IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.10.2021
COM(2021) 628 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżami mill-ġdid tar-Regolament (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi
Werrej
1.Introduzzjoni
2.Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IAS
2.1.L-Artikolu 4. Lista ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni
2.2.Restrizzjonijiet u derogi (l-Artikoli 7, 8, 9, 31 u 32)
2.3.L-Artikolu 11. IAS ta’ tħassib reġjonali u speċijiet indiġeni tal-Unjoni
2.4.L-Artikolu 12. IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Istati Membri
2.5.L-Artikolu 13. Pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-perkorsi tal-IAS
2.6.L-Artikolu 14. Sistema ta’ sorveljanza
2.7.L-Artikolu 15. Kontrolli uffiċjali
2.8.L-Artikoli 16 u 17. Notifiki tal-identifikazzjoni bikrija u qerda rapida fi stadju bikri tal-invażjoni
2.9.L-Artikolu 19. Miżuri ta’ ġestjoni
2.10.L-Artikolu 25. Sistema ta’ appoġġ għall-informazzjoni
2.11.Sensibilizzazzjoni
2.12.Kostijiet tal-implimentazzjoni, benefiċċji u finanzjament
2.13.Sfidi tal-implimentazzjoni
3.Konklużjoni
1.Introduzzjoni
L-ispeċijiet aljeni invażivi (IAS) huma annimali u pjanti li, minħabba intervent mill-bniedem, jiġu introdotti b’mod aċċidentali jew deliberat f’ambjent naturali li normalment ma jkunux jinstabu fih, b’konsegwenzi negattivi serji għall-ambjent il-ġdid tagħhom.
L-IAS huma waħda mill-ħames kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità fl-Ewropa u madwar id-dinja. Dawn jistgħu jikkawżaw ukoll impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija. Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta’ speċijiet aljeni invażivi (ir-Regolament dwar l-IAS) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2015. Dan għandu l-għan li: (i) jevita, jimminimizza u jtaffi l-impatti negattivi tal-IAS fuq il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema; u (ii) jillimita l-ħsara soċjali u ekonomika.
L-adozzjoni tar-Regolament dwar l-IAS kienet pass kbir ’il quddiem fl-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità. L-adozzjoni tar-Regolament dwar l-IAS issodisfat kemm: (i) l-Azzjoni 16 tal-Mira 5 tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2020; kif ukoll (ii) il-Mira 9 ta’ Aichi tal-pjan strateġiku għall-bijodiversità 2011-2020 fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika.
Dan ir-rapport jirrieżamina l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-IAS kif meħtieġ skont l-Artikolu 24(3) tiegħu. Dan ir-rapport huwa primarjament ibbażat fuq rapporti sottomessi mill-Istati Membri li jkopru l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2018. Dan ir-rapport imur lil hinn minn dan il-perjodu fi kwalunkwe qasam li għalih hija disponibbli informazzjoni aktar reċenti. L-informazzjoni f’dan ir-rapport ittieħdet ukoll minn konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret fl-2021.
L-analiżi ppreżentata f’dan ir-rapport hija limitata mill-perjodu ta’ applikazzjoni qasir tar-Regolament. Għalkemm ir-Regolament dwar l-IAS daħal fis-seħħ f’Jannar 2015, il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu saru effettivi biss f’Awwissu 2016, meta daħlet fis-seħħ l-ewwel lista tal-Unjoni.
Barra minn hekk, l-obbligi ewlenin għall-Istati Membri (eż. l-istabbiliment ta’ sistema ta’ sorveljanza u l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ ġestjoni għal IAS mifruxa b’mod wiesa’ li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni) saru applikabbli biss f’Jannar 2018 (jiġifieri 18-il xahar wara l-adozzjoni tal-ewwel lista tal-Unjoni). Barra minn hekk, l-obbligu għall-Istati Membri li jfasslu u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jindirizzaw il-perkorsi prijoritarji tal-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonali ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni, sar japplika biss minn Lulju 2019 (jiġifieri 36 xahar wara l-adozzjoni tal-ewwel lista tal-Unjoni).
Għalhekk, l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar l-IAS bdiet biss f’Lulju 2019. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni mhijiex qed tissupplimenta dan ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex ir-Regolament jiġi emendat.
2.Implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IAS
2.1.L-Artikolu 4. Lista ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni
Il-lista ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni (“il-lista tal-Unjoni”) tinsab fil-qalba tar-Regolament dwar l-IAS. Dan fih lista tal-IAS li l-impatt negattiv tagħhom tqies serju biżżejjed li tenħtieġ azzjoni miftiehma fil-livell tal-Unjoni. L-ispeċijiet elenkati huma soġġetti għar-restrizzjonijiet u l-miżuri stabbiliti fir-Regolament.
Biex jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni, l-ispeċijiet iridu jissodisfaw il-kriterji kollha fl-Artikolu 4(3), b’kunsiderazzjoni dovuta: (i) għall-kost ta’ implimentazzjoni għall-Istati Membri biex jieħdu azzjoni kontra l-IAS; (ii) għall-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni; (iii) għall-kosteffettività tal-azzjoni; u (iv) għall-aspetti soċjoekonomiċi (l-Artikolu 4(6)). Il-valutazzjonijiet tar-riskju jirfdu dan il-proċess, u l-kwalità ta’ dawn il-valutazzjonijiet tar-riskju hija vverifikata mill-Forum Xjentifiku. Il-lista tal-Unjoni u l-aġġornamenti tagħha huma adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, soġġetti għall-opinjoni pożittiva tal-Kumitat dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi.
L-ewwel lista tal-Unjoni daħlet fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2016. Din kien fiha 37 speċi. L-ewwel u t-tieni aġġornament tal-lista daħlu fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2017 u fil-15 ta’ Awwissu 2019, rispettivament. Dawn l-aġġornamenti żiedu 12 u 17-il speċi rispettivament. It-tielet aġġornament tal-lista tal-Unjoni huwa mistenni sal-aħħar tal-2021. L-għadd totali ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni bħalissa huwa ta’ 66, li minnhom:
·30 huma speċijiet ta’ annimali u 36 huma speċijiet ta’ pjanti;
·41 huma primarjament speċijiet terrestri, 23 huma primarjament speċijiet tal-ilma ħelu, waħda hija speċi tal-ilma salmastru u waħda hija speċi tal-baħar.
L-ispeċijiet jistgħu jitneħħew mil-lista jekk ma jibqgħux jissodisfaw kriterju wieħed jew aktar, iżda dan għadu ma sarx. Skont l-Artikolu 4(2), il-lista tal-Unjoni trid tiġi rieżaminata b’mod komprensiv sa Awwissu 2022, sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tal-lista inizjali.
