Brussell, 27.10.2021

COM(2021) 652 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar l-istat tat-traspożizzjoni u tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari








Werrej

1.    Introduzzjoni    

1.1.    Sfond u objettivi tad-Direttiva    

1.2.    Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Rapport    

1.3.    Proċess ta’ traspożizzjoni    

2.    Ħarsa ġenerali    

3.    Punti speċifiċi ta’ analiżi    

3.1.    Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet ewlenin (l-Artikoli 1 u 2)    

3.1.1.    Operaturi tal-katina u relazzjonijiet tal-provvista    

3.1.2.    Kamp ta’ applikazzjoni u daqs tan-negozju    

3.1.3.    Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali    

3.2.    Il-projbizzjoni tal-UTPs (l-Artikolu 3)    

3.3.    Mekkaniżmi ta’ infurzar (l-Artikoli 4-8)    

3.3.1.    Ħatra tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 4)    

3.3.2.    Ilmenti u kunfidenzjalità (l-Artikolu 5)    

3.3.3.    Setgħat tal-awtoritajiet maħtura (l-Artikolu 6)    

3.3.4.    Miżuri u sanzjonijiet ta’ infurzar (l-Artikolu 6)    

3.3.5.    Infurzar amministrattiv u ġudizzjarju u soluzzjoni alternattiva għat-tilwim    

4.    Konklużjonijiet    



L-abbrevjazzjonijiet għall-Istati Membri:

il-Belġju 

BE 

il-Bulgarija 

BG 

iċ-Ċekja 

CZ 

id-Danimarka 

DK 

il-Ġermanja 

DE 

l-Estonja 

EE 

l-Irlanda 

IE 

il-Greċja 

EL 

Spanja 

ES 

Franza 

FR 

il-Kroazja 

HR 

l-Italja 

IT 

Ċipru 

CY 

il-Latvja 

LV 

il-Litwanja 

LT 

il-Lussemburgu 

LU 

l-Ungerija 

HU 

Malta 

MT 

in-Netherlands 

NL 

l-Awstrija 

AT 

il-Polonja 

PL 

il-Portugall 

PT 

ir-Rumanija 

RO 

is-Slovenja 

SI 

is-Slovakkja 

SK 

il-Finlandja 

FI 

l-Iżvezja 

SE 

1.Introduzzjoni

1.1.Sfond u objettivi tad-Direttiva

Wara negozjati twal 1 , fis-17 ta’ April 2019 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Direttiva (UE) 2019/633 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”). Id-Direttiva ġiet introdotta skont l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex tipprojbixxi lista ta’ prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) – l-aktar marbuta ma’ żbilanċi sinifikanti fis-saħħa tan-negozjar bejn il-fornituri u x-xerrejja – li jiddevjaw b’mod qawwi minn imġiba kummerċjali korretta 2 .

Id-Direttiva tqis l-impatt negattiv tal-UTPs għall-bdiewa kemm bħala vittmi diretti ta’ dawn il-prattiki kif ukoll bħala vittmi indiretti tal-effetti kaskata ta’ dawn il-prattiki meta jseħħu fl-istadji downstream tal-katina 3 . Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri kienu adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali jew ippromwovew diversi forom ta’ regoli tas-settur privat ferm qabel id-Direttiva, il-frammentazzjoni ta’ dan il-qafas legali enfasizzat il-benefiċċju potenzjali tal-adozzjoni ta’ regoli fil-livell tal-UE 4 .

Id-Direttiva hija vinkolanti fuq is-27 Stat Membru kollha kemm huma. Tipprevedi livell minimu ta’ armonizzazzjoni billi tistabbilixxi lista ta’ UTPs ipprojbiti bejn ix-xerrejja u l-fornituri fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari. Tistabbilixxi wkoll regoli minimi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u d-definizzjonijiet ewlenin kif ukoll dwar l-infurzar ta’ dawk il-projbizzjonijiet u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri differenti. L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jmorru lil hinn mill-UTPs elenkati fid-Direttiva dment li tali regoli nazzjonali jkunu kompatibbli mar-regoli dwar il-funzjonament tas-suq intern.

1.2.Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Rapport 

L-Artikolu 13 tad-Direttiva jistipula li sal-1 ta’ Mejju 2021, l-Istati Membri jridu jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma jridu jikkomunikaw minnufih il-miżuri lill-Kummissjoni u japplikawhom mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2021.

Dan ir-rapport iżomm rekord tas-sitwazzjoni attwali rigward it-traspożizzjoni tad-Direttiva mis-27 Stat Membru (l-Artikolu 12(4)) u jqis in-notifiki kollha riċevuti mill-Kummissjoni sal-31 ta’ Lulju 2021. Madankollu, ir-rapport ma jipprovdix valutazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni.

1.3.Proċess ta’ traspożizzjoni

Fis-sentejn bejn l-adozzjoni tad-Direttiva f’April 2019 u meta tgħaddi l-iskadenza tat-traspożizzjoni f’Mejju 2021, il-Kummissjoni akkumpanjat mill-qrib lill-Istati Membri fil-proċessi ta’ traspożizzjoni rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni organizzat erba’ laqgħat dedikati li jiddiskutu t-talbiet għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri, wieġbet għal madwar 50 talba individwali għall-implimentazzjoni bil-miktub u kkondiviethom ma’ Stati Membri oħrajn permezz ta’ sit web dedikat. Barra minn hekk, saru għadd ta’ laqgħat bilaterali u skambji ta’ informazzjoni u kien hemm laqgħa oħra mal-Istati Membri ftit wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni sabiex jitqiesu t-traspożizzjoni u s-sitwazzjoni attwali tagħha.

Skont l-Artikolu 8(3), il-Kummissjoni stabbiliet sit web pubbliku 5 li jipprovdi dettalji ta’ kuntatt għall-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar maħturin u links għas-siti web rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet sit web mhux pubbliku li jippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar u l-Kummissjoni.

2.Ħarsa ġenerali

Skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-1 ta’ Mejju 2021.

