IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.2.2022
COM(2022) 43 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport semiannwali dwar l-eżekuzzjoni tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021)2502
Ġunju - Diċembru 2021
Werrej
1.Introduzzjoni
2.L-eżiti prinċipali tal-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU
3.It-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Finanzjament tan-NextGenerationEU
4.Konklużjoni
Anness. Ħarsa ġenerali lejn il-ħruġ ta’ bonds u ta’ kambjali
Finanzjament tan-NextGenerationEU
fil-31 ta’ Diċembru 2021
|
Teħid ta’ self fit-tul
|
|
Teħid ta’ self fil-qosor
|
|
€71 biljun bonds tal-UE
li minnhom €12-il biljun ekoloġiċi
|
|
€25 biljun maħruġa f’Kambjali tal-UE ta’ 3 xhur u ta’ 6 xhur li minnhom €20 biljun għadhom pendenti
|
|
FATTI EWLENIN
|
|
FATTI EWLENIN
|
|
•5 sindakazzjonijiet, 2 irkantijiet
•Kost medju tal-finanzjament 0,14 %
•Sottoskritti 7 darbiet sa kważi 14-il darba aktar mill-offerta
|
|
•7 rkantijiet
•Rendiment medju -0,78 %
•Proporzjon ta’ kopertura tal-offerti ta’ 2,55x
|
L-użu tar-rikavati
fil-31 ta’ Diċembru 2021
|
FATTI EWLENIN
|
|
•20 Stat Membru rċevew għotjiet u self fl-ambitu tal-RRF(2)
•Pagamenti fi żmien 6 ijiem mill-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Self u ta’ Finanzjament
|
(1) Baġit disponibbli għal Orizzont Ewropa, il-Fond InvestEU, ReactEU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (rescEU), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta. L-iżborżi reali lill-benefiċjarji finali jistgħu jkunu inqas. minħabba differenzi fit-tempistika.
(2) Il-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza ta’ 22 Stat Membru kienu ġew approvati sa tmiem l-2021, iżda Stat Membru wieħed irċieva prefinanzjament f’Jannar 2022 u Stat Membru ieħor ma talabx prefinanzjament.
1.Introduzzjoni
In-NextGenerationEU jirrappreżenta programm ta’ finanzjament rivoluzzjonarju, li kapaċi jimmobilizza sa 5 % tal-PDG tal-UE permezz ta’ teħid ta’ self biex jiffinanzja rispons kollettiv u qawwi tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19. In-NextGenerationEU huwa strument temporanju, li fl-ambitu tiegħu l-Kummissjoni tista’ tiġbor sa EUR 800 biljun bejn nofs l-2021 u l-2026 permezz tal-ħruġ ta’ bonds. Ir-rikavati minn dan il-ħruġ ta’ bonds se jippermetti lill-UE tegħleb l-isfidi immedjati b’rabta mal-irkupru iżda wkoll tħaffef il-pass tat-tranżizzjoni ekoloġika u tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija tal-UE. Se jinġabru sa EUR 250 biljun permezz tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi fl-ambitu tan-NextGenerationEU. In-NextGenerationEU jinvolvi l-ħruġ annwali ta’ bonds ta’ medja sa madwar EUR 150 biljun fis-sena bejn nofs l-2021 u l-2026, li jagħmel lill-UE waħda mill-akbar emittenti ta’ bonds denominati f’euro għas-snin li ġejjin.
Dan ir-rapport, l-ewwel rapport semiannwali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021)2502, jirrieżamina l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU matul il-perjodu bejn Ġunju u Diċembru 2021 Ir-rapport jiffoka biss fuq il-proċess implimentat għall-ġbir u l-iżborż tal-finanzjament għan-NextGenerationEU. Ma jevalwax kif intużaw ir-rikavati, inkluż fir-rigward tal-infiq ekoloġiku, billi dan se jkun kopert f’eżerċizzji separati ta’ rapportar f’konformità mar-Regolamenti ta’ kull strument iffinanzjat min-NextGenerationEU. Dan ir-rapport jifforma parti waħda minn fluss regolari ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-programm ta’ finanzjament fuq skala kbira u innovattiv. It-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont jiddistingwu l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU.
2.L-eżiti prinċipali tal-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU
Tul it-12-il xahar li għaddew kien hemm trasformazzjoni fil-pożizzjoni tal-Kummissjoni fis-swieq ta’ kapital tad-dejn. Qabel ingħata bidu għal SURE u għan-NextGenerationEU, il-Kummissjoni kienet emittent żgħir u irregolari, li jiġbor volumi limitati (medja ta’ EUR 2-3 biljun matul il-perjodu 2015-2019) bħala finanzjament għall-programmi ta’ self bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Assistenza makrofinanzjarja (MFA). Matul l-2021, il-Kummissjoni ġabret madwar EUR 130 biljun — aktar minn EUR 50 biljun għall-programm SURE, EUR 71 biljun għan-NextGenerationEU li minnhom EUR 12-il biljun f’għamla ta’ bonds ekoloġiċi, u EUR 12-il biljun għal programmi oħra ta’ self. Bħala parti mill-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU, il-Kummissjoni tat bidu wkoll għall-programm tal-Kambjali tal-UE, li taħtu kien hemm pendenti EUR 20 biljun f’dejn ta’ terminu qasir fil-31 ta’ Diċembru 2021. Il-Kummissjoni, f’qasir żmien, ħarġet fid-deher bħala wieħed mill-akbar emittenti ta’ dejn ġdid f’euro u saret l-akbar emittent ta’ bonds ekoloġiċi fuq livell globali.
