5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/99


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
L-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini

P6_TA(2009)0389

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 b'talba lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini (2008/2169(INI))

2010/C 212 E/14

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iffirmat ġo Liżbona, fit-13 ta' Diċembru 2007,

wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu fl-20 ta' Frar 2008 fit-Trattat ta' Liżbona (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu fid-19 ta' Jannar 2006 fuq il-perijodu ta' riflessjoni: l-istruttura, is-suġġetti u l-kuntest għal evalwazzjoni tad-dibattitu fuq l-Unjoni Ewropea (3),

wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Petizzjonijiet (A6-0043/2009),

A.

billi t-Trattat ta' Liżbona jintroduċi l-inizjattiva taċ-ċittadini, li permezz tagħha ċittadini ta' l-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali ta' l-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati – Artikolu 11(4) tat-Trattat KE fil-versjoni tat-Trattat ta' Liżbona (“TUE”),

B.

billi miljun ċittadin tal-Unjoni b'hekk ser jiksbu l-istess dritt, li bih jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva, li kellu l-Kunsill mit-twaqqif tal-Komunità Ewropea fl-1957 (oriġinarjament l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-KEE, illum l-Artikolu 208 tat-Trattat KE, fil-ġejjieni l-Artikolu 241 tat-Trattat dwar li jistabbilixxi il-Funzjoni tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”)), u li kellu l-Parlament Ewropew mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Maastricht fl-1993 (illum l-Artikolu 192 tat-Trattat KE, fil-ġejjieni l-Artikolu 225 TFUE),

C.

billi b'hekk iċ-ċittadini ser jieħdu sehem fl-eżerċizzju tal-poter sovran tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel darba billi jiġu involuti b'mod dirett fil-bidu tat-tfassil ta' proposti leġiżlattivi Ewropej,

D.

billi l-Artikolu 11(4)4 tat-TUEtġ għandu l-għan li jistabbilixi dritt individwali għal parteċipazzjoni f'inizjattiva taċ-ċittadini, bħala konsegwenza speċjali tad-dritt tal-parteċipazzjoni fil-ħajja demokratika tal-Unjoni skont l-Artikolu 10(3) tat-TUEtġ,

E.

billi d-dritt tal-inizjattiva spiss jitħawwad mad-dritt tal-petizzjoni; billi jeħtieġ li jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu konxji bis-sħiħ mid-distinzjoni bejn iż-żewġ drittijiet, speċjalment peress li petizzjoni tintbagħat lill-Parlament filwaqt li inizjattiva tal-Kummissjoni tirrigwarda lill-Kummissjoni,

F.

billi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri huma mistennija jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-eżerċizzju bla xkiel, trasparenti u effettiv tad-dritt tal-partiċipazzjoni taċ-ċittadini,

G.

billi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini, inkluż l-għadd minimu ta' Stati Membri minfejn għandhom ikunu ċ-ċittadini li jipparteċipaw f'din l-inizjattiva, ser jiġu stabbiliti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont il-proċedura leġiżlattiva xierqa permezz ta' Regolament (l-Artikolu 24(1) TFUE),

H.

billi meta dak ir-regolament ikun adottat u implimentat, ser jiġu żgurati b'mod partikulari d-drittijiet bażiċi għal ugwaljanza, għal amministrazzjoni tajba u għal protezzjoni legali,

I.

billi għandu “l-għadd minimu ta' Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini li jkunu jistgħu jipparteċipaw f'din l-inizjattiva” (l-Artikolu 24(1) TFUE) għandu jkun “għadd sinifikanti ta' Stati Membri” (l-Artikolu 11(4)TUE),

J.

billi l-għadd minimu ta' Stati Membri m'għandux isir b'mod arbitrarju, iżda għandu jkun orjentat skont l-għan ta' dan ir-regolament u għandu jiġi interpretat b'riferenza għal dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, sabiex jiġu evitati inkonsistenzi fl-interpretazzjoni,

K.

billi l-għan ta' dan ir-regolamet huwa li jiżgura li l-punt tat-tluq tal-proċess leġiżlattiv Ewropew ma jkunx influwenzat mill-interessi partikulari ta' stati individwali, iżda mill- interess komunni Ewropew,

