IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.11.2020
COM(2020) 777 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
- Jingħata bidu tal-proċess biex sal-2050 l-Ewropa ssir newtrali għall-klima
Ir-Rapport ta’ Progress tal-UE dwar l-Azzjoni Klimatika tal-2020
{SWD(2020) 298 final}
“Nistgħu nkunu fiduċjużi fil-progress tagħna, iżda dan mhuwiex iż-żmien li nirrilassaw. Irridu nintensifikaw l-isforzi tagħna fis-setturi kollha tal-ekonomija. Il-politiki tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jmexxu t-tranżizzjoni ekoloġika u se jippermettulna nnaqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mod aktar mgħaġġel, bil-għan li nilħqu 55 % taħt il-livelli tal-1990 sal-2030. It-tranżizzjoni hija fattibbli jekk inżommu mal-impenn tagħna u naħtfu l-opportunitajiet tal-irkupru biex l-ekonomija tagħna tingħata spinta ġdida b’mod aktar ekoloġiku u reżiljenti u noħolqu futur b’saħħtu u sostenibbli għal kulħadd.”
Frans Timmermans, Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew
1.IS-SODISFAZZJON TAL-IMPENJI INTERNAZZJONALI TAL-UE
Fl-2019, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG) naqsu bi 3,7 % filwaqt li l-ekonomija tal-UE kompliet tikber
Fl-2019, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-EU-27
I
(inkluża l-avjazzjoni internazzjonali) naqsu b’24 % mil-livelli tal-1990, skont l-inventarju approssimat tal-gassijiet serra
II
. Bl-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, dan jirriżulta fi tnaqqis nett ta’ emissjonijiet ta’ 25 %
III
. Għalhekk, l-UE għadha fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha skont il-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’20 % sal-2020
IV
. L-emissjonijiet fl-2019 naqsu bi 3,7 % meta mqabbla mal-2018. Għalhekk l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-UE laħqu l-aktar livell baxx tagħhom mill-1990. Bejn l-1990 u l-2019, il-PDG ikkombinat tal-UE żdied b’madwar 60 %. L-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-ekonomija, definita bħala l-proporzjon bejn l-emissjonijiet u l-PDG
V
naqset għal 282 g CO2ekwivalenti/€2015, li hija anqas min-nofs il-livell tal-1990.
Illustrazzjoni 1: It-total tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-EU-27 (inkluża l-avjazzjoni internazzjonali) u tal-assorbimenti 1990-2019, il-mira attwali tal-2030 u ż-żieda proposta, l-emissjonijiet imbassra għall-2020 – 2050 bil-(“linja bażi”) eżistenti u b’miżuri addizzjonali meħtieġa biex tinkiseb in-newtralità klimatika (“żero nett”) sal-2050
VI
Il-kriżi tal-COVID-19 hija mistennija li twassal għal tnaqqis bla preċedent fl-emissjonijiet fl-2020. L-AIE
VII
tistma tnaqqis ta’ 8 % fl-2020 għall-emissjonijiet globali tas-CO2. L-osservatur tal-karbonju, immexxi minn konsorzju ta’ riċerka internazzjonali, jistma li l-emissjonijiet tal-EU-27 fl-ewwel nofs tas-sena 2020 naqsu b’11 % meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel
VIII
. Madankollu, kif ġara fil-passat, irkupru ekonomiku rapidu jista’ jwassal għal irkupru qawwi u rapidu fl-emissjonijiet, sakemm il-politika ma ssaħħaħx miżuri ta’ stimolu lejn it-tranżizzjoni ekoloġika. L-ewwel data affidabbli dwar l-impatti tal-COVID-19 fuq l-emissjonijiet tal-UE se tkun disponibbli fir-rapport tas-sena d-dieħla.
Anke qabel il-pandemija, l-emissjonijiet minn installazzjonijiet stazzjonarji fil-pajjiżi kollha koperti mill-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (EU ETS), naqsu b’mod qawwi b’9,1 % mill-2018 sal-2019. L-emissjonijiet li mhumiex koperti mill-EU ETS (bħall-emissjonijiet mill-industrija mhux tal-ETS, mit-trasport, mill-bini, mill-agrikoltura u mill-iskart) baqgħu l-istess mill-2018 sal-2019. Is-sena ta’ qabel, dawn kienu raw tnaqqis żgħir, madankollu, b’mod ġenerali, l-emissjonijiet minn dan l-aggregat ta’ setturi ekonomiċi kienu stabbli għal diversi snin. F’konformità mal-kontabbiltà preliminari skont il-Protokoll ta’ Kjoto, it-tnaqqis tal-krediti netti mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) bejn l-2013 u l-2017 stabbilizza ruħu fl-2018.
Fl-2019 l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni internazzjonali komplew jiżdiedu, u żdiedu bi 3 % meta mqabbla mas-sena ta’ qabel, u b’hekk baqgħu għaddejjin bit-tendenza ta’ żieda. L-emissjonijiet tal-avjazzjoni huma koperti mill-ETS, iżda bħalissa f’dak li jirrigwarda biss it-titjiriet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Fir-rigward tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali barra miż-ŻEE, jiġifieri kemm minn titjiriet li deħlin minn pajjiżi barra ż-ŻEE kif ukoll dawk li ħerġin lejn pajjiżi mhux fiż-ŻEE, bħalissa mhumiex ipprezzati skont l-EU ETS, f’konformità mad-dispożizzjoni “waqqaf l-arloġġ” fid-Direttiva. Dan kien maħsub biex jagħti spinta lill-mekkaniżmu bbażat fuq is-suq globali, l-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-avjazzjoni internazzjonali (CORSIA). L-impatt ġenerali tal-avjazzjoni fuq il-klima globali, inkluż permezz ta’ emissjonijiet jew ta’ effetti mhux tas-CO2, huwa ferm ogħla mill-komponent tas-CO2 waħdu. Ġie stmat li l-effetti ta’ forzi radjattivi mhux tas-CO2 kienu 2-4 darbiet akbar minn dawk tas-CO2, u dan jagħti medda ta’ 136-272 miljun tunnellata ta’ CO2-ekwivalenti għall-impatti totali tal-avjazzjoni minn attivitajiet fi ħdan iż-ŻEE
IX
. Din il-medda tirriżulta minn livelli differenti ta’ inċertezza li għadhom jeżistu fir-rigward tad-daqs eżatt tad-diversi effetti mhux tas-CO2 u l-kompromessi bejniethom.
L-azzjoni klimatika Ewropea għandha tiżdied lejn emissjonijiet żero netti fl-2050 minkejja l-pandemija tal-COVID-19
Is-sena 2019 kienet pass importanti sinifikanti għall-azzjoni klimatika Ewropea. F’Diċembru, il-Kunsill Ewropew qabel li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 f’konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-Parlament Ewropew kien diġà approva l-objettiv fir-riżoluzzjoni ta’ Marzu tiegħu dwar it-tibdil fil-klima. Sabiex tiġi żgurata n-newtralità klimatika sal-2050, il-Kummissjoni ppreżentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew bħala pjan direzzjonali multisettorjali komprensiv lejn tranżizzjoni ekoloġika u ġusta. Fil-prinċipju, l-azzjonijiet u l-politiki kollha tal-UE għandhom jiġbdu ħabel wieħed biex l-UE tikseb tranżizzjoni ġusta u ta’ suċċess lejn futur sostenibbli.
Proposta ġdida għal Liġi Ewropea dwar il-Klima ġiet sussegwentement adottata mill-Kummissjoni f’Marzu 2020, sabiex il-mira tan-newtralità klimatika tkun legalment vinkolanti fl-UE. Il-proposta ġiet emendata f’Settembru biex tinkludi mira ġdida għall-2030 u biex tappoġġa ż-żieda fil-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi mill-mira preċedenti ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 40 % għal mill-anqas 55 % meta mqabbel mal-1990. L-Illustrazzjoni 1 turi fejn l-emissjonijiet tal-UE huma mbassra li jinżlu b’politiki u miżuri attwalment eżistenti u ppjanati (“linja bażi”) minn naħa, u bi triq plawżibbli lejn in-newtralità klimatika b’miżuri addizzjonali biex jinkisbu -55 % emissjonijiet netti kif stabbilit fil-Pjan ta’ Mira għall-Klima (“żero nett”), min-naħa l-oħra.
Wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 fir-rebbiegħa tal-2020, tfasslu pakkett ta’ rkupru u l-baġit tal-2021-2027 bil-għan li jgħinu lill-UE terġa’ tibni lilha nnifisha wara l-pandemija u li jappoġġaw l-investiment fit-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali. F’Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew qabel li 30 % tal-fondi li jammontaw għal EUR 1,8 triljun
X
għandhom ikunu mmirati lejn l-avvanz tat-tranżizzjoni klimatika li tgħin lill-Istati Membri tal-UE jindirizzaw l-isfidi ta’ sostenibbiltà tagħhom u biex jagħtu spinta lill-impjiegi ekoloġiċi u lill-kompetittività. L-akbar potenzjal biex jinħoloq stimolu ekonomiku rapidu fil-qasam tal-politika dwar il-klima u l-enerġija ġie identifikat fl-oqsma tar-rinnovazzjoni tal-bini, l-enerġija rinnovabbli, l-idroġenu rinnovabbli, u l-infrastruttura, kif ukoll il-mobbiltà nadifa bħall-vetturi elettriċi u l-punti tal-iċċarġjar, il-grilji intelliġenti u l-integrazzjoni tas-settur tal-enerġija.
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, ir-Regolament propost dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) jiffissa kriterji li magħhom għandhom jikkonformaw il-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza għall-2021-2023
XI
. Il-pjanijiet jeħtieġ li jkunu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż identifikati fiċ-ċikli tas-Semestru Ewropew tal-2019 u l-2020, il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) integrati, inkluż dwar tranżizzjoni ġusta. Il-pjanijiet jeħtieġ li jinkludu kemm l-investimenti kif ukoll ir-riformi li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni ekoloġika, li jikkorrispondu għall-objettiv tal-klima għall-RRF ta’ 37 % tal-infiq allokat. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza torbot il-politiki mal-finanzjament, ikkomplementati mir-riżorsi finanzjarji ewlenin li jwasslu l-Patt Ekoloġiku Ewropew, jiġifieri l-InvestUE, il-fondi ta’ koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, il-Fond għall-Innovazzjoni, u l-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-Programm Ewropa Diġitali se jappoġġa t-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali.
Dan ir-rapport jipprovdi eżempji illustrattivi dwar kif il-fondi tal-UE jikkontribwixxu għall-innovazzjoni favur il-klima.
L-Istati Membri jidentifikaw politiki u miżuri addizzjonali biex jilħqu l-objettivi tal-2030
Fl-2019, l-Istati Membri kollha ħejjew il-Pjanijiet Nazzjonali integrati għall-Enerġija u l-Klima finali tagħhom. Dawn juru li filwaqt li l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fid-definizzjoni tat-toroq rispettivi tagħhom biex jintlaħqu l-miri attwali tal-klima u tal-enerġija għall-2030, xorta għad iridu jsiru aktar sforzi.
Bil-politiki u l-miżuri nazzjonali eżistenti, l-emissjonijiet totali tal-EU-27 huma mistennija li jitnaqqsu bi 30 % fl-2030 skont aggregazzjoni ta’ projezzjonijiet nazzjonali dwar il-gassijiet serra. Bl-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati jew l-ambizzjonijiet iddikjarati fl-NECPs finali, it-tnaqqis globali ta’ gassijiet serra tal-UE huwa stmat li huwa 41 %, u b’hekk jilħaq il-mira attwali ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 40 %.
