IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.2.2021
COM(2021) 90 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta
1.Id-Direttiva
Id-Direttiva (UE) 2015/2302 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (“il-PTD” jew “id-Direttiva”) ġiet adottata fil-25 ta’ Novembru 2015. Hija ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż. Il-PTD tibni fuq il-karatteristiċi ewlenin tad-Direttiva tal-1990, inklużi r-rekwiżiti ta’ informazzjoni, id-dispożizzjonijiet dwar tibdil fil-kuntratti u l-obbligazzjonijiet, kif ukoll il-protezzjoni tal-konsumaturi f’każ ta’ insolvenza tal-organizzatur. Il-PTD il-ġdida testendi b’mod sinifikanti l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tqis mudelli ġodda ta’ prenotazzjoni online għal kombinazzjonijiet ta’ servizzi tal-ivvjaġġar.
Wara r-rapport tagħha dwar id-dispożizzjonijiet tal-PTD li japplikaw għall-prenotazzjonijiet online li jsiru f’punti differenti tal-bejgħ li nħareġ f’Ġunju 2019 (“rapport dwar il-prenotazzjoni permezz ta’ klikk”), il-Kummissjoni tissottometti dan ir-rapport ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-PTD skont l-Artikolu 26(2), it-tieni sentenza, tal-PTD lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Il-grupp ta’ esperti tal-partijiet ikkonċernati biex jappoġġa l-applikazzjoni tal-PTD
u l-awtoritajiet nazzjonali kienu kkonsultati għall-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport.
1.1. L-elementi ewlenin tad-Direttiva
Skont il-PTD, l-organizzatur ta’ pakkett huwa responsabbli għat-twettiq tas-servizzi kollha li jiffurmaw parti mill-pakkett, irrispettivament minn jekk dawk is-servizzi għandhomx jitwettqu mill-organizzatur innifsu jew minn fornituri oħra ta’ servizzi. Meta ssostitwixxiet id-Direttiva tal-1990, il-PTD estendiet il-kunċett ta’ “pakkett”, oriġinarjament immudellat fuq pakketti ta’ vaganzi mħejjija minn qabel, għal vaganzi personalizzati jew imfassla apposta li negozjant, inklużi operaturi tradizzjonali tat-tours, aġenziji tal-ivvjaġġar online jew offline, linji tal-ajru u lukandi, joħloq minn servizzi tal-ivvjaġġar differenti magħżula mill-vjaġġatur. Dawk in-negozjanti kollha jistgħu jkunu “organizzaturi” għall-finijiet tal-PTD.
L-elementi ewlenin tal-PTD huma:
·Id-definizzjoni wiesgħa ta’ “pakkett”, inklużi vaganzi lesti offruti minn operatur turistiku u l-għażla personalizzata ta’ komponenti għal vjaġġ jew vaganza mill-vjaġġatur f’punt uniku ta’ bejgħ online jew offline;
·L-introduzzjoni tal-kunċett ta’ Arranġament tal-Ivvjaġġar Marbut (LTA), li huwa kombinament aktar flessibbli minn pakkett, ta’ żewġ servizzi tal-ivvjaġġar jew aktar għall-istess vjaġġ jew vaganza. Għall-kuntrarju tal-organizzatur ta’ pakkett, in-negozjanti li jiffaċilitaw LTA huma responsabbli biss għat-twettiq tas-servizzi tal-ivvjaġġar li jwettqu huma stess. Kombinament ta’ servizzi tal-ivvjaġġar jikkwalifika bħala LTA meta negozjant wieħed jiffaċilita
-x-xiri ta’ servizzi differenti permezz ta’ proċessi ta’ prenotazzjoni separati matul żjara waħda għand aġent tal-ivvjaġġar jew f'sit web jew,
-b’mod immirat, ix-xiri ta’ servizz tal-ivvjaġġar addizzjonali minn fornitur ieħor fi żmien 24 siegħa wara li vjaġġatur jirċievi konferma tal-prenotazzjoni tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar (eż. billi jipprovdi fil-konferma tal-prenotazzjoni link għal fornitur ta’ servizz ieħor);
·rekwiżiti ta’ informazzjoni msaħħa: in-negozji jridu jinformaw lill-vjaġġaturi jekk ikunux qed joffrulhom pakkett jew arranġament tal-ivvjaġġar marbut u dwar id-drittijiet ewlenin tagħhom permezz ta’ formoli standardizzati ta’ informazzjoni. Huma jridu jipprovdu informazzjoni dwar l-elementi u l-karatteristiċi tal-pakkett, il-prezz tiegħu u kull ħlas addizzjonali;
·il-kumpaniji li jbigħu pakkett ta’ vaganzi jridu jipprovdu sigurtà għar-rifużjonijiet u għar-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi f’każ li l-organizzaturi jfallu. Sa ċertu punt, tali garanzija tapplika wkoll għal LTAs. In-negozjanti li jiffaċilitaw LTA jridu jipprovdu garanzija ta’ ħlas lura ta’ flus għall-pagamenti li jirċievu mingħand il-vjaġġatur f’każ li s-servizz tal-ivvjaġġar rilevanti ma jitwettaqx minħabba l-insolvenza tagħhom. Din il-garanzija tkopri wkoll ir-ripatrijazzjoni meta n-negozjant li jiffaċilita LTA jkun responsabbli għat-trasport tal-passiġġieri, eż. linja tal-ajru. Il-PTD tistabbilixxi l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għall-protezzjoni mill-insolvenza pprovduta mill-organizzaturi jew min-negozjanti li jiffaċilitaw LTA skont il-liġi tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti;
·regoli stretti dwar ir-responsabbiltà: minbarra ċerti eċċezzjonijiet, l-organizzatur ta’ pakkett huwa responsabbli jekk xi ħaġa tmur ħażin, irrispettivament minn min iwettaq is-servizzi tal-ivvjaġġar;
·drittijiet ta’ kanċellament aktar b’saħħithom: il-vjaġġaturi jistgħu jikkanċellaw il-pakkett ta’ vaganza tagħhom għal kwalunkwe raġuni bil-ħlas ta’ tariffa raġonevoli ta’ terminazzjoni. Dawn jistgħu jikkanċellaw il-vaganza tagħhom mingħajr ħlas, b’mod partikolari, f’każ ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar li jaffettwaw it-twettiq tal-pakkett (eż. gwerra, diżastri naturali jew imxija ta’ marda serja) jew jekk il-prezz tal-pakkett jiżdied b’aktar minn 8 % tal-prezz oriġinali;
·assistenza lill-vjaġġaturi: meta l-vjaġġaturi ma jkunux jistgħu jirritornaw vaganza pakkettjata tagħhom minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji”, dawn jingħataw akkomodazzjoni sa tliet iljieli, sakemm ma jkunux previsti perjodi itwal fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. B’mod ġenerali, l-organizzaturi jridu jipprovdu assistenza lill-vjaġġaturi f’diffikultà, b’mod partikolari, billi jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi tas-saħħa u l-assistenza konsulari.
1.2. Id-data tas-suq:
Fl-2017, il-pakketti kienu jirrappreżentaw madwar 9 % tal-vjaġġi turistiċi kollha tar-residenti tal-EU27 u kellhom sehem ta’ madwar 21 % tan-nefqa totali tat-turiżmu. Bħala medja, kull turist tal-UE nefaq madwar EUR 762 fuq pakkett ta’ vjaġġ fl-EU27 (nefqa kumplessiva: madwar EUR 58 biljun) u EUR 1756 fuq pakkett ta’ vjaġġ lejn il-bqija tad-dinja (nefqa kumplessiva: madwar EUR 36 biljun). Bil-bosta, il-pajjiż ewlieni ta’ destinazzjoni fl-Ewropa kien Spanja (nefqa kumplessiva: madwar EUR 15-il biljun).
Skont Stħarriġ dwar il-Monitoraġġ tas-Suq dwar il-pakketti ta’ vaganzi u t-tours, fl-2020, il-maġġoranza tal-konsumaturi tal-EU27 (81 %) fdaw lill-fornituri tas-servizzi tal-pakketti ta’ vaganzi u tat-tours. Din iċ-ċifra tvarja sa ċertu punt skont l-Istat Membru, mill-ogħla ta’ 90 % (fil-Kroazja u fil-Portugall) għall-iktar baxx ta’ 60 % (fil-Polonja). Maġġoranza kbira (91 %) tirrapporta esperjenzi pożittivi ta’ xiri fis-suq, bi ftit differenzi notevoli bejn pajjiżi jew sottogruppi soċjodemografiċi.
Il-konsumaturi li għamlu x-xiri tagħhom f’aġenzija tal-ivvjaġġar ġeneralment ħallsu prezz totali wieħed għas-servizzi differenti (82 %). B’kuntrast ma’ dan, 25 % ta’ dawk li xtraw servizzi online, għamlu dan minn sit web wieħed iżda ħallsu għal kull servizz separatament, filwaqt li 19 % xtrawhom minn sit web wieħed u mbagħad ikklikkjaw link fuq dak is-sit biex jixtru servizz ieħor mingħand fornitur differenti.
11 % tal-konsumaturi esperjenzaw problemi bis-servizzi li xtraw, jew mal-operaturi, li tawhom raġuni leġittima biex jilmentaw. Minn dan il-grupp, 40 % esperjenzaw telf finanzjarju filwaqt li 79 % esperjenzaw impatti mhux finanzjarji bħal telf ta’ ħin, rabja, frustrazzjoni, stress jew ansjetà. Minn dawk kollha li esperjenzaw problemi, il-maġġoranza (62 %) ippreżentat ilment. Ftit aktar minn nofs (54 %) irrapportaw li kienu sodisfatti bl-eżitu tal-ilment, filwaqt li 42 % irrapportaw li ma kinux sodisfatti.
