Brussell, 18.1.2018

COM(2018) 21 final

2018/0006(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar

{SWD(2018) 9 final}
{SWD(2018) 11 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) hija taxxa fuq il-konsum imġarrba mill-konsumatur aħħari, iżda li tinġabar min-negozji li jipprovdu l-merkanzija jew is-servizzi. Id-Direttiva tal-VAT 1 tistabbilixxi serje ta’ obbligi amministrattivi li jiżguraw li s-sistema taħdem sew (eż. ir-reġistrazzjoni, il-fatturazzjoni, il-kontabbiltà u r-rappurtar tal-VAT). Il-piż tal-konformità li ġej mill-ħtieġa li jiġu osservati dawn l-obbligi jissarraf fi spejjeż għan-negozji msejħa “spejjeż ta’ konformità”. L-obbligi tal-VAT huma partikolarment onerużi għan-negozji ż-żgħar peress li għandhom riżorsi aktar limitati min-negozji l-kbar. Dan iwassal biex in-negozji ż-żgħar 2 (minn hawn ’il quddiem imsejħa “SMEs”) iġarrbu spejjeż ta’ konformità tal-VAT li jkunu proporzjonalment ogħla minn dawk ta’ negozji akbar.

Għalhekk id-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi diversi dispożizzjonijiet imfassla biex itaffu l-piż fuq l-SMEs li għandhom x’jaqsmu mal-VAT. Dawn id-dispożizzjonijiet jinsabu prinċipalment fit-Titolu XII tal-Kapitolu 1 tad-Direttiva, “Skema speċjali għall-impriżi żgħar” (minn hawn ’il quddiem imsejħa “skema tal-SMEs”). Dawn jippermettu lill-Istati Membri biex (i) jistipulaw proċeduri simplifikati għall-intaxxar u l-ġbir tal-VAT; u (ii) biex l-SMEs b’fatturat annwali ta’ inqas minn ċertu limitu jiġu eżentati mill-intaxxar u mit-tnaqqis tal-VAT (minn hawn ’il quddiem imsejħa “eżenzjoni tal-SMEs”). Fid-Direttiva tal-VAT hemm ukoll obbligi simplifikati tal-VAT iżda li jinsabu barra mill-iskema tal-SMEs. Dawn il-miżuri huma fakultattivi, jiġifieri l-Istati Membri jistgħu japplikawhom u n-negozji jistgħu jużawhom.

Din l-inizjattiva hija parti mill-pakkett ta’ riforma mħabbar fil-pjan ta’ azzjoni tal-VAT 3 . Dan il-pjan issaħħaħ bil-pjan ta’ segwitu 4 , kif spjegat aktar fit-taqsima dwar il-konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-VAT u fl-ittra ta' intenzjoni tal-President Juncker li takkumpanja d-Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 5 . Madankollu, ir-rieżami suppost ilu li sar għal tliet raġunijiet ewlenin.

L-ewwel nett, minkejja l-fatt li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-SMEs mill-VAT - għażla li tintuża ħafna - l-SMEs xorta għadhom qed ibatu minn spejjeż ta’ konformità tal-VAT sproporzjonati minħabba l-mod kif inhi mfassla l-eżenzjoni tal-SMEs. B’mod partikolari, l-SMEs involuti fil-kummerċ transfruntier ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni tal-SMEs fi Stati Membri oħra għajr dak li huma stabbiliti fih. Barra minn hekk, l-ispejjeż għoljin ta’ konformità tal-VAT ġejjin ukoll mir-regoli kumplessi u differenti dwar l-obbligi tal-VAT fl-UE, li l-SMEs jista’ jkollhom josservaw waqt il-kummerċ transfruntier.

It-tieni nett, is-sistema attwali għandha effetti ta’ tfixkil fuq il-kompetizzjoni kemm fis-suq domestiku kif ukoll f’dak tal-UE. L-eżenzjoni tal-SMEs fi Stat Membru wieħed, li hija disponibbli biss għan-negozji li huma stabbiliti fih, għandha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni kompetittiva ta’ dawk stabbiliti fi Stati Membri oħra li jipprovdu lill-istess suq. Din il-kwistjoni mistennija tmur għall-agħar bil-bidla lejn it-tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni skont is-sistema definittiva tal-VAT proposta; il-biċċa l-kbira tal-SMEs hemm mnejn ikollhom jimponu ħlas tal-VAT fuq il-klijenti tagħhom jekk din tkun differenti minn dik tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti. Il-prinċipju tat-tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni jiddikjara li l-VAT trid tiġi ddikkjarata u kkalkulata fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-klijent (l-Istat Membru ta’ “destinazzjoni”) aktar milli fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-SME (l-Istat Membru ta’ “oriġini”). Dan ifisser li (i) l-SMEs mhux se jkollhom kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-kummerċ fl-UE; u (ii) li l-SMEs la huma mħeġġa jwettqu operazzjonijiet transfruntiera u lanqas li jużaw bl-aħjar mod l-opportunitajiet ippreżentati mis-suq uniku minħabba l-obbligi relatati mal-VAT fi Stati Membri oħra.

Fil-livell domestiku, id-distorsjonijiet jinħolqu peress li l-obbligi simplifikati tal-VAT huma fi prinċipju marbuta mal-użu tal-eżenzjoni tal-SMEs u li l-SMEs barra mill-eżenzjoni (peress li jkunu qabżu l-limitu tal-fatturat jew ikunu għażlu l-arranġamenti normali tal-VAT) ma jistgħux jibbenefikaw minnhom. Dan jista’ jwassal għal “effett ta’ limitu”, fejn l-SMEs imajnaw it-tkabbir tagħhom biex jevitaw li jaqbżu l-livell limitu tal-eżenzjoni tal-SMEs.

