Brussell, 14.12.2018

COM(2018) 843 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 dwar l-istatistika demografika Ewropea


1.Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 dwar l-istatistika demografika Ewropea 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ukoll “ir-Regolament”) jistabbilixxi qafas legali komuni għall-iżvilupp, għall-produzzjoni u għat-tixrid ta’ statistiċi Ewropej dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali.

Qabel, l-Istati Membri kienu jissottomettu din id-data b’mod volontarju għal diversi snin iżda minħabba li din kienet ibbażata fuq id-definizzjonijiet, il-kunċetti u l-metodi demografiċi varji tagħha, kien hemm riskji ta’ eteroġenità, ta’ inkomparabbiltà, ta’ inkonsistenza u ta’ nuqqas ta’ puntwalità. Il-qafas komuni kien maħsub biex jissodisfa l-ħtieġa għall-istatistiċi demografiċi annwali ta’ kwalità għolja meqjusa fundamentali għall-formulazzjoni u għall-evalwazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ politiki, b’mod partikolari rigward kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, f’livell nazzjonali u reġjonali. Dan hu partikolarment importanti għaliex l-istatistiċi dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali jintużaw bħala denominatur għal firxa wiesgħa ta’ indikaturi tal-politika.

L-Artikolu 11 tar-Regolament jitlob li l-Kummissjoni tissottometti l-ewwel rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2018 u t-tieni rapport sal-31 ta’ Diċembru 2023. Dan id-dokument hu dak l-ewwel rapport.

It-Taqsima 2 ta’ dan ir-rapport tagħti ħarsa ġenerali lejn l-istatistiċi demografiċi Ewropej u b’mod partikolari lejn ir-rekwiżiti tar-Regolament u l-miżura ta’ implimentazzjoni relatata adottata mill-Kummissjoni 2 .

It-Taqsima 3 tagħti rendikont ta’ kif ġie implimentat ir-Regolament, b’referenza għall-kriterji tal-kwalità stabbiliti għall-istatistiċi Ewropej, inklużi l-komparabbiltà u l-piż fuq il-fornituri tad-data u r-rispondenti fl-Istati Membri.

It-Taqsima 4 tiddeskrivi l-ġbir tad-data u l-metodi ta’ stima użati, li jinkludu dawk użati biex tiġi stmata l-popolazzjoni totali (l-Artikolu 4 tar-Regolament).

It-Taqsima 5 tirrapporta dwar ir-riżultati ewlenin tal-istudji ta’ fattibbiltà dwar id-definizzjoni ta’ “residenza abitwali” u l-implimentazzjoni ta’ din mill-Istati Membri (l-Artikolu 8).

Finalment, it-taqsima 6 tagħti ħarsa lill-kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati bl-għan li jittejjeb il-qafas komuni, fid-dawl tal-konklużjonijiet tat-taqsimiet preċedenti.

2.Ħarsa ġenerali lejn l-istatistiċi demografiċi koperti mir-Regolament

L-oqsma prinċipali tal-istatistiċi regolati bir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 huma:

·il-popolazzjoni skont l-età, is-sess u r-reġjun ta’ residenza;

·il-każijiet ta' twelid ħaj skont is-sess, ix-xahar tat-twelid, l-ordni tat-twelid ħaj, l-età tal-omm, is-sena tat-twelid tal-omm, il-pajjiż tat-twelid tal-omm, il-pajjiż taċ-ċittadinanza tal-omm u r-reġjun tar-residenza tal-omm;

·l-imwiet skont l-età, is-sess, is-sena tat-twelid, ir-reġjun tar-residenza, il-pajjiż tat-twelid, il-pajjiż taċ-ċittadinanza u x-xahar tal-mewt; u

·il-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” totali 3 għall-finijiet speċifiċi tal-Unjoni.

Ir-Regolament jipprovdi l-bażi ġuridika għall-ġbir tad-data meħtieġa għal:

Østatistiċi demografiċi dettaljati dwar il-popolazzjoni, il-każijiet ta' -twelid ħaj u ta' mwiet f’livell nazzjonali u reġjonali (Artikolu 3); u

Økejl tal-popolazzjoni totali għal votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata (VMK) fil-Kunsill, b’mod partikolari kif meħtieġ skont l-Artikolu 238(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 4).

Rigward l-Artikolu 3, filwaqt li l-Istati Membri huma meħtieġa jipprovdu data dwar il-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” tagħhom, tingħata ċerta flessibbiltà u l-Istati Membri jistgħu jipprovdu data dwar il-popolazzjoni ta’ “residenti legali” jew “reġistrata” u l-avvenimenti vitwali relatati (twelid ħaj u mwiet). B’mod aktar speċifiku, ir-Regolament (Artikolu 2(d)) jistipula li, meta ċ-ċirkustanzi għal residenzi abitwali ma jkunux jistgħu jiġu stabbiliti, “residenza abitwali” tista’ titqies li tfisser il-post ta’ residenza legali jew reġistrata.

Biex tgħin fl-implimentazzjoni tar-Regolament, il-Kummissjoni (Eurostat) tikkoopera mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali involuti fil-produzzjoni u fil-provvista tad-data rilevanti. Tabilħaqq, kienet tagħmel dan tul il-ħafna snin li matulhom id-data kienet tiġi pprovduta fuq bażi volontarja. L-istatistiċi jiġu forniti lill-Eurostat mill-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs).

Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 205/2014 biex tistabbilixxi arranġamenti prattiċi għad-disaggregazzjonijiet tad-data, għall-iskadenzi tat-trażmissjoni u għar-reviżjoni. Għaldaqstant, l-Istati Membri jipprovdu lill-Eurostat ukoll b’:

·data annwali proviżorja dwar il-popolazzjoni totali, il-każijiet ta' twelid ħaj totali u ta' mwiet totali f’livell nazzjonali (fi żmien sitt xhur minn tmiem kull sena bażi); u

·data proviżorja ta’ kull xahar dwar il-każijiet ta' twelid ħaj totali u ta' mwiet totali għal tal-anqas l-ewwel sitt xhur tas-sena bażi (sat-30 ta’ Novembru ta’ dik is-sena).

Minbarra d-data pprovduta skont ir-Regolament, l-Istati Membri jibagħtu ċertu numru ta’ tabelli fuq bażi volontarja, eż. informazzjoni dwar l-imwiet skont l-età, is-sess u l-kisbiet edukattivi, li jintużaw biex tiġi kkalkolata l-istennija tal-għomor skont il-kisbiet edukattivi.

Permezz ta’ monitoraġġ strett (fuq il-bażi ta’ metadata estensiva) tal-aderenza mal-kunċett u mad-definizzjoni ta’ “residenza abitwali”, ir-Regolament jiżgura li d-data dwar il-popolazzjoni prodotta għall-VMK (Artikolu 4) tkun komparabbli bejn l-Istati Membri.

3.Il-kwalità tad-data trażmessa

Din it-taqsima tevalwa l-implimentazzjoni tar-Regolmaent fuq il-bażi tal-kriterji standard dwar il-kwalità f’konformità mal-prinċipji tal-Kodiċi ta’ Prattika tal-Istatistika Ewropea 4  u mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistiċi Ewropej 5 .

Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 jeħtieġ li l-Istati Membri jiġbru, jikkumpilaw, jipproċessaw u jibagħtu statistiċi armonizzati dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali. Dawn iridu jiżguraw il-kwalità tad-data billi japplikaw kriterji speċifiċi tal-kwalità bħall-puntwalità u l-preċiżjoni (ara aktar ’il quddiem) li huma jridu jirrapportaw lill-Eurostat. Il-Eurostat jirrieżamina l-metadata u l-valutazzjonijiet tal-kwalità tal-Istati Membri, u jippubblika l-istatistiċi fuq is-sit web tiegħu fil-forma ta’ tabelli multidimensjonali jew ta’ artikli analitiċi akkumpanjati mill-metadata rilevanti.

Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-Istati Membri diġà kienu pprovdew fuq bażi volontarja ħafna mid-data li dan jeħtieġ. Madankollu, id-disponibbiltà u l-kompletezza tad-data tjiebu b’mod sinifikanti taħt il-bażi ġuridika l-ġdida. It-titjib ġenerali fil-kwalità tad-data wassal għal preċiżjoni, għal koerenza u għal komparabbiltà aħjar tad-data. L-Istati Membri tejbu s-sorsi ta’ data sottostanti u l-metodoloġiji u l-għodod statistiċi użati għat-tħejjija tad-data, u dan irriżulta f’kopertura aħjar u fi trażmissjonijiet aktar puntwali tad-data. Dan ippermetta lill-Kummissjoni biex tqassar iż-żmien meħtieġ għat-tixrid tad-data, tiffaċilita l-ħruġ aktar puntwali tad-data u tkompli ttejjeb l-aċċessibbiltà tad-data mill-utenti, eż. metadata mtejba u data armonizzata (ara t-taqsima 3.4 aktar ’il quddiem).

Barra minn hekk, il-ġbir tad-data ngħaqad ma’ dak tad-data meħtieġa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali, 6 biex tinkiseb konsistenza bejn id-diversi disaggregazzjonijiet tal-popolazzjoni u, sa fejn possibbli, fil-bilanċi demografiċi bejn il-popolazzjoni, l-avvenimenti vitali u l-flussi migratorji. Is-sottomissjonijiet tal-metadata tal-Istati Membri ngħaqdu flimkien ukoll.

3.1.    Rilevanza

Il-Kummissjoni tuża statistiċi demografiċi fit-tħejjija ta’ rapporti regolari, ta’ proposti tal-politika, ta’ rapporti ta’ implimentazzjoni meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, u ta’ analiżi tal-politiki. Pereżempju, ir-rapporti tagħha dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali 7 u s-“suppliment speċjali dwar it-tendenzi demografiċi” 8 tar-rieżami trimestrali tas-sitwazzjoni tal-impjiegi u soċjali tal-UE jużaw informazzjoni reġjonali u nazzjonali dwar il-popolazzjoni u l-avvenimenti vitali. Applikazzjoni diretta waħda tad-data mibgħuta skont ir-Regolament hi fil-qasam tal-projezzjonijiet ta’ kull tliet snin tal-Eurostat tal-popolazzjoni demografika, 9 li juru kemm id-daqs u l-istruttura tal-popolazzjoni jistgħu jinbidlu jekk jibqgħu validi ċerti suppożizzjonijiet dwar il-fertilità, il-mortalità u l-migrazzjoni. Dawn il-projezzjonijiet jintużaw ukoll għar-Rapport dwar it-tixjiħ, 10 biex jiġi vvalutat l-impatt ekonomiku u baġitarju fit-tul tat-tixjiħ tal-popolazzjoni.

