Brussell, 26.8.2022

COM(2022) 416 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, inkluż ir-rieżami msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, inkluż ir-rieżami msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1031/2010

1. Introduzzjoni 

Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa wieħed mill-akbar programmi ta’ finanzjament tad-dinja għad-dimostrazzjoni kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li għandhom l-għan li jġibu fis-suq soluzzjonijiet industrijali għad-dekarbonizzazzjoni tal-Ewropa u jappoġġaw it-tranżizzjoni tagħha għan-newtralità klimatika. Fost il-firxa wiesgħa ta’ strumenti finanzjarji disponibbli fil-livell tal-UE, dan għandu rwol uniku minħabba d-daqs tiegħu u billi jiffoka fuq l-aħħar passi fit-tnedija ta’ teknoloġija nadifa innovattiva.

Il-Fond għall-Innovazzjoni, li huwa mgħammar b’aktar minn EUR 38 biljun 1 , iffinanzjat mill-irkant tal-kwoti tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet għandu fil-mira tiegħu:

L-industriji intensivi fl-enerġija, inklużi l-qbid u l-użu tal-karbonju (CCU) ambjentalment sikuri li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll prodotti li jissostitwixxu dawk b’użu intensiv tal-karbonju;

Il-proġetti ta’ qbid u ħżin ġeoloġiku tas-CO2 (CCS) ambjentalment sikuri;

Teknoloġiji innovattivi għall-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; u,

Teknoloġiji tal-ħżin tal-enerġija.

L-għan tiegħu huwa li joħloq l-inċentivi finanzjarji x-xierqa biex il-kumpaniji jinvestu f’teknoloġija nadifa minnufih u sabiex jingħataw is-setgħa ħalli jsiru mexxejja globali tat-teknoloġija nadifa.

Illustrazzjoni 1: Ħarsa Ġenerali lejn il-Fond għall-Innovazzjoni

Ir-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar l-Iskambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet imressqa mill-Kummissjoni f’Lulju tal-2021 bħala parti mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %” 2 għandha l-għan li tkompli ssaħħaħ il-Fond billi żżid l-għadd ta’ kwoti tal-ETS u b’hekk iżżid ukoll il-baġit disponibbli għall-Fond, filwaqt li testendi l-ambitu tiegħu għas-setturi marittimu, tat-trasport bit-triq, u tal-bini.

Id-DĠ Azzjoni Klimatika għandu r-responsabbiltà ġenerali tal-Fond għall-Innovazzjoni, inkluż id-definizzjoni tal-volum u tal-prijoritajiet ta’ politika tas-sejħiet għall-proposti u l-elementi essenzjali tagħhom u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ għoti. L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent (CINEA) għandha l-kompitu li tmexxi s-sejħiet għall-proposti, l-evalwazzjonijiet, it-tħejjija tal-għotjiet u l-iffirmar tagħhom u s-segwitu ta’ kuljum tal-proġetti. Il-Bank Ewropew tal-Investiment jipprovdi l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti. L-Istati Membri jiġu kkonsultati dwar id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament u l-lista ta’ proġetti magħżula, filwaqt li r-rwol tagħhom huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-applikanti potenzjali fit-territorju tagħhom u jiġu appoġġati fl-applikazzjoni tal-proġett (eż. permezz ta’ skemi ta’ appoġġ) u fl-implimentazzjoni (eż. permezz tal-iffaċilitar tal-permessi).

1.2. L-għan ta’ dan ir-rapport

Skont l-Artikolu 23(6) tar-Regolament Delegat (UE) 2019/856 tas-26 ta’ Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament Delegat”), il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tal-implimentazzjoni tal-Fond.

Dan ir-rapport jissodisfa r-rekwiżit għall-2020 u għall-2021 billi jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-ewwel żewġ sejħiet tal-Fond li kienu disponibbli biss fi tmiem l-2021: l-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira (iddefiniti bħala proġetti b’nefqa kapitali totali ta’ aktar minn EUR 7,5 miljun) u l-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira (iddefiniti bħala proġetti b’nefqa kapitali totali ta’ inqas minn EUR 7,5 miljun). L-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira nfetħet fit-3 ta’ Lulju 2020 u r-riżultati tħabbru fis-16 ta’ Novembru 2021, filwaqt li l-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira nfetħet fl-1 ta’ Diċembru 2020 u r-riżultati tħabbru fis-27 ta’ Lulju 2021.

Dan ir-rapport janalizza r-riżultati ta’ dawn is-sejħiet u l-kontribut tagħhom għall-għanijiet tal-Fond, filwaqt li jiffoka fuq it-tagħlimiet meħuda u l-konklużjonijiet rilevanti għall-politika.

Għalkemm it-tieni sejħa għall-proġetti fuq skala kbira tnediet fis-26 ta’ Ottubru 2021 u t-tieni sejħa għall-proġetti fuq skala żgħira tnediet fil-31 ta’ Marzu 2022, dawn is-sejħiet għadhom għaddejjin, u għalhekk ir-riżultati tagħhom se jiġu rrapportati fit-tieni rapport dwar il-Fond għall-Innovazzjoni.

L-Artikolu 24(3) tar-Regolament dwar l-Irkantar 3 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-ammont ta’ kwoti li jifdal li għandhom jiġu rkantati wara d-deċiżjoni ta’ għoti tal-Fond għall-Innovazzjoni ta’ kull sejħa għall-proposti, u aspetti oħrajn relatati mal-operazzjonijiet tal-Fond għall-Innovazzjoni. Dawn ir-rieżamijiet għandhom isiru kull sentejn, u l-ewwel rieżami għandu jseħħ mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022. Dan ir-rapport jissodisfa wkoll dan l-għan.

2. L-eżitu tal-ewwel żewġ sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni

2.1. Interess privat fil-Fond għall-Innovazzjoni

Bis-saħħa ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni estensiva u ta’ aktar minn 30 sessjoni ta’ ħidma ta’ sensibilizzazzjoni ma’ diversi assoċjazzjonijiet tal-industrija tal-UE u mal-Istati Membri matul l-2019 u l-2020 4 , iż-żewġ sejħiet attiraw għadd impressjonanti ta’ applikazzjonijiet: 311 5 għall-iskala l-kbira u 232 6 għall-iskala żgħira. L-applikazzjonijiet koprew is-setturi eliġibbli u l-Istati Membri kollha, u b’hekk għenu biex jintlaħaq l-objettiv tal-Fond li jiffinanzja proġetti fi spettru settorjali u ġeografiku wiesa’.

L-għadd ta’ applikazzjonijiet juri li l-industrija hija interessata li tiżviluppa soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa li jikkontribwixxu għan-newtralità klimatika tal-UE, u li l-Fond jista’ jagħżel minn portafoll varjat ta’ proġetti ekoloġiċi li jeħtieġu appoġġ u mobilizzazzjoni ta’ kapital privat. Meta mqabbla mal-applikazzjonijiet għal dik fuq skala kbira, l-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira attirat inqas applikazzjonijiet mingħand l-industriji intensivi fl-enerġija u l-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju, iżda aktar applikazzjonijiet mis-setturi tal-enerġija rinnovabbli u tal-ħżin tal-enerġija.

2.2. Il-kwalità tal-applikazzjonijiet

Il-Kummissjoni pprovdiet assistenza estensiva lill-applikanti li kienet speċifika għas-sejħa matul il-proċeduri tal-applikazzjoni għaż-żewġ sejħiet. Il-kwalità ġenerali tal-applikazzjonijiet kienet għolja, u dan wassal għal kompetizzjoni ħarxa fost il-proġetti fiż-żewġ sejħiet. Madankollu, il-kwalità tal-applikazzjonijiet għas-sejħa fuq skala żgħira kienet inqas tajba, kif jidher mill-għadd żgħir ta’ proposti li jissodisfaw il-limiti minimi kollha.

