l-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa sabiex tikseb tranżizzjoni ġusta lejn is-sostenibbiltà. Din id-Direttiva se tikkontribwixxi wkoll għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jippromwovi d-drittijiet li jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Din tifforma parti mill-politiki u l-istrateġiji tal-UE relatati mal-promozzjoni tax-xogħol deċenti madwar id-dinja, inkluż fil-ktajjen tal-valur globali, kif imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja 76 .

(4)L-imġiba tal-kumpaniji fis-setturi kollha tal-ekonomija hija kruċjali għas-suċċess fl-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-Unjoni billi l-kumpaniji tal-Unjoni, speċjalment dawk kbar, jiddependu fuq il-ktajjen tal-valur mondjali. Huwa wkoll fl-interess tal-kumpaniji li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent, b’mod partikolari minħabba t-tħassib dejjem jikber tal-konsumaturi u tal-investituri dwar dawn is-suġġetti. Diversi inizjattivi li jrawmu intrapriżi li jappoġġaw trasformazzjoni orjentata lejn il-valur diġà jeżistu fil-livell tal-Unjoni 77 , kif ukoll fil-livell nazzjonali 78 .

(5)L-istandards internazzjonali eżistenti dwar imġiba responsabbli fin-negozju jispeċifikaw li l-kumpaniji jenħtieġ li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u jistabbilixxu kif jenħtieġ li jindirizzaw il-ħarsien tal-ambjent fl-operazzjonijiet u fil-ktajjen tal-valur tagħhom. Il-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem 79 jirrikonoxxu r-responsabbiltà tal-kumpaniji li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem billi jidentifikaw, jipprevjenu u jnaqqsu l-impatti negattivi tal-operazzjonijiet tagħhom fuq id-drittijiet tal-bniedem u billi jkunu responsabbli għal kif jindirizzaw dawk l-impatti. Dawk il-Prinċipji ta’ Gwida jiddikjaraw li n-negozji jenħtieġ li jevitaw li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u jenħtieġ li jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem li jkunu kkawżaw, ikkontribwew għalihom jew li jkunu marbuta mal-operazzjonijiet tagħhom, mas-sussidjarji tagħhom u permezz tar-relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti tagħhom.

(6)Il-kunċett ta’ diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem ġie speċifikat u żviluppat aktar fil-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali 80 li estendew l-applikazzjoni tad-diliġenza dovuta għal suġġetti ambjentali u ta’ governanza. Il-Gwida tal-OECD dwar il-Kondotta Responsabbli tan-Negozju u l-gwida settorjali 81 huma oqfsa rikonoxxuti internazzjonalment li jistabbilixxu passi prattiċi ta’ diliġenza dovuta sabiex jgħinu lill-kumpaniji jidentifikaw, jipprevjenu, inaqqsu u jkunu responsabbli għal mod kif jindirizzaw l-impatti reali u potenzjali fl-operazzjonijiet, fil-ktajjen tal-valur u f’relazzjonijiet kummerċjali oħra tagħhom. Il-kunċett ta’ diliġenza dovuta huwa inkorporat ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tad-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali 82 .

(7)L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti 83 , adottati mill-Istati Membri kollha tan-Nazzjonijiet Uniti fl-2015, jinkludu l-objettivi għall-promozzjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostnut, inklużiv u sostenibbli. L-Unjoni stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li twettaq l-għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. Is-settur privat jikkontribwixxi għal dawk l-għanijiet.

(8)Il-ftehimiet internazzjonali skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li l-Unjoni u l-Istati Membri huma partijiet fihom, bħall-Ftehim ta’ Pariġi 84 u l-Patt Klimatiku ta’ Glasgow reċenti 85 , jistabbilixxu toroq preċiżi sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u sabiex it-tisħin globali jinżamm fi ħdan 1,5 grad C. Minbarra li mistennija azzjonijiet speċifiċi mill-Partijiet firmatarji kollha, ir-rwol tas-settur privat, b’mod partikolari l-istrateġiji ta’ investiment tiegħu, huwa meqjus ċentrali sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(9)Fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima 86 , l-Unjoni impenjat legalment ukoll li ssir newtrali għall-klima sal-2050 u li tnaqqas l-emissjonijiet b’mill-inqas 55 % sal-2030. Dawn iż-żewġ impenji jeħtieġu bidla fil-mod li bih il-kumpaniji jipproduċu u jakkwistaw. Il-Pjan tal-Miri Klimatiċi tal-Kummissjoni għall-2030 87 jimmudella diversi gradi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet meħtieġ minn setturi ekonomiċi differenti, għalkemm kollha jeħtieġ li jaraw tnaqqis konsiderevoli fix-xenarji kollha għall-Unjoni sabiex tilħaq l-objettivi klimatiċi tagħha. Il-Pjan jenfasizza wkoll li “bidliet fir-regoli u l-prattiki ta’ governanza korporattiva, inkluż dwar il-finanzi sostenibbli, se jagħmlu lis-sidien tal-kumpaniji u lill-maniġers jipprijoritizzaw l-objettivi ta’ sostenibbiltà fl-azzjonijiet u fl-istrateġiji tagħhom.” Il-Komunikazzjoni tal-2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 88 tistabbilixxi li l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien sabiex jgħinu lill-Unjoni tikseb tranżizzjoni ġusta u li tirnexxi lejn futur sostenibbli. Hija tistabbilixxi wkoll li s-sostenibbiltà jenħtieġ li tiġi inkorporata aktar fil-qafas ta’ governanza korporattiva.

(10)Skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tfassil ta’ Ewropa reżiljenti għall-klima 89 li tippreżenta l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Adattament għat-tibdil fil-klima, jenħtieġ li deċiżjonijiet ġodda dwar l-investiment u l-politika jkunu infurmati dwar il-klima u validi għall-futur, inkluż għal negozji akbar li jiġġestixxu l-ktajjen tal-valur. Din id-Direttiva jenħtieġ li tkun konsistenti ma’ dik l-Istrateġija. Bl-istess mod, jenħtieġ li jkun hemm konsistenza mad-Direttiva tal-Kummissjoni […] li temenda d-Direttiva 2013/36/UE fir-rigward tas-setgħat superviżorji, is-sanzjonijiet, il-fergħat ta’ pajjiżi terzi, u r-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali) 90 , li tistabbilixxi rekwiżiti ċari għar-regoli ta’ governanza tal-banek inkluż l-għarfien dwar ir-riskji ambjentali, soċjali u ta’ governanza fil-livell tal-bord tad-diretturi.

(11)Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar ekonomija Ċirkolari 91 , l-istrateġija dwar il-Bijodiversità 92 , l-istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt 93   u l-istrateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi 94  u l-aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Il-bini ta’ Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa 95 , l-Industrija 5.0 96 u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 97 u r-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-2021 98 jelenkaw inizjattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli fost l-elementi tagħhom.

(12)Din id-Direttiva hija f’koerenza mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 99 . Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jiddefinixxi bħala prijorità t-tisħiħ tal-impenn tal-Unjoni li tippromwovi b’mod attiv l-implimentazzjoni globali tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u linji gwida internazzjonali rilevanti oħra bħal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali, inkluż billi tavvanza l-istandards rilevanti ta’ diliġenza dovuta.

(13)Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2021, jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli tal-Unjoni għal obbligu komprensiv ta’ diliġenza dovuta korporattiva 100 . Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u x-Xogħol Deċenti fil-Ktajjen tal-Provvista Globali tal-1 ta’ Diċembru 2020 talbu lill-Kummissjoni tressaq proposta għal qafas legali tal-Unjoni dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, inklużi obbligi ta’ diliġenza dovuta korporattiva transsettorjali tul il-ktajjen tal-provvista globali 101 . Il-Parlament Ewropew jitlob ukoll li jiġu ċċarati d-dmirijiet tad-diretturi fir-rapport fuq inizjattiva proprja tiegħu adottat fit-2 ta’ Diċembru 2020 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli. Fid-Dikjarazzjoni Konġunta tagħhom dwar il-Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2022 102 , il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom, li jwettqu ekonomija għas-servizz tan-nies, u li jtejbu l-qafas regolatorju dwar il-governanza korporattiva sostenibbli.

(14)Din id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura li l-kumpaniji attivi fis-suq intern jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tal-ekonomiji u s-soċjetajiet permezz tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni, it-twaqqif u l-minimizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-impatti ambjentali negattivi potenzjali jew reali marbuta mal-operazzjonijiet proprji tal-kumpaniji, mas-sussidjarji u mal-ktajjen tal-valur.

(15)Jenħtieġ li l-kumpaniji jieħdu passi xierqa sabiex jistabbilixxu u jwettqu miżuri ta’ diliġenza dovuta, fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, is-sussidjarji tagħhom, kif ukoll ir-relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti stabbiliti tagħhom tul il-ktajjen tal-valur tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tirrikjedix li l-kumpaniji jiggarantixxu, fiċ-ċirkostanzi kollha, li l-impatti negattivi qatt ma jseħħu jew li se jitwaqqfu. Pereżempju fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali fejn l-impatt negattiv jirriżulta mill-intervent tal-Istat, il-kumpanija tista’ ma tkunx f’pożizzjoni li tasal għal dawn ir-riżultati. Għalhekk, jenħtieġ li l-obbligi ewlenin f’din id-Direttiva jkunu “obbligi ta’ mezzi”. Jenħtieġ li l-kumpanija tieħu l-miżuri xierqa li jistgħu jkunu raġonevolment mistennija li jirriżultaw fil-prevenzjoni jew fil-minimizzazzjoni tal-impatt negattiv fiċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku. Jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-katina tal-valur, tas-settur jew taż-żona ġeografika tal-kumpanija li fiha joperaw is-sħab tal-katina tal-valur tagħha, tas-setgħa tal-kumpanija li tinfluwenza r-relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti tagħha, u jekk il-kumpanija tistax iżżid is-setgħa ta’ influwenza tagħha.

(16)Il-proċess ta’ diliġenza dovuta stabbilit f’din id-Direttiva jenħtieġ li jkopri s-sitt passi definiti mill-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Imġiba Responsabbli fin-Negozju, li jinkludu miżuri ta’ diliġenza dovuta għall-kumpaniji sabiex jidentifikaw u jindirizzaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali. Dan jinkludi l-passi li ġejjin: (1) l-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki u fis-sistemi ta’ ġestjoni, (2) l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-impatti ambjentali negattivi, (3) il-prevenzjoni, il-waqfien jew il-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, (4) il-valutazzjoni tal-effettività tal-miżuri, (5) il-komunikazzjoni, (6) il-provvista ta’ rimedju.

(17)L-impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatt ambjentali jseħħu fl-operazzjonijiet proprji tal-kumpaniji, fis-sussidjarji, fil-prodotti, u fil-ktajjen tal-valur tagħhom, b’mod partikolari fil-livell tal-akkwist tal-materja prima, fil-manifattura, jew fil-livell tar-rimi tal-prodott jew tal-iskart. Sabiex id-diliġenza dovuta jkollha impatt sinifikanti, jenħtieġ li din tkopri l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali ġġenerati matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-produzzjoni u l-użu u r-rimi tal-prodott jew tal-forniment tas-servizzi, fil-livell tal-operazzjonijiet proprji, tas-sussidjarji u fil-ktajjen tal-valur.

(18)Il-katina tal-valur jenħtieġ li tkopri attivitajiet relatati mal-produzzjoni ta’ oġġett jew mal-forniment tas-servizzi minn kumpanija, inkluż l-iżvilupp tal-prodott jew tas-servizz u l-użu u r-rimi tal-prodott kif ukoll l-attivitajiet relatati ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti tal-kumpanija. Jenħtieġ li din tinkludi relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti stabbiliti upstream li jfasslu, jestrattaw, jimmanifatturaw, jittrasportaw, jaħżnu u jfornu materja prima, prodotti, partijiet ta’ prodotti, jew jipprovdu servizzi lill-kumpanija li huma meħtieġa biex il-kumpanija twettaq l-attivitajiet tagħha, kif ukoll relazzjonijiet downstream, inklużi relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti stabbiliti, li jużaw jew jirċievu prodotti, partijiet ta’ prodotti jew servizzi mill-kumpanija sa tmiem il-ħajja tal-prodott, inkluż fost l-oħrajn id-distribuzzjoni tal-prodott lill-bejjiegħa bl-imnut, it-trasport u l-ħżin tal-prodott, iż-żarmar tal-prodott, ir-riċiklaġġ, il-kompostjar jew ir-rimi tiegħu.

(19)Fir-rigward ta’ impriżi finanzjarji regolati li jipprovdu self, kreditu, jew servizzi finanzjarji oħra, “katina tal-valur” fir-rigward tal-forniment ta’ tali servizzi jenħtieġ li tkun limitata għall-attivitajiet tal-klijenti li jirċievu tali servizzi, u s-sussidjarji tagħhom li l-attivitajiet tagħhom huma marbuta mal-kuntratt inkwistjoni. Jenħtieġ li l-klijenti li huma unitajiet domestiċi u persuni fiżiċi li ma jaġixxux f’kapaċità professjonali jew kummerċjali, kif ukoll impriżi żgħar u ta’ daqs medju, ma jitqisux bħala parti mill-katina tal-valur. Jenħtieġ li l-attivitajiet tal-kumpaniji jew ta’ entitajiet ġuridiċi oħra li huma inklużi fil-katina tal-valur ta’ dak il-klijent ma jkunux koperti.

(20)Sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jidentifikaw kif xieraq l-impatti negattivi fil-katina tal-valur tagħhom u sabiex ikun possibbli għalihom li jeżerċitaw ingranaġġ xieraq, jenħtieġ li l-obbligi ta’ diliġenza dovuta jkunu limitati f’din id-Direttiva għal relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti. Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti jfissru tali relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti li huma, jew li mistennija jkunu dejjiema, fid-dawl tal-intensità u d-durata tagħhom u li ma jirrappreżentawx parti negliġibbli jew anċillari tal-katina tal-valur. In-natura tar-relazzjonijiet kummerċjali bħala “stabbiliti” jenħtieġ li tiġi vvalutata mill-ġdid perjodikament, u mill-inqas kull 12-il xahar. Jekk tiġi stabbilita r-relazzjoni kummerċjali diretta ta’ kumpanija, ir-relazzjonijiet kummerċjali indiretti marbuta kollha jenħtieġ li jitqiesu wkoll bħala stabbiliti fir-rigward ta’ dik il-kumpanija.

(21)Skont din id-Direttiva, il-kumpaniji tal-UE b’medja ta’ aktar minn 500 impjegat u fatturat nett globali li jaqbeż il-EUR 150 miljun fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkonformaw mad-diliġenza dovuta. Fir-rigward ta’ kumpaniji li ma jissodisfawx dawk il-kriterji, iżda li kellhom medja ta’ aktar minn 250 impjegat u fatturat nett globali ta’ aktar minn EUR 40 miljun fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja u li joperaw f’settur wieħed jew aktar b’impatt għoli, id-diliġenza dovuta jenħtieġ li tapplika sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, sabiex tipprevedi perjodu ta’ adattament itwal. Sabiex jiġi żgurat piż proporzjonat, jenħtieġ li l-kumpaniji li joperaw f’tali setturi b’impatt għoli jkunu meħtieġa jikkonformaw ma’ diliġenza dovuta aktar immirata li tiffoka fuq impatti negattivi severi. Il-ħaddiema temporanji tal-aġenziji, inklużi dawk stazzjonati skont l-Artikolu 1(3)(c), tad-Direttiva 96/71/KE, kif emendata bid-Direttiva 2018/957/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 103 , jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kalkolu tan-numru ta’ impjegati fil-kumpanija tal-utenti. Il-ħaddiema stazzjonati skont l-Artikolu 1(3)(a) u (b) tad-Direttiva 96/71/KE, kif emendata mid-Direttiva 2018/957/UE, jenħtieġ li jiġu inklużi biss fil-kalkolu tan-numru ta’ impjegati tal-kumpanija mittenti.

(22)Sabiex jiġu riflessi l-oqsma ta’ prijorità ta’ azzjoni internazzjonali mmirati lejn l-indirizzar tad-drittijiet tal-bniedem u l-kwistjonijiet ambjentali, l-għażla ta’ setturi b’impatt għoli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkun ibbażata fuq gwida settorjali eżistenti tal-OECD dwar id-diliġenza dovuta. Jenħtieġ li s-setturi li ġejjin jitqiesu bħala ta’ impatt għoli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: il-manifattura tat-tessuti, tal-ġilda u tal-prodotti relatati (inkluż ix-xedd tas-saqajn), u l-kummerċ bl-ingrossa tat-tessuti, tal-ħwejjeġ u taż-żraben; l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd (inkluża l-akkwakultura), il-manifattura ta’ prodotti tal-ikel, u l-kummerċ bl-ingrossa ta’ materja prima agrikola, annimali ħajjin, injam, ikel u xorb; l-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali irrispettivament minn fejn jiġu estratti (inklużi żejt grezz, gass naturali, faħam, linjite, metalli u minerali tal-metall, kif ukoll il-minerali u l-prodotti tal-barrieri mhux metalliċi l-oħrajn kollha), il-manifattura ta’ prodotti tal-metall bażiċi, prodotti minerali mhux metalliċi oħrajn u prodotti tal-metall fabbrikat (ħlief makkinarju u tagħmir), u n-negozju bl-ingrossa ta’ riżorsi minerali, prodotti minerali bażiċi u intermedji (inklużi metalli u minerali tal-metall, materjali tal-kostruzzjoni, fjuwils, sustanzi kimiċi u prodotti intermedji oħrajn). Fir-rigward tas-settur finanzjarju, minħabba l-ispeċifiċitajiet tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-katina tal-valur u s-servizzi offruti, anke jekk ikun kopert minn gwida tal-OECD speċifika għas-settur, jenħtieġ li dan ma jifformax parti mis-setturi b’impatt għoli koperti minn din id-Direttiva. Fl-istess ħin, f’dan is-settur, il-kopertura usa’ tal-impatti negattivi reali u potenzjali jenħtieġ li tiġi żgurata billi jiġu inklużi wkoll kumpaniji kbar ħafna fil-kamp ta’ applikazzjoni li huma impriżi finanzjarji regolati, anke jekk ma jkollhomx forma ġuridika b’responsabbiltà limitata.

(23)Sabiex jintlaħqu bis-sħiħ l-objettivi ta’ din id-Direttiva li jindirizzaw impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali fir-rigward tal-operazzjonijiet, is-sussidjarji u l-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji, jenħtieġ li jiġu koperti wkoll kumpaniji ta’ pajjiżi terzi b’operazzjonijiet sinifikanti fl-UE. B’mod aktar speċifiku, id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi li ġġeneraw fatturat nett ta’ mill-inqas EUR 150 miljun fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja jew fatturat nett ta’ aktar minn EUR 40 miljun iżda anqas minn EUR 150 miljun fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja f’wieħed jew aktar mis-setturi b’impatt għoli, minn sentejn wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.

