Brussell, 2.7.2020

COM(2020) 270 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri


1.INTRODUZZJONI

1.1. Sfond

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 1 (“id-Deċiżjoni Qafas”) hija l-ewwel strument legali tal-UE dwar il-kooperazzjoni f’materji kriminali bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku 2 . Id-Deċiżjoni Qafas pprovdiet mekkaniżmu aktar effiċjenti sabiex tiżgura li l-fruntieri miftuħa ma jiġux sfruttati minn dawk li jfittxu li jevadu l-ġustizzja, u kkontribwiet għall-objettiv tal-UE li tiżviluppa u żżomm spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Hija strument użat ħafna għall-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali fl-UE. Skont l-istatistika għall-2018 3 , medja stmata ta’ 54,5 % tal-persuni jagħtu l-kunsens għall-konsenja tagħhom (meta mqabbla ma’ 62,96 % fl-2017), bil-proċedura ta’ konsenja li ddum medja ta’ 16,41-il jum wara l-arrest. Iż-żmien medju tal-konsenja għal dawk li ma jagħtux il-kunsens huwa ta’ madwar 45,12 jum. Dan huwa f’kuntrast qawwi mal-proċeduri twal ta’ estradizzjoni li kienu jeżistu bejn l-Istati Membri qabel id-Deċiżjoni Qafas.

Fi Frar 2009, id-Deċiżjoni Qafas ġiet emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI dwar il-proċessi in absentia 4 , biex daħħlet bażi ċara u komuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet maħruġa fl-assenza tal-persuna kkonċernata waqt il-proċess 5 . Barra minn hekk, id-drittijiet proċedurali ta’ persuni arrestati fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew issaħħu b’sitt direttivi 6 dwar: id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni 7 ; id-dritt għall-informazzjoni 8 ; id-dritt ta’ aċċess għal avukat 9 ; it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess 10 ; is-salvagwardji proċedurali għat-tfal 11 u l-għajnuna legali 12 .

Il-Kummissjoni ħarġet tliet rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 13 . Fl-2008 14 il-Kunsill ippubblika Manwal dwar kif għandu jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew sabiex jassisti lill-prattikanti u rrivedih fl-2010 15 . Il-Kummissjoni aġġornat il-Manwal fl-2017 16 . Bejn Marzu 2006 u April 2009, l-applikazzjoni prattika tad-Deċiżjoni Qafas kienet soġġetta għal rieżami bejn il-pari fost l-Istati Membri bil-Kummissjoni bħala osservatur fil-kuntest tar-raba’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi 17 . Ċerti aspetti tad-Deċiżjoni Qafas bħalissa huma soġġetti għal rieżami bejn il-pari ġdid tul id-disa’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi, fejn jiġu vvalutati aspetti prattiċi u operazzjonali partikolari tal-mandat ta’ arrest Ewropew 18 .

Fis-27 ta’ Frar 2014, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew 19 , fejn ippropona b’mod partikolari kontroll tal-proporzjonalità minn qabel; bażi obbligatorja għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; id-dritt għal rimedju legali effettiv u definizzjoni aħjar tar-reati fejn jenħtieġ li japplika l-mandat ta’ arrest Ewropew. Fit-tweġiba tagħha lill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni spjegat għaliex ma qisitx xieraq li d-Deċiżjoni Qafas tiġi riveduta waħedha jew flimkien ma’ reviżjoni ta’ strumenti oħra ta’ rikonoxximent reċiproku 20 .

Il-limitazzjonijiet tal-kontroll ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja u tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali tneħħew fl-1 ta’ Diċembru 2014, wara t-tmiem tal-perjodu tranżizzjonali ta’ ħames snin li jikkonċerna l-istrumenti li kienu fit-tielet pilastru skont il-Protokoll Nru 36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 21 . Konsegwentement, l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas wasslet għal żieda kostanti fin-numru ta’ talbiet għal deċiżjonijiet preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, in-numru ta’ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari dwar id-Deċiżjoni Qafas żdied b’mod rapidu, minn total ta’ 12 fl-2014 għal aktar minn 50 sa nofs l-2020.

1.2.L-għan u l-elementi ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas

Id-Deċiżjoni Qafas ssostitwiet is-sistema tradizzjonali ta’ estradizzjoni b’mekkaniżmu aktar sempliċi u rapidu ta’ konsenja tal-persuni rikjesti għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew ta’ ordni ta’ detenzjoni. Hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Id-deċiżjoni ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti trid tiġi rikonoxxuta fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni mingħajr formalitajiet ulterjuri, sakemm ma japplikawx raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

L-elementi ewlenin tad-Deċiżjoni Qafas li jiddistingwuha minn reġimi ta’ estradizzjoni huma:

·Il-mandat ta’ arrest Ewropew huwa deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fi Stat Membru ieħor abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku;

·Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni huma limitati u elenkati b’mod eżawrjenti fid-Deċiżjoni Qafas;

·Ma hemm l-ebda verifika ta’ kriminalità doppja fir-rigward ta’ 32 kategorija ta’ reati elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, kif iddefiniti mill-Istat Membru emittenti meta dawk ir-reati jkunu punibbli b’piena li ċċaħħad il-libertà jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin;

·Il-konsenja ta’ ċittadini ta’ Stat Membru stess hija r-regola ġenerali, bi ftit eċċezzjonijiet biss. Dawn l-eċċezzjonijiet jikkonċernaw l-eżekuzzjoni ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà fl-Istat Membru “ta’ oriġini” stess ta’ persuna u japplikaw b’mod ugwali għar-residenti. Ir-raġuni ewlenija għal dawn l-eċċezzjonijiet hija li jippromwovu r-riabilitazzjoni soċjali ta’ persuna rikjesta;

·Hemm termini preskrittivi stretti għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u għall-konsenja ta’ persuna rikjesta;

·Sabiex it-talbiet isiru aktar sempliċi u aktar faċli sabiex jiġu rrispettati, dawn huma bbażati fuq il-formola tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

1.3.Objettiv u kamp ta’ applikazzjoni tar-rapport

Dan ir-rapport jivvaluta kif id-Deċiżjoni Qafas kif emendata mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI ġiet trasposta fis-27 Stat Membru kollha marbuta biha 22 . Il-valutazzjoni hija bbażata fuq l-analiżi tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas li ġew innotifikati lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 34(2) tad-Deċiżjoni Qafas.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri emendaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas mill-aħħar rapport tal-Kummissjoni tal-2011 23 . Għalhekk, fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, tqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni minn rapporti preċedenti u rakkomandazzjonijiet mir-raba’ ċiklu ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi dwar it-traspożizzjoni (eż. dwar il-proporzjonalità ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġin 24 ).

Simili għall-ewwel rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mill-2005 25 , dan ir-rapport jinkludi valutazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas. Huwa jiffoka fuq dispożizzjonijiet partikolari, li jifformaw il-qalba tad-Deċiżjoni Qafas u huma kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Dawn id-dispożizzjonijiet jinkludu b’mod partikolari: id-deżinjazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, id-definizzjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali ta’ persuna rikjesta, ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni u l-verifika ta’ kriminalità doppja, u t-termini preskrittivi għat-teħid ta’ deċiżjoni u għall-konsenja ta’ persuna rikjesta.

2.VALUTAZZJONI ĠENERALI

Sad-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, l-Istati Membri kollha kienu nnotifikaw it-traspożizzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 26 .

Il-valutazzjoni ġenerali turi livell pjuttost sodisfaċenti ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri. Madankollu, il-valutazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali wriet ukoll ċerti problemi ta’ konformità f’xi Stati Membri. Sakemm ma jiġux irrimedjati, dawn in-nuqqasijiet jillimitaw l-effettività tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tieħu kull miżura xierqa sabiex tiżgura l-konformità mad-Deċiżjoni Qafas madwar l-UE kollha, inkluż, fejn ikun hemm bżonn, billi tiftaħ proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sa mill-pubblikazzjoni tal-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni organizzat ħames laqgħat tal-esperti mal-Istati Membri biex tappoġġahom fit-tħaddim prattiku tad-Deċiżjoni Qafas 27 .

F’Marzu 2020, twaqqaf grupp ta’ koordinazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. L-għan tal-grupp ta’ koordinazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa li jtejjeb l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni ta’ atturi differenti involuti fit-tħaddim tad-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri l-prattikanti u dawk li jfasslu l-politika mill-Istati Membri, il-Eurojust, in-NĠE, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-Kummissjoni. L-iskambji fil-grupp għandhom iwasslu għal applikazzjoni aktar uniformi tad-Deċiżjoni Qafas.

3.PUNTI SPEĊIFIĊI TA’ VALUTAZZJONI

3.1.Awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti u awtoritajiet ċentrali (Artikoli 6 u 7)

F’konformità mal-Artikolu 6, l-Istati Membri kollha nnotifikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar liema awtoritajiet ġudizzjarji huma kompetenti sabiex joħorġu u jeżegwixxu mandat ta’ arrest Ewropew. B’mod ġenerali, dawn kienu l-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom kompetenti sabiex jinvestigaw u jisimgħu każijiet kriminali.