It-tranżazzjonijiet kollha tan-NextGenerationEU attiraw domanda għolja mill-investituri u ġew konklużi b’termini vantaġġjużi għall-baġit tal-UE u għall-Istati Membri. Il-kost medju tal-finanzjament għall-ħruġ kollu tan-NextGenerationEU li sar fl-2021 jammonta għal 0,14 % għall-maturitajiet kollha minn 5 snin sa 30 sena. Il-kundizzjonijiet kienu favorevoli meta mqabbla ma’ dawk miksuba minn sovrani ewlenin taż-żona tal-euro bi klassifikazzjoni għolja. Il-benefiċċji ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ finanzjament attraenti jgħaddu għall-baġit tal-UE jew għall-Istati Membri li jirċievu self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).
Il-ħila tal-Kummissjoni li tiġbor fondi b’dawn it-termini favorevoli hija rinfurzata mill-ħruġ kostanti ta’ volumi kbar ta’ bonds tan-NextGenerationEU b’faxxa wiesgħa ta’ maturitajiet. Dawn il-karatteristiċi tal-ħruġ jippermettu żieda fil-likwidità fis-swieq sekondarji għall-bonds tan-NextGenerationEU. li tagħmilha aktar faċli għall-investituri biex jixtru u jbigħu dawn il-bonds. Dan jagħmilha dejjem aktar attraenti għall-investituri biex jinnegozjaw bonds tan-NextGenerationEU, li mbagħad iwassal għal ipprezzar aħjar tal-ħruġ tan-NextGenerationEU. Il-likwidità tal-bonds tan-NextGenerationEU tqarreb lejn il-livelli għas-sovrani ewlenin taż-żona tal-euro kif imkejla mill-metrika standard.
L-ewwel tranżazzjoni sindakata saret fil-15 ta’ Ġunju 2021, ġimagħtejn wara dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u kienet segwita f’qasir żmien minn tnejn oħra. Din l-attivazzjoni immedjata fuq skala kbira tal-programm ta’ finanzjament matul is-sajf tal-2021 ippermettiet lill-Kummissjoni twettaq l-iżborżi kollha fl-ambitu tal-Pjan ta’ Rkupru tal-UE vis-à-vis l-Istati Membri u l-baġit, fil-waqt li kienu dovuti. Sal-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni żborżat EUR 64,3 biljun lil 20 Stat Membru fl-ambitu tal-RRF: EUR 46,4 biljun f’għamla ta’ għotjiet, EUR 18-il biljun f’għamla ta’ self. L-iżborżi kollha saru fi żmien sitt ijiem tax-xogħol wara l-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Finanzjament u ta’ Self. Dan l-iżborż f’waqtu u effiċjenti tal-fondi ġie ffaċilitat mill-Bank Ċentrali Ewropew li jżomm il-kontijiet ċentrali tan-NextGenerationEU. Minbarra l-ammonti trasferiti lill-RRF, aktar minn EUR 8,6 biljun ġew trasferiti mill-fond ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU għall-baġit tal-UE bħala finanzjament supplimentari għall-programmi ffinanzjati min-NextGenerationEU bħal Orizzont Ewropa, il-Fond InvestEU, ReactEU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (rescEU), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
Il-ħila tal-Kummissjoni li tespandi l-ħruġ tal-bonds tagħha daqshekk malajr kienet fil-biċċa l-kbira dovuta għan-narrattiva b’saħħitha u persważiva li fuqha ssejjes il-Pjan ta’ Rkupru tal-UE. Ir-rieda tal-Istati Membri kollha li jsostnu l-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU, permezz tal-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġits tal-futur tal-UE, kienet l-aktar espressjoni b’saħħitha possibbli ta’ solidarjetà u ambizzjoni tal-Unjoni b’reazzjoni għall-kriżi. Din il-koeżjoni politika qawwija, ikkomplementata mill-klassifikazzjoni tal-kreditu qawwi tal-UE, kienet deċiżiva biex tikkonvinċi lill-investituri Ewropej u internazzjonali mis-solidità inerenti ta’ dan id-dejn ġdid tan-NextGenerationEU.
L-implimentazzjoni ta’ programm ta’ ħruġ ta’ bonds ta’ din l-iskala kienet tirrikjedi wkoll li l-Kummissjoni tiżviluppa, kważi mill-bidu nett, apparat ta’ finanzjament ġdid li jkun kapaċi jħaddem tranżazzjonijiet ta’ volum kbir fuq bażi regolari. Filwaqt li s-seba’ tranżazzjonijiet kbar tal-Istrument SURE (għal ħruġ f’daqqa ta’ EUR 90 biljun) kienu servew ta’ prova siewja, in-NextGenerationEU kien jirrikjedi kapaċità aktar strutturata u li tiflaħ fit-tul. Il-pjan għal din l-istrateġija ġie definit f’Komunikazzjoni u f’sett ta’ Deċiżjonijiet adottati fl-14 ta’ April 2021, li qiegħdu s-sisien għall-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU. Il-pittogramma ta’ hawn taħt tfakkar l-istadji importanti ewlenin biex ġiet żviluppata l-kapaċità tal-Kummissjoni li timplimenta strateġija ta’ finanzjament diversifikata bi stil sovran.