2.Traspożizzjoni
L-Istati Membri kollha kellhom jittrasponu d-Direttiva dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar sal-1 ta’ Jannar 2018. Bejn Frar 2016 u Mejju 2017, il-Kummissjoni organizzat ħames sessjonijiet ta’ ħidma biex tassisti lill-Istati Membri fit-traspożizzjoni tad-Direttiva.
2.1. Osservanza tal-iskadenza tat-traspożizzjoni
F’Marzu 2018, il-Kummissjoni tat bidu għal proċeduri ta’ ksur minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni kontra 14-il Stat Membru. Żewġ Stati Membri ttrasponew id-Direttiva biss wara li l-Kummissjoni kienet ħarġet opinjoni motivata skont l-Artikolu 258 tat-TFUE. Sa Marzu 2019, l-Istati Membri kollha kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bit-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva.
2.2. Valutazzjoni tal-konformità tal-miżuri ta’ traspożizzjoni
Studju tal-valutazzjoni tal-konformità tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali mwettaq minn kuntrattur estern ġie ffinalizzat fil-bidu tal-2021. Skont l-istudju, jista’ jkun hemm, f’diversi livelli, kwistjonijiet potenzjali ta’ nuqqas ta’ konformità fl-Istati Membri kollha, eż. fir-rigward tad-definizzjonijiet, tar-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, tad-drittijiet ta’ terminazzjoni tal-vjaġġaturi u tat-tariffi ta’ terminazzjoni, tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni mhux xierqa tal-kuntratt, tal-obbligi tan-negozjanti li jiffaċilitaw l-LTAs, tar-responsabbiltà għall-iżbalji ta’ prenotazzjoni u tan-natura imperattiva tal-PTD. Il-problemi identifikati ma jurux xejra ġenerali, ħlief għall-fatt li t-traspożizzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni mill-insolvenza, b’mod partikolari l-effettività tagħha, tista’ ma tkunx iggarantita bis-sħiħ f’ħafna Stati Membri. Il-Kummissjoni se tanalizza s-sejbiet tal-istudju u, fejn xieraq, tikkonsidra li tidħol fi djalogu mal-Istati Membri u/jew li tiftaħ proċedimenti ta’ ksur.
3.Applikazzjoni u infurzar
L-Istati Membri kienu obbligati japplikaw ir-regoli tagħhom li jittrasponu l-PTD mill-1 ta’ Lulju 2018.
3.1. Sensibilazzazzjoni
Il-Kummissjoni ħarġet stqarrija għall-istampa biex tiġbed l-attenzjoni għad-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, ipprovdiet informazzjoni lill-vjaġġaturi u lin-negozji fuq is-sit web tagħha L-EWROPA TIEGĦEK u inkludiet il-pakketti tal-ivvjaġġar fil-kampanja ta’ komunikazzjoni tagħha #yourEUright dwar diversi drittijiet ewlenin tal-konsumatur imnedija fl-2019. Madankollu, ir-rappreżentanti tal-konsumaturi jqisu li ħafna konsumaturi mhumiex konxji biżżejjed tad-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tagħhom meta jkunu jridu jitterminaw kuntratt ta’ pakkett tal-ivvjaġġar.
3.2. L-isfidi ewlenin relatati mal-applikazzjoni tad-Direttiva
Fil-fażi ta’ traspożizzjoni u fl-ewwel snin ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari d-definizzjoni wiesgħa ta’ “pakkett”, il-kunċett il-ġdid ta’ LTA, id-delimitazzjoni bejn iż-żewġ kunċetti u l-formoli ta’ informazzjoni standard wasslu għal mistoqsijiet mill-partijiet interessati u mill-awtoritajiet. Barra minn hekk, feġġew sfidi fir-rigward tal-protezzjoni mill-insolvenza, b’mod partikolari fil-kuntest tal-falliment ta’ Thomas Cook (ara l-kapitolu 4), u l-pandemija tal-COVID-19 (ara l-kapitolu 5).
3.2.1.Ambitu wiesa’ tad-definizzjoni ta’ pakkett
Kwalunkwe kombinament ta’ mill-inqas żewġ tipi differenti ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ jew vaganza magħquda minn negozjant wieħed, inkluż fuq talba tal-vjaġġatur huwa pakkett jekk is-servizzi kollha jkunu inklużi f’kuntratt wieħed jew jekk jiġu ssodisfati kriterji oħra, eż. prezz inklużiv jew totali. L-eżenzjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huma limitati ħafna. Dan wassal għal inċertezzi matul u wara t-traspożizzjoni tal-PTD fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk id-Direttiva tapplikax għall-fornituri ta’ servizzi ta’ akkomodazzjoni turistika li jinkludu aċċess liberu għal attivitajiet ta’ divertiment lokali jew servizzi ta’ trasport (eż. “kards turistiċi”) fl-offerta tagħhom.
Eżempji: 1. Bidwi li jirriklama fuq is-sit web tiegħu vaganzi tal-irkib taż-żwiemel, inklużi l-akkomodazzjoni u l-klassijiet tal-irkib taż-żwiemel bi prezz totali huwa organizzatur ta’ pakkett taħt il-PTD.
2. Aġent tal-ivvjaġġar li jagħti pariri lill-klijent tiegħu dwar safari tours possibbli u, skont l-għażla ta’ dan tal-aħħar, jipprenota titjira, akkomodazzjoni f’postijiet differenti u ġiti ggwidati, li għalihom il-vjaġġatur jaqbel li jħallas ladarba jkun għażel il-komponenti kollha, huwa l-organizzatur ta’ dak il-pakkett u responsabbli għat-twettiq tas-servizzi tal-ivvjaġġar differenti inklużi.
Rappreżentanti ta’ impriżi żgħar fis-settur tat-turiżmu u tad-divertiment (eż. turiżmu rurali, klabbs sportivi) iqisu li impriżi żgħar jew żgħar ħafna għandhom jiġu eżentati mill-PTD, speċjalment fejn ma jiġi offrut l-ebda trasport. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozju tal-ivvjaġġar iqisu li eżenzjonijiet addizzjonali ma jkunux soluzzjoni xierqa.
3.2.2.Arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta (LTA)
Il-kunċett ta’ LTA ġie introdott b’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi tas-suq fejn in-negozjanti (prinċipalment online iżda wkoll offline) jassistu lill-vjaġġaturi biex jikkonkludu kuntratti separati ma’ fornituri individwali ta’ servizzi tal-ivvjaġġar għall-istess vjaġġ f’perjodu ta’ żmien qasir. Dan ikopri żewġ xenarji fejn negozjant jiffaċilita l-prenotazzjoni ta’ servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti minn fornituri oħra u jestendi l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli tal-PTD għal tali mudelli ta’ negozju.
Eżempji: 1. Aġent tal-ivvjaġġar jipprenota titjira għal klijent u l-vjaġġatur iħallas għat-titjira. Imbagħad, matul l-istess żjara fl-aġenzija tal-ivvjaġġar, l-aġent tal-ivvjaġġar jipprenota l-akkomodazzjoni f’lukanda għall-istess vjaġġ, li ma tkunx intgħażlet u fejn id-disponibbiltà tal-lukanda ma tkunx ġiet ivverifikata qabel il-prenotazzjoni tat-titjira, u jitlob ħlas jew ħlas akkont għal-lukanda. Permezz ta’ għażla separata u ħlas separat ta’ kull servizz tal-ivvjaġġar, l-aġenzija tal-ivvjaġġar iffaċilitat LTA.
2. Fil-konferma bil-posta elettronika ta’ prenotazzjoni ta’ titjira, il-linja tal-ajru tipprovdi link għal sit web ta’ prenotazzjoni ta’ lukandi li joffri lill-vjaġġatur il-possibbiltà li jipprenota lukanda fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar. Jekk il-vjaġġatur jikklikkja fuq il-link u, fi żmien 24 siegħa wara li jirċievi l-konferma tal-prenotazzjoni tat-titjira, jipprenota kamra għall-vjaġġ tiegħu, il-linja tal-ajru ffaċilitat LTA b’“mod immirat”.
Filwaqt li l-premessi 12 u 13 tal-PTD jagħtu xi gwida fir-rigward tal-kunċett tal-LTA, l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett qajmet l-akbar numru ta’ mistoqsijiet. Il-partijiet interessati tal-konsumaturi u tan-negozji jqisu d-definizzjoni tal-LTA bħala kumplessa wisq u diffiċli biex tiġi applikata fil-prattika.
Mhux dejjem huwa ċar x’ifissru realment “faċilitazzjoni” u “faċilitazzjoni b’mod immirat”. Il-premessa 12 tiċċara li t-tqegħid ta’ links li permezz tagħhom il-vjaġġaturi jkunu sempliċiment informati dwar servizzi tal-ivvjaġġar ulterjuri b’mod ġenerali ma għandux jitqies bħala faċilitazzjoni ta’ LTA. Għalhekk, promozzjoni attiva, ibbażata fuq rabta kummerċjali li tinvolvi remunerazzjoni bejn in-negozjant li jiffaċilita l-akkwist ta’ servizz tal-ivvjaġġar addizzjonali u n-negozjant l-ieħor, ġeneralment tkun meħtieġa (ara l-premessa 13).
Sfida fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kunċett tal-LTA hija marbuta mal-fatt li, fit-tieni eżempju pprovdut hawn fuq, l-obbligu ta’ protezzjoni mill-insolvenza, fejn applikabbli, jiddependi fuq avveniment inċert fil-futur, jiġifieri l-fatt jekk il-vjaġġatur jipprenotax servizz tal-ivvjaġġar addizzjonali mingħand negozjant ieħor fi żmien 24 siegħa wara l-ewwel prenotazzjoni. Jekk dan ikun il-każ, il-fornitur tal-ewwel servizz tal-ivvjaġġar li jirċievi pagamenti minn qabel mill-vjaġġatur għandu jipprovdi protezzjoni mill-insolvenza għal dawk il-pagamenti. Għalkemm l-Artikolu 19(4) tal-PTD jirrikjedi li t-tieni negozjant jinforma lin-negozjant li jiffaċilita l-LTA dwar il-konklużjoni ta’ kuntratt mal-vjaġġatur, l-ewwel negozjant mhux neċessarjament ikollu l-informazzjoni kollha biex jiddetermina f’liema każijiet inħoloq LTA. Huwa rrapportat li l-fornituri tas-servizz tal-ivvjaġġar addizzjonali mhux dejjem jikkonformaw mal-obbligi ta’ rappurtar tagħhom, pereż. minħabba nuqqas ta’ mezzi tekniċi għall-iskambju sigur ta’ data jew il-biża’ li jiksru r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data. Tali inċertezza tista’ twassal għal diffikultajiet meta tiġi organizzata l-protezzjoni meħtieġa mill-insolvenza.