3.1.1.Awtoritajiet ġudizzjarji emittenti (l-Artikolu 6(1))

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li t-terminu “awtorità ġustizzjarja” fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas mhuwiex limitat sabiex jirreferi biss għall-qrati jew għall-imħallfin ta’ Stat Membru, iżda jrid ikun mifhum b’mod aktar ġenerali wkoll, u jinkludi lill-awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali f’dak l-Istat Membru. Għalhekk, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku jikkwalifikaw bħala awtoritajiet ġudizzjarji emittenti, dment li ma jkunux esposti għar-riskju li jkunu soġġetti, direttament jew indirettament, għal direzzjonijiet jew għal struzzjonijiet f’każ speċifiku mill-eżekuttiv, bħal Ministru tal-Ġustizzja, b’rabta mal-adozzjoni ta’ deċiżjoni sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew 28 . Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li t-terminu “awtorità ġudizzjarja” ma jistax jiġi interpretat li jkopri wkoll servizz tal-pulizija 29 jew organu tal-eżekuttiv ta’ Stat Membru, bħal Ministeru tal-Ġustizzja 30 .

Minħabba l-possibbiltà li l-eżekuttiv jagħti istruzzjonijiet lill-prosekuturi pubbliċi tiegħu 31 , għadd żgħir ta’ Stati Membri riċentement ħatru qrati jew imħallfin bħala l-awtoritajiet kompetenti emittenti sabiex jikkonformaw mas-sentenza fil-Kawżi Magħquda C508/18, OG u C-82/19 PPU, PI 32 u mas-sentenza fil-Kawża C‑509/18, PF 33 .

Bħalissa, f’nofs l-Istati Membri l-qrati jew l-imħallfin huma kompetenti biss sabiex joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew. Fi ftit Stati Membri, huwa għalkollox f’idejn l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku li joħorġu mandat ta’ arrest Ewropew. Diversi Stati Membri ħatru kemm il-qrati kif ukoll l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku bħala awtoritajiet emittenti. Barra minn hekk, xi wħud minn dawk l-Istati Membri ħatru awtoritajiet differenti skont l-istadju tal-proċedimenti kriminali (eż. qabel l-akkuża u wara l-akkuża jew qabel il-proċess u l-proċess) jew skont l-iskop tal-mandat ta’ arrest Ewropew (prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta’ piena). Fi Stat Membru wieħed, qorti tapprova proposta minn uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew 34 . Stat Membru wieħed ħatar l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-aġenzija tas-sanzjonijiet kriminali tiegħu bħala awtoritajiet kompetenti. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ħatru korp uniku ddedikat (eż. l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali).

3.1.2.Awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 6(2))

Bħala awtoritajiet kompetenti ta’ eżekuzzjoni, il-maġġoranza l-kbira ta’ Stati Membri ħatru l-qrati (eż. qrati tal-appell; qrati distrettwali; qrati supremi) jew imħallfin. Pereżempju, Stat Membru wieħed ħatar imħallef speċjalizzat dwar il-minorenni għal mandati ta’ arrest Ewropej li jikkonċernaw lil minorenni; Stat Membru ieħor ħatar żewġ korpi differenti, skont jekk persuna tagħtix il-kunsens tagħha għall-konsenja jew le. Ftit Stati Membri ħatru l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ħatru kemm qrati kif ukoll uffiċċji tal-prosekutur pubbliku. Xi Stati Membri ħatru korp uniku ddedikat (eż. l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jew il-Qorti Superjuri).

3.1.3.Awtoritajiet ċentrali (l-Artikolu 7)

L-Artikolu 7 jipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jaħtru awtorità ċentrali waħda jew aktar sabiex tassisti lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti bit-trażmissjoni amministrattiva u bir-riċevuta ta’ mandati ta’ arrest Ewropej u ta’ korrispondenza uffiċjali relatata oħra.

Numru sinifikanti ta’ Stati Membri ħatru awtorità ċentrali f’konformità mal-Artikolu 7(1). Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, din kienet il-Ministeru tal-Ġustizzja tagħhom. Għadd żgħir ta’ Stati Membri ħatru awtoritajiet ċentrali multipli (eż. tliet awtoritajiet ċentrali: minbarra l-Ministeru tal-Ġustizzja anki l-Kap Prosekutur Pubbliku u l-Presidju tal-Pulizija, jew il-Ministeru Federali tal-Intern u l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali).

Ftit Stati Membri taw lill-awtorità/awtoritajiet ċentrali maħtura setgħat addizzjonali mhux awtorizzata/awtorizzati skont l-Artikolu 7(2) (eż. l-awtoritajiet ċentrali huma responsabbli għall-approvazzjoni preliminari tal-mandati ta’ arrest Ewropej li jidħlu; jew l-awtorità ċentrali tista’ taħt ċerti kundizzjonijiet tipposponi l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja).

3.2.Reġim tal-lingwa (l-Artikolu 8(2))

Skont l-Artikolu 8(2), mandat ta’ arrest Ewropew irid jiġi tradott mill-awtoritajiet emittenti kompetenti fil-lingwa/lingwi uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw li se jaċċettaw traduzzjoni f’lingwa uffiċjali waħda jew aktar tal-UE.

Aktar minn nofs l-Istati Membri ddepożitaw dikjarazzjoni li tiddikjara li jaċċettaw mandati ta’ arrest Ewropej b’lingwi uffiċjali oħra differenti minn tagħhom (tipikament bl-Ingliż) 35 . Għadd żgħir ta’ Stati Membri għamlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom kondizzjonali fuq impenn reċiproku minn Stati Membri oħra. Ftit Stati Membri stabbilew reġimi ta’ lingwa preferenzjali għal mandati Ewropej ta’ arrest li jaslu minn ċerti Stati Membri ġirien.

3.3.Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali (l-Artikolu 1)

3.3.1.Definizzjoni (l-Artikolu 1(1))

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas li jiddefinixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew bħala deċiżjoni ġudizzjarja 36 maħruġa minn Stat Membru bl-iskop tal-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew ta’ ordni ta’ detenzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jirreferu b’mod espliċitu għall-mandat ta’ arrest Ewropew bħala deċiżjoni ġudizzjarja, u kważi l-Istati Membri kollha stabbilew b’mod espliċitu li l-mandat ta’ arrest Ewropew irid japplika għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali jew tal-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew ta’ ordni ta’ detenzjoni. Madankollu, f’dak li għandu x’jaqsam mal-mandati ta’ arrest Ewropej għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni kriminali, xi Stati Membri ddevjaw mid-Deċiżjoni Qafas hekk kif adottaw approċċ aktar ristrett għall-finijiet ta’ prosekuzzjoni, billi jirrikjedu li mandat ta’ arrest Ewropew ikun “lest għal proċess” 37 . L-Istati Membri kollha jagħmlu referenza għal “piena li ċċaħħad il-libertà”; madankollu, għadd żgħir ma għandhomx referenza espliċita għal “ordni ta’ detenzjoni”.

3.3.2.Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali (l-Artikolu 1(3) u l-Premessi 10, 12 u 13)

L-Artikolu 1(3) jiddikjara li d-Deċiżjoni Qafas ma jridx ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-prinċipji legali fundamentali kif imnaqqxa fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 38 . L-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 39 , għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali 40 u għat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

Il-Premessa 10 tispeċifika li l-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew huwa bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu tista’ tiġi sospiża biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wieħed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 41 , iddeterminat mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 7(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 42 bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(3) 43 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 44 .

Il-Premessa 12 tipprevedi li xejn fid-Deċiżjoni Qafas ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tar-rifjut tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet sabiex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi nħareġ għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew ta’ kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, ta’ razza, ta’ oriġini etnika, ta’ nazzjonalità, ta’ lingwa, ta’ opinjoni politika jew ta’ orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet. Il-Premessa 12 tiddikjara wkoll li din id-Deċiżjoni Qafas ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati mal-proċess ġust, mal-libertà ta’ assoċjazzjoni, mal-libertà tal-istampa u mal-libertà ta’ espressjoni f’mezzi tax-xandir oħra.

Il-Premessa 13 tirrifletti l-Artikoli 4 u 19(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi tiddikjara li jenħtieġ li l-ebda persuna ma titneħħa, tiġi espulsa jew estradita lejn Stat fejn hemm riskju serju li tkun soġġetta għall-piena tal-mewt, għal tortura jew għal trattament jew piena inumani jew degradanti oħra 45 .

Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għall-Istati Membri kemm meta jaġixxu bħala l-Istat Membru emittenti kif ukoll bħala l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni 46 .

Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew b’mod espliċitu l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali, uħud f’termini ġenerali, iżda oħrajn b’referenza speċifika għad-drittijiet imsemmija fil-premessi 12 u 13. Pereżempju, xi traspożizzjonijiet nazzjonali jirreferu b’mod ġenerali għal trattati dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali 47 u/jew għall-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Ftit Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas billi rreferew biss għall-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, filwaqt li ma inkludewx referenza għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Xi Stati Membri jirreferu wkoll għall-kostituzzjonijiet nazzjonali. Madankollu, ir-referenza għall-kostituzzjonijiet nazzjonali tista’ tmur lil hinn mill-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas, b’mod partikolari peress li l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirreferi biss għal dawk il-prinċipji kostituzzjonali li huma komuni għall-Istati Membri. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja l-Istati Membri ma jistgħux jitolbu livell ogħla ta’ protezzjoni nazzjonali tad-drittijiet fundamentali minn Stat Membru ieħor minn dak previst mid-dritt tal-Unjoni 48 .

