Brussell, 7.12.2018

COM(2018) 811 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Progress fl-Implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-foresti



“Strateġija ġdida tal-UE għall-foresti: għall-foresti u s-settur tal-foresti”


Introduzzjoni: l-Istrateġija tal-UE għall-Foresti

Fl-2013, il-Komunikazzjoni “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” 1 (“l-Istrateġija”) stabbiliet qafas ġdid tal-UE għall-koordinazzjoni u għall-iżgurar tal-koerenza f’politiki relatati mal-foresti u għat-tisħiħ tal-kontribuzzjoni tal-foresti u tas-settur ibbażat fuq il-foresti għall-objettivi tal-UE. Il-prinċipji li jiggwidawha huma l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti (l-SFM), ir-rwol multifunzjonali tal-foresti, l-effiċjenza fir-riżorsi u r-responsabbiltà globali għall-foresti..

L-Istrateġija tinvolvi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jaħdmu flimkien favur viżjoni komuni u ppjanar u implimentazzjoni koerenti tal-politiki relatati mal-foresti. Din tistabbilixxi żewġ objettivi ewlenin għall-2020: (i) l-iżgurar li l-foresti kollha fl-UE jkunu ġestiti skont il-prinċipji tal-SFM, u (ii) it-tisħiħ tal-kontribuzzjoni tal-UE għall-promozzjoni tal-SFM u għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni fil-livell globali. It-tnejn jindirizzaw it-tliet dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli, u jipprovdu approċċ olistiku għall-ġestjoni tal-foresti u għall-politika dwar il-foresti.

L-Istrateġija tindirizza tmien oqsma ta’ prijorità relatati li jkopru politiki u aspetti ewlenin rilevanti għall-ġestjoni tal-foresti, għas-settur ibbażat fuq il-foresti u għas-soċjetà. Sensiela ta’ “orjentazzjonijiet strateġiċi” taħt kull qasam ta’ prijorità tagħti indikazzjonijiet dwar kif il-prijoritajiet jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri.

Il-Kunsill 2 u l-Parlament Ewropew 3 , bl-appoġġ tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 u tal-Kumitat tar-Reġjuni 5 , laqgħu l-Istrateġija. Bi tweġiba għat-talbiet tagħhom, il-Kummissjoni pproduċiet Pjan Pluriennali ta’ Implimentazzjoni 6 (il-MAP tal-Foresti) f’kooperazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Forestrija (l-SFC) u l-pjattaformi tal-partijiet ikkonċernati identifikati fl-Istrateġija, li jiddefinixxi azzjonijiet konkreti, l-atturi u t-tempestività għall-2015-2020.

Il-proċess ta’ rieżami 

L-Istrateġija ppjanat rieżami sal-2018 għall-valutazzjoni tal-progress fl-implimentazzjoni tagħha. L-MAP tal-Foresti, li elenka l-prijoritajiet operatorji għall-Kummissjoni sal-2017, speċifika li dan ir-rieżami jkun ta’ għajnuna fid-determinazzjoni tal-prijoritajiet għall-perjodu 2018-20. Barra minn hekk, il-Kunsill stieden lill-“Kummissjoni biex tirrapporta lura lill-Kunsill dwar is-sejbiet ta’ dan ir-rieżami u tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha (...) sal-2018”.

Diversi sorsi ta’ evidenza sostnew ir-rieżami, inklużi riżultati ta’ evalwazzjonijiet tal-politika formali, rapporti tal-UE u pubblikazzjonijiet, supplimentati minn studju speċifiku wieħed 7 .

Tmien oqsma ta’ prijorità - Sommarju tal-progress 

Sal-lum, l-Istrateġija sostniet u ggwidat numru kbir ta’ attivitajiet mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri, minn partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati. Il-maġġoranza tal-azzjonijiet fl-MAP tal-Foresti, fost it-tmien oqsma ta’ prijorità kollha, ġiet implimentata kif previst: madwar 30% tlestew għalkollox, u wħud ġew implimentati parzjalment; 45% huma attivitajiet kurrenti. Madwar 10% tal-attivitajiet għadhom ma nbdewx, u ftit minnhom qed jesperjenzaw dewmien.

Il-progress skont il-qasam ta’ prijorità jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:

Nappoġġaw il-komunitajiet rurali u urbani tagħna

Il-politika ta’ żvilupp rurali (ŻR) tal-Politika Agrikola Komuni (il-PAK) għadha s-sors ewlieni ta’ appoġġ għall-protezzjoni u għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tal-UE. Għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, 24 Stat Membru ppjanaw miżuri tal-forestrija, jiġifieri 90% tal-programmi tal-iżvilupp rurali (il-PŻR), u impenjaw ammont ta’ 8.2 biljun EUR min-nefqa pubblika totali. Erba’ Stati Membri indirizzaw il-ħtiġijiet tal-forestrija tagħhom permezz ta’ għajnuna mill-Istat 8 .