Tqajjem ukoll tħassib li, bl-eċċezzjoni tal-protezzjoni mill-insolvenza u ċerti rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali, il-PTD ma tipprovdix għar-responsabbiltà tan-negozjanti li jiffaċilitaw LTA għat-twettiq tas-servizzi rilevanti. Ir-rappreżentanti tal-konsumaturi huma mħassba li l-fornituri tas-servizzi tal-ivvjaġġar jippreżentaw lilhom infushom b’mod qarrieqi bħala negozjant li jiffaċilita LTA minflok bħala organizzatur sabiex jiġu evitati regoli ta’ responsabbiltà aktar stretti applikabbli għall-pakketti, li jħallu lill-konsumaturi b’livell aktar baxx ta’ protezzjoni.
3.2.3.Delimitazzjoni bejn pakkett u LTA
Id-distinzjoni bejn ċerti pakketti u ċerti LTAs tista’ tkun diffiċli. Aġent tal-ivvjaġġar li jipprenota titjira u lukanda għall-klijent tiegħu u joħroġ fattura waħda għaż-żewġ servizzi jbigħ pakkett. Meta l-istess servizzi ma jkunux intgħażlu b’mod konġunt, l-aġent tal-ivvjaġġar li jipprenotahom wieħed wara l-ieħor u ma jitlobx prezz totali jiffaċilita LTA.
Fir-rigward tal-“prenotazzjoni permezz ta’ klikk” jista’ jkun diffiċli ħafna għall-konsumaturi u għall-awtoritajiet tal-infurzar biex jippruvaw jekk ġiex konkluż pakkett, LTA jew l-ebda wieħed minnhom, kif spjegat fir-rapport tal-“prenotazzjoni permezz ta’ klikk” tal-2019. Fornitur ta’ servizz tal-ivvjaġġar li, wara t-tlestija ta’ prenotazzjoni, jittrasferixxi l-isem tal-vjaġġatur, id-dettalji tal-ħlas u l-indirizz tal-posta elettronika lil negozjant ieħor li miegħu jiġi pprenotat it-tieni servizz fi żmien 24 siegħa mill-konferma tal-ewwel prenotazzjoni, huwa l-organizzatur ta’ pakkett u għalhekk responsabbli għat-twettiq taż-żewġ servizzi. Jekk wieħed minn dawk l-elementi tad-data ma jiġix trasferit, l-ewwel negozjant jiffaċilita LTA u jkun responsabbli biss għat-twettiq tas-servizz tiegħu stess, sakemm it-tieni prenotazzjoni sseħħ fi żmien 24 siegħa. Jekk dan iseħħ aktar tard, il-PTD ma tapplikax. Huwa rrapportat li, fil-prattika, huwa diffiċli li jintwera liema data ġiet ittrasferita bejn in-negozjanti jew il-mument tal-prenotazzjoni tat-tieni servizz tal-ivvjaġġar.
3.2.4.Rekwiżiti ta’ informazzjoni
Skont l-Artikoli 5 u 19 tal-PTD, l-organizzaturi, il-bejjiegħa bl-imnut u n-negozjanti li jiffaċilitaw LTA għandhom jipprovdu lill-vjaġġaturi b’informazzjoni speċifika qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali dwar il-pakkett speċifiku inkwistjoni, b’mod ġenerali, ma jidhrux li joħolqu problemi kbar. Barra minn hekk, il-PTD tipprovdi tliet formoli ta’ informazzjoni standard differenti għall-kuntratti ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u ħames forom differenti għall-LTAs li jridu jiġu pprovduti lill-vjaġġaturi.
Fis-26 ta’ Novembru 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni organizzaw sessjoni ta’ ħidma dwar l-applikazzjoni tal-PTD fis-settur tal-linji tal-ajru, bħala segwitu wkoll għar-rapport tal-“prenotazzjoni permezz ta’ klikk” tal-Kummissjoni. Ir-rappreżentanti tal-linji tal-ajru qiesu li l-formoli ta’ informazzjoni standard huma kumplessi, tekniċi u diffiċli wisq biex jinqraw speċjalment fuq apparat mobbli. B’mod partikolari, fir-rigward tal-formoli standard għall-LTAs, ġie argumentat li l-informazzjoni tista’ titqies bħala konfuża u ta’ deterrent, peress li l-vjaġġaturi huma primarjament informati li ma jibbenefikawx mid-drittijiet li japplikaw għall-pakketti.
Madankollu, kien preċiżament l-għan ta’ dan ir-rekwiżit ta’ informazzjoni li tinġibed l-attenzjoni tal-konsumaturi għal-livell differenti ta’ protezzjoni offrut minn pakketti meta mqabbla mal-LTAs u b’hekk dawn jingħataw għażla informata bejn iż-żewġ mudelli. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jargumentaw li t-trasparenza għandha tissaħħaħ aktar billi l-vjaġġaturi li jibbukkjaw servizz tal-ivvjaġġar awtonomu jiġu informati dwar il-livell ta’ protezzjoni marbut miegħu, li fil-każ tas-servizzi tat-trasport huwa żgurat mir-Regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri.
Ir-rappreżentanti tan-negozji tal-ivvjaġġar jissuġġerixxu, b’mod partikolari fid-dawl tal-COVID-19, informazzjoni msaħħa għall-konsumatur u protezzjoni għas-servizzi kollha tal-ivvjaġġar, inklużi servizzi awtonomi. Huma jargumentaw li dan jista’ jagħti aktar libertà lill-operaturi u lill-konsumaturi meta jagħżlu kombinament ta’ servizzi tal-ivvjaġġar (pakkett protett bis-sħiħ jew kombinament fl-istil ta’ LTA ta’ servizzi tal-ivvjaġġar b’responsabbiltà ċara għat-twettiq xieraq tas-servizzi għal kull fornitur ta’ servizz).
3.3. Infurzar
L-Artikolu 24 tal-PTD jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li jkun hemm mezzi adegwati u effettivi sabiex tiġi żgurata konformità mad-Direttiva. L-infurzar jiġi organizzat b’mod differenti fl-Istati Membri skont it-tradizzjonijiet legali rispettivi tagħhom. Peress li parti kbira mid-dispożizzjonijiet tal-PTD jikkonċernaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn l-organizzatur u l-vjaġġatur, dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu infurzati privatament minn vjaġġaturi quddiem il-qrati jew korpi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim. Il-PTD taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida dwar azzjonijiet rappreżentattivi li l-Istati Membri se jkollhom jittrasponu sal-aħħar tal-2022. Bl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-entitajiet kwalifikati se jkunu jistgħu jressqu azzjonijiet kollettivi kemm biex iwaqqfu l-ksur tad-drittijiet tal-vjaġġaturi kif ukoll biex jiksbu rimedju. Barra minn hekk, skont l-istudju tal-valutazzjoni tal-konformità (ara hawn fuq 2.2), fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-inqas ċerti rekwiżiti tal-PTD huma soġġetti għal penali amministrattivi jew kriminali. L-infurzar pubbliku huwa partikolarment rilevanti għall-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni mill-insolvenza u mar-rekwiżiti tal-informazzjoni.
Il-PTD taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2394 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (Regolament CPC). Fl-iskambji fin-network tas-CPC, diversi awtoritajiet irrapportaw dwar azzjonijiet ta’ infurzar fil-livell nazzjonali. Il-ksur transftruntier tal-PTD li jkun għamel ħsara, jagħmel ħsara jew x’aktarx jagħmel ħsara lill-interessi kollettivi tal-konsumaturi jista’ jiġi infurzat ukoll b’mod pubbliku permezz tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit skont ir-Regolament dwar is-CPC.
Is-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (ADR) u s-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR)
Id-Direttiva 2013/11/UE dwar soluzzjoni alternattiva għat-tilwim tal-konsumaturi (id-Direttiva tal-ADR) u r-Regolament (UE) Nru 524/2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi (ir-Regolament tal-ODR) stabbilixxew qafas leġiżlattiv orizzontali li japplika wkoll għall-PTD. Ix-xenarji nazzjonali tal-ADR huma diversi. F’diversi Stati Membri, il-korpi tal-ADR responsabbli għas-“servizzi tat-trasport” ikopru wkoll tilwim dwar pakketti tal-ivvjaġġar, filwaqt li fi Stati Membri oħra dan is-settur huwa kopert mill-korpi tal-ADR residwi għat-tilwim tal-konsumaturi. Il-konsumaturi li jixtru oġġetti jew servizzi online jistgħu jagħmlu użu mill-pjattaforma Ewropea għas-Soluzzjoni Online għat-Tilwim (ODR), iżda d-data disponibbli turi li n-numru ta’ lmenti relatati mal-pakketti tal-ivvjaġġar fuq il-pjattaforma tal-ODR għadu baxx.
Il-Kummissjoni ma għandhiex ċifri eżatti dwar il-livell ta’ parteċipazzjoni ta’ organizzaturi fi proċedimenti tal-ADR. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u xi korpi nazzjonali tal-ADR jirrapportaw li l-parteċipazzjoni volontarja tal-ADR fis-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar hija ġeneralment baxxa ħafna.