(24)Għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fir-rigward ta’ kumpaniji mhux tal-UE, jenħtieġ li jintgħażel il-kriterju tal-fatturat deskritt peress li joħloq konnessjoni territorjali bejn il-kumpaniji ta’ pajjiżi terzi u t-territorju tal-Unjoni. Il-fatturat huwa indikatur tal-effetti li l-attivitajiet ta’ dawk il-kumpaniji jista’ jkollhom fuq is-suq intern. F’konformità mad-dritt internazzjonali, tali effetti jiġġustifikaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għal kumpaniji ta’ pajjiżi terzi. Sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-fatturat rilevanti tal-kumpaniji kkonċernati, jenħtieġ li jintużaw il-metodi għall-kalkolu tal-fatturat nett għal kumpaniji mhux tal-UE kif stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2013/34 kif emendata bid-Direttiva (UE) 2021/2101. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv ta’ din id-Direttiva, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li ma jiġix applikat livell limitu għall-impjegati sabiex jiġi ddeterminat liema kumpaniji ta’ pajjiżi terzi jaqgħu taħt din id-Direttiva, peress li l-kunċett ta’ “impjegati” adottat għall-finijiet ta’ din id-Direttiva huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni u ma setax jiġi traspost faċilment barra mill-Unjoni. Fin-nuqqas ta’ metodoloġija ċara u konsistenti, inkluż fl-oqfsa kontabilistiċi, sabiex jiġu ddeterminati l-impjegati ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi, tali limitu tal-impjegati għalhekk joħloq inċertezza legali u jkun diffiċli li jiġi applikat għall-awtoritajiet superviżorji. Id-definizzjoni tal-fatturat jenħtieġ li tkun ibbażata fuq id-Direttiva 2013/34/UE li diġà stabbiliet il-metodi għall-kalkolu tal-fatturat nett għal kumpaniji mhux tal-Unjoni, peress li d-definizzjonijiet tal-fatturat u tad-dħul huma simili wkoll fl-oqfsa internazzjonali tal-kontabilità. Bil-għan li jiġi żgurat li l-awtorità superviżorja tkun taf liema kumpaniji ta’ pajjiżi terzi jiġġeneraw il-fatturat meħtieġ fl-Unjoni sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li din id-Direttiva tirrikjedi li awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat tal-kumpanija ta’ pajjiż terz ikun domiċiljat jew stabbilit u, fejn ikun differenti, awtorità superviżorja fl-Istat Membru li fih il-kumpanija ġġenerat il-biċċa l-kbira mill-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja tiġi infurmata li l-kumpanija hija kumpanija li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(25)Sabiex tinkiseb kontribuzzjoni sinifikanti għat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, jenħtieġ li titwettaq id-diliġenza dovuta skont din id-Direttiva fir-rigward tal-impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem fuq il-persuni protetti li jirriżulta mill-ksur ta’ wieħed mid-drittijiet u mill-projbizzjonijiet kif stabbiliti fil-konvenzjonijiet internazzjonali kif elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva. Sabiex tiġi żgurata kopertura komprensiva tad-drittijiet tal-bniedem, ksur ta’ projbizzjoni jew ta’ dritt mhux elenkat speċifikament f’dak l-Anness li jfixkel direttament interess ġuridiku protett f’dawk il-konvenzjonijiet jenħtieġ li jifforma wkoll parti mill-impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem kopert minn din id-Direttiva, dment li l-kumpanija kkonċernata tkun setgħet stabbiliet b’mod raġonevoli r-riskju ta’ tali indeboliment u kwalunkwe miżura xierqa li għandha tittieħed sabiex tikkonforma mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta skont din id-Direttiva, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-operazzjonijiet tagħhom, bħas-settur u l-kuntest operazzjonali. Id-diliġenza dovuta jenħtieġ li tkompli tinkludi impatti ambjentali negattivi li jirriżultaw mill-ksur ta’ waħda mill-projbizzjonijiet u l-obbligi skont il-konvenzjonijiet ambjentali internazzjonali elenkati fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

(26)Il-kumpaniji għandhom gwida għad-dispożizzjoni tagħhom li turi kif l-attivitajiet tagħhom jista’ jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem u liema mġiba korporattiva hija pprojbita skont id-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti internazzjonalment. Tali gwida hija inkluża pereżempju fil-Qafas ta’ Rapportar tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti 104 u fil-Gwida Interpretattiva tal-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti 105 . Bl-użu ta’ linji gwida u standards internazzjonali rilevanti bħala referenza, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ toħroġ gwida addizzjonali li sservi bħala għodda prattika għall-kumpaniji.

(27)Sabiex iwettqu diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom, is-sussidjarji tagħhom, u l-ktajjen tal-valur tagħhom, il-kumpaniji koperti minn din id-Direttiva jenħtieġ li jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki korporattivi, jidentifikaw, jipprevjenu u jnaqqsu kif ukoll itemmu u jimminimizzaw il-firxa tal-impatti negattivi potenzjali u reali fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, jistabbilixxu u jżommu fis-seħħ proċedura għall-ilmenti, jimmonitorjaw l-effettività tal-miżuri meħuda f’konformità mar-rekwiżiti li huma stabbiliti f’din id-Direttiva u jikkomunikaw pubblikament dwar id-diliġenza dovuta tagħhom. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċarezza għall-kumpaniji, b’mod partikolari l-passi meħuda għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali u għat-tmiem, jew meta dan ma jkunx possibbli, għall-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi reali jenħtieġ li jiġu distinti b’mod ċar f’din id-Direttiva.

(28)Sabiex jiġi żgurat li d-diliġenza dovuta tifforma parti mill-politiki korporattivi tal-kumpaniji, u f’konformità mal-qafas internazzjonali rilevanti, il-kumpaniji jenħtieġ li jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki korporattivi kollha tagħhom u jkollhom fis-seħħ politika ta’ diliġenza dovuta. Il-politika ta’ diliġenza dovuta jenħtieġ li jkun fiha deskrizzjoni tal-approċċ tal-kumpanija, inkluż fit-tul, għad-diliġenza dovuta, kodiċi ta’ kondotta li jiddeskrivi r-regoli u l-prinċipji li jridu jiġu segwiti mill-impjegati u mis-sussidjarji tal-kumpanija; deskrizzjoni tal-proċessi stabbiliti għall-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta, inklużi l-miżuri meħuda sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta u sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha għal relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti. Il-kodiċi ta’ kondotta jenħtieġ li japplika fil-funzjonijiet u l-operazzjonijiet korporattivi rilevanti kollha, inklużi d-deċiżjonijiet dwar l-akkwist u x-xiri. Jenħtieġ li l-kumpaniji jaġġornaw ukoll il-politika tagħhom ta’ diliġenza dovuta kull sena.

(29)Sabiex jikkonformaw mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta, il-kumpaniji jeħtieġ li jieħdu miżuri xierqa fir-rigward tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni u t-tmiem tal-impatti negattivi. “Miżura xierqa” jenħtieġ li tfisser miżura li tkun kapaċi tikseb l-objettivi tad-diliġenza dovuta, proporzjonali mal-grad ta’ severità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv, u raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi l-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u tar-relazzjoni kummerċjali speċifika u l-influwenza tal-kumpanija fuqha, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-prijoritizzazzjoni tal-azzjoni. F’dan il-kuntest, f’konformità mal-oqfsa internazzjonali, l-influwenza tal-kumpanija fuq relazzjoni kummerċjali jenħtieġ li tinkludi, minn naħa, il-kapaċità tagħha li tipperswadi r-relazzjoni kummerċjali sabiex tieħu azzjoni sabiex ittemm jew tipprevjeni impatti negattivi (pereżempju permezz ta’ sjieda jew kontroll fattwali, setgħa tas-suq, ir-rekwiżiti ta’ qabel il-kwalifika, l-irbit tal-inċentivi kummerċjali mad-drittijiet tal-bniedem u l-prestazzjoni ambjentali, eċċ.) u, min-naħa l-oħra, il-grad ta’ influwenza jew ingranaġġ li l-kumpanija tista’ teżerċita b’mod raġonevoli, pereżempju permezz ta’ kooperazzjoni mas-sieħeb kummerċjali inkwistjoni jew l-involviment ma’ kumpanija oħra li tkun is-sieħeb kummerċjali dirett tar-relazzjoni kummerċjali assoċjata ma’ impatt negattiv.

(30)Skont l-obbligi ta’ diliġenza dovuta stabbiliti minn din id-Direttiva, jenħtieġ li kumpanija tidentifika l-impatti negattivi reali jew potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali. Sabiex tkun tista’ ssir identifikazzjoni komprensiva tal-impatti negattivi, tali identifikazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva. Pereżempju, fir-rigward tal-impatti negattivi ambjentali, jenħtieġ li l-kumpanija tikseb informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-linja bażi f’siti jew f’faċilitajiet ta’ riskju ogħla fil-ktajjen tal-valur. L-identifikazzjoni tal-impatti negattivi jenħtieġ li tinkludi l-valutazzjoni tal-kuntest tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali b’mod dinamiku u f’intervalli regolari: qabel attività jew relazzjoni ġdida, qabel deċiżjonijiet jew bidliet maġġuri fl-operazzjoni; b’reazzjoni għal jew b’antiċipazzjoni ta’ bidliet fl-ambjent operattiv; u perjodikament, mill-inqas kull 12-il xahar, matul il-ħajja ta’ attività jew relazzjoni. L-impriżi finanzjarji regolati li jipprovdu self, kreditu, jew servizzi finanzjarji oħra jenħtieġ li jidentifikaw l-impatti negattivi biss fil-bidu tal-kuntratt. Meta jidentifikaw impatti negattivi, il-kumpaniji jenħtieġ li jidentifikaw u jivvalutaw ukoll l-impatt tal-mudell u l-istrateġiji kummerċjali ta’ relazzjoni kummerċjali, inklużi l-prattiki tan-negozjar, tal-akkwist u tal-ipprezzar. Meta l-kumpanija ma tkunx tista’ tipprevjeni, iġġib fi tmiemhom jew timminimizza l-impatti negattivi kollha tagħha fl-istess ħin, jenħtieġ li tkun tista’ tagħti prijorità lill-azzjoni tagħha, sakemm tieħu l-miżuri raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi.

(31)Sabiex jiġi evitat piż bla bżonn fuq il-kumpaniji iżgħar li joperaw f’setturi b’impatt għoli li huma koperti minn din id-Direttiva, jenħtieġ li dawk il-kumpaniji jkunu obbligati biss jidentifikaw dawk l-impatti negattivi severi reali jew potenzjali li huma rilevanti għas-settur rispettiv.

(32)F’konformità mal-istandards internazzjonali, il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni kif ukoll it-tmiem u l-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi jenħtieġ li jqisu l-interessi ta’ dawk milquta b’mod negattiv. Sabiex ikun jista’ jsir involviment kontinwu mas-sieħeb kummerċjali tal-katina tal-valur minflok it-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali (diżimpenn) u possibbilment jiġu aggravati l-impatti negattivi, jenħtieġ li din id-Direttiva tiżgura li d-diżimpenn ikun azzjoni tal-aħħar istanza, f’konformità mal-politika tal-Unjoni ta’ tolleranza żero fuq it-tħaddim tat-tfal. It-terminazzjoni ta’ relazzjoni kummerċjali li fiha nstab it-tħaddim tat-tfal tista’ tesponi lit-tfal għal impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem saħansitra aktar severi. Għalhekk, dan jenħtieġ li jitqies meta tittieħed deċiżjoni dwar l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed.

(33)Skont l-obbligi ta’ diliġenza dovuta stabbiliti minn din id-Direttiva, jekk kumpanija tidentifika drittijiet tal-bniedem jew impatti ambjentali negattivi potenzjali, jenħtieġ li tieħu miżuri xierqa sabiex tipprevjenihom u tnaqqashom b’mod adegwat. Sabiex il-kumpaniji jiġu pprovduti b’ċarezza u ċertezza legali, jenħtieġ li din id-Direttiva tistabbilixxi l-azzjonijiet li jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu mistennija jieħdu għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali meta jkun rilevanti skont iċ-ċirkostanzi.

(34)Sabiex jikkonformaw mal-obbligu ta’ prevenzjoni u mitigazzjoni skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin, meta jkun rilevanti. Meta jkun meħtieġ minħabba l-kumplessità tal-miżuri ta’ prevenzjoni, jenħtieġ li il-kumpaniji jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni. Jenħtieġ li l-kumpaniji jfittxu li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb dirett li jkollhom relazzjoni kummerċjali stabbilita miegħu li jkun se jiżgura l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, inkluż billi jintalbu assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mis-sħab tiegħu sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina tal-valur tal-kumpaniji. Jenħtieġ li l-assigurazzjonijiet kuntrattwali jkunu akkumpanjati minn miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità. Sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni komprensiva tal-impatti negattivi reali u potenzjali, jenħtieġ li l-kumpaniji jagħmlu wkoll investimenti li jkollhom l-għan li jipprevjenu impatti negattivi, jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat għal SME li jkollhom relazzjoni kummerċjali stabbilita magħha bħall-finanzjament, pereżempju, permezz ta’ finanzjament dirett, self b’imgħax baxx, garanziji ta’ akkwist kontinwu, u assistenza fl-iżgurar tal-finanzjament, sabiex jgħinu fl-implimentazzjoni tal-kodiċi ta’ kondotta jew tal-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, jew gwida teknika bħal fil-forma ta’ taħriġ, titjib tas-sistemi ta’ ġestjoni, u jikkollaboraw ma’ kumpaniji oħra.

(35)Sabiex tiġi riflessa l-firxa sħiħa ta’ għażliet għall-kumpanija f’każijiet fejn l-impatti potenzjali ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati mill-miżuri ta’ prevenzjoni jew minimizzazzjoni deskritti, jenħtieġ li din id-Direttiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-kumpanija tfittex li tikkonkludi kuntratt mas-sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, u twettaq miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità tar-relazzjoni kummerċjali indiretta mal-kuntratt.

(36)Sabiex jiżguraw l-effettività tat-tmiem jew tal-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi attwali, jenħtieġ li l-kumpaniji jipprijoritizzaw l-involviment mar-relazzjonijiet kummerċjali fil-katina tal-valur, minflok ma jitterminaw r-relazzjoni kummerċjali, bħala l-aħħar istanza wara li jipprovaw mingħajr suċċess li jġibu fi tmiemhom jew jimminimizzaw l-impatti negattivi attwali. Madankollu, jenħtieġ ukoll li d-Direttiva, għal każijiet fejn l-impatti negattivi potenzjali ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati mill-miżuri ta’ prevenzjoni jew ta’ mitigazzjoni deskritti, tirreferi għall-obbligu għall-kumpaniji li jżommu lura milli jidħlu f’relazzjonijiet ġodda jew li jestendu r-relazzjonijiet eżistenti mas-sieħeb inkwistjoni u, meta l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom tagħtihom id-dritt li jagħmlu hekk, jew jissospendu temporanjament ir-relazzjonijiet kummerċjali mas-sieħeb inkwistjoni, filwaqt li jsegwu l-isforzi ta’ prevenzjoni u minimizzazzjoni, jekk ikun hemm aspettattiva raġonevoli li dawn l-isforzi għandhom jirnexxu fuq perjodu ta’ żmien qasir; jew li jġibu fi tmiemha r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati jekk l-impatt negattiv potenzjali jkun sever. Sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissodisfaw dak l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għażla li jġibu fi tmiemha r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom. Huwa possibbli li l-prevenzjoni tal-impatti negattivi fil-livell tar-relazzjonijiet kummerċjali indiretti teħtieġ kollaborazzjoni ma’ kumpanija oħra, pereżempju kumpanija li jkollha relazzjoni kuntrattwali diretta mal-fornitur. F’xi każijiet, kollaborazzjoni bħal din tista’ tkun l-uniku mod realistiku sabiex jiġu evitati impatti negattivi, b’mod partikolari, meta r-relazzjoni kummerċjali indiretta ma tkunx lesta li tidħol f’kuntratt mal-kumpanija. F’dawn il-każijiet, jenħtieġ li l-kumpanija tikkollabora mal-entità li tista’ tipprevjeni jew tnaqqas bl-aktar mod effettiv l-impatti negattivi fil-livell tar-relazzjoni kummerċjali indiretta filwaqt li tirrispetta l-liġi tal-kompetizzjoni.

(37)Fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali diretti u indiretti, il-kooperazzjoni tal-industrija, l-iskemi tal-industrija u l-inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati jistgħu jgħinu sabiex jinħoloq ingranaġġ addizzjonali sabiex jiġu identifikati, imnaqqsa u evitati l-impatti negattivi. Għalhekk jenħtieġ li jkun possibbli għall-kumpaniji li jiddependu fuq inizjattivi bħal dawn sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta stabbiliti f’din id-Direttiva sal-punt li skemi u inizjattivi bħal dawn ikunu xierqa sabiex jappoġġaw it-twettiq ta’ dawk l-obbligi. Il-kumpaniji jistgħu jivvalutaw, fuq inizjattiva tagħhom stess, l-allinjament ta’ dawn l-iskemi u l-inizjattivi mal-obbligi skont din id-Direttiva. Sabiex tiġi żgurata informazzjoni sħiħa dwar inizjattivi bħal dawn, jenħtieġ li d-Direttiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni dwar skemi jew inizjattivi bħal dawn u r-riżultati tagħhom. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tista’ toħroġ gwida għall-valutazzjoni tal-idoneità tal-iskemi tal-industrija u tal-inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

(38)Skont l-obbligi ta’ diliġenza dovuta stabbiliti minn din id-Direttiva, jekk kumpanija tidentifika impatti negattivi reali fuq id-drittijiet tal-bniedem jew l-ambjent, jenħtieġ li din tieħu miżuri xierqa sabiex dawn jintemmu. Jista’ jkun mistenni li kumpanija tkun tista’ ttemm l-impatti negattivi reali fl-operazzjonijiet tagħha stess u fis-sussidjarji. Madankollu, jenħtieġ li jiġi ċċarat li, fir-rigward ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti, meta ma jkunux jistgħu jinġiebu fi tmiemhom impatti negattivi, jenħtieġ li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa ta’ tali impatti. Jenħtieġ li l-minimizzazzjoni tal-firxa tal-impatti negattivi tirrikjedi riżultat li jkun l-eqreb possibbli sabiex jinġieb fi tmiemu l-impatt negattiv. Sabiex il-kumpaniji jiġu pprovduti b’ċarezza u ċertezza legali, jenħtieġ li din id-Direttiva tiddefinixxi liema azzjonijiet jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jieħdu sabiex jinġiebu fi tmiemhom l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u dawk ambjentali u jimminimizzaw il-firxa tagħhom, meta jkun rilevanti skont iċ-ċirkostanzi.

