This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32018D2027
Council Decision (EU) 2018/2027 of 29 November 2018 on the position to be taken on behalf of the European Union within the International Civil Aviation Organization in respect of the First Edition of the International Standards and Recommended Practices on Environmental Protection — Carbon Offsetting and Reduction Scheme for International Aviation (CORSIA)
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA)
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2027 tad-29 ta’ Novembru 2018 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati Internazzjonali dwar il-Ħarsien Ambjentali — Skema ta’ Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA)
ST/14330/2018/INIT
ĠU L 325, 20.12.2018, p. 25–28
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/12/2018
20.12.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/25 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/2027
tad-29 ta' Novembru 2018
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, fir-rigward tal-Ewwel Edizzjoni tal-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali - Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Il-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (“il-Konvenzjoni”), li għandha l-għan li tirregola t-trasport bl-ajru internazzjonali, daħlet fis-seħħ fl-4 ta' April 1947. Din stabbilixxiet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO). |
(2) |
L-Istati Membri tal-Unjoni huma Stati kontraenti għall-Konvenzjoni u membri fl-ICAO, filwaqt li l-Unjoni għandha status ta' osservatur f'ċertu korpi tal-ICAO. |
(3) |
Skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill tal-ICAO għandu jadotta standards internazzjonali u prattiki rakkomandati. |
(4) |
Il-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima intemmet b'suċċess f'Diċembru 2015 bl-adozzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi. L-għan tal-Ftehim ta' Pariġi huwa li jillimita ż-żieda fit-temperatura medja globali b'ferm inqas minn 2 °C 'il fuq mil-livelli preindustrijali, u jkompli l-isforzi biex jillimita ż-żieda fit-temperatura għal 1,5 °C 'il fuq minn dawk il-livelli. Jenħtieġ li s-setturi kollha tal-ekonomija jikkontribwixxu għall-ksib ta' dan it-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluża l-avjazzjoni internazzjonali. |
(5) |
Fl-2016, id-39 Assemblea Ġenerali tal-ICAO ddeċidiet, permezz tar-Riżoluzzjoni A39-3, li tiżviluppa mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq biex l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-avjazzjoni internazzjonali jiġu limitati għal-livelli tagħhom tal-2020. Il-pożizzjoni tal-Unjoni f'dan ir-rigward ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 (1). |
(6) |
Fis-27 ta' Ġunju 2018, waqt l-10 laqgħa fil-214-il sessjoni tiegħu, il-Kunsill tal-ICAO adotta l-Ewwel Edizzjoni ta' Volum IV tal-Anness 16 tal-Konvenzjoni: l-Istandards Internazzjonali u l-Prattiki Rakkomandati dwar il-Ħarsien Ambjentali – Skema ta' Kumpens u Tnaqqis tal-Karbonju għall-Avjazzjoni Internazzjonali (CORSIA). |
(7) |
Ir-regoli li jinsabu f'CORSIA huma soġġetti li jsiru vinkolanti f'konformità mal-Konvenzjoni u fil-limiti stabbiliti minnha. Huma soġġetti wkoll li jsiru vinkolanti għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-ftehimiet eżistenti internazzjonali dwar it-trasport bl-ajru. |
(8) |
Skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni, ħlief jekk maġġoranza tal-membri kontraenti jirreġistraw id-disapprovazzjoni tagħhom, CORSIA ser issir effettiva tliet xhur wara l-iskadenza għar-reġistrazzjoni tad-diżapprovazzjoni. |
(9) |
L-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni jkopri devjazzjonijiet minn standards u proċeduri internazzjonali. Skont dak l-Artikolu, kwalunkwe Stat kontraenti li jsibha imprattikabbli li jikkonforma f'kull aspett ma' kwalunkwe tali standard jew proċedura internazzjonali, jew li jressaq ir-regolamenti jew il-prattiki proprji tiegħu f'konformità sħiħa ma' kwalunkwe standard jew proċedura internazzjonali wara l-emendar ta' dan tal-aħħar, jew li jqis li huwa neċessarju li jiġu adottati regolamenti jew prattiki differenti fi kwalunkwe aspett partikolari minn dawk stabbiliti minn standard internazzjonali, jeħtieġ li jagħti notifika immedjata lill-ICAO tad-differenzi bejn il-prattika tiegħu u dik stabbilita mill-istandard internazzjonali. |
