IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.9.2020
SWD(2020) 317 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt
Kapitolu għall-pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f'Malta
Li jakkumpanja d-dokument
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt
Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea
{COM(2020) 580 final} - {SWD(2020) 300 final} - {SWD(2020) 301 final} - {SWD(2020) 302 final} - {SWD(2020) 303 final} - {SWD(2020) 304 final} - {SWD(2020) 305 final} - {SWD(2020) 306 final} - {SWD(2020) 307 final} - {SWD(2020) 308 final} - {SWD(2020) 309 final} - {SWD(2020) 310 final} - {SWD(2020) 311 final} - {SWD(2020) 312 final} - {SWD(2020) 313 final} - {SWD(2020) 314 final} - {SWD(2020) 315 final} - {SWD(2020) 316 final} - {SWD(2020) 318 final} - {SWD(2020) 319 final} - {SWD(2020) 320 final} - {SWD(2020) 321 final} - {SWD(2020) 322 final} - {SWD(2020) 323 final} - {SWD(2020) 324 final} - {SWD(2020) 325 final} - {SWD(2020) 326 final}
Riassunt
Għadd ta’ riformi sinifikanti tas-sistema tal-ġustizzja Maltija reċentement ġew adottati b’mod unanimu mill-Parlament. B’mod partikolari, ir-riformi tas-sistema tal-ħatriet ġudizzjarji u tal-proċedimenti dixxiplinari għandhom l-għan li jtejbu l-kontrolli u l-bilanċi billi jillimitaw ir-rwol tal-Prim Ministru u tal-Parlament. Dawn ir-riformi għandhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza ġudizzjarja u s-sistema ta’ separazzjoni tas-setgħat u li jwieġbu għal xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja ta’ Diċembru 2018 u għar-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni ta’ Venezja b’mod ġenerali laqgħet il-pjanijiet għar-riformi u bħalissa qed tħejji opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ta’ dawn ir-riformi. Qed jitwaqqaf Servizz tal-Prosekuzzjoni taħt l-awtorità tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u separat għal kollox mill-Avukat tal-Istat. Fir-rigward tal-effiċjenza tas-sistema tal-ġustizzja, għad hemm tħassib importanti, u l-proċedimenti ġudizzjarji huma twal ħafna fil-livelli kollha u fil-kategoriji kollha tal-kawżi.
Ġew żvelati mudelli ta’ korruzzjoni profonda u dawn qajmu talba pubblika qawwija għal kapaċità msaħħa b’mod sinifikanti biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni u għal riformi usa’ tal-istat tad-dritt. Hemm nuqqas ta’ rekord ta’ kundanni f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Tnieda proġett ta’ riforma wiesgħa biex jiġu indirizzati l-lakuni u jissaħħaħ il-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni, inkluż l-infurzar tal-liġi u l-prosekuzzjoni. Ir-riforma tinkludi regoli ġodda dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija, it-trasferiment tar-responsabbiltajiet tal-prosekuzzjoni - inkluż għal każijiet relatati mal-korruzzjoni - mill-pulizija lill-Avukat Ġenerali, riforma tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, u dispożizzjonijiet ġodda li jippermettu appelli kontra n-nuqqas ta’ prosekuzzjoni mill-Avukat Ġenerali. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn ir-riformi se turi l-punt sa fejn ġew indirizzati r-rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni ta’ Venezja u l-GRECO, flimkien ma’ dawk mill-Kummissjoni Ewropea.
Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tipprovdi għal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media. L-assassinju tal-ġurnalista investigattiva ewlenija f’Malta, Daphne Caruana Galizia f’Ottubru 2017 kien ġeneralment meqjus bħala attakk fuq il-libertà tal-espressjoni u ħoloq tħassib dwar il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti f’Malta. Oqsma oħra ta’ tħassib jinkludu l-indipendenza effettiva tar-regolatur tal-media, kif ukoll it-theddid legali u online għall-ġurnalisti investigattivi. Is-sjieda, il-kontroll jew il-ġestjoni miż-żewġ partiti politiċi ewlenin rappreżentati fil-Parlament ta’ diversi mezzi tal-media u xandara Maltin għad għandhom impatt sinifikanti fuq ix-xena tal-media Maltija.
Fir-rigward tal-kontrolli u l-bilanċi, il-Parlament reċentement adotta għadd ta’ riformi. B’mod partikolari, ġew adottati regoli ġodda dwar l-elezzjoni u t-tneħħija tal-President tar-Repubblika, kif ukoll riformi li jsaħħu r-rwol tal-Ombudsman. Kienu ppreżentati abbozzi ta’ leġiżlazzjoni oħra biex jiġi limitat ir-rwol tal-Prim Ministru fil-ħatra ta’ għadd ta’ kummissjonijiet indipendenti. Dawn ir-riformi għandhom l-għan li jsaħħu s-sistema ġenerali ta’ kontrolli u bilanċi, u li jwieġbu għal xi wħud mir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kummissjoni ta’ Venezja, li qed tħejji wkoll opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ta’ dawn ir-riformi. Qed tiġi kkunsidrata l-ħtieġa għal riformi kostituzzjonali possibbli oħra, inkluż dwar il-funzjonament tal-Parlament. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed ikollhom rwol dejjem akbar fid-dibattitu pubbliku.
I.Is-Sistema tal-Ġustizzja
Is-sistema tal-ġustizzja Maltija hija influwenzata kemm mit-tradizzjonijiet legali kontinentali kif ukoll minn dawk tad-dritt komuni. Il-qrati huma maqsuma fi qrati Superjuri u Inferjuri. Il-qrati superjuri huma magħmula minn imħallfin u jinkludu l-Qorti Ċivili, il-Qorti Kriminali, il-Qorti tal-Appell, il-Qorti tal-Appell Kriminali u l-Qorti Kostituzzjonali. Il-Qrati Inferjuri huma magħmula minn maġistrati u jinkludu l-Qorti tal-Maġistrati (Malta) u l-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex). Il-ġudikatura hija mmexxija mill-Prim Imħallef li jippresjedi wkoll il-Qorti Kostituzzjonali. L-indipendenza ġudizzjarja hija minquxa fil-Kostituzzjoni, li tiggarantixxi s-sigurtà tal-kariga tal-imħallfin u tal-maġistrati. Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tissorvelja x-xogħol tal-ġudikatura. Jeżistu numru ta’ tribunali speċjalizzati, li jaġġudikaw f’oqsma speċifiċi. Qed jitwaqqaf servizz tal-Prosekuzzjoni kompletament separat. Il-Kamra tal-Avukati hija l-korp professjonali indipendenti u awtoregolat tal-avukati. F’Lulju 2020, il-Parlament adotta għadd ta’ riformi kostituzzjonali fil-qasam tal-ġustizzja.