Il-miżuri tal-forestrija jgħinu lill-Istati Membri jsostnu foresti u SFM multifunzjonali u jgħaqqduhom ma’ miżuri oħra tal-iŻR (eż. servizzi konsultattivi, taħriġ, investimenti, kooperazzjoni) biex jindirizzaw ħriġijiet reġjonali speċifiċi. Dawn jappoġġjaw l-espansjoni tal-foresti permezz tat-tisġir u permezz tal-istabbiliment u tat-tiġdid ta’ sistemi agroforestali 9 . Miżuri oħra li jsostnu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti jinkludu: il-prevenzjoni ta’ nirien u ta’ diżastri naturali (aktar minn 20% tan-nefqa ppjanata); ir-restawr wara l-ħsara; l-investiment għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-provvista ta’ servizzi ambjentali jew tal-kumditajiet, u l-kumpens għall-impenji ta’ Natura 2000 u dawk volontarji. Barra minn hekk, l-iŻR isostni investimenti biex jittejjeb il-valur ekonomiku tal-foresti u l-ipproċessar tal-injam preindustrijali.

Il-miżuri tal-forestrija huma mfassla biex isaħħu l-kontribuzzjoni tal-SFM għall-objettivi tal-politika tal-UE, filwaqt li jkunu ta’ benefiċċju għas-settur ibbażat fuq il-forestrija, jappoġġjaw l-iżvilupp rurali u jippromwovu l-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi b’koerenza mal-politiki ambjentali u klimatiċi ewlenin. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jaqbel b’mod adegwat mal-ħtiġijiet soċjetali u settorjali ewlenin 10 .

S’issa, l-użu ta’ ċerti miżuri (eż. agroforestrija, Natura 2000) għadu ma kisibx ir-riżultati mistennija. L-iskambju u l-promozzjoni addizzjonali tal-prattiki tajbin bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom jistgħu jgħinu fl-indirizzar ta’ fatturi potenzjalment limitanti, spiss attribwiti għall-piż amministrattiv jew għall-istruttura tas-sjieda tal-foresti. Il-proposta għall-PAK 2021-2027 11 , billi tipprovdi aktar sussidjarjetà u flessibbiltà, għandha ġġib opportunitajiet ġodda għall-Istati Membri biex ifasslu miżuri li jappoġġjaw aħjar il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet lokali bi proċeduri amministrattivi aktar sempliċi. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni kurrenti tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat 2014-2020 se jikkontribwixxu għar-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-interazzjoni tal-foresti u tas-siġar ma’ żoni urbani u periurbani, u l-fehim tar-rwol tagħhom għal dawk il-komunitajiet saru jesiġu dejjem aktar attenzjoni.

Inrawmu l-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Industriji tal-UE bbażati fuq il-Foresti (l-F-BI), il-bijoenerġija u l-ekonomija ekoloġika usa’

L-F-BI tal-UE jwettqu proċessar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi ta’ firxa wiesgħa ta’ materjali u ta’ prodotti 12 . Il-Pjan direzzjonali għall-Industriji bbażati fuq il-Foresti tal-UE, li akkumpanja l-Istrateġija, identifika l-isfidi li dawn is-setturi jaffaċċjaw u l-azzjonijiet neċessarji 13 . Fl-2015, il-ktajjen tal-valur estiżi tal-F-BI sostnew 3.6 miljun impjieg b’fatturat ta’ EUR 640 biljun (valur miżjud ta’ € 200 biljun) fl-ekonomija ekoloġika 14 , u ħadu post il-materjali bbażati fuq il-fossili. F’settur ibbażat fuq il-foresti li jħares ’il quddiem, l-istrateġija tippromwovi l-mobilizzazzjoni u l-użu sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi tal-bijomassa tal-foresti, l-iżvilupp tal-bijoekonomija, l-aċċess għal swieq domestiċi u internazzjonali, u r-R&I msaħħa.

L-istudji settorjali għenu biex isostnu l-kompetittività u s-sostenibbiltà, inklużi: id-disponibbiltà tal-injam u l-kompetittività globali 15 ; valutazzjoni tal-ispejjeż kumulattivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq l-F-BI 16 ; analiżijiet dwar l-informazzjoni għall-konsumaturi għall-għamara 17 u l-kaskati tal-injam 18 (bħala input għall-gwida dwar prattiki tajba tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari 19 20 ). Azzjonijiet biex jiġi stimolat it-tkabbir tas-suq domestiku ta’ prodotti bbażati fuq il-foresti, eż. fil-kostruzzjoni, huma promossi minn ċerti Stati Membri. B’mod parallel, l-UE nediet inizjattiva ta’ Pjan Direzzjonali dwar il-Ħiliet 21 għas-setturi tal-kostruzzjoni u tal-F-BI.

F’livell internazzjonali, sar progress fi ftehimiet kummerċjali bilaterali, b’mod partikolari mal-Kanada u mal-Ġappun fis-setturi rilevanti u mal-Ukrajna fil-promozzjoni tal-SFM 22 .

