IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.4.2020
COM(2020) 169 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Komunikazzjoni Interpretattiva mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa tal-kontabbiltà u prudenzjali għall-iffaċilitar tas-self mill-banek tal-UE
Is-sostenn lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi waqt il-COVID-19
Komunikazzjoni Interpretattiva mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-oqfsa tal-kontabbiltà u prudenzjali għall-iffaċilitar tas-self mill-banek tal-UE
Is-sostenn lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi waqt il-COVID-19
1.Introduzzjoni u kuntest
L-iskoss ekonomiku kkaġunat mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment eċċezzjonali qed ikollhom impatt estensiv kemm mil-lat tal-provvista kif ukoll tad-domanda tal-ekonomija. In-negozji qed jaffaċċjaw xkiel fil-katini ta’ provvista, għeluq temporanju u inqas domanda, filwaqt li l-unitajiet domestiċi qed iħabbtu wiċċhom mal-qgħad u tnaqqis fl-introjtu.
L-aktar parti akuta tal-kontrazzjoni ekonomika se tinħass fix-xhur li ġejjin. L-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi solventi għandhom jiġu appoġġjati biex ireġġu dan it-tnaqqis fl-attività ekonomika u n-nuqqas ta’ likwidità li se jikkaġuna.
1.1.Ir-rwol tal-banek biex jimmitigaw l-impatt ekonomiku tal-COVID-19
Kuntrarjament għall-kriżi finanzjarja globali, l-iskoss ekonomiku kkaġunat mit-tifqigħa tal-COVID-19 mhuwiex frott is-settur bankarju jew is-sistema finanzjarja usa’. Il-banek fl-UE llum huma ferm aktar reżiljenti milli kienu fl-2008. Il-proporzjon kapitali u r-riżervi ta’ likwidità tjiebu b’mod sinifikanti, u naqas l-ingranaġġ finanzjarju tal-banek mill-finanzjament fuq terminu qasir u d-dipendenza tagħhom fuqu. It-testijiet tal-istress ikkoordinati mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) indikaw li s-settur bankarju tal-UE huwa reżiljenti biżżejjed biex iżomm sod f’reċessjoni qawwija f’sensiela wiesgħa ta’ xenarji. Sadanittant, is-sistema finanzjarja usa’ wkoll kampat sew fil-kundizzjonijiet ta’ stress marbuta mal-kriżi tal-Covid-19.
Is-solidarjetà tal-banek fl-Unjoni għandha tippermettilhom jaqdu rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-iskoss ekonomiku li jirriżulta mill-COVID-19 u fit-tħejjija għal irkupru f’qasir żmien, anki jekk il-banek inevitabbilment se jintlaqtu ħażin ukoll mid-diffikultajiet esperjenzati mill-klijenti tagħhom u miż-żieda fil-volatilità fis-swieq finanzjarji. Il-banek jistgħu jaqdu dan ir-rwol billi ma jneħħux il-fluss tal-kreditu lill-klijenti l-aktar milquta tagħhom, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
Il-korpi u l-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli tal-Unjoni, tal-Istati Membri u internazzjonali ħadu azzjonijiet f’qasir żmien u deċiżivi biex jipprovdu l-miżuri neċessarji lill-banek biex jgħaddu l-fondi b’mod effettiv lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi.
-Il-banek ċentrali żiedu s-sostenn tagħhom f’termini ta’ likwidità lill-banek bl-għan li jippromwovu s-self mill-banek lil dawk milquta l-aktar mill-kriżi tal-COVID-19, u estendew il-programmi tagħhom ta’ xiri ta’ assi biex jiżguraw kundizzjonijiet ta’ finanzjament li jkunu saħansitra aktar ta’ sostenn għas-setturi kollha tal-ekonomija.
-Is-superviżuri bankarji fl-UE pprovdew solliev operazzjonali, likwidità u kapital fuq bażi temporanja lill-banek biex jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom fl-iffinanzjar tal-ekonomija reali f’ambjent aktar diffikultuż. Barra minn hekk, fil-livell internazzjonali, il-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) ħabbar li l-iskadenza maqbula fuq livell internazzjonali għall-implimentazzjoni tal-istandards finali ta’ Basel III se tittardja b’sena sabiex il-kapaċità operazzjonali tal-banek u s-superviżuri titħalla libera, u qabel li jipprovdi flessibbiltà akbar lill-banek fl-introduzzjoni gradwali tat-trattament regolatorju tal-kontabbiltà tat-telf tal-kreditu mistenni (ECL - expected credit losses) biex l-impatt fuq il-kapital regolatorju tagħhom ikun limitat.
-Il-Kummissjoni Ewropea, bħala parti minn rispons koordinat tal-UE biex tagħmel tajjeb għall-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19, użat il-flessibbiltà sħiħa tal-oqfsa tal-Għajnuna mill-Istat u tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu rispons fiskali deċiżiv u koordinat. L-Istati Membri rrikorrew għal din il-flessibbiltà u implimentaw miżuri ta’ solliev, b’mod partikolari fl-għamla ta’ garanziji għal self appoġġjat mill-gvernijiet jew skemi ta’ differiment tal-pagamenti (“moratorji”), li jipprovdu inċentivi għall-banek biex ikomplu jsellfu f’din l-inċertezza tal-preżent u jtaffu l-pressjoni finanzjarja immedjata fuq in-negozji u l-unitajiet domestiċi.
