IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.11.2021
COM(2021) 749 final
2021/0396(NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jmorru minn post għal ieħor u jgħixu liberament fl-Unjoni Ewropea huwa fost l-egħżeż kisbiet tal-Unjoni, u xprun importanti tal-ekonomija tagħha. Fl-istess ħin, il-pandemija tal-COVID-19 tkompli toħloq theddida straordinarja għas-saħħa pubblika madwar l-Unjoni.
B’reazzjoni għat-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għall-vjaġġaturi transfruntiera li jagħmlu testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. Meta jadottaw u japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu, l-Istati Membri huma obbligati li jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.
Il-miżuri unilaterali f’dan il-qasam ikkawżaw tħarbit sinifikanti peress li n-negozji u ċ-ċittadini qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ miżuri diverġenti u li jinbidlu malajr. Dan huwa partikolarment dannuż f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija Ewropea diġà ġiet affettwata b’mod sinifikanti mill-virus. Tali diverġenza tista’ ddgħajjef ukoll il-fiduċja pubblika fil-miżuri tas-saħħa, b’mod partikolari t-tilqim, li jista’ għalhekk jaggrava s-sitwazzjoni epidemjoloġika.
Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri, il-Kunsill adotta, fit-13 ta’ Ottubru 2020, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill stabbiliet approċċ ikkoordinat dwar il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri maqbul, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jmorru minn post għal ieħor bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni. Din ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ġiet aġġornata aktar tard fid-dawl tal-iżviluppi fis-sitwazzjoni epidemjoloġika.
Sabiex jiġi ffaċilitat aktar il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw, fl-14 ta’ Ġunju 2021, ir-Regolament (UE) 2021/953 li jistabbilixxi l-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan. Sabiex isir l-aħjar użu mill-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kunsill emenda wkoll, fl-istess jum, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475. Skont ir-regoli emendati, il-persuni mlaqqma jew li fiequ għandhom ikunu eżentati mir-restrizzjonijiet applikati f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
Minn Ġunju 2021, seħħew żewġ żviluppi importanti b’impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika, u b’hekk ukoll fuq il-moviment liberu fl-Unjoni. L-ewwel nett, l-użu tal-vaċċin żdied b’mod sinifikanti, bit-teħid kumulattiv tat-tilqim komplut fost il-popolazzjoni totali tal-Unjoni li laħaq aktar minn 65 % sad-19 ta’ Novembru 2021 meta mqabbel ma’ inqas minn 30 % meta ġew adottati l-aħħar emenda u r-Regolament (UE) 2021/953.
Madankollu, għad hemm varjazzjonijiet kbar fil-kopertura tal-vaċċini madwar l-Istati Membri u r-reġjuni, u fi gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni. Sad-19 ta’ Novembru 2021, it-teħid tat-tilqim komplut fost il-popolazzjoni totali fl-Istati Membri kien ivarja minn 23,9 % sa 81,4 % (28,6 % sa 92,6 % fost il-popolazzjoni adulta). Dan huwa ta’ tħassib sinifikanti, peress li jipprovdi opportunità kbira biex il-virus ikompli jinxtered u jikkawża l-mard, b’mod partikolari fost dawk mhux imlaqqma.
Meta mqabbel ma’ Ġunju 2021, perċentwal ogħla b’mod sinifikanti tal-popolazzjoni huwa għalhekk protett aħjar milli jimrad b’mod serju u jmut bil-COVID-19 bis-saħħa tal-vaċċini kontra l-COVID-19 attwalment disponibbli, li joffru protezzjoni kontra li wieħed jimrad serjament, jitlef ħajtu u jkollu konsegwenzi fit-tul mill-infezzjoni. Għalhekk, it-tilqim huwa għodda importanti ħafna – għalkemm mhux l-unika waħda – fl-għodod għall-ġlieda kontra l-COVID-19, u huma meħtieġa sforzi biex jitkompla jiżdied it-teħid tal-vaċċin.
It-tieni nett, id-distribuzzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għamlet progress rapidu. Sa Novembru 2021, l-Istati Membri ħarġu aktar minn 650 miljun Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE. Għalhekk, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa għodda disponibbli b’mod wiesa’ u aċċettata b’mod affidabbli biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Skont stħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikat f’Settembru 2021, madwar żewġ terzi (65 %) tar-rispondenti qablu li ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa l-aktar mezz sikur għall-ivvjaġġar liberu fl-Ewropa matul il-pandemija tal-COVID-19. Kważi l-Istati Membri kollha jużaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għal skopijiet domestiċi wkoll.
Il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE mhux biss jintuża b’suċċess mill-Istati Membri tal-UE, mit-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea mhux tal-UE u mill-Iżvizzera, iżda wkoll minn 20 pajjiż terz u territorju ieħor, b’aktar pajjiżi terzi mistennija jissieħbu fil-futur. B’riżultat ta’ dan, il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa l-unika sistema fuq skala kbira li topera internazzjonalment.
Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni, ikkaratterizzata minn rata kumplessiva tan-notifiki tal-każijiet għolja u li qiegħda tiżdied, għadha ta’ sfida, u tiġġustifika ż-żamma jew l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri li għandhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fil-mira tagħhom. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) jirrakkomanda żieda ulterjuri tal-kopertura tat-tilqim kontra l-COVID-19 fil-gruppi ta’ età eliġibbli kollha, kif ukoll iż-żamma ta’ miżuri mhux farmaċewtiċi, bħall-użu tal-maskri tal-wiċċ, ventilazzjoni mtejba fi spazji magħluqa u miżuri ta’ tbegħid fiżiku, bħala għodod ewlenin biex jitnaqqas it-tixrid ulterjuri tal-virus u l-varjanti tiegħu.
Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-approċċ komuni stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 għandu jiġi adattat aktar, kif mitlub ukoll mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2021. B’mod partikolari, l-istatus tat-tilqim, tat-test jew tal-fejqan ta’ persuna b’rabta mal-COVID-19, kif muri minn Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, għandu jkun il-fattur determinanti ewlieni. Peress li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jistgħu jinħarġu, jiġu vverifikati u aċċettati b’mod sikur, il-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fl-Unjoni li huma fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu, bħal aktar testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. B’mod partikolari, tali persuni ma għandhomx, fil-prinċipju, ikunu meħtieġa jagħmlu l-kwarantina, minħabba li din tikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti tal-moviment liberu.
Dan l-approċċ huwa appoġġat minn rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li skontu l-vjaġġaturi kompletament imlaqqma, kif ukoll il-vjaġġaturi li jkunu fiequ mill-COVID-19 fis-sitt xhur ta’ qabel ma jivvjaġġaw, ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali. Il-persuni li ma jaqgħux f’dawn iż-żewġ kategoriji għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw abbażi ta’ test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.
Sabiex jiġi ssimplifikat l-eżerċitar tad-dritt ta’ moviment liberu fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit fehim komuni tal-kundizzjonijiet li t-tliet tipi taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE (tilqim, test u fejqan) jeħtieġ li jissodisfaw sabiex jiġu aċċettati. Dan għandu jqis l-aħħar żviluppi, b’mod partikolari s-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-bidu tad-distribuzzjoni tad-dożi tal-vaċċin booster.
B’rabta mal-għoti tad-dożi tal-booster, aktar u aktar Stati Membri qegħdin jadottaw regoli dwar kemm jiġu aċċettati fit-tul iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara s-sensiela tat-tilqim primarju, filwaqt li jitqies li l-protezzjoni mill-infezzjoni u l-mard ħafif bil-COVID-19 li tirriżulta mit-tilqim tidher li qiegħda tbatti maż-żmien. Dawn ir-regoli japplikaw għall-każijiet ta’ użu domestiku biss, jew inkella japplikaw ukoll għall-użu ta’ ċertifikati tat-tilqim għall-finijiet tal-ivvjaġġar.
Fl-24 ta’ Novembru 2021, l-ECDC ħareġ Valutazzjoni Rapida tar-Riskju li tindika li l-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE għandhom jikkunsidraw b’urġenza doża booster għal dawk li għandhom 40 sena u aktar, u għandu jkollhom fil-mira lil dawk l-aktar vulnerabbli u lill-anzjani, u li l-pajjiżi jistgħu jikkunsidraw ukoll doża booster għall-adulti kollha li għandhom 18-il sena jew aktar, minn tal-inqas sitt xhur wara li jlestu s-sensiela primarja tagħhom biex iżidu l-protezzjoni kontra l-infezzjoni minħabba li l-immunità qiegħda tbatti. Dan jista’ potenzjalment inaqqas it-trażmissjoni fil-popolazzjoni u jevita li jiġu rikoverati aktar nies l-isptar u li jkun hemm aktar imwiet.
Sabiex jiġu evitati miżuri diverġenti u ta’ tħarbit, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-ivvjaġġar, perjodu minimu standard ta’ aċċettazzjoni ta’ disa’ xhur għaċ-ċertifikati tat-tilqim. Dan iqis il-gwida tal-ECDC rigward l-għoti tad-dożi booster minn sitt xhur wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju, u jipprevedi perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur biex jiġi żgurat li l-kampanji nazzjonali ta’ tilqim ikunu jistgħu jadegwaw ruħhom u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-għoti tal-boosters. L-Istati Membri, sabiex jiżguraw approċċ ikkoordinat, ma għandhomx jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju jekk ikunu għaddew aktar minn disa’ xhur mill-għoti tad-doża indikata fihom.
Il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni ta’ disa’ xhur għandu japplika għaċ-ċertifikati maħruġa wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju. L-Istati Membri għandhom jieħdu minnufih il-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għat-tilqim għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom li ilhom li nħarġu jkunu waslu biex jilħqu l-limitu tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni, billi jitqiesu għalkollox id-deċiżjonijiet interni dwar il-prijoritizzazzjoni għal gruppi differenti tal-popolazzjoni fl-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tat-tilqim fid-dawl tal-politika nazzjonali u s-sitwazzjoni epidemjoloġika.
