IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.7.2022
COM(2022) 340 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Sommarju tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni għall-programmi operazzjonali kofinanzjati mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn fl-2020
1. INTRODUZZJONI
Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) jgħin sabiex jindirizza l-agħar forom ta’ faqar fl-UE, bħall-privazzjoni alimentari, il-faqar fost it-tfal u l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Kien hemm total ta’ EUR 3,8 biljuni (prezzijiet attwali) disponibbli mill-FEAD għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020. L-UE tipprovdi sa 85 % tal-finanzjament, u dan huwa kkomplementat mir-riżorsi proprji tal-Istati Membri. Dan iġib il-valur totali tal-fond għal madwar EUR 4,5 biljuni.
L-Istati Membri jistgħu jużaw il-fond b’żewġ modi:
·għal programm operazzjonali li jagħti assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika (PO I); u/jew
·għal programm operazzjonali li jippromwovi l-inklużjoni soċjali (PO II).
L-assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika trid tiġi kkomplementata minn miżuri ta’ akkumpanjament, bħal attivitajiet edukattivi għall-promozzjoni ta’ nutrizzjoni sana u pariri tajbin rigward it-tħejjija u l-ħżin tal-ikel, l-iffaċilitar tal-aċċess għall-kura tas-saħħa, appoġġ psikoloġiku u terapewtiku, programmi ta’ ħiliet, pariri dwar il-ġestjoni tal-baġit ta’ unità domestika, attivitajiet soċjali u ta’ divertiment u l-għoti ta’ servizzi legali.
F’konformità mal-bażi ġuridika tiegħu, dan is-sommarju huwa bbażat fuq ir-rapporti ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-2020, li l-Kummissjoni rċeviet mingħand l-Istati Membri. Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, ir-rapport jinkludi wkoll żviluppi u informazzjoni finanzjarja lil hinn mill-2020 meta disponibbli.
Skont ir-Rapporti ta’ Implimentazzjoni Annwali tal-FEAD tal-2020, il-fond għen sabiex jiġu indirizzati l-impatti negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-persuni l-aktar fil-bżonn u sabiex jittaffew l-agħar forom ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Minkejja l-baġit limitat tiegħu, il-FEAD wera li rnexxielu jikkomplementa l-isforzi nazzjonali sabiex jindirizza l-privazzjoni materjali u jiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali. B’mod partikolari, indirizza l-privazzjoni alimentari, il-faqar fost it-tfal u l-kondizzjoni ta’ persuni mingħajr dar. Bis-saħħa tal-flessibilitajiet addizzjonali għall-programmi tal-FEAD ipprovduti skont l-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE), il-finanzjament mill-FEAD se jkun kruċjali wkoll sabiex tingħata assistenza alimentari u assistenza materjali bażika tant meħtieġa lil dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.
Il-FEAD huwa konsistenti mal-Istrateġija Ewropa 2020 u mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (b’mira li mill-anqas 15-il miljun persuna jitneħħew mir-riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali sa tmiem l-2030), billi għandu l-għan li jippromwovi l-inklużjoni u l-protezzjoni soċjali. Jikkomplementa fondi oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-FSE u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), billi jimmira gruppi oħrajn jew billi jipprovdi miżuri komplementari.
Is-sitwazzjoni soċjali li fiha opera l-FEAD fl-2020 kienet ikkaratterizzata minn aktar sfidi f’termini ta’ faqar u esklużjoni soċjali minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Fl-2020 ġie stmat li n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali fl-UE huwa ta’ 96,5 miljun persuna, li jirrappreżenta 21,9 % tal-popolazzjoni totali. Dan ifisser żieda ta’ madwar 900 000 persuna meta mqabbel mal-2019. Madwar 6,3 miljun persuna esperjenzaw it-tliet riskji ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali fl-istess ħin (jiġifieri r-riskju ta’ faqar ta’ introjtu, il-privazzjoni materjali u soċjali serja, u l-għajxien f’unità domestika b’intensità tax-xogħol baxxa ħafna). Fl-2020, 38 miljun persuna fl-UE ma felħux iħallsu għal ikla ta’ kwalità kull jumejn, u llum, l-assistenza alimentari għadha essenzjali għal parti mill-popolazzjoni f’ħafna Stati Membri.
1.1
Żviluppi fil-futur
Għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 attwali, il-FEAD huwa integrat fil-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) sabiex jissimplifika l-finanzjament u jsaħħaħ is-sinerġiji bejn il-fondi. Sabiex jagħti spinta lill-appoġġ għall-inklużjoni soċjali, ir-Regolament dwar l-FSE+ jirrikjedi li mill-anqas 25 % tal-fergħa tal-FSE+ dwar il-ġestjoni kondiviża tiġi allokata għall-għanijiet ta’ inklużjoni soċjali (meta mqabbla mal-20 % skont l-FSE 2014-2020), u b’allokazzjoni minima ulterjuri ta’ 3 % għal kull Stat Membru sabiex tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali, l-objettiv ewlieni attwali tal-FEAD.
Japplikaw regoli speċifiċi għall-appoġġ sabiex tiġi indirizzata l-privazzjoni materjali, sabiex dan jibqa’ sempliċi kemm jista’ jkun. Kif irriżulta fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FEAD, il-partijiet ikkonċernati jivvalutaw u jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu ppreservati l-aspetti speċifiċi għall-fondi, (i) bħall-flessibbiltà u r-rekwiżiti amministrattivi ġeneralment anqas stretti meta mqabbla mal-programmi prinċipali tal-FSE, u (ii) bħan-networks u l-modalitajiet ta’ twassil operazzjonali stabbiliti. Livelli limiti baxxi jippermettu li l-għajnuna tingħata lil persuni li ma jintlaħqux mis-servizzi soċjali bħal persuni mingħajr dar, migranti ġodda jew mhux dokumentati, jew ċerti anzjani f’riskju ta’ faqar. Dan jippermetti wkoll rispons rapidu għall-ħtiġijiet emerġenti u s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi.
1.2 Koordinazzjoni tal-FEAD fil-livell tal-UE
Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, il-grupp ta’ esperti tal-FEAD baqa’ l-forum ewlieni għall-awtoritajiet maniġerjali sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-fond. Il-grupp ta’ esperti ltaqa’ darbtejn fl-2019 u erba’ darbiet fl-2020 sabiex jiddiskuti aspetti tal-implimentazzjoni tal-programm tal-FEAD, b’mod partikolari miżuri ta’ akkumpanjament, donazzjonijiet tal-ikel, awditi, koordinazzjoni ma’ fondi oħrajn tal-UE, għażliet ta’ kostijiet issimplifikati u vawċers elettroniċi. Fl-2020, l-aġenda tal-laqgħat kienet tinkludi wkoll ir-rispons għall-kriżi marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, inklużi l-emendi rilevanti tar-Regolament dwar il-FEAD. F’Ottubru u f’Diċembru 2020, il-grupp ta’ esperti tal-FEAD iltaqa’ b’mod konġunt mal-grupp ta’ ħidma tekniku tal-FSE.
Sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, fl-2020 u fl-2021 l-attivitajiet ta’ apprendiment reċiproku għall-Komunità tal-FEAD ħadu post il-laqgħat preċedenti tan-network tal-FEAD. Matul dan il-perjodu saru tliet seminars tematiċi online, tliet skambji bejn il-pari u żewġ konferenzi, li matulhom ġew diskussi l-isfidi tal-implimentazzjoni li għad fadal u l-opportunitajiet offruti mill-FSE+.
B’mod partikolari, is-seminars u l-iskambji bejn il-pari ddiskutew:
·il-karatteristiċi tar-riċevituri finali l-ġodda tal-miżuri ffinanzjati mill-FEAD u l-prattiki ġodda implimentati matul il-kriżi tal-COVID-19;
·l-approċċi integrati possibbli sabiex tiġi appoġġata l-inklużjoni soċjali tar-riċevituri finali;
·il-monitoraġġ u s-sensibilizzazzjoni;
·il-miżuri ta’ akkumpanjament għall-inklużjoni soċjali matul u wara l-pandemija;
·l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ vawċers fiżiċi/vawċers elettroniċi;
·l-involviment u r-rwol tal-partijiet ikkonċernati u tar-riċevituri finali.
2. PROGRESS FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMMI OPERAZZJONALI
2.1. Implimentazzjoni finanzjarja
In-nefqa pubblika eliġibbli totali impenjata għall-appoġġ tal-FEAD kienet EUR 643 miljun fl-2020, jiġifieri żdiedet minn EUR 608 miljuni fl-2019. Fi tmiem l-2020, il-fondi kumulattivi impenjati (għall-2014-2020) ammontaw għal kważi EUR 3,9 biljuni, jew 85 % tar-riżorsi totali tal-programmi (li jinkludu fondi tal-UE u kofinanzjament nazzjonali). Tħallas ammont ta’ madwar EUR 552,2 miljun lill-benefiċjarji fl-2020, li hija żieda notevoli meta mqabbla mal-livelli tas-snin preċedenti (EUR 478,5 miljun fl-2019, EUR 501,2 miljun fl-2018, EUR 412,8-il miljun fl-2017 u EUR 435,2 miljun fl-2016). Iż-żieda prinċipalment saret minħabba li l-operazzjonijiet fir-Rumanija nbdew mill-ġdid fl-2020. Din tirrifletti wkoll iż-żieda fid-domanda minħabba l-pandemija tal-COVID-19.