Għal kull sejħa, il-Kummissjoni u s-CINEA organizzaw webinars u jiem ta’ informazzjoni ddedikati 7 . It-testi tas-sejħiet ġew spjegati fid-dettall, il-mistoqsijiet potenzjali tal-applikanti twieġbu u ngħata materjal ta’ spjegazzjoni biex jgħin lill-kumpaniji iħejju l-applikazzjonijiet tagħhom. Fl-istess ħin, helpdesk iddedikat wieġeb aktar minn 1 500 mistoqsija b’kollox dwar iż-żewġ sejħiet. Wara li ngħalqu s-sejħiet, ġie ppreżentat u ppubblikat rapport dwar l-aħjar prattiki li jistgħu jgħinu lill-applikanti potenzjali 8 .

Għall-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira, mit-311-il applikazzjoni li waslu, 19 (5 %) instabu inammissibbli jew ineliġibbli fl-ewwel stadju 9 . Għall-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira, mill-232 10 applikazzjoni li waslu, 55 proġett (24 %) instabu inammissibbli jew ineliġibbli, 2 ma ġewx ikkunsidrati (proposti ta’ ttestjar), u dan wassal biex kien hemm total ta’ 175 proposta eliġibbli li jikkompetu għall-għotjiet (ara Figure 2 ).

Illustrazzjoni 2: L-għadd ta’ proposti eliġibbli u ammissibbli skont is-sejħa

Il-proġetti ntgħażlu abbażi ta’ ħames kriterji għall-għoti ddefiniti fir-Regolament Delegat u fit-testi tas-sejħiet (għall-proġetti fuq skala żgħira, il-kriterji għall-għoti ġew issimplifikati):

1.Il-grad ta’ innovazzjoni;

2.L-effettività tal-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

3.Il-maturità tal-proġett;

4.Skalabbiltà; u

5.Il-kosteffiċjenza.

B’mod ġenerali, għall-kriterji għall-għoti, il-proġetti fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira kellhom punteġġ ogħla mill-proposti fuq skala żgħira, u kien hemm kompetizzjoni aktar b’saħħitha bejn il-proġetti (ara Figure 3 ). Fis-sejħa fuq skala kbira, li kienet tikkonsisti minn żewġ sensiliet ta’ evalwazzjoni, is-70 proposta eliġibbli bl-aħjar klassifikazzjoni mill-ewwel stadju ġew mistiedna għat-tieni stadju. Minn dawk is-70 mistiedna, ġew sottomessi 66 proposta. Fl-aħħar mill-aħħar, ġew mistiedna seba’ proġetti għat-tħejjija tal-għotjiet, filwaqt li 41 proġett b’punteġġ għoli (jiġifieri, għaddew mil-limitu minimu fuq il-kriterji kollha għall-għoti) ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba baġit insuffiċjenti fis-sejħa għall-proposti fuq skala kbira.

Fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira, mill-175 proposta evalwati, 137 ma kinux jissodisfaw il-limiti kollha tal-għoti. Kien hemm biss sitt proposti li kienu ogħla mil-limiti kollha, iżda ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba baġit insuffiċjenti u 32 proġett ġew mistiedna għat-tħejjija tal-għotjiet. Fl-aħħar mill-aħħar, ingħataw għotjiet lil 30 proġett filwaqt li żewġ proġetti rtiraw.

L-evalwazzjoni tal-kriterji għall-għoti turi differenzi sinifikanti fid-distribuzzjoni tal-punteġġ medjan bejn iż-żewġ sejħiet. Fl-ewwel LSC kien hemm aktar proposti li kisbu punteġġ ’il fuq mil-limiti kollha, u għalhekk il-kompetizzjoni għall-finanzjament kienet aktar b’saħħitha (41 ’il fuq mil-limitu u sebgħa ngħataw finanzjament), filwaqt li fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira 38 proposta biss kisbu punteġġ ’il fuq mil-limiti tal-għoti u 32 ingħataw finanzjament. Madankollu, il-proposti li ngħataw finanzjament fis-sejħa fuq skala żgħira kellhom punteġġ relattivament ogħla minn dawk mogħtija fis-sejħa fuq skala kbira.

Illustrazzjoni 3: Il-livell ta’ kompetizzjoni bejn il-proġetti fl-ewwel sejħa fuq skala kbira u fuq skala żgħira - klassifikazzjoni finali

Il-Kummissjoni qiegħda tkompli bl-isforzi tagħha biex tgħin lill-kumpaniji li japplikaw għall-Fond b’aktar minn webinar wieħed għal kull sejħa, b’dokumenti ta’ gwida u b’rapporti tal-aħjar prattiki, kif ukoll b’għodod innovattivi, bħall-kwestjonarju ta’ awtokontroll żviluppat għat-tieni sejħa fuq skala żgħira.

L-għadd kbir ħafna ta’ applikazzjonijiet kemm għas-sejħiet kif ukoll għas-sottoskrizzjoni eċċessiva sinifikanti tal-baġit wera li kien se jkun hemm kompetizzjoni qawwija għall-finanzjament u għalhekk kien hemm biss għadd żgħir ta’ proġetti li ngħataw l-għotjiet, filwaqt li ħafna proġetti li kienu qegħdin jgħaddu mil-limiti kollha ma rċevewx appoġġ, speċjalment fis-sejħa fuq skala kbira. Dan jindika li l-kumpaniji għandhom interess serju fil-Fond u għalhekk il-Kummissjoni żiedet id-daqs tat-tieni sejħa fuq skala kbira b’50 % u qiegħda tagħmilha aktar faċli wkoll għall-proġetti mill-ewwel sensiela ta’ sejħiet sabiex jerġgħu japplikaw billi emendat ir-Regolament Delegat sabiex tkun permessa applikazzjoni fi stadju wieħed.

2.3. Għotjiet mitluba vs baġit disponibbli

Il-proġetti li japplikaw għaż-żewġ sejħiet, iżda speċjalment għal dawk fuq skala kbira, talbu finanzjament ħafna ogħla mill-ammonti disponibbli għas-sejħiet rispettivi. Għalhekk, il-Kummissjoni mmassimizzat il-baġits tas-sejħiet billi użat il-flessibbiltà ta’ 20 % f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament. Il-proġetti li applikaw għall-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira talbu total ta’ EUR 21,7 biljun, b’sottoskrizzjoni massiva żejda tal-baġit disponibbli ta’ EUR 1 biljun. Għall-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira, is-sottoskrizzjoni żejda kienet kemxejn inqas: il-baġit mitlub kien ta’ EUR 12,1 biljun, 10 darbiet aktar mill-baġit disponibbli. Sabiex tindirizza s-sottoskrizzjoni żejda, il-Kummissjoni mmassimizzat il-baġits tas-sejħiet billi użat il-flessibbiltà ta’ 20 % f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament, u tat għotjiet ta’ EUR 1 145 586 747 fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira u EUR 109 163 733 fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira.

2.4. Il-kontribut ta’ proġetti tal-Fond għall-Innovazzjoni għan-newtralità klimatika tal-UE

2.4.1. It-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra

L-ewwel żewġ sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni qegħdin jappoġġaw proġetti b’potenzjal sinifikanti li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u jikkontribwixxu għan-newtralità klimatika tal-UE.

Il-proġetti li ngħataw l-għotjiet fl-ewwel sensiela ta’ sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni jindikaw tnaqqis ta’ 77,4 Mt CO2eq matul l-ewwel 10 snin tal-operat tagħhom. L-ewwel riżultati tat-tnaqqis tal-emissjonijiet jistgħu jkunu mistennija mill-2023 bid-dħul fis-seħħ tal-proġetti li kienu l-ewwel li ngħataw il-finanzjament.

