Brussell, 23.11.2021

COM(2021) 716 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/821 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/821 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju

1.    Introduzzjoni

Fl-2013 il-Kummissjoni bdiet tippubblika rapporti annwali ta’ kontroll tal-esportazzjoni kif previst fir-Regolament (KE) Nru 428/2009 (“ir-Regolament”). Dan ir-Regolament tħassar mir-Regolament (UE) 2021/821 1 (“ir-Regolament il-ġdid) fid-9 ta’ Settembru 2021.

Dan ir-rapport, imħejji mill-Kummissjoni b’input mill-Istati Membri 2 fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-Istati Membri dwar l-Użu Doppju, jipprovdi informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju fl-2020 u tinkludi data aggregata dwar il-kontroll tal-esportazzjoni fl-2019 3 .

Sabiex tikkontribwixxi għal implimentazzjoni aktar bir-reqqa tal-liġi kummerċjali tal-UE, inkluża l-liġi tal-UE dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju, il-Kummissjoni ħolqot kariga ġdida ta’ Uffiċjal Kap tal-Infurzar tal-Kummerċ (CTEO) fl-2019. Sabiex tappoġġa lis-CTEO fit-twettiq tal-kompiti ta’ infurzar tiegħu, il-Kummissjoni rristrutturat l-organizzazzjoni tad-DĠ TRADE. Fost bidliet oħra, il-kontroll tal-esportazzjoni u l-iskrinjar tal-investiment dirett barrani (FDI, foreign direct investiment) ġew amalgamati f’unità waħda fid-DĠ TRADE taħt is-superviżjoni tas-CTEO. B’konsegwenza u minħabba li l-kontroll tal-esportazzjoni u l-iskrinjar FDI huma żewġ għodod għall-kummerċ strateġiku u l-kontrolli tal-investiment biex tkun żgurata s-sigurtà fl-Unjoni Ewropea, dan ir-rapport huwa adottat simultanjament mal-ewwel rapport annwali dwar l-Iskrinjar tal-FDI.

2.    Evoluzzjoni tal-politika u qafas regolatorju

2.1.    Rieżami tal-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni

2.1.1.    Modernizzazzjoni leġiżlattiva

L-2020 kienet sena kruċjali għall-modernizzazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE, fejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew laħqu ftehim politiku dwar Regolament ġdid dwar il-kontroll tal-esportazzjoni f’Novembru 2020. Huma qablu dwar “aġġornament tas-sistema” komprensiv, li se jagħmel is-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE aktar effettiva billi:

·jintroduċi dimensjoni ġdida ta’ “sigurtà tal-bniedem” sabiex l-UE tkun tista’ tirrispondi għall-isfidi ppreżentati mit-teknoloġiji emerġenti b’użu doppju – speċjalment it-teknoloġiji ta’ ċibersorveljanza – li joħolqu riskju għas-sigurtà nazzjonali u internazzjonali, inklużi d-drittijiet tal-bniedem;

·jaġġorna l-kunċetti u d-definizzjonijiet ewlenin fir-Regolament (eż. id-definizzjoni ta’ “esportatur” li tkopri persuni fiżiċi u riċerkaturi involuti fi trasferimenti tat-teknoloġija b’użu doppju);

·jissimplifika u jarmonizza l-proċeduri ta’ liċenzjar u jippermettu lill-Kummissjoni temenda – permezz ta’ proċedura “simplifikata”, bl-użu ta’ atti delegati – il-lista ta’ oġġetti jew destinazzjonijiet soġġetti għal forom speċifiċi ta’ kontroll, biex b’hekk is-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ssir aktar aġli u tkun tista’ tevolvi u taġġusta għaċ-ċirkostanzi;

·itejjeb tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-liċenzjar u l-Kummissjoni bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza tad-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta’ liċenzji;

·jikkordina u jappoġġa l-infurzar robust tal-kontrolli, inkluż it-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni elettronika sigura bejn l-aġenziji tal-liċenzjar u tal-infurzar;

·jiżviluppa programm ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet u taħriġ tal-UE għall-awtoritajiet ta’ liċenzjar u infurzar tal-Istati Membri;

·isaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-industrija u t-trasparenza mal-partijiet ikkonċernati, l-iżvilupp ta’ relazzjoni strutturata mas-settur privat permezz ta’ konsultazzjonijiet speċifiċi mal-partijiet ikkonċernati mill-grupp rilevanti tal-Kummissjoni tal-esperti tal-Istati Membri;

·jistabbilixxi djalogi ma’ pajjiżi terzi sabiex tissaħħaħ is-sigurtà globali u jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi fil-livell globali.

Ir-Regolament il-ġdid ġie ppubblikat fil-11 ta’ Ġunju 2021 u daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Settembru 2021.