It-tielet, bir-rieżami tingħata l-opportunità li titħeġġeġ il-konformità volontarja u għalhekk tgħin biex jitnaqqas it-telf mid-dħul minħabba n-nuqqas ta’ konformità u l-frodi tal-VAT. Filwaqt li l-SMEs diġà jsibuha diffiċli biex jikkonformaw mal-obbligi tal-VAT domestika, il-konformità mal-obbligi tal-VAT fi Stati Membri oħra għal dawk involuti fil-kummerċ transfruntier hija ostaklu ferm aktar serju minħabba n-nuqqas ta’ allinjament fl-UE kollha. Is-sistema ta’ pagament u ta’ reġistrazzjoni simplifikata MOSS (Punt Uniku ta’ Servizz Żgħir) indirizzat dawn il-problemi f’termini tas-servizzi elettroniċi pprovduti lill-konsumaturi aħħarin (min-Negozju għall-Konsumatur - B2C). Għalkemm il-proposta tal-kummerċ elettroniku tespandi l-MOSS għall-provvisti kollha tal-B2C, xorta għad hemm il-bżonn ta’ aktar titjib.

Hemm żewġ raġunijiet oħra li jseħju għal azzjoni.

L-ewwel raġuni hi li l-iskema tal-SMEs hija diġà obsoleta, peress li taħdem fuq il-bażi ta’ devjazzjonijiet. Fid-dispożizzjonijiet tagħha, id-Direttiva tal-VAT stess tagħti l-possibbiltà li tiddevja mil-limitu tal-eżenzjoni bażiku tal-SMEs ta’ EUR 5 000 billi tistabbilixxi b’mod ċar limiti għal 19-il Stat Membru. Madankollu, bħalissa 10 Stati Membri jiddependu fuq derogi mil-limitu applikabbli u ġew ukoll ippreżentati diversi talbiet ġodda għal deroga.

It-tieni raġuni hi li l-iskema tal-SMEs, li tipprevedi miżuri li jridu jiġu applikati fl-Istat Membru fejn l-impriżi ż-żgħar huma stabbiliti, qed issir insostenibbli peress li s-sistema tal-VAT tersaq iktar lejn tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni.

B’riżultat ta’ dan, ir-rieżami għandu l-għan li joħloq skema tal-SMEs simplifikata u moderna. B’mod partikolari, din għandha l-għan li (i) tnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità tal-VAT għall-SMEs kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak tal-UE; (ii) tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell domestiku kif ukoll f’dak tal-UE; (iii) tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-limitu; u (iv) tiffaċilita l-konformità mill-SMEs u timmonitorja l-amministrazzjonijiet tat-taxxa.

Dan huwa konformi mal-għanijiet ta’ din il-proposta li l-għan tagħha hu li:

·tgħin biex jinħoloq ambjent li jwassal għat-tkabbir tal-SMEs;

·tgħin biex tinħoloq sistema tal-VAT robusta u effiċjenti bl-għan li tinħoloq żona unika tal-VAT fl-UE; u

·tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel ta’ suq uniku aktar profond u ġust.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-rieżami huwa parti mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT li jistabbilixxi modi kif tiġi modernizzata s-sistema tal-VAT biex tkun aktar sempliċi, aktar reżistenti għall-frodi u aktar favorevoli għan-negozji. B’mod partikolari din il-proposta tikkumplementa żewġ inizjattivi leġiżlattivi oħra li jirriżultaw mill-pjan ta’ azzjoni tal-VAT dwar il-bidla lejn tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni: (i) il-proposta tal-kummerċ elettroniku, li ġiet adottata f’Diċembru 2016 6 ; u (ii) il-proposta għal sistema definittiva tal-VAT li ġiet adottata f’Ottubru 2017 7 . Hija wkoll konsistenti mar-regoli tal-VAT dwar il-post tal-provvista għas-servizzi pprovduti ta’ telekomunikazzjonijiet, servizzi ta’ xandir u servizzi elettroniċi 8 li daħlet fis-seħħ fl-2015.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE

Il-proposta hija konsistenti mal-istrateġija għal suq uniku tal-2015 9 fejn il-Kummissjoni fittxet li tgħin lill-SMEs lin-negozji l-ġodda biex jikbru u jindirizzaw id-diffikultajiet ewlenin li jaffaċċjaw l-SMEs fil-fażijiet kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, li jżommuhom lura milli jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. Hija wkoll konformi mal-politiki tal-UE dwar l-SMEs, kif inhu stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar in-Negozji l-ġodda tal-2016 10 u l-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” deskritt fil-Komunikazzjoni “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” tal-2008 11 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva li tirriżulta minn din il-proposta temenda d-Direttiva tal-VAT abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Kunsill, li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, li jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea 12 . Il-problemi ewlenin li ġew identifikati (l-ispejjeż ta’ konformità għoljin, l-effetti ta’ tfixkil, eċċ.) jiskattaw bir-regoli tad-Direttiva tal-VAT eżistenti. Biex dawn jiġu ssimplifikati ħalli jonqos il-piż ta’ konformità tal-SMEs il-Kummissjoni trid tippreżenta proposta biex temenda d-Direttiva tal-VAT. L-Istati Membri għandhom ftit li xejn lok għal manuvra fir-rigward tad-Direttiva. B’hekk, huwa ċar li din il-proposta se toffri valur ħafna ogħla minn dak li jista’ jinkiseb fil-livell tal-Istat Membru.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati, b’mod partikolari l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. Skont it-test tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw il-problemi li jaffaċċjaw l-SMEs li jiskattaw bir-regoli tal-VAT eżistenti mingħajr proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT. It-titjib propost huwa limitat għal għadd żgħir ta’ dispożizzjonijiet tal-VAT li jinsabu fil-qalba tal-problemi identifikati. It-Taqsima 7.4 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta fiha aktar dettalji dwar dan.