Indipendenza
Ir-riforma tas-sistema tal-ħatriet tal-imħallfin u l-maġistrati ġiet adottata f’Lulju 2020. Fir-rebbiegħa tal-2020, il-Gvern ippreżenta sensiela ta’ proposti għar-riformi, inkluż fir-rigward tas-sistema tal-ħatriet ġudizzjarji, bil-ħsieb li jiġu indirizzati r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni ta’ Venezja f’Diċembru 2018. Fid-29 ta’ Lulju 2020, il-Parlament adotta abbozz ta’ leġiżlazzjoni li temenda l-Kostituzzjoni. Dawn il-proposti kollha ġew diskussi u vvalutati mill-Kummissjoni ta’ Venezja, li l-opinjoni tagħha dwar it-testi leġiżlattivi madankollu għadha pendenti. Fil-qafas preċedenti, il-ħatra tal-imħallfin u l-maġistrati kienet issir mill-President ta’ Malta “li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru”. Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji kien jistabbilixxi jekk il-kandidati kinux jissodisfaw il-kriterji għal ħatra ġudizzjarja, iżda ma kienx jikklassifika lill-kandidati jew jesprimi xi preferenza għal kandidat. Ir-rwol tal-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji kien li jidentifika grupp ta’ kandidati għall-ġudikatura, li minnhom il-Prim Ministru kellu d-diskrezzjoni li jagħżel kandidati biex jinħatru bħala mħallfin jew maġistrati, filwaqt li r-rwol tal-President kien purament formali. Skont il-leġiżlazzjoni l-ġdida adottata mill-Parlament, ġiet riveduta l-kompożizzjoni tal-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji, fejn aktar minn nofs il-membri tagħha issa jappartjenu għall-ġudikatura. Se jiġu ppubblikati sejħiet għal postijiet ġudizzjarji battala individwali. Il-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji se jipproponi t-tliet kandidati l-aktar xierqa għal post vakanti direttament lill-President tar-Repubblika, li jagħżel l-imħallfin jew il-maġistrati mill-ismijiet tal-kandidati riferuti lilu. Il-kriterji tal-evalwazzjoni ġew stabbiliti fil-Kostituzzjoni. Dawn ir-riformi jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja, b’kont meħud tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa. Din il-kwistjoni tqajmet ukoll mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kunsill f’rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2020, kif ukoll mill-Parlament Ewropew. Fl-opinjoni tagħha tad-19 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ta’ Venezja laqgħet b’mod ġenerali l-pjanijiet għal riformi dwar il-ħatriet ġudizzjarji, filwaqt li fakkret fil-ħtieġa għal aktar passi biex tinkiseb sistema globali adegwata ta’ kontrolli u bilanċi skont l-Opinjoni tagħha ta’ Diċembru 2018. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ta’ Venezja bħalissa qed tħejji opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ta’ dawn ir-riformi. Rigward il-Prim Imħallef, skont ir-riforma, il-ħatra għandha ssir bl-appoġġ ta’ żewġ terzi tal-membri parlamentari, mingħajr l-involviment tal-ġudikatura jew tal-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji. Minħabba r-rwoli varji tal-Prim Imħallef (il-President tal-Qorti Kostituzzjonali, il-President tal-Qorti tal-Appell, li jippresedi ż-żewġ panels ta’ appell), kif ukoll ir-responsabbiltajiet importanti tal-Prim Imħallef fl-amministrazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja (President tal-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji, membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja responsabbli għad-dixxiplina ġudizzjarja), il-Kummissjoni ta’ Venezja enfasizzat l-importanza li l-ħatra tal-Prim Imħallef tiġi depolitiċizzata kemm jista’ jkun.
Il-Parlament adotta wkoll ir-riforma fir-rigward tal-proċedura għat-tkeċċija tal-imħallfin u l-maġistrati. Fil-qafas preċedenti, deċiżjonijiet dwar it-tneħħija mill-kariga ta’ mħallfin u ta’ maġistrati kienu f’idejn il-Parlament. Il-Kummissjoni ta’ Venezja rrakkomandat li l-proċedura tiġi ddepolitiċizzata. Skont ir-riformi, deċiżjonijiet dwar it-tneħħija mill-kariga ta’ mħallfin u maġistrati se jkunu l-prerogattiva tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, b’maġġoranza magħmula minn membri tal-ġudikatura. Il-Parlament mhux se jibqa’ jkun involut f’deċiżjonijiet dwar it-tneħħija mill-kariga ta’ mħallfin jew ta’ maġistrati. Barra minn hekk, ir-riformi jipprevedu appelli lill-Qorti Kostituzzjonali kontra t-tkeċċijiet. Dawn ir-riformi jsaħħu l-indipendenza ġudizzjarja, b’kont meħud tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa
. Fl-opinjoni tagħha ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ta’ Venezja laqgħet il-pjanijiet għar-riformi u bħalissa qed tħejji opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ta’ dawn ir-riformi.
Il-livell ta’ perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja huwa bejn wieħed u ieħor medju. Dan japplika kemm għall-perċezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja fost il-pubbliku ġenerali (52 % pjuttost tajba jew tajba ħafna), kif ukoll għall-perċezzjoni fost il-kumpaniji (48 % pjuttost tajba jew tajba ħafna).
Qed jitwaqqaf servizz tal-Prosekuzzjoni kompletament separat. Sa dan l-aħħar, il-maġġoranza tal-prosekuzzjonijiet kienu jitwettqu mill-pulizija, filwaqt li l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien jieħu passi direttament kontra l-aktar reati serji biss. Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali kien qed jgħaqqad il-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni mar-rwol ta’ konsulent legali mal-Gvern, u jirrappreżenta lill-Istat fil-proċedimenti ġudizzjarji, li kien iqajjem tħassib rigward is-separazzjoni tas-setgħat. Fl-2019, il-Gvern ħabbar l-intenzjoni tiegħu li joħloq Servizz ta’ Prosekuzzjoni separat, b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Bħala l-ewwel pass, l-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat inħoloq biex jieħu f’idejh il-funzjonijiet mhux ta’ prosekuzzjoni li l-Avukat Ġenerali kien iwettaq fil-passat. L-Avukat tal-Istat jaġixxi bħala l-konsulent legali tal-Gvern. L-Avukat Ġenerali se jkun responsabbli għall-prosekuzzjoni tar-reati kollha. Il-Gvern qed jippjana li jippreżenta Abbozz fil-Parlament f’Ottubru 2020 biex jestendi wkoll il-funzjonijiet ta’ prosekuzzjoni tal-Avukat Ġenerali għal reati inqas serji. It-trasferiment tal-każijiet mill-pulizija lis-Servizz tal-Prosekuzzjoni se jseħħ gradwalment, b’bidu mis-sajf tal-2020, u eventwalment għandu jirriżulta fi trasferiment tal-prosekuzzjonijiet kollha lill-Avukat Ġenerali. Għalhekk, se jkun meħtieġ aktar żmien qabel ma r-riformi tas-Servizz ta’ Prosekuzzjoni jkunu jistgħu jsiru effettivi b’mod sħiħ. Fir-rigward tal-Avukat Ġenerali, f’Lulju 2019, il-Parlament ippromulga liġi li tipprevedi proċedura ta’ ħatra ġdida. Il-liġi tirrikjedi li l-Prim Ministru jagħti kunsiderazzjoni xierqa lir-rakkomandazzjonijiet ta’ Kummissjoni għall-Ħatra meta jiddeċiedi dwar ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-President skont l-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni għall-ħatra tal-Avukat Ġenerali. F’konformità mal-proċedura l-ġdida, fit-8 ta’ Settembru 2020, il-Prim Ministru aċċetta l-kandidat irrakkomandat mill-Kummissjoni għall-Ħatriet bħala l-Avukat Ġenerali ta’ Malta. Dawn il-bidliet iżidu kontrolli u bilanċi meta mqabbla mal-proċedura ta’ ħatra preċedenti. Fil-prattika, il-ħatra tal-Avukat Ġenerali għadha fil-biċċa l-kbira taħt is-setgħa tal-Prim Ministru, u din tqajmet bħala kwistjoni.