Skont id-data tal-2020, it-tifqigħa tal-COVID-19 irriżultat f’dikjarazzjonijiet aktar baxxi tan-nefqa mill-Istati Membri. Matul it-tieni trimestru tal-2020, dawk kienu jirrappreżentaw EUR 51 miljun - anqas minn nofs l-ammont korrispondenti mill-2019 (EUR 128 miljun). Madankollu, is-sitwazzjoni tjiebet fit-tieni nofs tas-sena. Finalment, l-ammont totali tal-FEAD iddikjarat matul l-2020 kien biss ftit anqas mill-ammont totali ddikjarat matul l-2019 (EUR 549 miljun meta mqabbel ma’ EUR 573 miljun fl-2019). L-ammont totali mħallas għall-FEAD fl-2021 żdied għal EUR 621 miljun minħabba r-riżorsi addizzjonali (EUR 81 miljun) li saru disponibbli taħt REACT-EU.
Il-FEAD wera li huwa adattabbli għall-ħtiġijiet emerġenti, bħall-kriżi tal-COVID-19, u li jindirizzahom. Ir-Regolament dwar il-FEAD ġie emendat f’April 2020 bħala parti mill-inizjattiva CRII+, u dan għamilha possibbli li jintużaw modalitajiet ta’ twassil indiretti, eż. vawċers jew kards (sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni) u x-xiri ta’ tagħmir protettiv personali għall-organizzazzjonijiet li jagħtu l-appoġġ tal-FEAD. Barra minn hekk, l-emendi għamluha possibbli li tiġi pprovduta rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % lill-Istati Membri għal sena kontabilistika waħda. Sa tmiem l-2021 ġew emendati 12-il programm tal-FEAD: tmienja minnhom sabiex jibbenefikaw mir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 %, u erbgħa minnhom biex jintroduċu miżuri ta’ emerġenza ħalli tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19.
Fi Frar 2021 ġiet adottata emenda oħra tar-Regolament dwar il-FEAD bħala parti mill-pjan ta’ rkupru tal-Kummissjoni skont REACT-EU. Din l-emenda tippermetti lill-Istati Membri jallokaw finanzjament addizzjonali għal programmi skont l-FSE, il-FEAD u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Riżorsi addizzjonali jistgħu jsaħħu l-appoġġ eżistenti, bħall-assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika jew proġetti ta’ inklużjoni soċjali. Dawn għandhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, u jqisu ż-żieda fin-numru ta’ persuni fil-bżonn mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Taħt REACT-EU 2021, ġew emendati 13-il programm operazzjonali (il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Awstrija, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja), b’żieda totali ta’ EUR 506 miljun.
Fis-6 ta’ April 2022, ir-Regolament dwar il-FEAD ġie emendat fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE). Issa jippermetti lill-Istati Membri u lir-reġjuni jkollhom aktar flessibbiltà sabiex jużaw il-FEAD ħalli jagħtu appoġġ ta’ emerġenza lill-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna wara l-invażjoni mill-Federazzjoni Russa. B’mod speċifiku, dan jippermetti lill-Istati Membri jemendaw ċerti elementi tal-programm sabiex jindirizzaw il-kriżi, meta meħtieġ, u kemm jinnotifikaw lill-Kummissjoni minflok ma jkollhom bżonn l-approvazzjoni tagħha biex jagħmlu dan. Barra minn hekk, jipprevedi wkoll data aktar bikrija ta’ eliġibbiltà għal dawn l-azzjonijiet, mill-24 ta’ Frar 2022. Fl-aħħar nett, dan jestendi l-possibbiltà ta’ kofinanzjament tal-UE ta’ 100 % għas-sena kontabilistika li tibda fl-1 ta’ Lulju 2021 u li tispiċċa fit-30 ta’ Ġunju 2022. Minbarra f’hekk, fit-12 ta’ April ġie adottat Regolament biex jikkomplementa l-CARE. Din l-emenda se tipprovdi likwidità u se tħaffef l-aċċess għall-fondi għall-benefiċjarji billi tipprovdi pagamenti addizzjonali ta’ prefinanzjament ta’ EUR 3,5 biljuni għall-porzjon ta’ REACT-EU tal-2021 għall-FEAD u l-programmi ta’ politika ta’ koeżjoni li jibbenefikaw mir-riżorsi ta’ REACT-EU.
2.2 Implimentazzjoni fil-prattika
Għajnuna tal-FEAD u profil tar-riċevituri finali
Fl-2020, il-FEAD irnexxielu jipprovdi assistenza f’27 Stat Membru u għamel progress tajjeb sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (23 minn 27) qassmu assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika flimkien mal-miżuri ta’ akkumpanjament (PO 1 – Tabella 1). Erba’ Stati Membri komplew iwettqu programmi ta’ inklużjoni soċjali (PO II – Tabella 1).
Tabella 1. Tip ta’ assistenza mogħtija fl-2020
|
PO
|
Tip ta’ assistenza
|
Stat Membru
|
|
PO I
|
Ikel
|
BE, BG, EE, ES, FI, FR, MT, PL, PT, SI, SK (11)
|
|
|
Materjal bażiku
|
AT (1)
|
|
|
It-tnejn li huma
|
CZ, EL, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV, RO (10)
|
|
PO II
|
Inklużjoni soċjali
|
DE, DK, NL, SE (4)
|
Sors: SFC2014
Fl-2020, il-FEAD appoġġa kważi 15-il miljun persuna b’assistenza alimentari (żieda minn 12,2-il miljun fl-2019), madwar 1,96 miljun persuna b’assistenza materjali (żieda minn 800 000 fl-2019) u 30 000 persuna b’assistenza għall-inklużjoni soċjali, l-istess bħal fl-2019. Iż-żidiet prinċipalment saru minħabba li l-operazzjonijiet fir-Rumanija nbdew mill-ġdid. Madankollu, dawn jirriflettu wkoll il-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 li aggravat il-kundizzjonijiet għall-persuni vulnerabbli eżistenti li jingħataw l-appoġġ mill-FEAD, filwaqt li persuni ġodda fittxew ukoll assistenza alimentari, inkluż persuni b’impjiegi prekarji (eż. kuntratti għal żmien qasir, xogħol temporanju jew informali), ħaddiema indipendenti u studenti żvantaġġjati fl-edukazzjoni terzjarja. L-aktar żidiet sinifikanti fir-riċevituri finali nstabu fi FR (714 000 aktar mill-2019), fl-IT (597 000 aktar), fi ES (268 000 aktar) u fl-HU (113 000 aktar). Min-naħa l-oħra, tmien Stati Membri rreġistraw tnaqqis fin-numru tar-riċevituri finali, speċjalment il-HR (tnaqqis ta’ 175 000 riċevitur jew 88 % anqas mill-2019), is-SK (145 000 jew 51 % anqas), u CY (1 800 jew 76 % anqas), kif ukoll id-DK u n-NL.
Illustrazzjoni 1. Numru ta’ persuni li jirċievu appoġġ alimentari u/jew assistenza materjali bażika (miljuni)
Sors: SFC2014
Illustrazzjoni 2. Numru totali ta’ persuni li jirċievu appoġġ għall-inklużjoni soċjali
Sors: SFC2014
Ġeneralment, il-profil tal-gruppi fil-mira baqa’ stabbli iżda b’xi bidliet minuri. Fl-2020, skont l-istimi mill-organizzazzjonijiet sħab, madwar 47 % tar-riċevituri finali kienu nisa (2 punti perċentwali anqas mill-2019), 28 % kienu tfal ta’ 15-il sena jew anqas, madwar 10 % kienu migranti, parteċipanti bi sfond barrani jew minoranzi, 10 % kienu persuni ta’ 65 sena jew aktar (2 punti perċentwali aktar mill-2019), 6 % kienu persuni mingħajr dar u 6 % kienu persuni b’diżabilità.
It-tfal jirrappreżentaw madwar 28 % ta’ dawk li rċevew assistenza alimentari, assistenza materjali bażika jew assistenza għall-inklużjoni soċjali fl-2020. Dan is-sehem naqas bi ftit meta mqabbel mal-2019, meta kien 30 %. F’diversi Stati Membri, it-tfal irċevew l-akbar sehem ta’ appoġġ alimentari – b’mod partikolari fil-HR (93 %), fl-HU u f’MT (60 %) u fiċ-CZ (52 %). Barra minn hekk, it-tfal biss ngħataw assistenza materjali bażika f’CY, fl-HU u fl-IE, filwaqt li fl-AT kienu l-akbar grupp uniku (85 % tar-riċevituri finali).
Madwar 10 % tar-riċevituri finali kienu migranti, persuni bi sfond barrani, jew minoranzi. Madankollu, dan is-sehem jista’ jiġi sottovalutat peress li l-informazzjoni dwar il-migranti li jirċievu appoġġ mhux dejjem tiġi rrapportata għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data (EL, FR u SK). Il-migranti b’mod ġenerali huma l-akbar grupp, segwit mir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu l-ażil.