Illustrazzjoni 1: Passi ewlenin fl-istabbiliment tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU (NGEU)
Il-kisba ta’ dawn l-istadji importanti kienet teħtieġ għadd ta’ fatturi abilitanti, fosthom:
1.Il-previżjoni affidabbli tal-ħtiġijiet tal-iżborż tal-RRF bħala l-punt tat-tluq għall-ippjanar sod tal-ħruġ ta’ bonds;
2.It-twaqqif tan-Network tan-Negozjanti Primarji |f’Mejju 2021 biex jiffaċilita l-eżekuzzjoni effiċjenti tal-irkantijiet u tat-tranżazzjonijiet sindakati u jappoġġa l-likwidità fis-suq sekondarju għall-bonds tan-NextGenerationEU. Sa tmiem l-2021, kienu ġew ammessi fin-network 42 bank u ditta ta’ investiment stabbiliti fi 12-il Stat Membru differenti. Dan jinkludi l-atturi ewlenin kollha attivi fil-pjazzament tad-dejn sovran u Sovran, Supranazzjonali u tal-Aġenziji (SSA, Sovereign, Supranational & Agency). Dan in-network pan-Ewropew tan-negozjanti primarji jippermetti li l-UE jkollha pjazzament tal-bonds u tal-kambjali tal-UE mal-aktar bażi ta’ investituri wiesgħa possibbli, internament fl-UE kif ukoll esternament;
3.It-tnedija, f’Settembru 2021, ta’ pjattaforma tal-irkantijiet imfassla apposta għall-irkantijiet tal-Kambjali u tal-bonds tal-UE, permezz tas-sistema TELSAT tal-Banque de France. L-irkantijiet huma mod kosteffettiv kif jinħareġ id-dejn f’għamla ta’ Kambjali u bonds tal-UE;
4.Il-ħolqien ta’ qafas ta’ governanza b’saħħtu biex iwettaq sorveljanza fuq l-eżekuzzjoni sostnuta tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament b’mod li jimminimizza r-riskji ewlenin u jiżgura obbligu ta’ rendikont u trasparenza kompluti. Il-pjan għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU, kif stabbilit fid-Deċiżjoni dwar il-Governanza ta’ April 2021, ipoġġi l-identifikazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji fil-qalba tiegħu. Inħatar Uffiċjal Kap tar-Riskji (CRO, Chief Risk Officer), li daħal fil-kariga mill-1 ta’ Settembru 2021, biex iwettaq sorveljanza tal-aspetti kollha tal-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU, abbażi tal-Politika ta’ Konformità u ta’ Riskji ta’ Livell Għoli tan-NextGenerationEU adottata f’Diċembru 2021. Fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika, l-Uffiċjal Kap tar-Riskji huwa appoġġat mill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità li ltaqa’ għall-ewwel darba f’Diċembru 2021.
5.Il-pubblikazzjoni tal-Qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NextGenerationEU f’Settembru 2021. Il-qafas, ibbażat fuq ir-Regolament RRF, u li jintegra wkoll bosta aspetti tal-Istandard tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE u t-Tassonomija tal-UE, jidentifika disa’ kategoriji wiesgħa ta’ nefqa eliġibbli: l-enerġija rinnovabbli, it-teknoloġiji diġitali għat-tranżizzjoni ekoloġika, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport nadif, l-adattament għat-tibdil fil-klima, l-ilma, l-iskart, il-bijodiversità, u r-riċerka u l-innovazzjoni b’sostenn għat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-qafas kien soġġett għal rieżami minn parti oħra li tat l-opinjoni tagħha. L-ewwel ħruġ ta’ bond ekoloġiku sar fit-12 ta’ Ottubru 2021, u nġabru EUR 12-il biljun biex jintużaw esklussivament għal investimenti ekoloġiċi u sostenibbli fl-UE kollha. Id-domanda għall-bond ekoloġiku inawgurali kienet 11-il darba akbar mill-ħruġ innifsu, attirat l-interess minn firxa wiesgħa ta’ investituri, u sal-lum għadha l-akbar ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi fid-dinja.
3.It-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Finanzjament tan-NextGenerationEU
Din it-taqsima tar-rapport teżamina l-progress fl-iżvilupp tat-tmien kapaċitajiet li ġew identifikati fil-Komunikazzjoni msemmija aktar ’il fuq tal-14 ta’ April 2021 bħala kruċjali biex it-twettiq ta’ dan il-programm ta’ finanzjament jirnexxi.
3.1
Pjanifikazzjoni strutturata u komunikazzjoni tal-intenzjonijiet tal-ħruġ
Il-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU huwa bbażat fuq approċċ strutturat għall-ippjanar tal-attivitajiet ta’ ħruġ tiegħu f’ċikli annwali u kull sitt xhur. Dan l-ippjanar jissejjes fuq il-forniment ta’ informazzjoni dettaljata dwar il-ħtiġijiet tal-iżborż fl-ambitu tal-Pjan ta’ Rkupru, li jiġu aġġornati fuq bażi regolari.
Dan iċ-ċiklu jibda b’Deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali biex jiġi stabbilit limitu massimu għall-ammont ta’ ħruġ ta’ bonds u dejn pendenti taħt il-programm tal-Kambjali tal-UE. Bis-saħħa ta’ dawn id-dimensjonijiet ewlenin, l-organizzazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-operazzjonijiet mutwatarji hija ankrata fis-sod. Id-Deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali tal-2021 ippermettiet lill-Kummissjoni toħroġ sa massimu ta’ EUR 125 biljun f’finanzjament fit-tul u sa massimu pendenti ta’ EUR 60 biljun f’finanzjament fuq terminu qasir.