Barra minn hekk, għadd żgħir ta’ Stati Membri ma rreferewx b’mod espliċitu għad-drittijiet fundamentali u għall-prinċipji legali fundamentali fid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom, peress li l-liġijiet kostituzzjonali tagħhom jobbligawhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali.

Minkejja n-nuqqas ta’ dispożizzjoni korrispondenti fid-Deċiżjoni Qafas, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jipprevedu espliċitament bażi obbligatorja għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, ibbażata fuq il-ksur tad-drittijiet fundamentali jew b’riferiment għall-ksur tad-drittijiet imsemmija fil-premessi 12 u 13 (eż. razza, nazzjonalità, reliġjon jew opinjonijiet politiċi).

3.4.Ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikoli 2(1) u 8(1))

3.4.1. Kamp ta’ applikazzjoni u kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikolu 2(1))

Mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ għal atti li huma punibbli mil-liġi tal-Istat Membru emittenti permezz ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas 12-il xahar jew, fejn tkun ingħatat piena jew saret ordni ta’ detenzjoni, għal pieni ta’ mill-inqas erba’ xhur.

Din id-dispożizzjoni ġiet trasposta b’mod korrett mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Madankollu, għadd żgħir ta’ Stati Membri ma pprovdewx espliċitament id-diskrezzjoni għall-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti kompetenti tagħhom sabiex jeżaminaw jekk, fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ, huwiex proporzjonat li jinħareġ mandat ta’ arrest Ewropew 49 .

Ftit Stati Membri pprovdew għal kamp ta’ applikazzjoni aktar ristrett sabiex tiġi indirizzata l-proporzjonalità 50 tal-mandati ta’ arrest Ewropej li jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom (eż. l-impożizzjoni ta’ limiti ogħla; il-ħtieġa li jenħtieġ li jrid ikun fadal terminu ta’ erba’ xhur x’jiġi skontat, jew il-ħtieġa li mandat ta’ arrest Ewropew irid ikun fl-interess tal-ġustizzja).

Id-Deċiżjoni Qafas ma ssemmix il-konsenja għal reati punibbli b’piena anqas mil-limitu stabbilit fl-Artikolu 2(1) tagħha meta dawk ir-reati jkunu aċċessorji għar-reati ewlenin li jissodisfaw dak il-limitu 51 . Fil-prattika, uħud mill-Istati Membri ddeċidew li jippermettu l-konsenja f’każijiet bħal dawn, filwaqt li oħrajn le 52 .

Barra minn hekk, xi Stati Membri adattaw b’mod espliċitu l-kamp ta’ applikazzjoni f’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għad-detenzjoni proviżorja 53 , bl-effett li mandat ta’ arrest Ewropew ikun jista’ jinħareġ ukoll meta l-limitu ta’ 12-il xahar ma jkunx issodisfat, jekk tkun inkisret miżura ta’ superviżjoni.

3.4.2. Rekwiżiti għall-kontenut ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u l-ewwel livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja (l-Artikolu 8(1))

L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas jistipula r-rekwiżiti dwar il-kontenut ta’ mandat ta’ arrest Ewropew 54 . B’mod partikolari, dan jinkludi:

-evidenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli 55 (bħal mandat ta’ arrest nazzjonali) li trid tkun distinta mill-mandat ta’ arrest Ewropew innifsu sabiex ikun iggarantit l-ewwel livell ta’ protezzjoni ġudizzjarja 56 ;

-in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat;

-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inklużi l-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta u l-piena imposta 57 .

Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas b’mod sħiħ u konformi, b’numru relattivament għoli ta’ traspożizzjonijiet litterali tal-Artikolu 8(1). Stat Membru wieħed jistipula li l-mandat ta’ arrest Ewropew irid ikun akkumpanjat minn dokumenti addizzjonali (eż. kopja tad-dispożizzjonijiet applikabbli; rapport dwar il-fatti li fuqhom huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew; informazzjoni dwar is-sorsi tal-evidenza).

3.5.Kuntatti diretti bejn l-awtorità ġudizzjarja emittenti u l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni (l-Artikoli 10(5) u 15(2))

L-Artikolu 10(5) jipprovdi li d-diffikultajiet kollha dwar it-trażmissjoni jew l-awtentiċità ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew iridu jiġu indirizzati b’kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti, jew, fejn adatt, bl-involviment tal-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri (ara 3.1). Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 10(5) kif suppost; madankollu, f’xi Stati Membri d-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati, u għadd żgħir ta’ Stati Membri ttrasponewh parzjalment biss (eż. billi indirizzaw b’mod espliċitu l-awtentiċità biss, iżda mhux il-kwistjonijiet tat-trażmissjoni).

F’konformità mal-Artikolu 15(2), jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti ma tkunx biżżejjed sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-konsenja, hija jeħtiġilha titlob li l-informazzjoni supplimentari meħtieġa tingħata b’urġenza 58 . Dan isir b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 3 sa 5 (Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, ara 3.8. u Garanziji, ara 3.9.) u l-Artikolu 8 (Kontenut, ara 3.4.2.) tad-Deċiżjoni Qafas 59 . L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tistabbilixxi terminu preskrittiv għar-riċevuta ta’ din l-informazzjoni, filwaqt li tqis il-bżonn li jiġu osservati t-termini preskrittivi stabbiliti fl-Artikolu 17 (ara 3.13.). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni b’mod konformi. Xi Stati Membri ma jirreferux espliċitament għall-element ta’ urġenza, iżda jispeċifikaw li t-termini preskrittivi jridu jkunu fissi. Stat Membru wieħed ittraspona d-dispożizzjoni bħala fakultattiva. Madankollu, f’żewġ Stati Membri, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati.

3.6.Eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikolu 1(2))

L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha dmir ġenerali li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas (l-Artikolu 1(2)) 60 .

Anqas minn nofs l-Istati Membri pprovdew referenza espliċita għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fil-liġijiet tagħhom. Żewġ Stati Membri rreferew għal dan il-prinċipju f’liġi mhux vinkolanti. Xi Stati Membri, minflok, irreferew għall-prinċipju ta’ reċiproċità. F’xi oħrajn, ma setgħet tiġi identifikata l-ebda dispożizzjoni ta’ traspożizzjoni speċifika. F’każijiet fejn il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ma jissemmiex espliċitament fil-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas, dan jista’ jiġi dedott mill-istruttura tal-liġijiet ta’ traspożizzjoni. Madankollu, it-traspożizzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni b’mod partikolari tindika li l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku mhuwiex osservat bis-sħiħ f’għadd sinifikanti ta’ Stati Membri (ara 3.8.).

3.7.Kriminalità doppja (l-Artikolu 2(2) u (4))

3.7.1.Lista ta’ 32 reat li jagħtu lok għal konsenja mingħajr verifika ta’ kriminalità doppja (l-Artikolu 2(2))

L-Artikolu 2(2) jipprovdi l-lista ta’ 32 kategorija ta’ reati kriminali li jwasslu għal konsenja mingħajr verifika ta’ kriminalità doppja, jekk ikunu punibbli fl-Istat Membru emittenti b’piena li ċċaħħad il-libertà jew b’ordni ta’ detenzjoni għal perjodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin u kif inhuma ddefiniti mil-liġi tal-Istat Membru emittenti 61 .

Uħud mill-kategoriji tat-32 reat ġew armonizzati sa ċertu punt fil-livell tal-UE abbażi tal-Artikolu 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. 62  

Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 2(2) litteralment. Xi Stati Membri introduċew referenza diretta għall-Artikolu 2(2) fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Madankollu, żewġ Stati Membri introduċew bidliet sostanzjali li jaffettwaw il-lista ta’ 32 reat (eż. billi llimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ ċerti kategoriji jew ma ttrasponewx il-kategoriji kollha). Barra minn hekk, xi żewġ Stati Membri jipprovdu għal verifika ta’ kriminalità doppja f’każijiet li jikkonċernaw iċ-ċittadini tagħhom stess. Stat Membru wieħed jipprevedi li ċirkostanzi aggravanti jenħtieġ li ma jitqisux meta jitqies il-limitu ta’ mill-inqas tliet snin meta wieħed jaġixxi bħala l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

3.7.2.Verifika ta’ kriminalità doppja (l-Artikolu 2(4))

L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tivverifika kriminalità doppja għal reati li mhumiex fuq il-lista ta’ 32 reat, jew għal reati li huma fil-lista iżda l-limitu ta’ tliet snin ma jkunx intlaħaq 63 . Għalhekk, il-konsenja tista’ tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-atti li għalihom inħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxu reat skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tiegħu jew mid-deskrizzjoni tiegħu 64 (l-Artikolu 2(4)). L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 2(4) tad-Deċiżjoni Qafas. Madankollu, f’għadd żgħir ta’ Stati Membri, id-dispożizzjonijiet relatati li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ kriminalità doppja bħala bażi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma setgħux jiġu identifikati (ara 3.8.2.).

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ma ttrasponewx b’mod espliċitu li l-verifika ta’ kriminalità doppja trid titwettaq fir-rigward tar-reat korrispondenti skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni “indipendentement mill-elementi kostituttivi tiegħu jew mid-deskrizzjoni tiegħu”.