2.1.2    Konsultazzjonijiet u sensibilizzazzjoni

Bħala parti minn sforz kontinwu ta’ sensibilizzazzjoni, il-Kummissjoni wettqet sensiela ta’ konsultazzjonijiet immirati għall-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-industrija u tas-soċjetà ċivili matul l-2020 4 . B’mod partikolari, ġie organizzat Forum dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni f’format virtwali fil-11 ta’ Diċembru 2020 kif deskritt aktar ‘l isfel.

2.2.    Emendi għar-Regolament (KE) Nru 428/2009

2.2.1. Aġġornament tal-lista ta’ kontroll tal-UE

Il-lista ta’ Kontroll tal-UE fl-Anness I għar-Regolament tipprovdi lista ta’ oġġetti b’użu doppju, inkluż software u teknoloġija, li jistgħu jintużaw kemm għal skopijiet ċivili kif ukoll militari, u tinkludi wkoll l-oġġetti kollha li jistgħu jintużaw kemm għal użi mhux splussivi kif ukoll għall-assistenza bi kwalunkwe mod fil-manifattura ta’ armi nukleari jew apparat splussiv nukleari ieħor. Hija ġiet emendata darba fl-2020 5 . Din l-emenda inkorporat id-deċiżjonijiet maqbula fl-2019 u sal-aħħar ta’ Frar 2020 fil-kuntest tar-reġimi multilaterali ta’ kontroll tal-esportazzjoni (b’mod partikolari fil-Ftehim ta’ Wassenaar u l-Grupp Awstralja). L-Annessi II u IV tar-Regolament ġew aġġornati wkoll f’konformità mal-emendi għall-Anness I.

Emendi għal-lista ta’ kontroll tal-UE fl-2020

L-emendi introduċew ċerti teknoloġiji ta’ ċibersorveljanza, eż. “software” ta’ monitoraġġ tal-infurzar tal-liġi (5D001.e.1 u 2.) u sistemi, tagħmir u komponenti “forensiċi diġitali” (5A004.b.1 u 2.) fil-lista ta’ oġġetti soġġetti għall-kontroll tal-esportazzjoni.

Il-lista ta’ kontroll tal-UE tal-2020 tintroduċi wkoll kontrolli fuq “inġenji suborbitali” (9A004.h.), kif ukoll noti ġodda ta’ dekontroll għal ċerti “materjali fibrużi jew filamentari” tal-karbonju (1A002 – Nota 5) u “teknoloġija” għas-sistema tas-sigurtà tal-informazzjoni (5E002.a. – Nota).

Barra minn hekk, tinkorpora bidliet fil-kontrolli fuq:

- assorbituri planari magħmula minn ferrit sinterizzat (1C001.a — Nota 1.d.2.),

- ligi tal-metall (1C002 – Nota Teknika 3),

- fluwidi u materjali lubrikanti (1C006.d.),

- berings kontra l-frizzjoni u sistemi ta’ berings (2A001),

- softwer ta’ simulazzjoni (3D003),

- sistema tas-sigurtà tal-informazzjoni biex tirreferi għal “attivazzjoni kriptografika” sigura (5A002.a.),

- komponenti kkwalifikati għall-użu spazjali għas-sistemi ottiċi (6A004.c.4),

- xi lasers (6A005.a.6.a.1. - .2.a.) u

- “pali tal-fannijiet”.

B’ riżultat ta’ deċiżjonijiet fil-Grupp Awstralja, ġew introdotti kontrolli ġodda fuq il-coronavirus tas-Sindromu Respiratorju tal-Lvant Nofsani (coronavirus relatat mal-MERS – 1C351.a.59), fuq 24 sustanza kimika, inklużi l-prekursuri tal-aġenti nervituri Novichok (1C350.66. sa 1C350.89) kif ukoll bidliet fil-kontroll fuq il-valvi u l-komponenti (2B350.g.1.a. - .2.a.).

Il-lista ta’ Kontroll tal-UE aġġornata u konsolidata daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ Diċembru 2020, u b’hekk l-UE setgħet tikkonforma mal-impenji internazzjonali tagħha. Tappoġġa wkoll lill-esportaturi tal-UE permezz ta’ aġġustamenti f’waqthom tal-parametri ta’ kontroll għall-iżviluppi teknoloġiċi. Ġiet ippubblikata “Nota Komprensiva ta’ Bidla” bħala gwida li tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-bidliet kollha fil-Lista ta’ Kontroll tal-UE dwar l-Oġġetti b’Użu Doppju tal-2020 6 .