Madwar 6 % tar-riċevituri finali tal-FEAD kienu persuni mingħajr dar, u b’mod ġenerali, dan il-proporzjon għadu stabbli. Madankollu, huwa partikolarment diffiċli li tingħata stima tan-numru ta’ persuni mingħajr dar, peress li dawn mhumiex irreġistrati u sikwit joqogħdu lura milli jagħtu kwalunkwe informazzjoni personali. Fl-IE, fiċ-CZ u fi FR, aktar minn 13 % tar-riċevituri finali li rċevew assistenza alimentari kienu persuni mingħajr dar. Fl-IT, il-proporzjon ta’ persuni mingħajr dar li jirċievu assistenza alimentari kien relattivament baxx (3 %) iżda kien l-akbar grupp li rċieva għajnuna materjali bażika (66 % tar-riċevituri finali kollha). Iċ-CZ ukoll kellha proporzjon relattivament għoli ta’ riċevituri finali ta’ għajnuna materjali bażika li kienu mingħajr dar (21 %).
Madwar 6 % tar-riċevituri finali kienu persuni b’diżabilità. L-akbar sehem ta’ persuni b’diżabilità li jirċievu assistenza alimentari kien fil-BG u fl-HU (31 %), fir-RO (20 %), fil-PL u fil-LV (17 %). Fi FR, fl-IT, f’MT u fil-PT, dan il-perċentwal kien ta’ 1 % jew anqas. Min-naħa l-oħra, is-sehem ta’ persuni b’diżabilità li jirċievu assistenza materjali kien relattivament għoli fil-LV, fir-RO u fil-LT (bejn 13 % u 17 %).
Eżempji nazzjonali ta’ kif jintlaħqu t-tfal
|
Il-Latvja: Bi tkomplija ta’ dak li wettqet fl-2019, fl-2020 il-LV pprovdiet għajnuna speċifika lit-tfal. Dan jinkludi: i) tliet tipi ta’ pakketti tal-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar skont l-età; ii) erba’ settijiet differenti ta’ prodotti tal-iġjene għat-trabi u għat-tfal żgħar bejn 0 xhur u 24 xahar, skont l-età; iii) għajnuniet individwali għat-tagħlim għat-tfal bejn 5 u 10 snin; u iv) għajnuna individwali għat-tagħlim għat-tfal bejn 11 u 16-il sena. Sabiex tevita d-diskriminazzjoni, il-LV tiżgura b’mod speċifiku li l-materjali tal-iskola (bħall-basktijiet tal-iskola) ma jinkludux forom u tpinġijiet ikkuluriti li jsaħħu l-perċezzjonijiet stereotipiċi tal-ġeneru.
Ir-Rumanija: It-tfal, b’mod partikolari dawk l-aktar żvantaġġjati, jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tar-riċevituri finali tal-programmi tal-FEAD. Dawn jirċievu għajnuna speċifika li tinkludi: i) pakketti ta’ iġjene personali; ii) vawċers elettroniċi għall-appoġġ edukattiv (għat-tfal żvantaġġjati eliġibbli), bl-għan li jiġi evitat li t-tfal ma jibqgħux jistudjaw u jħallu l-edukazzjoni preprimarja, primarja u sekondarja inferjuri fi stadju bikri. Kien previst ukoll l-għoti ta’ pakketti għat-trabi tat-twelid għall-2020. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-miżura ma setgħetx tiġi implimentata.
Ċipru: Fi Frar 2018, il-proċess tal-għoti ta’ assistenza materjali lir-riċevituri beda bl-implimentazzjoni tal-programm bl-isem ta’ “dota għat-trabi tat-twelid” (prika tou morou), għat-trabi li twieldu wara l-1 ta’ Jannar 2017. Il-programm qiegħed jiġi implimentat b’mod sodisfaċenti u kif ippjanat. L-oġġetti essenzjali għat-trabi tat-twelid jinkludu s-sodod, il-ħrieqi u s-saqqijiet. Minkejja l-isfidi minħabba l-COVID-19, it-tqassim ta’ dawn il-prodotti essenzjali ma ġiex interrott, iżda kien hemm xi bidliet fil-mod kif il-prodotti ġew ikkunsinnati sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u s-saħħa ta’ dawk kollha involuti.
|
PO I – Assistenza alimentari
Wara tliet snin bi tnaqqis minuri mil-lat tal-kwantità, l-assistenza alimentari żdiedet b’mod sostanzjali fl-2020 u laħqet l-428 000 tunnellata (żieda minn 345 000 tunnellata fl-2019). L-ammont kumulattiv matul il-perjodu 2014-2020 ammonta għal aktar minn 2 460 000 tunnellata ta’ ikel. Madwar żewġ terzi tat-23 Stat Membru li qegħdin jimplimentaw il-PO I, żiedu l-kwantità ta’ ikel li tqassam jew żammew l-istess kwantità. Iż-żidiet f’termini perċentwali kienu partikolarment b’saħħithom fil-PT (+123 %), fl-IT (+77 %), fil-PL (+55 %) u fl-EE (+36 %), filwaqt li r-RO rrapportat ammont pożittiv għall-ewwel darba mill-2016. L-aktar tnaqqis sinifikanti, ukoll f’termini perċentwali, sar fil-HR (-79 %) u fis-SK (-64 %), filwaqt li CY waqqaf it-tqassim tal-assistenza alimentari. Fl-2020, l-Estonja għall-ewwel darba implimentat it-tqassim tad-donazzjonijiet tal-ikel, bl-għajnuna tal-organizzazzjoni sieħba tagħha (il-Bank tal-Ikel tal-Estonja).
Illustrazzjoni 3. Assistenza alimentari pprovduta fl-2014-2019 (eluf ta’ tunnellati) mill-Istat Membru
Sors: SFC2014
Fl-2020, aktar minn nofs it-total tal-ikel imqassam (57 %) kien jikkonsisti fi prodotti tal-ħalib, kif ukoll dqiq, ħobż, patata, u prodotti oħrajn li fihom il-lamtu. Il-proporzjon ta’ prodotti tal-ħalib (31 % tat-total) kien partikolarment għoli fi FR (50 %), fi ES (47 %) u fis-SI (46 %). Il-proporzjon ta’ dqiq, ħobż, patata, u prodotti oħrajn li fihom il-lamtu (26 % tat-total) kien jikkostitwixxi l-biċċa l-kbira tal-ikel imqassam fil-FI, fis-SK, fir-RO, fil-LV u f’MT (li jvarja minn 62 % fil-FI għal 50 % f’MT) filwaqt li fl-IT kien l-akbar grupp tal-ikel uniku, b’49 %. Bi 18 %, il-frott u l-ħaxix jikklassifikaw bħala t-tielet kategorija f’termini perċentwali, bi proporzjonijiet partikolarment għoljin fil-PT (38 %), f’MT (36 %), fil-BG (33 %), fil-PL u fl-IE (it-tnejn bi 28 %). Il-kategoriji li jifdal (laħam, bajd, ħut, u frott tal-baħar; xaħmijiet u żjut; ikel ta’ konvenjenza) kollha kienu jikkostitwixxu madwar 7 sa 8 % tat-total, filwaqt li z-zokkor ikkostitwixxa 3 %. Il-kost tal-ikel imqassam għal kull persuna jvarja b’mod pjuttost sinifikanti bejn l-Istati Membri u minn sena għall-oħra. Dan huwa l-aktar minħabba l-ammont u t-tip ta’ prodotti mqassma (eż. rata għolja ta’ prodotti friski) kif ukoll l-intensità tal-appoġġ.
Il-proporzjon ta’ prodotti tal-ikel kofinanzjati mill-FEAD fil-volum totali ta’ ikel imqassam mill-organizzazzjonijiet sħab kien madwar 50 % tat-total. Filwaqt li l-proporzjon kien anqas minn 25 % fi FR, fil-LU u fil-FI, l-ikel tqassam kollu fil-BG, fi ES u fl-HU. Il-21 Stat Membru kollha li jqassmu l-ikel qassmuh fl-għamla ta’ pakketti tal-ikel standardizzati. 13-il Stat Membru wkoll ipprovdew l-ikliet: BE, BG, CZ, EL, ES, FI, HR, HU, IE, IT, LV, PL u SK.
PO I – Assistenza materjali bażika
12-il Stat Membru qassmu assistenza materjali bażika fl-2020. Dawn kienu AT, CY, CZ, EL, HR, HU, IE, IT, LT, LU, LV u RO. Il-lista hija simili għal dik tal-2019 għajr ir-RO, li ma kinitx qiegħda tqassam assistenza materjali bażika, u s-SK, li waqfet tqassam din l-għajnuna fl-2020, kif imsemmi qabel.
L-ammont ta’ assistenza materjali bażika kompla jiżdied b’mod sinifikanti. Fl-2020, l-Istati Membri qassmu materjal bażiku b’valur ta’ EUR 69,2 miljun, żieda minn 19,2-il miljun fl-2019, (li diġà kienet żdiedet bi 42 % meta mqabbla mal-2018 u b’44 % meta mqabbla mal-2017). Din iż-żieda saret minħabba żieda pjuttost mifruxa fl-għoti ta’ assistenza materjali f’diversi Stati Membri. Iż-żidiet kienu partikolarment evidenti fl-AT, fiċ-CZ, fil-EL, fil-LV, u fuq kollox fl-IT (b’żieda ta’ aktar minn ħames darbiet) u fir-RO, li hija responsabbli għall-maġġoranza assoluta tal-assistenza materjali mqassma fl-UE (EUR 41,2 miljun). L-assistenza materjali bażika naqset b’mod sinifikanti fil-HR (minn EUR 2,2 miljuni għal EUR 368 000) u sa ċertu punt fil-LT u fil-LU, filwaqt li s-SK waqfet it-tqassim.
