31.12.2004   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 390/6


DEĊIŻJONI Nru. 2241/2004/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Diċembru 2004

dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 149 u 150 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Trasparenza ikbar tal-kwalifiki u tal-kompetenzi tiffaċilita fl-Ewropa kollha l-mobbiltà għall-finijiet ta' tagħlim tul il-ħajja kollha, biex b'hekk isir kontribut għall-iżvilupp ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ ta' kwalità, u tiffaċilita l-mobbiltà għal finijiet ta' xogħol bejn il-pajjiżi kif ukoll bejn is-setturi.

(2)

Il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-mobbiltà (4) approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Nizza fis-7 sad-9 ta' Diċembru 2000 u r-Rakkomandazzjoni 2001/613/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Lulju 2001 dwar il-mobbiltà fil-Komunità ta' l-istudenti, tal-persuni li jkunu qed jiġu mħarrġa, ta' voluntiera, ta' għalliema u ta' istrutturi (5), irrakkomandaw li jiġi ġeneralizzat l-użu ta' dokumenti maħsuba biex jiffaċilitaw it-trasparenza ta' kwalifiki u kompetenzi, bil-ħsieb li tinħoloq żona Ewropea tal-kwalifiki. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-kompetenzi u l-mobbiltà sejjaħ għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' strumenti li jsostnu t-trasparenza u t-trasferibbiltà tal-kwalifiki biex tiġi faċilitata l-mobbiltà fis-setturi u bejniethom. Azzjoni ulterjuri biex jiġu introdotti strumenti li jtejbu t-trasparenza ta' diplomi u ta' kwalifiki intalbet ukoll mill-Kunsill Ewropew f'Barċellona fil-15 u s-16 ta' Marzu 2002. Ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2002 dwar il-kompetenzi u l-mobbiltà (6) u tas-27 ta' Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja kollha (7) isejħu għal koperazzjoni ikbar, bil-għan inter alia li jinħoloq qafas li jipprovdi għat-trasparenza u r-rikonoxximent ibbażat fuq l-istrumenti eżistenti.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 dwar il-promozzjoni ta' koperazzjoni Ewropea ikbar fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali (8) sejħet għal azzjoni sabiex tiżdied it-trasparenza fl-edukazzjoni u fit-taħriġ vokazzjonali, permezz ta' l-implimentazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni ta' għodda u retikolati ta' informazzjoni, inkluż l-integrazzjoni ta' l-istrumenti eżistenti f'qafas waħdieni. Dan il-qafas għandu jikkonsisti f'portafoll ta' dokumenti b'marka komuni u b'logo komuni, appoġġat minn sistemi ta' informazzjoni adegwati u promoss permezz ta' azzjoni promozzjonali sostnuta fuq il-livell Ewropew u nazzjonali.

(4)

F'dawn l-aħħar snin ġew żviluppati numru ta' strumenti, kemm fuq il-livell Komunitarju kif ukoll fuq il-livell internazzjonali, biex jgħinu liċ-ċittadini Ewropej jikkomunikaw aħjar il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom meta jkunu qed ifittxu xogħol jew ammissjoni fi skema ta' tagħlim. Dawn jinkludu l-format komuni Ewropew għal curricula vitae (CVs) propost mir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2002/236/KE tal-11 ta' Marzu 2002 (9), is-Suppliment għad-Diploma rakkomandat mill-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki dwar l-Edukazzjoni Għolja fir-Reġjun Ewropew, adottata f'Lisbona fil-11 ta' April 1997, it-Taħriġ ta' l-Europass stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/51/KE tal-21 ta' Diċembru 1998 dwar il-promozzjoni ta' passaġġi Ewropej f'taħriġ relatat max-xogħol, inkluż l-apprendistat (10), is-Suppliment għaċ-Ċertifikat u l-Portafoll Lingwistiku Ewropew żviluppati mill-Kunsill ta' l-Ewropa. Il-qafas waħdieni għandu jinkludi dawn l-istrumenti.

(5)

Il-qafas waħdieni għandu jkun miftuħ għall-inklużjoni fil-ġejjieni ta' dokumenti oħra konsistenti ma' l-għan tiegħu, ladarba l-istruttura u l-proċeduri ta' l-implimentazzjoni jkunu ġew stabbiliti u jkunu operattivi. B'mod partikolari, il-qafas waħdieni jista' sussegwentement jitwessa biex jinkludi strument maħsub biex jirreġistra l-kompetenzi tad-detenturi fil-qasam ta' l-informatika.

(6)

Il-proviżjoni ta' informazzjoni ta' kwalità tajba u ta' gwida hija fattur importanti fit-titjib tat- trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi. Is-servizzi u r-retikolati eżistenti diġa' jwettqu rwol prezzjuż li jista' jiġi msaħħaħ permezz ta' koperazzjoni eqreb sabiex jiġi rrinfurzat il-valur miżjud ta' l-azzjoni Komunitarja.

(7)

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu żgurati koerenza u komplimentarità bejn l-azzjonijiet implimentati skond din id-Deċiżjoni u l-politika, strumenti u azzjonijiet rilevanti oħra. Dawn ta' l-aħħar jinkludu, fuq il-livell Komunitarju, iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (11), il-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1360/90 (12) u r-retikolat tas-Servizz ta' l-Impiegi Ewropew (EURES) stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/8/KE tat-23 ta' Diċembru 2002 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 1612/68 fir-rigward ta' l-awtorizzazzjoni ta' postijiet vakanti u applikazzjonijiet għall-impieg (13). Bl-istess mod, fuq il-livell internazzjonali, jeżisti r-Retikolat Ewropew ta' Ċentri Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku (ENIC), stabbilit mill-Kunsill ta' l-Ewropa u mill-Unesco.

