IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 5.10.2021
COM(2021) 606 final
2021/0314(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-21 ta’ April 2021, il-Latvja talbet awtorizzazzjoni biex tibqa’ tapplika miżura li tidderoga mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta man-nefqa fuq ċerti karozzi tal-passiġġieri li jkunux użati kompletament għal skop ta’ xogħol. Flimkien mat-talba għal estensjoni, il-Latvja ressqet rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal previst għal-limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis.
B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittri datati l-10 ta’ Ġunju 2021, bit-talba tal-Latvja. Il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Ġunju 2021 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva tal-VAT jistipulaw li persuna taxxabbli hija intitolata tnaqqas il-VAT imposta fuq xiri li jkun sar għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati. Il-punt (a) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 26 tad-Direttiva fih rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT meta xi beni jifformaw parti mill-assi tal-impriża jintużaw għal skopijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b'mod iktar ġenerali, għal skopijiet oħra barra dawk tal-impriża, fejn il-VAT fuq dawn il-beni kienet kollha jew parti minnha deduċibbli. Din is-sistema tippermetti l-irkupru tal-VAT li tkun tnaqqset fil-bidu b’rabta mal-użu privat.
Fil-każ ta’ karozzi tal-passiġġieri, huwa diffiċli li din is-sistema tiġi applikata, b’mod partikolari minħabba li huwa diffiċli li ssir distinzjoni ċara bejn l-użu privat u dak professjonali. Meta jinżammu r-reġistri, iż-żamma u l-verifika tagħhom iżidu piż addizzjonali fuq l-impriża kif ukoll fuq l-amministrazzjoni.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw miżuri ta’ deroga mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjenu ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa jekk ikunu ġew awtorizzati mill-Kunsill.
Il-Latvja bħalissa hija awtorizzata abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 biex tillimita għal 50 % id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fuq ix-xiri, il-kiri fit-tul, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri speċifikati, u n-nefqa relatata mal-manutenzjoni, it-tiswija u l-fjuwil għal tali karozzi, meta dawk il-karozzi tal-passiġġieri ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali. Il-miżura speċjali teħles ukoll lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu mhux kummerċjali ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala provvista ta’ servizzi. Il-karozzi tal-passiġġieri koperti bil-miżura speċjali huma dawk b’piż massimu awtorizzat ta' mhux aktar minn 3 500 kilogramma u li ma jkollhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq. Il-karozzi tal-passiġġieri li jintużaw għal ċerti attivitajiet speċifiċi jiġu esklużi mir-restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis u jkunu ttrattati skont ir-regoli normali: il-karozzi mixtrija biex jerġgħu jinbiegħu, għall-kiri jew għall-kiri fit-tul; il-karozzi użati għat-trasportazzjoni tal-passiġġieri (bħat-taxis) jew tal-merkanzija; il-karozzi użati għal-lezzjonijiet tas-sewqan; il-karozzi użati għas-servizzi ta’ gwardja jew ta’ emerġenza; il-karozzi użati bħala dimostrazzjoni għal vetturi għall-bejgħ. Il-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
It-talba preżenti mil-Latvja biex tkompli testendi l-miżura speċjali hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati fit-talbiet preċedenti. Din it-talba hija akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-persentaġġ ta’ limitazzjoni applikat fuq id-dritt għal tnaqqis, kif mitlub mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429. Il-Latvja tqis li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżura speċjali jkomplu japplikaw u li l-limitu applikat ta’ 50 % jibqa’ xieraq.
Il-Latvja tikkonferma li l-miżura speċjali tippermetti li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-kontribwenti u għall-amministrazzjoni tat-taxxa u tillimita l-evażjoni tal-VAT permezz taż-żamma inkorretta tar-rekords tal-vjaġġi li jsiru b’rabta mal-attivitajiet tan-negozju u d-dikjarazzjonijiet tal-VAT li ma jkunux mimlija kif suppost. Skont id-data ppreżentata mil-Latvja, fl-2019 il-mikrointrapriżi u l-SMEs ammontaw għal kważi 99.7 % tal-intrapriżi ekonomikament attivi u dan jikkomplika l-kompitu tal-awtoritajiet tat-taxxa meta jivverifikaw l-użu kummerċjali u privat tal-karozzi tal-passiġġieri. Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-għadd totali ta’ negozjanti rreġistrati fil-Latvja b’karozza tal-passiġġieri waħda jew tnejn kien ta’ 21 739 jew 82 % tan-negozjanti rreġistrati kollha li rreġistraw karozzi tal-passiġġieri. Peress li l-mikrointrapriżi u l-SMEs jikkostitwixxu 99.7 % tal-operaturi kollha, il-Latvja ssostni li l-biċċa l-kbira tal-karozzi tal-passiġġieri jintużaw għal skopijiet privati. Skont id-data pprovduta, 2020 87.6 % tal-karozzi tal-passiġġieri kollha li jappartjenu għan-negozjanti rreġistrati ntużaw mhux biss għal skopijiet kummerċjali iżda wkoll għal skopijiet privati.
Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa, huwa propost li tingħata l-miżura għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta’ Diċembru 2024. Jenħtieġ li ma’ kull talba ta’ estensjoni jinhemeż rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u jenħtieġ li din it-talba tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Derogi simili b’rabta mad-dritt ta’ tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra (l-Estonja, l-Ungerija, il-Kroazja, il-Polonja, l-Italja u r-Rumanija).
L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sakemm dan iseħħ, huwa jawtorizza lill-Istati Membri jkomplu japplikaw l-esklużjonijiet, li ddaħħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1979. Għaldaqstant, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ sospensjoni li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta mal-karozzi tal-passiġġieri.
Minkejja l-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli skont liema l-kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis, tali deroga hija xierqa sakemm dawn ir-regoli jiġu armonizzati fil-livell tal-UE.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Is-sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-proċedura tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-potenzjal li n-negozji jissottojiddikjaraw ir-responsabbiltà tagħhom u minħabba l-iċċekkjar oneruż għall-awtoritajiet tat-taxxa tad-data dwar il-kilometraġġ, ir-restrizzjoni ta’ 50 % tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u tevita l-evażjoni tat-taxxa inter alia minħabba żamma skorretta tar-rekords u d-dikjarazzjonijiet tal-VAT li ma jkunux mimlija kif suppost.
•Għażla tal-istrument
Strument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq minħabba li tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamlet il-Latvja u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.
Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tat-taxxa billi tneħħi l-ħtieġa li persuni taxxabbli jżommu rekords dwar l-użu privat ta’ karozzi tal-passiġġieri speċifikati, u fl-istess ħin, li jkun hemm prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa minħabba li r-rekords ma jinżammux kif suppost. Il-miżura proposta għalhekk, għandha potenzjal ta’ impatt pożittiv kemm għall-impriżi kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa. Din is-soluzzjoni ġiet identifikata mil-Latvja bħala miżura adegwata u tista’ titqabbel ma’ derogi oħrajn tal-imgħoddi u tal-lum.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq ir-riżorzi proprji tal-Unjoni mill-VAT.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta hija limitata biż-żmien u tinkludi klawżola ta’ estinzjoni għall-31 ta’ Diċembru 2024.
F’każ li l-Latvja tikkunsidra estensjoni oħra tal-miżura ta’ deroga lil hinn mill-2024, jenħtieġ li jitressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal flimkien mat-talba għal estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024.
2021/0314 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta' deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt li persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti lilhom ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), punt (a), ta’ dik id-Direttiva, l-użu ta' assi tan-negozju għall-użu privat ta' persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal skopijiet oħra li ma jkunux dawk tan-negozju tagħhom għandhom jiġu ttrattati bħala provvista ta' servizzi.
(2)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 awtorizzat lil-Latvja, sal-31 ta’ Diċembru 2018, biex tillimita għal 50 % id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, il-kiri fit-tul, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx 3 500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni, it-tiswija u l-fjuwil ta’ tali karozzi tal-passiġġieri. L-awtorizzazzjoni teħles ukoll lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu mhux kummerċjali ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala provvista ta’ servizzi.
(3)Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921estendiet il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2015/2429 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(4)Permezz tal-ittra tal-21 ta’ April 2021, il-Latvja ressqet talba lill-Kummissjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tillimita d-dritt ta’ tnaqqis fir-rigward tan-nefqa fuq ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali (“it-talba”).
(5)Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittri tal-10 ta’ Ġunju 2021. Bl-ittra tal-14 t’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tivvaluta t-talba.
(6)Kif mitlub mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2429, il-Latvja ressqet rapport li jinkludi l-analiżi tal-perċentwal iffissat għat-tnaqqis tal-VAT. Abbażi ta’ informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba minn awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, il-Latvja tiddikjara li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u xieraq.
(7)Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali.
(8)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri speċjali jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq.
(9)F’każ li l-Latvja tqis li estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali lil hinn mill-2024 hija neċessarja, jenħtieġ li tressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat, flimkien mat-talba għall-estensjoni, sal-31 ta’ Marzu 2024.
(10)Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.
(11)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 huwa sostitwit b'dan li ġej:
‘Artikolu 6
1. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2016. Din għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2024.
2. Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f'din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta' Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.’.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President