IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2018
COM(2018) 890 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT
Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019: Implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza tal-Kummissjoni
Il-Kunsill Ewropew jappella biex il-ħidma ta’ tħejjija f’kull livell għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tkun intensifikata, filwaqt li jitqiesu l-eżiti kollha possibbli
Il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50), it-13 ta’ Diċembru 2018
1.Introduzzjoni
Ir-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, billi invoka l-proċedura fil-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Sakemm id-deċiżjoni ma tkunx revokata jew il-perjodu ma jiġix estiż b’mod unanimu, dan se jsir effettiv fi żmien ftit aktar minn100 jum. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha dwar din id-Deċiżjoni, iżda tirrispettaha. Kif enfasizzat fl-ewwel Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-Brexit tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Lulju 2018, irrispettivament mix-xenarju previst, l-għażla tar-Renju Unit se tikkawża tfixkil sinifikanti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni talbet b’mod konsistenti liċ-ċittadini Ewropej, lin-negozji u lill-Istati Membri biex iħejju għal kull xenarju possibbli, jivvalutaw ir-riskji rilevanti u jippjanaw ir-rispons għall-mitigazzjoni tagħhom.
Fit-13 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni nediet Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza fit-tieni Komunikazzjoni tagħha dwar it-tħejjija tal-Brexit. Il-miżuri ta’ kontinġenza mħabbra fil-Pjan ta’ Azzjoni huma miżuri unilaterali għal-limitazzjoni tad-dannu u jistgħu jimmitigaw biss l-aktar konsegwenzi gravi ta’ ħruġ mingħajr ftehim. Fl-14 ta’ Novembru 2018, in-Negozjaturi tal-Kummissjoni u tar-Renju Unit qablu dwar it-termini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Fit-22 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni approvat il-Ftehim dwar il-Ħruġ komplut. Fil-25 ta’ Novembru 2018, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) approva l-Ftehim dwar il-Ħruġ u stieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Marzu 2019, sabiex jiġi ggarantit ħruġ ordnat.
Fil-5 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni adottat żewġ proposti għal deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, biex tippermetti l-konklużjoni u r-ratifika min-naħa tal-UE fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tat-13 ta’ Diċembru 2018 ikkonferma l-approvazzjoni tiegħu tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi bir-ratifika tiegħu. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ irid jiġi ratifikat mir-Renju Unit, f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali tiegħu stess. Ir-ratifika tal-Ftehim dwar il-Ħruġ miż-żewġ partijiet tibqa’ l-objettiv u l-prijorità tal-Kummissjoni.
Il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tat-13 ta’ Diċembru 2018 talab ukoll biex il-ħidma ta’ tħejjija għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit tiġi intensifikata fil-livelli kollha u għall-eżiti kollha possibbli. Din il-Komunikazzjoni tispjega l-miżuri li l-Kummissjoni adottat illum, id-19 ta’ Diċembru 2018, bi tweġiba għal dik is-sejħa, flimkien ma’ passi kruċjali oħra fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza tagħha.
2.Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza tal-Kummissjoni
Minħabba l-inċertezza kontinwa madwar il-proċess ta’ ratifika min-naħa tar-Renju Unit, u f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) fit-13 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni qed tipproċedi b’mod urġenti bl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza tagħha. Il-Kummissjoni llum adottat il-proposti leġiżlattivi u l-atti delegati kollha li hija ħabbret f’dak il-Pjan ta’ Azzjoni. L-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li hija ħabbret se jkunu lesti mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar 2019, biex jippermettu għal votazzjoni fil-kumitati kompetenti fi żmien xieraq.
B’mod parallel, il-Kummissjoni kompliet taħdem ukoll mill-qrib mal-Istati Membri biex tikkoordina l-ippjanar fil-livell tal-UE u fil-livell internazzjonali. Il-pakkett ta’ miżuri adottati mill-Kummissjoni u deskritti f’din il-Komunikazzjoni jikkunsidraw id-diskussjonijiet mal-Istati Membri. Din l-azzjoni tissupplimenta l-miżuri ta’ tħejjija li diġà ttieħdu, kif stabbilit fit-tieni Komunikazzjoni dwar it-tħejjija.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jadottaw dawn il-proposti b’mod urġenti. L-Istati Membri jenħtieġ li jaċċelleraw il-ħidma tagħhom biex iħejju għax-xenarji kollha għat-tluq tar-Renju Unit.