Il-korp Franċiż tal-ADR magħruf bħala l-Médiation Tourisme et Voyage (MTV) ikopri essenzjalment is-settur kollu tal-ivvjaġġar u tat-trasport. Fl-2019, huwa rċieva 8667 talba (madwar 21 % minnhom kienu jikkonċernaw pakketti ta’ tours tipiċi); għal 5449 minnhom ġew proposti soluzzjonijiet amikevoli b’rata ta’ aċċettazzjoni ta’ 93,5 %. Is-suġġetti ewlenin ta’ tilwim relatati mal-pakkett tal-ivvjaġġar kienu jikkonċernaw it-twettiq tal-kuntratt, il-kanċellazzjonijiet jew it-tibdil tal-kuntratt u l-kwalità tas-servizz.
Informazzjoni miċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumatur (ECC)
Fl-2019, in-network taċ-Ċentri Ewropej tal-Konsumaturi (ECC) indirizza 2399 mistoqsija u 261 ilment relatati mal-PTD. Fl-2020, minħabba l-COVID-19, in-numri żdiedu b’368 % (11226 mistoqsija) u 250 % (914 ilment). Barra minn hekk, il-proporzjon tal-ammont totali ta’ każijiet tal-ECC li kien relatat mal-PTD żdied b’mod sinifikanti minn 2 % fl-2019 għal 7 % tal-ammont totali ta’ każijiet fl-2020
. Iż-żmien medju għall-immaniġġjar tal-każijiet baqa’ l-istess u r-rata ta’ eżitu b’suċċess jew newtrali
tal-intervent tal-ECC ma’ negozjant żdiedet minn 61 % fl-2019 għal 70 % fl-2020
. Fl-2019, in-nuqqas ta’ konformità tat-twettiq jew l-atti jew l-omissjonijiet qarrieqa kienu s-suġġett ewlieni tal-mistoqsijiet u l-ilmenti (39 %). Fl-2020, il-kanċellazzjoni u n-nuqqas ta’ twettiq kienu s-suġġett numru wieħed (62 %). Fl-2020, l-ECCs ippubblikaw fuljett dwar l-interpretazzjoni tal-PTD
u FAQs kondiviżi fis-siti web nazzjonali tagħhom u fil-kanali tal-midja soċjali biex jassistu lill-konsumaturi fid-dawl taż-żieda f’daqqa tal-ilmenti fis-settur tal-ivvjaġġar, inklużi l-pakketti.
4.Protezzjoni mill-insolvenza
Skont l-Artikolu 17 tal-PTD, l-organizzaturi jridu jipprovdu garanzija għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha magħmula mill-vjaġġaturi jekk is-servizzi tal-ivvjaġġar rilevanti ma jitwettqux b’konsegwenza tal-insolvenza tal-organizzatur. Dik il-garanzija għandha tkopri wkoll ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi jekk il-ġarr tal-passiġġieri jkun inkluż fil-pakkett. Filwaqt li l-Istati Membri żammew id-diskrezzjoni dwar il-mod kif għandha tiġi organizzata l-protezzjoni mill-insolvenza, dawn iridu jiżguraw li l-protezzjoni tkun effettiva skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 17 tal-PTD. B’mod ġenerali, il-PTD tal-2015 wasslet għal titjib sinifikanti tas-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni mill-insolvenza meta mqabbla ma’ dik taħt il-PTD tal-1990. F’21 Stat Membru, il-protezzjoni mill-insolvenza hija organizzata mis-settur innifsu, jew permezz ta’ fondi ta’ garanzija privati, kumpaniji tal-assigurazzjoni, taħlita ta’ dawn it-tnejn jew forom oħra ta’ arranġamenti privati, bħal garanziji bankarji. Żewġ Stati Membri (il-Finlandja u l-Portugall) stabbilixxew fond ta’ garanzija stabbilit bħala entità pubblika. Erba’ Stati Membri (iċ-Ċekja, id-Danimarka, Malta, il-Polonja) u r-Renju Unit għandhom sistema mħallta, li jfisser li forma ta’ garanzija privata hija kkumplimentata minn fond ta’ garanzija amministrat pubblikament (saff doppju) jew li l-fondi ta’ garanzija huma amministrati minn organizzazzjonijiet privatipubbliċi.
4.1. Il-funzjonament tal-iskemi ta’ protezzjoni mill-insolvenza – il-falliment ta’ Thomas Cook
Il-falliment f’Settembru 2019 tal-Grupp Thomas Cook plc. ibbażat fir-Renju Unit, wieħed mill-gruppi ewlenin tal-ivvjaġġar ta’ divertiment fid-dinja, b’bejgħ ta’ £9,6 biljun u madwar 19-il miljun klijent fis-sena qabel il-falliment tiegħu, bagħat mewġ ta’ xokk fis-settur tat-turiżmu kollu. Thomas Cook kien attiv madwar l-UE permezz ta’ sussidjarji u ditti differenti f’diversi Stati Membri u kellu aktar minn 21 000 impjegat. Il-falliment affettwa madwar 600 000 vjaġġatur, li kellhom jew jiġu ripatrijati jew rimborżati l-flus li kienu ħallsu bil-quddiem. Vjaġġaturi fi kważi l-pajjiżi kollha tal-UE ġew affettwati.
Sal-punt li l-vjaġġaturi li kienu xtraw pakkett ta’ tour, kienu koperti mill-iskemi nazzjonali rilevanti ta’ protezzjoni mill-insolvenza.
Il-UK Civil Aviation Authority (CAA) organizzat l-akbar ripatrijazzjoni fi żmien ta’ paċi ta’ aktar minn 140 000 vjaġġatur. Fir-Renju Unit biss, l-awtorità kompetenti solviet madwar 340 000 talba, b’valur ta’ kważi £350 miljun koperti mill-iskema ta’ protezzjoni tal-Air Travel Organiser's Licence (ATOL) immexxija mill-gvern
.
Il-falliment tas-sussidjarji Ġermaniżi ta’ Thomas Cook ħalla madwar 140 000 vjaġġatur barra minn pajjiżhom, li ġew ripatrijati bl-għajnuna tal-fornitur tal-protezzjoni mill-insolvenza Zurich Versicherungen. Madankollu, il-protezzjoni mill-insolvenza ma kinitx biżżejjed biex tkopri bis-sħiħ ir-rifużjonijiet tal-vjaġġaturi li kienu għadhom ma waslux fid-destinazzjoni tagħhom (madwar EUR 287,4 miljun), minħabba limitu fir-responsabbiltà tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni li jkopru dan ir-riskju. Il-gvern federali impenja ruħu li jikkumpensa lill-vjaġġaturi affettwati kollha d-differenza bejn il-pagamenti minn qabel tagħhom u l-ammont ta’ rifużjonijiet riċevuti mill-kumpanija tal-assigurazzjoni li tkopri l-kumpaniji insolventi ta’ Thomas Cook. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, fil-bidu ta’ Frar 2021, 105 306 vjaġġaturi kienu lestew ir-reġistrazzjonijiet tagħhom għal tali pretensjonijiet u possibbilment għadhom jistgħu jitlestew sa 10 000 reġistrazzjoni.
Fi Franza, aktar minn 53 000 vjaġġatur ġew affettwati u l-ispejjeż għall-fond ta’ garanzija għall-ivvjaġġar APST, li kopra s-sussidjarji Franċiżi ta’ Thomas Cook, huma stmati bejn 40 u 50 miljun EUR. Madwar 10 500 vjaġġatur ġew ripatrijati u aktar minn 30 000 klijent setgħu jqattgħu l-vaganzi tagħhom ma’ operaturi turistiċi oħrajn. Ir-rifużjoni ta’ aktar minn 11 500 vjaġġatur tista’ tibda biss ladarba l-proċedura ta’ insolvenza tiġi ffinalizzata u l-fajls ta’ rifużjoni eliġibbli kollha jiġu kompluti.
Thomas Cook kompla jkollu protezzjoni mill-insolvenza f’kull wieħed mill-Istati Membri fejn ġew stabbiliti s-sussidjarji differenti tiegħu u ma kienx jiddependi fuq il-mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku taħt il-PTD. Għalhekk, l-ispejjeż għar-ripatrijazzjoni u r-rimborż tal-vjaġġaturi kkonċernati madwar l-UE ġew kondiviżi fost il-fornituri differenti tal-protezzjoni mill-insolvenza fl-Istati Membri, u ma kinux jiddependu fuq fond wieħed ta’ garanzija għall-ivvjaġġar jew kumpanija tal-assigurazzjoni.
4.2. Valutazzjoni
4.2.1.Ir-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi u r-rifużjoni tal-pagamenti
Kumplessivament, u meta wieħed iqis il-kobor tal-falliment ta’ Thomas Cook, jidher li s-sistemi ta’ protezzjoni mill-insolvenza ħadmu tajjeb, minkejja li tpoġġew taħt pressjoni kbira. Il-vjaġġaturi affettwati, li diġà kienu fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar tagħhom, ġew ripatrijati jew setgħu jtemmu l-vaganzi tagħhom kif ippjanat. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, il-vjaġġaturi li kienu għadhom ma bdewx il-pakkett tagħhom irċevew jew jenħtieġ li jirċievu rifużjoni tal-pagamenti bil-quddiem tagħhom. Madankollu, f’xi Stati Membri l-vjaġġaturi kellhom jistennew żmien twil biex jirċievu rifużjoni, jew għadhom ma rċevewx rifużjoni sħiħa aktar minn sena wara l-falliment ta’ Thomas Cook, anki jekk l-Artikolu 17(5) tal-PTD jirrikjedi li r-rifużjonijiet għandhom jiġu pprovduti mingħajr dewmien żejjed wara t-talba tal-vjaġġatur.