Kooperazzjoni man-Norveġja u mal-Iżlanda biex tintlaħaq il-mira għall-2030
In-Norveġja u l-Iżlanda qablu li jikkooperaw mal-UE biex jilħqu l-miri tagħhom għall-2030 li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’mill-anqas 40 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. Fil-kuntest tal-Ftehim taż-ŻEE, mill-2021 in-Norveġja u l-Iżlanda se jimplimentaw ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESR) u r-Regolament LULUCF. In-Norveġja u l-Iżlanda diġà ilhom jieħdu sehem fl-EU ETS mill-2008.
2.L-EMISSJONIJIET FL-ISKEMA TAL-UE GĦAN-NEGOZJAR TA’ EMISSJONIJIET (EU ETS)
L-Iskema għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS) tkopri emissjonijiet minn bejn wieħed u ieħor 11 000 impjant tal-enerġija u impjant tal-manifattura, kif ukoll l-avjazzjoni fil-pajjiżi parteċipanti u bejniethom.
Fl-2019, huwa stmat li l-emissjonijiet mill-installazzjonijiet fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fl-ETS naqsu b’9,1 % meta mqabbla mal-2018. Dan it-tnaqqis seħħ prinċipalment minħabba bidliet fis-setturi tal-produzzjoni tal-elettriku u tas-sħana, fejn l-emissjonijiet naqsu b’madwar 15 % meta mqabbla mal-2018. Għalhekk, it-tendenza ta’ tnaqqis qawwi fl-emissjonijiet matul l-aħħar snin baqgħet għaddejja. It-tnaqqis kien prinċipalment xprunat mis-settur tal-enerġija, fejn l-emissjonijiet naqsu bi kważi 15 % minħabba li l-faħam ġie sostitwit mill-elettriku minn sorsi rinnovabbli u mill-produzzjoni tal-enerġija li taħdem bil-gass. L-emissjonijiet mill-industrija naqsu bi kważi 2 %.
L-emissjonijiet verifikati mill-avjazzjoni żdiedu bi ftit fl-2019, b’żieda ta’ 1 % meta mqabbla mal-2018.
L-Illustrazzjoni 2 turi l-iżvilupp storiku u previst bil-miżuri eżistenti tal-emissjonijiet tal-ETS, flimkien mal-limitu massimu u l-eċċess akkumulat tal-kwoti tal-ETS.
Illustrazzjoni 2: L-emissjonijiet verifikati tal-ETS 2005-2019, il-projezzjonijiet tal-Istati Membri bil-miżuri eżistenti tal-2020-2030, il-fażijiet 2, 3 u 4 tal-limitu massimu tal-ETS, u l-eċċess akkumulat tal-kwoti tal-ETS għall-2008-2019, (Mt CO2ekwivalenti)
XII
Mill-aħħar ta’ Ġunju 2020, in-numru totali ta’ krediti internazzjonali użati jew skambjati jammonta għal 1,54 biljun, li jammonta għal aktar minn 96 % tal-istima għall-ammont massimu permess ta’ 1,6 biljun. Fil-fażi 3 biss (2013-2020), 480,94 miljun ta’ kreditu internazzjonali ġew skambjati sal-aħħar ta’ Ġunju 2020. Għar-Riżerva tal-Istabbiltà tas-Suq (MSR), li ilha topera mill-2019, il-Kummissjoni tippubblika annwalment l-eċċess għas-sena preċedenti. Fl-2019, l-eċċess kien ta’ 1,39 biljun kwota
XIII
. Abbażi tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-ETS għall-fażi 4 (2021-2030), il-volumi tal-irkant fl-2020 tnaqqsu bi kważi 40 %, jew kważi 375 miljun kwota. Il-volumi tal-irkant fl-2021 se jaraw tnaqqis simili. Fl-2021, il-Kummissjoni se tirrevedi l-MSR fil-kuntest tar-reviżjoni ppjanata tal-ETS.
Il-ftehim dwar ir-rabta bejn l-EU ETS u l-ETS tal-Iżvizzera
XIV
daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2020 u bħalissa qed jiġi operazzjonalizzat.
Wara li aktar milli rdoppja fis-sena ta’ qabel, id-dħul mill-irkant tal-kwoti fis-suq Ewropew tal-karbonju żdied bi ftit fl-2019
XV
. Id-dħul totali ġġenerat mill-Istati Membri, mir-Renju Unit u mill-pajjiżi taż-ŻEE mill-irkantijiet bejn l-2012 u t-30 ta’ Ġunju 2020 qabeż is-EUR 57 biljun, b’aktar minn nofs dan l-ammont iġġenerat fl-2018 u fl-2019. Fis-sena 2019, id-dħul totali qabeż l-EUR 14,1-il biljun u madwar 77 % tad-dħul intuża, jew huwa ppjanat li jintuża, għal skopijiet ta’ klima u enerġija, biex b’hekk tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika.
Eżempju 1. It-teknoloġija mtejba ssaħħaħ il-prestazzjoni tal-enerġija ta’ fran intermittenti fl-Italja
*Il-proġett huwa eżempju ta’ kif il-fondi tal-UE jikkontribwixxu għall-innovazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima f’setturi koperti mill-ETS. Dan kien iffinanzjat minn LIFE fl-2016-2019.
Il-proġett LIFE ECONOMICK fl-Italja wera l-vijabbiltà teknika u ekonomika tal-applikazzjoni ta’ teknoloġija ġdida għal forn intermittenti (jew shuttle) għall-industrija taċ-ċeramika tal-prodotti sanitarji. Is-soluzzjonijiet tiegħu, li jnaqqsu t-telf tas-sħana u jottimizzaw il-kundizzjonijiet tal-kombustjoni, jistgħu jtejbu ħafna l-prestazzjoni tal-enerġija tal-forn shuttle u l-impatti tiegħu tul iċ-ċiklu tal-ħajja, filwaqt li jżommu l-kompetittività fis-suq u jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ tħaddim.
©SE.TE.C.SRL
3.L-EMISSJONIJIET TAL-KONDIVIŻJONI TAL-ISFORZI
L-emissjonijiet minn setturi mhux inklużi fl-ETS, ħlief għall-emissjonijiet u/jew l-assorbimenti mil-LULUCF, bħat-trasport, il-bini, l-agrikoltura u l-iskart, huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi. Id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD) tistabbilixxi miri nazzjonali ta’ emissjonijiet għall-2020, espressi bħala tibdil fil-perċentwal mil-livelli tal-2005. Abbażi ta’ dan, l-Istati Membri
XVI
għandhom jirrispettaw il-limiti annwali tal-emissjonijiet. B’mod simili, ir-Regolament dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi
XVII
(ESR) jistabbilixxi miri nazzjonali għall-emissjonijiet għall-2030. Il-Kummissjoni bħalissa qed tiddetermina l-allokazzjonijiet tal-emissjonijiet annwali (AEAs) għal kull pajjiż għas-snin 2021 - 2030 skont l-ESR attwali, abbażi ta’ reviżjoni komprensiva tal-inventarji tal-gassijiet serra.
Il-progress lejn il-miri tal-kondiviżjoni tal-isforzi
L-Istati Membri qed jippjanaw, jadottaw u jimplimentaw politiki u miżuri biex jilħqu l-miri attwali tagħhom tal-2030 għall-kondiviżjoni tal-isforzi. Jekk il-politiki nazzjonali attwalment implimentati jiġu aggregati, l-EU-27 tnaqqas l-emissjonijiet f’kondiviżjoni tal-isforzi b’19 % sal-2030, meta mqabbel mal-2005. Dan huwa ferm anqas mill-mira globali ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ 30 % skont l-ESR sal-2030 meta mqabbel mal-2005. Madankollu, bl-implimentazzjoni ta’ politiki addizzjonali l-Istati Membri ddeskrivew fl-NECPs finali kif jista’ jinkiseb tnaqqis ta’ 32 %. Dan huwa progress ċar meta mqabbel mal-politiki nazzjonali attwalment implimentati. L-Illustrazzjoni 3 turi d-distanza bejn il-miri eżistenti tal-2030 tal-Istati Membri skont l-ESR u l-projezzjonijiet tagħhom “bil-miżuri eżistenti” u bil-miżuri ppjanati
XVIII
.
Madankollu, biex tintlaħaq il-mira attwali ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet fil-livell tal-UE ta’ 30 %, l-Istati Membri se jkollhom jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri ppjanati, aktar u aktar minħabba li bħalissa qed jiġi propost li tiżdied l-ambizzjoni tal-UE għall-klima għall-2030 għal tnaqqis ta’ 55 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra bħala pass lejn in-newtralità klimatika sal-2050
XIX
.
Illustrazzjoni 3: Id-diskrepanzi bejn il-miri tal-ESR tal-2030 u l-emissjonijiet previsti
XX
bil-miżuri eżistenti, u bil-miżuri ppjanati fl-NECPs f’perċentwal tal-emissjonijiet tas-sena bażi tal-2005. Il-valuri pożittivi jindikaw li nqabżu l-miri; il-valuri negattivi jindikaw li l-miri huma previsti li ma jintlaħqux.
Kif muri fl-Illustrazzjoni 4 hawn taħt, peress li s-sistema ta’ kondiviżjoni tal-isforzi tnediet fl-2013, l-emissjonijiet madwar l-UE kollha kienu anqas mil-limitu totali ta’ kull sena. L-emissjonijiet tal-EU-27 koperti mill-ESD kienu 10 % anqas fl-2019 meta mqabbla mal-2005. Għalhekk, il-mira tal-2020 ta’ tnaqqis ta’ 10 % x’aktarx li se tinqabeż, anke mingħajr ma jitqiesu l-impatti tal-kriżi tal-COVID-19.
Illustrazzjoni 4: L-emissjonijiet fis-setturi koperti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi 2005-2030 u l-Allokazzjonijiet ta’ Emissjonijiet Annwali (AEAs), EU-27 (Mt CO2ekwivalenti)
Il-konformità tal-Istati Membri mad-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (ESD)
L-Istati Membri kollha rrispettaw l-obbligi tal-ESD tagħhom fl-2013-2017. Malta qabżet l-allokazzjonijiet ta’ emissjonijiet annwali (AEAs) tagħha f’kull waħda minn dawn is-snin, iżda kopriet id-defiċit billi xtrat AEAs mill-Bulgarija. Fl-2017, l-Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Ġermanja. L-Irlanda, il-Litwanja, il-Lussemburgu u l-Polonja qabżu l-AEAs tagħhom. Franza, l-Iżvezja u r-Renju Unit ikkanċellaw l-AEAs eċċessi tagħhom mill-2013 sal-2017 biex itejbu l-integrità ambjentali tas-sistema. Bħal fis-snin preċedenti, l-Iżvezja ħassret l-AEAs eċċessi tagħha għal dik is-sena (5,3 Mt). Għall-2017, Franza u r-Renju Unit ingħaqdu magħha, li għall-ewwel darba, ħassru l-AEAs eċċessi akkumulati matul is-snin ta’ qabel. Franza ħassret 100 Mt – il-biċċa l-kbira, iżda mhux kollha – mill-eċċess akkumulat tagħha, filwaqt li r-Renju Unit ħassar l-eċċess akkumulat kollu tiegħu li jammonta għal 112.4 Mt. Dan ifisser li total ta’ 244 Mt eċċessi ta’ AEAs – li jikkorrispondu għal wieħed minn kull ħamsa tat-total teoretiku – se jkunu tneħħew mill-perjodu sal-2017 minn dawn it-tliet pajjiżi. L-Istati Membri l-oħra kollha (ħlief Malta) irriżervaw l-allokazzjonijiet eċċessi tagħhom għal użu possibbli fis-snin futuri. Ma ntuża ebda kreditu internazzjonali mill-mekkaniżmu għal żvilupp nadif (CDM) jew mill-implimentazzjoni konġunta biex tinżamm konformità mal-obbligi tal-ESD.