(10) |
Fl-20 ta' Lulju 2018, l-ICAO bagħtet l-Ittra lill-Istati AN 1/17.14 – 18/78 (“l-Ittra lill-Istati”), li fiha talbet lill-Istati kontraenti sabiex l-ewwel nett, jinnotifikaw kwalunkwe diżapprovazzjoni ta' kwalunkwe parti ta' CORSIA qabel it-22 ta' Ottubru 2018 u, it-tieni, sabiex jinnotifikaw kwalunkwe differenza bejn il-prattiki nazzjonali tagħhom u l-CORSIA u d-data mistennija għall-konformità qabel l-1 ta' Diċembru 2018. |
(11) |
CORSIA ser issir applikabbli għal operatur tal-ajruplani li annwalment jipproduċi emissjonijiet ta' CO2 ta' aktar minn 10 000 tunnellata minn titjiriet internazzjonali mwettqa minn ajruplani b'massa waqt it-tluq massima ċertifikata ta' iktar minn 5 700 kg, bl-eċċezzjoni ta' titjiriet umanitarji, mediċi u għat-tifi tan-nar. |
(12) |
Ir-rekwiżiti ta' monitoraġġ, rapportar u verifika (“MRV”) stabbiliti f'CORSIA ser isiru applikabbli mill-1 ta' Jannar 2019. |
(13) |
Mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2035, ir-rekwiżiti ta' kumpens ta' CORSIA ser isiru applikabbli għal operatur tal-ajruplani li jwettaq titjiriet internazzjonali (kif definit fil-punt 1.1.2 tal-Kapitolu 1 tal-Parti II, u fil-punt 2.1 tal-Kapitolu 2 tal-Parti II) bejn l-Istati kontraenti msemmija fid-dokument tal-ICAO segwenti intitolat “CORSIA States for Chapter 3 State Pairs”. |
(14) |
Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati. Dan għaliex CORSIA ser tkun tista' tinfluwenza b'mod determinanti l-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
(15) |
Minħabba li CORSIA ser tippermetti li jinkiseb progress sinifikanti fil-livell internazzjonali, jenħtieġ li l-ebda diżapprovazzjoni ma tiġi nnotifikata skont l-Artikolu 90 tal-Konvenzjoni. |
(16) |
L-Unjoni tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi mwettqa fi ħdan l-ICAO sabiex CORSIA ssir operazzjonali malajr kemm jista' jkun. Skont id-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li tittraduċi r-rekwiżiti MRV ta' CORSIA f'atti tal-Unjoni bid-dħul fis-seħħ mistenni sa Jannar 2019. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jqis modi biex dawk l-istrumenti jiġu implimentati fil-liġi tal-Unjoni. Il-limitu taż-żmien li fih id-differenzi possibbli jridu jiġu nnotifikati skont l-Ittra lill-Istati huwa qasir wisq biex kwalunkwe adattament f'CORSIA jiġi adottat mill-Unjoni sa dak il-limitu. Għalhekk, bil-għan li l-ICAO tikkunsidra b'mod komplet is-sitwazzjoni ġuridika attwali fil-livell tal-Unjoni kif ukoll il-ħidma mibdija fil-qasam tal-MRV, jenħtieġ li, bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati, l-Istati Membri jinnotifikaw bid-differenzi f'konformita mal-addendum għal din id-Deċiżjoni. |
(17) |
L-Artikolu 28b(2) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE jkopri s-segwitu li għandu jitwettaq fir-rigward tal-eżitu tal-ħidma fil-livell tal-ICAO. Huwa xieraq li l-ICAO tkun infurmata dwar it-termini ta' dawk id-dispożizzjonijiet. |
(18) |
Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-ICAO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni bi tweġiba għall-Ittra lill-Istati AN 1/17.14 – 18/78, maħruġa mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali fl-20 ta' Lulju 2018, hija mniżżla fl-addendum għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-ICAO.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Novembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
M. SCHRAMBÖCK
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/915 tat-30 ta' Mejju 2016 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-istrument internazzjonali li għandu jitfassal fi ħdan il-korpi tal-ICAO u maħsub biex iwassal għall-implimentazzjoni mill-2020 ta' miżura globali unika bbażata fuq is-suq għall-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali (ĠU L 153, 10.6.2016, p. 32).