Ir-Regolament għamilha possibbli li l-ispeċijiet li jridu jiġu elenkati jintgħażlu b’mod oġġettiv u xjentifikament robust. Madankollu, il-valutazzjoni xjentifika solida li tirfed l-elenkar tikkawża dewmien: valutazzjoni tar-riskju ddum mill-inqas sentejn biex titlesta. Imbagħad, jenħtieġ mill-inqas sena oħra sakemm tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-ispeċi għandhiex tiġi elenkata. Madankollu, jekk l-Istati Membri jqisu IAS ġdid bħala theddida imminenti, huma jistgħu jieħdu miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 10, dispożizzjoni li għadha ma ntużatx.
Riċerka reċenti tindika li ż-żieda fl-għadd ta’ speċijiet aljeni introdotti reċentement ma turi l-ebda sinjal ta’ saturazzjoni u l-biċċa l-kbira tal-unitajiet tassonomiċi saħansitra juru żidiet fir-rata tal-ewwel reġistrazzjonijiet fuq medda ta’ żmien. Xi darba jew oħra, ħafna minn dawn l-ispeċijiet aljeni x’aktarx isiru invażivi. Għalhekk, hemm probabbiltà kbira li fil-futur se jkollhom jiġu inklużi aktar speċijiet fil-lista tal-Unjoni. Xi pubblikazzjonijiet issuġġerew il-ħtieġa li gradwalment jiġu elenkati ftit mijiet ta’ speċijiet sabiex jintlaħqu l-objettivi tar-Regolament dwar l-IAS
. Xi partijiet ikkonċernati (pereżempju dawk involuti fil-kummerċ ta’ speċijiet aljeni) ma jaqblux, u jargumentaw li l-lista tal-Unjoni diġà tinkludi ammont kbir wisq ta' speċijiet u li l-piż tal-implimentazzjoni huwa kbir wisq.
Fi kwalunkwe każ, il-lista tal-Unjoni ma tistax tinkludi l-IAS kollha possibbli. Dan minħabba li l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex jiġu inklużi fil-lista huma pjuttost eżiġenti. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament dwar l-IAS jipprovdi kriterji ta’ prijoritizzazzjoni pjuttost wiesgħa. Pereżempju, l-Artikolu 4(6) jirrikjedi li jiġu prijoritizzati żewġ tipi ta’ IAS: (i) dawk li għadhom mhumiex preżenti, jew li għadhom fi stadju bikri ta’ invażjoni u li għandhom l-akbar probabbiltà li jkollhom impatt negattiv sinifikanti; u (ii) dawk li diġà huma stabbiliti u li għandhom l-aktar impatt negattiv sinifikanti.
Mis-66 IAS elenkati, 12 għadhom mhumiex preżenti fit-territorju tal-Unjoni, filwaqt li ħafna minnhom diġà huma mifruxin b’mod wiesa’ u x’aktarx li mhumiex se jinqerdu. L-elenkar tal-ispeċijiet li għadhom mhumiex preżenti fl-UE għandu effett preventiv qawwi, peress li ma jistgħux jiddaħħlu fit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, l-esperjenza wriet li l-evidenza meħtieġa biex titlesta valutazzjoni tar-riskju għal speċijiet bħal dawn spiss tkun nieqsa. Flimkien mal-inċertezza kemm dwar id-dinamika tal-komunitajiet bijoloġiċi kif ukoll dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima, dan jagħmilha diffiċli ħafna biex jiġu mbassra l-impatti potenzjali ta’ speċi li kieku tiġi introdotta. Minħabba dan, l-elenkar ta’ speċijiet li għadhom mhumiex preżenti fl-UE irriżulta li huwa diffiċli. Madankollu, il-lista tal-Unjoni xorta għandha effett preventiv. L-ispeċijiet kollha elenkati li diġà huma stabbiliti fl-UE, (inklużi speċijiet li diġà huma preżenti fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri bħall-pond slider Trachemys scripta u l-giant hogweed Heracleum mantegazzianum), għandhom il-potenzjal li jkomplu jinfirxu b’mod sinifikanti (ara l-Illustrazzjonijiet 1–4). Il-prevenzjoni ta’ firxa ulterjuri saret waħda mill-argumenti ewlenin biex jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni.
Illustrazzjoni 1: L-għadd ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni mit-48 speċi koperti mir-rapporti tal-2019 li ġew irrapportati li huma preżenti minn kull wieħed mill-Istati Membri. Il-Portugall ma ppreżentax rapport.
Illustrazzjoni 2: Status tal-preżenza għal kull Stat Membru tat-48 IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni koperti mir-rapporti tal-2019. Il-Portugall ma ppreżentax rapport.
Is-simboli
jindikaw rispettivament li: (i) l-ispeċi hija preżenti fi Stat Membru partikolari; (ii) mhuwiex magħruf jekk hijiex preżenti fi Stat Membru partikolari; u (iii) titqies li mhijiex preżenti fi Stat Membru partikolari.
Illustrazzjoni 3: Id-distribuzzjoni ta’ Trachemys scripta (grilji ta’ 10 x 10 km) kif irrapportata mill-Istati Membri fl-2019. L-ispeċi hija preżenti wkoll fil-Greċja, fil-Portugall u fir-Rumanija, iżda dawn l-Istati Membri ma pprovdewx id-distribuzzjoni fil-livell tal-grilja.
Illustrazzjoni 4: Id-distribuzzjoni ta’ Heracleum mantegazzianum (grilji ta’ 10 x 10 km) kif irrapportata mill-Istati Membri fl-2019.
Meta speċi tiżdied mal-lista tal-Unjoni, tinħoloq sfida addizzjonali. Jekk l-IAS miżjuda mal-lista tal-Unjoni tkun speċi popolari fil-kummerċ, din spiss tiġi sostitwita fis-suq bi speċijiet aljeni oħrajn, li jistgħu jkunu invażivi wkoll. Imbagħad, dawn l-ispeċijiet introdotti reċentement iridu jiġu vvalutati għar-riskju u jitqiesu għall-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni. Din il-problema tidher l-aktar fil-kummerċ tal-annimali domestiċi (eż. is-sostituzzjoni tal-pond sliders Trachemys scripta bi fkieren aljeni oħra) u fil-kummerċ ortikulturali (eż. is-sostituzzjoni tal-ġjaċinta tal-ilma Eichhornia crassipes bil-water lettuce Pistia stratiotes). Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, xi partijiet ikkonċernati ssuġġerew li jitfasslu listi ta’ speċijiet permessi minflok lista ta’ speċijiet ristretti. Il-qafas legali attwali ma jipprevedix dan l-approċċ fil-livell tal-UE, iżda xi Stati Membri adottawh fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, prinċipalment għall-kummerċ tal-annimali domestiċi.