Barra minn hekk, għadd żgħir ta’ Stati Membri imponew kundizzjonijiet addizzjonali (eż. il-ħtieġa li r-reat soġġett għall-verifika ta’ kriminalità doppja jrid ikun punibbli bi 12-il xahar priġunerija kemm fl-Istat Membru emittenti kif ukoll fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni 65 ; jew il-ħtieġa ta’ klassifikazzjoni bħala delitt jew bħala delitt gravissimu skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni; jew l-esklużjoni ta’ ċirkostanzi aggravanti meta jitqies il-limitu ta’ mill-inqas 12-il xahar; jew l-impożizzjoni ta’ rekwiżit li jikkonċerna mandat ta’ arrest Ewropew għal finijiet ta’ eżekuzzjoni li jrid ikun għad fadal terminu ta’ erba’ xhur x’jiġi skontat).

3.8.Raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (rifjut) (l-Artikoli 3, 4 u 4a)

Id-dmir ġenerali li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew imnaqqax fl-Artikolu 1(2) huwa limitat mir-raġunijiet obbligatorji u fakultattivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikoli 3, 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas). Dawn ir-raġunijiet huma eżawrjenti 66 . Fir-rigward tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tinvoka biss dawk li ġew trasposti fil-liġi nazzjonali tagħha 67 . Barra minn hekk, ir-rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew huwa maħsub li jkun eċċezzjoni li trid tiġi interpretata b’mod strett 68 .

Madankollu, il-valutazzjoni tindika li aktar minn nofs l-Istati Membri pprovdew raġunijiet addizzjonali għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni (eż. abbażi tad-drittijiet fundamentali, ara 3.3.2.), reati politiċi, il-prinċipju tal-proporzjonalità, limiti addizzjonali fl-Istati Membri ta’ eżekuzzjoni (ara 3.7.2.), il-ħtieġa ta’ tlestija għall-proċess (ara 3.3.1.) jew indikazzjoni ta’ ħtija, jekk persuna rikjesta ma tagħtix kunsens, periklu għas-sigurtà, ordni pubbliku jew interessi essenzjali oħra tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni).

Barra minn hekk, xi Stati Membri pprovdew rekwiżiti u restrizzjonijiet addizzjonali dwar iċ-ċittadini tagħhom stess (eż. verifika ta’ kriminalità doppja li tikkonċerna liċ-ċittadini tagħhom stess).

3.8.1.Raġunijiet obbligatorji għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni

Meta tapplika waħda jew aktar mir-raġunijiet obbligatorji għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jeħtiġilha tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikolu 3).

·Amnestija (l-Artikolu 3(1))

L-eżekuzzjoni trid tiġi miċħuda jekk ir-reat li fuqu jkun ibbażat il-mandat ta’ arrest ikun kopert minn amnestija fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Rekwiżit ieħor huwa li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jkollu ġurisdizzjoni għall-prosekuzzjoni tar-reat skont il-liġi kriminali tiegħu stess. Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 3(1). Fi Stat Membru wieħed, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati. Għadd żgħir ta’ Stati Membri rreferew għal “maħfra” minflok “amnestija”, jew għat-tnejn.

·Ne bis in idem (l-Artikolu 3(2))

L-eżekuzzjoni trid tiġi miċħuda jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun informata li l-persuna rikjesta tkun ġiet finalment iġġudikata 69 minn Stat Membru fir-rigward tal-istess atti (ir-rekwiżit idem 70 bħala kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni 71 ). Huwa meħtieġ ukoll li, fejn tkun ingħatat piena, dik il-piena tkun ġiet skontata jew tkun qed tiġi skontata jew inkella ma tkunx tista’ tiġi eżegwita aktar skont il-liġi tal-Istat Membru fejn ingħatat dik il-piena (ir-rekwiżiti ta’ eżekuzzjoni 72 ).

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 3(2). Madankollu, għadd żgħir ta’ Stati Membri jirreferu għall-“istess reat” minflok għall-“istess atti” 73 . Fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ infurzar, diversi Stati Membri ma ttrasponewx it-tliet kriterji alternattivi kollha.

·Taħt l-età għar-responsabbiltà kriminali (l-Artikolu 3(3))

L-eżekuzzjoni trid tiġi miċħuda meta, minħabba l-età tagħha, il-persuna rikjesta ma tistax tinstab kriminalment responsabbli għall-atti li fuqhom huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni 74 . Ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 3(3), għalkemm l-età għar-responsabbiltà kriminali tista’ tvarja minn Stat Membru għal ieħor.

3.8.2.Raġunijiet għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiv (l-Artikoli 4 u 4a)

L-Artikoli 4 u 4a tad-Deċiżjoni Qafas jipprovdu għal tmien raġunijiet fakultattivi għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. L-Istati Membri m’għandhom l-ebda obbligu li jittrasponu r-raġunijiet fakultattivi għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni 75 .

Xi Stati Membri ttrasponew biss ċerti raġunijiet mill-Artikolu 4. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri għamlu r-raġunijiet kollha trasposti obbligatorji, u ma taw l-ebda diskrezzjoni lill-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni tagħhom. Għadd żgħir biss ta’ Stati Membri għamlu r-raġunijiet tat-traspożizzjoni kollha fakultattivi. Barra minn hekk, xi Stati Membri ttrasponew ċerti raġunijiet mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 4a bħala fakultattivi, u ċerti raġunijiet bħala obbligatorji.

·In-nuqqas ta’ kriminalità doppja (l-Artikolu 4(1))

L-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi rrifjutata fejn, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 2(4) (ara 3.7.2.), l-att li fuqu huwa bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jikkostitwixxix reat skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni 76 , ħlief għal reati relatati ma’ taxxi jew ma’ dazji, mad-dwana u mal-borża (reati fiskali). Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) jikkonċerna biss reati li mhumiex koperti mil-lista ta’ 32 reat, li għalihom il-verifika ta’ kriminalità doppja hija abolita jekk jintlaħaq il-limitu ta’ tliet snin 77 (l-Artikolu 2(2)).

F’għadd żgħir ta’ Stati Membri, id-dispożizzjoni rilevanti ma setgħetx tiġi identifikata, għalkemm ittrasponew l-Artikolu 2(4) (ara 3.7.1.). Xi Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 4(1) bħala raġuni fakultattiva u għadd ta’ Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 4(1) bħala raġuni obbligatorja għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew l-eċċezzjoni dwar reati fiskali relatati mat-taxxi jew mad-dazji, mad-dwana u mal-borża. Madankollu, xi Stati Membri ttrasponew l-eċċezzjoni b’mod parzjali biss (eż. billi ħallew barra referenza għal “dwana u skambji”). Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx b’mod espliċitu l-eċċezzjoni għal reati fiskali. Barra minn hekk, fi Stat Membru wieħed ir-reati fiskali huma espliċitament soġġetti għas-similarità ta’ taxxi u ta’ dazji fl-Istat Membru emittenti u ta’ eżekuzzjoni, inkluż rekwiżit ta’ piena li ċċaħħad il-libertà ta’ mill-inqas tliet snin (esklużi ċirkostanzi aggravanti) fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

Għadd żgħir ta’ Stati Membri imponew rekwiżiti addizzjonali (ara 3.7.2.).

·Prosekuzzjoni pendenti fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 4(2))

L-eżekuzzjoni tista’ tiġi miċħuda meta l-persuna li tkun is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tkun qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għall-istess att bħal dak li fuqu jkun bbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew.

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 4(2). Il-biċċa l-kbira ttrasponewh bħala raġuni fakultattiva għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni, ħlief għal dawk fejn hija obbligatorja jew parzjalment obbligatorja (eż. Stat Membru wieħed jiffavorixxi ċ-ċittadini tiegħu stess billi jipprovdi li r-raġuni għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni hija obbligatorja għaċ-ċittadini tiegħu stess u hija fakultattiva għal dawk li mhumiex ċittadini tiegħu). Pereżempju, Stat Membru wieħed rabat ir-raġuni bil-kundizzjoni li l-proċedimenti kriminali jkunu jistgħu jitwettqu b’mod aktar faċli fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni.

·Il-prosekuzzjoni għall-istess reat hija eskluża fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 4(3))

It-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(3) tirrikjedi distinzjoni bejn tliet sitwazzjonijiet: l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ddeċidew jew li ma jiħdux passi legali kontra r-reat li fuqu jkun ibbażat il-mandat ta’ arrest Ewropew jew li jwaqqfu l-proċedimenti, jew fejn ingħatat piena finali lill-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward tal-istess atti, li ma tippermettix li jsiru proċedimenti ulterjuri.

Stat Membru wieħed biss ma ttrasponiex l-Artikolu 4(3). Nofs l-Istati Membri ttrasponewh bħala raġuni fakultattiva għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Stati Membri oħra ttrasponewh bħala raġuni obbligatorja, ħlief għal għadd żgħir li ttrasponew uħud mit-tliet kundizzjonijiet alternattivi bħala fakultattivi, u xi wħud minnhom bħala obbligatorji. Barra minn hekk, uħud minn dawk l-Istati Membri ttrasponew parzjalment biss it-tliet kundizzjonijiet mill-Artikolu 4(3).

·Il-prosekuzzjoni jew il-piena hija preskritta (l-Artikolu 4(4))

L-eżekuzzjoni tista’ tiġi miċħuda meta l-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta tkun preskritta skont il-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u l-atti jkunu jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ dak l-Istat Membru skont il-liġi kriminali tiegħu stess.