Dawn il-miżuri monetarji, regolatorji u fiskali komprensivi jagħtu r-riżorsi u l-flessibbiltà meħtieġa lill-banek biex jappoġġjaw l-ekonomija tal-UE matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-banek issa jridu jużaw il-kapital u l-likwidità żblukkati biex jindirizzaw il-fondi lil dawk l-intrapriżi u l-unitajiet domestiċi privati li ntlaqtu direttament mill-kontrazzjoni għal għarrieda fl-attività ekonomika, fil-limiti tal-aġir fis-sod f’termini prudenzjali. B’dan il-mod, il-portata tad-dannu għall-ekonomija tal-UE tkun tista’ titrażżan u l-irkupru jseħħ illum qabel għada u jkun aktar b’saħħtu.
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-banek li jgħinu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji biex jegħlbu din il-kriżi bla preċedent. Minħabba l-portata tal-kriżi, is-settur bankarju u s-sistema finanzjarja usa’ huma mistennija li jinvolvu ruħhom mija fil-mija biex jappoġġjaw ir-rispons tal-politika pubblika. Id-diffikultajiet ekonomiċi maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jingħelbu biss b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-atturi pubbliċi u privati. Il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April, insista dwar rwol proattiv għas-settur bankarju f’din il-kriżi, filwaqt li l-Ministri għall-Finanzi, fid-Dikjarazzjoni tagħhom adottata fis-16 ta’ April, appellaw lis-settur bankarju biex joffru s-sostenn tagħhom lill-unitajiet domestiċi u lill-intrapriżi milquta mit-tifqigħa tal-COVID-19, bit-tir li tkun żgurata l-kontinwità tan-negozju.
1.2.Flessibbiltà fil-qafas regolatorju waqt il-kriżi tal-COVID-19
Il-qafas regolatorju għall-banek joffri biżżejjed marġni biex l-inizjattivi pubbliċi u privati jippromwovu t-tkomplija tas-self lill-klijenti milquta mill-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li jibqgħu jadottaw approċċ prudenti. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-banek biex jużaw kemm jista’ jkun il-flessibbiltà li hija parti integrali mir-regoli eżistenti tal-kontabbiltà u dawk prudenzjali biex ikunu ta’ sostenn għall-ekonomija tal-UE fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali tat-tifqigħa tal-COVID-19. L-applikazzjoni tal-miżuri ta’ solliev biss, li huma mfassla biex jimlew il-vojt ikkawżat mill-ħtiġijiet ta’ likwidità fuq terminu qasir, ma għandhiex twassal awtomatikament għal trattament kontabbilistiku jew prudenzjali eħrex f’każijiet fejn is-sitwazzjoni finanzjarja kieku ma tiddeterjorax b’mod ieħor.
Fl-istess waqt, huwa kruċjali li l-banek jibqgħu jiżnu r-riskji b’mod preċiż, konsistenti u trasparenti, għaliex dan huwa meħtieġ għall-monitoraġġ tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-ekonomija tal-UE u jipprovdi s-sisien għal settur bankarju reżiljenti. Dan ifisser li l-banek iridu jkomplu jidentifikaw is-sitwazzjonijiet li jagħtu lok għal diffikultajiet finanzjarji li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-mutwatarji u li jista’ jkollhom impatt fuq il-kapaċità tagħhom li jonoraw l-obbligi tas-self tagħhom fuq terminu twil. Bl-istess mod, il-banek iridu jibqgħu japplikaw standards sodi f’dak li jirrigwarda s-sottoskrizzjoni u l-informazzjoni fuq il-klijent, kif mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-UE.
1.3.Ħtieġa għal rispons koordinat
Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar rispons ekonomiku koordinat minħabba l-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet prudenzjali u tal-kontabbiltà biex jispeċifikaw ulterjorment kif jista’ jsir l-aqwa użu mill-flessibbiltà prevista fil-qafas regolatorju eżistenti. L-EBA
, is-Superviżjoni Bankarja tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)
, l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)
u l-Kumitat ta’ Korpi Ewropej għas-Sorveljanza tal-Awditjar (CEAOB) iċċaraw kif il-flessibbiltà wiesgħa inkorporata fl-oqfsa tal-kontabbiltà u prudenzjali ta’ bħalissa tippermetti li l-miżuri eċċezzjonali li ttieħdu bħala rispons għal din is-sitwazzjoni bla preċedent jiġu mmaniġġjati b’mod robust iżda li ma joħloqx xkiel. Il-Kummissjoni tilqa’ wkoll id-dikjarazzjonijiet li saru dan l-aħħar mill-BCBS u mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB)
.
Huwa imperattiv li l-awtoritajiet kollha jkomplu jaġixxu b’mod koordinat u konsistenti meta jiġu biex jispeċifikaw kif għandha tintuża l-flessibbiltà inkorporata fir-regoli rispettivi tagħhom, bl-għan li tkun provduta kemm jista’ jkun ċarezza u jiġu aċċertati kundizzjonijiet ekwi fil-qafas tas-Suq Uniku. Il-ġabra unika tar-regoli tapplika għall-banek kollha fl-UE u l-iskoss ikkawżat mill-pandemija ma għandux iwassal għal divrenzjar fl-applikazzjoni tar-regoli fost l-Istati Membri. Pereżempju, il-garanziji jew il-moratorji tal-pagamenti mogħtija fil-kuntest tal-COVID-19, li għandhom l-istess karatteristiċi, għandhom jiġu trattati bl-istess mod mis-superviżuri fl-Unjoni kollha. L-iżgurar li l-flessibbiltà fir-regoli tiġi applikata b’mod konsistenti jikkontribwixxi għall-ippreżervar tal-integrità tas-Suq Uniku, li hija essenzjali biex tinqabad it-triq tal-irkupru aktar mgħaġġel. Il-Kummissjoni tistieden lill-EBA biex tgħarbel kif il-garanziji pubbliċi mogħtija bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19 għandhom jiġu trattati għal skopijiet ta’ mitigazzjoni tar-riskji, u tipprovdi aktar gwida, kif ikun jixraq.