L.

billi l-Artikolu 76 tal-TFUE jindika li proposta leġiżlattiva li jkollha l-appoġġ ta' Stat Membru minn kull erbgħa tista' titqies li tkun qiegħda tqis b'mod suffiċjenti l-interess komuni Ewropew; billi, għalhekk, għad minimu bħal dan jista' jitqies bħala wieħed li ma jistax jiġi kkontestat,

M.

billi l-għan ta' dan ir-regolament jintlaħaq biss jekk jintrabat ma' għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ minn kull wieħed minn dawn l-Istati Membri,

N.

billi mill-Artikolu 11(4) tat-TUE, li jispeċifika ċ-ċifra ta' miljun ċittadin tal-Unjoni, jista' jiġi konkluż li minn popolazzjoni ta' madwar 500 miljun ruħ, 1/500 tal-popolazzjoni għandu jitqies bħala rappreżentattiv,

O.

billi l-Artikolu 11(4) tat-TUEtġ japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni kollha,

P.

billi, madankollu, kull restrizzjoni fuq id-dritt għal parteċipazzjoni demokratika u kull trattament ugwali fuq bażi ta' età għandhom ikunu konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità,

Q.

billi, barra minn hekk, huwa mixtieq li jiġu evitati inkonsistenzi fl-interpretazzjonijiet, li jirriżultaw pereżempju, meta l-età minima għall-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru tkun iżjed baxxa mill-età minima għall-parteċipazzjoni fl-inizjattiva taċ-ċittadini,

R.

billi l-Kummissjoni permezz ta' inizjattiva taċ-ċittadini li tkun ta' suċċess tkun obbligata, li tindirizza l-ilmenti tagħhom u li tiddeċiedi, jekk u sa liema estent għandha tissottometti proposta xierqa għal strument legali,

S.

billi jkun tajjeb li l-inizjattivi jirreferu għal bażi legali waħda jew aktar minn waħda għat-tressiq tal-proposta għal att legali mill-Kummissjoni,

T.

billi inizjattiva taċ-ċittadini tista' tkompli biss jekk tkun ammissibbli, sakemm:

tinkludi t-talba tal-Kummissjoni li titressaq proposta dwar strument legali tal-Unjoni,

l-Unjoni jkollha awtorità leġiżlattiva, u l-Kummissjoni jkollha d-dritt li tressaq proposta fil-każijiet inkwistjoni, u

l-istrument legali li ma jkunx jidher b'mod ċar li jmur kontra l-prinċipji ġenerali tal-liġi kif applikati fl-Unjoni,

U.

billi inizjattiva taċ-ċittadini tirnexxi jekk tkun ammissibbli fis-sens mogħti hawn fuq u jekk tkun rappreżentattiva, fis-sens li tkun appoġġjata minn mhux inqas minn miljun ċittadin minn għadd sinifikanti ta' Stati Membri,

V.

billi huwa x-xogħol tal-Kummissjoni li teżamina, jekk il-kundizzjonijiet għal inizjattiva taċ-ċittadini biex tkun suċċess jkunux preżenti jew le,

W.

billi għall-organizzazzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini huwa mixtieq ħafna li qabel il-ġbir ta' dikjarazjonijiet ta' appoġġ, ikun hemm ċertezza legali dwar l-ammissibiltà tal-inizjattiva taċ-ċittadini,

X.

billi x-xogħol ta' eżaminazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ma jistax isir mill-Kummissjoni u għalhekk għandu jkun eżerċitat mill-Istati Membri; billi, madankollu, l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw f'dak ir-rigward jestendu biss għal inizjattivi fil-qafas tal-Artiklu 11(4) TUE u taħt l-ebda ċirkostanza għal inizjattivi li ma jkunux ammissibbli minħabba r-raġunijiet fuq imsemmija; billi huwa għalhekk meħtieġ li l-Istati Membri, anke qabel ma jibdew jinġabru d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ, ikollhom ċertezza legali rigward l-ammissibilità tal-inizjattiva taċ-ċittadini,

Y.