Barra minn hekk, l-istatistiċi huma kontribut importanti fil-proċess deċiżjonali tal-UE, peress li l-popolazzjoni tiddetermina l-ponderazzjonijiet tal-VMK tal-Istati Membri fil-Kunsill.

L-istatistiċi prodotti skont ir-Regolament jintużaw b’mod regolari mill-amministrazzjonijiet nazzjonali, mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, mir-riċerkaturi akkademiċi u mill-gruppi tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti u għall-programmi ta’ ppjanar, ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni f’numru ta’ oqsma tal-politika soċjali u ekonomika. Pereżempju, dawn jintużaw biex:

·jiġu analizzati t-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-effetti ta’ dan fuq is-sostenibbiltà u l-benessri;

·tiġi evalwata l-fertilità bħala parti mill-isfond għall-politiki dwar il-familja; u

·jiġu kkalkolati l-istatistiċi per capita.

Mill-istatistiċi kollha mxerrda mill-Eurostat, dawk relatati mal-popolazzjoni huma dawk l-aktar ikkonsultati. It-taqsima “Population” 11 (“Popolazzjoni”) fuq is-sit web tal-Eurostat tippreżenta l-istatistiċi disponibbli, il-leġiżlazzjoni tal-UE kkonċernata (b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 1260/2013) u l-metodi ta’ ġbir tad-data. Minn nofs l-2016, din kienet it-taqsima tematika li tikklassifikata fl-ewwel post għan-numru ta’ konsultazzjonijiet mill-utenti b’viżwalizzazzjonijiet annwali tal-paġna fil-medda ta’ nofs miljun.

Fl-2015-2017, 12 id-data annwali dwar il-popolazzjoni f’livell nazzjonali 13 kienet konsistentement l-aktar popolari (bejn 11 % u 18 % tal-viżwalizzazzjonijiet annwali) mit-tabelli statistiċi soċjali u fost l-aktar tliet tabelli viżwalizzati tal-Eurostat. Hemm interess dejjem akbar fost l-utenti dwar id-data fuq it-tibdil fil-popolazzjoni. “Demographic balances and crude rates at national level” 14 (“Bilanċi demografiċi u rati mhux proċessati f’livell nazzjonali”) ra l-viżwalizzazzjonijiet tal-paġna tiegħu jiżdiedu b’66 % fl-2015-2017, u b’hekk ikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu bħala wieħed mill-aktar settijiet ta’ data popolari tal-Eurostat.

Dawn ir-riżultati jikkonfermaw ir-rilevanza tad-data għall-utenti u għall-pubbliku ġenerali.

3.2.    Preċiżjoni

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri huma ħielsa li jiddeċiedu liema sorsi tad-data jużaw, f’konformità mal-liġi u mal-prattika nazzjonali. Fejn xieraq jistgħu jintużaw metodi ta’ stima statistika b’bażi xjentifika u dokumentati kif xieraq (Artikolu 7 tar-Regolament).

Flimkien mad-data bażika, il-Eurostat jirċievi metadata relatata b’mod partikolari mal-preċiżjoni tad-data u li tispjega fost l-oħrajn:

·is-sorsi tad-data u l-proċeduri użati;

·kwalunkwe stima jew immudellar applikat għad-data; u

·l-effetti possibbli ta’ dawn fuq il-grad ta’ konformità mad-definizzjonijiet fir-Regolament.

Mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament, il-validazzjoni tad-data ttejbet permezz tal-introduzzjoni ta’ aktar kontrolli aktar dettaljati fil-kwestjonarju. L-Istati Membri jwettqu dawn il-kontrolli qabel ma jibagħtu d-data, u dan jirriżulta fi kwalità ġenerali mtejba tad-data. B’mod simili, regoli msaħħa għall-validazzjoni tad-data fil-bażi ta’ data tal-Eurostat qabel it-tixrid ta’ din komplew itejbu l-kwalità tar-riżultati.

Għad li sar ħafna titjib, għadhom jeżistu kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-preċiżjoni rigward:

·kopertura subottimali (eż. meta n-nies ma jirreġistrawx ir-residenza tagħhom); u

·kopertura sovraottimali (eż. meta n-nies ma jagħmlux “dereġistrazzjoni”, peress li spiss ma jkun hemm ebda obbligu jew inċentiv biex jagħmlu dan).

F’dan il-kuntest, il-Eurostat jippromwovi l-użu ta’ “flussi mera” rapportati mill-Istati Membri sħab biex jiġu solvuti l-iżbalji fil-kopertura dovuti għal nuqqas ta’ reġistrazzjoni u ta’ dereġistrazzjoni. Dan issorvelja din il-ħidma permezz ta’ diskussjoni approfondita mal-NSIs u billi ffaċilita l-iskambju ta’ data ta’ fluss mera bejn l-Istati Membri, b’kunsiderazzjoni tar-regoli dwar il-protezzjoni ta’ data personali u tad-differenzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Il-Eurostat u l-Istati Membri jaħdmu flimkien kontinwament biex isolvu kwistjonijiet pendenti u t-titjib jiġi diskuss u miftiehem f’laqgħat annwali tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni tal-istatistiċi dwar il-popolazzjoni, fejn huma rappreżentati l-NSIs kollha.

3.3.    It-tempestività u l-puntwalità

L-iskadenza ewlenija għall-provvista tal-biċċa l-kbira tad-data demografika lill-Eurostat hi ta’ 12-il xahar wara tmiem is-sena bażi; tliet settijiet ta’ data żgħar għandhom jintbagħtu fi żmien 6, 8 u 11-il xahar minn tmiem is-sena ta’ referenza.