Illustrazzjoni 4: L-evitar assolut mistenni ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra matul 10 snin ta’ operat tal-proġetti li ngħataw il-finanzjament

2.4.2. Proġetti innovattivi ħafna b’potenzjal sinifikanti ta’ skalabbiltà

L-ewwel żewġ sejħiet għall-Fondi għall-Innovazzjoni jappoġġaw proġetti innovattivi ħafna li se jiffaċilitaw it-tranżizzjoni għan-newtralità klimatika ta’ ekosistemi industrijali sħaħ. Biex jitqiesu għall-finanzjament, il-proġetti jridu joffru innovazzjoni li tkun aktar minn inkrementali meta mqabbla mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fl-UE, u ħafna drabi jridu jiġu evalwati bħala innovazzjonijiet b’saħħithom ħafna jew rivoluzzjonarji. Il-proġetti li ngħataw finanzjament għandhom potenzjal sostanzjali ta’ skalabbiltà, u dan juri l-opportunità li jkun hemm aktar tnaqqis tal-gassijiet serra billi t-teknoloġija jew l-applikazzjoni tagħha jiġu ttrasferiti għal siti u setturi oħrajn, u jinvolvi l-kooperazzjoni ta’ atturi diversi fl-ekonomija reġjonali u Ewropea.

L-ewwel sejħa għall-proġetti fuq skala kbira

Il-proġetti evalwati fl-ewwel stadju tal-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira wrew diversità wiesgħa ta’ mogħdijiet teknoloġiċi u soluzzjonijiet innovattivi ta’ teknoloġija nadifa 11 . Din id-diversità nżammet fit-tieni stadju tas-sejħa, u fis-seba’ proġetti li ngħataw finanzjament.

Fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira, is-seba’ proġetti magħżula 12 jindirizzaw l-isfidi f’setturi diversi: l-azzar, is-sustanzi kimiċi (ammonijaka, metanol, ossidu tal-etilen), l-idroġenu (aħdar u blu), il-produzzjoni ta’ ċelloli fotovoltajċi, is-siment, il-konkrit għall-qbid u l-użu tal-karbonju, l-elettriku, it-tisħin u t-tkessiħ. Il-proġetti li ngħataw finanzjament se jġibu bidla radikali u se jixprunaw id-dekarbonizzazzjoni fis-setturi, fl-Istati Membri u fir-reġjuni tagħhom.

It-teknoloġiji applikati huma rivoluzzjonarji u l-ewwel tat-tip tagħhom fl-iskala proposta b’potenzjal wiesa’ ta’ skalabbiltà fuq firxa ta’ setturi u tal-ekonomija:

·1,2 Mt/y (25 % tal-produzzjoni tal-azzar fl-Iżvezja) impjant tal-azzar bi tnaqqis dirett ibbażat fuq l-idroġenu rinnovabbli fil-proġett HYBRIT Demonstration.

·Elettrolizzatur ta’ 500 MW fil-HYBRIT Demonstration, elettrolizzatur ta’ 50 MW fil-proġett SHARC

·Fabbrika ta’ 3 GW li timmanifattura ċelloli fotovoltajċi ta’ eteroġunzjoni b’żewġ uċuħ (B-HJT) fil-proġett TANGO

·Il-qbid tas-CO2 fis-siment (K6), l-iffurmar mill-ġdid tal-metan mill-fwar, il-produzzjoni tal-ammonijaka u tal-ossidu tal-etilen (fil-proġett Kairos@C), it-tħejjija għall-qbid u l-użu tal-karbonju għar-raffineriji fil-proġett SHARC

·L-ewwel bastiment ta’ tip li jittrasporta s-CO2 fil-proġett Kairos@C

·Erba’ proġetti li jfornu s-CO2 għall-ħżin ġeoloġiku f’diversi postijiet fil-Baħar tat-Tramuntana (fil-proġetti Kairos@C, BECCS@STHLM, SHARC, K6)

·Il-konverżjoni tal-iskart solidu muniċipali għal metanol minflok l-irkupru tal-enerġija permezz tal-inċinerazzjoni fil-proġett ECOPLANTA

·L-assorbimenti netti tal-karbonju fil-proġett BECCS@STHLM

Il-postijiet ewlenin tal-proġetti huma l-Belġju, l-Italja, l-Iżvezja (2), Franza, Spanja u l-Finlandja, iżda permezz tat-trasport u l-ħżin tas-CO2 in-Netherlands u n-Norveġja se jkunu sħab indispensabbli.

Ir-riżerva ta’ proġetti solidi ta’ kważi 300 applikazzjoni għall-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira turi diversità kbira ħafna ta’ mogħdijiet teknoloġiċi li jistgħu jwasslu għat-tranżizzjoni ekoloġika ta’ diversi setturi.

Fil-kategorija tal-industriji intensivi fl-enerġija, ġew identifikati tliet mogħdijiet teknoloġiċi ewlenin: i) l-idroġenu, ii) il-qbid, l-użu u/jew il-ħżin tal-karbonju u iii) is-soluzzjonijiet b’bażi bijoloġika, filwaqt li fl-istess ħin għadd ta’ proġetti jużaw aktar minn waħda minn dawn il-mogħdijiet ewlenin u jikkombinaw ma’ soluzzjonijiet tekniċi oħrajn. Mogħdijiet komuni oħrajn huma r-riċiklaġġ (eż. metall tar-ruttam, plastik), il-piroliżi, il-gassifikazzjoni u l-elettrifikazzjoni. Għadd sinifikanti ta’ proposti (7 %) fil-kategorija tal-industrija intensiva fl-enerġija integraw id-distribuzzjoni u l-użu tal-idroġenu għal diversi modi ta’ trasport (eż. vetturi tqal, xarabanks, vetturi b’ċellola tal-fjuwil u vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, bastimenti). Madwar għoxrin fil-mija tal-għadd totali ta’ proposti jqisu diversi materji primi tal-bijomassa, l-aktar l-iskart u r-residwi.

Fil-kategorija tal-qbid, l-użu u l-ħżin tal-karbonju (CCUS), il-biċċa l-kbira tal-proposti jiffokaw fuq parti waħda tal-katina tal-valur tas-CCUS u s-CO2 jinqabad minn diversi sorsi (bijoraffineriji, produzzjoni tal-metall ferruż u mhux ferruż, siment u ġir, raffineriji, sustanzi kimiċi, impjanti tas-sħana u tal-enerġija kkombinati bijotermali u ġeotermali, Irkupru Enerġetiku jew arja ambjentali), u għandhom l-għan li jipproduċu prodotti diversi (elettriku u sħana, idroġenu, metanol, fjuwils tal-avjazzjoni, metan, materjali tal-kostruzzjoni, sustanzi kimiċi oħrajn u fjuwils oħrajn).

Fil-kategorija tal-enerġija rinnovabbli jinstabu t-tipi ewlenin kollha ta’ teknoloġiji: eolika fuq l-art u lil hinn mill-kosta, pedamenti li jżommu f’wiċċ l-ilma u bbażati fuq l-art, enerġija solari kkonċentrata, fotovoltajċi (PV), faċilitajiet ta’ produzzjoni għal ċelloli u moduli PV, marea, mewġ, gradjent ta’ salinità u enerġija idrika, enerġija ġeotermali profonda. Ħafna proposti għall-enerġija rinnovabbli jikkombinaw teknoloġiji differenti tal-enerġija rinnovabbli bħal kombinamenti ta’ CSP u PV, CSP u bijomassa, riħ u PV. Ħafna drabi s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli jiġu kkombinati ma’ ħżin tal-enerġija f’batteriji stazzjonarji, mal-ħżin tas-sħana jew mal-produzzjoni tal-idroġenu.

Fil-kategorija tal-ħżin tal-enerġija, ħafna proposti għandhom l-għan li jsibu soluzzjonijiet għall-ħżin waqt il-jum tal-elettriku għal massimu ta’ erba’ sigħat, filwaqt li proposti oħrajn jinkludu tipi oħrajn ta’ ħżin bħall-batteriji, il-ħżin tal-enerġija fil-forma ta’ arja kkompressata jew fil-forma ta’ arja likwida, il-ħżin termali, il-ħżin tal-enerġija permezz tal-idroġenu u l-ħżin idriku. Xi proposti jkopru miżuri min-naħa tad-domanda billi japplikaw grilji intelliġenti jew soluzzjonijiet virtwali ta’ impjanti tal-enerġija, filwaqt li oħrajn jikkonċernaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-batteriji.