Iċ-ċiklu tal-konformità għall-2018 għadu għaddej. Fl-2018, l-emissjonijiet ta’ Malta qabżu l-AEA tagħha bi 18 % u għalhekk se jkollha terġa’ tixtri l-AEAs. L-emissjonijiet f’għaxar Stati Membri
XXI
oħra qabżu l-AEAs tal-2018 b’żieda sa 14 %. Dawn l-Istati Membri għandhom eċċess ta’ AEAs irriżervati mis-snin ta’ qabel li jistgħu jintużaw biex tiġi żgurata l-konformità. L-eċċess kumulattiv tal-AEAs għal kull Stat Membru għall-2013-2018 huwa muri fl-Illustrazzjoni 5.
Illustrazzjoni 5: Eċċess kumulattiv tal-Allokazzjonijiet ta’ Emissjonijiet Annwali (AEAs) bħala perċentwal tal-emissjonijiet tas-sena bażi 2005, 2013-2018
Id-data preliminari għall-2019 turi stampa simili għall-2018. Malta qabżet l-AEA tagħha bi 18 %, l-Irlanda bi 15 % u l-Lussemburgu bi 11 %, segwiti mill-Estonja b’9 %. Iċ-Ċekja hija mistennija li tingħaqad mal-grupp ta’ Stati Membri li diġà kellhom emissjonijiet ogħla mill-AEA tagħhom fl-2018. F’każ ta’ defiċit nett, l-Istati Membri jużaw il-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà fid-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi (lil hinn mir-riżerva u self tal-AEAs).
Aktar minn terz tal-emissjonijiet f’kondiviżjoni tal-isforzi ġejjin mit-trasport. Wara tnaqqis fl-emissjonijiet bejn l-2007 u l-2013, l-emissjonijiet mit-trasport żdiedu f’kull sena minn dak iż-żmien, u issa huma biss ftit anqas (-2 %) mill-2005. Lejn l-2030, l-Istati Membri jipprojettaw, b’miżuri eżistenti, tnaqqis ulterjuri żgħir biss (-5 % fl-2030 meta mqabbel mal-2005). Madankollu, bl-implimentazzjoni tal-politiki u l-miżuri ppjanati, l-emissjonijiet mit-trasport huma mistennija li jitnaqqsu b’20 % sal-2030, meta mqabbla mal-2005. Dawn it-tendenzi jirfdu l-ħtieġa qawwija li l-miżuri ta’ rkupru jiġu ffokati fuq dan is-settur partikolari fuq medda qasira ta’ żmien u jenfasizzaw l-importanza ta’ strumenti ta’ politika msaħħa li jnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fi ħdan mira aktar ambizzjuża għall-2030 fuq medda medja ta’ żmien.
L-istandards tal-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi u vannijiet ġodda u vetturi heavy-duty huma xpruntaturi ewlenin għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport bit-triq. Sal-2025 u l-2030, rispettivament, l-emissjonijiet medji mill-karozzi ġodda se jkollhom ikunu 15 % u 37,5 % anqas milli fl-2021, u l-emissjonijiet medji mill-vannijiet se jkollhom ikunu 15 % u 31 % anqas milli fl-2021. L-emissjonijiet minn trakkijiet ġodda se jkollhom ikunu 15 % u 30 % anqas mill-2019. L-istandards jinkludu mekkaniżmu li jinċentiva l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u baxxi abbażi ta’ parametri referenzjarji mill-2025 ’il quddiem. Dawn jintroduċu wkoll dispożizzjonijiet ġodda biex jiżguraw ir-rappreżentanza fid-dinja reali tal-emissjonijiet immonitorjati. L-Illustrazzjoni 6 turi li, filwaqt li l-emissjonijiet medji ta’ CO2 għal kull kilometru ta’ karozzi u vannijiet ġodda baqgħu taħt il-miri attwali stabbiliti għall-2019, id-data provviżorja għall-2019 turi żieda fl-emissjonijiet meta mqabbla mal-2018. Skont id-data provviżorja, fl-2019 l-emissjonijiet medji kienu ta’ 122.4 g CO2/km għall-karozzi (1.6 g aktar mill-2018) u 158.4 g CO2/km għall-vannijiet (0.5 g aktar mill-2018). Dan jikkonferma t-tendenza li dehret fis-snin ta’ qabel. Għalhekk, il-manifatturi tal-vetturi se jkollhom inaqqsu b’mod sinifikanti l-emissjonijiet tal-flotta tagħhom biex jilħqu l-miri aktar stretti li japplikaw mill-2020 ’il quddiem.
Illustrazzjoni 6: L-emissjonijiet medji tas-CO2 (g/km) għall-karozzi u l-vannijiet mibjugħin ġodda meta mqabbla mal-miri attwali għall-flotta kollha sal-2040
XXII
Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport. Din tobbliga li titnaqqas l-intensità tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-fjuwils fornuti tul ċiklu ta’ ħajja b’6 % sal-2020, meta mqabbla mal-2010. L-intensità medja ta’ gassijiet serra tal-fjuwils fornuti fl-2018 kienet 3,7 % anqas milli fl-2010 abbażi ta’ data minn 28 Stat Membru li rrapportaw (Illustrazzjoni 7). Il-progress miksub ivarja ħafna fost l-Istati Membri, iżda kważi kollha jeħtieġ li jieħdu azzjoni ulterjuri malajr biex ikun żgurat l-ilħuq tal-mira tal-2020.
Illustrazzjoni 7: Tnaqqis fl-intensità tal-gassijiet serra tal-fjuwils miksuba mill-fornituri tal-fjuwil tal-UE fis-27 Stat Membru li rrapportaw u fir-Renju Unit, 2010-2018
L-emissjonijiet mill-użu tal-enerġija fil-bini juru xi varjazzjoni minn sena għal sena minħabba l-flutwazzjonijiet relatati mat-temp fid-domanda għat-tisħin. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, l-emissjonijiet urew tendenza ’l isfel mill-2005, u din it-tendenza hija mbassra li se tissokta sal-2030. It-tnaqqis projettat fl-emissjonijiet jirrifletti d-disponibbiltà ta’ teknoloġiji ekonomikament attraenti li jnaqqsu d-domanda għall-enerġija u l-integrazzjoni ta’ sorsi rinnovabbli. Sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u l-objettiv intermedju tal-2030 tul it-triq – kif ukoll għal irkupru ekonomiku rapidu lejn tranżizzjoni ekoloġika – dan is-settur huwa essenzjali, kif spjegat f’“Mewġa ta’ Rinnovazzjoni għall-Ewropa”
XXIII
. Se jkunu meħtieġa aktar miżuri u fondi biex titħaffef ir-rinnovazzjoni profonda inkluż fit-titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol
XXIV
.
L-emissjonijiet mhux tas-CO2 mill-agrikoltura kienu f’livell simili fl-2019 bħal fl-2005 u bil-politiki eżistenti huma projettati li jonqsu ftit biss.
L-emissjonijiet mill-immaniġġjar tal-iskart naqsu bi 12 % bejn l-2005 u l-2019, u din it-tendenza ta’ tnaqqis hija projettata li se tkompli.
Eżempju 2. Teknika ġdida tnaqqas l-ispejjeż tal-ossidazzjoni bijoloġika tal-metan mil-landfills
Il-proġett LIFE RE MIDA ttestja - għall-ewwel darba f’klima Mediterranja - teknika innovattiva biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan bl-użu tal-ossidazzjoni mikrobika. Il-proġett żviluppa bijofiltru ta’ skala sħiħa u biowindows f’żewġ landfills fl-Italja. Il-kisbiet ewlenin jinkludu:
Tnaqqis ta’ aktar minn 2 700 t CO2-ekwivalenti ta’ emissjonijiet permezz ta’ ossidazzjoni bijoloġika ta’ madwar 150 000 Nm3 ta’ CH4, li jikkorrispondi għal -37 % tal-gassijiet serra annwali attwali li joħorġu miż-żewġ landfills pilota.
Dimostrazzjoni li l-ispejjeż tat-trattament tal-bijogass residwu b’konċentrazzjoni baxxa ta’ metan jistgħu jitnaqqsu b’mod sinifikanti. Dan huwa partikolarment importanti għal landfills magħluqa li għalihom il-kumpaniji tal-immaniġġjar tal-iskart ma allokawx biżżejjed riżorsi finanzjarji biex jieħdu ħsieb l-emissjonijiet kontinwi tal-metan.
©Isabella Pecorini
*Il-proġett huwa eżempju ta’ kif il-fondi tal-UE jikkontribwixxu għall-innovazzjoni li ma tagħmilx ħsara lill-klima koperta mil-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi
Bħala parti mill-emissjonijiet tal-ESD mill-industrija u minn setturi oħrajn, ħafna sustanzi li jnaqqsu l-ożonu (ODS) huma gassijiet serra qawwija. Bl-eċċezzjoni tal-2012, il-konsum tal-ODS tal-UE, kif meqjus skont il-Protokoll ta’ Montreal, ilu negattiv mill-2010. Għalhekk, l-UE se tissodisfa l-obbligi tagħha biex tneħħi gradwalment il-konsum tal-ODS sal-2020, kif meħtieġ skont il-Protokoll. It-tim tal-ożonu tal-Kummissjoni ġie ppreżentat il-premju globali tal-Protokoll ta’ Montreal għall-uffiċjali tad-dwana u tal-infurzar li jirrikonoxxu r-rwol kruċjali tagħhom fl-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet tal-kummerċ u l-projbizzjonijiet għall-ODS.
Il-Kummissjoni evalwat ir-Regolament dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu
XXV
fl-2019. L-evalwazzjoni turi li filwaqt li r-Regolament huwa effettiv ħafna biex jilħaq l-għanijiet tiegħu, jista’ jkun possibbli li dawn ir-riżultati jinkisbu b’mod aktar effiċjenti. Proposta ġdida biex jittejjeb ir-Regolament filwaqt li jitqiesu dawn is-sejbiet hija ppjanata fl-2021
XXVI
.
Il-gassijiet fluworurati (il-gassijiet F) huma grupp ta’ gassijiet li spiss jintużaw bħala sostituti għas-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu. Madankollu, ħafna gassijiet F huma gassijiet serra qawwija ħafna. Ir-Regolament dwar il-gassijiet F
XXVII
jipprevedi eliminazzjoni gradwali tal-idrofluworokarburi (HFCs) madwar l-UE kollha mill-2015 u miżuri oħrajn immirati lejn l-emissjonijiet minn gassijiet F, bl-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet b’żewġ terzi sal-2030 meta mqabbla mal-2014. L-HFCs huma koperti wkoll mill-Emenda ta’ Kigali għall-Protokoll ta’ Montreal, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019.
Eżempju 3. L-għarfien espert tal-industrija tlaqqa’ għar-riżorsi dwar refriġeranti alternattivi
Ir-Regolament Ewropew dwar il-Gassijiet F jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ alternattivi għar-refriġeranti tal-HFC b’potenzjal għoli ta’ tisħin globali. Il-gruppi tal-industrija qed jaħdmu flimkien u jipprovdu informazzjoni dwar l-użu sikur ta’ alternattivi bħall-ammonja, l-idrokarburi, id-diossidu tal-karbonju u refriġeranti oħrajn b’livell baxx ta’ GWP permezz tal-programm ta’ tagħlim “Refrigerants, Emissons And Leakage” (REAL) Alternatives LIFE 4. Ir-riżorsi żviluppati bħala parti mill-proġett joffru taħlita innovattiva ta’ e-tagħlim, materjali ta’ taħriġ wiċċ imb wiċċ, eżerċizzji prattiċi, valutazzjonijiet u librerija elettronika ta’ riżorsi ta’ tagħlim.