Kif irrappurtat mill-ECDC, iż-żminijiet għas-segwitu wara l-għoti tad-dożi booster fl-istudji disponibbli huma qosra, u hemm bżonn ta’ aktar monitoraġġ tad-data biex jiġi ddeterminat it-tul ta’ żmien tal-immunità, wara d-doża booster, għall-infezzjoni, għall-marda ħafifa u għall-marda serja. Sa issa, għad ma hemm l-ebda studju li jindirizza b’mod espliċitu l-effettività tal-boosters fuq it-trażmissjoni tas-SARS-CoV-2 u għalhekk għalissa mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat perjodu ta’ aċċettazzjoni għall-boosters. Madankollu, id-data emerġenti rigward l-effettività tagħhom biex ireġġgħu lura protezzjoni għolja mill-infezzjoni, tindika li d-dożi booster x’aktarx ukoll se jkollhom impatt sinifikanti biex jillimitaw it-trażmissjoni suċċessiva u wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-protezzjoni li jagħti t-tilqim booster tista’ ddum aktar minn dik li tagħti s-sensiela primarja.
Dan l-approċċ propost jeħtieġ li jiġi mmonitorjat bir-reqqa u mill-qrib biex jiġi vvalutat jekk l-adattamenti jew il-bidliet jistgħux ikunu meħtieġa abbażi ta’ evidenza xjentifika emerġenti ġdida. Abbażi ta’ din l-evidenza, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun meħtieġ, tressaq proposta biex jiġi applikat perjodu xieraq ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati maħruġa wara l-għoti ta’ doża booster ukoll. Għandu jiġi nnotat kif xieraq li, filwaqt li l-vaċċini f’dan l-istadju għadhom effettivi ħafna kontra mard serju, l-ospitalizzazzjoni u l-imwiet, il-protezzjoni mill-infezzjoni u t-trażmissjoni jaf tkun soġġetta għal tnaqqis maż-żmien. Barra minn hekk, ġie osservat tnaqqis żgħir fil-protezzjoni fost individwi akbar fl-età u f’dawk b’fatturi ta’ riskju kliniku ta’ marda aktar serja.
Kif deskritt hawn fuq, il-miżuri li saru meħtieġa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 għandhom għalhekk jiġu applikati fil-livell personali minflok fil-livell reġjonali, li jfisser li l-vjaġġaturi b’ċertifikat validu fil-prinċipju ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali. Fl-istess ħin, il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku li turi s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-livell reġjonali għandha tinżamm f’forma adattata, peress li hija għodda utli u li tinftiehem faċilment għall-pubbliku u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri. Minbarra li sservi bħala għodda ta’ informazzjoni, il-mappa għandha tifforma l-bażi għal regoli speċifiċi dwar l-ivvjaġġar minn żoni b’livelli partikolarment baxxi jew partikolarment għoljin ta’ ċirkolazzjoni tal-virus.
Il-vjaġġaturi li jaslu minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli baxxi ħafna, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Tali vjaġġaturi għalhekk ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jew li jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 meta jeżerċitaw il-moviment liberu fl-Unjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-użu domestiku fl-Istati Membri (aċċess għal avvenimenti, ristoranti, eċċ.). Ovvjament, ħafna vjaġġaturi bħal dawn xorta waħda se jkunu fil-pussess ta’ ċertifikat, b’mod partikolari bħala riżultat tat-tilqim.
Min-naħa l-oħra, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, minħabba l-probabbiltà akbar ta’ importazzjoni ta’ każijiet minn dawn iż-żoni, kif ukoll il-piż li perjodi twal ta’ numri ta’ każijiet għoljin jistgħu jpoġġu fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa pubblika ta’ dawn iż-żoni. Sabiex jittaffew dawn ir-riskji għas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jagħtu pariri kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn u minn tali żoni. Barra minn hekk, persuni li ma jkunux fil-pussess taċ-ċertifikat tat-tilqim jew tal-fejqan li jaslu minn tali żoni għandhom ikunu meħtieġa li jagħmlu testijiet u kwarantina/awtoiżolament.
Varjanti emerġenti possibbli ġodda tas-SARS-CoV-2 jibqgħu kawża ta’ tħassib u għandhom jiġu mmonitorjati bir-reqqa. L-ECDC jivvaluta regolarment l-evidenza ġdida dwar il-varjanti identifikati permezz tal-intelligence dwar l-epidemiji, l-iskrinjar tal-varjanti ġenomiċi bbażat fuq ir-regoli, jew sorsi xjentifiċi oħra. Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar it-tfeġġija u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jżommu jew jiksbu volum ta’ sekwenzjar suffiċjentement għoli. Volum insuffiċjenti ta’ sekwenzjar jirriżulta f’kapaċità baxxa li jiġu identifikati varjanti ta’ tħassib li jkunu qegħdin jiċċirkolaw qabel ma jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva. F’dan il-kuntest, il-qafas għad-definizzjoni u l-valutazzjoni tal-kriterji li jistgħu jwasslu biex jiskattaw interventi tas-saħħa pubblika kontra varjanti ta’ tħassib, li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat mill-grupp ta’ esperti Ewropew dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, għandu jitqies ladarba jkun disponibbli.
Il-varjanti tas-SARS-CoV-2 “Alpha” u “Delta” urew l-impatt negattiv li jista’ jkollhom il-varjanti l-ġodda tas-SARS-CoV-2 fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika. Filwaqt li jista’ jkun diffiċli ħafna li jitwaqqaf it-tixrid ta’ varjant ladarba jiġi identifikat fl-Unjoni, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom, il-Kummissjoni tipproponi proċedura għal approċċ ikkoordinat biex jittardja t-tixrid ta’ varjanti ġodda fl-Unjoni. Dan għandu japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimponu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, restrizzjonijiet minħabba li s-sitwazzjoni epidemjoloġika f’żona tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari f’żoni diġà affettwati serjament.
Fid-dawl tal-portata tal-bidliet fl-approċċ kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 kif emendata, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi sostitwita b’Rakkomandazzjoni ġdida tal-Kunsill minflok timmodifikaha ulterjorment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tipproponi li l-perjodu ta’ applikazzjoni tagħha jintrabat mar-Regolament (UE) 2021/953, peress li ż-żewġ strumenti huma maħsuba li jiskadu ladarba l-pandemija tal-COVID-19 tkun intemmet u ma jkunx hemm bżonn ta’ aktar restrizzjonijiet għall-moviment liberu relatati mal-pandemija.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din ir-Rakkomandazzjoni sservi biex timplimenta d-dispożizzjonijiet eżistenti relatati mar-restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din ir-Rakkomandazzjoni hija konformi ma’ politiki oħra tal-Unjoni, fosthom dawk li jirrigwardaw is-saħħa pubblika u l-kontrolli fil-fruntieri interni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 21(2), 168(6) u 292.
•Sussidjarjetà
L-Artikolu 292 TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha meta t-Trattati jipprevedu li l-Kunsill għandu jadotta atti fuq proposta mill-Kummissjoni.
Dan japplika fis-sitwazzjoni attwali, billi meħtieġ approċċ konsistenti biex jiġi evitat it-tħarbit ikkawżat minn miżuri unilaterali u mhux ikkoordinati biżżejjed li jirrestrinġu l-moviment liberu fl-Unjoni. L-Artikolu 21(1) TFUE jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati sabiex dan jitwettaq. Jekk ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Unjoni biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-eżerċitar ta’ dawn id-drittijiet.
Skont l-Artikolu 168(6), il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta wkoll rakkomandazzjonijiet għall-finijiet li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.
•Proporzjonalità
L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali jew mhux ikkoordinati x’aktarx twassal għal restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li jkunu inkonsistenti u frammentati, u dan jirriżulta f’inċertezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-UE. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv maħsub.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux applikabbli.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta tqis id-diskussjonijiet li saru f’intervalli regolari mal-Istati Membri, l-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qiegħda tevolvi u l-evidenza xjentifika disponibbli rilevanti.
•Valutazzjoni tal-impatt
Mhux applikabbli.
•Drittijiet fundamentali
Il-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali minqux fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bla ħsara għall-prinċipju tal-proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jissodisfaw l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi r-restrizzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.
Kull limitazzjoni fuq il-moviment liberu fl-Unjoni li tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika trid tkun meħtieġa, proporzjonata u bbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Trid tkun adegwata biex jintlaħaq l-objettiv li tkun qiegħda tfittex li tikseb, u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Xejn.
5.ELEMENTI OĦRA
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-qafas ikkoordinat fost l-Istati Membri għandu jkun iċċentrat fuq il-pussess ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Il-vjaġġaturi b’ċertifikat li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu:
–Il-pussess ta’ ċertifikat validu tat-tilqim għandu jikkwalifika jekk jindika li għadda żmien suffiċjenti mit-tilqim komplut kif definit fir-Rakkomandazzjoni, u dment li ma jkunux għaddew aktar minn disa’ xhur mid-data tat-tilqim, meta ċ-ċertifikat ikun inħareġ wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju.
–Il-pussess ta’ ċertifikat tat-test validu għandu jikkwalifika jekk ikollu l-perjodi ta’ validità standard definiti fir-Rakkomandazzjoni;
–Il-pussess ta’ ċertifikat tal-fejqan validu għandu jikkwalifika jekk jindika li jkunu għaddew inqas minn 180 jum mid-data tal-ewwel riżultat tat-test pożittiv.
Fejn issir referenza għaċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, dan għandu jinkludi wkoll ċertifikati COVID-19 maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom minn pajjiżi terzi koperti mill-hekk imsejħa “deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza” adottati skont l-Artikolu 3(10) jew l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953 għall-fini tal-iffaċilitar tad-dritt ta’ moviment liberu fl-Unjoni.
Persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jistgħu jintalbu jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel jew wara l-wasla.
Il-kwarantina għandha tkun meħtieġa biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni, jiġifieri:
–fil-każ ta’ vjaġġaturi li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim jew tal-fejqan li jaslu minn żoni fejn il-virus ikun qed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna; jew
–b’reazzjoni għal varjant ġdid ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2.
F’għadd limitat ta’ każijiet, il-persuni li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE:
–Persuni li jivvjaġġaw minħabba funzjoni jew ħtieġa essenzjali u komunitajiet transfruntiera.
–Persuni li jivvjaġġaw minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli baxxi ħafna, minħabba r-riskju limitat li jġorru l-virus.