Għadd kbir ta’ tribunali speċjalizzati joperaw f’oqsma differenti. Dawn it-tribunali jinkludu l-Bord tal-Appelli dwar ir-Rifuġjati, l-Environment and Planning Review Tribunal, il-Consumer Claims Tribunal, il-Competition and Consumer Appeals Tribunal, l-Industrial Tribunal, it-Tribunal tal-Appelli dwar l-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, il-Mental Health Review Tribunal, il-Patent Tribunal, it-Tribunal ta’ Appelli dwar il-Liċenzji tal-Pulizija, il-Panels fit-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u l-Prison Appeals Tribunal. Il-Kummissjoni ta’ Venezja qajmet tħassib dwar dawn it-tribunali speċjalizzati, meta jitqies li dawn ma jgawdux l-istess livell ta’ indipendenza bħal dak tal-ġudikatura ordinarja.
Kwalità
Ġew adottati xi miżuri biex titjieb il-kwalità tas-sistema tal-ġustizzja. B’mod partikolari, ittieħdu l-miżuri li ġejjin immirati lejn it-titjib ulterjuri tal-użu tal-għodod tal-IT fil-qrati: (i) il-preżentazzjoni elettronika u l-ħlas elettroniku tal-miżati qed jiġu estiżi għal aktar qrati ċivili; (ii) aċċess online b’xejn garantit liċ-ċittadini u lill-professjonisti legali sabiex dawn jaraw l-atti relatati mal-kawżi tagħhom; u (iii) inħolqot il-pjattaforma tal-Qrati elettroniċi, li toffri għadd ta’ servizzi relatati mal-ġustizzja lill-pubbliku ġenerali u lill-professjonisti legali. Qed jitħejjew strateġija diġitali u pjan ta’ azzjoni mill-Gvern biex jissaħħaħ l-użu tat-teknoloġija fis-sistema tal-ġustizzja. Fir-rigward tat-taħriġ ġudizzjarju, żdied il-baġit għall-Kumitat tal-Istudji Ġudizzjarji, li jippermetti l-espansjoni tal-firxa u l-kwalità tas-servizzi ta’ taħriġ. L-ebda taħriġ ġudizzjarju ma ġie rreġistrat fl-2018 fir-rigward ta’ għadd ta’ ħiliet ġudizzjarji importanti. In-nuqqas ta’ taħriġ dwar l-etika ġudizzjarja għadu problema.
Is-sistema ta’ allokazzjoni tal-kawżi qed tiġi rieżaminata. Fil-qafas attwali, ir-reġistratur jassenja l-każijiet skont l-istruzzjonijiet li jagħtih il-Prim Imħallef. L-għan tar-reviżjoni huwa li tiġi stabbilita sistema ġdida li tirrifletti l-kumplessità ta’ każijiet irreġistrati, li tippermetti distribuzzjoni aħjar tal-ammont ta’ kawżi u li żżid il-livell ta’ effiċjenza.
Effiċjenza
It-tul tal-proċedimenti tal-qorti għadu fost l-itwal fl-UE. Minkejja xi titjib f’dawn l-aħħar snin, it-tul tal-proċedimenti fil-livelli kollha u fil-kategoriji kollha tal-kawżi għadu twil ħafna. Għall-kawżi ċivili u kummerċjali kontenzjużi fl-ewwel istanza, il-qrati fl-2018 kienu jeħtieġu 440 jum biex ilestu kawża bħala medja, li huwa fost l-itwal tul ta’ żmien għal kawżi fl-UE
. Dan ikompli jiġi aggravat minn proċedimenti twal fit-tieni istanza (medja ta’ 1 120 jum). Bl-istess mod, it-tul tal-proċedimenti fil-qrati amministrattivi għadu ta’ tħassib (medja ta’ 1 057 jum), minkejja xi titjib f’dawn l-aħħar snin. Ir-rati tal-ikklerjar jindikaw ukoll li l-qrati attwalment qed joperaw fil-limitu tal-kapaċitajiet tagħhom
, u Malta hija fost l-Istati Membri bl-inqas għadd ta’ mħallfin per capita. It-tul medju ta’ każijiet tal-ewwel istanza ta’ ħasil tal-flus (aktar minn 2 000 jum) huwa wkoll ta’ tħassib partikolari u kompla jiddeterjora fl-2018. Il-qrati ngħalqu u l-limiti ta’ żmien ġew sospiżi mis-16 ta’ Marzu 2020 b’ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika bħala parti mill-miżuri ta’ emerġenza biex tiġi affaċċjata l-pandemija tal-COVID-19. Fil-5 ta’ Ġunju 2020, dan id-digriet tħassar.
II. Qafas kontra l-korruzzjoni
Il-qafas istituzzjonali kontra l-korruzzjoni jikkonsisti minn diversi awtoritajiet. Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni hija responsabbli mill-prevenzjoni tal-korruzzjoni u twettaq investigazzjonijiet amministrattivi dwar prattiki korrotti. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jista’ jikkunsidra jekk il-ministri, is-segretarji parlamentari jew il-membri l-oħra tal-Parlament aġixxewx b’modi li huma kontra l-liġi, bi ksur ta’ kwalunkwe dmir etiku jew dmir ieħor, jew li jikkostitwixxu abbuż ta’ poter. L-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni sa issa kienu fil-biċċa l-kbira taħt ir-responsabbiltà tal-Pulizija (l-Iskwadra kontra Reati Ekonomiċi); madankollu, bħala riżultat tar-riformi li għaddejjin bħalissa (ara t-Taqsima I), l-Avukat Ġenerali se jieħu f’idejh il-prosekuzzjoni tar-reati kollha li jġorru kundanna ta’ aktar minn sentejn ħabs, inklużi l-kriminalità ekonomika, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus. Korpi oħra involuti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma l-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (Financial Intelligence Analysis Unit, FIAU) u d-Dipartiment tal-Awditjar Intern u l-Investigazzjonijiet. Dan tal-aħħar iwettaq awditi interni u investigazzjonijiet fid-dipartimenti u l-aġenziji governattivi kollha. Ir-reati ta’ korruzzjoni huma inklużi fil-Kodiċi Kriminali. F’Lulju 2020, il-Parlament adotta għadd ta’ riformi fir-rigward tal-qafas ta’ kontra l-korruzzjoni. L-investigazzjoni u inkjesta pubblika separata li jinsabu għaddejjin dwar il-qtil tal-ġurnalista investigattiva
Daphne Caruana Galizia
wrew xejriet ta’ korruzzjoni profondi u ħolqu domanda soċjetali b’saħħitha biex tissaħħaħ b’mod sinifikanti l-kapaċità li tiġi indirizzata l-korruzzjoni u riforma usa’ tal-istat tad-dritt.
Malta għandha punteġġ ta’ 54/100 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni ta’ Transparency International (Transparency International Corruption Perception Index) u tinsab fl-erbatax-il post fl-UE u fil-ħamsin post madwar id-dinja
. Daqs 89 % tar-rispondenti Maltin għal stħarriġ tal-Ewrobarometru għandhom il-perċezzjoni li l-korruzzjoni f’Malta hija mifruxa (il-medja tal-UE: 71 %) u 54 % tan-nies iħossuhom personalment affettwati mill-korruzzjoni fil-ħajja ta’ kuljum tagħhom (il-medja tal-UE: 26 %). Fir-rigward tan-negozji, 76 % tal-kumpaniji jqisu li l-korruzzjoni hija mifruxa (il-medja tal-UE: 63 %), filwaqt li 60 % tal-kumpaniji jqisu li l-korruzzjoni hija problema meta jsir in-negozju (il-medja tal-UE: 37 %). Fl-istess ħin, 37 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li hemm biżżejjed prosekuzzjonijiet li rnexxew biex jiskoraġġixxu lill-persuni minn prattiki korrotti (il-medja tal-UE: 36 %) filwaqt li 45 % tal-kumpaniji jqisu li l-persuni u n-negozji li jinqabdu jxaħħmu uffiċjal għoli jiġu kkastigati b’mod xieraq (il-medja tal-UE: 31 %)
.