REAL Alternatives 4 LIFE bena fuq l-approċċi ta’ trażżin ta’ suċċess ta’ REAL Skills Europe & REAL Zero. Dan tħejja minn konsorzju ta’ sħab minn madwar l-Ewropa, kofinanzjat mill-UE, kien jinkludi taħriġ u istituti professjonali kif ukoll korpi rappreżentattivi ta’ min iħaddem.
L-emissjonijiet ta’ gassijiet F kważi rduppjaw mill-1990 sal-2014 b’kuntrast mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra l-oħrajn kollha, li tnaqqsu. Madankollu, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-gassijiet F, l-emissjonijiet ilhom jonqsu mill-2015, l-aktar minħabba tnaqqis fl-emissjonijiet tal-HFC. Id-data għall-2019 turi li l-provvista ta’ gassijiet F naqset b’20 % f’termini ta’ impatt fuq il-klima, u bi 17 % f’termini ta’ volum meta mqabbla mal-2018. Fl-2019, it-tqegħid totali fis-suq taħt is-sistema tal-kwoti tal-UE kien ta’ 2 % taħt il-kwantità massima permessa
XXVIII
. Dan jirrifletti bidla għal gassijiet b’potenzjal ta’ tisħin globali aktar baxx u jindika li r-Regolament huwa effettiv fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet F.
Il-Kummissjoni qed tippjana reviżjoni tar-Regolament dwar il-gassijiet F fl-2021 biex ittejjeb ir-regoli tal-UE
XXIX
filwaqt li tqis is-sejbiet ta’ tliet rapporti tal-Kummissjoni adottati fl-2020 dwar alternattivi għall-gassijiet fluworurati f’tagħmir speċifiku
XXX
u d-disponibbiltà tal-HFCs fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, matul l-2020, il-Kummissjoni kompliet tiffoka fuq il-prevenzjoni tal-importazzjonijiet illegali tal-idrofluworokarburi li mhumiex koperti mis-sistema tal-kwoti.
4.L-UŻU TAL-ART, IT-TIBDIL FL-UŻU TAL-ART U L-FORESTRIJA
Il-LULUCF jistgħu jiġġeneraw kemm emissjonijiet kif ukoll assorbimenti tas-CO2 mill-atmosfera. Mill-2013 sal-2020, l-Istati Membri tal-UE huma impenjati biex jiżguraw li l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra minn azzjoni addizzjonali f’dan is-settur jingħaddu mal-mira tagħhom ta’ tnaqqis skont il-Protokoll ta’ Kjoto. Azzjoni addizzjonali hija determinata permezz tal-applikazzjoni ta’ regoli kontabilistiċi dwar id-data rigward l-emissjonijiet u l-assorbimenti grossi, assoċjati ma’ attività bħall-afforestazzjoni, irrapportati kull sena f’inventarju speċifiku minn kull Stat Membru.
L-Illustrazzjoni 8 turi li l-emissjonijiet u l-assorbimenti “rrapportati” tal-UE għal kull attività għall-2013-2018 pproduċew tnaqqis medju ta’ -396 Mt CO2ekwivalenti, jiġifieri assorbimenti netti. L-assorbimenti netti rrapportati naqsu minn -440 Mt CO2ekwivalenti għal -319 Mt CO2-ekwivalenti mill-2013 sal-2018. Bl-applikazzjoni tar-regoli kontabilistiċi speċifiċi għall-Protokoll ta’ Kjoto, il-bilanċ “kontabilizzat” tal-UE għall-2013-2018 ipproduċa tnaqqis (jew kreditu) annwali medju ta’ -114,1 Mt CO2ekwivalenti. Il-krediti netti kkalkolati naqsu minn -150.3 għal -79.3 Mt CO2-ekwivalenti mill-2013 sal-2017 u rkupraw ftit għal -94.6 fl-2018
XXXI
. Dawn il-kwantitajiet għall-UE jinkludu kemm attivitajiet “obbligatorji”, jiġifieri afforestazzjoni/riforestazzjoni, deforestazzjoni u ġestjoni tal-foresti, kif ukoll attivitajiet “elettivi” skont il-Protokoll ta’ Kjoto
XXXII
.
Illustrazzjoni 8: L-emissjonijiet u l-assorbimenti rrapportati (R) u kontabilizzati (A) b’mod preliminari skont il-Protokoll ta’ Kjoto, it-tieni perjodu ta’ impenn, EU-27
XXXIII
.
Il-proġett LIFE Peat Restore jimmira li jxarrab mill-ġdid torbiera degradati fil-Polonja, fil-Ġermanja, fl-Estonja, fil-Latvja u fil-Litwanja li jkopru żona ta’ 5 300 ettaru biex il-funzjoni naturali bħala bjar tal-karbonju tiġi restawrata. Fil-proġett, l-emissjonijiet u l-ħżin tal-gassijiet serra, il-livell tal-ilma kif ukoll l-organiżmi selvaġġi (il-flora u l-fawna) se jiġu ddokumentati, analizzati u mqabbla. Barra minn hekk, jiġu kkalkulati l-effetti potenzjali tat-tixrib mill-ġdid f’termini tal-emissjonijiet stmati evitati fuq il-klima.
©Agnese Priede
Baġit totali: EUR 6 miljun, kontribuzzjoni tal-UE 60 %.
It-tnaqqis fil-krediti netti deskritti hawn fuq jirriżulta prinċipalment mit-tnaqqis fil-krediti jew krediti li jsiru debiti għall-ġestjoni tal-foresti bħal pereżempju fil-Kroazja, fiċ-Ċekja, fid-Danimarka, fi Franza, fil-Litwanja, fil-Lussemburgu u fis-Slovenja. Ir-raġuni ewlenija hija ż-żieda fir-rati tal-ħsad.
Eżempju 4. It-tixrib mill-ġdid tat-torbiera degradati jnaqqas l-emissjonijiet
Id-disturbi naturali wkoll ikkontribwixxew għaż-żieda fl-emissjonijiet. Il-ħanfusa tal-qoxra attakkat b’mod sinifikanti foresti fiċ-Ċekja u kkawżat żieda drammatika fil-qtugħ ta’ salvataġġ. Tfixkil singulari bħan-nirien fil-foresti, li laqtu l-foresti f’Ċipru fl-2016, u l-Italja u l-Portugall fl-2017, li rriżulta f’debiti għal dik is-sena, reġa’ lura għal “kundizzjonijiet normali” fl-2018.
Madankollu, fil-kuntest tat-tibdil fil-klima, avvenimenti ta’ tfixkil naturali huma mistennija li jsiru aktar frekwenti. L-imġiba tas-suq se tiddependi prinċipalment mill-kuntest ekonomiku. Is-sostituzzjoni tal-materjal u l-injam għal inizjattivi ta’ enerġija flimkien ma’ programmi ta’ afforestazzjoni u riforestazzjoni huma mistennija li jiżdiedu hekk kif jiġu xprunati minn politiki li ser jidħlu fis-seħħ fl-2021. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li dawn jitwettqu skont prinċipji xierqa ta’ ġestjoni ekoloġika li jżidu r-reżiljenza futura tal-foresti għan-nirien, in-nixfiet u tfixkil ieħor relatat mal-klima, kif ukoll jgħinu biex jitreġġgħu lura t-tendenzi ta’ tnaqqis tal-bijodiversità.
Skont stimi preliminari li jużaw ir-regoli kontabilistiċi għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto, Ċipru, il-Finlandja, il-Litwanja u n-Netherlands għandhom debiti netti tal-LULUCF li huma iżgħar minn 1 Mt CO2-ekwivalenti fis-sena. Livelli ogħla ta’ debiti huma mbassra għaċ-Ċekja, il-Latvja u s-Slovenja (1,5, 2,4 u 3,2 Mt CO2-ekwivalenti fis-sena, rispettivament).
Il-Qafas tal-UE dwar il-Klima u l-Enerġija għall-2030 jintegra l-emissjonijiet u l-assorbimenti mis-settur tal-art mill-2021 permezz ta’ sett ta’ regoli tal-kontabbiltà adattati mill-Protokoll ta’ Kjoto. Ir-Regolament LULUCF
XXXIV
jirrikjedi li kull Stat Membru jiżgura li emissjonijiet ikkalkolati mill-użu tal-art jiġu kompletament ikkumpensati minn assorbiment ekwivalenti ta’ CO2 mill-atmosfera permezz ta’ azzjoni fis-settur. Biex jagħmlu dan ir-regolament operattiv, l-Istati Membri ppreżentaw Pjanijiet Nazzjonali tal-Kontabbiltà għall-Forestrija riveduti, inklużi l-Livelli ta’ Referenza għall-Foresti proposti. Il-Kummissjoni analizzat il-proposti riveduti, ikkonsultat lill-Grupp ta’ Esperti dwar l-LULUCF u lill-pubbliku ġenerali, u indirizzat kwistjonijiet permezz ta’ korrezzjonijiet mill-Istati Membri jew kalkoli mill-ġdid mill-Kummissjoni. Ir-Regolament Delegat li jistabbilixxi l-livelli ta’ referenza għall-foresti tal-Istati Membri għall-perijodu mill-2021 sal-2025 ġie adottat mill-Kummissjoni fit-28 ta’ Ottubru 2020.
5.IL-FINANZJAMENT TAL-AZZJONI KLIMATIKA
L-integrazzjoni tal-politiki dwar il-klima fil-baġit tal-UE
Is-sodisfazzjon tal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew se jirrikjedi żieda sinifikanti fl-investimenti u se jiddependi inevitabbilment fuq l-involviment tas-settur privat, billi l-investiment fuq skala kbira jiġi trasferit għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih. Strumenti ta’ politika u mekkaniżmi finanzjarji ġodda, mudelli u servizzi ta’ negozju fixkiela, u l-innovazzjoni tas-soċjetà kollha se jkunu meħtieġa biex jiġu pprovduti sinjali u prevedibbiltà korretti tal-investiment għall-investituri, sabiex ir-riċerka tinbidel f’opportunitajiet ta’ investiment u negozji innovattivi, u jġibu fis-suq soluzzjonijiet ta’ azzjoni klimatika meħtieġa.
Huwa stmat li l-ilħuq tal-miri attwali tal-UE għall-klima u l-enerġija għall-2030 tirrikjedi żidiet fl-investimenti annwali relatati mal-produzzjoni u l-użu tal-enerġija fl-2021-2030 bi ftit aktar minn punt perċentwali wieħed tal-PDG bħala medja meta mqabbla mad-deċennju preċedenti, jiġifieri żieda ta’ madwar EUR 260 biljun fis-sena. Għal mira ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra akbar ta’ mill-anqas 55 %, din iċ-ċifra għandha tiżdied għal madwar EUR 350 biljun fis-sena. Madwar terz minn dawn l-investimenti addizzjonali huma meħtieġa fis-setturi tat-trasport u residenzjali. Is-setturi pubbliċi u privati se jkollhom bżonn jimmobilizzaw dan l-investiment addizzjonali. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku, il-Kummissjoni pproponiet il-Pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew biex tappoġġa lill-Istati Membri. Il-ftehim li ntlaħaq fil-Kunsill Ewropew f’Lulju jipprevedi li mill-anqas 30 % tal-baġit fit-tul tal-UE li jmiss (QFP u Next Generation EU) għandu jkun iddedikat għall-azzjoni klimatika biex jiżdied il-livell attwali ta’ 20 % stabbilit għall-2014-2020. L-aħħar data disponibbli fl-Illustrazzjoni 9 turi li din in-nefqa kienet tammonta għal 21 % tal-baġit fl-2020, u b’kollox għal madwar EUR 210 biljuni matul il-perjodu kollu.