Il-kunsiderazzjoni tal-kostijiet u tal-aspetti soċjoekonomiċi, kif meħtieġ mill-Artikolu 4(6), influwenzat il-proċess tal-elenkar. L-aktar eżempju karatteristiku huwa l-mink Amerikan (Neovison vison), IAS b’impatti negattivi sinifikanti fuq il-bijodiversità. Il-mink Amerikan jitrabba għall-fer f’eluf ta’ farms tal-mink fl-UE. Din l-ispeċi ma ġietx elenkata. Jekk tiġi inkluża fil-lista tal-Unjoni, it-tnissil tagħha għall-produzzjoni tal-fer jiġi soġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 9 tar-Regolament dwar l-IAS. Diversi Stati Membri qiesu l-kostijiet tal-implimentazzjoni ta’ din il-proċedura sproporzjonati u opponew l-elenkar ta’ din l-ispeċi. Ta’ min jinnota li r-Regolament dwar l-IAS jipprevedi soluzzjonijiet alternattivi għaż-żieda ta’ speċi fil-lista tal-Unjoni. L-ewwel nett, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jindirizzaw speċijiet bħal dawn permezz ta’ miżuri nazzjonali. It-tieni nett, l-ispeċijiet jistgħu jiġu ttrattati permezz ta’ kooperazzjoni reġjonali akbar (ara t-Taqsimiet 2.3 u 2.4 hawn taħt).
L-elenkar tal-IAS tal-baħar jippreżenta sfidi partikolari. Kif jidher hawn fuq, waħda biss mis-66 IAS fil-lista tal-Unjoni, Plotosus lineatus, l-istriped eel catfish, hija speċi tal-baħar. Madankollu, diversi speċijiet tal-baħar tqiesu għall-ewwel lista tal-Unjoni. L-ostaklu ewlieni għall-inklużjoni tal-ispeċijiet tal-baħar kien it-tħassib li l-kapaċità għolja ta’ konnettività ambjentali u ta’ dispersjoni tal-ispeċijiet fl-ambjent tal-baħar tagħmilha aktar diffiċli u għalja biex jiġu ssorveljati u kkontrollati l-invażjonijiet bijoloġiċi. Dan huwa partikolarment rilevanti għal speċijiet li jidħlu fil-Baħar Mediterran mill-Kanal Suez. Madankollu, minkejja dawk l-isfidi, is-sorveljanza, id-detezzjoni bikrija u l-qerda rapida tal-ispeċijiet tal-baħar f’żoni fil-mira jistgħu jtaffu l-impatti negattivi tagħhom. Għal perkorsi ta’ introduzzjoni u tixrid, it-tixrid u l-impatti tal-IAS fl-ambjent tal-baħar jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti permezz: (i) tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni għall-Ġestjoni tal-Ilmijiet tas-Saborra tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI); u (ii) tat-tisħiħ tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-OMI dwar il-Bijoinkrostazzjoni. Għalhekk, tħejjew diversi valutazzjonijiet tar-riskju għall-IAS tal-baħar biex jitqiesu għall-aġġornament li jmiss tal-lista tal-Unjoni.
2.2.Restrizzjonijiet u derogi (l-Artikoli 7, 8, 9, 31 u 32)
L-aktar impatt dirett tar-Regolament dwar l-IAS huwa li l-ispeċijiet elenkati huma soġġetti għal restrizzjonijiet, inkluża projbizzjoni fuq il-kummerċ (l-Artikolu 7). Eċċezzjonijiet għall-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet huma possibbli f’każijiet eċċezzjonali: jew (i) taħt sistema ta’ permessi ġestita mill-Istati Membri (li tippermetti attivitajiet ta’ riċerka jew ta’ konservazzjoni ex-situ skont l-Artikolu 8) jew (ii) awtorizzati mill-Kummissjoni (f’każijiet eċċezzjonali għal raġunijiet ta’ interess pubbliku qawwi skont l-Artikolu 9). Derogi tranżizzjonali oħra huma possibbli għas-sidien ta’ annimali ta’ kumpanija (l-Artikolu 31) u għall-istokkijiet kummerċjali (l-Artikolu 32).
Tnax-il Stat Membru rrapportaw li ħarġu total ta’ 100 permess bejn id-dħul fis-seħħ tal-ewwel lista tal-Unjoni f’Awwissu 2016 u f’Diċembru 2018. Dawn il-permessi kienu jikkonċernaw 32 IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. 87 mill-permessi kienu għar-riċerka u 13 għall-konservazzjoni ex-situ. Il-permessi ex situ ngħataw lil stabbilimenti li jospitaw eżemplari mhux mixtieqa bħala parti mill-miżuri ta’ ġestjoni, attività li fil-fatt ma teħtieġx permess.
Sal-lum, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 9. Dawn iż-żewġ deċiżjonijiet taw awtorizzazzjoni lil żewġ Stati Membri biex isegwu t-trobbija tar-rakkun Nyctereutes procyonoides għall-produzzjoni tal-fer.
2.3.L-Artikolu 11. IAS ta’ tħassib reġjonali u speċijiet indiġeni tal-Unjoni
L-Artikolu 11 jippermetti lill-Istati Membri jidentifikaw, mil-listi tagħhom ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Istati Membri (ara t-Taqsima 2.4), speċijiet indiġeni jew mhux indiġeni għall-Unjoni li jeħtieġu kooperazzjoni reġjonali msaħħa. Kooperazzjoni bħal din tista’ twassal biex il-biċċa l-kbira tar-restrizzjonijiet li japplikaw għall-ispeċijiet inklużi fil-lista tal-Unjoni jibdew japplikaw għal dawk l-ispeċijiet fl-Istati Membri kkonċernati biss. Il-kooperazzjoni reġjonali trid tiġi skattata minn Stat Membru, li għadha ma saritx.
Għall-IAS indiġeni għall-Unjoni, il-Forum Xjentifiku u esperti kkonsultati oħra kkonfermaw li kooperazzjoni reġjonali msaħħa jkollha valur miżjud għall-indirizzar ta’ diversi speċijiet bħal dawn. Madankollu, il-Forum Xjentifiku identifika ostaklu: l-inċertezza dwar il-limiti eżatti bejn il-firxa indiġena u aljena ta’ speċijiet bħal dawn. Dawn il-limiti spiss jaqgħu fit-territorju tal-Istati Membri kkonċernati: l-ispeċijiet jistgħu jkunu indiġeni f’partijiet ta’ Stat Membru iżda aljeni u invażivi f’partijiet oħra tal-istess pajjiż. Barra minn hekk, l-għarfien dwar dawn il-limiti spiss jevolvi fid-dawl tal-aktar riċerka reċenti. Sitwazzjonijiet bħal dawn jagħmluha wkoll partikolarment diffiċli biex jiġi spjegat lill-pubbliku ġenerali l-ħtieġa li jittieħdu miżuri għall-ġestjoni ta’ speċijiet bħal dawn.
