Brussell, 10.9.2020

COM(2020) 492 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-għaxar rapport dwar l-istatus tal-implimentazzjoni u l-programmi għall-implimentazzjoni (kif mitlub mill-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, rigward it-trattament tal-ilma mormi urban)



{SWD(2020) 145 final}


   

Werrej

Sommarju eżekuttiv

1.Il-kuntest tal-politika

2.Ir-rata ta’ konformità fl-UE

2.1Xejriet fil-konformità

3L-istatus tal-implimentazzjoni – id-distanza mill-mira

3.1Il-ġbir tal-ilma mormi

3.1.1Sistemi individwali jew sistemi xierqa oħrajn

3.2Trattament sekondarju jew bijoloġiku

3.3Trattament aktar strett jew terzjarju

3.3.1L-għażla ta’ żoni sensittivi mill-Istati Membri

4Programmi nazzjonali għall-implimentazzjoni

5Il-promozzjoni tal-konformità

5.1Il-fondi u l-investimenti ta’ finanzjament

5.1.1Strateġiji ta’ finanzjament

5.1.2Finanzjament tal-UE

5.2Infurzar legali

6L-impatt fuq l-ambjent tal-ilma

7Konklużjonijiet


Sommarju eżekuttiv

Id- Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD) għandha rwol fit-tmexxija tal-UE lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero mħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 .

Dan jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-agglomerazzjonijiet (bliet, bliet żgħar, żoni residenzjali urbani) jiġbru u jittrattaw b’mod xieraq l-ilma mormi li inkella jispiċċa jniġġes ix-xmajjar, il-lagi u l-ibħra. Permezz ta’ dan, il-UWWTD għandha rwol ewlieni fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u s-sostenn tar-reżiljenza ġenerali tal-ekosistemi akkwatiċi. Hija għandha wkoll rwol importanti x’taqdi fl-ekonomija ċirkolari, permezz tal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat u l-ħama tad-drenaġġ, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti.

Dan huwa l-għaxar rapport biennali dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-UWWTD u l-programmi ta’ investiment tagħhom. Huwa jkopri s-sena 2016 u jinkludi aktar minn 23 600 agglomerazzjoni fejn in-nies (u, sa ċertu punt, l-industrija) jiġġeneraw ilma mormi li jammonta għal 612-il miljun ekwivalent tal-popolazzjoni (p.e.). Il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tjiebu matul l-aħħar għaxar snin fl-UE, b’rati ta’ konformità ta’ 95 % għall-ġbir, 88 % għat-trattament (bijoloġiku) sekondarju u 86 % għal trattament aktar strett (it-tneħħija tal-fosfru u tan-nitroġenu). Madankollu, s’issa għadna ’l bogħod milli niksbu konformità sħiħa mal-UWWTD. Id-distanza mill-mira tibqa’ sinifikanti f’xi Stati Membri: ammont ta’ ilma urban mormi li jikkorrespondi għal 6.6 miljun p.e. (1 %) ma jinġabarx, aktar minn 37 miljun p.e. (6 %) tal-ilma mormi li jinġabar ma jiġux ittrattati tajjeb biżżejjed biex jilħqu l-istandards tat-trattament sekondarju, filwaqt li kważi 32 miljun p.e. (8 %) ma jilħqux l-istandards ta’ trattament aktar stretti. Dan ifisser li hemm agglomerazzjonijiet fl-UE fejn hemm bżonn li l-infrastruttura tinbena jew tittejjeb. Il-każijiet ta’ ksur jiġu mnedija sistematikament f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

Il-finanzi u l-ippjanar jibqgħu l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tas-servizzi tal-ilma. Il-ħtiġijiet tal-investiment totali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-UWWTD, kif stmati fl-2016 mill-Istati Membri kollha (inkluż ir-Renju Unit f’dak iż-żmien), jammontaw għal kważi EUR 229 biljun. Bl-istess mod, l-OECD tistma li l-pajjiżi tal-UE u r-Renju Unit se jkollhom jonfqu EUR 253 biljun addizzjonali bejn l-2020 u l-2030 biex jilħqu u jżommu l-konformità mal-UWWTD. In-nefqa attwali f’ħafna Stati Membri nstabet li hija baxxa wisq sabiex tintlaħaq u tinżamm konformità fit-tul 2 .

Id-data tal-10 rapport intużat mhux biss biex tiġi analizzata l-implimentazzjoni, iżda wkoll biex tiġi evalwata din id-Direttiva. Il-UWWTD kienet soġġetta għal evalwazzjoni ta’ REFIT. Ir-riżultati ġew ippubblikati fl-2019 3 . B’rispons għas-sejbiet tal-evalwazzjoni, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-impatt li se tivvaluta l-għażliet ta’ politika biex il-UWWTD tkun adattata għall-futur.