(8)

Id-dokument ta' taħriġ Europass, stabbilit bid-Deċiżjoni 1999/51/KE, għandu għalhekk jiġi sostitwit minn dokument simili b'firxa iktar wiesgħa, li fih ikunu jistgħu jiġu reġistrati l-perjodi kollha ta' mobbiltà transnazzjonali għal finijiet ta' tagħlim li sar fl-Ewropa kollha, fi kwalunkwe livell u għal kwalunkwe għan, li jissodisfaw kriterji adegwati ta' kwalità.

(9)

L-Europass għandu jiġi mplimentat permezz ta' korpi nazzjonali skond l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-budget ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (14).

(10)

Il-parteċipazzjoni għandha tkun miftuħa għal stati li qed jaderixxu, għall-pajjiżi mhux Komunitarji taż-Żona Ekonomika Ewropea u għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea, skond id-dispożizzjonijiet rilevanti fl-istrumenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u dawk il-pajjiżi. Ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti fl-Unjoni Ewropea għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-sistema.

(11)

Is-sħab soċjali għandhom rwol importanti fir-rigward ta' din id-Deċiżjoni, u għandhom jiġu involuti fl-implimentazzjoni tagħha. Il-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali, imwaqqaf bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 63/266/KEE tat-2 ta' April 1963 li jistipula l-prinċipji ġenerali għall-implimentazzjoni ta' politika komuni dwar it-taħriġ vokazzjonali (15), magħmul minn rappreżentanti tas-sħab soċjali u mill-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri, għandu jkun infurmat b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Is-sħab soċjali fuq il-livell Ewropew u l-partijiet interessati rilevanti oħra, inklużi l-korpi edukattivi u ta' taħriġ, ikollhom rwol partikolari f'termini ta' inizzjattivi ta' trasparenza li jistgħu jkunu inkorporati fil-Europass meta jkun f'waqtu.

(12)

Peress li l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri t-twaqqif ta' qafas waħdieni Komunitarju għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u jista' jintlaħaq aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunitá tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalitá, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.

(13)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Dećiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (16).

(14)

Id-Deċiżjoni 1999/51/KE għandha tiġi mħassra,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas Komunitarju waħdieni sabiex tinkiseb it-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi permezz tal-ħolqien ta' portafoll personali u koordinat ta' dokumenti, li għandu jkun magħruf bħala “Europass”, li ċ-ċittadini jistgħu jużaw fuq bażi volontarja biex jikkomunikaw u jippreżentaw aħjar il-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom fl-Ewropa kollha. L-użu ta' l-Europass jew ta' kwalunkwe wieħed mid-dokumenti ta' l-Europass ma jimponi l-ebda obbligu u ma jagħti l-ebda dritt għajr dawk definiti f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Dokumenti ta' l-Europass

Id-dokumenti ta' l-Europass għandhom ikunu:

(a)

il-Curriculum Vitae ta' l-Europass (minn hawn 'il quddiem is-“CV ta' l-Europass”) imsemmi fl-Artikolu 5;

(b)

id-dokumenti msemmija fl-Artikoli 6 sa 9;

(ċ)

kwalunkwe dokumenti oħra approvati mill-Kummissjoni bħala dokumenti ta' l-Europass, skond il-kriterji mniżżla fl-Anness I, u l-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2).

Artikolu 3

Sħab soċjali

Mingħajr preġudizzju għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 4(2), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mas-sħab soċjali u partijiet interessati oħra rilevanti fuq il-livell Ewropew, inkluż korpi edukattivi u ta' taħriġ.

Artikolu 4

Il-proċedura tal-Kumitat

1.   Għall-finijiet ta' l-artikolu 2 (ċ), il-Kummissjoni għandha tkun assistita, skond in-natura tad-dokument konċernat, mill-Kumitat Socrates u/jew mill-Kumitat Leonardo, stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru. 253/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Jannar 2000 li tistabbilixxi t-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni tal-Komunità fil-qasam ta' l-edukazzjoni “Socrates” (17), u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/382/KE tas-26 ta' April 1999 li tistabbilixxi t-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni ta' taħriġ vokazzjonali tal-Komunità “Leonardo da Vinci” (18) rispettivament.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 5

Is-CV ta' l-Europass

Is-CV ta' l-Europass għandu jipprovdi liċ-ċittadini l-opportunità li jippreżentaw informazzjoni dwar il-kwalifiki u l-kompetenzi kollha tagħhom b'mod ċar u komprensiv. Is-CV ta' l-Europass għandu jkun kif stabbilit fl-Anness II.

Artikolu 6

Id-dokument Europass-Mobility

Id-dokument Europass-Mobility għandu jirreġistra l-perjodi ta' taħriġ li attendew id-detenturi tiegħu barra minn pajjiżhom. L-Europass-Mobility għandu jkun kif stabbilit fl-Anness III.

Artikolu 7

Suppliment ta' l-Europass għad-Diploma

Is-Suppliment ta' l-Europass għad-Diploma għandu jipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati edukattivi miksuba mid-detentur tiegħu fuq livell edukattiv għoli. Is-Suppliment ta' l-Europass għad-Diploma għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IV.

Artikolu 8

Portafoll Lingwistiku ta' l-Europass

Il-Portafoll Lingwistiku ta' l-Europass għandu joffri liċ-ċittadini l-opportunità li jippreżentaw il-kapaċitajiet lingwistiċi tagħhom. Il-Portafoll Lingwistiku ta' l-Europass għandu jkun kif stabbilit fl-Anness V.

