13.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 264/54


Il-Ħamis 24 ta’ Mejju 2012
Il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa

P7_TA(2012)0222

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Mejju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-omofobija fl-Ewropa (2012/2657(RSP))

2013/C 264 E/09

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 6, 7, 21 u 27 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikoli 10 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

wara li kkunsidra s-Sett ta' Miżuri għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tat-Tgawdija tad-Drittijiet tal-Bniedem kollha minn Persuni Leżbjani, Omosesswali, Bisesswali u Transesswali (LGBT) adottat mill-Grupp ta' Ħidma għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 1728 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tad-29 ta' April 2010 dwar id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru, u r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)5 tal-Kumitat tal-Ministri tal-31 ta' Marzu 2010 dwar miżuri sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali jew l-identità tal-ġeneru,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali ta' Novembru 2010 dwar l-omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tat-18 ta' April 2012 dwar id-drittijiet tal-bniedem fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni, inklużi l-implikazzjonijiet għall-politika strateġika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2011 dwar is-Samit bejn l-UE u r-Russja li jmiss (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tat-28 ta' Settembru 2011 dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru fin-Nazzjonijiet Uniti (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tad-19 ta' Jannar 2011 dwar il-ksur tal-libertà ta' espressjoni u diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fil-Litwanja (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-Liġi Litwana dwar il-Ħarsien tal-Minorenni kontra l-Effetti Negattivi tal-Informazzjoni Pubblika (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-omofobija, u partikolarment dawk tas-26 ta' April 2007 dwar l-omofobija fl-Ewropa (6), tal-15 ta' Ġunju 2006 dwar iż-żieda fil-vjolenza razzista u omofoba fl-Ewropa (7), u dik tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-omofobija fl-Ewropa (8),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi, u trid tirrispetta u tippromwovi dawn il-valuri fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja;

B.

billi l-omofobija hija l-biża' irrazzjonali u l-istmerrija tal-omosesswalità maskili u femminili u tal-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru (LGBT) abbażi tal-preġudizzju, u simili għar-razziżmu, il-ksenofobija, l-antisemitiżmu u s-sessiżmu, u billi timmanifesta ruħha fl-oqsma pubbliċi u privati f'forom differenti, bħad-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għad-diskriminazzjoni, iż-żufjett u l-vjolenza verbali, psikoloġika u fiżika, il-persekuzzjoni u l-qtil, id-diskriminazzjoni bi ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza u l-limitazzjoni inġustifikata u irraġonevoli tad-drittijiet, li spiss ikunu mistura wara ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku, il-libertà tar-reliġjon u d-dritt għall-oġġezzjoni ta' kuxjenza;

Ċ.

billi, fir-Russja, ġew adottati liġijiet kriminali u amministrattivi kontra l-'propaganda tal-omosesswalità' fir-reġjuni ta' Ryazan fl-2006, Arkhangelsk fl-2011 u Kostroma u San Pietruburgu fl-2012, filwaqt li r-reġjuni ta' Novosibirsk, Samara, Kirov, Krasnoyarsk u Kaliningrad attwalment qed jikkunsidraw liġijiet bħal dawn; billi dawn il-liġijiet jippreskrivu varji multi sa EUR 1 270 għal individwi u sa EUR 12 700 għal assoċjazzjonijiet u kumpaniji, u billi d-Duma tal-Istat qed tikkunsidra liġi simili;

D.

billi, fl-Ukraina, il-Parlament qed jeżamina żewġ abbozzi ta' liġi mressqa fl-2011 u fl-2012 li permezz tagħhom it-“tixrid tal-omosesswalità” jkun reat, inkluża “l-organizzazzjoni ta' laqgħat, parati, azzjonijiet, dimostrazzjonijiet u avvenimenti tal-massa bl-għan tat-tqassim intenzjonat ta' kwalunkwe informazzjoni pożittiva dwar l-omoesswalità”, u li jippreskrivu multi u pieni sa ħames snin ħabs, billi l-Kumitat għal-Libertà ta' Espressjoni u Informazzjoni tal-Parlament Ukrain jappoġġa dawn l-abbozzi ta' liġi;

E.

billi, fil-Moldova, il-bliet ta' Bălți, Sorochi, Drochia, Cahul, Ceadîr Lunga u Hiliuți, kif ukoll id-distretti ta' Anenei Noi u Basarabeasca reċentement adottaw liġijiet li jipprojbixxu “propaganda aggressiva ta' orjentamenti sesswali mhux tradizzjonali” u f'każ wieħed “attività Musulmana”, billi tali miżuri diġà kienu ġew iddikjarati antikostituzzjonali mill-Kanċellerija tal-Istat fil-każ ta' Chetriș;

F.

billi, fil-Litwanja, għadu mhux ċar legalment jekk l-informazzjoni pubblika tista' jew ma tistax tippromwovi l-aċċettazzjoni tal-omosesswalità skont il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minorenni mill-Effetti Detrimentali tal-Informazzjoni Pubblika li ġiet emendata fl-2010;

G.