Sar progress sinifikanti fi ħdan il-Programmi Qafas tal-UE FP7 23 u Orizzont 2020 24 , sostnuti mill-EIP tal-Materja Prima 25 . Il-Pjattaforma tat-Teknoloġija tas-Settur Ibbażat fuq il-Foresti (l-FTP) 26 tippermetti l-kooperazzjoni msaħħa għall-innovazzjoni. Sħubijiet pubbliċi-privati fuq il-bijoprodotti 27 jgħinu biex jikkummerċjalizzawhom f’diversi applikazzjonijiet, eż. teknoloġiji ġodda tal-fibra, bijokomposti, bijoetanol, bijodiżil.

Ir-riformulazzjoni miftiehma tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli 28 tinkludi kriterji ġodda dwar is-sostenibbiltà dwar il-bijomassa tal-foresti użata għall-produzzjoni tal-bijoenerġija. Dawn il-kriterji, u l-ħidma kurrenti li tindirizza s-sostenibbiltà tal-prodotti bbażati fuq il-foresti, jibnu fuq il-ħidma tal-SFC dwar il-kriterji u l-indikaturi tal-SFM 29 . Ladarba jkunu operazzjonali bis-sħiħ 30 , ser isostnu l-SFM fl-UE u lil hinn minnha. 

Grupp fokus tal-EIP AGR 31 indirizza wkoll il-modi kif tittejjeb il-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-bijomassa mill-foresti tal-UE. L-Istrateġija riveduta tal-UE għall-Bijoekonomija 32 għandha tgħin biex titkattar l-innovazzjoni u jkompli jespandi r-rwol tal-bijomassa bbażata fuq il-foresti biex tieħu post materjali u prodotti mhux rinnovabbli, filwaqt li jitħares l-ambjent u tiġi żgurata ċ-ċirkolarità.

Il-foresti fi klima li qed tinbidel

L-Istrateġija tippromwovi prattiki ta’ ġestjoni tal-foresti fi ħdan oqfsa nazzjonali ta’ politika biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, jiġi sekwestrat is-CO2 u tinbena r-reżiljenza tal-foresti, billi jintużaw il-fondi u l-aħjar għarfien tal-UE.

L-għodod tal-politika tal-UE fis-seħħ jiżguraw il-kontribuzzjoni tal-foresti għall-mitigazzjoni (Regolament LULUCF 33 ) u l-adattament għat-tibdil fil-klima (l-Istrateġija tal-UE għall-Adattament 34 ). Ir-rapportar LULUCF skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima ġab progress sinifikanti biex jintlaħaq il-potenzjal ta’ mitigazzjoni tal-foresti tal-UE, filwaqt li tejjeb il-fehim tar-relazzjoni bejn il-klima u l-foresti u kattar l-azzjoni fl-aġendi tal-politiki tal-Istati Membri. Ir-Regolament LULUCF jisħaq fuq ir-rwol tal-foresti u tal-injam fit-tnaqqis tal-emissjonijiet u fis-sekwestru tal-karbonju, bħala bażi ulterjuri għall-SFM. Rigward l-adattament għat-tibdil fil-klima, 25 Stat Membru għandhom strateġiji nazzjonali jew settorjali ta’ adattament fis-seħħ; f’ħafna minnhom, il-foresti huma prijorità 35 .

L-UE pprovdiet appoġġ finanzjarju u istituzzjonali sinifikanti għall-indirizzar tan-nirien tal-foresti u ta’ diżastri oħra, inkluż permezz tal-PAK, tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, tal-fondi għar-riċerka u tal-fondi LIFE. Il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili jsostni l-prevenzjoni tan-nirien permezz ta’ valutazzjonijiet tar-riskju, ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni, ta’ sistemi ta’ twissija bikrija u ta’ sensibilizzazzjoni. Iċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (l-ERCC) jissorvelja r-riskju u l-inċidenza ta’ nirien għal rispons koordinat u veloċi, sostnut mis-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti (l-EFFIS). Wara l-avvenimenti estremi riċenti, proposta għat-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili 36 għandha l-għan li ssaħħaħ il-mezzi koordinati tal-UE għall-ġlieda kontra n-nirien u biex tinxteħet enfasi akbar fuq il-prevenzjoni u t-tħejjija, filwaqt li tikkontribwixxi għall-approfondiment tal-interazzjoni bejn l-adattament u l-protezzjoni ċivili.

L-esperjenza u l-iskambji addizzjonali ta’ prattiki tajbin fl-ippjanar, fl-implimentazzjoni u fil-monitoraġġ tal-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni u ta’ adattament u s-sinerġiji tagħhom, ikunu ta’ sostenn għas-sostenibbiltà fit-tul tal-foresti u jassiguraw il-ħżin tal-karbonju tagħhom.

Nipproteġu l-foresti u ntejbu s-servizzi tal-ekosistemi

L-Istrateġija tiffavorixxi approċċi preventivi għall-iżgurar tal-provvista mill-foresti ta’ servizzi tal-ekosistema u tal-kontribuzzjoni mill-foresti għall-bijodiversità; f’dan ir-rigward, tixħet dawl fuq il-potenzjal tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tal-Foresti (l-FMPs) jew ta’ strumenti ekwivalenti għal konsenja bbilanċjata ta’ oġġetti u ta’ servizzi. Tistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jimplimentaw id-Direttivi tal-UE dwar il-Ħabitats u l-Għasafar, l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità, biex jiżviluppaw modi ta'valwazzjoni għas-servizzi tal-ekosistema, u biex jintużaw il-fondi tal-UE għall-protezzjoni tal-kapital naturali tal-foresti.