Artikolu 9

Suppliment ta' l-Europass għaċ-Ċertifikat

Is-Suppliment ta' l-Europass għaċ-Ċertifikat għandu jiddeskrivi l-kompetenzi u l-kwalifiki li jikkorrispondu ma' ċertifikat ta' taħriġ vokazzjonali. Is-Suppliment ta' l-Europass għaċ-Ċertifikat għandu jkun kif stabbilit fl-Anness VI.

Artikolu 10

L-Europass fuq l-Internet

Sabiex tiġi mplimentata din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għandhom jikkoperaw fit-twaqqif u l-amministrazzjoni ta' sistema ta' informazzjoni ta' l-Europass ibbażata fuq l-Internet, li għandha tinkludi elementi amministrati fuq livell Komunitarju u elementi amministrati fuq livell nazzjonali. Is-sistema ta' informazzjoni li tappoġġa l-qafas ta' l-Europass għandha tkun kif stabbilit fl-Anness VII.

Artikolu 11

Ċentri Nazzjonali ta' l-Europass

1.   Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fuq livell nazzjonali. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jinnomina Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass (NEC), li għandu jkun responsabbli għall-koordinazzjoni fuq livell nazzjonali ta' l-attivitajiet kollha msemmija f'din id-Deċiżjoni u li għandu jieħu post jew jiżviluppa, fejn xieraq, korpi eżistenti li bħalissa qed iwettqu attivitajiet simili.

Huwa b'dan stabbilit Retikolat Ewropew ta' NECs. L-attivitajiet tiegħu għandhom jiġu koordinati mill-Kummissjoni.

2.   L-NEC għandu:

(a)

jikkoordina, b'koperazzjoni mal-korpi nazzjonali rilevanti, l-attivitajiet relatati mal-proviżjoni jew ħruġ tad-dokumenti ta' l-Europass, jew, fejn hu xieraq, iwettaq dawk l-attivitajiet;

(b)

jistabbilixxi u jamministra s-sistema nazzjonali ta' informazzjoni, skond l-Artikolu 10;

(ċ)

jippromovi l-użu ta' l-Europass, anke permezz ta' servizzi bbażati fuq l-Internet;

(d)

jiżgura, b'koperazzjoni mal-korpi nazzjonali rilevanti, li jitqegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ċittadini individwali l-informazzjoni u l-gwida adegwati dwar l-Europass u d-dokumenti tiegħu;

(e)

jiffaċilita l-proviżjoni ta' informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet ta' tagħlim fl-Ewropa kollha, dwar l-istruttura tas-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ, u dwar aspetti oħra relatati mal-mobbiltà għall-finijiet ta' tagħlim, b'mod partikolari permezz ta' koordinazzjoni mill-qrib mas-servizzi Komunitarji u nazzjonali rilevanti, u fejn hu xieraq, iqiegħed għad-dispożizzjoni taċ-cittadini gwida introduttorja dwar il-mobbiltà;

(f)

jamministra, fuq livell nazzjonali, l-appoġġ finanzjarju tal-Komunità għall-attivitajiet kollha relatati ma' din id-Deċiżjoni;

(g)

jieħu sehem fir-Retikolat Ewropew ta' l-NECs.

3.   L-NEC għandu jaġixxi bħala korp implimentattiv fuq livell nazzjonali skond l-Artikolu 54(2)(ċ) u (3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

Artikolu 12

Il-kompiti konġunti tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li attivitajiet adegwati ta' promozzjoni u ta' informazzjoni jitwettqu fuq il-livell Komunitarju u nazzjonali, filwaqt li jkopru inter alia ċ-ċittadini, dawk li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni u s-sħab soċjali u intrapriżi inklużi SMEs, filwaqt li jsostnu u jintegraw skond il-bżonn l-azzjoni ta' l-NECs;

(b)

jiżguraw il-koperazzjoni adegwata, fuq il-livell xieraq, mas-servizzi rilevanti, b'mod partikolari s-servizz ta' l-EURES u servizzi oħra Komunitarji;

(ċ)

jieħdu l-passi biex jiffaċilitaw l-opportunitajiet indaqs, b'mod partikolari permezz ta' azzjoni ta' sensibilizzazzjoni fost is-suġġetti kollha interessati;

(d)

jiżguraw li l-partijiet interessati kollha li huma rilevanti, inklużi korpi edukattivi u ta' taħriġ u sħab soċjali, ikunu involuti fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni;

(e)

jiżguraw li fl-attivitajiet kollha relatati ma' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza jkunu rispettati bis-sħiħ.

Artikolu 13

Il-kompiti tal-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, b'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, tiżgura l-konsistenza ġenerali ta' l-azzjonijiet implimentati skond din id-Deċiżjoni mal-politika, strumenti u azzjonijiet Komunitarji oħra rilevanti, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali, taż-żgħażagħ, ta' l-impjiegi, ta' l-inklużjoni soċjali, tar-riċerka u ta' l-iżvilupp teknoloġiku.

2.   Fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tagħmel użu mill-kompetenza esperta taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), skond ir-Regolament (KEE) Nru 337/75. Taħt l-istess kondizzjonijiet u fl-oqsma rilevanti, il-koordinazzjoni għandha tiġi stabbilita taħt l-awspiċi tal-Kummissjoni mal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ kif stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 1360/90.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif ukoll lill-korpi oħra rilevanti, u b'mod partikolari lill-Kumitat Konsultattiv għat-Taħriġ Vokazzjonali, dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Pajjiżi parteċipanti

1.   Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet imsemmija f'din id-Deċiżjoni għandha tkun miftuħa għall-Istati li qed jaderixxu u għall-pajjiżi, mhux membri tal-Komunità, li jieħdu sehem fiż-Żona Ekonomika Ewropea skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-Ftehim ta' l-EEA.