(2) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
ADDENDUM
Fir-rigward tad-DOKUMENT MEHMUŻ C għall-Ittra għall-Istati tal-ICAO AN 1/17.14 – 18/78 (NOTIFIKA TA' KONFORMITÀ MA' JEW TA' DIFFERENZI MILL-ANNESS 16, VOLUM IV), id-differenzi għandhom jiġu mgħarrfa u jingħataw l-ispjegazzjonijiet li ġejjin f'dan ir-rigward:
Punti ġenerali
L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma sostenituri qawwija tal-isforzi tal-ICAO biex tiddaħħal miżura globali bbażata fuq is-suq għall-avjazzjoni internazzjonali globalment fis-seħħ biex tikkontribwixxi għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima.
(daħħal l-Istat tiegħek) tappoġġa bis-sħiħ l-isforzi mwettqa fi ħdan l-ICAO sabiex jagħmlu CORSIA operazzjonali malajr kemm jista' jkun. Skont id-Direttiva 2003/87/KE, l-Ewropa hija fil-proċess li tittraduċi r-rekwiżiti ta' Monitoraġġ, Rappurtar u Verifikazzjoni (MRV) ta' CORSIA f'atti legali tal-Unjoni bid-dħul fis-seħħ mistenni sa Jannar 2019. Il-limitu ta' żmien li fih iridu jiġu nnotifikati differenzi possibbli skont l-Ittra għall-Istati tal-ICAO AN 1/17.14 – 18/78 huwa wisq qasir għal kwalunkwe adattament tal-liġi tal-Unjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fi ħdan dak il-limitu.
F'dan l-istadju, jeżistu ċerti differenzi bejn id-Direttiva 2003/87/KE u r-regoli dettaljati adottati mill-Kummissjoni, minn naħa, u CORSIA min-naħa l-oħra. Dan japplika kemm għar-rekwiżiti tal-MRV u kif ukoll għar-rekwiżiti ta' kumpens.
Fir-rigward tat-tnejn li huma, għandu jiġi mfakkar il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE kif inhu bħalissa. Id-Direttiva tapplika irrispettivament min-nazzjonalità tal-operatur tal-ajruplani u fil-prinċipju tkopri titjiriet li jitilqu minn jew li jaslu f'ajrudrom li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat. Id-Direttiva 2003/87/KE tapplika mingħajr distinzjoni għal titjiriet fi ħdan u bejn l-Istati Membri u/jew pajjiżi taż-ŻEE.
Rekwiżiti tal-MRV
Ir-rekwiżiti tal-MRV stabbiliti f'CORSIA jsiru applikabbli mill-1 ta' Jannar 2019.
Ir-regoli tal-Unjoni Ewropea applikabbli f'dan il-qasam fl-1 ta' Diċembru 2018 jinsabu prinċipalment fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni. Dik id-Direttiva hija l-bażi legali għad-dispożizzjonijiet dettaljati fil-kwistjoni, li jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 600/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-verifika tar-rapporti dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u r-rapporti dwar it-tunnellati kilometri u l-akkreditazzjoni tal-verifikaturi skont id-Direttiva 2003/87/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 601/2012 tal-21 ta' Ġunju 2012 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE.
Għandu jiġi nnutat li l-Kummissjoni Ewropea attwalment qiegħda fil-proċess li tadotta regolamenti li huma mistennija li jneħħu, soġġetti għall-Punti ġenerali mniżżla hawn fuq, id-differenzi mar-rekwiżiti ta' Monitoraġġ, Rappurtar u Verifikazzjoni ta' CORSIA tal-Ewwel Edizzjoni tal-Anness 16, Volum IV, bid-dħul fis-seħħ mistenni qabel l-1 ta' Jannar 2019.
Rekwiżiti ta' kumpens
Fir-rigward tal-kumpens, huwa nnotat li r-rekwiżiti korrispondenti li jinsabu f'CORSIA ser japplikaw biss fi stadju aktar tard u li l-liġi tal-Unjoni tista' sadanittant tiġi emendata fid-dawl ta' CORSIA.
Bħala riżultat ta' dan, ma huwiex neċessarju li wieħed jindirizza r-rekwiżiti ta' kumpens attwali skont il-liġi tal-Unjoni lil hinn mill-Punti ġenerali li jinsabu hawn fuq.