Il-Kummissjoni tistieden ukoll lill-Istati Membri biex joqogħdu lura milli jidħlu fi ftehimiet, arranġamenti u diskussjonijiet bilaterali mar-Renju Unit. Dawn ixekklu l-proċess ta’ ratifika, fil-maġġoranza tal-każijiet ma jkunux kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, u jirriskjaw li joħolqu kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni mhux ugwali fost l-Istati Membri. Huma jistgħu jikkumplikaw ukoll in-negozjati futuri tal-Unjoni dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit. Bħal ma kien il-każ għall-Ftehim dwar il-Ħruġ, huwa essenzjali li jitkompla approċċ magħqud għall-ħidma ta’ tħejjija u ta’ kontinġenza.
3.Teħid ta' azzjoni
Kif stabbilit fit-tieni Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-Brexit, il-miżuri ta’ kontinġenza adottati fil-livelli kollha jenħtieġ li jkunu konformi mal-prinċipji li ġejjin:
·Jenħtieġ li l-miżuri ta’ kontinġenza ma jirreplikawx il-benefiċċji tas-sħubija tal-Unjoni, u lanqas it-termini ta’ kwalunkwe perjodu ta’ tranżizzjoni, kif previsti fl-abbozz tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;
·Jenħtieġ li huma jkunu ta’ natura temporanja. Għall-miżuri adottati llum, il-Kummissjoni, fejn rilevanti, ipproponiet limitazzjonijiet ta’ żmien li huma funzjoni tas-sitwazzjoni speċifika fis-settur ikkonċernat;
·Dawn jenħtieġ li jiġu adottati b’mod unilaterali mill-Unjoni Ewropea favur l-interessi tagħha u jenħtieġ li jkunu revokabbli fi kwalunkwe ħin;
·Jenħtieġ li jirrispettaw id-diviżjoni tal-kompetenzi prevista mit-Trattati;
·Jenħtieġ li l-miżuri ta’ kontinġenza nazzjonali jkunu kompatibbli mad-dritt tal-UE;
·Jenħtieġ li ma jirrimedjawx dewmien li seta’ ġie evitat mill-miżuri ta’ tħejjija u azzjoni fil-ħin mill-partijiet ikkonċernati rilevanti.
Bis-saħħa tal-Artikolu 355(3) TFUE u safejn previst fl-Att ta’ Adeżjoni tal-1972 tar-Renju Unit u l-Komunitajiet Ewropej, id-dritt tal-Unjoni japplika għal Ġibiltà bħala territorju Ewropew li r-relazzjonijiet barranin tiegħu huma r-responsabbiltà ta' Stat Membru. L-Artikolu 355(3) TFUE mhux se jibqa’ japplika għal Ġibiltà meta r-Renju Unit ma jibqax Stat Membru. Bħala konsegwenza ta’ dan, il-miżuri ta’ kontinġenza mhux se japplikaw għal Ġibiltà.
4.Ċittadini
Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, iċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit mhux se jibqgħu protetti mir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu. Iċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea ikunu soġġetti, mid-data tal-ħruġ ’il quddiem, għar-regoli ġenerali li japplikaw għal ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu fl-UE. Dan jista’ jkollu impatt fuq id-dritt tagħhom li joqogħdu u jaħdmu fejn joqogħdu attwalment, kif ukoll fuq il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali li jibbenefikaw minnha.
Il-Kummissjoni konsistentement għamlitha ċara li l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit, kif ukoll taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea hija prijorità. Hija tistieden lill-Istati Membri jieħdu pożizzjoni ġeneruża maċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma diġà residenti fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni laqgħet fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru l-assigurazzjonijiet mill-ġdid tal-Prim Ministru May li anki f’xenarju fejn ma jintlaħaq l-ebda ftehim, id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fir-Renju Unit se jiġu protetti b’mod simili. Il-Kummissjoni tistenna li din l-assigurazzjoni tiġi formalizzata dalwaqt sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu joqogħdu fuqha.