2.   Il-parteċipazzjoni għandha tkun miftuħa wkoll għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni ma' l-Unjoni Ewropea skond il-Ftehim Ewropej rispettivi tagħhom.

Artikolu 15

Valutazzjoni

Sa 1 ta' Jannar 2008 u mbagħad kull erba' snin, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' valutazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ibbażat fuq valutazzjoni mwettqa minn korp indipendenti.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet finanzjarji

L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-budget fil-limiti tal-prospettiva finanzjarja. In-nefqa li tirriżulta minn din id-Deċiżjoni għandha tiġi amministrata kif stabbilit fl-Anness VIII.

Artikolu 17

Tħassir

Id-Deċiżjoni 1999/51/KE hija b'dan imħassra.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2005.

Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 15 ta' Diċembru 2004.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

A. NICOLAÏ


(1)  ĠU C 117, 30.4.2004, p. 12.

(2)  ĠU C 121 30.4.2004, p. 10.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2004 (għadu mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali), Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2004 (għadu mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2004 (għada mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU C 371 23.12.2000, p. 4.

(5)  ĠU L 215, 9.8.2001, p. 30.

(6)  ĠU C 162, 6.7.2002, p. 1.

(7)  ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1.

(8)  ĠU C 13, 18.1.2003, p. 2.

(9)  ĠU L 79, 22.3.2002, p. 66.

(10)  ĠU L 17, 22.1.1999, p. 45.

(11)  ĠU L 39, 13.2.1975, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1655/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 41).

(12)  ĠU L 131, 23.5.1990, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1648/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 22).

(13)  ĠU L 5, 10.1.2003, p. 16.

(14)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(15)  ĠU 63, 20.4.1963, p. 1 338.

(16)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(17)  ĠU L 28 tat-3.2.2000 p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 885/2004 ( ĠU L 168 tal-1.5.2004 p.1).

(18)  ĠU L 146 tal-11.6.1999 p. 33. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata mir-Regolament (KE) Nru. 885/2004.


ANNESS I

Kriterji għall-introduzzjoni ta' dokumenti ġodda ta' l-Europass kif imsemmija fl-Artikolu 2(ċ)

Id-dokumenti ġodda kollha ta' l-Europass għandhom jirrispettaw il-kriterji minimi li ġejjin:

1.

Rilevanza: Id-dokumenti ta' l-Europass għandhom ikunu speċifikament immirati sabiex itejbu t-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi;

2.

Dimensjoni Ewropea: mingħajr preġudizzju għan-natura volontarja tagħhom, id-dokumenti ta' l-Europass għandhom ikunu potenzjalment applikabbli fl-Istati Membri kollha;

3.

Kopertura lingwistika: il-mudelli tad-dokumenti ta' l-Europass għandhom ikunu disponibbli mill-inqas fil-lingwi uffiċjali kollha ta' l-Unjoni Ewropea;

4.

Fattibbiltà: Id-dokumenti ta' l-Europass għandhom ikunu f'kondizzjoni li jistgħu jiġu disseminati effettivament, fejn hu xieraq permezz ta' korpi ta' għoti, kemm fuq il-karta kif ukoll f'forma elettronika.


ANNESS II

Il-CURRICULUM VITAE TA' L-EUROPASS (IS-CV TA' L-EUROPASS)

1.   Deskrizzjoni

1.1.

Is-CV ta' l-Europass jibni fuq il-mudell komuni Ewropew għall-curricula vitae (CVs) propost fir-Rakkomandazzjoni 2002/236/KE.

Huwa jipprovdi liċ-ċittadini individwali b'mudell għall-preżentazzjoni sistematika, kronoloġika u flessibli tal-kwalifiki u l-kompetenzi tagħhom. Huma provduti direzzjonijiet speċifiċi dwar l-oqsma differenti u ġew ukoll prodotti sett ta' linji gwida u eżempji biex jgħinu liċ-ċittadini jfasslu s-CV ta' l-Europass komplet tagħhom.

1.2.

Is-CV ta' l-Europass jinkludi kategoriji għall-preżentazzjoni ta':

informazzjoni dwar affarijiet personali, profiċjenza lingwistika, esperjenza tax-xogħol u riżultati edukattivi u ta' taħriġ,

kompetenzi addizzjonali ta' l-individwu, li jenfasizzaw l-abbiltajiet tekniċi, organizzattivi, artistiċi u soċjali,

informazzjoni addizzjonali li tista' tiġi miżjuda mas-CV ta' l-Europass fil-forma ta' anness wieħed jew iktar.

1.3.

Is-CV ta' l-Europass huwa dokument personali li fih dikjarazzjonijiet personali miktuba miċ-ċittadin individwali.

1.4.

Il-mudell standard hu dettaljat sew, imma huwa f'idejn iċ-ċittadini individwali biex jagħżlu liema sezzjonijiet jimlew. Iċ-ċittadini li jimlew il-formola elettronika - imniżżla minn fuq l-Internet jew on-line - għandhom jitħallew ineħħu kwalunkwe sezzjoni li jagħżlu li ma jimlewx. Per eżempju, persuna li ma tridx tindika s-sess tiegħu jew tagħha jew li ma għandha ebda kapaċità teknika speċifika x'tirraporta, għandha tkun tista' tneħħi dawn is-sezzjonijiet, biex hekk ma tidher l-ebda sezzjoni vojta fuq l-iskrin jew fil-verżjoni stampata.