L-inizjattiva għall-immappjar, għall-valutazzjoni u għall-valwazzjoni tas-servizzi tal-ekosistema (il-MAES) 37 għamlet progress, inkluż il-proġett pilota dwar il-foresti u xogħlijiet fuq sistema tal-kontijiet kapitali naturali tal-UE (l-INCA) 38 . Il-finanzjament mill-UE sar jintegra dejjem aktar l-opportunitajiet għas-sostenn tal-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema tal-foresti. Hemm evidenza limitata fuq kif l-SFM jappoġġja politiki bħad-Direttiva Qafas tal-UE dwar l-Ilma, iżda l-UE sostniet ir-riċerka f’dan il-qasam, jiġifieri permezz ta' proġett dwar il-provvista ta’ servizzi relatati mal-ilma 39 li jista’ jixħet aktar dawl b’sostenn tat-tfassil u tal-implimentazzjoni tal-politika.

L-istrumenti tal-UE għall-kontroll tal-pesti ssaħħew bir-Regolament il-ġdid dwar is-saħħa tal-pjanti 40 u bir-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi 41 , biex b’hekk tittejjeb il-protezzjoni tal-foresti u tal-pjanti tal-UE.

Il-Kummissjoni ppubblikat Gwida dwar Natura 2000 u l-Foresti 42 , li rriżultat minn sforz konġunt ta’ partijiet ikkonċernati varji ħafna. L-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-FMPs għamlet progress. L-Istati Membri u s-sidien u l-maniġers tal-foresti jużaw il-PŻR u l-finanzjament LIFE biex isostnu l-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom, u wħud ippromwovew inizjattivi għall-protezzjoni u għall-promozzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-foresti.

Minkejja l-azzjoni meħuda s’issa, l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE dwar il-bijodiversità għadha sfida kbira. Ir-rapporti dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet tal-foresti ma juru ebda titjib s’issa. Hemm bżonn ta’ sforzi ulterjuri biex jissaħħaħ ir-rwol tal-FMPs fil-kisba tal-miri tal-bijodiversità u tiġi sostnuta l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema. Il-finalizzazzjoni tal-ħidma kurrenti skont il-MAES u r-riċerka dwar l-għodod u l-metodi biex iqisu s-servizzi tal-ekosistema tal-foresti u l-premju finanzjarju tagħhom għandhom jipprovdu tagħrif ġdid f’dan il-qasam.

X’foresti għandna u kif qegħdin jinbidlu?

L-Istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ il-bażi tal-għarfien biex tindirizza l-isfidi għall-foresti u għas-settur ibbażat fuq il-foresti, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fl-iżvilupp tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien (il-FISE) bħala riferiment għad-data u għall-informazzjoni dwar il-foresti u l-forestrija fl-Ewropa, f’konnessjoni mill-qrib ma’ sistemi oħra tad-data u tal-informazzjoni, u tarmonizza d-data fil-livell tal-UE. 

Għadu qed jiġi żviluppat prototip tal-FISE. Xi sistemi ta’ informazzjoni kostitwenti rilevanti huma operazzjonali u aġġornati, eż. l-EFFIS (dwar in-nirien fil-foresti) jew il-FOREMATIS (dwar il-Materjal Forestali ta’ Riproduzzjoni). Bħalissa għaddejja l-ħidma fuq l-armonizzazzjoni tad-data dwar il-foresti, fost l-oħrajn biex tikkontribwixxi għal proċessi internazzjonali bħall-ġbir ta’ data għall-indikaturi tal-SFM tal-Foresti fl-Ewropa.

It-twaqqif tal-FISE xorta jeħtieġ ħidma sinifikanti fuq l-iżvilupp tas-sistema, il-ġbir u l-armonizzazzjoni ta’ data, u l-integrazzjoni tar-riżorsi minn sorsi eżistenti (eż. l-EFFIS, il-Climate-ADAPT 43 ), jew dawk futuri potenzjali (eż. id-DIABOLO, il-MAES).

Forestrija ġdida u innovattiva u prodotti b’valur miżjud

L-Istrateġija tipproponi aġenda ambizzjuża ta’ riċerka u innovazzjoni (R&I) bl-għan li ssaħħaħ is-sostenibbiltà tas-settur u l-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ proċessi innovattivi, permezz ta’ Orizzont 2020, l-EIP Materja Prima, l-EIP AGRI 44 , l-iSCAR 45 , l-istruttura ta’ governanza tal-foresti u fora rilevanti oħra tal-UE, u permezz tal-koordinazzjoni u tat-tixrid ta’ prattiki tajbin.