Madwar 15 mis-27 Stat Membru nnotifikaw il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Lulju 2021, li permezz tagħhom id-Direttiva kienet ġiet trasposta kompletament (BG, DK, EL, FI, IE, LV, NL, HR, HU, LU, DE, LT, MT, SE u SK) 6 . Filwaqt li FR innotifikat lill-Kummissjoni li d-Direttiva kienet ġiet trasposta parzjalment biss sa dik id-data, din hija inkluża wkoll fl-analiżi ta’ dan ir-rapport. Dan ir-rapport jiffoka fuq it-traspożizzjoni minn dawn is-16-il Stat Membru; għalhekk, ir-referenzi għal “Stati Membri” minn hawn ’il quddiem huma relatati ma’ dawn is-16-il Stat Membru.

Fit-23 ta’ Lulju 2021, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur permezz ta’ ittri ta’ intimazzjoni kontra t-12-il Stat Membru 7 li naqsu milli jinnotifikaw traspożizzjoni sħiħa 8 . . 

Tmien Stati Membri ttrasponew id-Direttiva permezz tal-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni ġdida u separata 9 . Ħlief għall-IE, dawn l-Istati Membri ma kellhomx regoli nazzjonali dwar il-UTP minn qabel. It-tmien Stati Membri l-oħrajn ittrasponewha permezz tal-użu ta’ leġiżlazzjoni preeżistenti, emendawha jew inkorporawha fi strument leġiżlattiv usa’.

Madwar 12 mis-16-il Stat Membru kkwalifikaw formalment il-miżura ta’ traspożizzjoni bħala leġiżlazzjoni dwar il-UTPs, mingħajr ebda referenza (f’din il-kwalifika formali) għal-liġi tas-suq jew tal-kompetizzjoni 10 . FI ikkwalifikat formalment l-istrument statutorju bħala Att dwar is-Suq (li jipprovdi regoli addizzjonali dwar ir-regolamentazzjoni tas-suq, bħal dawk dwar ftehimiet skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 11 ). BG introduċiet kapitolu ġdid (dwar il-UTPs fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari) fl-Att tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni. FR issupplimentat dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Kummerċjali, filwaqt li l-DE żiedet taqsima ġdida fl-Att dwar l-Istruttura tas-Suq Agrikolu (issa magħruf bħala l-“Att dwar it-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet agrikoli u l-ktajjen tal-provvista”). Ħlief għal-LV, li d-dispożizzjonijiet tagħha jinkludu wkoll projbizzjonijiet applikabbli għall-bejjiegħa bl-imnut ta’ prodotti mhux tal-ikel, u għal FR, li t-traspożizzjoni tagħha hija parzjalment ibbażata fuq dispożizzjonijiet preeżistenti li għandhom kamp ta’ applikazzjoni ġenerali (għall-kuntrarju ta’ settur agroalimentari), l-Istati Membri l-oħrajn kollha adottaw leġiżlazzjoni speċifika għas-settur li tapplika esklussivament għas-settur agrikolu u alimentari.

3.Punti speċifiċi ta’ analiżi

3.1.Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet ewlenin (l-Artikoli 1 u 2)

Tliet aspetti huma partikolarment rilevanti meta jiġi eżaminat il-kamp ta’ applikazzjoni:

·it-tip ta’ operaturi fil-katina tal-provvista agroalimentari koperta u t-tip ta’ relazzjonijiet affettwati mill-miżuri leġiżlattivi;

·ir-rilevanza tad-daqs tan-negozju bħala referenza għall-kamp ta’ applikazzjoni;

·il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni.

3.1.1.Operaturi tal-katina u relazzjonijiet tal-provvista

Madwar 14-il Stat Membru ddeterminaw il-kamp ta’ applikazzjoni għall-applikazzjoni tal-miżura ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jqisu r-relazzjoni bejn il-fornituri u x-xerrejja tal-prodotti agrikoli u alimentari, kif definit fid-Direttiva 12 . It-tali relazzjonijiet jistgħu jseħħu fi kwalunkwe stadju tal-katina tal-provvista u jinvolvu kwalunkwe tip ta’ xerrej ta’ prodotti agroalimentari, kemm jekk proċessur jew bejjiegħ bl-imnut.

F’każ wieħed (HU), il-leġiżlazzjoni notifikata tidher li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għan-negozjanti “li jaġixxu bħala rivenditur ta’ prodotti agrikoli u alimentari mixtrija minn fornituri direttament jew indirettament fil-qafas ta’ attivitajiet kummerċjali bi skop ta’ qligħ mingħajr tibdil u mingħajr ipproċessar” (enfasi miżjuda). Għalhekk, dawk ix-xerrejja ta’ prodotti agrikoli li jidħlu fl-ipproċessar qabel ma jerġgħu jbigħu l-prodotti huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni.

LV espandiet il-kamp ta’ applikazzjoni biex tinkludi relazzjonijiet bejn il-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut (biss) ta’ prodotti mhux tal-ikel; tapplika lista separata ta’ prattiki inġusti fir-rigward tal-bejjiegħa bl-imnut.

L-ebda wieħed mill-Istati Membri ma espanda b’mod espliċitu l-kamp ta’ applikazzjoni għal tipi oħra ta’ relazzjonijiet ta’ provvista, bħal dawk li primarjament jikkonċernaw il-provvista ta’ inputs fiżiċi li ma humiex prodotti agroalimentari skont id-Direttiva (eż. fertilizzanti) 13 jew servizzi lil hinn minn dawk koperti mid-Direttiva (eż. servizzi diġitali).

3.1.2.Kamp ta’ applikazzjoni u daqs tan-negozju

Ħlief għal FR u għas-SK, l-Istati Membri kollha jirreferu, sa ċertu punt, għad-daqs tan-negozju bħala kriterju biex jiġi limitat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata jew partijiet minnha. Fost dawn, madankollu, ħamsa (BG, IE, LU, MT u NL) adottaw l-approċċ stabbilit mid-Direttiva, li jimmiraw ir-relazzjonijiet bejn il-fornituri li l-fatturat annwali tagħhom huwa anqas minn limitu partikolari, u x-xerrejja li l-fatturat annwali tagħhom huwa ogħla mill-istess limitu. Id-disa’ Stati Membri l-oħra kabbru l-kamp ta’ applikazzjoni fi gradi differenti.