4.2.2.L-assigurabbiltà tar-riskji
Xi partijiet ikkonċernati kummerċjali rrappreżentati fil-grupp espert tal-partijiet ikkonċernati tal-PTD u xi awtoritajiet esprimew tħassib li jista’ jkun dejjem aktar diffiċli li jinstabu fornituri xierqa tal-protezzjoni mill-insolvenza li huma lesti u kapaċi jkopru r-riskji relatati mal-falliment ta’ organizzatur kbir, speċjalment matul l-eqqel tal-istaġun. Relattivament ftit fondi ta’ garanzija tal-ivvjaġġar u kumpaniji tal-assigurazzjoni jipprovdu protezzjoni mill-insolvenza. Ġie rrapportat li l-banek ma kinux għadhom jagħtu garanzija lill-organizzaturi u li anke wħud mill-ftit kumpaniji tal-assigurazzjoni li diġà joffru protezzjoni mill-insolvenza qed joħorġu mis-suq (eż. fl-Awstrija u fil-Belġju). Għalhekk huwa importanti li tinstab sistema soda li tipproteġi lill-vjaġġaturi b’mod effettiv kontra r-riskju ta’ insolvenza. Ideat imressqa biex jiġu indirizzati sfidi differenti jinkludu diversi fornituri tas-sigurtà għal organizzatur wieħed jew l-istabbiliment ta’ fond ta’ garanzija pan-UE bħala tip ta’ riassigurazzjoni għall-garanti tal-ewwel linja.
4.2.3.Diverġenzi bejn is-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni mill-insolvenza
Il-PTD teħtieġ li l-protezzjoni mill-insolvenza trid tkun “effettiva” iżda ħalliet il-mod li bih din il-protezzjoni għandha tiġi organizzata f’idejn l-Istati Membri (ara l-premessa 39 tal-PTD). L-isfidi f’xi Stati Membri biex ikopru r-ripatrijazzjoni u r-rifużjonijiet wasslu lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur biex jitolbu aktar armonizzazzjoni tas-sistemi nazzjonali ta’ protezzjoni mill-insolvenza, inklużi kriterji minimi kif għandha titfassal is-sistema ta’ protezzjoni mill-insolvenza u biex jiġi żgurat li l-fondi ta’ garanzija jkunu ffinanzjati b’mod adegwat. Madankollu, il-PTD diġà tipprovdi aktar dettalji dwar il-protezzjoni mill-insolvenza meħtieġa mill-PTD tal-1990 u waqt in-negozjati leġiżlattivi dwar il-PTD kien kontroversjali kemm id-Direttiva għandha tkun preskrittiva f’dan ir-rigward. Ir-rappreżentanti tal-industrija tal-assigurazzjoni indikaw li r-ripatrijazzjonijiet jistgħu jiġu organizzati aħjar mill-industrija tal-ivvjaġġar innifisha (eż. permezz ta’ fond ta’ garanzija) filwaqt li n-negozju ewlieni tal-istituzzjonijiet finanzjarji huwa li jieħdu ħsieb il-pagamenti.
4.2.4.Preferenza għall-kontinwazzjoni tal-pakkett ta’ vaganza
B’mod partikolari, ir-rappreżentanti tal-fondi ta’ garanzija tal-ivvjaġġar fil-grupp ta’ esperti tal-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li fil-każ ta’ insolvenza ta’ organizzatur, il-kontinwazzjoni tal-pakkett ipprenotat, minflok ir-ripatrijazzjoni jew ir-rifużjoni, tkun l-aħjar soluzzjoni għall-vjaġġaturi u għall-fornituri tas-servizzi tal-ivvjaġġar. Fil-premessa 39 tal-PTD, huwa ddikjarat li jeħtieġ li jkun possibbli li l-vjaġġaturi jiġu offruti l-kontinwazzjoni tal-pakkett.
4.2.5.Limitazzjoni tal-prepagamenti
Il-prepagament huwa l-mod ta’ ħlas normali għall-pakkett tal-ivvjaġġar. Fil-Ġermanja, fuq il-bażi tal-ġurisprudenza nazzjonali dwar termini kuntrattwali inġusti, il-prepagamenti għall-pakketti tal-ivvjaġġar huma fil-prinċipju limitati għal 20 % tal-ħlas akkont fil-ħin tal-prenotazzjoni, sakemm l-organizzatur ma jiġġustifikax b’mod xieraq prepagament ogħla minħabba spejjeż li jirriżultaw fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt; il-bqija huwa dovut mhux aktar minn 30 jum qabel il-bidu tal-vjaġġ. Madankollu, il-falliment ta’ Thomas Cook wassal għal talbiet għal rifużjoni ta’ madwar EUR 287,4 miljun fil-Ġermanja, u eventwalment wassal lill-gvern biex iħallas għal rifużjonijiet pendenti (ara hawn fuq fit-taqsima 4.1.). Fl-Awstrija wkoll, jeżistu restrizzjonijiet fuq il-prepagamenti għal pakkett tal-ivvjaġġar, li madankollu, ma japplikawx meta jkun hemm protezzjoni illimitata mill-insolvenza.
Sabiex jiġi limitat l-esponiment tal-vjaġġaturi għar-riskju ta’ insolvenza, iżda wkoll biex jitnaqqsu r-riskji tal-fornituri tas-sigurtà, u għalhekk l-ispejjeż għaliha, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-vjaġġaturi ppreżentaw l-idea li jiġi limitat l-ammont ta’ prepagamenti u li l-vjaġġaturi jintalbu jħallsu biss meta jirċievu s-servizz. Huma jargumentaw li billi jiġu limitati l-prepagamenti, ir-riskju li jiġi kopert mis-sistemi ta’ protezzjoni mill-insolvenza jista’ possibbilment ikun limitat prinċipalment għar-ripatrijazzjoni, u l-vjaġġaturi jkunu protetti aħjar f’każ ta’ kanċellazzjonijiet.
Peress li s-servizzi prepagati, bħall-ġarr ta’ passiġġieri, spiss ikunu parti minn pakkett, il-fattibbiltà, l-ambitu u l-limitazzjonijiet ta’ limitazzjoni potenzjali fuq il-prepagamenti fis-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar ikollhom jiġu vvalutati b’kont meħud tal-ekosistema usa’ tat-turiżmu.
Ir-rappreżentanti tas-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar iqisu li l-limitazzjoni tal-prepagamenti tista’ taggrava s-sitwazzjoni kritika ta’ likwidità tagħhom. Huma jindikaw ukoll li l-prepagament huwa l-istandard globali għas-servizzi tal-ivvjaġġar u r-rekwiżiti unilaterali tal-UE li jillimitaw dan il-mudell ta’ negozju jista’ jkollhom implikazzjonijiet estensivi u jfixklu l-kundizzjonijiet ekwi fil-konfront tal-kompetituri mhux mill-UE. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-industrija jenfasizzaw li l-prezzijiet tal-pakketti ta’ vaganzi jistgħu jinżammu baxxi minħabba li l-operaturi tal-ivvjaġġar jixtru allokazzjonijiet kbar tal-kapaċità tal-lukandi u tat-trasport minn qabel, iffinanzjati bil-prepagamenti mill-konsumaturi.
4.2.6.Protezzjoni mill-insolvenza kontra l-falliment tal-operaturi tat-trasport
Fir-riżoluzzjoni tiegħu b’reazzjoni għall-falliment ta’ Thomas Cook
, il-Parlament Ewropew irrikonoxxa r-ripatrijazzjoni effettiva u ma qajjem l-ebda tħassib fir-rigward tal-PTD. F’dan il-kuntest, il-Parlament xorta waħda tenna t-talba tiegħu biex il-protezzjoni mill-insolvenza tiġi estiża għal titjiriet ta’ siġġu biss fil-qafas tar-reviżjoni tar-Regolament 261/2004 dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru. L-insolvenza ta’ linja tal-ajru tista’ taffettwa lill-vjaġġaturi, lill-operaturi turistiċi u lill-intermedjarji. Pereżempju, jekk kuntratt ta’ pakkett tal-ivjaġġar b’komponent ta’ titjira jiġi kkanċellat skont il-PTD, l-organizzatur jista’ jkollu jħallas lura lill-vjaġġatur il-prezz sħiħ irrispettivament minn jekk ikunx għad għandu l-flus jew ikunx jista’ jirkuprahom mil-linja tal-ajru. Is-sejħa, mingħand għadd ta’ partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw lin-negozji tal-ivvjaġġar u lill-konsumaturi, għall-introduzzjoni ta’ protezzjoni obbligatorja mill-insolvenza li tiġi pprovduta mil-linji tal-ajru saret aktar qawwija fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19. Ir-Rapport tal-Forum tal-Avjazzjoni dwar l-Irkupru tal-Avjazzjoni Ewropea (Novembru 2020) jirrikonoxxi li din il-kriżi wriet li l-passiġġieri jħossu li jistgħu jsibu ruħhom mhux protetti f’każ ta’ insolvenza tal-linji tal-ajru, u dan jissuġġerixxi li l-impatt tal-protezzjoni mill-insolvenza tal-linji tal-ajru jista’ jiġi analizzat aktar.
Fl-Istrateġija ta’ Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tagħha tad-9 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni ddikjarat li “L-UE trid tgħin lill-passiġġieri meta l-operaturi tat-trasport ifallu jew meta jkunu jinsabu fi kriżi kbira ta’ likwidità bħal fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19. Il-passiġġieri li jitħallew l-art iridu jiġu ripatrijati u l-biljetti tagħhom iridu jiġu rimborżati f’każ ta’ kanċellazzjonijiet mit-trasportaturi.
Il-Kummissjoni tqis l-għażliet u l-benefiċċji ta’ mezzi possibbli li jipproteġu lill-passiġġieri minn avvenimenti bħal dawn u, jekk ikun xieraq, se tagħmel proposti leġiżlattivi”.
5.Il-pandemija tal-COVID-19:
Fit-30 ta’ Jannar 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali dwar it-tifqigħa globali tal-COVID‑19 u fil-11 ta’ Marzu 2020, ikkaratterizzatha bħala pandemija.