Xi partijiet ikkonċernati ssuġġerew l-użu tal-Artikolu 11 biex, fil-livell reġjonali, jiġu regolati l-ispeċijiet li hemm probabbiltà baxxa ħafna li jistabbilixxu lilhom infushom f’partijiet kbar tal-Unjoni, minflok ma jiġu inklużi speċijiet bħal dawn fil-lista tal-Unjoni. Dan l-approċċ ikun partikolarment utli għal speċijiet ta’ interess kummerċjali importanti. Pereżempju, pjanti ornamentali li jista’ jkollhom impatt serju fir-reġjun bijoġeografiku tal-Mediterran ikunu regolati hemmhekk biss, filwaqt li l-kummerċ tagħhom ikompli fit-Tramuntana tal-Ewropa, fejn x’aktarx ma jkollux impatti sinifikanti. Id-diskussjonijiet rilevanti fil-Kumitat dwar l-Ispeċijiet Aljeni Invażivi jindikaw li l-Istati Membri ma għażlux soluzzjoni bħal din għat-tliet raġunijiet li ġejjin:
·ir-Regolament dwar l-IAS jippermetti b’mod ċar l-inklużjoni ta’ speċijiet bħal dawn fil-lista tal-Unjoni;
·l-inklużjoni fil-lista tal-Unjoni titqies bħala miżura aktar effettiva, speċjalment minħabba l-projbizzjoni kummerċjali li tirriżulta madwar l-Unjoni;
·huwa diffiċli li r-restrizzjonijiet kummerċjali jiġu infurzati biss f’xi partijiet tal-UE.
2.4.L-Artikolu 12. IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Istati Membri
L-Artikolu 12 jippermetti lill-Istati Membri jfasslu lista nazzjonali ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Istati Membri. Sal-31 ta’ Marzu 2021, 10 Stati Membri kienu adottaw listi bħal dawn. L-għadd ta’ unitajiet tassonomiċi f’kull waħda minn dawn il-listi jvarja minn 13 sa aktar minn 200. Xi wħud jinkludu gruppi tassonomiċi sħaħ (ġeneri u familji). L-ispeċijiet u l-gruppi tassonomiċi elenkati huma soġġetti, fil-livell nazzjonali, għal restrizzjonijiet simili għal dawk li japplikaw fil-livell tal-UE għall-IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. Xi speċijiet ġew elenkati minn diversi pajjiżi. Dawn l-ispeċijiet jindikaw prijoritajiet komuni għal dawk il-pajjiżi. Madankollu, b’xi eċċezzjonijiet, dan ma wassalx għal azzjoni koordinata.
2.5.L-Artikolu 13. Pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-perkorsi tal-IAS
L-Artikolu 13 jirrikjedi li l-Istati Membri jidentifikaw u jipprijoritizzaw perkorsi (jiġifieri rotot u mekkaniżmi) tal-introduzzjoni u t-tixrid mhux intenzjonali ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni fi żmien 18-il xahar mill-adozzjoni jew mill-aġġornament tal-lista tal-Unjoni. L-Artikolu 13 jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni biex jindirizzaw il-perkorsi prijoritarji fi żmien 3 snin mill-adozzjoni jew mill-aġġornament tal-lista tal-Unjoni.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri identifikaw il-perkorsi prijoritarji rilevanti għalihom. Kif meħtieġ mir-Regolament dwar l-IAS, il-prijoritizzazzjoni kienet ibbażata fuq stimi tal-volum ta’ speċijiet li jidħlu minn perkors u l-impatt potenzjali ta’ dawk l-ispeċijiet. Madankollu, l-Istati Membri segwew metodoloġiji differenti, li jvarjaw minn formuli pjuttost sempliċi sa formuli kumplessi.
Il-perkorsi prijoritarji identifikati jvarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri, b’36 perkors differenti li ġew prijoritizzati. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taw prijorità lil żewġ perkorsi: “Il-ħarba miż-żamma fil-magħluq: il-ħarba ta’ speċijiet li jinżammu bħala annimali domestiċi, li jitrabbew f’akkwarju jew li jitrabbew f’terrarju” u “Il-ħarba miż-żamma fil-magħluq: l-ortikultura” (ara t-Tabella 1).
Xi Stati Membri inkludew fl-analiżi tagħhom IAS addizzjonali li mhumiex fil-lista tal-Unjoni sabiex ifasslu pjanijiet ta’ azzjoni aktar komprensivi. Dan jindika li l-lista attwali tal-Unjoni titqies wisq limitata biex jiġu prijoritizzati l-perkorsi fiha. Ċerti perkorsi ma jistgħux jiġu indirizzati skont l-Artikolu 13 sakemm l-ispeċijiet rilevanti ma jkunux inklużi fil-lista tal-Unjoni. Pereżempju, sakemm l-ispeċijiet introdotti u mifruxa bl-ilma tas-saborra ma jkunux inklużi fil-lista tal-Unjoni, l-azzjoni biex jiġi indirizzat dan il-perkors ma tistax tiġi instigata skont ir-Regolament dwar l-IAS.
Minkejja l-progress fil-prijoritizzazzjoni tal-perkorsi, l-implimentazzjoni tal-Artikolu 13 għadha lura fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Sal-31 ta’ Marzu 2021, 10 Stati Membri biss kienu fasslu u kkomunikaw lill-Kummissjoni l-pjan(ijiet) ta’ azzjoni tagħhom dwar il-perkorsi. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni bdiet proċeduri kontra 18-il Stat Membru talli ma fasslux il-pjan(ijiet) ta’ azzjoni.
Kategorija/subkategorija tal-perkors skont il-klassifikazzjoni użata fir-rapporti tal-2019
|
Għadd ta’ Stati Membri li identifikaw il-perkors bħala wieħed prijoritarju
|
Għadd ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni li jikkorrispondu għall-perkors