Il-Kummissjoni mbagħad tħejji pjan ta’ finanzjament biex tistabbilixxi l-kalendarju tal-ħruġ u l-parametri finanzjarji ewlenin tat-tranżazzjonijiet li jkun imiss. Din l-informazzjoni tiġi kkomunikata pubblikament billi l-investituri jkollhom bżonnha biex jippreparaw l-allokazzjoni tal-fondi għat-tranżazzjonijiet tal-Kummissjoni, u b’hekk ikun aktar faċli li l-assorbiment tal-ħruġ tan-NextGenerationEU jirnexxi b’inqas kostijiet. L-ewwel pjan ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU stabbilixxa mira ta’ EUR 80 biljun f’bonds tal-UE.
Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Teħid ta’ Self annwali tagħha u ppubblikat l-ewwel pjan ta’ finanzjament tagħha fl-1 ta’ Ġunju 2021, fl-istess jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji.
L-iżborżi lill-Istati Membri taħt l-RRF, li jammonta għal 90 % tal-pagamenti taħt in-NextGenerationEU, huma soġġetti għal daqsxejn ta’ inċertezza fir-rigward tat-tempistika u l-ammonti preċiżi. Fil-każijiet li fihom il-ħtiġijiet tal-iżborż ma jżommux mal-previżjonijiet oriġinali, jaf ikun hemm bżonn li l-pjan ta’ finanzjament jiġi rivedut. Tali reviżjoni tal-pjan ta’ finanzjament għat-tieni nofs tal-2021 saret f’Novembru 2021 meta l-mira ta’ finanzjament ġiet riveduta kemxejn ’l isfel biex tirrifletti valutazzjoni aġġornata tal-ħtiġijiet ta’ pagament taħt l-istrument għall-irkupru NextGenerationEU. Abbażi ta’ din il-mira riveduta, il-Kummissjoni ħarġet EUR 70,992 biljun f’bonds fl-2021. Il-ħruġ kollu tal-bonds u tal-kambjali tan-NextGenerationEU li sar fl-2021 huwa inkluż fl-Anness ta’ dan ir-rapport.
Fl-14 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni ppubblikat id-Deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali tal-2022 u l-pjan ta’ finanzjament u l-kalendarju ta’ ħruġ għal Jannar sa tmiem Ġunju 2022. Id-Deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali tal-2022 tippermetti lill-Kummissjoni toħroġ sa massimu ta’ EUR 140 biljun f’finanzjament fit-tul u sa massimu pendenti ta’ EUR 60 biljun f’finanzjament fuq terminu qasir. Il-pjan ta’ finanzjament għall-ewwel nofs tal-2022 jipprevedi l-ħruġ ta’ EUR 50 biljun f’Bonds tal-UE fit-tul bejn Jannar u Ġunju 2022, li għandu jiġi kkomplementat minn kambjali tal-UE ta’ terminu qasir. Il-pjan ta’ finanzjament tal-ewwel nofs tal-2022 ġie adottat wara rieżami mill-Uffiċjal Kap tar-Riskji.
L-ippjanar tal-ħruġ tan-NextGenerationEU jqis ukoll il-perspettiva fuq terminu itwal li hija meħtieġa biex jingħata lok għal ripagament kostanti u progressiv tad-dejn hekk kif jimmatura. F’konformità mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, il-Kummissjoni qiegħda tippjana l-maturitajiet tal-ħruġ tagħha u r-ripagamenti relatati b’tali mod li matul il-perjodu sal-2058 ikun hemm tnaqqis kostanti u prevedibbli tal-obbligazzjonijiet tan-NextGenerationEU.
3.2
Koordinazzjoni effettiva ma’ emittenti nazzjonali u pari
Il-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ finanzjament kull sitt xhur, inkluż il-kalendarju tal-ħruġ, kienet strument importanti għall-koordinazzjoni mal-uffiċċji tal-ġestjoni tad-dejn nazzjonali u supranazzjonali li għandhom f’idejhom ukoll programmi kbar ta’ ħruġ biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni, f’diversi okkażjonijiet, ipprovdiet informazzjoni lill-Kumitat BUDG u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju tal-Parlament Ewropew dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU. Tieħu sehem f’laqgħat tas-Sottokumitat tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju dwar is-Swieq tad-Dejn Sovran tal-UE (ESDM, EU Sovereign Debt Markets), li fuq l-aġenda tiegħu regolament ikun hemm il-punt dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU.
3.3
Ġestjoni b’saħħitha tal-likwidità biex tibbilanċja l-flussi tad-dħul u l-ħruġ
Xiber ewlieni għas-suċċess tan-NextGenerationEU huwa l-kapaċità tal-programm li jiżborża l-ammonti kollha hekk kif u meta jkun dovut il-pagament (jew ir-ripagament) tagħhom u li jevita li jkollu jiġbor fondi f’kundizzjonijiet tas-suq inopportuni. Approċċ proattiv vis-à-vis il-ġestjoni tal-likwidità u l-kapaċità li jinġabru fondi b’termini attraenti fi żmien qasir huma kruċjali f’dan ir-rigward.
Sa mill-bidu tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament, il-Kummissjoni żammet riżerva ta’ kontanti prudenzjali varjabbli bħala salvagwardja importanti kontra n-nuqqasijiet ta’ likwidità li jistgħu jipprevjenu lill-Kummissjoni milli tissodisfa t-talbiet ta’ żborż fil-pront. Il-Kummissjoni fetħet kont mal-BĊE fl-2021 sabiex timmaniġġja din id-disponibbiltà ta’ likwidità, sabiex din id-disponibbiltà kritika ta’ kontanti ma tkunx soġġetta għal riskju tal-kontroparti.