1.Il-kuntest tal-politika

Id- Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 4 (UWWTD) għandha rwol fit-tmexxija tal-UE lejn l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero mħabbra fil-Patt Ekoloġiku Ewropew 5 . Il-UWWTD hija “miżura bażika” skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 6 (WFD, Water Framework Directive). Hija għandha rwol sinifikanti fit-titjib tal-istatus tal-korpi tal-ilma fl-UE, fit-titjib tar-reżiljenza tal-ekosistemi u fil-protezzjoni tal-bijodiversità. Fid-dawl tal-isfida sinifikanti biex jiġi żgurat status tajjeb għall-korpi tal-ilma tal-UE sa mhux aktar tard mill-2027, il-ġbir u t-trattament effettivi tal-ilma urban mormi huma importanti ħafna. Hija għandha wkoll rwol fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, pereżempju, is-sorveljanza tal-ilma mormi appoġġja l-identifikazzjoni tal-COVID-19 qabel u matul il-pandemija u tista’ tipprovdi twissija bikrija għall-awtoritajiet tas-saħħa 7 .

Is-settur tas-servizzi tal-ilma huwa importanti għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, bħala miżura meħtieġa lejn il-kisba tal-ambizzjonijiet tal-UE li tilħaq in-newtralità klimatika u telimina t-tniġġis, filwaqt li toħloq ukoll tkabbir u impjiegi sostenibbli. Is-settur tal-ilma mormi jista’ jikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari permezz tal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi ttrattat u l-ħama tad-drenaġġ, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u r-riċiklaġġ tan-nutrijenti.

Il- UWWTD hija wkoll pass fit-triq lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, b’mod partikolari l-SDG 6, li jiġi żgurat l-aċċess għall-ilma u s-sanità għal kulħadd 8 . Madwar id-dinja, 2.4 biljun persuna (li madwar 10 miljun minnhom jgħixu fl-UE) ma għandhomx aċċess għal faċilitajiet sanitarji mtejba. L-UE hija sors ta’ teknoloġiji ekoloġiċi għas-settur tas-servizzi tal-ilma madwar id-dinja u ta’ soluzzjonijiet innovattivi; 8 minn fost l-akbar 15-il kumpanija tal-ilma fid-dinja huma bbażati fl-UE 9 .

Fl-2020, il-Kummissjoni nediet valutazzjoni tal-impatt biex tivvaluta l-għażliet ta’ politika sabiex il-UWWTD tkun adattata għall-futur. Din saret b’reazzjoni għall-evalwazzjoni tal-UWWTD li tmexxiet b’mod parallel  mal-kontroll tal-idoneità fuq id-WFD, id-direttivi derivati tagħha u d-Direttiva dwar l-Għargħar fl-2019.

2.Ir-rata ta’ konformità fl-UE

Dan huwa l-għaxar rapport biennali dwar l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-UWWTD u l-programmi ta’ investiment tagħhom.  10 Huwa jiġbor fil-qosor il-valutazzjoni tad-data rrapportata għall-2016 abbażi tar-rekwiżiti tal-Artikoli 15 u 17 tal-UWWTD. 

Il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi tjiebu. Madankollu, għadha ma nkisbitx konformità sħiħa mal-UWWTD madwar l-UE kollha.

L-UE laħqet rati għoljin ta’ konformità fl-2016:

·95 % għall-ġbir (permezz ta’ sistemi ta’ ġbir u sistemi individwali jew xierqa oħrajn - IAS);

·88 % għat-trattament sekondarju (trattament bijoloġiku);

·86 % għat-trattament aktar strett minn trattament sekondarju (l-aktar it-tneħħija tan-nitroġenu u/jew tal-fosfru f’agglomerazzjonijiet >10 000 p.e. li jarmu l-ilma mormi f’żoni sensittivi u l-baċiri idrografiċi tagħhom).

Kif turi l-figura ta’ hawn taħt, mhux l-ilma mormi kollu miġbur għandu jitnaddaf għall-istess standard jew biex jissodisfa r-rekwiżiti skont l-Artikoli 4 u 5. Il-livell meħtieġ ta’ trattament jiddependi mid-daqs tal-agglomerazzjoni u mis-sensittività tal-ilma li fih jintrema l-effluwent.

Fig 1 – Ir-rata ta’ konformità tal-2016 fl-UE mal-Artikoli 3, 4 u 5 [persentaġġ tat-tagħbija tal-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet li kienu konformi ma’ artikolu partikolari]

Pendenti (griż) jirreferi għal perjodi tranżitorji applikabbli għall-ilma mormi ġġenerat f’żoni sensittivi magħżula reċentement. L-Artikolu 5 dwar ir-rata ta’ konformità jinkludi d-data tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 5(4).