Għażla tal-istrument

Qed tiġi proposta Direttiva biex temenda d-Direttiva tal-VAT.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Waqt li kienet qed titħejja l-proposta, ġew evalwati r-regoli dwar l-SMEs attwalment previsti fid-Direttiva tal-VAT. L-evalwazzjoni, li tinsab fl-Anness 8 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta, hija bbażata b’mod partikolari fuq evalwazzjoni retrospettiva ta’ elementi tas-sistema tal-VAT tal-UE 13 mwettqa minn konsulent estern fl-2011 u studju dwar l-iskema għall-SMEs mwettqa minn konsulent estern ieħor fl-2017.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-istrateġija ta’ konsultazzjoni kellha l-għan li tiġbor feedback minn partijiet ikkonċernati dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet attwali tal-VAT għall-SMEs u li tiġbor il-fehmiet tagħhom fuq it-tibdil possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

L-istrateġija kienet tikkonsisti minn (i) konsultazzjoni mmirata għal 2 000 impriża żgħira, li twettqet bħala parti mill-istudju tal-2017; (ii) konsultazzjoni tal-bord tal-SMEs li twettqet min-Netwerk Enterprise Europe 14 , fejn waslu 1 704 kontribuzzjonijiet; (iii) konsultazzjoni pubblika fuq l-internet li saret matul 12-il ġimgħa mill-20 ta’ Diċembru 2016 sal-20 ta’ Marzu 2017, fejn waslu 113-il kontribuzzjoni 15 ; (iv) workshop organizzat taħt l-awspiċi tal-Programm Fiscalis 2020 u organizzat fil-forma ta’ laqgħa konġunta tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT (GFV) u l-Grupp ta’ Esperti tal-VAT (VEG) biex ir-rappreżentanti tan-negozju mill-VEG ikunu jistgħu jipparteċipaw; u (v) kontribuzzjonijiet li waslu permezz tal-pjattaforma REFIT 16 . Tqiesu wkoll il-kontribuzzjonijiet spontanji.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Ir-rieżami li fuqu hija bbażata din il-proposta jistrieħ prinċipalment fuq l-analiżi mwettqa bħala parti minn studju tal-2017 dwar l-iskema għall-SMEs. Dan l-istudju vvaluta kif ir-regoli attwali tal-VAT għall-SMEs fid-Direttiva tal-VAT jaħdmu fil-livell domestiku u f’dak tal-UE. Dan żviluppa wkoll għażliet għar-rieżami tar-regoli attwali u analizza l-impatt ta’ dawn l-għażliet.

Barra minn hekk, f’dan ir-rieżami ġew inklużi wkoll żewġ studji oħrajn: l-istudju tal-2016 dwar l-immodernizzar tal-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier u l-istudju tal-2011 li jinvolvi evalwazzjoni retrospettiva ta’ elementi tas-sistema tal-VAT tal-UE.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fit-13 ta’ Settembru 2017. Il-Bord ħareġ opinjoni pożittiva dwar il-proposta b’xi rakkomandazzjonijiet li ġew ikkunsidrati. L-opinjoni tal-Bord, ir-rakkomandazzjonijiet u l-ispjegazzjoni ta’ kif tqiesu, huma inklużi fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja din il-proposta.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva hija parti mill-programm REFIT. Skont il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 17 , li ddeskriva l-inizjattivi l-ġodda li għandhom jiġu adottati skont dan il-programm fl-2017, ir-rieżami tal-SMEs ġie inkluż fil-prijorità tal-Kummissjoni 18  “Suq Intern Aktar Profond u Aktar Ġust b’Bażi Industrijali Msaħħa”.

Il-proposta twettaq l-objettivi relatati mar-REFIT biex (i) jitnaqqas il-piż tal-VAT fuq l-SMEs u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa; u (ii) biex jitnaqqsu d-distorsjonijiet fil-livell tal-UE b’tali mod li l-SMEs ikunu jistgħu jisfruttaw għalkollox is-suq uniku. B’mod partikolari, skont din l-inizjattuva l-ispejjeż ta’ konformità għall-SMEs huma mistennija li jitnaqqsu bi 18 % meta mqabbla max-xenarju bażi deskritt fil-valutazzjoni tal-impatt (EUR 56,1 biljun fis-sena, meta mqabbel mal-ammont attwali ta’ EUR 68 biljun fis-sena). L-attivitajiet kummerċjali transfruntiera tal-SMEs fl-UE mistennija wkoll li jiżdiedu bi 13,5 %. Dan għandu jkollu wkoll impatt pożittiv kemm fuq il-konformità volontarja kif ukoll fuq il-kompetittività tan-negozji. Għal aktar informazzjoni, ara t-Taqsimiet 6 u 7 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhu se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-implimentazzjoni tal-proposta se tiġi mmonitorjata bħala parti mir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE tiġi applikata b’mod korrett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jimmonitorjaw u jevalwaw jekk din l-inizjattiva hix qed taħdem tajjeb u sa fejn intlaħqu l-għanijiet tagħha bbażati fuq l-indikaturi stabbiliti fit-Taqsima 8 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta.

Ħarsa ġenerali tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-proposta

Id-dispożizzjonijiet ewlenin tal-proposta huma kif ġej:

(1)il-ftuħ ta’ eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar għan-negozji kollha eliġibbli tal-UE, kemm jekk stabbiliti jew le fl-Istat Membru fejn se tapplika l-VAT u tkun disponibbli l-eżenzjoni;

(2)l-istabbiliment ta’ valur aġġornat għal-livell massimu ta’ limiti ta’ eżenzjoni nazzjonali;

(3)l-introduzzjoni ta’ perjodu tranżitorju li matulu l-impriżi ż-żgħar li jaqbżu temporanjament il-limitu tal-eżenzjoni se jkunu jistgħu jkomplu jużaw l-eżenzjoni;

(4)l-introduzzjoni ta’ obbligi tal-VAT simplifikati kemm għall-impriżi ż-żgħar eżentati kif ukoll għal dawk li mhumiex.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-punti 1 sa 7, 13, 17, 19 u 20 tal-Artikolu 1 jipproponu għadd ta’ emendi li għandhom x’jaqsmu ma’ aġġornamenti, aġġustamenti tekniċi u referenzi għall-eżenzjoni għall-SMEs f’dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva tal-VAT.

Il-punt 8 tal-Artikolu 1 jintroduċi Artikolu 280a ġdid li jipprovdi definizzjonijiet ta’ diversi kunċetti meħtieġa għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-iskema speċjali prevista fit-Titolu XII tal-Kapitolu 1 tad-Direttiva tal-VAT.