1.5.

Is-CV ta' l-Europass huwa s-sinsla ta' l-Europass: il-portafoll Europass għal ċittadin partikolari jkun jinkludi s-CV ta' l-Europass kompletat miċ-ċittadin stess, u dokument ieħor jew iktar ta' l-Europass, skond l-esperjenza speċifika ta' edukazzjoni u ta' impjieg ta' dak iċ-ċittadin. Il-forma elettronika tas-CV ta' l-Europass għandha tagħmel possibbli li jiġu stabbiliti links mis-sezzjonijiet tagħha għad-dokumenti rilevanti ta' l-Europass, per eżempju mis-sezzjoni ta' l-edukazzjoni u taħriġ għas-Suppliment għad-Diploma jew għas-Suppliment għaċ-Ċertifikat.

1.6.

Skond l-Artikolu 12(e) ta' din id-Deċiżjoni, fl-amministrazzjoni tas-CV ta' l-Europass, b'mod partikolari fil-forma elettronika tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti għall-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza huma rispettati bis-sħiħ.

2.   Struttura komuni tas-CV ta' l-Europass

Fil-kaxxa hawn taħt huwa indikat il-mudell għall-istruttura u t-test tas-CV ta' l-Europass. Il-preżentazzjoni tal-formola fuq il-karta kif ukoll ta' dik elettronika, kif ukoll xi modifiki ta' l-istruttura u tat-test, jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

It-test fil-korsiv huwa maħsub bħala għajnuna biex jimtela d-dokument.

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS III

ID-DOKUMENT EUROPASS-MOBILITY

1.   Deskrizzjoni

1.1.

Id-dokument Europass-Mobility huwa maħsub biex jirreġistra, bl-użu ta' mudell Ewropew komuni, passaġġ Ewropew ta' tagħlim kif definit fis-sezzjoni 1.2.

Huwa dokument personali, li jirreġistra l-passaġġ Ewropew speċifiku ta' tagħlim miksub mid-detentur tiegħu u għandu jgħin lid-detentur biex j/tikkomunika aħjar dak li hu/hi kiseb/kisbet permezz ta' din l-esperjenza, b'mod partikolari f'termini ta' kompetenzi.

1.2.

Passaġġ Ewropew ta' tagħlim huwa perijodu li persuna – ta' kwalunkwe età, livell edukattiv u status okkupazzjonali – tgħaddi f'pajjiż ieħor għal finijiet ta' tagħlim u li:

(a)

jew iseħħ fil-qafas ta' programm Komunitarju fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tat-taħriġ,

(b)

jew jissodisfa l-kriterji kollha ta' kwalità li ġejjin:

il-perijodu li l-persuna tqatta' f'pajjiż ieħor iseħħ fil-qafas ta' inizjattiva ta' tagħlim organizzata fil-pajjiż ta' provenjenza tal-persuna li ssegwiha,

l-organizzazzjoni responsabbli għall-inizjattiva ta' tagħlim fil-pajjiż ta' provenjenza (l-organizzazzjoni li tkun qed tibgħat) tistipula ma' l-organizzazzjoni li tkun qed tospita u tippreżenta liċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass, jew korp delegat bl-amministrazzjoni ta' l-Europass-Mobility fil-pajjiż ta' provenjenza, ftehim bil-miktub dwar il-kontenut, l-għanijiet u t-tul ta' żmien tal-passaġġ Ewropew ta' tagħlim, filwaqt li tiżgura li hija provduta tħejjija lingwistika xierqa lill-persuna konċernata, u filwaqt li tidentifika mentor fil-pajjiż li jkun qed jospita, li jingħata r-responsabbiltà li jassisti, jinforma, jiggwida u jsegwi lill-persuna konċernata,

kull wieħed mill-pajjiżi involuti għandu jkun Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea jew pajjiż ta' l-EFTA/EEA,

jekk ikun il-każ, l-organizzazzjoni li tkun qed tibgħat u l-organizzazzjoni li tkun qed tospita għandhom jikkoperaw bil-għan li jipprovdu lill-persuna konċernata l-informazzjoni xierqa dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-liġi ta' l-impjiegi, miżuri ta' ugwaljanza u dispożizzjonijiet oħra marbuta max-xogħol li japplikaw fil-pajjiż li jkun qed jospita.

1.3.

L-Europass-Mobility huwa mimli mill-organizzazzjoni li tkun qed tibgħat u minn dik li tkun qed tospita involuti fil-proġett ta' mobbiltà, b'lingwa miftehma bejniethom u mal-persuna konċernata.

Iċ-ċittadini li jiġu mogħtija d-dokument Europass-Mobility għandhom id-dritt jitolbu t-traduzzjoni f'lingwa oħra (it-tieni waħda), magħżula minnhom minn fost il-lingwi ta' l-organizzazzjonijiet li jkunu qed jibgħatu u jospitaw jew lingwa Ewropea terza. Fil-każ ta' lingwa terza, ir-responsabbiltà għat-traduzzjoni taqa' fuq l-organizzazzjoni li tkun qed tibgħat.

1.4.

L-Europass-Mobility jinkludi data personali (ara l-paragrafu 2 hawn taħt). L-isem tal-persuna li hija mogħtija l-Europass-Mobility huwa l-uniku datum personali obbligatorju. L-organizzazzjonijiet li jimlew l-Europass-Mobility jistgħu jimlew biss is-sezzjonijiet l-oħra dwar data personali jekk il-persuna konċernata taqbel ma' dan.