Ġie osservat titjib konsiderevoli fil-puntwalità tal-provvista tad-data skont ir-Regolament, meta mqabbel mal-approċċ volontarju preċedenti. Dan hu dovut b’mod partikolari għall-introduzzjoni mill-Istati Membri ta’ estrazzjonijiet awtomatiċi mill-bażijiet ta’ data statistiċi tagħhom biex jikkonformaw mat-talbiet tad-data tal-Eurostat u għall-monitoraġġ tal-konformità regolari tal-Eurostat. Għad hemm xi kwistjonijiet iżolati mhux rikorrenti, eż. interruzzjonijiet ikkawżati minn ħsarat fis-sistemi kompjuterizzati.

Il-provvista aktar struttura u kompluta tad-data skont ir-Regolament ippermettiet lill-Eurostat iħejji l-proċessar tad-data minn qabel u, b’hekk, itejjeb il-veloċità u l-effiċjenza tal-immaniġġjar u tat-tixrid tad-data. Issa hu meħtieġ anqas żmien bejn ir-riċevuta u l-validazzjoni u, imbagħad, it-tixrid tad-data fuq is-sit web tal-Eurostat. Iż-żmien tal-proċessar tnaqqas ulterjorment bl-introduzzjoni gradwali ta’ proċeduri awtomatizzati interni ta’ validazzjoni, bir-rapportar tal-feedback dwar l-iżbalji lill-fornituri nazzjonali tad-data.

3.4.    L-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza

Id-data tal-Istati Membri u l-aggregati tal-UE huma disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web tal-Eurostat 15 . L-utenti jistgħu jaċċessaw l-istatistiċi tal-UE dwar id-demografija 16 permezz ta’ tliet kanali ewlenin:

·taħt l-intestatura “Tables” (“Tabelli”), tabelli bidimensjonali predefiniti jkopru l-aktar ħtiġijiet tad-data komuni b’mod aċċessibbli għal utenti anqas frekwenti jew anqas speċjalizzati;

·taħt l-intestatura “Database” (“Bażi ta’ Data”), hemm tabelli multidimensjonali disponibbli li jħallu lill-utenti jagħmlu domandi aktar avvanzati u dettaljati. Fuq talba tal-utent, il-Eurostat jipprovdi estrazzjonijiet personalizzati biex iwieġeb għal ħtiġijiet tad-data speċjalizzati ħafna jew dettaljati; u

·l-artikli aġġornati b’mod regolari jipprovdu introduzzjoni faċli għall-istatistiċi dwar il-popolazzjoni, billi jgħaqqdu l-graffs, it-tabelli u l-analiżi fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti relatati mal-popolazzjoni 17 .

Id-data demografika tiġi inkluża fil-pubblikazzjonijiet ta’ kompendju bħar-Regional Yearbook 18 tal-Eurostat u f’pubblikazzjonijiet dettaljati li jiffokaw fuq suġġetti speċifiċi relatati mad-demografija 19 . Kull sena, u diversi drabi, il-ħarġiet tad-data jkunu akkumpanjati minn stqarrijiet għall-istampa distribwiti b’mod mifrux jew minn aħbarijiet qosra. Il-Eurostat jippromwovi l-użu ta’ artikli Statistics Explained billi jagħti aktar informazzjoni dwar l-istatistiċi, it-tendenzi u l-interpretazzjoni tagħhom. Dan it-tip ta’ artiklu 20 jiġi prodott u aġġornat b’mod regolari għal ħafna mid-data miġbura skont ir-Regolament.

3.5.    Komparabbiltà u koerenza

L-istatistiċi demografiċi Ewropej jibbażaw fuq grad għoli ta’ armonizzazzjoni rigward kunċetti, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u metodoloġiji. Il-kwistjonijiet metodoloġiċi spiss jiġu diskussi fil-grupp ta’ esperti dedikat tal-Kummissjoni tal-istatistiċi dwar il-popolazzjoni, li jħeġġeġ ukoll l-iskambju ta’ esperjenzi u ta’ prattiki komuni fl-UE u lil hinn minnha. Biex jiżgura l-komparabbiltà tal-istatistiċi, il-Eurostat jivverifika jekk id-data li jirċievi tkunx konsistenti internament u maż-żmien, u komparabbli bejn reġjuni u Stati Membri, f’konformità mal-qafas ta’ garanzija tal-kwalità tas-Sistema Statistika Ewropea 21 .

Madankollu, għall-istatistiċi dettaljati msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament, l-applikazzjoni stretta tal-kunċett tal-popolazzjoni ta’ “residenza abitwali” irriżultat li hi l-akbar problema biex wieħed jindirizzaha. Qegħdin isiru sforzi u ħafna Stati Membri issa jistgħu japprossimaw ir-“residenza abitwali” fuq il-bażi tas-sorsi tad-data nazzjonali tagħhom. Madankollu, ċerti Stati Membri huma konxji mid-diskrepanzi li huma ma jistgħux jeliminaw għal-livelli tad-data dettaljati kollha (b’mod partikolari dak reġjonali) meħtieġa mill-Artikolu 3. Pereżempju, uħud ma jistgħux japplikaw il-kriterju ta’ 12-il xahar għal stokkijiet tal-popolazzjoni u għal avvenimenti vitali, spiss għaliex il-kundizzjoni tal-istatistika nazzjonali biex persuna tiġi inkluża fil-popolazzjoni tkun ibbażata fuq kriterji permanenti għaċ-ċittadini jew fuq kriterju ta’ sitt xhur. Fi ftit każijiet, il-komparabbiltà tad-data tkun affettwata minn kwistjonijiet speċifiċi minuri li jikkonċernaw l-użu tal-kunċett ta’ “reġistrazzjoni permanenti” biss, b’ebda kriterju taż-żmien għas-soġġorni. Biex jiġu solvuti dawn il-problemi, hu meħtieġ isir aktar xogħol fuq id-definizzjonijiet statistiċi ta’ “popolazzjoni”.