Il-Pjan jgħin ukoll biex jiġu mobilizzati l-investimenti privati permezz ta’ strumenti finanzjarji mmirati bħall-garanziji tal-UE u l-finanzjament tal-ekwità lill-Bank Ewropew tal-Investiment. Barra minn hekk, se jiġi stabbilit Fond għal Tranżizzjoni Ġusta biex jappoġġa lil dawk ir-reġjuni li jiddependu ħafna minn attivitajiet b’użu intensiv tal-karbonju billi pereżempju jipprovdi aċċess għal programmi ta’ taħriġ mill-ġdid u opportunitajiet ta’ impjieg f’setturi ekonomiċi ġodda.
Illustrazzjoni 9: Infiq rilevanti għall-klima fil-baġit tal-UE, 2014-2020 (EUR miljun u perċentwal tal-baġit tal-UE)
Finanzi sostenibbli
Bidla fundamentali fix-xejriet tal-investiment fit-terminu medju għal dak twil se tkun essenzjali biex tinkiseb UE newtrali għall-klima. Bħala parti mill-ambjent leġiżlattiv, l-UE qiegħda tallinja l-qafas tas-swieq finanzjarji u kapitali tagħha mal-isfidi klimatiċi.
L-UE kompliet timplimenta l-pjan ta’ azzjoni tal-2018 biex tintegra s-sostenibbiltà fis-swieq kapitali:
-Ir-Regolament dwar il-Parametru Referenzjarju emendat jintroduċi kategorija ġdida, l-hekk imsejħa parametri referenzjarji tal-UE dwar il-Klima, jiġifieri l-Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi, u divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà għall-parametri referenzjarji kollha;
-ir-Regolament dwar it-Tassonomija jistabbilixxi qafas li jiffaċilita l-investiment sostenibbli;
-Ir-Regolament dwar id-Divulgazzjoni rigward divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji;
-Bidliet fl-atti delegati eżistenti skont l-AIFMD
XXXV
, il-UCITS
XXXVI
, is-Solvenza II, il-MiFID
XXXVII
II u l-IDD
XXXVIII
biex jintegraw fatturi ta’ sostenibbiltà, ir-riskji għas-sostenibbiltà u l-preferenzi ta’ sostenibbiltà fir-rekwiżiti tal-organizzazzjoni u l-kundizzjonijiet operattivi għall-entitajiet rilevanti tas-settur finanzjarju kif ukoll il-proċessi ta’ sorveljanza u governanza tal-prodotti.
Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni nediet u aċċellerat il-proċessi preparatorji għal Strateġija ta’ Finanzjament Sostenibbli mġedda li għandha l-objettiv li ssaħħaħ il-pedamenti għal investiment sostenibbli, iżżid l-opportunitajiet ta’ investiment ekoloġiku, u tiġġestixxi bis-sħiħ ir-riskji klimatiċi u ambjentali.
Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (Orizzont Ewropa)
Ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) huma kruċjali għall-azzjoni klimatika. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat finanzjament adegwat u li jiġi skattat l-investiment meħtieġ għar-riċerka u l-innovazzjoni li jappoġġaw it-teknoloġiji rivoluzzjonarji, l-adozzjoni mis-suq u l-użu fuq skala kbira ta’ soluzzjonijiet trasformattivi, meħtieġa biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE dwar il-klima.
Fl-ambitu tal-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020, il-Patt Ekoloġiku Ewropew b’baġit ta’ EUR 1 biljun għandu l-għan li jagħti bidu għal azzjoni klimatika urġenti b’appoġġ għall-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Barra minn hekk,
il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni
XXXIX
ta aktar minn EUR 307 miljuni lil 64 negozju ġdid rivoluzzjonarji u SMEs li qed jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Istrateġija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa.
Mill-2021, il-programm għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont Ewropa se jikkontribwixxi għal irkupru inklużiv u se jiżviluppa soluzzjonijiet għall-azzjoni klimatika. Mill-anqas 35 % tal-baġit tiegħu se jkun iddedikat għall-azzjoni klimatika.
L-użu tal-Istati Membri ta’ dħul mill-irkant ta’ kwoti tal-EU ETS
Fl-2019, l-Istati Membri tal-EU-28 kisbu EUR 14,1-il biljun mid-dħul mill-irkant. Iż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-karbonju wasslet għal żieda kontinwa fid-dħul mill-irkant tal-kwoti tal-EU ETS fil-passat. Kuntrarju għal dan, l-Illustrazzjoni 10 hawn taħt turi tnaqqis żgħir fid-dħul totali tal-EU ETS mill-2018 sal-2019. Dan it-tnaqqis jirriżulta mill-fatt li ma sar l-ebda rkant fir-Renju Unit fl-2019 minħabba miżuri ta’ salvagwardja wara l-Brexit. L-irkant reġa’ beda fir-Renju Unit fl-2020.
Fl-2019, total ta’ 77 % tad-dħul intuża, jew huwa ppjanat li jintuża, għal skopijiet relatati mal-klima u l-enerġija. Din hija żieda sinifikanti meta mqabbla mas-sehem ta’ 70 % fl-2018.
Matul is-snin 2013-2019, kważi 78 % tad-dħul mar għan-nefqa fuq il-klima u l-enerġija b’sehem ta’ 4 % tad-dħul totali jew EUR 1,9 biljun ikun dirett għan-nefqa internazzjonali fuq il-klima u l-enerġija.
Illustrazzjoni 10: L-użu tad-dħul mill-irkant ta’ kwoti tal-ETS 2013-2019 (EUR biljun), EU-28
Matul is-snin, l-Illustrazzjoni 11 turi li l-biċċa l-kbira tad-dħul mill-irkant tal-kwoti tal-EU ETS li jintużaw domestikament intnefaq fuq l-enerġija rinnovabbli, fuq l-effiċjenza enerġetika u fuq it-trasport sostenibbli. Fl-2019, intnefqu EUR 3,7, EUR 2,9 u EUR 0,7 biljuni fi dħul domestiku rispettivament għal dawn l-għanijiet.
Illustrazzjoni 11: Użu domestiku tad-dħul mill-irkant ta’ kwoti tal-ETS 2013-2019 (EUR biljun), EU-28
Riżerva għal Min Jidħol Ġdid (NER 300) fl-ambitu tal-ETS
L-NER 300 huwa programm ta’ finanzjament fuq skala kbira għal proġetti ta’ dimostrazzjoni innovattivi ta’ enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Din għandha l-għan li turi teknoloġiji innovattivi tal-enerġija rinnovabbli (RES) u l-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS) ambjentalment sikuri fuq skala kummerċjali fl-UE. L-NER 300 ġiet iffinanzjata mill-monetizzazzjoni ta’ 300 miljun kwota tal-emissjoni mir-Riżerva għal Min Jidħol Ġdid. Il-fondi ngħataw lill-proġetti magħżula permezz ta’ żewġ sensiliet ta’ sejħiet għal proposti f’Diċembru 2012 u f’Lulju 2014. B’riżultat ta’ dan, 38 proġett tal-enerġija rinnovabbli u proġett wieħed tal-qbid u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju li jammontaw għal EUR 2,1 biljun ingħataw finanzjament f’20 Stat Membru tal-UE. Disa’ proġetti issa huma operattivi, u tliet proġetti oħra mit-tieni sejħa huma mistennija li jibdew joperaw sat-30 ta’ Ġunju 2021. Proġett wieħed jitqies li tlesta u erba’ proġetti oħra jinsabu f’diversi stadji ta’ żvilupp.
Minħabba l-kuntest ekonomiku u politiku diffiċli minn meta tfassal il-programm NER 300, 22 proġett li kienu ntgħażlu għall-finanzjament, sabuha diffiċli biex itellgħu biżżejjed ekwità jew jattiraw appoġġ finanzjarju addizzjonali u ġew irtirati sa Lulju 2020. L-irtirar miż-żewġ sejħiet għall-proposti llibera total ta’ kważi EUR 1,5 biljun. Id-Deċiżjoni dwar l-NER 300 emendata ppermettiet l-investiment mill-ġdid tal-fondi mhux użati ta’ EUR 708,7 miljun mill-proġetti kkanċellati tal-ewwel sejħa permezz ta’ strumenti finanzjarji eżistenti. Fl-ambitu tal-Proġetti ta’ Dimostrazzjoni tal-Enerġija InnovFin (InnovFin EDP) u l-Istrument tad-Dejn tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (DI tal-FNE), s’issa, tmien proġetti ġew allokati kważi EUR 201 miljun mill-finanzjament disponibbli (ara l-Eżempju 5). Il-fondi mhux użati mill-proġetti kkanċellati tat-tieni sejħa (EUR 746 miljun s’issa) se jiżdiedu mar-riżorsi disponibbli għall-Fond għall-Innovazzjoni.
Eżempju 5. Il-fondi tal-NER 300 investiti mill-ġdid fi proġetti għall-produzzjoni tal-fjuwil mill-iskart tal-gass li jagħmel l-azzar u l-elettrifikazzjoni tat-trasport pubbliku
Il-fondi mhux użati mill-ewwel sejħa għal proposti (EUR 709 miljuni) huma investiti mill-ġdid fl-InnovFin EDP u d-DI tal-FNE, it-tnejn amministrati mill-Bank Ewropew tal-Investiment.
Mill-aħħar rapport ta’ progress, żewġ proġetti ġodda, Voltalis minn Franza li jttejjeb l-effiċjenza enerġetika u Steelanol dwar id-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-azzar fil-Belġju (ara hawn taħt), intgħażlu biex jibbenefikaw mill-fondi li ma ntefqux tal-NER 300 sa EUR 95 miljun fl-ambitu tal-InnovFin EDP.
Appoġġ tal-NER 300 ta’ madwar EUR 34 miljun ingħata fl-ambitu tad-DI tal-FNE lil tliet proġetti innovattivi ta’ trasport nadif li jinsabu fl-Italja u l-Ġermanja.
Tliet proġetti tal-enerġija rinnovabbli oħrajn ibbenefikaw mill-għajnuna għall-iżvilupp tal-proġett iffinanzjata minn fondi mhux minfuqa tal-NER 300. Dawn il-proġetti mill-Iżvezja, mill-Italja u min-Netherlands jindirizzaw it-tibdil fil-klima billi jiżviluppaw impjanti ta’ dimostrazzjoni innovattivi u li huma l-ewwel tat-tip tagħhom.
InnovFin EDP: Steelanol - produzzjoni tal-fjuwil mill-gass ta’ skart mill-produzzjoni tal-azzar
©Jeroen Op De Beeck, ArcelorMittal
Il-proġett Steelanol, stmat li jlaħħaq EUR 225 miljun, irċieva self ta’ EUR 75 miljun appoġġat bis-sħiħ minn riżorsi tal-NER 300. Dan il-proġett, li huwa l-ewwel tat-tip tiegħu, għandu l-għan li juri mogħdija għall-produzzjoni tal-etanol mill-gass ta’ skart integrat bis-sħiħ f’fabbrika tal-azzar fuq skala kbira, pass essenzjali lejn produzzjoni tal-azzar b’livell baxx ta’ karbonju.
Eżempju 5. ikompli.
Id-DI tal-FNE: Programm ta’ elettromobbiltà għal Hamburger Hochbahn
Il-proġett ta’ Hamburger Hochbahn, operatur tat-trasport pubbliku, għandu l-għan li jġedded u jelettrifika l-flotta tat-trasport pubbliku urban ta’ Hamburg. Dan se jissostitwixxi l-karozzi tal-linja tad-diżil b’100 karozza tal-linja elettrika (e-bus) u se juża l-infrastruttura tal-iċċarġjar. Il-proġett juża 100 % elettriku rinnovabbli ċċertifikat għall-karozzi tal-linja elettriċi tiegħu. Il-kumpanija tistenna li l-infrastruttura tal-iċċarġjar tkun modulari u skalabbli, faċli biex tinżamm, u effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u l-ispejjeż.