billi, fil-Latvja, membru tal-Kunsill tal-Belt ta' Riga reċentement ressaq abbozz ta' liġi biex tiġi pprojbita l-“propaganda tal-omosesswalità” bl-għan li ma titħalliex issir il-parata “Baltic Pride” ta' Marzu 2012, u billi din il-proposta għadha ma ġietx eżaminata;

H.

billi, fl-Ungerija, il-partit tal-lemin estrem Jobbik reċentement ressaq diversi abbozzi ta' liġi bl-għan li jinħoloq ir-reat ġdid ta' “propagazzjoni ta' disturbi tal-imġiba sesswali”, u fil-Kunsill tal-Belt ta' Budapest tressqet ordinanza lokali minn Fidesz biex “jiġu limitati d-dimostrazzjonijiet oxxeni” qabel il-Gay Pride ta' Budapest, u billi dawn il-proposti sussegwentement ġew irtirati;

I.

billi d-Delegazzjoni tal-UE għall-Moldova esprimiet “dispjaċir kbir u preokkupazzjoni kbira” rigward “dawn il-manifestazzjonijiet ta' intolleranza u diskriminazzjoni”;

J.

billi l-Kummissjoni ddikjarat l-impenn tagħha li tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-UE u ddikjarat li l-omofobija mhijiex aċċettabbli fl-Ewropa;

K.

billi l-omofobija għadha timmanifesta ruħha, fl-Istati Membri u f'pajjiżi terzi, f'forom bħal qtil, il-projbizzjoni ta' parati “gay pride” u dimostrazzjonijiet favur l-ugwaljanza, l-użu pubbliku ta' lingwaġġ xewwiexi, ta' theddid u ta' mibegħda, in-nuqqas min-naħa tal-pulizija li tipprovdi protezzjoni adegwata u dimostrazzjonijiet vjolenti awtorizzati minn gruppi omofobi;

L.

billi l-Parlament Ewropew għadu impenjat favur l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru fl-UE, u b'mod partikolari favur l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali, li hija mblukkata minħabba l-oġġezzjonijiet ta' xi Stati Membri; billi huwa favur proposti li se jitressqu dalwaqt dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti ta' stat ċivili; jemmen li r-reviżjoni li se ssir tad-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija għandha tinkludi r-reat ta' omofobija; u billi huwa favur pjan direzzjonali komprensiv għall-ugwaljanza mingħajr diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali u identità tal-ġeneru;

Sitwazzjoni fl-Unjoni Ewropea

1.

Jikkundanna bil-qawwa kull diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru, u jiddispjaċih ħafna li, fl-Unjoni Ewropea, id-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBT mhux dejjem huma rispettati totalment; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jiżguraw li l-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru jkunu mħarsa mid-diskors ta' mibegħda omofoba u mill-vjolenza u jiżguraw li s-sħab tal-istess sess igawdu mil-istess rispett, dinjità u protezzjoni bħall-bqija tas-soċjetà; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkundannaw b'konvinzjoni d-diskors ta' mibegħda omofoba u l-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza, u jiżguraw li l-libertà li wieħed jipparteċipa f'dimostrazzjoni - garantita mit-trattati kollha tad-drittijiet tal-bniedem - tkun rispettata fil-prattika;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina d-Deċiżjoni Qafas dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija bil-għan li jissaħħaħ u jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tagħha biex jinkludi r-reati ta' mibegħda abbażi tal-orjentament sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali fis-setturi kollha tkun projbita billi jiġi komplut il-pakkett ta' kontra d-diskriminazzjoni bbażat fuq l-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment liberu tiġi implimentata mingħajr ebda diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex jiġu rikonoxxuti reċiprokament l-effetti tad-dokumenti tal-istat ċivili abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku;

5.

Jiġbed l-attenzjoni dwar il-konklużjonijiet tal-Aġenzija Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rapport tagħha dwar l-Omofobija, it-transfobija u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw kemm jista' jkun l-opinjonijiet inkorporati fir-rapport;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni teżamina bir-reqqa r-riżultati futuri tal-istħarriġ dwar l-LGBT tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, u tieħu azzjoni xierqa;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-rapport annwali dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jinkludi strateġija biex jissaħħaħ il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-UE, kif ukoll informazzjoni sħiħa u komprensiva dwar l-inċidenza tal-omofobija fl-Istati Membri u soluzzjonijiet u azzjonijiet proposti biex din tingħeleb;

8.

Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni toħloq pjan direzzjonali komprensiv għall-ugwaljanza mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru;

9.

Iqis li huwa aktar probabbli li d-drittijiet fundamentali ta' persuni LGBT jkunu mħarsa jekk ikun hemm aċċess għal istituzzjonijiet legali bħall-koabitazzjoni, sħubija reġistrata jew żwieġ; jilqa' pożittivament il-fatt li 16-il Stat Membru attwalment joffru dawn l-għażliet u jistieden lil Stati Membri oħra jikkunsidraw li jagħmlu dan;

Liġijiet omofobi u libertà ta' espressjoni fl-Ewropa

10.

Huwa preokkupat immens bl-iżviluppi li jillimitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda abbażi ta' kunċetti żbaljati dwar l-omosesswalità u t-transġeneriżmu; iqis li l-Istati Membri tal-UE għandhom ikunu eżemplari fl-applikazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-Ewropa;

11.