B’mod ġenerali, l-istatistiċi demografiċi huma komparabbli maż-żmien. Madankollu, jista’ jirriżulta nuqqas ta’ kontinwità meta l-Istati Membri jtejbu jew ibiddlu l-metodoloġija tagħhom, jew jaġġustaw l-unitajiet territorjali użati fl-istatistiċi. Dawn huma indikati kif xieraq fit-tabelli dwar it-tixrid tad-data fil-bażi ta’ data tal-Eurostat u dokumentati għall-utenti permezz tal-metadata fuq is-sit web tal-Eurostat jew fil-pubblikazzjonijiet rilevanti.

3.6.    Miżuri għat-titjib tal-kwalità

Il-Eurostat għadu jsegwi każijiet iżolati ta’ nuqqas ta’ konformità mar-Regolament, fejn id-data kienet inkompluta, kienet ta’ kwalità baxxa jew ma ntbagħtitx sal-iskadenzi legali. Dan jissorvelja u jivvaluta dawn l-aspetti tal-provvista tad-data fuq bażi kontinwa u jikkuntattja lill-Istati Membri konċernati f’livell tekniku u amministrattiv biex isolvu l-problemi.

4.Il-ġbir tad-data u l-metodi ta’ stima

4.1.    Data skont l-Artikolu 3 tar-Regolament

L-Istati Membri jiġbru d-data billi jużaw is-sorsi u l-prattiki nazzjonali tagħhom stess, iżda huma obbligati jiżguraw il-kwalità tad-data u tal-metadata li jibagħtu, u li jużaw sorsi tad-data u metodoloġiji li jippermettulhom jikkonformaw ma’ definizzjonijiet regolari komuni. Il-Eurostat jista’ jirrieżamina l-prattiki nazzjonali, peress li l-Istati Membri jridu jirrapportawlu s-sorsi tad-data, id-definizzjonijiet u l-metodi ta’ stima li jużaw u jinformawh dwar kwalunkwe tibdil.

Biex iżommu konformità mar-Regolament, l-Istati Membru tejbu l-kwalità tal-istatistiċi mibgħuta lill-Eurostat skont l-Artikolu 3 billi użaw sorsi addizzjonali, eż. reġistri tal-assigurazzjoni tas-saħħa, reġistri tat-taxxa u Ċensiment tal-2011. Barra minn hekk, tul dawn l-aħħar snin, il-maġġoranza vasta tal-Istati Membri għamlet, jew qed tippjana jew tikkunsidra, tibdiliet kbar fis-sorsi tad-data u fil-metodi użati għaċ-ċensimenti dwar il-popolazzjonijiet u l-abitazzjonijiet tagħhom; l-aktar komuni, dawn jikkonċernaw l-użu akbar tad-data minn sorsi amministrattivi u jitbiegħdu minn enumerazzjonijiet taċ-ċensimenti tradizzjonali “bieb, bieb” jew “bil-posta”. Dan għandu impatt importanti fuq il-produzzjoni ta’ statistiċi demografiċi annwali, kif spjegat aktar ’il quddiem fit-taqsimiet 4.3 u 5.

4.2.    Data skont l-Artikolu 4 tar-Regolament

L-Artikolu 4 tar-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw mal-Eurostat il-popolazzjoni totali tagħhom għal finijiet speċifiċi tal-Unjoni fuq il-bażi tal-kunċett strett ta’ “residenza abitwali”. Dawn jistgħu jistmawha mill-popolazzjoni “residenti legalment” jew “reġistrata” billi jużaw metodi ta’ stima b’bażi xjentifika, dokumentati sew u pubblikament disponibbli.

Skont il-fajls tal-metadata nazzjonali, ħafna mil-Istati Membri jistmaw il-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” totali tagħhom għaliex ma jinsabux f’pożizzjoni li jkejluha b’mod dirett.

Uħud mill-Istati Membri rrapportaw lill-Eurostat li huma jistmaw il-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” tagħhom billi japplikaw aġġustament ġenerali fil-popolazzjoni nazzjonali tagħhom, biex ikopru:

·flussi migratorji rapportati b’mod subottimali (jiġifieri nies li ma rreġistrawx meta waslu fl-Istat Membru jew ma għamlux dereġistrazzjoni meta telqu); u/jew

·avvenimenti vitali rapportati b’mod subottimali (jiġifieri avvenimenti li jseħħu barra l-pajjiż, iżda ma jiġux rapportati jew jiġu rapportati b’dewmien).

Stati Membri oħra jridu jaġġustaw il-kunċett nazzjonali tagħhom ta’ “durata tas-soġġorn” 22 biex ikun jistgħu jistmaw il-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” fuq il-bażi ta’ kriterju ta’ durata ta’ 12-il xahar tas-soġġorn.