Barra minn hekk, għandhom japplikaw regoli speċifiċi għat-tfal li jeżerċitaw drittijiet ta’ moviment liberu:
–Meta jivvjaġġaw minn żoni li mhumiex dawk fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, it-tfal taħt it-12-il sena ma għandhomx ikunu meħtieġa jkollhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE fil-pussess tagħhom;
–Meta jivvjaġġaw minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, it-tfal minn 6 sa 12-il sena li jkollhom fil-pussess tagħhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu jew test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, kemm jekk ikun ċertifikat tat-tilqim, tat-test jew tal-fejqan, ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu l-kwarantina/awtoiżolament;
–Meta jivvjaġġaw minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, it-tfal taħt is-sitt snin għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 b’rabta mal-ivvjaġġar.
Biex jiġu indirizzati l-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, u b’mod partikolari biex jiġi żgurat approċċ ikkoordinat rigward l-isforzi mmirati lejn id-dewmien tat-tixrid ta’ varjant ġdid fl-Unjoni, l-hekk imsejħa proċedura ta’ “brejk ta’ emerġenza” għandha tiġi razzjonalizzata u ssimplifikata:
–Jekk Stat Membru jqis li huwa meħtieġ li jiġu imposti miżuri fuq l-ivvjaġġar minn Stat Membru ieħor minħabba li jfeġġ varjant ġdid ta’ tħassib jew ta’ interess jew minħabba sitwazzjoni epidemjoloġika li tiddeterjora malajr fi Stat Membru jew f’reġjun tiegħu, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Kunsill mill-aktar fis possibbli.
–Għandha tiġi organizzata diskussjoni madwar mejda dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (Integrated Political Crisis Response, IPCR), li tagħti lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jiddeskrivi r-raġunament għall-miżuri tiegħu. Bl-istess mod, abbażi tal-attivitajiet ta’ sorveljanza li għaddejjin tal-ECDC, il-Kummissjoni tista’ tissuġġerixxi li tissejjaħ diskussjoni madwar mejda.
–F’din l-okkażjoni, il-Kummissjoni tista’ tissuġġerixxi approċċ ikkoordinat rigward l-ivvjaġġar mill-Istat Membru/reġjun affettwat bil-għan, b’mod partikolari, li jiġi ttardjat it-tixrid tal-varjant fl-UE (pereżempju rekwiżiti ta’ ttestjar għal persuni mlaqqmin/li fiequ, rekwiżiti ta’ kwarantina għall-vjaġġaturi kollha/mhux imlaqqma, eċċ.).
–L-IPCR imbagħad jista’ jikkonkludi li jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri mill-Istati Membri kollha. Is-sitwazzjoni mbagħad għandha tiġi riveduta regolarment, u l-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistgħu jissuġġerixxu t-tneħħija tal-miżuri speċifiċi meħuda.
–Barra minn hekk, l-ECDC għandu jkompli jippubblika l-mapep tiegħu dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, b’mod partikolari dwar il-volumi ta’ sekwenzjar u d-distribuzzjoni tal-varjant.
Sabiex il-pubbliku u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkomplu jiġu pprovduti b’informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika madwar l-Unjoni, għandha tinżamm il-mappa reġjonali bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku. Madankollu, filwaqt li jitqies il-progress f’termini tat-teħid tal-vaċċin, il-kriterji u l-livelli limiti tal-mappa għandhom jiġu adattati. Il-kriterju ta’ każijiet ġodda għandu jiġi ponderat abbażi tat-teħid tal-vaċċin fl-istess reġjun, biex jitqies li t-tilqim inaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tas-SARS-CoV-2. Pereżempju, f’żona fejn nofs il-popolazzjoni hija mlaqqma, ir-rata ponderata għandha tammonta għal 75 % tar-rata tan-notifiki tal-każijiet. Ir-rata ponderata li tirriżulta għandha tiġi assenjata kodiċi tal-kuluri bl-użu tal-livelli limiti tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju żviluppat mill-ECDC fir-rigward tar-rata fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet, għajr għal reġjuni b’rata mhux suffiċjenti tal-ittestjar. L-ispeċifiċitajiet tal-mappa għandhom jiġu inklużi f’anness tar-Rakkomandazzjoni.
Minbarra li tiġi pprovduta informazzjoni, il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku għandha tintuża biex jiġu ddeterminati, għall-finijiet deskritti hawn fuq, iż-żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli baxxi ħafna (indikati bl-aħdar), kif ukoll iż-żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna (indikati bl-aħmar skur).
2021/0396 (NLE)
Proposta għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar approċċ ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19 u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 168(6) u l-Artikolu 292, l-ewwel u t-tieni sentenza tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt tal-moviment liberu.
(2)Skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat, kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u l-miżuri adottati sabiex dan jitwettaq. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedi wkoll il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza. Peress li jirriżulta li l-azzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa biex jintlaħaq l-objettiv stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat, u t-Trattati ma jipprovdux b’modi oħra s-setgħat meħtieġa, il-Kunsill jista’ jadotta dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilita l-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment u ta’ residenza liberi.
(3)Skont l-Artikolu 168(1) tat-Trattat, fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni jrid jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.
(4)Fit-30 ta’ Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali ta’ coronavirus ġdid, li jikkawża l-marda tal-Coronavirus 2019 (COVID-19). Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija.
(5)Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jmorru minn post għal ieħor u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għal vjaġġaturi transfruntiera li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment ħieles biex jagħmlu testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.
(6)Peress li l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat emerġenza tas-saħħa mingħajr preċedent, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika saret prijorità prevalenti kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri tagħha. Fuq il-bażi li tiġi protetta s-saħħa pubblika, l-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Skont l-Artikolu 168(7) tat-Trattat, id-definizzjoni tal-politiki nazzjonali tas-saħħa, inkluż l-organizzazzjoni u l-forniment ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika, hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri u għalhekk tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li l-Istati Membri huma kompetenti biex jiddeċiedu dwar l-aktar miżuri xierqa biex jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika, huwa xieraq li tiġi żgurata l-koordinazzjoni ta’ tali miżuri, bil-għan li jiġi ssalvagwardat l-eżerċitar tad-dritt tal-moviment liberu u tiġi miġġielda theddida transfruntiera serja għas-saħħa bħall-COVID-19.
(7)Meta jadottaw u japplikaw restrizzjonijiet għall-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni hija maħsuba biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ikkoordinat, għas-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.
(8)Miżuri unilaterali f’dan il-qasam għandhom il-potenzjal li jikkawżaw tħarbit sinifikanti peress li n-negozji u ċ-ċittadini qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ miżuri diverġenti u li jinbidlu malajr. Dan huwa partikolarment dannuż f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija tal-Unjoni diġà ġiet affettwata b’mod sinifikanti mill-virus.
(9)Approċċ ikkoordinat għandu l-għan li jipprevjeni l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni. L-għeluq tal-fruntieri jew il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar b’mod ġenerali, kif ukoll is-sospensjoni tat-titjiriet, it-trasport fuq l-art u l-qsim tal-ilma, ma humiex ġustifikati, peress li miżuri aktar immirati, bħal ċertifikati COVID-19 jew l-ittestjar, għandhom impatt suffiċjenti u jikkawżaw inqas tħarbit. Is-sistema ta’ “Korsiji Ħodor” għandha żżomm il-flussi tat-trasport għaddejjin, b’mod partikolari biex tiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi, u b’hekk jiġi evitat it-tħarbit fil-katina tal-provvista.
(10)Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri, il-Kunsill adotta, fit-13 ta’ Ottubru 2020, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475. Dik ir-Rakkomandazzjoni stabbiliet approċċ ikkoordinat dwar il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri maqbul, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jmorru minn post għal ieħor bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni. Fl-1 ta’ Frar 2021, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/119 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 fid-dawl ta’ livell għoli ħafna ta’ trażmissjoni komunitarja madwar l-UE, possibbilment marbuta maż-żieda fit-trażmissibbiltà tal-varjanti l-ġodda ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2.
(11)Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19. Il-qafas ġie stabbilit biex, matul il-pandemija tal-COVID-19, jiffaċilita l-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu li għandhom id-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Dak ir-Regolament jikkontribwixxi wkoll għall-faċilitazzjoni tat-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti mill-Istati Membri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex jiġi limitat it-tixrid tas-SARS-CoV-2, b’mod ikkoordinat.
(12)Ir-Regolament (UE) 2021/953 beda japplika mill-1 ta’ Lulju 2021. Minn dik id-data, il-persuni mlaqqmin, ittestjati jew li fiequ kellhom id-dritt li jiksbu Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE wara t-tilqim, it-test jew il-fejqan fi Stat Membru. Sabiex isir l-aħjar użu mill-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, il-Kunsill adotta, fl-14 ta’ Ġunju 2021, ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2021/961 li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475.
(13)Minn Ġunju 2021, seħħew żewġ żviluppi importanti b’impatt fuq il-moviment liberu fl-Unjoni. L-ewwel nett, it-teħid tal-vaċċin żdied b’mod sinifikanti, bit-teħid kumulattiv tat-tilqim komplut fost il-popolazzjoni totali tal-Unjoni li laħaq aktar minn 65 % sad-19 ta’ Novembru 2021 meta mqabbel ma’ inqas minn 30 % meta ġew adottati l-aħħar emenda għar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 u r-Regolament (UE) 2021/953. Bħala riżultat tal-vaċċini kontra l-COVID-19 li huma disponibbli bħalissa, perċentwal ogħla b’mod sinifikanti tal-popolazzjoni huwa għalhekk protett aħjar milli jimrad b’mod serju u jmut minħabba l-COVID-19. It-tieni nett, id-distribuzzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għamlet progress rapidu. Sa Novembru 2021, l-Istati Membri ħarġu aktar minn 650 miljun Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE. Għalhekk, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa għodda disponibbli, affidabbli u aċċettata b’mod wiesa’ biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE mhux biss jintuża mill-Istati Membri tal-UE, mit-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea mhux tal-UE u mill-Iżvizzera, iżda wkoll minn 20 pajjiż terz u territorju ieħor, b’aktar pajjiżi terzi mistennija jissieħbu fil-futur. Fl-istess ħin, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni għadha ta’ sfida, u tiġġustifika ż-żamma ta’ miżuri li għandhom il-protezzjoni tas-saħħa pubblika fil-mira tagħhom.