Diversi miżuri ta’ solliev adottati mill-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE użaw b’mod effettiv il-flessibbiltà inkorporata fir-regoli biex jimmassimizzaw il-kapaċità ta’ self tal-banek. L-awtoritajiet superviżorji ħallew lill-banek jagħmlu użu temporanju mil-likwidità u mir-riżervi tal-kapital, filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali deżinjati baxxew diversi rekwiżiti tal-bafer kapitali makroprudenzjali, u lliberaw de facto ammont sostanzjali ta’ kapital minn kull limitu regolatorju. Dawn huma miżuri ta’ solliev merħba bihom li jirriflettu r-raġunament li fuqu huma msejsa l-bafers prudenzjali, u l-importanza li jitħallew jiġu lliberati biex ikun żgurat li jkunu jistgħu jintużaw meta jkun hemm bżonn. Il-banek għandhom jużaw il-bafers kapitali sabiex ma jneħħux is-self lill-ekonomija reali u s-swieq ma għandhomx jistigmatizzaw l-użu tagħhom fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BERS biex jikkoordina approċċ mifrux mal-UE kollha fir-rigward tal-użu tal-bafers makroprudenzjali waqt il-fażi ta’ kriżi u rkupru.
Biex ikun żgurat li l-banek ikunu jistgħu jaqdu r-rwol ewlieni tagħhom biex isostnu l-ekonomija tal-UE matul il-kriżi tal-COVID-19, din il-Komunikazzjoni tikkonferma l-flessibbiltà li dwarha saħqu l-EBA, il-BĊE, l-ESMA u s-CEAOB, kif ukoll il-BCBS u l-IASB bl-għan li, fil-mument attwali, tiġi garantita l-akbar ċertezza possibbli fir-rigward ta’ din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni tfakkar il-karatteristiċi ewlenin tal-gwida maħruġa minn dawk l-awtoritajiet, bl-għan li jiġi rinfurzat l-impenn kollettiv fir-rigward tal-applikazzjoni konsistenti u miftiehma flimkien tal-flessibbiltà inkorporata fil-qafas regolatorju tal-Unjoni (it-taqsimiet 2 u 3). Barra minn hekk, il-Komunikazzjoni tenfasizza r-rwol ewlieni li huwa mistenni li jiżvolġi s-settur bankarju tal-UE, flimkien mas-settur pubbliku, biex jillimita l-impatt ekonomiku tal-kriżi tal-COVID-19, kif ukoll biex jiġi inkoraġġit irkupru f’qasir żmien wara l-kriżi, u tqiegħed l-enfasi fuq setturi li fihom il-banek huma mistiedna jaġixxu b’mod responsabbli (it-taqsima 4.). Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni tenfasizza l-bżonn ta’ bidliet immirati f’aspetti speċifiċi tal-qafas prudenzjali biex tkun immassimizzata l-kapaċità tal-banek li jkomplu jsellfu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi filwaqt li jsir monitoraġġ ta’ kif il-banek jużaw ir-riżorsi żblukkati biex jikkontribwixxu għall-forniment tal-kreditu bankarju (it-taqsima 5).
2.Il-flessibbiltà inkorporata fl-IFRS 9 - Strumenti finanzjarji
Wara li saritlu talba mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (FSB - Financial Stability Board) u mill-G20, l-IASB introduċa approċċ b’viżjoni aktar fit-tul fir-rigward tal-proviżjonament għat-telf mis-self permezz tal-Istandard Internazzjonali ta’ Rapport Finanzjarju (IFRS) 9. L-IFRS 9 huwa rispons għal waħda mit-tagħlimiet li nsiltu mill-aħħar kriżi finanzjarja, meta bosta banek ftit li xejn kellhom proviżjonamenti għat-telf mis-self biex jassorbu t-telf kaġun ta’ inadempjenza tal-mutwatarji. Tqajjem tħassib li l-applikazzjoni tal-approċċ tat-telf tal-kreditu mistenni (ECL - expected credit loss) fl-ambitu tal-IFRS 9 awtomatikament twassal għal żieda f’salt u sinifikanti fil-proviżjonamenti għat-telf tal-kreditu tal-banek, u li dan, min-naħa tiegħu, inaqqas il-kapaċità tagħhom li jsellfu lill-klijenti.
L-approċċ tal-ECL fl-ambitu tal-IFRS 9 jirrikjedi li jintużaw id-dehen u l-flessibbiltà. Kif indikat mill-IASB, il-banek (u kumpaniji oħra) mhumiex mistennija li japplikaw b’mod mekkaniku l-approċċi tal-ECL diġà eżistenti tagħhom biex jiddeterminaw l-ammont ta’ proviżjonamenti f’sitwazzjoni ta’ eċċezzjoni bħall-kriżi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tistenna mill-banek li jużaw għalkollox id-dehen u l-flessibbiltà fil-limiti tal-IFRS 9 biex jimmitigaw kull impatt mhux mixtieq tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-proviżjonamenti għall-ECL tal-banek mingħajr ma jikkompromettu l-fiduċja tal-investituri.