2.2.2. Brexit

Matul l-2020, il-Kummissjoni ħadet serje ta’ azzjonijiet fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni fl-1 ta’Jannar 2021, meta l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju mill-UE lejn ir-Renju Unit isiru soġġetti għal kontroll skont ir-Regolament, bħall-esportazzjonijiet lejn kwalunkwe pajjiż terz ieħor.

F’Settembru 2020, il-Kummissjoni ppubblikat Avviż lill-Partijiet Ikkonċernati 7 biex tinforma lill-esportaturi dwar ir-regoli applikabbli fid-dawl ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-kontrolli fl-Unjoni kollha, u biex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn filwaqt li tiġi protetta s-sigurtà tal-Unjoni u dik internazzjonali, l-UE adottat ir-Regolament (UE) 2020/2171 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness IIa tar-Regolament. Biż-żieda tar-Renju Unit mal-lista ta’ destinazzjonijiet koperti mill-Awtorizzazzjoni Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni Nru UE001 8 ir-Regolament (UE) 2020/2171 jipprevedi simplifikazzjoni tal-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-oġġetti b’użu doppju lejn ir-Renju Unit.

Japplikaw arranġamenti speċifiċi skont il-Protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq (NI) 9 , li jipprevedi li r-Regolament japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq 10 , fejn ir-Renju Unit jaġixxi bħala awtorità kompetenti skont ir-Regolament. Il-Kummissjoni żviluppat għodda elettronika sigura ddedikata biex tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtorità kompetenti tar-Renju Unit responsabbli mill-applikazzjoni tar-Regolament fl-Irlanda ta’ Fuq u minnha. Dan jippermetti lill-awtorità kompetenti tar-Renju Unit taċċessa informazzjoni li tappoġġa l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tal-kontrolli fuq l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju mill-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament. Għalhekk l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jistgħu jdaħħlu informazzjoni dwar ċaħdiet rilevanti fis-Sistema elettronika għall-oġġetti b’Użu Doppju (DUeS) 11 , jikkonsultaw, jimmaniġġjaw u jibbrawżjaw ċaħdiet tar-Renju Unit diġà maħżuna fid-DUeS kif ukoll jirċievu l-informazzjoni dwar iċ-ċaħda li hija rilevanti għal applikazzjoni speċifika għall-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju mill-Irlanda ta’ Fuq. 

2.3.    Implimentazzjoni u miżuri ta’ infurzar nazzjonali

2.3.1. Miżuri ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Madankollu, dan jipprevedi li l-Istati Membri jieħdu ċerti miżuri għall-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi, u li l-informazzjoni dwar dawk il-miżuri nazzjonali jenħtieġ li tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ppubblikat Nota ta’ Informazzjoni fis-17 ta’ Jannar 2020 12 li tipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri inkluż, fost l-oħrajn, l-estensjoni tal-kontrolli fuq is-senserija u t-tranżitu, l-estensjoni tal-kontrolli għal oġġetti mhux elenkati għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika u kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-introduzzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali nazzjonali għall-esportazzjoni, l-applikazzjoni ta’ kontrolli ta’ trasferimenti intra-UE għal oġġetti mhux elenkati, kif ukoll informazzjoni relatata mal-awtoritajiet kompetenti. Dan jiżgura li l-esportaturi jkollhom aċċess għal informazzjoni komprensiva dwar id-dispożizzjonijiet legali applikabbli, u jappoġġa l-implimentazzjoni konsistenti u effettiva tal-kontrolli fl-UE kollha.

2.3.2. Miżuri ta’ infurzar

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, ma kien hemm l-ebda żviluppi ġodda fl-2020. Il-lista ta’ miżuri nazzjonali ta’ infurzar ippubblikata flimkien mar-rapport annwali dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-2019 13 għalhekk tibqa’ valida.

3.    Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar Oġġetti b’Użu Doppju

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar Oġġetti b’Użu Doppju (DUCG, Dual-Use Coordination Group) ilaqqa’ flimkien esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jeżaminaw kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni bil-ħsieb li prattikament jittejbu l-konsistenza u l-effettività tagħhom fl-UE kollha. Ir-Regolament jirrikjedi li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżamijiet u l-konsultazzjonijiet tad-DUCG.

Id-DUCG organizza seba’ laqgħat – fil-biċċa l-kbira virtwali – fl-2020, li kkonfermaw il-funzjoni tiegħu bħala forum għal konsultazzjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet topiċi deskritti hawnhekk.

3.1.    Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni – skambju ta’ informazzjoni ġenerali

Id-DUCG għamel skambji ta’ informazzjoni ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ kontroll tal-esportazzjoni, anki b’appoġġ għall-modernizzazzjoni leġiżlattiva tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE spjegata hawn fuq.

Id-DUCG skambja informazzjoni dwar miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni u ħejja l-aġġornament tal-avviż ta’ informazzjoni uffiċjali dwar il-miżuri nazzjonali 14 .