Il-sezzjoni “Kwalifiki” mhijiex obbligatorja billi mhux l-inizjattivi kollha ta' edukazzjoni u taħriġ iwasslu għal kwalifika uffiċjali.

Kwalunkwe arranġament biex jimtela d-dokument Europass-Mobility b'mod elettroniku – imniżżel mill-Internet jew on line – għandu jippermetti li titneħħa kwalunwe sezzjoni li ma ġietx mimlija biex hekk ma tidher l-ebda sezzjoni vojta fuq l-iskrin jew fil-verżjoni stampata.

1.5.

Iċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass huwa responsabbli biex jiżgura li:

id-dokumenti ta' l-Europass-Mobility huma maħruġa biss biex jiġu reġistrati l-passaġġi Ewropej fit-tagħlim,

id-dokumenti kollha ta' l-Europass-Mobility huma mimlija fil-forma elettronika,

id-dokumenti kollha tal-Europass-Mobility huma wkoll mogħtija lit-detenturi tagħhom fuq il-karta, bl-użu ta' folder prodott speċifikament b'koperazzjoni mal-Kummissjoni.

1.6.

Skond l-Artikolu 12(e) ta' din id-Deċiżjoni, fl-amministrazzjoni ta' l-Europass-Mobility, b'mod partikolari fil-forma elettronika tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza huma rispettati bis-sħiħ.

2.   Format komuni ta' l- Europass-Mobility

Fil-kaxxa hawn taħt huma indikati l-istruttura u t-test ta' l-Europass-Mobility. Il-preżentazzjoni tal-formola stampata u dik elettronika, kif ukoll xi modifiki ta' l-istruttura u tat-test, jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Kull element testwali huwa numerat, biex it-tfittxija tiegħu fi glossarju multilingwistiku tkun faċilitata. It-test fil-korsiv huwa maħsub sabiex iservi ta' għajnuna biex jimtela d-dokument. L-oqsma mmarkati bi stilla (*) mhumiex obbligatorji.

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS IV

SUPPLIMENT TA' L-EUROPASS GĦAD-DIPLOMA

1.   Deskrizzjoni

1.1.

Is-Suppliment ta' l-Europass għad-Diploma (DS) huwa dokument li jiġi mehmuż ma' diploma ta' edukazzjoni għolja, sabiex issir iktar faċli għal terzi persuni – partikolarment persuni f'pajjiż ieħor – li jifhmu xi tfisser id-diploma f'termini ta' konoxxenza u kompetenzi miksuba mid-detentur tagħha.

Għal din il-fini, id-DS tiddeskrivi n-natura, il-livell, il-kuntest, il-kontenut u l-istatus ta' l-istudji segwiti u kompletati b'suċċess mill-individwu li huwa d-detentur tad-diploma oriġinali li magħha hu mehmuż id-DS. Huwa għalhekk dokument personali, li jirreferi għad-detentur speċifiku tiegħu.

1.2.

Id-DS ma jieħux post id-diploma oriġinali u ma jagħti ebda dritt għal rikonoxximent formali tad-diploma oriġinali mill-awtoritajiet akkademiċi ta' pajjiżi oħra. Min-naħa l-oħra, jiffaċilita valutazzjoni tajba tad-diploma oriġinali, sabiex b'hekk jista' jkun ta' għajnuna biex jinkiseb rikonoxximent mill-awtoritajiet kompetenti jew mill-persunal li jieħu ħsieb l-ammissjoni f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja.

1.3.

Id-DS huwa maħruġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti skond mudell li ġie żviluppat, kif ukoll eżaminat u pperfezzjonat, minn grupp ta' ħidma konġunt kompost mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Kunsill ta' l-Ewropa u mill-UNESCO. Il-mudell tad-DS huwa disponibbli fil-lingwi uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Huwa għodda flessibli u mhux preskrittiva, hu maħsub għal skopijiet prattiċi, jista' jiġi adattat għall-ħtiġijiet lokali u huwa suġġett għal reviżjonijiet regolari.

1.4.

Id-DS jinkludi tmien sezzjonijiet, li jidentifikaw id-detentur tal-kwalifika (1) u l-kwalifika nnifisha (2), jagħtu informazzjoni dwar il-livell tal-kwalifika (3), dwar il-kontenut u r-riżultati miksuba (4), u dwar il-funzjoni tal-kwalifika (5), jippermettu iktar informazzjoni (6), jiċċertifikaw is-Suppliment (7); u, finalment, jagħtu informazzjoni dwar is-sistema nazzjonali ta' edukazzjoni għolja (8). L-informazzjoni għandha tiġi provduta fit-tmien sezzjonijiet kollha. Fejn l-informazzjoni mhijiex provduta għandha tingħata spjegazzjoni. L-istituzzjonijiet għandhom japplikaw għad-DS l-istess proċeduri ta' awtentikazzjoni applikati għall-kwalifika nnifisha.

1.5.

Skond l-Artikolu 12(e) ta' din id-Deċiżjoni, fl-amministrazzjoni tad-DS, b'mod partikolari fil-forma elettronika tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza huma rispettati bis-sħiħ.

2.   Struttura komuni tad-DS

Fil-kaxxa ta' hawn taħt huwa indikat il-mudell komuni, u li ma jorbotx, ta' l-istruttura u tat-test tad-DS. Il-preżentazzjoni kemm tal-formola stampata kif ukoll tal-formola elettronika tiġi mifthema ma' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS V

Il-PORTAFOLL LINGWISTIKU TA' L-EUROPASS

1.   Deskrizzjoni

1.1.