(14)Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, l-approċċ komuni stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 għandu jiġi adattat ulterjorment, kif intalab ukoll mill-Kunsill Ewropew fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta’ Ottubru 2021. B’mod partikolari, l-istatus tat-tilqim, tat-test jew tal-fejqan ta’ persuna b’rabta mal-COVID-19, kif muri minn Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, għandu jkun il-fattur determinanti ewlieni. Peress li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jistgħu jinħarġu, jiġu vverifikati u jiġu aċċettati b’mod sikur, il-vjaġġaturi fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu, bħal testijiet ulterjuri għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2. B’mod partikolari, il-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni fil-prinċipju ma għandhomx ikunu meħtieġa li jagħmlu kwarantina, minħabba li din tikkostitwixxi restrizzjoni sinifikanti tal-moviment liberu.
(15)Dan huwa appoġġat minn rakkomandazzjonijiet maħruġa mid-WHO, li skonthom il-vjaġġaturi kompletament imlaqqma, kif ukoll il-vjaġġaturi li jkunu fiequ mill-COVID-19 fis-sitt xhur ta’ qabel ma jivvjaġġaw, ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali. Il-persuni li ma jaqgħux f’dawn iż-żewġ kategoriji għandhom fil-prinċipju jkunu jistgħu jivvjaġġaw abbażi ta’ test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.
(16)Sabiex jiġi ssimplifikat il-moviment liberu fl-Unjoni, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit fehim komuni tal-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw it-tliet tipi taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE sabiex jiġu aċċettati.
(17)Iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa għal vaċċin kontra l-COVID-19 li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom jiġu aċċettati ladarba jkunu għaddew tal-inqas 14-il jum mit-tilqim komplut. Persuni li jkunu għamlu t-tieni doża f’sensiela ta’ żewġ dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19, inkluż fejn ikunu saru żewġ dożi ta’ vaċċini differenti kontra l-COVID-19 skont l-istrateġiji nazzjonali tat-tilqim, u persuni li jkunu għamlu vaċċin b’doża waħda għandhom jitqiesu bħala kompletament imlaqqma. Mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-istrateġiji tat-tilqim tagħhom, persuna li tkun irċeviet doża waħda ta’ vaċċin kontra l-COVID-19 b’żewġ dożi li jkun ingħata awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq skont ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 wara li tkun ġiet preċedentement infettata bis-SARS-CoV-2 għandha titqies ukoll, f’kuntest tal-ivvjaġġar, bħala kompletament imlaqqma, meta jkun indikat fiċ-ċertifikat tat-tilqim li l-kors tat-tilqim ikun tlesta wara l-għoti ta’ doża waħda.
(18)Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà ħabbru jew diġà bdew bl-għoti ta’ dożi addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19 minbarra s-sensiela standard tat-tilqim primarju, jiġifieri s-sensiela tat-tilqim maħsuba biex tagħti biżżejjed protezzjoni fl-istadju inizjali, b’mod partikolari dożi żejda lill-persuni li jista’ jkun ma rrispondewx b’mod adegwat għas-sensiela tat-tilqim primarju. Ħafna Stati Membri ħabbru wkoll jew diġà bdew jagħtu dożi booster lil persuni li wieġbu b’mod adegwat għat-tilqim primarju iżda juru sinjali li qiegħda tbattilhom l-immunità.
(19)Fl-4 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat dwar Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kkonkluda li tista’ tingħata doża addizzjonali tal-vaċċini kontra l-COVID-19 Comirnaty u Spikevax lin-nies b’sistemi immunitarji dgħajfa ħafna, mhux inqas minn 28 jum wara t-tieni doża tagħhom. Il-Kumitat evalwa wkoll id-data għall-Comirnaty li turi żieda fil-livelli tal-antikorpi meta tingħata doża booster madwar sitt xhur wara t-tieni doża f’persuni ta’ bejn it-18 u l-55 sena. Abbażi ta’ din id-data, il-Kumitat ikkonkluda li d-dożi booster għall-Comirnaty jistgħu jitqiesu mhux inqas minn sitt xhur wara t-tieni doża għal persuni ta’ 18-il sena jew aktar. Fil-25 ta’ Ottubru 2021, il-Kumitat ikkonkluda li tista’ titqies doża booster ta’ Spikevax f’persuni ta’ 18-il sena jew aktar. Dan seħħ wara data li turi li t-tielet doża ta’ Spikevax mogħtija minn sitt xhur sa tmien xhur wara t-tieni doża wasslet għal żieda fil-livelli ta’ antikorpi f’adulti li l-livelli ta’ antikorpi tagħhom kienu qegħdin ibattu. Id-doża booster tikkonsisti f’nofs id-doża użata għall-iskeda tat-tilqim primarju. Kif stqarret l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, il-korpi tas-saħħa pubblika fil-livell nazzjonali jistgħu joħorġu rakkomandazzjonijiet uffiċjali dwar l-użu ta’ dożi booster, filwaqt li jqisu d-data emerġenti dwar l-effettività u d-data limitata dwar is-sikurezza. Id-dokumenti ta’ informazzjoni dwar il-prodott ta’ Comirnaty u Spikevax ġew aġġornati kif xieraq biex jinkludu dawn ir-rakkomandazzjonijiet.
(20)Sabiex jiġu evitati approċċi diverġenti, li joħolqu konfużjoni jew teknikament inkompatibbli fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni adottat, fis-17 ta’ Novembru 2021, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2014 li tistabbilixxi regoli uniformi dwar kif jimtlew iċ-ċertifikati tat-tilqim imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 maħruġa wara l-għoti ta’ dożi tat-tilqim addizzjonali tal-COVID-19.
(21)F’dan il-kuntest, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ippubblika, fl-24 ta’ Novembru 2021, Valutazzjoni Rapida tar-Riskju dwar l-ivvalutar tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali tas-SARS-CoV-2, projezzjonijiet għall-istaġun festiv tal-aħħar tas-sena u strateġiji għar-reazzjoni fl-UE/fiż-ŻEE. Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, il-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE għandhom jikkunsidraw b’urġenza doża booster għal dawk li għandhom 40 sena u aktar, u għandu jkollhom fil-mira lil dawk l-aktar vulnerabbli u lill-anzjani, u li l-pajjiżi jistgħu jikkunsidraw ukoll doża booster għall-adulti kollha li għandhom 18-il sena jew aktar, minn tal-inqas 6 xhur wara li jlestu s-sensiela primarja tagħhom biex iżidu l-protezzjoni mill-infezzjoni minħabba li l-immunità qiegħda tbatti, u li tista’ potenzjalment tnaqqas it-trażmissjoni fil-popolazzjoni u tevita li jiġu rikoverati aktar nies l-isptar u li jkun hemm aktar imwiet.
(22)L-evidenza disponibbli bħalissa dwar l-effettività tal-vaċċin “fid-dinja reali” u t-tul ta’ żmien tal-protezzjoni turi li l-vaċċini kollha awtorizzati mill-Unjoni huma, għalissa, protettivi ħafna kontra l-ospitalizzazzjoni, il-mard serju u l-mewt relatati mal-COVID-19, għalkemm b’xi evidenza ta’ tnaqqis żgħir fil-protezzjoni f’individwi akbar fl-età u f’dawk b’fatturi ta’ riskju kliniku għal mard aktar serju.
(23)B’rabta mal-għoti tad-dożi booster, aktar u aktar Stati Membri qegħdin jadottaw regoli dwar kemm għandhom jiġu aċċettati fit-tul iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara s-sensiela tat-tilqim primarju, filwaqt li jitqies li l-protezzjoni li tirriżulta mill-infezzjoni bil-COVID-19 tidher li qiegħda tbatti maż-żmien. Dawn ir-regoli japplikaw għall-każijiet ta’ użu domestiku biss, jew inkella japplikaw ukoll għall-użu taċ-Ċertifikati tat-tilqim għall-finijiet tal-ivvjaġġar. Sabiex jiġu evitati miżuri diverġenti u ta’ tħarbit, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-ivvjaġġar, perjodu standard ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati tat-tilqim.
(24)Dan il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati maħruġa wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju għandu jiġi stabbilit għal disa’ xhur. Dan iqis il-gwida tal-ECDC rigward l-għoti tad-dożi booster minn sitt xhur wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju, u jipprevedi perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur biex jiġi żgurat li l-kampanji nazzjonali ta’ tilqim ikunu jistgħu jadegwaw ruħhom u ċ-ċittadini jkollhom aċċess għall-għoti tal-boosters. L-Istati Membri, sabiex jiżguraw approċċ ikkoordinat, ma għandhomx jaċċettaw ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju jekk ikunu għaddew aktar minn disa’ xhur mill-għoti tad-doża indikata fihom. F’dan il-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni, iċ-ċertifikati tat-tilqim li nħarġu wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju għandhom ikomplu jiġu aċċettati minn Stat Membru anke jekk diġà jkun qiegħed jagħti dożi addizzjonali.
(25)L-Istati Membri għandhom jieħdu minnufih il-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw l-aċċess għat-tilqim għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom li ilhom li nħarġu jkunu waslu biex jilħqu l-limitu tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni, billi jitqiesu għalkollox id-deċiżjonijiet interni dwar il-prijoritizzazzjoni għal gruppi differenti tal-popolazzjoni fl-organizzazzjoni tad-distribuzzjoni tat-tilqim fid-dawl tal-politika nazzjonali u s-sitwazzjoni epidemjoloġika.
(26)Kif irrappurtat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, iż-żminijiet għas-segwitu wara l-għoti tad-doża booster fl-istudji disponibbli huma qosra, u hemm bżonn ta’ aktar monitoraġġ tad-data biex jiġi ddeterminat it-tul ta’ żmien tal-immunità, wara d-doża booster, għall-infezzjoni, għall-marda ħafifa u għall-marda serja. Sa issa, għad ma hemm l-ebda studju li jindirizza b’mod espliċitu l-effettività tal-boosters fuq it-trażmissjoni tas-SARS-CoV-2 u għalhekk għalissa mhuwiex possibbli li jiġi ddeterminat perjodu ta’ aċċettazzjoni għall-boosters. Madankollu, id-data emerġenti rigward l-effettività tagħhom biex ireġġgħu lura protezzjoni għolja mill-infezzjoni, tindika li d-dożi booster x’aktarx ukoll se jkollhom impatt sinifikanti biex jillimitaw it-trażmissjoni suċċessiva u wieħed jista’ raġonevolment jistenna li l-protezzjoni li jagħti t-tilqim booster tista’ ddum aktar minn dik li tagħti s-sensiela primarja.