Valutazzjoni ta’ Żieda Sinifikanti fir-Riskju tal-Kreditu
Il-valutazzjoni tal-banek ta’ żieda sinifikanti fir-riskju tal-kreditu (SICR - significant increase in credit risk) għandha tkun ibbażata fuq it-tul ta’ ħajja li jkun għad fadal tal-assi finanzjarji kkonċernati. Żidiet puntwali għal għarrieda fil-probabilità ta’ inadempjenza (PD - probability of default) ikkaġunati mill-kriżi tal-COVID-19, li huma mistennija li jkunu temporanji, ma għandhomx iwasslu għal żieda sinifikanti fil-PD tul il-ħajja. Għaldaqstant, dawn ma għandhomx iwasslu għal żieda sinifikanti fir-riskju tal-kreditu meta mqabbel mal-PD mistennija fit-tnax il-xahar li ġejjin.
Meta jiġu biex jivvalutaw jekk tkunx seħħet SICR, il-banek għandhom jipponderaw kemm suppost ix-xenarji bbażati fuq perspettivi makroekonomiċi stabbli fuq terminu twil. L-IFRS 9 juża riferiment temporali (id-data tar-rapportar) biex jivvaluta jekk tkunx seħħet SICR. Minħabba n-natura unika tal-kriżi tal-COVID-19, huwa diffiċli għall-banek li jiksbu informazzjoni li tkun raġonevoli biżżejjed u tista’ tiġi ppruvata biex iħejju xenarji b’perspettiva fit-tul u affidabbli għall-iddeterminar tas-SICR. Minflok sempliċiment jestrapolaw l-inċertezza attwali matul is-snin li ġejjin, il-banek għandhom jipponderaw b’mod suffiċjenti x-xenarji bbażati fuq perspettivi makroekonomiċi stabbli fuq terminu twil, kif irrakkomandat mill-BĊE
. F’ittra lill-istituzzjonijiet sinifikanti, il-BĊE stabbilixxa kif dawn għandhom jużaw il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-BĊE għall-valutazzjoni tagħhom tal-SICR tal-IFRS 9 u l-proviżjonament għall-ECL.
L-użu tal-moratorji u l-iddeterminar tal-modifiki u l-SICR
Mhuwiex daqshekk probabbli li l-miżuri temporanji ta’ solliev marbuta mal-kriżi tal-COVID-19, bħall-moratorji privati jew statutorji, jikkostitwixxu “modifiki” sostanzjali skont l-IFRS 9. Il-banek għandhom jużaw il-ġudizzju kwantitattiv u kwalitattiv u jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-moratorji, biex jiddeterminaw jekk il-moratorji jwasslux għal “modifika” skont l-IFRS 9 jew jekk modifika hijiex “sostanzjali” u għaldaqstant twassal għall-irtirar tar-rikonoxximent tas-self. Il-Kummissjoni taqbel mad-dikjarazzjoni tal-ESMA li, jekk il-miżuri ta’ sostenn ikunu temporanji u relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, u jekk il-valur ekonomiku nett tas-self ma jintlaqatx b’mod sinifikanti, mhuwiex daqshekk probabbli li l-modifiki jkunu sostanzjali.
Is-self ma għandux jitqies awtomatikament li jkun ġarrab SICR sempliċiment għaliex ikun ġie soġġett għal moratorji privati jew statutorji. Il-moratorji jreġġgħu lura d-data li fuqha għandhom jiġu kkalkulati “l-jiem wara d-data tal-għeluq” tal-mutwatarji. Għaldaqstant il-moratorji għandhom fil-fatt impatt fuq il-preżunzjoni konfutabbli tat-30 jum biex tiġi stabbilita SICR, kif ukoll fuq id-90 jum wara d-data tal-għeluq biex tiġi stabbilita l-inadempjenza tal-mutwatarju. Madankollu, is-self li kien produttiv qabel il-kriżi tal-COVID-19 u li hu soġġett għal moratorju temporanju privat jew statutorju ma jirriżultax awtomatikament fi proviżjonamenti ogħla b’mod sinifikanti għat-telf tal-kreditu mistenni skont l-IFRS 9.
Id-dikjarazzjonijiet ippubblikati mill-EBA u mill-ESMA fil-25 ta’ Marzu ċċaraw li l-miżuri ta’ sostenn ma jwasslux awtomatikament għal SICR skont l-IFRS 9. Barra minn hekk, l-IASB, fis-27 ta’ Marzu ħareġ dokument dwar l-applikazzjoni tal-IFRS 9 fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19 li jikkonferma l-flessibbiltà fl-IFRS 9 u jirreferi espliċitament għad-dikjarazzjonijiet tal-BĊE, l-EBA u l-ESMA. Il-Kummissjoni taqbel mad-diversi dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet li, jekk il-miżuri ta’ sostenn ikunu temporanji u relatati mal-kriżi tal-COVID-19, mhuwiex daqshekk probabbli li l-modifiki jkunu sostanzjali.
L-użu tal-garanziji għas-self u l-proviżjonament għall-ECL skont l-IFRS 9
Il-garanziji għas-self la jżidu u lanqas inaqqsu r-riskju ta’ inadempjenza tal-mutwatarju, iżda jnaqqsu l-ammont ta’ telf ta’ kreditu jekk l-inadempjenza tal-mutwatarju effettivament isseħħ. F’każ li gvern jew entità oħra tipprovdi garanziji għas-self mill-banek lill-mutwatarji, il-banek jeħtiġilhom iqisu dawn il-garanziji għas-self meta jikkalkulaw l-ammont tat-telf tal-kreditu mistenni. B’konsegwenza ta’ dan, l-ammont tat-telf tal-kreditu mistenni se jkun aktar baxx billi parti mit-telf se tagħmel tajjeb għalih il-garanzija.