Il-proġett huwa appoġġat mid-DI tal-FNE b’kontribuzzjoni tal-NER 300 li tammonta għal EUR 4,7 miljun.
Il-Fond għall-Innovazzjoni
Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa fond għal livell baxx ta’ karbonju maħluq mid-Direttiva riveduta tal-EU ETS għall-fażi erbgħa. Dan jappoġġa, fuq bażi kompetittiva, l-iżvilupp tas-suq għall-ewwel darba u d-dimostrazzjoni fuq skala kummerċjali ta’ teknoloġiji innovattivi u innovazzjoni rivoluzzjonarja f’setturi koperti mill-EU ETS. Dan jinkludi l-enerġiji rinnovabbli innovattivi, l-industriji li jużaw ħafna enerġija, il-qbid, l-użu u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, il-ħżin tal-enerġija, kif ukoll il-prodotti ta’ sostituzzjoni u l-proġetti transsettorjali. Dan huwa ffinanzjat mill-irkantar ta’ 450 miljun kwota u dħul mhux żborżat mit-tieni sejħa tal-programm tal-NER 300. Sal-aħħar ta’ Settembru 2020, twettqu 31 irkant, li pprovdew aktar minn EUR 590 miljun. Fl-2020 se jiżdiedu EUR 746 miljun addizzjonali ta’ dħul mhux żborżat tal-NER 300. L-istruttura ta’ implimentazzjoni tal-fond ġiet stabbilita u l-għotjiet se jiġu ġestiti mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Networks (INEA) filwaqt li l-Bank Ewropew tal-Investiment se jipprovdi l-Għajnuna għall-Iżvilupp tal-Proġetti lil proġetti eliġibbli.
L-ewwel sejħa għal proposti, li tammonta għal EUR 1 biljun u li tindirizza proġetti fuq skala kbira tnediet f’Lulju 2020. Din se tkun segwita minn sejħiet regolari sal-2030, li jgħinu lill-kumpaniji jġibu l-progress ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi nodfa meħtieġa biex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050. Is-sejħa hija miftuħa għal proġetti f’setturi eliġibbli mill-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja u l-Iżlanda filwaqt li tippermetti wkoll kofinanzjament minn inizjattivi oħrajn ta’ finanzjament pubbliku, bħal għajnuna mill-Istat jew programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE. L-ewwel sejħa għal proġetti fuq skala żgħira b’nefqa kapitali ta’ anqas minn EUR 7,5 miljun hija ppjanata lejn l-aħħar tal-2020.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jappoġġa investimenti b’livell baxx ta’ karbonju fis-settur tal-enerġija u sistemi usa’ tal-enerġija ta’ għaxar Stati Membri tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant elenkati fid-Direttiva ETS. Barra minn hekk, ħames Stati Membri eliġibbli
XL
ddeċidew li jittrasferixxu kwoti addizzjonali għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. B’riżultat ta’ dan, 643 miljun kwota se jkunu disponibbli mill-2021 sal-2030
XLI
. L-ishma ta’ Stati Membri eliġibbli li jirriżultaw wara dawn it-trasferimenti huma murija fl-Illustrazzjoni 12
XLII
. Il-Fond għall-Modernizzazzjoni se jsegwi proċedura amministrattiva ħafifa. L-Istati Membri benefiċjarji huma responsabbli għall-għażla, għall-finanzjament u għar-rapportar tal-investimenti, u għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni se tkun responsabbli għad-deċiżjonijiet ta’ żborż wara valutazzjoni teknika u finanzjarja tal-BEI. Il-fond se jibda jkun operazzjonali mill-2021.
Illustrazzjoni 12: L-ishma tal-Istati Membri eliġibbli fil-Fond għall-Modernizzazzjoni
LIFE – Azzjoni Klimatika
Il-programm LIFE huwa l-istrument ta’ finanzjament tal-UE għall-azzjoni ambjentali u klimatika, li jikkofinanzja proġetti b’valur miżjud Ewropew. Il-baġit totali għall-finanzjament ta’ proġetti fl-2014 sal-2020 jammonta għal EUR 2,5 biljun fl-ambitu tas-sottoprogramm għall-ambjent u EUR 0,86 biljun fl-ambitu tas-sottoprogramm għall-azzjoni klimatika. Il-biċċa l-kbira tal-proġetti LIFE Ambjentali jwasslu wkoll benefiċċji kollaterali klimatiċi.
L-Azzjoni Klimatika ta’ LIFE tappoġġa proġetti ta’ mitigazzjoni u adattament, governanza tal-klima u informazzjoni dwarha. In-numru ta’ proposti sottomessi fis-sejħa LIFE tal-2019 kien ogħla minn dawk fi snin preċedenti. Fis-sejħa ta’ LIFE tal-2019 għal proġetti tradizzjonali, proposti li jinvolvu benefiċjarji li jikkoordinaw minn 13-il Stat Membru ġew rakkomandati għal finanzjament, bi Spanja, l-Italja u n-Netherlands jattiraw l-aktar finanzjament. Barra minn hekk, il-Proġetti Integrati tal-LIFE jimplimentaw pjanijiet u strateġiji ambjentali u klimatiċi reġjonali, multireġjonali jew nazzjonali meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ambjentali jew klimatika tal-UE, b’aktar finanzjament għal kull proposta milli għal proġetti tradizzjonali.
Il-qafas finanzjarju pluriennali għall-2021-2027 jinkludi baġit miżjud ta’ EUR 5,43 biljun
XLIII
għall-programm LIFE għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika bid-diżaggregazzjoni tematika fil-pie chart fl-Illustrazzjoni 13 hawn taħt.
Illustrazzjoni 13: L-allokazzjoni baġitarja proposta għal LIFE 2021-2027
Il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP)
Mill-2016, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri b’appoġġ tekniku estensiv u għarfien espert f’portafoll kbir ta’ proġetti relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika u n-newtralità klimatika. L-appoġġ għall-proġetti ekoloġiċi kiber b’mod sinifikanti matul l-implimentazzjoni tal-SRSP. Fl-SRSP tal-2020, madwar wieħed minn kull erba’ proġetti kkontribwixxa għall-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluż l-azzjoni klimatika. Fl-2020, tnediet ukoll sejħa speċjali biex tingħata assistenza teknika lill-Istati Membri li talbuha bi tħejjija għall-pjanijiet territorjali ta’ tranżizzjoni ġusta, fil-kuntest tal-Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta. B’mod ġenerali, l-SRSP tal-2019 u 2020 appoġġaw 104 proġetti ekoloġiċi (tal-anqas parzjalment) f’25 Stat Membru. L-SRSP tal-2020 qed jappoġġa wkoll 18-il Stat Membru fit-tħejjija tal-pjanijiet rispettivi tagħhom ta’ tranżizzjoni territorjali ġusta. Fl-istess ħin, l-SRSP tal-2019 kompla jappoġġa t-tranżizzjoni lil hinn mill-faħam b’żewġ proġetti. Fl-SRSP tal-2020, ġew approvati żewġ assenjamenti addizzjonali, li jipprovdu għarfien espert lill-Istati Membri biex jgħinu ħalli tintlaħaq it-tneħħija gradwali tal-faħam. Mill-2020 ’il quddiem, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) imġedded se jkopri wkoll aspetti tat-tranżizzjoni ġusta. Il-baġit tat-TSI jista’ jipprovdi għarfien espert imfassal apposta biex jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki dwar il-klima, inkluż it-taħriġ rilevanti mmirat lejn il-bini tal-kapaċità fost l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.
6.L-ADATTAMENT GĦAT-TIBDIL FIL-KLIMA
L-impatti tat-tibdil fil-klima qed jinħassu dejjem aktar madwar l-Ewropa u madwar id-dinja kollha. Dawn l-aħħar ħames snin kienu l-iżjed sħan, u l-mewġiet ta’ sħana, in-nixfiet u n-nirien mhux ikkontrollati qed isiru dejjem aktar komuni madwar l-Ewropa. Dan jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jkun hemm adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi fokus akbar fuq l-adattament, filwaqt li jibni fuq il-kisbiet tal-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE attwali, li ġiet adottata fl-2013 biex tħejji lill-Istati Membri għall-impatti klimatiċi attwali u futuri:
üL-Istati Membri kollha tal-UE issa għandhom strateġija jew pjan nazzjonali ta’ adattament
üAktar minn 2 700 belt u raħal fl-Ewropa huma impenjati permezz tal-Patt tas-Sindki biex itejbu r-reżiljenza tagħhom għall-klima, u dan jirrifletti żieda ta’ madwar 800 mill-2019
üBosta Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima fihom għanijiet ta’ adattament u jikkunsidraw ir-riskji klimatiċi għas-settur tal-enerġija
üF’Jannar 2019, ġiet implimentata verżjoni ġdida tal-pjattaforma Climate-ADAPT flimkien mal-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Climate-ADAPT tal-2019-2021
üIl-Kummissjoni Ewropea ppubblikat ir-raba’ edizzjoni tar-rapport PESETA
XLIV
tagħha dwar firxa ta’ projezzjonijiet u l-adattament tal-impatt fuq il-klima fl-UE u lil hinn minnha
üIl-programm LIFE jkompli jiffinanzja proġetti ta’ adattament f’oqsma kruċjali bħall-agrikoltura, il-forestrija, il-ġestjoni tal-ilma, il-bini jew iż-żoni protetti
Eżempju 6. Il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti tal-Katalonja permezz tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti
Il-Katalonja bdiet tiżviluppa l-mudelli tas-silvikultura ORGEST tagħha fl-2004 bħala mezz biex timmaniġġja b’mod sostenibbli l-foresti u tipproteġihom minn nirien kbar, filwaqt li tippermettilhom ikomplu jipproduċu l-injam, is-sufra, il-ġewż tal-arżnu u oġġetti oħra. Il-linji gwida ORGEST li jirriżultaw huma sett ta’ parametri referenzjarji għall-ġestjoni tal-foresti, għad-diversi formazzjonijiet tas-siġar fir-reġjun. Ftit anqas minn 60 % tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti approvati fir-reġjun bejn Jannar 2014 u Ġunju 2017 jużaw il-mudelli tas-silvikultura ORGEST. Aktar minn nofshom għandhom objettiv kombinat ta’ prevenzjoni u produzzjoni.
Il-proġett LIFE+ DEMORGEST (flimkien ma’ proġett LIFE Natura komplementari msejjaħ Life+ Pinassa) ipprovda opportunità biex jiġu applikati l-mudelli ORGEST fuq skala ta’ pajsaġġ f’żewġ żoni pilota b’riskju għoli ta’ nirien, u f’seba’ rqajja’ ta’ dimostrazzjoni fejn ġew ittestjati 10 mill-mudelli ORGEST. Il-proġett jista’ juri li l-investimenti fil-metodi ta’ prevenzjoni tan-nirien fil-foresti skont il-linji gwida ORGEST jistgħu jiġġeneraw 2,5 drabi l-ammont investit f’termini ta’ redditi mis-servizzi tal-ekosistema. Pereżempju, l-irqajja’ li jsegwu l-parir mill-mudelli ORGEST għandhom rata ta’ assorbiment annwali ta’ CO₂ li hija 60 % ogħla minn sitwazzjonijiet mingħajr ġestjoni, filwaqt li l-effiċjenza fl-użu tal-ilma żdiedet b’ammont sa 40 %.