(27)Il-Kummissjoni għandha tiġi mistiedna twettaq monitoraġġ u tevalwa mill-ġdid b’mod regolari l-approċċ fir-rigward tal-perjodu ta’ aċċettazzjoni biex tivvaluta jekk jistgħux ikunu meħtieġa adattamenti jew bidliet abbażi ta’ evidenza xjentifika emerġenti ġdida inkluż b’rabta mal-perjodu ta’ aċċettazzjoni għaċ-ċertifikati maħruġa wara l-għoti ta’ doża booster.
(28)Sabiex jiġi ssimplifikat il-moviment liberu fl-Unjoni, għandhom jinżammu l-perjodi ta’ validità standard għaċ-ċertifikati tat-test. Il-kampjunar meħtieġ għal test ta’ amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (NAAT), sabiex ikun eliġibbli, għandu jkun sar mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla. Perjodu ta’ validità iqsar ta’ mhux aktar minn 48 siegħa huwa ġġustifikat għal testijiet rapidi tal-antiġeni elenkati fl-Anness I tal-lista komuni tal-UE tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 maqbula mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa.
(29)Matul l-aħħar ftit xhur, il-prestazzjoni klinika tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tjiebet. F’Mejju 2021, il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku dwar it-testijiet dijanjostiċi tal-COVID-19 stabbilit mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, responsabbli għaż-żamma tal-lista komuni tal-UE ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni, stabbilixxa proċedura aktar strutturata, koerenti u rapida għall-aġġornament tal-lista. Barra minn hekk, fil-21 ta’ Settembru 2021, il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku qabel dwar definizzjonijiet u kriterji addizzjonali li għandhom jitqiesu għal studji ta’ validazzjoni indipendenti li jivvalutaw il-prestazzjoni klinika tat-testijiet rapidi tal-antiġeni għad-dijanjożi tal-COVID-19. Għall-ħruġ taċ-ċertifikati tat-testijiet fil-format taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għandhom ikunu validi biss ir-riżultati ta’ testijiet rapidi tal-antiġeni bbażati fuq kampjuni nażali, orofarinġali u/jew nażofarinġali. Il-Grupp ta’ Ħidma Tekniku qabel li jeskludi mil-lista t-testijiet rapidi tal-antiġeni bbażati biss fuq tipi ta’ kampjuni alternattivi bħas-saliva. Barra minn hekk, la t-testijiet tal-antiġeni rapidi miġbura u lanqas l-awtotestijiet rapidi tal-antiġeni ma huma inklużi fil-lista, u dan ikompli jżid il-konsistenza probabbli tal-prestazzjoni tat-testijiet inklużi. Is-seba’ u l-aħħar aġġornament tal-lista komuni ġie maqbul mill-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa fl-10 ta’ Novembru 2021. Minħabba dan it-titjib, l-Istati Membri kollha għandhom, għall-finijiet tal-ivvjaġġar, jaċċettaw kemm ċertifikati tat-test maħruġa wara NAAT kif ukoll ċertifikati tat-test maħruġa wara test rapidu tal-antiġeni preżenti fil-lista komuni tal-UE.
(30)Fid-dawl tal-evidenza li tappoġġa rakkomandazzjoni li persuni li jkunu fiequ mill-marda tal-COVID-19 li tkun ġiet ikkonfermata minn laboratorju ma għandhomx bżonn ittestjar addizzjonali b’rabta mal-ivvjaġġar għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 jew awtoiżolament jew kwarantina b’rabta mal-ivvjaġġar mill-inqas fl-ewwel 180 jum mill-ewwel test NAAT pożittiv, id-detenturi ta’ tali ċertifikati tal-fejqan għandhom ikunu eżentati wkoll minn restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar għal dak il-perjodu.
(31)Is-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE toffri l-possibbiltà li r-regoli ta’ validazzjoni jiġu applikati awtomatikament għas-settijiet tad-data taċ-ċertifikati, filwaqt li jiġi żgurat li r-regoli tal-ivvjaġġar jiġu applikati malajr, b’mod affidabbli u prevedibbli. Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-regoli ta’ validazzjoni taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-funzjonalità standardizzata tal-ipproċessar tar-regoli operattivi offruta mis-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.
(32)Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 ’l hawn, il-Kummissjoni adottat diversi atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu li ċ-ċertifikati tal-COVID-19 maħruġa minn ċertu pajjiż terz lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa mill-Istati Membri f’konformità ma’ dak ir-Regolament bil-għan li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tad-detenturi tagħhom. Meta din ir-Rakkomandazzjoni tagħmel referenza għaċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, dan għandu jinftiehem li jkopri wkoll iċ-ċertifikati maħruġa lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom koperti minn dawn l-atti ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll joħorġu Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/953 għal persuni koperti minn dik id-dispożizzjoni li jkunu tlaqqmu f’pajjiżi terzi, b’mod partikolari pajjiżi terzi li ċ-ċertifikati tagħhom ma humiex koperti minn tali atti ta’ implimentazzjoni.
(33)Kif iddikjarat fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (UE) 2021/953, il-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ma għandux ikun prekundizzjoni għall-eżerċitar tad-dritt għall-moviment liberu. Għalhekk, il-persuni li ma għandhomx Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ma għandhomx jiġu mwaqqfa milli jivvjaġġaw, iżda jistgħu, jekk ikun meħtieġ, ikunu meħtieġa jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel jew wara l-wasla biex jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjonijiet importati.
(34)Din ir-Rakkomandazzjoni tkopri l-użu taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu fl-Unjoni matul il-pandemija tal-COVID-19. Din la tippreskrivi u lanqas tipprojbixxi l-użu taċ-Ċertifikati tal-COVID-19 għal skopijiet domestiċi, bħall-aċċess għal avvenimenti, postijiet fejn isiru l-avvenimenti jew il-lant tax-xogħol. Kif innotat fil-premessa 48 tar-Regolament (UE) 2021/953, fejn Stat Membru jiddeċiedi li juża Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE għal skopijiet oħra, il-bażi ġuridika għal tali użi domestiċi għandha tiġi prevista fil-liġi nazzjonali, li għandha tikkonforma, fost affarijiet oħra, mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Kif innutat fil-Premessa 49 tar-Regolament (UE) 2021/953, meta Stat Membru jistabbilixxi sistema taċ-ċertifikati tal-COVID-19 għal skopijiet domestiċi, għandu jiżgura li ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE jistgħu wkoll jintużaw u jiġu aċċettati għalkollox. Dan sabiex jiġi żgurat li d-detenturi ta’ tali ċertifikati li jmorru fi Stat Membru ieħor waqt li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ma jkollhomx għalfejn jiksbu ċertifikat nazzjonali addizzjonali.
(35)Minħabba s-sitwazzjoni speċifika jew il-funzjoni essenzjali tagħhom, ċerti kategoriji ta’ vjaġġaturi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Fl-istess ħin, din il-lista tista’ tkun aktar limitata meta mqabbla mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475, minħabba li ħafna persuni li jivvjaġġaw għal funzjoni jew ħtieġa essenzjali diġà huma mlaqqma. Din għandha tkopri l-ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri tas-servizzi tat-trasport, il-pazjenti li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi imperattivi, il-baħħara, il-persuni li jaqsmu l-fruntieri kuljum jew ta’ spiss biex imorru jaħdmu jew imorru l-iskola, biex iżuru qraba stretti, biex ifittxu kura medika, jew biex jieħdu ħsieb lill-maħbubin tagħhom, u t-tfal taħt it-12-il sena.
(36)Fid-dawl tal-progress li sar f’termini tat-teħid tal-vaċċin u t-tnedija b’suċċess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, għandhom jiġu applikati miżuri tal-ivvjaġġar COVID-19 fil-livell personali minflok f’dak reġjonali, li jfisser li l-vjaġġaturi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu b’ċertifikat validu, fil-prinċipju, ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali. Fl-istess ħin, għandha tinżamm il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku li tindika s-sitwazzjoni epidemjoloġika fil-livell reġjonali, peress li hija għodda utli u li tinftiehem faċilment għall-pubbliku u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri. Il-kriterji u l-livelli limitu tal-mappa, kif stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475, għandhom madankollu jiġu adattati sabiex tingħata enfasi akbar lill-każijiet tal-COVID-19 notifikati ġodda bħala l-kriterju ewlieni biex jiġi approssimat ir-riskju ta’ vjaġġatur li jimporta infezzjonijiet bis-SARS-CoV-2. Dan il-kriterju għandu jiġi ponderat abbażi tat-teħid tal-vaċċin fl-istess reġjun, biex jitqies li t-tilqim inaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tas-SARS-CoV-2. Ir-rata ponderata li tirriżulta għandha tiġi assenjata kodiċi tal-kuluri bl-użu tal-livelli limitu tal-mudell tal-valutazzjoni tar-riskju żviluppat mill-ECDC, għajr għar-reġjuni b’rata mhux suffiċjenti tal-ittestjar. L-ispeċifiċitajiet tal-mappa għandhom jiġu inklużi f’anness tar-Rakkomandazzjoni. Bl-użu tad-data pprovduta mill-Istati Membri, il-mappa għandha tiġi ppubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard kull ġimgħa.
(37)Minħabba r-riskju limitat li vjaġġaturi li jaslu minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli baxxi ħafna, iġorru l-virus, f’konformità mal-prinċipji ta’ ħtieġa u proporzjonalità, dawn ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni, u għalhekk ma għandhomx ikunu meħtieġa wkoll li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jew li jiġu ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2.