Ir-riċerka ffinanzjata mill-UE sostniet lis-settur ibbażat fuq il-foresti b’madwar 500 46 proġett mill-2007 ’l hawn 47 . Orizzont 2020 hu mistenni jisboq l-ammont totali ta’ aktar minn 500 miljun EUR minfuqa fuq ir-riċerka tas-settur ibbażat fuq il-foresti fl-FP7. Il-finanzjament innovattiv mill-FEŻR jissupplimentah, peress li ħafna reġjuni tal-UE għażlu prijoritajiet relatati mal-forestrija fl-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tagħhom. L-EIPs AGRI u Materja Prima jgħaqqdu l-forestrija mar-riċerka rilevanti: fl-agroforestrija; fil-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-bijomassa tal-foresti; fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u tal-kwistjonijiet ambjentali; u fil-ktajjen tal-valur.

Il-programmi FP7 ERA-NETs FORESTERRA, SUMFOREST u WoodWisdom sostnew madwar 70 proġett (85 miljun EUR) minn sorsi tal-UE u nazzjonali. ForestValue 48 , l-ERA-NET kurrenti ta’ Orizzont 2020 li jappoġġja t-tranżizzjoni lejn ekonomija bbażata fuq prodotti bijoloġiċi, jinvolvi 17-il pajjiż u mmobilizza EUR 20 miljun f’finanzjament nazzjonali u mill-UE. Il-Grupp ta’ Ħidma Strateġiku dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Foresti taħt SCAR 49 sostna l-koordinazzjoni, l-istudji dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-eżiti tar-riċerka finanzjata mill-UE, u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni ma’ fora oħra.

Id-definizzjoni tal-aġenti ta’ riċerka u tar-relazzjonijiet bejn ir-riċerka u l-EIPs tkun tibbenefika minn qafas imsaħħaħ għat-tixrid tar-riżultati tal-proġetti. Kapitalizzazzjoni b’saħħitha tal-innovazzjoni tul il-ktajjen tal-valur tkun ta’ għajnuna fl-appoġġ għall-kompetittività tas-settur fuq il-bażi tal-foresti. Orizzont 2020 jappella għal proġetti li jikkapitalizzaw fuq riżultati ta’ proġetti lesti, iżda l-eżiti tat-tali attivitajiet għadhom iridu jimmaterjalizzaw.

Naħdmu flimkien għal ġestjoni koerenti u għal fehim aħjar tal-foresti tagħna

Il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni huma neċessarji biex jiġu bbilanċjati objettivi u approċċi differenti tal-politika settorjali. L-Istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ il-governanza u l-komunikazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-Kumitat Permanenti dwar il-Forestrija (l-SFC), il-Grupp tad-Djalogu Ċivili dwar il-Forestrija u s-Sufra (is-CDG-FC), u l-Grupp ta’ Esperti dwar l-Industriji bbażat fuq il-Foresti u l-Kwistjonijiet Relatati mas-Settur (l-F-BI EG).

L-SFC għadu l-forum ewlieni għad-diskussjoni dwar il-foresti tal-UE u kwistjonijiet relatati mal-foresti u għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija. Is-sessjonijiet tiegħu ta’ informazzjoni u ta’ dibattitu dwar l-inizjattivi rilevanti kollha tal-politika tal-UE huma bbażati fuq programmi ta’ ħidma annwali li jibnu fuq l-MAP tal-foresti u li huma koerenti miegħu. L-SFC ħareġ opinjonijiet 50 u rapporti23 li ntbagħtu lill-persuni rilevanti li jfasslu l-politika. Fl-SFC, l-Istati Membri jaqsmu l-esperjenzi, l-inizjattivi, l-għarfien u l-pariri tagħhom. Kultant l-SFC jiltaqa’ ma’ partijiet ikkonċernati (is-CDG-FC) u ma’ gruppi ta’ esperti settorjali (eż. dwar il-bijodiversità).

Il-Grupp tad-Djalogu Ċivili dwar il-Forestrija u s-Sufra jiltaqa’ darbtejn fis-sena u għandu siġġu ta’ osservatur fl-SFC. Ipprovda riżoluzzjonijiet li wrew il-viżjoni konġunta tal-partijiet ikkonċernati fuq temi bħar-Regolament tal-UE dwar l-Injam (l-EUTR) u r-rwol tal-forestrija fil-PAK.

L-EG-FBI 51 ilu jopera mill-2014, u s’issa ffoka fuq kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, speċjalment mal-Istati tal-“Viċinat”, fuq ir-rieżami tal-EUTR u fuq l-użu kaskata tal-bijomassa.

Il-pjan li jitwaqqaf Netwerk Ewropew ta’ Uffiċċji tal-Foresti ma mmaterjalizzax. Minkejja dan, in-Netwerk Ewropew ta’ Inventarji Nazzjonali tal-Foresti (l-ENFIN) u diversi azzjonijiet ta’ riċerka b’appoġġ mill-UE 52 qed jaħdmu favur informazzjoni aktar armonizzata dwar il-foresti fl-Ewropa.