(39)Sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jġibu fi tmiemhom u jimminimizzaw il-firxa tal-impatti negattivi reali skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-kumpaniji jkunu meħtieġa jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin, meta jkun rilevanti. Jenħtieġ li dawn jinnewtralizzaw l-impatt negattiv jew jimminimizzaw il-firxa tiegħu, b’azzjoni proporzjonata għas-sinifikat u l-iskala tal-impatt negattiv u għall-kontribuzzjoni tal-kondotta tal-kumpanija għall-impatt negattiv. Meta jkun meħtieġ minħabba l-fatt li l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jinġieb fi tmiemu minnufih, jenħtieġ li l-kumpaniji jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-azzjoni u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib. Jenħtieġ li l-kumpaniji jfittxu wkoll li jiksbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali dirett li jkollhom relazzjoni kummerċjali stabbilita miegħu li se jiżgura l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, inkluż billi jfittxu assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mis-sħab tagħhom, sal-punt li l-attivitajiet tiegħu jkunu parti mill-katina tal-valur tal-kumpanija. L-assigurazzjonijiet kuntrattwali jenħtieġ li jkunu akkumpanjati mill-miżuri xierqa biex tiġi vverifikata l-konformità. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li l-kumpaniji jagħmlu wkoll investimenti li jkollhom l-għan li jwaqqfu jew jimminimizzaw il-firxa tal-impatt negattiv, jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat għal SMEs li jkollhom relazzjoni kummerċjali stabbilita magħhom u jikkollaboraw ma’ entitajiet oħra, inkluż, meta jkun rilevanti, li tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li ġġib fi tmiemu l-impatt negattiv.

(40)Sabiex tiġi riflessa l-firxa sħiħa ta’ għażliet għall-kumpanija f’każijiet fejn l-impatti reali ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati mill-miżuri deskritti, jenħtieġ li din id-Direttiva tirreferi wkoll għall-possibbiltà li l-kumpanija tfittex li tikkonkludi kuntratt mas-sieħeb kummerċjali indirett, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva, u twettaq miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità tar-relazzjoni kummerċjali indiretta mal-kuntratt.

(41)Sabiex jiżguraw l-effettività tat-tmiem jew tal-minimizzazzjoni tal-impatti negattivi reali, jenħtieġ li l-kumpaniji jipprijoritizzaw l-involviment mar-relazzjonijiet kummerċjali fil-katina tal-valur, minflok ma jġibu fi tmiemha r-relazzjoni kummerċjali, bħala l-aħħar istanza wara li jipprovaw mingħajr suċċess li jġibu fi tmiemhom jew jimminimizzaw l-impatti negattivi reali. Madankollu, jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva, għal każijiet fejn l-impatti negattivi reali ma jkunux jistgħu jinġiebu fi tmiemhom jew jitnaqqsu b’mod adegwat mill-miżuri deskritti, tirreferi għall-obbligu għall-kumpaniji li jżommu lura milli jidħlu f’relazzjonijiet ġodda jew li jestendu r-relazzjonijiet eżistenti mas-sieħeb inkwistjoni u, meta l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom tagħtihom id-dritt li, jew jissospendu temporanjament ir-relazzjonijiet kummerċjali mas-sieħeb inkwistjoni, filwaqt li jsegwu l-isforzi sabiex iġibu fi tmiemhom jew jimminimizzaw il-firxa tal-effetti negattivi, jew itemmu r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, jekk l-impatt negattiv jitqies bħala sever. Sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissodisfaw dak l-obbligu, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għażla li jġibu fi tmiemha r-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom.

(42)Jenħtieġ li l-kumpaniji jipprovdu l-possibbiltà li l-persuni u l-organizzazzjonijiet jissottomettu lmenti direttament lilhom f’każ ta’ tħassib leġittimu dwar l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, reali jew potenzjali. L-organizzazzjonijiet li jistgħu jippreżentaw ilmenti bħal dawn jenħtieġ li jinkludu t-trade unions u rappreżentanti ta’ ħaddiema oħra li jirrappreżentaw individwi li jaħdmu fil-katina tal-valur ikkonċernata u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fl-oqsma relatati mal-katina tal-valur ikkonċernata meta jkollhom għarfien dwar impatt negattiv potenzjali jew reali. Jenħtieġ li l-kumpaniji jistabbilixxu proċedura sabiex jittrattaw dawk l-ilmenti u jinfurmaw lill-ħaddiema, lit-trade unions u lir-rappreżentanti ta’ ħaddiema oħra, meta jkun rilevanti, dwar tali proċessi. Jenħtieġ li r-rikors għall-mekkaniżmu tal-ilmenti u tar-rimedju ma jipprevjenix lill-ilmentatur milli jirrikorri għal rimedji ġudizzjarji. F’konformità mal-istandards internazzjonali, jenħtieġ li l-ilmentaturi jkunu intitolati li jitolbu segwitu xieraq mill-kumpanija dwar l-ilment u li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kumpanija f’livell xieraq sabiex jiddiskutu impatti negattivi severi potenzjali jew reali li huma s-suġġett tal-ilment. Jenħtieġ li dan l-aċċess ma jwassalx għal solleċitazzjonijiet mhux raġonevoli tal-kumpaniji.

(43)Jenħtieġ li l-kumpaniji jimmonitorjaw l-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri ta’ diliġenza dovuta tagħhom. Jenħtieġ li jwettqu valutazzjonijiet perjodiċi tal-operazzjonijiet tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-ktajjen tal-valur tal-kumpanija, dawk tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti tagħhom, sabiex jimmonitorjaw l-effettività tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-minimizzazzjoni, it-twaqqif u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali. Tali valutazzjonijiet jenħtieġ li jivverifikaw li l-impatti negattivi jiġu identifikati kif xieraq, li jiġu implimentati miżuri ta’ diliġenza dovuta u li fil-fatt ikunu ġew evitati jew mitmuma l-impatti negattivi. Sabiex jiġi żgurat li tali valutazzjonijiet ikunu aġġornati, jenħtieġ li dawn jitwettqu mill-inqas kull 12-il xahar u sadanittant jiġu riveduti jekk ikun hemm raġunijiet raġonevoli sabiex wieħed jemmen li setgħu rriżultaw riskji ġodda sinifikanti ta’ impatt negattiv.

(44)Bħal fl-istandards internazzjonali eżistenti stabbiliti mill-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-qafas tal-OECD, dan jifforma parti mir-rekwiżit ta’ diliġenza dovuta sabiex tiġi kkomunikata informazzjoni rilevanti esternament dwar il-politiki , il-proċessi u l-attivitajiet ta’ diliġenza dovuta mwettqa sabiex jiġu identifikati u indirizzati l-impatti negattivi reali jew potenzjali, inklużi s-sejbiet u l-eżiti ta’ dawk l-attivitajiet. Il-proposta sabiex tiġi emendata d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tar-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà tistabbilixxi obbligi ta’ rapportar rilevanti għall-kumpaniji koperti minn din id-Direttiva. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar, jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva ma tintroduċi l-ebda obbligu ta’ rapportar ġdid minbarra dawk skont id-Direttiva 2013/34/UE għall-kumpaniji koperti minn dik id-Direttiva kif ukoll l-istandards ta’ rapportar li jenħtieġ li jiġu żviluppati skontha. Fir-rigward ta’ kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, iżda li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 2013/34/UE, sabiex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jikkomunikaw bħala parti mid-diliġenza dovuta skont din id-Direttiva, jenħtieġ li jippubblikaw fuq is-sit web tagħhom dikjarazzjoni annwali f’lingwa abitwali fl-isfera tan-negozju internazzjonali.

(45)Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità tal-kumpaniji mar-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta tagħhom permezz tal-katina tal-valur tagħhom u jiġi limitat it-trasferiment tal-piż tal-konformità fuq is-sħab kummerċjali tal-SMEs, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar il-klawżoli kuntrattwali mudell.

(46)Sabiex tipprovdi appoġġ u għodod prattiċi lill-kumpaniji jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif il-kumpaniji jenħtieġ li jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta, il-Kummissjoni, bl-użu ta’ linji gwida u standards internazzjonali rilevanti bħala referenza, u f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u meta jkun xieraq ma’ korpi internazzjonali li jkollhom għarfien espert fid-diliġenza dovuta, jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li joħorġu linji gwida, inkluż għal setturi speċifiċi jew għal impatti negattivi speċifiċi.

(47)Għalkemm l-SMEs ma humiex inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, dawn jistgħu jiġu affettwati mid-dispożizzjonijiet tagħha bħala kuntratturi jew sottokuntratturi għall-kumpaniji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni. Madankollu, l-għan huwa li jitnaqqas il-piż finanzjarju jew amministrattiv fuq l-SMEs, li ħafna minnhom diġà qed ibatu fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u sanitarja globali. Sabiex jappoġġaw lill-SMEs, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu u joperaw, individwalment jew b’mod konġunt, siti web, portali jew pjattaformi dedikati, u l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw ukoll finanzjarjament lill-SMEs u jgħinuhom jibnu l-kapaċità. Tali appoġġ jenħtieġ li jsir aċċessibbli wkoll, u meta jkun meħtieġ jiġi adattat u estiż għall-operaturi ekonomiċi upstream f’pajjiżi terzi. Il-kumpaniji li s-sieħeb kummerċjali tagħhom ikun SME, huma mħeġġa wkoll jappoġġawh sabiex jikkonformaw mal-miżuri ta’ diliġenza dovuta, f’każ li tali rekwiżiti jipperikolaw il-vijabbiltà tal-SMEs u jużaw rekwiżiti ġusti, raġonevoli, mhux diskriminatorji u proporzjonati fir-rigward tal-SMEs.

(48)Sabiex tikkomplementa l-appoġġ tal-Istati Membri lill-SMEs, il-Kummissjoni tista’ tibni fuq għodod, proġetti u azzjonijiet oħra eżistenti tal-UE li jgħinu fl-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta fl-UE u f’pajjiżi terzi. Tista’ tistabbilixxi miżuri ġodda ta’ appoġġ li jipprovdu għajnuna lill-kumpaniji, inklużi l-SMEs dwar ir-rekwiżiti tad-diliġenza dovuta, inkluż osservatorju għat-trasparenza tal-katina tal-valur u l-faċilitazzjoni ta’ inizjattivi konġunti tal-partijiet ikkonċernati.

(49)Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jaħdmu fi sħubija ma’ pajjiżi terzi sabiex jappoġġaw lill-operaturi ekonomiċi upstream jibnu l-kapaċità li b’mod effettiv jipprevjenu u jnaqqsu l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent tal-operazzjonijiet u r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom, filwaqt li jagħtu attenzjoni speċifika lill-isfidi ffaċċjati minn sidien żgħar. Jenħtieġ li jużaw il-viċinat tagħhom, l-iżvilupp u strumenti ta’ koperazzjoni internazzjonali sabiex jappoġġaw lill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi u lill-operaturi ekonomiċi upstream f’pajjiżi terzi li jindirizzaw id-drittijiet tal-bniedem negattivi u l-impatti ambjentali tal-operazzjonijiet tagħhom u r-relazzjonijiet kummerċjali upstream. Dan jista’ jinkludi ħidma mal-gvernijiet tal-pajjiżi sħab, mas-settur privat lokali u mal-partijiet ikkonċernati dwar l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent.

(50)Sabiex jiġi żgurat li din id-Direttiva tikkontribwixxi b’mod effettiv għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jenħtieġ li l-kumpaniji jadottaw pjan sabiex jiżguraw li l-mudell u l-istrateġija tan-negozju tal-kumpanija jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. F’każ li l-klima tiġi jew kellha tiġi identifikata bħala riskju prinċipali għal jew impatt prinċipali tal-operazzjonijiet tal-kumpanija, jenħtieġ li l-kumpanija tinkludi objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pjan tagħha.

(51)Bil-għan li jiġi żgurat li tali pjan għat-tnaqqis tal-emissjonijiet jiġi implimentat kif xieraq u jkun inkorporat fl-inċentivi finanzjarji tad-diretturi, il-pjan jenħtieġ li jitqies kif xieraq meta tiġi stabbilita r-rimunerazzjoni varjabbli tad-diretturi, jekk ir-rimunerazzjoni varjabbli tkun marbuta mal-kontribuzzjoni ta’ direttur għall-istrateġija tan-negozju tal-kumpanija u l-interessi u s-sostenibbiltà fit-tul.

(52)Sabiex tkun tista’ ssir is-sorveljanza effettiva ta’ u, meta jkun meħtieġ, l-infurzar ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji li ma humiex regolati mil-liġi ta’ Stat Membru, jenħtieġ li dawk il-kumpaniji jaħtru rappreżentant awtorizzat b’mandat suffiċjenti fl-Unjoni u jipprovdu informazzjoni relatata mar-rappreżentanti awtorizzati tagħhom. Jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentant awtorizzat li jiffunzjona wkoll bħala punt ta’ kuntatt, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti rilevanti ta’ din id-Direttiva.

(53)Sabiex jiġi żgurat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta tal-kumpaniji u jiġi żgurat l-infurzar xieraq ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar. Jenħtieġ li dawn l-awtoritajiet superviżorji jkunu ta’ natura pubblika, indipendenti mill-kumpaniji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew minn interessi oħra tas-suq, u ħielsa minn kunflitti ta’ interess. F’konformità mal-liġi nazzjonali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw finanzjament xieraq tal-awtorità kompetenti. Jenħtieġ li jkunu intitolati jwettqu investigazzjonijiet, fuq inizjattiva tagħhom stess jew abbażi ta’ lmenti jew tħassib sostanzjat li jitqajjem skont din id-Direttiva. Meta jkunu jeżistu awtoritajiet kompetenti skont il-leġiżlazzjoni settorjali, l-Istati Membri jistgħu jidentifikawhom bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fl-oqsma ta’ kompetenza tagħhom. Huma jistgħu jaħtru awtoritajiet għas-superviżjoni ta’ impriża finanzjarja regolata wkoll bħala awtoritajiet superviżorji għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

(54)Sabiex jiġi żgurat infurzar effettiv tal-miżuri nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu sanzjonijiet dissważivi, proporzjonati u effettivi għall-ksur ta’ dawk il-miżuri. Sabiex tali reġim ta’ sanzjonijiet ikun effettiv, is-sanzjonijiet amministrattivi li jridu jiġu imposti mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jenħtieġ li jinkludu sanzjonijiet pekunarji. Meta s-sistema legali ta’ Stat Membru ma tipprevedix sanzjonijiet amministrattivi kif previst f’din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli dwar sanzjonijiet amministrattivi b’tali mod li s-sanzjoni tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta mill-awtorità ġudizzjarja. Għalhekk, huwa meħtieġ li dawk l-Istati Membri jiżguraw li l-applikazzjoni tar-regoli u tas-sanzjonijiet ikollha effett ekwivalenti għas-sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji kompetenti.

(55)Sabiex jiġu żgurati l-applikazzjoni u l-infurzar konsistenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali jikkooperaw u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom. Għal dak il-għan jenħtieġ li jiġi stabbilit Network Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji mill-Kummissjoni u jenħtieġ li l-awtoritajiet superviżorji jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u jipprovdu assistenza reċiproka.

(56)Sabiex jiġi żgurat kumpens effettiv għall-vittmi ta’ impatti negattivi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jistabbilixxu regoli li jirregolaw ir-responsabbiltà ċivili tal-kumpaniji għad-danni li jirriżultaw minħabba n-nuqqas tagħha li tikkonforma mal-proċess ta’ diliġenza dovuta. Jenħtieġ li l-kumpanija tkun responsabbli għad-danni jekk tonqos milli tikkonforma mal-obbligi għall-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali jew biex jinġiebu fi tmiemhom l-impatti reali u tiġi minimizzata l-firxa tagħhom kemm jista’ jkun, u b’riżultat ta’ dan in-nuqqas, impatt negattiv li kellu jiġi identifikat, evitat, imnaqqas, miġjub fi tmiemu jew il-firxa tiegħu minimizzata permezz tal-miżuri xierqa, ikun seħħ u wassal għal dannu.

(57)Fir-rigward tad-danni li jseħħu fil-livell ta’ relazzjonijiet kummerċjali indiretti stabbiliti, jenħtieġ li r-responsabbiltà tal-kumpanija tkun soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi. Jenħtieġ li l-kumpanija ma tkunx responsabbli jekk tkun wettqet miżuri speċifiċi ta’ diliġenza dovuta. Madankollu, jenħtieġ li ma tkunx eżonerata mir-responsabbiltà permezz tal-implimentazzjoni ta’ tali miżuri f’każ li ma jkunx raġonevoli li wieħed jistenna li l-azzjoni li tkun fil-fatt ittieħdet, inkluż fir-rigward tal-verifika tal-konformità, tkun adegwata sabiex tipprevjeni, tnaqqas, iġġib fi tmiemu jew timminimizza l-impatt negattiv. Barra minn hekk, fil-valutazzjoni tal-eżistenza u tal-firxa tar-responsabbiltà, għandhom jitqiesu l-isforzi tal-kumpanija, sa fejn dawn ikunu relatati direttament mad-dannu inkwistjoni, sabiex tikkonforma ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa minnha minn awtorità superviżorja, kwalunkwe investiment li jsir u kwalunkwe appoġġ immirat ipprovdut kif ukoll kwalunkwe kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħrajn sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi fil-ktajjen tal-valur tagħha.

(58)Ir-reġim ta’ responsabbiltà ma jirregolax min jenħtieġ li juri li l-azzjoni tal-kumpanija kienet raġonevolment adegwata fiċ-ċirkostanzi tal-każ, għalhekk din il-kwistjoni titħalla f’idejn il-liġi nazzjonali.

(59)Fir-rigward tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili, ir-responsabbiltà ċivili ta’ kumpanija għad-danni li jirriżultaw minħabba n-nuqqas tagħha li twettaq diliġenza dovuta adegwata jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tas-sussidjarji tagħha jew għar-responsabbiltà ċivili rispettiva tas-sħab kummerċjali diretti u indiretti fil-katina tal-valur. Barra minn hekk, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili relatata ma’ impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew impatti negattivi fuq l-ambjent li jipprevedu responsabbiltà f’sitwazzjonijiet mhux koperti minn din id-Direttiva jew li jipprevedu responsabbiltà aktar stretta minnha.

(60)Fir-rigward tar-responsabbiltà ċivili li tirriżulta minn impatti ambjentali negattivi, il-persuni li jġarrbu dannu jistgħu jitolbu kumpens skont din id-Direttiva anke meta jikkoinċidu ma’ pretensjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem.