Kważi l-Istati Membri kollha, ħlief wieħed, ittrasponew l-Artikolu 4(4). Wieħed irrefera għall-perjodu ta’ żmien li jgħaddi. Għadd ta’ Stati Membri stabbilew din ir-raġuni għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni bħala obbligatorja.

·Sentenza finali fi Stat terz - ne bis in idem transnazzjonali (l-Artikolu 4(5))

L-eżekuzzjoni tista’ tiġi miċħuda meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiġi informata li l-persuna rikjesta rċeviet ġudizzju finali minn Stat terz fir-rigward tal-istess atti (ir-rekwiżit idem) dment li, fejn ingħatat piena, din tkun ġiet skontata jew tkun qed tiġi skontata jew ma tistax tibqa’ tiġi eżegwita skont il-liġi tal-pajjiż tas-sentenzjar (rekwiżiti ta’ eżekuzzjoni).

L-Istati Membri kollha, ħlief wieħed, implimentaw l-Artikolu 4(5). Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponewh bħala raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni, u l-bqija bħala raġuni obbligatorja. Madankollu, xi Stati Membri ttrasponew parzjalment biss it-tliet kundizzjonijiet alternattivi li jikkonċernaw l-infurzar.

·L-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jwettaq l-eżekuzzjoni tal-piena (l-Artikolu 4(6)) 

Meta l-mandat ta’ arrest Ewropew ikun inħareġ bl-iskop li tiġi eżegwita piena li ċċaħħad il-libertà jew ordni ta’ detenzjoni, u l-persuna rikjesta tkun toqgħod fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni, jew tkun ċittadina jew residenta tiegħu, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’ tqis jekk il-piena tistax tiġi eżegwita fl-Istat Membru tagħha minflok ma twettaq il-konsenja tal-persuna lill-Istat Membru emittenti 78 . It-termini “residenta” u “toqgħod” fl-Artikolu 4(6) iridu jiġu ddefiniti b’mod uniformi, peress li jikkonċernaw kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni 79 .

Numru żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx l-Artikolu 4(6). Stati Membri oħra ttrasponewh b’mod varjat, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni personali tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 4(6) huwa pjuttost differenti.

Huma biss ftit l-Istati Membri li ttrasponew l-Artikolu 4(6) bħala raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Il-biċċa l-kbira għamluha obbligatorja 80 jew parzjalment obbligatorja, peress li xi wħud minnhom jiddistingwu bejn persuna nazzjonali proprja u persuna barranija 81 (residenti) billi jipprovdu raġuni obbligatorja għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni għal ċittadini nazzjonali u raġuni fakultattiva għar-residenti, jew ma jsemmux lir-residenti. Xi Stati Membri kkwalifikaw aktar il-kundizzjoni ta’ residenza (eż. residenza permanenti 82 ta’ sentejn jew ta’ ħames snin, permess ta’ residenza 83 ). Barra minn hekk, Stat Membru wieħed ittraspona l-Artikolu 4(6) bħala li japplika biss għaċ-ċittadini tal-UE, u b’hekk jeskludi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Min-naħa l-oħra, Stat Membru wieħed jirreferi b’mod espliċitu għal persuni li jingħataw asil. Għadd żgħir biss ta’ Stati Membri ttrasponew l-Artikolu 4(6) sabiex ikopru wkoll persuni li joqogħdu fihom.

·L-ekstraterritorjalità (reati mwettqa barra t-territorju tal-Istat emittenti) (l-Artikolu 4(7))

L-eżekuzzjoni tista’ tiġi miċħuda fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew jirrigwarda reati li:

(a) huma kkunsidrati mil-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni bħala li twettqu interament jew in parti fit-territorju tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew f’post ittrattat bħal dan.

jew

(b) twettqu barra mit-territorju tal-Istat Membru emittenti u l-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ma tippermettix il-prosekuzzjoni għall-istess reati meta jitwettqu barra mit-territorju tiegħu.

Xi Stati Membri ttrasponew waħda biss miż-żewġ raġunijiet.

Ftit Stati Membri ma ttrasponewx ir-raġuni fil-paragrafu (a). Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponew ir-raġuni skont il-paragrafu (a) bħala raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, xi wħud minn dawk l-Istati Membri ma ttrasponewx b’mod espliċitu “interament jew in parti” u/jew “post ittrattat bħal dan”.

Għadd żgħir ta’ Stati Membri ma ttrasponewx ir-raġuni skont il-paragrafu (b). Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni bħala raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni.

·Proċessi in absentia (l-Artikolu 4a)

L-Artikolu 4a jipprovdi għal raġuni fakultattiva għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni għal sitwazzjonijiet li fihom awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun irċeviet mandat ta’ arrest Ewropew li jikkonċerna l-eżekuzzjoni ta’ piena li ċċaħħad il-libertà jew ordni ta’ detenzjoni li tirriżulta minn proċedimenti fl-Istat Membru emittenti fejn il-persuna ma kinitx preżenti 84 (deċiżjoni mogħtija in absentia). Madankollu, din l-għażla hija akkumpanjata minn erba’ eċċezzjonijiet, fejn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tistax tiċħad milli teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mogħtija in absentia 85 .

Nofs l-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 4a bħala raġuni obbligatorja għal nuqqas ta’ eżekuzzjoni u n-nofs l-ieħor ittrasponewh bħala raġuni fakultattiva. Rigward l-erba’ eċċezzjonijiet, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati f’diversi Stati Membri. F’xi Stati Membri, li ttrasponew l-erba’ eċċezzjonijiet, l-istandards proċedurali minimi ddefiniti f’dawn l-eċċezzjonijiet ma ġewx trasposti b’mod espliċitu. Dawn jinkludu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni, li jikkonċernaw b’mod partikolari “it-tħarrik tal-persuna sabiex tidher”, “informazzjoni uffiċjali riċevuta kif suppost” jew “għarfien dwar il-proċess skedat” 86 .

3.9.Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru emittenti (l-Artikolu 5)

L-Artikolu 5 jipprovdi li l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, bil-liġi nazzjonali tagħha, tkun soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, li huma stabbiliti b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 5 87 . Dawk il-kundizzjonijiet jistgħu jikkonċernaw ir-rieżami tal-kundanna ta’ għomor il-ħabs jew ir-ritorn ta’ ċittadini u ta’ residenti lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiskontaw il-pieni li jċaħħdu l-libertà mogħtija lilhom fl-Istat Membru emittenti 88 .

Aktar minn nofs l-Istati Membri ttrasponew l-għażla li jagħmlu l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kondizzjonali fuq ir-rieżami ta’ sentenza ta’ għomor priġunerija jew ordni ta’ għomor detenzjoni. Barra minn hekk, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew il-possibbiltà li tagħmel l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew kondizzjonali fuq ir-ritorn ta’ ċittadini u ta’ residenti wara li jinstemgħu lill-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni sabiex jiskontaw il-piena li ċċaħħad il-libertà jew l-ordni ta’ detenzjoni mogħtija lilhom fl-Istat Membru emittenti. It-traspożizzjoni kienet biss parzjali f’xi Stati Membri, peress li ma tawx indikazzjoni ċara li l-persuna jeħtiġilha tiġi rritornata wara li tkun instemgħet. Barra minn hekk, xi Stati Membri qed jagħtu trattament preferenzjali liċ-ċittadini tagħhom stess.

3.10.Drittijiet proċedurali tal-persuna rikjesta (l-Artikoli 11, 13(2), 14 u 23(5))

Id-Deċiżjoni Qafas tagħti bosta drittijiet proċedurali lill-persuna rikjesta. F’konformità mal-Artikolu 11, il-persuna rikjesta għandha d-dritt li tkun informata dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-kontenut tiegħu, dwar il-possibbiltà li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, u għandha d-dritt li tkun assistita minn avukat u minn interpretu. Dawn id-drittijiet iridu jingħataw f’konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Barra minn hekk, id-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali minimi ssupplimentaw u saħħew id-drittijiet previsti fid-Deċiżjoni Qafas 89 .

L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 11. Madankollu, fi ftit Stati Membri r-rekwiżiti kienu biss parzjalment trasposti jew ma setgħux jiġu identifikati l-elementi rilevanti kollha (eż. l-ebda dispożizzjoni espliċita li tirrikjedi li l-persuna rikjesta tiġi informata bil-possibbiltà li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja jew il-persuna rikjesta tiġi informata biss mad-dħul f’faċilità ta’ detenzjoni).

Barra minn hekk, diversi dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas jagħtu lill-persuna rikjesta drittijiet proċedurali minimi, b’mod partikolari:

·l-Artikolu 13(2) jirrikjedi li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li l-kunsens għall-konsenja u għar-rinunzja tal-intitolament għar-regola tal-ispeċjalità (imsemmija fl-Artikolu 27(2)) ikunu stabbiliti b’tali mod li juri li l-persuna kkonċernata tkun esprimiethom volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi quddiem l-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Għal dak l-għan, il-persuna rikjesta jeħtiġilha jkollha d-dritt għal avukat. L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 13(2). Madankollu, l-elementi ta’ volontarjetà u ta’ għarfien sħiħ tal-konsegwenzi ma setgħux jiġu identifikati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ xi Stati Membri. Ġew identifikati problemi simili f’xi Stati Membri fir-rigward tar-rinunzja tal-intitolament għar-regola ta’ speċjalità fl-Istat Membru emittenti wara konsenja (l-Artikolu 27(3)(f)).