Din ir-riżerva ta’ likwidità ġiet appoġġata mill-użu tal-firxa sħiħa ta’ strumenti fl-ambitu tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata li jipprovdu l-flessibbiltà meħtieġa lill-Kummissjoni biex tibbilanċja l-flussi tad-dħul u l-ħruġ. Dan inkluda f’Lulju/Awwissu 2021, l-użu ta’ linji tal-kreditu. Dawn il-linji ta’ kreditu ppermettew lill-Kummissjoni tissodisfa t-talbiet kollha ta’ pagament mill-Istati Membri għall-prefinanzjament tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom matul is-sajf filwaqt li tevita offerta eċċessiva ta’ bonds għal suq illikwidu. L-ammonti akkumulati permezz ta’ dawn il-linji ta’ kreditu issa tħallsu għalkollox.
Sa minn Settembru 2021, il-Kummissjoni setgħet tuża l-programm tal-Kambjali tal-UE biex takkumula likwidità b’termini kompetittivi. Bejn il-15 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni organizzat seba’ rkantijiet tal-Kambjali tal-UE, u ġabret EUR 25 biljun permezz ta’ Kambjali tal-UE ta’ tliet xhur u ta’ sitt xhur, li minnhom EUR 5 biljun immaturaw f’Diċembru 2021. Ir-rendiment medju ponderat miksub għall-irkantijiet kien ta’ -0,78 % u l-proporzjon medju ta’ kopertura tal-offerti (jiġifieri l-ammont tad-domanda mqabbel mal-ammont tal-offerta fi rkant) kien ta’ 2,55x. Il-metrika fiż-żewġ każijiet tindika domanda qawwija min-Negozjanti Primarji fin-network tagħna u tipponta lejn operazzjonijiet b’saħħithom ta’ finanzjament fuq terminu qasir.
Billi attrezzat lilha nnifisha b’dawn il-mezzi biex timmaniġġja l-likwidità, il-Kummissjoni setgħet tissodisfa t-talbiet kollha ta’ pagament fi żmien sitt ijiem.
3.4
Kapaċità qawwija ta’ eżekuzzjoni biex jitwettqu operazzjonijiet ta’ finanzjament individwali
Il-Kummissjoni saħħet il-kapaċitajiet tagħha ta’ eżekuzzjoni tal-finanzjament, li jippermettulha tuża taħlita ta’ formati ta’ tranżazzjonijiet biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU: fl-ewwel sitt xhur, il-Kummissjoni użat ħames tranżazzjonijiet sindakati, żewġ irkantijiet tal-bonds u seba’ rkantijiet tal-kambjali, ħruġ ġdid u ħruġ mill-ġdid (taps), u linji ta’ kreditu.
L-aktar żewġ elementi importanti ta’ din il-kapaċità msaħħa kienu:
(a) It-twaqqif ta’ network pan-Ewropew tan-Negozjanti Primarji
B’segwitu għat-tnedija ta’ sejħa għal espressjoni ta’ interess, il-Kummissjoni ppubblikat fil-31 ta’ Mejju 2021, lista ta’ 39 bank u ditta ta’ investiment li kienu applikaw b’suċċess għan-Network tan-Negozjanti Primarji tagħha. L-iskrizzjoni hija miftuħa fuq bażi kontinwa għall-membri tan-networks nazzjonali jew ta’ networks oħra tan-negozjanti primarji tal-UE. Fil-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni kellha 42 bank u ditta ta’ investiment bħala Negozjanti Primarji tal-UE, li jinsabu fi 12-il Stat Membru, b’mudelli ta’ negozju differenti, inklużi l-atturi ewlenin kollha fl-ambitu tal-pjazzament tad-dejn sovran u d-dejn SSA, u li joperaw madwar id-dinja kollha.
Il-Kummissjoni tiddjaloga man-Negozjanti Primarji (inkluż permezz ta’ rispons strutturat). Tiżgura wkoll li l-għażla tan-Negozjanti Primarji għat-tranżazzjonijiet sindakati tkun ibbażata fuq l-applikazzjoni rigoruża ta’ kriterji kwantitattivi u kwalitattivi, ikkomplementati mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ rotazzjoni biex jiġi żgurat li l-mandat ma jingħatax dejjem lill-istess banek.
(b) It-twaqqif ta’ pjattaforma tal-irkantijiet tal-ogħla livell
Bl-appoġġ tal-Banque de France, il-Kummissjoni, fl-2021, stabbiliet pjattaforma tal-irkantijiet għall-Kambjali u l-bonds tal-UE. In-Negozjanti Primarji ġew ikkollegati mas-sistema TELSAT tal-Banque de France matul is-sajf tal-2021, biex b’hekk il-Kummissjoni setgħet tniedi l-ewwel irkant tal-Kambjali tal-UE fil-15 ta’ Settembru 2021 u l-ewwel irkant tal-bonds fis-27 ta’ Settembru 2021.
Il-pjattaforma tal-irkantijiet ippermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi programm regolari ta’ rkantijiet, flimkien mat-tranżazzjonijiet sindakati tagħha.
Bejn il-15 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru 2021, il-Kummissjoni organizzat seba’ rkantijiet tal-Kambjali tal-UE, u ġabret EUR 25 biljun permezz ta’ Kambjali tal-UE ta’ tliet xhur u ta’ sitt xhur, li minnhom EUR 5 biljun immaturaw f’Diċembru 2021. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġabret EUR 5 biljun permezz ta’ żewġ irkantijiet tal-bonds.