Jiddispjaċih li liġijiet ta' dan it-tip diġà jintużaw biex jiġu arrestati u mmultati ċittadini, inklużi ċittadini eterosesswali, li jesprimu appoġġ, tolleranza jew aċċettazzjoni għall-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transġeneru; jiddispjaċih ukoll li dawn il-liġijiet jilleġittimaw l-omofobija u, kultant, il-vjolenza, bħalma ġara fil-każ tal-attakk vjolenti fuq xarabank b'attivisti LGBT fis-17 ta' Mejju 2012 f'San Pietruburgu;

12.

Jikkundanna l-vjolenza u t-theddid marbuta mal-manifestazzjoni “Kiev Pride” tal-20 ta' Mejju 2012 li matulha żewġ mexxejja tal-gay pride ssawtu u dan wassal biex il-parata titħassar; ifakkar li l-ftehimiet tal-UE huma kkundizzjonati għar-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif stabbiliti fit-Trattati, u għaldaqstant jistieden lill-Ukraina tintroduċi leġiżlazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali; huwa tal-fehma li l-iżviluppi attwali fl-Ukraina ma jirriżultawx koerenti ma' dan ir-rekwiżit; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jirrevokaw minnufih l-abbozzi ta' liġijiet rilevanti, jipproponu leġiżlazzjoni li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni – inkluża d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' orjentament sesswali – u jintrabtu li s-sena d-dieħla l-organizzazzjoni tal-manifestazzjoni “Kiev Pride” tkun bla periklu;

13.

Jissottolinja l-fatt li t-terminu “propaganda” rarament jiġi definit; jesprimi kosternazzjoni li l-organizzazzjonijiet tal-midja ċċensuraw lilhom infushom b'mod ċar, iċ-ċittadini qed jiġu intimidati u jibżgħu jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, u l-assoċjazzjonijiet u l-kumpaniji li jużaw simboli favur l-omosesswali, bħall-qawsalli, jistgħu jittellgħu l-qorti;

14.

Jenfasizza l-fatt li dawn il-liġijiet u l-proposti huma inkoerenti mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li jimpedixxi liġijietu prattiki diskriminatorji (9) abbażi tal-orjentament sesswali u li r-Russja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Istati Membri kollha tal-UE huma firmatarji tiegħu; jistieden lill-Kunsill tal-Ewropa jinvestiga dan il-ksur tad-drittijiet fundamentali, jivverifika l-kompatibbiltà tiegħu mal-impenji marbuta mal-adeżjoni mal-Kunsill tal-Ewropa u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u jieħu miżuri xierqa;

15.

Barra minn hekk, jenfasizza li l-edukazzjoni hi kruċjali u għaldaqstant jesprimi l-ħtieġa ta' edukazzjoni sesswali tajba, aċċessibbli u ta' rispett; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintensifikaw il-ġlieda kontra l-omofobija permezz tal-edukazzjoni kif ukoll permezz ta' mezzi amministrattivi, ġudizzjarji u leġiżlattivi;

16.

Fl-aħħar nett, jisħaq fuq l-fatt li l-qrati nazzjonali u internazzjonali affermaw konsistentement li l-preokkupazzjonijiet rigward il-moralità pubblika ma jiġġustifikawx trattament differenti, anke fir-rigward tal-libertà ta' espressjoni; jinnota l-maġġoranza l-kbira ta' pajjiżi fl-Ewropa li m'għandhomx liġijiet bħal dawn, u għandhom soċjetajiet reċiprokament rispettużi, varjati u mexjin 'il quddiem;

17.

Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti fir-Russja, fl-Ukraina, fil-Moldova u fl-Istati Membri kollha tal-UE juru u jiżguraw ir-rispett għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, u jikkunsidraw mill-ġdid dawn il-liġijiet fid-dawl tad-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-impenji tagħhom skont dan id-dritt;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jieħdu nota ta' dawn il-projbizzjonijiet u jikkundannawhom, partikolarment fil-kuntest tal-affarijiet interni, id-djalogu bilaterali u l-Politika Ewropea tal-Viċinat; jistieden ukoll lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqajmu l-kwistjoni f'fora internazzjonali rilevanti, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti;

*

* *

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tar-Russja u tal-Ukraina, lill-parlamenti reġjonali tar-Russja msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, u lill-kunsilli lokali tal-Moldova msemmija f'din ir-riżoluzzjoni.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0126.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2011)0575.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2011)0427.

(4)  ĠU C 136 E, 11.5.2012, p. 50.

(5)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 18.

(6)  ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 776.

(7)  ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 491.

(8)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 179.

(9)  Toonen v. l-Awstralja, Komunikazzjoni Nru 488/1992, Dok. NU CCPR/C/50/D/488/1992 (1994); Young v. l-Awstralja, Komunikazzjoni Nru 941/2000, Dok. NU CCPR/C/78/D/941/2000 (2003); X v. il-Kolombja, Komunikazzjoni Nru 1361/2005, Dok. NU CCPR/C/89/D/1361/2005 (2007);