(38)Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna, minħabba l-probabbiltà akbar ta’ każijiet importati minn dawn iż-żoni, kif ukoll il-pressjoni li perjodi twal ta’ każijiet għoljin tista’ tqiegħed fuq is-sistemi pubbliċi tal-kura tas-saħħa ta’ dawn iż-żoni. Sabiex jittaffew dawn ir-riskji għas-saħħa pubblika, l-Istati Membri għandhom jagħtu pariri kontra l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn tali żoni u minnhom. Barra minn hekk, persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim jew tal-fejqan li jaslu minn tali żoni għandhom ikunu meħtieġa li jagħmlu test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel it-tluq kif ukoll li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament wara l-wasla. Għandhom japplikaw eċċezzjonijiet għal vjaġġaturi essenzjali, b’mod partikolari għall-ħaddiema tat-trasport u għall-fornituri tas-servizzi tat-trasport, sabiex jiġi limitat it-tħarbit għas-suq intern u biex jiġi ppreżervat il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”.
(39)Sabiex tiġi żgurata l-unità tal-familji li jivvjaġġaw, it-tfal taħt it-12-il sena li jkollhom fil-pussess tagħhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu, kemm jekk ikun ċertifikat tat-tilqim, ċertifikat tat-test jew ċertifikat tal-fejqan, jew test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina/awtoiżolament b’rabta mal-ivvjaġġar. Barra minn hekk, it-tfal taħt is-sitt snin għandhom ikunu eżenti mir-rekwiżit li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 b’rabta mal-ivvjaġġar.
(40)It-tfeġġija ta’ varjanti ġodda tas-SARS-CoV-2 għadhom raġuni ta’ tħassib u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-kuntest tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jivvaluta regolarment evidenza ġdida dwar varjanti identifikati permezz ta’ intelliġenza epidemika, skrinjar tal-varjanti ġenomiċi bbażat fuq ir-regoli, jew sorsi xjentifiċi oħrajn. Dan ikopri, b’mod partikolari, il-varjanti ta’ tħassib, li għalihom hemm evidenza ċara disponibbli li tindika impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità u/jew l-immunità li x’aktarx ikollha impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE, u varjanti ta’ interess, li għalihom hemm evidenza disponibbli dwar il-proprjetajiet ġenomiċi, l-evidenza epidemjoloġika jew l-evidenza in vitro li jistgħu jimplikaw impatt sinifikanti fuq it-trażmissibbiltà, is-severità jew l-immunità, li realistikament ikollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-UE/fiż-ŻEE. Sabiex jipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-proporzjon tal-varjanti ta’ tħassib u tal-varjanti ta’ interess fl-UE/fiż-ŻEE flimkien mal-volumi tas-sekwenzjar, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard qiegħed jippubblika wkoll mapep u data oħra kull ġimgħa. Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar it-tfeġġija u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, huwa importanti li l-Istati Membri jżommu jew jiksbu volum ta’ sekwenzjar suffiċjentement għoli. Volum insuffiċjenti ta’ sekwenzjar jirriżulta f’kapaċità baxxa li jiġu identifikati varjanti ta’ tħassib li jkunu qegħdin jiċċirkolaw qabel ma jkollhom impatt fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika kumplessiva. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-Istati Membri jqisu d-differenzi fil-volum ta’ sekwenzjar, sabiex ma jiskoraġġixxux livelli għoljin ta’ sekwenzjar.
(41)Il-varjanti tas-SARS-CoV-2 “Alpha” u “Delta”, b’dan tal-aħħar li sar il-varjant dominanti fl-Unjoni, urew l-impatt negattiv li jista’ jkollhom il-varjanti l-ġodda tas-SARS-CoV-2 fuq is-sitwazzjoni epidemjoloġika. Filwaqt li jista’ jkun diffiċli ħafna li jitwaqqaf it-tixrid ta’ varjant ladarba jiġi identifikat fl-Unjoni, minħabba l-impatt potenzjali tagħhom, huwa madankollu xieraq li tiġi stabbilita proċedura ta’ brejk ta’ emerġenza għal approċċ ikkoordinat bil-għan li jiġi ttardjat it-tixrid ta’ varjanti ġodda fl-Unjoni. Biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri, dan għandu japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn l-Istati Membri jimponu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, restrizzjonijiet minħabba li s-sitwazzjoni epidemjoloġika f’żona tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari f’żoni diġà affettwati serjament.
(42)Kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/953, meta Stat Membru jesiġi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, li d-detenturi taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, wara d-dħul fit-territorju tiegħu, jagħmlu kwarantina jew awtoiżolament jew jiġu ttestjati għall-infezzjoni mis-SARS-CoV-2, jew jekk jimponi restrizzjonijiet oħra fuq id-detenturi ta’ tali ċertifikati minħabba li, pereżempju, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari b’riżultat ta’ varjant tas-SARS-CoV-2 ta’ tħassib jew ta’ interess, huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’dan, jekk possibbli 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta’ tali restrizzjonijiet ġodda. Għal dak il-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi r-raġunijiet għal tali restrizzjonijiet u l-ambitu tagħhom, filwaqt li jispeċifika liema detenturi taċ-ċertifikati huma soġġetti għal tali restrizzjonijiet jew eżenti minnhom, u d-data u t-tul ta’ tali restrizzjonijiet, inkluż li jiddeskrivi l-konformità tagħhom mal-prinċipji tal-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni.
(43)Il-proċedura ta’ brejk ta’ emerġenza tista’ tiġi skattata jew minn Stat Membru, abbażi tal-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa skont ir-Regolament (UE) 2021/953, jew mill-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni regolari ta’ evidenza ġdida dwar il-varjanti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Din tista’ tirriżulta fi ftehim, ibbażat fuq proposta mill-Kummissjoni, biex jiġu applikati, għal perjodu ta’ żmien limitat, restrizzjonijiet addizzjonali fuq l-ivvjaġġar miż-żoni kkonċernati, bħall-ittestjar jew ir-rekwiżiti ta’ kwarantina/awtoiżolament għall-vjaġġaturi jew it-tnejn li huma. Il-qafas għad-definizzjoni u l-valutazzjoni tal-kriterji li jistgħu jirriżultaw fl-iskattar ta’ interventi tas-saħħa pubblika kontra varjanti ta’ tħassib, li bħalissa qiegħed jiġi żviluppat mill-grupp Ewropew ta’ esperti dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, għandu jitqies ladarba jkun disponibbli.
(44)Sabiex jiġi ppreżervat il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”, ir-rekwiżiti tal-ittestjar imposti fuq il-ħaddiema tat-trasport u tal-fornituri tas-servizzi tat-trasport minħabba li jiskatta l-brejk ta’ emerġenza għandhom ikunu limitati għat-testijiet rapidi tal-antiġeni, u ma għandha tkun meħtieġa l-ebda kwarantina/awtoiżolament. Tali rekwiżiti tal-ittestjar ma għandhomx iwasslu għal tħarbit fit-trasport. Jekk iseħħ tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, kwalunkwe rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku bħal dan għandu jitneħħa jew jitħassar immedjatament.
(45)It-traċċar tal-kuntatti jibqa’ pilastru ċentrali tal-ġlieda kontra t-tixrid tal-virus, speċjalment b’rabta mat-tfeġġija ta’ varjanti ġodda. Fl-istess ħin, it-traċċar tal-kuntatti effettiv u f’waqtu huwa aktar diffiċli meta jkun jeħtieġ li jitwettaq b’mod transfruntiera u għal volumi kbar ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw qrib xulxin. Sabiex dan jiġi ffaċilitat, ġiet żviluppata Formola Diġitali tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (“PLF”), u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jagħmlu użu minn dan il-format komuni biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll jingħaqdu mal-Pjattaforma ta’ Skambju tal-PLF, stabbilita abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/858, biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom tat-traċċar transfruntiera tal-kuntatti għall-modi kollha tat-trasport. Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF tippermetti l-iskambju sigur, f’waqtu u effettiv tad-data bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, billi tippermettilhom jittrażmettu informazzjoni mis-sistemi diġitali nazzjonali eżistenti tal-PLF tagħhom u informazzjoni epidemjoloġika rilevanti lil awtoritajiet kompetenti oħrajn b’mod interoperabbli u awtomatiku.
(46)Meta l-PLFs jintużaw ukoll għal skopijiet oħra għajr it-traċċar tal-kuntatti, pereżempju biex jiġi ddeterminat jekk vjaġġatur li jkun se jidħol għandux jagħmel test għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2, in-nuqqas ta’ sottomissjoni ta’ PLF fil-ħin qabel il-wasla ma għandhiex tirriżulta fiċ-ċaħda tad-dħul tal-vjaġġatur fil-pajjiż ikkonċernat, peress li dan jammonta għal restrizzjoni serja tal-moviment liberu. Fejn xieraq, tali vjaġġaturi jistgħu madankollu jkunu meħtieġa jissottoponu ruħhom għal miżuri oħra, bħal test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jsir wara l-wasla.
(47)Informazzjoni ċara, f’waqtha u komprensiva għall-pubbliku ġenerali tibqa’ kruċjali biex jiġu limitati l-impatti ta’ kwalunkwe restrizzjoni fis-seħħ fuq il-moviment liberu, filwaqt li tiżgura prevedibbiltà, ċertezza tad-dritt u konformità miċ-ċittadini. L-Istati Membri għandhom jipprovdu tali informazzjoni f’waqtha, inkluż permezz tal-pjattaforma web “Re-open EU”. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa wkoll jipprovdu, fuq “Re-open EU”, informazzjoni dwar l-użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, minħabba r-rilevanza ta’ tali informazzjoni għall-vjaġġaturi minn Stati Membri oħra.
(48)Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qiegħda tevolvi, u hekk kif issir disponibbli evidenza xjentifika aktar rilevanti, il-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, għandha tirrevedi din ir-Rakkomandazzjoni regolarment, u tibgħat is-sejbiet tagħha lill-Kunsill għall-kunsiderazzjoni tiegħu, flimkien ma’ proposta biex tiġi emendata r-Rakkomandazzjoni, fejn meħtieġ.
(49)Minħabba li din ir-Rakkomandazzjoni tadatta u tiżviluppa aktar l-approċċ komuni biex tiffaċilita l-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 għandha tiġi sostitwita.