Illustrazzjoni 5: Mogħdijiet teknoloġiċi tal-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira: l-applikazzjonijiet, dawk mistiedna għat-tieni stadju, u l-proġetti li ngħataw finanzjament 13  

L-ewwel sejħa għall-proġetti fuq skala żgħira

Taħt l-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira, 30 proġett ingħataw il-finanzjament 14 u l-karatteristiċi ewlenin ta’ xi wħud mill-proġetti huma enfasizzati hawn taħt:

·L-introduzzjoni ta’ teknoloġiji li jkunu l-ewwel tat-tip tagħhom f’setturi ġodda: eż. l-iżvilupp tal-ewwel batterija termali mobbli billi jiġu rkuprati 6 GWh fis-sena ta’ sħana mormija industrijali sabiex tiġi pprovduta enerġija fejn ma jkunx hemm infrastrutturi tat-tisħin jew tat-tkessiħ distrettwali (proġett WH), jew il-bini u t-tħaddim ta’ waħda mill-ewwel sensiliet fid-dinja ta’ Enerġija mill-kurrenti Eoliċi f’Altitudni Għolja (Airborne Wind Energy) b’kapaċità ta’ produzzjoni ta’ 1,2 MW ta’ enerġija rinnovabbli (proġett NAWEP);

·L-applikazzjoni ta’ teknoloġiji li jkunu l-ewwel tat-tip tagħhom fi proċessi industrijali eżistenti: eż. ir-riġenerazzjoni ta’ żejt ta’ kwalità għolja miż-żejt użat, li tgħin ħalli tkun evitata l-ħtieġa li jiġi prodott żejt verġni mill-fjuwils fossili (SKFOAAS) jew teknoloġija rivoluzzjonarja sabiex jittejjeb l-irkupru tal-bijometan u tittejjeb il-kwalità tiegħu biex isir konformi mal-grilja, bl-użu tal-gass eżistenti fil-landfills (W4W);

·L-introduzzjoni ta’ kombinamenti ġodda ta’ teknoloġiji li jeżistu diġà: eż. il-produzzjoni ta’ aggregati b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, billi jiġu kkombinati l-attivitajiet ta’ raffinerija, ta’ kumpanija għat-trattament tal-iskart u ta’ produttur tal-materjali tal-kostruzzjoni (AGGREGACO2), jew it-trasformazzjoni ta’ port fl-ewwel port Ewropew li huwa kapaċi jopera barra mill-grilja, abbażi ta’ komunità tal-enerġija awtoġestita li tuża 6 300 MWh ta’ enerġija rinnovabbli fis-sena (GREENMOTRIL), jew billi jiġu kkombinati teknoloġiji mill-enerġija tar-riħ f’altitudni għolja, mill-fotovoltajka solari u mill-ħżin fil-batteriji bi fluss redox, u tipprovdi 73 % tal-konsum tal-enerġija b’karga bażika meħtieġa fi ħżin tal-gass (AQUILON);

·Is-sostituzzjoni ta’ teknoloġiji eżistenti: eż. l-introduzzjoni ta’ soluzzjoni ta’ modifika retroattiva innovattiva li tissostitwixxi l-fjuwils fossili bi fjuwil tal-bijomassa f’forn tal-ġir ta’ impjant tal-polpa (LK2BM).

Il-proġetti li japplikaw għall-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira juru wkoll diversità wiesgħa ta’ mogħdijiet teknoloġiċi f’setturi iżgħar, u soluzzjonijiet innovattivi f’setturi u swieq ġodda. Il-mogħdijiet teknoloġiċi tat-30 proġett li ffirmaw ftehim ta’ għotja jistgħu jinġabru f’seba’ mogħdijiet teknoloġiċi akbar, li fihom il-biċċa l-kbira tal-proġetti jkopru l-ħżin tal-enerġija, l-enerġija rinnovabbli u l-idroġenu.

Illustrazzjoni 6: L-ewwel sejħa tal-Mogħdijiet Teknoloġiċi għall-proposti fuq skala żgħira (proġetti li ngħataw finanzjament)

 

2.4.3. Proġetti maturi

L-ewwel żewġ sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni qegħdin jappoġġaw proġetti b’maturità finanzjarja u kummerċjali għolja.

Peress li l-Fond għall-Innovazzjoni għandu l-għan li jappoġġa soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa li jistgħu jiġu varati malajr, il-proġetti jridu jilħqu l-għeluq finanzjarju 15 f’mhux aktar minn erba’ snin mill-iffirmar tal-għotja, jiġifieri mhux aktar tard mill-2025 sal-2026 għall-ewwel żewġ sejħiet. Il-graff ta’ hawn taħt turi li mis-37 proġett li ngħata finanzjament, 20 (54 %) qegħdin jistennew li jilħqu l-għeluq finanzjarju fi żmien sena, 13 (35 %) fi żmien sentejn u 4 (11 %) fi żmien 3 snin. Billi l-proġetti fuq skala żgħira għandhom inqas kostijiet u normalment ikollhom struttura finanzjarja aktar sempliċi, qegħdin jippjanaw li jilħqu l-għeluq finanzjarju relattivament aktar malajr.

Illustrazzjoni 7: L-għadd ta’ proġetti li huwa ppjanat li jilħqu l-għeluq finanzjarju kull trimestru 16

Barra minn hekk, huwa ppjanat li l-proġetti kollha li ngħataw finanzjament fl-ewwel sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni  jibdew joperaw sal-2026. Dan juri livell għoli ta’ maturità operazzjonali. Huwa ppjanat li l-biċċa l-kbira tal-proġetti, 29 minn 37, se jibdew joperaw sal-ewwel trimestru tal-2025. Dan jiżgura li qabel tmiem id-deċennju, diġà se jkun hemm tnaqqis fl-emissjonijiet.

2.4.4. Assistenza għall-iżvilupp għall-proġetti inqas maturi

Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu faċilità speċjali – Assistenza għall-Iżvilupp tal-Proġetti 17 – sabiex tittejjeb il-maturità tal-proġetti permezz ta’ appoġġ konsultattiv tekniku u finanzjarju ta’ kwalità għolja pprovdut mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), u mfassal skont il-ħtiġijiet tal-proġetti. L-assistenza għall-iżvilupp tal-Proġetti għandha l-għan li tkun ta’ benefiċċju għal proġetti fuq skala żgħira u proġetti fi Stati Membri b’introjtu aktar baxx sabiex tgħinhom jiksbu distribuzzjoni ġeografikament ibbilanċjata tal-appoġġ tal-Fond għall-Innovazzjoni. L-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti hija disponibbli kemm għal proġetti kbar kif ukoll għal proġetti żgħar, u tista’ tgħinhom ikollhom aktar probabbiltà li jilħqu l-għeluq finanzjarju u jibdew joperaw. F’April 2021, ġie ffirmat Ftehim ta’ Kontribuzzjoni dwar l-għoti ta’ assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti mal-Bank Ewropew tal-Investiment, u dan diġà qiegħed jiġi implimentat.

F’kull sejħa, sa 20 proposta li ma ngħatawx finanzjament qed jingħataw l-opportunità li jieħdu l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti: fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala kbira, 15-il proposta ġew mistiedna 18 jaċċessaw l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti b’valur ta’ EUR 4,4 miljun, u fl-ewwel sejħa għall-proposti fuq skala żgħira, 10 proġett ngħataw l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti b’valur ta’ EUR 1,7 miljun.

Il-proġetti mogħtija l-assistenza biex jiżviluppaw ikopru wkoll firxa kbira ħafna ta’ mogħdijiet teknoloġiċi: mill-idroġenu ekoloġiku u l-fjuwils tal-avjazzjoni sintetiċi fl-industriji intensivi fl-enerġija, sal-ħżin tal-enerġija. L-istennija hija li dawn il-proġetti jerġgħu japplikaw għal sejħiet futuri tal-Fond għall-Innovazzjoni, li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ riżerva kontinwa ta’ proġetti eċċellenti li għandhom jiġu ffinanzjati. F’termini ta’ pożizzjoni ġeografika, l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti qiegħda tikkontribwixxi sabiex tintlaħaq firxa tajba ta’ proġetti appoġġati mill-Fond għall-Innovazzjoni fost l-Istati Membri wkoll.