Il-EL naqqset l-ewwel limitu minn EUR 2 miljun għal EUR 500 000. L-HR, il-LV u l-SE qiesu biss id-daqs tax-xerrej u japplikaw il-leġiżlazzjoni għax-xerrejja kollha li l-fatturat tagħhom jaqbeż iż-EUR 2 miljun 14 . FI ħadet l-istess approċċ; madankollu, il-leġiżlazzjoni tagħha ma tapplikax jekk il-fatturat tal-fornitur jaqbeż dak tax-xerrej u, fi kwalunkwe każ, jekk dan jaqbeż it-EUR 350 miljun. Fil-DE, japplikaw il-limiti tad-Direttiva, iżda ġiet introdotta applikazzjoni usa’ b’mod temporanju għall-bejgħ ta’ xi prodotti alimentari u agrikoli 15 , filwaqt li fil-LT l-estensjoni tikkonċerna biss id-dispożizzjonijiet dwar il-pagamenti tard, li tapplika għax-xerrejja u għall-fornituri kollha li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx it-EUR 350 000. Min-naħa l-oħra, fid-DK u fl-HU, id-daqs tan-negozju jaffettwa biss ċerti projbizzjonijiet tal-UTP, filwaqt li r-regoli l-oħra kollha japplikaw irrispettivament mid-daqs tan-negozju.

3.1.3.Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali

Il-maġġoranza tal-Istati Membri segwew l-approċċ stabbilit skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, li jistipula li r-regoli japplikaw għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li fihom jew il-fornitur jew ix-xerrej (jew it-tnejn) ikunu stabbiliti fl-UE 16 . Erba’ Stati Membri jeħtieġu li r-regoli japplikaw għal tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li fihom jew il-fornitur jew ix-xerrej (jew it-tnejn) ikunu stabbiliti fl-Istat Membru rispettiv innifsu (LU, LV, MT u SE) għall-kuntrarju tal-UE kollha.

L-Istati Membri kollha, ħlief il-DE u l-HU, stabbilew id-definizzjonijiet ta’ fornitur u xerrej irrispettivament mill-post tal-istabbiliment tagħhom, kif previst fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva. L-Artikolu 2(2) jipprevedi wkoll li l-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri japplikaw għal xerrejja li huma awtoritajiet pubbliċi, biss sal-punt li jkunu stabbiliti fl-UE. Il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ta’ FR, tal-HU u tan-NL ma fiha l-ebda referenza għall-post ta’ stabbiliment tal-operaturi.

3.2.Il-projbizzjoni tal-UTPs (l-Artikolu 3)

Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jipprojbixxu sett speċifiku ta’ prattiki inġusti, u jaqsmuhom f’żewġ gruppi: (i) projbizzjonijiet per se jew projbizzjonijiet mingħajr kundizzjoni (“lista sewda”) u (ii) projbizzjonijiet kondizzjonali (“lista griża”), l-aħħar lista ta’ prattiki li huma pprojbiti sakemm ma jkunx miftiehem f’termini ċari u mhux ambigwi bil-quddiem fil-ftehim ta’ provvista jew fi ftehim sussegwenti bejn il-fornitur u x-xerrej (l-Artikolu 3(2)). Kull prattika hija ddefinita speċifikament fid-Direttiva. L-eċċezzjonijiet jew id-derogi jistgħu jiġu inklużi f’każijiet speċifiċi. Filwaqt li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti, l-Istati Membri jistgħu:

·jużaw klawżoli ġenerali sabiex ikabbru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet għal prattiki li ma humiex elenkati speċifikament;

·iżidu prattiki oħra mal-listi;

·jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjonijiet elenkati jew jagħmluhom aktar stretti;

·iċaqilqu l-prattiki mil-“lista griża” għal-“lista sewda”.

Dment li jkunu konformi mar-regoli tas-suq intern, l-eċċezzjonijiet jew id-derogi huma possibbli skont l-approċċ ta’ “armonizzazzjoni minima” segwit mid-Direttiva li tintroduċi livell komuni minimu ta’ protezzjoni għall-Istati Membri kollha. Fost is-16-il Stat Membru eżaminati hawnhekk, ħamsa ttrasponew id-Direttiva mingħajr l-ebda estensjoni ta’ hawn fuq: kemm il-“listi suwed” kif ukoll il-“listi griżi” huma dawk previsti mid-Direttiva mingħajr ebda żieda jew varjazzjoni rilevanti 17 . F’żewġ Stati Membri oħra (LT u SE) il-listi prinċipalment jikkoinċidu iżda ftit projbizzjonijiet huma aktar stretti mid-Direttiva.

Mid-disa’ Stati Membri l-oħra, il-HR u l-LV inkludew klawżola ġenerali li tipprojbixxi prattiki inġusti fid-dawl tal-prinċipji ġenerali. Il-DE stipulat projbizzjoni ġenerali fuq l-użu tal-UTPs biex jiġu sfruttati relazzjonijiet ekonomiċi asimmetriċi, iżda applikat ukoll din il-projbizzjoni għall-prattiki elenkati fid-Direttiva. Xi pajjiżi għandhom klawżoli ġenerali fil-qasam ta’ prattiki kummerċjali inġusti jew tal-liġi tal-kompetizzjoni. Dan huwa l-każ, eż. għal FR li l-Kodiċi Kummerċjali tagħha diġà kien fih klawżoli ġenerali applikabbli fil-qasam rilevanti.

L-Istati Membri kollha użaw listi ta’ prattiki pprojbiti u l-maġġoranza tagħhom segwew id-distinzjoni bejn il-prattiki “suwed” u “griżi”. L-HU biss tipprevedi lista waħda (“sewda”) u b’mod espliċitu tipprojbixxi lil fornitur milli jagħti kunsens validu bil-quddiem għall-prattiki ta’ negozjar koperti. Fejn jintużaw il-“listi griżi”, l-Istati Membri jimponu rekwiżiti ta’ trasparenza dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-fornitur sabiex jiġġustifikaw “prattika griża”.