Il-Eurostat ma osserva ebda inadegwatezza fil-metodoloġija użata għall-fajls tal-metadata u għad-dokumentazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri, u ebda problema fil-kwalità fir-riżultati.

4.3.    Spejjeż u piż

L-Artikolu 7 tar-Regolament għandu l-għan li jnaqqas il-piż tar-rispons fuq il-partijiet responsabbli biex jipprovdu data statistika; jippermetti lill-Istati Membri:

·jagħżlu s-sorsi tad-data f’konformità mal-liġi u mal-prattika nazzjonali; u

·jużaw metodi statistiċi xierqa ta’ stima, dment li dawn ikollhom bażi xjentifika u jkunu dokumentati kif xieraq.

Il-maġġoranza vasta tal-Istati Membri tiddikjara fl-informazzjoni tal-metadata li tuża sorsi tad-data amministrattiva biex tipproduċi statistiċi demografiċi, u b’hekk ma jkun hemm ebda piż fuq ir-rispondenti.

Il-piż fuq l-NSIs hu limitat għall-għażla tad-data meħtieġa skont ir-Regolament u għall-produzzjoni tat-tabelli rilevanti. Dan il-piż hu meqjus bħala l-minimu possibbli. Madankollu, għall-NSIs li ma jużawx ir-“residenza abitwali” għall-istatistiċi nazzjonali tagħhom, il-piż tal-produzzjoni taċ-ċifra tal-popolazzjoni (kif meħtieġ skont l-Artikolu 4) għall-ewwel sena ta’ referenza jista’ jitqies akbar, peress li dawn iridu jipproduċu metodoloġija speċjali u japplikaw metodu ta’ stima mill-2014 ’il quddiem.

5.Studji tal-fattibbiltà

L-Artikolu 8 tar-Regolament jeħtieġ li l-Istati Membri jwettqu studji tal-fattibbiltà fuq l-użu tad-definizzjoni ta’ “residenza abitwali” għall-popolazzjoni u għall-avvenimenti vitali. L-istudji jinvolvu l-analiżi tas-sorsi tad-data kurrenti u potenzjali, il-proċessar tad-data u l-possibbiltà li jiġu stmati l-istatistiċi neċessarji. Primarjament, dawn jimmiraw li jivvalutaw l-ambitu għat-titjib tal-komparabbiltà tal-kunċetti u tad-definizzjonijiet, u konsegwentement jirriżultaw fi kwalità u f’komparabbiltà aħjar tad-data.

Il-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE 23 wettqu studji tal-fattibbiltà dwar l-użu tad-definizzjoni ta’ “residenza abitwali” għad-disaggregazzjonijiet kollha tal-popolazzjoni u tal-avvenimenti vitali meħtieġa skont ir-Regolament, biex jivvalutaw jekk ikunx possibbli li jinkiseb l-istess kunċett ta’ “popolazzjoni” għall-Istati Membri kollha u għad-data kollha. L-appoġġ finanzjarju ġie pprovdut fil-forma ta’ għotjiet. Il-pajjiżi kollha ssottomettew rapporti dwar ir-riżultati tal-istudji lill-Eurostat sal-iskadenza stipulata fir-Regolament (il-31 ta’ Diċembru 2016). Ir-rapport juri li l-applikazzjoni tad-definizzoni tkun problematika għal uħud mill-Istati Membri, b’mod partikolari għal dawk li jużaw sorsi tad-data amministrattiva biex jipprovdu data lill-Eurostat għal statistiċi demografiċi u għal ċensimenti tal-popolazzjoni (li huma l-bażi tal-istatistiċi demografiċi f’diversi Stati Membri).

Din il-problema tista’ tinfirex aktar hekk kif jiżdied in-numru ta’ Stati Membri li jużaw data amministrattiva. Pereżempju, il-ħidma kurrenti biex titħejja s-serje tal-2021 ta’ ċensimenti dwar il-popolazzjonijiet u l-abitazzjonijiet turi li 13 mill-31 pajjiż tal-UE/taż-ŻEE li jipprovdu data skont ir-Regolament qed jippjanaw ċensiment primarjament ibbażat fuq reġistru, 8 minnhom qed jippreparaw ċensiment tradizzjonali u 10 oħra ċensiment kombinat ġeneralment ibbażat fuq reġistru tal-popolazzjoni. Wara s-serje taċ-ċensimenti tal-2021, il-bilanċ jista’ jxaqleb saħansitra aktar lejn ir-reġistri, peress li xi Stati Membri li għadhom iwettqu ċensiment tradizzjonali qed ifittxu approċċi alternattivi fattibbli bbażati fuq data amministrattiva.

Bħala sinteżi:

·ċerti Stati Membri jistmaw l-istokkijiet tal-popolazzjonijiet tagħhom darba fis-sena, billi jużaw komponenti demografiċi (twelid ħaj, imwiet, immigrazzjoni u emigrazzjoni) applikati għaċ-ċifri taċ-Ċensiment tal-2011;

·oħrajn jistmaw il-popolazzjoni fuq il-bażi tar-reġistri statistiċi dwar il-popolazzjoni; u

·diversi jużaw, jew ser ikunu qed jużaw, bosta sorsi tad-data (normalment amministrattiva) biex ikejlu r-“residenza abitwali”, b’mod partikolari fil-kuntest tal-evoluzzjoni taċ-ċensimenti dwar il-popolazzjoni.