Is-sejħiet futuri saħansitra se jkollhom l-għan li jużaw aktar il-potenzjal tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti sabiex jappoġġaw proġetti f’pajjiżi sottorappreżentati u ta’ applikanti -żgħar.

2.4.5. Bilanċ ġeografiku u settorjali

Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu l-għan li jikseb bilanċ ġeografiku u settorjali tul il-ħajja tiegħu sal-2030. Kif jidher hawn taħt, iż-żewġ sejħiet konklużi rċevew applikazzjonijiet minn kważi l-Istati Membri kollha, il-proġetti huma żviluppati f’ħafna Stati Membri, għalkemm b’rappreżentanza aktar baxxa fl-Ewropa tal-Lvant. Hemm ħafna proġetti transsettorjali u transfruntiera b’potenzjal sinifikanti ta’ dekarbonizzazzjoni tar-reġjuni u s-setturi kollha, lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u settorjali.

Illustrazzjoni 8: L-ewwel sejħa għall-proġetti fuq skala kbira: il-proposti skont il-pajjiż

Filwaqt li timplimenta l-Fond, il-Kummissjoni se tfittex li tkompli twessa’ l-bilanċ ġeografiku permezz ta’ tliet toroq speċifiċi. L-ewwel nett, is-sejħiet regolari għal proġetti fuq skala żgħira b’kostijiet ta’ inqas minn EUR 7,5 miljun jistgħu jkunu aktar adatti għal kumpaniji minn Stati Membri żgħar li qegħdin ifittxu li jinvestu f’teknoloġija nadifa fuq skala żgħira. It-tieni, l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti pprovduta mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-proġetti kbar u żgħar tista’ tgħin lill-kumpaniji jħejju l-applikazzjonijiet aħjar u jżidu l-opportunitajiet tagħhom li jirċievu għotja mill-Fond għall-Innovazzjoni. It-tielet, il-Kummissjoni stabbiliet network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali dwar il-Fond għall-Innovazzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE, fl-Iżlanda u fin-Norveġja 19 li jistgħu jipprovdu l-informazzjoni lill-applikanti potenzjali dwar il-Fond u l-interazzjonijiet tiegħu ma’ strumenti ta’ finanzjament nazzjonali u ma’ programmi oħrajn tal-UE disponibbli f’kull Stat Membru.

Ġew appoġġati proġetti minn kważi s-setturi kollha permezz tal-ewwel żewġ sejħiet. Il-mogħdijiet teknoloġiċi tal-applikazzjoni u tal-proġetti li ngħataw finanzjament kif deskritti fit-Taqsima 2.4.2. juru d-diversità tar-riżervi ta’ proġetti u juru li l-Fond għall-Innovazzjoni jista’ jservi s-setturi kollha li attwalment humna eliġibbli u dawk li jistgħu jkunu eliġibbli fil-futur. Pereżempju, il-Fond għall-Innovazzjoni diġà appoġġa proġetti rilevanti għat-trasport fuq l-ilma u fit-toroq u sal-2030 jista’ jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija kollha tal-UE, billi jiffinanzja soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa li jvarjaw mill-ġenerazzjoni tal-enerġija, għall-industriji intensivi fl-enerġija, it-trasport, il-bini u l-agrikoltura. L-Illustrazzjoni ta’ hawn taħt turi l-impatt tal-Fond għall-Innovazzjoni għal kull settur s’issa.

Illustrazzjoni 9: Impatt tal-Fond għall-Innovazzjoni skont is-settur

2.4.6. Appoġġ finanzjarju mfassal apposta għall-ħtiġijiet tal-proġetti

L-appoġġ tal-Fond għall-Innovazzjoni huwa mfassal għall-ħtiġijiet tas-suq u għall-profili tar-riskju tal-proġetti appoġġati. Dan jgħin biex jiġu attirati riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali.

Il-baġit inizjali (EUR 1 100 000 000) għall-ewwel żewġ sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni ġie allokat kompletament u l-flessibbiltà baġitarja ta’ 20 % permessa skont id-Deċiżjoni ta’ finanzjament 20 intużat ukoll sabiex tiġi indirizzata s-sottoskrizzjoni żejda tal-baġit.

L-infiq kapitali totali mistenni (CAPEX totali), kif ikkalkolat u kkomunikat mill-applikanti fl-applikazzjonijiet tagħhom, jintuża bħala miżura ta’ indikatur għall-volumi mistennija ta’ investiment totali mmobilizzati mill-għotjiet tal-Fond.

Il-CAPEX totali mistenni tal-proġetti kollha li ngħataw finanzjament fis-sejħiet tal-2020 jammonta għal EUR 4 783 136 117 (91 % minnhom taħt is-sejħa fuq skala kbira, u 9 % taħt is-sejħa fuq skala żgħira). L-Illustrazzjoni 12 turi li l-għotjiet tal-Fond għall-Innovazzjoni se jimmobilizzaw investimenti 4 darbiet akbar mill-volum tagħhom.

Illustrazzjoni 10: Għotjiet totali mogħtija vs. CAPEX taħt l-ewwel sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni

Il-CAPEX mistenni totali tal-proġetti mogħtija finanzjament jaqbeż b’mod sinifikanti l-għotjiet tal-Fond għall-Innovazzjoni li ngħataw. Dan juri l-ħtieġa ta’ investimenti privati u pubbliċi addizzjonali f’dawn is-soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa, l-impenn tal-kumpaniji li jsibu finanzjament għas-soluzzjonijiet innovattivi ekoloġiċi tagħhom u juri l-effett ta’ lieva pożittiv tal-għotjiet tal-Fond għall-Innovazzjoni.

Illustrazzjoni 11: L-ewwel sejħa għall-proġetti fuq skala kbira: eżempji ta’ finanzjament

2.5. Il-kontribut għall-objettivi ta’ politika oħrajn tal-UE

2.5.1. L-Ekonomija ċirkolari, l-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli

Il-proġetti li ngħataw finanzjament se jġibu benefiċċji ambjentali oħrajn lill-ekonomija Ewropea fi ħdan il-qafas tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u se jappoġġaw l-istrateġiji tal-UE relatati mal-idroġenu, mal-integrazzjoni tas-setturi, u mal-ekonomija ċirkolari. Pereżempju, il-proġetti ffinanzjati se:

-Imexxu ’l quddiem soluzzjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni profonda għall-industriji intensivi fl-enerġija bħall-Idroġenu DRI 21 fis-settur tal-azzar jew soluzzjonijiet tas-CCUS għall-industrija tas-siment;

-Iwasslu soluzzjonijiet li jiffaċilitaw l-integrazzjoni tas-sistemi tas-sorsi rinnovabbli pereżempju l-offerta ta’ provvista tal-elettriku rinnovabbli f’ħinijiet ta’ domanda massima permezz tal-użu ta’ batteriji tal-karozzi fit-tieni ħajja;

-Jippromwovu l-akkoppjament tas-setturi u l-elettrifikazzjoni indiretta permezz tal-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku għas-setturi li diffiċli jiġu elettrifikati;

-Jappoġġaw l-applikazzjoni ta’ prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-effiċjenza enerġetika f’diversi livelli, pereżempju permezz tar-riċiklaġġ tar-residwi materjali u permezz tal-użu tas-sħana li altrimenti tintilef, u bil-kooperazzjoni ta’ industriji diversi;Jappoġġaw is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili u l-użu ta’ kapaċità innovattiva addizzjonali tal-enerġija rinnovabbli bħall-enerġija eolika, l-enerġija solari, u l-enerġija ġeotermali.