Bħala waħda mill-inizjattivi mħabbra fl-ambitu tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem fuq strateġija ġdida u aktar ambizzjuża tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima li għandha tiġi adottata fil-bidu tal-2021. Saret konsultazzjoni estensiva mal-partijiet ikkonċernati għall-istrateġija l-ġdida bejn Mejju u Awwissu 2020. L-istrateġija l-ġdida se tibni fuq l-Istrateġija ta’ Adattament tal-UE għall-2013, li ġiet evalwata b’mod pożittiv fl-2018
XLV
, inkluż diversi oqsma għat-titjib u l-ħtieġa li l-UE:
·tallinja l-azzjoni ta’ adattament tagħha mal-Ftehim ta’ Pariġi, il-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri u l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU;
·tappoġġa aktar azzjoni klimatika miċ-ċittadini permezz tal-Patt Ewropew dwar il-Klima l-ġdid;
·issaħħaħ aħjar l-infrastruttura kontra t-temp estrem u l-impatti tat-tibdil fil-klima;
·tinkorpora approċċi bbażati fuq l-ekosistema fil-valutazzjoni u fl-għażla tal-għażliet ta’ adattament;
·iżżid l-attenzjoni fuq kwistjonijiet ta’ saħħa pubblika fil-politika u l-ippjanar ta’ adattament.
Fl-ambitu tas-suċċessur ta’ Orizzont 2020, Orizzont Ewropa, fl-2021 se titnieda Missjoni ambizzjuża dwar l-Adattament għat-tibdil fil-klima, inkluża t-trasformazzjoni tas-soċjetà. Il-missjonijiet ta’ Orizzont Ewropa se jiffukaw ir-riċerka u se jżidu l-innovazzjoni f’oqsma ta’ impatt kbir għall-UE, u se jinvolvu liċ-ċittadini, l-industrija u l-appoġġ pubbliku permezz ta’ sforzi kkoordinati biex jinkisbu miri ambizzjużi.
L-Istati Membri jirrapportaw regolarment fl-ambitu tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Fuq il-bażi ta’ dawn ir-rapporti u ta’ evidenza addizzjonali, il-Kummissjoni tippubblika regolarment “Ħarsa ġenerali lejn ir-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem li l-UE tista’ tiffaċċja”
XLVI
. Ir-rapport jidentifika, u għalhekk itejjeb l-għarfien dwar, u t-tħejjija għal, riskji marbuta man-nirien fil-foresti, l-għargħar, in-nixfiet u avvenimenti estremi oħra tat-temp.
7.IL-KOOPERAZZJONI KLIMATIKA INTERNAZZJONALI
L-avjazzjoni
F’Ottubru 2019, l-40 Assemblea tal-ICAO affermat mill-ġdid l-appoġġ tagħha għall-Iskema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA) ibbażata fuq is-suq globali u ddeċidiet li tibda taħdem fuq mira fit-tul għat-tnaqqis tal-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali, fid-dawl tal-adozzjoni tagħha fl-Assemblea li jmiss fl-2022. S’issa, 88 pajjiż offrew ruħhom biex jingħaqdu mill-2021, hemm inċertezzi relatati mal-kopertura finali u r-robustezza tal-iskema fid-dawl tar-riżervi ta’ pajjiżi b’attività importanti tal-avjazzjoni. F’Marzu 2019, il-Kunsill tal-ICAO approva l-ewwel sett ta’ sitt programmi li jistgħu jipprovdu unitajiet għall-kumpens tal-emissjonijiet matul il-fażi pilota CORSIA mill-2021 sal-2023. Fl-2020, infetaħ perjodu ġdid ta’ applikazzjoni għat-tieni mewġa ta’ unitajiet eliġibbli li bħalissa qed jiġu vvalutati, b’deċiżjoni tal-ICAO ippjanata sal-aħħar tas-sena. Il-Kunsill tal-ICAO ta’ Ġunju 2020 qabel ukoll fuq il-bidla tal-linja bażi għall-CORSIA, li issa hija bbażata biss fuq l-emissjonijiet tal-2019 matul il-fażi pilota.
L-Istati Membri tal-UE nnotifikaw
XLVII
lill-ICAO dwar id-differenzi eżistenti bejn il-karatteristiċi tal-EU ETS għall-avjazzjoni u l-karatteristiċi legalment vinkolanti tal-CORSIA li jinsabu fl-Istandards u Prattiki Rakkomandati (SARPs) għall-protezzjoni tal-interessi tal-UE. L-UE ħarġet ukoll dikjarazzjoni
XLVIII
fl-40 Assemblea tal-ICAO li fiha ddikjarat li, filwaqt li l-UE appoġġat b’mod qawwi l-CORSIA u baqgħet impenjata bis-sħiħ biex timplimentaha mill-bidu tal-fażi pilota, hija żżomm id-dritt tagħha li żżid il-livell ta’ ambizzjoni tal-klima fl-indirizzar tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni li ma jiddiskriminawx skont in-nazzjonalità tal-operaturi.
L-UE diġà għandha stabbilit qafas integrat ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni għall-EU ETS u l-CORSIA. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed tivvaluta għażliet ta’ politika differenti għal proposta leġiżlattiva sa Ġunju 2021 biex timplimenta aspetti ulterjuri tal-CORSIA fl-UE, permezz tal-emenda tad-Direttiva tal-EU ETS.
Is-settur marittimu
It-trasport marittimu internazzjonali jittrasporta 80 % tal-volum tal-kummerċ dinji u huwa responsabbli għal 2-3 % tal-emissjonijiet kollha tal-gassijiet serra. Fil-futur, dawn l-emissjonijiet huma mistennija li jiżdiedu b’mod sinifikanti jekk miżuri ta’ mitigazzjoni ma jiġux implimentati malajr.
Wara l-adozzjoni tal-istrateġija inizjali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) fl-2018
XLIX
, il-Kummissjoni Ewropea hija involuta mill-qrib fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar l-implimentazzjoni tagħha. S’issa, id-diskussjonijiet iffukaw b’mod partikolari fuq miżuri għal żmien qasir li jistgħu jwasslu għal aktar tnaqqis fl-emissjonijiet qabel l-2023, filwaqt li jibnu wkoll fuq miżuri eżistenti tal-IMO
L
, bħall-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika tad-Disinn u l-Pjan dwar il-Ġestjoni tal-Effiċjenza Enerġetika tal-Bastimenti.
Barra minn hekk, fl-2019, is-sistema tal-UE għall-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu kkonfermat l-impatt sostanzjali tat-trasport marittimu b’aktar minn 138 miljun tunnellata ta’ CO2 rilaxxati fl-atmosfera fl-2018. Hija kkonfermat ukoll il-marka tal-karbonju sinifikanti tal-kummerċ estern tal-baħar tal-UE, b’madwar żewġ terzi tal-emissjonijiet tas-CO2 irrapportati li ġejjin minn vjaġġi lejn jew minn port barra ż-Żona Ekonomika Ewropea. B’mod ġenerali, dawn l-emissjonijiet tas-CO2 jirrappreżentaw madwar 3,7 % tal-emissjonijiet totali tas-CO2 irrapportati
LI
mill-Unjoni Ewropea fl-2018
LII
. F’Mejju 2020, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel rapport annwali tagħha dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport marittimu. Dan ir-rapport jippermetti fehim komprensiv u granulari tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-bastimenti li jidħlu fil-portijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Jipprovdi wkoll analiżi siewja dwar il-karatteristiċi u l-effiċjenza enerġetika tal-bastimenti, u jgħin biex jiġu identifikati d-diversi fatturi li jinfluwenzaw l-emissjonijiet tas-CO2
LIII
. Bħala tali, is-sistema tal-UE ta’ monitoraġġ, rapportar u verifikazzjoni (MRV) tipprovdi informazzjoni siewja lil dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu u tista’ tikkostitwixxi l-bażi għal kwalunkwe miżura bħal din li se tiġi adottata skont il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Bħalissa għaddejja reviżjoni dwar jekk is-sistema tal-MRV tal-UE tistax tiġi allinjata, fejn xieraq, mas-sistema tal-ġbir tad-data tal-IMO.
Fl-2019, il-Patt Ekoloġiku Ewropew ħabbar ġabra ta’ miżuri biex jiġi żgurat li t-trasport marittimu jikkontribwixxi għall-isforz tal-UE fil-klima, inkluża proposta biex jiġi estiż in-negozjar tal-kwoti tal-emissjonijiet Ewropej għas-settur marittimu biex jiġi żgurat li l-prezz tat-trasport jirrifletti l-impatt tiegħu fuq il-klima u inizjattiva speċifika biex jiġu miżjuda l-produzzjoni u l-użu ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli għall-bastimenti.
L-appoġġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw
L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu l-akbar fornituri ta’ għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fid-dinja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi pprovdew EUR 75,2 biljun fl-2019. L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma wkoll l-akbar fornituri ta’ finanzjamenti pubbliċi għall-klima, b’kontribuzzjoni ta’ EUR 23,2 biljun fl-2019, żieda ta’ 6,9 % meta mqabbla mal-2018.
Il-Kummissjoni se tipprovdi mill-anqas EUR 14-il biljun (jew medja ta’ EUR 2 biljun fis-sena) biex tappoġġa l-attivitajiet tal-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2014-2020. Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment ipprovda EUR 3 biljun f’finanzjament għall-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2018. Huwa jiffinanzja, pereżempju, proġetti ta’ effiċjenza enerġetika u ta’ enerġija rinnovabbli fl-Afrika u f’reġjuni oħra.
L-inizjattiva tal-Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima+ (GCCA+), b’baġit ta’ EUR 750 miljun mill-2007 sal-2020, tikkontribwixxi lejn l-objettiv ta’ 20 % tal-integrazzjoni tal-klima għall-perjodu 2014-2020. L-inizjattiva ewlenija tal-UE tal-GCCA+ tgħin lill-aktar pajjiżi vulnerabbli fid-dinja biex jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Hija tiffoka fuq il-bini tar-reżiljenza klimatika fil-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (LDCs) u l-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw (SIDS). Fl-2015, il-GCCA+ espandiet biex tinkludi l-pajjiżi b’introjtu medju b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (NDCs) tagħhom fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi. S’issa, iffinanzjat aktar minn 80 proġett fl-Afrika, fl-Asja, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Barra minn hekk, fl-2018, il-Kummissjoni wegħdet EUR 10 miljun għall-fond ta’ adattament tal-UNFCCC.
Barra minn hekk, se tiġi stabbilita faċilità ta’ assistenza teknika biex tipprovdi assistenza teknika u konsulenza politika biex tappoġġa l-aġġornament u l-implimentazzjoni tal-Kontributi Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali skont l-istrateġiji klimatiċi u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-faċilità se tappoġġa wkoll il-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ Pjanijiet Nazzjonali ta’ Adattament, politiki u prattiki dwar l-art, strateġiji ta’ tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u strateġiji ta’ żvilupp b’livell baxx ta’ karbonju jew newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Fil-livell reġjonali, l-UE tappoġġa l-Inizjattiva ta’ Adattament tal-Afrika biex tippromwovi l-adattament għat-tibdil fil-klima madwar il-kontinent.
L-UE u l-Istati Membri tagħha huma d-donatur ewlieni fid-dinja ta’ għajnuna umanitarja, inkluża l-għajnuna lil dawk in-nies li huma l-aktar vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima. It-tħejjija għad-diżastri – inkluż għal dawk ikkawżati mit-tibdil fil-klima – hija dejjem aktar inkorporata fi programmi u proġetti ta’ għajnuna umanitarja.