L-oġġetti għall-iskejjel u l-prodotti tal-kura personali għall-familji bit-tfal baqgħu l-oġġetti ewlenin tal-assistenza materjali bażika mqassma permezz tal-FEAD. Fl-2020, l-oġġetti li ngħataw lill-familji bit-tfal kienu jinkludu l-kartolerija u materjali tal-iskola (AT, EL, HR, HU, IE u LV), basktijiet tal-iskola (AT, EL, HR u LV), pakketti għall-kura tat-trabi (CY, EL, HR, HU, IE u LV), tagħmir sportiv (EL u HR) u ħwejjeġ (EL, HR u IT). Fil-EL, fl-HU, fil-LU u fil-LV tqassmu wkoll oġġetti bħal deterġenti tal-ħasil tal-ħwejjeġ, kremi u sapun għat-trabi u għat-tfal żgħar, wet wipes u ħrieqi. Iċ-CZ, il-HR, l-HU, il-LT, il-LV, il-PL, il-PT u r-RO taw ukoll pakketti tal-iġjene b’tagħmir protettiv biex jevitaw it-tixrid tal-COVID-19, u dawn kienu jinkludu maskri, prodotti ta’ sanitizzazzjoni, eċċ.
Il-persuni mingħajr dar, kienu partikolarment fil-mira tal-miżuri ta’ appoġġ għall-akkomodazzjoni fl-IT, iżda rċevew assistenza wkoll fiċ-CZ u fil-EL ukoll; dawn ngħataw prodotti ta’ kura personali u prodotti oħrajn. Fiċ-CZ u fl-IT irċevew ukoll tagħmir tal-kċina (in-nies li kienu qegħdin jingħataw akkomodazzjoni ġdida jew li kienu qegħdin jgħixu f’akkomodazzjoni prekarja) u ħwejjeġ, u fiċ-CZ, fil-EL u fl-IT irċevew basktijiet tal-irqad u kutri.
Illustrazzjoni 4. Il-valur monetarju totali tal-oġġetti mill-2014 sal-2020 skont it-tip
Sors: SFC2014
Illustrazzjoni 5. Il-valur monetarju totali tal-oġġetti mill-2014 sal-2020 mill-Istat Membru
Sors: SFC2014
PO I – Miżuri ta’ akkumpanjament
F’konformità mar-Regolament dwar il-FEAD, l-Istati Membri li implimentaw il-programmi tal-PO I fl-2020 ipprovdew ukoll miżuri ta’ akkumpanjament. Madankollu, il-kriżi tal-COVID-19 ħolqot sfida sinifikanti għat-twettieq ta’ miżuri ta’ akkumpanjament bħala parti mill-programmi tal-FEAD, u l-implimentazzjoni tagħhom ġeneralment ma kinitx l-istess bejn l-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, ġew implimentati miżuri addizzjonali ta’ akkumpanjament biex jindirizzaw l-isfidi attwali minħabba l-pandemija. Pereżempju:
-Fi ftit Stati Membri ngħatat informazzjoni dwar miżuri ta’ prekawzjoni fil-kuntest tal-pandemija, inkluż fl-AT, fil-BG, fil-EL, fil-FI, fl-HU u fl-IT.
-F’ċerti Stati Membri, l-awtoritajiet maniġerjali inkludew b’mod speċifiku l-appoġġ psikoloġiku fil-miżuri ta’ akkumpanjament sabiex jindirizzaw l-impatt fuq is-saħħa mentali minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet soċjali relatati (eż. il-EL, FR, il-PL, ir-RO u s-SI).
-Minħabba d-diversi lockdowns li saru fl-Istati Membri, ir-rwol tat-teknoloġija diġitali sar importanti ħafna. L-HU, il-LT, MT u l-PL implimentaw attivitajiet biex itejbu l-ħiliet diġitali fil-qasam tal-edukazzjoni u l-impjiegi, kif ukoll biex jiżguraw li s-servizzi soċjali jibqgħu joperaw u biex ir-rabtiet familjari u/jew komunitarji jibqgħu b’saħħithom.
Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri komplew jimplementaw taħlita ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u kienu biss ftit dawk li għażlu li jiffokaw fuq attività waħda biss jew fuq żewġ attivitajiet. Madankollu, ġie osservat li fl-2020, il-miżuri ta’ akkumpanjament tnaqqsu fi ftit Stati Membri, bħal fl-EE u fl-IE, minħabba l-COVID-19. Min-naħa l-oħra, fl-2020, ir-RO kellha żieda sinifikanti fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament permezz tal-FEAD. Fil-LV, fl-2020 kien hemm żieda ta’ 10 % (112-il miżura ta’ akkumpanjament oħra) meta mqabbla mal-2019, iżda tnaqqis ta’ 11 % (677 persuna) fir-riċevituri tal-miżuri ta’ akkumpanjament.
Il-miżuri ta’ akkumpanjament implimentati fl-2020 kienu jinkludu:
·pariri dwar il-preparazzjoni u l-ħżin tal-ikel (BE, BG, CZ, ES, FI, FR, HR, LT, LV, MT, PL, PT u SK);
·attivitajiet edukattivi jew informazzjoni biex jiġu promossi n-nutrizzjoni tajba għas-saħħa u l-istil ta’ ħajja sana, eż. workshops tat-tisjir (BE, BG, CZ, EL, ES, FI, FR, HR, IT, LT, LU, LV, PT, PL, RO u SK);
·pariri dwar kif titnaqqas il-ħela tal-ikel (BG, CZ, ES, FI, LU, LV, PL u PT);
·pariri dwar l-iġjene personali (BE, BG, EL, HR, HU, LV, RO u SK);
·riferiment għal servizzi rilevanti (eż. soċjali/amministrattivi) (BE, BG, CZ, EE, FI, FR, IE, IT, LU, LV, PT u SK);
·ikkowċjar u workshops, speċjalment biex tissaħħaħ l-integrazzjoni fl-edukazzjoni jew fis-suq tax-xogħol (BG, CY, CZ, EL, FI, FR, IE, IT, LT, MT, RO u SI);
·attivitajiet edukattivi u taħriġ/programmi dwar il-ħiliet (EL, FR, MT, PL, RO u SI);
·iffaċilitar tal-aċċess għall-kura tas-saħħa (BG, ES, FI, FR, HU, IE, IT, LV u RO);
·appoġġ psikoloġiku u terapewtiku (CZ, EL, FI, FR, HU, IT, LT, PL, RO u SI);
·pariri dwar il-ġestjoni tal-baġit ta’ unità domestika (BG, CZ, EL, FR, HR, IE, IT, LT, LV, MT, PL, PT u SK);
·pariri speċifiċi dwar iż-żamma jew it-tisħiħ tar-rabtiet familjari/komunitarji, inkluż ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, assistenza għall-ġenituri, assistenza għall-kura fid-dar (BG, CY, FR, IE, LT, LV u PL);
·attivitajiet soċjali u ta’ divertiment (CZ, FI, FR, LV, LU, MT, PL u SI);
·għoti ta’ servizzi legali (CZ, FR, IT, LT, PL u RO);
attivitajiet oħrajn ta’ akkumpanjament (AT, BE, BG, CY, CZ, EE, ES, FI, FR, IE, EL, IT, LU, MT, PL, PT, RO u SI), li prinċipalment kienu jinkludu servizzi ta’ appoġġ personali, kura għall-adulti, trasport soċjali, iffaċilitar tal-aċċess għall-akkomodazzjoni jew għall-kenn, appoġġ għall-aċċess għad-drittijiet u l-appoġġ għall-iskejjel.
Illustrazzjoni 6. It-tipi ta’ miżuri ta’ akkumpanjament implimentati fl-2019 (n=23)
Kaxxa 2. L-użu ta’ fondi ta’ assistenza teknika fil-kuntest tal-pandemija
Numru ta’ Stati Membri, inkluż il-LT, il-LU, il-PL, ir-RO u s-SI, immobilizzaw fondi ta’ għajnuna teknika speċifikament sabiex jindirizzaw id-diversi sfidi ppreżentati mill-pandemija tal-COVID-19. L-awtoritajiet maniġerjali fil-LT, fil-BG u fil-PL iddeċidew li jużaw parti mill-fondi allokati għall-assistenza teknika biex jixtru tagħmir protettiv għall-persunal u għall-voluntiera direttament involuti fl-għoti ta’ assistenza alimentari.
Fil-LU, l-assistenza teknika ntużat biex jitwettaq l-istħarriġ ta’ nofs it-terminu tal-programmi operazzjonali tal-FEAD u tar-riċevituri finali, kif ukoll għall-adattament tas-software għall-finijiet ta’ xiri remot għar-riċevituri li tqiesu f’riskju matul il-pandemija.
Fil-LV ġew immobilizzati fondi ta’ assistenza teknika biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-miżuri ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għax-xogħol, filwaqt li ġew issalvagwardjati l-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni.
L-Istati Membri, inkluż ir-RO u l-SI, użaw il-fondi ta’ assistenza teknika b’mod speċifiku biex jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-operazzjonijiet tal-FEAD. Fir-RO, l-assistenza teknika ntużat biex tappoġġa l-implimentazzjoni ġenerali tal-FEAD billi tipprovdi appoġġ loġistiku; pereżempju, bl-impjieg ta’ persunal bil-kuntratt, l-għoti tat-tagħmir meħtieġ għall-operat, u l-protezzjoni tal-persunal operattiv.