Il-Portafoll Lingwistiku ta' l-Europass (LP), żviluppat mill-Kunsill ta' l-Ewropa, huwa dokument li dawk li qegħdin jitgħallmu l-lingwi jistgħu jirreġistraw fih it-tagħlim lingwistiku u l-esperjenzi u l-kompetenzi kulturali tagħhom.

1.2.

L-LP għandu żewġ funzjonijiet: dik pedagoġika u dik rapportattiva.

Fir-rigward ta' l-ewwel funzjoni, id-dokument huwa mfassal biex isaħħaħ il-motivazzjoni ta' dawk li qed jitgħallmu il-lingwi biex itejbu l-abbiltà tagħhom li jikkomunikaw f'lingwi differenti u biex isegwu tagħlim ġdid u esperjenzi interkulturali. Id-dokument huwa maħsub sabiex jgħin lil dawk li qed jitgħallmu biex jirriflettu fuq l-għanijiet tagħhom ta' tagħlim, jippjanaw it-tagħlim tagħhom u jitgħallmu b'mod awtonomu.

Fir-rigward tal-funzjoni rapportattiva tiegħu, l-għan ta' l-LP huwa li jiddokumenta l-profiċjenza lingwistika tad-detentur b'mod komprensiv, informattiv, trasparenti u affidabbli. Dan jgħin lil min qed jitgħallem biex jiżen il-livelli ta' kompetenza li laħaq f'lingwa barranija waħda jew iktar u jgħinu biex jinforma lill-oħrajn b'mod dettaljat u internazzjonalment komparabbli. Kull kompetenza tingħata valur, irrispettivament jekk tkunx inkisbet fl-ambitu ta' l-edukazzjoni formali jew le.

1.3.

L-LP fih:

passaport lingwistiku li d-detentur jaġġorna regolarment. Is-sid jiddeskrivi/tiddeskrivi l-kapaċitajiet lingwistiċi tiegħu jew tagħha, skond kriterji komuni aċċettati fl-Ewropa kollha,

bijografija lingwistika dettaljata tiddeskrivi l-esperjenzi tat-detentur f'kull lingwa,

dossier li fih jinżammu eżempji ta' xogħol personali biex juru l-kapaċitajiet lingwistiċi.

Il-Portafoll Lingwistiku ta' l-Europass huwa l-proprjetà ta' min qed jitgħallem.

1.4.

Sar ftehim dwar sett ta' prinċipji u linji gwida komuni għall-Portafolli kollha. L-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa qegħdin jiżviluppaw mudelli differenti skond l-età ta' min qed jitgħallem u l-kuntest nazzjonali. Il-mudelli kollha għandhom ikunu konformi ma' prinċipji miftehma u għandhom ikunu approvati mill-Kumitat Ewropew ta' Validazzjoni sabiex jintuża l-logo tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Qed jingħata mudell hawn taħt għall-passaport lingwistiku, li huwa s-sezzjoni tal-Portafoll li trid timtela skond struttura definita.

1.5.

Skond l-Artikolu 12(e) ta' din id-Deċiżjoni, fl-amministrazzjoni tal-LP, b'mod partikolari fil-forma elettronika tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri xierqa mill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li d-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti dwar l-ipproċessar ta' data personali u l-protezzjoni tal-privatezza huma rispettati bis-sħiħ.

2.   Struttura komuni tas-sezzjoni tal-LP

Fil-kaxxa hawn taħt huwa indikat il-mudell komuni u mhux obbligatorju ta' l-istruttura u tat-test tas-sezzjoni tal-Passaport Lingwistiku tal-LP. Il-preżentazzjoni kemm tal-formola stampata kif ukoll ta' dik elettronika tiġi mifthema ma' l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali.

(Logo ta' l-Europass)

PASSAPORT LINGWISTIKU

Profil ta' Kompetenzi Lingwistiċi

Image

Test ta 'immaġni

Sommarju ta' tagħlim lingwistiku u ta' esperjenzi interkulturali

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS VI

IS-SUPPLIMENT TA' L-EUROPASS GĦAĊ-ĊERTIFIKAT

1.   Deskrizzjoni

1.1.

Is-Suppliment ta' l-Europass għaċ-Ċertifikat (CS) huwa dokument mehmuż ma' ċertifikat vokazzjonali, sabiex ikun iktar faċli għal terzi persuni – partikolarment persuni f'pajjiż ieħor – li jifhmu xi jfisser iċ-ċertifikat f'termini ta' kompetenzi miksuba mid-detentur tiegħu.

Għal din il-fini, is-CS jipprovdi informazzjoni dwar:

il-kapaċitajiet u l-kompetenzi miksuba,

il-firxa ta' okkupazzjonijiet aċċessibli,

il-korpi ta' għoti u ta' akkreditazzjoni,

il-livell taċ-ċertifikat,

il-modi differenti kif jista' jinkiseb iċ-ċertifikat,

ir-rekwiżiti għad-dħul u l-opportunitajiet ta' aċċess għal-livell ta' edukazzjoni li jkun imiss.

1.2.

Is-CS ma jieħux post iċ-ċertifikat oriġinali u ma jagħti ebda dritt għal rikonoxximent formali taċ-ċertifikat oriġinali mill-awtoritajiet ta' pajjiżi oħra. Min-naħa l-oħra, jiffaċilita valutazzjoni tajba taċ-ċertifikat oriġinali, sabiex b'hekk jista' jkun ta' għajnuna biex jinkiseb ir-rikonoxximent mill-awtoritajiet kompetenti.