Id-definizzjoni ta’ “impriżi żgħar” tgħin biex jiġu ċċarati dawk id-dispożizzjonijiet u żżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-kontribwenti. Din tkopri l-impriżi kollha li l-fatturat annwali tagħhom fl-Unjoni fis-suq uniku ma jkunx aktar minn EUR 2 000 000. B’referenza għat-trattament tal-VAT tagħhom, l-introduzzjoni ta’ din id-definizzjoni tippermetti miżuri ta’ simplifikazzjoni mmirati lejn l-impriżi li, f’termini ekonomiċi, huma żgħar minkejja li l-fatturat tagħhom jaqbeż il-limitu tal-eżenzjoni. Għalhekk, il-kategorija usa’ ta’ impriżi żgħar tinkludi l-impriżi eżentati mill-VAT kif ukoll l-impriżi eliġibbli għal eżenzjoni iżda li għażlu li japplikaw ir-regoli normali jew li l-fatturat tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ eżenzjoni u li għaldaqstant huma ntaxxati abbażi tar-regoli normali.

Hemm ukoll żewġ definizzjonijiet ta’ fatturat li ġew introdotti sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-limiti ta’ eżenzjoni nazzjonali (“fatturat annwali fi Stat Membru”) u l-kundizzjoni ta’ eliġibbiltà applikabbli għal impriżi żgħar mhux stabbiliti (“fatturat annwali fl-Unjoni”).

Il-punti 9, 10 u 16 tal-Artikolu 1 jipprevedu bidliet li jirriżultaw mill-eliminazzjoni tal-ħelsien gradwat mit-taxxa, li ħareġ fid-dieher li huwa sors ta’ kumplessità u li ftit li xejn jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar. Għalhekk din il-miżura għandha titneħħa.

Il-punt 11 tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 283(1) rigward l-esklużjoni mill-eżenzjoni tal-impriżi mhux stabbiliti. Din l-emenda hija meħtieġa biex tinfetaħ l-eżenzjoni għan-negozji tal-UE mhux stabbiliti fl-Istat Membru fejn iwettqu provvisti soġġetti għall-VAT.

Il-punt 12 tal-Artikolu 1 jemenda l-Artikolu 284 li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni l-ġdid tal-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar, li se tibqa’ fakultattiva għall-Istati Membri. L-Istati Membri li jiddeċiedu li jimplimentaw l-eżenzjoni għall-SMEs se jkollhom il-possibbiltà li jistabbilixxu l-limitu tagħhom fil-livell li jirrifletti l-aħjar il-kuntest ekonomiku u ġuridiku partikolari tagħhom. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni jkun limitat għall-iżgħar impriżi u biex jiġu limitati l-effetti ta’ tfixkil possibbli tal-eżenzjoni, id-Direttiva tal-VAT se tistabbilixxi l-livell massimu tal-limitu ta’ eżenzjoni komuni għall-Istati Membri kollha. L-eżenzjoni se tkun disponibbli għan-negozji eliġibbli kollha tal-UE, kemm jekk stabbiliti fl-Istat Membru fejn iwettqu l-provvisti soġġetti għall-VAT, kif ukoll jekk le.

Biex impriża żgħira tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stat Membru fejn ma tkunx stabbilita, din trid tissodisfa żewġ kundizzjonijiet: (i) il-fatturat annwali tal-impriża f’dak l-Istat Membru (“fatturat annwali fi Stat Membru”) jenħtieġ li jkun inqas mil-limitu ta’ eżenzjoni applikabbli fih; u (ii) il-fatturat globali tagħha fis-suq uniku (“fatturat annwali fl-Unjoni”) jenħtieġ li ma jkunx aktar minn EUR 100 000. Din l-aħħar kundizzjoni ta’ eliġibbiltà jenħtieġ li tipprevjeni l-abbuż mill-impriżi l-kbar li, fin-nuqqas ta’ limitu tal-fatturat globali tal-UE, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet għall-SMEs f’diversi Stati Membri (eż. jekk il-fatturat tagħhom f’kull Stat Membru kien taħt il-limitu tal-eżenzjoni għall-SMEs applikabbli) minkejja li jkollhom fatturat globali kbir.

Sabiex jiġi żgurat il-kontroll effettiv tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni, l-Istat Membru li fih ikun stabbilit negozju li jibbenefika mill-eżenzjoni fi Stat Membru ieħor, irid jiġbor l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-fatturat tiegħu. Għalhekk, meta impriża żgħira tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stati Membri oħra għajr dak li fih hija stabbilita, l-Istat Membru ta’ stabbiliment se jkollu jiżgura d-dikjarazzjoni eżatta tal-fatturat annwali fl-Unjoni u tal-fatturat annwali fl-Istat Membru mill-impriża ż-żgħira u se jinforma lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra li fihom l-impriża ż-żgħira twettaq il-provvisti tagħha.

Il-punt 14 tal-Artikolu 1 jimmodifika l-Artikolu 288 biex jiċċara t-tranżazzjonijiet li għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-fatturat annwali, li jservu bħala referenza għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar.

Il-punt 15 tal-Artikolu 1 idaħħal Artikolu 288a ġdid, li jintroduċi perjodu tranżitorju għall-impriżi ż-żgħar li jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs u li l-fatturat tagħhom jaqbeż il-limitu tal-eżenzjoni f’sena partikolari. Dawn l-impriżi jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-eżenzjoni għall-SMEs għal dik is-sena, bil-patt u l-kundizzjoni li f’dik is-sena l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-limitu applikabbli għall-SMEs b’aktar minn 50 %. Id-dispożizzjoni tinvolvi żewġ limiti għal dan il-perjodu tranżitorju, li għandhom jipprevjenu l-abbuż ta’ din il-miżura: wieħed relatat maż-żmien (sena) u l-ieħor relatat mal-fatturat (li jaqbeż il-limitu ta’ eżenzjoni applikabbli b’aktar minn 50 %).

Il-punt 18 tal-Artikolu 1 jintroduċi Taqsima 2a ġdida dwar miżuri ta’ simplifikazzjoni kemm għall-impriżi eżentati kif ukoll għal dawk li mhumuex. Is-subtaqsima 1 il-ġdida tintegra għadd ta’ obbligi ssimplifikati għall-impriżi eżentati fl-iskema ta’ eżenzjoni (ir-reġistrazzjoni, il-fatturazzjoni, iż-żamma tal-kontijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-VAT). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar mill-obbligi l-oħra msemmija fl-Artikoli 213 sa 271.