Noti tekniċi
-
(I)
“EU-27” tfisser l-UE attwali
-
(II)
EEA (2020), Inventarju approssimat tal-gassijiet serra tal-UE - Stimi indikattivi tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-2019, għadu jrid jinħareġ
-
(III)
Ma saret l-ebda stima għall-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-LULUCF fl-inventarju approssimat tal-gassijiet serra tal-UE għall-2019. L-użu tad-data tal-2018 dwar l-LULUCF bħala indikatur għall-2019, it-tnaqqis nett tal-emissjonijiet (inkluż l-LULUCF) meta mqabbel mal-1990 kien ta’ 25 %.
-
(IV)
Minbarra l-mira skont il-UNFCCC, l-EU-27, flimkien mal-Iżlanda u r-Renju Unit, impenjaw ruħhom ukoll għal tnaqqis vinkolanti tal-emissjonijiet għat-tieni perjodu ta’ impenn tal-Protokoll ta’ Kjoto (2013-2020). Il-mira hija li l-emissjonijiet jitnaqqsu b’20 %. Għal aktar informazzjoni dettaljata ara SWD [xyz] li fih informazzjoni addizzjonali bħala anness għal dan id-dokument.
-
(V)
Il-proporzjon mogħti bħala eżempju, statistikament impreċiż minħabba li l-PDG (kontabbiltà nazzjonali) u l-emissjonijiet (territorju) għandhom kampijiet ta’ applikazzjoni differenti.
-
(VI)
Minħabba kampijiet ta’ applikazzjoni differenti użati fil-kwantifikazzjoni tax-xenarji “bażi” u “żero nett” (fejn l-avjazzjoni internazzjonali mhijiex fil-kamp ta’ applikazzjoni, SWD(2020) 176) iż-żewġ serje ta’ żmien ippreżentati hawnhekk bħala “linja bażi” u “żero nett” ġew ikkalibrati skont il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ mira attwali tal-UE bl-użu tal-emissjonijiet storiċi, inkluż l-avjazzjoni internazzjonali fl-2019. Barra minn hekk, il-miri ta’ tnaqqis għall-2030 u l-2020 għall-UE (espressi f’perċentwali) ġew ikkonvertiti f’limiti approssimattivi tal-emissjonijiet għall-EU-27.
-
(VII)
AIE (2020), Sustainable Recovery, AIE, Pariġi. https://www.iea.org/reports/sustainable-recovery
-
(VIII)
Carbon Monitor: Aġġornament tad-data tal-20 ta’ Awwissu 2020.
https://carbonmonitor.org/
-
(IX)
Id-Direttiva 2008/101/KE, premessa 19,
https://eur-lex.europa.eu/legal- content/MT/TXT/?uri=celex%3A32008L0101
-
(X)
Il-Qafas ta’ Finanzjament Pluriennali tal-UE 2021-2027 EUR 1074,3 biljun u Next Generation EU EUR 750 biljun, l-istrument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-pakkett ta’ rkupru
-
(XI)
SWD(2020) 205 final
-
(XII)
Minħabba l-bidliet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ETS, is-serje ta’ żmien mhijiex konsistenti qabel l-2013. L-illustrazzjoni tinkludi l-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fl-EU ETS fis-snin rispettivi. Fażi 4 tal-limitu massimu b’mira eżistenti ta’ 40 %. L-avjazzjoni hija inkluża fil-limitu massimu għall-2012-2019.
-
(XIII)
C(2020) 2835 final,
https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ets/reform/docs/c_2020_2835_en.pdf
-
(XIV)
Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kollegament tal-iskemi għan-negozjar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tagħhom, ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.
-
(XV)
L-irkant għar-Renju Unit, sospiż temporanjament fl-2019, kompla fl-2020.
-
(XVI)
Skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit għadu japplika d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-ESD.
-
(XVII)
Ir-Regolament (UE) 2018/842 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi.
-
(XVIII)
Minħabba l-Brexit, il-miri aggregati (AEAs) għas-27 Stat Membru ma għadhomx jilħqu eżattament il-miri ta’ tnaqqis fil-livell tal-UE espressi f’perċentwal kif jinsabu fl-ESD u l-ESR. Id-differenza għall-2030 hija ta’ madwar punt perċentwali.
-
(XIX)
-
(XX)
Fl-2019 u l-2020, l-Istati Membri ssottomettew projezzjonijiet fil-kuntest tal-NECPs u tar-Regolament dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ (UE) Nru 525/2013 (MMR) bħala parti mil-leġiżlazzjoni dwar il-kondiviżjoni tal-isforzi. Il-projezzjonijiet aggregati “bil-miżuri eżistenti” għas-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi huma bbażati fuq is-sottomissjonijiet ta’ projezzjoni tal-gassijiet serra skont ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 dwar il-Mekkaniżmu għall-Monitoraġġ tal-MMR jew l-NECPs, skont liema minnhom ikun l-aktar riċenti. 13-il Stat Membru rrapportaw projezzjonijiet aġġornati għall-gassijiet serra fl-2020 (AT, BE, CY, DK, EE, EL, HU, IE, LV, LT, LU, PL u SI). Il-miżuri ppjanati aggregati huma bbażati fuq il-projezzjonijiet tal-2030 dwar il-gassijiet serra “b’miżuri addizzjonali” għas-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi li kienu inklużi fl-NECPs. Jekk l-Istati Membri pprovdew projezzjonijiet f’Marzu 2020 taħt l-MMR ikkalibrati għal data aktar riċenti dwar l-inventarju, dawn intużaw. Għall-ftit Stati Membri li għalihom mhumiex disponibbli projezzjonijiet tal-miżuri ppjanati għas-setturi tal-kondiviżjoni tal-isforzi (DK, NL, PT, RO, SE, SK), ġew applikati dawn il-gap-fillers: Il-miri tal-ESR għad-DK, għall-NL u għar-RO, peress li l-miri stabbiliti fl-NECPs jimplikaw li jintlaħqu l-miri tal-ESR domestikament, il-miri nazzjonali domestiċi tal-ESR (SK), bi projezzjonijiet ta’ miżuri addizzjonali sottomessi skont l-MMR fl-2019 (PT). Għal SE bi projezzjonijiet ta’ miżuri eżistenti sottomessi f’Marzu 2019 huma ppreżentati; ċerti miżuri ġew implimentati jew ippjanati biex tinkiseb il-mira domestika għas-setturi tal-ESR ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas -50 % minn dak iż-żmien, li se jkun rifless biss fi projezzjonijiet aġġornati f’Marzu 2021. Għall-Bulgarija, huwa nnutat li l-projezzjoni tal-WEM għandha anqas emissjonijiet mill-projezzjoni tal-WAM. Raġuni waħda hija li dawn jirriżultaw minn eżerċizzji differenti ta’ mmudellar, WEM mis-sottomissjoni tal-MMR tal-2019 u WAM mill-NECP finali. Il-valuri tas-sena bażi tal-2005 kif użati skont id-Deċiżjoni dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi u ppubblikati fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja, pereżempju f’SWD(2018) 453 intużaw sakemm l-Istati Membri ma jipprovdux aġġornamenti tagħhom ibbażati fuq inventarji aktar riċenti mill-NECPs.
-
(XXI)
L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Polonja.
-
(XXII)
Il-miri għall-2021-2024 għandhom jiġu kkalkulati fid-WLTP
-
(XXIII)
COM(2020) 662 final
-
(XXIV)
L-Impjiegi u l-Iżvilupp Soċjali fl-Ewropa 2019, il-Kapitolu 5
-
(XXV)
Ir-Regolament (KE) Nru 1005/2009 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff tal-ożonu. L-evalwazzjoni:
https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/ozone/docs/swd_2019_406_en.pdf
-
(XXVI)
https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12310-Ozone-layer-protection-revision-of-EU-rules
-
(XXVII)
Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra’
-
(XXVIII)
Rapport dwar il-gassijiet F tal-2020, EEA, għadu jrid jinħareġ.
-
(XXIX)
https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12479-Review-of-EU-rules-on-fluorinated-greenhouse-gases
-
(XXX)
https://ec.europa.eu/clima/news/more-climate-friendly-alternatives-harmful-greenhouse-gases-used-air-conditioning-and_en
-
(XXXI)
It-tendenza fl-emissjonijiet u fl-assorbimenti rrapportati għall-UE hija differenti mill-kontabbiltà minħabba tnaqqis sinifikanti ta’ 65 Mt CO2-ekwivalenti ta’ assorbimenti netti mill-Ġestjoni tal-Foresti fir-Rumanija fl-2018. Dan huwa nnotat bħala żball fir-Rapport tal-Inventarju Nazzjonali tal-UE tal-2020 (Tabella 11.6, p 896). Fil-kontabbiltà, il-krediti mill-Ġestjoni tal-Foresti fir-Rumanija huma limitati għal 3,5 % tal-emissjonijiet fis-sena bażi.
-
(XXXII)
Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, il-Portugall u Spanja għażlu li jinkludu l-Ġestjoni tar-Raba’ fil-kontijiet tagħhom; Id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja u l-Portugall għażlu wkoll il-Ġestjoni tal-Imriegħi; Ir-Rumanija għażlet ir-Riveġetazzjoni.
-
(XXXIII)
L-emissjonijiet u l-assorbimenti rrapportati mil-LULUCF skont il-Protokoll ta’ Kjoto kif muri fl-Illustrazzjoni 8 huma bbażati fuq attivitajiet speċifiċi u mhumiex l-istess bħall-emissjonijiet u l-assorbimenti rrapportati abbażi tal-art mil-LULUCF skont l-inventarju tal-Konvenzjoni tal-UNFCCC kif inkluż fl-Illustrazzjoni 1.
-
(XXXIV)
Ir-Regolament (UE) 2018/841 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030.
-
(XXXV)
Id-Direttiva 2011/61/UE dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi
-
(XXXVI)
Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)
-
(XXXVII)
Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE
-
(XXXVIII)
Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni)
-
(XXXIX)
Il-Kummissjoni Ewropea nediet il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) bħala inizjattiva ewlenija mmirata biex tappoġġa lill-innovaturi Ewropej fiż-żieda tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja u fixkiela. Il-proposta għal Orizzont Ewropa allokat EUR 10 biljun għall-EIC.
-
(XL)
Iċ-Ċekja, il-Kroazja, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovakkja
-
(XLI)
https://ec.europa.eu/clima/policies/budget/modernisation-fund_en
-
(XLII)
Minħabba t-trasferimenti nazzjonali, dawn l-ishma jiddevjaw minn dawk elenkati fl-Anness IIb tad-Direttiva ETS.
-
(XLIII)
Allokazzjoni bbażata fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
-
(XLIV)
https://ec.europa.eu/jrc/en/peseta-iv
-
(XLV)
https://ec.europa.eu/clima/policies/adaptation/what_en
-
(XLVI)
https://ec.europa.eu/echo/sites/echo-site/files/swd_2017_176_overview_of_risks_2.pdf
. Ir-rapport li jmiss huwa mistenni f’Novembru 2020.
-
(XLVII)
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32018D2027
-
(XLVIII)
https://www.icao.int/Meetings/a40/Documents/10132_en.pdf
(ara p. 79)
-
(XLIX)
-
(L)
Fir-rigward tal-kwalità tal-arja, fl-2016 l-IMO ikkonfermat id-dħul fis-seħħ tal-limitu aktar strett ta’ 0,5 % ta’ kubrit globali (tnaqqis minn 3,5 %) fil-fjuwils marittimi mill-1 ta’ Jannar 2020.
-
(LI)
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1598194010804&uri=CELEX:52019PC0038
-
(LII)
Ir-Rapport Annwali tal-2019 mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-Emissjonijiet Marittimi tas-CO2,
https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/transport/shipping/docs/swd_2020_82_en.pdf
-
(LIII)
https://ec.europa.eu/clima/sites/clima/files/transport/shipping/docs/swd_2020_82_en.pdf