Filwaqt li ssir distinzjoni bejn il-“listi suwed” u l-“listi griżi”, ftit Stati Membri ċaqilqu prattika waħda jew aktar tal-“lista griża” fil-“lista sewda” 18 . Relattivament aktar komuni hija ż-żieda ta’ prattiki mal-listi “suwed” 19 u “griżi 20 ”.

Għall-kuntrarju tal-prinċipju ġenerali tad-Direttiva, li huwa applikat biss għal prattiki involuti minn xerrejja kontra fornituri, fis-SK xi wħud mill-prattiki huma pprojbiti għaż-żewġ partijiet tal-kuntratt (eż. ritaljazzjoni kummerċjali).

L-HU tiddependi fuq strument leġiżlattiv adottat qabel mingħajr ma jsiru modifiki speċifiċi matul it-traspożizzjoni tad-Direttiva. Il-maġġoranza tal-prattiki inklużi fid-Direttiva huma koperti, għalkemm huma, parzjalment, definiti b’mod differenti; xi wħud minn dawn huma affettwati minn projbizzjonijiet usa’ jew aktar stretti iżda jidher li xi wħud ma humiex trasposti b’mod ċar fl-istrument leġiżlattiv attwali. Dan japplika parzjalment għal FR, fejn xi prattiki biss ġew regolati speċifikament mil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni, filwaqt li oħrajn jistgħu jkunu koperti minn klawżoli ġenerali ta’ applikazzjoni usa’; jidher li ftit prattiki ma humiex indirizzati speċifikament fil-leġiżlazzjoni notifikata. 

Żewġ prattiki inklużi fil-“lista sewda” jistħoqqilhom attenzjoni speċjali peress li huwa possibbli għall-Istati Membri li jipprovdu varjazzjonijiet f’ċerti limiti: dewmien fil-pagamenti u kanċellazzjonijiet tal-ordnijiet.

·Dewmien fil-pagamenti: 11 mis-16-il Stat Membru għamlu distinzjoni bejn bejgħ ta’ prodotti li jitħassru u dawk li ma jitħassrux, u stabbilixxew terminu ta’ 30 jum għal dak tal-ewwel u terminu ta’ 60 jum għal dan tal-aħħar, kif previst fid-Direttiva 21 . B’kuntrast, il-BG u l-SE introduċew terminu wieħed ta’ 30 jum kemm għall-bejgħ ta’ prodotti li jitħassru kif ukoll għal dawk li ma jitħassrux. Il-FI segwiet l-istess approċċ iżda għamlitha possibbli, għall-prodotti li ma jitħassrux, li jintlaħaq qbil dwar terminu itwal ta’ 60 jum fil-kuntratt (inkella tapplika r-regola ta’ inadempjenza ta’ 30 jum). La l-HU u lanqas is-SK ma jiddistingwu bejn prodotti li jitħassru u dawk li ma jitħassrux; f’dawn il-każijiet, ir-regola hija ġeneralment aktar stretta: terminu ta’ 15-il jum japplika mid-data tal-fattura maħruġa b’mod korrett. L-Istati Membri, minbarra l-HU u s-SK, inkorporaw id-definizzjoni tad-Direttiva ta’ prodotti li jitħassru fil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni tagħhom. FR għandha definizzjonijiet differenti għall-prodotti “li jitħassru” u “li jitħassru malajr”. Mal-leġiżlazzjoni tat-traspożizzjoni tagħha l-HR żiedet lista ta’ prodotti li jitħassru, filwaqt li l-LT tat is-setgħa lil istituzzjoni, awtorizzata mill-Gvern, bis-setgħa li tapprova lista ta’ prodotti li jitħassru. L-Istati Membri kollha, ħlief l-HU, inkorporaw id-derogi previsti fl-aħħar inċiż tal-Artikolu 3(1), (jew tal-anqas uħud minn dawn 22 ) u ma ġiet introdotta l-ebda deroga addizzjonali.

·Il-kanċellazzjoni ta’ ordnijiet b’avviż qasir: L-Istati Membri kollha, minbarra l-HU u s-SK, jinkludu l-perjodu ta’ 30 jum bħala standard minimu għall-kanċellazzjoni. Skont l-Artikolu 3(1)(b), erbgħa minnhom (DK, FR, IE u SE) jagħtu s-setgħa lill-Ministeru responsabbli (jew lill-Gvern fil-każ tal-SE) biex jistabbilixxi perjodi ta’ inqas minn 30 jum għal setturi speċifiċi f’każijiet debitament ġustifikati. FR introduċiet żewġ perjodi iqsar fir-rigward tal-bejjiegħa bl-ingrossa (24 siegħa) u għall-frott u l-ħxejjex friski (3 ijiem, sakemm il-prodotti jinbiegħu taħt marka privata li f’dak il-każ japplikaw 6 ijiem). Id-dispożizzjoni Ungeriża għandha struttura differenti, li litteralment tirreferi għall-bidliet aktar milli għall-kanċellazzjoni; ma ssir l-ebda referenza għal perjodu speċifiku għall-avviż bil-quddiem. Fis-SK, ix-xerrejja kollha huma pprojbiti milli ma jissodisfawx l-obbligi kuntrattwali mingħajr ġustifikazzjoni legali.

3.3.Mekkaniżmi ta’ infurzar (l-Artikoli 4-8)

3.3.1.Ħatra tal-awtoritajiet tal-infurzar (l-Artikolu 4)

Is-16-il Stat Membru kollha informaw lill-Kummissjoni li huma ħatru awtorità waħda jew aktar biex jinfurzaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-livell nazzjonali (“l-awtorità tal-infurzar”). Id-dettalji ta’ kuntatt u s-siti web ta’ dawn l-awtoritajiet huma disponibbli fuq sit web dedikat tal-Kummissjoni 23 .

Filwaqt li l-maġġoranza tal-Istati Membri għażlu awtorità waħda, erba’ Stati Membri (DE 24 , EL, FI u LT 25 ) ħatru żewġ awtoritajiet.

F’termini ġenerali, l-għażla hija bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji, u, fl-awtoritajiet amministrattivi, bejn l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti u dawk li huma parti mill-eżekuttiv (jiġifieri l-ministeri). Fost l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti, hemm għażla bejn is-suq, il-kompetizzjoni jew awtoritajiet speċifiċi għas-settur.