Il-kwistjonijiet u d-diffikultajiet ewlenin imsemmija fir-rapporti tal-Istati Membri rigward il-fattibbiltà tal-kunċett ta’ “residenza abitwali” jistgħu jiġu raggruppati kif ġej:

·jintużaw kunċetti differenti ta’ “durata tas-soġġorn”: 3 xhur, 6 xhur, 9 xhur, 12-il xahar jew mingħajr limitu ta’ żmien. Normalment, l-Istati Membri jkunu jistgħu japprossimaw soġġorni ta’ 12-il xahar, iżda primarjament b’aġġustament ġenerali f’livell aggregat (jiġifieri għal data meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament). Madankollu, dawn mhumiex f’pożizzjoni li japprossimaw soġġorni ta’ 12-il xahar fil-livelli dettaljati meħtieġa skont l-Artikolu 3;

·filwaqt li d-dereġistrazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ post ġdid ta’ residenza spiss ikunu obbligatorji, f’diversi Stati Membri dawn ma jsirux jew isiru biss wara ċertu dewmien;

·Normalment l-Istati Membri jkunu jistgħu jgħoddu biss nies li s-soġġorn tagħhom ikun legali jew legalizzat. Konsegwentement, nies b’soġġorn irregolari ma jistgħux jingħaddu, anki jekk ikunu jistgħu jitqiesu li huma parti mill-popolazzjoni ta’ residenti abitwali;

·L-Istati Membri li jużaw reġistru tal-popolazzjoni u/jew data amministrattiva jaf isibu diffikultajiet biex jiddeterminaw “intenzjoni ta’ soġġorn”, kif meħtieġ għad-definizzjoni ta’ “residenza abitwali”, b’mod partikolari għal ċerti gruppi speċifiċi tal-popolazzjoni (eż. applikanti għall-ażil);

·meta jintużaw il-komponenti tal-popolazzjoni mill-bażi taċ-ċensiment (tar-residenza abitwali), għandha ssir valutazzjoni dwar jekk l-avvenimenti vitali jkunux konsistenti mal-kunċett ta’ “residenza abitwali”, jiġifieri meta d-data dwar l-avvenimenti vitali tinġabar ukoll skont dan il-kunċett. Madankollu, din il-valutazzjoni mhux dejjem issir; u

·ċerti “gruppi speċjali” tal-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” 24 ma jistgħux jiġu identifikati jew ma jkunx possibbli li jiġi vvalutat jekk humiex inklużi, eż. nies li jgħixu b’mod regolari f’aktar minn residenza waħda matul is-sena jew nies li jistgħu jkunu migranti irregolari jew mingħajr dokumenti.

Finalment, biex jinġabru l-konklużjonijiet tal-Istati Membri:

·ċerti Stati Membri jindikaw li huma diġà jipprovdu “residenza abitwali”, primarjament għaliex il-popolazzjoni tagħhom hi stmata ta’ kull sena mill-għadd taċ-Ċensiment tal-2011 (dwar ir-residenza abitwali) bl-użu ta’ komponenti tal-popolazzjoni (twelid ħaj, imwiet, immigrazzjoni u emigrazzjoni). Id-diskussjonijiet mal-pajjiżi kkonċernati se jissoktaw;

·uħud jivvalutaw li l-“popolazzjoni nazzjonali” (primarjament il-popolazzjoni reġistrata) tagħhom hi qrib ħafna tal-“popolazzjoni ta’ residenti abitwali”, b’mod partikolari fil-livell totali, u għalhekk ma jkun hemm ebda bżonn li tinbidel, peress li l-kwalità tkun suffiċjenti u kwalunkwe aġġustament ikun ifisser spejjeż addizzjonali. Madankollu, f’livell aktar disaggregat (jiġifieri fil-livelli meħtieġa mir-Regolament (UE) Nru 205/2014), id-differenzi jistgħu jsiru akbar u l-impatt potenzjali fuq statistiċi demografiċi aktar dettaljati għandu jiġi eżaminat; u

·f’ċerti Stati Membri, ir- "residenza abitwali” tista’ titkejjel bl-użu ta’ diversi metodi ta’ stima, eż. bl-użu ta’ “sinjali” minn data amministrattiva varja biex jiġi evalwat jekk in-nies humiex qed jgħixu fl-Istat Membru). Madankollu, dawn il-metodi jridu jiġu rfinuti iktar peress li llum ma jaħdmux għad-disaggregazzjonijiet meħtieġa kollha. eż. ċerti pajjiżi ma jistgħux jiddeterminaw ir-reġjun ta’ residenza.

6.Titjib ulterjuri tal-istatistiċi Ewropej dwar il-popolazzjoni

Dan ir-rapport wera li r-Regolament tejjeb b’mod sinifikanti l-istatistiċi Ewropej dwar id-demografika f’termini tad-disponibbiltà, tal-kompletezza, tal-puntwalità (tal-provvista tad-data mill-NSIs) u tal-puntwalità tad-data (tal-produzzjoni u tat-tixrid tad-data mill-Eurostat). Il-kwalità tad-data bbenefikat mit-tgħaqqid tal-ġbir tad-data ma’ dak tad-data riċevuta skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 862/2007 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni relatati, u s-serje ta’ Ċensimenti tal-2011. Il-kwalità għandha tkompli tittejjeb fil-futur, b’mod partikolari billi jiġu indirizzati l-kopertura subottimali u dik sovraottimali.