billi l-verifika tal-ammissibilità tal-inizjattiva taċ-ċittadini mill-Kummissjoni hija madankollu ristretta esklussivament għar-raġunijiet legali fuq imsemmija u taħt l-ebda ċikustanza ma jistgħu jinkludu kunsidarezzjonijiet ta' espedjenti politiċi; billi dan se jiżgura li l-Kummissjoni ma tkunx libera li tiddeċiedi abbażi ta' konsiderazzjonijiet politiċi tagħha dwar jekk inizjattiva taċ-ċittadini għandhiex tiġi ddikjarata ammissibbli jew le,

Z.

billi jidher li jkun xieraq li l-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropea jinqasam fil-ħames stadji li ġejjin:

ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva,

il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ,

it-tressiq tal-inizjattiva,

stqarrija mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tagħha,

il-verifika li l-istrument legali mitlub ikun konsistenti mat-Trattati,

AA.

billi l-inizjattiva taċ-ċittadini huwa mezz ta' eżerċizzju tal-poter sovran pubbliku fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u bħala tali hija suġġetta għall-prinċipju tat-trasparenza; billi dan ifisser li l-organizzaturi ta' inizjattivi taċ-ċittadini jridu jerfgħu responsabbilità pubblika għall-finanzjament tagħha, inkluzi s-sorsi ta' dan il-finanzjament,

AB.

billi huwa x-xogħol politiku tal-Parlament li jissorvelja l-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini,

AC.

billi din ir-responsabilità tirrigwarda l-implimentazzjoni tar-regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini fiha nfisha, u tirrigwarda wkoll il-pożizzjoni politika tal-Kummissjoni fir-rigward tat-talba mressqa permezz tal-inizjattiva taċ-ċittadini,

AD.

billi huwa importanti li tiġi żgurata l-kompatibilità bejn it-talbiet imressqa lill-Kummissjoni mill-inizjattiva taċ-ċittadini u l-prijoritajiet u l-proposti tal-Parlament li jkunu approvati b'mod demokratiku,

1.

Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq bla dewmien, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, proposta għal Regolament tal-inizjattiva taċ-ċittadini bbażata fuq l-Artikolu 24 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

2.

Jitlob lill-Kummissjoni, biex f'dan ir-rigward tikkunsidra b'mod xieraq ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija fl-anness ta' din ir-riżoluzzjoni;

3.

Jitlob li r-regolament ikun ċar, sempliċi u faċli biex jintuża, u li jkun jinkludi elementi prattiċi marbuta mad-definizzjoni ta' inizjattiva taċ-ċittadini sabiex din ma titħallatx mad-dritt li titressaq petizzjoni;

4.

Jiddeċiedi li jaħseb, eżattament wara l-adozzjoni ta' dak ir-regolament, għat-twaqqif ta' sistema effettiva li tagħmel sorveljanza fuq il-proċess tal-inizjattiva taċ-ċittadini;

*

* *

5.

Jagħti struzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex iressqu din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 310, 16.12 2004, p. 1.

(2)  Testi Adottati, P6_TA(2008)0055.

(3)  ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 306.


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
ANNESS

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL DWAR IL-PROĊEDURI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦAL INIZJATTIVA TAĊ-ĊITTADINI

Dwar l-iffissar tal-għadd minimu ta’ Stati Membri

1.

L-għadd minimu ta’ Stati Membri li minnhom għandhom jiġu ċ-ċittadini tal-Unjoni li jipparteċipaw fl-inizjattiva taċ-ċittadini huwa ta' wieħed minn kull erbgħa tal-Istati Membri.

2.

Dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfat biss jekk minn kull Stat Membru rilevanti talinqas 1/500 tal-popolazzjoni rispettiva jkun jappoġġja l-inizjattiva.

Dwar l-iffissar tal-età minima tal-parteċipanti

3.

Kull ċittadin tal-Unjoni li jkollu jkollu d-dritt tal-vot skont il-leġiżlazzjoni ta' pajjiżu jista' jipparteċipa fl-inizjattiva taċ-ċittadini.

Dwar l-iżvilupp tal-proċedura

4.