(61)Sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħsarat ambjentali jkunu jistgħu jressqu azzjoni għad-danni u jitolbu kumpens għad-danni li jirriżultaw minħabba n-nuqqas ta’ kumpanija li tikkonforma mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta li jirriżultaw minn din id-Direttiva, anke meta l-liġi applikabbli għal tali talbiet ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru, kif jista’ jkun pereżempju l-każ f’konformità mar-regoli tad-dritt internazzjonali privat meta d-dannu jseħħ f’pajjiż terz, jenħtieġ li din id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li r-responsabbiltà prevista fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan l-Artikolu tkun ta’ applikazzjoni obbligatorja prevalenti f’każijiet fejn il-liġi applikabbli għal pretensjonijiet għal dak il-għan ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru.

(62)Ir-reġim ta’ responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali 2004/35/KE. Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli jimponu obbligi ulterjuri u aktar stretti fuq il-kumpaniji jew milli jieħdu miżuri ulterjuri li jkollhom l-istess objettivi bħal dik id-Direttiva.

(63)Fil-liġijiet nazzjonali kollha tal-Istati Membri, id-diretturi għandhom dmir ta’ diliġenza lejn il-kumpanija. Sabiex jiġi żgurat li dan id-dmir ġenerali jinftiehem u jiġi applikat b’mod li jkun koerenti u konsistenti mal-obbligi ta’ diliġenza dovuta introdotti minn din id-Direttiva u li d-diretturi jqisu sistematikament kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħhom, jenħtieġ li din id-Direttiva tiċċara, b’mod armonizzat, id-dmir ta’ diliġenza ġenerali li d-diretturi jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpanija, billi tistabbilixxi li jenħtieġ li d-diretturi jqisu l-kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà kif imsemmija fid-Direttiva 2013/34/UE, inkluż, meta jkun applikabbli, id-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi ambjentali, inkluż fit-terminu ta’ żmien qasir, medju u twil. Tali kjarifika ma teħtieġx tibdil fl-istrutturi korporattivi nazzjonali eżistenti.

(64)Ir-responsabbiltà għad-diliġenza dovuta jenħtieġ li tiġi assenjata lid-diretturi tal-kumpanija, f’konformità mal-oqfsa internazzjonali tad-diliġenza dovuta. Għalhekk jenħtieġ li d-diretturi jkunu responsabbli għall-istabbiliment u s-sorveljanza tal-azzjonijiet ta’ diliġenza dovuta kif stabbiliti f’din id-Direttiva u għall-adozzjoni tal-politika ta’ diliġenza dovuta tal-kumpanija, filwaqt li jitqies il-kontribut tal-partijiet ikkonċernati u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għall-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fis-sistemi ta’ ġestjoni korporattiva. Jenħtieġ li d-diretturi jadattaw ukoll l-istrateġija korporattiva għall-impatti reali u potenzjali identifikati u kwalunkwe miżura ta’ diliġenza dovuta meħuda.

(65)Persuni li jaħdmu għal kumpaniji soġġetti għal obbligi ta’ diliġenza dovuta skont din id-Direttiva jew li huma f’kuntatt ma’ tali kumpaniji fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom relatati max-xogħol jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-esponiment ta’ ksur tar-regoli ta’ din id-Direttiva. B’hekk jistgħu jikkontribwixxu għall-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta’ tali ksur u għat-tisħiħ tal-infurzar ta’ din id-Direttiva. Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 106 tapplika għar-rapportar tal-ksur kollu ta’ din id-Direttiva u għall-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw tali ksur.

(66)Sabiex tiġi speċifikata l-informazzjoni li jenħtieġ li l-kumpaniji li ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rapportar dwar is-sostenibbiltà korporattiva skont id-Direttiva 2013/34/UE, ikunu qed jikkomunikaw dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ regoli addizzjonali dwar il-kontenut u l-kriterji ta’ tali rapportar, filwaqt li tiġi speċifikata informazzjoni dwar id-deskrizzjoni tad-diliġenza dovuta, l-impatti u l-azzjonijiet potenzjali u reali meħuda fuqhom. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 107 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

(67)Jenħtieġ li din id-Direttiva tiġi applikata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u mad-dritt għall-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe pproċessar ta’ data personali skont din id-Direttiva għandu jsir f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 108 , inklużi r-rekwiżiti tal-limitazzjoni tal-iskop, il-minimizzazzjoni tad-data u l-limitazzjoni tal-ħżin.

(68)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 109 u ta opinjoni fi … 2022.

(69)Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ħarsien tal-ambjent u tat-tibdil fil-klima skont atti leġiżlattivi oħrajn tal-Unjoni. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni ieħor li jkollu l-istess objettivi u li jipprevedi obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv tal-Unjoni l-ieħor jipprevalu sal-punt tal-kunflitt u għandhom japplikaw għal dawk l-obbligi speċifiċi.

(70)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta u tirrapporta jekk setturi ġodda jenħtieġx li jiżdiedu mal-lista ta’ setturi b’impatt għoli koperti minn din id-Direttiva, sabiex tallinjaha mal-gwida mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi jew fid-dawl ta’ evidenza ċara dwar l-isfruttament tax-xogħol, ksur tad-drittijiet tal-bniedem jew theddid ambjentali emerġenti ġdid, jekk il-lista ta’ konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti msemmija f’din id-Direttiva jenħtieġx li tiġi emendata, b’mod partikolari fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali, jew jekk id-dispożizzjonijiet dwar id-diliġenza dovuta skont din id-Direttiva jenħtieġx li jiġu estiżi għal impatti klimatiċi negattivi.

(71)L-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-isfruttament aħjar tal-potenzjal tas-suq uniku sabiex jikkontribwixxi għat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli permezz tal-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u ambjentali, potenzjali jew reali, fil-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li jaġixxu individwalment jew b’mod mhux koordinat, iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjonijiet, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-problemi indirizzati u l-kawżi tagħhom huma ta’ dimensjoni transnazzjonali, peress li ħafna kumpaniji qed joperaw madwar l-Unjoni jew globalment u l-ktajjen tal-valur jespandu lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi. Barra minn hekk, il-miżuri tal-Istati Membri individwali jirriskjaw li jkunu ineffettivi u jwasslu għall-frammentazzjoni tas-suq intern. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

1.Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli

(a)dwar l-obbligi għall-kumpaniji rigward l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali, reali u potenzjali, fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom, u l-operazzjonijiet tal-katina tal-valur imwettqa minn entitajiet li l-kumpanija jkollha relazzjoni kummerċjali stabbilita magħhom u

(b)dwar ir-responsabbiltà għal ksur tal-obbligi msemmija hawn fuq.

In-natura tar-relazzjonijiet kummerċjali bħala “stabbiliti” għandha tiġi vvalutata mill-ġdid perjodikament, u mill-inqas kull 12-il xahar.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni għat-tnaqqis tal-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem jew tal-ħarsien tal-ambjent jew għall-protezzjoni tal-klima prevista mil-liġi tal-Istati Membri fil-mument tal-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

3.Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, il-ħarsien tal-ambjent u t-tibdil fil-klima skont atti leġiżlattivi oħra tal-Unjoni. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu f’kunflitt ma’ dispożizzjoni ta’ att leġiżlattiv tal-Unjoni ieħor li jkollu l-istess objettivi u li jipprevedi obbligi aktar estensivi jew aktar speċifiċi, id-dispożizzjonijiet tal-att leġiżlattiv l-ieħor tal-Unjoni għandhom jipprevalu sal-punt tal-kunflitt u għandhom japplikaw għal dawk l-obbligi speċifiċi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kumpaniji ffurmati skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-kumpanija kellha medja ta’ aktar minn 500 impjegat u kellha fatturat nett dinji ta’ aktar minn EUR 150 miljun fl-aħħar sena finanzjarja li tħejjew rapporti finanzjarji annwali għaliha;

(b)il-kumpanija ma tkunx laħqet il-limiti taħt il-punt (a), iżda kellha medja ta’ aktar minn 250 impjegat u kellha fatturat nett globali ta’ aktar minn EUR 40 miljun fl-aħħar sena finanzjarja li tħejjew rapporti finanzjarji annwali għaliha, dment li mill-inqas 50 % ta’ dan il-fatturat nett kien iġġenerat f’wieħed mis-setturi li ġejjin jew aktar:

(i)il-manifattura tat-tessuti, tal-ġilda u tal-prodotti relatati (inkluż ix-xedd tas-saqajn), u l-kummerċ bl-ingrossa tat-tessuti, tal-ħwejjeġ u taż-żraben;

(ii)l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd (inkluża l-akkwakultura), il-manifattura ta’ prodotti tal-ikel, u l-kummerċ bl-ingrossa ta’ materja prima agrikola, annimali ħajjin, injam, ikel u xorb;

(iii)l-estrazzjoni ta’ riżorsi minerali irrispettivament minn fejn jiġu estratti (inklużi żejt grezz, gass naturali, faħam, linjite, metalli u minerali tal-metall, kif ukoll il-minerali u l-prodotti tal-barrieri mhux metalliċi l-oħrajn kollha), il-manifattura ta’ prodotti tal-metall bażiċi, prodotti minerali mhux metalliċi oħrajn u prodotti tal-metall fabbrikat (ħlief makkinarju u tagħmir), u n-negozju bl-ingrossa ta’ riżorsi minerali, prodotti minerali bażiċi u intermedji (inklużi metalli u minerali tal-metall, materjali tal-kostruzzjoni, fjuwils, sustanzi kimiċi u prodotti intermedji oħrajn).

2.Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għall-kumpaniji ffurmati skont il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz, u li jissodisfaw waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)tkun iġġenerat fatturat nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja;

(b)tkun iġġenerat fatturat nett ta’ aktar minn EUR 40 miljun iżda mhux aktar minn EUR 150 miljun fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja, dment li mill-inqas 50 % tal-fatturat nett globali tagħha jkun ġie ġġenerat f’wieħed mis-setturi elenkati fil-paragrafu 1(b) jew aktar.

3.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-għadd ta’ impjegati part-time għandu jiġi kkalkolat fuq bażi ekwivalenti għall-full-time. Il-ħaddiema temporanji tal-aġenzija għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-għadd ta’ impjegati bl-istess mod daqslikieku kienu ħaddiema impjegati direttament għall-istess perjodu ta’ żmien mill-kumpanija.

4.Fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1, l-Istat Membru kompetenti sabiex jirregola kwistjonijiet koperti f’din id-Direttiva għandu jkun l-Istat Membru li fih il-kumpanija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“kumpanija” tfisser kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(i)persuna ġuridika kkostitwita bħala waħda mill-forom ġuridiċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 110 ;

(ii)persuna ġuridika kkostitwita f’konformità mal-liġi ta’ pajjiż terz f’forma komparabbli ma’ dawk elenkati fl-Anness I u II ta’ dik id-Direttiva;

(iii)persuna ġuridika kkostitwita bħala waħda mill-forom ġuridiċi elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2013/34/UE magħmula kompletament minn impriżi organizzati f’waħda mill-forom ġuridiċi koperti mill-punti (i) u (ii);

(iv)impriża finanzjarja regolata, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li hija

istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 111 ;

ditta tal-investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 112 ;

maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv (AIFM) kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), inkluż maniġer ta’ Euveca skont ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 113 , maniġer ta’ EuSEF skont ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 114 u maniġer ta’ ELTIF skont ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 115 ;

kumpanija tal-maniġment ta’ impriża ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif definita fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 116 ;

impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 117 ;

impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 118 ;

istituzzjonijiet tal-pensjoni li joperaw skemi tal-pensjoni li huma kkunsidrati bħala skemi tas-sigurtà soċjali koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 119 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 120 kif ukoll kwalunkwe entità ġuridika stabbilita għall-fini tal-investiment ta’ skemi bħal dawn;

fond ta’ investiment alternattiv (AIF) ġestit minn AIFM kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2011/61/UE jew AIF taħt superviżjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli;

UCITS skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE;

kontroparti ċentrali kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 121 ;

depożitorju ċentrali tat-titoli kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 122 ;

strument ta’ għan speċjali tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni awtorizzat f’konformità mal-Artikolu 211 tad-Direttiva 2009/138/KE;

“entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni” kif definita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 123 ;

kumpanija holding tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (f) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE jew kumpanija holding tal-assigurazzjoni b’attività mħallta kif definita fil-punt (h) tal-Artikolu 212(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, li hija parti minn grupp tal-assigurazzjoni li huwa soġġett għal superviżjoni fil-livell tal-grupp skont l-Artikolu 213 ta’ dik id-Direttiva u li ma huwiex eżentat mis-superviżjoni tal-grupp skont l-Artikolu 214(2) tad-Direttiva 2009/138/KE;

istituzzjoni ta’ pagament kif definita fil-punt (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 124 ;

istituzzjoni tal-flus elettroniċi kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 125 ;

fornitur ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv kif definit fil-punt (e) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 126 ;

fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3(1), [tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 127 ] meta jwettaq servizz wieħed jew aktar ta’ kriptoassi kif definit fil-punt (9) tal-Artikolu 3(1), [tal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi, u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937];

(b)“impatt ambjentali negattiv” tfisser impatt negattiv ambjentali li jirriżulta mill-ksur ta’ waħda mill-projbizzjonijiet u l-obbligi skont il-konvenzjonijiet ambjentali internazzjonali elenkati fil-Parti II tal-Anness;

(c)“impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem” tfisser impatt negattiv fuq il-persuni protetti li jirriżulta mill-ksur ta’ wieħed mid-drittijiet jew mill-projbizzjonijiet elenkati fit-Taqsima 1 tal-Parti I tal-Anness, kif stabbilit fil-konvenzjonijiet internazzjonali elenkati fit-Taqsima 2 tal-Parti I tal-Anness;

(d)“sussidjarja” tfisser persuna ġuridika li permezz tagħha tiġi eżerċitata l-attività ta’ “impriża kontrollata” kif definit fil-punt (f) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 128 ;

(e)“relazzjoni kummerċjali” tfisser relazzjoni ma’ kuntrattur, sottokuntrattur jew kwalunkwe entità ġuridika oħra (“sieħeb”)

(i) li miegħu l-kumpanija għandha ftehim kummerċjali jew li l-kumpanija tipprovdilha finanzjament, assigurazzjoni jew riassigurazzjoni, jew

(ii) li jwettaq operazzjonijiet kummerċjali relatati mal-prodotti jew is-servizzi tal-kumpanija għall-kumpanija jew f’isimha;

(f)“relazzjoni kummerċjali stabbilita” tfisser relazzjoni kummerċjali, kemm diretta kif ukoll indiretta, li tkun jew tkun mistennija tkun waħda dejjiema, fid-dawl tal-intensità jew tad-durata tagħha u li ma tirrappreżentax parti negliġibbli jew sempliċiment anċillari tal-katina tal-valur;

(g)“katina tal-valur” tfisser attivitajiet relatati mal-produzzjoni ta’ oġġetti jew mal-forniment ta’ servizzi minn kumpanija, inkluż l-iżvilupp tal-prodott jew tas-servizz u l-użu u d-disponiment tal-prodott kif ukoll l-attivitajiet relatati ta’ relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti upstream u downstream tal-kumpanija. Fir-rigward tal-kumpaniji skont it-tifsira tal-punt (a)(iv), “katina tal-valur” fir-rigward tal-forniment ta’ dawn is-servizzi speċifiċi għandha tinkludi biss l-attivitajiet tal-klijenti li jirċievu tali self, kreditu, u servizzi finanzjarji oħra u ta’ kumpaniji oħra li jappartjenu għall-istess grupp li l-attivitajiet tagħhom huma marbuta mal-kuntratt inkwistjoni. Il-katina tal-valur ta’ tali impriżi finanzjarji regolati ma tkoprix SMEs li jirċievu self, kreditu, finanzjament, assigurazzjoni jew riassigurazzjoni ta’ tali entitajiet;

(h)“verifika indipendenti minn terzi” tfisser verifika tal-konformità minn kumpanija, jew partijiet mill-katina tal-valur tagħha, mar-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva minn awditur li jkun indipendenti mill-kumpanija, ħieles minn kwalunkwe kunflitt ta’ interess, li jkollu esperjenza u kompetenza fi kwistjonijiet ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem u li jkun responsabbli għall-kwalità u l-affidabbiltà tal-awditu;

(i)“SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħha, li ma tkunx parti minn grupp kbir, peress li dawk it-termini huma definiti fl-Artikolu 3(1), (2), (3) u (7) tad-Direttiva 2013/34/UE;

(j)“inizjattiva tal-industrija” tfisser kombinament ta’ proċeduri ta’ diliġenza dovuta, għodod u mekkaniżmi volontarji tal-katina tal-valur, inklużi verifiki indipendenti minn terzi, żviluppati u ssorveljati minn gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija jew gruppi ta’ organizzazzjonijiet interessati;

(k)“rappreżentant awtorizzat” tfisser persuna fiżika jew ġuridika residenti jew stabbilita fl-Unjoni li jkollha mandat minn kumpanija skont it-tifsira tal-punt (a)(ii) li taġixxi f’isimha fir-rigward tal-konformità mal-obbligi ta’ dik il-kumpanija skont din id-Direttiva;

(l)“impatt negattiv sever” tfisser impatt ambjentali negattiv jew impatt negattiv fuq id-drittijiet tal-bniedem li huwa partikolarment sinifikanti min-natura tiegħu, jew li jaffettwa għadd kbir ta’ persuni jew żona kbira tal-ambjent, jew li huwa irriversibbli, jew huwa partikolarment diffiċli li jiġi rrimedjat bħala riżultat tal-miżuri meħtieġa sabiex tiġi restawrata s-sitwazzjoni prevalenti qabel l-impatt;

(m)“fatturat nett” tfisser

(i)il-“fatturat nett” kif definit fl-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2013/34/UE; jew,

(ii)meta l-kumpanija tapplika standards internazzjonali tal-kontabilità adottati abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 129 jew tkun kumpanija skont it-tifsira tal-punt (a)(ii), id-dħul kif definit minn jew skont it-tifsira tal-qafas ta’ rapportar finanzjarju li abbażi tiegħu jitħejjew ir-rapporti finanzjarji tal-kumpanija;

(n)“partijiet ikkonċernati” tfisser l-impjegati tal-kumpanija, l-impjegati tas-sussidjarji tagħha, u individwi, gruppi, komunitajiet jew entitajiet oħra li d-drittijiet jew l-interessi tagħhom huma jew jistgħu jiġu affettwati mill-prodotti, mis-servizzi u mill-operazzjonijiet ta’ dik il-kumpanija, mis-sussidjarji tagħha u mir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha;

(o)“direttur” tfisser:

(i)kwalunkwe membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji ta’ kumpanija;

(ii)meta ma jkunux membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji ta’ kumpanija, l-uffiċjal kap eżekuttiv u, jekk din il-funzjoni teżisti f’kumpanija, il-viċi kap uffiċjal eżekuttiv;

(iii)persuni oħra li jwettqu funzjonijiet simili għal dawk imwettqa taħt il-punt (i) jew (ii);

(p)“bord tad-diretturi” tfisser il-korp amministrattiv jew superviżorju responsabbli għas-superviżjoni tal-maniġment eżekuttiv tal-kumpanija, jew, jekk ma jeżisti l-ebda korp ta’ dan it-tip, il-persuna jew il-persuni li jwettqu funzjonijiet ekwivalenti;

(q)“miżura xierqa” tfisser miżura li tkun kapaċi tilħaq l-objettivi tad-diliġenza dovuta, proporzjonali mal-grad ta’ severità u l-probabbiltà tal-impatt negattiv, u raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi tal-każ speċifiku, inklużi l-karatteristiċi tas-settur ekonomiku u tar-relazzjoni kummerċjali speċifika u l-influwenza tal-kumpanija fuqha, u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-prijoritizzazzjoni tal-azzjoni.