L-Istati Membri kollha għażlu l-awtoritajiet amministrattivi. Il-maġġoranza għażlu li jassenjaw is-setgħat ta’ infurzar ewlenin lil awtorità amministrattiva indipendenti: sitta lil awtorità għall-kompetizzjoni 26 ; erbgħa lil awtorità tas-suq tal-ikel 27 ; tnejn lill-Ministeru għall-Agrikoltura tagħhom 28 ; tnejn lil awtorità inkarigata mill-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti fis-settur agroalimentari 29 ; waħda lil korp ta’ governanza fi ħdan il-Ministeru tal-Ekonomija u l-Finanzi 30 ; u waħda lil awtorità għall-konsumaturi u għas-swieq 31 .

Fl-Istati Memrbi fejn tiġi nnominata t-tieni awtorità, din hija l-awtorità għall-kompetizzjoni (għal DE, EL u LT) jew l-awtorità tal-ikel (għal FI). Xi Stati Membri jipprevedu dmirijiet ta’ kooperazzjoni fost l-awtoritajiet u l-korpi nazzjonali li jistgħu jgħinu biex tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni rilevanti 32 . Dmirijiet addizzjonali ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-infurzar barranin u mal-Kummissjoni Ewropea huma stabbiliti speċifikament f’xi miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni kif previst fl-Artikolu 8 33 .

3.3.2.Ilmenti u kunfidenzjalità (l-Artikolu 5)

Skont l-istrumenti kollha ta’ traspożizzjoni nnotifikati lill-Kummissjoni, mhux biss il-fornituri uniċi, iżda wkoll l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew organizzazzjonijiet oħra ta’ fornituri u assoċjazzjonijiet ta’ tali organizzazzjonijiet għandhom id-dritt li jippreżentaw ilment lill-awtorità tal-infurzar maħtura.

Maġġoranza kbira tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri pprovdew mezzi biex tiġi ssalvagwardjata l-kunfidenzjalità tal-identità tal-ilmentatur, li l-iżvelar tagħhom jista’ jkun ta’ ħsara għall-interessi tagħhom jew għal dawk tal-membri jew tal-fornituri tagħhom. Jenħtieġ li dawn is-salvagwardji normalment jiġu adottati fuq talba tal-fornitur 34 ; madankollu, xi miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni jipprevedu wkoll inizjattiva ta’ awtorità f’dan ir-rigward 35 . Fil-maġġoranza tal-każijiet, l-ilmentatur huwa mitlub jidentifika kwalunkwe informazzjoni li għaliha jitlob kunfidenzjalità 36 . F’xi Stati Membri, l-istrumenti ta’ traspożizzjoni jinkludu l-possibbiltà li l-proċedimenti ma jitwaqqfux fejn dan iwassal biex tiġi żvelata informazzjoni kunfidenzjali 37 . Fil-LT, l-awtorità tal-infurzar tista’ tirrifjuta talba ta’ kunfidenzjalità jekk l-informazzjoni speċifika jkollha valur probatorju fl-istabbiliment tal-ksur 38 .

3.3.3.Setgħat tal-awtoritajiet maħtura (l-Artikolu 6)

Il-maġġoranza tal-Istati Membri jagħtu lill-awtoritajiet maħtura s-setgħat stabbiliti bl-Artikolu 6, jiġifieri:

·setgħat investigattivi u ta’ monitoraġġ 39 ;

·is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet meta jkun seħħ ksur tal-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3  40 ;

·is-setgħa li x-xerrej ikun meħtieġ itemm il-prattika kummerċjali pprojbita 41 ;

·is-setgħa li jimponu, jew li jagħtu bidu għal proċedimenti biex jiġu imposti multi u penali oħra ugwalment effettivi u miżuri interim 42 indirizzati lill-awtur tal-ksur, f’konformità mar-regoli u mal-proċeduri nazzjonali 43 u

·is-setgħa li jiġu ppubblikati d-deċiżjonijiet meħuda 44 .

F’sitt Stati Membri, l-awtorità tal-infurzar għandha wkoll is-setgħa li tapprova l-impenji meħuda mill-kontraventur 45 , jew li toħroġ twissijiet 46 jew rakkomandazzjonijiet jekk iseħħ ksur 47 .

3.3.4.Miżuri u sanzjonijiet ta’ infurzar (l-Artikolu 6)

Il-miżuri ta’ infurzar jinkludu firxa wiesgħa ta’ strumenti, inklużi sanzjonijiet, rimedji u impenji.

L-aktar miżuri komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar huma s-sanzjonijiet finanzjarji, li huma previsti fis-16-il Stat Membru kollha. Filwaqt li d-Direttiva ma tistipulax limiti minimi u massimi għas-sanzjonijiet finanzjarji, xi Stati Membri jagħmlu dan. Fejn jiġu ddeterminati, l-ammonti minimi u massimi jvarjaw fost l-Istati Membri 48 . F’xi każijiet l-ammont massimu jiġi ddeterminat abbażi tal-fatturat tal-parti li tkun qed tikser ir-regoli 49 ; f’każijiet oħrajn, jiġi kkalkolat bħala perċentwal ta’ wieħed minn dawn li ġejjin: (i) il-prezz tax-xiri 50 ; (ii) l-imposti mitlubin mill-fornitur 51 ; jew (iii) il-profitt magħmul mill-parti li tkun qed tikser ir-regoli fit-tranżazzjoni affettwata mill-prattika inġusta 52 . Madwar 10 Stati Membri ma jipprovdux limiti minimi 53 u 3 ma jipprovdux limitu massimu 54 . Sitt Stati Membri jispeċifikaw il-kriterji u l-fatturi involuti fid-determinazzjoni tal-ammont tas-sanzjoni f’ċirkostanzi speċifiċi, inklużi n-natura tal-ksur, id-durata tiegħu, u sa liema punt il-konsegwenzi kienu dannużi 55 .