Ġew adottati bidliet fir-rigward tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (Permanent Commission Against Corruption, PCAC) li jindirizzaw id-dgħufijiet strutturali, u jnaqqsu r-rwol tal-Prim Ministru fil-ħatra tal-membri tagħha. Il-PCAC hija responsabbli għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni u l-inkjesti amministrattivi f’rapporti relatati mal-korruzzjoni. Hija twettaq investigazzjonijiet bl-inizjattiva tagħha stess jew wara li tirċievi rapporti. Fis-sistema preċedenti, il-PCAC kienet tirrapporta s-sejbiet investigattivi tagħha lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-liġi ma kinitx teħtieġ infurzar ta’ segwitu jew prosekuzzjoni. Bħala tħassib tqajjem ukoll it-trasparenza dwar liema kienu l-każijiet li l-PCAC investigat u liema rakkomandazzjonijiet kienu saru. Il-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissjoni ta’ Venezja u l-GRECO esprimew tħassib dwar l-effettività limitata tagħha fir-rigward tal-investigazzjonijiet, kif ukoll rigward id-dipendenza tal-ħatra tal-membri tal-PCAC fuq il-Prim Ministru. Fir-rebbiegħa 2020 l-Gvern ippreżenta proposti biex tinbidel il-proċedura tal-ħatra. Dawn il-proposti ġew adottati mill-Parlament fid-29 ta’ Lulju 2020. Skont il-proċedura l-ġdida, il-president tal-PCAC għandu jinħatar mill-President tar-Repubblika, li jaġixxi skont riżoluzzjoni ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi mill-Parlament. Iż-żewġ membri l-oħra tal-PCAC li jifdal għandhom jinħatru mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru, u skont il-parir tal-Kap tal-Oppożizzjoni, rispettivament. Skont ir-regoli l-ġodda, il-kompetenzi investigattivi tal-PCAC huma estiżi biex ikopru firxa usa’ ta’ prattiki korrotti. B’mod partikolari, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tipprevedi li fejn, fl-opinjoni tal-PCAC, l-imġiba investigata tkun korrotta jew tkun konnessa ma’ prattiki korrotti jew twassal għalihom, ir-rapport tar-riżultati tal-investigazzjoni għandu jiġi trażmess lill-Avukat Ġenerali. Permezz tal-bidliet, il-PCAC flimkien mal-Ombudsman, il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Awditur Ġenerali, se jkunu jistgħu jappellaw kontra deċiżjoni min-naħa tal-Avukat Ġenerali li ma jipproċedix. Madankollu, il-mezzi tal-PCAC jibqgħu limitati, u dan ipoġġi f’dubju l-kapaċità tiegħu li jwettaq inkjesti li jħallu impatt. Il-Kummissjoni ta’ Venezja laqgħet il-pjanijiet għar-riformi fl-Opinjoni tagħha ta’ Ġunju 2020 u bħalissa qed tħejji opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ta’ dawn ir-riformi.
It-trattament ta’ każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli jippreżenta nuqqasijiet. B’mod partikolari, fajls kriminali kontra detenturi ta’ funzjonijiet eżekuttivi ewlenin allegatament għadhom fl-istadji bikrija ta’ proċedimenti kriminali. Minkejja l-għoti ta’ evidenza ġdida f’każijiet bħal dawn, għadu mhux ċar jekk il-proċessi investigattivi rilevanti ġewx inizjati
. Il-prosekuzzjonijiet fir-rigward ta’ reati relatati mal-korruzzjoni jitwettqu mill-uffiċjali tal-Iskwadra kontra Reati Ekonomiċi fil-Pulizija Eżekuttiva ta’ Malta. Kif innutat fir-Rapport tal-Pajjiż tas-Semestru Ewropew tal-2020 u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-investigazzjonijiet mill-Pulizija ġew ikkunsidrati frammentarji u d-delitti marbuta mal-korruzzjoni u l-abbuż tal-poter ma ġewx imħarrka b’mod effettiv. Skont l-awtoritajiet, fl-2019, ġie rrappurtat li hemm seba’ investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin dwar il-korruzzjoni li tinvolvi uffiċjali pubbliċi, li tnejn minnhom kienu jikkonċernaw każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Filwaqt li diġà jeżisti appell kontra n-nonprosekuzzjoni mill-Pulizija, ġiet introdotta dispożizzjoni ġdida li tippermetti appelli bħal dawn ukoll kontra n-nuqqas ta’ prosekuzzjoni mill-Avukat Ġenerali
.
Il-proċess tal-għażla u tal-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija ġie rriformat, kwistjoni li ġiet enfasizzata wkoll mill-Kummissjoni ta’ Venezja fl-Opinjoni tagħha ta’ Diċembru 2018. Fl-1 ta’ April 2020, il-Parlament qabel dwar abbozz ta’ liġi li jimmodifika l-proċess ta’ għażla u ta’ ħatra għall-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku se tkun meħtieġa twettaq sejħa pubblika b’mod kompletament indipendenti u awtonomu u se tipproponi żewġ kandidati lill-Kabinett tal-Ministri. Imbagħad il-Kabinett irid jagħżel kandidat wieħed minn fost iż-żewġ kandidati magħżula. Il-metodu li għadu kif ġie propost jipprevedi wkoll li l-persuni eventwalment magħżula jmorru quddiem il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi tal-Parlament sabiex jgħaddu mill-iskrutinju parlamentari.
Ir-riżorsi u l-kapaċità tal-Unità tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija ġew miżjuda. Bejn Diċembru 2019 u Settembru 2020, l-Unità tar-Reati Ekonomiċi kellha żieda sostanzjali fin-numru ta’ uffiċjali tal-pulizija: minn 58 għal 98. L-enfasi hija fuq oqsma li l-Pulizija ma kellhiex il-kapaċità li tittratta fil-passat, inklużi reati ekonomiċi u finanzjarji. Oqsma oħra fejn il-kapaċità hija mistennija li tiżdied huma kapaċitajiet ta’ analiżi tal-blockchain, titjib tal-għodda tal-analiżi tal-intelligence u aċċess għal bażijiet ta’ data addizzjonali.
L-Att dwar il-Protezzjoni ta’ Informatur daħal fis-seħħ fl-2013. Dan jinvolvi dispożizzjonijiet għal proċeduri, kemm fis-settur privat kif ukoll fl-amministrazzjoni pubblika, sabiex jiġu rrappurtati prattiki mhux xierqa. Kull impjegatur, inklużi l-Ministeri kollha, irid jidentifika uffiċjal tar-rapportar tal-iżvelar ta’ informazzjoni sabiex jirċievi rapporti minn impjegati li jkunu jixtiequ jagħmlu żvelar protett ta’ prattika mhux xierqa. Min-naħa tiegħu, l-uffiċjal tar-rapportar tal-iżvelar ta’ informazzjoni għandu jieħu azzjoni jew – fil-każ ta’ azzjonijiet li jammontaw għal reati kriminali – jirrapporta lill-Pulizija fi żmien raġonevoli. L-iżvelar ta’ informazzjoni protetta jista’ jiġi eżerċitat fuq kwistjonijiet li seħħew kemm qabel daħlet fis-seħħ il-liġi kif ukoll wara. Din il-leġiżlazzjoni tagħti protezzjoni lil dawk li jaġixxu in bona fide. Madankollu, l-għadd ta’ lmenti tal-informaturi sa issa huwa pjuttost limitat.