Artikolu 4

Diliġenza dovuta

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem u ambjentali kif stabbilit fl-Artikoli 5 sa 11 (“diliġenza dovuta”) billi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)l-integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki tagħhom f’konformità mal-Artikolu 5;

(b)l-identifikazzjoni ta’ impatti negattivi reali jew potenzjali f’konformità mal-Artikolu 6;

(c)il-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tal-impatti negattivi potenzjali, u t-tmiem tal-impatti negattivi reali u l-minimizzazzjoni tal-firxa tagħhom f’konformità mal-Artikoli 7 u 8;

(d)l-istabbiliment u ż-żamma ta’ proċedura għall-ilmenti f’konformità mal-Artikolu 9;

(e)il-monitoraġġ tal-effettività tal-politika u l-miżuri ta’ diliġenza dovuta tagħhom f’konformità mal-Artikolu 10;

(f)il-komunikazzjoni pubblika dwar id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 11.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tad-diliġenza dovuta, il-kumpaniji jkunu intitolati li jikkondividu r-riżorsi u l-informazzjoni fil-gruppi ta’ kumpaniji rispettivi tagħhom u ma’ entitajiet ġuridiċi oħra f’konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni applikabbli.

Artikolu 5

Integrazzjoni tad-diliġenza dovuta fil-politiki tal-kumpaniji

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jintegraw id-diliġenza dovuta fil-politiki korporattivi kollha tagħhom u jkollhom fis-seħħ politika ta’ diliġenza dovuta. Il-politika ta’ diliġenza dovuta għandha tinkludi dan kollu li ġej:

(a)deskrizzjoni tal-approċċ tal-kumpanija, inkluż fit-terminu t-twil, għad-diliġenza dovuta;

(b)kodiċi ta’ kondotta li jiddeskrivi r-regoli u l-prinċipji li jridu jiġu segwiti mill-impjegati u mis-sussidjarji tal-kumpanija;

(c)deskrizzjoni tal-proċessi stabbiliti għall-implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta, inklużi l-miżuri meħuda sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta u sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha għal relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jaġġornaw il-politika tagħhom ta’ diliġenza dovuta kull sena.

Artikolu 6

Identifikazzjoni tal-impatti negattivi reali u potenzjali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa sabiex jidentifikaw l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali negattivi, reali u potenzjali, li jirriżultaw mill-operazzjonijiet tagħhom stess jew minn dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta jkunu relatati mal-ktajjen tal-valur tagħhom, mir-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti tagħhom, f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4.

2.B’deroga mill-paragrafu 1, il-kumpaniji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1), u fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2), għandhom ikunu meħtieġa biss jidentifikaw l-impatti negattivi severi reali u potenzjali rilevanti għas-settur rispettiv imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1).

3.Meta l-kumpaniji msemmija fil-punt (a)(iv) tal-Artikolu 3 jipprovdu kreditu, self jew servizzi finanzjarji oħra, l-identifikazzjoni tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali, reali u potenzjali, għandha titwettaq biss qabel ma jiġi pprovdut dak is-servizz.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-impatti negattivi msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’, meta jkun xieraq, informazzjoni kwantitattiva u kwalitattiva, il-kumpaniji jkunu intitolati li jagħmlu użu minn riżorsi xierqa, inklużi rapporti indipendenti u informazzjoni miġbura permezz tal-proċedura tal-ilmenti prevista fl-Artikolu 9. Il-kumpaniji għandhom, meta jkun rilevanti, iwettqu wkoll konsultazzjonijiet ma’ gruppi potenzjalment affettwati inklużi ħaddiema u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra sabiex jiġbru informazzjoni dwar l-impatti negattivi reali jew potenzjali.

Artikolu 7

Prevenzjoni ta’ impatti negattivi potenzjali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu, jew meta l-prevenzjoni ma tkunx possibbli jew ma tkunx possibbli minnufih, jimmitigaw b’mod adegwat l-impatti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti negattivi ambjentali potenzjali li jkunu ġew, jew kellhom jiġu identifikati skont l-Artikolu 6, f’konformità mal-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

2.Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin, meta jkun rilevanti:

(a)meta jkun meħtieġ minħabba n-natura jew il-kumplessità tal-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni, jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-azzjoni u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib. Il-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni għandu jiġi żviluppat f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati affettwati;

(b)ifittxu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn sieħeb kummerċjali li jkollhom relazzjoni kummerċjali diretta miegħu li jkun se jiżgura l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija u, kif meħtieġ, ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni, inkluż billi jfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mingħand is-sħab tiegħu, sal-punt li l-attivitajiet tagħhom ikunu parti mill-katina tal-valur tal-kumpanija (kaskata kuntrattwali). Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali bħal dawn, għandu japplika l-paragrafu 4;

(c)jagħmlu l-investimenti meħtieġa, bħal fil-proċessi u fl-infrastrutturi ta’ ġestjoni jew ta’ produzzjoni, biex jikkonformaw mal-paragrafu 1;

(d)jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat għal SME li l-kumpanija jkollha relazzjoni kummerċjali stabbilita magħha, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni tipperikola l-vijabbiltà tal-SME;

(e)f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħrajn, inkluż, meta jkun rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li ġġib fi tmiemu l-impatt negattiv, b’mod partikolari meta l-ebda azzjoni oħra ma tkun xierqa jew effettiva.

3.Fir-rigward tal-impatti negattivi potenzjali li ma setgħux jiġu evitati jew imnaqqsa b’mod adegwat mill-miżuri fil-paragrafu 2, il-kumpanija tista’ tfittex li tikkonkludi kuntratt ma’ sieħeb li jkollha relazzjoni indiretta miegħu, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni ta’ prevenzjoni. Meta jiġi konkluż kuntratt bħal dan, għandu japplika l-paragrafu 4.

4.L-assigurazzjonijiet kuntrattwali jew il-kuntratt għandhom ikunu akkumpanjati mill-miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal inizjattivi industrijali xierqa jew għal verifika indipendenti minn terzi.

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha tħallas il-kost tal-verifika indipendenti minn terzi.

5.Fir-rigward tal-impatti negattivi potenzjali skont it-tifsira tal-paragrafu 1 li ma setgħux jiġu evitati jew imnaqqsa b’mod adegwat mill-miżuri fil-paragrafi 2, 3 u 4, il-kumpanija għandha tkun meħtieġa żżomm lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda jew milli testendi r-relazzjonijiet eżistenti mas-sieħeb li l-impatt inħoloq b’rabta miegħu jew fil-katina tal-valur li minnha jkun inħoloq l-impatt u għandha, meta l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom tagħtihom id-dritt li jagħmlu hekk, tieħu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)tissospendi temporanjament ir-relazzjonijiet kummerċjali mas-sieħeb inkwistjoni, filwaqt li tipprova tagħmel sforzi ta’ prevenzjoni u minimizzazzjoni, jekk ikun hemm aspettattiva raġonevoli li dawn l-isforzi jirnexxu fit-terminu l-qasir;

(b)tittermina r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati jekk l-impatt negattiv potenzjali jkun sever.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għażla sabiex tintemm ir-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom.

6.B’deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 5, meta l-kumpaniji msemmija fil-punt (a)(iv) tal-Artikolu 3, ikunu jipprovdu kreditu, self jew servizzi finanzjarji oħra, dawn ma għandhomx ikunu meħtieġa jitterminaw il-kreditu, is-self jew servizz finanzjarju ieħor meta dan ikun raġonevolment mistenni li jikkawża preġudizzju sostanzjali lill-entità li dak is-servizz ikun qed jiġi pprovdut lilha.

Artikolu 8

Temm tal-impatti negattivi reali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jieħdu miżuri xierqa sabiex itemmu l-impatti negattivi reali li ġew, jew li kellhom jiġu, identifikati skont l-Artikolu 6, f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.

2.Meta l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jimminimizzaw il-firxa ta’ tali impatt.

3.Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jieħdu l-azzjonijiet li ġejjin, meta jkun rilevanti:

(a)jinnewtralizzaw l-impatt negattiv jew jimminimizzaw il-firxa tiegħu, inkluż permezz tal-ħlas tad-danni lill-persuni affettwati u tal-kumpens finanzjarju lill-komunitajiet affettwati. L-azzjoni għandha tkun proporzjonata għas-sinifikat u l-iskala tal-impatt negattiv u għall-kontribuzzjoni tal-kondotta tal-kumpanija għall-impatt negattiv;

(b)meta jkun meħtieġ minħabba l-fatt li l-impatt negattiv ma jkunx jista’ jintemm minnufih, jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni korrettiva bi skedi ta’ żmien raġonevoli u definiti b’mod ċar għall-azzjoni u indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi għall-kejl tat-titjib. Meta jkun rilevanti, il-pjan ta’ azzjoni korrettiva għandu jiġi żviluppat f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati;

(c)ifittxu assigurazzjonijiet kuntrattwali mingħand sieħeb dirett li jkollhom relazzjoni kummerċjali stabbilita miegħu li jkun se jiżgura l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta u, kif meħtieġ, pjan ta’ azzjoni korrettiva, inkluż billi jfittex assigurazzjonijiet kuntrattwali korrispondenti mas-sħab tiegħu, sa fejn ikunu parti mill-katina tal-valur (kaskata kuntrattwali). Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali bħal dawn, għandu japplika l-paragrafu 5.

(d)jagħmlu l-investimenti meħtieġa, bħal fil-proċessi u fl-infrastrutturi ta’ ġestjoni jew ta’ produzzjoni sabiex jikkonformaw mal-paragrafi 1, 2 u 3;

(e)jipprovdu appoġġ immirat u proporzjonat għal SME li l-kumpanija jkollha relazzjoni kummerċjali stabbilita magħha, meta l-konformità mal-kodiċi ta’ kondotta jew mal-pjan ta’ azzjoni korrettiva tipperikola l-vijabbiltà tal-SME;

(f)f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, inkluż id-dritt tal-kompetizzjoni, jikkollaboraw ma’ entitajiet oħrajn, inkluż, meta jkun rilevanti, sabiex tiżdied il-kapaċità tal-kumpanija li ġġib fi tmiemu l-impatt negattiv, b’mod partikolari meta l-ebda azzjoni oħra ma tkun xierqa jew effettiva.

4.Fir-rigward tal-impatti negattivi reali li ma setgħux jintemmu jew jittaffew b’mod adegwat mill-miżuri fil-paragrafu 3, il-kumpanija tista’ tfittex li tikkonkludi kuntratt ma’ sieħeb li jkollha relazzjoni indiretta miegħu, bil-għan li tinkiseb konformità mal-kodiċi ta’ kondotta tal-kumpanija jew ma’ pjan ta’ azzjoni korrettiva.  Meta jiġi konkluż kuntratt bħal dan, għandu japplika l-paragrafu 5.

5.L-assigurazzjonijiet kuntrattwali jew il-kuntratt għandhom ikunu akkumpanjati mill-miżuri xierqa sabiex tiġi vverifikata l-konformità. Għall-finijiet tal-verifika tal-konformità, il-kumpanija tista’ tirreferi għal inizjattivi industrijali xierqa jew għal verifika indipendenti minn terzi.

Meta jinkisbu assigurazzjonijiet kuntrattwali minn SME, jew jiġi konkluż kuntratt ma’ SME, it-termini użati għandhom ikunu ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji. Meta jitwettqu miżuri għall-verifika tal-konformità fir-rigward tal-SMEs, il-kumpanija għandha tħallas il-kost tal-verifika indipendenti minn terzi.

6.Fir-rigward tal-impatti negattivi reali skont it-tifsira tal-paragrafu 1 li ma setgħux jintemmu jew li l-firxa tagħhom ma setgħetx tiġi minimizzata mill-miżuri previsti fil-paragrafi 3, 4 u 5, il-kumpanija għandha żżomm lura milli tidħol f’relazzjonijiet ġodda jew li testendi relazzjonijiet eżistenti mas-sieħeb b’rabta mal-katina tal-valur jew fil-katina tal-valur li jkun inħoloq l-impatt minnha u, meta l-liġi li tirregola r-relazzjonijiet tagħhom tagħtihom id-dritt li jagħmlu hekk, għandha tieħu waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)jissospendu temporanjament ir-relazzjonijiet kummerċjali mas-sieħeb inkwistjoni, filwaqt li jsegwu l-isforzi sabiex iġibu fi tmiemhom jew jimminimizzaw il-firxa tal-effetti negattivi, jew

(b)itemmu r-relazzjoni kummerċjali fir-rigward tal-attivitajiet ikkonċernati, jekk l-impatt negattiv jitqies bħala sever.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu d-disponibbiltà ta’ għażla sabiex tintemm ir-relazzjoni kummerċjali f’kuntratti rregolati mil-liġijiet tagħhom.

7.B’deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 6, meta l-kumpaniji msemmija fil-punt (a)(iv) tal-Artikolu 3 jipprovdu kreditu, self jew servizzi finanzjarji oħra, dawn ma għandhomx ikunu meħtieġa jitterminaw il-kuntratt ta’ kreditu, ta’ self jew ta’ servizz finanzjarju ieħor, meta dan ikun raġonevolment mistenni li jikkawża preġudizzju sostanzjali lill-entità li dak is-servizz ikun qed jiġi pprovdut lilha.

Artikolu 9

Proċedura għall-ilmenti

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jipprovdu l-possibbiltà li l-persuni u l-organizzazzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 jkunu jistgħu jippreżentawlhom ilmenti meta jkollhom tħassib leġittimu dwar l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-impatti ambjentali negattivi, reali jew potenzjali, fir-rigward tal-operazzjonijiet tagħhom stess, l-operazzjonijiet tas-sussidjarji tagħhom u l-ktajjen tal-valur tagħhom.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmenti jkunu jistgħu jiġu ppreżentati minn:

(a)persuni affettwati jew li jkollhom bażi raġonevoli biex jemmnu li jistgħu jiġu affettwati minn impatt negattiv,

(b)trade unions u rappreżentanti oħrajn tal-ħaddiema li jirrappreżentaw individwi li jaħdmu fil-katina tal-valur ikkonċernata,

(c)organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fl-oqsma relatati mal-katina tal-valur ikkonċernata.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu proċedura għat-trattament tal-ilmenti msemmija fil-paragrafu 1, inkluża proċedura meta l-kumpanija tqis li l-ilment ikun infondat, u jinfurmaw lill-ħaddiema u lit-trade unions rilevanti b’dawk il-proċeduri. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-ilment ikun fondat sew, l-impatt negattiv li jkun is-suġġett tal-ilment jitqies li jkun identifikat skont it-tifsira tal-Artikolu 6.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilmentaturi jkunu intitolati

(a)li jitolbu segwitu xieraq dwar l-ilment mill-kumpanija li jkunu ppreżentawlha lment skont il-paragrafu 1, u

(b)li jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-kumpanija f’livell xieraq sabiex jiġu diskussi l-impatti negattivi severi potenzjali jew reali li jkunu s-suġġett tal-ilment.

Artikolu 10

Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jwettqu valutazzjonijiet perjodiċi tal-operazzjonijiet u l-miżuri tagħhom stess, dawk tas-sussidjarji tagħhom u, meta relatati mal-ktajjen tal-valur tal-kumpanija, dawk tar-relazzjonijiet kummerċjali stabbiliti tagħhom, sabiex jimmonitorjaw l-effettività tal-identifikazzjoni, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, it-twaqqif u l-minimizzazzjoni tal-firxa tal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem u tal-impatti negattivi ambjentali. Tali valutazzjonijiet għandhom ikunu bbażati, meta jkun xieraq, fuq indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi u għandhom jitwettqu mill-inqas kull 12-il xahar u kull meta jkun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li jkunu jistgħu jinħolqu riskji ġodda sinifikanti tal-okkorrenza ta’ dawk l-impatti negattivi. Il-politika ta’ diliġenza dovuta għandha tiġi aġġornata f’konformità mal-eżitu ta’ dawk il-valutazzjonijiet.

Artikolu 11

Komunikazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji li ma humiex soġġetti għar-rekwiżiti ta’ rapportar skont l-Artikoli 19a u 29a tad-Direttiva 2013/34/UE jirrapportaw dwar il-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva billi jippubblikaw fis-sit web tagħhom dikjarazzjoni annwali f’lingwa abitwali fl-isfera tan-negozju internazzjonali. Id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata sat-30 ta’ April ta’ kull sena, li tkopri s-sena kalendarja preċedenti.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 28 dwar il-kontenut u l-kriterji għal tali rapportar skont il-paragrafu 1, li jispeċifikaw informazzjoni dwar id-deskrizzjoni tad-diliġenza dovuta, l-impatti negattivi potenzjali u reali u l-azzjonijiet meħuda fuqhom.

Artikolu 12

Mudell ta’ klawżoli kuntrattwali

Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji biex tiffaċilita l-konformità tagħhom mal-punt (b) tal-Artikolu 7(2) u l-punt (c) tal-Artikolu 8(3), il-Kummissjoni għandha tadotta gwida dwar klawżoli tal-mudell tal-kuntratt volontarju.

Artikolu 13

Linji gwida

Sabiex tipprovdi appoġġ lill-kumpaniji jew lill-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar kif jenħtieġ li l-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta’ diliġenza dovuta, il-Kummissjoni, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u meta jkun xieraq ma’ korpi internazzjonali li jkollhom għarfien espert fid-diliġenza dovuta, tista’ toħroġ linji gwida, inkluż għal setturi speċifiċi jew impatti negattivi speċifiċi.