Fir-rigward tal-Brexit, id-DUCG mhux biss ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-għodda tal-IT li tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni għall-applikazzjoni ta’ kontrolli skont il-Protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq iżda rrieżamina wkoll il-bidliet għar-rekwiżiti ta’ liċenzjar u kkontribwixxa għat-tħejjija ta’ “avviż ta’ tħejjija” 15 aġġornat dwar l-użu doppju għall-attenzjoni tal-esportaturi.

Id-DUCG wettaq eżerċizzju ta’ ġbir tad-data dwar il-liċenzjar fuq data tal-2019 sabiex itejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri - speċjalment fir-rigward tal-ġbir ta’ data taħt awtorizzazzjonijiet globali u ġenerali tal-esportazzjoni - u biex iżid it-trasparenza pubblika dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE (id-data aggregata tal-UE 2019 intużat fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport annwali).

Id-DUCG wettaq skambju tekniku ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ kontrolli fuq teknoloġiji ta’ ċibersorveljanza fl-2019.

Id-data miġbura mill-Istati Membri turi tnaqqis fl-għadd ta’ liċenzji (ara t-Tabella 1), b’total ta’ 44 liċenzja għal oġġetti elenkati ta’ ċibersorveljanza 16 maħruġa fl-2019. Fl-istess perjodu, inħarġu 81 ċaħda għal oġġetti ta’ ċibersorveljanza.

 

Tabella 1: L-għadd ta’ liċenzji individwali għall-oġġetti ta’ ċibersorveljanza elenkati.

Id-DUCG iddeċieda li jkompli bl-isforzi biex jimmonitorja l-implimentazzjoni tal-kontrolli, u ta bidu għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-kontrolli fl-2019. Il-“Grupp ta’ Esperti tat-Teknoloġija tas-Sorveljanza” (STEG, Surveillance Technology Expert Group) kompla jiskambja informazzjoni ad hoc.

3.2.    Skambju tekniku ta’ informazzjoni – kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni

Id-DUCG ipprovda appoġġ għat-tħejjija ta’ aġġornamenti għal-lista ta’ kontroll tal-UE u involva ruħu f’diskussjonijiet dwar għadd ta’ kwistjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni bħat-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni taħt l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-UE (EUGEAs, EU General Export Authorisations), l-iskambju ta’ informazzjoni taħt liċenzji globali jew l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti rigward informazzjoni dwar esportaturi li jużaw liċenzji globali.

3.3.    Linji Gwida tal-UE dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti b’Użu Doppju

Id-DUCG ħadem fuq it-tħejjija ta’ verżjoni riveduta tal-“Linji Gwida tal-UE dwar il-kontrolli tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju” tal-2016 li jirriflettu titjib fid-DUeS, b’mod partikolari sa fejn din tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni u l-konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti.

Il-grupp ta’ Esperti Tekniċi dwar l-iżvilupp ta’ linji gwida għar-riċerka b’użu doppju (TEG-DUR) organizza sitt laqgħat fl-2020 u ħejja abbozz ta’ gwida dwar ir-riċerka li tinvolvi oġġetti b’użu doppju. Saret konsultazzjoni pubblika 17 f’Ottubru-Novembru 2020, li attirat 54 tweġiba. It-TEG DUR issottometta l-abbozz ta’ gwida finali lid-DUCG għall-konsiderazzjoni kmieni fl-2021. Il-gwida kienet adottata bħala Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni f’Settembru 2021 18 .

3.4.    Skambju elettroniku ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

Il-Kummissjoni, appoġġata mid-DUCG, kompliet tiżviluppa s-Sistema Elettronika għall-Oġġetti b'Użu Doppju. Matul l-2020, id-DUCG qabel dwar titjib speċifiku għad-DUeS:

•    funzjonalitajiet li jappoġġaw notifiki ta’ ċaħdiet skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament

•    funzjonalitajiet li jappoġġaw konsultazzjonijiet bilaterali bejn l-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 11 u l-Artikolu 13(5) tar-Regolament;

•    tħejjijiet għal funzjonalità ġdida biex tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċaħdiet li jikkonċernaw trasferimenti intra-UE

•    tħejjijiet għal funzjonalità ta’ appoġġ għall-konsultazzjonijiet taħt liċenzji globali

•    il-lista ta’ oġġetti fid-DUeS ġiet aġġornata biex tirrifletti l-aġġornament tal-2020 tal-lista ta’ kontroll tal-UE