|
1. IR-RILAXX FIN-NATURA
|
1.1 Il-kontroll bijoloġiku
|
-
|
-
|
|
1.2 Il-kontroll tal-erożjoni jew l-istabbilizzazzjoni tal-għaram (l-ilqugħ kontra r-riħ, is-sisien tal-ħaxix, eċċ.)
|
2
|
3
|
|
1.3 Is-sajd fis-salvaġġ (fosthom is-sajd rikreattiv)
|
6
|
7
|
|
1.4 Il-kaċċa
|
1
|
1
|
|
1.5 “It-titjib” tal-flora, tal-fawna jew tal-pajsaġġi fin-natura
|
4
|
6
|
|
1.6 L-introduzzjoni għall-finijiet tal-konservazzjoni jew għall-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi
|
-
|
-
|
|
1.7 Ir-rilaxx fin-natura għal użijiet (differenti minn dawk imsemmijin hawn fuq, eż. għall-fer, għat-trasport jew għal użu mediku)
|
2
|
12
|
|
1.8 Rilaxx intenzjonat ieħor
|
4
|
11
|
2. IL-ĦARBA MIŻ-ŻAMMA FIL-MAGĦLUQ
|
2.1 L-agrikoltura (fosthom il-materja prima tal-bijofjuwils)
|
2
|
2
|
|
2.2 L-akkwakultura jew il-marikultura
|
6
|
18
|
|
2.3 Ġardin botaniku/żoo/akkwarji (minbarra l-akkwarji domestiċi)
|
5
|
39
|
|
2.4 L-ispeċijiet li jinżammu bħala annimali domestiċi, li jitrabbew f'akkwarju jew li jitrabbew f'terrarju (fosthom l-għalf ħaj għat-tali speċijiet)
|
13
|
33
|
|
2.5 L-annimali tal-irziezet (fosthom l-annimali taħt kontroll limitat)
|
1
|
2
|
|
2.6 Il-forestrija (fosthom l-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni)
|
2
|
4
|
|
2.7 L-irziezet li fihom jitrabbew l-annimali għall-fer
|
1
|
3
|
|
2.8 L-ortikultura
|
11
|
23
|
|
2.9 Għanijiet ornamentali oħrajn minbarra l-ortikultura
|
9
|
26
|
|
2.10 Ir-riċerka u t-trobbija ex situ (fil-faċilitajiet)
|
-
|
-
|
|
2.11 L-għalf ħaj u l-lixka ħajja
|
8
|
9
|
|
2.12 Tip ta’ ħarba oħra miż-żamma fil-magħluq
|
2
|
11
|
3. IT-TRASPORT – IL-KONTAMINANTI
|
3.1 Il-kontaminanti tal-materjal taż-żoni ta' tkabbir
|
2
|
16
|
|
3.2 Il-lixka kkontaminata
|
-
|
-
|
|
3.3 Il-kontaminanti tal-ikel (inkluż tal-għalf ħaj)
|
1
|
2
|
|
3.4 Il-kontaminanti fuq l-annimali (minbarra l-parassiti u l-ispeċijiet ittrasportati permezz ta’ ospitant jew ta’ vettur)
|
3
|
15
|
|
3.5 Il-parassiti fuq l-annimali (fosthom l-ispeċijiet ittrasportati permezz ta’ ospitant jew ta’ vettur)
|
-
|
-
|
|
3.6 Il-kontaminanti fuq il-pjanti (minbarra l-parassiti u l-ispeċijiet ittrasportati permezz ta’ ospitant jew ta’ vettur)
|
3
|
14
|
|
3.7 Il-parassiti fuq il-pjanti (fosthom l-ispeċijiet ittrasportati permezz ta’ ospitant jew ta’ vettur)
|
-
|
-
|
|
3.8 Il-kontaminanti taż-żerriegħa
|
1
|
3
|
|
3.9 Il-kummerċ tal-injam
|
-
|
-
|
|
3.10 It-trasport tal-materjal tal-ħabitats (il-ħamrija, il-veġetazzjoni, eċċ.)
|
8
|
23
|
4. IT-TRASPORT - IL-PASSIĠĠIERI KLANDESTINI
|
4.1 L-irkaptu tas-sajd jew tas-sajd bil-qasba
|
6
|
20
|
|
4.2 Il-kontejners jew l-oġġetti bl-ingrossa
|
2
|
3
|
|
4.3 Organiżmi klandestini fuq l-ajruplani jew ġo fihom
|
1
|
1
|
|
4.4 Organiżmi klandestini fuq dgħajjes/vapuri (minbarra l-ilma tas-saborra u l-ħmieġ mal-buq)
|
3
|
14
|
|
4.5 Il-makkinarju jew it-tagħmir
|
3
|
17
|
|
4.6 In-nies u l-bagalji jew it-tagħmir tagħhom (b’mod partikulari fil-kuntest tat-turiżmu)
|
1
|
7
|
|
4.7 Il-materjal organiku tal-imballaġġ, b’mod partikulari dak tal-injam
|
1
|
1
|
|
4.8 L-ilma tas-saborra ta’ dgħajjes/vapuri
|
5
|
7
|
|
4.9 Il-ħmieġ mal-buq ta’ dgħajjes/vapuri
|
4
|
8
|
|
4.10 Il-vetturi (karozzi, ferroviji, eċċ.)
|
4
|
12
|
|
4.11 Mezzi oħrajn tat-trasport
|
1
|
1
|
5. IL-KURITURI
|
5.1 Il-passaġġi fuq l-ilma, il-baċiri u l-ibħra interkonnessi
|
6
|
35
|
|
5.2 Il-mini u l-pontijiet fuq l-art
|
-
|
-
|
6. IT-TIXRID MHUX MEGĦJUN
|
5.3 It-tixrid naturali transfruntier tal-ispeċijiet aljeni invażivi li jkunu ddaħħlu permezz tal-perkorsi 1 sa 5
|
8
|
45
|
Tabella 1: Kategorizzazzjoni tal-perkorsi użati fir-rapportar, għadd ta’ Stati Membri li identifikaw kull perkors bħala prijorità u għadd ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni identifikati rilevanti għal kull wieħed mill-perkorsi.
2.6.L-Artikolu 14. Sistema ta’ sorveljanza
L-Artikolu 14 jirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ sorveljanza li tiġbor u tirreġistra data dwar l-okkorrenza fl-ambjent ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni.
Sal-31 ta’ Marzu 2021, 24 Stat Membru kienu stabbilew sistema bħal din, li spiss inbniet fuq sistemi eżistenti, inklużi sistemi derivati minn biċċiet oħra ta’ leġiżlazzjoni tal-UE. Fi ftit każijiet, ġiet stabbilita sistema ġdida ta’ sorveljanza. Is-sistemi ta’ diversi Stati Membri huma marbuta max-xjenza mill-pubbliku, u ftit sistemi jiddependu kważi esklużivament mix-xjenza mill-pubbliku. Xi Stati Membri jinkorporaw ukoll informazzjoni mill-partijiet ikkonċernati (bdiewa, forestiera, kaċċaturi, sajjieda, NGOs għall-konservazzjoni tan-natura, eċċ.). F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni nediet proċeduri kontra tliet Stati Membri talli ma stabbilewx sistema ta’ sorveljanza.
Ġew osservati xi lakuni u inkonsistenzi fid-distribuzzjoni rrapportata ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. Ir-rapporti wrew differenzi kbar fl-għadd ta’ speċijiet irreġistrati fir-reġjuni tal-fruntiera mill-Istati Membri ġirien (ara l-Illustrazzjoni 5). Dan jindika li: (i) id-distribuzzjoni reali ta’ xi IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni għadha mhijiex magħrufa għalkollox; u (ii) is-sistemi ta’ sorveljanza, mill-inqas sal-2018 meta nġabru dawn ir-rekords, ma kinux ikopru b’mod adegwat l-IAS kollha li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni jew it-territorji nazzjonali kollha.
Illustrazzjoni 5: Għadd ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni mit-48 koperti mir-rapporti tal-2019 għal kull grilja ta’ 10 x 10 km.
