11.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 380/5 |
It-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2011
Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta’ Lisbona
P7_TA(2011)0251
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ġunju 2011 dwar Ftehimiet Internazzjonali dwar l-Ajru skont it-Trattat ta’ Lisbona (2010/2207(INI))
2012/C 380 E/02
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar ir-reviżjoni tal-ftehim ta’ qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea (1) ("il-Ftehim ta’ Qafas"), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Ġunju 2010 dwar il-ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn l-UE u l-Istati Uniti (2), |
— |
wara li kkunsidra riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-Kanada (3), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta’ April 2007 dwar l-Istabbiliment ta’ Żona Ewropea ta’ Avjazzjoni Komuni (4), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 2007 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar it-Trasport bl-Ajru bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Istati Uniti tal-Amerika, min-naħa l-oħra (5), |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda għall-politika esterna tal-Komunità dwar l-avjazzjoni (6), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "L-iżvilupp tal-aġenda għall-politika barranija tal-avjazzjoni tal-Komunità" (COM(2005)0079), |
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A7-0079/2011), |
A. |
billi, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-Parlament ġie kkonsultat biss dwar il-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru, |
B. |
billi l-approvazzjoni tal-Parlament issa hi meħtieġa għall-ftehimiet li jkopru l-oqsma li tapplika għalihom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, |
C. |
billi, meta l-Kummissjoni tkun qed tinnegozja ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Parlament għandu "jinżamm informat immedjatament u kompletament fl-istadji kollha tal-proċedura" (7), |
D. |
billi l-Ftehim ta’ Qafas għandu jiżgura li s-setgħat u l-prerogattivi tal-Istituzzjonijiet jiġu eżerċitati b'mod kemm jista' jkun effikaċi u trasparenti, |
E. |
billi f’dak Il-Ftehim ta’ Qafas il-Kummissjoni ntrabtet li tirrispetta l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-Parlament u tal-Kunsill rigward kwistjonijiet leġiżlattivi u baġitarji, speċjalment rigward l-aċċess għal laqgħat u t-trażmissjoni ta’ kontribuzzjonijiet jew informazzjoni oħra, |
Introduzzjoni
1. |
Jikkunsidra li l-ftehimiet dwar l-ajru komprensivi mal-pajjiżi ġirien jew is-sħab globali sinifikattivi jistgħu jipprovdu benefiċċji sostanzjali lill-passiġġieri, lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija u lil-linji tal-ajru, kemm permezz ta’ aċċess għas-suq u ta’ konverġenza regolatorja għall-promozzjoni ta’ kompetizzjoni ġusta, u dan ukoll fir-rigward ta’ sussidji Statali u ta’ standards soċjali u ambjentali; |
2. |
Jirrikonoxxi li l-ftehimiet orizzontali, li jallinjaw il-ftehimiet bilaterali eżistenti mal-leġiżlazzjoni Komunitarja, huma meħtieġa biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u jingħataw benefiċċji addizzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mas-simplifikazzjoni u l-assigurazzjoni li l-linji tal-ajru kollha tal-Unjoni jkunu jistgħu jgawdu mill-istess drittijiet; |
3. |
Jinnota li standards tas-sigurtà tat-titjiriet u tal-ajru għall-passiġġieri, l-ekwipaġġi u l-vjaġġi bl-ajru in ġenerali huma ta’ importanza fundamentali u għalhekk jappoġġja l-konklużjoni ta’ ftehimiet dwar is-sikurezza tal-ajru mal-pajjiżi li għandhom industrija sinifikattiva tal-manifattura tal-mezzi tal-ajru, meta jitqiesu l-ispejjeż iffrankati u l-istandards konsistentement għoljin li jistgħu jinkisbu jekk tiġi minimizzata d-duplikazzjoni tal-valutazzjonijiet, testijiet u kontrolli; |
4. |