•    funzjonalità ġdida li tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Awtorità Kompetenti tar-Renju Unit skont il-Protokoll tal-Irlanda ta’ Fuq fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Id-DUCG kompla jappoġġa, permezz ta’ Grupp ta’ Esperti Tekniċi apposta, l-iżvilupp ta’ “pjattaforma elettronika għall-ħruġ tal-liċenzji”, li tista’ tintuża mill-awtoritajiet kompetenti. It-TEG dwar il-liċenzjar elettroniku kkollabora kontinwament ma’ esperti mill-Istati Membri u appoġġa l-“proġett pilota tal-Liċenzji elettroniċi”, li qed jippjana li juża l-għodda tal-Liċenzji elettroniċi fil-Latvja, ir-Rumanija, l-Italja, il-Greċja u r-Reġjun tal-Vallonja tal-Belġju matul l-2021. L-implimentazzjoni ta’ din is-sistema elettronika se tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jimmaniġġjaw il-proċess kollu tal-awtorizzazzjoni f’format kompletament mingħajr karti u bl-effikaċja u l-effiċjenza li huma tipiċi tas-sistemi elettroniċi moderni. Dan se jippermetti wkoll lill-operaturi ekonomiċi u lill-awtoritajiet kompetenti jimminimizzaw il-piż amministrattiv relatat mal-awtorizzazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju.

Id-DUCG beda wkoll diskussjonijiet dwar l-integrazzjoni ta’ sistemi ta’ liċenzjar elettroniku ta’ oġġetti b’użu doppju mal-inizjattiva tat-Tieqa Unika tad-Dwana tal-Kummissjoni taħt il-proġett “CERTEX”. Din l-integrazzjoni se tippermetti verifika awtomatizzata tal-awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju ladarba esportatur jindika li l-oġġetti b’użu doppju li qed jiġu esportati huma koperti minn awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni maħruġa minn awtorità kompetenti tal-UE.

3.5.    Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar Oġġetti b’Użu Doppju

Fl-2020, il-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar l-Użu Doppju operat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC, Joint Research Centre) tal-Kummissjoni u l-esperti magħmula disponibbli mill-Istati Membri komplew jipprovdu appoġġ lill-awtoritajiet kompetenti li talbu parir tekniku biex jappoġġaw il-valutazzjoni ta’ każijiet speċifiċi ta’ liċenzjar. B’kollox, ingħataw pariri tekniċi dwar il-klassifikazzjoni tal-komoditajiet f’disa’ okkażjonijiet lil sitt awtoritajiet kompetenti matul il-perjodu ta’ rapportar.

3.6.    Implimentazzjoni u infurzar

Id-DUCG skambja informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kontrolli. Skont id-data disponibbli, in-netwerk ta’ kontroll tal-esportazzjoni tal-UE – li jinkludi persunal fl-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzjar tal-Istati Membri u l-Kummissjoni – kien jikkonsisti minn aktar minn 360 membru tal-persunal. Fir-rigward tal-infurzar, 144 ksur tar-regolamenti dwar il-kontroll tal-esportazzjoni ġew irreġistrati fl-2019 filwaqt li tmien penali amministrattivi u 16-il penali kriminali ġew applikati mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi.

3.7.    Tisħiħ tal-kapaċitajiet

Fl-2020, id-DUCG appoġġa l-organizzazzjoni mill-JRC tal-Kummissjoni f’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti tat-13-il laqgħa teknika virtwali tal-Aġenzija Nazzjonali dwar is-Sigurtà Nukleari (NNSA, National Nuclear Security Agency) tal-15 ta’ Settembru u tal-5 ta’ Ottubru 2020.

3.8.    Trasparenza u djalogu mal-industrija u mal-akkademja

Bl-appoġġ tad-DUCG ġie organizzat Forum dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni f’format virtwali fil-11 ta’ Diċembru 2020, flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill Ġermaniża tal-UE. Dan ipprovda opportunità għal skambju ta’ fehmiet dwar l-implimentazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE u l-proċess leġiżlattiv għall-modernizzazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE ma’ aktar minn 800 parti interessata tal-industrija u tas-soċjetà ċivili 19 minn assoċjazzjonijiet tal-industrija, kumpaniji b’użu doppju, akkademja u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fid-dawl tal-ftehim tal-koleġiżlatur dwar regolament ġdid. Il-format virtwali ppermetta parteċipazzjoni ferm usa’ milli kien possibbli fil-passat f’ambjent fiżiku.

Minbarra l-appoġġ tal-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni tal-Kummissjoni, id-DUCG ħejja wkoll dokumentazzjoni biex jappoġġa l-implimentazzjoni tar-regolamenti mill-esportaturi. B’mod partikolari, “Sommarju ta’ Nota Komprensiva dwar il-Bidla 2020” 20 jiġbor fil-qosor l-emendi għall-Anness I tar-Regolament biex jiġu implimentati l-bidliet fil-listi ta’ kontroll tad-diversi fora internazzjonali dwar ir-reġimi ta’ nonproliferazzjoni.