Artikolu 14

Miżuri ta’ akkumpanjament

1.L-Istati Membri għandhom, sabiex jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-kumpaniji u lis-sħab li jkunu stabbilew relazzjonijiet kummerċjali magħhom fil-ktajjen tal-valur tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, jistabbilixxu u joperaw siti web, pjattaformi jew portali ddedikati individwalment jew b’mod konġunt. F’dak ir-rigward, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-SMEs li huma preżenti fil-ktajjen tal-valur tal-kumpaniji.

2.Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw finanzjarjament lill-SMEs.

3.Il-Kummissjoni tista’ tikkomplementa l-miżuri ta’ appoġġ tal-Istati Membri li jibnu fuq azzjoni eżistenti tal-Unjoni sabiex jappoġġaw id-diliġenza dovuta fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi u tista’ tfassal miżuri ġodda, inkluż l-iffaċilitar ta’ inizjattivi konġunti ta’ partijiet ikkonċernati sabiex jgħinu lill-kumpaniji jissodisfaw l-obbligi tagħhom.

4.Il-kumpaniji jistgħu jiddependu fuq skemi tal-industrija u inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom imsemmija fl-Artikoli 5 sa 11 ta’ din id-Direttiva sal-punt li skemi u inizjattivi bħal dawn ikunu xierqa sabiex jappoġġaw it-twettiq ta’ dawk l-obbligi. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw it-tixrid ta’ informazzjoni dwar skemi jew inizjattivi bħal dawn u l-eżitu tagħhom. Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Istati Membri, tista’ toħroġ gwida għall-valutazzjoni tal-idoneità tal-iskemi tal-industrija u tal-inizjattivi ta’ diversi partijiet ikkonċernati.

Artikolu 15

Ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1), u l-punt (a) tal-Artikolu 2(2) għandhom jadottaw pjan sabiex jiżguraw li l-mudell kummerċjali u l-istrateġija tal-kumpanija jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u mal-limitazzjoni tat-tisħin globali għal 1,5 °C f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan il-pjan għandu, b’mod partikolari, jidentifika, abbażi ta’ informazzjoni raġonevolment disponibbli għall-kumpanija, sa liema punt it-tibdil fil-klima huwa riskju għall-operazzjonijiet tal-kumpanija jew impatt tagħhom.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, f’każ li t-tibdil fil-klima jiġi jew kellu jiġi identifikat bħala riskju prinċipali għall-operazzjonijiet tal-kumpanija jew impatt prinċipali tagħhom, il-kumpanija tinkludi objettivi ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet fil-pjan tagħha.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jqisu kif xieraq l-issodisfar tal-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 meta jistabbilixxu rimunerazzjoni varjabbli, jekk rimunerazzjoni varjabbli tkun marbuta mal-kontribuzzjoni ta’ direttur għall-istrateġija kummerċjali tal-kumpanija u l-interessi u s-sostenibbiltà fit-tul.

Artikolu 16

Rappreżentant awtorizzat

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kumpanija msemmija fl-Artikolu 2(2) taħtar persuna ġuridika jew fiżika bħala r-rappreżentant awtorizzat tagħha, stabbilit jew domiċiljat f’wieħed mill-Istati Membri fejn topera. Id-deżinjazzjoni għandha tkun valida meta tiġi kkonfermata bħala aċċettata mir-rappreżentant awtorizzat.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon tar-rappreżentant awtorizzat jiġu nnotifikati lil awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat ikun domiċiljat jew stabbilit. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentant awtorizzat ikun obbligat jipprovdi, fuq talba, kopja tal-ħatra f’lingwa uffiċjali ta’ Stat Membru lil kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet superviżorji.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn ir-rappreżentant awtorizzat ikun domiċiljat jew stabbilit u, meta jkun differenti, awtorità superviżorja fl-Istat Membru fejn il-kumpanija ġġenerat il-biċċa l-kbira mill-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja tiġi infurmata li l-kumpanija hija kumpanija skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2).

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull kumpanija tagħti s-setgħa lir-rappreżentant awtorizzat tagħha li jirċievi komunikazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet superviżorji dwar il-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u l-infurzar tagħhom. Il-kumpaniji għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa lir-rappreżentant awtorizzat tagħhom biex jikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 17

L-Awtoritajiet Superviżorji

1.Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità superviżorja waħda jew aktar biex tissorvelja l-konformità mal-obbligi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont l-Artikoli 6 sa 11 u l-Artikolu 15(1) u (2) (“awtorità superviżorja”).

2.Fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li l-kumpanija jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fih.

3.Fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2), l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun dik tal-Istat Membru li l-kumpanija jkollha fergħa fih. Jekk il-kumpanija ma jkollhiex fergħa fl-ebda Stat Membru, jew ikollha fergħat li jinsabu fi Stati Membri differenti, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tkun l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru fejn il-kumpanija ġġenerat il-biċċa l-kbira tal-fatturat nett tagħha fl-Unjoni fis-sena finanzjarja ta’ qabel l-aħħar sena finanzjarja qabel id-data indikata fl-Artikolu 30 jew id-data ta’ meta l-kumpanija tissodisfa għall-ewwel darba l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(2), skont liema tiġi l-aħħar.

Il-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2) jistgħu, abbażi ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi li twassal sabiex jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tal-fatturat tagħhom fl-Unjoni fi Stat Membru differenti, jagħmlu talba debitament motivata biex tinbidel l-awtorità superviżorja li tkun kompetenti biex tirregola kwistjonijiet koperti f’din id-Direttiva fir-rigward ta’ dik il-kumpanija.

4.Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità superviżorja waħda, huwa għandu jiżgura li l-kompetenzi rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet ikunu definiti b’mod ċar u li jikkooperaw mill-qrib u b’mod effettiv ma’ xulxin.

5.L-Istati Membri jistgħu jaħtru l-awtoritajiet għas-superviżjoni tal-impriżi finanzjarji regolati wkoll bħala awtoritajiet superviżorji għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.

6.Sad-data indikata fil-punt (a) tal-Artikolu 30(1), l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet superviżorji maħtura skont dan l-Artikolu, kif ukoll bil-kompetenza rispettiva tagħhom meta jkun hemm diversi awtoritajiet superviżorji maħtura. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla dwar dan.

7.Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, inkluż fuq is-sit web tagħha, lista tal-awtoritajiet superviżorji. Il-Kummissjoni għandha taġġorna regolarment il-lista abbażi tal-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri.

8.L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji u għandhom jiżguraw li huma, u l-persuni kollha li jaħdmu għalihom jew li ħadmu għalihom u l-awdituri jew l-esperti li jaġixxu f’isimhom, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u bir-rispett dovut għall-obbligi tas-segretezza professjonali. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità tkun legalment u funzjonalment indipendenti mill-kumpaniji koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew minn interessi oħra tas-suq, li l-persunal tagħha u l-persuni responsabbli għall-ġestjoni tagħha jkunu ħielsa minn kunflitti ta’ interess, soġġetti għal rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità, u li jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 18

Setgħat tal-awtoritajiet superviżorji

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jkollhom setgħat u riżorsi adegwati biex iwettqu l-kompiti assenjati lilhom skont din id-Direttiva, inkluża s-setgħa li jitolbu informazzjoni u jwettqu investigazzjonijiet relatati mal-konformità mal-obbligi stabbiliti f’din id-Direttiva.

2.Awtorità superviżorja tista’ tibda investigazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess jew b’riżultat ta’ tħassib sostanzjat ikkomunikat lilha skont l-Artikolu 19, meta tqis li jkollha biżżejjed informazzjoni li tindika ksur possibbli tal-obbligi previsti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, minn kumpanija.

3.L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn titwettaq l-ispezzjoni u b’avżar minn qabel lill-kumpanija, ħlief meta notifika minn qabel tfixkel l-effettività tal-ispezzjoni. Meta, bħala parti mill-investigazzjoni tagħha, awtorità superviżorja tkun tixtieq twettaq spezzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru għajr tagħha stess, hija għandha titlob l-assistenza tal-awtorità superviżorja f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 21(2).

4.Jekk, b’riżultat tal-azzjonijiet meħuda skont il-paragrafi 1 u 2, awtorità superviżorja tidentifika nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, hija għandha tagħti lill-kumpanija kkonċernata perjodu ta’ żmien xieraq sabiex tieħu azzjoni ta’ rimedju, jekk tali azzjoni tkun possibbli.

It-teħid ta’ azzjoni ta’ rimedju ma jipprekludix l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi jew l-iskattar ta’ responsabbiltà ċivili f’każ ta’ danni, f’konformità mal-Artikoli 20 u 22, rispettivament.

5.Meta jwettqu l-kompiti tagħhom, l-awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat li ġejjin:

(a)li jordnaw il-waqfien tal-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, l-astensjoni minn kwalunkwe ripetizzjoni tal-kondotta rilevanti u, meta jkun xieraq, azzjoni ta’ rimedju proporzjonata għall-ksur u meħtieġa biex dan jintemm;

(b)li jimponu sanzjonijiet pekunarji skont l-Artikolu 20;

(c)li jadottaw miżuri interim biex jiġi evitat ir-riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli.

6.Meta s-sistema legali tal-Istat Membru ma tkunx tipprevedi sanzjonijiet amministrattivi, dan l-Artikolu u l-Artikolu 20 ikunu jistgħu jiġu implimentati b’tali mod li s-sanzjoni tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta mill-qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għas-sanzjonijiet amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji.

7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna fiżika jew ġuridika jkollha d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti minn awtorità superviżorja dwarhom.

Artikolu 19

Tħassib sostanzjat

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu intitolati li jippreżentaw tħassib sostanzjat lil kwalunkwe awtorità superviżorja meta jkollhom raġunijiet biex jemmnu, abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi, li kumpanija qed tonqos milli tikkonforma mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva (“tħassib sostanzjat”).

2.Meta t-tħassib sostanzjat jaqa’ taħt il-kompetenza ta’ awtorità superviżorja oħra, l-awtorità li tirċievi t-tħassib għandha tibagħtu lil dik l-awtorità.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet superviżorji jivvalutaw it-tħassib sostanzjat u, meta jkun xieraq, jeżerċitaw is-setgħat tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 18.

4.L-awtorità superviżorja għandha, mill-aktar fis possibbli u f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali u f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, tinforma lill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 bir-riżultat tal-valutazzjoni tat-tħassib sostanzjat tagħha u għandha tipprovdi r-raġunament għaliha.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni li jippreżentaw it-tħassib sostanzjat skont dan l-Artikolu u li jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, interess leġittimu fil-kwistjoni, ikollhom aċċess għal qorti jew għal korp pubbliku indipendenti u imparzjali ieħor kompetenti biex jirrevedi l-legalità proċedurali u sostantiva tad-deċiżjonijiet, tal-atti jew tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-awtorità superviżorja.

Artikolu 20

Sanzjonijiet

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.Fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu imposti sanzjonijiet u, jekk iva, fid-determinazzjoni tan-natura u tal-livell xieraq tagħhom, għandhom jitqiesu l-isforzi tal-kumpanija biex tikkonforma ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa minnhom minn awtorità superviżorja, kwalunkwe investiment li jkun sar u kwalunkwe appoġġ immirat ipprovdut skont l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra biex jiġu indirizzati l-impatti negattivi fil-ktajjen tal-valur tagħha, skont il-każ.

3.Meta jiġu imposti sanzjonijiet pekunarji, dawn għandhom ikunu bbażati fuq il-fatturat tal-kumpanija.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi ppubblikata kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet superviżorji li jkun fiha sanzjonijiet relatati mal-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 21

Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji

1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Network Ewropew ta’ Awtoritajiet Superviżorji, magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet superviżorji. In-Network għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet superviżorji u l-koordinazzjoni u l-allinjament ta’ prattiki regolatorji, investigattivi, ta’ sanzjonar u superviżorji tal-awtoritajiet superviżorji u, kif xieraq, il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejniethom.

Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-aġenziji tal-Unjoni b’għarfien espert rilevanti fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva biex jissieħbu fin-Network Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji.

2.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni u b’assistenza reċiproka rilevanti fit-twettiq ta’ dmirijiethom u għandhom jistabbilixxu miżuri għall-kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tinkludi kollaborazzjoni bil-għan li jiġu eżerċitati s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 18, inkluż fir-rigward ta’ spezzjonijiet u talbiet għal informazzjoni.

3.L-awtoritajiet superviżorji għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha meħtieġa sabiex iwieġbu għal talba għall-assistenza minn awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn xahar wara li jirċievu t-talba. Tali passi jistgħu jinkludu, b’mod partikolari, it-trażmissjoni ta’ informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta’ investigazzjoni.

4.It-talbiet għall-assistenza għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż l-iskop tat-talba u r-raġunijiet għaliha. L-awtoritajiet superviżorji għandhom jużaw biss l-informazzjoni li jirċievu permezz ta’ talba għall-assistenza għall-fini li tkun intalbet għalih.

5.L-awtorità superviżorja rikjesta għandha tinforma lill-awtorità superviżorja rikjedenti bir-riżultati jew, skont il-każ, bil-progress rigward il-miżuri li jridu jittieħdu biex twieġeb it-talba għall-assistenza.

6.L-awtoritajiet superviżorji ma għandhomx jitolbu tariffi lil xulxin għal azzjonijiet u miżuri meħuda skont talba għal assistenza.

Madankollu, l-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli sabiex jikkumpensaw lil xulxin għal nefqa speċifika li tirriżulta mill-għoti ta’ assistenza f’każijiet eċċezzjonali.

7.L-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 17(3) għandha tinforma lin-Network Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji b’dak il-fatt u bi kwalunkwe talba sabiex tinbidel l-awtorità superviżorja kompetenti.

8.Meta jkun hemm dubji dwar l-attribuzzjoni tal-kompetenza, l-informazzjoni li dik l-attribuzzjoni tkun ibbażata fuqha tiġi kondiviża man-Network Ewropew tal-Awtoritajiet Superviżorji, li jista’ jikkoordina l-isforzi sabiex tinstab soluzzjoni.

Artikolu 22

Responsabbiltà ċivili

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkunu responsabbli għad-danni jekk:

(a)ikunu naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 u;

(b)b’riżultat ta’ dan in-nuqqas, ikun seħħ impatt negattiv li kellu jiġi identifikat, evitat, imnaqqas, miġjub fi tmiemu jew li l-firxa tiegħu kellha tiġi mminimizzata permezz tal-miżuri xierqa stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 u dan wassal għal dannu.

2.Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kumpanija tkun ħadet l-azzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 7(2), u l-Artikolu 7(4), jew fil-punt (c) tal-Artikolu 8(3) u l-Artikolu 8(5), hija ma għandhiex tkun responsabbli għad-danni kkawżati minn impatt negattiv li jirriżulta mill-attivitajiet ta’ sieħeb indirett li jkollha relazzjoni kummerċjali stabbilita miegħu, sakemm ma kienx raġonevoli, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, li wieħed jistenna li l-azzjoni fil-fatt tkun ittieħdet, inkluż fir-rigward tal-verifika tal-konformità, tkun adegwata sabiex tipprevjeni, tnaqqas, iġġib fi tmiemha jew timminimizza l-firxa tal-impatt negattiv.

Fil-valutazzjoni tal-eżistenza u tal-firxa tar-responsabbiltà skont dan il-paragrafu, għandhom jitqiesu l-isforzi tal-kumpanija, sa fejn dawn ikunu relatati direttament mad-dannu inkwistjoni, biex tikkonforma ma’ kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa mingħandhom minn awtorità superviżorja, kwalunkwe investiment li jsir u kwalunkwe appoġġ immirat ipprovdut skont l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kwalunkwe kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi fil-ktajjen tal-valur tagħha.

3.Ir-responsabbiltà ċivili ta’ kumpanija għad-danni li jinħolqu skont din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ċivili tas-sussidjarji tagħha jew ta’ kwalunkwe sieħeb kummerċjali dirett u indirett fil-katina tal-valur.

4.Ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili skont din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili relatati mal-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem jew mal-impatti ambjentali negattivi li jipprevedu responsabbiltà f’sitwazzjonijiet mhux koperti minn din id-Direttiva jew li jipprevedu responsabbiltà aktar stretta minnha.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà prevista fid-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu dan l-Artikolu tkun ta’ applikazzjoni obbligatorja prevalenti f’każijiet meta l-liġi applikabbli għal pretensjonijiet għal dak il-għan ma tkunx il-liġi ta’ Stat Membru.

Artikolu 23

Rapportar ta’ ksur u protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw

Id-Direttiva (UE) 2019/1937 għandha tapplika għar-rapportar ta’ kull ksur ta’ din id-Direttiva u għall-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw tali ksur.

Artikolu 24

Appoġġ pubbliku

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji li japplikaw għall-appoġġ pubbliku jiċċertifikaw li ma ġiet imposta l-ebda sanzjoni fuqhom minħabba nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 25

Dmir ta’ diliġenza tad-diretturi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jissodisfaw id-dmir tagħhom li jaġixxu fl-aħjar interess tal-kumpanija, id-diretturi tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1) iqisu l-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet tagħhom għal kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà, inklużi, meta jkun applikabbli, id-drittijiet tal-bniedem, it-tibdil fil-klima u l-konsegwenzi ambjentali, inkluż fit-terminu ta’ żmien qasir, medju u twil.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom li jipprevedu ksur tad-dmirijiet tad-diretturi japplikaw ukoll għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 26

Stabbiliment u sorveljanza tad-diliġenza dovuta

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(1) ikunu responsabbli biex jistabbilixxu u jissorveljaw l-azzjonijiet ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4 u b’mod partikolari l-politika ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 5, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-kontribut rilevanti mill-partijiet ikkonċernati u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Id-diretturi għandhom jirrapportaw lill-bord tad-diretturi f’dak ir-rigward.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-diretturi jieħdu passi sabiex jadattaw l-istrateġija korporattiva biex iqisu l-impatti negattivi reali u potenzjali identifikati skont l-Artikolu 6 u kwalunkwe miżura meħuda skont l-Artikoli 7 sa 9.

Artikolu 27

Emenda għad-Direttiva (UE) Nru 2019/1937

Fil-Punt E.2 tal-Parti I tal-Anness tad-Direttiva (UE) Nru 2019/1937, jiżdied il-punt li ġej:

“(vi) [Direttiva … tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937* 130+]”

Artikolu 28

Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 11 għandha tiġi mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 11 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 11 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 29

Rieżami

Mhux aktar tard minn …[UP jekk jogħġbok daħħal id-data = 7 snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jevalwa l-effettività ta’ din id-Direttiva fl-ilħuq tal-objettivi tagħha u jivvaluta l-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)jekk il-limiti rigward l-għadd ta’ impjegati u l-fatturat nett stabbiliti fl-Artikolu 2(1) għandhomx jitnaqqsu;

(b)jekk il-lista tas-setturi fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) jeħtieġx li tinbidel, inkluż sabiex tiġi allinjata mal-gwida mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi;

(c)jekk l-Anness jeħtieġx li jiġi modifikat, inkluż fid-dawl tal-iżviluppi internazzjonali;

(d)jekk jenħtieġx li l-Artikoli 4 sa 14 jiġu estiżi għal impatti klimatiċi negattivi.