2.7.L-Artikolu 15. Kontrolli uffiċjali
L-Artikolu 15 irrikjeda li sat-2 ta’ Jannar 2016, l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ strutturi li jiffunzjonaw bis-sħiħ biex iwettqu l-kontrolli uffiċjali meħtieġa għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni intenzjonali ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni.
Sal-31 ta’ Marzu 2021, 25 Stat Membru kellhom strutturi bħal dawn fis-seħħ. Dawn l-istrutturi jinvolvu s-servizzi doganali u/jew dawk fitosanitarji/veterinarji. L-Istati Membri rrapportaw biss ftit interċettazzjonijiet ta’ IAS wara kontrolli uffiċjali fil-fruntieri.
Il-kompletezza tal-istrutturi ta’ kontroll uffiċjali tvarja bejn l-Istati Membri. L-integrazzjoni tal-lista tal-Unjoni fit-TARIC u fit-TRACES iffaċilitat il-kontrolli tad-dokumenti. Madankollu, ftit Stati Membri biss jidhru li jwettqu analiżijiet tar-riskju u kontrolli fiżiċi ddedikati. Ħafna Stati Membri se jkollhom bżonn jiċċaraw aħjar id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet bejn id-diversi awtoritajiet involuti, inkluż fil-kooperazzjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-programmi ta’ taħriġ. F’Ġunju 2021, il-Kummissjoni nediet proċeduri kontra żewġ Stati Membri talli ma implimentawx l-Artikolu 15.
2.8.L-Artikoli 16 u 17. Notifiki tal-identifikazzjoni bikrija u qerda rapida fi stadju bikri tal-invażjoni
Skont l-Artikolu 16, l-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-wasla ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni li l-preżenza tagħhom qabel ma kinitx magħrufa jew dwar il-wasla mill-ġdid ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni wara li jkunu ġew irrapportati li nqerdu. Skont l-Artikolu 17, dawn l-Istati Membri jridu: (i) jieħdu miżuri ta’ qerda rapidi; (ii) jinnotifikaw dawk il-miżuri lill-Kummissjoni; u (iii) jinformaw lill-Istati Membri l-oħra.
Mill-adozzjoni tal-ewwel lista tal-Unjoni f’Lulju 2016, u sal-31 ta’ Marzu 2021, 19-il Stat Membru (inkluż ir-Renju Unit sakemm ħareġ mill-UE) innotifikaw lill-Kummissjoni permezz tas-sistema ta’ notifika ddedikata b'135 każ ta’ identifikazzjoni bikrija, li jikkonċernaw 34 mis-66 IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. Għal 57 minn dawn il-każijiet, in-notifiki kkonfermaw qerda rapida; għal 42, l-isforz kien għadu qed isir; għal ħamsa, l-ebda miżura ma kienet għadha ġiet deċiża; u għal każ wieħed, l-Istat Membru ddeċieda li japplika miżuri ta’ ġestjoni f’konformità mal-Artikolu 18 (derogi mill-obbligu ta’ qerda rapida). Fi 30 każ, l-Istati Membri qiesu li ma ntlaħqitx qerda rapida. L-ispeċi li għaliha ġew ippreżentati l-biċċa l-kbira tan-notifiki ta’ identifikazzjoni bikrija – b’kollox 43 – hija l-Asian hornet Vespa velutina nigrithorax.
Illustrazzjoni 6: Notifiki ta’ identifikazzjoni bikrija għal kull IAS li hija sors ta’ tħassib għall-Unjoni matul il-perjodu bejn Lulju 2016 u Marzu 2021. In-numri jinkludu diversi notifiki għall-istess speċi għal kull Stat Membru.
2.9.L-Artikolu 19. Miżuri ta’ ġestjoni
L-Artikolu 19 jirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw miżuri ta’ ġestjoni effettivi għal IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni mifruxa b’mod wiesa’ fit-territorju tagħhom. Dawn il-miżuri jridu jkunu mmirati lejn il-qerda, il-kontroll tal-popolazzjoni jew it-trażżin tal-IAS.
23 Stat Membru rrapportaw li applikaw miżuri ta’ ġestjoni għal IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni preżenti fit-territorju tagħhom bejn Lulju 2016 u Diċembru 2018. Huma rrapportaw 634 miżura ta’ ġestjoni distinta, li jkopru 41 mit-43 IAS inklużi fil-lista tal-Unjoni matul dak il-perjodu u li huma preżenti fl-Unjoni. Xi Stati Membri stabbilew miżuri għal kull popolazzjoni speċifika ta’ speċijiet fit-territorju tagħhom, filwaqt li oħrajn ħadu miżuri fil-popolazzjoni totali fit-territorju tagħhom.
Skont ir-rapporti, 6 % tal-miżuri ta’ ġestjoni rriżultaw f’qerda; 21 % wasslu għal tnaqqis fil-popolazzjoni fil-mira; 14 % ma wasslu għall-ebda bidla fil-popolazzjoni fil-mira; 17 % wasslu għal żieda fil-popolazzjoni fil-mira minkejja l-miżuri ta’ ġestjoni; u 42 % wasslu għal riżultati mhux ċari. Ir-rapporti jindikaw ukoll sforzi sinifikanti biex jinftiehmu u jittaffu l-impatti tal-miżuri ta’ ġestjoni fuq speċijiet mhux fil-mira.
2.10.L-Artikolu 25. Sistema ta’ appoġġ għall-informazzjoni
Is-sistema ta’ appoġġ għall-informazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni biex tgħin fl-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IAS tinkludi:
·in-Network Ewropew ta’ Informazzjoni dwar l-Ispeċijiet Aljeni, li jippermetti aċċess faċli għall-informazzjoni xjentifika u għad-data spazjali dwar madwar 14 000 speċi aljena li jinsabu fl-Ewropa;
·is-Sistema Ewropea ta’ Notifika tal-Ispeċijiet Aljeni, li tippermetti lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni u jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra dwar l-identifikazzjoni bikrija ta’ IAS li huma ta’ tħassib għall-Unjoni u l-miżuri rapidi ta’ qerda meħuda għalihom.
2.11.Sensibilizzazzjoni
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għamlu sforzi biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar l-impatti tal-IAS u l-ħtieġa li dawn jiġu indirizzati, l-aktar billi ħolqu jew tejbu siti web dedikati. L-Istati Membri wettqu wkoll kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għall-pubbliku ġenerali jew għal segmenti speċifiċi tal-pubbliku (il-partijiet ikkonċernati, iż-żgħażagħ, l-iskejjel, eċċ.) permezz ta’ diversi mezzi (artikli tal-gazzetti u tar-rivisti, stqarrijiet għall-istampa, bullettini, programmi tar-radju u tat-televiżjoni, wirjiet tal-mużew, konferenzi, stħarriġ pubbliku, applikazzjonijiet mobbli tax-xjenza mill-pubbliku, u l-promozzjoni ta’ kodiċijiet ta’ kondotta). F’ħafna Stati Membri, il-pubbliku ġie infurmat ukoll minn NGOs, mis-settur privat, mill-istituzzjonijiet edukattivi, u minn assoċjazzjonijiet oħra affettwati minn IAS jew li jaħdmu fuqhom.