4.    Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE – Data Ewlenija

Huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar l-esportazzjonijiet globali ta’ oġġetti b’użu doppju (inklużi oġġetti b’użu doppju mhux elenkati) peress li ma hemm l-ebda settur ekonomiku definit korrispondenti. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data li tippermetti estimi approssimattivi tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju bbażati, minn naħa waħda, fuq data speċifika dwar il-liċenzjar miġbura mill-awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, fuq statistika għal komoditajiet doganali li jinkludu oġġetti b’użu doppju. L-estimi tad-data tal-esportazzjoni tal-2019 huma ppreżentati hawn taħt. Ta’ min jinnota li l-estimi ppreżentati la jinkludu servizzi u lanqas trasferimenti tat-teknoloġija intanġibbli assoċjati mal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju.

4.1.    Kummerċ tal-UE tal-oġġetti b’użu doppju: oġġetti u destinazzjonijiet

Fl-2020, ir-Regolament kien japplika primarjament għall-esportazzjoni ta’ madwar 1884 oġġett b’użu doppju elenkati fl-Anness I (il-“Lista ta’ Kontroll tal-UE”) u kklassifikati f’10 kategoriji (l-Illustrazzjoni 1). Dawn l-oġġetti b’użu doppju huma relatati ma’ madwar 1000 komodità doganali, inklużi sustanzi kimiċi, metalli u prodotti minerali mhux metalliċi, kompjuters, prodotti elettroniċi u ottiċi, tagħmir elettriku, makkinarju, vetturi u tagħmir tat-trasport, eċċ. u tipikament jaqgħu fit-tarf tat-teknoloġija avvanzata ta’ dan il-qasam kbir u mħallat ta’ komoditajiet.



Illustrazzjoni 1: L-għadd ta’ entrati ta’ oġġetti b’użu doppju elenkati fl-għaxar Kategoriji tal-Anness I wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1749.

Estimi statistiċi tal-importanza relattiva tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju jindikaw li l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju jirrappreżentaw madwar 2,3 % tal-esportazzjonijiet totali tal-EU27 (intra-UE u barra mill-UE), f’“dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju” wiesa’ 21 ta’ komoditajiet doganali li jistgħu jinkludu, fi gradi differenti, ċerti oġġetti b’użu doppju (l-Illustrazzjoni 2). Dan ipoġġi l-valur tal-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju għal EUR 119 biljun fl-2019.

Illustrazzjoni 2: Estimi statistiċi ta’ esportazzjonijiet b’użu doppju fl-UE jew barra minnha.

L-estimi statistiċi juru wkoll id-destinazzjonijiet ewlenin tal-esportazzjoni u jindikaw li parti kbira tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju huma diretti lejn il-pajjiżi elenkati fl-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (EUGEAs). Il-pajjiżi destinatarji jirriflettu l-istruttura tas-suq tal-esportazzjoni tal-UE fil-komoditajiet rilevanti kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ skont l-EUGEAs (l-Illustrazzjonijiet 3 u 4) 22 .

Illustrazzjoni 3: Estimi tal-esportazzjonijiet tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju: l-ewwel 25 pajjiż destinatarju ta’ esportazzjoni u s-sottoreġjuni tagħhom fl-2019.

Illustrazzjoni 4: Estimi tal-esportazzjonijiet tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju: pajjiżi destinatarji skont ir-reġjuni u s-sottoreġjuni fl-2019.

4.2.    Liċenzji tal-UE ta’ oġġetti b’użu doppju: Applikazzjonijiet, awtorizzazzjonijiet, ċaħdiet

Fid-dawl tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament, li jistipula li “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha adatti biex ikunu stabbiliti kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni diretti bejn l-awtoritajiet kompetenti bil-ħsieb li tissaħħaħ l-effiċjenza tar-reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjoni.”, id-DUCG skambja data u informazzjoni dwar il-liċenzjar sabiex itejjeb il-fehim tal-kontrolli tal-esportazzjoni u l-effett ekonomiku tagħhom. Xi data miġbura għall-perjodu ta’ rapportar hija rrapportata hawn taħt; ta’ min jinnota, li mhux l-Istati Membri kollha jiġbru d-data kollha. L-informazzjoni pprovduta hawn isfel għalhekk tirrappreżenta estimi approssimattivi ta’ kwantitajiet aggregati u valuri fil-limiti tad-data magħmula disponibbli mill-Istati Membri.