Dritt ta’ soġġorn
Għal ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea, se japplikaw ir-regoli tal-UE kif ukoll ir-regoli nazzjonali rigward ċittadini ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tad-dritt tagħhom li jidħlu, jirrisjedu u jaħdmu fl-Istati Membri tal-UE. Għal soġġorni qosra (sa 90 jum f’perjodu ta’ 180 jum) il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament li teżenta liċ-ċittadini tar-Renju Unit mir-rekwiżiti tal-viża, dment li ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni jkunu eżentati ugwalment mir-rekwiżiti tal-viża tar-Renju Unit. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, għal kwalunkwe skop, jixtiequ jgħixu fi Stat Membru tal-UE għal aktar minn 90 jum jeħtieġ li jiksbu permess ta’ residenza jew viża għal żjara fit-tul mill-awtoritajiet ta’ migrazzjoni nazzjonali. Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ilhom residenti legali fi Stat Membru wieħed għal perjodu ta’ ħames snin iridu jingħataw, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, status ta’ residenti fit-tul f’dak l-Istat Membru skont ir-regoli tal-Unjoni. Fit-tieni Komunikazzjoni dwar it-tħejjija għall-Brexit, il-Kummissjoni ċċarat li hija tikkunsidra li għal dawn il-finijiet jenħtieġ li jitqies il-perjodu ta’ residenza legali ta’ ċittadini tar-Renju Unit fi Stat Membru qabel il-ħruġ.
F’dan l-isfond, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex:
üjieħdu miżuri, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, sabiex iċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit li jkunu qed jirrisjedu legalment fi Stat Membru fid-29 ta’ Marzu 2019 ikomplu jitqiesu bħala residenti legali ta’ dak l-Istat Membru mingħajr interruzzjoni;
üikunu lesti li joħorġu permessi ta’ residenza lil ċittadini tar-Renju Unit ikkonċernati bħala evidenza tas-soġġorn legali tagħhom u tad-dritt għal xogħol tagħhom. L-Istati Membri, partikolarment dawk li jospitaw l-akbar numri, huma mistiedna jieħdu approċċ pragmatiku, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, biex joħorġu dokumenti ta’ residenza permanenti, sakemm ikunu jistgħu jinħarġu permessi ta’ residenza definittivi. Jistgħu jintużaw diversi għażliet tekniċi, bħal miżuri leġiżlattivi nazzjonali, li joħorġu dokumenti temporanji jew jirrikonoxxu dokumenti preeżistenti, sabiex jiġu kkunsidrati s-sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru; u
üJieħdu l-miżuri leġiżlattivi u amministrattivi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu joħorġu dokumenti ta’ residenza temporanja sad-data tal-ħruġ, u biex jipproċessaw applikazzjonijiet għal permessi ta’ residenza definittivi skont il-format uniformi sa tmiem l-2019.
Il-Kummissjoni se tiddiskuti aktar affarijiet prattiċi mal-Istati Membri (EU27) fl-20 ta’ Diċembru 2018 bil-għan li jiġi żgurat approċċ koerenti.
Għal ċittadini tal-UE li jirrisjedu fir-Renju Unit, minbarra l-isforzi tar-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi fir-Renju Unit, l-Uffiċċji ta’ Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni fir-Renju Unit se jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib il-pożizzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-issoktar tar-residenza ta’ ċittadini tal-Unjoni fir-Renju Unit. Hija se tipprovdi informazzjoni u għarfien espert liċ-ċittadini interessati f’dan ir-rigward.
Il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali
Id-dritt tal-Unjoni jipprovdi regoli komuni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali biex jipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor. Ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jkopru d-drittijiet derivati mil-liġi nazzjonali marbuta mal-mard, il-maternità u l-paternità, il-pensjonijiet, l-invalidità, il-qgħad, il-benefiċċji tal-familja, l-aċċidenti fuq ix-xogħol u l-mard okkupazzjonali. Il-prinċipji li jirfdu r-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali jiżguraw li ċ-ċittadini huma koperti biss bil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed (l-uniċità) u li għandhom l-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru meta jkunu koperti (trattament indaqs). Il-prinċipji jiżguraw ukoll li l-perjodi ta’ assigurazzjoni, xogħol jew residenza fi Stati Membri oħrajn jiġu kkunsidrati meta l-awtoritajiet jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ persuna għal benefiċċju (aggregazzjoni), u li ċ-ċittadini jistgħu, bħala regola, jirċievu benefiċċji fi flus li jkunu intitolati għalihom anki jekk ikunu joqogħdu fi Stat Membru differenti (l-esportabbiltà).
Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit. Dan iqajjem tħassib għaċ-ċittadini tal-UE li attwalment jaħdmu jew jirrisjedu fir-Renju Unit, jew għamlu dan qabel, rigward l-intitolamenti għas-sigurtà soċjali tagħhom. L-istess japplika għal ċittadini tar-Renju Unit li attwalment jaħdmu/jirrisjedu fi Stat Membru differenti.
Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jieħdu l-passi kollha possibbli biex iwieġbu għal dan it-tħassib u jiżguraw ċertezza tad-dritt u protezzjoni tal-intitolamenti għas-sigurtà soċjali miksuba miċ-ċittadini li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu qabel it-30 ta’ Marzu 2019.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri biex:
üjikkunsidraw, għal ċittadini tal-EU27 u ċittadini tar-Renju Unit, perjodi ta’ xogħol/assigurazzjoni li okkorrew fir-Renju Unit qabel il-ħruġ;
üjinfurmaw liċ-ċittadini li jenħtieġ li huma jżommu d-dokumentazzjoni xierqa li tipprovdi evidenza ta’ dawn il-perjodi;
üjiżguraw li l-“aggregazzjoni” ta’ perjodi kompluti sal-ħruġ tibbenefika wkoll lil dawk li jkomplu jgħixu fir-Renju Unit;
üjesportaw il-pensjonijiet tax-xjuħija lejn ir-Renju Unit, minkejja l-fatt li se tkun pajjiż terz. Dan ikun japplika għal dawk iċ-ċittadini li jkomplu jirrisjedu fir-Renju Unit wara d-data tal-ħruġ, iżda wkoll għal ċittadini tar-Renju Unit li kisbu intitolament tal-pensjoni tax-xjuħija fi ħdan l-EU27 qabel id-data tal-ħruġ.
Il-Kummissjoni se tipprovdi konsulenza konkreta u dettaljata lill-Istati Membri (EU27) fl-20 ta’ Diċembru 2018 dwar kif jinkiseb approċċ ta’ kontinġenza rigward il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, li l-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw mid-data tal-ħruġ ’il quddiem.
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-perjodi mitmuma u għall-fatti u l-avvenimenti li okkorrew qabel id-data tal-ħruġ.
5.Regolamentazzjoni speċifika għas-settur
Servizzi finanzjarji
Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jkunx ratifikat, l-operaturi finanzjarji stabbiliti fir-Renju Unit se jitilfu, mid-data tal-ħruġ ’il quddiem, id-dritt li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Istati Membri tal-EU27 skont il-passaporti tas-servizzi finanzjarji tal-UE. L-operaturi tar-Renju Unit u l-kontropartijiet tagħhom fl-EU27 iridu, għalhekk, jieħdu azzjonijiet biex ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni fix-xenarji kollha u fi żmien f’waqtu għall-ħruġ tar-Renju Unit, kif indikat il-Kummissjoni fl-avviżi tal-partijiet ikkonċernati li hija ppubblikat f’dak il-qasam.
Wara li eżaminat ir-riskji marbuta ma’ xenarju fejn ma jintlaħaq ebda ftehim fis-settur finanzjarju, u meta jiġu kkunsidrati l-opinjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa meħtieġ għadd limitat biss ta’ miżuri ta’ kontinġenza biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-EU27. Dawn il-miżuri jimmitigaw ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja biss f'dawk l-oqsma fejn l-azzjonijiet ta’ tħejjija mill-operaturi tas-suq weħidhom ikunu b’mod ċar insuffiċjenti biex jindirizzaw dawn ir-riskji sad-data tal-ħruġ. Il-Kummissjoni, għalhekk, illum adottat l-atti li ġejjin li se japplikaw mid-data tal-ħruġ jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jkunx ratifikat:
üDeċiżjoni temporanja u kundizzjonali dwar l-ekwivalenza
I
għal 12-il xahar biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda tħarbit fl-ikklerjar ċentrali tad-derivattivi. Dan se jippermetti lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tirrikonoxxi temporanjament il-kontropartijiet ċentrali attwalment stabbiliti fir-Renju Unit, li jippermettilhom temporanjament ikomplu jipprovdu servizzi fl-Unjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kumpaniji tal-EU27 jeħtieġu dan iż-żmien biex ikollhom fis-seħħ alternattivi kompletament vijabbli għall-operaturi tar-Renju Unit.