Fl-2016, l-Istati Membri rrapportaw aktar minn 23 600 agglomerazzjoni b’ekwivalent tal-popolazzjoni (p.e.) ta’ 2 000 u aktar. Dawn l-agglomerazzjonijiet iġġeneraw tagħbija ta’ ilma mormi ta’ 612-il miljun p.e., l-aktar minn sorsi domestiċi, iżda jinkludu wkoll l-ilma mormi industrijali u l-ilma tax-xita li jiskula. Is-sehem tal-industrija huwa limitat, iżda l-ilma mormi tagħha jista’ jkun fih sustanzi li jniġġsu li ma jitneħħewx b’mod daqstant effettiv mill-impjanti tat-trattament urbani. Kien hemm żieda ta’ 1,5 % fl-ilma mormi ġġenerat, meta mqabbel mal-2014. Il-kapaċità tat-trattament tal-impjanti tat-trattament eżistenti (783 miljun p.e.) hija ogħla mit-tagħbija tal-ilma mormi ġġenerata bħalissa, sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-varjazzjonijiet fit-tagħbija li tidħol fl-impjant u biex jakkomodaw ħtiġijiet akbar fil-ġejjieni.

Kważi 90 % tat-tagħbija tal-ilma mormi tal-UE tiġi ġġenerata minn agglomerazzjonijiet >10 000 p.e.; nofs it-tagħbija tiġi minn bliet kbar (52 % minn agglomerazzjonijiet >100 000 p.e.). Dan jista’ jwassal lill-Istati Membri biex jiffokaw l-investimenti tagħhom fuq infrastruttura tal-ilma mormi mhux konformi f’agglomerazzjonijiet akbar (>10 000 p.e.).

1

2

2.1Xejriet fil-konformità

Minn mindu ġiet adottata l-UWWTD, sar progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha u fir-rati ta’ konformità mal-Artikoli 3, 4 u 5.

Fig 2 - Xejriet storiċi fir-rati ta’ konformità mal-Artikoli 3, 4 u 5 (1998-2016)

F’dawn l-aħħar snin, il-livell ta’ konformità stabbilizza. Fl-2016, ir-rata ta’ konformità mal-Artikolu 3 baqgħet fl-istess livell bħal fl-2014, filwaqt li r-rata għall-Artikolu 4 naqset b’1 % u r-rata għall-Artikolu 5 żdiedet b’1 %. Id-data tal-2016 tagħti ħarsa ġenerali aktar kompleta mid-data tal-2014 minħabba li għadd ta’ Stati Membri (eż. il-Polonja, l-Ungerija u s-Slovenja) laħqu l-iskadenzi finali tagħhom fl-2016. B’hekk, ġiet ikkunsidrata aktar data fil-kalkolu tar-rata ta’ konformità.

Il-valuri tar-rata ta’ konformità għall-Artikoli 3, 4 u 5 jiġu kkombinati biex jagħtu numru wieħed. Ir-rata ta’ konformità kumplessiva għall-UE żdiedet u kienet ta’ 81 % fl-2016.

Fig 3 – Ir-rata ta’ konformità mal-UWWTD fl-UE, 2012-2016 [il-perċentwal tat-tagħbija tal-ilma mormi f’agglomerazzjonijiet li ssodisfaw l-istandards fis-sena kkonċernata] *il-kolonna tal-2012 turi d-data tal-2010-2012

3L-istatus tal-implimentazzjoni – id-distanza mill-mira

Id-“distanza mill-mira” hija indikatur li juri l-iskala tal-isforzi li għadhom meħtieġa biex jintlaħqu l-istandards stipulati fil-UWWTD.

3.1Il-ġbir tal-ilma mormi

·1 % tat-tagħbija tal-ilma mormi (bejn wieħed u ieħor 6,6 miljun p.e.) għadha trid tinġabar.

Fl-2016, fl-UE 11 , kważi 6 605 000 p.e. tal-ilma mormi ġġenerat minn agglomerazzjonijiet konformi u mhux konformi ma nġabarx. Il-figura ta’ hawn taħt turi li d-distanza mill-mira hija pjuttost żgħira.

Fig 4 – Id-distanza mill-mira għall-ġbir tal-ilma mormi fl-UE, 2012-2016 [il-persentaġġ tat-tagħbija tal-ilma mormi fl-agglomerazzjonijiet kollha. Din it-tagħbija ma ssodisfatx il-kriterji għall-konformità fis-sena kkonċernata.]