Is-subtaqsima 2 il-ġdida tipprevedi sett ta’ obbligi ssimplifikati għall-impriżi ż-żgħar li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni għall-SMEs. Dawn l-impriżi jistgħu jkunu kemm dawk eliġibbli għall-eżenzjoni iżda li jagħżlu t-tassazzjoni abbażi tar-regoli ġenerali kif ukoll dawk b’fatturat li jaqbeż il-limitu ta’ eżenzjoni iżda li jkun inqas minn EUR 2 000 000, u li għalhekk jikkwalifikaw bħala impriżi żgħar fis-sens tad-definizzjoni li għadha kif ġiet introdotta. Peress li l-impriżi eżentati ma jistgħux inaqqsu l-VAT tal-input, l-eżenzjoni ma tindirizzax verament it-tħassib tal-impriżi eliġibbli kollha. B’mod partikolari, l-impriżi ż-żgħar li jipprovdu merkanzija u servizzi lil persuni taxxabbli oħra jistgħu jippreferu li jiġu ntaxxati abbażi tar-regoli ġenerali. It-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ konformità tal-VAT għal dawn l-impriżi huwa għalhekk marbut mas-simplifikazzjoni tal-obbligi tal-VAT tagħhom minflok mal-eżenzjoni nnifisha.

Għaldaqstant jenħtieġ li l-Istati Membri jiddefinixxu sett ta’ obbligi ssimplifikati tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar mhux eżentati. Dan is-sett jenħtieġ li jinkludi reġistrazzjoni simplifikata, żamma ta’ rekords simplifikata u perjodi itwal ta’ taxxa, li jirriżultaw fi preżentazzjonijiet inqas frekwenti tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Jenħtieġ ukoll li l-impriżi ż-żgħar mhux eżentati jkollhom il-possibbiltà li jagħżlu l-applikazzjoni tal-perjodi ta’ taxxa normali.

2018/0006 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 19 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 21 tippermetti li l-Istati Membri jkomplu japplikaw l-iskemi speċjali tagħhom għall-impriżi ż-żgħar skont id-disposizzjonijiet komuni u bil-għan li jkun hemm armonizzazzjoni aktar mill-qrib. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet mhumiex aġġornati u ma jnaqqsux il-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar peress li kienu mfassla għal sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) ibbażata fuq l-Istat Membru tal-oriġini.

(2)Fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT 22 tagħha, il-Kummissjoni ħabbret pakkett komprensiv ta’ simplifikazzjoni għall-impriżi ż-żgħar li għandu l-għan li jnaqqas il-piż amministrattiv tagħhom u jgħin biex jinħoloq ambjent tat-taxxa li jiffaċilita t-tkabbir tagħhom u l-iżvilupp tal-kummerċ transfruntier. Dan se jinkludi rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar kif deskritt fil-Komunikazzjoni dwar is-segwitu għall-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT 23 . Għalhekk, ir-rieżami tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar jinvolvi element importanti tal-pakkett ta’ riforma stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT.

(3)Ir-rieżami ta’ din l-iskema speċjali huwa marbut mill-qrib mal-proposta tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-prinċipji għal sistema tal-VAT definittiva għall-kummerċ transfruntier minn negozju għal negozju bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tat-tassazzjoni tal-provvisti transfruntiera ta’ merkanzija fl-Istat Membru tad-destinazzjoni 24 . Il-bidla tas-sistema tal-VAT lejn tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni identifikat li wħud mir-regoli attwali mhumiex adattati għal sistema tat-taxxa bbażata fuq id-destinazzjoni.

(4)Sabiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-piż ta’ konformità sproporzjonat li jaffaċċjaw l-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ li l-miżuri ta’ simplifikazzjoni jkunu disponibbli mhux biss għall-impriżi li huma eżentati skont ir-regoli attwali, iżda wkoll għal dawk meqjusa bħala żgħar f’termini ekonomiċi. Għall-finijiet ta’ simplifikazzjoni tar-regoli tal-VAT, l-impriżi jitqiesu “żgħar” jekk il-fatturat tagħhom jikkwalifikahom bħala mikroimpriżi skont id-definizzjoni ġenerali prevista fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 25 .

(5)L-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar bħalissa tippermetti biss li tingħata eżenzjoni għall-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru li fih hi dovuta l-VAT. Dan għandu impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni għall-impriżi mhux stabbiliti fis-suq uniku. Biex jindirizzaw dan u biex jiġu evitati aktar distorsjonijiet, bħala riżultat tal-bidla lejn tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni, jenħtieġ li l-impriżi ż-żgħar stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra dak fejn tkun dovuta l-VAT, jitħallew ukoll jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

(6)L-impriżi ż-żgħar jistgħu jibbenefikaw biss mill-eżenzjoni jekk il-fatturat annwali tagħhom ikun inqas mil-limitu applikat mill-Istat Membru li fih tkun dovuta l-VAT. Waqt l-istabbiliment tal-limitu tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli dwar il-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2006/112/KE. Dawk ir-regoli, li l-biċċa l-kbira tagħhom ġew stabbiliti fl-1977, ma għadhomx adattati.

(7)Biex l-affarijiet jiġu ssimplifikati, għadd ta’ Stati Membri ġew awtorizzati, fuq bażi temporanja, li japplikaw limitu ogħla minn dak awtorizzat skont id-Direttiva 2006/112/KE. Peress li mhuwiex xieraq li r-regoli ġenerali jibqgħu jiġu modifikati b’miżuri mogħtija permezz ta’ deroga, jenħtieġ li r-regoli dwar il-limiti jiġu aġġornati.

(8)Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jistabbilixxu l-livell nazzjonali tagħhom għall-eżenzjoni fil-livell l-aktar adattat għall-kundizzjonijiet politiċi u ekonomiċi tagħhom, skont il-limitu massimu previst f’din id-Direttiva. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li meta l-Istati Membri japplikaw limiti differenti, dawn iridu jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi.

(9)Il-limitu tal-fatturat annwali, li huwa l-bażi għall-eżenzjoni skont din l-iskema speċjali, jikkonsisti biss fil-valur ikkombinat tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi li jsiru minn impriża żgħira fl-Istat Membru fejn tkun ingħatat l-eżenzjoni. Jistgħu jinħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni meta impriża, li ma tkunx stabbilita f’dak l-Istat Membru, tkun tista’ tibbenefika minn din l-eżenzjoni irrispettivament mill-fatturat li tiġġenera fi Stati Membri oħra. Sabiex jitnaqqsu dawn id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u bħala salvagwardja tad-dħul, jenħtieġ li dawk l-impriżi biss li l-fatturat annwali tagħhom fl-Unjoni jkun inqas minn ċertu limitu jkunu eleġibbli għal eżenzjoni fi Stat Membru fejn mhumiex stabbiliti.