(50)Sabiex jingħata lok għal żmien biżżejjed biex l-approċċ ikkoordinat stabbilit f’din ir-Rakkomandazzjoni jiġi implimentat, ir-Rakkomandazzjoni għandha tapplika mill-10 ta’ Jannar 2022.
(51)F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, il-mekkaniżmi stabbiliti b’din ir-Rakkomandazzjoni għandhom ikunu strettament limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni u fiż-żmien għar-restrizzjonijiet adottati b’reazzjoni għal din il-pandemija. Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tieqaf tapplika wkoll mhux aktar tard minn meta r-Regolament (UE) 2021/953 ma jibqax japplika,
ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
Prinċipji Ġenerali
Meta jadottaw u japplikaw miżuri biex jipproteġu s-saħħa pubblika b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom abbażi tal-prinċipji li ġejjin:
1.Kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni stabbilita biex tillimita t-tixrid tal-COVID-19 għandha tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa neċessarju li dawn il-limitazzjonijiet jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, kwalunkwe miżura li tittieħed ma għandhiex testendi lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa pubblika.
2.Kwalunkwe restrizzjoni għandha titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit impost fuq iċ-ċittadini u n-negozji jipprovdi benefiċċju konkret għall-isforzi tas-saħħa pubblika biex tiġi miġġielda l-pandemija u ma joħloqx piż amministrattiv żejjed u bla bżonn.
4.Ma jista’ jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju billi jiġu applikati regoli aktar ġenerużi għall-ivvjaġġar lejn u minn Stat Membru ġar meta mqabbel mal-ivvjaġġar lejn u minn Stati Membri oħra fl-istess sitwazzjoni epidemjoloġika.
5.Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux ikunu diskriminatorji, jiġifieri, għandhom japplikaw bl-istess mod għaċ-ċittadini li jirritornaw tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata.
6.L-Istati Membri dejjem għandhom idaħħlu liċ-ċittadini tagħhom stess u liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jkunu residenti fit-territorju tagħhom. Fil-prinċipju, l-Istati Membri ma għandhomx jirrifjutaw id-dħul ta’ persuni oħra li jivvjaġġaw minn Stati Membri oħra, u għandhom jiffaċilitaw it-tranżitu rapidu mit-territorji tagħhom.
7.L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet ta’ reġjuni transfruntiera, lir-reġjuni ultraperiferiċi, l-esklavi u ż-żoni ġeografikament iżolati u lill-ħtieġa ta’ kooperazzjoni fil-livell lokali u dak reġjonali.
8.L-Istati Membri għandhom jevitaw tħarbit fil-ktajjen tal-provvista u fl-ivvjaġġar essenzjali u għandhom iżommu għaddejjin il-flussi tat-trasport skont is-sistema tal-“Korsiji Ħodor”.
9.L-Istati Membri għandhom jiskambjaw regolarment l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
10.Ir-restrizzjonijiet ma għandhomx jieħdu l-forma ta’ projbizzjonijiet fuq l-operat ta’ ċerti servizzi tat-trasport.
Qafas ikkoordinat biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu sikur matul il-pandemija tal-COVID-19
11.Il-vjaġġaturi fil-pussess ta’ Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2021/953 li jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-punt 12 ma għandhomx ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet addizzjonali għall-moviment liberu. B’mod partikolari, il-persuni li jivvjaġġaw fl-Unjoni ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina.
F’dan il-kuntest, id-derogi li ġejjin għandhom japplikaw għall-ewwel subparagrafu:
(a)l-eżenzjonijiet stabbiliti fil-punt 16;
(b)l-eċċezzjonijiet stabbiliti fil-punt 19(a) għall-wasliet minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli baxxi ħafna u li għalhekk x’aktarx ma jirriżultawx f’livell sinifikanti ta’ każijiet importati;
(c)miżuri addizzjonali stabbiliti fil-punt 19(c) għall-wasliet minn żoni fejn il-virus ikun qiegħed jiċċirkola f’livelli għoljin ħafna u għalhekk x’aktarx li jirriżultaw f’livell sinifikanti ta’ każijiet importati;
(d)miżuri addizzjonali miftiehma skont il-punt 25 biex jiġi ttardjat it-tixrid ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2.
12.Iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għandu jiġi aċċettat jekk l-awtentiċità, il-validità u l-integrità tiegħu jkunu jistgħu jiġu vverifikati u jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)Iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċini kontra l-COVID-19 koperti mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(5) ta’ dak ir-Regolament, u li jindikaw li jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum mit-tilqim komplut. Tilqim komplut għandha tinftiehem bħala:
–li tkun saret it-tieni doża f’sensiela ta’ żewġ dożi;
–li jkun sar vaċċin ta’ doża waħda;
–li tkun saret, f’konformità mal-istrateġija tat-tilqim tal-Istat Membru tat-tilqim, doża waħda ta’ vaċċin b’żewġ dożi wara li dak li jkun ikollu infezzjoni preċedenti bis-SARS-CoV-2;
–li tkun saret doża addizzjonali wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju;
dment li jkunu għaddew inqas minn disa’ xhur mid-data tat-tilqim indikata fiċ-ċertifikat, meta ċ-ċertifikat ikun inħareġ wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju.
Fil-limitu ta’ żmien ta’ disa’ xhur, għall-finijiet tal-ivvjaġġar fl-eżerċitar tad-drittijiet tal-moviment liberu, iċ-ċertifikati tat-tilqim maħruġa wara t-tlestija tas-sensiela tat-tilqim primarju għandhom ikomplu jiġu aċċettati anke jekk jingħataw dożi addizzjonali fl-Istati Membri kkonċernati.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-aċċess għat-tilqim b’dożi booster għal dawk il-gruppi tal-popolazzjoni li ċ-ċertifikati tat-tilqim tagħhom jkunu waslu biex jilħqu l-limitu tal-perjodu standard ta’ aċċettazzjoni.
L-Istati Membri jistgħu jaċċettaw ukoll ċertifikati tat-tilqim maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 għal vaċċini kontra l-COVID-19 koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(5) tar-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.
Abbażi ta’ evidenza xjentifika ulterjuri, il-Kummissjoni għandha tevalwa mill-ġdid b’mod regolari l-approċċ stabbilit fil-punt (a).
(b)Iċ-ċertifikati tat-test maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 li jindikaw riżultat negattiv tat-test miksub:
–mhux aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla, fil-każ ta’ test tal-amplifikazzjoni tal-aċidu nuklejku molekulari (nucleic acid amplification test, NAAT); jew
–mhux aktar minn 48 siegħa qabel il-wasla, fil-każ ta’ test rapidu tal-antiġeni (rapid antigen test, RAT) elenkat fil-lista komuni u aġġornata tat-testijiet rapidi tal-antiġeni tal-COVID-19 stabbiliti abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2021.
Għall-finijiet tal-ivvjaġġar fl-eżerċitar tad-drittijiet ta’ moviment liberu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw iż-żewġ tipi ta’ testijiet.
L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżguraw li ċ-ċertifikati tat-test jinħarġu mill-aktar fis possibbli wara l-ġbir tal-kampjun tat-test.
(c)Iċ-ċertifikati tal-fejqan maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 li jindikaw li jkunu għaddew inqas minn 180 jum mid-data tal-ewwel riżultat pożittiv tan-NAAT.
13.L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-funzjonalità standardizzata tal-ipproċessar tar-regoli operattivi offruta mis-sistema taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE.
14.Fejn din ir-Rakkomandazzjoni tagħmel referenza għaċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE maħruġa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, dan għandu jinftiehem ukoll li jkopri ċ-ċertifikati koperti minn att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 3(10) jew l-Artikolu 8(2) ta’ dak ir-Regolament maħruġa minn pajjiżi terzi lil ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll joħorġu ċertifikati tat-tilqim skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/953.
15.Persuni li ma għandhomx Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE maħruġ f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953 jistgħu jkunu meħtieġa li, qabel jew wara l-wasla, jagħmlu NAAT jew RAT elenkati fil-lista komuni u aġġornata.
Eżenzjonijiet
16.Il-kategoriji ta’ vjaġġaturi li ġejjin ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2021/953:
(a)it-tipi ta’ vjaġġaturi li ġejjin b’funzjoni jew bi ħtieġa essenzjali, meta jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali:
–il-ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri ta’ servizzi tat-trasport, inklużi s-sewwieqa u l-ekwipaġġ ta’ vetturi tal-merkanzija li jkunu qegħdin iġorru oġġetti għall-użu fit-territorju kif ukoll dawk li sempliċiment jgħaddu bi tranżitu;
–il-pazjenti li jivvjaġġaw għal raġunijiet mediċi imperattivi;
–il-baħħara.
(b)il-persuni li jgħixu f’reġjuni tal-fruntieri u li jivvjaġġaw bejn il-fruntieri kuljum jew ta’ spiss għal finijiet ta’ xogħol, negozju, edukazzjoni, familja, kura medika jew biex jipprovdu kura;
(c)tfal taħt l-età ta’ 12-il sena.
Mappa tal-UE bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku u eċċezzjonijiet u miżuri addizzjonali bbażati fuqha
17.Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jippubblika mappa tal-Istati Membri, imqassma skont ir-reġjuni, li tindika r-riskju potenzjali li persuna li tivvjaġġa mir-reġjun tkun infettata bis-SARS-CoV-2 skont sistema ta’ kuluri tad-dawl tat-traffiku. Din il-mappa għandha tinkludi wkoll data mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja u, malli l-kundizzjonijiet jippermettu, mill-Konfederazzjoni Żvizzera.
Il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji, il-livelli limitu u l-kodiċi tal-kuluri stabbiliti fl-Anness. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jkompli jippubblika wkoll mapep separati dwar indikaturi epidemjoloġiċi oħra.
18.Kull ġimgħa, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jippubblika verżjonijiet aġġornati tal-mapep u d-data sottostanti.