Il-pandemija tal-COVID-19 irriżultat f’restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar globali mingħajr preċedent li kkawżaw kważi waqfien tal-ivvjaġġar fl-Ewropa u f’ħafna partijiet oħra tad-dinja. Dan qed ikollu impatt serju fuq l-ekosistema tat-turiżmu kollha. Id-data tal-UNWTO turi għal Jannar-Ottubru 2020 tnaqqis fir-riżultati tat-turiżmu fl-Ewropa ta’ 72 % meta mqabbla mal-2019. Minbarra t-telf ta’ dħul, l-organizzaturi huma partikolarment affettwati mill-fatt li t-talbiet għal rimborż minn vjaġġaturi minħabba kanċellazzjonijiet jaqbżu b’mod sinifikanti l-livell ta’ prenotazzjonijiet ġodda. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni stima f’xenarju tat-“tieni mewġa” li 11,7 miljun impjieg jistgħu jkunu f’riskju fl-ekonomija tal-UE bħala riżultat ta’ tnaqqis fil-wasliet ta’ turisti fl-2020. Fl-istess ħin, skont l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur, sa Diċembru 2020, eluf ta’ konsumaturi kienu għadhom ma rċevewx rifużjoni fi flus għall-vaganzi kkanċellati.
5.1. Kanċellazzjonijiet tal-ivvjaġġar minħabba l-COVID-19
Il-COVID-19 skatta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-PTD dwar “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” li hija definita fl-Artikolu 3(12) tal-PTD bħala “sitwazzjoni lil hinn mill-kontroll tal-parti li tinvoka tali sitwazzjoni u li l-konsegwenzi tagħha ma setgħux jiġu evitati anke kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha”. Riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem, bħat-tifqigħa ta’ marda serja fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew fil-viċinanza immedjata tagħha normalment jikkwalifikaw bħala tali ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji (ara l-premessa 31 PTD).
Skont l-Artikolu 12 PTD, il-vjaġġatur jista’ jittermina l-kuntratt ta’ pakkett tal-ivjaġġar mingħajr penali jekk ikun hemm “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jseħħu fil-post tad-destinazzjoni jew fil-viċinanzi immedjati tiegħu u li jaffettwaw sinifikament l-eżekuzzjoni tal-pakkett, jew li jaffettwaw b'mod sinifikanti t-trasport tal-passiġġieri lejn id-destinazzjoni.” (l-Artikolu 12(2) PTD). L-organizzatur ta’ pakkett jista’ jittermina l-kuntratt mingħajr penali wkoll jekk ma jkunx jista’ jwettaq il-kuntratt minħabba “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” (l-Artikolu 12(3) PTD). F’dawk il-każijiet, il-vjaġġatur għandu d-dritt għal rifużjoni sħiħa ta’ kwalunkwe pagament li jkun sar għall-pakkett fi żmien 14-il jum mit-terminazzjoni tal-kuntratt (l-Artikolu 12(4) PTD).
Fil-5 ta’ Marzu 2020, b’aġġornament fid-19 ta’ Marzu 2020, is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw fis-sit web tal-Kummissjoni gwida informali dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar b’rabta mal-COVID-19
, li tikkonferma d-dritt tal-vjaġġatur li jikseb rifużjoni sħiħa jekk abbażi ta’ valutazzjoni ta’ każ b’każ il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) jew (3) tal-PTD huma ssodisfati. F’dik in-nota, is-servizzi tal-Kummissjoni ddikjaraw ukoll li, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-fluss tal-flus tal-organizzaturi, il-vjaġġaturi għandhom jikkunsidraw li jaċċettaw li l-pakkett tat-tour tagħhom jiġi pospost għal żmien aktar tard, li wara li titqies l-inċertezza attwali biex isiru pjanijiet ta’ vjaġġar, jista’ jsir permezz ta’ nota ta’ kreditu (“kupun”). Diversi Stati Membri talbu lill-Kummissjoni tissospendi d-dritt ta’ rifużjoni ta’ 14-il jum u/jew tissostitwixxih b’soluzzjoni ta’ kupun temporanju.
F’ittra tas-27 ta’ Marzu 2020 indirizzata lill-Istati Membri kollha, il-Kummissarju Reynders, fakkar li d-dritt ta’ rimborż tal-vjaġġatur kellu jiġi applikat għall-kanċellazzjonijiet relatati mal-COVID-19. Biex jiġu ffaċilitati l-problemi ta’ likwidità tan-negozji ssuġġerixxa li l-operaturi turistiċi jkunu jistgħu joffru kupuni bil-kundizzjoni li l-vjaġġaturi (1) ikollhom l-għażla li jaċċettaw il-kupun u (2) għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu rifużjoni sħiħa jekk, eventwalment, dawn ma jagħmlux użu minnu. Barra minn hekk, il-Kummissarju Reynders enfasizza wkoll li huma meħtieġa miżuri biex tiġi żgurata protezzjoni robusta mill-insolvenza biex tissaħħaħ il-fiduċja tal-vjaġġaturi biex jagħmlu tali għażla.
5.1.1.Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kupuni
Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/648 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19
. F’din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni reġgħet fakkret id-dritt għal rimborż skont il-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE, jiġifieri l-PTD u r-Regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri. Fl-istess ħin, ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi s-sitwazzjoni mhux sostenibbli tal-fluss ta’ flus u tad-dħul għas-setturi tat-trasport u tal-ivvjaġġar, minħabba l-għadd kbir ta’ kanċellazzjonijiet li rriżulta minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Għalhekk il-Kummissjoni tirrakkomanda modi kif il-kupuni jistgħu jsiru aktar attraenti, bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, sabiex ikunu aċċettati aktar mill-passiġġieri u mill-vjaġġaturi. Ir-Rakkomandazzjoni indikat ukoll x’tip ta’ skemi tal-Unjoni huma disponibbli biex jappoġġjaw l-impriżi fis-setturi tal-ivvjaġġar u tat-trasport.
Permezz ta’ ittra tal-Kummissarju Reynders u tal-Kummissarju Vălean tal-14 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni tal-Istati Membri kollha għal din ir-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni talbet, fost affarijiet oħra, li l-PTD u r-Regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri jiġu applikati b’mod korrett u li l-prattiki li jiksru dawn ir-regoli jiġu identifikati fil-ħin u jiġu ssanzjonati b’mod effettiv.
Permezz tar-Rakkomandazzjoni tagħha l-Kummissjoni tat sinjal ċar lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li ma kinitx se ssegwi sejħiet għat-tnaqqis tal-protezzjoni tal-konsumatur. Diversi Stati Membri segwew ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u adottaw leġiżlazzjoni dwar il-kupuni volontarji relatati mal-pakketti tal-ivvjaġġar u/jew adottaw miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw direttament lis-settur tal-ivvjaġġar taħt il-Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19 jew skont it-Trattat. Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi lmentaw li l-pajjiżi tal-UE, il-linji tal-ajru u l-operaturi turistiċi mhumiex qed jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni sew.
5.1.2. Regoli nazzjonali temporanji li jidderogaw mill-PTD
Skont l-informazzjoni tal-Kummissjoni, 15-il Stat Membru adottaw regoli speċifiċi li jippermettu temporanjament lill-organizzaturi ta’ pakketti jimponu kupuni, minflok ma jirrimborżaw il-pagamenti bi flus, għal vjaġġi kkanċellati, jew li jipposponu r-rimborż lil hinn mill-perjodu ta’ 14-il jum, li huwa għall-kuntrarju tal-Artikolu 12(2), 12(3)(b) u 12(4) moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-PTD.
Bħala konsegwenza, f’konformità mal-pożizzjoni ċara espressa fir-Rakkomandazzjoni tagħha 2020/648, il-Kummissjoni fetħet proċedimenti ta’ ksur kontra 11-il Stat Membru. Il-Kummissjoni ma fetħitx proċedimenti ta’ ksur kontra l-erba’ Stati Membri li fihom id-derogi temporanji mill-PTD kienu skadew jew ġew emendati meta l-Kummissjoni ddeċidiet dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ ksur. Fiż-żmien ta’ dan ir-rapport, il-proċeduri ta’ ksur kontra erba’ Stati Membri għadhom miftuħa.
F’diversi Stati Membri, il-miżuri nazzjonali mhux konformi, għalkemm mhux aktar fis-seħħ, baqgħu jipproduċu effetti, pereżempju minħabba li l-vjaġġaturi li rċevew kupuni obbligatorji abbażi ta’ leġiżlazzjoni skaduta jew imħassra kellhom jistennew mill-inqas sa tmiem il-validità tat-tali kupuni, qabel ma setgħu jitolbu r-rimborż tal-pagamenti minn qabel magħmula għall-pakkett ta’ tour ikkanċellat tagħhom. Il-Kummissjoni ħeġġet lil dawk l-Istati Membri biex jieħdu miżuri biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni maħluqa mil-leġiżlazzjoni preċedenti li kienet tmur kontra l-PTD u jiżguraw li l-konsumaturi, li jippreferu rimborż fi flus mill-kupun, effettivament jirċievu rifużjoni skont il-PTD.
5.1.3.Miżuri nazzjonali ta’ għajnuna mill-Istat
Minbarra l-iskemi ġenerali ta’ għajnuna mill-Istat disponibbli wkoll għall-operaturi fis-settur tat-turiżmu, diversi Stati Membri adottaw miżuri speċifiċi ta’ għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw lill-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar u, b’mod partikolari, jistabbilixxu skemi ta’ garanzija għall-kupuni biex jiżguraw li, fil-każ ta’ insolvenza tal-organizzatur, il-vjaġġaturi jiġu rimborżati, kif irrakkomandat mill-Kummissjoni fir-Rakkomandazzjoni tagħha 2020/648. Il-Kummissjoni approvat dawk il-miżuri skont il-Qafas Temporanju għall-Miżuri ta’ Għajnuna mill-Istat
jew skont it-Trattat.