Il-proċedura tal-inizjattiva taċ-ċittadini tikkonsisti fil-ħames stadji li ġejjin:

ir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva,

il-ġbir tad-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ,

it-tressiq tal-inizjattiva,

stqarrija mill-Kummissjoni dwar il-pożizzjoni tagħha,

il-verifika li l-istrument legali mitlub ikun konsistenti mat-Trattati.

5.

L-ewwel fażi tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tibda meta l-organizzaturi jirreġistraw l-inizjattiva mal-Kummissjoni u tintemm b'deċiżjoni formali tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Hija kkaratterizzata kif jidher hawn taħt:

(a)

Inizjattiva taċ-ċittadini għandha tkun irreġistrata kif suppost mal-Kummissjioni mill-organizzaturi. Sabiex issir ir-reġistrazzjoni, l-organizzaturi għandhom jiddikjaraw isimhom, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità u l-indirizz fejn joqgħodu, kif ukoll it-test eżatt tal-inizjattiva taċ-ċittadini f'waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(b)

Il-Kummissjoni teżamina l-ammissibiltà formali tal-inizjattiva taċ-ċittadini rreġistrata. Inizjattiva taċ-ċittadini tkun ammissibbli b'mod formali jekk tissodisfa l-erba' rekwiżiti li ġejjin:

tkun tinkludi stedina lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq proposta għall-adozzjoni ta’ strument legali tal-Unjoni,

l-Unjoni jkollha l-kompetenza taħt it-Trattati li fuqhom l-Unjoni hija msejsa biex tadotta strument legali dwar il-kwistjonijiet ikkonċernati,

il-Kummissjoni jkollha l-kompetenza taħt it-Trattati li fuqhom l-Unjoni hija msejsa biex tippreżenta proposta għal strument legali dwar il-kwistjonijiet ikkonċernati,

l-istrument legali mitlub m'għandux ikun imur kontra b'mod ċar il-prinċipji ġenerali tal-liġi kif applikati fl-Unjoni.

B’konformità mal-Artikolu 41 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, il-Kummissjoni tipprovdi lill-organizzaturi l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex tiżgura li l-inizjattivi rreġistrati jkunu tabilħaqq amissibbli. Il-Kummissjoni tgħarraf ukoll lill-organizzaturi dwar proposti leġiżlattivi mressqadwar kwisjonijiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini kif ukoll dwar inizjattivi taċ-ċittadini li diġà jkunu rreġistrati b'suċċess, li jkunu jirrigwardaw l-istess kwistjonijiet jew parti minnhom.

(c)

Fi żmien xahrejn mir-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini l-Kummissjoni hija obbligata tiddeċiedi jekk l-inizjattiva tkunx ammissibbli u jekk tistax tiġi rreġistrata. Ir-reġistrazzjoni tista' tiġi rrifjutata biss minħabba raġunijiet legali u taħt l-ebda ċirkustanza minħabba espedjenza politika.

(d)

Id-deċiżjoni tkun immirata kemm lill-organizzaturi individwali u kemm lill-pubbliku ġenerali. L-organizzaturi jirċievu notifika ta' din id-deċiżjoni u din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri jiġu infurmati bid-deċiżjoni immedjatament.

(e)

Id-deċiżjoni hija suġġetta għal eżaminazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Ombusdman Ewropew b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE. Dan japplika mutatis mutandis fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tieħu tali deċiżjoni.

(f)

Il-Kummissjoni tpoġġi fuq is-sit elettroniku tagħha li hija aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali, lista tal-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu ġew irreġsitrati b'suċċess.

(g)

L-organizzaturi ta’ inizjattiva taċ-ċittadini jistgħu jirtiraw l-inizjattiva f'kull mument. Imbagħad dawn l-inizjattivi jitqiesu bħala mhux imħabbra u jiġu mħassra mil-lista tal-Kummissjoni li ssemmiet hawn fuq.

6.

It-tieni stadju tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini tikkonsisti fil-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ individwali għall-inizjattiva taċ-ċittadini li tkun irreġistrata b'suċċess kif ukoll mill-konferma uffiċjali tar-riżultat ta’ din il-ġabra mill-Istati Membri. Il-karatteristiċi ewlenin tagħha huma dawn li ġejjin:

(a)

L-Istati Membri jaraw li jkun hemm proċedura effettiva għall-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ legali għal inizjattiva taċ-ċittadini u għall-konferma uffiċċjali tar-riżultati ta’ din il-ġabra.