2.5.2. Effetti konsegwenzjali pożittivi għal setturi oħrajn

Filwaqt li l-Fond għall-Innovazzjoni għandu l-għan li jappoġġa d-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-enerġija u tal-industrija, permezz tal-produzzjoni u l-użu ta’ vetturi tal-enerġija rinnovabbli, inklużi l-idroġenu u l-fjuwils sintetiċi, il-Fond għall-Innovazzjoni seta’ jappoġġa varjetà wiesgħa ta’ proġetti b’applikazzjoni f’setturi li bħalissa ma humiex koperti mill-ETS, bħat-trasport marittimu, bit-triq u bil-ferrovija u l-agrikoltura:

·L-appoġġ għall-iżvilupp ta’ setturi u/jew swieq ġodda: eż. il-produzzjoni tal-idroġenu għat-trasport b’emissjonijiet żero (H2 VALCAMONICA u ZE PAK green H2) jew is-sostituzzjoni ta’ plastik mill-fjuwils fossili (Produzzjoni tat-TLP);

·Id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport marittimu permezz tal-produzzjoni ta’ gass naturali likwifikat b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju (bijometan likwifikat) sabiex jissostitwixxi l-fjuwil marittimu konvenzjonali (FirstBio2Shipping). Tliet proġetti rilevanti oħrajn huma appoġġati permezz tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti: bastiment tal-irmonk li jikkombina batterija u ċellola tal-fjuwil fit-trasport tal-merkanzija (HyPush); bastiment kbir tal-kruċieri bil-qlugħ li juża teknoloġija innovattiva tal-propulsjoni mir-riħ (WAVE) u bastiment b’emissjonijiet żero li jaħdem b’sistema ta’ ċelloli tal-fjuwil fuq skala kbira li jużaw biss l-idroġenu ekoloġiku minn sorsi rinnovabbli (HYDROGEN EU-ROPAX);

·Il-benefiċċju tal-agrikoltura b’sistemi integrati ta’ tisqija fotovoltajka b’enerġija qawwija (PVI) li ma jirrikjedux batteriji ta’ riżerva u li jnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji relatati mal-integrità tal-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-ilma (CO2-FrAMed);

·Il-kontribut għat-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-infrastruttura tat-trasport: port (GREENMOTRIL) u ajruport (PIONEER) se jimmassimizzaw l-użu tagħhom tal-enerġija rinnovabbli.

2.5.3. Benefiċċji soċjali u ekonomiċi

Il-proġetti li jingħataw finanzjament se jġibu wkoll benefiċċji soċjali u ekonomiċi bħal aktar tkabbir ta’ setturi ġodda (eż. il-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku), il-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità fit-tranżizzjoni ekoloġika, l-appoġġ għall-ekonomiji lokali u l-kooperazzjoni bejn industriji diversi sabiex titrawwem l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà. Barra minn hekk, dawn se jwasslu għal benefiċċji ekonomiċi speċifiċi, pereżempju billi jnaqqsu l-prezzijiet ta’ teknoloġiji u prodotti ġodda u joħolqu swieq ġodda. Il-Fond għall-Innovazzjoni jista’ jgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-aspetti soċjali u tas-swieq tax-xogħol ta’ tranżizzjoni ekoloġika ġusta.

2.5.4. Sinerġiji ma’ strumenti ta’ finanzjament oħrajn tal-UE

Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu l-għan li jiżgura sinerġiji ma’ strumenti oħrajn ta’ appoġġ għall-investiment, bħal InvestEU jew programmi ta’ self tal-Bank Ewropew tal-Investiment, u programmi rilevanti oħrajn ta’ finanzjament tal-UE, bħal Orizzont Ewropa jew il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.

Il-Programm InvestEU

Peress li objettiv fundamentali tal-Fond huwa l-attrazzjoni ta’ riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali, huwa importanti li jkun hemm sinerġiji ma’ InvestEU, li hu l-għodda ewlenija tal-UE li jappoġġa l-investiment (permezz ta’ self u tipi oħrajn ta’ appoġġ) meħtieġ għall-irkupru, għat-tkabbir ekoloġiku, għall-impjiegi u għal tranżizzjoni ġusta. Hija possibbli l-akkumulazzjoni tal-finanzjament mill-Fond ta’ InvestEU u għall-Innovazzjoni għal proġett speċifiku. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment qiegħed jimplimenta l-hekk imsejjaħ prodott tematiku ta’ Tranżizzjoni Ekoloġika 22 fl-ambitu tal-Programm InvestEU. Il-prodott ta’ Tranżizzjoni Ekoloġika se jkun disponibbli għal proġetti riskjużi ħafna b’valur miżjud ta’ politika kbir eliġibbli fil-qafas tal-politika dwar l-infrastruttura u r-riċerka sostenibbli, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Il-prodott se jibbenefika minn żieda mill-Fond għall-Innovazzjoni 23 bil-għan li din tappoġġa aktar proġetti ta’ dekarbonizzazzjoni profonda fis-setturi tal-enerġija u tal-industrija.

Is-sħubija EU-Breakthrough Energy Catalyst (BEC) se tippermetti t-tkabbir tal-impatt tal-prodott tat-Tranżizzjoni Ekoloġika. Din is-sħubija tlaqqa’ flimkien il-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ewropew tal-Investiment u Breakthrough Energy Catalyst 24 . Memorandum ta’ Qbil bejn dawn il-partijiet ġie ffirmat fil-COP26 fi Glasgow. Is-sħubija tfittex li timmobilizza sa EUR 820 miljun (USD 1 biljun) għal proġetti innovattivi fl-UE bejn l-2022 u l-2027.

F’Jannar, Breakthrough energy Catalyst Europe ppubblikat talba għall-proposti 25 għal proġetti fuq skala kbira. Is-sejħa tiffoka fuq l-oqsma tal-idroġenu nadif, il-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, il-qbid u l-ħżin dirett tal-arja, u l-ħżin tal-enerġija fit-tul. Il-finanzjament tal-UE għas-sħubija ġej minn Orizzont Ewropa 26 (fil-forma ta’ għotjiet li għandhom jintużaw bħala taħlit għal operazzjonijiet magħżula) u mill- Fond għall-Innovazzjoni (fil-forma ta’ żieda fil-garanzija tal-UE disponibbli għat-tnaqqis tar-riskju għas-self mill-BEI), ġestiti skont il-prodott tal-GT ta’ InvestEU . Il-finanzjament tal-katalizzatur (fil-forma ta’ għotjiet u finanzjament tal-ekwità) jiġi mill-filantropiji u mill-korporattivi. Kemm il-Bank Ewropew tal-Investiment kif ukoll Breakthrough Energy Catalyst se jipprovdu ammonti ekwivalenti ta’ finanzjament għall-proġetti.

Eżempji ta’ sinerġiji miksuba minn proġetti li ngħataw finanzjament

Is-sinerġiji effettivi u operazzjonali ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni b’mod partikolari sabiex jippromwovu d-disseminazzjoni u l-adozzjoni aktar rapidi tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni u jippermettu t-twettiq ta’ objettivi komuni u oqsma komuni għall-attivitajiet, ġew inkorporati fl-objettivi ta’ programmi diversi tal-Unjoni.

Bosta mill-proġetti li ngħataw finanzjament fl-ewwel sensiela ta’ sejħiet tal-Fond għall-Innovazzjoni diġà qegħdin juru s-sinerġiji qawwija li hemm bejn il-Fond u mekkaniżmi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE u nazzjonali:

·Sitt proġetti qegħdin jibnu fuq il-ħidma preċedenti appoġġata fl-ambitu tal-programmi ta’ qabel l-Orizzont Ewropa - l-Orizzont u s-Seba’ Programm Kwadru (CarBatteryReFactory, CO2-FrAMed, GtF, Silverstone, TLP u TANGO);

·Tliet proġetti bbenefikaw ukoll mill-appoġġ ta’ strumenti oħrajn tal-UE bħall-NER300, il-programm LIFE u s-sejħa għat-trasport tal-FNE (CCGeo, FitBio2Shipping u l-linja HELEXIO); u,

Minbarra dan, ħamsa mis-seba’ proġetti fuq skala kbira li ngħataw finanzjament jew qegħdindiġà jirċievu l-appoġġ finanzjarju mingħand l-awtoritajiet nazzjonali jew reġjonali, inkella qed jippjanaw li jirċevuh (Kairos-at-C, BECCS at STHLM, K6, HYBRIT demonstration u SHARC). L-appoġġ finanzjarju jista’ jikkostitwixxi l-għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107 tat-TFUE. Il-Kummissjoni għandha l-kompetenza esklużiva li tivvaluta l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern, u l-Istati Membri jeħtieġ li jinnotifikaw kull għajnuna ta’ dan it-tip skont l-Artikolu 108 tat-TFUE.