19.Il-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku għandha sservi biex tipprovdi lill-pubbliku u lill-awtoritajiet tal-Istati Membri b’informazzjoni dwar l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika madwar l-Unjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, abbażi tal-mappa bil-kuluri tad-dawl tat-traffiku, japplikaw il-miżuri li ġejjin:
(a)il-persuni li jivvjaġġaw minn żoni kklassifikati bħala “ħodor” ma għandhomx ikunu meħtieġa li jkunu fil-pussess taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE validu maħruġ skont ir-Regolament (UE) 2021/953;
(b)l-Istati Membri għandhom jiskoraġġixxu kull ivvjaġġar mhux essenzjali lejn żoni kklassifikati “ħomor skuri” u minnhom;
(c)il-persuni li ma jkunux fil-pussess ta’ ċertifikat tat-tilqim jew tal-fejqan li jaslu minn żoni kklassifikati bħala “ħomor skuri” għandhom ikunu meħtieġa li jagħmlu NAAT jew RAT elenkati fil-lista komuni u aġġornata qabel it-tluq u li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament għal għaxart ijiem wara l-wasla. Il-kwarantina/l-awtoiżolament għandhom jintemmu kmieni jekk il-persuna kkonċernata tagħmel test għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, l-aktar kmieni fil-ħames jum wara l-wasla li jirriżulta f’riżultat negattiv tat-test.
Meta tali persuni jkunu koperti mill-punt 16(a) jew (b), dawn ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu awtoiżolament/kwarantina iżda jaf ikunu meħtieġa jkollhom ċertifikat tat-test negattiv fil-pussess tagħhom. Permezz ta’ deroga, il-ħaddiema tat-trasport u tal-fornituri tas-servizzi tat-trasport ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu awtoiżolament/kwarantina jew ikollhom ċertifikat tat-test negattiv fil-pussess tagħhom meta jeżerċitaw din il-funzjoni essenzjali.
It-tfal taħt it-12-il sena li jkollhom fil-pussess tagħhom Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jew test negattiv għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 li jaslu minn żoni kklassifikati bħala “ħomor skuri” ma għandhomx ikunu meħtieġa jagħmlu kwarantina/awtoiżolament. Barra minn hekk, it-tfal taħt is-sitt snin ma għandhomx ikunu meħtieġa li jagħmlu kwarantina/awtoiżolament b’rabta mal-ivvjaġġar jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 b’rabta mal-ivvjaġġar.
L-indirizzar ta’ varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess u l-brejk ta’ emerġenza
20.L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lit-tixrid ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, speċjalment varjanti li jżidu t-trażmissibbiltà jew is-severità tal-mard jew li jaffettwaw l-effikaċja tal-vaċċin. Għal din il-għan, l-Istati Membri għandhom jużaw id-data u l-valutazzjonijiet tar-riskju ppubblikati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard dwar varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess fl-UE/fiż-ŻEE.
Sabiex jappoġġa lill-Istati Membri, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jkompli jippubblika informazzjoni u mapep dwar il-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, b’mod partikolari dwar il-volumi ta’ sekwenzjar u d-distribuzzjoni tal-varjanti.
21.Sabiex tinkiseb informazzjoni f’waqtha u preċiża dwar it-tfeġġija u ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, l-Istati Membri għandhom jiksbu jew iżommu volumi għoljin ta’ sekwenzjar, idealment f’livell li jippermetti d-detezzjoni ta’ varjanti li jammontaw għal 1 % jew inqas tal-viruses li jiċċirkolaw.
L-Istati Membri, fuq bażi ta’ kull ġimgħa, għandhom jipprovdu data dwar ir-riżultati tas-sekwenzjar tal-każijiet pożittivi tas-SARS-CoV-2 u l-volum ta’ sekwenzjar, inkluż fil-livell reġjonali biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura tista’ tiġi mmirata lejn dawk ir-reġjuni fejn tkun strettament meħtieġa.
22.Meta Stat Membru jirrikjedi li l-vjaġġaturi, inklużi d-detenturi taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, wara d-dħul fit-territorju tiegħu, jagħmlu kwarantina/awtoiżolament jew jiġu ttestjati għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2, jew jekk jimponi restrizzjonijiet oħra fuq id-detenturi ta’ tali ċertifikati, b’reazzjoni għat-tfeġġija ta’ varjant ġdid ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2, dan għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq, inkluż billi jipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/953. Jekk ikun possibbli, tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta 48 siegħa qabel l-introduzzjoni ta’ dawn ir-restrizzjonijiet ġodda. Kull fejn ikun possibbli, tali miżuri għandhom ikunu limitati għal-livell reġjonali.
Dan għandu japplika wkoll għal sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jimponi rekwiżiti addizzjonali ta’ kwarantina/awtoiżolament jew ta’ ttestjar, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, minħabba li s-sitwazzjoni epidemjoloġika fi Stat Membru jew f’żona fi Stat Membru tiggrava f’qasir żmien, b’mod partikolari f’żoni diġà kklassifikati bħala “ħomor skuri”. F’dan il-każ, l-informazzjoni pprovduta għandha tindika b’mod ċar għaliex il-miżuri addizzjonali huma meħtieġa u proporzjonati.
23.Fejn Stat Membru jiskatta l-brejk ta’ emerġenza u, bħala riżultat, jirrikjedi li l-ħaddiema tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi tat-trasport jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19, għandhom jintużaw testijiet rapidi tal-antiġeni u ma tkun meħtieġa ebda kwarantina, u dan ma għandux iwassal għal tħarbit fit-trasport. Jekk ikun hemm tħarbit fit-trasport jew fil-katina tal-provvista, l-Istati Membri għandhom ineħħu jew iħassru immedjatament kwalunkwe rekwiżit ta’ ttestjar sistematiku bħal dan sabiex jippreżervaw il-funzjonament tal-“Korsiji Ħodor”.
24.Abbażi tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-punt 22, il-Kunsill, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni u appoġġat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, għandu jirrevedi s-sitwazzjoni b’mod ikkoordinat. Matul laqgħa ta’ koordinazzjoni bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiddeskrivi r-raġunament għall-miżuri tiegħu.
Il-Kummissjoni, abbażi tal-valutazzjoni regolari ta’ evidenza ġdida dwar il-varjanti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, u, ladarba jkun disponibbli, tal-qafas żviluppat mill-grupp ta’ esperti Ewropew dwar il-varjanti tas-SARS-CoV-2, tista’ tissuġġerixxi wkoll diskussjoni fi ħdan il-Kunsill dwar varjant ġdid ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2 jew dwar sitwazzjoni epidemjoloġika li tiddeterjora malajr fi Stat Membru jew f’reġjun fi Stat Membru.
25.Matul diskussjoni skont il-punt 24, il-Kummissjoni tista’, fejn meħtieġ u kif xieraq, tipproponi li l-Kunsill jaqbel dwar approċċ ikkoordinat rigward l-ivvjaġġar miż-żoni kkonċernati li jkollu l-għan li, b’mod partikolari, jittardja t-tixrid tal-varjant fl-Unjoni, bħal rekwiżiti ta’ ttestjar u/jew kwarantina/awtoiżolament għall-vjaġġaturi.
26.Kwalunkwe sitwazzjoni li tirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri skont dan il-punt għandha tiġi riveduta regolarment. Il-Kummissjoni jew l-Istati Membri jistgħu jissuġġerixxu t-tneħħija tal-miżuri stabbiliti f’konformità mal-approċċ ikkoordinat dwar il-varjanti ġodda ta’ tħassib jew ta’ interess tas-SARS-CoV-2.
Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri u t-traċċar tal-kuntatti
27.L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jirrikjedu li l-persuni li jivvjaġġaw lejn it-territorju tagħhom permezz ta’ modi kollettivi ta’ trasport b’sit jew kabina assenjati minn qabel jippreżentaw Formoli tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri (Passenger Locator Forms , “PLF”) f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-Formola Diġitali tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri komuni żviluppata mill-EU Healthy Gateways u jissieħbu fil-Pjattaforma ta’ Skambju għall-PLF biex itejbu l-kapaċitajiet tagħhom tat-traċċar transfruntiera tal-kuntatti għall-modi kollha tat-trasport.
28.Jekk persuna tiżviluppa s-sintomi mal-wasla fid-destinazzjoni tagħha, l-ittestjar, id-dijanjożi, l-iżolament u t-traċċar tal-kuntatti għandhom isiru skont il-prattika lokali, u d-dħul ma għandux jiġi miċħud. L-informazzjoni dwar każijiet misjuba mal-wasla għandha tiġi kondiviża minnufih mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi li l-persuna kkonċernata kienet qiegħda tirrisjedi fihom matul l-14-il jum preċedenti għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti, bl-użu, meta jkun applikabbli, tal-Pjattaforma ta’ Skambju għall-PLFs, jew inkella tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons.
Komunikazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku
29.F’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2021/953, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-pubbliku ġenerali b’informazzjoni ċara, komprensiva u f’waqtha dwar kwalunkwe miżura li taffettwa d-dritt tal-moviment liberu u kwalunkwe rekwiżit ta’ akkumpanjament, bħall-ħtieġa li tiġi ppreżentata PLF, mill-aktar fis possibbli qabel ma jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda. Bħala regola ġenerali, din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata mill-inqas 24 siegħa qabel ma l-miżuri jidħlu fis-seħħ, b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ xi flessibbiltà għal emerġenzi epidemjoloġiċi. L-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata wkoll f’format li jinqara mill-magni.
30.Din l-informazzjoni għandha tkun regolarment aġġornata mill-Istati Membri u tkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma web “Re-open EU”, li għandha tinkludi l-mappa ppubblikata regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont il-punt 17. Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll, fuq “Re-open EU”, informazzjoni dwar l-użu domestiku taċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE.
31.Is-sustanza tal-miżuri, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tagħhom u l-kategoriji ta’ persuni li l-miżuri japplikaw għalihom għandhom jiġu deskritti b’mod ċar.
Dispożizzjonijiet finali
32.Din ir-Rakkomandazzjoni għandha tiġi riveduta regolarment mill-Kummissjoni, bl-appoġġ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwarha b’mod regolari lill-Kunsill.
33.Ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1475 hija sostitwita b’din ir-Rakkomandazzjoni.
34.Dan ir-Regolament għandu japplika mill-10 ta’ Jannar 2022.
35.Din ir-Rakkomandazzjoni se tieqaf tapplika mhux aktar tard mill-istess waqt bħal dak tar-Regolament (UE) 2021/953.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President