·L-Artikolu 14 jipprovdi li fejn il-persuna arrestata ma tagħtix il-kunsens għall-konsenja tagħha, hija tkun intitolata li tinstema’ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni 90 . Kważi l-Istati Membri kollha ttrasponew l-Artikolu 14 kif suppost.

·L-Artikolu 23(5) jipprovdi li mal-iskadenza tat-termini preskrittivi għall-konsenja, il-persuna rikjesta jeħtiġilha tiġi rrilaxxata 91 . Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 23(5) kif suppost. Madankollu, Stat Membru wieħed jinkludi l-possibbiltà espliċita għall-awtorità ta’ eżekuzzjoni li testendi unilateralment id-detenzjoni tal-persuna rikjesta għal 10 ijiem qabel il-qbil dwar data u ħin ġodda mal-awtorità emittenti (ara 3.14.). F’għadd żgħir ta’ Stati Membri, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati.

3.11.Privileġġi u immunitajiet (l-Artikolu 20)

L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni Qafas jikkonċerna l-privileġġi u l-immunitajiet li fuqhom tista’ toqgħod il-persuna rikjesta. Id-dispożizzjoni ġiet trasposta b’mod sħiħ u konformi minn anqas minn nofs l-Istati Membri. F’oħrajn ġiet innotata biss traspożizzjoni parzjali (eż. il-privileġġi ma ġewx indirizzati b’mod espliċitu) jew id-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati (eż. il-proċedura għat-talba ta’ tneħħija tal-privileġġi jew tal-immunitajiet).

3.12.Il-kunsens għall-konsenja, ir-regola ta’ speċjalità u r-rinunzja għaliha (l-Artikoli 13 u 27)

B’mod ġenerali, persuna kkonsenjata ma tistax tiġi mħarrka, sentenzjata jew imċaħħda mil-libertà tagħha b’xi mod ieħor għal reat imwettaq qabel il-konsenja tagħha ħlief għal dak li għalih il-persuna tkun ġiet ikkonsenjata. Din hija r-regola ta’ speċjalità, stabbilita fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni Qafas 92 .

Id-Deċiżjoni Qafas tagħti possibbiltà lill-Istati Membri sabiex jinnotifikaw li, fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Stati Membri oħra li jkunu taw l-istess notifika, huma jirrinunzjaw għar-regola ta’ speċjalità, sakemm f’każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tiddikjarax mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar il-konsenja. Skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni għandha disponibbli, tliet Stati Membri biss taw notifiki bħal dawn.

Barra minn hekk, l-Artikolu 27(3) jipprovdi għal diversi eċċezzjonijiet għar-regola ta’ speċjalità, b’waħda minnhom li hija rinunzja għar-regola ta’ speċjalità mill-persuna rikjesta, f’konformità mal-Artikolu 13.

Il-persuna rikjesta għandha l-possibbiltà li tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja skont l-Artikolu 13. Jekk il-persuna arrestata tindika li tagħti kunsens għall-konsenja, dak il-kunsens u, jekk xieraq, ir-rinunzja espressa ta’ intitolament għar-“regola ta’ speċjalità”, iridu jingħataw quddiem l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, f’konformità mal-liġi domestika tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Ħafna mill-Istati Membri ttrasponew l-Artikolu 13 kif suppost. Madankollu, f’għadd żgħir ta’ Stati Membri l-persuna rikjesta awtomatikament titlef il-protezzjoni tar-regola ta’ speċjalità f’sitwazzjonijiet li fihom hija tkun tat il-kunsens tagħha għall-konsenja. Konsegwentement, il-persuna rikjesta ma jibqax ikollha vuċi dwar ir-rinunzja tal-protezzjoni bir-regola ta’ speċjalità. F’xi Stati Membri, id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ma setgħux jiġu identifikati, jew it-traspożizzjoni hija parzjali biss billi ma tipprovdix b’mod espliċitu għar-rinunzja tal-intitolament għar-regola ta’ speċjalità.

Xi wħud mill-Istati Membri applikaw il-possibbiltà li l-persuna tirrevoka kemm il-kunsens kif ukoll ir-rinunzja. Għadd żgħir ta’ Stati Membri applikaw biss l-għażla ta’ revoka tal-kunsens. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, il-kunsens għal konsenja u għal rinunzja ma jistax jiġi rrevokat. 

F’dan il-kuntest, f’xi Stati Membri, huwa possibbli appell kontra deċiżjoni ta’ konsenja ta’ persuna rikjesta, anki meta persuna tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja.

3.13.Limitu ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikoli 15(1) u 17)

Id-deċiżjoni dwar il-konsenja fil-prinċipju trid tittieħed fit-termini preskrittivi stretti, kif speċifikat fid-Deċiżjoni Qafas (l-Artikolu 15(1)) 93 . Minkejja dawn it-termini preskrittivi, il-mandati ta’ arrest Ewropej kollha jridu jiġu indirizzati u eżegwiti bħala materja ta’ urġenza (l-Artikolu 17(1)). Madankollu, mhux l-Istati Membri kollha ttrasponew dan ir-rekwiżit b’mod espliċitu.

Jekk il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jenħtieġ li tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem wara li jingħata l-kunsens (l-Artikolu 17(2)). Il-maġġoranza tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni kif suppost; f’żewġ Stati Membri, id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni ma setgħux jiġu identifikati.

Jekk il-persuna rikjesta ma tagħtix l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jenħtieġ li tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta (l-Artikolu 17(3)). Il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni kif suppost. Stat Membru wieħed ma ttrasponiex it-terminu preskrittiv ta’ 60 jum. Barra minn hekk, ftit Stati Membri jipprovdu alternattivament li t-terminu preskrittiv ta’ 60 jum jibda jew fil-jum tal-arrest jew mill-jum tal-ewwel interrogazzjoni.

Ftit Stati Membri ttrasponew it-termini preskrittivi ta’ 10 u/jew 60 jum bħala fakultattivi.

B’mod eċċezzjonali, meta f’każ speċifiku l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jista’ jiġi eżegwit sat-termini preskrittivi applikabbli msemmija, dawn jistgħu jiġu estiżi bi 30 jum addizzjonali. F’dak il-każ l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jeħtiġilha tinforma minnufih lill-awtorità ġudizzjarja emittenti u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien (l-Artikolu 17(4)).

Anqas minn nofs l-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni kif suppost. Ħafna ttrasponewha b’mod parzjali biss (eż. in-natura immedjata tan-notifika mhijiex riflessa b’mod espliċitu; mhuwiex meħtieġ li jiġu pprovduti r-raġunijiet għad-dewmien; hemm biss referenza għat-terminu preskrittiv fl-Artikolu 17(3), bit-terminu preskrittiv ta’ 10 ijiem fl-Artikolu 17(2) li mhuwiex kopert). F’għadd żgħir ta’ Stati Membri, id-dispożizzjonijiet rilevanti ma setgħux jiġu identifikati.

Barra minn hekk, il-problemi ta’ ssodisfar tat-termini preskrittivi speċifikati fid-Deċiżjoni Qafas f’xi Stati Membri jidhru li jirriżultaw ukoll minn proċeduri twal tal-appell 94 . Id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar it-tul tal-proċeduri tal-appell ma setgħux jiġu identifikati għall-Istati Membri kollha. Madankollu, xi Stati Membri jipprovdu termini preskrittivi stretti għal proċeduri tal-appell.

Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ma tkunx għadha ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew 95 , hija jeħtiġilha tiżgura li l-kundizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu ssodisfati (l-Artikolu 17(5)). Għadd sinifikanti ta’ Stati Membri ttrasponewx l-Artikolu 17(5) kif suppost. Madankollu, wieħed jipprovdi obbligu ġenerali u inkondizzjonat li persuna mitluba tinħeles mill-arrest skont mandat ta’ arrest Ewropew hekk kif jiskadi perjodu ta’ 90 jum mill-arrest ta’ dik il-persuna 96 .

L-Artikolu 17(7) jipprovdi li, meta f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jkunx jista’ josserva t-termini preskrittivi applikabbli, dan jeħtieġlu jinforma lill-Eurojust 97 u jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra minn hekk, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej jeħtieġlu jinforma lill-Kunsill bl-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas. F’aktar minn nofs l-Istati Membri t-traspożizzjoni hija kompluta u konformi. Stati Membri oħrajn ittrasponew biss parzjalment l-Artikolu 17(7) (eż. billi jirreferu biss għat-terminu preskrittiv ta’ 60 jum, jew billi ma jimponux obbligu li jinformaw lill-Eurojust).

3.14.Termini preskrittivi għall-konsenja tal-persuna (l-Artikolu 23(1) sa (4))

It-terminu preskrittiv għall-konsenja tal-persuna jibda jiddekorri minnufih wara li tittieħed id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ikkonċernati jiftehmu u jaqblu dwar il-konsenja tal-persuna mill-aktar fis possibbli (l-Artikolu 23(1)). F’kull każ, il-konsenja trid issir mhux aktar tard minn 10 ijiem minn meta tkun ingħatat id-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (l-Artikolu 23(2)). L-Artikolu 23(3) u (4) jindirizza rispettivament l-estensjonijiet tat-termini preskrittivi f’każijiet li fihom il-konsenja tal-persuna rikjesta fil-perjodu ta’ 10 ijiem ma tkunx tista’ ssir minħabba ċirkostanzi li ma jkunux fil-kontroll ta’ xi wieħed mill-Istati Membri 98 jew f’każijiet ta’ raġunijiet umanitarji serji.