Il-Figura 4 ma turix l-istampa sħiħa għaliex aktar minn 8 300 000 p.e ġew esklużi mill-kalkolu tad-distanza mill-mira għall-ġbir, b’din tkun it-tagħbija tal-ilma mormi soġġetta għal skadenzi pendenti fl-2016 12 .

3.1.1Sistemi individwali jew sistemi xierqa oħrajn 

Kemm l-evalwazzjoni ta’ REFIT kif ukoll id-data rrapportata mill-Istati Membri skont id-WFD jindikaw li, f’ħafna oqsma, is-sistemi sanitarji mhux ċentralizzati (magħrufa bħala IAS 13 ) ipoġġu pressjoni konsiderevoli fuq il-korpi tal-ilma. Il-Kummissjoni qed tinvestiga jekk il-kundizzjonijiet għat-tħaddim ta’ dawn is-sistemi (ir-reġistrazzjoni, il-permessi, il-monitoraġġ u l-ispezzjonijiet) humiex issodisfati f’dawk l-Istati Membri li jagħmlu użu estensiv minnhom 14 .

Il-figura ta’ hawn taħt turi liema Stati Membri jużaw l-IAS:

·Il-Polonja, l-Ungerija, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Greċja, il-Bulgarija, iċ-Ċekja u l-Latvja rrapportaw li aktar minn 5 % tal-ilma mormi jinġabar u/jew jiġi ttrattat mill-IAS.

·Il-Polonja, l-Ungerija, il-Greċja, l-Italja u l-Ġermanja rrapportaw li t-tagħbija miġbura u/jew ittrattata mill-IAS qabżet il-miljun p.e.

Fig 5 – L-użu tal-IAS fl-Istati Membri fl-2016 [it-tagħbija tal-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet kollha f’kull Stat Membru espressa f’miljun p.e. u f’persentaġġ tat-total iġġenerat]

3.2Trattament sekondarju jew bijoloġiku

·6 % tat-tagħbija tal-ilma mormi miġbura (madwar 37 miljun p.e.) xorta trid tgħaddi minn trattament sekondarju konformi mar-rekwiżiti tal-UWWTD.

L-Istati Membri jridu jipprovdu trattament sekondarju 15 .għall-agglomerazzjonijiet kollha >10 000 p.e. u għall-agglomerazzjonijiet >2 000 p.e. li jarmu l-ilma fl-ilma ħelu u fl-estwarji. Fl-2016, aktar minn 37 116 000 p.e. tal-ilma mormi miġbur minn agglomerazzjonijiet konformi u mhux konformi fl-UE ma kienx soġġett għal trattament sekondarju u/jew kien għadu ma ssodisfax ir-rekwiżiti għall-iskariku stipulati fil-UWWTD.

Fig 6 – Id-distanza mill-mira għat-trattament sekondarju fl-UE, 2012-2016 [il-persentaġġ tat-tagħbija tal-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet kollha. Din it-tagħbija ma ssodisfatx il-kriterji għall-konformità fis-sena kkonċernata.]

Id-distanza mill-mira titlef 300 000 p.e. li ġew esklużi mill-kalkoli, billi dawn kienu għadhom soġġetti għal skadenzi pendenti fl-2016. Barra minn hekk, l-ilma mormi li ma nġabarx ma ġiex ittrattat jew ikkunsidrat fil-kalkolu tad-distanza mill-mira għat-trattament sekondarju.

3.3Trattament aktar strett jew terzjarju

·8 % tat-tagħbija tal-ilma mormi miġbura (madwar 32 miljun p.e.) xorta trid tgħaddi minn trattament aktar strett f’konformità mar-rekwiżiti tal-UWWTD 16 .

L-Istati Membri ġeneralment iridu jipprovdu trattament aktar strett 17 għall-agglomerazzjonijiet >10 000 p.e. li jarmu l-ilma f’żoni sensittivi magħżula u l-baċiri idrografiċi tagħhom. Fl-2016, kważi 31 780 000 p.e tat-tagħbija tal-ilma mormi miġbura mill-agglomerazzjonijiet kollha fl-UE ma kinitx soġġetta għal trattament aktar strett u/jew naqset milli tissodisfa r-rekwiżiti għall-iskariku stipulati fil-UWWTD.

Fig 7 – Id-distanza mill-mira għal trattament aktar strett fl-UE, 2012-2016 [il-persentaġġ tat-tagħbija tal-ilma mormi tal-agglomerazzjonijiet kollha. Din it-tagħbija ma ssodisfatx il-kriterji għall-konformità fis-sena kkonċernata.]