Il-LU u l-LT biss inkorporaw b’mod espliċitu l-prinċipju li skontu l-penali jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Il-leġiżlazzjoni Griega tirreferi għall-proporzjonalità u għad-deterrenza, iżda mhux għall-effettività, meta tirregola s-setgħa tal-awtorità amministrattiva biex jiġu identifikati l-miżuri applikabbli, filwaqt li l-leġiżlazzjoni Finlandiża tirreferi għall-ħtieġa ta’ raġonevolezza fid-determinazzjoni tas-sanzjonijiet finanzjarji iżda mhux tal-prinċipji l-oħra. Il-FI tapplika wkoll il-proporzjonalità għal miżuri ta’ rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni iżda biss għal ksur ta’ sigriet tal-mestier 56 .

Minbarra s-sanzjonijiet finanzjarji hemm ir-rimedji.

Fir-rigward tal-inibizzjonijiet użati biex tintemm prattika inġusta, l-Istati Membri spiss użaw xi tip ta’ penali biex jiskoraġġixxu n-nuqqas ta’ konformità 57 .

Simili għall-inibizzjonijiet, il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva introduċew miżuri oħra:

·l-“avviżi ta’ konformità” skont il-liġi Irlandiża;

·il-“miżuri ta’ prekawzjoni” skont il-liġi Lussemburgiża;

·il-miżuri Ungeriżi, li jippermettu lill-awtorità amministrattiva tipprojbixxi lin-negozjant milli japplika d-dispożizzjonijiet tal-ftehim standard ta’ servizz jekk (i) ma jkunx imfassal b’mod ċar, (ii) is-servizz jew il-korrispettiv ma jkunx speċifikat, jew (iii) it-tariffa mitluba ma tkunx proporzjonata mal-kostijiet.

Filwaqt li r-rimedji ċivili rari jissemmew fl-atti ta’ traspożizzjoni, hemm xi eċċezzjonijiet. Xi Stati Membri jipprevedu li t-termini kuntrattwali jiġu nnullifikati 58 ; oħrajn jipprevedu miżuri ta’ restituzzjoni 59 jew ta’ kumpens 60 .

L-impenji huma rregolati b’mod ċar fil-HR u fl-HU. L-approvazzjoni tagħhom mill-awtorità tal-infurzar normalment teskludi konstatazzjoni ta’ ksur u penali, sakemm l-impenn ma jiġix issodisfat.

3.3.5.Infurzar amministrattiv u ġudizzjarju u soluzzjoni alternattiva għat-tilwim 

Il-maġġoranza tal-miżuri u tal-mekkaniżmi ta’ infurzar imsemmija hawn fuq jistgħu jitqiesu bħala infurzar amministrattiv.

L-atti ta’ traspożizzjoni ta’ xi Stati Membri jirreferu b’mod espliċitu kemm għall-infurzar amministrattiv kif ukoll għal dak ġudizzjarju. B’mod aktar speċifiku, tmien Stati Membri jipprevedu li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi jiġu appellati l-qorti 61 . Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Finlandiża tistabbilixxi li ċerti setgħat (eż. li jinħarġu penali) huma assenjati biss lill-qorti, filwaqt li miżuri oħra (bħal rimedji b’mandat ta’ inibizzjoni) jistgħu jiġu adottati kemm mill-awtorità amministrattiva kif ukoll minn dik ġudizzjarja. Il-leġiżlazzjoni Bulgara tistabbilixxi li l-istituzzjoni responsabbli għal proċedimenti speċifiċi skont il-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ma tipprevjenix lil parti għal ftehim ta’ provvista milli tfittex rimedju permezz ta’ proċedura stabbilita oħra, filwaqt li tirrikonoxxi b’mod impliċitu r-rwol ta’ inforzaturi oħra, inklużi l-qrati. Il-leġiżlazzjoni Latvjana tistipula li, fl-istess ħin mal-Kunsill għall-Kompetizzjoni, skont il-proċeduri stabbiliti fil-liġi dwar il-proċedura ċivili, qorti tista’ tistabbilixxi wkoll jekk sarx ksur tal-liġi tat-traspożizzjoni jew le.

B’mod ċar, dawn l-Istati Membri jużaw sistema ta’ rimedji paralleli mingħajr, madankollu, ma jipprevedu regoli speċifiċi ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji.

Fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva, seba’ Stati Membri jipprevedu l-possibbiltà li jirrikorru għal mekkaniżmi ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim 62 . Fost dawn, il-leġiżlazzjoni Olandiża tagħti lill-Ministru kkonċernat is-setgħa li jaħtar kumitat għas-soluzzjoni tat-tilwim u mbagħad li “jaffilja” xerrej lill-kumitat maħtur. Id-deċiżjoni tal-kumitat hija vinkolanti fuq il-partijiet sakemm waħda mill-partijiet ma tippreżentax it-tilwima lill-qorti ċivili fi żmien 3 xhur mill-adozzjoni tagħha. Skont il-leġiżlazzjoni Maltija, l-awtorità tal-infurzar tista’ tistieden lill-partijiet għal proċedura ta’ medjazzjoni li tindirizza l-kwantifikazzjoni tad-danni. L-ebda mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni mal-infurzar amministrattiv u ġudizzjarju ma huwa rregolat b’mod espliċitu.

L-ebda waħda mil-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni ma tindirizza l-kwistjoni tas-setgħa ekstraterritorjali tal-awtoritajiet amministrattivi. Xi Stati Membri jispeċifikaw li l-awtorità tal-infurzar hija kompetenti biss fir-rigward ta’ prattiki li jseħħu f’relazzjonijiet fejn il-fornitur jew ix-xerrej, jew it-tnejn, ikun jew ikunu stabbiliti fl-Istati Membri tal-awtorità 63 .

Fil-każ speċifiku ta’ ksur transfruntier, bħalissa jidher li l-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni Ġermaniża biss tirregola forom ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stati Membri oħrajn.