Il-banek għandhom jipprovdu divulgazzjonijiet bir-reqqa dwar l-iddeterminar tat-telf tal-kreditu mistenni skont l-IFRS 9, inkluża informazzjoni dwar ix-xenarji negattivi. Il-banek għandhom ukoll jiddivulgaw fin-noti, il-politiki kontabilistiċi speċifiċi adottati b’rabta mal-kriżi tal-COVID-19. Dawn id-divulgazzjonijiet jippermettu lill-parteċipanti fis-suq li jagħmlu valutazzjonijiet infurmati dwar l-esponiment tal-banek għar-riskju ta’ kreditu.
L-awdituri esterni huma mistennija jqisu d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-BCBS, l-EBA, l-ESMA, il-BĊE, l-IASB u dawk f’din il-Komunikazzjoni fil-ħidma tal-awditjar tagħhom. Dan ifisser li huma mistennija jikkunsidraw il-ġudizzju tal-banek u l-użu tagħhom tal-flessibbiltà inkorporata fl-IFRS 9 skont it-tali gwida meta jsawru l-opinjoni tal-awditjar tagħhom. Fid-dikjarazzjoni tas-CEAOB hemm inklużi l-impatti ulterjuri tal-kriżi tal-COVID-19 fuq l-awditjar statutorju tar-rapporti finanzjarji b’mod ġenerali.
Arranġament tranżitorju tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital
Il-banek huma mħeġġa jimplimentaw l-arranġamenti tranżitorji tal-IFRS 9 li se jnaqqsu l-impatt tal-proviżjonament għall-ECL skont l-IFRS 9 fuq il-kapital regolatorju tal-banek
. Ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR - Capital Requirements Regulation) jinkludi arranġament tranżitorju
li jħalli lill-banek iżidu mal-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni (CET1) tagħhom kull żieda eventwali fil-proviżjonament dovuta għall-kontabbiltà tat-telf tal-kreditu mistenni skont l-IFRS 9.. Sat-tieni trimestru tal-2018, 56 % biss tal-banek tal-UE fl-UE kienu użaw il-ftehimiet tranżitorji
. Fiż-żona tal-euro, kienu biss 34 bank taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE li użaw din l-opzjoni. Il-banek li għażlu li ma jużawx l-arranġamenti tranżitorji tal-IFRS 9 fl-2018 jistgħu jreġġgħu lura dik id-deċiżjoni dment li jkollhom approvazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti tagħhom.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw kif dovut iċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni ta’ bħalissa u għandhom jipproċessaw fil-pront l-applikazzjonijiet mill-banek biex jirrikorru għall-opzjoni li japplikaw l-arranġamenti tranżitorji tal-IFRS 9 previsti fis-CRR. Il-BCBS, biex jillimita l-volatilità possibbli tal-kapital regolatorju li jista’ jkun hemm jekk il-kriżi tal-COVID-19 twassal għal żieda sinifikanti fl-ECL, qabel li jsiru emendi għall-arranġamenti tranżitorji eżistenti. Dawn l-emendi jippermettu li l-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ ħames snin jitreġġa’ lura u l-ikkalibrar tal-arranġamenti jiġi aġġustat biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-proviżjonamenti mal-kapital tas-CET1. Illum il-Kummissjoni qed tadotta proposta leġiżlattiva biex timplimenta dawn l-emendi fid-dritt tal-Unjoni.
3.Il-flessibbiltà inkorporata fir-regoli prudenzjali dwar l-ikklassifikar tas-self improduttiv
Fir-regoli prudenzjali dwar l-ikklassifikar tas-self improduttiv (NPLs - non-performing loans) hemm lok għall-miżuri ta’ sostenn bħall-garanziji u l-moratorji privati jew statutorji. F’dan ir-rigward, l-EBA
u l-BĊE ħarġu dikjarazzjonijiet u gwida bl-għan li jipprovdu ċarezza dwar kif għandhom jiġu trattati b’mod konsistenti l-aspetti relatati (i) mal-klassifikazzjoni tas-self inadempjenti u (ii) mal-identifikazzjoni tal-iskoperturi soġġetti għal miżuri ta’ tolleranza.
L-użu tal-garanziji u d-definizzjoni ta’ inadempjenza
Ir-regoli prudenzjali ma jirrikjedux lil bank li awtomatikament jikkunsidra obbligant bħala inadempjenti meta jirrikorri għal garanzija. Filwaqt li s-CRR
jirrikjedi li jitqies jekk ikunx sar improbabbli li obbligant iħallas mingħajr rikors għal garanzija, ir-rikors minnu nnifsu għal garanzija ma jiskattax il-klassifikazzjoni ta’ inadempjenza
. Fl-istess waqt, garanzija ma tipprekludix li obbligant jiġi kklassifikat bħala inadempjenti. Irrispettivament mill-eżistenza ta’ garanzija, il-bank irid isawwar opinjoni dwar jekk l-obbligant huwiex f’pożizzjoni li jonora l-obbligi tiegħu.
F’dan l-istadju tal-kriżi tal-COVID-19, bosta mutwatarji qed jiffaċċjaw problemi temporanji meta jiġu biex jonoraw l-obbligi tagħhom. Il-banek, meta jivvalutaw il-kapaċitajiet tal-mutwatarju li jonora l-obbligi tiegħu, għandhom iqisu l-prospetti tal-mutwatarju fuq terminu twil, u joqogħdu attenti għal sitwazzjonijiet fejn il-problemi temporanji x’aktarx li jittrasformaw ruħhom f’diffikultajiet fuq terminu itwal u eventwalment iwasslu għall-insolvenza.