Id-distanza mill-mira ma turix l-istampa sħiħa, minħabba li kważi 6 300 000 p.e. ġew esklużi mill-kalkoli, billi dawn kienu għadhom soġġetti għal skadenzi pendenti. Barra minn hekk, l-ilma mormi li ma nġabarx ma ġiex ittrattat jew ikkunsidrat, lanqas fil-kalkolu tad-distanza mill-mira għal trattament aktar strett.

3.3.1L-għażla ta’ żoni sensittivi mill-Istati Membri

Fi kwart tat-territorju tal-UE (24 %), mhuwiex meħtieġ trattament aktar strett. Jekk hemmx bżonn ta’ trattament aktar strett (jiġifieri jekk iż-żona hijiex sensittiva) jiġi ddeterminat fil-livell nazzjonali. Il-UWWTD tiddikjara li l-livell meħtieġ ta’ trattament jiddependi mis-sensittività tal-korp tal-ilma li fih jiġi skarikat l-ilma mormi. Kif turi l-mappa ta’ hawn taħt, xi pajjiżi jinnominaw it-territorju kollu tagħhom bħala sensittiv (aħdar, blu u vjola), filwaqt li oħrajn identifikaw biss ftit żoni sensittivi (murija bħala rqajja’ ħodor f’żoni sofor tal-mappa).

Fig 8 - Ħarsa ġenerali lejn iż-żoni sensittivi u l-baċiri idrografiċi ta’ żoni sensittivi fl-UE fl-2016.

L-Artikolu 5(2-3): trattament aktar strett f’agglomerazzjonijiet >10 000 p.e.

L-Artikolu 5(4): tneħħija ta’ 75 % tan-nitroġenu u tal-fosfru

L-Artikolu 5(8): trattament aktar strett japplika għall-pajjiż kollu

4Programmi nazzjonali għall-implimentazzjoni

Din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 17 tal-UWWTD dwar l-ispiża prevista tal-investiment biex tintlaħaq il-konformità mal-UWWTD u l-ispiża mistennija tal-investiment fl-installazzjoni u t-tiġdid tal-infrastruttura għall-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi.

Il-ħtiġijiet tal-investiment totali sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-UWWTD, kif stmati mill-awtoritajiet nazzjonali 18 u inklużi fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom, jammontaw għal kważi EUR 229 biljun. Dan ikopri x-xogħol fuq l-impjanti tat-trattament (previżjoni ta’ aktar minn EUR 166 biljun) u fuq is-sistemi ta’ ġbir (previżjoni ta’ kważi EUR 63 biljun). Bħala paragun, l-OECD tistma li l-pajjiżi tal-UE se jkollhom jonfqu EUR 253 biljun addizzjonali bejn l-2020 u l-2030 biex jiksbu konformità sħiħa mal-UWWTD u jżommuha 19 .

Il-“ħtiġijiet ta’ investiment” minnhom infushom ikopru agglomerazzjonijiet mhux konformi biss u la jqisu l-ispejjeż operatorji u lanqas l-ispejjeż taż-żamma tal-infrastruttura f’kundizzjoni tajba sabiex tibqa’ konformi mal-UWWTD. L-għadd ta’ snin koperti minn din il-previżjoni jvarja minn pajjiż għal ieħor.

Għall-kuntrarju tal-“ħtiġijiet ta’ investiment” deskritti hawn fuq, l-“ispejjeż ta’ investiment mistennija” minnhom infushom huma stima tal-investimenti futuri u jinkludu l-ispejjeż mistennija taż-żamma tal-infrastruttura fi stat tajjeb sabiex din tibqa’ konformi. L-għadd ta’ snin koperti minn din il-previżjoni jvarja minn pajjiż għal ieħor. Il-Figura 7 turi li żewġ pajjiżi biss jistennew li jinvestu aktar minn EUR 100 per capita kull sena. Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jirrapportaw li huma jistennew li jinvestu ammont annwali ta’ inqas minn EUR 40 per capita. Jenħtieġ li l-Figura 7 tiġi ttrattata b’kawtela, billi mhux l-Istati Membri kollha jinkludu l-ispejjeż kollha tal-investiment u tal-manutenzjoni fir-rapporti skont l-Artikolu 17. Barra minn hekk, il-perjodu li fih huma jirrapportaw għall-previżjoni jvarja minn pajjiż għal ieħor: Il-Belġju rrapporta dwar il-perjodu 2009-2017, filwaqt li r-rapport taċ-Ċekja jkopri s-snin 2016-2017. Id-daqs tal-pajjiż jista’ jaffettwa wkoll in-numri fil-Figura 7: L-investimenti tal-Lussemburgu jidhru l-akbar hawnhekk, iżda dan jista’ jkun attribwibbli għal investiment kbir ippjanat f’pajjiż żgħir.

Fig 9 - Il-programmi tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni – l-ispejjeż annwali mistennija tal-investiment per capita għall-installazzjoni u t-tiġdid tas-sistemi għall-ġbir tal-ilma mormi u l-impjanti tat-trattament [EUR/abitant/sena]

Nota: Il-Ġermanja u l-Ungerija ma pprovdew l-ebda data dwar l-investimenti mistennija.

Il-linja oranġjo li tittraversa l-graff hija l-ispiża annwali medja tal-investiment mistenni fl-UE.

5Il-promozzjoni tal-konformità

5.1Il-fondi u l-investimenti ta’ finanzjament

Il-Kummissjoni stabbilixxiet bosta inizjattivi biex tappoġġja l-isforzi sabiex tikkonforma b’mod sħiħ mal-UWWTD. Dawn jinkludu inizjattivi maħsuba biex itejbu l-ippjanar tal-investimenti (pereżempju studju tal-OECD li jipprovdi data komparabbli dwar l-istrateġiji ta’ finanzjament u l-ħtiġijiet ta’ investiment) u l-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE (il-politika ta’ koeżjoni proposta għall-perjodu 2021-2027 hija marbuta mill-qrib mal-ippjanar ta’ investiment nazzjonali għall-immaniġġjar sostenibbli tal-ilma).

5.1.1Strateġiji ta’ finanzjament 

L-OECD għamlet rakkomandazzjonijiet biex tindirizza l-isfidi ta’ finanzjament fl-Istati Membri b’kapaċità limitata ta’ finanzjament u bi ħtiġijiet kbar ta’ investiment. Dawn jinkludu l-użu aħjar tal-assi u r-riżorsi finanzjarji eżistenti, it-tnaqqis tal-ħtiġijiet ta’ investiment u l-użu ta’ sorsi addizzjonali ta’ finanzi 20 .

L-OECD ipproġettat l-investiment globali meħtieġ biex tintlaħaq il-konformità mal-UWWTD. Din ta’ hawn taħt hija ħarsa ġenerali komparattiva li tippreżenta l-infiq addizzjonali kumulattiv sal-2030 għall-provvista tal-ilma u għas-sanità per capita, li tikkombina tliet xenarji:

·xenarju ta’ żamma tal-istatus quo (xprunat mill-urbanizzazzjoni),

·konformità mad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (DWD) u mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD), u

·effiċjenza (tnaqqis tat-tnixxija fil-provvista tal-ilma).

L-investiment meħtieġ biex tintlaħaq konformità sħiħa mal-UWWTD għas-27 Stat Membru u r-Renju Unit jammonta għal total addizzjonali kumulattiv ta’ EUR 253 biljun bejn l-2020 u l-2030.

BAU + konformità + effiċjenza (EUR)

Sors: Analiżi tal-OECD ibbażata fuq id-data tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Eurostat.

Spjegazzjoni tax-xenarji:

·ix-xenarju ta’ żamma tal-istatus quo (‘business-as-usual’ - BAU) jkopri dak li jenħtieġ li jintnefaq sal-2030 bit-tkabbir tal-popolazzjoni

·ix-xenarju tal-provvista tal-ilma (‘water supply’ - WS) ikopri dak li jenħtieġ li jintnefaq sal-2030 biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tad-DWD riformulata

·ix-xenarju tal-ilma mormi (‘waste water’ - WW) ikopri dak li jenħtieġ li jintnefaq sal-2030 biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-UWWTD

Fig 10 - Infiq addizzjonali sal-2030 per capita għall-ilma mormi (‘waste water’ - ww) u għas-sistemi tal-ilma (‘water systems’ - ws) tax-xorb [EUR/abitant] Sors: OECD (2020)

Il-Figura 9 turi li l-investiment fl-infrastruttura tal-ilma mormi biex tintlaħaq il-konformità mal-kontijiet tal-UWWTD jikkostitwixxi l-akbar sehem tan-nefqa addizzjonali totali. In-nefqa addizzjonali per capita tvarja minn EUR 500 sa EUR 1 000 għall-provvista tal-ilma u s-sanità.

Fil-qosor, instab li l-infiq attwali f’ħafna Stati Membri huwa baxx wisq biex tintlaħaq il-konformità u biex din tinżamm fit-tul.

5.1.2Finanzjament tal-UE

Il-fondi Ewropej, b’mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni, għandhom rwol x’jaqdu fl-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ilma mormi fejn l-Istati Membri ma għandhomx biżżejjed mezzi biex jinvestu fis-settur tal-ilma mormi tagħhom. Għall-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri allokaw EUR 15,4-il biljun mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni għall-immaniġġjar tal-ilma. L-akbar sehem tal-baġit ippjanat (madwar EUR 10,8 biljun) jintuża fuq it-trattament tal-ilma mormi, inklużi l-bini jew l-ammeljorament tal-impjanti u tan-networks tad-drenaġġ, b’xi finanzjament jintuża wkoll għall-immaniġġjar tal-ħama 21 . Fl-2014-2020, l-Istati Membri huma mistennija jikkonnettjaw 17,7-il  miljun persuna ma’ faċilitajiet ġodda jew ammeljorati għat-trattament tal-ilma mormi 22 . Dan l-appoġġ isaħħaħ il-finanzjament nazzjonali u privat addizzjonali u huwa kkomplementat b’sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE, bħal LIFE u Orizzont 2020. Bil-kontribuzzjoni totali ta’ aktar minn EUR 300 miljun matul il-perjodu 2014-2018, Orizzont 2020 u LIFE kkoffinanzjaw aktar minn 70 proġett ta’ riċerka u innovazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-ilma mormi.  23

Għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni tal-2021-2027, il-Kummissjoni pproponiet pjanijiet ta’ investiment nazzjonali bħala prekundizzjoni għall-finanzjament, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw bl-aktar mod effettiv.

5.2Infurzar legali

Il-biċċa l-kbira tal-agglomerazzjonijiet mhux konformi identifikati fir-rapporti ta’ implimentazzjoni huma koperti minn każijiet ta’ ksur. Il-Kummissjoni ssegwi sistematikament każijiet li fihom il-UWWTD kienet applikata ħażin jew b’mod żbaljat. Għall-pajjiżi li ssieħbu fl-UE fl-2004 jew wara, il-każijiet tnedew fl-2016-2018 u għadhom għaddejjin, b’xi Stati Membri (il-Latvja u l-Litwanja) qrib il-konformità u każ wieħed (Ċipru) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Se jitnedew ukoll każijiet li jikkorrespondu għall-iskadenzi li skadew fl-2014 u fl-2015. B’mod parallel, kawżi aktar antiki waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni sentenza. Il-Qorti ħarġet sitt sentenzi, li tlieta minnhom imponew multi u ħlasijiet ta’ penali fuq l-Istati Membri 24 sa EUR 25 miljun (bħala somma f’daqqa) u bejn wieħed u ieħor EUR 30 miljun bħala ħlas ta’ penali kull sitt xhur.

6L-impatt fuq l-ambjent tal-ilma 

Il-UWWTD għandha rwol ewlieni fis-sostenn tar-reżiljenza ġenerali tal-ekosistemi akkwatiċi u tipproteġi l-bijodiversità tagħhom, li hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi tad-WFD. Matul l-aħħar 30 sena, il-progress fl-implimentazzjoni tal-UWWTD għamel ħafna biex tittejjeb il-kwalità tax-xmajjar, tal-lagi u tal-ibħra. Il-figura ta’ hawn taħt, pereżempju, timmudella tnaqqis fit-tagħbijiet li jaslu fil-korpi tal-ilma li jistgħu jiġu attribwiti għall-implimentazzjoni tal-UWWTD 25 .

Fig 11 - Tnaqqis tat-tagħbijiet ta’ BOD (tunnellati/sena) fl-ilma mormi ttrattat.

7Konklużjonijiet

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi fl-UE tjiebu. Il-ġbir u t-trattament tal-ilma mormi f’konformità mal-UWWTD huwa pass essenzjali fit-triq lejn il-kisba tal-objettivi tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma.

Madankollu, għad fadal xi jsir biex tinkiseb konformità sħiħa mal-UWWTD. L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva teħtieġ impenn kontinwu mill-Istati Membri, b’titjib fl-ippjanar tal-investimenti, inklużi pjanijiet li jħarsu ’l quddiem għat-tiġdid tal-infrastruttura tal-ilma mormi. Il-Kummissjoni waqqfet bosta inizjattivi biex tgħin lill-Istati Membri jiksbu l-konformità.

Il-finanzi u l-ippjanar jibqgħu l-isfidi ewlenin li qed jiffaċċja s-settur tas-servizzi tal-ilma. L-investiment attwali f’ħafna Stati Membri nstab li kien baxx wisq biex tintlaħaq u tinżamm il-konformità fit-tul.

Il-Kummissjoni evalwat il-UWWTD 26 u issa nediet valutazzjoni tal-impatt biex tivvaluta l-għażliet ta’ politika sabiex il-UWWTD tkun adattata għall-futur.

(1) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM/2019/640):  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=COM%3A2019%3A640%3AFIN
(2) OECD, 2020 Stima tal-ħtiġijiet ta’ investiment u l-kapaċitajiet ta’ finanzjament għall-investiment relatat mal-ilma fil-pajjiżi membri tal-UE: https://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/economics/OECD_study_en.htm
(3) Evalwazzjoni tal-UWWTD (SWD(2019)701): https://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/pdf/UWWTD%20Evaluation%20SWD%20448-701%20web.pdf  
(4) Id-Direttiva tal-Kunsill dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (91/271/KEE): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1581334912523&uri=CELEX:01991L0271-20140101
(5) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM/2019/640)
(6) Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE): https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:02000L0060-20141120  
(7)   https://ec.europa.eu/jrc/en/science-update/call-notice-feasibility-assessment-eu-wide-wastewater-monitoring-system-sars-cov-2-surveillance  
(8)

 In-Nazzjonijiet Uniti, Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli:  http://www.un.org/sustainabledevelopment/water-and-sanitation/  u  https://ec.europa.eu/eurostat/web/sdi/clean-water-and-sanitation

(9) Evalwazzjoni tal-UWWTD (SWD(2019)701)
(10)  Id-data tal-UWWTD tal-2016 tinkludi data mir-Renju Unit. Hija teskludi l-biċċa l-kbira tad-data dwar il-Kroazja, li ma kinitx soġġetta għal obbligi ta’ konformità fl-2016..
(11) L-Istati Membri u r-Renju Unit, li kien Stat Membru fil-perjodu tar-rapportar.
(12) Hija tirreferi għal perjodi tranżitorji applikati għal żoni sensittivi magħżula reċentement.
(13) Art. 3: Meta l-istabbiliment ta’ sistema ta’ ġbir ġenerali ma jkunx iġġustifikat minħabba li ma jkun jipprovdi l-ebda benefiċċju ambjentali jew minħabba li jinvolvi spiża eċċessiva, għandhom jintużaw sistemi individwali jew sistemi xierqa oħrajn li jilħqu l-istess livell ta’ ħarsien ambjentali.
(14) Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta’ avviż formali lill-Istati Membri li jagħmlu użu estensiv mill-IAS biex jistaqsu jekk introduċewx obbligu legali biex jikkonnettjaw man-netwerks tad-drenaġġ, meta dan ikun fattibbli.
(15) It-trattament sekondarju jissupplimenta l-eliminazzjoni tal-materja solida (it-trattament primarju) billi jkisser is-sustanzi organiċi bl-użu tal-batterji.
(16) SWD(2019)701 jindika distanza mill-mira ta’ 7 %. Kjarifika, pereżempju, minn Ċipru wara l-pubblikazzjoni tal-evalwazzjoni tal-SWD(2019)701 żiedet il-persentaġġ b’bejn wieħed u ieħor 1 %.
(17) Trattament aktar strett jinvolvi t-tneħħija tal-fosfru jew tan-nitroġenu (nutrijenti) biex jiġu protetti l-ilmijiet mhedda mill-ewtrofikazzjoni. Dan jista’ jinvolvi wkoll id-diżinfettar sabiex jiġu protetti l-ilmijiet għall-għawm u l-ilmijiet għall-kultivazzjoni tal-molluski.
(18) 27 Stat Membru u r-Renju Unit, li kien Stat Membru fil-perjodu tar-rapportar.
(19) OECD, Stima tal-ħtiġijiet ta’ investiment u l-kapaċitajiet ta’ finanzjament għall-investiment relatat mal-ilma fil-pajjiżi membri tal-UE: https://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/economics/OECD_study_en.htm
(20) Il-Kapitolu 5 tal-istudju tal-OECD, Stima tal-ħtiġijiet ta’ investiment u l-kapaċitajiet ta’ finanzjament għall-investiment relatat mal-ilma fil-pajjiżi membri tal-UE: https://ec.europa.eu/environment/water/water-framework/economics/OECD_study_en.htm
(21) Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: https://cohesiondata.ec.europa.eu/EU-Level/ESIF-Categorisation-Intervention-Fields-with-filte/8m22-gy44 u https://ec.europa.eu/regional_policy/mt/policy/what/key-achievements/
(22) Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, indikaturi komuni, 2014-2020: https://cohesiondata.ec.europa.eu/stories/s/4ij4-23vs .
(23)  Data interna tal-EASME pprovduta fl-2019 lil ENV.C.2
(24) C-205/17 (25.7.2018) Il-Kummissjoni vs Spanja, C-251/17 (31.5.2018) Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-328/16 (22.2.2018) Il-Kummissjoni vs Il-Greċja
(25) Evalwazzjoni tal-UWWTD (SWD(2019)701): https://ec.europa.eu/environment/water/water-urbanwaste/pdf/UWWTD%20Evaluation%20SWD%20448-701%20web.pdf
(26) Inkluż il-Pjan ta’ Rkupru għall-Ewropa: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/recovery-plan-europe