1.3.

Is-CSs huma prodotti mill-awtoritajiet kompetenti fuq il-livell nazzjonali u maħruġa liċ-ċittadini li jkollhom iċ-ċertifikat korrispondenti skond il-proċeduri miftehma fuq il-livell nazzjonali.

2.   Struttura komuni tas-CS

Fil-kaxxa hawn taħt huwa indikat il-mudell komuni ta' l-istruttura u tat-test tas-CS. Il-preżentazzjoni tal-formola stampata kif ukoll ta' dik elettronika, kif ukoll kwalunkwe modifiki ta' l-istruttura u tat-test, jiġu miftehma bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS VII

SISTEMA TA' INFORMAZZJONI

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkoperaw sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini individwali jistgħu jimlew, permezz ta' l-Internet, is-CV ta' l-Europass tagħhom u kwalunkwe dokument ieħor ta' l-Europass li mhux neċessarjament jinħareġ minn korpi awtorizzati.

Id-dokumenti kollha ta' l-Europass maħruġa minn korpi awtorizzati huma mimlija fil-forma elettronika u mqegħda għad-dispożizzjoni tad-detenturi tagħhom. Filwaqt li l-għażla ta' l-istrument teknoloġiku adegwat għandha ssir b'koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti b'kont meħud ta' l-iktar teknika moderna u tas-sistemi nazzjonali eżistenti, il-karatteristiċi mniżżla hawn taħt għandhom jiġu żgurati.

1.   Prinċipji ta' tfassil

Sistema miftuħa. Is-sistema ta' informazzjoni ta' l-Europass għandha tiġi żviluppata b' kont meħud ta' l-opportunità għal żviluppi fil-ġejjieni, b'riferenza partikolari għall-inklużjoni ta' dokumenti ulterjuri fil-qafas ta' l-Europass u għall-integrazzjoni mas-servizzi ta' informazzjoni dwar opportunitajiet ta' xogħol u ta' tagħlim.

Interoperabbiltà. Il-partijiet tas-sistema ta' informazzjoni ta' l-Europass amministrati fuq livell nazzjonali fil-pajjiżi differenti għandhom ikunu interoperabbli b'mod sħiħ ma' xulxin u mal-partijiet amministrati fuq il-livell Komunitarju.

2.   Amministrazzjoni tad-dokumenti u aċċess għalihom

2.1.

Id-dokumenti ta' l-Europass kollha maħruġa minn korpi awtorizzati għandhom jimtlew fil-forma elettronika skond il-proċeduri miftehma bejn il-korpi li joħorġuhom u ċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass u b'mod konformi mal-proċeduri miftehma fuq il-livell Ewropew.

2.2.

Is-CV ta' l-Europass u kwalunkwe dokument ieħor ta' l-Europass li mhux neċessarjament jinħareġ minn korpi awtorizzati għandhom ikunu disponibbli wkoll fil-forma elettronika.

2.3.

Iċ-ċittadini ikollhom id-dritt:

li jimlew, permezz ta' l-Internet, is-CV ta' l-Europass tagħhom u kwalunkwe dokument ieħor ta' l-Europass li mhux neċessarjament jinħareġ minn korpi awtorizzati,

li jistabbilixxu, jaġġornaw u jneħħu links bejn is-CV ta' l-Europass tagħhom u d-dokumenti l-oħra ta' l-Europass tagħhom,

li jehmżu kwalunkwe dokumenti oħra li jsostnu d-dokumenti ta' l-Europass tagħhom,

li jistampaw totalment jew parzjalment l-Europass tagħhom u l-annessi tiegħu, jekk jeżistu.

2.4.

Aċċess għal dokumenti, inkluża data personali, għandu jingħata biss lill-persuna konċernata, konformement mad-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali rilevanti dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza.


ANNESS VIII

ANNESS FINANZJARJU

1.

In-nefqa hija maħsuba għall-kofinanzjament ta' l-implimentazzjoni fuq il-livell nazzjonali u biex tkopri ċerti spejjeż magħmula fuq il-livell Komunitarju fir-rigward tal-koordinazzjoni, tal-promozzjoni u tal-produzzjoni ta' dokumenti.

2.

Is-sostenn finanzjarju Komunitarju għal attivitajiet ta' implimentazzjoni nazzjonali għandu jiġi provdut permezz ta' għotjiet operattivi ta' kull sena liċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Europass.

Iċ-Ċentri Nazzjonali ta' l-Europass għandhom jiġu stabbiliti bħala persuni ġuridiċi u ma għandhomx jirċievu kwalunkwe għotja operattiva oħra mill-budget tal-Komunità.

2.1.

L-għotjiet għandhom jingħataw wara approvazzjoni ta' programm ta' ħidma relatat ma' l-attivitajiet imniżżla fl-Artikolu 11 ta' din id-Deċiżjoni u bbażati fuq termini speċifiċi ta' riferenza.

2.2.

Ir-rata ta' kofinanzjament ma għandhiex taqbeż il-50 % ta' l-ispejjeż totali ta' l-attivitajiet relevanti.

2.3.

Fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista' tirrikorri għal esperti u għal organizzazzjonijiet li joffru għajnuna teknika, li l-finanzjament tagħha jista' jiġi provdut fil-qafas finanzjarju ġenerali ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista' torganizza seminars, colloquia jew tali laqgħat oħra ta' esperti li jistgħu jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u tista' tieħu azzjonijiet xierqa ta' informazzjoni, pubblikazzjoni u disseminazzjoni.