L-użu tal-moratorji fuq il-pagamenti u d-definizzjonijiet tat-tolleranza u l-inadempjenza
L-iskemi tal-moratorji pubbliċi u privati introdotti b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19 ma jwasslux awtomatikament għal riklassifikazzjoni ta’ skopertura bħala “soġġetta għal tolleranza”, “produttiva” jew “improduttiva u soġġetta għal tolleranza”. Fl-ambitu tad-definizzjoni ta’ tolleranza, il-banek tipikament joffru miżuri speċifiċi (pereż. biex jissospendu temporanjament il-pagamenti tal-kapital u/jew tal-imgħax ta’ self) biex jgħinu lill-mutwatarji individwali li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji temporanji jew x’aktarx li jgħaddu minnhom fir-rigward tal-obbligi tagħhom ta’ ripagament. Jekk miżura ta’ tolleranza twassal għal obbligu finanzjarju mnaqqas (l-hekk imsejjaħ “ristrutturazzjoni oneruża”), dan jindika li huwa improbabbli li l-mutwatarju jonora l-obbligu tiegħu. Madankollu, l-iskemi tal-moratorji pubbliċi u privati introdotti b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19 huma ta’ natura prevalentement preventiva u ġenerali. Għandhom l-għan li jindirizzaw ir-riskji sistemiċi u jtaffu r-riskji potenzjali li jista’ jkun hemm fl-ekonomija usa’ tal-UE fil-ġejjieni. Mhumiex speċifiċi għall-mutwatarju, billi t-tul tad-dewmien fil-pagamenti huwa prestabbilit għal kull mutwatarju irrispettivament miċ-ċirkostanzi finanzjarji speċifiċi tal-mutwatarju
. Għal dawn ir-raġunijiet, jistgħu jitqiesu li ma jaffettwawx il-klassifikazzjoni tas-self ikkonċernat. Il-moratorji pubbliċi u privati għandhom jiġu trattati bl-istess mod simili sa fejn ikollhom l-istess skop u karatteristiċi simili.
Il-linji gwida tal-EBA tat-2 ta’ April 2020
jispeċifikaw taħt liema kundizzjonijiet il-moratorji pubbliċi jew privati fuq il-pagamenti ma jiskattawx il-klassifikazzjoni bħala tolleranza. Meta r-ripagament ta’ obbligu jiġi sospiż minħabba moratorju, l-għadd tal-“jiem wara d-data tal-għeluq”
jiġi sospiż u kull dewmien jingħadd abbażi tal-iskeda mmodifikata tal-pagamenti
. Filwaqt li l-banek xorta waħda huma obbligati li jivvalutaw, każ b’każ, l-improbabilità li l-obbligant iħallas, din il-valutazzjoni tirreferi għall-iskeda mmodifikata tal-pagamenti, u fejn ma jkun hemm l-ebda tħassib f’dak ir-rigward, l-iskopertura tista’ żżomm l-istatus ta’ “produttiva”.
Madankollu, il-linji gwida tal-EBA dwar il-moratorji fuq il-pagamenti jiċċaraw li l-banek għandhom jibqgħu japplikaw il-politiki tagħhom tas-soltu b’mod ibbażat fuq ir-riskju biex jivvalutaw l-improbabilità li wieħed iħallas. Il-banek huma mistennija japplikaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jivvalutaw ir-riskju kreditizju tal-obbliganti li jibbenefikaw minn moratorju fuq il-pagamenti. Anki meta l-moratorji fuq il-pagamenti ma jkunux ikklassifikati bħala miżuri ta’ tolleranza, il-banek iridu jivvalutaw bir-reqqa l-kwalità tal-kreditu tal-iskoperturi tagħhom li jibbenefikaw minn dawn il-miżuri u jidentifikaw kull sitwazzjoni ta’ improbabilità li l-obbligant jonora l-pagament tiegħu għall-fini tad-definizzjoni ta’ inadempjenza
. Dan ifisser li l-banek għandhom joqogħdu attenti partikolarment għall-valutazzjoni ta’ dawk l-obbliganti bl-akbar probabilità li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-pagament, u jagħtuha prijorità.
4.Ir-rwol u r-responsabbiltà tas-settur bankarju
Biex ikunu effettivi, il-miżuri ta’ sostenn u solliev ekonomiku adottati mill-awtoritajiet pubbliċi jirrikjedu kanali ta’ trażmissjoni effettivi u l-kollaborazzjoni sħiħa tas-settur bankarju. Għaldaqstant, il-banek jeħtieġ li jaħdmu bejniethom u flimkien mal-awtoritajiet pubbliċi biex jiżguraw li jkun hemm biżżejjed likwidità biex jiġi ggarantit is-self fl-Unjoni kollha. Il-miżuri ta’ sostenn mill-awtoritajiet pubbliċi ddirezzjonaw likwidità addizzjonali fis-settur u żblukkaw il-bafers tal-likwidità tal-banek individwali biex jirrinfurzaw il-kapaċità tal-banek li jservu lis-Suq Uniku. Il-banek huma responsabbli li jżommu l-fluss tal-likwidità u għandhom ikomplu jaqdu d-dover kollettiv tagħhom li jippreservaw is-self interbankarju. Għaldaqstant huwa kruċjali li l-banek jibqgħu jsellfu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji u fl-Unjoni kollha.
Il-banek għandhom iħaffu l-pass tal-bidla għad-diġitali tal-attivitajiet tagħhom u jibqgħu b’seba’ għajnejn fuq il-frodi. Fil-kuntest tat-tbegħid soċjali impost mill-awtoritajiet pubbliċi, is-servizzi bankarji diġitali se jipprevalu aktar minn qatt qabel bħala mod biex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizzi bankarji.