Il-limitu ta’ żmien għall-konsenja ġeneralment ġie traspost f’konformità ġenerali minn xi Stati Membri biss. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri l-elementi ewlenin tal-Artikolu 23(1) sa (4) ma ġewx trasposti (eż. l-urġenza, it-termini preskrittivi obbligatorji u l-kalkolu tagħhom; u jsir biss riferiment għaċ-ċirkostanzi fl-Istat Membru emittenti; definizzjoni ristretta wisq jew ġenerika wisq ta’ “raġunijiet umanitarji serji”).

4.KONKLUŻJONI

Filwaqt li l-isforzi magħmula mill-Istati Membri sal-lum huma rikonoxxuti, il-livell ta’ implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas għadu mhuwiex sodisfaċenti f’xi Stati Membri. Din il-valutazzjoni, l-istatistika dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u analiżi komparattiva ma’ rapporti preċedenti lkoll jindikaw li ċerti Stati Membri ma indirizzawx uħud mir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni u dawk li rriżultaw mir-raba’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi. Barra minn hekk, jidher li xi Stati Membri għadhom ma implimentawx ċerti sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-traspożizzjoni inkompluta u/jew żbaljata tad-Deċiżjoni Qafas tfixkel l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku f’materji tal-ġustizzja kriminali. L-objettiv ta’ żvilupp ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja għaċ-ċittadini kollha tal-UE kif stipulat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jistax jinkiseb jekk l-Istati Membri ma jimplimentawx kif suppost l-istrumenti li huma lkoll qablu dwarhom.

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri individwali mad-Deċiżjoni Qafas. Sakemm din is-sitwazzjoni ma tiġix irrimedjata, il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura l-konformità mad-Deċiżjoni Qafas madwar l-UE kollha, inkluż, fejn ikun hemm bżonn, billi tiftaħ proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(1) ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.
(2) Il-programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet kriminali previst fil-Konklużjonijiet ta’ Tampere tal-Kunsill Ewropew u adottat mill-Kunsill fit-30 ta’ Novembru 2000, ĠU C 12 E, 15.1.2001, p. 10: “Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku huwa bbażata fuq il-fiduċja reċiproka żviluppata permezz tal-valuri komuni tal-Istati Membri dwar ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b’mod li kull awtorità jkollha fiduċja li l-awtoritajiet l-oħra japplikaw standards ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet fis-sistemi kollha tal-ġustizzja kriminali tagħhom”.
(3)   https://e-justice.europa.eu/content_european_arrest_warrant-90-mt.do  
(4) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b’hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta’ persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża, ĠU L 81, 27.3.2009, p. 24.
(5) Il-verżjoni konsolidata: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XC1006(02)&from=DA , p. 45.
(6) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar pjan direzzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta’ persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali tistabbilixxi l-bażi għal sitt direttivi, ĠU C 295, 4.12.2009, p. 1.
(7) Id-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, ĠU L 280, 26.10.2010, p. 1; RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, COM(2018) 857 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52018DC0857 .
(8) Id-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, ĠU L 142, 1.6.2012, p. 1; RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, COM(2018) 858 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52018DC0858&from=EN .
(9) Id-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, ĠU L 294, 6.11.2013, p. 1; RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà, COM(2019) 560 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52019DC0560&from=EN .
(10) Id-Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali, ĠU L 65, 11.3.2016, p. 1.
(11) Id-Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali, ĠU L 132, 21.5.2016, p. 1.
(12) Id-Direttiva (UE) 2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, ĠU L 297, 4.11.2016, p. 1; rettifika: ĠU L 91, 5.4.2017, p. 40.
(13) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI bbażat fuq l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (verżjoni riveduta), COM(2006) 8 finali: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52006DC0008 ;  RAPPORT MILL-KUMMISSJONI dwar l-implimentazzjoni, mill-2005, tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat- 13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, COM(2007) 407 finali: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/HTML/?uri=CELEX:52007DC0407&from=EN u RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad- Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, COM(2011)175 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1588746744852&uri=CELEX:52011DC0175 .
(14) Verżjoni finali tal-manwal Ewropew dwar kif għandu jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8216-2008-REV-2/mt/pdf .
(15) Verżjoni riveduta tal-manwal Ewropew dwar kif għandu jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-17195-2010-REV-1/mt/pdf .
(16) Manwal dwar kif toħroġ u teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, ĠU C 335, 6.10.2017, p. 1: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XC1006(02)&from=DA .
(17)

Segwitu għar-rapporti ta’ evalwazzjoni dwar ir-raba’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi: applikazzjoni prattika tal-mandat ta’ arrest Ewropew u tal-proċeduri ta’ konsenja rilevanti bejn l-Istati Membri: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15815-2011-INIT/en/pdf .

(18) Id-disa’ sessjoni ta’ evalwazzjonijiet reċiproċi - Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-evalwazzjoni u l-kontributi għall-kwestjonarju: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-6333-2019-INIT/en/pdf .
(19)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2014 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta’ Arrest Ewropew (2013/2109(INL)), ĠU C 285, 29.8.2017, p. 135.

(20)

 Segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-mandat ta’ arrest Ewropew, SP(2014) 447:

https://oeil.secure.europarl.europa.eu/oeil/popups/ficheprocedure.do?lang=en&reference=2013/2109(INL) .

(21) ĠU C 115, 9.5.2008, p. 322.
(22)

Id-Deċiżjoni Qafas hija vinkolanti għas-27 Stat Membru kollha, inklużi d-Danimarka u l-Irlanda. Ir-rapport jinkludi wkoll ir-Renju Unit, li huwa marbut bid-Deċiżjoni Qafas sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(23) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, COM(2011)175 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1588746744852&uri=CELEX:52011DC0175 .
(24)

F’xi Stati Membri tista’ tiġi osservata tendenza ta’ tnaqqis fir-rigward tan-numru ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa abbażi tal-istatistika pprovduta mill-Istati Membri:

https://e-justice.europa.eu/content_european_arrest_warrant-90-mt.do .

(25) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI bbażat fuq l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (verżjoni riveduta), COM(2006) 8 finali: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52006DC0008 .
(26) Skont l-Artikolu 34(1) tad-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Deċiżjoni Qafas fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2003. Fil-każ ta’ Stati Membri li ssieħbu aktar tard fl-UE (rispettivament fl-2004, fl-2007 u fl-2013), l-iskadenza applikabbli għat-traspożizzjoni kienet id-data tal-adeżjoni tagħhom. Aktar minn nofs l-Istati Membri żammew mad-dati ta’ skadenza għat-traspożizzjoni. 
(27) Fl-1 ta’ April 2014, fl-20 ta’ Novembru 2014, fis-7 ta’ Lulju 2016, fis-17 ta’ Ottubru 2017 u fis-7 ta’ Mejju 2019.
(28)

 Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI, C-508/18 u C-82/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:456 u PF, C-509/18, ECLI:EU:C:2019:457; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2019, JR u YC, C-566/19 PPU u C-626/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:1077, XD, C-625/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:1078 u ZB, C-627/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:1079.

(29) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C-452/16 PPU, ECLI:EU:C:2016:858.
(30) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, ECLI:EU:C:2016:861.
(31) It-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE tal-2019: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/justice_scoreboard_2019_en.pdf , p. 51 – 52.
(32)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI, C-508/18 u C-82/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:456.
(33) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, PF, C-509/18, ECLI:EU:C:2019:457.
(34) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ, C-489/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:849.
(35) Manwal dwar kif toħroġ u teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, ĠU C 335, 6.10.2017, p. 1, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XC1006(02)&from=DA , p. 74 – 75.
(36) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C-452/16 PPU, ECLI:EU:C:2016:858; Kovalkovas, C-477/16 PPU, ECLI:EU:C:2016:861 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ, C-489/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:849.
(37) Lest għal proċess tfisser li tkun ittieħdet deċiżjoni sabiex il-persuna tiġi akkużata, u tiġi pproċessata għal reat.
(38) ĠU C 326, 26.10.2012, p. 13.
(39) ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391.
(40) Il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950 (ETS No.005).
(41) Qabel l-emendi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: L-Artikolu 6(1).
(42) Qabel l-emendi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: L-Artikolu 7(1).
(43) Qabel l-emendi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea: L-Artikolu 7(2).
(44) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, LM, C-216/18 PPU, ECLI:EU:C:2018:586.
(45) Ara is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, ECLI:EU:C:2016:198, il-punt 104; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2016 Petruhhin, C-182/15, ECLI:EU:C:2016:630, il-punt 60; digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2017, Schotthöfer & Steiner vs Adelsmayr, C-473/15, ECLI:EU:C:2017:633 , il-punt 27; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, ML, C-220/18 PPU, ECLI:UE:C:2018:589; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C-128/18, ECLI:EU:C:2019:857 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 2020, IN, il-Kawża C-897/19 PPU, ECLI:EU:C:2020:262, il-punti 63 sa 68.
(46)

 Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu C-396/11, ECLI:EU:C:2013:39, il-punti 39 sa 43; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15 PPU, ECLI:EU:C:2015:474, il-punti 53 u 54 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK, C-551/18 PPU, ECLI:EU:C:2018:991, il-punti 66 u 67.