Jiddispjaċih li l-Kunsill għad irid jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim dwar l-ajru komprensiv mas-sieħba kummerċjali importanti bħar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indja; jikkunsidra li dan in-nuqqas qed ikun ta’ aktar ħsara għall-interessi tal-Unjoni, b'mod partikulari minħabba t-tkabbir rapidu ta’ dawn l-ekonomiji; |
5. |
Jinnota li fil-lista l-aktar riċenti tal-Kummissjoni dwar negozjati attwali dwar ftehimiet internazzjonali tal-avjazzjoni, hemm neqsin pajjiżi importanti bħall-Ġappun u l-Federazzjoni Russa; |
6. |
Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kwistjoni tat-titjiriet fuq is-Siberja; jitlob lill-Kummissjoni biex tagħmel l-isforzi kollha neċessarji, inkluż billi ssegwi wkoll din il-kwistjoni fil-kuntest tan-negożjati tal-adeżjoni tar-Russja mad-WTO, biex tevita distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn kumpaniji tal-avjazzjoni tal-UE; |
Il-kriterji biex jiġi vvalutat ftehim
7. |
Jenfasizza li f'kull negozjazzjoni għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-benefiċċji ta’ ftehim minn kmieni meta mqabbel ma’ dewmien bl-intenzjoni li jinkiseb riżultat aktar ambizzjuż; |
8. |
Jindika li, meta jkun qed jivvaluta l-ftehimiet komprensivi li jiġu ppreżentati għall-approvazzjoni, il-Parlament se jagħmel ħiltu biex japplika sett ta’ standards konsistenti; jinnota b'mod partikolari fit-twettiq ta’ din l-analiżi l-Parlament għandu jiffoka fuq: kemm ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq u l-opportunitajiet għal investiment jiġu llaxkati b'mod ibbilanċjat; kemm jingħataw inċentivi biex l-istandards soċjali u ambjentali jinżammu u jissaħħu; kemm jiġu pprovduti salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza; kemm hu inkluż ir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards ta’ sikurezza u sigurtà; u kemm hu żgurat livell għoli ta’ drittijiet għall-passiġġieri; |
9. |
Jikkunsidra li hemm bżonn urġenti ta’ standards dinjin għall-protezzjoni tad-data u l-privatezza u li l-kriterji stabbiliti mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 jipprovdu mudell xieraq għal ftehim ta’ dan it-tip; jinnota li l-Unjoni għandu jkollha rwol ta’ pijuniera fl-iżvilupp ta’ standards internazzjonali bħal dawn; |
10. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza dejjem tikber tal-kontribut tas-settur tal-avjazzjoni għat-tisħin globali u jikkunsidra li l-ftehimiet għandhom jinkludu impenn għal ħidma flimkien, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-mezzi tal-ajru, flimkien mal-objettiv li tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknika fl-oqsma tax-xjenza klimatika (emissjonijiet tas-CO2 u emissjonijiet oħra relevanti għall-klima fl-atmosfera), ir-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġiji u l-effiċjenza tal-fjuwils; |
11. |
Jenfasizza li diversi aspetti tar-regolamentazzjoni tal-avjazzjoni, inklużi r-restrizzjonijiet tal-istorbju u l-limitazzjonijiet fuq it-titjiriet bil-lejl, għandhom jiġu stabbiliti fil-livell lokali, b'konformità sħiħa mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u tas-sussidjarjetà; jitlob lill-Kummissjoni tikkoordina dawn il-kwistjonijiet fil-livell Ewropew, waqt li tqis il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri kif ukoll il-prinċipju fundamentali tal-"approċċ bilanċjat", kif ġie definit mill-organizzazzjoni internazzjonali għall-avjazzjoni ċivili; |
12. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-ftehimiet dwar l-ajru sabiex tippromwovi l-konformità mal-leġiżlazzjoni internazzjonali relevanti dwar id-drittijiet soċjali, b'mod partikulari l-istandards tax-xogħol imħaddna fil-konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO 1930-1999), il-Linji Gwida tal-OKŻE għall-Intrapriżi Multinazzjonali (1976, riveduti 2000) u l-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-Liġi Applikabbli għall-Obbligi Kuntrattwali tal-1980; |
13. |