(b)

Dikjarazzjoni ta’ appoġġ tkun legali, jekk tkun saret fil-perjodu allokat għall-ġbir ta' dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ b'kunsiderazzjoni għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istati Membri in kwistjoni u għal-liġi tal-UE. Il-perjodu allokat għall-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ jammonta għal sena. Dan jibda fl-ewwel jum tat-tielet xahar, u jsegwi d-deċiżjoni li ssir wara r-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini.

(c)

Kull persuna li tappoġġja l-inizjattiva għandha tistqarr l-appoġġ tagħha b'mod individwali, bħala regola permezz ta’ firma personali (bil-miktub jew, jekk ikun xieraq, b'mod elettroniku). L-istqarrija għandha turi talinqas l-isem, id-data tat-twelid, l-indirizz residenzjali tal-persuna u ċ-ċittadinanza tal-persuna li tkun qed turi l-appoġġ tagħha. Peruna li jkollha iktar minn ċittadinanza waħda għandha tindika biss waħda tal-għażla tagħha.

Id-data personali hija suġġetta għar-rekwiżiti tal-privatezza tad-data, li għandha tkun f'idejn l-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini.

(d)

L-appoġġ għal inizjattiva taċ-ċittadini jista' jkun mistqarr darba biss. Kull stqarrija ta’ appoġġ għandu jkollha affidavit speċjali mill-persuna li tkun qed tagħti l-appoġġ, li qatt qabel ma tkun iddikjarat l-appoġġ tagħha għall-istess inizjattiva taċ-ċittadini.

(e)

Kull stqarrija ta’ appoġġ tista' titħassar matul il-perjodu allokat għall-ġbir ta’ dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ. L-istqarrija tal-appoġġ imbagħad titqies bħala mhux magħmul. Kull persuna li tagħti l-appoġġ tagħha għandha tgħarraf lill-organizzaturi. Kull stqarrija ta’ appoġġ għandu jkollha spjegazzjoni separata mill-persuna li tkun qed tagħti l-appoġġ, li hi tkun irċeviet din l-istruzzjoni.

(f)

Kull persuna li toffri l-appoġġ tagħha tirċievi mingħand l-organizzatur kopja tad-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha, inkluża l-kopja tal-affidavit kif ukoll spjegazzjoni dwar in-notifika tal-possibiltà ta’ revoka.

(g)

Fi żmien xahrejn u wara li tkun saret il-verifika tad-dettalji tal-istqarrijiet ta’ appoġġ, , l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-organizzaturi tal-inizjattiva taċ-ċittadini konferma uffiċjali tal-għadd ta’ stqarrijiet legali ta’ appoġġ, u dawn għandhom jitniżżlu skont in-nazzjonalità tal-persuni li jkunu qed jagħtu l-appoġġ. Huma għandhom jiggarantixxu permezz ta’ miżuri adegwati li kull stqarrija ta’ appoġġ tkun ikkonfermata darba biss mill-Istati Membri u li konfermi ripetuti minn Stati Membri differenti jew minn postijiet differenti f'dawn l-Istati Membri jiġu evitati effettivament.

Id-dejta personali hija suġġetta għall-privatezza tad-dejta, li jieħdu ħsiebha l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istati Membri.

7.

It-tielet stadju tal-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej tibda meta l-organizzaturi jressqu l-inizjattiva taċ-ċittadini lill-Kummissjoni u tintemm bid-deċiżjoni formali tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tat-tressiq tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Its main features are as follows:

(a)

inizjattiva taċ-ċttadini għandha tiġi ppreżentata mill-organizzaturi lill-Kummissjoni b'mod legali. Il-konfermi tal-Istati Membri dwar l-għadd ta’ stqarrijiet ta’ appoġġ għandhom jitressqu fi żmien il-preżentazzjoni.