4.Konklużjonijiet

Il-maġġoranza tas-16-il Stat Membru analizzati fil-kuntest ta’ dan ir-rapport għamlu sforzi biex jittrasponu d-Direttiva fil-ħin. Maġġoranza kbira ta’ dawn l-Istati Membri marru lil hinn mil-livell minimu ta’ protezzjoni stabbilit mid-Direttiva. Regoli aktar stretti huma fil-prinċipju kompatibbli mad-Direttiva sakemm dawn jirrispettaw ir-regoli tas-suq intern tal-UE. L-Istati Membri ġeneralment isegwu l-approċċ settorjali ta’ din il-leġiżlazzjoni u japplikaw id-dispożizzjonijiet fil-katina agroalimentari. Aktar minn nofs l-Istati Membri analizzati f’dan ir-rapport jew jitbiegħdu mill-kategoriji tal-fatturat kif definiti fid-Direttiva jew saħansitra japplikaw ir-regoli irrispettivament mill-fatturat tal-operaturi kkonċernati. Il-maġġoranza tal-Istati Membri żiedu l-lista ta’ UTPs tad-Direttiva billi żiedu projbizzjonijiet jew għamlu l-projbizzjonijiet skont id-Direttiva aktar stretti. B’kuntrast, (il-ftit) Stati Membri li ma kellhomx leġiżlazzjoni fis-seħħ qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva ġeneralment allinjaw ruħhom mal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Filwaqt li fil-maġġoranza tal-każijiet l-għażliet ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri jidhru identiċi jew ekwivalenti għar-regoli stabbiliti fid-Direttiva, hemm xi diverġenzi. Dawn se jiġu analizzati aktar.

Fir-rigward tal-awtoritajiet fdati bl-infurzar tar-regoli dwar il-UTP, l-Istati Membri ffokaw fuq ir-rwol tal-awtoritajiet amministrattivi, filwaqt li l-infurzar ġudizzjarju huwa pprovdut biss sa ċertu punt limitat. B’mod ġenerali, hemm prevista ftit jew xejn koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar amministrattivi u ġudizzjarji. Filwaqt li l-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jissottomettu lmenti kollettivi, mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv oħrajn għadhom fil-biċċa l-kbira mhux esplorati. Xi kultant issir referenza għal mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni alternattiva tat-tilwim.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ infurzar, l-enfasi ewlenija titpoġġa fuq is-sanzjonijiet finanzjarji u r-rimedju b’mandat ta’ inibizzjoni, b’xi Stati Membri li introduċew il-possibbiltà li l-partijiet joffru impenji. Xi Stati Membri qed jippjanaw li jużaw ukoll rimedji ċivili. Jeżistu speċifikazzjonijiet limitati ħafna dwar l-effettività, il-proporzjonalità u d-dissważività tal-penali u ta’ sanzjonijiet oħrajn.

Se toħroġ stampa aktar komprensiva ladarba l-Istati Membri kollha jkunu lestew il-proċess ta’ traspożizzjoni 64 . L-ewwel evalwazzjoni tad-Direttiva fil-livell tal-UE u rapport dwar is-sejbiet ewlenin ta’ dik l-evalwazzjoni se jiġu ppreżentati sal-1 ta’ Novembru 2025.

(1) Ara l-Forum ta’ Livell Għoli dwar it-Titjib tal-Funzjonament tal-Katina tal-Provvista tal-Ikel (2011), immexxi mill-Kummissjoni Ewropea, li approva sett ta’ prinċipji ta’ prattika tajba f’relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista alimentari , li ġie maqbul minn organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari. Dan wassal għat-tnedija tal-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista fl-2013. Dawn li ġejjin huma xi interventi reċenti: mill-Parlament Ewropew: Ir-Riżoluzzjoni tas-7 ta’ Ġunju 2016 dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel ; mill-Kunsill: Il-Konklużjonijiet tat-12 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista tal-ikel u l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali inġusti ; mill-Kummissjoni: Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ottubru 2009 dwar il-katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar ; Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2014 dwar l-indirizzar ta’ prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta’ provvista alimentari bejn in-negozji ; u r-Rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Jannar 2016 dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta’ provvista alimentari bejn in-negozji .
(2) Il-Proposta għal Direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel, Brussell, 12.4.2018, COM(2018) 173 final, 2018/0082 (COD), par. 2.
(3) Ara d-Direttiva, il-premessa (7).
(4) Ara d-Direttiva, il-premessa (8). Ara wkoll Cafaggi, F. u Iamiceli, P., Unfair trading practices in the business-to-business retail supply chain (JRC112654) .
(5)

  https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/market-measures/agri-food-supply-chain/unfair-trading-practices_en .

(6) Sal-1 ta’ Mejju 2021, 4 mis-27 Stat Membru affermaw li huma lestew it-traspożizzjoni tad-Direttiva (BG, DK, EL u NL), erbgħa oħrajn affermaw li huma ttrasponewha parzjalment (EE, FR, FI u LV). Sal-31 ta’ Lulju, EE kienet innotifikat tabella ta’ korrelazzjoni unika.
(7)   BE, CZ, EE, ES, FR, IT, CY, AT, PO, PT, RO u SI .
(8) https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_21_3903 .
(9) DK, EL, IE, LT, LU, MT, NL u SE. Madankollu, l-istrument Litwan jikkoinċidi parzjalment ma’ biċċa leġiżlazzjoni eżistenti, jiġifieri l-Liġi dwar il-Projbizzjoni ta’ Prattiki Inġusti tal-Bejjiegħa bl-Imnut tat-22 ta’ Diċembru 2009, nru XI-626, li japplika għall-bejjiegħa bl-imnut b’saħħa sinifikanti fis-suq u li, fil-każ ta’ kunflitt, jipprevali fuq l-istrument ta’ traspożizzjoni. Fl-Iżvezja, qabel it-traspożizzjoni, il-UTPs ġew indirizzati biss permezz tal-estensjoni tal-protezzjoni tal-konsumatur għar-relazzjonijiet bejn in-negozji.
(10) DK, EL, IE, LV, NL, HR, HU, LU, LT, MT, SE u SK; SK ikkwalifikat formalment din il-biċċa leġiżlazzjoni bħala li tirreferi għal termini inġusti, li fil-fatt ikopru jew jinkludu prattiki inġusti fil-kunċett ta’ termini inġusti.
(11)

  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671 .