Kienu ppreżentati proposti rigward il-ħatra ta’ persuni li jeżerċitaw funzjonijiet eżekuttivi ewlenin. Kienu ppreżentati emendi sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, li hija korp kostituzzjonali indipendenti, tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-President tar-Repubblika għall-ħatra u t-tneħħija ta’ segretarji permanenti, fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ċari u stabbiliti minn qabel. Fir-rigward ta’ persuni ta’ fiduċja, kienu ppreżentati emendi fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u l-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika, li jistabbilixxu bażi ġuridika ċara għall-ħatra tagħhom. Dan isegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja u l-GRECO dwar is-segretarji permanenti
u l-persuni ta’ fiduċja
. Il-Kummissjoni ta’ Venezja bħalissa qed tħejji opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ppreżentati lill-Parlament.
Tnediet konsultazzjoni pubblika bil-ħsieb li jiġi introdott regolament dwar il-lobbying, li bħalissa huwa nieqes. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ppubblika dokument ta’ konsultazzjoni bi proposti għar-regolamentazzjoni tal-lobbying. Il-Kummissarju għandu l-intenzjoni li joħroġ rakkomandazzjonijiet għal bidliet fil-kodiċi tal-etika għall-Ministri u l-membri tal-Parlament, kif stabbilit fl-Att dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar stabbilixxa pjattaforma ta’ reġistru ta’ trasparenza, li diġà hija operattiva, bħala proġett pilota.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qajjem tħassib dwar il-kunflitti ta’ interess ta’ Membri tal-Parlament. Minn mindu l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika beda jiffunzjona fl-2018, qed jiġu skrutinizzati d-dikjarazzjonijiet tal-assi ta’ membri tal-Parlament. Dan huwa r-riżultat tal-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika, li daħal fis-seħħ fit-30 ta’ Ottubru 2018. Il-Kummissarju se jeżamina d-dikjarazzjonijiet u se jipproponi wkoll reviżjoni tad-dettalji li għandhom jiġu ppreżentati. Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ma jsirux pubbliċi, ħlief dawk li jappartjenu għall-Ministri u għas-Segretarji Parlamentari. Fir-rigward ta’ kunflitti ta’ interess, il-Kummissarju ħareġ deċiżjoni dwar ilment ippreżentat minn Membru tal-Parlament f’Lulju 2019 dwar il-kunflitt potenzjali ta’ interess ta’ Membri tal-Parlament li jkollhom karigi fis-settur pubbliku jew li jipprovdulu servizzi kuntrattwali. Fir-rapport tal-każ tiegħu, il-Kummissarju sab li żewġ terzi tal-Membri tal-Parlament li mhumiex ministri jew segretarji parlamentari għandhom ħatriet fis-settur pubbliku jew kuntratti miegħu u kkonkluda li l-impjieg tagħhom mill-Gvern huwa fundamentalment ħażin, u sejjaħ biex din il-prattika tispiċċa. Riforma possibbli tal-istatut tal-membri Parlamentari qed tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċess ta’ riforma kostituzzjonali. Fir-rigward ta’ persuni fdati b’funzjonijiet eżekuttivi ewlenin, bħal segretarji permanenti u persuni ta’ fiduċja, huma mhumiex suġġetti għall-istess obbligi dikjaratorji bħall-Membri tal-Parlament. Huma meħtieġa jippreżentaw l-informazzjoni bażika skont il-Kodiċi tal-Etika għall-impjegati pubbliċi mehmuża mal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika
. Il-persuni ta’ fiduċja huma soġġetti għall-iskrutinju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
.
III.Il-Pluraliżmu tal-Media
Il-libertà tal-espressjoni hija minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll fl-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea (il-Kapitolu 319 tal-liġijiet ta’ Malta). L-Att dwar il-Media u l-Malafama tal-14 ta’ Mejju 2018 ħassar l-Att dwar l-Istampa tal-1974, u ġab miegħu bidla radikali fil-liġijiet dwar il-malafama. L-indipendenza tal-Awtorità tax-Xandir hija garantita mill-Kostituzzjoni. Is-sjieda ta’ diversi mezzi tax-xandir miż-żewġ partiti politiċi ewlenin, jew il-kontroll editorjali tagħhom fuqhom, ikompli jsawwar ix-xenarju tal-media Maltija. L-assassinju tal-ġurnalista investigattiva, Daphne Caruana Galizia, f’Ottubru 2017 kien ġeneralment meqjus bħala attakk fuq il-libertà ta’ espressjoni u qajjem tħassib dwar il-libertà tal-media u s-sikurezza tal-ġurnalisti f’Malta.
L-indipendenza tal-Awtorità tax-Xandir hija garantita mill-Kostituzzjoni. Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ esklużjoni għall-membri tal-Awtorità tax-Xandir u l-mod tal-ħatra tagħhom. Kif speċifikat aktar fil-leġiżlazzjoni sekondarja, l-Awtorità hija entità korporattiva li għandha personalità ġuridika distinta, legalment u funzjonalment indipendenti mill-Gvern u kwalunkwe korp privat jew pubbliku ieħor. Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità jistgħu jiġu kkontestati quddiem il-Qorti tal-Appell kif ukoll quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. L-awtorità hija ffinanzjata mill-Fond Konsolidat tal-Istat, li jkopri s-salarji tal-impjegati. Barra minn hekk, l-Awtorità tiffinanzja l-ispejjeż tagħha mill-ġbir ta’ tariffi tal-liċenzji u multi imposti fuq ix-xandara.
Iż-żewġ membri l-oħra li jifdal tal-Awtorità tax-Xandir jinħatru mill-President, li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru mogħti wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni. L-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja tal-2020 (Media Pluralism Monitor, “MPM 2020”) jagħti punteġġ ta’ riskju medju għall-indipendenza u l-effettività tal-Awtorità tax-Xandir, billi l-ħames membri tal-bord huma maħtura b’mod politiku. Dawn intgħażlu miż-żewġ partiti politiċi ta’ Malta, filwaqt li ċ-chairperson ġeneralment jintgħażel bi ftehim reċiproku bejn dawn iż-żewġ partiti. L-MPM 2020 jindika li, effettivament, l-Awtorità prinċipalment timmonitorja u tirregola l-media tas-servizz pubbliku (jiġifieri l-Public Broadcasting Services (PBS)) filwaqt li de facto tippermetti liż-żewġ stabbilimenti ewlenin l-oħra tax-xandir - li huma proprjetà tal-Partit Laburista u tal-Partit Nazzjonalista rispettivament - “jibbilanċjaw lil xulxin editorjalment”. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (Audiovisual Media Services Directive, AVMSD) riveduta tistabbilixxi firxa ta’ garanziji speċifiċi għall-indipendenza u l-effikaċja tar-regolaturi tal-midja nazzjonali. Abbozz ta’ liġi li jittrasponi din id-Direttiva bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) twaqqaf fl-1989 bħala assoċjazzjoni li tlaqqa’ flimkien prattikanti tal-media. L-IĠM adotta Kodiċi tal-Etika Ġurnalistika u ssorvelja t-twaqqif ta’ Kummissjoni għall-Etika tal-Istampa (Press Ethics Commission, PEC) biex tittratta lmenti kontra ġurnalisti li jirriżultaw minn dan il-Kodiċi. L-IĠM kien strumentali fl-adozzjoni tal-emendi għall-Att ta’ Malta dwar l-Istampa li llum jinkorpora l-kunfidenzjalità tas-sorsi, il-privileġġ kwalifikat, id-dritt għall-informazzjoni u d-dritt ta’ tweġiba. L-MPM 2020 jindika li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li huwa l-unika organizzazzjoni ta’ ġurnalisti professjonali fil-pajjiż, ġeneralment ma jitqiesx li huwa effettiv fis-salvagwardja tal-indipendenza editorjali, u ma jidhirx li għandu vuċi b’saħħitha biżżejjed biex jiżgura l-benesseri ġenerali tal-membri tiegħu.