Jinnota li, fil-każ tal-ftehimiet dwar is-sikurezza, il-kriterji jinkludu: rikonoxximent reċiproku sħiħ tal-prattiki u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni; l-iskambju tad-data dwar is-sikurezza; ispezzjonijiet konġunti; aktar kooperazzjoni regolatorja; u konsultazzjonijiet ta’ livell tekniku sabiex il-kwistjonijiet jiġu solvuti qabel ma jkollu jibda l-mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; |
Il-Proċedura
14. |
Jisħaq fuq il-fatt li, sabiex ikun jista' jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwar jagħtix l-approvazzjoni tiegħu jew le fl-aħħar tan-negozjati, hemm bżonn li l-Parlament isegwi l-proċess mill-bidu; jikkunsidra li hu wkoll fl-interessi tal-Istituzzjonijiet l-oħra li kwalunkwe tħassib ta’ biżżejjed importanza li jqajjem dubji dwar ir-rieda tal-Parlament li jagħti l-approvazzjoni tiegħu jiġu identifikati u indirizzati fi stadju bikri; |
15. |
Ifakkar li, skont il-Ftehim ta’ Qafas tal-2005, il-Kummissjoni diġà hi obbligata tipprovdi informazzjoni minn kmieni u ċara lill-Parlament waqt it-tħejjija, it-tmexxija u l-konklużjoni ta’ negozjati internazzjonali; jinnota li l-Ftehim ta’ Qafas rivedut ta’ Ottubru 2010 jgħdi b’mod partikolari, li l-Parlament mill-bidu għandu jirċievi u fejn meħtieġ, fuq il-bażi kunfidenzjali, dettalji sħaħ dwar il-proċedura li tkun għaddejja fl-istadji kollha tan-neguzjati; |
16. |
Jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi lill-kumitat responsabbli tiegħu bl-informazzjoni dwar l-intenzjoni li tipproponi negozjati bil-ħsieb li jiġu konklużi u emendati ftehimiet internazzjonali dwar l-ajru, u bl-abbozzi tad-direttivi ta’ negozjazzjoni, l-abbozzi tat-testi ta’ negozjazzjoni u d-dokument li għandu jiġi inizjalat, flimkien mad-dokumenti u l-informazzjoni l-oħra relevanti; jistenna li r-rwol tal-Parlament rigward kwalunkwe emendi ulterjuri għal ftehim internazzjonali dwar l-ajru jkun stipulat espliċitament fil-ftehim; |
17. |
Jinnota li l-informazzjoni msemmija qabel skont Artikolu 24 tal-Ftehim ta’ Qafas ta’ dan it-tip għandha tiġi trażmessa lill-Parlament, b'mod li jekk hemm bżonn ikun jista' jesprimi l-pożizzjoni tiegħu; jitlob espressament lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar kif ġew ikkunsidrati l-opinjonijiet tal-Parlament; |
18. |
Jirrikonoxxi li meta l-Parlament jirċievi informazzjoni sensittiva dwar negozjati li jkunu għaddejjin, għandu obbligu li jiżgura li tinżamm il-kunfidenzjalità; |
19. |
Jinnota li r-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament jippermettu li l-Parlament "jista', fuq il-bażi ta’ rapport mill-kumitat responsabbli, […] jadotta rakkomandazzjonijiet u jitlob li dawn jitqiesu qabel tiġi konkluża l-ftehima internazzjonali kkonċernata" (Artikolu 90(4)); |
20. |
Jirrikonoxxi li l-ftehimiet dwar l-ajru ta’ spiss jagħtu rwol sostanzjali lil kumitat konġunt, b'mod partikulari fir-rigward tal-konverġenza regolatorja; jaċċetta li, f'ħafna każi, dan hu mezz aktar flessibbli u effikaċi għat-teħid tad-deċiżjonijiet milli wieħed jipprova jinkludi tali punti fil-ftehim innifsu; madankollu, jenfasizza l-importanza li l-Parlament jirċievi informazzjoni kompluta u f'waqtha dwar il-ħidma tad-diversi kumitati konġunti; |
21. |
Jitlob lill-Kummissjoni, bl-iskop li jinżamm fluss ta’ informazzjoni, biex tippreżenta rapport regolari lill-Parlament, mu mhux anqas minn kull tliet snin, li janalizza l-punti pożittivi u negattivi tal-ftehim li japplika; tinnota li dan jippermetti lill-Parlament jevalwa ftehimiet futuri b'mod iktar effiċjenti; |
*
* *
22. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) Testi adottati, P7_TA(2010)0366.
(2) Testi adottati, P7_TA(2010)0239.
(3) ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70.
(4) ĠU C 74 E, 20.03.2008, p. 506.
(5) ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 143.
(6) GU C 287 E, 24.11.2006, p. 84.
(7) L-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.