(12) Fost dawn, LT eskludiet mid-definizzjoni tax-xerrej kooperattivi jew komunitajiet żgħar u l-membri tagħhom, filwaqt li s-SK inkludiet skont id-definizzjoni tax-xerrej u tal-fornitur, persuni ġuridiċi li ma humiex intraprendituri.
(13) Eċċezzjoni waħda tikkonċerna miżura Franċiża dwar id-dispożizzjonijiet dwar pagamenti tard li japplikaw termini differenti minn dawk previsti għall-prodotti agrikoli u alimentari, anke għall-bejgħ ta’ tagħmir u makkinarju użati fl-agrikoltura.
(14) Fil-każ tal-LV, din il-limitazzjoni ma tapplikax għall-bejjiegħa bl-imnut mhux tal-ikel.
(15) Sal-1 ta’ Mejju 2025, id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi ta’ traspożizzjoni japplikaw ukoll għall-bejgħ tal-ħalib u tal-prodotti tal-laħam u għall-bejgħ ta’ prodotti tal-frott, tal-ħxejjex u tal-ortikultura, inkluża l-patata, minn fornituri li għandhom fatturat annwali sa EUR 4 biljun fis-segment tal-bejgħ rispettiv fil-DE, sakemm il-fatturat annwali totali tal-fornitur ma jaqbiżx l-20 % tal-fatturat annwali totali tax-xerrej.
(16) Adottat b’mod espliċitu fil-BG, DE, DK, EL, FI, HR, IE, LT u SK.
(17) DK, IE, LU, MT u NL.
(18) DE, FR, HR, LV, SK: Ir-ritorn ta’ prodotti mhux mibjugħa (DE, FR, LV u SK), imposti għas-sistemazzjoni tal-bini (FR, HR u LV), u imposti għall-istokkjar, il-wiri u l-inklużjoni fil-lista (FR u LV).
(19) BG, EL, FR, HR (sa 18-il prattika oħra), HU, LV u SK.
(20) BG, HR, LV u SK.
(21) DE, DK, EL, FR, HR, IE, LT, LU, LV, MT u NL.
(22) DE, LT u SK.
(23)

  https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/market-measures/agri-food-supply-chain/unfair-trading-practices_en .

(24) Awtorità tal-infurzar waħda hija maħtura iżda xi wħud mid-deċiżjonijiet tagħha se jiġu kondiviżi mal-Awtorità għall-Kompetizzjoni.
(25) It-tieni awtorità tal-infurzar għandha kompetenza biss fuq prattiki involuti mill-bejjiegħa bl-imnut b’saħħa sinifikanti fis-suq.
(26) BG, DK, HR, LU, LV u SE.
(27) DE (l-Uffiċċju Federali għall-Agrikoltura u l-Ikel, maħtur mill-Ministeru Federali), FI (l-Ombudsman għas-Suq tal-Ikel), HU (l-Uffiċċju tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari, maħtur mill-Gvern), u LT (l-Aġenzija għall-Iżvilupp tan-Negozju u tas-Swieq Rurali).
(28) IE u SK.
(29) EL u MT.
(30) FR u DGCCRF (id-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-kompetizzjoni, l-Affarijiet tal-Konsumatur u l-Kontroll tal-Frodi).
(31) NL.
(32) BG, DE, EL, FI, LT u MT.
(33) BG, DE, DK, EL, FI, HR, IE, LT, LV, MT, NL, SE u SK.
(34) BG, DE, DK, EL, HR, HU, IE, LT, LU, MT, NL u SK. Fost dawn, il-liġi tal-BG tistabbilixxi li l-identità tal-ilmentatur dejjem trid tibqa’ kunfidenzjali.
(35) eż. HU.
(36) BG, DK, EL, IE, LU u NL.
(37) DE, DK, FI u MT.
(38) Madankollu, l-ilmenti anonimi huma indirizzati b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni Litwana.
(39) BG, DE, DK, EL, FI, FR, HR, HU, IE, LT, LU, LV, MT, NL, SE u SK.
(40) BG, DE, DK, EL, HR, HU, IE, LT, LU, LV, MT, NL u SE.
(41) BG, DE, DK, EL, FI, FR, HR, IE, LT, LU, LV, MT, NL, SE u SK.
(42) BG, DE, DK, EL, FI, FR, HR, HU, IE, LT, LU, LV, MT, NL, SE u SK.
(43) Previsti speċifikament fil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fi: BG, DK, EL, FI, FR, IE, LT, LU, LV u NL.
(44) BG, DE, DK, EL, FI, FR, HR, HU, IE, LT, LU, MT, SE u SK.
(45) HR u HU.
(46) FI u LV.
(47) EL.
(48) L-ammonti minimi jvarjaw minn EUR 70 (LV) għall-ekwivalenti ta’ madwar EUR 2 550 (BG); l-ammonti    massimi jvarjaw minn EUR 2 329,37 (MT) għal EUR 2 miljun (FR).
(49) Barra minn hekk, f’dawn il-każijiet il-perċentwali jvarjaw, minn 0,2 % (LV) għal 10 % (HU u NL).
(50) SK.
(51) SK.
(52) MT.
(53) DE, DK, EL, FI, FR, HR, IE, MT, NL u SE.
(54) DK, FI u HR.
(55) Il-kriterji jvarjaw: EL, FI, HR, LV, SE u SK.
(56) Bħalissa ma hemmx disponibbli informazzjoni dwar il-liġi Franċiża.
(57) BG, DE, DK, FI, FR, LT, LV, MT, NL, SE u SK.
(58) DE, FR u HU.
(59) Il-FI (fil-każ biss ta’ ksur ta’ sigrieti kummerċjali) u l-IE (restituzzjoni ta’ pagamenti mhux dovuti).
(60) Il-FI (fil-każ biss ta’ ksur ta’ sigrieti tal-mestier), FR, il-LV u MT (fejn id-danni jiġu llikwidati mit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva).
(61) BG, DE, DK, EL, FI, MT, NL u SE.
(62) BG, DE, EL, FI, LT, MT u NL.
(63) DE.
(64) Aktar informazzjoni se tkun disponibbli fil-link li ġejja: https://ec.europa.eu/info/food-farming-fisheries/key-policies/common-agricultural-policy/market-measures/agri-food-supply-chain/unfair-trading-practices_en .