Ir-riżultati tal-istħarriġ tal-2015 tal-Ewrobarometru dwar il-perċezzjoni tal-pubbliku fuq il-benefiċċji pprovduti mill-foresti 53 jissuġġerixxu l-ħtieġa ta’ komunikazzjoni aħjar dwar l-importanza ta’ foresti ġestiti b’mod sostenibbli. L-approċċ meħud mill-Istrateġija tal-UE għall-Komunikazzjoni dwar il-Foresti 54 jipprovdi bażi solida għar-riflessjoni dwar kif jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet.

Il-foresti minn perspettiva globali

L-Istrateġija għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-isforzi globali għall-promozzjoni tal-SFM u għat-tnaqqis tad-deforestazzjoni, filwaqt li tiżgura l-konsistenza bejn il-politiki u l-impenji tal-UE u tal-iSM. Din tippromwovi r-rwol tal-foresti fl-iżvilupp sostenibbli, u tiġġieled id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti f’fora internazzjonali, fi ħdan l-azzjoni esterna u ta’ kooperazzjoni tagħha.

L-UE u l-Istati Membri adottaw pożizzjonijiet komuni biex jippromwovu l-SFM f’fora pan-Ewropej (FOREST EUROPE) u dawk internazzjonali relatati mal-foresti (eż. l-UNFF, l-FAO, l-ITTO) u fi proċessi internazzjonali oħra (eż. il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika), inklużi l-Aġenda tal-2030 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (l-SDGs) ta’ din, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Foresti 2017-2030 55 . Fi ħdan FOREST EUROPE 56 , l-UE qed tixtarr possibbiltajiet biex jiġi konkluż ftehim pan-Ewropew legalment vinkolanti dwar il-foresti, li jkun isarraf il-kunċett ta’ SFM f’liġi, u li għall-ewwel ikun ikopri 25% tal-foresti tad-dinja.

Il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT tal-UE hu rispons rilevanti u innovattiv għall-isfida tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-implimentazzjoni tiegħu tejbet b’mod sinifikanti l-governanza tal-foresti 57 fil-pajjiżi sħab. In-numru ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarji bejn l-UE u l-pajjiżi li jipproduċu l-injam qed jiżdied b’mod kostanti 58 . L-ewwel skema ta’ liċenzjar tal-FLEGT (l-Indoneżja) saret operazzjonali fl-2016. Ir-rieżami tal-EUTR 59 ikkonferma l-potenzjal tiegħu li jiġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat, iżda anki l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ l-applikazzjoni uniformi u effettiva tiegħu; l-implimentazzjoni tiegħu fl-2015-17 uriet titjib sinifikanti. Barra minn hekk, studju li jindirizza l-impatti tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti xeħet dawl fuq din il-problema kumplessa 60 . Il-Kummissjoni se tressaq inizjattiva ġdida biex issaħħaħ l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni.

Il-politika tal-iżvilupp tal-UE ssostni l-attivitajiet globali relatati mal-foresti, kif indirizzati fil-Pjan Strateġiku Internazzjonali għall-Kooperazzjoni u għall-Iżvilupp 2016-2020, u tippromwovi l-interventi inklużivi ta’ kooperazzjoni fl-ekonomija ekoloġika 61 . Ħafna proġetti juru l-valur tal-appoġġ tal-UE u tal-Istati Membri, b’mod dirett jew permezz ta’ multidonaturi globali, fil-promozzjoni tal-SFM f’livell globali. L-UE qed issostni lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fil-pjanijiet nazzjonali REDD+, u b’inizjattivi li jippromwovu ktajjen ta’ provvista b’ebda deforestazzjoni. L-UE tfittex ukoll li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-promozzjoni tal-SFM u impenji għall-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ assoċjat fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali.

Finanzjament mill-UE għall-foresti u għas-settur ibbażat fuq il-foresti

Il-Kummissjoni allinjat id-diversi flussi ta’ finanzjament mill-UE biex issostni l-objettivi u l-prijoritajiet tal-Istrateġija. Il-PAK hi s-sors ewlieni ta’ finanzjament tas-settur tal-foresti (nefqa pubblika ta’ EUR 8.2 biljun), f’koerenza u f’sinerġija ma’ Fondi SIE oħra 62 , ma’ LIFE, u mal-Programm Qafas ta’ Riċerka tal-UE.

Il-prijorità klimatika stabbilita għall-fondi tal-UE tipprovdi inċentivi mmirati sinifikanti biex titrawwem azzjoni klimatika fil-foresti. Min-naħa l-oħra, l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-protezzjoni tal-foresti u għat-tisħiħ tas-servizzi tal-ekosistema għadhom mhumiex użati bis-sħiħ.

Il-finanzjament ġenerali mill-UE għar-R&I fis-settur ibbażat fuq il-foresti żdied b’mod sinifikanti (249 proġett irċivew 615-il miljun € fl-2013-17) 63 , b’appoġġ ta’ innovazzjonijiet u tal-promozzjoni tat-tkabbir u tal-impjiegi. 