3.5
Sistemi robusti ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju
Il-Kummissjoni stabbiliet qafas ta’ governanza ċar u robust sabiex tingħata struttura lill-proċessi ewlenin tat-teħid ta’ deċiżjonijiet (pereż. id-Deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali), il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni (pjan ta’ finanzjament) u l-kapaċitajiet ta’ implimentazzjoni (pereż. tranżazzjonijiet sindakati u rkantijiet) tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u biex tiġi żgurata sorveljanza robusta u indipendenti. Il-kummenti dwar dawn ingħataw aktar ’il fuq.
Il-ħtieġa li jiġi identifikat, imminimizzat u mmaniġġjat ir-riskju tinsab inkorporata f’kull proċess operattiv ewlieni fil-programm ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU. Ir-rikors għal strateġija ta’ finanzjament diversifikata huwa minnu nnifsu mezz ta’ kif jiġu mmitigati r-riskji li l-ħtiġijiet tal-Pjan ta’ Rkupru ma jkunux jistgħu jiġu ffinanzjati fil-pront jew b’termini raġonevoli. Il-Kummissjoni, sabiex tiżgura attenzjoni sostnuta u b’reqqa fuq l-imminimizzar tar-riskji, ħatret Uffiċjal Kap tar-Riskji (CRO) u Uffiċjal għall-Konformità, stabbiliet Kumitat għar-Riskji u l-Konformità li jappoġġa lis-CRO, u adottat Politika ta’ Konformità u ta’ Riskji ta’ Livell Għoli.
F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħatret lis-CRO, li daħal fil-kariga fl-1 ta’ Settembru 2021. Is-CRO fassal Politika ta’ Konformità u ta’ Riskji ta’ Livell Għoli, li ġiet approvata mill-Kumitat għar-Riskji u l-Konformità u mill-Kummissarju għall-Baġit u l-Amministrazzjoni, Johannes Hahn fl-1 ta’ Diċembru 2021. Din il-politika tinkludi qafas xieraq ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ konformità għas-sorveljanza tar-riskji u tal-kwistjonijiet ta’ konformità li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet mutwatarji, ta’ ġestjoni tad-dejn u mutwanti tan-NextGenerationEU u tistabbilixxi l-miżuri ta’ mitigazzjoni u l-proċeduri ta’ monitoraġġ xierqa. L-Uffiċjal Kap tar-Riskji jiżgura li l-politika tiġi implimentata b’mod komprensiv u konsistenti, u kull sena jirrapporta lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-politika.
3.6
Soluzzjonijiet ta’ back-office, ta’ pagament u ta’ kontabilità adatti għall-iskop
Il-Kummissjoni rrinfurzat il-karigi tagħha fil-back-office u fil-kontabilità sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni effiċjenti, il-verifikabbiltà u l-obbligu ta’ rendikont tat-tranżazzjonijiet kollha. B’mod aktar speċifiku:
-Il-Kummissjoni adattat is-sistema tagħha ta’ reġistrazzjoni u dħul fil-kotba fil-waqt biex b’hekk it-tranżazzjonijiet kollha ta’ teħid u għoti ta’ self ġew irreġistrati kif xieraq fis-sistema mill-bidu tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU f’Ġunju 2021.
-B’kollaborazzjoni mal-BĊE, il-Kummissjoni inkludiet id-data tal-Istati Membri fis-sistemi ta’ pagament u dawn ittestjathom mal-Istati Membri sabiex il-pagamenti kollha lill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu pproċessati b’mod sigur, f’qasir żmien, u f’kull waqt.
-Il-Kummissjoni aġġornat il-Programm ta’ Ħruġ ta’ Dejn (DIP, Debt Issuance Programme) tal-UE u l-EURATOM fl-4 ta’ Ġunju 2021 sabiex, fost l-oħrajn, tinkludi l-irkantijiet.
-Flimkien mal-Aġent Emittenti tagħha, il-Kummissjoni stabbiliet proċeduri ġodda għall-irkantijiet li wasslu għall-ipproċessar bla intoppi tat-tranżazzjonijiet primarji kollha fid-data tas-saldu.
-Il-Kummissjoni ħejjiet is-sistema ta’ dħul fil-kotba sabiex ir-rapporti finanzjarji jkunu jistgħu jsiru kif suppost u jkunu jistgħu jiġu vverifikati fil-pront mill-awditur estern.
3.7
Self attraenti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza
Taħt in-NextGenerationEU, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li toħroġ sa EUR 385 biljun biex tiffinanzja self fl-ambitu tal-RRF lill-Istati Membri. Sa tmiem l-2021, kważi 40 % tal-envelop totali ta’ self mill-RRF ġew allokati lil sitt Stati Membri li kellhom l-applikazzjonijiet ta’ self tagħhom approvati. L-Istati Membri jistgħu jitolbu appoġġ f’għamla ta’ self sal-31 ta’ Awwissu 2023.