Artikolu 30

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa … [ĠU jrid jiddaħħal: mhux aktar tard minn sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet kif ġej:

(a)    minn… [ĠU jrid jiddaħħal: sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) u fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

(b)    minn … [ĠU jrid jiddaħħal: 4 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] fir-rigward tal-kumpaniji msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) u l-punt (b) tal-Artikolu 2(2).

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 31

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 32

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), li jinkludi wkoll mira vinkolanti sabiex sal-2030 jitnaqqsu l-emissjonijiet netti domestiċi ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM/2019/640 final.
(3)    S’issa Franza (Loi relative au devoir de vigilance, 2017) u l-Ġermanja (Sorgfaltspflichtengesetz, 2021) introduċew liġi orizzontali dwar id-diliġenza dovuta, Stati Membri oħrajn (il-Belġju, in-Netherlands, il-Lussemburgu u l-Iżvezja) qed jippjanaw li dan jagħmluh fil-futur qrib, u n-Netherlands introduċiet liġi aktar immirata dwar it-tħaddim tat-tfal (Wet zorgplicht kinderarbeidm 2019).
(4)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responsabbiltà korporattiva ( 2020/2129(INL) ); Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u x-Xogħol Deċenti fil-Ktajjen tal-Provvista Globali tal-1 ta’ Diċembru 2020 (13512/20).
(5)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2022 (ĠU C 514I, 21.12.2021, p. 1).
(6)    “Guiding Principles on Business and Human Rights: Implementing the United Nations ‘Protect, Respect and Remedy’ Framework” (2011) tan-Nazzjonijiet Uniti, li jinsabu hawnhekk: https://www.ohchr.org/Documents/Publications/GuidingPrinciplesBusinessHR_EN.pdf .    Il-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali (aġġornament tal-2011), li jinsabu hawnhekk: https://doi.org/10.1787/9789264115415-en , b’sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar kondotta responsabbli fin-negozju, kif ukoll Gwida speċifika tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju (2018) u l-gwida settorjali tal-OECD, li jinsabu hawnhekk: https://mneguidelines.oecd.org/mneguidelines/ .
(7)    Ara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta, p. 15, 23.
(8)    The Study on due diligence, European Commission, Directorate-General for Justice and Consumers, Smit, L., Bright, C., et al., Study on due diligence requirements through the supply chain: rapport finali, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2838/39830 , p. 221, jindika li l-proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju korporattiv ikomplu jiffukaw fuq il-materjalità tar-riskji għall-kumpanija, minkejja l-gwida internazzjonali (UNGPs, OECD) li tiċċara li r-riskji rilevanti għad-diliġenza dovuta jridu jestendu lil hinn mir-riskji tal-kumpanija għal dawk li huma affettwati (id-detenturi tad-drittijiet). L-impatti korporattivi negattivi b’konsegwenza tal-globalizzazzjoni u n-nuqqas ta’ twettiq ta’ diliġenza dovuta, li jvarjaw minn diżastri ambjentali (ara fuq https://www.business-humanrights.org/en/blog/brumadinho-dam-collapse-lessons-in-corporate-due-diligence-and-remedy-for-harm-done/ ) u l-ħtif tal-art (ara fuq https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/578007/EXPO_STU(2016)578007_EN.pdf ) sa ksur serju tad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem, (ara fuq https://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2016/578007/EXPO_STU(2016)578007_EN.pdf) huma dokumentati sew.
(9)    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.
(10)    Id-Direttiva 2014/95/UE li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar (ĠU L 330, 15.11.2014, p. 1-9). L-NFRD għalhekk hija emenda tad-Direttiva dwar il-Kontabilità, jiġifieri tad-Direttiva 2013/34/UE dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013).
(11)    Entitajiet kbar ta’ interess pubbliku li għandhom aktar minn 500 impjegat (u li l-fatturat totali jew nett tal-karta bilanċjali tagħhom jaqbeż il-limitu tad-Direttiva dwar il-Kontabilità għall-intrapriżi l-kbar), inklużi l-kumpaniji elenkati, il-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. Ara l-istudju tas-CEPS dwar id-Direttiva dwar ir-Rapportar mhux Finanzjarju, imħejji għall-Kummissjoni Ewropea sabiex jappoġġa r-rieżami tal-NFRD, Novembru 2020, li jinsab hawnhekk: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/1ef8fe0e-98e1-11eb-b85c-01aa75ed71a1/language-en.
(12)    Ara wkoll xi dispożizzjonijiet tal-SRD II, jiġifieri d-Direttiva (UE) 2017/828 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta’ involviment fit-tul tal-azzjonisti (ĠU L 132, 20.5.2017, p. 1–25).
(13)    Il-valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għad-Direttiva dwar ir-Rapportar tas-Sostenibbiltà Korporattiva (SWD/2021/150 final) u l-istudju tas-CEPS dwar id-Direttiva dwar ir-Rapportar Mhux Finanzjarju (it-taqsima 2) sabu bidla limitata fil-politiki korporattivi b’riżultat tal-NFRD, konsistenti mal-perċezzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin li ma setgħux jidentifikaw xejra ċara ta’ bidla fl-imġiba korporattiva xprunata minn dawn ir-regoli ta’ rapportar.
(14)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE, id-Direttiva 2004/109/KE, id-Direttiva 2006/43/KE u r-Regolament (UE) Nru 537/2014, fir-rigward tar-rapportar korporattiv sostenibbli minn ċerti impriżi (COM/2021/189 final).
(15)    L-obbligu ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà japplika għall-kumpaniji l-kbar kollha kif definiti mid-Direttiva dwar il-Kontabilità (li se tiġi emendata bis-CSRD) u, mill-2026, għall-kumpaniji (inklużi kumpaniji mhux tal-UE iżda b’esklużjoni tal-mikrointrapriżi kollha) elenkati fis-swieq regolati tal-UE.
(16)    L-elaborazzjoni tal-abbozzi ta’ standards ta’ rapportar dwar is-sostenibbiltà bdiet b’mod parallel mal-proċess leġiżlattiv f’task force għall-proġett stabbilita mill-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rapportar Finanzjarju (EFRAG) fuq talba tal-Kummissjoni.
(17)    Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1-16).
(18)    Fl-4 ta’ Frar 2021, it-tliet Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ippubblikaw ir-Rapport Finali tagħhom (li jinsab hawnhekk: https://www.esma.europa.eu/press-news/esma-news/three-european-supervisory-authorities-publish-final-report-and-draft-rts ) lill-Kummissjoni, inkluż l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji dwar id-divulgazzjonijiet skont l-SFDR.
(19)    Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13–43).
(20)    It-Tassonomija se tiġi żviluppata gradwalment. Is-salvagwardji soċjali minimi japplikaw għall-investimenti kollha eliġibbli għat-Tassonomija.
(21)    Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI (ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1).
(22)    Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza illegali (ĠU L 168, 30.6.2009).
(23)    Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli (ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1–20).
(24)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni kif ukoll l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (COM(2021) 706 final).
(25)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 2019/1020 (COM/2020/798 final).
(26)    Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta’ rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).
(27)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli, COM(2022) 66 final.
(28)    Pereżempju, tintroduċi limitazzjonijiet fuq ir-rilaxx ta’ xi sustanzi niġġiesa, tiddefinixxi l-għanijiet tal-UE (bħal-Liġi Ewropea dwar il-Klima) jew tistabbilixxi miri għall-Istati Membri (bħal għall-effiċjenza enerġetika), tiddefinixxi l-obbligi għall-Istati Membri (eż. dwar il-protezzjoni tal-ħabitats naturali), tistabbilixxi kontenut minimu fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni għal xi attivitajiet ekonomiċi (eż. Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali), eċċ.
(29)    Ara eż. Jungmichel, Norbert, Christina Schampel u Daniel Weiss (2017): Atlas on Environmental Impacts - Supply Chains – Environmental Impacts and Hot Spots in the Supply Chain, Adephi/Systain, li jinsab hawnhekk: https://www.adelphi.de/en/system/files/mediathek/bilder/Umweltatlas%20Lieferkette%20-%20adelphi-Systain-englisch.pdf .
(30)    Id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56–75).
(31)    Il-Pakkett “Lesti għall-mira ta’ 55 %” huwa serje ta’ proposti adottati mill-Kummissjoni fl-14 ta’ Lulju 2021 li għandhom l-għan li jagħmlu l-politiki tal-UE dwar il-klima, l-enerġija, l-użu tal-art, it-trasport u t-tassazzjoni adatti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra b’mill-inqas 55 % sal-2030, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
(32)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni, id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u r-Regolament (UE) 2015/757 (COM/2021/551 final).
(33)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera (COM(2021) 564 final).
(34)    “Rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” li tirriżulta miż-żieda fl-ambizzjoni klimatika tal-UE tista’ twassal għal żieda fl-emissjonijiet globali totali. Il-prezz ta’ aġġustament tal-karbonju tas-CBAM fuq tipi magħżula ta’ prodotti importati fis-setturi tal-azzar tal-ħadid, tal-aluminju, tas-siment, tal-elettriku, tal-fertilizzanti se joħloq kundizzjonijiet ekwi bejn l-UE u l-prodotti importati.
(35)    Skont id-dritt tal-UE, kull ħaddiem tal-UE għandu ċerti drittijiet minimi relatati mal-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-età, id-diżabilità u l-orjentazzjoni sesswali, il-liġi tax-xogħol (xogħol part-time, kuntratti għal terminu fiss, sigħat tax-xogħol, informazzjoni u konsultazzjoni mal-impjegati). Sommarju jinsab hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu/summary/chapter/employment_and_social_policy.html?root_default=SUM_1_CODED%3D17&locale=mt .
(36)    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 (JOIN/2020/5 final).
(37)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM/2021/142 final).
(38)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2021- 2025 (COM(2021) 171 final).
(39)    (COM(2022)66 final).
(40)    Eż. Il-Pilastru 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar ambjent tax-xogħol b’saħħtu, sikur u adattat tajjeb u l-Artikolu 7(b) il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ara l-anness ta’ din id-Direttiva) dwar kundizzjonijiet ġusti u favorevoli fuq il-post tax-xogħol inklużi kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u b’saħħithom.
(41)    Ta’ min ifakkar li fir-rigward tal-miżuri ta’ governanza korporattiva, l-UE diġà lleġiżlat abbażi tal-istess bażi ġuridika, eż. Id-Direttivi I u II dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti.
(42)    Ara pereżempju l-Kawża C-380/03 Il-Ġermanja vs Il-Parlament u l-Kunsill [2006] Ġabra I-11573, il-punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.
(43)    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3. Fir-rigward tal-pajjiżi taż-ŻEE, in-Norveġja adottat leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta.
(44)    L-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands (rigward leġiżlazzjoni usa’ dwar imġiba responsabbli fin-negozju). Hemm kampanji tas-soċjetà ċivili favur l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar id-diliġenza dovuta li għaddejja fl-Irlanda, fi Spanja u fl-Iżvezja. L-Anness 8 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta jipprovdi ħarsa ġenerali dettaljata lejn il-liġijiet u l-inizjattivi tal-Istati Membri/taż-ŻEE.
(45)    Il-Loi Pacte Franċiża.
(46)    Pereżempju n-Netherlands.
(47)    Ara s-Sorgfaltspflichtengesetz Ġermaniża).
(48)    Pereżempju, il-liġi Netherlandiża msemmija hawn fuq tistabbilixxi diliġenza dovuta obbligatorja orizzontali għat-tħassib dwar it-tħaddim tat-tfal tul il-katina tal-valur kollha. Fl-Awstrija, partit politiku ppreżenta abbozz ta’ liġi dwar ir-responsabbiltà soċjali fir-rigward tat-tħaddim furzat u tat-tfal fis-settur tal-ħwejjeġ.
(49)    Il-Loi relative au devoir de vigilance Franċiża u s-Sorgfaltspflichtengesetz Ġermaniża jvarjaw b’mod konsiderevoli f’termini ta’ rekwiżiti materjali tal-kamp ta’ applikazzjoni personali u r-reġim ta’ infurzar.
(50)    Pereżempju, skont is-Sorgfaltspflichtengesetz Ġermaniża, kwalunkwe kumpanija b’uffiċċju tal-fergħa u mill-inqas 3000 impjegat fil-Ġermanja (1000 sa mill-2024) taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi.
(51)    Il-Loi relative au devoir de vigilance Franċiża tinkludi dispożizzjoni dwar ir-responsabbiltà ċivili. Is-Sorgfaltspflichtengesetz Ġermaniża tiċċara li ksur ta’ obbligu skont il-liġi ma jwassal għall-ebda responsabbiltà ċivili filwaqt li r-regoli ġenerali dwar ir-responsabbiltà jibqgħu mhux affettwati. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili ma humiex armonizzati.
(52)    Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
(53)    Dan in-numru ġej mill-Valutazzjoni tal-Impatt tad-Direttiva II dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti.
(54)    Pereżempju, il-produttur tal-ikel Danone reċentement kien imġiegħel inaqqas il-kostijiet mill-investituri minħabba nuqqas ta’ profittabbiltà fuq perjodu qasir, ara l-artikolu Can Anglo-Saxon activist investors whip Danone into shape?, li jinsab hawnhekk: https://www.economist.com/business/2021/02/20/can-anglo-saxon-activist-investors-whip-danone-into-shape .
(55)    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.
(56)    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 48.
(57)    Fl-2014, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ddeċieda li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma intergovernattiv miftuħ (OEIGWG) dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu għandu jkun li jelabora strument internazzjonali legalment vinkolanti (LBI) sabiex jirregola, fid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta’ korporazzjonijiet transnazzjonali u ta’ intrapriżi kummerċjali oħrajn. Fl-2021, l-OEIGWG ħareġ it-tielet abbozz rivedut tal-LBI dwar l-attivitajiet tan-negozju u d-drittijiet tal-bniedem , inklużi miżuri ta’ diliġenza dovuta u responsabbiltà korporattiva għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem.
(58)    Kumpaniji kbar b’responsabbiltà limitata b’aktar minn 500 impjegat u b’fatturat nett ta’ aktar minn EUR 150 miljun.
(59)    Il-kumpaniji kbar b’responsabbiltà limitata b’aktar minn 250 impjegat u b’fatturat nett ta’ aktar minn EUR 40 miljun iżda li fl-istess ħin ma jaqbżux il-livelli limiti, la ta’ 500 impjegat u lanqas ta’ fatturat nett ta’ EUR 150 miljun, kif ukoll kumpaniji ta’ pajjiżi terzi ta’ forma ġuridika komparabbli b’fatturat nett tal-UE ta’ minn EUR 40 miljun sa EUR 150 miljun.
(60)    L-OECD żviluppat tali gwida settorjali sabiex tippromwovi l-osservanza effettiva tal-Linji Gwida tal-OECD dwar Intrapriżi Multinazzjonali. Ara l-lista tad-dokumenti ta’ gwida settorjali fuq: http://mneguidelines.oecd.org/sectors/.
(61)    Għall-Unjoni ara pereżempju l-Artikolu 5 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ kumpaniji mikro, żgħar u ta’ daqs medju (2003/361/KE) (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(62)    Fil-grupp 1: 9 400 kumpanija, fil-grupp 2: 3 400 kumpanija.
(63)    Fil-grupp 1: 2 600 kumpanija, fil-grupp 2: 1 400 kumpanija. Il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-għadd ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi hija spjegata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha.
(64)    Is-Sommarju tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa għall-inizjattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli, li jinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12548-Sustainable-corporate-governance/public-consultation_en .
(65)    Pereżempju, bi tweġiba għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa, l-NGOs appoġġaw il-ħtieġa għal azzjoni b’95,9 %, il-kumpaniji b’68,4 % (il-kumpaniji kbar b’75,5 %, l-SMEs b’58,7 %) u l-assoċjazzjonijiet tan-negozju b’59,6 %.
(66)    Filwaqt li 97,2 % tal-NGOs ippreferew approċċ orizzontali, il-kumpaniji ġenerali għamlu dan b’86,8 %, inklużi l-SMEs (81,8 %), kif ukoll l-assoċjazzjoni tan-negozju (85,3 %). Dan jgħodd ukoll għal dawk li wieġbu mill-Istati Membri.
(67)    97 % tar-rispondenti qablu ma’ din id-dikjarazzjoni (NGOs 96,1 %, assoċjazzjonijiet tan-negozju 96,5 %, kumpaniji 93,8 %, inklużi SMEs 86,4 %). Ir-rispondenti kollha tal-Istati Membri jaqblu ma’ din id-dikjarazzjoni wkoll.
(68)    Din ġiet segwita mill-għażla ta’ infurzar ġudizzjarju b’responsabbiltà (49 %) u s-superviżjoni mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti abbażi ta’ lmenti dwar nuqqas ta’ konformità ma’ sanzjonijiet effettivi (44 %).
(69)    Ara r-referenza fin-nota f’qiegħ il-paġna numru 8.
(70)    Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja u l-Konsumaturi, Study on directors’ duties and sustainable corporate governance: rapport finali, L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, 2020, https://data.europa.eu/doi/10.2838/472901 . https://data.europa.eu/doi/10.2838/472901 .
(71)    SEC(2022)95
(72)    Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 6.
(73)    ĠU C , , p. .
(74)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM/2019/640 final).
(75)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti (COM/2020/14 final).
(76)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ix-xogħol deċenti madwar id-dinja għal tranżizzjoni globali ġusta u rkupru sostenibbli, COM(2022) 66 final.
(77)    “Enterprise Models and the EU agenda”, CEPS Policy Insights, Nru PI2021-02/ Jannar 2021.
(78)     . https://www.economie.gouv.fr/entreprises/societe-mission  
(79)    “Guiding Principles on Business and Human Rights: Implementing the United Nations ‘Protect, Respect and Remedy’ Framework” tan-Nazzjonijiet Uniti, 2011, li jinsab hawnhekk: https://www.ohchr.org/documents/publications/guidingprinciplesbusinesshr_en.pdf .
(80)    OECD Guidelines for Multinational Enterprises, 2011 updated edition, li jinsabu hawnhekk: http://mneguidelines.oecd.org/guidelines/. https://mneguidelines.oecd.org/mneguidelines/
(81)    OECD Guidance on Responsible Business Conduct, 2018, and sector-specific guidance, li tinsab hawnhekk: https://www.oecd.org/investment/due-diligence-guidance-for-responsible-business-conduct.htm .
(82)    “Tripartite Declaration of Principles concerning Multinational Enterprises and Social Policy” tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, il-Ħames Edizzjoni, 2017, li tinsab hawnhekk: https://www.ilo.org/empent/Publications/WCMS_094386/lang--en/index.htm .
(83)     https://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E .  
(84)     https://unfccc.int/files/essential_background/convention/application/pdf/english_paris_agreement.pdf .
(85)    Il-Patt Klimatiku ta’ Glasgow, adottat fit-13 ta’ Novembru 2021 fis-COP26 fi Glasgow, https://unfccc.int/sites/default/files/resource/cma2021_L16_adv.pdf . https://unfccc.int/sites/default/files/resource/cma2021_L16_adv.pdf .
(86)

   Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) PE/27/2021/REV/1 (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(87)    SWD/2020/176 final.
(88)    COM/2019/640 final.
(89)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima – L-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (COM/2021/82 final), li tinsab hawnhekk: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021DC0082.
(90)    ĠU C […], […], p. […].
(91)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva (COM/2020/98 final).