2.5.5. Kondiviżjoni tal-għarfien dwar soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa

Sabiex jiġu żgurati t-tnaqqis fil-kostijiet u l-kummerċjalizzazzjoni aċċellerata ta’ teknoloġiji nodfa madwar l-Ewropa, il-Fond għall-Innovazzjoni qiegħed jappoġġa l-kondiviżjoni tal-għarfien fost il-proġetti u l-partijiet ikkonċernati dwar soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa.

Ir-Regolament Delegat jirrikjedi li l-ftehimiet ta’ għotja jkunu kundizzjonali fuq il-kondiviżjoni tal-għarfien mill-benefiċjarju tal-għotja. Il-proponent tal-proġett għandu jissottometti pjan ta’ kondiviżjoni tal-għarfien fl-istadju tal-applikazzjoni li jkopri ċ-ċiklu kollu tal-proġett. Dawn ir-rekwiżiti ta’ kondiviżjoni tal-għarfien huma kritiċi sabiex jiġi ssalvagwardjat l-interess pubbliku filwaqt li jiġi rrispettat in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Dawn jiffaċilitaw il-penetrazzjoni fis-suq tat-teknoloġiji dimostrati u jnaqqsu r-riskji fit-tranżizzjoni lejn il-produzzjoni u l-użu fuq skala kbira ta’ prodotti b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Il-kondiviżjoni tal-għarfien trid tibda mal-għoti tal-għotjiet sabiex tibni fuq it-tagħlimiet mill-isfidi li wieħed jiltaqa’ magħhom u fuq l-istrateġiji sabiex dawn jingħelbu fil-fażi kritika bejn l-għoti tal-għotjiet u l-għeluq finanzjarju, kif ukoll bejn l-għeluq finanzjarju u l-bidu tal-operazzjoni. L-ewwel rapporti dwar il-kondiviżjoni tal-għarfien huma mistennija li jiġu ppreżentati mill-proġetti li ngħataw finanzjament fl-2022-2023. Aktar tard, matul il-fażi operattiva, l-isforzi għall-kondiviżjoni tal-għarfien se jiffokaw fuq l-użu teknoloġiku tal-proġetti.

Fl-2020 u l-2021, ġew organizzati b’suċċess aktar minn għaxar avveniment virtwali li jappoġġaw it-tipi kollha ta’ partijiet ikkonċernati jifhmu aħjar l-iżviluppi attwali u potenzjali ta’ soluzzjonijiet ta’ teknoloġija nadifa fl-UE, bħall-avveniment speċifiku ta’ kondiviżjoni tal-għarfien għal proġetti innovattivi ta’ teknoloġija nadifa “Minn NER 300 sal-Fond għall-Innovazzjoni” 27 , konferenzi dwar il-finanzjament tat-teknoloġija nadifa 28 , webinars dwar il-proċess ta’ applikazzjoni għall-Fond u t-tagħlimiet meħuda 29 u avveniment ġenerali tal-Fond għall-Innovazzjoni matul il-Ġimgħa tal-Enerġija Sostenibbli tal-2020. Il-Kummissjoni organizzat laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Esperti tal-Fond għall-Innovazzjoni sabiex jiddiskutu mal-Istati Membri u mar-rappreżentanti tal-industrija l-implimentazzjoni u l-orjentazzjonijiet futuri tal-Fond. Barra minn hekk, id-DĠ CLIMA u/jew is-CINEA pparteċipaw f’diversi avvenimenti organizzati minn partijiet terzi sabiex iżidu l-għarfien dwar il-Fond.

2.6. Ir-rieżami msemmi fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 1031/2010

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 1031/2010 (magħruf ukoll bħala r-Regolament dwar l-Irkantar), kull sentejn il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-ammont ta’ kwoti li għandhom jiġu rkantati għall-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-“-appoġġ disponibbli għal sejħiet futuri għal proposti, għall-ammont massimu tal-appoġġ mill-Fond ta’ Innovazzjoni disponibbli għall-assistenza fl-iżvilupp tal-proġetti, għall-parti tal-ammont totali tal-appoġġ mill-Fond ta’ Innovazzjoni disponibbli għas-sejħa għal proġetti fuq skala żgħira riżervat mill-Kummissjoni, għall-appoġġ previst għall-proġetti aġġudikati kif ukoll għall-iżborż u għar-rata ta’ rkupru”.

Din il-parti ta’ dan ir-rapport tikkostitwixxi l-ewwel rieżami ta’ dan it-tip.

L-ammont disponibbli għal kull sejħa għall-proposti, inkluż l-ammont massimu disponibbli għall-assistenza tal-iżvilupp tal-proġetti, huwa stabbilit f’kull deċiżjoni ta’ finanzjament u f’kull test tas-sejħa. Il-graff ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor id-Deċiżjoni ta’ Finanzjament tal-2020 30 .

Illustrazzjoni 12: Deċiżjoni ta’ Finanzjament 2020 

Il-graff ta’ hawn taħt turi l-ammonti totali ta’ għotjiet u ta’ assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti li ngħataw finanzjament f’kull sejħa.

Illustrazzjoni 13: Għotjiet u ammonti ta’ assistenza għall-iżvilupp ta’ proġetti f’kull sejħa

It-tabella ta’ hawn taħt tiġbor fil-qosor l-għadd ta’ kwoti rkantati għall-Fond għall-Innovazzjoni għall-2020 u għall-2021, u l-fondi disponibbli (EUR) disponibbli fil-kont tal-Fond għall-Innovazzjoni f’nofs Mejju 2022.

Fl-aħħar tal-2020

Fl-aħħar tal-2021

13/5/2022

L-għadd ta’ kwoti

         50 000 000

         40 000 000

           15 582 000

Assi disponibbli (ammont nominali ta’ EUR m)

1 335 841 072

   4 146 382 569

     5 434 617 254

L-assi disponibbli jinkludu l-ammonti impenjati għal proġetti li rċevew għotjiet mill-ewwel żewġ sejħiet. Sa issa ma sar l-ebda pagament għall-proġetti tal-Fond għall-Innovazzjoni.

B’mod ġenerali, il-pass tal-irkantar tal-kwoti tal-Fond għall-Innovazzjoni jindirizza l-ħtieġa ta’ proġetti ta’ teknoloġija nadifa. Fil-kuntest tal-Pjan RePowerEU, ġie deċiż li din il-ħarifa l-Kummissjoni se tirdoppja l-finanzjament disponibbli għas-sejħa fuq skala kbira tal-2022 tal-Fond għall-Innovazzjoni għal madwar EUR 3 biljun. Se jiġu stabbiliti twieqi speċifiċi ta’ REPowerEU sabiex jappoġġaw (1) l-applikazzjonijiet tal-elettrifikazzjoni u tal-idroġenu fl-industrija, (2) il-manifattura ta’ teknoloġija nadifa u (3) proġetti pilota ta’ daqs medju għall-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ħafna.

3. Konklużjonijiet u l-Passi li Jmiss

L-ewwel żewġ sejħiet tal-Fond attiraw interess kbir ħafna min-negozji u rċevew applikazzjonijiet li jaqbżu bil-kbir il-baġit disponibbli ta’ kull sejħa, u b’hekk ħolqu kompetizzjoni qawwija fost il-proġetti ta’ teknoloġija nadifa. Dan juri b’mod ċar ir-riżerva b’saħħitha u varjata ta’ proġetti ta’ teknoloġija nadifa li jista’ jappoġġa l-Fond fis-sejħiet li jmiss, u jitlob żieda oħra fil-baġit. It-tielet sejħa għall-proġetti fuq skala kbira hija ppjanata għall-ħarifa tal-2022.