It-termini offruti fuq dan is-self kienu vantaġġużi immens, bis-saħħa tal-ħruġ tal-UE bi klassifikazzjoni għolja u domanda qawwija mill-investituri (is-sindakazzjonijiet tal-bonds kienu sottoskritti 7 sa kważi 14-il darba aktar mill-offerta). Termini u kundizzjonijiet oħrajn tas-self lill-Istati Membri li jissellfu huma mfassla wkoll biex dan is-self ikun sors attraenti ta’ finanzjament mill-Istat. L-Istati Membri se jagħmlu ripagamenti amortizzati, li jibdew wara perjodu ta’ grazzja ta’ 10 snin, b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-tkabbir xprunat mir-riforma u l-investiment qabel ma jibdew ir-ripagament. Wara l-perjodu inizjali ta’ grazzja, l-Istati Membri se jagħmlu ripagamenti annwali ta’ 5 % tal-ammonti żborżati. Il-fatt li r-ripagament se jitqassam tul perjodu ta’ żmien se jevita li jkun hemm perjodi intensivi ta’ ripagament, kemm għall-baġit tal-UE kif ukoll għall-Istati Membri. Dan l-approċċ għall-istrutturar tas-self se jiġi implimentat bl-istess mod għall-Istati Membri kollha li jirċievu self.
F’Lulju 2021, il-Kummissjoni ppubblikat Deċiżjoni li tistabbilixxi kif il-kostijiet imġarrba għall-fond ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU jiġu allokati lill-Istati Membri li jirċievu self mill-RRF u lill-baġit tal-UE. Il-kostijiet rilevanti jiġu allokati lill-Istati Membri li jissellfu u lill-baġit tal-UE abbażi tal-proporzjon relattiv tagħhom tal-appoġġ finanzjarju riċevut. Din il-metodoloġija tal-allokazzjoni tal-kostijiet u l-implimentazzjoni tagħha se tiżgura bażi oġġettiva, ġusta u dokumentata b’mod ċar għall-ikkalkolar u l-allokazzjoni tal-proporzjon rispettiv tal-kostijiet kollha lill-baġit tal-UE jew lill-Istati Membri li jirċievu self mill-RRF.
3.8
Komunikazzjoni effettiva u sensibilizzazzjoni tal-investituri
Sa mill-bidu tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU, il-Kummissjoni żviluppat strateġija komprensiva għar-relazzjonijiet mal-investituri u sensiela ta’ għodod biex tagħmel kuntatt mal-bażi tal-investituri tagħha:
-Dakinhar tal-preżentazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tagħha, il-Kummissjoni nediet sit web komprensiv biex tinforma lill-partijiet interessati kollha, lill-pubbliku ġenerali u lill-investituri dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tagħha.
-Il-Kummissjoni bdiet toħroġ bullettini intitolati “EU borrowing for the recovery”, li bihom il-Kummissjoni tkun tista’ tikkomunika mal-komunità tal-investituri b’mod regolari u trasparenti. L-ewwel żewġ edizzjonijiet tal-bullettin huma disponibbli online fuq is-sit web “The EU as a borrower” (L-UE bħala mutwatarja), u l-abbonament jinsab miftuħ għall-partijiet interessati kollha.
-Il-Kummissjoni għamlet kuntatt b’mod attiv mal-investituri madwar id-dinja permezz ta’ żjarat strutturati (“road shows”), organizzat sejħiet globali għall-investituri f’Ġunju u Settembru 2021, u kellha tliet laqgħat tan-Network tan-Negozjanti Primarji.
-Il-Kummissjoni għandha l-paġna tagħha għaliha fuq il-Bloomberg Terminal, fejn toffri informazzjoni f’ħin reali dwar l-irkantijiet tagħha lill-komunità tal-investiment.
-Sabiex iżżomm lill-pubbliku inġenerali informat dwar il-ħidma tagħha, il-Kummissjoni tħejji u tiddistribwixxi materjal għall-istampa b’mod regolari – dejjem disponibbli online fuq is-sit web tagħha, u tipprovdi informazzjoni f’ħin reali permezz tal-media soċjali – Twitter, LinkedIn. Il-Kummissarju Johannes Hahn u l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea tkellmu regolarment mal-istampa biex jipprovdu informazzjoni ulterjuri.
-Bl-għajnuna tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi bażi tad-data għar-Relazzjonijiet mal-Investituri, li se tagħti daqqa t’id lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tar-relazzjonijiet tagħha mal-investituri b’mod strutturat billi twettaq monitoraġġ b’mod attiv tal-aġir u tax-xejriet tal-investituri, sabiex tidentifika l-azzjonijiet meħtieġa ta’ sensibilizzazzjoni tal-investituri u tas-suq u tipproduċi statistika għal skopijiet ta’ ġestjoni u komunikazzjoni.
4.Konklużjoni
F’dawn l-aħħar 12-il xahar, il-Kummissjoni filli kienet emittent fuq skala żgħira, tiġbor il-fondi biex tiffinanzja programmi ta’ self relattivament żgħar bħall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Assistenza makrofinanzjarja (MFA), u filli saret wieħed mill-akbar emittenti f’euro. Matul l-2021 ħarġet EUR 130 biljun (EUR 71 biljun għan-NextGenerationEU) u fil-perjodu 2021-26 jaf toħroġ bejn wieħed u ieħor EUR 150 biljun fis-sena.