L-Awtorità tax-Xandir tiġbor informazzjoni dwar is-sjieda ta’ stabbilimenti tal-media, iżda ma hemm l-ebda obbligu li din tkun faċilment aċċessibbli għall-pubbliku. Dan jinkludi stazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni li huma proprjetà tal-partiti politiċi, li huma trattati bħala xandara kummerċjali. F’każijiet ta’ bidla fl-ishma tal-kumpanija tal-media, l-Awtorità trid tkun infurmata, u wara dan l-Awtorità twettaq eżami tad-diliġenza dovuta. Ir-reġistrazzjoni tal-kumpaniji u l-informazzjoni dwar is-sjieda hija disponibbli permezz tar-reġistru online miżmum mir-Reġistru Kummerċjali ta’ Malta. Ma jeżistu l-ebda obbligi legali speċifiċi għall-kumpaniji tal-media biex jippubblikaw l-istrutturi tas-sjieda tagħhom b’mod li jagħmlu din l-informazzjoni faċilment aċċessibbli għall-pubbliku. Barra minn hekk, filwaqt li l-Awtorità tax-Xandir għandha d-dritt li tikseb kwalunkwe tip ta’ informazzjoni li tqis meħtieġa mid-detenturi tal-liċenzja, l-Awtorità ma tippubblikax din l-informazzjoni. B’konsegwenza ta’ dan, għalkemm tiddikjara li l-pubbliku huwa konxju ta’ min huwa s-sid ta’ kumpaniji tal-media fil-pajjiż, l-MPM 2020 tqis li hemm riskju medju f’termini ta’ trasparenza tas-sjieda tal-media.
Il-partiti politiċi huma permessi espressament li jippossjedu jew jikkontrollaw servizzi tat-televiżjoni u tar-radju fil-pajjiż kollu, jew ikunu editorjalment responsabbli għalihom. Dan huwa minqux fl-Att dwar ix-Xandir. Iż-żewġ partiti politiċi ewlenin irrappreżentati fil-Parlament effettivament jippossjedu, jikkontrollaw jew jimmaniġġaw diversi mezzi tal-media u xandara Maltin. Dan iwassal lill-MPM 2020 biex jikkunsidra li l-indipendenza politika tal-media hija f’riskju għoli akut, filwaqt li jindika wkoll li “ma hemmx salvagwardji regolatorji komuni fir-rigward tal-ħatra jew it-tkeċċija ta’ edituri, u minn dan isegwi li, billi l-partiti politiċi stess għandhom diversi mezzi tax-xandir, l-influwenza politika f’tali ħatriet jew tkeċċijiet hija inevitabbli”.
Ma hemm l-ebda qafas legali li jirregola r-reklamar statali. Dan joħloq ċerti riskji ta’ abbuż kemm mill-Gvern kif ukoll minn politiċi individwali. Il-Gvern juża reklamar mill-Istat matul is-sena, iżda speċjalment matul ix-xhur li jwasslu għal elezzjoni, bħala forma ta’ reklamar politiku indirett. Inkjesta reċenti mill-Kummissarju Malti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonkludiet li hija prattika mifruxa għall-Ministri li jużaw ir-riżorsi pubbliċi fil-ġenerazzjoni tal-kontenut tal-paġni personali tagħhom tal-media soċjali . Għalhekk, il-Kummissarju ppropona linji gwida dwar l-użu tal-media soċjali mill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li, skont kif jiddikjara r-rapport tiegħu, il-gvern qabel li jintrabat bihom.. Fuq il-bażi ta’ dawn il-fatturi, l-MPM 2020 jindika riskju medju fir-rigward tar-regolamentazzjoni mill-Istat tar-riżorsi u l-appoġġ għas-settur tal-media.
L-att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni jistabbilixxi l-qafas legali għall-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet pubbliċi. L-att jistabbilixxi li ċittadini Maltin, ċittadini tal-UE u persuni li għexu f’Malta għal perjodu ta’ mill-inqas ħames snin huma eliġibbli biex jitolbu aċċess għal informazzjoni bħal din. Kull rifjut li jingħata aċċess irid ikun motivat u jista’ jiġi appellat. Madankollu, id-definizzjoni wiesgħa tar-raġunijiet għar-rifjut, kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi tal-proċedura spiss ifixklu l-aċċess għall-informazzjoni pubblika. Il-ġurnalisti rrappurtaw każijiet fejn iltaqgħu ma’ diffikultajiet meta talbu aċċess bħal dan, minħabba dewmien sinifikanti u nuqqas ta’ tweġiba. Għal dawn ir-raġunijiet, l-MPM 2020 jikklassifika l-aċċess għall-informazzjoni bħala li qiegħed f’riskju medju. Minħabba l-importanza ta’ dan id-dritt, dan huwa ta’ tħassib partikolari. Il-Gvern bħalissa qed jikkunsidra triq ’il quddiem possibbli għall-eliminazzjoni tal-interpretazzjoni stretta mogħtija għall-iżvelar tal-interess pubbliku, sabiex iwieġeb għar-Rakkomandazzjonijiet tal-GRECO.
Tinsab għaddejja inkjesta pubblika mmexxija minn eks imħallef dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Wara pressjoni sinifikanti mill-familja tal-ġurnalista, kif ukoll mis-soċjetà ċivili Maltija u minn assoċjazzjonijiet tal-istampa Ewropej u internazzjonali, f’Settembru 2019 twaqqfet inkjesta pubblika. Riżoluzzjoni mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa speċifikament talbet li tinfetaħ inkjesta bħal din. Din l-Inkjesta Pubblika hija sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istat issodisfax l-obbligi pożittivi tiegħu li jieħu miżuri operattivi preventivi biex jipproteġi individwi li ħajjithom tkun f’riskju minn atti kriminali, b’mod partikolari fil-każ ta’ ġurnalisti u biex jinvestiga speċifikament iċ-ċirkostanzi kollha dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia. L-inkjesta pubblika sa issa kixfet sensiela ta’ elementi li ġew ikkwalifikati minn organizzazzjonijiet tal-libertà tal-istampa bħala “rivelazzjonijiet inkwetanti ta’ korruzzjoni u impunità tal-istat relatati mal-każ [...] li jenfasizzaw id-dgħufijiet fl-istat tad-dritt ta’ Malta, u impunità soda kemm għall-qtil ta’ Caruana Galizia kif ukoll għall-abbużi ta’ poter ta’ livell għoli li investigat”. L-MPM 2020, filwaqt li jikklassifika l-qasam tal-professjoni ġurnalistika, l-istandards u l-protezzjoni bħala f’riskju medju, jirrimarka li “minħabba l-iżviluppi u r-rivelazzjonijiet li għaddejjin bħalissa fir-rigward tal-każ Caruana Galizia, kif ukoll investigazzjonijiet li jinsabu għaddejjin minn ġurnalisti indipendenti f’korruzzjoni f’livell għoli, wieħed jista’ jgħid b’kunfidenza li dawk fil-professjoni qed iħossuhom mhedda”. L-MPM 2020 jirreferi għal sensiela ta’ kampanji ta’ mibegħda kontra ġurnalisti investigattivi li jikkritikaw l-Istat, żvelati wara investigazzjoni minn pjattaforma online indipendenti. Il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat ripetutament il-ħtieġa li dawk responsabbli għall-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia jitressqu quddiem il-ġustizzja, mingħajr ebda indħil politiku.