Il-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE assenjat EUR 235 miljun għall-perjodu 2014-2020 b’appoġġ tal-attivitajiet FLEGT u REDD+ primarjament taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, li huma komplimentati minn programmi ta’ kooperazzjoni speċifiċi għall-pajjiżi u għar-reġjuni, b’enfasi fuq it-titjib tal-governanza u l-promozzjoni tal-konservazzjoni tal-foresti.

Konklużjoni - Progress lejn l-objettivi tal-2020

Sar progress sinifikanti fil-mira li jintlaħqu l-objettivi tal-2020. Mindu ġiet adottata, l-Istrateġija ġabret b’mod effettiv l-azzjonijiet tal-UE fil-prinċipji u fl-għanijiet tagħha, filwaqt li ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-oqsma ta’ politika kollha tal-UE li huma rilevanti għall-foresti u għas-settur ibbażat fuq il-foresti, ippromwoviet approċċ konsistenti kemm fil-politiki domestiċi kif ukoll f’dawk internazzjonali, b’tali mod li ppermettiet lill-UE u lill-Istati Membri jkunu minn ta’ quddiem nett fid-dinja kollha fil-qasam tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

Sar progress sostanzjali kemm fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet li jindirizzaw it-tmien oqsma ta’ prijorità tal-Istrateġija kif ukoll fl-orjentazzjonijiet strateġiċi. L-Istrateġija hija rikonoxxuta mill-Istati Membri bħala influwenza fuq il-politiki u l-azzjonijiet tagħhom, anki f’livell subnazzjonali 64 .

L-Istrateġija hi għodda politika valida li tippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħafna sfidi u rwoli tal-foresti, meta l-objettivi tal-politiki l-ġodda u l-prijoritajiet soċjetali l-ġodda qed jitolbu dejjem aktar li jinqdew diversi skopijiet li kultant jistgħu jiġu perċepiti bħala kontradittorji. Id-domandi soċjetali li dejjem qed jiżdiedu mill-foresti, il-pressjonijiet akbar u l-fatturi ta’ stress klimatiċi jistgħu jeħtieġu sforzi u impenn addizzjonali mill-atturi rilevanti kollha biex jintensifikaw il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-involviment tal-esperti, inkluż bejn is-setturi u bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet ikkonċernati oħra.

Żviluppi ta’ politika ġodda ser ikun jistħoqqilhom l-attenzjoni xierqa fil-perjodu ta’ implimentazzjoni li fadal, inkluż għall-iżgurar tal-kontribuzzjoni tal-foresti għall-qafas dwar il-klima u l-enerġija - b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-LULUCF u l-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jiġu affaċċjati l-adattament tal-foresti għat-tibdil fil-klima, bl-għan li jitwettqu l-impenji tal-UE skont il-Ftehim ta’ Pariġi. L-Istrateġija u l-prijoritajiet tagħha huma idonei biex tiġi enfasizzata l-importanza tal-foresti u tal-politiki relatati tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-2030 fl-UE u f’livell globali, b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Foresti 2017-2030.

L-implimentazzjoni ssoktata tal-Istrateġija, bl-appoġġ tal-baġit tal-UE, se tgħin lill-foresti tal-UE, li jkopru 40% tat-territorju, biex jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-bilanċ territorjali, għat-tkabbir u għall-impjiegi f’żoni rurali u urbani, jappoġġjaw lis-settur ibbażat fuq il-foresti biex jibqa’ kompetittiv u lill-bijoekonomija biex tiżviluppa, filwaqt li jipproteġu l-bijodiversità u jiżguraw il-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema. Il-komunikazzjoni tal-valur u tal-importanza ta’ foresti ġestiti sew għas-soċjetà, u b’hekk l-iżgurar ta’ appoġġ soċjetali b’saħħtu għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, huma essenzjali biex jiġu sostnuti dawn l-għanijiet.

(1)

COM(2013)659.

(2)

http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/en/agricult/142685.pdf

(3)

http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+TA+P8-TA-2015-0109+0+DOC+PDF+V0//EN

(4)

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 127–133.

(5)

ĠU C 126, 26.4.2014, p. 3-7.

(6)

SWD(2015)164.

(7)

L-Istudju dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Foresti.

(8)

Eż. Fil-Ġermanja, ħafna mil-Länder jipprovdu għajnuna għall-forestrija permezz tal-iŻR, u tliet Länder permezz tal-għajnuna mill-Istat.

(9)

Mira tat-tisġir: > 300.000 ettaru; Mira tal-agroforestrija: >80.000 ettaru.

(10)

  Evaluation of the forestry measures under Rural Development.

(11)

COM(2018) 392 final.

(12)

Eż. għall-: kostruzzjoni, l-għamara, l-istampar, l-imballaġġ, il-prodotti iġjeniċi, l-addittivi tal-ikel, u dejjem aktar it-tessuti bbażati fuq prodotti bijoloġiċi wkoll, is-sustanzi kimiċi, il-prodotti farmaċewtiċi, il-plastiks, il-komposti tal-istampar 3D u l-bijokarburanti.

(13)

SWD(2013) 343.