üDeċiżjoni temporanja u kondizzjonali dwar l-ekwivalenza
II
għal 24 xahar biex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda tħarbit fis-servizzi pprovduti mid-depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit. Din se tippermettilhom temporanjament li jkomplu jipprovdu servizzi ta’ manutenzjoni notarili u ċentrali lil operaturi fl-Unjoni. Dan se jippermetti lill-operaturi tal-EU27 li attwalment ma għandhom l-ebda alternattiva immedjatament disponibbli fl-EU27 biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE.
üŻewġ Regolament Delegati
III
,
IV
li jiffaċilitaw in-novazzjoni, għal perjodu fiss, ta’ ċerti kuntratti ta’ derivattivi OTC ma’ kontroparti stabbilita fir-Renju Unit biex jissostitwixxu dik il-kontroparti b’kontroparti stabbilita fl-Unjoni. Dan jippermetti li tali kuntratti jiġu ttrasferiti lil kontroparti tal-EU27 filwaqt li jinżamm l-istatus eżentat tagħhom u b’hekk ma jsirux soġġetti għal obbligi ta’ ikklerjar u ta’ proviżjonament ta’ marġni skont ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew. Kuntratti bħal dawn, li saru qabel l-EMIR, huma eżentati mir-rekwiżiti tal-EMIR. Dan l-att se jiżgura li bidla tal-kontroparti mhux se tibdel dak l-istatus eżentat.
Fis-setturi kollha tas-servizzi finanzjarji, id-ditti jenħtieġ li jkomplu jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jittaffew ir-riskji u biex jiġi żgurat li l-klijenti jibqgħu jiġu servuti. Jenħtieġ li d-ditti b’mod attiv jinfurmaw lill-klijenti dwar il-passi li ħadu u kif qegħdin jimplimentawhom. Min-naħa tagħhom, il-klijenti fl-Unjoni Ewropea tad-ditti tar-Renju Unit jeħtieġ li jħejju għal xenarju li fih il-fornitur tagħhom ma jibqax soġġett għad-dritt tal-UE.
Trasport bl-ajru
Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jkunx ratifikat, it-traffiku bl-ajru bejn l-UE u r-Renju Unit se jiġi interrott mid-data tal-ħruġ ’il quddiem. Illum, il-Kummissjoni adottat żewġ miżuri temporanji biex tiġi evitata l-interruzzjoni sħiħa tat-traffiku bl-ajru u biex tiġi żgurata konnettività bażika bejn l-Unjoni u r-Renju Unit:
üProposta għal Regolament
V
biex tiżgura temporanjament, għal 12-il xahar, il-provvediment ta’ servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri tal-EU27, li jippermetti lit-trasportaturi tal-ajru jtiru fit-territorju tal-Unjoni mingħajr inżul, jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet mhux ta’ traffiku, u jwettqu servizzi tat-trasport internazjzonali bl-ajru tal-passiġġieri u tat-tagħbija skedati u mhux skedati. Dan huwa suġġett għall-fatt li r-Renju Unit jikkonferixi drittijiet ekwivalenti għal trasportaturi tal-ajru mill-Unjoni, kif ukoll għar-Renju Unit li jiżguraw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta.
üProposta għal Regolament
VI
rigward is-sikurezza fl-avjazzjoni li testendi temporanjament, għal 9 xhur, il-validità ta’ ċerti liċenzji eżistenti, biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika fis-settur tas-sikurezza tal-avjazzjoni fejn l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) tkun tista’ toħroġ biss ċerti ċertifikati fuq il-bażi ta’ liċenzji maħruġa mid-data tal-ħruġ, meta tkun kisbet mill-ġdid l-istatus ta’ “Stat tad-disinn”.