Id-Danimarka adottat self ta’ EUR 200 miljun b’appoġġ għall-Fond ta’ Garanzija għall-Ivvjaġġar għall-kanċellazzjonijiet tal-ivvjaġġar minħabba t-tifqigħa tal-coronavirus. Il-Ġermanja adottat skema ta’ garanzija ta’ EUR 840 miljun biex tiżgura kupuni volontarji aċċettati mill-vjaġġaturi minflok rifużjonijiet fi flus kontanti. B’din l-iskema, il-Ġermanja kellha l-għan li tagħmel il-kupuni alternattiva attraenti għar-rimborż tal-flus. Il-Polonja adottat miżuri biex tappoġġa lill-operaturi turistiċi u lil impriżi oħra attivi fit-turiżmu u l-kultura. Skont din l-iskema, l-Istat Pollakk jirrimborża lill-vjaġġaturi affettwati mill-kanċellazzjonijiet relatati mal-COVID-19 f’isem l-operaturi turistiċi, li se jkollhom iħallsu lura dak is-self. L-Italja adottat miżuri biex tipprovdi għotjiet diretti lill-operaturi turistiċi u lill-aġenti tal-ivvjaġġar sabiex tikkumpensa għat-telf. In-Netherlands adottaw self ta’ EUR 165 miljun biex jappoġġaw il-ħames fondi ta’ garanzija Netherlandiżi li jipprovdu skemi ta’ garanzija għall-organizzaturi tal-pakketti ta-ivvjaġġar
. L-għan ta’ din l-għajnuna mill-Istat huwa li tipprovdi likwidità lill-fondi biex tiżgura kopertura suffiċjenti għall-pagamenti kollha lill-vjaġġaturi f’każ ta’ insolvenza tal-operaturi tal-ivvjaġġar, inkluż ir-rimborż ta’ “kupuni Corona”. Il-Bulgarija adottat skema ta’ għajnuna ta’ madwar EUR 26 miljun għall-operaturi turistiċi u għall-aġenti tal-ivvjaġġar għal kumpens għal telf relatat ma’ rifużjonijiet li għandhom jingħataw lil vjaġġaturi li l-pakketti tagħhom ġew ikkanċellati minħabba l-COVID-19. Ċipru adottagħajnuna f’ammont stmat ta’ EUR86,6 miljun fil-forma ta’ garanziji għan-noti ta’ kreditu maħruġa lill-konsumaturi u lill-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar sabiex jiggarantixxi dawk il-kupuni volontarji kontra insolvenza possibbli tal-emittent. L-Iżvezja adottat għajnuna fil-forma ta’ self lill-aġenziji tal-ivvjaġġar u lill-operaturi turistiċi biex tgħinhom jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom ta’ rimborż. L-Awstrija adottat għajnuna fil-forma ta’ garanziji mill-Istat biex tkopri, għal ammont limitat ta’ żmien, ir-riskju ta’ insolvenza tal-organizzaturi ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u tal-faċilitaturi ta’ servizzi tal-ivvjaġġar marbuta b’kont meħud tal-irtirar tal-banek u tal-fornituri tal-assigurazzjoni mill-assigurazzjoni tal-pakketti tal-ivvjaġġar u d-diffikultajiet tal-organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar u tal-faċilitaturi ta’ servizzi tal-ivvjaġġar marbuta biex isibu garanziji affordabbli fis-suq.
5.2. Sfidi
5.2.1.Ir-rispett tad-dritt tal-vjaġġaturi għar-rimborż
Madwar l-UE, ħafna eluf ta’ vjaġġaturi li l-vjaġġi tagħhom kellhom jiġu kkanċellati minħabba l-COVID-19 irrappurtaw li ma rċevewx rimborżi fi żmien 14-il jum kif previst fl-Artikolu 12(4) PTD; dawn jew ġew irrifjutati rifużjoni, ingħataw kupun kontra r-rieda tagħhom, ma setgħux jikkuntattjaw lill-organizzatur, irċevew rifużjoni b’dewmien sinifikanti jew parzjali biss, jew inkella kienu mxekkla milli jitolbu d-dritt tagħhom. Ukoll iż-żieda fin-numru ta’ mistoqsijiet u lmenti li waslu lill-korpi tal-ADR, lill-ECCs u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur ħolqu tħassib dwar jekk id-drittijiet tal-vjaġġaturi skont il-PTD ġewx irrispettati.
5.2.2.Diffikultajiet tan-negozji
Kif deskritt fit-taqsima 5.1., il-COVID-19 xkatta l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji” kif definit fl-Artikolu 3(12) PTD. Il-Premessa 31 issemmi, bħala eżempji, “gwerra, problemi serji oħra ta' sigurtà bħat-terroriżmu, riskji sinifikanti għas-saħħa tal-bniedem bħat-tfaqqigħ ta' mard serju fid-destinazzjoni tal-ivvjaġġar jew diżastri naturali bħal għargħar, terremoti jew kondizzjonijiet tat-temp li jagħmluha impossibbli li tivvjaġġa b'mod sikur.” Avvenimenti bħal dawn normalment ikunu, iżda mhux neċessarjament, limitati għal destinazzjoni speċifika jew għal parti partikolari tad-dinja.
L-organizzaturi ta’ spiss ikunu jistgħu jindirizzaw avvenimenti bħal dawn billi jibdlu d-destinazzjoni, jipposponu d-data tal-vjaġġ jew jirrifondu lill-vjaġġatur u kontrojiffinanzaw dan permezz ta’ introjtu minn prenotazzjonijiet għal destinazzjonijiet oħra, jekk dawk iċ-ċirkostanzi jkunu iżolati għal destinazzjoni speċifika. Fil-każ ta’ pandemija li globalment twassal għal kważi waqfien tal-ivvjaġġar fuq perjodu itwal, bħal fil-każ tal-COVID-19, l-obbligi ta’ rifużjoni jkunu b’mod sinifikanti akbar mill-introjtu mill-prenotazzjonijiet ġodda. Barra minn hekk, l-organizzaturi spiss ikollhom spejjeż fissi li joħolqu piż fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji. Eventwalment dan jista’ jagħmel ħsara lill-interessi tal-vjaġġaturi jekk organizzatur ifalli u l-vjaġġaturi jkollhom jagħmlu talbiet għall-assi ta’ insolvenza.
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kupuni (ara aktar ’il fuq 5.1.1.) kellha l-għan li tindirizza wkoll il-problemi ta’ likwidità tal-organizzaturi kkawżati minn kanċellazzjonijiet massivi relatati mal-COVID-19. Dawk il-problemi ta’ likwità jkomplu jikbru bil-fatt li l-organizzaturi jkollhom jirrimborżaw il-prezz sħiħ tal-pakkett lill-vjaġġatur filwaqt li huma mhux dejjem jirċievu rimborż fil-ħin tas-servizzi mħallsa minn qabel li jifformaw parti mill-pakkett offrut mill-fornituri tas-servizzi. Jekk sadanittant il-fornituri tas-servizzi jfallu, l-organizzaturi jistgħu ma jirċievu l-ebda rimborż. Dan jista’ jirriżulta f’kondiviżjoni inġusta tal-piż fost l-operaturi fl-ekosistema tal-ivvjaġġar.
Xi organizzaturi ta’ pakketti u xi intermedjarji rrapportaw li, matul il-kriżi tal-COVID-19, il-linji tal-ajru waqqfu l-mekkaniżmu ta’ rimborż awtomatiku lejn l-organizzaturi u aġenti oħra tal-ivvjaġġar permezz tas-Sistemi ta’ Distribuzzjoni Globali (Sistemi ta’ Riżervazzjonijiet Kompjuterizzati), filwaqt li l-organizzaturi kellhom iħallsu lura l-flus lill-vjaġġaturi.
In-natura inugwali tar-relazzjoni bejn in-negozji hija aggravata aktar mir-reġimi legali differenti tal-organizzaturi u tal-fornituri tas-servizzi tat-trasport. Għall-kuntrarju tal-PTD, il-passiġġieri li jikkanċellaw titjira jew servizz tat-trasport ieħor huma stess ma għandhomx dritt għal rimborż skont ir-Regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, anki f’każ ta’ ċirkostanzi straordinarji. F’każ bħal dan, il-konsegwenzi legali u b’mod partikolari d-dritt għal rimbors tal-passiġġier huma ddeterminati mit-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt konkluż bejn il-passiġġier u l-operatur tat-trasport u l-liġi applikabbli tal-Istati Membri. Pereżempju, jekk vjaġġatur li jkun ipprenota pakkett b’komponent ta’ titjira jikkanċella l-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar skont il-PTD, l-organizzatur ikollu jirrimborża lill-vjaġġatur, iżda ma jkollu l-ebda dritt skont id-dritt tal-Unjoni li jitlob rifużjoni mil-linja tal-ajru jekk it-titjira tkun saret. Pjuttost l-organizzatur ikollu bżonn jasserixxi dritt possibbli għal rifużjoni skont il-liġi rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat.
Xi organizzaturi tal-pakketti tal-ivvjaġġar ipproponew li jiġi emendat l-Artikolu 22 PTD u li jiżdied l-obbligu ta’ rifużjoni lill-fornituri ta’ servizzi tal-ivvjaġġar li ma jiġux ipprovduti minħabba t-terminazzjoni tal-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar, jekk l-organizzatur jkollu jirrimborża lill-vjaġġatur. Is-settur tal-linji tal-ajru, min-naħa l-oħra, qajjem tħassib kbir dwar ir-regolamentazzjoni fil-PTD tar-relazzjonijiet kummerċjali ta’ spiss kumplessi bejn l-organizzaturi u l-fornituri tas-servizzi tal-ivvjaġġar.