(10)Sabiex jiġi żgurat li l-impriżi ż-żgħar ma jiġux skoraġġuti milli jiżviluppaw in-negozju tagħhom u biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni gradwali minn eżenzjoni għal tassazzjoni, jenħtieġ li l-impriżi ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx ċertu limitu, ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-eżenzjoni għal perjodu limitat ta’ żmien.

(11)Biex jitnaqqas il-piż ta’ konformità fuq l-impriżi ż-żgħar, jenħtieġ ukoll li jiġu ssimplifikati l-obbligi tagħhom. Peress li l-ħtieġa li jiġu stabbiliti obbligi tvarja u fil-biċċa l-kbira tiddependi minn jekk l-impriżi ż-żgħar humiex eżentati jew le mill-VAT, jenħtieġ li jiġu stabbiliti settijiet differenti ta’ obbligi simplifikati.

(12)Meta tapplika eżenzjoni, l-impriżi ż-żgħar li jibbenefikaw mill-eżenzjoni jenħtieġ li, bħala minimu, ikollhom aċċess għal obbligi ta’ reġistrazzjoni, fatturazzjoni, kontabbiltà u rappurtar issimplifikati tal-VAT.

(13)Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-kundizzjonijiet għal eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru lil impriżi li mhumiex stabbiliti hemmhekk, jeħtieġ li tintalab notifika minn qabel bl-intenzjoni tagħhom li jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Jenħtieġ li din in-notifika ssir mill-impriża ż-żgħira lill-Istat Membru fejn hi stabbilita. Wara, abbażi tal-informazzjoni ddikjarata fuq il-fatturat ta’ dik l-impriża, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jipprovdi dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.

(14)Barra mill-għoti ta’ eżenzjoni mill-VAT, l-iskemi speċjali jippermettu wkoll il-ħelsien gradwat mit-taxxa. Il-ħelsien gradwat mit-taxxa huwa sors ta’ kumplessità u ftit li xejn jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar. Għalhekk din il-miżura jenħtieġ li titneħħa.

(15)Biex jitnaqqas il-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar li mhumiex eżentati, jenħtieġ li l-Istati Membri jintalbu jissimplifikaw ir-reġistrazzjoni tal-VAT u ż-żamma ta’ rekords, u li jtawlu l-perjodi tat-taxxa biex ikun hemm inqas preżentazzjonijiet frekwenti tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT.

(16)Biex jgħinu lill-impriżi ż-żgħar li jaffaċċjaw diffikultajiet biex iħallsu l-VAT lill-awtorità kompetenti għaliex ikunu għadhom ma rċivewx il-pagament mill-klijenti tagħhom, l-Istati Membri jistgħu, taħt skema fakultattiva, iħallu lill-persuni taxxabbli jużaw skema ta’ kontabilità abbażi tal-ħlasijiet biex jiddikjaraw il-VAT. Jenħtieġ li din l-iskema tiġi modifikata biex tkun konformi mad-definizzjoni tal-impriżi ż-żgħar.

(17)L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jitnaqqas il-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar, li ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. B’hekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

(18)Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 26 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata.

(19)Għaldaqstant id-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 2(1)(b), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)persuna taxxabbli li tkun qed taġixxi b’dan il-mod, jew persuna legali mhux taxxabbli, fejn il-bejjiegħ huwa persuna taxxabbli li qed jaġixxi b’dan il-mod li mhux eliġibbli għall-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284 u li mhijiex koperta mill-Artikoli 33 jew 36;”; 

(2)L-Artikolu 139 huwa emendat kif ġej:

(a)l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 138(1) m’għandhiex tapplika għall-provvista ta’ merkanzija mwettqa minn persuni taxxabli li huma koperti mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284.”;

(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 138(2)(b) m’għandhiex tapplika għall-provvista ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa minn persuni taxxabbli li huma koperti mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284.";

(3)L-Artikolu 167a huwa emendat kif ġej:

(a)it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-Istati Membri li japplikaw l-iskema fakultattiva msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jistabbilixxu limitu għall-persuni taxxabbli li jużaw l-iskema fit-territorju tagħhom, abbażi tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli kkalkulat skont l-Artikolu 288. Dak il-limitu m’għandux ikun aktar minn EUR 2 000 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.”;

(b)it-tielet paragrafu jitħassar;

(4)fl-Artikolu 220a(1), jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)meta l-persuna taxxabbli tkun impriża żgħira kif definit fl-Artikolu 280a.”;

(5)fl-Artikolu 270, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)il-valur totali annwali, mingħajr il-VAT, tal-provvisti tagħhom ta’ merkanzija u servizzi ma jaqbiżx b’aktar minn EUR 35 000, jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali, l-ammont tal-fatturat annwali li jintuża bħala referenza għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284;”;

(6)fl-Artikolu 272(1), il-punt (d) jitħassar;

(7)fl-Artikolu 273, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-għażla msemmija fl-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi ta’ fatturazzjoni addizzjonali minbarra dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3 jew biex timponi obbligi addizzjonali fuq l-impriżi ż-żgħar minbarra dawk stabbiliti fit-Taqsima 2a tat-Titolu XII, tal-Kapitolu 1.”;

(8)fit-Titolu XII tal-Kapitolu 1, tiddaħħal it-Taqsima -1 li ġejja:

“Taqsima -1
Definizzjoni

Artikolu 280a

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“impriża żgħira” tfisser kwalunkwe persuna taxxabbli stabbilita fil-Komunità li l-fatturat annwali tagħha fl-Unjoni mhuwiex aktar minn EUR 2 000 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali;

(2)“fatturat annwali fi Stat Membru” tfisser il-valur annwali totali tal-provvista ta’ merkanzija u servizzi, mingħajr VAT, magħmul minn persuna taxxabbli f’dak l-Istat Membru;