L-impatt tal-assassinju tal-ġurnalista investigattiva ewlenija ta’ Malta għadu jinħass f’Malta. Il-pjattaforma tal-Kunsill tal-Ewropa biex tippromwovi l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti rrappurtat tliet twissijiet fl-2019, li għad iridu jiġu solvuti. L-Istat wieġeb fir-rigward ta’ żewġ twissijiet. L-ewwel twissija hija relatata ma’ attakk ċibernetiku fuq il-pjattaforma tal-aħbarijiet online indipendenti u investigattiva The Shift News. It-tieni u t-tielet twissija kienu dwar intimidazzjoni legali kontra tliet ġurnalisti li qed jirriċerkaw ktieb dwar il-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia, u t-trattament ta’ ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, rispettivament. Il-Pjattaforma rrappurtat twissija waħda fl-2020 relatata ma’ miżura li tixbaħ lil SLAPP ippreżentata minn negozjant kontra The Shift News.
IV.Kwistjonijiet Istituzzjonali Oħra relatati mal-Kontrolli u l-Bilanċi
Malta hija repubblika parlamentari fejn il-poter leġiżlattiv huwa vestit fil-Kamra tar-Rappreżentanti, Parlament unikamerali elett għal mandat ta’ ħames snin. L-awtorità eżekuttiva hija vestita fil-President, li jiġi elett mill-Parlament, u fil-Kabinett immexxi mill-Prim Ministru. Il-Ministri kollha tal-Gvern, inkluż il-Prim Ministru, iridu jkunu membri tal-Parlament. Il-kawżi kostituzzjonali jinstemgħu mill-Qorti Kostituzzjonali. Il-Kostituzzjoni tistabbilixxi numru ta’ awtoritajiet indipendenti, inkluż l-Uffiċċju tal-Ombudsman. F’Lulju 2020, il-Parlament adotta għadd ta’ riformi kostituzzjonali.
Ġiet adottata riforma kostituzzjonali tal-proċedura tal-elezzjoni tal-President ta’ Malta. Ir-riforma, li ġiet adottata fid-29 ta’ Lulju 2020, tipprevedi li l-President ta’ Malta jiġi elett b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament, minflok b’maġġoranza sempliċi, f’konformità mal-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja ta’ Ġunju 2020. Skont il-proċedura l-ġdida, sakemm ma tintlaħaq l-ebda maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament, il-persuna li tokkupa l-kariga ta’ President għandha tibqa’ fil-kariga. Barra minn hekk, it-tneħħija tal-President se tkun teħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Ġiet rakkomandata proċedura tal-elezzjoni u t-tneħħija tal-President b’maġġoranza Parlamentari ta’ żewġ terzi mill-Kummissjoni ta’ Venezja u din tista’ tikkontribwixxi għat-tisħiħ tar-rwol tal-President fil-kontroll tal-Gvern. Il-Kummissjoni ta’ Venezja bħalissa qed tħejji opinjoni addizzjonali dwar it-testi leġiżlattivi ta’ din ir-riforma.
Riforma kostituzzjonali biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Ombudsman ġiet approvata wkoll, filwaqt li fil-Parlament qed tiġi diskussa proposta biex tiġi stabbilita istituzzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. L-Ombudsman għandu l-funzjoni li jinvestiga azzjonijiet meħuda mill-Gvern jew kwalunkwe awtorità oħra kif previst mil-liġi, u jista’ jwettaq investigazzjonijiet b'inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-bażi ta’ lment. Ir-riforma, li ġiet adottata mill-Parlament fid-29 ta’ Lulju 2020, iddaħħal fil-Kostituzzjoni l-metodu tal-ħatra u t-tneħħija tal-Ombudsman, kif ukoll id-dritt tiegħu li jaċċessa l-informazzjoni. Ir-riforma tipprovdi wkoll li jekk, matul jew wara kwalunkwe investigazzjoni, l-Ombudsman ikun tal-opinjoni li jkun hemm evidenza ta’ kwalunkwe prattika korrotta kif definita fl-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, huwa jista’ jirreferi s-sejbiet tiegħu direttament lill-Avukat Ġenerali. Ir-riforma għandha l-għan li twieġeb għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja. Huwa nnotat li n-Nazzjonijiet Uniti rrakkomandat ukoll li tissaħħaħ l-indipendenza tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, billi jiġi żgurat li jkollu riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji speċifiċi u separati kif ukoll l-immunitajiet meħtieġa biex ikun jista’ jwettaq il-funzjoni tiegħu b’mod effettiv. Fl-2019 ġiet ippreżentata lill-Parlament proposta għall-istabbiliment ta’ istituzzjoni għad-drittijiet tal-bniedem. L-Abbozz ta’ Liġi dwar l-istabbiliment ta’ Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Ugwaljanza qed jiġi diskuss quddiem il-Kumitati Parlamentari rilevanti.
Riforma kostituzzjonali dwar il-ħatriet ta’ ċerti kummissjonijiet indipendenti ġiet ippreżentata quddiem il-Parlament. Il-Gvern ippropona li s-setgħat relatati mal-ħatra ta’ għadd ta’ kummissjonijiet indipendenti jiġu trasferiti mingħand il-Prim Ministru għall-Kabinett tal-Ministri, inkluż fir-rigward tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data. Fl-Opinjoni tagħha ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni ta’ Venezja laqgħet l-intenzjoni tal-Gvern li jiddiskuti aktar il-ħatra ta’ awtoritajiet indipendenti oħra bħall-Kummissjoni Elettorali, il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku, u l-Awtorità tax-Xandir fil-qafas tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali mmexxija mill-President.
Inbeda wkoll proċess ta’ riflessjoni dwar ir-rwol tal-Parlament. Qed jiġu kkunsidrati riformi li jikkonċernaw l-istatut tal-membri tal-Parlament, anki jekk sa issa għadhom ma ġew proposti l-ebda miżuri konkreti. Il-Kummissjoni ta’ Venezja sabet li l-Parlament Malti jeħtieġ li jissaħħaħ sabiex ikun kontroll effettiv fuq il-Gvern, u rrakkomanda li s-sistema tinbidel sabiex ikun stipulat xogħol u ħlas full-time għall-membri. Barra minn hekk, huwa rrakkomanda li l-membri jenħtieġ li jibbenefikaw minn kapaċità ta’ riċerka mhux partiġġjana u/jew minn korp konsultattiv għoli. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi evitat l-użu estensiv ta’ leġiżlazzjoni delegata.
Is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ma għandhomx effett erga omnes. Huwa f’idejn il-Parlament li jħassar jew jemenda liġijiet f’każ li sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tkun iddeċidiet li waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet tagħha tkun antikostituzzjonali. Il-Kummissjoni ta’ Venezja nnutat li, fil-prattika, dan jidher li ma jseħħx fil-każijiet kollha, u dan iwassal għat-tkomplija tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet li jkunu nstabu li huma antikostituzzjonali.
Għad hemm sfidi fir-rigward tal-użu limitat ta’ strumenti bbażati fuq l-evidenza u l-effettività ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet. Għalkemm jeżistu diversi mezzi ta’ konsultazzjoni tal-pubbliku, hemm ċerta diskrezzjoni dwar jekk għandhomx jinbdew konsultazzjonijiet pubbliċi fuq skala kbira u numru kbir ta’ eċċezzjonijiet. L-eżiti tal-proċeduri ta’ konsultazzjoni pubblika mhux dejjem jiġu ppubblikati online f’manjiera f’waqtha u faċilment aċċessibbli. Barra minn hekk, skont l-OECD, Malta ma għandhiex approċċ sistematiku lejn ir-reviżjoni ta’ jekk il-liġijiet u r-regolamenti kisbux l-għanijiet ta’ politika maħsuba
. Qed jiġu ppjanati inizjattivi fir-rigward ta’ konsultazzjoni online u pjattaforma ta’ parteċipazzjoni elettronika, bħala parti mill-Pjan Strateġiku għat-Trasformazzjoni Diġitali tal-Amministrazzjoni Pubblika 2019-2021.