Fi ftit Stati Membri ġie osservat ukoll li parti mill-baġit iddedikat għal PO speċifiku ġiet allokata mill-ġdid ukoll għal miżuri speċifiċi. Fis-SK, parti mill-baġit li ma ntużatx u li oriġinarjament kienet allokata għal miżuri oħrajn ġiet allokata mill-ġdid sabiex tappoġġa t-tqassim ta’ pakketti tal-iġjene lir-riċevituri finali fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19.
PO II – Inklużjoni soċjali
L-Istati Membri tal-PO II (DE, DK, NL u SE) komplew jimplimentaw azzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali fl-2020, minkejja l-fatt li l-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt negattiv sinifikanti fuq l-attivitajiet fl-Istati Membri kollha.
Il-DE kompliet taħdem sabiex tilħaq l-adulti u l-persuni mingħajr dar li jkunu għadhom kif waslu, u tagħtihom aċċess aħjar għal miżuri ta’ konsulenza u appoġġ. L-objettiv speċifiku A ta appoġġ lil 4 275 tifel u tifla immigranti fl-età ta’ qabel l-iskola sal-età ta’ seba’ snin. 3 767 tifel u tifla immigranti ħadu mill-anqas offerta waħda ta’ edukazzjoni bikrija. Dan jikkorrispondi għal indikatur tar-riżultat ta’ 88,11 %. Skont l-objettiv speċifiku B, 5 365 persuna mingħajr dar u persuni f’riskju li ma jkollhomx dar ingħataw pariri. 4 373 persuna setgħu jirċievu assistenza bħala riżultat ta’ konsulenza u mentoraġġ minn tal-anqas servizz soċjali wieħed (81,56 % tat-total).
Fid-DK, l-attivitajiet ġew estiżi biex itejbu l-kundizzjonijiet għall-persuni mingħajr dar – inkluż dawk minn pajjiżi oħrajn tal-UE li għandhom permessi li jibqgħu fid-DK. Filwaqt li l-attivitajiet tal-proġetti komplew matul il-perjodi ta’ restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19, irriżulta li l-pandemija kienet ta’ sfida, u n-numru ta’ parteċipanti naqas drastikament: minn 757 fl-2019 għal 277 fl-2020. Il-COVID-19 kellha l-akbar impatt għall-assoċjazzjonijiet li jaħdmu mal-migranti peress li ħafna marru lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom.
Fin-NL, il-proġett “Anzjani fil-viċinat” (Elderly in the neighbourhood) kien affettwat b’mod sinifikanti mill-kriżi kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, iżda rriżulta li kien partikolarment siewi. Il-proġett għandu l-għan li jtaffi l-esklużjoni soċjali fost nies żvantaġġjati ta’ aktar minn 65 sena. Il-punti ta’ kuntatt ewlenin huma l-libreriji lokali, iżda dawn regolarment spiċċaw magħluqa. Madankollu, min kien ħa sehem fl-attivitajiet tal-ħiliet diġitali ħasad il-frott tagħhom matul il-lockdown għaliex seta’ jkompli bl-attivitajiet online. Għaldaqstant, il-proġett irnexxielu jkompli jrawwem sentiment ta’ inklużjoni soċjali fost il-parteċipanti eżistenti. F’ċerti każijiet, il-parteċipanti nfushom saħansitra ħadu l-inizjattiva li jkomplu bil-laqgħat fil-miftuħ. Eventwalment, il-libreriji parteċipanti xorta rnexxielhom jilħqu parteċipanti ġodda, għalkemm in-numru naqas minn 579 għal 366, b’total ta’ 3 219 għall-perjodu 2014-2020. Iddikjaraw ukoll l-intenzjoni tagħhom li jkomplu bil-proġett wara li jintemm il-finanzjament tal-FEAD billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom.
Il-programmi ta’ inklużjoni soċjali fl-SE jinkludu żewġ tipi ta’ appoġġ: il-promozzjoni tas-saħħa, u l-għoti ta’ informazzjoni bażika dwar is-soċjetà Żvediża, immirati għal persuni fil-bżonn li ġejjin minn pajjiżi oħrajn tal-UE jew taż-ŻEE. Fl-2020, in-numru ta’ parteċipanti żdied drastikament għal 1 175 parteċipant, jiġifieri żdied minn 658 fl-2019. In-numru kumulattiv ta’ parteċipanti mill-2014 sal-2020 laħaq it-3 849. Il-gruppi fil-mira ewlenin huma persuni mingħajr dar (jew persuni f’riskju li jispiċċaw mingħajr dar), migranti, persuni bi sfond barrani, minoranzi u nisa. Flimkien, dawn il-gruppi jirrappreżentaw aktar minn 90 % tar-riċevituri finali tal-programmi tal-FEAD.
2.3 Ostakli għall-implimentazzjoni
Il-FEAD jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq l-objettivi tiegħu. Madankollu, ċerti ostakli għall-implimentazzjoni komplew jippersistu, bħal kwistjonijiet ta’ kapaċità għall-organizzazzjonijiet sħab u sfidi loġistiċi prinċipalment relatati mal-pandemija tal-COVID-19. Dawn ġew indirizzati parzjalment permezz taż-żieda fil-flessibbiltà u t-tnaqqis fil-piż amministrattiv bl-emendi tal-FEAD tal-2020, li ppermettew l-użu ta’ vawċers elettroniċi biex tingħata assistenza alimentari (PT, RO) u assistenza materjali bażika (LT, LU, RO), il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali (li permezz tiegħu jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni) u l-finanzjament ta’ 100 % tal-miżuri għas-sena kontabilistika 2020-2021. Irriżulta wkoll li l-kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Awtoritajiet Maniġerjali u l-organizzazzjonijiet sħab kienet essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi ġodda.
Ġew irrapportati ostakli għall-implimentazzjoni minn aktar minn 20 Stat Membru. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (inklużi l-BE, CY, iċ-CZ, l-EE, ES, il-EL, il-FI, FR, il-HR, l-IE,l-IT, il-LT, il-LU, il-LV, MT, il-PL, il-PT, ir-RO, l-SE, is-SI u s-SK) irrapportaw li l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt tagħha f’diversi livelli kkawżaw ostakli sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-FEAD fl-2020:
-Is-sospensjoni fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet minħabba l-lockdowns u r-restrizzjonijiet ġiet osservata f’numru kbir ta’ dawn l-Istati Membri. F’xi każijiet, in-nuqqas ta’ persunal irriżulta fl-għeluq ta’ xi ċentri ta’ distribuzzjoni (il-BE, l-IE, il-LU). Madankollu, fil-maġġoranza tal-Istati Membri, saru adattamenti biex l-ikel ikun jista’ jibqa’ jitqassam minkejja r-restrizzjonijiet. B’mod ġenerali kien possibbli għar-riċevituri finali li jingħataw l-assistenza alimentari f’ħin u post speċifiku jew b’mezzi differenti (fil-BE, f’CY, fiċ-CZ, fl-EE, fi ES, fil-EL, fil-FI, fi FR, fil-HR, fl-IE, fl-IT, fil-LT, fil-LU, fil-LV, f’MT, fil-PL, fil-PT, fir-RO, fis-SI, fis-SK). Pereżempju, ingħatat assistenza alimentari u materjali fid-djar tar-riċevituri finali, jew permezz ta’ appuntamenti individwali jew vawċers tal-ikel (il-PT, ir-RO), sabiex iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni ma jkunux iffullati. Bl-istess mod, f’xi Stati Membri, il-miżuri ta’ akkumpanjament ġew adattati għall-isfidi l-ġodda (eż. fin-NL, l-attivitajiet saru kemm fiżikament kif ukoll b’mod remot), filwaqt li f’oħrajn (eż. fil-PL) ma tkomplewx.
-Id-dewmien u d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tat-tqassim tal-ikel u tal-assistenza materjali kienu kkawżati direttament mill-pandemija fil-BE, fil-BG, fiċ-CZ, fid-DK, fi FR, fil-EL, fl-HR, f’MT, fil-PL, fil-PT u fir-RO. Ġew irrapportati sfidi partikolarment fir-rigward tat-twassil ta’ prodotti tal-ikel speċifiċi (il-LU, il-PL), minħabba d-disponibbiltà limitata tal-materja prima fis-suq u d-dewmien fil-proċess tal-produzzjoni. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ persunal fil-PL wassal għad-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-kuntratti, pereżempju mal-kumpaniji tat-trasport, li rriżultaw f’diffikultajiet fit-tqassim ta’ ċerti prodotti. Is-SK irrapportat diffikultajiet f’xi każijiet okkażjonali minħabba li r-riċevituri finali bidlu l-indirizz permanenti tagħhom u rrifjutaw l-assistenza.
Bħalma sar fis-snin ta’ qabel, il-flessibbiltà tal-FEAD, u l-kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-awtoritajiet maniġerjali u l-organizzazzjonijiet sħab, għenu lill-pajjiżi jegħlbu ħafna minn dawn l-ostakoli. F’xi Stati Membri (bħall-BE, il-DE, id-DK, FR, l-IT, l-IE u l-SE), l-awtorità maniġerjali organizzat laqgħat regolari, wiċċ imb wiċċ jew online, mal-organizzazzjonijiet sħab u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex tiddiskuti u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-programm.