Il-valur totali 23 tal-applikazzjonijiet laħaq EUR 40 biljun u l-esportazzjonijiet ikkontrollati ta’ oġġetti b’użu doppju rrappreżentaw 2,2 % tal-esportazzjonijiet barra mill-EU27 totali. Il-kummerċ awtorizzat ta’ oġġetti b’użu doppju ammonta għal EUR 31,5 biljun, li jirrappreżenta 1,7 % tal-esportazzjonijiet barra mill-EU27 totali, b’maġġoranza tat-tranżazzjonijiet awtorizzati taħt liċenzji individwali 24 (madwar 20 300 liċenzja individwali maħruġa fl-2019) u liċenzji globali 25 (skont il-valur tagħhom). Porzjon żgħir biss tal-esportazzjonijiet ġie fil-fatt miċħud: Fl-2019 inħarġu 603 ċaħda, li jirrappreżentaw madwar 0,89 % tal-valur tal-esportazzjonijiet ikkontrollati ta’ oġġetti b’użu doppju f’dik is-sena, u 0,02 % tal-esportazzjonijiet barra mill-EU27 totali.

Illustrazzjoni 5: Volum (għadd) ta’ awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet fl-2014–2019 26 .

Illustrazzjoni 6: Valur (miljuni ta’ EUR) ta’ awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet fl-2014-2019. 

Illustrazzjoni 7: Volum (għadd) ta’ awtorizzazzjonijiet għal kull tip ta’ liċenzja fl-2019.

Illustrazzjoni 8: Valur (miljuni ta’ EUR) ta’ awtorizzazzjonijiet skont it-tip fl-2019.

5.     Triq ’il Quddiem

Ir-Regolament il-ġdid u l-aġġornament tas-sistema li jirriżulta jġib miegħu bidliet sostantivi għall-kontroll tal-esportazzjoni fl-UE li qed jiġġenera ħidma preparatorja konsiderevoli u azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ li joffri r-Regolament il-ġdid. Dawn jinkludu:

·ir-Regolament il-ġdid jipprevedi li “B'konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa linji gwida u/jew rakkomandazzjonijiet għall-aħjar prattiki bħala appoġġ għall-applikazzjoni prattika tal-kontrolli”, u speċifikament jitlob linji gwida dwar it-trasparenza tad-deċiżjonijiet ta’ liċenzjar u dwar l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti ta’ ċibersorveljanza;

·sejħiet mill-industrija rigward linji gwida dwar pereżempju t-trasferimenti tat-teknoloġija u l-cloud computing se jkollhom jiġu indirizzati wkoll;

·sabiex jiġu implimentati dispożizzjonijiet ġodda dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni u t-trasparenza li jitolbu l-iżvilupp ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, u għal livelli għoljin ta’ trasparenza, anki permezz tal-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali li jinkludi informazzjoni dettaljata dwar deċiżjonijiet ta’ liċenzjar, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, il-mandat li tadotta linji gwida għar-rapportar annwali. Qed tiżviluppa wkoll għodod tal-IT biex tappoġġa l-iskambju ta’ data relatata;

·Ir-Regolament il-ġdid jirrikonoxxi l-infurzar bħala dimensjoni ewlenija ta’ politiki effettivi ta’ kontroll tal-esportazzjoni u jitlob b’mod partikolari għall-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni tal-infurzar;

·fl-aħħar nett, bl-appoġġ tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se taħdem fuq l-iżvilupp ta’ programm tal-UE għall-bini tal-kapaċità u t-taħriġ għall-awtoritajiet ta’ liċenzjar u infurzar tal-Istati Membri u se tapprofondixxi d-djalogi ma’ pajjiżi terzi biex tippromwovi l-konverġenza globali tal-kontrolli.

 

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

 

(1)

Ir-Regolament (UE) 2021/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, is-senserija, l-assistenza teknika, it-tranżitu u t-trasferiment ta’ oġġetti b’użu doppju (riformulazzjoni)
- (ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1) -
https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2021/821/oj .

(2)

 Xi awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri wkoll jirrapportaw pubblikament dwar il-kummerċ ta’ oġġetti b'użu doppju.

(3)

Waqt li r-rapport preżenti huwa ppubblikat skont ir-Regolament il-ġdid, fid-dawl li qed ikopri l-2020, l-informazzjoni miġbura tirreferi għas-sitwazzjoni skont ir-Regolament preċedenti.

(4)

Din hija wkoll parti mis-“sħubija mas-settur privat” tagħna, li se tkun element ewlieni tal-modernizzazzjoni tal-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE.

(5)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1749 tas-7 ta’ Ottubru 2020 (ĠU L 421, 14.12.2020, p. 1).

(6)

In-nota Sommarja tinsab fuq: https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/october/tradoc_158973.pdf.