Id-diversi miżuri superviżorji li jneħħu temporanjament ċerti rekwiżiti operazzjonali, ta’ kapital, u ta’ likwidità tal-banek joħolqu kundizzjonijiet aħjar sabiex is-settur bankarju jikkontribwixxi għall-isforz kollettiv u jiżguraw, permezz tar-rwol soċjali u ekonomiku essenzjali tiegħu, li l-miżuri ta’ sostenn pubbliku jiġu trażmessi. Il-miżuri ta’ sostenn huma ta’ natura preventiva u għandhom l-għan li jindirizzaw l-impatt immedjat tal-kriżi tal-COVID-19 u d-diffikultajiet f’dik li hija previżjoni tar-ritmu probabbli tal-irkupru. Il-banek, minkejja li rikapitalizzati b’mod sostanzjali u attrezzati ħafna aħjar biex iġarrbu xenarji avversi milli kif kienu matul il-kriżi finanzjarja tal-2008/9, xorta waħda jridu jħejju ruħhom għal perspettiva ekonomika li tmur għall-agħar li inevitabbilment iżżid ir-riskji li jiffaċċjaw u l-ispejjeż relatati. Il-banek iridu jaġixxu b’mod prudenti biex jiżguraw li jippreservaw jew jirrinfurzaw il-bażi kapitali tagħhom u impliċitament il-kapaċità tagħhom li jibqgħu jsellfu.
Fis-sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ bħalissa, in-nuqqas ta’ ħlas tad-dividendi jirrappreżenta aġġustament prudenti tal-politiki tal-banek fir-rigward tal-ħlas tad-dividendi. Is-superviżuri talbu lill-banek biex iżommu lura milli jħallsu d-dividendi u milli jwettqu riakkwist tal-ishma matul il-kriżi tal-COVID-19. L-għadd dejjem jikber ta’ banek li ddeċidew li jissospendu l-ħlasijiet tad-dividendi huwa ta’ min ifaħħru u l-banek kollha fl-Unjoni huma mħeġġa li jżommu lura milli jħallsu d-dividendi u milli jwettqu riakkwist tal-ishma bl-għan li jirrimuneraw lill-azzjonisti matul il-perjodu tal-kriżi tal-COVID-19. Is-settur bankarju b’hekk ikun qed jibgħat messaġġ qawwi li jinsab impenjat b’mod kollettiv li jagħti sehmu biex tiġi indirizzata l-emerġenza.
Fiċ-ċirkostanzi attwali, il-banek huma wkoll mistiedna jadottaw approċċ konservattiv fil-konfront tal-ħlas ta’ rimunerazzjoni varjabbli. L-EBA u l-President tal-Bord Superviżorju tal-BĊE ħeġġew lill-banek jeżerċitaw moderazzjoni fir-rigward tal-bonusijiet, u għadd ta’ superviżuri nazzjonali diġà ħadu xi azzjonijiet f’dan ir-rigward. Fil-kuntest attwali, huwa ta’ importanza assoluta li r-riżorsi kollha disponibbli għall-banek, inklużi dawk allokati għall-bonusijiet ikunu, kemm jista’ jkun possibbli, immobilizzati biex jirrinfurzaw ir-robustezza tal-banek, il-kapaċità ta’ self tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar iwieżnu lill-klijenti tagħhom. Għall-banek, l-immoderar tal-ammonti ta’ bonusijiet imħallsa lill-maniġment superjuri u lill-persuni li jaqilgħu pagi għoljin f’dawn iż-żminijiet problematiċi huwa wkoll mod kif jesprimu solidarjetà ma’ dawk milquta mit-tifqigħa tal-COVID-19.
5.Monitoraġġ u segwitu
L-UE wriet l-abbiltà tagħha li twieġeb għall-kriżi f’qasir żmien. L-EBA, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti adottaw miżuri ta’ solliev biex jiżblukkaw ir-riżorsi operazzjonali tal-banek u pprovdew gwida lill-banek biex jużaw il-flessibbiltà sħiħa tal-qafas regolatorju.
Il-Kummissjoni tilqa’ dawn il-miżuri u tħeġġeġ lill-banek jużaw din il-flessibbiltà. Dawn il-miżuri ttieħdu bl-objettiv ċar li jitwieżnu l-banek sabiex dawn ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-kriżi tal-COVID-19. Il-Kummissjoni, flimkien mal-BĊE, l-EBA u l-awtoritajiet nazzjonali, se jwettqu monitoraġġ ta’ kif il-banek se jużaw il-flessibbiltà u l-kapital żblukkat, u se jivvalutaw sa liema punt il-miżuri ta’ solliev jikkontribwixxu għall-forniment tal-kreditu bankarju. Dan se jinkludi l-monitoraġġ tal-volumi ta’ self kif ukoll tal-istandards tas-self, bħall-kriterji tas-sottoskrizzjoni tal-banek, biex jiġi vvalutat jekk il-kriżi attwali għandhiex impatt ta’ ssikkar fuq il-forniment tal-kreditu.