(92)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380 final).

(93)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (COM/2020/381 final).

(94)

   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni,    Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà Lejn Ambjent Ħieles mit-Tossiċità (COM/2020/667 final).

(95)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa: (COM/2021/350 final).
(96)    Industrija 5.0; https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/research-area/industrial-research-and-innovation/industry-50_en
(97)     https://op.europa.eu/webpub/empl/european-pillar-of-social-rights/en/  
(98)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Rieżami tal-Politika Kummerċjali - Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva (COM/2021/66/final).
(99)    Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024 (JOIN/2020/5 final).
(100)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2021 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-diliġenza dovuta korporattiva u r-responsabbiltà korporattiva (2020/2129(INL)) , P9_TA(2021)0073, li tinsab hawnhekk: https://oeil.secure.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=en&reference=2020/2129(INL ). 
(101)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u x-Xogħol Deċenti fil-Ktajjen tal-Provvista Globali, l-1 ta’ Diċembru 2020 (13512/20).
(102)    Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Prijoritajiet Leġiżlattivi tal-UE għall-2022, li tinsab hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/joint_declaration_2022.pdf .
(103)    Id-Direttiva (UE) 2018/957 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2018 li temenda d-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (ĠU L 173, 9.7.2018, p. 16).
(104)     https://www.ungpreporting.org/wp-content/uploads/UNGPReportingFramework_withguidance2017.pdf .  
(105)     https://www.ohchr.org/Documents/Issues/Business/RtRInterpretativeGuide.pdf . https://www.ohchr.org/Documents/Issues/Business/RtRInterpretativeGuide.pdf .
(106)    Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).
(107)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(108)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1-88.
(109)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(110)    Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(111)    Ir-Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(112)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(113)    Ir-Regolament (UE) Nru 345/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 1).
(114)    Ir-Regolament (UE) Nru 346/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar il-fondi ta’ intraprenditorija soċjali Ewropej (ĠU L 115, 25.4.2013, p. 18).
(115)    Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).
(116)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(117)    Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(118)    Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37).
(119)    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(120)    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).
(121)    Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).
(122)    Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).
(123)    Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).
(124)    Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).
(125)    Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
(126)    Ir-Regolament (UE) 2020/1503 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Ottubru 2020 dwar fornituri Ewropej ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv għan-negozji, u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 (ĠU L 347, 20.10.2020, p. 1).
(127)    COM/2020/593 final.
(128)    Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).
(129)    Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).
(130) +    ĠU: Jekk jogħġbok daħħal fit-test in-numru u d-data tad-Direttiva li jinsabu fid-dokument ... u daħħal ir-referenza tal-ĠU ta’ dik id-Direttiva fin-nota f’qiegħ il-paġna.

Brussell, 23.2.2022

COM(2022) 71 final

ANNESS

tal-proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar id-Diliġenza Dovuta tas-Sostenibbiltà Korporattiva u li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937








{SEC(2022) 95 final} - {SWD(2022) 38 final} - {SWD(2022) 39 final} - {SWD(2022) 42 final} - {SWD(2022) 43 final}


ANNESS

Parti I

1.Ksur tad-drittijiet u projbizzjonijiet inklużi fil-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem

1.Ksur tad-dritt tal-poplu li jiddisponi mir-riżorsi naturali ta’ art u li ma jiġix imċaħħad minn mezzi ta’ sussistenza skont l-Artikolu 1 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

2.Ksur tad-dritt għall-ħajja u s-sigurtà skont l-Artikolu 3 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

3.Ksur tal-projbizzjoni tat-tortura, trattament krudili, inuman jew degradanti skont l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

4.Ksur tad-dritt għal-libertà u għas-sigurtà skont l-Artikolu 9 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

5.Ksur tal-projbizzjoni ta’ interferenza arbitrarja jew illegali fil-privatezza, il-familja, id-dar jew il-korrispondenza ta’ persuna u attakki fuq ir-reputazzjoni tagħha, skont l-Artikolu 17 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

6.Ksur tal-projbizzjoni tal-interferenza mal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon skont l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

7.Ksur tad-dritt li wieħed igawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u favorevoli inklużi paga ġusta, għajxien deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u tajbin għas-saħħa u limitazzjoni raġonevoli tas-sigħat tax-xogħol skont l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

8.Ksur tal-projbizzjoni li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal akkomodazzjoni adegwata, jekk il-forza tax-xogħol tkun akkomodata f’akkomodazzjoni pprovduta mill-kumpanija, u li jiġi ristrett l-aċċess tal-ħaddiema għal ikel, ħwejjeġ u ilma u sanitazzjoni adegwati fil-post tax-xogħol skont l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

9.Ksur tad-dritt tat-tfal li l-aħjar interessi tagħhom jingħataw kunsiderazzjoni primarja fid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet kollha li jaffettwaw it-tfal skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; ksur tad-dritt tat-tfal li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; ksur tad-dritt tat-tfal għall-ogħla standard ta’ saħħa li jista’ jintlaħaq skont l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; ksur tad-dritt għas-sigurtà soċjali u standard ta’ għajxien adegwat skont l-Artikolu 26 u l-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; ksur tad-dritt għall-edukazzjoni skont l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; ksur tad-dritt tat-tfal li jkunu protetti minn kull forma ta’ sfruttament sesswali u abbuż sesswali u li jkunu protetti milli jiġu maħtufa, mibjugħa jew spostati illegalment lejn post differenti fil-pajjiż tagħhom jew barra mill-pajjiż għall-fini ta’ sfruttament, skont l-Artikoli 34 u 35 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

10.Ksur tal-projbizzjoni tal-impjegar ta’ tfal taħt l-età tat-tmiem tal-iskola obbligatorja u li, fi kwalunkwe każ, ma tkunx inqas minn 15-il sena, ħlief meta l-liġi tal-post tal-impjieg tipprevedi hekk skont l-Artikolu 2(4) u l-Artikoli 4 sa 8 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138);

11.Ksur tal-projbizzjoni tat-tħaddim tat-tfal skont l-Artikolu 32 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, inkluż l-agħar forom tax-xogħol tat-tfal għat-tfal (persuni taħt l-età ta’ 18-il sena) skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182). Dan jinkludi:

(a)Il-forom kollha ta’ skjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, bħall-bejgħ u t-traffikar tat-tfal, il-jasar tad-dejn u s-servitù, kif ukoll ix-xogħol furzat jew obbligatorju, inkluż ir-reklutaġġ furzat jew obbligatorju tat-tfal għall-użu f’kunflitti armati,

(b)L-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għall-prostituzzjoni, għall-produzzjoni ta’ pornografija jew għal prestazzjonijiet pornografiċi,

(c)L-użu, l-akkwist jew l-offerta ta’ tfal għal attivitajiet illeċiti, b’mod partikolari għall-produzzjoni jew it-traffikar tad-drogi,

(d)Xogħol li, min-natura tiegħu jew miċ-ċirkostanzi li jitwettaq fihom, x’aktarx li jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza jew lill-morali tat-tfal;

12.Ksur tal-projbizzjoni tax-xogħol furzat; dan jinkludi x-xogħol jew is-servizz kollu li jiġi mġiegħel isir minn kwalunkwe persuna bit-theddid ta’ kwalunkwe piena u li t-tali persuna ma tkunx offriet ruħha volontarjament għalih, pereżempju b’riżultat ta’ jasar tad-dejn jew traffikar ta’ bnedmin; esklużi mix-xogħol furzat huma kwalunkwe xogħol jew servizzi li jikkonformaw mal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 1930 (Nru 29) jew mal-Artikolu 8(3)(b) u (c) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

13.Ksur tal-projbizzjoni ta’ kull forma ta’ skjavitù, prattiki simili għall-iskjavitù, servitù jew forom oħrajn ta’ dominazzjoni jew oppressjoni fuq il-post tax-xogħol, bħal umiljazzjoni u sfruttament ekonomiku jew sesswali estrem skont l-Artikolu 4 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

14.Ksur tal-projbizzjoni tat-traffikar tal-bnedmin f’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Palermo għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

15.Ksur tad-dritt għal-libertà ta’ assoċjazzjoni, ta’ għaqda, tad-drittijiet ta’ organizzazzjoni u ta’ negozjar kollettiv skont l-Artikolu 20 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikoli 21 u 22 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikolu 8 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87) u l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98), inklużi d-drittijiet li ġejjin:

(a)il-ħaddiema huma liberi li jiffurmaw trade unions jew li jingħaqdu magħhom,

(b)il-formazzjoni ta’ trade union u li wieħed jingħaqad jew jissieħeb ma’ trade union ma jridux jintużaw bħala raġuni għal diskriminazzjoni jew ritaljazzjoni inġustifikata,

(c)l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema huma liberi li joperaw f’konformità mal-kostituzzjonijiet u r-regoli tagħhom mingħajr indħil mill-awtoritajiet;

(d)id-dritt tal-istrajkjar u d-dritt ta’ negozjar kollettiv;

16.Ksur tal-projbizzjoni ta’ trattament inugwali fl-impjieg, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat mir-rekwiżiti tal-impjieg skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100), l-Artikolu 1 u l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111) u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali; trattament inugwali jinkludi, b’mod partikolari, il-ħlas ta’ rimunerazzjoni inugwali għal xogħol ta’ valur ugwali;

17.Ksur tal-projbizzjoni taż-żamma ta’ paga adegwata li tiggarantixxi l-għajxien skont l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

18.Ksur tal-projbizzjoni mill-ikkawżar ta’ kwalunkwe degradazzjoni ambjentali li tista’ titkejjel, bħal tibdil dannuż tal-ħamrija, tniġġis tal-ilma jew tal-arja, emissjonijiet dannużi jew konsum eċċessiv tal-ilma jew impatt ieħor fuq ir-riżorsi naturali, li

(a)ifixkel il-bażijiet naturali għall-preservazzjoni u l-produzzjoni tal-ikel jew

(b)iċaħħad lil persuna milli jkollha aċċess għal ilma tax-xorb sikur u nadif jew

(c)jagħmilha diffiċli għal persuna biex taċċessa faċilitajiet sanitarji jew jeqridhom jew

(d)jagħmel ħsara lis-saħħa, lis-sikurezza, lill-użu normali tal-proprjetà jew tal-art jew lill-kondotta normali tal-attività ekonomika ta’ persuna jew

(e)jaffettwa l-integrità ekoloġika, bħad-deforestazzjoni,

f’konformità mal-Artikolu 3 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 5 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

19.Ksur tal-projbizzjoni ta’ evakwazzjoni jew teħid illegali ta’ art, foresti u ilmijiet meta jiġu akkwistati, żviluppati jew użati b’mod ieħor art, foresti u ilmijiet, inkluż permezz tad-deforestazzjoni, li l-użu tagħhom jiżgura l-għajxien ta’ persuna skont l-Artikolu 11 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

20.Ksur tad-dritt tal-popli indiġeni għall-artijiet, it-territorji u r-riżorsi li tradizzjonalment kienu proprjetà tagħhom, okkupaw jew b’xi mod ieħor użaw jew akkwistaw skont l-Artikolu 25, 26(1) u (2), 27, u 29(2) tad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

21.Ksur ta’ projbizzjoni jew dritt mhux kopert mill-punti 1 sa 20 hawn fuq iżda inkluż fil-ftehimiet dwar id-drittijiet tal-bniedem elenkati fit-Taqsima 2 ta’ din il-Parti, li jfixkel direttament interess legali protett f’dawk il-ftehimiet, dment li l-kumpanija kkonċernata setgħet tistabbilixxi b’mod raġonevoli r-riskju ta’ tali indeboliment u kwalunkwe miżura xierqa li trid tittieħed sabiex tikkonforma mal-obbligi msemmijin fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-operazzjonijiet tagħhom, bħas-settur u l-kuntest operazzjonali.

2.Konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

·Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

·Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

·Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali;

·Il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju;

·Il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra;

·Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali;

·Il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

·Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

·Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

·Id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni;

·Id-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jagħmlu parti minn Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi;

·Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokoll ta' Palermo għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali;

·Id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol;

·Id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Prinċipji li Jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali;

·Il-konvenzjonijiet ewlenin/fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol:

·Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (Nru 87)

·Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (Nru 98)

·Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29) u l-Protokoll tal-2014 tagħha;

·Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105)

·Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima, 1973 (Nru 138)

·Il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom tax-Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182)

·Il-Konvenzjoni dwar ir-Rimunerazzjoni Indaqs, 1951 (Nru 100)

·Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni (Impjiegi u Xogħol), 1958 (Nru 111)

Parti II

ksur ta’ objettivi u projbizzjonijiet rikonoxxuti internazzjonalment inklużi fil-konvenzjonijiet ambjentali

1.Ksur tal-obbligu li jittieħdu l-miżuri meħtieġa relatati mal-użu ta’ riżorsi bijoloġiċi sabiex jiġu evitati jew minimizzati l-impatti negattivi fuq id-diversità bijoloġika, skont l-Artikolu 10(b) tal-Konvenzjoni tal-1992 dwar id-Diversità Bijoloġika u [b’kont meħud tal-emendi possibbli wara l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika ta’ wara l-2020], inklużi l-obbligi tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar l-iżvilupp, l-immaniġġar, it-trasport, l-użu, it-trasferiment u r-rilaxx ta’ organiżmi modifikati ħajjin u tal-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta' Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tatl-12 ta’ Ottubru 2014;

2.Ksur tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ kwalunkwe eżemplar inkluż fl-Appendiċi tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) tat-3 ta’ Marzu 1973 mingħajr permess, skont l-Artikoli III, IV u V;

3.Ksur tal-projbizzjoni tal-manifattura ta’ prodotti miżjudin bil-merkurju skont l-Artikolu 4(1) u l-Anness A Parti I tal-Konvenzjoni ta' Minamata dwar il-Merkurju tal-10 ta’ Ottubru 2013 (il-Konvenzjoni ta’ Minamata);

4.Ksur tal-projbizzjoni tal-użu tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fil-proċessi tal-manifattura skont it-tifsira tal-Artikolu 5(2) u l-Parti I tal-Anness B tal-Konvenzjoni ta’ Minamata mid-data tal-eliminazzjoni gradwali speċifikata fil-Konvenzjoni għall-prodotti u l-proċessi rispettivi;

5.Ksur tal-projbizzjoni tat-trattament tal-iskart tal-merkurju li jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(3) tal-Konvenzjoni ta’ Minamata;

6.Ksur tal-projbizzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta’ sustanzi kimiċi skont l-Artikolu 3(1)(a)(i) u l-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (il-Konvenzjoni POPs), fil-verżjoni tar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169 tal-25 ta’ Ġunju 2019 p. 45-77;

7.Ksur tal-projbizzjoni tal-immaniġġjar, il-ġbir, il-ħżin u r-rimi tal-iskart b’mod li ma jkunx ambjentalment korrett skont ir-regolamenti fis-seħħ fil-ġuriżdizzjoni applikabbli skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1)(d)(i) u (ii) tal-Konvenzjoni POPs;

8.Ksur tal-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ sustanza kimika elenkata fl-Anness III tal-Konvenzjoni dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel għal Ċerti Kimiċi u Pestiċidi fil-Kummerċ Internazzjonali (UNEP/FAO), adottata fl-10 ta’ Settembru 1998, kif indikat mill-Parti importatriċi fil-Konvenzjoni f’konformità mal-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat minn Qabel (PIC);

9.Ksur tal-projbizzjoni tal-produzzjoni u l-konsum ta’ sustanzi speċifiċi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu (jiġifieri CFCs, Aloni, CTC, TCA, BCM, MB, HBFCs u HCFCs) wara t-tneħħija gradwali tagħhom skont il-Konvenzjoni ta' Vjenna għall-ħarsien tas-Saff tal-Ożonu u l-Protokoll ta' Montreal tagħha dwar sustanzi li jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu;

10.Ksur tal-projbizzjoni tal-esportazzjonijiet ta’ skart perikoluż skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) u skart ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tal-Konvenzjoni ta' Basilea dwar il-Kontroll tal-Movimenti li Jaqsmu l-Fruntieri tal-Iskart ta' Riskju u d-Disponiment minnhom tat-22 ta’ Marzu 1989 (il-Konvenzjoni ta’ Basilea) u skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190 tat-12 ta’ Lulju 2006 p. 1-98) (ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006), kif emendat l-aħħar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2174 tad-19 ta’ Ottubru 2020 (ĠU L 433 tat-22 ta’ Diċembru 2020 p. 11-19)

(a)lejn parti li pprojbiet l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż u skart ieħor (l-Artikolu 4(1)(b) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea),

(b)lejn stat ta’ importazzjoni kif definit fl-Artikolu 2 nru 11 tal-Konvenzjoni ta’ Basilea li ma jagħtix il-kunsens bil-miktub għall-importazzjoni speċifika, f’każ li dak l-istat ta’ importazzjoni ma jkunx ipprojbixxa l-importazzjoni ta’ tali skart perikoluż (l-Artikolu 4(1)(c) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea),

(c)lejn non-Parti fil-Konvenzjoni ta’ Basilea (l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea),

(d)lejn stat ta’ importazzjoni jekk tali skart perikoluż jew skart ieħor ma jiġix ġestit b’mod ambjentalment korrett f’dak l-istat jew xi mkien ieħor (l-Artikolu 4(8) sentenza 1 tal-Konvenzjoni ta’ Basilea);

11.Ksur tal-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta’ skart perikoluż mill-pajjiżi elenkati fl-Anness VII tal-Konvenzjoni ta’ Basilea lejn pajjiżi mhux elenkati fl-Anness VII (l-Artikolu 4A tal-Konvenzjoni ta’ Basilea, l-Artikolu 36 tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006);

12.Ksur tal-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ skart perikoluż u skart ieħor mingħand non-Parti fil-Konvenzjoni ta’ Basilea (l-Artikolu 4(5) tal-Konvenzjoni ta’ Basilea).