(47)

Eż. il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali; il-Konvenzjoni kontra t-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra tal-10 ta’ Diċembru 1984; il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta’ Diċembru 1966; il-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951.

(48)

 Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, ECLI:EU:C:2013:107, il-punt 63 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C-128/18, ECLI:EU:C:2019:857, il-punt 79.

(49)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI, C-508/18 u C-82/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:456, il-punti 71 u 75.
(50) RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-implimentazzjoni sa mill-2007 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52011DC0175&from=MT , p. 7 – 8.
(51) Il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta’ Diċembru 1957 (ETS Nru 024) fiha dispożizzjoni dwar ir-reati aċċessorji.
(52) Manwal dwar kif toħroġ u teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew, ĠU C 335, 6.10.2017, p. 1 , https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52017XC1006(02)&from=DA , p. 82.
(53) Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/829/ĠAI tat-23 ta’ Ottubru 2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta’ superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja, ĠU L 294, 11.11.2009, p. 20.
(54) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, ECLI:EU:C:2008:669, il-punti 52 u 53 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16 PPU, ECLI:EU:C:2018:27, il-punti 57 sa 59.
(55)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, ECLI:EU:C:2016:385, il-punti 54 u 58 u s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Özçelik, C-453/16 PPU, ECLI:EU:C:2016:860, il-punti 33 sa 37.
(56) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, ECLI:EU:C:2016:385, il-punti 55 u 56; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI, C-508/18 u C-82/19 PPU, ECLI:EU:C:2019:456, il-punti 66 u 67, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2019, PF, C-509/18, ECLI:EU:C:2019:457, il-punti 44 u 45.
(57)  Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, ECLI:EU:C:2008:669, il-punt 52; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK, C-551/18 PPU, ECLI:EU:C:2018:991 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2020, X, C-717/18, ECLI:EU:C:2020:142, il-punt 37.
(58)

 Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi and Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, ECLI:EU:C:2016:198, il-punti 95 u 96; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 2016, Bob-Dogi, C-241/15, ECLI:EU:C:2016:385, il-punt 65; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, EU:C:2018:27, il-punti 60 u 61; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, ML, C-220/18 PPUECLI:EU:C:2018:589, il-punt 63 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2019, Dorobantu, C-128/18, ECLI:EU:C:2019:857, il-punt 67.

(59) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C-571/17 PPU, ECLI:EU:C:2016:1026, il-punt 91.
(60) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, ECLI:EU:C:2013:107, il-punt 36; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2013, Jeremy F, C-168/13, ECLI:EU:C:2013:358, il-punt 34 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, il-punt 79.
(61) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld, C-303/05, ECLI:EU:C:2007:261, il-punti 48 sa 60 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2020, X, C-717/18, ECLI:EU:C:2020:142, il-punti 36 sa 39.
(62)

Eż.: il-kriminalità finanzjarja: Id-Direttiva 2014/62/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-protezzjoni tal-euro u muniti oħra kontra l-iffalsifikar permezz tal-liġi kriminali, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2000/383/ĠAI, ĠU L 151, 21.5.2014, p. 1; it-terroriżmu: Id-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI, ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6; iċ-ċiberkriminalità: Id-Direttiva 2013/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Awwissu 2013 dwar attakki kontra s-sistemi tal-informazzjoni u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI, ĠU L 218, 14.8.2013, p. 8 u t-traffikar tal-bnedmin: Id-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI, ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.

(63) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2020, X, C-717/18, ECLI:EU:C:2020:142, il-punt 42.
(64) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2017, Grundza, C-289/15, ECLI:EU:C:2017:4, il-punti 35, 38 u 49.
(65)

Ara d-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Settembru 2015, A, C-463/15, ECLI:EU:C:2015:634.

(66)

 Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2009 Wolzenburg, C-123/08, ECLI:EU:C:2009:616, il-punt 57 u s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016 Aranyosi and Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, ECLI:EU:C:2016:198, il-punt 80.

(67) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, ECLI:EU:C:2017:503, il-punt 21.
(68) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, ECLI:EU:C:2017:503, il-punt 19 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Awwissu 2017, Tupikas, C-270/17 PPU, ECLI:EU:C:2017:628, il-punt 50.
(69)

 Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C-187/01, ECLI:EU:C:2003:87 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2005, Miraglia, C-469/03, ECLI:EU:C:2005:156 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Settembru 2006, van Straaten, C-150/05, ECLI:EU:C:2006:614 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C-491/07, ECLI:EU:C:2008:768 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Novembru 2010 Mantello, C-261/09, ECLI:EU:C:2010:683 ; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 2015, M C-398/12, ECLI:EU:C:2014:1057. is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C-486/14, ECLI:EU:C:2016:483 u is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2018, AY, C-268/17, ECLI:EU:C:2018:602.

(70) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2006, Van Esbroeck, C-436/04, ECLI:EU:C:2006:165; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Settembru 2006, van Straaten, C-150/05, ECLI:EU:C:2006:614; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Settembru 2006, Gasparini u Oħrajn, C-467/04, ECLI:EU:C:2006:610; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Kretzinger, C-288/05, ECLI:EU:C:2007:441; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Kraaijenbrink, C-367/05, ECLI:EU:C:2007:444; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C-261/09, ECLI:EU:C:2010:683.
(71)

Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello, C-261/09, ECLI:EU:C:2010:683, il-punt 38.

(72)

Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C-187/01, ECLI:EU:C:2003:87; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Kretzinger, C-288/05, ECLI:EU:C:2007:441; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2008, Bourquain, C-297/07, ECLI:EU:C:2008:708 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Mejju 2014, Spasic, C‑129/14 PPU, ECLI:EU:C:2014:586.

(73) L-istess kumment japplika għal Artikoli rilevanti oħra, eż. l-Artikolu 4(2), (3) u (5) tad-Deċiżjoni Qafas, li jirreferu għall-“istess atti”.
(74) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 2018, Piotrowski, C-367/16, ECLI:EU:C:2018:27.
(75) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C-123/08, ECLI:EU:C:2009:616, il-punti 59 sa 61 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, ECLI:EU:C:2017:503, il-punt 21.
(76) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Jannar 2017, Grundza, C-289/15, ECLI:EU:C:2017:4, il-punti 38 u 49.
(77) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 2020, X, C-717/18, ECLI:EU:C:2020:142, il-punt 42.
(78) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, ECLI:EU:C:2017:503, il-punti 21 sa 24; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2018, Sut, C-514/17, ECLI:EU:C:2018:1016, il-punti 34 sa 38 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2019, Popławski II, C‑573/17, ECLI:EU:C:2019:530.Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea, ĠU L 327, 5.12.2008, p. 27; Manwal dwar it-trasferiment ta’ persuni ssentenzjati u l-pieni ta’ kustodja fl-Unjoni Ewropea, ĠU C 403, 29.11.2019, p. 2: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52019XC1129(01)&from=MT , p. 34.
(79) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 2008, Kozłowski, C-66/08, ECLI:EU:C:2008:437, il-punti 46 u 54.
(80) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, ECLI:EU:C:2017:503, il-punt 21.
(81)

 Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Settembru 2012, Lopes da Silva Jorge, C-42/11, ECLI:EU:C:2012:517, il-punti 52 u 59.

(82) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C-123/08, ECLI:EU:C:2009:616, il-punt 74.
(83)

 Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2009, Wolzenburg, C-123/08, ECLI:EU:C:2009:616, il-punt 53.

(84) Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Awwissu 2017, Zdziaszek, C-271/17 PPU, ECLI:EU:C:2017:629 u Tupikas, C-270/17 PPU, ECLI:EU:C:2017:628 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2017, Ardic, C-571/17 PPU, ECLI:EU:C:2017:1026.
(85) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, ECLI:EU:C:2013:107, il-punti 51 u 52.
(86) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, ECLI:EU:C:2016:346, il-punt 32.
(87) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, ECLI:EU:C:2013:107, il-punt 38; is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, ECLI:EU:C:2016:198, il-punt 80 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15, ECLI:EU:C:2015:474, il-punt 36.
(88) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 2020, SF, C-314/18, ECLI:EU:C:2020:191.
(89) Ara 1.1.p.1 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2019, XD, C-625/19, ECLI:EU:C:2019:1078, il-punt 55.
(90) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Jannar 2013, Radu, C-396/11, ECLI:EU:C:2008:39, il-punti 41 u 42.
(91) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, ECLI:EU:C:2017:39, il-punti 70 sa 73.
(92) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 2008, Leymann u Pustovarov, C-388/08 PPU, ECLI:EU:C:2008:669 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Diċembru 2018, IK, C-551/18 PPU, ECLI:EU:C:2018:991, il-punti 59 sa 61.
(93) Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2013, Jeremy F, C-168/13, ECLI:EU:C:2013:358, il-punt 62 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15, ECLI:EU:C:2015:474, il-punti 32 u 33.
(94) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Mejju 2013, Jeremy F, C-168/13, ECLI:EU:C:2013:358.
(95) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C-237/15, ECLI:EU:C:2015:474, il-punti 58 sa 61.
(96)

Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2019, TC, C-492/18 PPU, ECLI:EU:C:2019:10.8.

(97) Fil-prattika r-rata ta’ rapportar hija pjuttost baxxa. Ara l-istatistiki dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew: https://e-justice.europa.eu/content_european_arrest_warrant-90-mt.do .
(98) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C-640/15, ECLI:EU:C:2017:39.