Korpi uffiċjali Ewropej u nazzjonali, korpi nongovernattivi u l-pubbliku ġenerali qed jagħmlu użu akbar mill-istatistiċi regolati bir-Regolament. Id-data għandha tirrifletti l-ħtiġijiet li dejjem qed jevolvu tal-utenti (eż. rigward l-influss ta’ nies li qed ifittxu refuġju fl-Ewropa) fid-dawl tat-tibdiliet demografiċi, filwaqt li jitqies il-piż fuq il-fornituri tad-data.

Modi kif tkompli tittejjeb is-sitwazzjoni se jiġu kkunsidrati fil-kuntest tat-tħejjijiet għaċ-ċensiment tal-popolazzjoni tal-UE ta’ wara l-2021.

7.Konklużjonijiet

Bis-saħħa tal-isforzi konġunti li jinvolvu l-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE, l-implimentazzjoni tar-Regolament żiedet u tejbet l-eżitu tal-istatistiċi ta’ kwalità għolja Ewropej dwar id-demografija.

Il-produzzjoni ta’ statistiċi demografiċi Ewropej skont ir-Regolament tista’ titqies għaddejja sew, u qed tipprovdi data rilevanti lil diversi partijiet ikkonċernati u lil amministrazzjonijiet lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali. Madankollu, l-imġiba demografika u l-istruttura tal-popolazzjoni jinsabu fi fluss kostanti u, hekk kif isiru disponibbli sorsi ġodda tad-data u metodi ġodda, monitoraġġ mill-qrib tal-produzzjoni kurrenti tad-data u tal-eżitu skont ir-Regolament u l-iżviluppi paralleli rigward il-ħtiġijiet futuri se jibqgħu sfida importanti fis-snin li ġejjin.

(1)      Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar statistika demografika Ewropea (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 39).
(2)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 205/2014 tal-4 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1260/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika demografika, fir-rigward tat-tqassim tad-dejta, tal-iskadenzi u tar-reviżjonijiet tad-dejta (ĠU L 65, 5.3.2014, p. 10).
(3)    “Residenza abitwali” hi l-post li fih persuna normalment tqatta' l-perjodu tal-mistrieħ tagħha ta’ kuljum, irrispettivament minn assenzi temporanji għal finijiet ta’ rikreazzjoni, ta’ vakanzi, ta’ żjarat lill-ħbieb u lill-qraba, ta’ negozju, ta’ kura medika jew ta’ pellegrinaġġi reliġjużi. Il-persuni li ġejjin biss jiġu kkunsidrati bħala residenti abitwali taż-żona ġeografika kkonċernata:
(4)       http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-32-11-955  
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(6)      Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-ġbir ta’ statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).
(7)       http://ec.europa.eu/regional_policy/mt/information/cohesion-report/
(8)       http://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/6917833/KE-BM-15-003-EN-N.pdf/ (disponibbli bl-Ingliż biss).
(9)       http://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections/population-projections-data (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(10)       https://ec.europa.eu/info/publications/economy-finance/2018-ageing-report-underlying-assumptions-and-projection-methodologies_en (disponibbli bl-Ingliż biss).
(11)       http://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(12)      Dan ikopri t-tixrid kollu skont ir-Regolament, hekk kif id-data miġbura skont l-Artikolu 3 ixxerdet għall-ewwel darba fl-ewwel trimestru tal-2015.
(13)      “Population on 1 January” (“Popolazzjoni fl-1 ta’ Jannar”) – kodiċi tad-data online: tps00001 (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(14)      “Population change – demographic balance and crude rates at national level” (“Tibdil fil-popolazzjoni – Bilanċ demografiku u rati mhux proċessati f’livell nazzjonali”) – kodiċi tad-data online: demo_gind (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(15)      Il-paġna ewlenija tal-Eurostat ( http://ec.europa.eu/eurostat ) u l-bażi ta’ data tal-Eurostat ( http://ec.europa.eu/eurostat/data/database ) (it-tnejn li huma disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(16)       http://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(17)       http://ec.europa.eu/eurostat/web/population-demography-migration-projections/population-data (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(18)       http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Eurostat_regional_yearbook (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(19)      Pereżempju, ara l-aħħar stqarrija għall-istampa tal-Eurostat dwar l-wewel stimi tal-popolazzjoni (10 ta’ Lulju 2018): ‘ Il-popolazzjoni tal-UE tikber għal kważi 513-il miljun fl-1 ta’ Jannar 2018 (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(20)       http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Population (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss).
(21)       http://ec.europa.eu/eurostat/documents/64157/4392716/ESS-QAF-V1-2final.pdf/bbf5970c-1adf-46c8-afc3-58ce177a0646 (disponibbli bl-Ingliż biss).
(22)      Ara t-taqsima 3.5.
(23)      Ir-Regolament (UE) Nru 1260/2013 għadu mhuwiex inkluż fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-istatistiċi.
(24)      Hemm ċerti gruppi tal-popolazzjoni li għalihom jista’ jkun hemm ċerta inċertezza rigward l-inklużjoni tagħhom fil-popolazzjoni ta’ “residenti abitwali” ta’ Stat Membru u li jkunu soġġetti għal trattament speċjali. Għal aktar dettalji, ara l-Kapitlu V (“Population bases” - “Bażijiet tal-popolazzjoni”) fuq:    
http://www.unece.org/fileadmin/DAM/stats/publications/2015/ECECES41_EN.pdf (disponibbli bl-Ingliż biss).