Is-sejħiet għall-proġetti fuq skala żgħira għandhom rwol uniku fl-appoġġ ta’ proġetti b’kostijiet kapitali iżgħar (bejn EUR 2,5 u 7,5 miljun) iżda b’potenzjal ta’ dekarbonizzazzjoni f’setturi ġodda u fi Stati Membri żgħar tal-UE. It-tieni sejħa għall-proġetti fuq skala żgħira nfetħet fil-31 ta’ Marzu 2022 b’baġit ta’ EUR 100 miljun u l-proġetti jistgħu japplikaw sal-31 ta’ Awwissu 2022.

Bl-ewwel żewġ sejħiet u l-proġetti li jibbenefikaw mill-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, il-Fond għall-Innovazzjoni diġà seta’ jappoġġa proġetti fis-setturi u fil-pajjiżi eliġibbli. Il-Fond għandu diversi strumenti sabiex ikompli jħeġġeġ il-bilanċ ġeografiku u settorjali tal-proġetti li jingħataw finanzjament. Hemm il-faċilità speċjali ta’ assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti pprovduta mill-Bank Ewropew tal-Investiment għal proġetti promettenti iżda li għadhom ma humiex maturi, in-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali, il-helpdesk li jwieġeb il-mistoqsijiet tal-applikanti għal kull sejħa, il-ħafna webinars u jiem ta’ informazzjoni immirati, il-kwestjonarju tal-awtokontroll. Dawn l-istrumenti wrew li jgħinu lill-kumpaniji jħejju l-applikazzjonijiet tagħhom għall-Fond. Il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa u tisfrutta dawn l-għodod sabiex ittejjeb il-bilanċ ġeografiku u settorjali tal-Fond.

F’termini tal-governanza, id-definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet (bejn il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent, il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Istati Membri) u l-kollaborazzjoni bejn dawn l-entitajiet wasslu għal implimentazzjoni effettiva tal-Fond għall-Innovazzjoni fl-iskedi ta’ żmien previsti. .

Il-Komunikazzjoni dwar REPowerEU 31 rrikonoxxiet lill-Fond bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin sabiex titħaffef id-dekarbonizzazzjoni industrijali, u ddeskriva tliet toroq.

L-ewwel nett, iż-żieda fid-dħul minħabba l-prezz ogħla tal-karbonju tista’ tippermetti sejħiet akbar. Abbażi tal-esperjenza tal-ewwel sejħiet, ir-riżerva ta’ proġetti tindika li s-suq jista’ jassorbi żieda fil-baġit disponibbli, filwaqt li jżomm l-approċċ li proġetti innovattivi ħafna biss, b’impatt kbir u lesti għas-suq jiksbu l-finanzjament.

It-tieni, il-Fond għall-Innovazzjoni jista’ jwessa’ l-portafoll ta’ strumenti tiegħu għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ teknoloġija nadifa. Pereżempju, mekkaniżmu kompetittiv ta’ offerti madwar l-UE kollha (eż. il-Kuntratti għad-Differenza jew il-Kuntratti għad-Differenza għall-Karbonju) għal tipi speċifiċi ta’ teknoloġija jista’ jkun strument b’saħħtu sabiex jinkoraġġixxi l-produzzjoni u l-varar kosteffettiv ta’ soluzzjonijiet b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Strument ta’ dan it-tip huwa diġà propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”.

It-tielet, filwaqt li jinżamm approċċ minn isfel għal fuq u bbażat fuq l-eċċellenza, il-Fond għall-Innovazzjoni jista’ jsir aktar iffokat fuq prijoritajiet strateġiċi, kif ippreżentat fil-Pjan REPowerEU 32 .

(1)

Skont il-prezz tal-karbonju, il-volum huwa stmat bl-użu ta’ EUR 75 / tCO2 bħala l-prezz tal-karbonju.

(2)

  Il-Kummissjoni tipproponi t-trasformazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet klimatiċi (europa.eu)

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità  EUR-Lex - 02010R1031-20191128 - MT - EUR-Lex (europa.eu)

(4)

  Policy development (europa.eu) u segwi l-link Stakeholder Engagement

(5)

  First Innovation Fund call for large-scale projects: 311 applications for the EUR 1 billion EU funding for clean tech projects

(6)

  First Innovation Fund call for small-scale projects: 232 applications for the EUR 100 million EU funding for small clean tech projects

(7)

  Large-scale projects (europa.eu) u Small-scale projects (europa.eu) u segwi l-link Webinars

(8)

  policy_innovation-fund_best_practice_en_0.pdf (europa.eu)

(9)

Ir-Regolament Delegat jippermetti t-twettiq ta’ sejħiet fuq skala kbira fi stadju wieħed jew f’żewġ stadji, filwaqt li s-sejħiet fuq skala żgħira jsiru fi stadju wieħed. L-ewwel sejħa fuq skala kbira saret f’żewġ stadji.

(10)

232 applikazzjoni inizjali li minnhom 2 ma ġewx ikkunsidrati qabel l-evalwazzjoni.

(11)

  Statistics of the proposals received for the first large-scale call of the Innovation Fund in October 2020.docx (europa.eu)

(12)

  policy_funding_innovation-fund_large-scale_successful_projects_en.pdf (europa.eu)

(13)

  policy_innovation-fund_lsc_statistics_en_0.pdf (europa.eu)

(14)

  Small-scale projects (europa.eu)

(15)

Fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni, l-għeluq finanzjarju huwa ddefinit bħala: il-mument fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett li fih l-arranġamenti tal-proġett u tal-finanzjament kollha jkunu ġew
iffirmati u jkunu ġew issodisfati.

(16)

 Data bbażata fuq il-formola tal-applikazzjoni u adattata fejn meħtieġ, ibbażata fuq l-iktar informazzjoni riċenti li taw il-koordinaturi tal-proġett.

(17)

  https://ec.europa.eu/clima/eu-action/funding-climate-action/innovation-fund/project-development-assistance_en  

(18)

14-il proposta fuq Skala Kbira ffirmaw ftehim ta’ appoġġ għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti mal-BEI, peress li proġett wieħed irtira mill-proċess.

(19)

  National Contact Points (europa.eu)

(20)

  https://ec.europa.eu/info/funding-tenders/opportunities/docs/2021-2027/innovfund/wp-call/wp_innovfund-2020_en.pdf  

(21)

Ħadid Ridott Dirett bl-Idroġenu

(22)

Il-BEI, Relevance of Thematic Impact Finance for Innovation Fund eligible projects (preżentazzjoni 6.7.21 għat-tmien Laqgħa tal-IFEG). Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/clima/system/files/2021-07/20210706_ifeg_4_en.pdf  

(23)

Id- Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 7404 tad-19 ta’ Ottubru 2021 dwar l-attivitajiet relatati mal-Fond għall-Innovazzjoni, li sservi bħala d-deċiżjoni ta’ finanzjament għall-2021 u bħala deċiżjoni li tniedi t-tieni sejħa għall-proposti u l- Anness tagħha

(24)

  https://www.breakthroughenergy.org/scaling-innovation/catalyst  

(25)

  EU-Catalyst Partnership: Request for proposals of pioneering green technology projects is launched | European Commission (europa.eu)

(26)

Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa, l-Anness IV, l-Artikolu 15 jagħti d-dettalji dwar is-sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u l-Orizzont Ewropa, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/764 tal-10 ta’ Mejju 2021 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku li jimplimenta l-Orizzont Ewropa, it-Taqsima 5.1 tistabbilixxi l-ħtieġa ta’ komplementarjetà bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u r-Raggruppament 5 tal-programm Orizzont Ewropa.

(27)

  From NER 300 to the Innovation Fund: knowledge-sharing for innovative clean tech projects (europa.eu)

(28)

  First Financing Innovative Clean Tech virtual conference (europa.eu)  
How can the Innovation Fund foster innovative clean tech small-scale projects? (europa.eu)
Delivering on the European Green Deal: Financing clean technology with the Innovation Fund (europa.eu)

(29)

  Events and webinars (europa.eu)

(30)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni C(2020) 4352 tat-2 ta’ Lulju 2020 fir-rigward tat-tnedija tas-sejħa għal proposti għal proġetti fuq skala żgħira fl-2020

(31)

COM(2022)108, REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

(32)

COM(2022)230, Il-Pjan REPowerEU, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni