Brussell, 31.7.2020

COM(2020) 350 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI

Il-monitraġġ tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea
Rapport Annwali 2019






2019 Annual Report

{SWD(2020) 147 final}


Kelmtejn ta’ qabel

I.Spinta ġdida lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti mal-UE kollha

L-infurzar tar-regoli ambjentali

L-infurzar tar-regoli agrikoli

L-infurzar tar-regoli dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd

L-infurzar tar-regoli dwar il-politika reġjonali

Il-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-UE

II.Suq uniku diġitali konness

Titjib tal-konnettività

Il-garanzija taċ-ċibersigurtà u tal-fiduċja fit-tranżazzjonijiet onlajn

Aċċessibbiltà aħjar għall-persuni b’diżabbiltà

III.Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

IV.Suq intern aktar ġust u profond b’bażi industrijali msaħħa.

L-iżgurar ta’ kompetizzjoni mhux imfixkla

L-iżgurar tal-moviment liberu tal-ħaddiema

L-iżgurar tal-moviment liberu tal-merkanzija

L-iżgurar tal-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi

Informazzjoni u assistenza mtejba għaċ-ċittadini u għan-negozji

L-infurzar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u tal-moviment liberu tal-kapital

L-infurzar tar-regoli dwar it-tassazzjoni u d-dwana

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika

L-infurzar tar-regoli dwar il-mobbiltà u t-trasport

V.Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar profonda u iktar ġusta

L-infurzar tar-regoli tal-Unjoni Bankarja

VI.Qasam tal-ġustizzja u tad-drittijiet fundamentali bbażat fuq fiduċja reċiproka

Iż-żamma tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali

Il-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġustizzja kriminali u ċivili

Titjib tal-protezzjoni tad-data personali

L-infurzar tar-regoli dwar is-sigurtà

VII.Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni

Kelmtejn ta’ qabel

L-Unjoni Ewropea hija bbażata fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt. Ma kinitx kumbinazzjoni li l-ewwel President tal-Kummissjoni Ewropea, Walter Hallstein, irrefera għall-Unjoni Ewropea bħala Komunità tal-liġi (Rechtsgemeinschaft) – marbuta b’regoli li l-Istati Membri jaqblu fuqhom bħala koleġiżlaturi u jimpenjaw ruħhom li jimplimentawhom fis-sistemi nazzjonali tagħhom. Bħala l-Gwardjan tat-Trattati, hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tiżgura li dawn ir-regoli jiġu rispettati għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħna. Irrispettivament minn jekk din tikkonċernax l-arja nadifa, is-sikurezza tal-ikel jew l-aċċess għall-kura tas-saħħa barra mill-pajjiż, il-kooperazzjoni tal-Istati Membri hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE jsiru realtà għan-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

Dan ir-rapport annwali jipprovdi rendikont tal-ħidma tal-Kummissjoni biex tiżgura l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar korretti tal-liġi tal-UE fl-2019.

Is-sena 2019 timmarka t-tmiem tal-Kummissjoni Juncker u, mill-1 ta’ Diċembru, il-bidu tal-mandat tat-tim tiegħi. B’ħafna modi, l-2019 kienet għalhekk sena ta’ tranżizzjoni. Tim ġdid ta’ Kummissarji beda jaqdi dmirijietu, jaħdem skont Linji Gwida Politiċi ġodda u jmexxi inizjattivi ġodda, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Aġenda Diġitali.

Matul din it-tranżizzjoni, il-pedamenti li jżommu lill-Unjoni tagħna flimkien ma nbidlux. L-applikazzjoni u l-infurzar korretti tal-liġi tal-UE, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt jibqgħu responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-ħarsien tal-liġi tal-UE qatt ma jista’ jaħdem f’direzzjoni waħda iżda huwa bbażat fuq il-kooperazzjoni sinċiera tal-Istati Membri tagħna – fl-interess taċ-ċittadini li nservu. Filwaqt li trawwem din is-sħubija speċjali, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ u toħroġ gwida lill-Istati Membri biex tgħinhom jimplimentaw il-liġi tal-UE. Madankollu se nibqgħu attenti u se nkunu lesti li nieħdu azzjoni legali determinata jekk jinkiser id-dritt tal-UE. Ma jista’ jkun hemm l-ebda kompromess meta niġu għall-applikazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE sabiex jitħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw minnha.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Ursula von der Leyen



I.Spinta ġdida lill-impjiegi, lit-tkabbir u lill-investiment

L-ewwel prijorità tal-Kummissjoni s-sena l-oħra kienet li tistimula l-investiment biex jinħolqu l-impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa. Madankollu, il-ħolqien tal-ambjent regolatorju xieraq biex jappoġġa lin-negozji u l-ħolqien tal-impjiegi jiġi mminat jekk l-Istati Membri ma jimplimentawx ir-regoli tal-UE b’mod korrett u fil-ħin.

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti mal-UE kollha

Il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali , ipproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea, jesprimi l-impenn politiku konġunt favur għadd ta’ prinċipji u drittijiet li huma essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi ta’ għajnuna soċjali ġusti u li jaħdmu tajjeb fl-Ewropa tas-seklu 21. Element ewlieni huwa l-kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, li jinkludu l-prevenzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji.

F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra l- Italja , minħabba li kkunsidrat li l-ħaddiema tas-settur pubbliku mhumiex protetti biżżejjed minn kuntratti suċċessivi ta’ terminu fiss abbużivi kif ukoll mid-diskriminazzjoni kif meħtieġ skont ir-regoli tal-UE (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE).

Matul l-2019, l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali komplew il-kooperazzjoni tagħhom biex jagħmlu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol waħda li tkun tilqa’ għall-futur u biex jiżguraw konformità xierqa. Kien hemm fokus qawwi fuq l-iżgurar li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ regoli vinkolanti dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u fuq li jikkomunikawhom lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni taġġorna regolarment ukoll il-Komunikazzjoni Interpretattiva dwar id-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol f’konformità ma’ żviluppi importanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

L-infurzar tar-regoli ambjentali

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet bl-azzjoni legali tagħha biex tiġġieled kontra t-tniġġis tal-arja, li tibqa’ prijorità. Il-Kummissjoni ppromwoviet ukoll l-implimentazzjoni permezz ta’ diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar dan is-suġġett importanti – sar djalogu dwar l-arja nadifa fl-2019 fl-Italja.

Fl-2019, il-Kummissjoni ressqet tliet Stati Membri oħra quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fuq livelli eċċessivi ta’ diossidu tan-nitroġenu (NO2) jew diossidu tal-kubrit (SO2) fl-arja ( l-Italja , Spanja u l-Bulgarija ).

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-azzjoni mressqa mill-Kummissjoni kontra Franza dwar it-tniġġis tad-diossidu tan-nitroġenu (NO 2) u, f’ sentenza oħra, il-Qorti pprovdiet interpretazzjoni importanti tad- Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent - il-qrati nazzjonali għandhom ġuriżdizzjoni biex jirrieżaminaw l-għażla tal-post fejn jinsabu l-istazzjonijiet tal-kejl tal-kwalità tal-arja.

Il-Kummissjoni torganizza avvenimenti dwar l-ekonomija ċirkolari fl-Istati Membri li huma f’riskju li ma jilħqux il-miri l-ġodda għar-riċiklaġġ tal-iskart u rekwiżiti oħra tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Fl-2019, avvenimenti bħal dawn saru f’ Ateni , f’ Lisbona u f’ Budapest , u esperti ewlenin offrew rakkomandazzjonijiet dwar kif l-aħjar jiġu implimentati r-regoli li ġew riveduti fl-2018.

Fl-2019, il-Kummissjoni rreferiet lill- Italja , Ċipru u l-Iżvezja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom dwar it-trattament tal-ilma urban mormi. Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, għandhom jiġu stabbiliti sistemi xierqa għall-ġbir tal-ilma mormi, u dan l-ilma għandu jiġi ttrattat b’mod adegwat.

L-Istati Membri jridu jikkompletaw in-network ta’ żoni protetti ta’ Natura 2000 u għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għas-siti kollha. Dan huwa kruċjali għall-konservazzjoni tal-ħabitats u l-ispeċijiet protetti. B’mod parallel, fl-2019, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tirrimedja n-nuqqasijiet strutturali fil-liġijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tan-natura u biex twaqqaf il-kaċċa illegali tal-għasafar. Il-Kummissjoni hija ffukata wkoll fuq l-iżgurar li l-attivitajiet tal-qtugħ tas-siġar u l-ġestjoni tal-foresti jitwettqu f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tan-natura.

Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 17-il Stat Membru f’ Marzu , Ottubru u Novembru biex ittejjeb l-implimentazzjoni tad- Direttiva tal-UE dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali, li ġiet aġġornata fl-2014 biex tnaqqas il-piż amministrattiv u ttejjeb il-livell ta’ protezzjoni ambjentali, filwaqt li tagħmel id-deċiżjonijiet ta’ investiment pubbliċi u privati aktar sodi, prevedibbli u sostenibbli.

L-infurzar tar-regoli agrikoli

Il-Politika Agrikola Komuni (PAK) hija mibnija fuq sħubija bejn l-agrikoltura u s-soċjetà, bejn l-UE u l-bdiewa tagħha. L-għan tagħha huwa li tappoġġa lill-bdiewa u li ttejjeb il-produttività agrikola, li tiżgura provvista stabbli ta’ ikel bi prezz li jista’ jintlaħaq u li tiżgura li l-bdiewa tal-Unjoni Ewropea jgawdu għajxien raġonevoli. Il-PAK tindirizza wkoll l-isfidi ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima. Hija timmira li r-riżorsi naturali jiġu ġestiti b’mod sostenibbli, li ż-żoni rurali u tal-pajsaġġi fl-UE kollha jiġu mantnuti f’kundizzjoni tajba u li l-ekonomija rurali tinżamm ħajja billi jiġu promossi l-impjiegi fil-biedja u f’setturi relatati.

L-indikazzjonijiet ġeografiċi jipproteġu l-isem ta’ prodotti speċifiċi u jippromwovu l-karatteristiċi uniċi tagħhom, li huma marbuta mal-oriġini ġeografika tagħhom kif ukoll mal-għarfien tradizzjonali u jiffurmaw parti ewlenija miż-żamma tal-kwalità u tal-istandards tal-ikel għoljin.

Fl-2019, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tindirizza l-implimentazzjoni mhux korretta tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi.

Id-Danimarka  ppermettiet lill-kumpaniji Daniżi jipproduċu u jesportaw ġobon abjad lejn pajjiżi mhux tal-UE bħala ġobon “feta”, anki jekk dan il-ġobon mhuwiex konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal din id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta.

Il-Bulgarija  ilha żżomm ir-reġistru nazzjonali tagħha stess ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel mill-2008, b’mod kontrarju għall-karattru esklussiv tar-reġistri madwar l-UE kollha għall-iskemi ta’ kwalità.

L-infurzar tar-regoli dwar l-affarijiet marittimi u s-sajd

L-għan primarju tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) huwa li tiżgura li s-setturi tas-sajd u l-akkwakultura jkunu ambjentalment, ekonomikament u soċjalment sostenibbli. Il-PKS għalhekk tinkludi miżuri biex tiġi ristretta l-kapaċità tal-flotta tas-sajd u biex jiġu imposti limiti fuq il-qabdiet u l-attivitajiet tas-sajd. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri kollha qablu li sal-2020, is-sajd kummerċjali għandu jinżel għal livelli sostenibbli. Fl-2019, ingħatat attenzjoni partikolari fuq il-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-qabdiet aċċessorji ta’ speċijiet sensittivi bħal balieni, delfini, u mammiferi tal-baħar oħra.

Il-Kummissjoni nediet sensiela ta’ djalogi informali dwar kwistjonijiet bħalma huma s-sistemi ta’ verifika tas-saħħa tal-magni u l-kontroll tal-flotta tas-sajd tal-UE barra mill-ilmijiet tal-UE.

Is-suċċess tal-PKS jeħtieġ it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ sistema effettiva u koerenti ta’ kontroll u infurzar. Għal din ir-raġuni, l-istrateġija ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-2019 kompliet tiffoka fuq il-konservazzjoni, il-kontroll u l-infurzar tas-sajd mill-Istati Membri.

Il-Kummissjoni segwiet il-proċedura ta’ ksur tagħha kontra d- Danimarka  minħabba li din naqset milli tinforza diversi dispożizzjonijiet importanti tar- Regolament ta’ Kontroll tal-UE . L-iktar kwistjonijiet serji jikkonċernaw is-sajd għal skopijiet industrijali. Kontrolli xierqa huma essenzjali biex ikun żgurat li d-dokumenti ta’ reġistrazzjoni tal-qabdiet ikunu akkurati, li huwa meħtieġ biex jiġi evitat is-sajd żejjed.

Il-PKS toffri wkoll għodod speċifiċi għall-infurzar, bħall-pjanijiet ta’ azzjoni ta’ kontroll u investigazzjonijiet amministrattivi. Abbażi tal-verifiki u l-awditi mwettqa mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni adottat u segwiet varjetà ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ta’ kontroll.

L-infurzar tar-regoli dwar il-politika reġjonali

Il- Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jappoġġaw l-investimenti f’oqsma ta’ politika ewlenin li jiġġeneraw it-tkabbir mal-UE kollha.

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tiżgura li n-nefqa irregolari tiġi rtirata mill-kofinanzjament, jew billi jiġu sospiżi l-pagamenti jew billi, f’xi każijiet, jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji.

Fl-14 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tistabbilixxi l-linji gwida għad-determinazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji li jridu jsiru għan-nefqa ffinanzjata mill-Unjoni jekk ir-regoli tal-akkwist pubbliku ma jiġux segwiti.

Din id-Deċiżjoni toffri aktar ċertezza legali għall-atturi kollha u approċċ aktar proporzjonat fil-qasam kumpless tal-akkwist pubbliku, li jibqa’ sors ewlieni ta’ irregolaritajiet u ta’ korrezzjonijiet finanzjarji għall-Fondi ta’ Koeżjoni.

Il-ġlieda kontra l-frodi fil-baġit tal-UE

Il-mezzi sabiex tiġi miġġielda l-kriminalità li taffettwa l-baġit tal-UE tjiebu b’mod sinifikanti bl-adozzjoni tad- Direttiva dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. . Id-Direttiva se tkun ukoll il-bażi sostantiva għall-ħidma tal- Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew . Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tiżgura li d-Direttiva tiġi implimentata kif suppost. Fid-19 ta’ Settembru 2019 fetħet proċeduri ta’ ksur kontra 14-il Stat Membru għal traspożizzjoni tardiva.

F’żewġ każijiet li l-Kummissjoni ressqet quddiem il-Qorti kontra r- Renju Unit  u n- Netherlands , il-Qorti ddeċidiet li dawn il-pajjiżi ma kinux ikkonformaw mad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni sinċiera skont it-Trattat billi kienu naqsu milli jikkumpensaw għat-telf tar-riżorsi proprji li rriżulta mill-ħruġ mhux korrett ta’ ċertifikati tal-esportazzjoni mill-awtoritajiet lokali tal-Pajjiżi u t-Territorji Extra-Ewropej (PTEE) tagħhom. Il-Qorti kkonkludiet li ż-żewġ Stati Membri kkonċernati huma responsabbli, fil-konfront tal-Unjoni Ewropea, għal kwalunkwe żball imwettaq mill-awtoritajiet tal-PTEE tagħhom li wassal għal nuqqas ta’ riżorsi proprji tradizzjonali.

II.Suq uniku diġitali konness

L-istrateġija tas-suq uniku diġitali tindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet tat-trasformazzjoni diġitali billi tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq, iżżid il-flussi tad-data u l-fluwidità tas-suq, u tadatta r-regoli eżistenti għall-era diġitali. L-aċċess tal-konsumatur tjieb permezz tal-projbizzjoni tal- imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, il-portabbiltà tal-kontenut , it-tmiem tat-tariffi tar-roaming, u l-WiFi4EU . Il-kundizzjonijiet tal-qafas tas-suq ġew imtejba permezz tal- Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet elettroniċi l-ġdid , id- Direttiva dwar is-servizzi awdjoviżivi u tal-midja , il- leġiżlazzjoni aġġornata dwar id-drittijiet tal-awtur u r- Regolament dwar il-Pjattaformi . L-infurzar ta’ dawn ir-regoli se jkun essenzjali fis-snin li ġejjin.

Titjib tal-konnettività

Il-komunikazzjonijiet diġitali b’veloċità kbira jrawmu l-innovazzjoni u servizzi aħjar għall-ekonomija u għas-soċjetà kollha kemm hi. L-iżvilupp tal-konnettività 5G huwa prijorità għall-Kummissjoni. L-għan huwa li jiġi żgurat li l-ispettru tar-radju tal-5G ikun disponibbli fl-UE kollha sal-2020. 

L-applikazzjoni effettiva tar-regoli li jikkonċernaw in- numru ta’ emerġenza 112 madwar l-Ewropa kollha se twassal għal aċċess sikur u effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza għall-utenti finali, inkluż għal dawk b’diżabbiltà.

Fl-2019, il-Kummissjoni nediet proċedimenti ta’ ksur kontra ċ- Ċekja , il- Ġermanja , il- Greċja , Spanja u l- Kroazja għax naqsu milli jiżguraw aċċess ekwivalenti għall-utenti b’diżabilitajiet, kif mitlub mir-regoli dwar in-numru ta’ emerġenza 112. 

Il-bini ta’ infrastruttura tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja jista’ jiġi jiswa ħafna flus. Għalhekk, huwa importanti li jiġu implimentati r-regoli li jagħmlu dan l-iskjerament irħas u aktar effiċjenti, għall-benefiċċju tal-pubbliku. 

Fl-2019, il-Qorti imponiet, fuq it-talba tal-Kummissjoni, penali ta’ kuljum fuq il- Belġju  talli ttraspona parzjalment biss miżuri biex inaqqas l-ispiża tal-użu ta’ networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi b’veloċità kbira fir-reġjun ta’ Brussell.



Il-garanzija taċ-ċibersigurtà u tal-fiduċja fit-tranżazzjonijiet onlajn

F’ekonomija u f’soċjetà dejjem aktar diġitalizzati, it-theddid taċ-ċibersigurtà huwa preokkupazzjoni li qed tikber. Id-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Networks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (id-Direttiva NIS) ittejjeb il-livell ġenerali taċ-ċibersigurtà tal-Unjoni. Il-Kummissjoni nediet ksur kontra sitt Stati Membri fl-2019 minħabba li ma identifikawx operaturi ta’ servizzi essenzjali skont dik id-Direttiva. Fi tmiem l-2019, il-proċeduri ta’ ksur dwar id-Direttiva NIS kienu għadhom għaddejjin kontra l-Istati Membri li ġejjin: il-Belġju, l-Ungerija, l-Awstrija, ir-Rumanija u s-Slovenja.

Aċċessibbiltà aħjar għall-persuni b’diżabbiltà

Il-persuni b’diżabilità, speċjalment dawk b’diżabilitajiet fil-vista jew fis-smigħ, jista’ jkollhom diffikultà biex jaċċessaw is-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli ta’ korpi pubbliċi. L-għan tad- Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web huwa li ttejjeb l-aċċess għal dawn l-għodod ta’ informazzjoni għall-persuni b’diżabbiltà. Matul l-2019, il-Kummissjoni segwiet b’mod attiv il-proċeduri ta’ ksur li jinsabu għaddejjin kontra 19-il Stat Membru għan-nuqqas tagħhom li jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Internet u eventwalment għalqet il-każijiet kontra 12-il Stat Membru. Bħala riżultat, seba’ każijiet baqgħu miftuħa fi tmiem l-2019, kontra l-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Ungerija, l-Awstrija u s-Slovakkja.

III.Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem

Is-suċċess tal- Patt Ekoloġiku Ewropew , qasam ta’ prijorità tal-Linji Gwida Politiċi tal-President von der Leyen, jiddependi fuq il-pedamenti solidi tal- Unjoni tal-Enerġija . L-UE għandha sett komprensiv ta’ regoli dwar l-enerġija. Il-pakkett “ Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha ”, li tlesta fl-2019, huwa ċentrali għall-iżvilupp u t-twassil tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan se jgħin fit-tmexxija tat-tranżizzjoni tal-enerġija lejn settur tal-enerġija bla periklu, sikur u sostenibbli bil-konsumatur fil-qalba tiegħu.

Ir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati fl-iżgurar tal-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretti tar-regoli tal-UE dwar l-enerġija huwa essenzjali biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-enerġija tal-UE. L-azzjoni ta’ infurzar fl-2019 iffokat fuq l-oqsma ewlenin li ġejjin: is-suq intern tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, is-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u s-sigurtà tal-provvista tal-gass.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi liċ- Ċekja u lis-Slovenja lill-Qorti tal-Ġustizzja għat-traspożizzjoni u għall-applikazzjoni inkorretta ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad- Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija . Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tirreferI lil Spanja lill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba nuqqas ta’ konformità mad- Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u lill- Belġju għat-traspożizzjoni mhux korretta tad-direttivi dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku u tal-gass .

Il-Kummissjoni nediet proċeduri ġodda kontra 13-il Stat Membru, f’ Jannar , Lulju u Novembru , talli naqsu milli jadottaw u/jew jinnotifikaw miżuri ta’ traspożizzjoni skont id- Direttiva dwar it-Tibdil Indirett fl-Użu tal-Art u nediet proċeduri ta’ ksur kontra 15-il Stat Membru għal nuqqas ta’ implimentazzjoni korretta tar-regoli tal-UE dwar l- effiċjenza enerġetika .

Barra minn hekk, intużaw proċeduri ta’ ksur biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza fis-settur nukleari u biex jiġu infurzati r-regoli tal-UE dwar is-sikurezza nukleari, il-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv u l-protezzjoni mir-radjazzjoni tal-ħaddiema, il-pazjenti u l-pubbliku ġenerali.

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet issegwi l-ksur kontra ħames Stati Membri u ddeċidiet li tirreferi lill- Italja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal nuqqas ta’ trasponiment ta’ miżuri skont id- Direttiva li Tistabbilixxi Standards Bażiċi ta’ Sikurezza . Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ukoll id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni f’ sentenza kontra l-Italja talli kisret ir-rekwiżit skont id- Direttiva dwar l-Iskart Radjuattiv li tinnotifika programm nazzjonali adottat finali għall-ġestjoni tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat.

Bid-dħul fis-seħħ tal-pakkett “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha”, l-attenzjoni se tiffoka fuq il-monitoraġġ tal-progress tal-Istati Membri fl-ilħuq tal-miri tal-UE għall-2030 għall-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika. Il-Kummissjoni se timmonitorja wkoll il-pjanijiet nazzjonali integrati tagħhom dwar l-enerġija u l-klima għall-perjodu mill-2021 sal-2030. L-infurzar tar-regoli tal-enerġija tal-UE se jibqa’ pilastru essenzjali tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija.

L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima

Il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni von der Leyen jappellaw lill-Ewropa sabiex issir l-ewwel kontinent dinji b’newtralità klimatika sal-2050. Ippubblikata f’Diċembru 2019, il-Komunikazzjoni dwar il- Patt Ekoloġiku Ewropew tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni ambizzjuż f’għadd ta’ oqsma ta’ politika biex jintlaħaq dan l-għan. F’Marzu 2020, il-Kummissjoni pproponiet li n-newtralità klimatika tal-2050 tkun inkorporata f’ liġi ġdida dwar il-klima u aktar tard matul is-sena se tippreżenta pjan biex iżżid b’mod responsabbli l-mira attwali tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal mill-inqas 50 % u lejn 55 % (mil-livelli tal-1990).

Leġiżlazzjoni implimentata u infurzata bis-sħiħ hija essenzjali biex tintlaħaq il-mira attwali tal-2030 ta’ mill-inqas tnaqqis ta’ 40 % (mil-livelli tal-1990) u biex tinbena bażi solida biex jogħla l-livell ta’ ambizzjoni. Sa Ottubru 2019, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d- Direttiva biex itejbu t-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju sabiex iħejju għall-fażi 4 tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS) għall-2021-2030. Il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi l-istat tat-traspożizzjoni u, fejn dan mhux diġà qed iseħħ, se tieħu azzjoni ta’ infurzar kif meħtieġ.

Għat-trasport bil-baħar, fl-2019 il-Kummissjoni ppubblikat , għall-ewwel darba, informazzjoni komprensiva dwar l-emissjonijiet tas-CO2 minn vapuri li jidħlu fil-portijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Għall-avjazzjoni, fl-2019 il-Kummissjoni stabbilixxiet qafas li jippermetti l-implimentazzjoni fl-UE tar-regoli għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet mill-ajruplani skont il-miżura bbażata fuq is-suq globali (CORSIA) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.

Għall-protezzjoni tas-saff tal-ożonu, fl-2019, il-Kummissjoni temmet l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni u tal-prestazzjoni tar- Regolament dwar l-Ożonu , u fl-2020 se tibda valutazzjoni tal-impatt biex teżamina jekk u kif dan ir-Regolament jista’ jittejjeb aktar. Fl-2020, il-Kummissjoni se tibda wkoll l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt tar- Regolament dwar il-Gassijiet-F .

IV.Suq intern aktar ġust u profond b’bażi industrijali msaħħa.

Is-suq uniku tal-UE jibqa’ l-iktar assi prezzjuż tal-Ewropa għaċ-ċittadini u għan-negozji. Dan jipprovdi opportunitajiet enormi għan-negozji, u għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Huwa jippermetti li l-persuni jivvjaġġaw, jgħixu, jaħdmu u jistudjaw kull fejn jixtiequ. Iżda dawn il-benefiċċji ma jistgħux jitgawdew jekk ir-regoli tas-suq uniku ma jiġux applikati jew implimentati, jew jekk jiġu mminati minn ostakoli oħrajn.

L-iżgurar ta’ kompetizzjoni mhux imfixkla

Il-ħidma ta’ ksur tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni ssaħħaħ is-suq intern billi tippromwovi kundizzjonijiet ekwi.

Fl-2019, wara li vverifikat il-kompletezza u l-konformità tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad- Direttiva dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea , il-Kummissjoni kkonkludiet li d-Direttiva ġiet trasposta b’mod sħiħ u korrett, u għalqet il-proċedimenti ta’ ksur kollha li kienet bdiet f’dan il-kuntest.

L-infurzar konsistenti ta’ deċiżjonijiet negattivi dwar l-għajnuna mill-Istat huwa essenzjali għall-kredibbiltà tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni. Il-proċeduri li jeħtieġu li Stat Membru jirkupra l-għajnuna irregolari mill-Istat huma parti importanti mill-ħidma ta’ ksur tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill- Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li naqset milli tikkonforma ma’ deċiżjoni  tal-2017. Il-Qorti kienet ikkundannat lill-Greċja talli naqset milli timplimenta Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2014 li teħtieġ li hija tirkupra EUR 135.8 miljun ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli mingħand Larco General Mining Metallurgical Company S.A. Aktar minn ħames snin wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni u wara s-sentenza tal-Qorti u n-nota ta’ tfakkir tal-Kummissjoni, il-Greċja kienet għadha ma rkupratx l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli. Il-Kummissjoni issa talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjonijiet finanzjarji fuq il-Greċja talli naqset milli timplimenta s-sentenza tal-Qorti.

L-iżgurar tal-moviment liberu tal-ħaddiema

L-UE żviluppat korp estensiv ta’ regoli dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, l-istazzjonar tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Jekk dawn ir-regoli ma jiġux segwiti, il-fiduċja u l-ġustizzja fis-suq uniku jiddgħajfu. B’mod partikolari, ġie espress tħassib li l-ħaddiema mobbli huma vulnerabbli għall-abbuż jew li qed jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, u dwar li n-negozji jkollhom joperaw f’ambjent tan-negozju inċert, mhux ċar jew inġust.

Il-Kummissjoni rċeviet ilmenti dwar il-leġiżlazzjoni Awstrijaka li tagħmel il-benefiċċji tal-familja u t-tnaqqis fit-taxxa fuq il-familja mħallsa lil tfal li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor li dipendenti fuq l-għoli tal-ħajja ta’ dak l-Istat Membru. Dan ifisser li ħafna ċittadini tal-UE li jaħdmu fl-Awstrija u li jikkontribwixxu għas-sistema tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa tagħha bl-istess mod bħall-ħaddiema domestiċi jirċievu inqas benefiċċji sempliċement minħabba li t-tfal tagħhom ikunu qed jgħixu fi Stat Membru ieħor. Il-Kummissjoni sabet li dan il-mekkaniżmu ta’ indiċjar mhuwiex kompatibbli mal-liġi tal-UE. Għalhekk nediet proċedura ta’ ksur kontra l- Awstrija .

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet proċeduri ta’ ksur kontra Ċipru , Franza , l-Irlanda , u r-Rumanija talli naqsu milli jimplimentaw fil-ħin, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, l-obbligi li jirriżultaw mid- Direttiva dwar ir-rekwiżiti minimi għat-titjib tal-mobilità tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri billi jtejbu l-kisba u l-preservazzjoni tad-drittijiet supplimentari għall-pensjoni . Wara n-notifika minn dawn l-Istati Membri u l-valutazzjoni li kienu ttrasponew id-Direttiva kompletament, il-Kummissjoni għalqet il-proċedimenti kontrihom.

Fil-25 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni ppubblikat rapport dwar l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Istazzjonar tal-Ħaddiema fl-Istati Membri tal-UE .

Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll Gwida Prattika dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema . Biex tgħin lill-ħaddiema, lill-impjegaturi u lill-awtoritajiet nazzjonali jifhmu r-regoli dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Dan jiżgura li l-ħaddiema jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom u li r-regoli jiġu applikati b’mod korrett u konsistenti mill-awtoritajiet nazzjonali u mill-impjegaturi fl-UE kollha.

Fl-2018, il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta’ Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA) biex tippromwovi l-infurzar ġust, sempliċi u effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim dwar din il-proposta fl-2019. L-attivitajiet tal-Awtorità tax-Xogħol bdew f’nofs Ottubru 2019 bl-ewwel laqgħa tal-Bord Maniġerjali tal-ELA.

L-iżgurar tal-moviment liberu tal-merkanzija

Il-Kummissjoni taħdem biex tiżgura li s-suq uniku Ewropew jagħti l-benefiċċji kollha tiegħu, li ċ-ċittadini tal-UE jkollhom għażla akbar ta’ prodotti u prezzijiet aħjar, u li n-negozji Ewropej – żgħar u kbar – ikunu jistgħu jespandu l-bażi tal-klijenti tagħhom u jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom b’mod aktar faċli madwar l-UE. Pereżempju, fl-2019, il-Kummissjoni ħadet azzjoni dwar restrizzjonijiet li jaffettwaw kemm il-bejgħ bl-imnut tal-prodotti agrikoli u tal-ikel, kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta’ kondutturi tas-sajjetti.

Il-Kummissjoni rreferiet lill- Ungerija  quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li r-regoli nazzjonali tagħha dwar il-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti agrikoli u tal-ikel jipprovdu li l-marġni ta’ profitt fuq dawn il-prodotti jrid ikun l-istess, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom. Din ir-regola tikser il-liġi tal-UE dwar il-moviment liberu tal-oġġetti, billi tiskoraġġixxi l-bejgħ ta’ prodotti importati meta mqabbla ma’ prodotti domestiċi.

Fis-settur farmaċewtiku, il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.

Fl-2019, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill- Ġermanja fir-rigward tar-regoli tagħha dwar il-prezzijiet fissi għall-mediċini li jeħtieġu riċetta tat-tabib, li jaffettwaw b’mod negattiv il-bejgħ tal-prodotti mill-ispiżeriji stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE.

L-attivitajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni wasslu wkoll għall-għeluq b’suċċess ta’ diversi każijiet ta’ ksur relatati mal-moviment liberu tal-merkanzija fl-oqsma tas-supplimenti tal-ikel, il-vetturi tal-passiġġieri bl-istering fuq il-lemin, il-bejgħ ta’ ambulanzi second-hand importati jew korpi ta’ akkreditazzjoni nazzjonali.

L-iżgurar tal-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi

Id- Direttiva dwar is-Servizzi teħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jirrevedu l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom biex jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit li huma jimponu fuq l-aċċess għas-suq ikun iġġustifikat minn għan leġittimu. Biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva, jiġu stabbiliti punti ta’ kuntatt waħdieni, jiġifieri punti uniċi ta’ kuntatt (PSCs), biex ikun aktar faċli għan-negozji li jistabbilixxu lilhom infushom u li jespandu fi Stati Membri oħra. Fl-2019, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra t-28 Stat Membru kollha biex ittejjeb is-servizz ipprovdut mill-PSCs, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar is-servizzi u d- Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali . Instabu problemi relatati, b’mod partikolari, mad-disponibbiltà online u mal-kwalità tal-informazzjoni dwar ir-rekwiżiti u l-proċeduri li l-fornituri tas-servizzi u l-professjonisti jridu jissodisfaw jekk iridu jagħmlu negozju barra minn pajjiżhom. Il-Kummissjoni ġibdet ukoll l-attenzjoni għal problemi fir-rigward tal-aċċess u t-tlestija tal-proċeduri online permezz tal-PSCs.

Biex toħloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji madwar l-Ewropa, l-UE adottat regoli dwar l-akkwist pubbliku li japplikaw fl-Istati Membri kollha. Dawn ir-regoli jirregolaw il-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi u ċerti operaturi tal-utilitajiet pubbliċi madwar l-Ewropa jixtru oġġetti, xogħlijiet u servizzi.

Fl-2019, il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra tmien Stati Membri talli ma tawx awtorizzazzjonijiet jew konċessjonijiet għall-idroenerġija f’konformità mal-liġi tal-UE. It-tmien Stati Membri kollha naqsu milli jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u t-trattament ugwali fl-għoti ta’ dawk l-awtorizzazzjonijiet u l-konċessjonijiet.

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proċeduri segwiti fi Franza u l- Portugall  sabiex jagħtu konċessjonijiet tal-enerġija idroelettrika ma kinux konformi mar-regoli tal-UE dwar l-akkwist pubbliku. 

Il-Kummissjoni kienet ukoll tal-opinjoni li fl- Awstrija ,  fil-Ġermanja ,  fl-Italja ,  fil-Polonja , fl-Iżvezja  u fir- Renju Unit , l-awtorizzazzjonijiet għall-enerġija idroelettrika ma ngħatawx skont id-Direttiva dwar is-Servizzi , li tirrikjedi li meta l-awtorizzazzjonijiet għal attività ta’ servizz ikunu limitati fin-numru minħabba li r-riżorsi naturali jkunu skarsi, l-awtorizzazzjonijiet iridu jingħataw għal perjodu limitat wara proċedura ta’ għażla imparzjali u trasparent. Dawn l-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu jiġġeddu awtomatikament.

Il-libertà tal-istabbiliment teħtieġ li l-kwalifiki tal-professjonisti, bħat-tobba jew il-periti, ikunu rikonoxxuti barra mill-pajjiż, u b’hekk ikunu jistgħu jistabbilixxu prattika kullimkien fl-UE. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri kollha (minbarra d-Danimarka) fl-2019 talli ma ġabux il-leġiżlazzjoni tagħhom konformi mad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali.

Informazzjoni u assistenza mtejba għaċ-ċittadini u għan-negozji

Is-Suq Uniku se jiffunzjona tajjeb biss jekk iċ-ċittadini u n-negozji jkollhom aċċess tajjeb għall-informazzjoni u għall-assistenza dwar id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-UE. Fl-2019, il-Kummissjoni żiedet l-isforzi tagħha biex ir-regoli tas-Suq Uniku jsiru magħrufin aħjar billi tejbet il-portal L-Ewropa tiegħek , fid-dawl tat-tranżizzjoni tiegħu għall- gateway diġitali unika futura fl-2020. Pariri tal-Ewropa Tiegħek kompliet ukoll tipprovdi pariri legali mfassla apposta għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-Kummissjoni ffokat ukoll fuq azzjonijiet biex tingħata spinta lill-kapaċità amministrattiva u lill-għarfien espert legali tas- SOLVIT sabiex tiġi implimentata b’mod effettiv il-proċedura ta’ soluzzjoni tal-problemi ġdida u faċli biex tintuża min-negozji, fejn SOLVIT jgħin lin-negozji f’każ li jiġi miċħud ir-rikonoxximent reċiproku tal-prodott tagħhom. Din il-proċedura l-ġdida bdiet tapplika minn April 2020. Filwaqt li tibni fuq ħidma preparatorja li saret fl-2019, is- sistema ta’ informazzjoni tas-suq intern , mill-2020, se tappoġġa l-kooperazzjoni amministrattiva taħt ir-Regolament il-ġdid dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC). Din is-sistema ta’ informazzjoni se tgħin lin- Network CPC tal-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumatur biex jipproteġi lill-konsumaturi saħansitra aħjar. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni bdiet il-proċess ta’ titjib tat- Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Uniku biex tkopri aktar oqsma ta’ politika u biex tagħti stampa aktar sħiħa tal-istat tas-suq uniku.

Fil-qasam tal-ġustizzja, il-Kummissjoni taġġorna regolarment il- portal tal-ġustizzja elettronika , li jipprovdi ħafna informazzjoni u links dwar il-liġijiet u l-prattiki fil-pajjiżi kollha tal-UE.

L-infurzar tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, tar-regoli tas-servizzi finanzjarji u tal-moviment liberu tal-kapital

Id-Direttivi adottati b’riżultat tal-kriżi finanzjarja jridu jiġu implimentati b’mod xieraq biex iżidu r-reżiljenza u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju u jtejbu l-protezzjoni tal-investitur. L-implimentazzjoni ta’ wħud minn dawn id-Direttivi hija importanti wkoll sabiex tiġi kkompletata l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-implimentazzjoni ta’ dawn id-direttivi (pereżempju d-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II , id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji riveduta, id-Direttiva dwar il-Provvisti tal-Irtirar Okkupazzjonali , id-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament , id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni ) hija wkoll ċentrali għall-għan li tinkiseb l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, li se ttejjeb l-aċċess għall-finanzjament, b’mod partikolari għall-kumpaniji innovattivi, l-impriżi l-ġodda jew l-impriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju. Din tagħmel ukoll lis-swieq kapitali aktar attraenti għall-investituri bl-imnut u għall-investituri istituzzjonali, u tiffaċilita l-investiment transfruntier. Fl-2019, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta’ ksur peress li 17-il Stat Membru kienu naqsu milli jimplimentaw fil-ħin id-Direttiva dwar il-Provvisti tal-Irtirar Okkupazzjonali  fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni segwiet il-proċedura ta’ ksur kontra r-Rumanija talli ma allinjatx il-leġiżlazzjoni tagħha dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi b’responsabbiltà ta’ terzi mar-regoli tal-UE. Ir-regoli nazzjonali tar-Rumanija jimponu kundizzjonijiet stretti fuq l-assiguraturi meta jistabbilixxu l-primjums tagħhom. Il-Kummissjoni qieset li dawn l-obbligi jmorru kontra d- Direttiva dwar is-Solvibbiltà II , fir-rigward tal-prinċipju tal-libertà tat-tariffi. Il-leġiżlazzjoni tar-Rumanija tobbliga wkoll lill-assiguraturi biex joħorġu polza għal ċerti kategoriji ta’ vetturi li tkun valida biss fit-territorju Rumen. Dawn id-dispożizzjonijiet tqiesu li jmorru kontra d-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur , li tirrikjedi li l-poloz ikopru t-territorju kollu tal-Unjoni abbażi ta’ primjum tal-assigurazzjoni wieħed.

Dwar il-moviment liberu tal-kapital, il-Kummissjoni kienet diġà fetħet proċeduri ta’ ksur kontra ħames Stati Membri fl-2015, fejn talbithom itemmu trattati bilaterali intra-UE dwar l-investiment bejniethom (“BITs intra-UE”) minħabba n-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħhom mal-liġi tal-UE. Il-BITs huma ftehimiet li jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet għall-investiment privat li japplikaw bejn żewġ Stati Membri tal-UE.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fil- kawża Achmea kkonfermat li l-klawżoli tal-arbitraġġ bejn l-investituri u l-Istat fil-BITs intra-UE mhumiex kompatibbli mal-liġi tal-UE. Fl-2019, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri tal-UE approvaw it-test ta’ ftehim plurilaterali biex itemmu t-trattati bilaterali dwar l-investiment intra-UE bejniethom. F’ Mejju 2020 , tlieta u għoxrin Stat Membru ffirmaw il- ftehim għat-terminazzjoni ta’ dawn it-trattati.

L-Ungerija kienet adottat liġi li temmet ċerti hekk imsejħa “drittijiet ta’ użufrutt” – li jinvolvu d-dritt li proprjetà tintuża u li jsir profitt minnha - miżmuma minn investituri fl-Ungerija. Il-liġi ċaħħdet b’mod partikolari lill-investituri barranin mid-drittijiet tagħhom akkwistati legalment fuq art agrikola, u mill-valur tal-investimenti tagħhom, mingħajr ebda kumpens. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-2019, il-Qorti ddeċidiet li bl-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li ċċaħħad lill-persuni mid-dritt tagħhom ta’ użufrutt fuq art agrikola, l-Ungerija kisret kemm il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital kif ukoll id-dritt għall-proprjetà garantit mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament kontra t-terroriżmu

L-attivitajiet tal-infurzar tal-Kummissjoni f’dan il-qasam huma ffukati fuq l-iżgurar tat-traspożizzjoni f’waqtha u korretta tar- raba’ u l- ħames Direttiva Kontra l-Ħasil tal-Flus dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil ta-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Iż-żewġ direttivi jippromwovu l-ogħla standards għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet timxi ’l quddiem bil-każijiet ta’ ksur peress li diversi Stati Membri xorta kienu għadhom naqsu milli jimplimentaw ir-raba’ Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni adottat ukoll il- Komunikazzjoni: Fit-triq lejn implimentazzjoni aħjar tal-qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu , li kienet akkumpanjata minn erba’ rapporti biex jappoġġaw lill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jindirizzaw aħjar ir-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Il-Komunikazzjoni u r-rapporti jenfasizzaw il-ħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa taż-żewġ direttivi msemmija hawn fuq filwaqt li jenfasizzaw li għad iridu jiġu indirizzati għadd ta’ nuqqasijiet strutturali fl-implimentazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.



L-infurzar tar-regoli dwar it-tassazzjoni u d-dwana

Fir-rigward tat-tassazzjoni indiretta, il-Kummissjoni tat prijorità fl-isforzi tal-infurzar tagħha biex tindirizza l-ksur li jfixkel il-kompetizzjoni fis-suq intern, li jmur kontra t-tassazzjoni ġusta jew li jfixkel l-objettivi klimatiċi tal-UE.

Wara r-rivelazzjonijiet fil-Paradise Papers ta’ evażjoni mifruxa fis-setturi tal-jottijiet u tal-inġenji tal-ajru, il-Kummissjoni komplet il-proċeduri ta’ ksur kontra l-Italja u Ċipru . Dawn l-Istati Membri stabbilixxew miżuri fiskali favorevoli għall-industriji tal-jottijiet u tal-inġenji tal-ajru għal skop ta’ divertiment li jmorru kontra d-dritt tal-UE u t-tassazzjoni ġusta.

Il- Polonja bħalissa qed teżenta mit-taxxi tal-enerġija industriji li jniġġsu ħafna fuq il-bażi li dan huwa kopert mill-eċċezzjonijiet taħt l- iskema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS). Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Polonja quddiem il-Qorti minħabba li l-azzjonijiet tagħha huma kuntrarji għal-liġi tal-UE u għall-għanijiet klimatiċi tal-UE.

L-azzjoni ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-2019 iffokat fuq l-iżgurar li l-Istati Membri ttrasponew emendi importanti għad- Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-liġi nazzjonali. Dawn l-emendi jikkonċernaw oqsma bħall- aċċess għall-informazzjoni kontra l-ħasil tal-flus ,  l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni , jew l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji . 

Wieħed mill-benefiċċji tas-suq intern huwa li ċ-ċittadini u n-negozji għandhom il-libertà li jiċċaqalqu, joperaw u jinvestu bejn il-fruntieri nazzjonali. Minħabba li t-tassazzjoni diretta mhijiex armonizzata mal-UE kollha, din il-libertà tista’ tfisser li xi kontribwenti jistgħu jevitaw jew jistgħu jevadu t-taxxa fil-pajjiż tar-residenza tagħhom. Għalhekk, l-awtoritajiet tat-taxxa fl-UE qablu li jikkooperaw aktar mill-qrib sabiex jiżguraw li t-taxxi jitħallsu u sabiex jiġu miġġielda l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.

Il-Kummissjoni ffukat fuq l-iżgurar tat-traspożizzjoni xierqa tad-Direttiva dwar ir-regoli kontra l-prattiki tal-evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern u d-Direttiva dwar is-soluzzjoni tat-tilwim .

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni kontra Spanja talli naqset milli timplimenta miżuri dwar l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar it-taxxa. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni wkoll kontra l- Awstrija u l-Irlanda talli naqsu milli jittrasponu r-regola tal-limitazzjoni tal-imgħax, kif meħtieġ mir-regoli kontra l-prattiki tal-evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern.

Fl-2019, il-Kummissjoni għalqet il-proċeduri ta’ ksur kontra ċ-Ċekja , il-Greċja , il-Polonja u r-Rumanija dwar l-aċċess għall-informazzjoni kontra l-ħasil tal-flus . Il-KummIssjoni għalqet ukoll il-proċeduri ta’ ksur kontra l- Belġju , iċ-Ċekja , il-Greċja , Franza , Ċipru , il-Portugall , ir- Renju Unit u l-Latvja dwar regoli kontra prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern, peress li dawn kienu ttrasponew kompletament dawn ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

L-istrateġija ta’ infurzar tal-Kummissjoni fil-qasam doganali ffukat fuq l-applikazzjoni korretta u uniformi tal- Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) u fuq l-identifikazzjoni tat-tariffi b’effett ekwivalenti għad-dazji doganali, anki fl-UE.

Fl-2019, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni fl-Istati Membri kollha, fejn investigat id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-limitu ta’ żmien għan-notifika tad-dejn doganali u l-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mal-KDU, sabiex tipprovdi aktar ċertezza legali għall-kummerċjanti.

Wara proċedura ta’ ksur imnedija mill-Kummissjoni, il-Bulgarija emendat id-dispożizzjonijiet tagħha biex tikkonforma mal-liġi doganali tal-UE fir-rigward ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ flus kontanti u fir-rigward tal-eżenzjoni mid-dazju doganali għal ċerti prodotti tal-Istati Uniti.

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi

Id- Direttiva dwar l-infurzar u l-modernizzazzjoni aħjar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ġiet adottata f’Novembru 2019. Din issaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur online, tindirizza l-kwalità doppja tal-prodotti u tipprovdi multi ta’ deterrent għal “ksur mifrux” tad-drittijiet tal-konsumatur.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet il-kampanja #YourEURight biex iżżid l-għarfien tal-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom. 

F’Lulju 2019, il-Kummissjoni ħarġet gwida dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar Termini Kuntrattwali Inġusti . Din tkopri l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar, pereżempju, it-trasparenza tal-klawżoli kuntrattwali, l-effett li jinstabu klawżoli kuntrattwali inġusti u dwar rekwiżiti għal proċeduri quddiem il-qrati nazzjonali, bħal pereżempju għar-reviżjoni ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti.

Sa tmiem l-2019, 13 minn 14-il proċedura ta’ ksur imnedija għal traspożizzjoni tardiva tad- Direttiva dwar Pakketti tal-Ivvjaġġar tal-2015 kienu ngħalqu. Il-Kummissjoni bdiet tivvaluta, għall-Istati Membri kollha, jekk il-miżuri nazzjonali jittrasponux din id-Direttiva b’mod korrett.

Il-Kummissjoni appoġġat l-infurzar tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur mill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar skont ir-Regolament ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur (CPC) . Hija għenet lil dawn l-awtoritajiet sabiex jindirizzaw prattiki qarrieqa tal-operaturi ewlenin online (Facebook, Airbnb u booking.com) biex itejbu t-trasparenza tal-offerti tagħhom u l-ekwità tat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri fit-tħejjija għall-applikazzjoni tar-Regolament rivedut dwar is-CPC minn Jannar 2020, inkluż permezz ta’ workshops.

Il-qafas Ewropew għas-Soluzzjoni Alternattiva għat-Tilwim (alternative dispute resolution, ADR) u s-soluzzjoni online għat-tilwim (online dispute resolution, ODR) sar aktar effettiv, inkluż permezz ta’ verżjoni mtejba tal-pjattaforma Ewropea tal-ODR. Il-Kummissjoni ħarġet ukoll l-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni tagħha dwar il-qafas tal-ADR/ODR .

Għas-sikurezza tal-prodotti, il-Kummissjoni kompliet tiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-infurzar billi ffinanzjat l-attivitajiet ta’ teħid ta’ kampjuni u ta’ ttestjar dwar prodotti speċifiċi b’rabta mas-sistema ta’ twissija rapida, RAPEX. Ir-RAPEX tippermetti skambju ta’ informazzjoni malajr madwar l-Ewropa kollha bejn l-awtoritajiet dwar prodotti li jippreżentaw riskju għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi.

L-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika

Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tad- Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri baqa’ prijorità għall-Kummissjoni fl-2019. Din id-Direttiva għandha l-għan li tqiegħed fil-kuntest tas-Suq Uniku sforzi sabiex jitnaqqas l-użu tat-tabakk, b’mod partikolari billi tiskoraġġixxi liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu u billi tiżgura li l-pubbliku jkun konxju bis-sħiħ mill-effetti dannużi tat-tabakk. Il-konsum tat-tabakk huwa l-akbar riskju waħdieni għas-saħħa li jista’ jiġi evitat, u l-aktar kawża sinifikanti ta’ mwiet prematuri fl-UE. Fl-2019, il-Kummissjoni wettqet kontrolli tal-konformità tal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva u organizzat djalogi strutturati mal-Istati Membri biex tiżgura l-implimentazzjoni aħjar tagħha.

Fl-2019, il-Kummissjoni għalqet proċeduri ta’ ksur kontra ċ-Ċekja, il-Kroazja, Spanja u l-Iżvezja, minħabba li l-Istati Membri ħadu miżuri sabiex jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-liġi nazzjonali tagħhom.

L-iżgurar tad-drittijiet tal-pazjenti li jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa transfruntirea baqa’ prijorità għall-Kummissjoni fl-2019. Il-Kummissjoni mmonitorjat mill-qrib id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transfruntiera u wettqet djalogi strutturati mal-Istati Membri biex tiżgura implimentazzjoni aħjar tad-Direttiva.

Id-Direttiva dwar il-Kura tas-Saħħa Transfruntiera tistabbilixxi d-drittijiet tal-pazjenti li jagħżlu li jirċievu kura tas-saħħa fi Stat Membru ieħor u li jitolbu għar-rimborż għaliha meta jirritornaw f’pajjiżhom. Il-livell tar-rimborż irid ikun sal-livell tal-kostijiet li kienu jkunu koperti mill-Istat Membru tal-pazjent stess kieku l-kura tas-saħħa kienet ipprovduta hemmhekk, mingħajr ma jinqabżu l-ispejjeż attwali. Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra l- Awstrija u n- Netherlands minħabba rimborż imnaqqas għal servizzi tas-saħħa transfruntieri.

Għad- Direttiva dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (SUD), il-Kummissjoni wettqet serje ta’ inizjattivi permezz tal-Grupp ta’ Ħidma SUD, permezz ta’ verifiki, u permezz ta’ taħriġ għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tad-Direttiva.



L-infurzar tar-regoli dwar il-mobbiltà u t-trasport

Fl-2019, il-Kummissjoni segwiet il-monitoraġġ tagħha tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-trasport. Il-ħidma ta’ infurzar tagħha kopriet, b’mod partikolari, ir-regoli dwar it-tlestija tas-suq uniku, dwar l-iżvilupp ta’ sistemi intelliġenti tat-trasport u dwar id-definizzjoni ta’ rekwiżiti komuni għas-sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport.

Il-Kummissjoni mmonitorjat ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali mmirati lejn il-ħolqien ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea . B’mod partikolari, hija mmonitorjat kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, is-sorveljanza regolatorja u l-arkitettura finanzjarja fis-settur ferrovjarju, is-setgħa tar-regolaturi nazzjonali, il-qafas għall-investiment ferrovjarju, u l-aċċess ġust u mhux diskriminatorju għall-infrastruttura ferrovjarja u għal servizzi relatati mal-ferroviji.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċeduri ta’ ksur kontra d-Danimarka , il-Ġermanja , l-Irlanda , in-Netherlands u l-Polonja minħabba li naqsu milli jittrasponu ċerti dispożizzjonijiet tar-regoli tal-UE dwar l-istabbiliment ta’ żona ferrovjarja unika Ewropea. Il-proċeduri kontra Franza u Spanja ġew segwiti aktar minħabba n-nuqqas ta’ konformità sħiħa ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dawk dwar l-aċċess għal servizzi relatati mal-ferroviji u l-garanziji ta’ indipendenza għall-maniġer tal-istazzjonijiet. Il-Kummissjoni kompliet ukoll bil-proċeduri ta’ ksur kontra l-Greċja u l-Irlanda minħabba li naqsu milli jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali biex jittrasponu r-regoli tal-UE dwar il-ftuħ tas-suq għas-servizzi domestiċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u l-governanza tal-infrastruttura ferrovjarja .

Ir-Reġistri Ewropej tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq ( ERRU ) jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-impriżi tat-trasport bit-triq stabbiliti fl-UE. Dan huwa strument essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE tiġi infurzata kif xieraq. L-implimentazzjoni ta’ verżjoni ġdida u mtejba tal-ERRU teħtieġ lill-Istati Membri jadattaw is-sistemi nazzjonali tagħhom. Il-Kummissjoni segwiet każijiet ta’ ksur kontra l-Belġju , Ċipru, iċ-Ċekja, id-Danimarka, l-Ungerija, Malta, in-Netherlands, il-Portugall, u r-Renju Unit biex itejbu l-konnessjoni bejn ir-reġistri nazzjonali tagħhom dwar l-impriżi tat-trasport bit-triq u l-verżjoni l-ġdida tal-ERRU, kif meħtieġ mir- regolament rilevanti.

Is-sigurtà u s-sikurezza huma preokkupazzjoni ewlenija għal kwalunkwe sistema tat-trasport. Il-ħolqien ta’ ambjent għal trasport sikur huwa essenzjali għaċ-ċittadini Ewropej. Wieħed mir-rwoli tal-Kummissjoni huwa li twieġeb għal dawn l-aspettattivi billi tiżgura li jkun hemm standards sodisfaċenti fl-UE kollha għas-sigurtà u s-sikurezza fil-mezzi kollha tat-trasport. Il-ferroviji tal-Ewropa huma fost l-aktar sikuri fid-dinja. Il-politiki tal-UE għandhom l-għan li jżommu standards għoljin u li jallinjaw ir-rekwiżiti tas-sikurezza madwar l-UE.

Il-Kummissjoni nediet proċedura ta’ ksur kontra Spanja minħabba li naqset milli tittrasponi bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza ferrovjarja . Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu awtorità indipendenti għas-sikurezza u korp indipendenti għall-investigazzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti. Dan jirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jallokaw il-kompiti u r-responsabbiltajiet tas-sikurezza b’mod koerenti. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma meħtieġa li jiddefinixxu prinċipji komuni tas-sikurezza ferrovjarja. L-indipendenza tal-korpi investigattivi hija kruċjali biex jiġu żgurati investigazzjonijiet effettivi u biex jiġu evitati inċidenti futuri.

It-trasport bit-triq huwa l-iktar mezz ta’ vjaġġar użat u kawża primarja ta’ inċidenti. Il-Kummissjoni kienet attiva ħafna fil-promozzjoni tar-regoli, tal-istandards tekniċi u tal-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni biex jitnaqqas l-għadd ta’ mwiet ikkawżati minn inċidenti tat-traffiku. Il-Kummissjoni mmonitorjat, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-mini u ddeċidiet li tipproċedi kontra l-Belġju , il-Bulgarija , il-Kroazja , l-Italja u Spanja minħabba li ma kkonformawx mad- Direttiva dwar il-miżuri minimi tas-sigurtà relatati mal-infrastruttura u l-operat tal-mini

Fit-trasport marittimu, is-sikurezza kemm tal-vapuri tal-passiġġieri kif ukoll tal-vapuri tal-merkanzija hija ta’ importanza kbira. Ir-regoli komuni tal-UE dwar is-sikurezza jikkonċernaw it-tagħmir, bħall-ġkieket tas-salvataġġ, is-sistemi tat-tindif tad-drenaġġ u r-radars, abbord il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE.

Il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra Malta u l-Bulgarjia minħabba li naqsu milli jikkonformaw mal- liġi tal-UE dwar it-tagħmir tal-baħar . Malta u l-Bulgarija b’mod partikolari naqsu milli jiżguraw li t-tagħmir tal-baħar (abbord il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom) kien dejjem akkumpanjat minn dikjarazzjoni ta' konformità u ma kinux wettqu sorveljanza tas-suq fuq skala adegwata.

L-avjazzjoni hija forma ta’ trasport li teħtieġ regoli speċifiċi tas-sikurezza. Il-politika tal-UE dwar is-sikurezza tal-ajru tiżgura livell għoli ta’ sikurezza għall-passiġġieri.

Il-Kummissjoni kompliet issegwi l-proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija talli naqset milli tikkonforma mar- regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru . Dawn ir-regoli jindirizzaw fid-dettall l-operazzjonijiet bl-ajru permezz tal-ajruplani, ħelikopters, blalen tal-arja u glajders, inklużi l-ispezzjonijiet fir-rampa tal-inġenji tal-ajru tal-operaturi taħt is-sorveljanza tas-sikurezza ta’ stat ieħor. Minħabba li ma kellhiex biżżejjed persunal, l-Ungerija kienet naqset milli tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti tas-sikurezza applikabbli għall-organizzazzjonijiet jew għat-tipi ta’ operazzjonijiet.



V.Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar profonda u iktar ġusta

“Unjoni Ekonomika u Monetarja iktar profonda u iktar ġusta” hija parti fundamentali mir-rispons tal-Kummissjoni għall-ħtieġa tal-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi. Din il-politika għandha l-għan li ssaħħaħ l-ekonomija tal-UE b’mod li toħloq iktar impjiegi u ttejjeb l-istandards tal-għajxien tan-nies.

L-infurzar tar-regoli tal-Unjoni Bankarja

Taħt l-Unjoni Bankarja, il-Kummissjoni kompliet tivverifika l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad- Direttiva IV dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital , id-Direttiva dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti , id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u d-Direttiva dwar il-Ġerarkija tal-Kredituri tal-Banek . Dawn l-istrumenti tal-UE huma stabbiliti biex jiżguraw li l-banek ikunu aktar b’saħħithom u ssorveljati aħjar, u li l-problemi jkunu jistgħu jissolvew aktar faċilment mingħajr l-użu tal-flus tal-kontribwenti. Fl-2019, il-Kummissjoni adottat rapport li jivvaluta l-implimentazzjoni tad- Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek .

Fl-2019, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra 12-il Stat Membru talli naqsu milli jadottaw il-miżuri neċessarji biex jittrasponu b’mod sħiħ id-Direttiva dwar il-Ġerarkija tal-Kredituri Bankarji.



VI.Qasam tal-ġustizzja u tad-drittijiet fundamentali bbażat fuq fiduċja reċiproka

Ir-rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinsab fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Għandhom jiġu żgurati wkoll drittijiet speċifiċi, bħad-dritt tal-moviment liberu, tal-protezzjoni tad-data personali, tal-ugwaljanza bejn is-sessi, tan-non-diskriminazzjoni, tad-drittijiet tal-vittmi u tad-dritt għal proċess ġust fi proċedimenti kriminali. Dawn is-suġġetti jinsabu fuq quddiem fl-aġenda tal-Kummissjoni billi jaffettwaw direttament ħajjet in-nies.

Taħt l-eżerċizzju tas- Semestru Ewropew , il-Kummissjoni kompliet tħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-effettività tal-kapaċitajiet ta’ infurzar tagħhom. Dan jirrigwarda b’mod partikolari l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali tagħhom. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi għal seba’ Stati Membri. Permezz tat- Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE , il-Kummissjoni timmonitorja l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali tal-Istati Membri.

Iż-żamma tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali

F’April 2019, il-Kummissjoni stabbilixxiet ir-riflessjonijiet tagħha dwar it-tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-UE , li wasslu għal kontribuzzjonijiet minn aktar minn 60 parti kkonċernata. Ir-riżultati ġew riflessi fil- Komunikazzjoni dwar it-Tisħiħ tal-istat tad-dritt fl-Unjoni - Pjan ta’ azzjoni ta’ Lulju, li ressqet mekkaniżmu ġdid tal-istat tad-dritt. Il-Linji Gwida Politiċi tal-Kummissjoni ħabbru ċiklu annwali ġdid ta’ rieżami tal-istat tad-dritt u rapport annwali, li se jagħti sommarju tas-sitwazzjoni f’kull Stat Membru. Il-Kummissjoni ħabbret ukoll li se ssegwi approċċ strateġiku għall-proċedimenti ta’ ksur u li se tibni fuq il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Fl- 24 ta’ Ġunju  u  fil-5 Novembru 2019 , il-Qorti tal-Ġustizzja tat deċiżjonijiet finali fi proċedimenti ta’ ksur li tressqu mill-Kummissjoni kontra l-Polonja, li jikkonfermaw li l-leġiżlazzjoni Pollakka dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u tal-imħallfin tal-qrati ordinarji qiegħda tikser il-liġi tal-UE rigward l-indipendenza ġudizzjarja.

Fl-10 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ressqet lill- Polonja  quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur rigward ir-reġim dixxiplinarju l-ġdid għall-imħallfin, peress li dan ir-reġim ixekkel l-indipendenza ġudizzjarja għax ma jagħtix il-garanziji meħtieġa biex l-imħallfin Pollakki jkunu protetti mill-kontroll politiku.

Negozjati dwar il- proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt jinsabu għaddejjin fil-Kunsill. Ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa essenzjali biex tiġi żgurata ġestjoni finanzjarja tajba u biex jiġi protett il-baġit tal-Unjoni.



Il-kooperazzjoni transfruntiera fil-ġustizzja kriminali u ċivili

Il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex tissorvelja t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttivi dwar id-Drittijiet Proċedurali. Fl-2019, l-enfasi ewlenija kienet fuq id- Direttiva dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal u d-Direttiva dwar l-għajnuna legali għall-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għall-persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew .

Fl-2019, il-Kummissjoni nediet proċeduri ta’ ksur kontra seba’ Stati Membri talli ma kkomunikawx il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tagħhom dwar id-Direttiva dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal u kontra erba’ Stati Membri talli ma għamlux dan għad-Direttiva dwar l-għajnuna legali.

Il-Kummissjoni kompliet proċeduri ta’ ksur kontra 16-il Stat Membru u nediet proċeduri ta’ ksur kontra disa’ Stati Membri li ma kinux ikkomunikaw il-miżuri nazzjonali kollha meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi . Il-Kummissjoni kompliet ukoll il-proċeduri ta’ ksur tagħha kontra żewġ Stati Membri fir-rigward ta’ strumenti ta’ rikonoxximent reċiproku għal trasferimenti ta’ priġunieri , miżuri ta’ probazzjoni , miżuri ta’ sorveljanza u infurzar transfruntier ta’ penali finanzjarji .

Titjib tal-protezzjoni tad-data personali

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation, GDPR) f’Mejju 2018, il-Kummissjoni ffukat fuq l-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-protezzjoni tad-data fl-2019 permezz ta’ approċċ multidimensjonali. B’mod partikolari, hija impenjat ruħha fi djalogi bilaterali mal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-GDPR, ħadmet mill-qrib mal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data li jikkooperaw fi ħdan Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data , u skambjat mal-partijiet ikkonċernati b’mod partikolari permezz ta’ grupp dedikat magħmul minn diversi partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni kompliet ukoll tappoġġa finanzjarjament lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data permezz ta’ għotjiet, u wettqet kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għaċ-ċittadini u n-negozji. Il-Kummissjoni wettqet ukoll eżerċizzju ta’ rendikont tal-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-GDPR, li r-riżultati tiegħu ġew ippreżentati f’ komunikazzjoni maħruġa f’Lulju 2019.

L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu d-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data sa Mejju 2018, u l-Kummissjoni bdiet tivvaluta l-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tat-traspożizzjoni nnotifikata mill-Istati Membri ma’ din id-Direttiva. Fl-2019, il-Kummissjoni għalqet bosta mid-19-il proċedura ta’ ksur imnedija fl-2018 għal nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni, filwaqt li nediet proċedura ta’ ksur kontra l-Ġermanja u ressqet lil Spanja u lill- Greċja quddiem il-Qorti (sadanittant il-Greċja nnotifikat it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva). Fi tmiem l-2019, kien hemm proċeduri ta’ ksur pendenti kontra erba’ Stati Membri.

L-infurzar tar-regoli dwar is-sigurtà

Fl-2019, il-ħidma ta’ infurzar kompliet għaddejja taħt l-Aġenda Ewropea dwar is-sigurtà u l-iżvilupp tal-Unjoni tas-Sigurtà. L-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE f’dan il-qasam hija essenzjali biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà mal-UE kollha. Ir-rapporti rigward il-progress regolari dwar l-Unjoni tas-Sigurtà jirriflettu l-isforzi li jinsabu għaddejjin biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni mmonitorjat l-implimentazzjoni tad- Direttiva dwar l-inklużjoni ta’ sustanzi psikoattivi ġodda fid-definizzjoni ta’ “droga” u tal- ewwel direttiva ddelegata adottata skont din tal-aħħar. Il-Kummissjoni kompliet ukoll proċeduri ta’ ksur għan-nuqqas ta’ notifika tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni għal żewġ direttivi ewlenin dwar is-sigurtà u dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità serja: id- Direttiva dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri u d- Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu . Il-Kummissjoni kompliet issegwi każijiet kontra Spanja , in-Netherlands u l-Finlandja dwar id-Direttiva dwar ir-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri. F’dak li jirrigwarda d-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Kummissjoni kompliet issegwi każijiet ta’ ksur kontra l-Greċja u l-Lussemburgu .

Il-Kummissjoni nediet ukoll proċeduri ta’ ksur biex tissalvagwardja l-kompetenza esterna esklussiva tal-Unjoni għas-sigurtà skont ir-regoli tal-UE f’dan il-qasam.

Proċeduri ta’ ksur tnedew kontra l- Bulgarija , l- Ungerija , l- Awstrija  u r- Rumanija għaliex iffirmaw ftehim internazzjonali multilaterali dwar l-iskambju tad-DNA, tal-marki tas-swaba u dad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi, li fih dispożizzjonijiet li jiksru l-kompetenza esterna esklussiva tal-UE permezz tad- Deċiżjonijiet ta’ Prüm . Dawn id-deċiżjonijiet jipprovdu għal skambju u tqabbil awtomatiku obbligatorju tad-data dwar id-DNA bejn il-bażijiet tad-data nazzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transfruntiera.



VII.Lejn politika ġdida dwar il-migrazzjoni

Il-politika tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni tfittex li tipprovdi lill-UE bl-għodod għall-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fuq terminu ta’ żmien medju u fit-tul. Din tkopri l-firxa sħiħa ta’ kwistjonijiet rilevanti, inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri, il-politika dwar il-viża, il-migrazzjoni irregolari, l-asil u l-migrazzjoni legali. Implimentazzjoni konsistenti, umana u effettiva hija kritika għas-suċċess tal-politika.

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet timmonitorja l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-liġi tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil, b’mod partikolari d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil , id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza , id-Direttiva dwar il-Kwalifiki u d-Direttiva dwar ir-Ritorn . Dawn id-Direttivi jistabbilixxu regoli dwar l-ipproċessar ta’ talbiet għall-asil, jiggarantixxu livell ta’ għajxien dinjituż għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu l-asil fl-UE u jistabbilixxu standards u proċeduri komuni li taħthom, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin jirrisjedu illegalment jistgħu jitneħħew mit-territorji tal-pajjiżi tal-UE.

Il-Kummissjoni rreferiet l- Ungerija lill-Qorti tal-Ġustizzja għal leġiżlazzjoni li effettivament tikkriminalizza l-attivitajiet maħsuba biex jgħinu lill-persuni li jkunu qed jinizjaw applikazzjonijiet għall-asil fl-Ungerija. Il-liġi titqies li hija inkompatibbli mad-dritt tal-applikanti għall-asil li jkollhom aċċess għal konsulenza jew pariri legali offruti b’mod partikolari minn organizzazzjonijiet mhux governattivi. Hija tipprevjeni lil kull min huwa soġġett għal proċedura kriminali talli pprovda assistenza bħal din milli jersaq lejn iż-żoni ta’ tranżitu fil-fruntieri tal-Ungerija, fejn jinżammu dawk li jfittxu l-asil. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni Ungeriża ma tikkonformax mad- Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil u mad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza .



Dwar il-migrazzjoni legali, il-prijorità tal-Kummissjoni hija li tiżgura li jkun hemm mogħdijiet legali ġenwini lejn l-UE, jiġifieri billi ttejjeb l-abbiltà tal-UE li tattira u żżomm ħaddiema b’ħiliet għoljin kif ukoll studenti u riċerkaturi. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żgurat li d-direttivi dwar il-migrazzjoni legali jiġu implimentati bis-sħiħ u b’mod korrett. Huma jistabbilixxu kundizzjonijiet komuni għall-ammissjoni u r-residenza ta’ ċittadini mhux tal-UE, jissimplifikaw u jarmonizzaw il-proċeduri tal-migrazzjoni, u jipprovdu drittijiet għal trattament indaqs bħaċ-ċittadini tal-UE f’għadd ta’ oqsma.

Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet issegwi l-ksur pendenti minħabba nuqqas ta’ notifika ta’ miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni tad- Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi , li għalihom ħames Stati Membri ( il-Belġju , il-Greċja , Franza , is-Slovenja u l-Iżvezja ) kien għad għandhom każijiet miftuħa fi tmiem is-sena.

Ġiet imnedija proċedura ta’ ksur kontra l-Iżvezja għall-implimentazzjoni ħażina tagħha ta’ diversi direttivi dwar il-migrazzjoni legali fir-rigward tal-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal permessi, u għal restrizzjonijiet għat-trattament ugwali ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini mhux tal-UE.

L-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-Unjoni dwar il-fruntieri ta’ Schengen u l-viżi kienet ukoll prijorità għall-Kummissjoni fl-2019.

Il-Kummissjoni kompliet issegwi każ ta’ ksur kontra l-Estonja minħabba li s-sistema ta’ ġestjoni tal-kju “Go-Swift” tagħha hija meqjusa inkompatibbli mal- Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen . Hija ħadet ukoll passi ulterjuri fil-proċedura ta’ ksur kontra ċ-Ċekja dwar id-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni li tirrifjuta, tirrevoka jew tannulla viża ta’ Schengen .