(7)

https://ec.europa.eu/info/sites/default/files/file_import/dual-use-export-controls_mt_0.pdf

(8)

https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2021/january/tradoc_159247.pdf

(9)

ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7 (“Ftehim dwar il-ħruġ”).

(10)

L-Artikolu 5(4) tal-Protokoll NI u t-taqsima 47 tal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.

(11)

DUeS hija sistema elettronika sigura u kriptata ospitata mill-Kummissjoni, biex tappoġġa l-iskambju msaħħaħ ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament.

(12)

https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/january/tradoc_158576.pdf

(13)

https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/october/tradoc_158962.pdf

(14)

L-avviż ta’ informazzjoni aġġornat ġie ppubblikat fis-17 ta’ Jannar 2020, ĠU Avviż 2020/C16/4.

(15)

  https://ec.europa.eu/info/publications/dual-use-export-control

(16)

Tagħmir tat-telekomunikazzjoni mobbli, sistemi ta’ sorveljanza tal-internet, softwer ta’ intrużjoni.

(17)

  https://trade.ec.europa.eu/consultations/index.cfm?consul_id=292  

(18)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L:2021:338:FULL&from=MT  

(19)

  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/december/tradoc_159148.pdf  

(20)

  https://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2020/october/tradoc_158972.pdf

(21)

Il-metodoloġija statistika żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni tagħmel użu minn tabella ta’ korrelazzjoni, żviluppata mid-DĠ TAXUD, bejn in-numri ta’ klassifikazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju u l-kodiċijiet doganali u d-data COMEXT tal-Eurostat, kif ukoll tad-data dwar il-liċenzjar ipprovduta mill-Istati Membri tal-EU27. L-idea tad-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tirreferi għal qasam kbir u mħallat ta’ komoditajiet li jinkludi oġġetti b’użu doppju. Il-kummerċ ta’ oġġetti b’użu doppju jseħħ fi ħdan dan il-qasam ta’ komoditajiet, iżda mhuwiex identiku għalih, peress li mhux il-komoditajiet kollha fid-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tassew għandhom użu doppju.

(22)

“Ħażniet u provvisti extra” huma definiti bħala l-kunsinna ta’ ħażniet tal-bastimenti u tal-inġejni tal-ajru. “Mixxellanji – pajjiżi mhux speċifikati extra” tinkludi pajjiżi u territorji mhux speċifikati fil-qafas tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi (jiġifieri dawn il-kodiċijiet is-soltu jintużaw għal oġġetti kkunsinjati għal installazzjonijiet offshore).

(23)

Din iċ-ċifra tinkludi l-valur tan-notifiki u l-applikazzjonijiet tal-liċenzji skont l-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali tal-Esportazzjoni.

(24)

Liċenzji individwali huma liċenzji mogħtija lil esportatur speċifiku wieħed għal utent aħħari jew destinatarju wieħed f’pajjiż terz u li jkopru oġġett b’użu doppju wieħed jew aktar.

(25)

Liċenzji globali huma liċenzji mogħtija lil esportatur speċifiku wieħed fir-rigward ta’ tip jew kategorija ta’ oġġetti b’użu doppju li jistgħu jkunu validi għal esportazzjonijiet lejn utent aħħari speċifikat wieħed jew aktar u/jew f’pajjiż terz speċifikat wieħed jew aktar.

(26)

 Fl-illustrazzjonijiet 5 u 6, id-data tal-“Applikazzjonijiet” tinkludi kull applikazzjonijiet għal liċenzji, inklużi notifiki skont awtorizzazzjonijiet ġenerali, u b’hekk tagħti indikazzjoni tal-“esportazzjonijiet ikkontrollati”, jiġifieri l-valur ta’ esportazzjonijiet barra mill-UE soġġetti għal proċess ta’ awtorizzazzjoni. F’każijiet fejn ma tkun disponibbli l-ebda data tal-applikazzjoni, iċ-ċarts jużaw data tal-awtorizzazzjoni bħala estimu għad-data tal-applikazzjoni. Data tal “awtorizzazzjonijiet” tirreferi għal esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju awtorizzati skont liċenzji individwali u globali. Ta’ min jinnota li l-applikazzjonijiet ma jikkorrispondux neċessarjament mas-somma tal-awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet, minħabba li għadd ta’ applikazzjonijiet jistgħu jkunu kkanċellati u xi applikazzjonijiet jistgħu ma jiġux iffinalizzati fl-istess sena. “Ċaħda” tirreferi għall-volum u l-valur tal-esportazzjonijiet miċħuda. Id-differenzi fid-data li jindikaw tnaqqis meta mqabbla mas-snin preċedenti huma minħabba l-Brexit u l-fatt li r-Renju Unit ma pprovdiex data għall-2019.