(14)

  http://ec.europa.eu/environment/basics/green-economy/index_en.htm

(15)

https://ec.europa.eu/docsroom/documents/10017/attachments/1/translations/en/renditions/pdf

(16)

  https://ec.europa.eu/growth/content/study-assessment-cumulative-cost-impact-specified-eu-legislation-and-policies-eu-forest-0_en

(17)

  http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/7572/attachments/1/translations

(18)

  https://ec.europa.eu/growth/content/study-optimised-cascading-use-wood-0_en

(19)

  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/TXT/?uri=CELEX%3A52015DC0614

(20)

Għall-pubblikazzjoni qabel tmiem l-2018.

(21)

  http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=1415&langId=en

(22)

Fil-qafas taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva UE-Ukrajna.

(23)

  https://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm https://ec.europa.eu/research/fp7/index_en.cfm  

(24)

  https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en  

(25)

  https://ec.europa.eu/growth/sectors/raw-materials/policy-strategy_en

(26)

http://www.forestplatform.org/#!/  

(27)

Impriża Konġunta għall-Industriji Bbażati fuq il-Prodotti Bijoloġiċi skont Orizzont 2020 ( https://www.bbi-europe.eu/ )

(28)

Ara l-ftehim proviżorju milħuq f’Ġunju 2018: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-10308-2018-INIT/en/pdf

(29)

  https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/forest/publications/pdf/sfcci-report_en.pdf

(30)

Sa Jannar 2021 l-Kummissjoni se tkun stabbiliet gwida operazzjonali

(31)

  https://ec.europa.eu/eip/agriculture/en/focus-groups/sustainable-mobilisation-forest-biomass

(32)

COM/2018/673.

(33)

Ir-Regolament (UE) 2018/841.

(34)

COM (2013) 216.

(35)

  https://climate-adapt.eea.europa.eu/countries-regions/countries

(36)

“RescEU: sistema Ewropea ġdida għall-indirizzar tad-diżastri naturali”, mistennija li tiġi adottata fl-2018.

(37)

  http://ec.europa.eu/environment/nature/knowledge/ecosystem_assessment/index_en.htm

(38)

  http://ec.europa.eu/environment/nature/capital_accounting/index_en.htm

(39)

  http://www.cost.eu/COST_Actions/ca/CA15206

(40)

Ir-Regolament 2016/2031.

(41)

Ir-Regolament 1143/2014.

(42)

https://ec.europa.eu/agriculture/forest/publications_mt  

(43)

  https://climate-adapt.eea.europa.eu/

(44)

  https://ec.europa.eu/eip/agriculture/en/about  

(45)

Il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola ( https://scar-europe.org/ ).

(46)

Il-bażijiet ta’ data EU CORDIS u ERA-NET fihom (10/2018) 273 proġett finanzjat mill-FP7 (madwar EUR 514-il miljun) u 214-il proġett ta’ Orizzont 2020 (madwar EUR 388 miljun).

(47)

  https://scar-europe.org/images/FOREST/Documents/SWG_forestry_study-v2.pdf

(48)

  https://forestvalue.org/

(49)

L-SWG tal-Foresti ta’ SCAR jippromwovi r-riċerka u l-kooperazzjoni transnazzjonali dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, il-kompetittività settorjali, u l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema.

(50)

https://ec.europa.eu/agriculture/forest/standing-committee/opinions_mt

(51)

L-EG-FBI jiġbor flimkien rappreżentanti mill-industrija settorjali, l-iSM u partijiet ikkonċernati settorjali oħra.

(52)

Inklużi, eż., id-DIABOLO, żewġ azzjonijiet COST, u kuntratt kurrenti maċ-Ċentru Ewropew ta’ Data dwar il-Foresti.

(53)

  http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/69759 http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/publicopinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/69759

(54)

  https://ec.europa.eu/agriculture/sites/agriculture/files/fore/publi/communication-strategy_en.pdf

(55)

  https://documents-dds-ny.un.org/doc/UNDOC/GEN/N17/184/62/PDF/N1718462.pdf?OpenElement

(56)

Il-Konferenza Ministerjali dwar il-Protezzjoni tal-Foresti fl-Ewropa ( https://foresteurope.org/ )

(57)

SWD(2016) 275.

(58)

Sitt VPAs ġew konklużi u disgħa qed jiġu negozjati. ( http://ec.europa.eu/environment/forests/flegt.htm )

(59)

COM(2016) 74 final.

(60)

  http://ec.europa.eu/environment/forests/studies_EUaction_deforestation_palm_oil.htm

(61)

  https://europa.eu/capacity4dev/file/80634/download?token=-ZXMS3Cz

(62)

Eż. L-Istati Membri allokaw kważi EUR 8 biljun lill-Objettiv Tematiku 5 “adattament għat-tibdil fil-klima, prevenzjoni tar-riskji u ġestjoni” biex jindirizzaw diversi riskji li jinkludu n-nirien fil-foresti.

(63)

Skont il-Pjattaforma tat-Teknoloġija tas-Settur Ibbażat fuq il-Foresti.

(64)

“Ġestjoni sostenibbli tal-foresti fir-reġjuni”. Rapport mill-Kumitat tar-Reġjuni, 2018.