Il-Kummissjoni tqajjem sensibilizzazzjoni dwar l-IAS permezz ta’ paġna web dedikata (il-pjattaforma EASIN li tinkludi tixrid tax-xjenza, edukazzjoni onlajn u kontenut tal-media soċjali) u l-applikazzjoni mobbli tax-xjenza mill-pubbliku, Invasive Alien Species in Europe (Speċijiet Aljeni Invażivi fl-Ewropa). Il-proġetti li għaddejjin għandhom l-għan li: (i) itejbu l-fehim u l-komunikazzjoni fost is-setturi ewlenin u l-awtoritajiet kompetenti li jittrattaw l-IAS; u (ii) jippromwovu l-ġestjoni umana tal-IAS vertebrati. Il-Kummissjoni żviluppat ukoll materjal biex tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw ir-Regolament dwar l-IAS (eż. gwidi biex jappoġġaw l-identifikazzjoni ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni minn kontrolli uffiċjali jew sistemi ta’ sorveljanza, u gwida għall-interpretazzjoni tal-kategoriji ta’ perkorsi għall-introduzzjoni ta’ speċijiet aljeni kif definiti mill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika).
2.12.Kostijiet tal-implimentazzjoni, benefiċċji u finanzjament
Mill-2015 sal-2018, 19-il Stat Membru pprovdew xi stima tal-kost tal-konformità mar-Regolament dwar l-IAS. . Dawk il-kostijiet ivarjaw minn EUR 17 000 sa EUR 40 miljun skont l-Istat Membru. Il-kostijiet totali stmati fl-Istati Membri kollha jammontaw għal madwar EUR 75 miljun matul il-perjodu ta’ erba’ snin. Il-biċċa l-kbira tal-istimi jkopru miżuri ta’ ġestjoni u ta’ sensibilizzazzjoni, iżda xi wħud jinkludu wkoll kostijiet tal-persunal u kostijiet oħrajn. Peress li dawn l-istimi ma jkoprux l-istess kategoriji ta’ kostijiet u għandhom diversi limitazzjonijiet, il-paraguni mhumiex sinifikanti.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri qiesu li l-kostijiet irrapportati jissottovalutaw il-kostijiet reali. L-Istati Membri fil-biċċa l-kbira ma setgħux jikkwantifikaw il-kostijiet ġenerali, peress li l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni jitwettqu minn korpi pubbliċi bħala parti mix-xogħol jew mill-kapaċità eżistenti tagħhom (eż. għal kontrolli uffiċjali u sistemi ta’ sorveljanza). Barra minn hekk, xi attivitajiet jitwettqu minn ħafna atturi differenti fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, li jagħmilha diffiċli biex jinġabru l-kostijiet kollha. Il-miżuri ta’ ġestjoni spiss jagħmlu parti minn attivitajiet li jmorru lil hinn mill-IAS elenkati u jindirizzaw l-IAS jew ir-restawr tan-natura b’mod ġenerali, u b’hekk l-identifikazzjoni tal-kostijiet relatati mal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IAS waħedha tkun diffiċli ħafna.
Il-kostijiet jitħallsu wkoll mis-setturi ekonomiċi li jkollhom jadattaw l-attivitajiet tagħhom (eż. kummerċjanti tal-annimali domestiċi u tal-ortikultura li jridu jwaqqfu l-kummerċ ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni, u żoos li jridu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-eżemplari ma jaħarbux u ma jirripproduċux).
Huwa diffiċli li ssir stima tal-benefiċċji, imqar f’termini monetarji. Il-benefiċċji jinkludu l-impatti negattivi evitati fuq il-bijodiversità, is-saħħa tal-bniedem (eż. ħruq tal-ġilda kkawżat mill-giant hogweed Heracleum mantegazzianum) u l-ekonomija (eż. ħsara lill-infrastruttura), minħabba l-prevenzjoni ta’ introduzzjonijiet ġodda u l-ġestjoni tal-popolazzjonijiet eżistenti ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. Studji reċenti jikkonfermaw is-suppożizzjoni li saret fil-valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament dwar l-IAS li l-kost tan-nuqqas ta’ azzjoni jew ta’ azzjoni meħuda b’dewmien sinifikanti huwa manifestament akbar mill-kost tal-indirizzar tal-IAS kmieni kemm jista’ jkun. Dan għaliex il-kostijiet tal-ħsara u l-kostijiet tal-ġestjoni għandhom it-tendenza li jiżdiedu sostanzjalment maż-żmien.
Għalkemm ġie rrapportat xi suċċess fil-qerda jew fil-konteniment ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni (ara t-Taqsimiet 2.8 u 2.9 hawn fuq), huwa kmieni wisq biex jiġi evalwat l-impatt ġenerali tar-Regolament dwar l-IAS f’dan ir-rigward. Fl-2013 inħolqot distribuzzjoni bażi għall-ispeċijiet elenkati li tikkorrispondi għaż-żmien tal-adozzjoni tal-lista tal-Unjoni. L-ewwel distribuzzjoni rrapportata mill-Istati Membri tikkorrispondi għall-aħjar għarfien disponibbli qrib kemm jista’ jkun tal-31 ta’ Diċembru 2018. Madankollu, l-obbligi ta’ ġestjoni applikaw biss minn Frar 2018 u Frar 2019 għall-ewwel lista tal-Unjoni u l-ewwel aġġornament tagħha, rispettivament. Kif seta’ jitbassar, paragun bejn id-distribuzzjoni bażi u d-distribuzzjonijiet irrapportati ma wassal għall-ebda bidla sinifikanti. Jista’ jsir paragun aktar sinifikanti abbażi tat-tieni distribuzzjoni rrapportata, mistennija fl-2025. Miżura oħra ta’ suċċess tkun tnaqqis notevoli fil-pressjoni eżerċitata mill-IAS fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats protetti. Madankollu, xejriet bħal dawn idumu ħafna u mhumiex mistennija li jitkejlu qabel l-2030.
L-Istati Membri rrapportaw li l-azzjoni meħuda kienet iffinanzjata kemm minn sorsi nazzjonali/lokali kif ukoll minn finanzjament tal-UE, prinċipalment mill-programm LIFE u mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-UE. Ħafna Stati Membri, speċjalment dawk li jiddependu l-aktar mill-finanzjament tal-UE, semmew li n-nuqqas ta’ riżorsi suffiċjenti kien waħda mir-raġunijiet ewlenin għad-dewmien fl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet.
2.13.Sfidi tal-implimentazzjoni
Dan ir-rieżami identifika xi sfidi u oqsma fejn jista’ jsir titjib, stabbiliti hawn taħt.