(3)“fatturat annwali fl-Unjoni” tfisser il-valur annwali totali tal-provvista ta’ merkanzija u servizzi, mingħajr VAT, magħmul minn persuna taxxabbli fit-territorju tal-Komunità.”;

(9)l-intestatura tat-Taqsima 2 tal-KAPITOLU 1 tat-TITOLU XII hija sostitwita b’dan li ġej:

Eżenzjonijiet”;

(10)L-Artikolu 282 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 282

L-eżenzjonijiet previsti f’din it-Taqsima għandhom japplikaw għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi mill-impriżi ż-żgħar.”;

(11)fl-Artikolu 283(1), il-punt (c) jitħassar;

(12)l-Artikolu 284 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 284

1. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw il-provvista ta’ merkanzija u servizzi magħmula fit-territorju tagħhom minn impriżi żgħar stabbiliti f’dak it-territorju li l-fatturat annwali tagħhom fl-Istat Membru, attribwibbli għal dawn il-provvisti, ma jaqbiżx limitu stabbilit minn dawk l-Istati Membri għall-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu diversi limiti għal setturi ta’ negozju differenti bbażati fuq kriterji oġġettivi. Madankollu, dawk il-limiti m’għandhomx ikunu aktar minn EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

2. L-Istati Membri li jkunu daħħlu fis-seħħ l-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar għandhom jeżentaw ukoll il-provvisti ta’ merkanzija u servizzi fit-territorju tagħhom stess magħmula minn impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-fatturat annwali fl-Unjoni ta’ dik l-impriża ż-żgħira ma jaqbiżx il-EUR 100 000;

(b)il-valur tal-provvisti fl-Istat Membru fejn mhix stabbilita l-impriża ma jaqbiżx il-limitu applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-għoti ta’ eżenzjoni lill-impriżi stabbiliti f’dak l-Istat Membru.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-impriżi ż-żgħar li jibbenefikaw mill-eżenzjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4. Qabel ma tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stati Membri oħra, l-impriża ż-żgħira għandha tinnotifika lill-Istat Membru fejn tkun stabbilita.

Meta impriża żgħira tibbenefika mill-eżenzjoni fi Stati Membri oħra għajr dak li fih hija stabbilita, l-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura d-dikjarazzjoni eżatta tal-fatturat annwali fl-Unjoni u tal-fatturat annwali fl-Istat Membru mill-impriża u għandu jinforma lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri kkonċernati l-oħra li fihom l-impriża ż-żgħira twettaq provvista.”;

(13)l-Artikoli 285, 286 u 287 jitħassru;

(14)l-Artikolu 288 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 288

Il-fatturat li jservi bħala referenza għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284 għandu jikkonsisti fl-ammonti li ġejjin, mingħajr VAT:

(1)il-valur tal-provvisti ta’ merkanzija u servizzi, sakemm dawn ikunu ntaxxati kienu pprovduti minn persuna taxxabbli mhux eżentata;

(2)il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżentati, bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju ta’ qabel, skont l-Artikoli 98 u 138;

(3)il-valur tat-transazzjonijiet li huma eżentati skont l-Artikoli 146 sa 149 u l-Artikoli 151, 152 u 153;

(4)il-valur tat-transazzjonijiet ta’ proprjetà immobbli, tat-transazzjonijiet finanzjarji kif imsemmija fil-punti (b) sa (g) tal-Artikolu 135(1), u s-servizzi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni, sakemm dawk it-transazzjonijiet ma jkunux transazzjonijiet anċillari.

Madanakollu, id-disponiment tal-assi kapitali tanġibbli jew intanġibbli ta’ impriża m’għandux jitqies għall-iskopijiet tal-kalkolu tal-fatturat.”;

(15)jiddaħħal l-Artikolu 288a li ġej:

“Artikolu 288a

Meta matul sena kalendarja sussegwenti l-fatturat annwali fl-Istat Membru ta’ impriża żgħira jaqbeż il-limitu tal-eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 284(1), l-impriża ż-żgħira għandha tkun tista’ tkompli tibbenefika mill-eżenzjoni għal dik is-sena, dment li l-fatturat annwali tagħha fl-Istat Membru matul dik is-sena ma jaqbiżx il-limitu stabbilit fl-Artikolu 284(1) b’aktar minn 50 %.”;

(16)fl-Artikolu 290, titħassar it-tieni sentenza;

(17)l-Artikoli 291 sa 294 jitħassru;

(18)fit-Titolu XII tal-Kapitolu 1, tiddaħħal it-Taqsima 2a li ġejja:

“Taqsima 2a
Simplifikazzjoni tal-obbligi għall-impriżi ż-żgħar

Subtaqsima 1
Impriżi żgħar eżentati

Artikolu 294a

Għall-finijiet ta’ din is-Subtaqsima “impriżi żgħar eżentati” tfisser kwalunkwe impriża żgħira li tibbenefika mill-eżenzjoni fl-Istat Membru li fih hija dovuta l-VAT kif previst fl-Artikolu 284(1) u (2).

Artikolu 294b

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar stabbiliti fit-territorju tagħhom li jwettqu biss transazzjonijiet f’dak l-Istat Membru, mill-obbligu li jiddikjaraw il-bidu tal-attività tagħhom skont l-Artikolu 213 u li jiġu identifikati permezz ta’ numru individwali skont l-Artikolu 214.

Jekk din l-għażla ma tkunx eżerċitata jew jekk l-impriżi ż-żgħar jkunu meħtieġa jiddikjaraw il-bidu tal-attività tagħhom u li jiġu identifikati, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura ssimplifikata għall-identifikazzjoni ta’ dawn l-impriżi ż-żgħar permezz ta’ numru individwali.

Artikolu 294c

L-Istati Membri għandhom jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar mill-obbligu li joħorġu fattura skont l-Artikolu 220.

L-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligu fuq l-impriżi ż-żgħar eżentati li joħorġu fattura skont l-Artikolu 221.

Artikolu 294d

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha dwar il-kontabilità stabbiliti fil-Kapitolu 4 tat-Titolu XI.

Jekk l-Istati Membri jeħtieġu li l-fatturi jinħażnu, dawn ma jistgħux jimponu aktar rekwiżiti fuq l-impriżi ż-żgħar eżentati barra minn dawk previsti fil-liġi nazzjonali f’oqsma għajr tal-VAT u taż-żamma tar-rekords.