Hija meħtieġa u possibbli biss azzjoni ta’ kontinġenza fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat il-qafas legali meħtieġ biex tiġi evitata l-interruzzjoni f'daqqa ta’ attivitajiet fil-qasam tat-trasport bl-ajru. Miżuri nazzjonali addizzjonali mhumiex meħtieġa.
Trasport tal-merkanzija bit-triq
Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-UE u r-Renju Unit se jiġi limitat b’mod qawwi u se jkun soġġett għal sistema internazzjonali ta’ kwoti limitati. Illum il-Kummissjoni adottat miżura biex tiġi żgurata l-konnettività bażika. Dan se jippermetti lill-operaturi mir-Renju Unit jittrasportaw b’mod temporanju merkanzija fl-Unjoni, dment li r-Renju Unit jikkonferixxi drittijiet ekwivalenti għal operaturi tal-merkanzija bit-triq u soġġett għal kundizzjonijiet li tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta:
üProposta għal Regolament
VII
biex tippermetti temporanjament, għal 9 xhur, aċċess għal operaturi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq liċenzjati fir-Renju Unit għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn it-territorju ta’ dan tal-aħħar u l-Istati Membri tal-EU27.
L-azzjoni ta’ kontinġenza fil-livell tal-UE hija meħtieġa biex jiġi żgurat qafas ġuridiku xieraq fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Id-dritt tal-UE ssostitwixxa l-ftehimiet bilaterali qodma dwar id-drittijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u huma ma jistgħux jerġgħu jiġu attivati. Kwalunkwe ftehim bilaterali ġdid jista’ jqajjem kwistjonijiet ta’ kompetenza u ma jippermettix li t-trasport tal-merkanzija bit-triq lejn ir-Renju Unit minn operatur ta’ Stat Membru ieħor (trasport transfruntier minn terzi). Għalhekk, mhumiex soluzzjoni prattika.
Dwana u esportazzjonijiet ta’ oġġetti
Jekk il-Ftehim dwar il-ħruġ ma jiġix ratifikat, il-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti kollha dwar oġġetti importati u esportati se tapplika mid-data tal-ħruġ ’il quddiem. Dan jinkludi l-impożizzjoni ta’ dazji u taxxi u r-rispett tal-formalitajiet u l-kontrolli meħtieġa mill-qafas legali attwali, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi.
L-azzjoni tal-Istat Membru tibqa’ essenzjali. L-Istati Membri jridu jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu f’pożizzjoni, mid-data tal-ħruġ ’il quddiem f’każ li l-ftehim dwar il-ħruġ ma jiġix ratifikat, li japplikaw il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u r-regoli rilevanti dwar it-tassazzjoni indiretta għall-importazzjonijiet kollha mir-Renju Unit u l-esportazzjonijiet lejh. Jenħtieġ li huma jużaw il-possibilitajiet eżistenti biex joħorġu awtorizzazzjonijiet għall-miżuri ta’ faċilitazzjoni previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. F’laqgħat mal-Istati Membri, il-Kummissjoni pprovdiet informazzjoni dettaljata dwar l-għażliet disponibbli skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni adottata ukoll, illum, il-miżura teknika li ġejja:
üRegolament Delegat
VIII
biex jiġu inklużi l-ibħra madwar ir-Renju Unit fid-dispożizzjonijiet dwar il-limiti ta’ żmien li fihom iridu jitressqu dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u dikjarazzjonijiet ta’ qabel it-tluq qabel id-dħul jew il-ħruġ fit-territorju doganali tal-Unjoni jew minnu.
Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, l-esportazzjoni ta’ oġġetti b'użu doppju mill-UE lejn ir-Renju Unit, mid-data tal-ħruġ ‘il quddiem, se tkun teħtieġ liċenzji individwali. Oġġetti b'użu doppju, softwer u teknoloġija li jistgħu jintużaw kemm għal applikazzjonijiet ċivili kif ukoll militari. L-Unjoni tikkontrolla l-esportazzjoni, it-tranżitu u s-senserija ta’ oġġetti b'użu doppju sabiex tkun tista’ tikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà u tipprevjeni l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM). L-Awtorizzazzjonijiet Ġenerali għall-Esportazzjoni tal-Unjoni (EUGEAs) jippermettu l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b'użu doppju lejn ċerti destinazzjonijiet taħt ċerti kundizzjonijiet. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli dwar l-esportazzjoni lejn ir-Renju Unit ta’ oġġetti b'użu doppju mid-data tal-ħruġ ‘il quddiem jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tar-reġim tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni għall-Istati Membri kollha tal-EU27, il-Kummissjoni adottat l-att li ġej:
üProposta għal Regolament
IX
biex ir-Renju Unit jiżdied mal-lista ta’ pajjiżi li għalihom awtorizzazzjoni ġenerali biex jesportaw oġġetti b'użu doppju hija valida fl-UE kollha.
Politika dwar it-tibdil fil-klima tal-Unjoni Ewropea
Il-politika dwar it-tibdil fil-klima tal-Unjoni tikkonsisti f’diversi strumenti, b’mod partikolari l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet, u sistema ta’ kwoti għat-tqegħid fis-suq ta’ idrofluworokarburi. L-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet taħdem fuq il-bażi ta’ mekkaniżmu tas-suq għall-provvista ta’ kwoti tal-emissjonijiet. Jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ jipparteċipa fis-sistema u l-kwoti li ġew emessi minnu jistgħu joħolqu sitwazzjoni ta’ provvista eċċessiva. Sabiex tiġi evitata distorsjoni tas-suq li tirriżulta minn dan, u biex jiġu żgurati l-funzjonament bla xkiel u l-integrità ambjentali tas-Skema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, il-Kummissjoni adottat l-att li ġej:
üDeċiżjoni tal-Kummissjoni
X
li tiġi sospiża b’mod temporanju għar-Renju Unit l-allokazzjoni bla ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet, l-irkantar, u l-iskambju tal-krediti internazjzonali b'effetti mill-1 ta’ Jannar 2019.
Barra minn hekk, jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ jieħu sehem fis-sistema ta’ kwoti għat-tqegħid tal-idrofluworokarburi fis-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni adottat il-miżuri li ġejjin:
üDeċiżjoni ta’ Implimentazzjoni
XI
biex tiġi permessa allokazzjoni tal-kwota annwali lil kumpaniji tar-Renju Unit biex jaċċessaw is-suq tal-EU27.
üRegolament ta’ Implimentazzjoni
XII
li jiżgura li r-rapportar mill-kumpaniji jiddistingwi bejn is-suq tal-UE u s-suq tar-Renju Unit biex jippermetti allokazzjoni korretta tal-kwoti fil-futur.
Setturi oħrajn
Il-Kummissjoni ttenni l-impenn tagħha biex tiżgura li l-programmi attwali bejn il-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq ikomplu fix-xenarji kollha, fl-isfond tal-importanza partikolari tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam. Għal dan il-għan, illum il-Kummissjoni adottat l-att li ġej:
üProposta għal Regolament
XIII
biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-programmi PEACE IV (l-Irlanda -ir-Renju Unit) u l-programmi r-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - Irlanda ta’ Fuq - l-Iskozja) sa tmiem l-2020.
Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss hija pproponiet li tkompli u ssaħħaħ l-appoġġ transfruntier għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fil-kontej tal-fruntiera tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.
Fl-aħħar nett, u bħala konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit, jeħtieġ li jkun hemm ċerti adattamenti għar-regoli dwar l-istatistika. F’dan ir-rigward, illum il-Kummissjoni adottat l-att li ġej:
üRegolament Delegat tal-Kummissjoni
XIV
dwar l-elenkar tar-Renju Unit fl-istatistika dwar il-bilanċ ta’ pagamenti, il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi u l-investiment dirett barrani.
6.Il-passi li jmiss dwar il-kontinġenza
Il-Kummissjoni se tkompli timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza tagħha fil-ġimgħat li ġejjin. Hija se tkompli timmonitorja l-ħtieġa li tittieħed azzjoni addizzjonali.