Filwaqt li l-Istati Membri prinċipalment irrapportaw dwar sfidi marbuta mal-impatti tal-kriżi tal-COVID-19, kien hemm sfidi addizzjonali relatati ma’ dawn li ġejjin:
·il-loġistika, pereżempju, kostijiet għoljin tat-trasport; il-qerda tal-prodotti waqt it-trasport; in-nonkonformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni razzjonali tal-istokk – “joħroġ li daħal l-ewwel” (il-BE, il-EL, il-HR, il-LV, il-PL u l-PT);
·Fil-PL, xi operaturi tal-programmi rrapportaw każijiet ta’ nonkonformità mar-rekwiżiti tal-kwalità, li rriżultaw f’penali kuntrattwali għall-fornitur tal-ikel;
·in-nuqqas ta’ kapaċità tal-organizzazzjonijiet sħab (id-DK u l-PL); b’mod partikolari fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-gruppi fil-mira, jew minħabba l-konfigurazzjoni territorjali tal-Istati Membri (il-LT).
Kaxxa 3: Sfidi marbuta mal-COVID-19
Fil-LT saret evidenti il-problema tal-istigma matul il-pandemija tal-COVID-19, peress li persuni li qabel ma kinux f’kuntatt mas-sistema tal-assistenza soċjali wkoll iffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi, u xi wħud minnhom kienu rrifjutaw l-assistenza tal-FEAD minkejja li kienu intitolati li jirċevuha.
F’MT wkoll ġiet osservata l-istigma minħabba d-daqs żgħir tal-pajjiż, fejn persuni mill-istess lokalitajiet jafu lil xulxin personalment jew jiġu minn xulxin. F’dan ir-rigward, il-benefiċjarji tal-FEAD qegħdin jingħataw aktar assistenza billi jingħataw il-possibbiltà li jiġbru dak li huma intitolati għalih minn ċentru ta’ distribuzzjoni tal-għażla tagħhom, minflok jiġbruh miċ-ċentru lokali fejn jgħixu.
Fil-BE, il-kriżi tal-COVID-19 kellha impatt sinifikanti u estensiv, u l-awtorità maniġerjali, is-settur tal-assistenza alimentari u l-organizzazzjonijiet sħab kollha ħadu azzjoni flimkien biex jadattaw għall-kuntest mingħajr dewmien, billi organizzaw laqgħat regolari ħalli jsibu soluzzjonijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-benefiċjarji, filwaqt li ppruvaw jillimitaw l-impatt ta’ lockdown għal għarrieda u mhux mistenni.
Fil-PT, bejn Marzu u Lulju 2020 ġew adottati miżuri biex jiġu ssimplifikati xi proċeduri amministrattivi marbuta mat-tqassim, jiġifieri għall-konferma tat-twassil tal-prodotti, li essenzjalment kellhom l-għan li jtaffu r-riskju ta’ kontaġju u t-tixrid tal-COVID-19.
F’CY ma setgħetx issir il-Laqgħa Annwali ta’ Rieżami minħabba l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-miżuri ta’ tbegħid soċjali. Fl-2020, l-uffiċjali tal-Korp Intermedju, l-Awtorità Maniġerjali u l-benefiċjarji pparteċipaw f’numru ta’ laqgħat fil-livell tal-UE, bħal-laqgħat tal-Komunità tal-FAED u dawk tal-Grupp ta’ Esperti tal-FAED, li saru online.
L-IT stabbiliet miżuri straordinarji biex tindirizza l-pandemija. Wessgħet l-ambitu tal-persuni l-aktar fil-bżonn li jirċievu l-għajnuna u introduċiet tagħmir protettiv kemm għar-riċevituri finali kif ukoll għall-voluntiera li jqassmu l-għajnuna. It-tqassim ukoll ġie adattat: il-muniċipalitajiet kienu involuti biex jieħdu post l-NGOs sħab, li wħud minnhom kellhom jieqfu joperaw jew ma kienx baqgħalhom biżżejjed voluntiera minħabba l-pandemija.
Fil-FI, ħafna voluntiera ta’ età ikbar waqfu jipparteċipaw fl-allokazzjoni tal-ikel minħabba l-biża’ tagħhom mill-virus. Madankollu, il-voluntiera iżgħar, li spiss kienu studenti, ħadu posthom, u b’hekk ġiet żgurata t-tkomplija tal-għoti tas-servizzi.
2.4 Prinċipji ġenerali
L-Artikolu 5 tar-Regolament dwar il-FEAD jidentifika l-prinċipji li għandhom jiġu applikati b’mod ġenerali fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-Fond. Dawn jinkludu l-komplementarjetà tal-finanzjament, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-evitar tal-ħela tal-ikel, dieta bilanċjata, is-saħħa pubblika, u l-aspetti ambjentali u klimatiċi. L-Istati Membri għandhom jirrispettaw dawn il-prinċipji u jirrapportawhom fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom.
L-Istati Membri jissodisfaw il-prinċipju ta’ komplementarjetà billi jikkoordinaw ma’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament biex jevitaw finanzjament doppju u jwessgħu l-ambitu tal-assistenza. Pereżempju, fl-HU, l-awtoritajiet maniġerjali jiżguraw li operazzjoni li tirċievi appoġġ ma tirċevix appoġġ minn kwalunkwe programm operazzjonali ieħor jew minn kwalunkwe strument ieħor tal-UE. Fil-LT, l-awtorità maniġerjali taqdi rwol ewlieni fil-prevenzjoni ta’ finanzjament doppju matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, fit-tħejjija ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ġestjoni tal-programm u tal-proġetti operazzjonali, u fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-finanzjament tal-proġetti. Il-korp intermedju jaqdi rwol fil-prevenzjoni u fil-kontroll tal-finanzjament doppju permezz tal-verifika tat-talbiet għal pagament, il-proċeduri ta’ monitoraġġ tal-akkwist pubbliku u l-verifiki fuq il-post tal-proġetti. Fir-RO ġiet iggarantita l-koordinazzjoni mal-FSE kif ukoll ma’ politiki, strateġiji u strumenti oħrajn tal-UE, b’mod partikolari ma’ inizjattivi tal-UE dwar is-saħħa pubblika u l-ġlieda kontra l-ħela tal-ikel, billi dan il-programm operazzjonali tqiegħed taħt ir-responsabbiltà tal-istess Awtorità Maniġerjali, biex jiġi evitat finanzjament doppju u jiġi żgurat li miżuri koperti mill-FEAD jiġu kkoordinati kif xieraq.
L-Istati Membri kollha jirrapportaw konformità mal-prinċipji tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ddefinew kriterji oġġettivi ta’ eliġibbiltà – jiġifieri l-istatus soċjoekonomiku tal-individwu – biex jidentifikaw il-grupp fil-mira u r-riċevituri finali, u b’hekk jipprevjenu li jkun hemm diskriminazzjoni fi kwalunkwe livell tat-tqassim tal-għajnuna. Fl-FI, l-Awtorità Maniġerjali tat struzzjonijiet lill-organizzazzjonijiet sħab tagħha u lill-punti ta’ distribuzzjoni dwar il-prinċipji ewlenin tal-Fond, u network ta’ organizzazzjonijiet sħab ikopri l-organizzazzjonijiet li jaħdmu sabiex jilħqu gruppi fil-mira differenti, biex jiġi żgurat li l-appoġġ ikun disponibbli irrispettivament mill-ġeneru. Fil-LV ittieħdu miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipju tal-aċċessibbiltà, inkluż fir-rigward tal-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità funzjonali (skont l-istandards nazzjonali). B’mod partikolari, il-pakketti jitwasslu fid-dar tar-riċevituri finali jekk ma jkunux jistgħu jaslu sas-sit ta’ distribuzzjoni. In-nies li għandhom diffikultà biex jivvjaġġaw, il-ġenituri bi tfal żgħar u l-anzjani jingħataw preferenza fis-siti ta’ distribuzzjoni ħalli jirċievu l-pakketti mingħajr ma jdumu jistennew, u l-punti ta’ distribuzzjoni jinsabu qrib il-waqfiet tat-trasport pubbliku. Il-LU juża l-indikatur ta’ Ewropa 2020 biex jidentifika persuni f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali. Uħud minn dawn il-persuni vulnerabbli mhumiex Lussemburgiżi u mhux neċessarjament għandhom il-permessi kollha li jippermettulhom jirresjedu fil-pajjiż b’mod legali; oħrajn ma rnexxilhomx jipprovdu l-informazzjoni kollha mitluba fil-ħin. Il-prijorità kienet li jingħata aċċess ukoll għall-assistenza alimentari għal dawn in-nies u għall-familji, u li dawn jiġu inklużi fil-programm.