L-infrastruttura u l-proċessi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-programm ta’ finanzjament fuq skala kbira ġew stabbiliti fi żmien rekord. Dan ippermetta li l-finanzjament tan-NextGenerationEU jibda fil-15 ta’ Ġunju 2021, ġimagħtejn wara li ġew issodisfati l-kundizzjonijiet legali kollha biex jinbeda dan il-programm ta’ self. L-ammonti kollha dovuti lill-baġit tal-UE jew lill-Istati Membri tħallsu fi żmien sitt ijiem tax-xogħol minn meta tlestew il-formalitajiet. Ma kien hemm l-ebda dewmien. It-tranżazzjonijiet kollha tan-NextGenerationEU ġew eżegwiti teknikament kif suppost u kellhom appoġġ qawwi ħafna mis-suq (il-kotba tal-ordnijiet kienu sottoskritti b’7 sa kważi 14-il darba aktar mill-offerta). It-tranżazzjonijiet ingħalqu b’termini favorevoli (kost medju tal-finanzjament ta’ 0,14 % għat-tranżazzjonijiet tal-2021), u l-bonds tal-UE issa qegħdin jiġu nnegozjati fuq l-istess livell mas-sovrani ewlenin taż-żona tal-euro (pjuttost milli emittenti oħra tal-SSA).
Dawn ir-riżultati jirrappreżentaw bidu inkoraġġanti ħafna għall-programm tan-NextGenerationEU. Il-prijorità għas-snin li ġejjin se tkun li l-programm ikompli miexi fil-passi ta’ dan il-bidu tajjeb u jikseb livell għoli ta’ eżekuzzjoni b’mod sostnut fit-tranżazzjonijiet kollha.
Bħala konklużjoni, in-NextGenerationEU jagħti għodda b’saħħitha lill-UE biex tiffinanzja l-irkupru u toħroġ mill-kriżi aktar reżiljenti, aktar ġusta u aktar ekoloġika. Saħħaħ ukoll ir-rwol internazzjonali tal-euro, ikkontribwixxa għall-iżvilupp tas-swieq Ewropej ta’ kapital tad-dejn u rrinforza l-Unjoni Bankarja, billi għen lill-banek jiddiversifikaw il-kapital regolatorju. L-implimentazzjoni tal-istrument matul ix-xhur u s-snin li ġejjin tirrappreżenta opportunità biex dawn il-benefiċċji jiġu kkonsolidati.
Anness. Ħarsa ġenerali lejn il-ħruġ ta’ bonds u ta’ kambjali
Illustrazzjoni 1: Ħarsa ġenerali lejn it-tranżazzjonijiet sindakati u l-irkantijiet tal-bonds tan-NextGenerationEU (NGEU)
|
Strument
|
Data
tan-Negozjar
|
Data
tas-saldu
|
Maturità
|
Ammont maħruġ
(EUR biljun)
|
|
|
|
|
data
|
snin
|
|
|
It-tieni trimestru 2021
|
|
Sindakazzjoni #1 NGEU
|
15-06-2021
|
22-06-2021
|
04-07-2031
|
10
|
20
|
|
Sindakazzjoni #2 NGEU
|
29-06-2021
|
06-07-2021
|
06-07-2026
|
5
|
9
|
|
|
|
|
06-07-2051
|
30
|
6
|
|
It-tielet trimestru 2021
|
|
Sindakazzjoni #3 NGEU
|
13-07-2021
|
20-07-2021
|
04-07-2041
|
20
|
10
|
|
Sindakazzjoni #4 NGEU
|
14-09-2021
|
21-09-2021
|
04-10-2028
|
7
|
9
|
|
Rkant tal-bonds #1
|
27-09-2021
|
29-09-2021
|
06-07-2026
|
5
|
2,495
|
|
Ir-raba’ trimestru 2021
|
|
Sindakazzjoni tal-bonds ekoloġiċi NGEU #5
|
12-10-2021
|
19-10-2021
|
04-02-2037
|
15,3
|
12
|
|
Rkant tal-bonds #2
|
25-10-2021
|
27-10-2021
|
04-10-2028
|
7
|
2,497
|
|
Total
|
70,992
|
Illustrazzjoni 2: Ħarsa ġenerali lejn l-irkantijiet tal-Kambjali tal-UE
|
Strument
|
Data
tan-Negozjar
|
Data
tal-Iżborż
|
Maturità
|
Ammont maħruġ
(EUR)
|
|
|
|
|
data
|
xhur
|
|
|
It-tielet trimestru 2021
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #1
|
15-09-2021
|
17-09-2021
|
03-12-2021
|
3 xhur
|
2 999 000 000
|
|
|
|
|
04-03-2022
|
6 xhur
|
1 997 000 000
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #2
|
22-09-2021
|
24-09-2021
|
03-12-2021
|
3 xhur
|
1 997 000 000
|
|
|
|
|
04-03-2022
|
6 xhur
|
1 996 000 000
|
|
Ir-raba’ trimestru 2021
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #3
|
06-10-2021
|
08-10-2021
|
07-01-2022
|
3 xhur
|
2 996 000 000
|
|
|
|
|
08-04-2022
|
6 xhur
|
1 996 000 000
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #4
|
20-10-2021
|
22-10-2021
|
07-01-2022
|
3 xhur
|
1 499 000 000
|
|
|
|
|
08-04-2022
|
6 xhur
|
1 499 000 000
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #5
|
03-11-2021
|
05-11-2021
|
04-02-2022
|
3 xhur
|
1 497 000 000
|
|
|
|
|
06-05-2022
|
6 xhur
|
1 496 000 000
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #6
|
17-11-2021
|
19-11-2021
|
04-02-2021
|
3 xhur
|
998 000 000
|
|
|
|
|
06-05-2022
|
6 xhur
|
994 000 000
|
|
Rkant tal-Kambjali tal-UE #7
|
01-12-2021
|
03-12-2021
|
04-03-2021
|
3 xhur
|
1 495 000 000
|
|
|
|
|
03-06-2022
|
6 xhur
|
1 496 000 000
|