·L-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar l-IAS għadha ma ntlaħqitx, peress li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma implimentawx il-pjanijiet ta’ azzjoni biex jindirizzaw il-perkorsi prijoritarji. Barra minn hekk, hemm lok għal titjib kemm fil-komprensività tal-kopertura tas-sistemi ta’ sorveljanza, kif ukoll fl-istrutturi ta’ kontroll uffiċjali f’ħafna Stati Membri.
·L-inċertezza dwar l-impatti potenzjali jew is-sinifikat ekonomiku ta’ ċerti speċijiet tista’ xxekkel l-inklużjoni tagħhom fil-lista tal-Unjoni, u b’hekk jitnaqqas l-impatt tar-Regolament dwar l-IAS. Madankollu, ir-Regolament dwar l-IAS jinkludi dispożizzjonijiet (miżuri ta’ emerġenza u kooperazzjoni reġjonali msaħħa) li jistgħu jindirizzaw speċijiet li jippreżentaw riskji imminenti u speċijiet ta’ rilevanza ekonomika. Madankollu, l-Istati Membri ma użawx dawn id-dispożizzjonijiet, filwaqt li r-Regolament dwar l-IAS ma jagħtix lill-Kummissjoni d-dritt li tibdiehom.
·Hemm lok għal aktar koordinazzjoni bejn l-Istati Membri, peress li: (i) il-listi ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib nazzjonali fihom xi speċijiet komuni; (ii) il-prijoritajiet tal-miżuri ta’ ġestjoni u tal-isforz ivarjaw bejn il-pajjiżi ġirien; u (iii) l-Istati Membri identifikaw prijoritajiet differenti ħafna fil-perkorsi li għandhom jiġu indirizzati.
·Il-fatt li l-lista tal-Unjoni hija lista prijoritarja li fiha l-ispeċijiet jistgħu jiżdiedu biss ladarba tkun disponibbli evidenza suffiċjenti jfisser li, min-natura tagħha stess, ma tistax tinkludi l-IAS kollha.
·In-nuqqas ta’ finanzjament suffiċjenti biex jiġu indirizzati l-IAS għadu ostaklu għal ħafna Stati Membri. Għalhekk, il-finanzjament tal-UE jibqa’ importanti biex jikkomplementa l-finanzjament nazzjonali taħt diversi sorsi (eż. il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għall-IAS fl-ambjent tal-baħar; Orizzont Ewropa għar-riċerka rilevanti; il-politika agrikola komuni għall-ġestjoni tal-IAS rilevanti, eċċ.) biex tinkiseb implimentazzjoni sħiħa u effettiva.
·In-nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva, speċjalment fil-livelli lokali u reġjonali, huwa sfida sinifikanti oħra f’diversi Stati Membri. Dan ivarja mill-kapaċità li jitħaddmu sistemi ta’ sorveljanza suffiċjenti sal-kapaċità li jiġu pprijoritizzati u jitwettqu l-interventi (inklużi: (i) it-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni; (ii) il-ġestjoni tal-konsultazzjonijiet pubbliċi meħtieġa u l-ġestjoni ta’ kunflitti kull fejn jinqalgħu (eż. ma’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati li jopponu l-elenkar jew il-miżuri ta’ ġestjoni).
·Hemm lakuni fl-għarfien, b’mod partikolari: (i) metodi biex jiġu ddokumentati l-kostijiet u l-benefiċċji tal-indirizzar tal-IAS; (ii) l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima għall-istabbiliment u t-tixrid tal-IAS; u (iii) metodi ġodda għall-ġestjoni tal-IAS, b’mod partikolari miżuri li jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ unitajiet tassonomiċi tal-IAS fil-livell tal-perkors.
3.Konklużjoni
Minħabba li l-iskadenzi għall-implimentazzjoni tad-diversi obbligi tar-Regolament dwar l-IAS applikaw gradwalment bejn l-adozzjoni tal-ewwel lista tal-Unjoni f’Lulju 2016 u Lulju 2019, huwa kmieni wisq li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-biċċa l-kbira tal-aspetti tar-Regolament dwar l-IAS. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni ma ssupplimentatx dan ir-rapport bi proposta leġiżlattiva biex ir-Regolament dwar l-IAS jiġi emendat. Aktar informazzjoni biex tittieħed deċiżjoni dwar il-ħtieġa ta’ proposta bħal din se tinġabar permezz tar-rapporti li jmiss mill-Istati Membri, li huma mistennija fl-2025.
Għalkemm l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-IAS qed iġġib magħha sfidi f’diversi aspetti, diġà qed tibda tilħaq l-objettivi tagħha. Dan l-ewwel rieżami identifika xi kisbiet sinifikanti, stabbiliti fil-punti rilevanti ta’ hawn taħt.
·Ir-Regolament dwar l-IAS ħoloq qafas koerenti għall-indirizzar tal-IAS fil-livell tal-UE. Dan wassal biex il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ sorveljanza u jwettqu kontrolli uffiċjali għal speċijiet bħal dawn. Minkejja l-perjodu qasir ħafna ta’ implimentazzjoni sħiħa reali, hemm indikazzjonijiet li r-restrizzjonijiet (eż. it-tneħħija tal-ispeċijiet mill-kummerċ), l-identifikazzjoni bikrija/il-qerda rapida u l-ġestjoni ta’ speċijiet mifruxa b’mod wiesa’ jġibu magħhom benefiċċji.
·Id-dispożizzjonijiet dwar il-lista ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni rriżultaw li huma effettivi u ppermettew aġġornamenti regolari tal-lista. L-għadd ta’ notifiki ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ miżuri ta’ ġestjoni meħuda jindikaw li l-IAS elenkati huma rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri.
·L-informazzjoni dwar l-IAS preżenti fl-Ewropa issa hija ċċentralizzata u aktar kompluta minn qatt qabel. Hemm fis-seħħ mekkaniżmi ġodda għar-rapportar u għat-twissija dwar speċijiet ġodda li jintlemħu.
·Ir-Regolament dwar l-IAS wassal għal aktar sensibilizzazzjoni dwar il-problema ta’ speċijiet aljeni invażivi, inkluż fost il-pubbliku ġenerali.
Ir-Regolament dwar l-IAS huwa biċċa leġiżlazzjoni f’waqtha. Iż-żieda mbassra fil-kummerċ u fl-ivvjaġġar globali, flimkien mat-tibdil fil-klima, huma mistennija li jżidu l-introduzzjoni u l-istabbiliment tal-IAS. Dan jista’ jwassal għal aktar impatti negattivi fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi, fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ekonomija. Dan jista’ jwassal ukoll għal żieda fil-kostijiet relatati. L-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar l-IAS, kif ukoll dik ta’ leġiżlazzjoni rilevanti oħra u ftehimiet internazzjonali, iridu jissaħħu. Dan huwa impenn li sar fl-ambitu tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.