Miżuri biex tiġi affaċċjata l-pandemija ġew adottati taħt l-Istat ta’ Emerġenza tas-Saħħa Pubblika. L-Att dwar is-Saħħa Pubblika jagħti lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika s-setgħa li jagħmel, ivarja jew jirrevoka ordnijiet f’każijiet ta’ epidemiji u mard infettiv, filwaqt li huwa possibbli li jsir rieżami ġudizzjarju. L-Istat ta’ Emerġenza tas-Saħħa Pubblika ġie ddikjarat mis-Supretendent fl-1 ta’ April 2020 b’effett retroattiv mis-7 ta’ Marzu 2020, u tneħħa fit-30 ta’ Ġunju 2020.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed ikollhom rwol dejjem akbar fid-dibattitu pubbliku. L-ispazju ċiviku huwa meqjus li tnaqqas fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-ġurnalisti msemmija aktar ’il fuq
. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw b’mod aktar attiv fid-dibattitu pubbliku, wara l-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Il-liġi ewlenija li tirregola l-qafas għas-Soċjetà Ċivili hija l-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji, li jistipula li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma organizzazzjonijiet volontarji indipendenti u awtonomi mill-Gvern u li għandu jkollhom l-istatus tagħhom rispettat mill-Gvern f’kull ħin. Filwaqt li l-istrutturi għall-involviment u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili jistgħu jittejbu, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili saru dejjem aktar involuti f’dawn l-aħħar ftit snin f’diskussjonijiet dwar kwistjonijiet marbuta mal-istat tad-dritt, inkluż dwar il-ħtieġa għal riformi marbuta mal-organizzazzjoni tas-sistema tal-ġustizzja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Gvern esprima l-impenn tiegħu li jemenda diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni biex jiżgura li tiġi indirizzata l-vulnerabbiltà tal-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Anness I: Lista ta’ sorsi fl-ordni alfabetika*.
* Il-lista tal-kontribuzzjonijiet riċevuti fil-kuntest tal-konsultazzjoni għar-rapport tal-Istat tad-Dritt tal-2020 tinsab fis-sit (is-sit web tal-COM).
Centre for Media Pluralism and Media Freedom, 2020 Media pluralism monitor.
https://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/mpm-2020
.
CIVICUS, Monitor tracking civic space, Malta.
https://monitor.civicus.org/country/malta/
.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika (2020), Towards the Regulation of Lobbying in Malta.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, ir-Rapport tal-Każ Nru K/002, 2019.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kumitat tal-Ministri (2010), Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar l-imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kumitat tal-Ministri (2016), Rakkomandazzjoni CM/Rec(2016)4 tal-Kumitat tal-Ministri lill-istati membri dwar il-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti u atturi oħra tal-midja.
Il-Kunsill tal-Ewropa: L-Assemblea Parlamentari (2019), ir-Riżoluzzjoni 2293 (2019) tal-Assemblea Parlamentari: Daphne Caruana Galizia’s assassination and the rule of law in Malta and beyond: ensuring that the whole truth emerges.
Il-Kunsill tal-Ewropa, Pjattaforma biex tippromwovi l-protezzjoni tal-ġurnaliżmu u s-sikurezza tal-ġurnalisti – Malta.
https://www.coe.int/en/web/media-freedom/malta
.
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta’ Venezja (2010), Report on the Independence of the Judicial System Part I: The Independence of Judges (CDL-AD(2010)004).
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta’ Venezja (2016), Rule of Law Checklist (CDL-AD(2016)017).
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta’ Venezja (2018), Malta – Opinion on constitutional arrangements and separation of powers and the independence of the judiciary and law enforcement (CDL-AD(2018)028).
Il-Kunsill tal-Ewropa: Il-Kummissjoni ta’ Venezja (2020) – Malta – Opinion on proposed legislative changes (CDL-AD(2020)006).
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 ta’ Malta u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 ta’ Malta.
Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, il-kontribut għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (2019), Ewrobarometru Flash 482: l-attitudnijiet tan-negozji lejn il-korruzzjoni fl-UE.
Id-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni (2020), Ewrobarometru Speċjali 502: korruzzjoni.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tal-Awla Manja tas-6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá v. il-Portugall, ir-Rikorsi Nri 55391/13, 57728/13 u 74041/13.
Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza tal-Awla tal-5 ta’ Mejju 2020, Kövesi vs Ir-Rumanija, ir-Rikors Nru 3594/19.
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, LM, C-216/18 PPU.
It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2020.
Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Ir-Rapport dwar il-Pajjiż dwar Malta, SWD(2019) 1017 final.
Il-Kummissjoni Ewropea (2020), Ir-Rapport dwar il-Pajjiż dwar Malta, SWD(2020) 517 final.
Il-Kummissjoni Ewropea (2019), Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar in-Negozju.
In-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem (2020), Kontribuzzjoni min-Network Ewropew tal-Istituzzjonijiet Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-konsultazzjoni tal-partijiet ikkonċernati għar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2019 dwar l-istat tad-dritt f’Malta wara r-rivelazzjonijiet reċenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Marzu 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE, speċifikament f’Malta u fis-Slovakkja.
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar l-istat tad-dritt f’Malta.
GRECO (2019), Fourth Evaluation Round - Second Compliance Report on Malta on corruption prevention in respect of members of parliament, judges and prosecutors.
GRECO (2019), Fifth Evaluation round - Evaluation Report on Malta on preventing corruption and promoting integrity in central governments and law enforcement agencies.
Il-Gvern ta’ Malta (2020), input minn Malta għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020.
OECD (2019), Indicators of Regulatory Policy and Governance – Malta.
Transparency International (2020), Country Data – Malta.
https://www.transparency.org/en/countries/malta
Reporters without Borders, Malta.
https://rsf.org/en/taxonomy/term/150
.
Repubblika, kontribut għar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020.
Il-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2019).
Żjara virtwali fil-pajjiż f’Malta fil-kuntest tar-Rapport dwar l-Istat tad-Dritt tal-2020.
Anness II: Żjara fil-pajjiż f’Malta
Is-servizzi tal-Kummissjoni kellhom laqgħat virtwali f’Ġunju 2020 ma’:
·L-Assoċjazzjoni tal-Imħallfin
·L-Assoċjazzjoni tal-Maġistrati
·L-Avukat Ġenerali
·L-Awtorità tax-Xandir ta’ Malta
·Il-Kamra tal-Avukati
·Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika
·Il-Ministeru tal-Ġustizzja
·Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni (PCAC)
·Il-Pulizija: L-Unità tal-Kriminalità Ekonomika
·L-NGO Repubblika
·L-Avukat tal-Istat
* Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll mal-organizzazzjonijiet li ġejjin f’għadd ta’ laqgħat orizzontali:
·Amnesty International
·Civil Liberties Union for Europe
·Civil Society Europe
·Conference of European Churches
·EuroCommerce
·European Center for Not-for-Profit Law
·European Centre for Press and Media Freedom
·European Civic Forum
·Free Press Unlimited
·Front Line Defenders
·ILGA-Europe
·International Commission of Jurists
·International Federation for Human Rights
·International Press Institute
·Lifelong learning Platform
·Open Society Justice Initiative/Open Society European Policy Institute
·Reporters without Borders
·Transparency International EU