Artikolu 294e

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar mill-obbligu li jippreżentaw denunzja tal-VAT stabbilita fl-Artikolu 250.

Jekk din l-għażla ma tkunx eżerċitata, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil dawn l-impriżi ż-żgħar eżentati jippreżentaw denunzja tal-VAT issimplifikata biex tkopri l-perjodu ta’ sena kalendarja. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar jistgħu jagħżlu li jiġi applikat il-perjodu tat-taxxa stabbilit skont l-Artikolu 252.

Artikolu 294f

L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-impriżi ż-żgħar minn ċerti obbligi oħra jew mill-obbligi kollha msemmija fl-Artikoli 217 sa 271.

Subtaqsima 2
Impriżi żgħar mhux eżentati

Artikolu 294g

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura simplifikata li tippermetti lill-impriżi ż-żgħar li ma jibbenefikawx mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 284 biex jiksbu numru ta’ identifikazzjoni individwali sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 214.

Artikolu 294h

Minkejja l-Artikoli 244 sa 248a, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-obbligi simplifikati relatati mal-ħżin tal-fatturi mill-impriżi ż-żgħar.

Artikolu 294i

Għall-impriżi ż-żgħar, il-perjodu tat-taxxa li għandu jkun kopert f’denunzja tal-VAT għandu jkun il-perjodu ta’ sena kalendarja. Madankollu, l-impriżi ż-żgħar jistgħu jagħżlu li jiġi applikat il-perjodu tat-taxxa stabbilit skont l-Artikolu 252.

Artikolu 294j

Minkejja l-Artikolu 206, l-Istati Membri m’għandhomx jitolbu li jsiru ħlasijiet interim mill-impriżi ż-żgħar.”;

(19)fl-Artikolu 314, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal-merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra tkun koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar ipprovduta fl-Artikolu 284 u tinvolvi merkanzija kapitali;”;

(20)    fl-Artikolu 334, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)persuna oħra taxxabbli, sakemm il-provvista ta’ merkanzija, imwettqa minn dik il-persuna taxxabbli skont kuntratt li taħtu titħallas kummissjoni fuq bejgħ, tkun koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fl-Artikolu 284 u tinvolvi merkanzija kapitali;”.

Artikolu 2

1.Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2022, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2022.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud ( ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1 )
(2)    Fil-livell tal-UE, l-SMEs huma ġeneralment iddefiniti skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36 ). Madankollu, bir-regoli tagħha dwar l-impriżi ż-żgħar id-Direttiva tal-VAT hija mmirata għan-negozji li joperaw fuq skala ferm iżgħar, li skont id-definizzjoni ġenerali kieku jitqiesu bħala “mikroimpriżi” (jiġifieri, b’fatturat sa EUR 2 000 000). Dawn in-negozji jammontaw għal madwar 98 % tal-impriżi kollha tal-UE.
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu ( COM(2016) 148 final ) .
(4)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Wasal iż-żmien li naġixxu ( COM(2017) 566 final ).
(5)

   L-Istat tal-Unjoni 2017. L-ittra ta' intenzjoni lill-President Antonio Tajani u lill-Prim Ministru Jüri Ratas, tat-13 ta’ Settembru 2017, aċċessibbli fuq  https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/state-union-2017-brochure_mt.pdf . Ara wkoll l-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, COM(2016) 710 final, Stasbourg, 25.10.2016, p. 3, aċċessibbli fuq https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/cwp_2017_annex_i_mt.pdf .

(6)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ prodotti ( COM(2016) 757 final ).
(7)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri ( COM(2017) 569 final ).
(8)     Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi ( ĠU L 284, 26.10.2013, p. 1 ); u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 967/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward ta’ skemi speċjali għal persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti li huma fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, ta’ servizzi ta’ xandir jew servizzi elettroniċi lil persuni mhux taxxabbli ( ĠU L 290, 20.10.2012, p. 1 ).
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji ( COM(2015) 550 final ), p.4.
(10)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-mexxejja li jmiss tal-Ewropa: l-Inizjattiva favur in-Negozji l-ġodda u n-Negozji li qed jespandu ( COM(2016) 733 final ), p.4.
(11)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa ( KUMM(2008) 394 finali ), p.4-5 u 7-8.
(12)    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU C 326, 26.10.2012, p. 13).
(13)    Rapport finali, Londra 2011, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/resources/documents/common/publications/studies/report_evaluation_vat.pdf .
(14)    In-Netwerk Enterprise Europe (EEN) huwa proġett ġestit mill-Kummissjoni Ewropea (DĠ GROW) li jgħin lin-negozji jinnovaw u jikbru fuq skala internazzjonali. Dan huwa l-akbar netwerk fid-dinja ta’ appoġġ għall-SMEs b’ambizzjonijiet internazzjonali. In-netwerk huwa magħmul minn 600 sieħeb fil-pajjiżi kollha tal-UE u minn aktar minn 30 pajjiż mhux tal-UE.
(15)    L-input li wasal mill-parteċipanti u rapport sħiħ dwar ir-riżultati huma disponibbli fuq is- sit web tad-DĠ TAXUD.
(16)    Ara b’mod partikolari: REFIT Platform, Stakeholder Suggestions, XVIII — Taxation and customs union, disponibbli fuq https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/taxation_and_customs_union.pdf .
(17)    L-Anness 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 ( COM(2016) 710 final ), p. 3.
(18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 ( COM(2016) 710 final ), p. 8-9 (prijorità n-numru 4). Il-prijoritajiet tal-Kummissjoni huma deskritti fil- Linji Gwida Politiċi ppreżentati fil-bidu tal-mandat tal-Kummissjoni.
(19)    ĠU C , , p. .
(20)    ĠU C , , p. .
(21)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(22)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Iż-żmien biex niddeċiedu (COM(2016)148 final tas-7 ta’ April 2016).
(23)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT — Lejn żona unika tal-VAT fl-UE — Wasal iż-żmien li naġixxu (COM(2017) 566 final tal-4 ta’ Ottubru 2017).
(24)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (COM(2017) 569 final tal-4 ta’ Ottubru 2017).
(25)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(26)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.