Ħafna Stati Membri qalu li jqassmu ikel varjat u b’nutrizzjoni bbilanċjata, u li jimplimentaw miżuri biex jillimitaw il-ħela tal-ikel. Fl-Istati Membri kollha, l-għażla tal-ikel qieset il-prodotti li jippromwovu dieta varjata kif ukoll is-sikurezza tal-ikel. Barra minn hekk, l-għażla tal-prodotti qieset it-trasportabbiltà tal-prodotti tal-ikel, il-kapaċità limitata ta’ ħżin tal-organizzazzjonijiet sħab u d-durabbiltà tal-prodotti. Fil-LT inxtraw prodotti b’ħajja twila, filwaqt li tfasslu listi preċiżi ta’ riċevituri finali biex jiġu identifikati l-kwantitajiet preċiżi meħtieġa. Fl-IE, konnessjoni bejn in-negozji u l-karitajiet, offruta minn intrapriża soċjali, ippermettiet ukoll ir-ridistribuzzjoni fil-pajjiż kollu, u pprovdiet aċċess għal varjetà ta’ prodotti tal-ikel ta’ kwalità li kienu żejda, u b’hekk il-karitajiet setgħu jiffrankaw b’mod konsiderevoli fuq il-kostijiet tal-ikel. Fi ES, il-programm iqassam ikel li faċilment jiġi trattat u ppreservat u b’ħajja twila. Barra minn hekk, l-ikel jiġi ttrasportat f’format xieraq għad-destinazzjoni finali u b’hekk jagħmilha aktar faċli biex jiġi mmaniġġat, b’riskju baxx li jinkiser l-imballaġġ u li jinħoloq skart tal-ikel.
L-Istati Membri kollha jiżguraw li l-ikel u l-prodotti mqassma jikkonformaw mal-istandards nazzjonali tas-saħħa u tas-sikurezza. Ħafna Stati Membri jappoġġaw ulterjorment is-saħħa tar-riċevituri finali b’miżuri ta’ akkumpanjament li jippromwovu stil ta’ ħajja sana. Fl-HU, fir-RO u fis-SK, l-awtoritajiet maniġerjali inkludew espert tad-dieti fil-proċess tal-ippjanar, biex jiżguraw li l-ikliet sħan li jitqassmu jkunu jikkonsistu minn ikel ottimali għal konsum san, rikk fil-minerali u fil-vitamini. L-IT kompliet tagħżel prodotti li jqisu l-ħtieġa ta’ teħid ta’ ammont xieraq ta’ proteini u karboidrati, tipiċi fid-dieta Mediterranja. Fis-SI, qabel kull stadju tal-provvista tal-ikel, il-fornituri huma meħtieġa jissottomettu rapport analitiku minn laboratorju akkreditat bl-analiżijiet tal-prodotti li għandhom jiġu fornuti. Fir-RO saru wkoll laqgħat mal-partijiet ikkonċernati rilevanti (il-Ministeru tas-Saħħa, l-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika u l-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa tal-Ommijiet u t-Tfal; ir-rappreżentanti tal-Ministeru għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali) rigward il-kontenut tal-pakketti tal-prodotti tal-iġjene.
Fir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni tagħhom, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li ħadu azzjonijiet favur l-ambjent. Fil-FI, peress li l-volumi tal-prodotti akkwistati huma relattivament żgħar, ix-xiri u t-trasport ċentralizzat tagħhom se jħallu impatt ambjentali aktar baxx milli kieku kull organizzazzjoni sieħba ttrasportat il-prodotti individwalment. Fil-LV ġew promossi miżuri addizzjonali li jirrispettaw l-ambjent, bħall-iżgurar tal-possibbiltà li jiġu rriċiklati l-karti, il-limitazzjoni tan-numru ta’ karti stampati, l-użu mill-ġdid tal-karta (inkluż il-karta rriċiklata) għan-notebooks, u meta possibbli, l-użu ta’ kartolerija magħmula mill-injam minn foresti ċċertifikati mill-FSC.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirrapportaw li japplikaw il-prinċipju ta’ sħubija fl-ipprogrammar tal-FEAD. Fil-BG, il-prinċipju ta’ sħubija tfassal u ġie implimentat fil-programm operazzjonali abbażi ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati; l-interazzjoni kontinwa mas-sħab ippermettiet identifikazzjoni bir-reqqa tal-problemi eżistenti u l-aktar mod xieraq biex dawn jiġu indirizzati. Fil-PL, l-organizzazzjonijiet nazzjonali japplikaw il-prinċipju ta’ sħubija fil-kooperazzjoni kontinwa tagħhom mal-organizzazzjonijiet reġjonali u lokali tagħhom, filwaqt li jimmonitorjaw il-progress fl-implimentazzjoni tad-distribuzzjoni tal-ikel u miżuri ta’ akkumpanjament u jindirizzaw id-diffikultajiet irrapportati. L-awtoritajiet maniġerjali u l-organizzazzjonijiet jorganizzaw ukoll laqgħat u sessjonijiet ta’ taħriġ regolari.
Ftit Stati Membri jirrapportaw li ħadu azzjoni biex inaqqsu l-piż amministrattiv. Fil-FI, ix-xiri u t-trasport ċentralizzat tal-prodotti akkwistati, li seta’ jsir minħabba l-volumi żgħar tal-prodotti, jgħinu biex jitnaqqas il-piż amministrattiv relatat ma’ dawn l-operazzjonijiet. Fil-BG twettqet analiżi fir-rigward tal-kriterju ta’ “effiċjenza” biex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-programmi, u ġew introdotti għadd ta’ regoli ta’ simplifikazzjoni. Fis-SK, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-organizzazzjonijiet sħab, l-awtorità maniġerjali stabbiliet prezz unitarju għall-ikliet sħan, b’rata differenti għall-ikliet ippreparati personalment u għall-ikliet sħan li jinxtraw mill-kuntrattur. Il-prezz unitarju ġie kondiviż mal-Kummissjoni għal informazzjoni qabel l-approvazzjoni.
2.5 Evalwazzjonijiet
Fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FEAD, ġie rrakkomandat li l-programmi futuri jkomplu jiffokaw fuq dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn u jżommu l-flessibbiltà biex jimplimentaw kemm programmi ta’ inklużjoni soċjali kif ukoll ta’ assistenza materjali. Il-fużjoni bejn il-FEAD u l-FSE, fil-fatt, se tippermetti s-sinerġiji u potenzjalment se tiftaħ bibien għal appoġġ bażiku għal inklużjoni soċjali li twassal biex in-nies jingħataw taħriġ u jsibu xogħol, meta l-gruppi fil-mira jkunu l-istess. Barra minn hekk, ġie rrakkomandat li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jsegwu r-Regolament mill-qrib, biex jevitaw l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti fil-livell nazzjonali li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tar-Regolament, peress li ħafna mill-piż amministrattiv joriġina minn rekwiżiti imposti fil-livell tal-Istati Membri, bħad-definizzjonijiet stretti dwar l-eliġibbiltà. Is-sejbiet preliminari ta’ “Study supporting the monitoring of FEAD – data collection systems implemented by Member States”, li għaddej bħalissa, jikkonfermaw is-sejbiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-FEAD u se jagħtu eżempji ta’ prattiki tajbin għas-sistemi ta’ monitoraġġ.
L-isfidi għall-implimentazzjoni ġew indirizzati fil-laqgħat ta’ sħubija għall-evalwazzjoni tal-FEAD u fir-Regolament tal-2021-2027, fejn l-operazzjonijiet tal-FEAD huma integrati mal-FSE. Barra minn hekk, rekwiżiti simplifikati ta’ monitoraġġ huma applikati għal objettivi speċifiċi mmirati għal dawk l-aktar fil-bżonn. Għall-indikaturi tal-output, mhux se jibqa’ meħtieġ li jiġi rrapportat liema tipi ta’ oġġetti jkunu nxtraw, u mhux se tibqa’ ssir distinzjoni bejn il-kwantità tal-ikliet u l-pakketti tal-ikel li jitqassmu. Jekk id-data tkun ġejja mir-reġistri, l-Istati Membri jistgħu jużaw definizzjonijiet nazzjonali, ma għandhomx għalfejn jallinjaw ruħhom mad-definizzjonijiet tas-sett ta’ għodod. Barra minn hekk, hemm klawżola abilitanti li tippermetti lill-Istati Membri jużaw reġistri jew sorsi ekwivalenti. Mhux se jkun hemm aktar rapporti annwali ta’ implimentazzjoni. Minflok, ir-rapportar tad-data se jsir permezz tal-għodda tal-IT għal skambji regolari bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-programm, jiġifieri l-SFC2021. L-evalwazzjonijiet huma obbligatorji għall-objettivi speċifiċi kollha.
F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament, l-Awtoritajiet Maniġerjali li jimplimentaw programm operazzjonali ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika (il-Programm Operazzjonali I) wettqu stħarriġ strutturat dwar ir-riċevituri finali fl-2017. Dawn l-istħarriġiet, flimkien mas-sejbiet ta’ evalwazzjoni esterna u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa, intużaw għall-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Kummissjoni dwar il-FEAD, u ntużaw ukoll fin-negozjati għall-programmi tal-2021-2027. Barra minn hekk, it-tieni sessjoni ta’ stħarriġ strutturat dwar ir-riċevituri finali tal-FEAD għandha titwettaq mill-Awtoritajiet Maniġerjali għall-programmi tat-tip I (jiġifieri l-għoti ta’ assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika u miżuri ta’ akkumpanjament) fl-2022. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ jistgħu jintużaw mill-Awtoritajiet Maniġerjali biex iwettqu evalwazzjonijiet u jieħdu tagħlimiet fil-livell nazzjonali, u se jippermettu li r-riżultati aggregati tal-istħarriġ fil-livell tal-UE jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni ex post tal-FEAD li għandha titwettaq mill-Kummissjoni.