Il-koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri se tkompli, inkluż fis-seminars settorjali fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill (l-Artikolu 50). Il-Kummissjoni se tieħu sehem fil-laqgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet ta’ tħejjija u ta’ kontinġenza kemm -il darba jkun meħtieġ.
Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġiżlaturi jiżguraw l-adozzjoni tal-atti leġiżlattivi proposti sabiex ikunu fis-seħħ sad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li huwa importanti li l-atti delegati jidħlu fis-seħħ mill-aktar fis possibbli.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ttenni s-sejħiet tagħha lill-Istati Membri sabiex jibqgħu magħqudin ukoll fir-rigward tal-azzjoni ta’ kontinġenza, joqogħdu lura minn arranġamenti bilaterali li jkunu inkompatibbli mad-dritt tal-UE u li ma jistgħux jiksbu l-istess riżultati bħal azzjoni fil-livell tal-UE. Arranġamenti bħal dawn jistgħu jikkomplikaw ukoll l-istabbiliment ta’ kwalunkwe relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.
Lista ta’ atti legali adottati mill-Kummissjoni
-
(I)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Britanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (C(2018) 9139).
-
(II)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) li tiddetermina, għal perjodu ta’ żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal depożitorji ċentrali tat-titoli tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq huwa ekwivalenti skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (C(2018) 9138).
-
(III)
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2205, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/592 u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1178 li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data meta l-obbligu tal-ikklerjar jidħol fis-seħħ għal ċerti kuntratti ta’ derivattivi (C(2018) 9122).
-
(IV)
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-data sa meta l-kontropartijiet jistgħu jkomplu japplikaw il-proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju tagħhom għal ċerti kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn CCP (C(2018) 9118).
-
(V)
Proposta għal Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettivà bażika fl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq mill-Unjoni (COM(2018) 893 final).
-
(VI)
Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni (COM(2018) 894 final).
-
(VII)
Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fit-trasport tal-merkanzija fit-triq fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni (COM(2018) 895 final).
-
(VIII)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 fir-rigward tal-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet fil-qosor tad-dħul u dikjarazzjonijiet ta’ qabel it-tluq f’każ ta’ trasport bil-baħar mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, iċ-Channel Islands u Isle of Man u lejhom (C(2018) 9094).
-
(IX)
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 billi tingħata Awtorizzazzjoni Ġenerali tal-Unjoni ta’ Esportazzjoni fir-rigward ta’ ċerti oġġetti b’użu doppju mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (COM(2018) 891 final).
-
(X)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018 li tagħti struzzjonijiet lill-amministratur ċentrali biex jissospendi temporanjament l-aċċettanza min-naħa tar-Reġistru tat-Tranżazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tal-proċessi relevanti tar-Renju Unit relatati mal-allokazzjoni, l-irkantar u l-iskambju ta’ krediti internazzjonali (C(2018) 8707).
-
(XI)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1984 li tiddetermina, skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, il-valuri ta’ referenza fir-rigward tal-valuri ta’ referenza għall-perjodu mit-30 ta’ Marzu 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2020 għall-produtturi jew għall-importaturi stabbiliti fir-Renju Unit, li qiegħdu l-idrofluworokarburi legalment fis-suq mill-1 ta’ Jannar 2015, kif irrappurtat fil-qafas ta’ dak ir-Regolament (C(2018) 8801).
-
(XII)
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1191/2014 rigward ir-rappurtar tad-data msemmija fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 f’dak li għandu x’jaqsam mal-idrofluworokarburi li jitqiegħdu fis-suq fir-Renju Unit u fl-Unjoni ta’ 27 Stat Membru (C(2018) 8575).
-
(XIII)
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex ikunu jistgħu jitkomplew il-programmi għall-kooperazzjoni territorjali PEACE IV (l-Irlanda - ir-Renju Unit) u għar-Renju Unit - l-Irlanda (l-Irlanda - l-Irlanda ta’ Fuq - l-Iskozja) fil-kuntest tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (COM(2018) 892 final).
-
(XIV)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) tad-19 ta’ Diċembru 2018 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-livelli ta’ tqassim ġeografiku (C(2018) 8872).