5.2.3.Twissija jew parir uffiċjali dwar l-ivvjaġġar
Huwa rikonoxxut b’mod wiesa’ li twissija uffiċjali tal-ivvjaġġar tal-awtoritajiet nazzjonali hija indikatur importanti li kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar jista’ jiġi kkanċellat minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji li jaffettwaw it-twettiq tal-vjaġġ. Madankollu, il-PTD innifisha ma ssemmi xejn fir-rigward tal-valur legali tat-twissija tal-ivvjaġġar jew tal-parir maħruġ mill-gvernijiet peress li fil-mument tal-adozzjoni tagħha xi Stati Membri kienu ferm kontra kwalunkwe referenza għal parir uffiċjali dwar l-ivvjaġġar fid-Direttiva.
Il-ħruġ ta’ pariri dwar l-ivvjaġġar huwa l-kompetenza tal-Istati Membri, li jiskambjaw informazzjoni dwar il-parir li joħorġu permezz tan-network Konsulari OnLine (CoOL). Matul il-pandemija tal-COVID-19, l-Istati Membri ħarġu pariri dwar l-ivvjaġġar mhux biss fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll fir-rigward ta’ Stati Membri oħra, li tipikament jiskoraġġixxu l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu. Inizjalment, inħarġu twissijiet jew pariri nazzjonali dwar l-ivvjaġġar b’mod mhux ikkoordinat. Dan ikkawża inċertezzi għan-negozji tal-ivvjaġġar u għall-konsumaturi, speċjalment f’sitwazzjonijiet transfruntieri, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Fit-13 ta’ Ottubru 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19. Għalkemm ma indirizzawx direttament il-pariri dwar l-ivvjaġġar, l-Istati Membri qablu dwar mappa komuni dwar il-livell ta’ riskju tal-COVID-19 fl-UE, ippubblikata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard. Barra minn hekk, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jipprovdu informazzjoni ċara u f’waqtha lill-pubbliku, fost l-oħrajn, permezz tal-pjattaforma Re-open EU. Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, il-Kunsill emenda r-Rakkomandazzjoni fl-1 ta’ Frar 2021.
5.2.4.Kupuni
Għall-kuntrarju tar-Regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, il-PTD ma tipprevedix b’mod espliċitu l-possibbiltà li jsiru rifużjonijiet fil-forma ta’ kupun. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha (UE) 2020/648, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-organizzaturi jistgħu jipproponu kupuni bħala alternattiva għar-rimborż fi flus, soġġett għall-aċċettazzjoni volontarja tal-vjaġġatur, fil-każ ta’ kanċellazzjonijiet(ara t-taqsima 5.1.1. hawn fuq).
Il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Latvja u Ċipru adottaw regoli nazzjonali li jistabbilixxu qafas legali għal kupuni proposti biex jiġu aċċettati volontarjament mill-vjaġġatuti fis-settur tal-pakketti tal-ivvjaġġar skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni kontra l-insolvenza tal-emittent. L-Italja u l-Greċja segwew partijiet mir-Rakkomandazzjoni meta emendaw il-liġijiet tagħhom wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ ksur. Spanja emendat il-leġiżlazzjoni tagħha biex tipprevjeni l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ ksur. L-Irlanda introduċiet noti ta’ kreditu ta’ rifużjoni garantiti mill-Istat li jistgħu jiġu offruti lill-konsumaturi ta’ operaturi turistiċi u aġenti tal-ivvjaġġar li joperaw fl-Irlanda minflok rifużjoni ta’ flus, jekk il-konsumatur jaqbel.
Il-Kummissjoni ddikjarat b’mod ċar li d-dritt tal-vjaġġaturi għar-rimborż kif previst mill-PTD kellu jiġi rrispettat u qieset li l-kupuni huma soluzzjoni aċċettabbli biss jekk l-aċċettazzjoni tagħhom tkun b’għażla tal-vjaġġatur.
5.2.5.Protezzjoni mill-insolvenza
Qamet il-kwistjoni dwar jekk il-pretensjonijiet pendenti għar-rimborżi minn vjaġġaturi kinux koperti mis-sistemi ta’ protezzjoni mill-insolvenza pprovduti skont il-PTD. L-Artikolu 17(1) tal-PTD jeħtieġ li l-organizzaturi jagħtu garanzija għar-rifużjoni tal-pagamenti kollha li jsiru mill-vjaġġatur “sa fejn is-servizzi rilevanti ma jitwettqux bħala konsegwenza tal-insolvenza ta' tali organizzatur”. Il-Kummissjoni qieset fir-Rakkomandazzjoni 2020/648 tagħha li, jekk l-organizzaturi jsiru insolventi, hemm riskju li ħafna vjaġġaturi ma jirċievu l-ebda rifużjoni, peress li l-pretensjonijiet tagħhom kontra l-organizzaturi mhumiex protetti.
Madankollu, ir-rappreżentanti tal-fondi ta’ garanzija tal-ivjaġġar wissew li xi fornituri tal-protezzjoni jistgħu jispiċċaw taħt pressjoni ulterjuri sinifikanti fix-xhur li ġejjin, jekk ikollhom jidħlu biex jirrimborżaw il-kupuni maħruġa mill-organizzaturi li qegħdin ifallu f’numri kbar. Dan huwa speċjalment il-każ fl-Istati Membri li jobbligaw lill-fornituri eżistenti tal-protezzjoni mill-insolvenza jkopru l-kupuni mingħajr miżuri ta’ appoġġ. Tista’ tqum il-kwistjoni dwar jekk ir-rifużjonijiet jistgħux ikunu limitati fid-dawl tal-premessa 40 tal-PTD li tipprovdi li “riskji remoti ħafna” ma għandhomx għalfejn jitqiesu għal protezzjoni effettiva mill-insolvenza.
Fil-kuntest tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u xi Stati Membri ssuġġerew li l-PTD jenħtieġ jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-pretensjonijiet ta’ rifużjoni tal-konsumaturi jiġu protetti wkoll f’sitwazzjonijiet fejn il-kuntratt ta’ pakkett ta’ vjaġġar ikun ġie tterminat għal raġunijiet mhux relatati mal-insolvenza tal-organizzatur, bħal minħabba ċirkostanzi inevitabbli u straordinarji.
5.2.6.Assigurazzjoni
Ir-riskji relatati mal-pandemiji spiss jiġu esklużi mill-poloz tal-assigurazzjoni, b’mod partikolari l-assigurazzjoni ta’ kanċellazzjoni tal-ivvjaġġar. Dan jillimita l-possibbiltà li l-vjaġġaturi jassiguraw ruħhom kontra telf possibbli minħabba kanċellazzjoni ta’ vjaġġ ikkawżat minn pandemija.
Xi partijiet ikkonċernati fin-negozju tal-ivvjaġġar issuġġerew li l-organizzaturi għandhom jitħallew jinkludu assigurazzjoni tal-ivvjaġġar personali xierqa f’pakkett b’għażla ta’ inklużjoni/esklużjoni. Fil-grupp tal-partijiet ikkonċernati, madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi saħqu li kwalunkwe assigurazzjoni li ssir mill-vjaġġaturi nfushom ma għandha bl-ebda mod tillimita d-drittijiet ta’ rifużjoni tal-vjaġġaturi eżistenti u l-protezzjoni taħt il-protezzjoni obbligatorja tal-insolvenza.
6.Passi li jmiss
Il-kwistjonijiet deskritti f’dan ir-rapport, b’mod partikolari fit-taqsimiet 3.2, 4 u 5, u l-konsegwenzi prattiċi tagħhom jeħtieġu analiżi ulterjuri. B’mod partikolari, l-impatt sħiħ tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-settur u fuq il-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur għandhom jiġu evalwati aktar.
Kif imħabbar fl-Aġenda Ġdida tal-Konsumatur, li tibni fuq is-sejbiet ta’ dan ir-rapport, sal-2022 il-Kummissjoni se twettaq “analiżi aktar fil-fond dwar jekk il-qafas regolatorju attwali għall-pakketti tal-ivvjaġġar fir-rigward tal- protezzjoni mill-insolvenza, għadux biżżejjed biex jiżgura protezzjoni tal-konsumatur robusta u komprensiva f’kull ħin, filwaqt li jitqiesu wkoll l-iżviluppi fil-qasam tad-drittijiet tal-passiġġieri”. L-analiżi fil-fond li jmiss ippjanata għall-2022 mhux se timmira li tnaqqas il-protezzjoni tal-konsumatur. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni se tivvaluta kif jista’ jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur ipprovdut mill-PTD, kif id-drittijiet tal-konsumaturi jistgħu jiġu infurzati b’mod effettiv f’kull ħin u kif kondiviżjoni aktar ġusta tal-piż fost l-operaturi ekonomiċi tul il-katina tal-valur tista’ tikkontribwixxi għal dan l-objettiv.
Din l-azzjoni taħt l-Aġenda tal-Konsumatur se tqis l-azzjonijiet rilevanti mħabbra fl-Istrateġija għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti. Dawn l-azzjonijiet jinkludu (1) ir-rieżami tal-qafas regolatorju tad-drittijiet tal-passiġġieri, inkluż biex tiġi żgurata r-reżiljenza tiegħu għal interruzzjonijiet estensivi tal-ivvjaġġar u għażliet għal biljetti multimodali u (2) il-valutazzjoni tal-għażliet, kif ukoll, jekk ikun xieraq, il-proposta għal skema ta’ protezzjoni finanzjarja adegwata biex tipproteġi lill-passiġġieri kontra r-riskju ta’ kriżi ta’ likwidità jew insolvenza fir-rigward tar-rimborż tal-biljetti u jekk ikun meħtieġ ir-ripatrijazzjoni tagħhom sal-2022.
Għal dak l-għan, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk id-differenzi bejn il-PTD u r-Regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward tal-protezzjoni mill-insolvenza u d-drittijiet ta’ kanċellazzjoni humiex ġustifikati jew jekk ir-regoli għandhomx ikunu aktar allinjati u jekk għandhomx jiġu proposti regoli speċifiċi għal sitwazzjonijiet bħall-COVID-19, bl-għan li l-konsumaturi jiġu protetti aħjar.