Kaxxa 4: Attivitajiet ta’ evalwazzjoni fil-BG, fil-FI u fis-SI
|
Il-Bulgarija
L-Awtorità Maniġerjali wettqet evalwazzjoni esterna biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-programm operazzjonali għall-assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika. L-evalwazzjoni kkonkludiet li l-kriterji ta’ kwalità ġew issodisfati, u li l-bidliet operazzjonali li saru fil-programm servew biex isaħħu l-effettività, l-effiċjenza, il-konformità, il-koerenza u l-valur miżjud Ewropew tal-programmi. Għenu wkoll biex jiżdied in-numru ta’ riċevituri finali fit-tqassim ta’ ikliet sħan, u f’assistenza skont il-programm biex jingħelbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, permezz tal-għoti ta’ miżuri ta’ akkumpanjament.
Ir-rakkomandazzjonijiet enfasizzaw il-lok għal titjib fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-attivitajiet lill-pubbliku ġenerali; it-titjib tal-proċess fejn in-nies li jistgħu jaħdmu jiġu diretti mill-ġdid lejn attivitajiet ta’ titjib tal-ħiliet u l-inklużjoni attiva fis-suq tax-xogħol; l-introduzzjoni ta’ għażliet alternattivi ta’ appoġġ alimentari fil-mudell attwali, biex jiġu vvalutati r-riskji, tiġi evitata r-restrizzjoni tal-aċċess għall-għajnuna għall-persuni l-aktar fil-bżonn u tiġi żgurata l-kwalità tas-servizz ipprovdut; (fir-rigward tal-perjodu ta’ programmazzjoni mill-2021 sal-2027) il-kunsiderazzjoni tal-introduzzjoni ta’ miżuri għall-finanzjament ta’ forom addizzjonali ta’ assistenza materjali, li għandhom jingħataw flimkien mal-appoġġ għall-ikel; l-użu tal-flus mill-Fond għall-Protezzjoni Soċjali, prinċipalment biex jiġu ffinanzjati proġetti għar-rinnovazzjoni u l-immodernizzar tal-kantins pubbliċi.
Il-Finlandja
F’Novembru 2020, saret laqgħa ta’ evalwazzjoni annwali mal-Kummissjoni b’mod remot. F’Jannar saret ukoll il-laqgħa konġunta annwali tal-organizzazzjonijiet sħab u tal-awtorità maniġerjali, b’mod remot. Il-laqgħa annwali qieset kwistjonijiet attwali, kif ukoll feedback dwar it-twassil u t-tqassim tal-prodotti. Fl-istess ħin, kellha l-għan li tiggwida u tagħti pariri dwar kif għandhom jimtlew il-formoli u tiggwida l-punti ta’ twassil. Ġiet rieżaminata wkoll l-informazzjoni preliminari dwar l-implimentazzjoni fl-2021 u dwar is-sitwazzjoni attwali tat-tħejjija tal-FSE+.
Is-Slovenja
L-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programm operazzjonali tal-IMO imwettaq fl-2019 uriet li l-programm huwa implimentat b’mod kosteffettiv ħafna. Hemm lok għal titjib fil-proċess tal-akkwist tal-ikel, b’mod partikolari fil-kisba ta’ prezzijiet tal-prodotti aktar favorevoli. Ġie propost li s-sistemi jiġu standardizzati jew li jiġu implimentati interkonnessjonijiet ta’ bażijiet tad-data bejn l-organizzazzjonijiet sħab u ċ-Ċentru ta’ Ħidma Soċjali. Ġie propost ukoll li l-lista ta’ riċevituri finali titfassal minn organizzazzjoni kompetenti biex ittaffi l-piż fuq l-organizzazzjonijiet sħab. Ma kien hemm l-ebda piż amministrattiv sinifikanti kemm min-naħa tal-Awtorità Maniġerjali (il-Ministeru għax-Xogħol, il-Familja u l-Affarijiet soċjali – MDDSZ) kif ukoll min-naħa tal-organizzazzjonijiet sħab, u l-ottimizzazzjoni setgħet tinkiseb biss billi tiġi stabbilita riżerva ta’ benefiċjarji tal-għajnuna.
|
1.KONKLUŻJONIJIET
Fl-2020, l-operazzjonijiet tal-FEAD ġew affettwati mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19. Il-kriżi tas-saħħa aggravat il-kundizzjonijiet għal persuni vulnerabbli eżistenti li jirċievu appoġġ tal-FEAD, filwaqt li persuni ġodda wkoll fittxew assistenza alimentari, u b’hekk żdiedet id-domanda globali għall-assistenza alimentari u materjali. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet sħab li jipprovdu appoġġ prattiku kienu affettwati minn kwistjonijiet ta’ kapaċità u sfidi loġistiċi, minħabba problemi bħan-nuqqas ta’ persunal, it-tfixkil fit-tqassim ta’ oġġetti tal-ikel u oġġetti materjali, u restrizzjonijiet tas-saħħa bħal-lockdowns u rekwiżiti ġodda tal-iġjene.
Madankollu, il-FEAD wera li jadatta għall-ħtiġijiet emerġenti u jindirizzahom. Mil-lat regolatorju, ir-Regolament dwar il-FEAD ġie emendat fi tliet okkażjonijiet f’dawn l-aħħar sentejn.
1.Bħala parti mill-inizjattiva CRII+, l-emendi għamluha possibbli li jintużaw modalitajiet indiretti ta’ twassil, eż. vawċers jew kards (sbiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kontaminazzjoni), u li jinxtara tagħmir protettiv personali għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu appoġġ permezz tal-FEAD. Barra minn hekk issaħħet il-likwidità fl-Istati Membri, u b’hekk sar possibbli li tiġi pprovduta rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % għal sena kontabilistika waħda.
2.Bħala parti minn REACT-EU, l-emendi ppermettew lill-Istati Membri jallokaw finanzjament addizzjonali għall-FEAD biex ikomplu jsaħħu l-appoġġ eżistenti, bħall-assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika, jew azzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali. L-għarfien tal-gruppi fil-mira u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mill-organizzazzjonijiet sħab, flimkien mal-kooperazzjoni b’saħħitha tagħhom mal-Awtoritajiet Maniġerjali, ukoll urew li huma essenzjali fl-indirizzar tal-isfidi relatati mal-pandemija u fl-isfruttament tal-flessibilitajiet il-ġodda.
3.Bħala parti mill-inizjattiva CARE (l-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa), l-emendi jippermettu lill-Istati Membri u lir-reġjuni jkollhom aktar flessibbiltà u likwidità biex jużaw il-FEAD ħalli jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza lill-persuni li qed jaħarbu mill-Ukrajna wara l-invażjoni mill-Federazzjoni Russa.
In-nefqa pubblika eliġibbli totali impenjata għall-appoġġ tal-FEAD kienet ta’ EUR 643 miljun fl-2020, żieda minn EUR 608 miljuni fl-2019. Fi tmiem l-2020, il-fondi kumulattivi impenjati (għall-2014-2020) ammontaw għal kważi EUR 3,9 biljuni, jew 85 % tar-riżorsi totali tal-programmi (li jinkludu fondi tal-UE u kofinanzjament nazzjonali). Fl-2020 tħallas ammont ta’ madwar EUR 552,2 miljun lill-benefiċjarji, li hija żieda notevoli fir-rigward tal-livelli tas-snin preċedenti, minħabba t-tkomplija tal-operazzjonijiet fir-Rumanija u ż-żieda fid-domanda matul il-pandemija. Għaldaqstant, l-implimentazzjoni finanzjarja tal-FEAD tidher li tinsab fit-triq it-tajba.
Fl-2020, il-FEAD irnexxielu jipprovdi assistenza f’27 Stat Membru u għamel progress tajjeb biex jilħaq l-objettivi tiegħu. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri (23 minn 27) qassmu l-assistenza alimentari u/jew assistenza materjali bażika u stabbilew miżuri ta’ akkumpanjament, filwaqt li erba’ komplew iwettqu programmi ta’ inklużjoni soċjali. Kważi 15-il miljun persuna ġew appoġġati b’assistenza alimentari, madwar 1,96 miljun persuna b’assistenza materjali, u 30 000 persuna b’miżuri ta’ inklużjoni soċjali. Il-profil tal-gruppi fil-mira baqa’ ġeneralment stabbli, għalkemm b’xi bidliet minuri: madwar 47 % tar-riċevituri finali kienu nisa, 28 % kienu tfal, madwar 10 % kienu migranti, parteċipanti bi sfond barrani jew minoranzi, 10 % kienu persuni ta’ 65 sena jew aktar, 6 % kienu persuni mingħajr dar u 6 % kienu persuni b’diżabilità. L-Istati Membri kollha li jimplimentaw il-programmi tal-PO I pprovdew ukoll miżuri ta’ akkumpanjament li kellhom jiġu adattati għall-kriżi tas-saħħa. Ir-rapporti ta’ implimentazzjoni annwali nazzjonali wrew ukoll konformità globali mal-prinċipji ġenerali.
Hekk kif il-FEAD 2014-2020 wasal fi tmiemu, għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, il-FEAD se jsir parti integrali mill-FSE+, u b’hekk ikompli jintegra l-attenzjoni li tingħata biex jiġu indirizzati l-agħar forom ta’ faqar fi ħdan strateġiji u finanzjament usa’ tal-inklużjoni soċjali. Il-programmi tal-FSE+ se jkunu kruċjali fl-appoġġ tal-irkupru ekonomiku u soċjali wara l-pandemija, u fil-promozzjoni ta’ tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija newtrali għall-klima f’konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u flimkien mal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. Dan se jkun ukoll programm ewlieni għat-twettiq tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.