(b)

Il-Kummissjoni teżamina r-rappreżentattività tal-inizjattiva taċ-ċittadini mressqa. Inizjattiva taċ-ċittadini tkun rappreżentattiva jekk:

tkun appoġġjata minn mhux inqas minn miljun ċittadin tal-Unjoni,

li jkunu jinkludu ċittadini li ġejjin minn mhux inqas minn kwart tal-Istati Membri differenti,

l-għadd ta’ ċittadini ta’ kull Stat Membru ikkonċernat ikun ilaħħaq għal mhux inqas minn 1/500 tal-popolazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

(c)

Fi żmien xahrejn wara t-tressiq tal-inijattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni hija obbligata tiddeċiedi dwar is-suċċess tat-tressiq. Id-deċiżjoni għandha tinkludi stqarrija dwar jekk l-inizjattiva tkun rappreżentattiva. Il-preżentazzjoni tal-inizjattiva tista' tiġi rrifjutata biss minħabba raġunijiet legali u taħt l-ebda ċirkustanza minħabba espedjenza politika.

(d)

Id-deċiżjoni tkun indirizzata kemm lill-organizzaturi individwali u kemm lill-pubbliku inġenerali. L-organizzaturi jirċievu notifika ta' din id-deċiżjoni u din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri jiġu infurmati bid-deċiżjoni immedjatament.

(e)

Id-deċiżjoni hija suġġetta għal eżaminazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Ombusdman Ewropew b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal tal-liġi tal-UE. Dan japplika mutatis mutandis fil-każ li l-Kummissjoni tonqos milli tieħu tali deċiżjoni.

(f)

Il-Kummissjoni tpoġġi fuq is-sit elettroniku tagħha lista, li tkun aċċessibbli għall-pubbliku inġenerali, tal-inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu ġew irreġistrati b'suċċess.

8.

Ir-raba' stadju tal-inizjattiva taċ-ċittadini tinvolvi l-istudju prattiku tal-Kummissjoni tat-talbiet tal-inizjattiva taċ-ċittadini u tintemm bi stqarrija formali tal-Kummissjoni dwar il-posizzjoni tagħha dwar it-talba fl-inizjattiva għal tressiq ta’ proposta mill-Kummissjoni għal strument legali. Il-karatteristiċi ewlenin tagħha huma dawn li ġejjin:

(a)

Inizjattiva taċ-ċittadini li titressaq b'suċċess tobbliga lill-Kummissjoni tindirizza l-kontenut tat-talbiet magħmula fl-inizjattiva.

(b)

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni tistieden lill-organizzaturi tal-inizjattiva għal seduta ta' smigħ u tagħtihom iċ-ċans jispjegaw fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva taċ-ċittadini.

(c)

Il-Kummissjoni hija obbligata tieħu deċiżjoni dwar it-talba magħmula fl-inizjattiva fi żmien tliet xhur. Jekk ma jkollhiex ħsieb tressaq proposta, għandha tispjega lill-Parlament u lill-organizzaturi r-raġunijiet tagħha għal din id-deċiżjoni.

(d)

Id-deċiżjoni tkun indirizzata kemm lill-organizzaturi individwali u kemm lill-pubbliku inġenerali. L-organizzaturi jirċievu notifika ta' din id-deċiżjoni u din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Istati Membri jiġu infurmati bid-deċiżjoni immedjatament.

(e)

Jekk il-Kummissjoni tonqos li tieħu xi deċiżjoni dwar it-talba mressqa mill-inizjattiva taċ-ċittadini, dan ikun suġġett għal skrutinju mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mill-Ombudsman Ewropew b'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-UE.

Il-prinċipju tat-trasparenza

9.

L-organizzaturi ta' inizizjattiva taċ-ċittadini li tkun ġiet reġistrata b'suċċess ikunu mistennija li, f'perjodu ta' żmien xieraq wara li tkun intemmet il-proċedura, jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar il-finanzjament tal-inizjattiva li jkun jinkludi s-sorsi tal-finanzjament (rapport rigward it-trasparenza). Ir-rapport għandu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni u jkun ippubblikat flimkien ma’ opinjoni.

10.

Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni għandha tibda tindirizza l-kontenut tal-inizjattiva taċ-ċittadini biss wara li jkun ġie mressaq kif suppost rapport rigward trasparenza.