Fl-istess waqt, il-Kummissjoni se tibqa’ tikkontribwixxi għal rispons ikkoordinat b’mod internazzjonali fil-livell tal-G20, tal-G7 u tal-FSB, inkluż mal-korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards, bħall-BCBS, l-FSB u l-IASB. Bis-saħħa tal-azzjoni regolatorja globali wara l-kriżi finanzjarja tal-2008/2009, is-sistema bankarja globali llum għandha livelli ogħla b’mod sinifikanti ta’ kapital u ta’ likwidità meta mqabbla mal-bidu ta’ dik il-kriżi. Għaldaqstant, il-banek jinsabu f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex jassorbu x-xokk tal-kriżi tas-saħħa globali u jiżguraw finanzjament kontinwu tal-ekonomija. Billi l-pandemija hija waħda globali, u billi l-operazzjonijiet bankarji ta’ sikwit jestendu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, ir-rispons regolatorju għal darb’oħra jrid ikun ikkoordinat fil-livell globali. F’dan ir-rigward, il-G20 ippubblika, fil-laqgħa Ministerjali tiegħu tal-15 ta’ April, Pjan ta’ Azzjoni li jipprovdi rispons wiesa’ għall-kriżi tal-COVID-19 u l-konsegwenzi ekonomiċi tiegħu, inklużi azzjonijiet fl-isfera tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja. Il-ħidma tal-Kummissjoni fil-livell globali tinkludi (i) il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-miżuri li qed jittieħdu mill-UE, (ii) il-kontribut għar-reazzjoni politika globali u (iii) l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni fl-UE tal-miżuri maqbula fil-livell globali. Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet mill-BCBS tas-27 ta’ Marzu u tat-3 April, rispettivament, biex l-implimentazzjoni tal-elementi finali tar-riforma ta’ Basel III tiddewwem b’sena, u biex l-arranġamenti tranżitorji għat-trattament tal-kapital regolatorju tal-kontabbiltà tal-ECL jiġu estiżi. Il-Kummissjoni, barra minn hekk, tilqa’ b’sodisfazzjon l-avviż tal-FSB tat-2 ta’ April biex jipprijoritizza mill-ġdid il-programm ta’ ħidma tiegħu sabiex il-valur tal-ħidma tiegħu jkun kemm jista’ jkun immassimizzat għar-rispons għall-COVID-19. Il-Kummissjoni tippjana li tipposponi l-adozzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha dwar l-elementi finali tal-qafas ta’ Basel III, iżda li xorta waħda tadottaha fil-ħin biex l-istandards pendenti ta’ Basel III jiġu implimentati b’mod effettiv fl-UE sa Jannar 2023. Il-Kummissjoni se tqis l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-banek fil-valutazzjoni tal-impatt li se jakkumpanja dik il-proposta.
L-azzjonijiet regolatorji u superviżorji wrew li teżisti flessibbiltà wiesgħa biex tingħata promozzjoni sabiex is-self lill-klijenti milquta mill-kriżi tal-COVID-19 jitkompla fil-limiti tal-qafas regolatorju tal-Unjoni. F’din is-sitwazzjoni aħjar li ma jsirux bidliet wiesgħa għaliex minflok dawn jaf iżidu l-piż operattiv tal-banek billi l-banek ikollhom jaġġustaw skont il-każ. Barra minn hekk, bidliet għal għarrieda fl-oqfsa tal-kontabbiltà u prudenzjali tal-UE f’nofs kriżi jistgħu jnaqqru mill-fiduċja tal-pubbliku fil-banek tal-UE.
Fl-istess waqt, huma meħtieġa bidliet immirati għal ċerti aspetti tal-qafas prudenzjali biex il-banek ikunu jistgħu jaqdu r-rwol kritiku tagħhom biex iwieżnu lin-nies u lill-ekonomija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tadotta, flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni Interpretattiva, proposta leġiżlattiva biex timplimenta l-emendi għall-arranġamenti tranżitorji eżistenti għall-kontabbiltà tal-ECL u d-differiment tar-rekwiżit il-ġdid tal-bafer għall-proporzjon ta’ lieva finanzjarja fuq proposta tal-BCBS kif ukoll xi bidliet limitati għal elementi speċifiċi tas-CRR biex tiġi mmassimizzata l-kapaċità tal-banek li jassorbu t-telf relatat mat-tifqigħa tal-COVID-19 u biex ikomplu jsellfu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi, filwaqt li jiżguraw ir-reżiljenza kontinwa tagħhom.
Il-miżuri biex jiġu megħjuna l-konsumaturi jaf ikollhom bżonn jiġu rinfurzati, għaliex it-tnaqqis fl-introjtu nett tal-unitajiet domestiċi marbuta mat-telf tal-impjiegi jew tnaqqis fl-attività ekonomika x’aktarx li se jżid il-pożizzjonijiet ta’ dejn eċċessiv fl-UE. Dawn il-kwistjonijiet se jitqiesu fir-rieżami tad-Direttiva dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi (2008/48/KE) u d-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (2014/17/UE), previst fl-2021.
Aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni se tidħol f’kuntatt ulterjuri mas-settur finanzjarju Ewropew fir-rigward tar-rwol tiegħu fil-ġlieda kontra l-coronavirus u l-impatti soċjoekonomiċi tiegħu, u s-sostenn ta’ rkupru ekonomiku sostenibbli. Ir-rispons irid ikun wieħed Ewropew, li jevita l-frammentazzjoni nazzjonali u l-azzjoni mhux ikkoordinata.
Għal dan l-iskop, il-Kummissjoni se tniedi djalogu mas-settur finanzjarju Ewropew u ma’ partijiet ikkonċernati oħra (negozji u rappreżentanti tal-konsumatur) biex tiskopri ideat dwar kif is-settur għandu jieħu sehem fl-isforzi ta’ sostenn liċ-ċittadini u lin-negozji waqt il-perjodu ta’ kriżi u matul l-irkupru ta’ wara, abbażi tal-aqwa prassi, u aktar ’il quddiem, tiffaċilita rkupru ekonomiku sostenibbli bbażat fuq il-bidla għad-diġitali u t-tranżizzjoni ekoloġika fil-kuntest tal-istrateġija rinnovata li jmiss dwar il-finanzi sostenibbli tal-UE. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni Ewropea se taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fis-settur finanzjarju biex tkun ta’ sostenn għar-rwol u għall-involviment tagħhom biex isostnu lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi Ewropej.